RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta' Manteniment

12.11.2009 - (COM(2009)0081 – C6-0101/2009 – 2009/0023(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Diana Wallis

Proċedura : 2009/0023(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0062/2009
Testi mressqa :
A7-0062/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta' Manteniment

(COM(2009)0081 – C6-0101/2009 – 2009/0023(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2009)0081),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 61(c) u 300(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0101/2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7‑0062/2009),

1.  Japprova l-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Protokoll tal-Aja dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi tal-Manteniment ġie konkluż fit-23 ta’ Novembru 2007. Il-għan tiegħu hu li jimmodernizza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-24 ta’ Ottubru 1956 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment Lejn it-Tfal u l-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment u li jiżviluppa regoli ġenerali dwar liġi applikabbli li jistgħu jissupplementaw il-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali tal-Appoġġ għat-Tfal u Forom Oħra ta' Manteniment tal-Familja[1]. Il-għan ewlieni tal-armonizzazzjoni tar-regoli tal-liġijiet applikabbli huwa li persuna li jkun dovut lilha l-manteniment (“il-kreditur”) tkun tista’ taġixxi bil-konoxxenza sħiħa tal-fatti, mingħajr ma tkun soġġetta għal sistemi nazzjonali diversi. Il-Protokoll jipprova jsib bilanċ bejn id-drittijiet tal-kreditur tal-manteniment u tad-debitur.

Il-Protokoll jiddetermina l-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn xi relazzjoni ta’ familja, nisel, żwieġ jew parentela, inkluż kwalunkwe obbligu ta' manteniment fil-konfront ta' wild jkun xi jkun l-istatus maritali tal-ġenituri (Artikolu 1(1)).

Bħala regola ġenerali, l-obbligi ta' manteniment se jiġu rregolati mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur (Artikolu 3 (1)). Imma regoli speċjali jipprovdu ħarsien għall-kreditur tal-manteniment f'sitwazzjonijiet fejn hu jew hi ma jistgħux jottjenu l-manteniment taħt il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu/tagħha (Artikolu 4).

Fil-każ ta' manteniment bejn il-konjuġi, waħda mill-partijiet tista' titlob l-applikazzjoni tal-liġi ta' Stat ieħor li għandu konnessjoni eqreb maż-żwieġ (Artikolu 5). Regola speċjali dwar id-difiża tagħti lid-debitur il-possibilità, f'ċerti ċirkostanzi, li jikkontesta talba għall-manteniment abbażi r-raġuni li ma hemm l-ebda obbligu bħal dan kemm taħt il-liġi tal-Istat fejn jirresjedi abitwalment id-debitur kif ukoll taħt il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità komuni tal-partijiet, jekk għandhom tali nazzjonalità (Artikolu 6). Finalment, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għal talba ta’ manteniment jew għall-finijiet ta' proċediment partikolari (Artikolu 7) jew inġenerali (Artikolu 8).

L-applikazzjoni tal-liġi determinata skont il-Protokoll tista' tiġi rrifjutata safejn biss ikollha effett manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku ta' dik il-ġuriżdizzjoni (Artikolu 13). Meta jkun qed jiġi determinat l-ammont ta' manteniment, iridu jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-kreditur u r-riżorsi tad-debitur, anki jekk il-liġi applikabbli tiddisponi mod ieħor (Artikolu 14).

L-Artikolu 24 tal-Protokoll jagħmilha possibbli li l-Komunità Ewropea bħala Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika ssir waħda mill-partijiet.

Ir-relevanza partikulari tal-Protokoll hija li l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, l-għarfien u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-koperazzjoni fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-obbligi tal- manteniment jipprovdi li l-liġi applikabbli għall-obbligi tal-manteniment għandhom ikunu determinati skont il-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 fl-Istati Membri marbuta b’dan l-istrument. Skont il-premessa 20 tal-preambolu tar-Regolament, għal dawk l-Istati Membri marbutin bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, ir -regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet fir-rigward tal-obbligi ta’ manteniment se jkunu dawk li hemm previsti f’dak il-Protokoll. Għal dan il-għan, jeħtieġ li tiddaħħal dispożizzjoni li tagħmel referenza għall-imsemmi Protokoll. Il-Protokoll tal-Aja tal-2007 ser jiġi konkluż mill-Komunità kmieni biżżejjed biex tkun possibbli l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-Renju Unit għażel li ma jipparteċipax fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll mill-Komunità. Għall-finijiet tar-rikonoxximent, tal-infurzabbiltà u tal-infurzar tad-deċiżjonijiet, ir-Regolament jagħmel distinzjoni bejn l-Istati Membri li huma marbutin bil-Protokoll tal-Aja tal-2007 u dawk li mhumiex. Dan ifisser li l-abolizzjoni tal-exequatur li ddaħħlet mir-Regolament mhix se tkun tapplika għar-Renju Unit.

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 4/2009 isir applikabbli jew fit-18 ta’ Ġunju 2011 jew mid-data tal-applikazzjoni tal-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment.

Konklużjoni

Minħabba l-ħtieġa ċara li l-Komunità tikkonkludi l-Protokoll u b’kunsiderazzjoni għall-bidliet magħmula mill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill lill-proposta tal-Kummissjoni, ir-rapporteur tfaħħar u tirrakkomanda bla riserva din il-proposta lill-Parlament filwaqt li tesprimi d-dispjaċir tagħha għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jipparteċipax fiha.

PROĊEDURA

Titolu

Protokoll dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi fir-rigward tal-ikel

Referenzi

COM(2009)0081 – C6-0101/2009 – 2009/0023(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

20.3.2009

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

19.10.2009

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

19.10.2009

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

LIBE

2.9.2009

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Diana Wallis

2.9.2009

 

 

Eżami fil-kumitat

6.10.2009

 

 

 

Data tal-adozzjoni

10.11.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Jiří Maštálka, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Diana Wallis, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Edit Herczog, Edvard Kožušník, Kurt Lechner

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sajjad Karim

Data tat-tressiq

13.11.2009