RAPPORT dwar is-SOLVIT
2.3.2010 - (2009/2138(INI))
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Cristian Silviu Buşoi
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar is-SOLVIT
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Soluzzjoni Effikaċi tal-Problemi fis-Suq Intern (“SOLVIT”)[1],
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2001 dwar il-prinċipji tal-użu tas-“SOLVIT” – in-Netwerk għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern[2],
- wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2002, li abbażi tagħhom il-Kunsill ikkonferma l-impenn tal-Istati Membri favur it-tħaddim effettiv tas-sistema tas-SOLVIT u favur il-prinċipji tagħha,
- wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta' Direttivi li jolqtu s-suq intern[3],
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2005 dwar pjan ta' azzjoni biex tittejjeb il-komunikazzjoni tal-Ewropa mill-Kummissjoni[4], inter alia, billi tissimplifika l-informazzjoni u n-netwerks ta' assistenza appoġġjati mill-Kummissjoni,
- wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2008 dwar pjan ta' azzjoni rigward approċċ integrat għall-provvediment ta' Servizzi ta' Assistenza tas-Suq Uniku liċ-ċittadini u n-negozji[5],
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 19[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2007 dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Wieħed: negħlbu x-xkiel u l-ineffiċjenzi permezz ta’ implimentazzjoni u infurzar aħjar[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar l-Evalwazzjoni tas-Suq Intern[8],
– wara li kkunsidra r-rapport SOLVIT 2008 intitolat ‘L-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-netwerk SOLVIT fl-2008’[9],
- wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku[10],
- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill (Kompettittività - Suq Intern, Industrija u Riċerka) tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar ‘Kif intejbu l-funzjonament tas-Suq Intern’[11],
- wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar attivitajiet tal-Kummissjoni għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku[12],
- wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar koperazzjoni amministrattiva fis-suq uniku[13],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0027/2010),
A. billi l-Kummissjoni, il-Parlament, l-Ombudsman Ewropew u l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu iżjed sabiex jiddefinixxu u jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u sabiex jgħinu liċ-ċittadini jgawdu dawn id-drittijiet; billi dan jgħin ukoll biex is-suq intern jaħdem aħjar,
B. billi ż-żieda fit-trasparenza hija kruċjali biex jintgħelbu l-ostakli għall-moviment transkonfinali u biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-moviment ħieles,
C. billi jeħtieġ li jkun hemm titjib ċar min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex iqajmu kuxjenza dwar l-opportunitajiet li s-suq intern joffri għaċ-ċittadini u n-negozji,
D. billi s-suq intern għamel progress kbir iżda għad hemm ostakli li jxekklu l-funzjonament sħiħ u xieraq tiegħu,
E. billi meta r-regoli tas-suq intern jiġu implimentati ħażin, għandu jkun hemm disponibbli rimedju mgħaġġel li ma jinvolvix neċessarjament azzjoni legali,
F. billi n-netwerk SOLVIT, meta jkun operattiv b’mod sħiħ, se jkun jista' jevita r-rikors eċċessiv għas-sistema ġudizzjarja, fejn ta’spiss il-proċeduri jkunu kumplessi, u l-mekkaniżmi li jiggarantixxu d-difiża tal-individwi spiss ixekklu l-aċċess għall-ġustizzja,
G. billi t-taħriġ u l-iskambji transkonfinali, inter alia, permezz tan-netwerks elettroniċi li ħolqot il-Kummissjoni, huma essenzjali biex ikun hemm applikazzjoni aħjar tal-acquis Komunitarju dwar is-suq intern,
H. billi ċ-ċittadini u n-negozji jiddependu minn infurzar effettiv tar-regoli tas-suq intern biex jgħinuhom jibbenefikaw bis-sħiħ mill-potenzjal tas-suq intern,
I. billi l-Istati Membri għandhom, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, itejbu l-kapaċità ta' dawn il-mekkaniżmi ta' soluzzjoni tal-problemi sabiex jgħinu liċ-ċittadini jaffermaw id-drittijiet tagħhom,
J. billi n-netwerk SOLVIT inħoloq mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fl-2002 bil-għan li jsolvi l-problemi li jinqalgħu liċ-ċittadini u n-negozji minħabba l-applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern,
K. billi s-SOLVIT huwa netwerk online li jsolvi l-problemi u li fih l-Istati Membri tal-UE (kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein) jaħdmu flimkien biex isolvu l-problemi – mingħajr rikors għal proċeduri legali – li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji minħabba l-applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi,
L. billi is-SOLVIT huwa meqjus bħala sistema relattivament ta' suċċess li tipprovdi rimedju, mingħajr proċeduri formali, fi żmien medju ta' 10 ġimgħat, u billi s-soluzzjoni tal-problemi tas-suq intern bis-SOLVIT tista' tkun mudell ta' prattika tajba għas-Servizzi ta' Assistenza tas-Suq Uniku,
M. billi, jekk dan jitqies meħtieġ minn Stat Membru individwali, speċjalment fid-dawl ta’ kwalunkwe kampanja pubbliċitarja imminenti, il-kapaċità tas-SOLVIT għandha titkabbar sabiex jiġu evitati problemi ta' nuqqas ta' persunal,
N. billi s-SOLVIT, madankollu, la għandu jissostittwixxi l-ħidma legali tal-Kummissjoni dwar il-ksur tal-liġijiet, u lanqas ma għandu jkun skuża biex il-ħidma fl-Istati Membri tkun inqas ambizzjuża sabiex id-direttivi tal-UE jiġu trasposti fil-ħin u b’mod xieraq,
O. billi ħafna ċittadini li jkollhom problema relatata mas-suq intern u li tkun taqa' fl-ambitu tas-SOLVIT m'humiex konxji mis-SOLVIT, u għalhekk imorru għand l-Ombudsman Ewropew bil-problema tagħhom;
Introduzzjoni
1. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni ta' Lulju 2002 li tistabbbilixxi n-netwerk SOLVIT tal-amministrazzjonijiet nazzjonali bl-użu ta' bażi tad-data interattiva, li kienet għodda ta’ suċċess li żiedet it-trasparenza u ħolqot pressjoni mill-pari ħalli jitħaffef il-proċess tas-soluzzjoni tal-problemi;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħat kollha tagħha biex tiżgura l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tas-suq intern sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq iċ-ċittadini u n-negozji;
Soluzzjoni effettikaċi tal-problemi fis-suq intern
3. Jenfasizza l-fatt li permezz tan-netwerk SOLVIT ta' sikwit jinkixfu problemi relatati mal-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern;
4. Jenfasizza li l-esperjenzi tas-SOLVIT għandhom jitqiesu fit-tfassil tal-politika nazzjonali u tal-UE, u għandhom iwasslu għal bidliet strutturali jew regolatorji fejn ikun meħtieġ;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod sistematiku, fit-Tabelli ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u tas-Suq tal-Konsumatur, tinkludi informazzjoni aktar dettaljata dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern, kemm sabiex tiżdied it-trasparenza kif ukoll biex tiġi pprovduta għodda utli għall-persunal tas-SOLVIT;
6. Jitlob li t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, ir-Rapport SOLVIT, is-Servizz ta’ Informazzjoni għaċ-Ċittadini u t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur jiġu ppubblikati darba fis-sena fl-istess żmien (bla ma tinbidel il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tagħhom) sabiex tiġi provduta stampa globali tal-iżvilupp tas-suq intern u biex jiġi kkoordinat aħjar ix-xogħol li diġà sar f'dawk l-oqsma filwaqt li tinżamm in-natura partikulari ta' dawk l-istrumenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-inklużjoni ta' rapport dettaljat dwar il-progress, il-kisbiet u n-nuqqasijiet tas-SOLVIT fit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata biex issolvi l-problemi rikurrenti li jiġu identifikati permezz tan-netwerk SOLVIT;
Problemi orizzontali identifikati f'livell nazzjonali
7. Jirrimarka li ċerti ċentri tas-SOLVIT m'għandhomx persunal biżżejjed, u li fl-2008 l-għadd ta' każijiet solvuti naqas, filwaqt li l-għadd medju ta' jiem meħtieġa biex jiġu solvuti żdied; jistieden liċ-ċentri kollha tas-SOLVIT biex jimpjegaw persunal bi kwalifiki u esperjenza biżżejjed għall-pożizzjoni li jkunu se jokkupaw; huwa tal-fehma li għandu jkun hemm iktar taħriġ għall-persunal impjegat mis-SOLVIT; ifaħħar il-ħidma mwettqa mis-SOLVIT, b'mod partikulari r-rata ta' soluzzjoni tal-każijiet tiegħu, li baqgħet għolja (83%) minkejja li fl-2008 l-ammont ta' xogħol żdied (żieda ta' 22% għal total ta' 1 000 każ) u minkejja l-fatt li wħud miċ-ċentri SOLVIT qed jiffaċċjaw problemi minħabba nuqqas ta' persunal;
8. Jinnota li bosta ċittadini u negozji żgħar m'humiex konxji biżżejjed mill-ħidma tas-SOLVIT u li n-negozji jew jużaw servizzi legali kummerċjali f'każijiet fejn ikunu jistgħu jużaw is-SOLVIT għall-benefiċċju tagħhom jew saħansitra jaċċettaw talbiet f'dan is-sens minn Stati Membri, minkejja li dawn it-talbiet m'humiex konformi mal-acquis tas-suq intern tal-Komunità;jilqa' l-fatt li l-attivitajiet tas-SOLVIT wasslu għal frankar tal-ispejjeż għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej li huwa stmat li ammonta għal EUR 32.6 miljun fl-2008;
9. Jinnota li l-portafoll tal-ministeru li jilqa' ċ-ċentru nazzjonali tas-SOLVIT f’pajjiż partikulari jista' jkollu effett fuq il-perċezzjoni tat-tipta’ ħidma li tkun qed issir mis-SOLVIT f'dak il-pajjiż, u li l-livell ta’ soluzzjoni b'suċċess u tal-espedizzjoni tal-każijiet jiddependi fuq ir-rieda u l-ħila tal-Istati Membri li jikkoperaw mill-qrib maċ-ċentri tas-SOLVIT;
10. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċentru tas-SOLVIT tagħhom ikollu appoġġ politiku qawwi ħalli jkun jista' jikkonvinċi lill-awtoritajiet li jkunu saru l-ilmenti dwarhom biex jikkoperaw b'mod attiv fil-kuntest tal-proċedura tas-SOLVIT u fl-iskadenzi relevanti;
11. Iqis li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-effiċjenza tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u s-SOLVIT; iqis, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom iniedu skambju iżjed intensiv u wiesa’ tal-aqwa prattiki;
12. Jenfasizza l-importanza tal-iskambju tal-informazzjoni bejn iċ-ċentri tas-SOLVIT, u għalhekk jirrakkomanda li ċ-ċentri tas-SOLVIT tal-Istati Membri jiltaqgħu regolarment biex ikun jista’ jsir l-iskambju tal-informazzjoni u biex jaqsmu bejniethom eżempji tal-aqwa prattiki u sistemi;
Miżuri li għandhom jiġu previsti
13. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu s-SOLVIT, permezz tal-mezzi kollha tal-midja biex jiżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji jintlaħqu b'mod wiesa', b'mod speċjali dwar kif jistgħu jaffermaw id-drittijiet tagħhom, u biex jallokaw riżorsi biżżejjed sabiex din il-promozzjoni ssir iżjed effettiva; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu sistemi alternattivi ta' soluzzjoni online tal-kunflitti fi ħdan in-netwerk SOLVIT, u jistieden ukoll lill-Membri tiegħu biex jippromwovu s-SOLVIT fil-kostitwenzi tagħhom;
14. Jistieden lil kull Stat Membru biex jippromwovi s-SOLVIT bħala mekkaniżmu alternattiv ta’ soluzzjoni tal-kunflitti, permezz ta’ kampanji ta' informazzjoni nazzjonali;
15. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu s-SOLVIT fuq l-Internet; iħeġġeġ lill-Kummisjoni biex tagħmel disponibbli indirizz tal-internet wieħed għaċ-ċentri nazzjonali kollha tas-SOLVIT - www.solvit.eu - ħalli tħaffef l-aċċess taċ-ċittadini sa ma jasal biex jitnieda mill-ġdid il-portal ‘Your Europe’, li eventwalment għandu jgħaqqad flimkien is-Servizzi ta' Assistenza tas-Suq Intern kollha, inkluż is-SOLVIT;
16. Jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu paġni tal-internet li jkunu konnessi mal-portal Ewropew tas-SOLVIT, u li jkun fihom ġabra ta' każijiet li ssolvew b'suċċess u tal-aqwa prattiki fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kunflitti permezz ta' dan il-mekkażimu;
17. Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-effiċjenza taċ-ċentri tas-SOLVIT billi jipprovdu ħaddiema taċ-ċivil fid-dipartimenti rilevanti ħalli titħaffef is-soluzzjoni tal-każijiet li ma jkunux jaqgħu fil-kompetenza tas-SOLVIT (SOLVIT+), u billi jiżguraw aċċess xieraq għall-kompetenza legali fl-amministrazzjoni tagħhom stess taċ-ċentri tas-SOLVIT; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef il-provvediment ta' valutazzjonijiet legali informali liċ-ċentri tas-SOLVIT;
18. Jistieden lill-Istati Membri biex jaħtru uffiċjal ta' kollaborazzjoni (liaison) tas-SOLVIT fis-servizzi pubbliċi involuti fl-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern sabiex tiġi żgurata koperazzjoni aħjar;
19. Jistieden lill-Istati Membri biex jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni dwar is-SOLVIT fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, li għandhom ikunu maħsuba għal gruppi speċifiċi, bħall-SMEs, li bħalissa għadhom lura fl-għarfien tagħhom dwar is-SOLVIT, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkoperaw u jagħmlu skambju tal-aqwa prattiki ħalli l-promozzjoni tas-SOLVIT tkun effiċjenti kemm jista' jkun; jinnota li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, parallelament mal-proċedura tiegħu stess, jirreferi lill-petizzjonanti għas-SOLVIT meta jqis li tista' tinsab soluzzjoni aktar malajr permezz tas-SOLVIT;
20. Jirrikonoxxi l-effettività tas-SOLVIT bħala netwerk ta' kooperazzjoni li jagħmel ħiltu bil-għan li jsolvi b'mod informali problemi li jaffaċċjaw iċ-ċittadini u n-negozji minħabba applikazzjoni ħażina tal-liġi tas-suq intern mill-awtoritajiet pubbliċi;
21. Jinnota li r-rapport annwali tal-2008 tas-SOLVIT juri li s-SOLVIT jiġbed lejh ammont kbir ta' każijiet li ma jaqgħux taħt dan in-netwerk u li dan qed iwassal għal proċess aktar bil-mod tal-immaniġġjar tal-ilmenti fiċ-ċentri tas-SOLVIT;
22. Jinnota li hemm diversi entitajiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jikkomunikaw il-problemi tagħhom, inklużi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, SOLVIT, il-Kummissjoni u l-Ombudsman Ewropew;
23. Jitlob lis-SOLVIT biex jirreferi l-każijiet ta' applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tal-UE, li għalih huma wisq kumplessi biex isolvihom, mhux biss lill-Kummissjoni iżda wkoll, fejn xieraq, lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament;
24. Ifakkar li l-petizzjonijiet huma trattati b'mod miftuħ u trasparenti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitati leġiżlattivi kompetenti, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet differenti fl-Istati Membri;
25. Iqis li l-proċess tal-petizzjonijiet jista' jagħti kontribut pożittiv għal tfassil aħjar tal-liġijiet; ifakkar mill-ġdid li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, is-setgħa attiva u diretta tal-Parlament fl-iffurmar, ir-reviżjoni u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tal-UE se tiżdied ħafna; jinnota, barra minn hekk, li t-tisħiħ tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali għandu jiġi kkunsidrat;
26. Jinnota li m’hemmx entità unika responsabbli sabiex issegwi l-ilmenti taċ-ċittadini mill-bidu sal-aħħar minħabba li dawn jiġu sottomessi permezz ta' diversi mezzi; jitlob għal aktar koordinazzoni fost l-entitajiet differenti involuti: dawk li jirċievu kif ukoll dawk li jittrattaw l-ilmenti taċ-ċittadini;
27. Jitlob lis-SOLVIT biex jinkludi, fis-sit elettroniku tiegħu, link għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament kif ukoll għall-Kumitati kkonċernati tal-parlamenti nazzjonali, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsiru konxji dwar id-dritt tagħhom li jibagħtu petizzjoni lill-Parlament bħala mezz li bih jiksbu rimedji li mhumiex ġudizzjarji kif ukoll soluzzjonijiet permezz tal-proċess politiku u leġiżlattiv;
28. Jappoġġja, barra minn hekk, l-iżvilupp ta' sit elettroniku komuni tal-istituzzjonijiet Ewropej maħsub biex jgħin liċ-ċittadini u jirriferihom b'mod dirett lill-istituzzjoni jew lill-entità kompetenti biex jittrattaw l-ilment tagħhom.
29. Jistieden lill-Membri tal-Parlament Ewropew ħalli jieħdu inizzjattivi biex jagħmlu sforzi ħalli jqajmu kuxjenza dwar is-SOLVIT fost il-mambri tal-parlamenti nazzjonali pereżempju billi jippreżentaw il-kisbiet tas-SOLVIt fil-laqgħat tal-COSAC; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali jinvolvu ruħhom iktar fil-promozzjoni tas-SOLVIT fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw seduta ta' smiegħ maċ-ċentri tas-SOLVIT ħalli jiddeterminaw l-aqwa prattika u l-ostakli eżistenti fil-funzjonament taċ-ċentri bil-għan li l-amministrazzjoni u r-rutini tax-xogħol isiru iżjed effiċjenti;
30. Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-persunal taċ-ċentri tas-SOLVIT, permezz tal-mezzi kollha disponibbli, inklużi arranġamenti ta’ finanzjament alternattiv, ħalli jibnu l-kapaċità amministrattiva fil-ministeri governattivi rispettivi b’mod proporzjonat għall-popolazzjoni tal-pajjiż u skont l-għadd ta' każijiet li ġew ittrattati fl-imgħoddi;
31. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw u janalizzaw flimkien il-kawżi tar-rati baxxi ta' suċċess ta' ċerti ċentri tas-SOLVIT, kif ukoll il-kawżi taż-żmien relattivament twil li jittieħed biex jiġu ttrattati l-każi, ħalli tiġi pprovduta informazzjoni siewja għat-tfassil ta' strateġija aħjar għas-soluzzjoni tal-problemi għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji fis-suq intern;
32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq rapporti annwali dwar is-SOLVIT li jkun fihom ħafna iżjed tagħrif dettaljat u data statistika, li għandhom jippermettu wkoll li ssir valutazzjoni tal-effikaċja ta' kull ċentru nazzjonali, minħabba li nkella jkun diffiċli li jsiru valutazzjonijiet fit-tul tax-xejriet u li jiġu proposti miżuri b'miri speċifiċi bil-għan li jsir titjib fis-sitwazzjoni fl-Istati Membri individwali;
33. Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq portal tal-Internet uniku għaċ-ċentri kollha tas-SOLVIT b'indirizz li jkun jista' jinstab b'mod kemm jista' jkun faċli (www.solvit.eu); huwa tal-fehma, fl-istess waqt, li titjib notevoli fil-viżibilità tan-netwerk tas-SOLVIT fuq l-Internet huwa essenzjali, u li għal dan il-għan, għandu jsir użu kemm mis-siti tan-netwerking soċjali u kemm mill-magni tat-tiftix;
34. Iqis li, fid-dawl tal-għadd kbir ta' każijiet li jinvolvu individwi u tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u tal-intitolamenti soċjali jew ta' residenza, in-netwerk SOLVIT għandu jikkopera b'mod ferm iżjed intensiv u għandu jwessa' l-kampanji ta' informazzjoni tiegħu sabiex jinkludi l-assoċjazzjonijiet ta' persuni li jgħixu barra pajjiżhom u l-konsulati tal-Istati Membri;
35. Iqis li, fid-dawl tal-għadd kbir ta' każijiet li jinvolvu l-imprendituri, in-netwerk SOLVIT għandu jikkopera b'mod ferm iżjed intensiv u għandu jwessa' l-kampanji ta' informazzjoni tiegħu sabiex jinkludi l-assoċjazzjonijet Ewropej u nazzjonali tan-negozji, b'enfasi partikulari fuq l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;
36. Jistieden lill-Kummissjoni biex bħala kwistjoni ta' prijorità tiffinalizza l-proġett tas-Servizzi ta' Assistenza dwar is-Suq Uniku għas-simplifikazzjoni tal-informazzjoni, servizzi ta' assistenza għall-għoti ta' pariri u s-soluzzjoni ta' problemi, u biex dawn isiru aktar aċċessibbli u iżjed effettivi;
37. Jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex jikkopera iżjed mill-qrib maċ-ċentri tas-SOLVIT, u biex bla dewmien u burokrazija jgħaddi liċ-ċentru tas-SOLVIT kompetenti dawk l-ilmenti li jaslulu u li ma jkunux jaqgħu fil-kompetenza tiegħu, meta l-ilmenti jkollhom x'jaqsmu mas-suq intern u jkunu jistgħu jaqgħu fl-ambitu tas-SOLVIT; Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi proċedura mħaffa ta' ksur tat-Trattat jekk ilment tas-SOLVIT li ma jkunx ġie solvut juri, a prima facie, ksur tal-liġi Komunitarja;
°
° °
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] COM(2001)0702.
- [2] OJ L 331, 15.12.2001, p. 79.
- [3] OJ L 98, 16.4.2005, p. 47.
- [4] SEC(2005)0985.
- [5] SEC(2008)1882.
- [6] SEC(2009)1007.
- [7] OJ C 187 E, 24.7.2008, p. 80.
- [8] Testi Adottati, P6_TA(2008)0421.
- [9] SEC(2009)0142.
- [10] ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.
- [11] Dokument tal-Kunsill 13024/09.
- [12] SEC(2009)0881.
- [13] SEC(2009)0882.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
In-netwerk SOLVIT ħolquh il-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-għan li jsolvi l-problemi li jinqalgħulhom iċ-ċittadini u n-negozji minħabba l-applikazzjoni ħażina tal-liġi tas-suq intern.
L-Istati Membri kollha, flimkien man-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein, ħolqu ċentru nazzjonali tas-SOLVIT, fil-biċċa l-kbira fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jew għall-Affarijiet Ekonomiċi.
Soluzzjoni Effikaċi tal-Problemi fis-Suq Intern
Dawn iċ-ċentri jikkoperaw direttament permezz ta' bażi tad-data online biex ifasslu soluzzjonijiet rapidi u pragmatiċi għall-problemi mressqa miċ-ċittadini u n-negozji. Ir-regoli li jmexxu l-kooperazzjoni fis-SOLVIT huma stipulati fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001[1] li kienet approvata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill. Is-SOLVIT ilu jopera minn Lulju 2002. Flimkien mar-rakkomandazzjoni, iċ-ċentri tas-SOLVIT adottaw sett ta’ livelli ta’ kwalità komuni u ta’ riżultati f’Diċembru 2004 biex jassiguraw kwalità għolja tas-servizz fis-sistema kollha.
Madankollu, minkejja li l-ħidma ewlenija tas-SOLVIT hija s-soluzzjoni tal-problemi kkaġunati minn applikazzjoni ħażina tal-liġi tal-UE, u jidher li ġieli jkun hemm il-ħtieġa ta' bidla fil-liġi nazzjonali, fil-linji gwida jew f'dispożizzjonijiet oħra formali ta' implimentazzjoni.
Minkejja l-fatt li l-mandat tas-SOLVIT jippermetti li ċ-ċentri tas-SOLVIT jirrifjutaw jieħdu azzjoni f'każijiet bħal dawn, minħabba li jkun diffiċli ssolvihom b'mezzi mhux formali jew fi żmien għaxar ġimgħat, qiegħed ikun hemm żieda fl-għadd ta' ċentri tas-SOLVIT li qegħdin jieħdu interess f'dawn l-hekk imsejħa każijiet SOLVIT+. B'dan il-mod, mhux talli jissolvew problemi individwali ta' min iressaq l-ilment, iżda jiġi evitat ukoll li jinqalgħu problemi simili fil-futur.
Problemi orizzontali identifikati f'livell nazzjonali
Fl-2008, għadd rekord ta' ċentri tas-SOLVIT (tal-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja, l-Isvezja) kienu involuti f'total ta' 32 każ SOLVIT+, filwaqt li ssolvew 12 minnhom, u għad fadal 20 pendenti.
Huwa fatt inkuraġġanti ħafna li lanqas dawk iċ-ċentri tas-SOLVIT li għandhom problemi serji ta' persunal m'huma qed jirrifjutaw dawn il-każi, minkejja li s-soltu dawn ikunu kkumplikati u jirrikjedu ħafna ħin.
Barra minn dan, bosta ċentri tas-SOLVIT spiss jippruvaw jgħinu lil min iressaq każ għandhom anke meta l-każ ma jkunx jaqa' fl-ambitu tas-SOLVIT (pereżempju, problemi transkonfinali li ma jkollhomx x'jaqsmu mal-liġi tal-UE).
Fis-sena 2007 fil-bażi tad-data SOLVIT inħolqot il-kategorija speċjali 'non-SOLVIT' sabiex tirreġistra każijiet ta' din ix-xorta. Bejn Novembru 2007 u Ottubru 2008, iċ-ċentri tas-SOLVIT ittrattaw 250 każ 'non-SOLVIT'.
Fl-2008, il-fluss ta' każijiet li ttratta s-SOLVIT kiber bi 22%, u għall-ewwel darba mit-twaqqif tas-SOLVIT, intlaħaq ir-rekord ta' 1 000 każ imressaq fis-sistema fi żmien sena. Ir-rata tal-problemi li ssolvew baqgħet għolja, sewwasew 83%. Fl-istess waqt, in-nuqqas ta' persunal u l-bidliet frekwenti f'numru ta' ċentri tas-SOLVIT ikkawżaw tnaqqis fil-medja tal-ħeffa tal-ittrattar tal-każi, minn 58 jum fl-2007 għal 69 jum fl-2008. Barra dan, il-persentaġġ tal-każijiet solvuti fi żmien l-iskadenza ta' għaxar ġimgħat minn 79% niżel għal 74%.
Biex ikun aċċertat li s-soluzzjonijiet ikunu kompatibbli mal-liġi tal-UE, iċ-ċentri tas-SOLVIT jeħtieġu konsulenza legali soda rigward il-merti legali tal-problemi li jitressqu u s-soluzzjonijiet proposti. Dawn jeħtieġ li jkollhom aċċess tajjeb għall-konsulenza legali, kemm fiċ-ċentru tagħhom u kemm fl-amministrazzjoni li jappartienu.
Meta jkun hemm differenzi fl-opinjoni legali bejn żewġ Stati Membri rigward xi każ li jkunu qed jittrattaw flimkien, kwistjonijiet legali kumplessi jew inkella sempliċiment nuqqas ta' aċċess xieraq għall-konsulenza legali fil-pajjiż, iċ-ċentri tas-SOLVIT spiss jitolbu parir mingħand l-Kummissjoni.
Madankollu, minħabba ż-żieda fl-għadd ta' talbiet għall-għajnuna miċ-ċentri tas-SOLVIT, il-Kummissjoni mhux dejjem tkun tista' tipprovdi konsulenza legali informali malajr daqs kemm ikunu jixtiequ ċ-ċentri tas-SOLVIT. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċentri tas-SOLVIT ikollhom aċċess xieraq għall-kompetenza legali fl-amministrazzjoni tagħhom stess. Il-Kummissjoni għandha tħaffef il-provvediment ta' evalwazzjonijiet legali informali liċ-ċentri tas-SOLVIT meta taslilha tali talba.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' Settembru 2008 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern, il-Parlament talab li jingħata aktar tagħrif dwar liema direttivi għadhom ma ġewx traspsosti, minħabba li d-direttivi kollha għandhom l-istess piż fl-istatistiki.
Billi tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata fuq il-websajt tagħha dwar liema direttiva għadhom ma ġewx implimentati fl-Istati Membri individwali, il-Kummissjoni tkun qed tgħin biex titqajjem iżjed kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali. Dan jippermetti wkoll li ssir pressjoni mill-pari, anke minn membri tal-Parlament Ewropew fuq membri tal-parlamenti nazzjonali. Din l-informazzjoni tkun utli ħafna wkoll għall-ħidma tas-SOLVIT.
Miżuri li għandhom jiġu previsti
Ir-Rapporteur tiegħek jirrakkomanda dan li ġej:
L-informazzjoni dwar dawn is-servizzi għandha tiġi kkomunikata liċ-Ċittadini u lin-Negozji bl-iżjed mod wiesa' possibbli permezz tal-mezzi kollha tal-midja fuq il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.
Barra dan, l-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, għandhom itejbu l-kapaċità ta' dawn il-mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni tal-problemi, b'mod speċjali tas-SOLVIT, billi jallokaw iżjed riżorsi finanzjarji u umani permezz tal-Fond Soċjali Ewropew.
Il-membri tal-persunal tas-SOLVIT għandhom jirċievu t-taħriġ meħtieġ biex jibqgħu aġġornati dwar ir-regoli tas-suq intern, u għandu jkollhom ukoll għarfien tajjeb tal-Ingliż u ta' lingwa oħra tal-UE, apparti l-ilsien nattiv tagħhom.
Is-servizz tal-gvern kollha li jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern għandhom jaħtru uffiċjal ta' koperazzjoni tas-SOLVIT sabiex jiżguraw li jkun hemm komunikazzjoni effettiva u effiċjenti bejn is-servizzi. Kull Stat Membru għandu jaċċerta li fit-territorju tiegħu jkollu uffiċċju lokali tas-SOLVIT.
Fl-aħħar, u forsi l-iżjed importanti, l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jinfurmaw liċ-ċittadini u lin-negozji dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq intern ħalli jagħtuhom il-ħila jeżerċitaw dawk id-drittijiet fil-prattika. Meta fl-aħħar jitlesta, il-proġett tas-Servizzi ta' Assistenza tas-Suq Uniku (SMAS) għandu jiffaċilita l-aċċess għal diversi servizzi ta' informazzjoni, konsulenza, assistenza u riżoluzzjoni tal-każi, u mistenni wkoll jirrazzjonalizzahom.
- [1] Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2001 dwar il-prinċipji tal-użu tas-"SOLVIT" - in-Netwerk Intern għar-Riżoluzzjoni tal-Problemi fis-Suq (Test b'rilevanza għall-EEA) (innotifikat taħt dokument numru C (2001)3901) ĠU L 331, 15/12/2001 P. 79 – 82.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (29.1.2010)
għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
dwar SOLVIT
(2009/2138(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Simon Busuttil
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Ifaħħar il-ħidma li saret minn SOLVIT u b'mod partikulari r-rata ta' riżoluzzjoni tal-każijiet tiegħu, li baqgħet għolja (83%) minkejja li fl-2008 l-ammont ta' xogħol żdied (żieda ta' 22% b'total ta' 1000 każ) u minkejja l-fatt li wħud miċ-ċentri SOLVIT qed jiffaċċjaw problemi minħabba nuqqas ta' staff;
2. Jilqa' l-fatt li l-attivitajiet tas-SOLVIT wasslu għall-iffrankar tal-ispejjeż għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej li huma stmati li jammontaw għal EUR 32.6 miljun fl-2008;
3. Jinnota li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, parallelament mal-proċedura tiegħu stess, jirreferi lill-petizzjonanti għas-SOLVIT meta jqis li tista' tinsab soluzzjoni aktar malajr permezz ta' SOLVIT;
4. Jirrikonoxxi l-effettività ta' SOLVIT bħala netwerk ta' kooperazzjoni li jagħmel ħiltu bil-għan li jsolvi b'mod informali problemi li jaffaċċjaw iċ-ċittadini u n-negozji minħabba applikazzjoni ħażina tal-liġi tas-suq intern mill-awtoritajiet pubbliċi;
5. Jinnota li r-rapport annwali tal-2008 tas-SOLVIT juri li SOLVIT jiġbed lejh ammont kbir ta' każijiet li ma jaqgħux taħt dan in-netwerk u li dan qed iwassal għal proċess aktar bil-mod tal-immaniġġjar tal-ilmenti fiċ-ċentri SOLVIT;
6. Jinnota li hemm diversi entitajiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jikkomunikaw il-problemi tagħhom, inklużi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, SOLVIT, il-Kummissjoni Ewropea u l-Ombudsman Ewropew;
7. Jitlob lil SOLVIT biex jirreferi l-każijiet ta' applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tal-UE, li għalih huma wisq kumplessi biex isolvihom, mhux biss lill-Kummissjoni Ewropea iżda wkoll, fejn xieraq, lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament;
8. Ifakkar li l-petizzjonijiet huma trattati b'mod miftuħ u trasparenti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitati leġiżlattivi kompetenti, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet differenti fl-Istati Membri;
9 Iqis li l-proċess tal-petizzjonijiet jista' jagħti kontribut pożittiv għal tfassil aħjar tal-liġijiet; ifakkar mill-ġdid li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, is-setgħa attiva u diretta tal-Parlament fl-iffurmar, ir-reviżjoni u t-titjib tal-Leġiżlazzjoni tal-UE se tiżdied ħafna. jinnota, barra minn hekk, li t-tisħiħ tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali għandu jiġi kkunsidrat;
10. Iqis li mhemmx punt ta’ referenza uniku responsabbli sabiex isegwi l-ilment taċ-ċittadini mill-bidu sal-aħħar minħabba li dawn jiġu sottomessi permezz ta' diversi mezzi disponibbli; jitlob għal aktar koordinazzoni fost l-entitajiet differenti involuti: dawk li jirċievu kif ukoll dawk li jittrattaw l-ilmenti taċ-ċittadini;
11. Jitlob lil SOLVIT biex jinkludi, fis-sit elettroniku tiegħu, link għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament kif ukoll għall-Kumitati kkonċernati tal-parlamenti nazzjonali, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsiru konxji dwar id-dritt tagħhom li jibagħtu petizzjoni lill-Parlament bħala mezz li bih jiksbu rimedji li mhumiex ġudizzjarji kif ukoll soluzzjonijiet permezz tal-proċess politiku u leġiżlattiv;
12. Jappoġġja, barra minn hekk, l-iżvilupp ta' sit elettroniku komuni tal-istituzzjonijiet Ewropej maħsub biex jgħin liċ-ċittadini u jirriferihom b'mod dirett lill-istituzzjoni jew lill-entità kompetenti biex jittrattaw l-ilment tagħhom.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
27.1.2010 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 0 0 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Victor Boştinaru, Simon Busuttil, Giles Chichester, Pascale Gruny, Ágnes Hankiss, Roger Helmer, Peter Jahr, Lena Kolarska-Bobińska, Erminia Mazzoni, Willy Meyer, Mariya Nedelcheva, Chrysoula Paliadeli, Nikolaos Salavrakos, Ernst Strasser, Angelika Werthmann, Tatjana Ždanoka |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sir Robert Atkins, Gerald Häfner, Marian Harkin, Joe Higgins, Alan Kelly, Mairead McGuinness, Axel Voss |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
23.2.2010 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 2 1 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Cristian Silviu Buşoi, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Alan Kelly, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Toine Manders, Tiziano Motti, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Matteo Salvini, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Laurence J.A.J. Stassen, Catherine Stihler, Eva-Britt Svensson, Róża, Gräfin von Thun Und Hohenstein, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Cornelis de Jong, Frank Engel, Ashley Fox, Anna Hedh, Othmar Karas, Morten Messerschmidt, Konstantinos Poupakis, Oreste Rossi, Kerstin Westphal |
|||||