RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

23.2.2010 - (COM(2010)0009 – C7‑0013/2010 – 2010/0002(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Reimer Böge

Proċedura : 2010/0002(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0019/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

(COM(2010)0009 – C7‑0013/2010 – 2010/0002(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0009 – C7‑0013/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2],

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7‑0019/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġislattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jbatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali maġġuri fir-ritmi tal-kummerċ dinji u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u li tkun disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun, b'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li ġiet adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u filwaqt li jiġi kkunsidrat kif xieraq il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament,

C. billi l-Litwanja talbet l-assistenza mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw ħaddiema mogħtija s-sensja f’128 intrapriża li qed topera fis-settur tal-kostruzzjoni[3],

D. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

2.  Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura bla xkiel u mgħaġġla għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, filwaqt li jingħata appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien bħala għajnuna lill-ħaddiema li sfaw bla xogħol bħala riżultat tal-globalizzazzjoni;

3.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi tagħha kollha biex tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG fl-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li, b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jkun jagħti appoġġ lill-ħaddiema ssensjati individwali biex jiġu integrati mill-ġdid fl-impjieg; itenni li l-għajnuna mill-FEG ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji bħala riżultat tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u l-anqas ma għandha tieħu post miżuri għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fi proposti għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, kif ukoll fir-rapporti annwali tagħha, tinkludi informazzjoni preċiża dwar il-fondi kumplementari li jkunu ngħataw mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u minn Fondi Strutturali oħra;

6.  Ifakkar lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex ma tittrasferixxix sistematikament approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-Fond Soċjali Ewropew, peress li l-FEG nħoloq bħala strument speċifiku għalih bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu;

7.  Jikkunsidra li l-funzjonament u l-finanzjament tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u l-istrumenti l-oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2007-2013;

8.  Jinnota li l-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jirreferu għall-applikazzjoni minn Stat Membru wieħed biss, ħaġa li hi konformi mat-talbiet tal-Parlament Ewropew;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  EGF/2009/017 LT/Kostruzzjoni ta’ bini

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

tal-xx ta' Frar 2010

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ġie mwaqqaf sabiex jipprovdi sostenn addizzjonali lil ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-ambitu tal-EGF ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet sottomessi mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja bħala riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)      Il-Litwanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fl-industrija tal-kostruzzjoni tal-bini, fit-23 ta' Settembru 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 1 118 893.

(5)      L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mil-Litwanja.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 118 893 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-[…] jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

I. L-Isfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ġie maħluq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar ewlenin fis-sistemi kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond m’għandux jaqbeż ammont massimu ta’ EUR 500 miljun, miġbuda mill-marġini li jinsab taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji li ġew ikkanċellati mis-sentejn ta' qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif il-marġni suffiċjenti u / jew l-impenji kkanċellati jkunu ġew identifikati.

Rigward il-proċedura, sabiex jiġi attivat l-Fond, fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Nhar it-22 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni adottat tliet proposti għal deċiżjoni ġodda dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Fuq talba tal-Parlament Ewropew, kull proposta għal deċiżjoni minn issa 'l quddiem se tkun preżentata f’dokument separat. Il-każijiet il-ġodda jikkonċernaw is-sensji li saru fil-Litwanja (fis-setturi tal-manifattura tal-friġġijiet u tal-kostruzzjoni tal-bini) u fil-Ġermanja (fl-industrija tal-manifattura tal-karozzi). Dawn huma l-ewwel applikazzjonijiet li se jiġu eżaminati fil-baġit 2010.

Il-proposta kurrenti tikkonċerna l-mobilizzazzjoni ta’ ammont globali ta’ EUR 1,118,893 mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) favur il-Litwanja, sabiex ikopri l-għajnuna lill-ħaddiema li spiċċaw issensjati f’128 kumpanija li joperaw fis-settur tal-kostruzzjoni tal-bini.

It-tieni applikazzjoni tal-Litwanja, il-każ EGF/2009/017/LT/Kostruzzjoni ta’ bini, li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Settembru 2009, għandha x’taqsam mal-1,612-il sensja f’128 kumpanija (li joperaw fis-settur tal-kostruzzjoni tal-bini) li 806 minnhom huma immirati għall-assistenza.

Din l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament EGF.

“telf ta’ mill-inqas 500 impjieg, fuq perjodu ta’ 9 xhur, f’intrapriża waħda jew aktar, partikularment intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, f'settur NACE 2 f'reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni bi fruntieri komuni fuq livell NUTS II”.

Bi qbil mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-EGF u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja biex tapprova l-appikazzjoni.

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fit-tendenzi tal-kummerċ dinji jew il-kriżi finanzjarja, in-natura mhux prevedibbli tas-sensji kkonċernati, il-wirja ta' numru ta’ sensji, l-identifikazzjoni ta' intrapriżi li taw is-sensji, il-fornituri jew il-produtturi downstream, is-setturi u l-kategoriji ta’ ħaddiema li għandhom ikunu mmirati, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati nbdew jew kienu ppjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati l-imsieħba soċjali, il-ġestjoni u s-sistemi ta' kontroll.

Il-Kumitat EMPL għandu jadotta l-opinjonijiet tiegħu li jevalwaw il-konformità mal-kriterji ta’ eliġibilità waqt il-laqgħa tal-kumitat li jmiss tas-27 ta’ Frar (tbc).

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Awtorità tal-Baġit talba ta’ trasferiment (DEC 05/2010) għal ammont globali ta' EUR 1,118,893 mir-riżerva EGF (40 02 43) f’impenji mill-linji tal-baġit ESF (04 02 17 – konverġenza ESF) f’pagamenti lill-linji tal-baġit EGF (04 05 01) għal impenji u ħlasijiet.

Il-Ftehima Interistituzzjonali tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. Din hija l-ewwel proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond fl-2010.

L-Artikolu 12 (6) tar-Regolament EGF jirrikjedi li fl-1 ta' Settembru ta' kull sena, mill-inqas kwart ta' l-ammont annwali massimu tal-EGF għandu jibqa' disponibbli sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu sakemm tintemm is-sena. Jekk din il-proposta għal deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2010 tiġi adottata mill-awtorità tal-Baġit, ammont globali ta’ EUR 7.576.397 għandu jiġi mobilizzat għal-Litwanja (żewġ każijiet) u l-Ġermanja (każ), li jħalli EUR 492.423.603 disponibbli għall-2010 (98,4%).

III. Il-Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta’ trasferiment[3] bil-għan li fil-baġit tal-2010 jiddaħħlu approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji u għall-ħlasijiet, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

It-trialogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-EGF possibilment jaf jieħu forma aktar simplifikata (skambju ta’ ittri), skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif imfisser fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  DEC 05/2010 tat-22 ta' Jannar 2010.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

ES/sg

D(2010)9777

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2009/017 LT/Kostruzzjoni ta’ bini (COM(2010)9  finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2009/017 LT/Kostruzzjoni ta’ bini u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond rigward din it-talba. F'dan ir-rigward, il-kumitat EMPL jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

a)  Billi l-1 612-il sensja huma marbuta mal-istess ġrajja, il-kriżi finanzjarja u ekonomika, li rriżultat fi tnaqqis rapidu fid-domanda għall-kostruzzjoni u fl-attività tal-kostruzzjoni u tnaqqis aħrax fl-aċċess tal-industrija għal krediti finanzjarji.

b)  Billi dawk li huma kkonċernati f’dawn is-sensji huma fil-biċċa l-kbira tagħhom irġiel li jappartienu għall-grupp tal-età ta' bejn il-25 u l-54 sena kif ukoll għall-kategorija tal-"ħaddiema tas-snajja' tal-idejn u snajja' relatati.

c)  Billi dawn is-sensji qed iseħħu fi żmien meta r-rata tal-qgħad tal-Litwanja żdiedet minn 6,4% għal 14,6 bejn it-tielet kwarti tal-2008 u l-2009, skont il-Eurostat[1].

d)  Billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika affettwat diversi setturi tal-ekonomija Litwana (erba’ każijiet tal-FEG f’erba’ setturi differenti fl-2009[2]) u ġiegħlet lill-Kummissjoni Ewropea tipposponi l-iskadenza għat-tiswija tad-defiċit eċċessiv tal-Litwanja sal-2012.

e)  Billi mhemm l-ebda tagħrif disponibbli dwar miżuri kumplementari possibbli kkofinanzjati mill-FSE biex ittejjeb l-irkupru meħtieġ tas-suq tal-impjiegi Litwan.

f)  Billi l-kumitat EMPL għadu mhux sodisfatt bl-approċċ għall-konformità mal-Artikolu 12(4) tar-regolament tal-FEG kif ġie enfasizzat diġà f’opinjonijiet preċedenti.

g)  Billi, indipendentement minn aspetti finanzjarji, il-kumitat EMPL jeħtieġ li jkun mgħarraf għalkollox dwar kif l-Istati Membri jagħmlu użu mill-FEG bil-għan li 'l quddiem isir żvilupp tal-fond u, għalhekk, għandu bżonn ta' tagħrif komprensiv dwar il-kumplementarjetà tal-FEG u tal-FSE b'mod partikolari u Fondi Strutturali oħra b'mod ġenerali.

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni rigward l-applikazzjoni Litwana:

1.  Jinnota li l-invilopp finanzjarju tal-FEG għall-2009 għadu jinkludi EUR 446 960 953 wara t-tnaqqis tal-ammonti li diġà huma aċċettati u li diġà huma proposti għall-impennji.

2.  Ifakkar li l-FEG ġie stabbilit bħala strument “li permezz tiegħu l-Komunità tkun tista’ turi s-solidarjetà tagħha lejn ħaddiema li jkunu milquta minn sensji li jkunu jirriżultaw minn bidliet fir-ritmu tal-kummerċ dinji"[3] u, mill-1 ta’ Mejju 2009 'l hawn, anke minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika.

3.  Itenni għalhekk l-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex jużaw iż-żmien tal-qgħad għat-taħriġ u għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema ssensjati minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika li għalihom ta' kull sena l-FEG jipprovdi fondi biżżejjed bil-għan li jiġu ffaċċjati l-isfidi tal-globalizzazzjoni u ta’ ekonomija Ewropea li tkun tipproduċi anqas CO2 u li tkun ibbażata fuq l-għarfien.

4.  Jiddispjaċih, għalhekk, li l-miżuri favur il-ħaddiema ssensjati kienu disponibbli biss mill-1 ta’ Ottubru 2009 peress li xi ħaddiema kienu diġà tilfu l-impjieg tagħhom f’Ottubru 2008; jibża’ li din il-ħaġa tista' tkun waħda mir-raġunijiet għala huma biss 50% tal-ħaddiema ssensjati li jistgħu jiġu inklużi fil-pakkett tas-servizzi personalizzati.

5.  Jiddispjaċih ukoll li hemm xi evidenza li l-gvern Litwan ma esplojtjax il-potenzjal sħiħ tal-FEG biex jegħleb l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja.

6.  Jilqa’ l-miżuri stabbiliti favur rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja u l-inklużjoni sistematika tagħha wkoll f’applikazzjonijiet fejn il-maġġoranza tal-ħaddiema kkonċernati hija rġiel;

7.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Litwani u lis-sħab soċjali biex ikomplu jagħmlu aktar użu minn dan il-perjodu ta' tranżizzjoni ekonomika biex jistabbilixxu strateġiji addizzjonali li jkunu jimmiraw biex iħassru l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol;

8.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi fir-rapport annwali tagħha mhux biss tagħrif iddettaljat dwar il-konformità tal-implimentazzjoni tal-assistenza tal-FEG min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 7 tar-regolament tal-FEG imma wkoll analiżi ta’ liema kienu l-miżuri li ppromwovaw b'mod speċjali l-ugwaljanza tal-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu lista ta’ dawk il-miżuri stabbiliti bl-għajnuna tal-FEG li kellhom l-akbar suċċess fl-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fi żminijiet ta’ rata ta’ qgħad għoli u li tkun qed tiżdied;

10.  Jenfasizza li l-inċentivi għall-impjiegi u l-għajnuna biex min iħaddem isib impjiegi ġodda għall-impjegati tiegħu li xogħolhom m’għadux jeżisti huma miżuri disputibbli ħafna; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni speċjali lill-esperjenzi li jkunu saru b’dawn il-miżuri fil-qafas tal-assistenza tal-FEG u biex tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew malajr kemm jista’ jkun;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-PE jekk l-infiq fil-qafas tal-FEG jirċevix attenzjoni partikulari mill-Kummissjoni fir-rigward tal-proċedura speċjali tiegħu u jitlob li jingħata rapport dwar dak li joħroġ mill-verifiki tal-applikazzjonijiet tal-FEG tal-2007 u tal-2008;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fir-rapporti annwali tagħha tagħrif komprensiv dwar il-kumplementarjetà tal-FEG mal-miżuri appoġġjati minn Fondi Strutturali oħra u tinkludi tagħrif dwar l-istrutturi amministrattivi stabbiliti fl-Istati Membri biex tiġi mmaniġġjata l-konformità mal-Artikolu 6 tar-regolament FEG.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès

  • [1]  eurostat, rapport għall-aħbarijiet, euroindikaturi, 5/2010 - 8 ta’ Jannar 2010
  • [2]  EGF/2009/010 u EGF/2009/016-018
  • [3]  Regolament FEG 1927/2006, Premessa 1 u Artikolu 1 tar-Regolament ta’ emenda tal-FEG 546/2009

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Francesca Balzani, Lajos Bokros, Andrea Cozzolino, Jean-Luc Dehaene, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Carl Haglund, Jiří Havel, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Alain Lamassoure, Vladimír Maňka, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Frédéric Daerden, Giovanni La Via