RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni
9.3.2010 - (COM(2009)0217 – C7-0038/2009 – 2009/0063(COD)) - ***I
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Jörg Leichtfried
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni
(COM(2009)0217 – C7-0038/2009 – 2009/0063(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0217),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0038/2009),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-5 ta’ Novembru 2009 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],
– wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A70035/2010),
1. Jaddotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari kif tinstab hawnhekk;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1 Proposta għal direttiva Premessa 1 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
(1) Is-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti Ewropej essenzjalment hija responsabbiltà tal-istat. Kull Stat Membru jiddeċiedi dwar il-metodi biex jiffinanzja s-sigurtà tal-avjazzjoni. Jeħtieġ madankollu li jiġi stabbilit qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali tal-imposti tas-sigurtà u l-mod li jiġu ffissati, minħabba li fin-nuqqas ta' dan il-qafas ir-rekwiżiti bażiċi fir-relazzjoni bejn il-entitajiet tal-ġestjoni tal-ajruporti u l-utenti tal-ajruporti jistgħu ma jiġux rispettati. |
(1) Is-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti Ewropej essenzjalment hija responsabbiltà tal-istat. Jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali tal-imposti tas-sigurtà u l-mod li jiġu ffissati, minħabba li fin-nuqqas ta' dan il-qafas ir-rekwiżiti bażiċi fir-relazzjoni bejn il-entitajiet tal-ġestjoni tal-ajruporti u l-utenti tal-ajruporti jistgħu ma jiġux rispettati. |
Ġustifikazzjoni | |
Adattament meħtieġ għall-Artikolu 6. | |
Emenda 2 Proposta għal direttiva Premessa 3 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
(3) Huwa ta' importanza vitali għall-utenti tal-ajruporti li jiksbu mingħand l-entità tal-ġestjoni tal-ajruporti, fuq bażi regolari, informazzjoni dwar kif u fuq liema bażi jiġu kkalkolati l-imposti tas-sigurtà. Din l-informazzjoni għandha tagħti lit-trasportaturi tal-ajru ħjiel dwar l-ispejjeż imġarrba għall-forniment tas-servizzi tas-sigurtà u l-produttività tal-investimenti relatati. Sabiex entità tal-ġestjoni ta' ajruport tkun tista' tivvaluta sew r-rekwiżiti rigward l-investimenti tagħha fil-ġejjieni, l-utenti tal-ajruport għandu jkollhom l-obbligu li, jaqsmu l-previżjonijiet operazzjonali tagħhom, il-proġetti ta' żvilupp u t-talbiet u x-xewqat speċifiċi tagħhom mal-entità tal-ġestjoni tal-ajruport fi żmien f’waqtu. |
(3) Huwa ta' importanza vitali għall-utenti tal-ajruporti li jiksbu mingħand l-entità li tistabbilixxi u tapplika l-imposti, fuq bażi regolari, informazzjoni dwar kif u fuq liema bażi jiġu kkalkolati l-imposti tas-sigurtà. Din l-informazzjoni għandha tagħti lill-utenti tal-ajruport ħjiel dwar l-ispejjeż imġarrba għall-forniment tas-servizzi tas-sigurtà bħal dawk imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, il-produttività tal-investimenti relatati u kull għotja u sussidju allokat mill-awtoritajiet għal skopijiet ta’ sigurtà. Sabiex l-entità kompetenti li tistabbilixxi jew tapplika l-imposti tkun tista' tivvaluta sew ir-rekwiżiti rigward l-investimenti tagħha fil-ġejjieni, l-utenti tal-ajruport għandu jkollhom l-obbligu li jaqsmu l-previżjonijiet operazzjonali tagħhom, il-proġetti ta' żvilupp u t-talbiet u x-xewqat speċifiċi tagħhom mal-entità kompetenti fi żmien f’waqtu. |
|
__________________ 1 ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72. |
Ġustifikazzjoni | |
Id-direttiva m’għandhiex tiffoka biss fuq entitajiet ta’ ġestjoni tal-ajruport, u għalhekk terminu aktar newtrali kif definit aktar tard fl-Artikolu 2 jirrispetta aħjar is-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri. It-trasportaturi tal-ajru għandhom jiġu sostitwiti bl-utenti tal-ajruport b’konformità mad-definizzjoni fl-Artikolu 2. Huwa importanti li tiżdied it-trasparenza dwar kwalunkwe ffinanzjar minn awtoritajiet pubbliċi. Marbuta mal-Emenda 23. | |
Emenda 3 Proposta għal direttiva Premessa 4 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
4. Minħabba li l-metodi biex jiġu stabbiliti u jinġabru l-ammonti dovuti biex ikopru l-ispejjeż tas-sigurtà jvarjaw madwar il-Komunità, tinħtieġ l-armonizzazzjoni tal-bażi għall-ħlas għall-ispejjeż tas-sigurtà fl-ajruporti tal-Komunità fejn l-ispejjeż tas-sigurtà jkunu riflessi fl-imposti tas-sigurtà. F'dawn l-ajruporti, l-imposta għandha tkun relatata mal-ispiża tal-forniment tas-sigurtà, filwaqt li jitqies kwalunkwe finanzjament pubbliku tal-ispejjeż tas-sigurtà. |
4. Minħabba li l-metodi biex jiġu ffinanzjati jew stabbiliti u jinġabru l-ammonti dovuti biex ikopru l-ispejjeż tas-sigurtà jvarjaw madwar il-Komunità, tinħtieġ l-armonizzazzjoni tal-bażi għall-ħlas għall-ispejjeż tas-sigurtà fl-ajruporti tal-Komunità fejn l-ispejjeż tas-sigurtà jkunu riflessi fl-imposti tas-sigurtà. F'dawn l-ajruporti, l-imposta għandha tkun relatata mal-ispiża tal-forniment tas-sigurtà, filwaqt li jitqies kwalunkwe finanzjament pubbliku tal-ispejjeż tas-sigurtà, bil-għan li jiġi evitat kull profitt u jiġu pprovduti servizzi u faċilitajiet ta’ sikurezza xierqa u effikaċi f'sens ta' nefqa fl-ajruporti kkonċernati. |
Ġustifikazzjoni | |
L-imposti tas-sigurtà fl-ajruporti Ewropej għandhom ikunu relatati man-nefqa għall-provvista tas-servizzi u jkun evitat kull profitt għall-entità fdata bil-ġbir tal-imposti tas-sigurtà. L-effikaċja f’sens ta’ nefqa tikkwantifika n-nefqa għal kull unità ta’ produzzjoni tas-servizzi, inkluża valutazzjoni tan-nefqa unitarja għall-persunal u l-operazzjonijiet. Din l-emenda tista’ tippermetti l-konformità tad-Direttiva dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni bid-Direttiva 2009/12/KE dwar imposti tal-ajruporti biex tkun garantita l-konsistenza u l-applikazzjoni sempliċi tar-regoli. | |
Emenda 4 Proposta għal direttiva Premessa 5 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
(5) Huwa importanti li jkun hemm trasparenza fir-rigward tal-impatt ekonomiku tal-miżuri nazzjonali tas-sigurtà li jkun aktar stretti mill-istandards bażiċi komuni stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002. |
(5) Huwa importanti li jkun hemm trasparenza fir-rigward tal-użu tal-miżuri nazzjonali tas-sigurtà li jkunu aktar stretti mill-istandards bażiċi komuni stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002. |
Ġustifikazzjoni | |
Marbuta mal-Artikolu 6. | |
Emenda 5 Proposta għal direttiva Premessa 6 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
(6) Awtorità indipendenti ta’ superviżjoni f’kull Stat Membru għandha tiżgura l-applikazzjoni korretta u effikaċi ta' din id-Direttiva. L-awtorità għandu jkollha r-riżorsi kollha meħtieġa f'termini ta' persunal, għarfien espert u risorżi finanzjarji għat-twettiq ta’ ħidmietha. |
(6) F'kull Stat Membru li fih l-imposti tas-sigurtà jinġabru fl-ajruporti, awtorità indipendenti ta’ superviżjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni korretta u effikaċi ta' din id-Direttiva. L-awtorità għandu jkollha r-riżorsi kollha meħtieġa f'termini ta' persunal, għarfien espert u risorżi finanzjarji għat-twettiq ta’ ħidmietha. |
Ġustifikazzjoni | |
Marbuta mal-Emenda 35 dwar it-traspożizzjoni. | |
Emenda 6 Proposta għal direttiva Premessa 6 a (ġdida) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(6a) L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li japplikaw sistema komuni ta' ġbir tal-imposti biex tkopri netwerk ta' ajruporti jew gruppi oħra ta' ajruporti inklużi dawk li jservu l-istess belt jew konurbazzjoni. |
Ġustifikazzjoni | |
Konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12. | |
Emenda 7 Proposta għal direttiva Premessa 6 b (ġdida) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(6b) Meta jkunu qed jiġu kkalkolati l-imposti tas-sigurtà fir-rigward tar-rabta mal-ispejjeż, għandhom jintużaw kriterji oġġettivi bħala bażi, bħalma huma dawk il-kriterji stabbiliti fid-dokumenti rilevanti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), li hija favur l-użu tan-numru ta' passiġġieri jew il-piż massimu tal-inġenju tal-ajru fit-tluq jew iż-żewġ fatturi flimkien. |
Emenda 8 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
Din id-Direttiva tapplika għal kull ajruport li jinsab f'territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. |
Din id-Direttiva tapplika għal kull ajruport li jinsab f'territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u miftuħ għat-traffiku kummerċjali. |
Emenda 9 Proposta għal direttiva Artikolu 2 – punt b a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(ba) “netwerk ta’ ajruporti” tfisser għadd ta’ ajruporti fi Stat Membru li jaqdu l-istess belt jew l-istess konurbazzjoni u li huma ġestiti minn entità tal-ġestjoni tal-ajruport maħtura mill-awtorità nazzjonali kompetenti. |
Emenda 10 Proposta għal direttiva Artikolu 2 – punt b a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(ba) "entità kompetenti" tfisser entità ta' tmexxija tal-ajruport jew kwalunkwe entità jew awtorità oħra responsabbli għall-applikazzjoni u/jew għall-istabbiliment tal-livell u l-istruttura tal-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti tal-Komunità; |
Ġustifikazzjoni | |
L-Istati Membri għandhom sistemi differenti stabbiliti għal miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni. Skont il-kuntest nazzjonali jistgħu jkunu l-awtoritajiet pubbliċi, l-entità li tamministra l-ajruport u anki linji tal-ajru li huma responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni. | |
Emenda 11 Proposta għal direttiva Artikolu 2 – punt d | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
(d) 'imposta tas-sigurtà' tfisser tariffa li hija speċifikament imfassla biex tirkupra parti minn jew l-ispiża kollha tal-miżuri tas-sigurtà intenzjonati biex jipproteġu l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali. |
(d) 'imposta tas-sigurtà' tfisser tariffa miġbura minn kwalunkwe entità, ajruport jew utent tal-ajruport f’forom differenti, li hija speċifikament imfassla biex tirkupra l-ispejjeż tal-miżuri tas-sigurtà intenzjonati biex jipproteġu l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali. Din in-nefqa tas-sigurtà tal-avjazzjoni tista' tinkludi l-ispejjeż imġarrba biex tkun żgurata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jew biex ikunu koperti l-ispejjeż marbuta mar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza li jaqgħu taħt l-awtorità kompetenti. |
Ġustifikazzjoni | |
L-Istati Membri għandhom sistemi differenti stabbiliti għal miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni. Skont il-kuntest nazzjonali jistgħu jkunu l-awtoritajiet pubbliċi, l-entità li tamministra l-ajruport u anki linji tal-ajru li huma responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni. Konsegwentement, l-iffinanzjar ta’ miżuri tas-sigurtà wkoll jaqa’ fuq atturi differenti fl-Istati Membri differenti. Għalhekk, id-definizzjoni ta’ 'imposta tas-sigurtà’ fl-Artikolu 2 għandha tirrefletti r-responsabilitajiet u t-tipi differenti ta’ imposti tas-sigurtà miġbura mill-ajruporti, mill-awtoritajiet pubbliċi u mil-linji tal-ajru. | |
Emenda 12 Proposta għal direttiva Artikolu 2 – punt d a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(da) 'sigurtà tal-avjazzjoni' tfisser it-taħlita ta’ miżuri u riżorsi umani u materjali maħsubin għas-salvagwardja tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali li jipperikolaw is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili; |
Ġustifikazzjoni | |
Definizzjoni meħuda mir-Regolament 300/2008. Definizzjoni neċessarja hawnhekk sabiex wieħed ma jiffokax biss fuq l-ajruporti. Marbuta mal-Emendi 15 u 26. | |
Emenda 13 Proposta għal direttiva Artikolu 3 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
Artikolu 3a |
|
Netwerk ta' ajruporti |
|
L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-entità kompetenti ta' netwerk ta' ajruporti tintroduċi sistema komuni u trasparenti ta' ġbir ta' imposti għall-imposti tas-sigurtà biex tkopri n-netwerk ta' ajruporti. |
Ġustifikazzjoni | |
Netwerks ta' ajruporti ġew stabbiliti minn diversi Stati Membri (eż. Spanja, il-Portugall, il-Greċja, l-Isvezja, il-Finlandja u n-Norveġja) fi ħdan il-qafas tal-politika tagħhom tat-trasport nazzjonali. In-netwerks tal-ajruporti jeħtieġu li jkunu f'pożizzjoni li japplikaw sistema komuni ta’ ġbir ta’ imposti għall-imposti tas-sigurtà sabiex jippromwovu l-koeżjoni territorjali u jillimitaw l-iżvantaġġ kompetittiv tar-reġjuni remoti. Għalhekk, l-abbozz tad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tas-Sigurtà għandu jiġi allinjat mal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti sabiex jiġu rikonoxxuti n-netwerks ta’ ajruporti. | |
Emenda 14 Proposta għal direttiva Article 3 b (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
Artikolu 3b |
|
Sistemi komuni ta' ġbir ta’ imposti |
|
Wara li jkunu infurmaw lill-Kummissjoni u bi qbil mal-liġi Komunitarja, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-entità kompetentii tapplika sistema komuni u trasparenti ta’ imposti f'ajruporti li jaqdu lill-istess belt jew konurbazzjoni, sakemm kull ajruport ikun kompletament konformi mar-rekwiżiti dwar it-trasparenza mniżżla fl-Artikolu 5. |
Ġustifikazzjoni | |
Huwa meħtieġ li tiġi żgurata konsistenza mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti. Entitajiet li joperaw ajruporti li jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni ta' spiss stabbilixxew sistema komuni ta' ġbir ta’ imposti għal raġunijiet ta' distribuzzjoni tat-traffiku. Dawn is-sistemi tal-ajruporti għandhom ikunu jistgħu japplikaw sistema komuni ta’ ġbir ta’ imposti anki għall-imposti tas-sigurtà. Għalhekk, l-abbozz tad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tas-Sigurtà għandu jiġi allinjat mal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti sabiex jiġu rikonoxxuti s-sistemi tal-ajruporti li jservu l-istess belt jew konurbazzjoni. | |
Emenda 15 Proposta għal direttiva Artikolu 4 – Titolu | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
Konsultazzjoni |
Konsultazzjoni u rimedju |
Ġustifikazzjoni | |
Konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12. | |
Emenda 16 Proposta għal direttiva Artikolu 4 – paragrafu 1 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità tal-ġestjoni tal-ajruport ikollha aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-ispejjeż tal-forniment tas-servizzi tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruport. |
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità kompetenti jkollha aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-ispejjeż tal-forniment tas-servizzi tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruport. |
Emenda 17 Proposta għal direttiva Artikolu 4 – paragrafu 2 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'kull ajruport tiġi stabbilita proċedura obbligatorja u regolari għal konsultazzjoni bejn l-entità tal-ġestjoni tal-ajruport u l-utenti tal-ajruport fir-rigward tat-tħaddim tas-sistema tal-imposti tas-sigurtà u l-livell ta' dawn l-imposti. Dik il-konsultazzjoni għandha sseħħ tal-anqas darba fis-sena. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi stabbilita proċedura obbligatorja għal konsultazzjoni regolari bejn l-entità kompetenti u l-utenti tal-ajruport jew ir-rappreżentanti jew l-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-ajruport fir-rigward tat-tħaddim tas-sistema tal-imposti tas-sigurtà u l-livell ta' dawn l-imposti. Tali konsultazzjoni għandha sseħħ tal-anqas darba fis-sena, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor fl-aħħar konsultazzjoni. Meta jkun hemm ftehim pluriennali bejn l-entità kompetenti u l-utenti tal-ajruport, il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu kif ipprovdut f'tali ftehim. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jitolbu konsultazzjonijiet aktar frekwenti. |
Ġustifikazzjoni | |
Il-linji tal-ajru huma diġà meħtieġa mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament 1008 li jippubblikaw separatament, taxxi, imposti tal-ajruporti u imposti oħra, ħlasijiet u spejjeż (bħal dawk relatati mas-sigurtà u l-fjuwil) sakemm dawn l-elementi jiġu miżjuda mal-prezz tal-biljett. M’hemmx bżonn li l-assoċjazzjonijiet tal-passiġġieri tal-ajru jiġu mgħarrfa b’tagħrif sensittiv u kunfidenzjali sew. | |
Emenda 18 Proposta għal direttiva Artikolu 4 – paragrafu 3 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
3. L-entità tal-ġestjoni tal-ajruport għandha tissottometti kwalunkwe proposta għal tibdil fis-sistema jew fil-livell tal-imposti tas-sigurtà lill-utenti tal-ajruport sa mhux iktar tard minn erba' xhur qabel ma jidħol fis-seħħ, flimkien mar-raġunijiet għat-tibdiliet proposti. L-entità tal-ġestjoni tal-ajruport għandha tikkonsulta dwar it-tibdiliet proposti mal-utenti tal-ajruport u tqis il-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni. |
3. L-entità kompetenti għandha tissottometti kwalunkwe proposta għal tibdil fis-sistema jew fil-livell tal-imposti tas-sigurtà lill-utenti tal-ajruport jew lir-rappreżentanti jew l-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-ajruport sa mhux iktar tard minn erba' xhur qabel ma tidħol fis-seħħ, flimkien mar-raġunijiet għat-tibdiliet proposti. L-entità kompetenti għandha tikkonsulta dwar it-tibdiliet proposti mal-utenti tal-ajruport u tqis il-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni. |
Ġustifikazzjoni | |
Konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12. | |
Emenda 19 Proposta għal direttiva Artikolu 4 – paragrafu 4 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
4. L-entità tal-ġestjoni tal-ajruport għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha sa mhux aktar tard minn xahrejn qabel ma tidħol fis-seħħ. Meta ma jintlaħaqx ftehim dwar it-tibdiliet proposti bejn l-entità tal-ġestjoni tal-ajruport u l-utenti tal-ajruport, l-entità tal-ġestjoni tal-ajruport għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha mal-utenti tal-ajruport. |
4. L-entità kompetenti għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha sa mhux aktar tard minn xahrejn qabel ma tidħol fis-seħħ. Meta ma jintlaħaqx ftehim dwar it-tibdiliet proposti bejn l-entità kompetenti u l-utenti tal-ajruport, l-entità kompetenti għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha mal-utenti tal-ajruport. |
Emenda 20 Proposta għal direttiva Artikolu 4 – paragrafu 4 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(4a) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’każ ta' nuqqas ta' qbil dwar deċiżjoni dwar imposti tas-sigurtà meħuda mill-entità kompetenti, kwalunkwe parti tista' titlob l-intervent tal-awtorità indipendenti ta' superviżjoni msemmija fl-Artikolu 8, li għandha teżamina l-ġustifikazzjonijiet għall-modifika tas-sistema jew tal-livell ta' imposti tas-sigurtà. |
Ġustifikazzjoni | |
Konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12. | |
Emenda 21 Proposta għal direttiva Artikolu 4 – paragrafu 4 b (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(4b) Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 4a fir-rigward tat-tibdil fil-livell jew fl-istruttura tal-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni f'dawk l-ajruporti li għalihom: |
|
(a) ikun hemm proċedura obbligatorja skont il-liġi nazzjonali li permezz tagħha l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni, jew il-livell massimu tagħhom, għandhom jiġu determinati jew approvati mill-awtorità indipendenti ta' superviżjoni; jew |
|
(b) ikun hemm proċedura obbligatorja skont il-liġi nazzjonali li permezz tagħha l-awtorità indipendenti ta' superviżjoni teżamina, fuq bażi regolari jew fuq talba mill-partijiet interessati, jekk dawn l-ajruporti humiex suġġetti għal kompetizzjoni effettiva. Meta dan ikun ġustifikat fuq il-bażi ta' eżami bħal dan, l-Istat Membru għandu jiddeċiedi li l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni, jew il-livell massimu tagħhom, ikunu determinati jew approvati mill-awtorità indipendenti ta' superviżjoni. Din id-deċiżjoni għandha tapplika għall-perjodu ta' żmien meħtieġ fuq il-bażi tal-eżami mwettaq minn dik l-awtorità. |
|
Il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-kriterji applikati mill-Istat Membru għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu rilevanti, oġġettivi, non-diskriminatorji u trasparenti. |
Ġustifikazzjoni | |
Konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12. | |
Emenda 22 Proposta għal direttiva Artikolu 5 – paragrafu 1 – parti introduttorja | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li darba fis-sena l-entità tal-ġestjoni tal-ajruport tipprovdi lil kull utent tal-ajruport u lir-rappreżentanti jew l-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-ajruport, b'informazzjoni dwar il-komponenti li abbażi tagħhom jiġi stipulat il-livell ta' imposti kollha tas-sigurtà miġbura fl-ajruport. Din l-informazzjoni għandha tinkludi tal-anqas: |
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull darba li jkunu se jsiru konsultazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 4(2), l-entità kompetenti tipprovdi lil kull utent tal-ajruport jew lir-rappreżentanti jew l-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-ajruport b'informazzjoni dwar il-komponenti li abbażi tagħhom jiġu stipulati l-istruttura u l-livell ta' imposti kollha tas-sigurtà miġbura f’kull ajruport. Din l-informazzjoni għandha tinkludi tal-anqas: |
Ġustifikazzjoni | |
Din l-emenda tfittex li tiċċara l-arranġamenti għall-forniment ta' tagħrif dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż tas-sigurtà. Qabel xejn, għandu jiġi pprovdut tagħrif kemm fuq l-istruttura kif ukoll il-livell tal-imposti. It-tieni, l-ajruporti kollha għandhom ikunu meħtieġa jipprovdi din l-informazzjoni. | |
Emenda 23 Proposta għal direttiva Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt b a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(ba) l-istruttura ġenerali tal-ispejjeż fir-rigward tal-faċilitajiet u s-servizzi li magħhom huma relatati l-imposti tas-sigurtà; |
Ġustifikazzjoni | |
Konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12. | |
Emenda 24 Proposta għal direttiva Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt c | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
(c) id-dħul u l-ispiża ta' kull kategorija ta' imposta tas-sigurtà miġbura fl-ajruport; |
(c) id-dħul tal-imposti tas-sigurtà u l-ispiża totali tas-servizzi koperti minnhom; |
Ġustifikazzjoni | |
Konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12. | |
Emenda 25 Proposta għal direttiva Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt d a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(da) kwalunkwe finanzjament mill-awtoritajiet pubbliċi tal-faċilitajiet u s-servizzi li magħhom huma relatati l-imposti tas-sigurtà; |
Ġustifikazzjoni | |
Konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12. | |
Emenda 26 Proposta għal direttiva Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt e | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
(e) il-previżjonijiet tal-livell tal-imposti tas-sigurtà; |
(e) il-previżjonijiet tal-livell tal-imposti tas-sigurtà meta jitqiesu l-investimenti proposti, it-tkabbir fit-traffiku u miżuri aktar stretti minħabba ż-żieda fil-livell ta’ theddid għas-sigurtà; |
Emenda 27 Proposta għal direttiva Artikolu 5 – paragrafu 2 – parti introduttorja | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-ajruporti jissottomettu informazzjoni lill-entità tal-ġestjoni qabel kull konsultazzjoni, kif previst fl-Artikolu 4, partikolarment dwar: |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-ajruporti jissottomettu informazzjoni lill-entità kompetenti qabel kull konsultazzjoni, kif previst fl-Artikolu 4, partikolarment dwar: |
Emenda 28 Proposta għal direttiva Artikolu 5 – paragrafu 2 – punt d a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(da) l-ammont tal-imposta tas-sigurtà miġbura mill-utenti tal-ajruport mill-passiġġieri li jitilqu mill-ajruport u l-informazzjoni dwar il-komponenti li jservu bħala bażi għad-determinazzjoni ta’ dawn l-imposti skont il-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1. |
Ġustifikazzjoni | |
Ċerti miżuri ta' sigurtà kif definiti fir-Regolament 2008/300 huma meħuda mit-trasportaturi bl-ajru. Biex tiżdied it-trasparenza tal-ispejjeż ta' dawn il-miżuri huwa fl-interess tal-konsumatur aħħari, jiġifieri l-passiġġieri, li l-effettività tal-ispiża ta' dawn il-ħlasijiet tkun iggarantita. | |
Emenda 29 Proposta għal direttiva – att li jemenda Artikolu 5 – paragrafu 2 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(2a) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-ammont ta’ imposti tas-sigurtà miġbura mill-awtorità indipendenti u mill-utenti tal-ajruport tkun aċċessibbli għall-pubbliku. |
Emenda 30 Proposta għal direttiva Artikolu 5 – paragrafu 2 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(2a) Suġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-informazzjoni pprovduta abbażi ta' dan l-Artikolu għandha titqies bħala kunfidenzjali jew ekonomikament sensittiva u tiġi ttrattata f'dan is-sens. Fil-każ ta' entitajiet li jamministraw l-ajruporti li jkunu kkwotati fil-borża, għandu jkun hemm konformità b'mod partikolari mar-regolamenti tal-borża. |
Ġustifikazzjoni | |
Konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12. | |
Emenda 31 Proposta għal direttiva Artikolu 6 – Titolu | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
Valutazzjoni tal-impatt |
Miżuri iktar stretti |
Ġustifikazzjoni | |
Emenda marbuta ma’ dik li jmiss. M’hemmx bżonn ta’ evalwazzjoni tal-impatt, jekk miżuri aktar stretti u li jiswew aktar jitħallsu mill-Istati Membri. | |
Emenda 32 Proposta għal direttiva Artikolu 6 – paragrafu 1 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
1. Qabel ma jaddottaw miżuri aktar stretti skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-effetti fuq il-livell tal-imposti tas-sigurtà. B'rabta ma' miżuri nazzjonali aktar stretti diġà eżistenti fi [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-direttiva], l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tal-impatt matul perjodu tranżizzjonali ta' tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. |
1. L-ispejjeż addizzjonali biex jiġu implimentati miżuri aktar stretti skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 għandhom jitħallsu mill-Istati Membri. |
Emenda 33 Proposta għal direttiva Artikolu 6 – paragrafu 2 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u jikkonsultaw lill-utenti tal-ajruport skont l-Artikolu 4 dwar ir-riżultat tal-valutazzjonijiet tal-impatt previsti fil-paragrafu 1. |
imħassar |
Ġustifikazzjoni | |
Marbuta mal-Emenda 29. | |
Emenda 34 Proposta għal direttiva Artikolu 6 – paragrafu 2 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(2a) Qabel l-adozzjoni ta’ miżuri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar l-effetti fuq il-livell tal-imposti tas-sigurtà. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Grupp Konsultattiv tal-partijiet interessati, kompost skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, dwar ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatt. |
Ġustifikazzjoni | |
Skont ir-regoli tal-komitoloġija, il-Kummissjoni Ewropea għandha wkoll tipproduċi valutazzjoni tal-impatt, li tkejjel l-impatt operattiv fuq l-operaturi u l-passiġġieri, qabel l-adozzjoni ta’ miżuri ġodda tas-sigurtà tal-avjazzjoni. In-neċessità tar-regoli għandha tkun ċara ħafna. L-eżempju reċenti tar-regoli dwar it-trasport ta’ likwidi li jinġarru fil-kabina wera l-importanza ta’ valutazzjoni u konsultazzjoni bħal din mal-operaturi u l-utenti tal-ajruporti biex tinstab miżura bilanċjata, li kapaċi tnaqqas it-theddida u tillimita l-impatt fuq l-operazzjonijiet għall-benefiċċju tal-passiġġieri u l-industrija tal-avjazzjoni. | |
Emenda 35 Proposta għal direttiva Artikolu 7 – paragrafu 1 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
1. L-imposti tas-sigurtà għandhom jintużaw esklussivament biex ikopru l-ispejjeż tas-sigurtà. Dawn l-ispejjeż għandhom ikunu stabbiliti permezz tal-prinċipji tal-kontabbiltà u l-evalwazzjoni ġeneralment aċċettati f'kull Stat Membru. |
1. L-imposti tas-sigurtà għandhom jintużaw esklussivament biex ikopru l-ispejjeż tas-sigurtà. Dawn l-ispejjeż għandhom ikunu stabbiliti permezz tal-prinċipji tal-kontabbiltà u l-evalwazzjoni ġeneralment aċċettati f'kull Stat Membru. Id-dħul totali mill-imposti tas-sigurtà ma għandux ikun ogħla mill-ispejjeż totali tas-sigurtà tal-avjazzjoni għal dak l-ajruport, netwerk ta' ajruporti, jew grupp ta’ ajruporti. |
Emenda 36 Proposta għal direttiva Artikolu 7 – paragrafu 2 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(2a) Il-bażi għall-kalkolu tal-imposti tas-sigurtà m’għandha tinkludi ebda spiża mġarrba għal funzjonijiet aktar ġenerali tas-sigurtà mwettqa mill-Istati Membri, bħall-kontrolli ġenerali, il-ġbir ta' informazzjoni u s-sigurtà nazzjonali. |
Ġustifikazzjoni | |
Jeħtieġ jiġi żgurat li, fl-ajruporti kollha, l-imposti tas-sigurtà jintużaw esklussivament biex jiġu koperti l-ispejjeż tas-sigurtà. | |
Emenda 37 Proposta għal direttiva Artikolu 8 – paragrafu 1 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(1a) B’konformità mal-liġi nazzjonali, din id-Direttiva m'għandhiex tipprekludi lill-awtorità indipendenti ta' superviżjoni nazzjonali milli tiddelega, taħt is-sorveljanza u r-responsabilità sħiħa tagħha, l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva lil awtoritajiet indipendenti ta' superviżjoni oħra, sakemm din l-implimentazzjoni ssir skont l-istess standards. |
Ġustifikazzjoni | |
B'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, huwa essenzjali li jkun hemm il-possibilità li jiġu delegati poteri tal-awtorità nazzjonali ta' superviżjoni lil awtoritajiet reġjonali responsabbli għar-regolazzjoni ekonomika tal-ajruporti f’sistemi federali. Konformità mad-Direttiva tal-UE dwar l-Imposti tal-Ajruporti 2009/12. | |
Emenda 38 Proposta għal direttiva Artikolu 8 – paragrafu 2 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
2. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità indipendenti ta' superviżjoni billi jiżguraw li tkun ġuridikament distinta minn u funzjonalment indipendenti minn kwalunke entità ta' ġestjoni tal-ajruporti u trasportaturi tal-ajru. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew il-kontroll tal-ajruporti, l-entitajiet tal-ġestjoni tal-ajruporti jew it-trasportaturi tal-ajru għandhom jiżguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni regolatorja mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew il-kontroll. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità indipendenti ta' superviżjoni teżerċita s-setgħat tagħha b'mod imparzjali u trasparenti. |
2. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità indipendenti ta' superviżjoni billi jiżguraw li tkun ġuridikament distinta minn u funzjonalment indipendenti minn kwalunke entità kompetenti jew trasportatur tal-ajru. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew il-kontroll tal-ajruporti, l-entitajiet tal-ġestjoni tal-ajruporti jew it-trasportaturi tal-ajru għandhom jiżguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni regolatorja mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew il-kontroll. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità indipendenti ta' superviżjoni teżerċita s-setgħat tagħha b'mod imparzjali u trasparenti. |
Emenda 39 Proposta għal direttiva Artikolu 8 – paragrafu 4 – punt a | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
(a) tiġi stabbilita proċedura għar-riżoluzzjoni ta' nuqqas ta' qbil bejn l-entità tal-ġestjoni tal-ajruport u l-utenti tal-ajruport; |
(a) tiġi stabbilita proċedura għar-riżoluzzjoni ta' nuqqas ta' qbil bejn l-entità kompetenti u l-utenti tal-ajruport; |
Emenda 40 Proposta għal direttiva Artikolu 8 – paragrafu 5 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
5a. Meta Stat Membru japplika, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, proċedura regolatorja jew leġiżlattiva biex jiddetermina u japprova l-istruttura jew il-livell ta' imposti tas-sigurtà fil-livell nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-validità tal-imposti tas-sigurtà għandhom iwettqu l-ħidmiet tal-awtorità indipendenti ta’ sorveljanza stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5. |
Ġustifikazzjoni | |
F'xi Stati Membri (bħal Spanja u Franza) l-imposti tas-sigurtà huma stabbiliti permezz ta' proċedura regolatorja jew leġiżlattiva. F'dawn il-każijiet l-awtoritajiet ġudizzjarji huma responsabbli biex jinvestigaw l-appelli għal regolamenti jew liġijiet, li għandhom jaġixxu bħala l-awtorità indipendenti ta' superviżjoni u jiddeċiedu dwar kontestazzjonijiet li jikkonċernaw il-livell jew l-istruttura tal-imposti tas-sigurtà. | |
Emenda 41 Proposta għal direttiva Artikolu 9 – paragrafu 2 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(2a) Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport dwar l-iffinanzjar tas-sigurtà tal-avjazzjoni, li jeżamina l-valutazzjoni tal-ispejjeż tas-sigurtà tal-avjazzjoni u l-metodi għall-iffinanzjar tas-sigurtà tal-avjazzjoni, mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. |
Ġustifikazzjoni | |
Il-Kummissjoni għandha madankollu tkompli tirrifletti dwar l-iffinanzjar globali tas-sigurtà tal-avjazzjoni u għandha tipproduċi rapport ieħor bi proposti addizzjonali fis-sentejn li jmiss wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva. | |
Emenda 42 Proposta għal direttiva Artikolu 10 – paragrafu 1 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard minn [...]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella korrelattiva bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. |
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-konformità ma’ din id-Direttiva qabel ...*. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella korrelattiva bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. |
|
_______________ *ĠU: Daħħal id-data sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. |
Emenda 43 Proposta għal direttiva Artikolu 10 – paragrafu 2 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
|
(2a) Sakemm l-ebda imposta tas-sigurtà ma tkun miġbura fi kwalunkwe ajruport fi Stat Membru, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2), dak l-Istat Membru m'għandux ikun obbligat jikkonforma mal-paragrafi 1 u 2. |
- [1] Għadħa mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
NOTA SPJEGATTIVA
Ir-rapporteur jappoġġja fil-biċċa l-kbira l-proposta tal-Kummissjoni li tipprova tistabbilixxi numru ta' prinċipji bażiċi li għandhom jiġu rispettati meta jiġu ffissati imposti tas-sigurtà. Dawn huma: in-non-diskriminazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rimedju legali, it-trasparenza u l-aspett finanzjarju tal-ispejjeż tal-imposti u l-ħolqien ta’ awtorità ta’ kontroll.
L-emendi proposti huma bażikament dawn li ġejjin:
1) Finanzjament
Il-Parlament Ewropew kien talab kemm-il darba – iżda mingħajr ebda riżultat – li jiġi regolat il-finanzjament tal-imposti tas-sigurtà, partikolarment fin-negozjati għar-Regolament (KE) Nru 300/2008 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ir-Rapport Costa) u fid-Direttiva 2009/12 dwar l-imposti tal-ajruporti (ir-Rapport Stockmann).
Il-Parlament Ewropew talab għal trasparenza u sabiex l-imposti u t-taxxi tas-sigurtà jkunu marbuta mal-iskop tagħhom, u stabbilixxa li l-Istati Membri għandhom iġorru l-ispejjeż għall-applikazzjoni ta' miżuri iktar stretti skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.
Kif diġà spjegat fid-dokument ta’ ħidma, il-Kummissjoni Ewropea ma riditx jew ma setgħetx tindirizza dan is-suġġett. Hija tipprova biss tirrestrinġi l-ispejjeż jew għall-inqas tagħmilhom komprensibbli (ara l-Artikolu 6 tal-proposta) permezz ta' valutazzjoni obbligatorja ġdida tal-impatt ekonomiku ta' miżuri aktar stretti introdotti mill-Istati Membri. Madankollu, ir-rapporteur jipproponi li fejn dawn il-miżuri aktar stretti jġibu magħhom spejjeż addizzjonali, dawn l-ispejjeż għandhom jinġarru mill-Istati Membri. F’dan il-każ, l-ebda valutazzjoni tal-impatt ma tkun obbligatorja, għax l-Istat Membru jkun ikkunsidra serjament min-naħa tiegħu jekk dawn il-miżuri humiex raġonevoli, jekk l-ispejjeż ma jkunux jistgħu jiġu mgħoddija fuq il-passiġġieri.
L-inċident terroristiku ta’ ftit ġimgħat ilu wera għal darb’oħra li s-sigurtà fl-ajruporti hija r-responsabilità tal-Istat u li l-iskop ta’ miżuri ta’sigurtà li diġà jeżistu u dawk maħsuba ġodda huwa li jiġu evitati atti ta’ terroriżmu. Madankollu, punt li sa issa ma jissemmiex fid-dibattitu huwa li l-miżuri fl-aħħar mill-aħħar se jitħallsu mill-passiġġieri.
2) Il-protezzjoni tal-konsumaturi/id-drittijiet tal-passiġġieri
Il-proposta tal-Kummissjoni tirregola l-prinċipji bażiċi u l-proċeduri bejn l-entità responsabbli għas-sigurtà u l-linji tal-ajru. Ir-relazzjonijiet bejn il-linji tal-ajru u l-passiġġieri huma regolati fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008. L-Artikolu 23 dwar id-dritt għall-informazzjoni u n-non-diskriminazzjoni tal-passiġġieri jinkludi miżuri ta’ prekawzjoni li jistipulaw li l-passiġġieri għandhom id-dritt li jkollhom il-prezz reali għas-sigurtà tal-avjazzjoni indikat separatament fil-prezz finali. Iżda kif jistgħu l-passiġġieri jkunu ċerti li qed iħallsu l-prezz reali miftiehem bejn l-entità kompetenti u l-linji tal-ajru skont l-Artikolu 4 ta’ din il-proposta għal direttiva? U kif jista’ jiġi ggarantit li tariffi addizzjonali għas-sigurtà li jinġabru mil-linji tal-ajru jkunu trasparenti?
Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 bl-emendi proposti jkun jista’ jiġi infurzat aktar faċilment. Minn banda waħda, qed jiġi propost li organizzazzjonijiet tal-passiġġieri u/jew tal-konsumaturi jieħdu sehem fil-konsultazzjonijiet u b’hekk jaraw b’għajnejhom kif jinħadem il-prezz għall-miżuri ta’ sigurtà, li imbagħad ikunu jistgħu jqabbluh mal-prezz tal-biljett. Mill-banda l-oħra, permezz tal-emendi u d-definizzjonijiet il-ġodda tal-imposti tas-sigurtà u s-sigurtà tal-ajru għandu joħroġ ċar li l-linji tal-ajru qed jieħdu miżuri tas-sigurtà. Fejn il-linji tal-ajru jitolbu spejjeż addizzjonali mingħand il-passiġġieri għal dawn il-miżuri ta’ sigurtà, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5 tal-proposta għal direttiva.
3) L-ambitu tad-direttiva
Il-Kummissjoni qed tipproponi li prattikament id-direttiva tiġi applikata għall-ajruporti kollha tal-UE b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 300/2008. Madankollu, in-negozjati fil-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill juru li din hija kwistjoni kontroversjali ħafna. Xi Stati Membri jippreferu li d-direttiva tkun tapplika biss għal ajruporti b'aktar minn żewġ miljuni jew ħames miljun passiġġier (b'konformità mad-Direttiva dwar is-servizzi tal-ground-handling fl-ajruporti u dwar l-imposti tal-ajruporti). Ir-rapporteur jixtieq jiċċara li d-direttiva għandha tiġi implimentata biss fl-Istati Membri li jiġbru imposti tas-sigurtà. Barra minn hekk id-direttiva għandha tapplika biss għal dawk l-ajruporti li huma liċenzjati għat-trasport kummerċjali (mhux l-ajruporti tal-avjazzjoni sportiva jew tal-klabbs tal-avjazzjoni).
4) L-armonizzazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni mad-Direttiva 2009/12/KE dwar l-imposti tal-ajruporti
Il-proposta tal-Kummissjoni hija ispirata sostanzjalment mid-direttiva dwar l-imposti tal-ajruporti. L-emendi għandhom l-iskop, kemm jista’ jkun u sakemm ikun il-każ, li jarmonizzaw iż-żewġ testi legali. Ir-rapporteur jemmen li dan mhux biss jiffaċilita t-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali, iżda wkoll li jistgħu jiġu evitati proċeduri paralleli u spejjeż amministrattivi żejda fil-fażi ta’ implimentazzjoni.
PROĊEDURA
Titolu |
L-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni |
|||||||
Referenzi |
COM(2009)0217 – C7-0038/2009 – 2009/0063(COD) |
|||||||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
11.5.2009 |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
TRAN 14.7.2009 |
|||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
LIBE 14.7.2009 |
|
|
|
||||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
LIBE 3.9.2009 |
|
|
|
||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Jörg Leichtfried 2.9.2009 |
|
|
|||||
Eżami fil-kumitat |
10.11.2009 |
27.1.2010 |
23.2.2010 |
|
||||
Data tal-adozzjoni |
1.3.2010 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 0 5 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdalena Alvarez, Margrete Auken, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Michael Cramer, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Hella Ranner, Vilja Savisaar, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Silvia-Adriana Ţicău, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Artur Zasada, Roberts Zīle |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Frieda Brepoels, Michel Dantin, Derk Jan Eppink, Tanja Fajon, Markus Ferber, Jeanine Hennis-Plasschaert, Gilles Pargneaux, Dominique Riquet, Alfreds Rubiks, Sabine Wils, Janusz Władysław Zemke |
|||||||