RAPPORT dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali
2.2.2010 - (2009/2174(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur għal opinjoni: Leonardo Domenici
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Promozzjoni ta' Governanza Tajba fi Kwistjonijiet Fiskali (COM(2009)0201),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2006 dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (COM(2006)0254),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Settembru 2008 dwar il-ħtieġa ta' strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa,[1]
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2005 dwar il-Kontribut ta' Politiki ta' Tassazzjoni u Dwana għall-istrateġija ta' Liżbona (COM(2005)0532),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawża C-255/02 tal-21 ta' Frar 2006 (Halifax et al. v. Commissioners of Customs & Excise) li fiha l-Qorti ddeċidiet li l-Sitt Direttiva tal-VAT (Direttiva 77/388/KEE) tipprekludi d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas l-input VAT imħallsa meta t-tranżazzjonijiet li jagħtu lok għal dan id-dritt jikkostitwixxu prattika abbużiva,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawża C-524/04 tat-13 ta’ Marzu 2007 (Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation v. Commissioners of Inland Revenue), li fiha l-Qorti ddeċidiet li l-Artikolu 43 tat-Trattat KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirristrinġi d-dritt ta’ ħolqien ta’ skema korporattiva purament artifiċjali għal raġunijiet ta’ tassazzjoni biss,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li fihom il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2008 dwar kwistjonijiet fiskali marbuta ma’ ftehimiet li għandhom jiġu ffirmati mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha ma’ pajjiżi terzi,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 għal direttiva tal-Kunsill biex temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mit-tfaddil taħt forma ta' pagamenti ta' mgħax (COM(2008)0727),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2009 għal Direttiva tal-Kunsill dwar koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (COM(2009)0029),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2009 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra (COM(2009)0028),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2009 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/.../KE (COM(2009)0207),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati għal Ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Prinċipat ta' Andorra, il-Prinċipat ta' Monaco u r-Repubblika ta' San Marino, fuq in-naħa l-oħra, sabiex jaffrontaw il-frodi u attività oħra illegali li huma ta' dannu għall-interessi finanzjarji tagħhom u sabiex tiġi żgurata koperazzjoni amministrattiva permezz ta' skambju ta' informazzjoni rigward kwistjonijiet fiskali u sabiex il-Kummissjoni tkun awtorizzata biex tibda neguzjati għal Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq in-naħa l-oħra, sabiex jaffrontaw frodi fiskali diretta u evażjoni diretta ta' taxxa u sabiex tkun żgurata koperazzjoni amministrattiva permezz ta' skambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet fiskali (SEC(2009)0899),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-G-20 maħruġa wara s-Samit dwar is-Swieq Finanzjarji u l-Ekonomika Dinjija li sar f'Washington fil-15 ta' Novembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza li nħarġu wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tad-19 u tal-20 ta' Marzu 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-G-20 wara s-Samit li għamlu dwar il-Pjan Globali għall-Irkupru u r-Riforma li sar f'Londra fit-2 ta' April 2009,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill li nħarġu wara l-laqgħat tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2009 u tal-20 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza li nħarġu wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-18 u tad-19 ta' Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa mill-Ministri tal-Finanzi tal-G8 f'Lecce, l-Italja, fit-13 ta' Lulju 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G-20 maħruġa wara l-laqgħa f’Pittsburgh fil-24 u l-25 ta’ Settembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-US Government Accountability Office (2007), ir-rapport tal-British National Audit Office (2008) u r-rapport tal-the Conseil des Prélèvements Obligatoires (2009) li jinnutaw, inter alia, li madwar terz minn fost l-akbar korporazzjonijiet tar-Renju Unit ma ħallsu ebda taxxa fl-2005 u fl-2006, li madwar 25% ta' dawk il-kumpanji tal-Istati Uniti b'assi li jiswew aktar minn 250 miljun USD, jew dħul ta' aktar minn 50 miljun USD fis-sena, naqsu wkoll milli jħallsu ebda taxxa bejn 1998 u l-2005, u li l-akbar korporazzjonijiet Franċiżi attwalment iħallsu taxxa ta' 8% fuq benefiċju reali medji, filwaqt li r-rata tat-taxxa uffiċjali hija ta' 33%,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0007/2010),
A. billi hemm kunsens globali fl-UE u fil-livell internazzjonali li governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni tfisser trasparenza, skambju ta' informazzjoni u kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni,
B. billi nuqqas ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali jinkuraġġixxi l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxi u għandu konsegwenzi serji għall-baġits nazzjonali u s-sistemi ta' riżorsi tal-Unjoni Ewropea, li huwa stmat li jiswa lill-UE sa 2.5% tal-PDG kull sena; billi negozji onesti jinsabu fi żvantaġġ kompettittiv minħabba l-frodi fiskali; billi l-governanza tajba fi kwistjonijiet ta' taxxi għandha tirriżulta filli jkun hemm aktar riżorsi disponibbli għall-Istati Membri tal-UE u għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;
C. billi l-globalizzazzjoni qed tagħmel aktar diffiċli l-ġlieda kontra l-frodi fiskali fil-livell internazzjonali, u s-27 Stati Membri tal-UE bid-differenzi maġġuri tagħhom huma affettwati b'mod partikulari; billi dawn il-fatturi jeżiġu b'mod qawwi koperazzjoni internazzjonali mtejba fi ħdan l-UE u fil-livell internazzjonali sabiex ikun żgurat li din tkun effettiva;
D. billi l-evitar tat-taxxi u l-evażjoni tat-taxxi fil-livell internazzjonali jikkostitwixxu ostaklu serju sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,
E. billi għadd sinifikattiv ta' kumpaniji multinazzjonali ġew strutturati b'mod li jiksbu vantaġġ mill-evitar tat-taxxi fil-ġurisdizzjonijiet differenti li fihom joperaw; billi trattament differenzjali fil-ġurisdizzjonijiet differenti jiffavorixxi intrapriżi li huma kbar, internazzjonali jew stabbiliti sew, aktar milli lil dawk li huma żgħar, domestiċi jew li huma ġodda (għadhom jibdew);
F. billi l-abilità ta' kumpaniji multinazzjonali li jagħmlu użu estensiv ta' rifuġji fiskali u ċentri offshore bħala parti mill-istrateġiji ta' evitar ta' taxxi hija f'kunflitt mal-prinċipju ta' kompetizzjoni ġusta u responsabbiltà korporazzjonali;
G. billi r-rifuġji fiskali huma f'kunflitt mal-prinċipji ta' solidarjetà, ġustizzja u ridistribuzzjoni; billi f'ekonomija globalizzata, numru sinifikattiv ta' kumpaniji multinazzjonali jużaw is-setgħa tagħhom sabiex jagħmlu pressjoni fuq il-gvernijiet, b'mod partikulari fuq gvernijiet ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, sabiex inaqqsu r-rati tat-taxxi u jipprovdu inċentivi fiskali biex jattiraw l-investiment; billi fil-prattika dan għadda l-piż tat-taxxi għal fuq il-ħaddiema u l-familji bi dħul baxx u sforza tnaqqis fis-servizzi pubbliċi li huwa ta' ħsara għalihom;
H. billi attwalment il-Kunsill qiegħed jittratta għadd ta' proposti leġiżlattivi importanti dwar it-tassazzjoni fuq it-tfaddil, il-koperazzjoni amministrattiva u dwar assistenza reċiproka għall-irkupru tat-taxxi; billi t-tisħiħ ta' governanza tajba rigward taxxi fi ħdan l-UE tipprovdi bażi politika u morali li minn fuqha tista' tintalab governanza tajba rigward taxxi minn pajjiżi terzi;
I. billi l-adozzjoni tal-General Anti-Avoidance Principles (GAAP) jagħtu lill-awtoritajiet fiskali l-poter li jikkunsidraw jekk l-iskop prinċipali ta' transazzjoni partikulari jkunx l-evitar jew it-tnaqqis tal-piż tat-taxxi, u jekk dan ikun il-każ, li jiġu imposti taxxi addizzjonali sabiex ipattu għal dan l-evitar jew tnaqqis;
J. billi pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ta' spiss m'għandhomx il-leġittimità jew l-awtorità li jintaxxaw iċ-ċittadini tagħhom stess, preċiżament minħabba governanza dgħajfa ta' taxxi; billi fil-formulazzjoni tal-politika tagħha għall-governanza tat-taxxi, l-UE trid tikkunsidra l-problemi speċifiċi li pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jiffaċċjaw, u trid tipprovdi appoġġ biex dawn jingħelbu;
K. billi l-isforzi konġunti tal-G-20 u tan-NU, flimkien mal-isforzi fi ħdan il-qafas tal-inizjattivi mmexxija mill-OECD, ipproduċew xi riżultati promettenti fil-qasam tal-governanza tat-taxxi; billi dawk ir-riżultati għad m'humiex suffiċjenti biex jeħduha mal-isfidi li jippreżentaw ir-rifuġji fiskali u ċ-ċentri offshore u jeħtieġ li jkunu segwiti b'azzjoni deċiżiva, effettiva u konsistenti;
L. billi l-OECD attwalment tevalwa li kapital privat akkumulat f'rifuġji fiskali jammonta għal kważi USD 1 000 000 000 000 (biljun), ċifra li hija ħames darbiet akbar milli kienet għoxrin sena ilu; billi aktar minn miljun kumpanija, b'mod partikulari fl-Istati Uniti u l-Istati Membri tal-UE, għandhom l-uffiċċju ta' reġistrazzjoni tagħhom f'pajjiżi fejn jinsabu rifuġji fiskali bħal dawn,
M. billi hemm evidenza li l-kriżi finanzjarja ġiet determinata sa ċertu punt minn tipi ġodda ta' strumenti finanzjarji kumplessi u derivattivi mqiegħda, fil-parti l-kbira tagħhom, f’fondi li jinsabu f'ġurisdizzjonijiet ta’ segretezza; billi r-rifuġji tat-taxxa jinkludu prodotti finanzjarji kumplessi li jikkawżaw instabilità finanzjarja u ħafna istituzzjonijiet finanzjarji kellhom responsabilitajiet li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ, li jinsabu f’rifuġji tat-taxxa; billi l-kriżi finanzjarja ġenerali xeħtet dawl ġdid fuq il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' governanza tajba tat-taxxi u enfasizzat ir-riskji assoċjati ma' ġurisdizzjonijiet xejn ċari;
N. billi 5% biss ta' klejms ta' taxxi transkonfinali huma rkuprati fl-Unjoni Ewropea,
Oppuntunità li trid tinħataf
1. Jikkundanna bil-qawwa r-rwol li għandhom ir-rifuġji fiskali fl-inkoraġġiment u l-esplojtazzjoni tal-evitar tat-taxxa, tal-evażjoni tat-taxxa u tal-ħruġ ta’ kapital mill-pajjiżi; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jagħmlu l-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħruġ illegali ta’ kapital prijorità ewlenija; jitlob lill-UE sabiex iżżid l-azzjoni tagħha u sabiex tieħu miżuri immedjati konkreti - bħalma huma sanzjonijiet - kontra rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħruġ illegali ta' kapital;
2. Iqis li governanza tajba tat-taxxi, mifhuma li tfisser trasparenza, skambju ta' informazzjoni fil-livelli kollha, koperazzjoni transkonfinali effettiva u kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni, hija element kruċjali fir-rikostruzzjoni tal-ekonomija globali wara l-kollass finanzjarju tal-2008;
3. Ifakkar, f’dan il-kuntest, li huwa ta’ importanza ewlenija li jintemm l-użu ta’ persuni ġuridiċi artifiċjali bħala mod kif tiġi evitata t-tassazzjoni; isostni wkoll li minflok segretezza bankarja, l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni għandha tkun il-prassi prevalenti fiċ-ċirkustanzi kollha u fil-pajjiżi kollha tal-UE u t-territorji dipendenti; jilqa’ b’sodisfazzjon f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, għaliex, inter alia, testendi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri biex tkopri t-taxxi ta' kwalunkwe tip, tabolixxi s-segretezza bankarja, u tistabbilixxi l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bħala regola ġenerali;
Fil-livell tal-UE
4. Ifakkar li l-Parlament ta l-pożizzjioni tiegħu lill-Kunsill dwar emendi għad-Direttiva 2003/48/KE fejn talab, fost affarijiet oħra, li l-Kunsill itemm id-deroga temporanja li tippermetti li l-Awstrija, il-Belġju u l-Lussemburgu jevitaw l-iskambju ta' informazzjoni billi japplikaw taxxa minn ras il-għajn; iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jadotta id-direttiva li temenda d-Direttiva 2003/48/KE bi qbil mal-pożizzjoni tal-Parlament;
5. Rigward it-tassazzjoni fuq it-tfaddil tal-UE, jilqa' b'sodisfazzjon, bħala l-ewwel pass, l-irtirar tar-riżervi mill-Awstrija, il-Beġju, il-Lussemburgu u l-Iżvizzera għall-Artikolu 26 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, kif ukoll l-approvazzjoni tal-istandards tal-OECD minn Andorra, Monako, Liechtenstein u San Marino; jilqa' d-deċiżjoni tal-Belġju li mill-1 ta' Jannar 2010 jibdel minn sistema ta' ġbir ta' taxxi minn ras il-għajn għal sistema ta' skambju ta' informazzjoni;
6. Jenfasizza t-talba magħmula mill-Parlament, fil-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009, li jiġi estiż b'mod sostanzjali l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/48/KE, b'mod partikolari biex tkopri l-entitajiet legali (speċjalment kumpaniji privati u trusts) u forom varji ta' dħul minn investiment; ifakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/48/KE għandhom jiġu estiżi għal Singapore, Hong Kong, Makao jew ġurisdizzjonijiet oħra bħal Dubai, New Zealand, il-Gana, u ċerti Stati tal-Istati Uniti tal-Amerika li mhumiex marbuta mid-Direttiva 2003/48/KE u li huma għalhekk post favorit għal dawk li jevadu t-taxxa;
7. Iqis li l-kummerċjalizzazzjoni fl-UE ta' fondi alternattivi domiċiljati f'pajjiż terz trid tkun marbuta mar-rispett minn dak il-pajjiż terz ta' standards ta' governanza fiskali tajba, inkluża l-implimentazzjoni effettiva, abbażi ta' regoli legali vinkolanti, tal-prinċipju ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-progress li sar dwar standards ta' governanza tat-taxxa fi ħdan fora internazzjonali bħall-OECD u l-G-20 m'għandux iżomm lura lill-Unjoni Ewropea milli tapplika standards ogħla;
8. Jenfasizza li l-irkupru aħjar tat-taxxi se jkun possibbli permezz ta' implimentazzjoni aktar effiċjenti tal- leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali eżistenti; jenfasizza wkoll madankollu l-bżonn urġenti li jkun hemm aktar sforzi u miżuri li jkollhom l-iskop li jtejbu l-governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali;
9. Ifakkar li l-frodi fiskali marbuta mal-VAT hija kwistjoni ta’ tħassib partikulari għall-funzjonament tas-suq intern peress li għandha impatt transkonfinali dirett, tinvolvi ammonti sostanzjali ta’ telf ta’ dħul u taffettwa direttament il-baġit tal-UE; iħeġġeġ liIl-Kummissjoni sabiex tadotta direttiva ġdida dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u sabiex tiġġieled kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT, waqt li tittieħed kunsiderazzjoni xierqa tal-pożizzjoni tal-Parlament;
Fil-livell internazzjonali
10. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha konċernati sabiex iħaffu l-konklużjoni tal-ftehima kontra l-frodi ma' Liechtenstien; iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jaqbel ma' mandat għall-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehimiet simili ma' Andorra, Monako, San Marino u l-Iżvizzera; jistieden, rigward dan, lill-Istati Membri sabiex jirrevedu l-ftehimiet fiskali bilaterali konklużi ma' pajjiżi terzi;
11. Jitlob għal koperazzjoni ikbar, bħall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn il-pajjiżi, sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru ta' flussi ta' kapital barra l-pajjiż permezz ta' attività illegali għad-detriment tas-suq intern;
12. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta malajr ir-rapport dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2008 li tiġi inkluża klawżola ta' governanza fiskali tajba fil-ftehimiet relevanti konklużi ma' pajjiżi terzi mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha; b'mod partikolari, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu negozjati dispożizzjonijiet dwar governanza tajba kemm fil-kuntest ta' ftehimiet ġenerali jew speċifiċi ma' pajjiżi terzi, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat proċess effettiv ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni tagħhom;
13. Ifakkar, fir-rigward tal-ħidma fuq kompetizzjoni fiskali dannuża skont il-Kodiċi ta' Kondotta għat-Tassazzjoni Kummerċjali, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi jimplimentaw il-Kodiċi b'mod li jkun konsistenti mal-isforzi tagħhom sabiex jippromwovu t-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali;
14. Jilqa' bi pjaċir, bħala l-ewwel pass, il-progress li sar fil-qasam tal-governanza fiskali tajba b'riżultat ta' inizjattivi f'fora internazzjonali oħrajn bħalma huma l-G-20, il-G-8, in-NU u b'mod partikolari fl-OECD; iqis, madankollu, li l-impenji meħuda mill-G-20 sal-lum mhumiex biżżejjed biex jiffaċċjaw l-isfidi ppreżentati mill-evażjoni tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali u ċ-ċentri offshore;
15. Ifakkar li l-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali u l-evażjoni tat-taxxa jkollha suċċess biss jekk l-istess regoli japplikaw għal kulħadd, sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' aktar lakuni legali li permezz tagħhom iseħħ l-abbuż; f'dan il-kuntest, huwa tal-fehma li d-Direttiva 2003/48/KE, li stabbiliet il-prinċipju ta' skambju awtomatiku multilaterali ta' informazzjoni bejn il-pajjiżi, hija pass tajjeb lejn il-ħolqien ta’ qafas globali għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni; jilqa' b’sodisfazzjon, għaldaqstant, il-proposta tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-qafas tad-Direttiva 2003/48/KE;
16. Jitlob li l-OECD u l-Istati Membri jinvolvu lill-Kummissjoni b'mod sħiħ max-xogħol tal-eżerċizzju ta' reviżjoni bejn il-pari tal-Forum Globali, b'mod partikulari fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx, tal-iżvilupp ta' proċess għall-evalwazzjoni ta' konformità u tal-implimentazzjoni ta' kontromiżuri dissważivi sabiex jippromwovu konformità mal-istandards in kwistjoni; iqis, barra minn hekk, li l-qafas tal-OECD għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali mhux sodisfaċenti; jenfasizza l-bżonn li jittejjeb l-indikatur sabiex jinkiseb l-istejtus ta' ġurisdizzjoni koperattiva billi, pereżempju, jingħatalu valur kwalitattiv; jikkritika l-fatt li dan l-indikatur jeżiġi sempliċement li jkunu konklużi 12-il trattat ta' skambju ta' informazzjoni dwar taxxi; f'dan il-kuntest jiddispjaċih li l-iskambju ta' informazzjoni jsir biss meta jintalab, aktar milli jkun rekwiżit obbligatorju u vinkolanti, u barra minn hekk, l-OECD jippermetti lill-gvernijiet li jaħarbu mil-lista s-sewda tagħha sempliċement billi jwiegħdu li se jikkonformaw mal-prinċipji ta' skambju ta' informazzjoni, mingħajr ma jiżguraw li dawn il-prinċipji effettivament jitpoġġew fil-prattika;
Lejn politika ġenwina tal-UE għal governanza fiskali tajba
17. Iqis li hemm bżonn ta' konsistenza u ta' politika ġenwina tal-UE għal governanza fiskali tajba; jemmen li l-kredibiklità tal-Unjoni Ewropea tiddependi, inter alia, mir-rieda tagħha li l-ewwel tagħmel pressjoni fuq ir-rifuġji fiskali fit-territorji tagħha stess bħala eżempju ta' governanza tajba; jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja bir-reqqa, f'dan il-kuntest, l-implimentazzjoni integrali u ta' malajr tal-azzjonijiet stipulati fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali;
18. Iqis, mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-Istati Membri, li l-Kummissjoni għandha tkun inkarigata mit-tfassil u l-formulazzjoni ta' approċċ tal-UE bħal dan u li tingħata r-riżorsi meħtieġa;
19. Jirrakkomanda l-ħolqien ta' sistema xierqa ta' inċentivi għall-irkupru ta' talbiet transkonfinali għall-ħlas tat-taxxa sabiex jiżdied il-livell baxx attwali ta' rkupru ta' 5% billi l-amministrazzjonijiet li jirkupraw talbiet fiskali għan-nom ta' Stat Membru fuq naħa waħda, u l-amministrazzjonijiet rikjedenti fuq in-naħa l-oħra, jiġu remunerati b'mod ġust mid-dħul li jirriżulta mill-ġbir ta' taxxi mhux imħallsa;
20. Rigward l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet ta' taxxi, dazji u miżuri oħrajn, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel stima tan-numru ta' talbiet transkonfinali minn Stati Membri li jridu jiġu rkuprati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u sabiex jiddaħħlu indikaturi kwantitativi sabiex jitkejjel tul iż-żmien il-proġress tal-irkupru transkonfinali;
21. Iqis li l-UE għandha tippromwovi b'mod attiv it-titjib tal-istandards tal-OECD bl-iskop li tagħmel l-iskambju multilaterali awtomatiku ta' informazzjoni bħala r-regola globali; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-UE sabiex tadotta miżuri li jipprevjenju l-abbuż tal-"prinċipju ta' residenza" permezz ta' domiċilju artifiċjali u skemi ta' akkwist li jippermettu li kumpaniji "holding" mingħajr attività jew li kumpaniji "shell" jipproteġu s-sidien benefiċarji milli jħallsu taxxi fil-pajjiż ta' residenza tagħhom; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-UE sabiex tadotta approċċ komuni għall-applikazzjoni ta' miżuri kontra l-abbuż, li għandu jkun effettiv, ġust u allinjat mal-kunċett ta' skemi purament artifiċjali kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja;
22. Iħeġġeġ lill-UE sabiex timplimenta approċċ konsistenti għal governanza fiskali tajba fil-kuntest tal-Politika Ewropea għall-Viċinat, il-politika għat-tkabbir u l-politika għall-koperazzjoni fl-iżvilupp; jenfasizza li l-politika ta’ governanza fiskali għandha tikkontribwixxi b'mod attiv għall-bini ta’ sistemi tat-taxxa sostenibbli u trasparenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari bil-ħsieb li tinqered il-frodi fiskali, li twassal għal telf annwali ta' dħul mit-taxxa li jikkorrispondi għal 10 darbiet l-ammont ta' għajnuna għall-iżvilupp injettat mill-pajjiżi żviluppati; iqis li livell adegwat ta' riżorsi jeħtieġ li jiġi allokat sabiex jiġi sodisfatt dan l-obbligu; ifakkar li governanza fiskali fl-aħħar mill-aħħar tattira l-investiment għaliex tikkontribwixxi għal ċertezza fiskali legali, trasparenza u stabbilità;
23. Jenfasizza l-ħtieġa ta' reviżjoni tal-istandards ta' kontabilità internazzjonaoli attwali bl-iskop li tiżdied it-trasparenza; jitlob f'dan ir-rigward li jkun hemm l-obbligu li tinkixef fil-kontijiet annwali tal-kumpaniji, fuq bażi individwali għal kull pajjiż, l-informazzjoni ta' kontabilità li tirrigwarda r-rifuġji fiskali, u jissuġġerixxi li jkun hemm reġistru pubbliku tal-UE li jelenka l-ismijiet tal-individwi u l-intrapriżi li stabbilew kumpaniji u kontijiet f'rifuġji fiskali, bl-iskop li jinkixfu l-benefiċjarji vera li jinħbew wara l-kumpaniji offshore;
24. Jemfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki tagħhom sabiex iseddqu l-implimentazzjoni ta' regoli kontra l-evitar tat-taxxi;
25. Ifakkar li l-introduzzjoni ta' bażi ta' taxxa komuni u konsolidata għal korporazzjonijiet tgħin biex tittakilja fl-UE t-tassazzjoni doppja u kwistjonijiet rigward prezzijiet ta' trasferiment fi ħdan gruppi konsolidati; rigward dan, jistenna bil-ħerqa li jirċievi l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tmiem din is-sena;
26. Jissuġġerixxi li sabiex jiġu identifikati aħjar transazzjionijiet ta' pprezzar mhux preċiżi u t-tekniki ta' evażjoni li l-aktar jintużaw frekwentament, il-Kummissjoni għandha tipprijoratizza l-applikazzjoni aktar wiesgħa tal-metodu ta' profitti komparabbli, u b'hekk tneħħi l-ambitu tal-ispezzjoni ta' pprezzar ta' trasferiment mill-livell tat-transazzjoni għal dak tal-kumpanija; jinnota li l-metodu ta' profitti komparabbli jiffoka fuq it-tqabbil tad-dħul fost kumpaniji f'kull settur industrijali individwali u li tnaqqis fil-profitti ta' sussidjarja ta' kumpanija multinazzjonali li jkun akbar baxx b'mod sinifikattiv minn dak tal-medja tas-settur in ġenerali, tul iż-żmien jista' jkun xhieda ta' trasferiment ta' pprezzar massiv;
27. Iħeġġeġ lill-UE sabiex teżamina għad ta' possibiltajiet ta' sanzjonijiet u inċentivi biex jippromwovu governanza fiskali tajba, bħal pereżempju imposta speċjali fuq il-movimenti minn u lejn ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx, in-nuqqas ta' rikonoxximent tal-istejtus legali ta' kumpaniji stabbiliti f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, u projbizzjoni li istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE jistabbilixxu jew ikollhom sussidjarji u fergħat f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx;
28. Iqis li l-UE għandha wkoll tiżgura konsistenza fl-implimentazzjoni ta' standards fil-livell tal-UE u l-livell internazzjonali fl-oqsma ta' superviżjoni prudenti, tat-tassazzjoni u l-ħasil ta' flus u tal-kontraterroriżmu;
29. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirraporta lill-Parlament kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-politika għall-governanza fiskali, u li dan għandu jibda f'Ottubru 2010;
0
0 0
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2008)0387.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Il-kuntest
Hemm qbil ġenerali li wieħed jista' jirrimarka li l-kriżi finanzjarja u ekonomika ppromwoviet il-governanza fiskali għal pożizzjoni prominenti u viżibbli ħafna fuq l-aġenda globali. Din mhix si sorpriża meta miljuni ta' ċittadini qed isibuha diffiċli biex jitħabbtu mad-diffikultajiet ta' tbagħtija ekonomika u qed jintalbu jitgħabbew b'taxxi addizzjonali, filwaqt li oħrajn jibqgħu ma jħallsux dak li għandhom iħallsu.
L-Istati Membri tal-UE (fi ħdan l-UE u permezz ta' ftehimiet bilaterali), kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD, jemfasizzaw li t-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet ta' taxxi huma l-bażi għal kompetizzjoni ġusta f'ekonomija globali u piż ġust ta' taxxi għal persuni onesti li jħallsu t-taxxi. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-governanza fiskali hija prikundizzjoni importanti sabiex tinżamm l-integrità tas-swieq finanzjarji. Skont stima tal-OECD fl-aħħar tal-2008, ir-rifuġji fiskali fid-dinja attiraw bejn $5 triljun u $7 triljun f'assi, għalkemm il-grad ta' segretezza rigward dawn il-kontijiet jagħmilha diffiċli li jkun determinat eżatt kemm hemm f'dawn il-ġuriżidizzjonijiet individwali. Għalkemm m'hemmx ċifri indisputabbli dwar l-ammont ta' frodi fiskali fl-UE, il-letteratura ekonomika tistma madankollu li l-ammont huwa ta' bejn 2 u 2.5% tal-PGD fil-livell-tal-UE, jiġifieri, bejn 200 u 250 biljun euro.
2. X'inhi l-governanza fiskali u kif qed tiġi promossa attwalment
Fil-Konklużjonijiet 2008 tal-14 ta' Mejju 2008 l-Kunsill (ECOFIN) iddefinixxa għall-ewwel darba l-governanza fiskali bħala l-prinċipji ta' trasparenza, skambju ta' informazzjoni u kompetizzjoni ġusta tat-taxxi.
Hemm ċirkustanzi u livelli differenti fejn jiġu applikati l-prinċipji ta' governanza fiskali.
Fil-livell tal-UE, il-Kummissarju Kovács iddikjara fl-intervent tiegħu fil-laqgħa tal-Kumitat ECON tas-6 ta' Ottubru 2009 li t-tisħiħ tal-governanza fiskali fl-Unjoni Ewropea "jipprovdi bażi politika u morali li minn fuqha tista' tintalab governanza tajba rigward taxxi minn pajjiżi terzi, mill-imsieħba tagħna barra mill-Komunità." Il-governanza fiskali fil-Komunità attwalment hija s-suġġett ta' tliet proposti leġiżlattivi importanti, li huma:
§ id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Taddil,
§ iż-żewġ direttivi dwar Koperazzjoni Amministrattiva u l-Assistenza Reċiproka għall-Irkupru
L-iskop ta' dawn it-tliet direttivi huwa li jiżgura t-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fiskali effettiv fost l-Istati Membri, kif ukoll koperazzjoni tajba fl-irkupru ta' klejms ta' taxxi.
Id-Direttiva dwar it-Tfaddil tistipula forma speċifika ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni li hija limitata għal ċertu tip ta' tfaddil. Id-Direttiva dwar it-Tfaddil hija apllikazzjoni speċifika tal-prinċipji stipulati fid-Direttiva għal Asssistenza Reċiproka attwali, iżda, bil-kontra ta' din, id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tat-Tfaddil tiżgura, b'ċerta deroga temporanja tul perjodu tranżitorju li l-Istati Membri jiskambjaw awtomatikament informazzjoni li jkollhom il-banekIl-Kummissjoni f'Novembru 2008 ressqet proposta għal riforma tad-Direttiva dwar it-TfaddilL-iskop tar-riforma huwa tneħħi l-lakuni eżistenti u tipprevjeni aħjar l-evażjoni tat-taxxi. Hija għandha wkoll l-iskop li tneħħi d-distorsjonijiet tas-suq bejn prodotti finanzjarji ekwivalenti u li tillimita l-piż amministrattiv fuq l-aġenti tal-pagamenti. Fl-opinjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009, il-Parlament Ewropew appoġġa l-approċċ tal-Kummissjoni u talab li l-perjodu tranżitorju jintemm, hekk li sal-1 ta' Lulju 2014 l-Istati Membri kollha jiskambjaw awtomatikament informazzjoni dwar tfaddil jew prodotti ekwivalenti oħrajn
Illum (Ottubru 2009) il-proposta tinsab quddiem il-Kunsill. Sadanittant seħħew għadd ta' żviluppi:
§ Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tat-Tfaddil, il-Belġju ddeċieda li jaqleb minn tassazzjoni minn ras il-għajn għal skambju awtomatiku ta' informazzjoni mill-1 ta' Jannar 2010.
§ L-Isle of Man iddikjara wkoll li se japplika l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni mill-1 ta' Lulju 2011.
§ Qed jinbdew konsultazzjonijiet inizjali mal-5 pajjiżi Ewropej li mhumiex fl-UE (l-Iżvizzera, Liechtenstein, Monako, San Marino, Andorra) sabiex jittejbu l-ftehimiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea dwar it-tassazzjoni u dħul mit-tfaddil.
§ Inbdew negozjati man-Norveġja li trid tissieħed mal-arranġamenti dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tfaddil.
§ Il-Kummissjoni bdiet taħdidiet ma' Ħong Kong, Macao u Singapore dwar il-possibilità tal-adeżjoni tagħhom mal-arranġamenti dwar it-tassazzjoni fuq it-tfaddil.
Rigward il-proposti dwar il-Koperazzjoni Amministrattiva u l-Assistenza Reċiproka għall-Irkupru, il-Parlament Ewropew qiegħed attwalment jeżaminahom u għandu l-ħsieb li jadotta opinjoni sa kmieni fl-2010. Waħda mill-emendi tal-proposta tipproponi espliċitament li tabolixxi li s-segretezza tal-banek tintuża biex tevita l-iskambju ta' informazzjoni għal skopijiet fiskali bejn amministrazzjonijiet fiskali fl-Istati Membri.
Minbarra dawn it-tliet proposti, il-Kunsill qiegħed ukoll ikompli l-ħidma tiegħu fuq il-bażi għal Pakkett ta' Ħidma rivedut dwar il-Kodiċi ta' Kondotta (Tassazzjoni Kummerċjali) adottat f'Novembru 2008. Il-Grupp ta' Ħidma qabel li jkompli x-xogħol tiegħu fl-oqsma ta' kontra l-abbuż; it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fil-qasam tal-ipprezzar ta' trasferimenti u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi.
Fil-livell internazzjonali, wieħed mill-istrumenti li l-UE tista' tuża biex tippromwovi governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali ma' pajjiżi terzi huwa li tinnegozja magħhom ftehimiet dwar frodi fiskali li jinkludu klawżola dwar l-iskambju ta' informazzjoni. Il-Kummissjoni bdiet negozjati għal ftehima bħal din ma' Liechtenstein li għaddiet minn pożizzjoni ta' nuqqas totali ta' kooperazzjoni għal attitudni ta' koperazzjoni. Issa hu mistenni li Leichtenstein se jaqbel ma' skambju ta' informazzjoni f'każijiet ta' evazjoni ta' taxxi u li jabolixxi s-segretezza tal-banek bħala raġuni għar-rifjut ta' koperazzjoni. Il-Kummissjoni issa għandha tirċievi mandat mill-ECOFIN sabiex tibda diskussjonijiet bħal dawn mal-Iżvizzera, Liechtenstein, Monako, San Marino, u Andorra, l-erba' pajjiżi l-oħrajn li, flimkien ma' Leichenstein, japplikaw arranġamenti simili għal dawk tad-Direttiva dwar it-Taxxi fuq it-Tfaddil. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem attivament sabiex tħeġġeġ l-inklużjoni ta' impenji simili fi ftehimiet bilaterali oħrajn bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.
Inċentivi finanzjarji, li huma disponibbli skont l-10 Fond għall-Iżvilupp Ewropew għal għadd ta' pajjiżi tal-Karibew u tal-Paċifiku, huma wkoll strumenti sabiex iħeġġu l-adozzjoni ta' prinċipji ta' governanza tajba. Il-Kummissjoni ddikjarat li fl-2010 se tagħmel rapport fuq il-progress fl-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki.
Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma involuti fl-istrateġija sponsorjata mill-OECD għall-ġlieda kontra l-evażjoni internazzjonali tat-taxxi. Dan ix-xogħol isir fi ħdan il-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni (GFTEI) li twessgħa reċentement u li dan l-aħħar ħabbar li s-87 pajjiż fil-GFTEI qablu li jadottaw l-istandard tal-OECD dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar taxxa meta jintalab (Artikolu 26 tal-Konvenzjoni mudell tal-2002). Esperti tal-OECD issuġġerew li jkun indikatur tajjeb tal-progress jekk ġurisdizzjoni tkun iffirmat 12-il ftehima dwar skambju ta' informazzjoni li jkunu konformi mal-istandard tal-OECD. Hemm numru importanti ta' pajjiżi li għalkemm kienu kkommettew ruħhom, (uħud ukoll qabel l-2004), s'issa għadhom lanqas iffirmaw ftehima waħda biss li tilħaq l-istandards tal-OECD. Ħong Kong, Macao u Singapore ħabbru li se jipproponu tibdiliet fil-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex ikunu konformi mal-istandard tal-OECD. L-Awstrija, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Iżvizzera rtiraw ir-riżervi tagħhom għall-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni Mudell tal-OECD. Liechtenstein ħabbar fit-12 ta' marzu 2009 li se jibda negozjati formali sabiex jiffirma ftehimiet ta' trasparenza u informazzjoni mar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja. Andorra u Monako wkoll approvaw l-istandards tal-OECD.
Għalkemm s'issa għadhom ma ġewx proposti inċentivi sabiex jiżguraw konformità mal-istandard, il-G-20 fis-samit tat-2 ta' April 2009 elenkaw għadd ta' kontromiżuri li huma possibbli: aktar rekwiżiti ta' żvelar min-naħa ta' min iħallas it-taxi u minn istituzzjonijiet finanzjarji; taxxi minn ras il-għajn; ir-rifju ta' tnaqqisi mit-taxxi fir-rigward ta' ħlas ta' spejjeż; reviżjoni tal-politika tat-trattati fiskali; reviżjoni minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali tal-politiki ta' investiment tagħhom; reviżjoni ta' programmi ta' għajnuna bilaterali. Il-mexxejja tal-G-20 ddikjaraw f'Pittsburg (24/25 ta' Settembru 2009) li minn Marzu 2010 għandhom jibdew jintużaw kontromiżuri kontra rifuġji fiskali.
3. Opinjonijiet rigward aktar azzjoni u messaġġi tar-Rapporteur
Ir-Rapporteur iqis li l-Parlament Ewropew għandu jippromwovi l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bħala standard universali. Sabiex jintlaħaq livell bħal dan ta' governanza tajba, għandhom jiġu esegwiti ċertu numru ta' azzjonijiet, kemm fil-livell tal-UE, u kemm fil-livell internazzjonali.
Fil-livell tal-UE, ir-Rapporteur jinnota li d-dikjarazzjonijiet tal-5 pajjiżi li magħhom l-UE għandha ftehim dwar tfaddil (Monako, l-Iżvizzera, Liechtenstein, Andorra u San Marino) huma pass importanti 'l quddiem sabiex jintemm il-perjodu tranżizzjonali tad-direttiva dwar it-tfaddil li tippermetti li l-Awstria, il-Belġju[1] u l-Lussemburgu japplikaw rata ta' taxxa minn ras il-għajn minflok skambju ta' informazzjoni. Iżda ta' min li wieħed jinnota wkoll li dawn id-dikjarazzjonijiet iridu jiġu segwiti bl-iffirmar ta' ftehimiet li jkunu legalment vinkolanti. Ir-Rapporteur għalhekk qed jitlob li dawn il-ftehimiet jiġu ffirmati malajr u li l-Kunsill jevalwa jekk l-Istati Uniti humiex lesti jimpenjaw ruħhom li tiskambja informazzjoni mal-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, għandhom jitniedu malajr negozjati sabiex jiġi żgurat li Ħong Kong, Macao u Singapore japplikaw ukoll regoli ta' tassazzjoni simili għat-tfaddil.
Ir-Rapporteur iqis ukoll li dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikollhom effett pożittiv fuq il-pożizzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, b'mod partikulari rigward l-irtirar tal-ostaklu tas-segretezza tal-banek għar-residenti fiskali ta' Stati Membri oħrajn. Ir-Rapporteur jemmen li pajjiżi li impenjaw ruħhom għall-iskambju ta' informazzjoni abbażi tal-istandard tal-OECD m'għandhomx ikollhom l-kapaċità, bħala prinċipju, li jimblukkaw l-adozzjoni tal-proposta għal koperazzjoni amministrattiva.
Fil-livell internazzjonali
Ir-Rapporteur iqis li l-partijiet kollha konċernati għandhom iħaffu l-konklużjoni tal-ftehima kontra l-frodi ma' Liechtenstien; iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jaqbel ma' mandat għall-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehimiet simili ma' Andorra, Monako, San Marino u l-Iżvizzera.
Fir-rigward tal-Kodiċi ta' Kondotta (Tassazzjoni Kummerċjali) ir-rapporteur iqis li l-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi għandhom jimplimentaw il-Kodiċi b'mod li jkun konsistenti mal-isforzi tagħhom sabiex jippromwovu t-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali.
L-istess rekwiżit ta' konsistenza għandu japplika għall-Politika Ewropea għall-Viċinat, il-Politika għat-Tkabbir u l-Politika għall-Koperazzjoni fl-Iżvilupp.
Fir-rigward tar-reviżjoni bejn il-pari sponsorjata mill-OECD, l-UE, bħala tali, irid ikollha rwol attiv fi ħdan il-forum permezz tal-parteċipazzjoni u l-input tal-Kummissjoni Ewropea. Wasal iż-żmien li l-UE, flimkien mal-imsieħba tagħha, turi t-tmexxija globali u d-determinazzjoni tagħha billi tiżgura l-inċentivi neċessarji, inklużi s-sanzjonijiet.
F'dan il-kuntest, l-UE jrid ikollha l-istrumenti proprji sabiex tevalwa l-progress fil-kuntest tar-reviżjoni bejn il-pari tal-OECD. Bla ħsara għall-kompetenzi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea għandha tassoċja ruħha b'mod sħiħ mal-eżerċizzju ta' reviżjoni bejn il-pari tal-Forum Globali u tirraporta lill-Kunsill u lill-Parlament sabiex jiġi żgurat li d-dimensjoni tal-UE f'din il-kwistjoni globali tiġi evalwata kif suppost, b'mod partikulari fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, l-evalwazzjoni tal-konformità u l-implimentazzjoni ta' kontromiżuri.
Ir-Rapporteur jibża' li l-iskambju ta' informazzjoni "meta jintalab" u fuq bażi bilaterali jiftħu l-bieb għal interpretazzjoni ristretta tal-istandard tal-OECD. Pereżempju, li l-informazzjoni tingħata biss meta l-ġurisdizzjoni li titlobha jkollha l-isem ta' xiħadd li jħallas it-taxxi li jkun qiegħed taħt suspett, ikun qed imur kontra l-ispirtu tal-istandards tal-OECD. Ir-Rapporteur għalhekk jissuġġerixxi li l-UE tippromwovi attivament titjib fl-istandard tal-OECD sabiex jiġi inkluż l-iskambju multilaterali ta' informazzjoni awtomatiku bħala objettiv li jrid jintlaħaq sal-2014 (tmiem il-leġiżlatura attwali). Dan jimplika wkoll rekwiżiti aktar stretti għal sidien ta' fondi fiduċjarji li jibbenefikaw ultimament u għal kontijiet ta' korporazzjonijiet u sanzjonijiet xierqa.
4. Kwistjonijiet oħrajn
Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni għandha tingħata r-riżorsi neċessarji sabiex tiżgura li titwaqqaf Politka ta' Governanza tat-Taxxi tal-UE sħiħa u kompleta.
- [1] Il-Belġju se jibda l-iskambju ta' informazzjoni mill-1 ta' Jannar 2010.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.1.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 6 10 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sylvie Goulard, Enikő Győri, Liem Hoang Ngoc, Eva Joly, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Werner Langen, Astrid Lulling, Arlene McCarthy, Íñigo Méndez de Vigo, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Danuta Jazłowiecka, Arturs Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts |
|||||