RAPPORT dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010
23.3.2010 - (2009/2202(INI))
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: Marit Paulsen
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2006 dwar Pjan ta' Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010 (COM(2006)0013),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006 dwar Pjan ta' Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar Strateġija ġdida għas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013)[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li, fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni dwar l-agrikoltura u s-sajd, it-trasport, is-suq intern, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u tal-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali.
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 dwar għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali (COM(2009)0584),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009, 'Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar' (COM(2009)0591),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0053/2010),
A. billi l-istandards tal-benessri tal-annimali huma ta' importanza vitali għall-ġestjoni tat-trobbija tal-annimali ħajjin fl-Ewropa, peress li qed ikollhom impatt li kulma jmur qed jikber fuq il-livell tal-kompetittività tal-farms,
B. billi kwalunkwe armonizzazzjoni tal-protezzjoni tal-annimali ħajjin fl-Unjoni għandha ssir flimkien ma' regoli dwar l-importazzjonijiet li jkollhom l-istess għan, biex jiġi evitat li l-produtturi Ewropej jitqiegħdu fi żvantaġġ fis-suq Ewropew,
C. billi kull attività biex jiġi protett u żgurat il-benessri tal-annimali trid tkun ibbażata fuq il-prinċipju li l-annimali huma esseri sensibbli li l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom iridu jitqiesu, u billi l-benessri tal-annimali fis-seklu 21 huwa espressjoni tal-umanità tagħna u sfida għaċ-ċivilizzazzjoni u l-kultura Ewropej u jridu, bħala punt ta' prinċipju, japplikaw għall-annimali kollha,
D. billi l-għan ta' strateġija tal-benessri tal-annimali għandu jkun li jiġi żgurat li jitqiesu l-kostijiet li kulma jmur qed jiżdiedu ġġenerati mill-benessri tal-annimali, u billi politika tal-benessri tal-annimali ambizzjuża tista' tirnexxi biss b'mod parzjali jekk ma jkunx hemm djalogu Ewropew u mad-dinja kollha u jekk ma jkunx hemm politika aggressiva għat-tqajjim tal-kuxjenza u għall-għoti ta' informazzjoni fl-Ewropa u barra minnha dwar il-vantaġġi ta' standards għoljin tal-benessri tal-annimali, jiġifieri jekk tkun żviluppata unilateralment mill-Unjoni Ewropea,
E. billi, sabiex ikun hemm żvilupp ulterjuri tal-protezzjoni tal-annimali fil-Komunità, huwa meħtieġ li jiżdiedu l-isforzi tar-riċerka u li tiġi integrata l-protezzjoni tal-annimali fil-valutazzjonijiet relevanti kollha tal-impatt, kif ukoll li jkunu involuti l-gruppi kollha ta' interess fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; billi t-trasparenza, l-aċċettazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet eżistenti u l-monitoraġġ tal-konformità magħhom fil-livelli kollha huma prerekwiżit għal strateġija tal-protezzjoni tal-annimali li tirnexxi fl-Ewropa,
F. billi fis-snin reċenti l-Ewropa adottat firxa wiesgħa ta' liġijiet rigward il-benessri tal-annimali u laħqet waħda mill-ogħla livelli ta' benessri tal-annimali fid-dinja,
G. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2006, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar l-iżvilupp tal-politika tal-benessri tal-annimali qabel ma tippreżenta l-Pjan ta' Azzjoni li jmiss biex jiġi inkluż il-protezzjoni tal-annimali fl-oqsma kollha tal-aġenda ta' negozjar internazzjonali tagħha,
H. billi, fl-2006, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa li titjieb l-informazzjoni li tingħata liċ-ċittadini dwar il-benessri tal-annimali u dwar l-isforzi li saru mill-produtturi tagħna biex jikkonformaw mar-regoli,
I. billi l-benessri tal-annimali m'għandux jiġi ttraskurat, peress li jista' jkun ta' vantaġġ komparattiv għall-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjoni madankollu li l-Unjoni tiżgura, f'suq miftuħ, li l-annimali kollha u l-laħam kollu importat minn pajjiżi terzi jissodisfaw l-istess rekwiżiti ta' benessri tal-annimali li japplikaw fl-Unjoni,
J. billi waqt il-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010, l-Unjoni Ewropea trid tikkommetti ruħha li tiżgura r-rikonoxximent tal-istandards tal-benessri tal-annimali fit-taqsima agrikola tal-ftehim li jmiss tad-WTO, qabel il-konklużjoni finali ta' ftehim ġenerali,
K. billi hemm rabta bejn il-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-prodotti, u billi livell għoli ta' benessri tal-annimali, li jibda mit-trobbija u jispiċċa mal-qtil, jista' jtejjeb is-sikurezza u l-kwalità tal-prodott,
L. billi ċerta kategorija ta' konsumaturi jaċċettaw prezzijiet ogħla għal prodotti li jilħqu standards ogħla ta' benessri tal-annimali, filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi xorta jagħżlu l-prodotti li jiswew anqas,
M. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2006 msemmija hawn fuq il-Parlament Ewropew insista li r-regoli, l-istandards u l-indikaturi adottati għandhom ikunu bbażati fuq l-aħħar teknoloġija u xjenza u enfasizza li l-aspetti ekonomiċi għandhom jitqiesu wkoll, peress li standard għoli ta' benessri tal-annimali b'mod partikolari jfisser ukoll spejjeż operattivi, finanzjarji u amministrattivi għall-bdiewa tal-UE; billi l-falliment biex jiġi rispettat il-prinċipju tar-reċiproċità joħloq riskju għall-kompetizzjoni ġusta fir-rigward tal-produtturi mhux tal-Komunità,
N. billi fiż-żmien ta' din ir-reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010 u lejliet l-ewwel riflessjonijiet dwar il-PAK għall-perjodu 2013, l-Unjoni Ewropa għandha tadotta pożizzjoni bbilanċjata dwar il-benessri, filwaqt li tqis il-konsegwenzi ekonomiċi fis-sens ta' spejjeż addizzjonali għall-produtturi tal-annimali ħajjin, marbuta ma' appoġġ adegwat għad-dħul li jingħata lilhom permezz ta' politika dwar il-prezzijiet u s-swieq u/jew appoġġ dirett,
O. billi huwa essenzjali li l-politika Ewropea tal-protezzjoni tal-annimali tkun akkumpanjata b'politika kummerċjali koerenti, li għandha tkun ibbażata fuq il-fatt li, minkejja l-isforzi tal-UE, il-preokkupazzjonijiet rigward il-benessri tal-annimali mhumiex indirizzati la mill-Ftehim ta' Qafas ta' Lulju 2004 u lanqas minn xi dokumenti ewlenin oħrajn tar-Rawnd ta' Doha; billi, għalhekk, sakemm ikun hemm bidla fundamentali fl-attitudni tas-sħab kummerċjali ewlenin fid-WTO, mhuwiex vijabbli li jiddaħħlu aktar standards tal-benessri tal-annimali li jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetittività internazzjonali tal-produtturi,
P. billi l-benessri tal-annimali huwa mifhum l-aktar bħala r-riżultat tal-applikazzjoni ta' standards u normi relatati mal-benessri u s-saħħa tal-annimali, li huma mfassla biex jissodisfaw il-bżonnijiet inerenti speċifiċi għall-ispeċi tagħhom u l-bżonnijiet tal-benessri fuq tul ta' żmien twil tagħhom; billi l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) tirrikonoxxi dan li ġej bħala parti mir-rekwiżiti essenzjali għall-benessri tal-annimali: ikel u ilma, l-opportunità li juru l-imġiba naturali, u l-kura tas-saħħa,
Q. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2009 intitolata 'Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar' tindika li 'l-iżbilanċi sinifikanti fis-setgħa tan-negozjar bejn il-partijiet kontraenti huma relattivament komuni' u li huma 'għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-katina tal-provvista alimentari billi atturi iżgħar iżda effiċjenti jistgħu jkunu obbligati joperaw taħt qligħ imnaqqas, waqt li jillimitaw il-ħila u l-inċentivi tagħhom biex jinvestu fi kwalità aħjar tal-prodott u fl-innovazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni',
R. billi ż-żidiet fl-ispejjeż imsemmija qabel jistgħu jwasslu biex il-produzzjoni titmexxa lejn reġjuni b'livelli iktar baxxi ta' protezzjoni tal-annimali,
Pjan ta' azzjoni għall-perjodu 2006-2010
1. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffoka, fi pjan ta' azzjoni pluriennali għall-benessri tal-annimali, fuq ftit oqsma essenzjali ta' azzjoni u mbagħad tieħu azzjoni f'dawn l-oqsma;
2. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010 li għall-ewwel darba qaleb il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali mehmuż mat-Trattat ta' Amsterdam f'approċċ integrat għall-iżvilupp tal-protezzjoni tal-annimali fl-Ewropa;
3. Jinnota li l-maġġoranza l-kbira tal-miżuri li jinsabu fil-pjan ta' azzjoni attwali ġew implimentati b'mod sodisfaċenti;
4. Jinnota li kien hemm żvilupp pożittiv fil-benessri tal-annimali konsegwenza tal-pjan ta' azzjoni 2006-2010, iżda jirrimarka li l-bdiewa tal-UE ma bbenefikawx mill-isforzi tagħhom fis-swieq u fil-kummerċ internazzjonali u jisħaq li dan għandu jkun enfasizzat fil-pjan ta' azzjoni li jmiss;
5. Japprezza l-ħidma li twettqet biex jiġu żviluppati alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali, imma jiddeplora l-fatt li għadu ma sarx biżżejjed biex jiġi żgurat li dawn l-alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali jintużaw jekk ikunu disponibbli, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE;
6. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinkludi t-tħassib mhux kummerċjali, inkluż il-benessri tal-annimali, fi ftehimiet ta' kummerċ bilaterali, imma jenfasizza li tħassib mhux kummerċjali bħal dan irid jitħeġġeġ b'mod effiċjenti permezz tad-WTO;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tispjega xi progress sar fin-negozjati tad-WTO fir-rigward tal-iżgurar tar-rikonoxximent tat-tħassib mhux relatat mal-kummerċ, li jinkludi l-benessri tal-annimali, kif ukoll kemm qed jitqiesu l-kwistjonijiet u l-istandards tal-benessri tal-annimali fir-rawnd ta' Doha tan-negozjati tad-WTO;
8. Jinnota b'sodisfazzjon kbir il-progress li sar fil-Proġett ta' Kwalità tal-Benessri tal-Annimali fir-rigward ta' xjenza u għerf ġodda relatati ma' indikaturi tas-saħħa u tal-benessri tal-annimali; madankollu jinnota li dan il-proġett ma qiesx għal kollox il-promozzjoni, fil-prattika, tal-użu ta' dawn l-indikaturi;
9. Jirrikonoxxi li hemm il-ħtieġa li jingħata segwitu għar-regoli eżistenti dwar it-trasport tal-annimali fl-Istati Membri tal-UE u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tagħhom, b'referenza partikolari għall-kwistjoni tal-iżvilupp ta' sistema bis-satelliti biex jiġi mmoniterjat dan it-trasport, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, fiż-żmien li għad baqa' qabel jiskadi l-pjan ta' azzjoni, biex twettaq ir-responsabilitajiet tagħha f'dan il-qasam u biex tippreżenta l-istudju mitlub mill-Parlament u msemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005; jitlob li qabel kwalunkwe regoli ġodda tiġi implimentata analiżi tal-impatt ekonomiku dwar it-trobbija tal-annimali ħajjin, li għandha tkun ibbażata fuq indikaturi xjentifikament ippruvati u oġġettivi;
10. Huwa tal-opinjoni li jagħmel sens li jinħolqu inċentivi għat-trobbija, il-kummerċjalizzazzjoni u l-qtil ta' annimali fl-istess reġjun sabiex jiġi eliminat il-bżonn ta' trobbija u qtil ta' annimali li jridu jiġu trasportati fuq distanzi twal;
11. Jemmen li ż-żu għandu rwol importanti biex jinforma lill-pubbliku dwar il-konservazzjoni u l-benessri ta' annimali slavaġ; jinsab imħasseb li hemm nuqqas ta' sorveljanza riġida biex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva 1999/22/KE[4] tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' annimali slavaġ fiż-żu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi studju tal-effikaċa u l-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea;
12. Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tat-trobbija għall-ħnieżer, anke jekk għad hemm każijiet ta' nuqqas ta' konformità; huwa mħasseb, madankollu, li minkejja r-rakkomandazzjonijiet mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) f'dan ir-rigward, għad hemm nuqqas ta' pjanijiet prattiċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva 2008/120/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-setturi involuti biex jidentifikaw każijiet ta' nuqqas ta' konformità u r-raġunijiet għal din l-imġiba u biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jiżguraw konformità ikbar ma' din id-Direttiva;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni bl-istess mod biex tiżgura li jkun hemm konformità sħiħa mal-projbizzjoni ta' sistemi li ma jkollhomx gaġeġ bil-bejtiet għat-tieġieġ li jbid il-bajd, li se tidħol fis-seħħ fl-2012, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-settur ikun jista' jikkonforma ma' dan l-obbligu u biex jimmoniterjaw il-proċess tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri; isostni li l-importazzjonijiet tal-bajd fl-UE iridu bl-istess mod jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta' produzzjoni imposti fuq il-produtturi Ewropej;
14. Jitlob li jkun hemm projbizzjoni mal-UE kollha tal-kummerċ fil-bajd li ma jikkonformax mal-liġi;
15. Jikkonkludi li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni attwali mhijiex adegwata minn ħafna lati u jisħaq fuq il-bżonn li jiġu infurzati regoli eżistenti qabel jitfasslu dawk ġodda; f'dak ir-rigward jiġbed l-attenzjoni fuq l-importanza ta' penali effikaċi għal nuqqas ta' konformità fl-Istati Membri kollha;
16. Jiħsaq fuq il-bżonn li l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni stess, li se jsir fl-2010, ikun jinkludi analiżi fid-dettall tas-suċċessi u tal-lezzjonijiet li jridu jittieħdu min-nuqqasijiet potenzjali;
17. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma żviluppatx, matul dan il-perjodu, strateġija ta' komunikazzjoni ċara dwar il-valur tal-prodotti li jikkonformaw mal-istandards tal-benessri tal-annimali, u minflok ikkuntentat ruħha bir-rapport ippreżentat f'Ottubru 2009;
18. Jirrikonoxxi li l-Komunità tqis l-annimali kollha bħala esseri sensibbli (Artikolu 13 tat-Trattat); jirrikonoxxi li l-azzjoni s'issa kienet iffukata l-aktar fuq l-annimali li jipproduċu l-ikel u li hemm bżonn li kategoriji oħrajn ta' annimali jiddaħħlu fil-Pjan ta' Azzjoni 2011-2015, b'mod partikolari l-annimali slavaġ maqbuda;
Pjan ta' azzjoni għall-perjodu 2011-2015
19. Ifakkar li r-riżoluzzjoni tiegħu tal-2006 msemmija hawn fuq diġà kienet talbet li l-pjan ta' azzjoni eżistenti jkun segwit b'ieħor ġdid, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni għaldaqstant biex, fuq il-bażi tal-evidenza u l-esperjenzi xjentifiċi l-ġodda, tressaq rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-pjan attwali u s-sitwazzjoni rigward il-politika tal-benessri tal-annimali fl-UE li fuq il-bażi tiegħu għandu jitfassal pjan ta' azzjoni għall-benessri tal-annimali għall-perjodu 2011-2015 li, fid-dawl l-ewwel nett tal-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u fid-dawl imbagħad tal-ħtieġa li żdiedet ħafna li tiġi indirizzata l-protezzjoni tal-annimali kollha, inklużi l-annimali slavaġ maqbudin u li huma suġġetti għal trattament ikkontrollat mill-bnedmin u, fl-aħħar nett, tar-riżultati tal-pjan preċedenti, għandu jkun appoġġjat bil-finanzjament meħtieġ;
20. Jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi infurzata mingħajr dewmien u biex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni tal-istandards u l-kundizzjonijiet ugwali fis-suq intern; jirrakkomanda li kwalunkwe proposta għal leġiżlazzjoni ġdida tkun valutata billi titqabbel mal-alternattiva li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti ħalli tiġi evitata d-dupplikazzjoni bla bżonn;
21. Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li, fir-rapport ta' evalwazzjoni tagħha, tanalizza fost l-oħrajn kemm il-pjan ta' azzjoni attwali jkun issodisfa l-eżiġenzi tas-soċjetà Ewropea fil-qasam tal-benessri tal-annimali, is-sostenibilità tas-sistema għall-produtturi Ewropej, u kif ġie affettwat il-funzjonament tas-suq intern wara l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan;
22. Jitlob lill-Kummissjoni biex turi l-impatt tal-istandards tal-benessri tal-annimali u biex tqis bis-sħiħ kif jinteraġixxu fatturi differenti bħal ma huma l-benessri tal-annimali, is-sostenibilità, is-saħħa tal-annimali, l-ambjent, il-kwalità tal-prodotti u l-vijabilità ekonomika;
Liġi ġenerali Ewropea dwar il-benessri tal-annimali
23. Josserva li l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ħoloq sitwazzjoni legali ġdida li fiha, fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-agrikoltura, tas-sajd, tat-trasport, tas-suq intern, tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, billi l-annimali huma esseri sensibbli, jagħtu konsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali, filwaqt li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet u d-drawwiet leġiżlattivi u amministrattivi tal-Istati Membri li jittrattaw b'mod partikolari r-riti reliġjużi, it-tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali; iqis li dan l-artikolu japplika għall-annimali ħajjin kollha u l-annimali maqbuda, bħall-annimali li jipproduċu l-ikel, l-annimali domestiċi, l-annimali taċ-ċirku u l-annimali fiż-żus u dawk li jiġru fit-toroq, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li karatteristiċi u kundizzjonijiet tal-għajxien differenti jeħtieġu trattament divrenzjat;
24. Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex tressaq, mhux aktar tard mill-2014 u fuq il-bażi ta' studju tal-impatt u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, proposta mmotivata għal leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-benessri tal-annimali għall-UE li, fuq il-bażi tax-xjenza disponibbli u l-esperjenza ppruvata, għandha tikkontribwixxi għal fehim komuni tal-kunċett tal-benessri tal-annimali, l-ispejjeż assoċjati u l-kundizzjonijiet fundamentali applikabbli;
25. Iqis li din il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-benessri tal-annimali għandha tinkludi, f'konformità mal-liġi dwar is-saħħa tal-annimali, linji gwida adattati dwar iż-żamma responsabbli tal-annimali, sistema uniformi għall-monitoraġġ u biex tinġabar data kumparabbli, kif ukoll rekwiżiti relatati mat-taħriġ ta' min jimmaniġġja l-annimali u dispożizzjonijiet li jistabbilixxu r-responsabilitajiet partikolari tas-sidien tal-annimali, tal-bdiewa u ta' dawk li jżommu l-annimali; iqis li dawn il-ħtiġijiet kollha għandhom jimxu id f'id mal-għoti ta' riżorsi lill-produtturi sabiex jiġi żgurat li jkunu implimentati kif suppost;
26. Iqis li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-benessri tal-annimali għandha tistabbilixxi livell bażiku komuni ta' benessri tal-annimali fl-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li hija l-prekundizzjoni għal kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq intern kemm għall-prodotti domestiċi kif ukoll għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi; iqis, madankollu, li l-Istati Membri u r-reġjuni għandu jkollhom il-possibilità li jippermettu lil produtturi individwali jew gruppi ta' produtturi li jintroduċu sistemi volontarji li jmorru lil hinn minn dan, filwaqt li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività tal-UE fis-swieq internazzjonali;
27. Iqis li l-prodotti importati jridu jikkonformaw mal-istess ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali bħal dawk imposti fuq l-operaturi Ewropej;
28. Jitlob li l-bdiewa Ewropej jingħataw kumpens minħabba spejjeż ogħla tal-produzzjoni assoċjati ma' standards ogħla fil-benessri tal-annimali; jissuġġerixxi li mill-2013 l-iffinanzjar għall-miżuri tal-benessri tal-annimali jkun inkorporat fl-iskemi l-ġodda ta' appoġġ tal-politika agrikola komuni;
29. Iqis ukoll li l-informazzjoni għaċ-ċittadini dwar il-livell għoli tal-benessri tal-annimali fl-UE u dwar l-isforzi magħmula mis-setturi varji involuti għandha tkun element ewlieni f'din il-politika;
30. Iqis li l-inklużjoni tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali fi ftehimiet internazzjonali hija essenzjali biex il-produtturi tagħna jkunu jistgħu jikkompetu f'suq globalizzat u biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-produzzjoni f'reġjuni li jkollhom livelli ħafna iktar baxxi tal-benessri tal-annimali u b'hekk jikkompetu b'mod mhux ġust mal-mudell tagħna;
31. Jilqa' b'sodisfazzjon id-dibattitu rigward diversi skemi possibbli ta' tikkettar tal-benessri tal-annimali fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija aktar 'il fuq tat-28 ta' Ottubru 2009; madankollu jfakkar fil-bżonn li jitqiesu f'kuntest usa', filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, l-iskemi eżistenti varji tal-ambjent, tan-nutrizzjoni u tal-klima; jisħaq li l-informazzjoni dwar is-suġġett għall-konsumaturi Ewropej irid assolutament ikollha bażi xjentifika b'saħħitha u kunsenswali u li tkun ċara għall-konsumaturi;
32. Jirrakkomanda li l-informazzjoni mogħtija fuq it-tikketta tkun preċiża u diretta u tagħmel referenza għall-konformità mal-istandards għoljin tal-benessri tal-annimali mitluba mill-UE; jisħaq li għandu jkun id-dmir tal-Kummissjoni li tipprovdi liċ-ċittadini bl-informazzjoni meħtieġa dwar is-sistema Ewropea tal-benessri tal-annimali, biex jiġi żgurat li jirċievu informazzjoni oġġettiva;
33. Jirrakkomanda li titwettaq reviżjoni tal-konsistenza tal-politika dwar il-benessri tal-annimali mal-politiki l-oħra tal-Unjoni;
34. Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni dettaljata tal-problemi possibbli li standards Ewropej dwar il-benessri tal-annimali jistgħu joħolqu għall-kompetittività tal-produtturi tagħna u biex tirrevedi s-sistemi ta' appoġġ għall-produtturi fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dawn l-istandards;
35. Iqis li, qabel ma titfassal leġiżlazzjoni ġdida, għandhom ikunu infurzati kif xieraq ir-regoli eżistenti, kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi; jindika, biex jagħti eżempji, il-projbizzjoni tal-gaġeġ għat-tiġieġ, ir-regoli dwar il-ħnieżer u r-regoli dwar it-trasport tal-annimali u t-trobbija tal-wiżż u tal-papri; jenfasizza li miżuri oħrajn tal-benessri tal-annimali għandhom jinġiebu f'konformità ma' objettivi Komunitarji oħrajn bħall-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tal-annimali ħajjin, il-ħarsien tal-ambjent u tal-bijodiversità, strateġija biex jittejjeb l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u strateġija koerenti biex jitħaffef il-progress lejn riċerka li ma tużax annimali;
Netwerk Ewropew ta' ċentri ta' referenza għall-benessri tal-annimali
36. Jikkunsidra li għandu jitwaqqaf netwerk ikkoordinat Ewropew għall-benessri tal-annimali taħt l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Komunità jew tal-Istati Membri, u li ħidmietu għandha tkun ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-benessri tal-annimali proposta aktar 'il fuq; iqis li netwerk bħal dan għandu jaħtar istituzzjoni waħda bħala l-korp ta' koordinazzjoni, li għandha twettaq il-kompiti assenjati lill-'istitut ċentrali ta' koordinazzjoni' msemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija aktar 'il fuq tat-28 ta' Ottubru 2009; iqis, barra minn hekk, li dan il-korp ta' koordinazzjoni m'għandu bl-ebda mod ikollu l-istess kompiti tal-Kummissjoni jew ta' aġenziji oħrajn, iżda għandu jsir għodda ta' appoġġ li jipprovdi assistenza lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-parteċipanti tal-katina tal-ikel u liċ-ċittadini fir-rigward tat-taħriġ u l-edukazzjoni, l-aħjar prattiki, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni mal-konsumaturi u jevalwa u jiddikjara l-opinjoni tiegħu dwar proposti leġiżlattivi u ta' politika futuri u l-impatt tagħhom fuq il-benessri tal-annimali, jevalwa l-istandards tal-benessri tal-annimali fuq il-bażi tal-aktar għerf riċenti disponibbli u li jikkoordina sistema tal-UE għall-ittestjar ta' tekniki ġodda;
37. Huwa tal-fehma li, abbażi ta' riżultati xjentifiċi, il-pubbliku għandu jingħata tagħrif dwar il-ħtiġijiet tal-annimali u l-modi korretti ta' kif jiġu ġestiti, u li dan għandu jsir b’mod xieraq u serju; iqis li netwerk Ewropew taċ-ċentri ta’ referenza għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ edukazzjoni u ta’ informazzjoni, minħabba li, biex jiġu evitati opinjonijiet estremi fost in-nies, huwa essenzjali li t-tagħrif jingħata abbażi ta’ kriterji ta’ kwalità standardizzati;
Infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti
38. Jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tevalwa l-prezz tal-miżuri għall-benessri tal-annimali għall-produtturi Ewropej, u tipproponi, l-aktar tard fl-2012, rakkomandazzjonijiet, linji gwida u miżuri oħra neċessarji biex tindirizza t-telf ta’ kompetittività tal-bdiewa li jrabbu l-bhejjem fl-Ewropa;
39. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-idea tal-ħarsien u l-benessri tal-annimali tiġi promossa b’mezzi edukattivi;
40. Jikkunsidra li l-għan għandu jkun sistema ta' monitoraġġ bi skop u bbażata fuq analiżi tar-riskju fejn fatturi oġġettivi jkunu ċentrali u li fiha l-Istati Membri li r-rati tagħhom ta’ ksur tar-regoli jkunu ogħla mill-medja għandhom jiġu suġġetti għal kontrolli aktar rigorużi;
41. Jenfasizza li l-iżbilanċji fil-katina tal-ikel, kif deskritti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar’, spiss ipoġġu lill-produtturi primarji fi żvantaġġ; ifakkar li, minħabba l-ispejjeż żejda li s-sitwazzjoni tinvolvi, il-possibilità ta’ investiment mill-produtturi primarji hija limitata;
42. Jenfasizza li l-baġit tal-Unjoni Ewropea għandu jinkludi biżżejjed approprjazzjonijiet biex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-kompiti ta' moniteraġġ tagħha, tappoġġja lill-produtturi fejn ikun meħtieġ u tpatti għat-telf ta’ kompetittività li jħabbtu wiċċhom miegħu l-produtturi minħabba l-adozzjoni ta’ standards ġodda u li jinbidlu tal-benessri tal-annimali, filwaqt li jitqies li l-prezz ta’ dawn l-istandards ma jgħaddix fil-prezz finali li jirċievu l-bdiewa meta jbiegħu l-prodotti tagħhom;
43. Jenfasizza li l-kompetittività tas-settur tat-trobbija għandha tibqa’ tittejjeb u tissaħħaħ permezz tal-promozzjoni u r-rispett tar-regoli fis-seħħ fir-rigward tal-benessri tal-annimali, kif ukoll b’konformità mal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-ambjent;
44. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-każijiet kolla ta' ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali jirriżultaw f'penali effikaċi u proporzjonati, u li f'kull każ individwali dawn il-penali jkunu akkumpanjati minn gwida u pariri komprensivi mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll minn miżuri korrettivi xierqa;
45. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri xierqa biex fil-ġejjieni jevitaw li jkun hemm ksur tar-regolamenti dwar il-benessri tal-annimali;
46. Jilqa' t-tnaqqis konsiderevoli fl-użu ta' antibijotiċi għall-annimali fl-Istati Membri minn meta l-użu tagħhom bħala promotur tat-tkabbir ġie pprojbit fl-UE, filwaqt li għadu permess fl-Istati Uniti u f'xi pajjiżi oħrajn; jistenna, madankollu, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw b'mod responsabbli l-problema li qed tikber tar-reżistenza għall-antibijotiċi fl-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u tanalizza d-data dwar l-użu ta' prodotti għas-saħħa tal-annimali, fosthom l-antibijotiċi, bil-ħsieb li jiġi żgurat l-użu effikaċi tagħhom;
Indikaturi u tekniki ġodda
47. Jitlob li jiġi vvalutat u li jkompli jiġi żviluppat il-Proġett tal-Kwalità tal-Benessri tal-Annimali, b'mod partikolari fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-istrument u l-applikazzjoni fil-prattika;
48. Iqis li se jirriżulta li hija biċċa xogħol kumplessa biex jitkejlu dawn l-indikaturi tal-benessri tal-annimali fil-każ ta' prodotti importati; jenfasizza li, mingħajr ma jintefa’ dubju fuq l-utilità jew il-validità tagħhom, dawn l-għodod m’għandhomx jgħawġu l-kompetizzjoni għad-detriment tal-produtturi Ewropej;
49. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tar-rapport finali tal-Proġett tal-Kwalità tal-Benessri tal-Annimali, tipproponi perjodu ta' prova għall-valutazzjoni tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni Ewropea bl-użu tal-metodi żviluppati fil-Proġett tal-Kwalità tal-Benessri tal-Annimali;
50. Jistieden lill-Istati Membri f'dan il-kuntest biex jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet ta' appoġġ għar-riċerka applikata u għall-investiment fl-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni li huma ta' benefiċċju għall-benessri tal-annimali li huma disponibbli mill-fondi għall-iżvilupp rurali tal-UE u s-Seba’ Programm ta’ Qafas (2007-2013) tad-DĠ Riċerka; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jintensifikaw l-investiment finanzjarju fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji u tekniki ġodda fil-qasam tal-benessri tal-annimali;
51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jiżguraw li l-linji gwida tal-OIE dwar il-benessri tal-annimali jinkuraġġixxu standards tajbin ta’ benessri li jirriflettu kif suppost l-evidenza xjentifika f’dan il-qasam;
52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Annimali b'saħħithom u t-trobbija tajba tal-bhejjem huma ta' importanza deċiżiva għas-soċjetà tagħna, mhux biss fl-interess tal-benessri tal-annimali iżda għall-benefiċċju tas-saħħa pubblika kollha kemm hi, tal-ekonomija tagħna u tal-kompetittività tal-Ewropa. L-istandards għoljin tagħna rigward il-benessri tal-annimali huma parti mill-'marka' tal-produtturi agrikoli Ewropej, iżda bil-kundizzjoni biss li r-regoli fis-seħħ ikunu ġenwinament rispettati.
Pjan ta' azzjoni għall-perjodu 2006-2010
Il-maġġoranza l-kbira tal-miżuri li jinsabu fil-pjan ta' azzjoni attwali - għalkemm l-ebda waħda minnhom ma kienet ambizzjuża ħafna - ġew implimentati b'mod sodisfaċenti. Twettaq xogħol tajjeb biex jiġu żviluppati alternattivi għall-ittestjar bl-annimali sabiex, taħt l-awspiċi tad-WTO u fi ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi, tingħata l-ogħla prijorità lill-benessri tal-annimali. Il-progress li sar fil-Proġett ta' Kwalità tal-Benessri tal-Annimali, fir-rigward ta' xjenza u għerf ġodda relatati ma' indikaturi tas-saħħa tal-annimali, huma ta' sodisfazzjon partikolari.
Fl-istess ħin, huwa ta' dispjaċir li ma sarx iżjed fir-rigward tat-trasport tal-annimali u l-kwistjoni assoċjata tal-iżvilupp ta' sistema bis-satellita biex jiġi mmoniterjat dan it-trasport. Kwistjoni oħra ta' tħassib partikolari hija li ħafna bdiewa li jrabbu l-majjali fl-Ewropea qed jiksru d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/120/KE li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali.
Pjan ta' azzjoni għall-perjodu 2011-2015
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2006 l-Parlament Ewropew diġà kien talab li l-pjan ta' azzjoni eżistenti jiġi segwit b'ieħor ġdid. Din it-talba għandha tiġi mtennija, b'mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta' Lisbona, li stabbilixxa sitwazzjoni legali ġdida.
Ir-rapporteur tqis li pjan ta' azzjoni ġdid għandu jiffoka fuq dawn il-punti li ġejjin, għar-raġunijiet imsemmija aktar 'l isfel:
1. liġi ġenerali Ewropea dwar il-benessri tal-annimali2.
ċentru Ewropew għall-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-annimali3.
infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti4.
ir-rabta bejn is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika5.
indikaturi u tekniki ġodda
Fl-Ewropa hemm xewqa attiva li nittrattaw l-annimali tagħna b'mod diċenti, u għandna tradizzjoni twila li nagħmlu hekk. Din it-tradizzjoni għandha tinżamm u tissaħħaħ, filwaqt li nibnu fuq l-esperjenza ġdida u l-għerf li kulma jmur dejjem qed jiżdied dwar l-imġiba naturali tal-annimali u r-rabtiet kollha evidenti li jeżistu bejn il-benessri u s-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali.
Fil-preżent, l-istandards tal-benessri tal-annimali jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi, xi ħaġa li f'xi każijiet tirriżulta f'varjazzjonijiet enormi fil-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-annimali, iżda li tipprevjeni wkoll il-kompetizzjoni ħielsa u ġusta bejn il-produtturi. Is-suq intern huwa assolutament l-aktar strument importanti tal-koeżjoni fl-Ewropa u dak li prinċipalment iħares il-paċi u l-libertà għal kulħadd. Għandna nippreservaw il-libertà u l-ġustizzja f'dan is-suq fil-kuntesti kollha.
L-UE għandha għalhekk malajr kemm jista' jkun tadotta liġi ġenerali b'saħħitha dwar il-benessri tal-annimali li tagħti lill-annimali d-dritt ta' ħajja ta' min jgħixha u li tagħmilha impossibbli għal kwalunkwe produttur li joffri prodotti mill-annimali fis-suq intern li ma jkunux jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fil-liġi ġenerali.
Liġi bħal din għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta' ħajja ta' min jgħixha skont in-natura ta' kull speċi ta' annimal kif ukoll tipprovdi lill-produtturi tal-annimali bl-istess kundizzjonijiet bażiċi tas-suq. Fl-istess ħin kull produttur, korp koperattiv jew reġjun għandu jkun kompletament ħieles li jadotta regoli u tikketti volontarji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-liġi ġenerali. Liġi ġenerali bħal din għandha tindika wkoll l-obbligu tas-sidien kollha tal-annimali li jieħdu responsabilità sħiħa għall-annimali tagħhom.
Qafas ġenerali bħal dan m'għandux ikun direttiva minima iżda għandu jiffissa standard ġenerali għoli għal-leġiżlazzjoni dettaljata kollha f'dan il-qasam, bħar-regoli dwar it-trasport tal-annimali, bl-istess mod bħal ma l-liġi ġenerali tal-UE dwar l-ikel, ir-Regolament (KE) Nru. 178/2002, taħdem fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel.
Naturalment, l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni ta' qafas aktar stretta dwar il-benessri tal-annimali se tiswa lill-produtturi aktar żmien, sforz biex jakkwistaw il-kompetenza, u flus. Il-kompetenza tista' ssir disponibbli bl-użu tal-bażijiet ta' data rilevanti tal-Istati Membri stess, permezz ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u permezz ta' ċentru ġdid fl-UE. Kemm bħala ċittadini kif ukoll bħala konsumaturi, għandna lkoll inkunu lesti ngħinu niffinanzjaw standards imtejbin ħafna tal-benessri tal-annimali. Anke issa, hemm disponibbli riżorsi konsiderevoli bħala parti mill-finanzjament tal-UE għall-iżvilupp rurali, iżda dawn ir-riżorsi ma jistgħux jitqiesu li huma adegwati.
Huwa meħtieġ korp ta' koordinament għall-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-annimali fl-UE. Jekk din il-funzjoni tiġix fdata f'idejn dipartiment fil-Kummissjoni jew jekk wieħed miċ-ċentri nazzjonali eżistenti għall-benessri tal-annimali jingħatax rwol ta' koordinament mhuwiex importanti.
Iċ-ċentru għandu jkun ibbażat fuq il-'liġi ġenerali dwar il-benessri tal-annimali' u jiġbor l-għerf kollu disponibbli; għandu jkollu s-setgħa li jibda riċerka ġdida meta jiġu osservati lakuni, b'eżempju jkun il-Proġett tal-Kwalità tal-Benessri tal-Annimali li kellu suċċess kbir, fejn l-għerf attwalment huwa nieqes fir-rigward ta' kif indikaturi ġodda għandhom jiġu applikati fil-prattika. Iċ-ċentru għandu jżomm ukoll stampa sħiħa tal-għerf fi kwalunkwe mument u jagħti pariri dwar l-introduzzjoni ta' teknoloġija ġdida.
Prekundizzjoni assoluta biex kwalunkwe liġi fil-qasam tkun tista' tiffunzjona hija li għandu jkun hemm monitoraġġ, superviżjoni u (sfortunatament!) anke penali.
Hawnhekk il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat u r-riżorsi biex tkun tista' tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ bi skop u bbażata fuq ir-riskju. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet superviżorji tagħhom iżommu standards għoljin u ekwivalenti u għandhom iħaddmu wkoll is-sistema rikjesta ta' penali għas-sidien tal-annimali li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti legali.
Hemm raġunijiet etiċi qawwija favur li jinżamm standard għoli ta' benessri tal-annimali - xi ħaġa li minnha nnifisha għandha tipprovdi raġunijiet adegwati għal leġiżlazzjoni aktar stretta u konformità magħha. Minkejja dan, l-aspetti tas-saħħa pubblika tal-benessri tal-annimali huma mill-inqas daqstant importanti.
Hemm numru daqstant inkredibbli ta' fatturi bijoloġiċi li huma l-istess għall-kreaturi kollha ħajjin, u saħansitra iktar għall-ispeċi mammiferi, li jinkludu kemm il-maġġoranza kbira tal-annimali tagħna kif ukoll lilna nfusna. L-annimali u l-bnedmin huma simili fis-sens li jesperjenzaw il-biża' u l-uġigħ, il-pjaċir u l-ħbiberija; għandna wkoll sistemi immunitarji relattivament simili u nikkondividu ħafna patoġeni.
Il-mard tal-annimali jaffettwana mhux biss minħabba r-relazzjoni bejn l-annimali li jipproduċu l-ikel u s-saħħa tal-bniedem iżda wkoll fil-forma ta' mard li huma suxxettibbli għalih l-annimali selvaġġi u l-annimali domestiċi tagħna, bħal mhuma r-rabja, li nistgħu nieħdu mill-annimali selvaġġi, u t-toxoplasmosis, li l-aktar ta' spiss tiġi minn infezzjoni mill-qtates tagħna. Għaldaqstant jeżistu raġunijiet tajbin ħafna għalfejn l-Artikolu 13 il-ġdid tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif emendat bit-Trattat ta' Lisbona, għandu jiġi interpretat li jestendi s-setgħat tal-UE biex ikopru l-annimali kollha.
Bħal fl-oqsma l-oħrajn kollha fis-soċjetà, l-għerf li għandna dwar l-annimali tagħna, u b'mod partikolari dwar il-mard tal-annimali u l-influwenza tiegħu fuq saħħitna, qed jiżdied il-ħin kollu. Għandna nużaw dan l-għerf biex intejbu b'mod kostanti kemm ħajjet l-annimali kif ukoll is-saħħa pubblika tagħna.
Ikun fl-interess komuni tagħna li tiġi stabbilita bażi ta' data Ewropea dwar l-użu tal-antibijotiċi. F'liema kwantitajiet jintużaw? Liema antibijotiċi jiġu preskritti? F'liema żoni ġeografiċi? U f'liema oqsma ta' produzzjoni? Xi kwantitajiet ta' antibijotiċi jintużaw fuq l-annimali domestiċi? Hemm ħafna mistoqsijiet vitali, peress li r-reżistenza għall-antibijotiċi - li issa qed tieħu l-forma kemm ta' multireżistenza kif ukoll ta' panreżistenza - hija fuq kollox theddida serja għas-saħħa tat-tfal u taż-żgħar.
F'termini assoluti l-iktar mard serju u dak li jirrappreżenta theddida diretta għall-ħajja, bħat-TB, huwa preċiżament mard tal-annimali, li jista' jikkawża problemi enormi. Hawnhekk ukoll, ċentru ġdid tal-UE għall-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-annimali jista' jkollu rwol importanti bħala forza ta' tmexxija u entità li xxerred l-għerf.
Hemm raġunijiet etiċi u kulturali, mingħajr ma wieħed jinsa għal mument ir-raġunijiet prattiċi, ekonomiċi u tas-saħħa pubblika, għalfejn għandu jinżamm standard għoli ħafna ta' benessri tal-annimali. Fil-fehma tar-rapporteur, pjan ta' azzjoni pluriennali ġdid u ambizzjuż, bl-enfasi kif spjegat hawn fuq, ikun jikkontribwixxi għal dan.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.3.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 7 3 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew, Richard Ashworth, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Giovanni La Via, Stéphane Le Foll, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Krisztina Morvai, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Luís Paulo Alves, Spyros Danellis, Lena Ek, Véronique Mathieu, Maria do Céu Patrão Neves |
|||||