RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku
2.1.2010 - (COM(2009)0436 – C7‑0163/2009 – 2009/0120(NLE)) - ***
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Anna Rosbach
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku
(COM(2009)0436 – C7‑0163/2009 – 2009/0120(NLE))
(Proċedura ta' approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2009)0436),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 175(1) u 300(2) tat-Trattat KE,
- wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7‑0163/2009),
– wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet interistituzzjonali li jinsabu għadejjin" (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 196(2) u 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7‑0009/2010),
1. Japprova l-konklużjoni tal-Protokoll Addizzjonali;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex .....
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni:
Dan il-ftehim jifforma parti minn netwerk ta' ftehimiet reġjonali tal-baħar li l-UE kkonkludiet ma' wħud mill-Istati Membri individwali u l-pajjiżi terzi ġirien. In-netwerk jikkonsisti fil-Konvenzjoni ta' Ħelsinki, il-Ftehim ta' Bonn, il-Konvenzjoni ta' Barċellona u, f'dan il-każ, il-Ftehim ta' Lisbona, b'kull test ikopri żoni differenti tal-ibħra madwar il-pajjiżi tal-UE u jimmira lejn intervenzjoni individwali jew kollettiva tal-partijiet kontraenti f'każ ta' tniġġis jew theddid ta' tniġġis tal-ibħra jew tal-kosti.
Il-Ftehim ta' Lisbona ġie ffirmat f'Ottubru 1990 iżda qatt ma daħal fis-seħħ minħabba tilwima territorjali bejn Spanja u l-Marokk, tnejn mill-Partijiet Kontraenti, dwar il-"limitu tan-Nofsinhar" (is-Saħara tal-Punent) li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3(c) tal-Ftehim. Il-protokoll addizzjonali, li fih intlaħaq qbil dwar it-tilwima, flimkien ma' formulazzjoni xierqa għall-Artikolu 3(c), ġie ffirmat f'Mejju 2008 mill-Portugall, Spanja, Franza u l-Marokk. Anke l-Komunità Ewropea ffirmatu fil-25 ta' Marzu.
Rimarki:
Permezz tal-konklużjoni ta' dan il-Protokoll Addizzjonali l-Ftehim ta' Lisbona jista' jidħol fis-seħħ, 20 sena wara li ġie ffirmat.
Ir-rapporteur huwa konxju li t-tliet pakketti marittimi tal-leġiżlazzjoni tal-UE li ġew maħsuba prinċipalment biex jimpedixxu u, f'każ ta' aċċident, biex jimmaniġġjaw it-tniġġis, b'konsegwenza tal-inċidenti tal-Erika u tal-Prestige, qed jistabbilixxu standards għall-ħarsien tal-ilmijiet u tal-ibħra tal-UE. Il-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar, li tagħhom ħafna pajjiżi terzi ġirien ukoll huma Partijiet Kontraenti, huma strument li jippermettu li l-istandards tal-UE jiġu applikati minn dawn il-pajjiżi terzi.
Ir-rapporteur jixtieq jiġbed l-attenzjoni dwar fenomenu li ma ngħatax l-attenzjoni politika u ambjentali mistħoqqa, minħabba li jiġri lil hinn mill-għajnejn tal-opinjoni pubblika. Reċentement madankollu dan il-fenomenu ngħata ftit attenzjoni, fil-Kunsill tal-Ministri (għall-Ambjent) meta d-delegazzjoni Olandiża fil-21 ta' Ottubru 2009 ressqet għad-diskussjoni l-problema tas-"soppa tal-plastik". Is-"soppa tal-plastik" tirreferi għall-kurrent ta' massa ta' plastik u lastku (34 darba akbar mid-daqs tal-Olanda): +/-1 350 000 km2) fl-Oċean Paċifiku. Iżda wkoll - flimkien mal-kwistjoni tax-xbieki tas-sajd qodma, skartati u mitlufa - din il-problema dejjem qiegħda tikber fl-Oċean Atlantiku.
Nafu x'effetti għandha din il-massa ta' plastik fuq l-ambjent tal-baħar (il-mammali, l-għasafar, il-ħut, il-pjanti tal-baħar u l-alka, eċċ) u l-kapaċitajiet tagħhom li jassorbu s-CO2? It-tniġġis massiv tal-ibħra tagħna bi skart tal-plastik u l-lastku jaqgħu fl-iskop tal-Ftehim ta' Lisbona jew tal-ftehimiet reġjonali tal-baħar l-oħra, jew din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata fil-qafas tal-Ftehim OSPAR?
Jekk le, dawn il-ftehimiet jistgħu jiġu adattati b'mod li jinkludu l-indirizzar ta' din il-problema?