RAPPORT dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2008

25.3.2010 - (2009/2166(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Tamás Deutsch

Proċedura : 2009/2166(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0062/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2008

(2009/2166(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2008 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 208-209, 271, 308-309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-BEI,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rigward ir-rwol tal-Qorti tal-Awdituri,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2009 li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Seba’, it-Tmien u d-Disa’ Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2007[1],

–   wara li kkunsidra l-iskambju ta’ ittri bejn is-Sur Pöttering, President tal-Parlament Ewropew, u s-Sur Maystadt wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta’ April 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar ir-rapport annwali tal-2006 tal-Bank Ewropew tal-Investiment[3],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità[4],

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Novembru 2008 dwar il-bażi legali tad-Deċiżjoni 2006/1016/KE[5],

–   wara li kkunsidra l-Politika tal-Iżvelar Pubbliku tal-BEI[6] tat-28 ta’ Marzu 2006,

–   wara li kkunsidra l-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni tal-BEI għall-2009-2011, kif approvat mill-Bord tad-Diretturi fis-16 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 2003 dwar is-setgħa tal-Uffiċċju Ewropew għal Kontra l-Frodi (OLAF) li jinvestiga lill-BEI[7],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku li ġie konkluż bejn il-Qorti tal-Awdituri, il-BEI u l-Kummissjoni rigward il-modalitajiet għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti tal-Awdituri, previsti fl-Artikolu 248(3) tat-Trattat KE[8] u mġedda f'Lulju 2007,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim iffirmat fis-27 ta' Mejju 2008 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment bl-għan li jżid il-koordinazzjoni tal-politiki ta' self estern tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat fid-9 ta’ Lulju 2008 bejn l-Ombudsman Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment rigward l-informazzjoni dwar il-politiki, l-istandards u l-proċeduri tal-bank u l-mod kif il-bank jittratta l-ilmenti, inklużi l-ilmenti minn dawk li mhumiex ċittadini jew residenti tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra il-Politika interim riveduta tal-BEI dwar iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Attività Annwali għall-2008 tal-Uffiċċju għall-Ilmenti tal-BEI,

–   wara li kkunsidra l-aħħar rapport tal-BEI lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali għall-2008 tal-Kumitat ta’ Verifika tal-BEI lill-Bord tal-Gvernaturi,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2008 bit-titolu “Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni" (COM(2008)0706),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 bit-titolu "Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku" (COM(2008)0800),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar UE 2020[9],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7‑0062/2010),

A.  billi l-BEI ġie stabbilit mit-Trattat ta’ Ruma u l-għan prinċipali tiegħu hu li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq komuni u għat-tnaqqis tad-differenzi fl-iżvilupp ta’ diversi reġjuni, permezz tas-swieq kapitali u r-riżorsi proprji tiegħu,

B.  billi l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI fi ħdan l-Unjoni Ewropea jiffokaw fuq sitt prijoritajiet ta’ politika: l-iżgurar tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; it-tħejjija għall-ekonomija tal-għarfien; l-iżvilupp ta' netwerks trans-Ewropej ta' trasport u aċċess; l-appoġġ għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju; il-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent; u l-iżgurar ta’ enerġija sostenibbli, kompetittiva u żgura,

C.  billi t-transazzjonijiet tal-BEI barra l-Unjoni Ewropea jitwettqu primarjament biex jappoġġaw il-politiki ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,

D.  billi, bi qbil mal-Istrateġija ta’ Lisbona, il-BEI iddeċieda li jżid il-kapital sottoskritt tiegħu b’EUR 67 biljun minn EUR 165 biljun għal EUR 232 biljun, li minnhom l-Istati Membri ħallsu EUR 8.2 biljuni,

E.  billi, skont l-Istatut tiegħu, wara r-ratifika tat-Trattat ta’ Lisbona, il-BEI hu awtorizzat li jkollu self u garanziji massimi ekwivalenti għal 250% mhux biss tal-kapital sottoskritt tiegħu imma wkoll tar-riservi, tal-ammonti mhux allokati u tal-eċċess fil-kont tal-qligħ u t-telf,

F.  billi żdiedu l-ħtiġijiet finanzjarji minħabba l-għafsa tal-kreditu kkawżata mill-kriżi ekonomika u finanzjarja,

G.  billi l-BEI qiegħed enfasi partikolari fuq l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, fuq l-enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll fuq l-investimenti fir-reġjuni ta’ konverġenza tal-UE li, b’mod partikolari, intlaqtu sew mit-tnaqqis fl-attività ekonomika reċenti,

H.  billi l-għanijiet tal-istrateġija UE 2020 ma jistgħux jinkisbu mingħajr il-fondi xierqa u fil-paragrafu 35 tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar UE 2020, il-Parlament Ewropew hu tal-opinjoni li “l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp għandu jkollhom rwol akbar fl-appoġġ tal-investiment infrastrutturali, tat-teknoloġiji l-ħodor, tal-innovazzjoni u tal-SMEs”,

I.  billi l-volum tas-self tal-BEI żdied b’mod sinifikanti fl-2008, biex l-ammont ta’ self iffirmat fil-kuntratti laħaq EUR 57,6 biljuni, u l-ammont maħruġ kien ta’ EUR 48,6 biljuni, 10 biljuni aktar milli kien mistenni,

J.  billi l-valur tal-proġetti sottoskritti żdied b’20.5 % meta mqabbel mal-2007, u b’25.9 % meta mqabbel mal-2006. Id-89,34% tal-operazzjonijiet tal-BEI kienu kkonċentrati fuq proġetti fl-Istati Membri tal-UE fl-2008, li juri espansjoni ta’ 2.7 % meta mqabbel mal-2007, u ta’ 2.25 % meta mqabbel mal-2006,

K.  billi, meta mqabbel mal-2007, il-valur tal-kuntratti sottoskritti, li huma ffukati fuq proġetti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kiber bi 17 % għal EUR 6905 miljuni fl-2008, li jfisser li tela’ għal kważi d-doppju tal-valur fl-2004,

L.  billi l-attività ta' self tal-BEI fl-2008 barra l-UE, skont ir-reġjun ġeografiku, twettqet kif ġej: l-Ażja u l-Amerika Latina EUR 469 miljun, l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Russja EUR 170 miljun, il-pajjiżi tal-Mediterran EUR 1 290 miljun, il-pajjiżi fl-istadju ta’ qabel l-adeżjoni EUR 3 453 miljun; il-pajjiżi tal-AKP EUR 561 miljun; u l-Afrika t'Isfel EUR 203 miljuni,

Kummenti dwar ir-Rapport Annwali 2008 tal-BEI

1.  Jilqa’ r-Rapport Annwali 2008 tal-BEI u jħeġġu biex ikompli bl-attivitajiet tiegħu biex jiġu promossi l-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea u biex jitrawmu t-tkabbir, biex jitqanqlu l-impjiegi u biex tiġi promossa l-koeżjoni interreġjonali u soċjali;

2.  Jinnota b’sodisfazzjon ir-reazzjoni ta’ malajr tal-BEI għall-kriżi ekonomika globali billi awtofinanzja żieda fil-kapital tiegħu u b'hekk għolla l-volum tiegħu ta’ self bħala appoġġ għall-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku; u jistieden lill-Bank biex ikompli bil-programmi tiegħu għall-ġestjoni tal-kriżi finanzjarja, b’mod partikulari għal dawk l-Istati Membri li ntlaqtu b’mod gravi mill-kriżi, u biex iżid ulterjurment l-attività ta’ self tiegħu f’dawk il-pajjiżi; jistenna li l-finanzjamenti tal-BEI fl-2009, li jammontaw għal EUR 75 000 miljun, se jkollhom effett ta’ lieva fuq l-investimenti fl-ekonomija reali biex jilħqu ammont totali ta' madwar EUR 225 000 miljun;

3.  Jinnota li l-linji ta’ kreditu l-ġodda mal-intermedjarji finanzjarji għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju żdiedu bi 42.4 % għal EUR 8.1 biljun fl-2008, li minnhom ġew realizzati EUR 4.7 biljun fl-aħħar tliet xhur; EUR 30 biljun ġew allokati għal “Self għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju” fl-Ewropa matul il-perjodu 2008-2011;

Il-konsegwenzi tat-Trattat ta’ Lisbona

4.  Jilqa’ l-fatt li l-Kumitat ta’ Verifika ssaħħaħ billi żdied in-numru tal-membri tiegħu minn tlieta għal sitta u billi ngħata l-missjoni li jivverifika li l-attivitajiet tal-Bank jikkonformaw mal-aħjar prattika bankarja u li jivverifika l-kontijiet; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-membri tal-Kumitat ta’ Verifika jkollhom esperjenza ta’ sorveljanza bankarja b’saħħitha; jenfasizza, madankollu, li, flimkien ma’ dan it-tisħiħ tal-Kumitat ta’ Verifika, għandhom jittieħdu passi konkreti biex jiġi żgurat li l-BEI jitqiegħed malajr taħt sorveljanza bankarja kif suppost;

5.  Jitlob lill-BEI u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-possibilità (peress li l-UE għandha personalità legali bi qbil mat-Trattat ta’ Lisbona) li l-Unjoni Ewropea ssir detentur tal-ishma fil-Bank flimkien mal-Istati Membri, li, fil-fehma tiegħu, tkun tirriżulta f’koperazzjoni msaħħa bejn il-BEI u l-Kummissjoni;

Is-sorveljanza bankarja

6.  Jinnota li, f’Lulju 2009, il-BEI sar parteċipant fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u dan l-istatus jinvolvi ċerti rekwiżiti li jirrapporta lill-BĊE, permezz tal-Banque Centrale du Luxembourg (BCL), b’mod partikulari dwar il-qafas tal-BEI għall-immaniġġjar tar-riskji ta’ likwidità;

7.  Jinsab konvint madankollu dwar il-bżonn ta’ sistema Ewropea ta’ sorveljanza prudenzjali li taħtha l-BEI jkun suġġett għall-istess regoli prudenzjali bħall-istabbilimenti ta’ kreditu u għal kontroll prudenzjali ta’ veru, li tissorvelja l-kwalità tal-qagħda finanzjarja tal-BEI u li tiżgura li r-riżultati tiegħu jitkejlu b’mod preċiż u li r-regoli ta’ mġieba tajba tal-professjoni jitħarsu;

8.  Għal din ir-raġuni jappoġġja l-idea li l-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (KSBE) jinbidel f’Awtorità Bankarja Ewropea aktar kompetenti fi ħdan il-qafas tal-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza Finanzjarja; jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet u l-gruppi finanzjarji kollha, li juru li huma attivi f’aktar minn Stat Membru wieħed tal-UE, inkluż il-BEI, jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Awtorità Bankarja Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jippermettu li din is-Sistema ta’ Superviżuri Finanzjarji l-ġdida tkun tista’ tibda l-operat tagħha malajr kemm jista’ jkun;

Il-kontroll u l-ġestjoni baġitarji

9.  Jilqa’ l-fatt li, minkejja l-volatilità u l-inċertezza tas-suq, il-Bank seta’ jżomm l-affidabilità ta’ kreditu tal-ogħla kwalità li għandu; jilqa’ wkoll il-fatt li l-Bank żied il-limitu massimu tiegħu għal finanzjamenti minn EUR 55 biljun għal EUR 60 biljun u seta’ jiġbor ammont ta’ EUR 59.5 biljun, li hu żieda sinifikanti (8.8 %) meta mqabbel mal-2007 (EUR 54.7 biljun);

10. Jistieden lill-BEI biex jagħmel l-isforzi kollha biex iżomm il-klassifikazzjoni ta’ AAA, li hi kruċjali sabiex jiġu ggarantiti l-aħjar kundizzjonijiet għas-self tiegħu;

Il-mandat estern u l-faċilità ta’ investiment

11. Jistenna r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-finanzjament estern tal-BEI sat-30 ta’ April 2010 u l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ġdida li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE; hu tal-fehma li kemm ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu, kif ukoll il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni, għandhom iqisu mhux biss ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ tmexxija ppresedut minn Michel Camdessus, imma anke r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Parlament; jitlob b’mod partikolari għal aktar konsistenza fil-mandat estern tal-BEI, kemm fir-rigward tas-suffiċjenza tal-fondi għall-perjodu kollu tal-mandat il-ġdid, kif ukoll fir-rigward tad-distribuzzjoni tagħhom skont żoni ġeografiċi;

12. Jenfasizza l-fatt li l-azzjoni esterna tal-BEI għandha tkun konformi mal-objettivi politiċi tal-UE kif stipulati fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; huwa tal-fehma li l-BEI, bħala bank orjentat mill-politiki tal-UE, għandu jżomm bilanċ f'termini ta' self bejn ir-reġjuni differenti tal-viċinat tal-UE. jikkunsidra li, fir-rigward tar-reġjuni fejn l-attività tal-BEI tista' tikkoinċidi ma' dik ta’ istituzzjonijiet reġjonali jew internazzjonali oħrajn li jkunu ffinanzjati pubblikament, tista’ tkun meħtieġa diviżjoni ċara tax-xogħol; jilqa' l-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent f’dan ir-rigward; itenni, madankollu, li jeħtieġ li jiġi rivedut il-ftehim ta' kooperazzjoni attwali bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament fil-Viċinat tal-Lvant, ir-Russja u l-Ażja Ċentrali; jilqa', għalhekk, il-fatt li l-Kumitat ta' Tmexxija ta’ "persuni għorrief" jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet adottati f'Marzu 2009 mill-Parlament Ewropew dwar fehim reċiproku aħjar bejn il-BEI u l-BERŻ;

13. Ifakkar li, fil-paragrafu 24 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 April 2008[10] dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tas-Sitt, is-Seba’, it-Tmien u d-Disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2006, hu ssuġġerixxa li, waqt il-proċedura ta’ kwittanza, il-BEI jippreżenta r-rapport annwali tiegħu u jispjega l-implimentazzjoni tal-faċilità ta’ investiment direttament lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; ifakkar ukoll li r-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp huma flus pubbliċi kkontribwiti mill-Ewropej li jħallsu t-taxxi u mhux mis-swieq finanzjarji;

14. Itenni s-sogħba tiegħu li r-rapport annwali tal-BEI dwar il-faċilità ta' investiment prinċipalment fih informazzjoni finanzjarja u ftit li xejn - jekk hemm - informazzjoni dwar ir-riżultati tal-programmi varji li ġew iffinanzjati;

15. Josserva li r-reviżjoni li se ssir tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[11] hi opportunità biex il-proġetti u r-riżultati tal-faċilità ta’ investiment jiġu inklużi fil-proċedura ta’ kwittanza; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi soluzzjoni possibbli biex jinkiseb dan l-objettiv meta tkun qed tagħmel il-proposta tagħha;

It-trasparenza u l-ġlieda kontra l-frodi

16. Jinnota b'sodisfazzjon is-segwitu sistematiku tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament li sar mill-BEI f'dawn l-aħħar snin;

17. Ifakkar li l-BEI impenja ruħu biex isiru reviżjonijiet formali tal-Politika tal-Iżvelar Pubbliku kull tliet snin u jilqa’ l-fatt li, f’Mejju 2009, il-BEI nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika tal-Mekkaniżmu għall-Ilmenti, il-Politika tal-Iżvelar Pubbliku u l-Politika ta’ Trasparenza tiegħu; jiddispjaċih li l-Politika tal-Iżvelar Pubbliku ma ġietx riveduta fl-2009 kif previst u jistenna li l-BEI jirrevedi dawn it-tliet politiki malajr kemm jista’ jkun;

18. Jitlob li l-BEI jispeċifika b’mod ċar il-kundizzjonijiet biex ma tiġix żvelata l-informazzjoni fil-Politika tal-Iżvelar Pubbliku l-ġdida li trid toħroġ sabiex jistabbilixxi standards ta’ trasparenza għoljin;

19. Jinnota b’sodisfazzjoni li l-konsultazzjonijiet pubbliċi saru parti integrali mill-politika ta’ trasparenza tal-BEI f’dawn l-aħħar snin; jistieden, madankollu, lill-BEI biex jagħti aktar attenzjoni għall-involviment tal-partijiet interessati, billi jipprovdilhom dokumenti ta’ gwida ċari dwar l-involviment possibbli tagħhom f’konsultazzjonijiet jew valutazzjonijiet;

20. Jilqa’ l-fatt li l-BEI, b’mod speċjali l-Uffiċjal Kap għall-Konformità, ta aktar attenzjoni lill-iżvilupp ta’ sett ġdid ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ whistleblowers, ippubblikat f’April 2009, li jipprovdi lill-istaff tal-BEI u lil kull persuna oħra li tipprovdi servizz lill-Bank bi protezzjoni sħiħa; jiġbed madankollu l-attenzjoni tal-Bank għall-fatt li l-BEI ma jipprovdi l-ebda protezzjoni kontra ritaljazzjoni għal ilmenti esterni u jitlob lill-BEI biex jeżamina l-possibilitajiet biex jitranġa dan in-nuqqas;

21. Jappoġġa l-politika ta' "tolleranza żero" tal-BEI fir-rigward tal-frodi u l-korruzzjoni, u jitlob lill-Bank biex iħaffef, b’koperazzjoni mal-Kummissjoni, it-twaqqif ta’ blacklist ta’ dawk li jwettqu frodi u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ interdizzjoni għall-kumpaniji li jinsabu ħatja ta’ korruzzjoni mill-BEI u banek ta’ żvilupp multilaterali oħra;

22. Jilqa’ l-fatt li l-Politika tal-Iżvelar Pubbliku ġiet tradotta fil-lingwi kollha tal-UE, u jistieden lill-BEI biex jagħmel disponibbli wkoll l-Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali, il-Politika tal-Mekkaniżmu għall-Ilmenti u l-Politika ta’ Trasparenza bil-lingwi kollha tal-UE;

Il-politika dwar iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore

23. Jilqa’ l-fatt li l-BEI ħa pass ulterjuri billi rriveda l-politika tiegħu dwar iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore, b’mod li jmur lil hinn miż-żamma tal-projbizzjoni eżistenti tal-finanzjament tal-promoturi li huma bbażati f’rifuġju fiskali;

24. Jinnota b'sodisfazzjon il-politika mġedda tal-Bank lejn iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore, li tmur lil hinn milli sempliċement iżżomm il-projbizzjoni eżistenti tal-finanzjament tal-promoturi li huma bbażati f’Ċentri Finanzjarji Offshore fil-blacklist, speċjalment l-obbligu l-ġdid impost mill-BEI fuq il-kontropartijiet kollha li qegħdin f'Ċentri Finanzjarji Offshore li mhumiex fil-blacklist imma li huma regolati b'mod dgħajjef biex imorru f'pajjiż li mhux Ċentru Finanzjarju Offshore qabel l-iffirmar tal-kuntratti rilevanti, biex b'hekk jiġi żgurat li, għas-self ġejjieni tal-Bank wara l-31 ta' Marzu 2010, l-ebda wieħed fost dawk li jissellfu mill-BEI mhu se jkun f’Ċentru Finanzjarju Offshore regolat b’mod dgħajjef;

25. Jitlob lill-BEI biex jispezzjona jekk din il-politika mġedda fir-rigward taċ-Ċentri Finanzjarji Offshore tkoprix il-fondi li jintużaw mill-BEI biex jipprovdi self għal proġetti; hu tal-fehma barra minn hekk li l-BEI għandu jiżgura li d-dħul prodott minn dawn il-fondi ma jkunx jista’ jiċċaqlaq lejn rifuġji fiskali wara li jintemmu l-proġetti;

26. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-mod kif jiġi allokat u kkontrollat is-“self globali” f'termini ta' governanza fiskali; ifakkar li l-BEI għandu jiżgura li dawk li jirċievu s-self tiegħu ma għandhomx jinqdew b'rifuġji fiskali jew jużaw prattiki oħra, bħalma huma l-prezzijiet ta’ trasferiment abużivi, li jistgħu jwasslu għall-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa; f'dan ir-rigward, jitlob li l-BEI jirrikjedi li l-intermedjarji finanzjarji jagħmlu pubbliku kull użu mis-self globali u ta' qafas li jirċievu, inkluż rapport dwar l-attivitajiet tagħhom f'kull pajjiż individwali li joperaw fih;

27. Jilqa' r-Rapport dwar l-Attività u r-Responsabbiltà Korporattiva tal-Grupp tal-BEI li jirrapporta dwar l-azzjonijiet meħuda sabiex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi tal-Bank li jikkomplementaw u jsaħħu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea;

Strateġija u għanijiet

28. Jilqa’ l-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni tal-BEI għall-2009-2011, li fih il-Bank irreveda l-miri ta’ attività operattiva billi għollihom b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-orjentamenti mogħtija fil-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni għall-2008-2010;

29. Jisħaq fuq il-fatt li l-BEI hu mistieden biex jieħu rwol importanti biex jinkisbu l-objettivi UE 2020; għalhekk jitlob lill-Bank biex jiżgura lis-self tiegħu se jikkontribwixxi għall-isforz biex jinkisbu l-objettivi ta’ strateġija;

30. Jinnota li l-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-konverġenza, kif ukoll il-pilastru tal-konverġenza tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE b'mod partikulari, huma fost l-għanijiet ewlenin tal-BEI;

31. Japprezza l-kontribut li l-Bank Ewropew tal-Investiment għamel għall-objettiv ta' konverġenza permezz tas-self ta' EUR 21 biljun, 41% tas-self totali tal-BEI fl-UE, għall-proġetti ta' konverġenza;

32. Jenfasizza l-valur miżjud tat-teħid ta' azzjonijiet f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, u tal-approċċ tal-Bank fl-għoti ta' appoġġ addizzjonali u fl-azzjoni ta' lieva fl-interventi tal-Fondi Strutturali;

33. Jitlob li jitjieb l-użu kkombinat tal-għotjiet mill-UE mal-istrumenti finanzjarji tal-BEI, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni u l-pajjiżi ta' koeżjoni fejn hemm diffikultajiet partikolari biex jinġabru fondi proprji, ħalli b'hekk il-koeżjoni tingħata appoġġ u jixxekkel id-deklin ulterjuri fil-pajjiżi li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi;

34. Jitlob li, fil-ġejjieni, ir-rapport tal-BEI jagħti informazzjoni ddettaljata dwar is-self ewlieni li jissupplimenta l-għotjiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għar-reġjuni li jimplimentaw programmi ta' teknoloġija avvanzata jew programmi relatati mal-provvisti ta' enerġija rinnovabbli jew nadifa;

35. Jenfasizza r-rwol sinifikanti tal-BEI fl-appoġġar tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju waqt il-kriżi finanzjarja wara li kkunsidra li l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju jikkonsistu f’99 % tan-negozji fl-UE u jimpjegaw aktar minn 100 miljun persuna u huma għalhekk il-mutur tal-ekonomija tal-Ewropa;

36. Jammetti li jeżisti effett ta’ lieva intrinsiku li jfisser li l-intermedjarji finanzjarji jridu jgħaddu bħala self lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju għallinqas id-doppju tal-ammont tas-self mill-BEI u li l-inizjattiva l-ġdida “Self għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju” ttejjeb il-kundizzjonijiet għal dan it-tip ta’ intrapriżi; jitlob ulterjurment lill-BEI biex iżid dettalji dwar l-użu effiċjent ta’ dan is-self fir-rapport ta’ attività li jmiss biex jiġi żgurat li parti mill-benefiċċji li jidderivaw mill-fondi tal-BEI jgħaddu għand l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju b'mod xieraq, u li jagħtu tagħrif dwar l-oriġini tal-fondi;

37. Jinnota f'dan il-kuntest li fuq talba tad-detentura tal-ishma tal-BEI, EUR 30 biljun ġew assenjati għal self għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju għall-perjodu 2008-2011 u li nofs dan l-ammont se jkun disponibbli bejn l-2008 u l-2009; jenfasizza l-importanza ta' livelli għolja ta' sorveljanza biex jiġi żgurat li s-sieħba finanzjarji ma jaħżnux il-kreditu tal-BEI biex jistabbilizzaw il-karti tal-bilanċ tagħhom;

38. Fid-dawl tal-fatt li l-kriżi ekonomika għadha ma spiċċatx, bir-rati tal-qgħad għadhom telgħin, jistieden lill-BEI biex japplika prinċipju aktar kuraġġuż ta' teħid ta' riskji fil-politika tas-self tiegħu fil-konfront tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju mingħajr ma jikkomprometti l-istatus AAA tiegħu; jissuġġerixxi li l-BEI jadatta l-Mandat għall-Kapital ta’ Riskju għall-Fond Ewropew tal-Investiment tal-2006 biex ikun jista’ jqis b’mod aħjar it-taqlib ekonomiku ta’ bħalissa u l-ħtieġa tat-titjib tal-aċċess tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju għall-kapital għal proġetti ta' riskju; jitlob li l-parteċipazzjoni tal-BEI fil-programm Jasmine, li attwalment tammonta għal EUR 20 miljun, tal-anqas tirdoppja;

39. Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp[12], li fil-paragrafu 8 tagħha tħeġġeġ lill-Bank Ewropew tal-Investiment "biex jimmoniterja aħjar is-self globali tiegħu għall-appoġġ tal-intrapriżi ta' daqs żgħir jew medju u jiżgura li n-natura u d-destinazzjoni finali ta' dan is-self ikunu trasparenti"; jistieden lill-BEI sabiex ikompli jsaħħaħ it-trasparenza fis-self tiegħu permezz ta' intermedjarji finanzjarji u sabiex jistabbilixxi kundizzjonijiet ċari ta' finanzjament għall-intermedjarji finanzjarji u l-kriterji tal-effikaċja tas-self;

40. Jistieden lill-BEI biex jarmonizza s-self tiegħu lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju permezz ta' allokazzjonijiet mill-Fondi Strutturali fir-reġjuni ta' konverġenza u biex jiżgura li jkun hemm appoġġ ibbilanċjat bejn it-tipi differenti ta' intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju;

41. Iħeġġeġ lill-BEI jimmonitorja aħjar u jagħmel aktar trasparenti n-natura u d-destinazzjoni finali tas-self globali tiegħu b'appoġġ għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju; jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ scoreboard dwar l-effetti ta’ multiplikazzjoni tal-operazzjonijiet ta' self tal-BEI;

42. Jistieden lill-BEI biex jiżviluppa analiżi aktar iddettaljata u metodoloġikament armonizzata fir-rapporti annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li jikkomplementaw l-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali; f'dan il-kuntest il-Bank jista' jispjega lill-Parlament il-funzjonament tal-Faċilità għall-Finanzjament tal-Kondiviżjoni tar-Riskju li stabbilixxa mal-Kummissjoni; hu tal-fehma li hi ta' relevanza partikulari l-azzjoni reċiproka bejn din il-faċilità u l-finanzjamenti taħt is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Fondi Strutturali;

43. Jinnota li skont ir-Rapport Annwali tal-BEI, il-fażi ta’ valutazzjoni tal-inizjattiva JEREMIE (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Intrapriżi minn Mikro sa Medji) tlestiet fl-2008; jiddispjaċih li r-rapport ma jinkludix din il-valutazzjoni;

44. Jitlob lill-BEI biex fir-rapport annwali tiegħu li jmiss iżid dettalji dwar l-ewwel riżultati taż-żewġ politiki mill-2009: l-inizjattiva JASMINE (Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta’ Mikronfinanza fl-Ewropa) u l-implimentazzjoni tal-“Faċilità Mezzanina għat-Tkabbir”;

45. Jitlob lill-BEI biex jagħmel l-isforzi kollha possibbli biex jissimplifika r-regolamenti kkumplikati u burokratiċi li jinsabu f’ċerti proġetti, kull fejn iseħħu, sabiex il-finanzjament tal-proġetti jsir aktar rapidu u effiċjenti, b’rigward speċjali għall-kriżi globali;

46. Jenfasizza li s-suċċess tal-programmi l-ġodda għall-makroreġjuni Ewropej jiddependi fuq il-koordinament tal-attivitajiet li jitwettqu skont il-politiki kollha li jkollhom impatt territorjali u fuq is-sejbien ta' soluzzjoni għal żmien fit-tul għall-finanzjament tar-reġjuni makro; jistieden, għaldaqstant, lill-Bank biex iqis il-possibilità tal-għoti tal-fondi tal-BEI u tal-Fond Ewropew tal-Investiment, apparti l-fondi tal-UE, għal dan il-għan fil-perjodu li jmiss tal-ipprogrammar finanazjarju li jibda fl-2014;

47. Jistieden lill-BEI jiex jagħmel l-isforzi kollha possibbli biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) barra mill-UE; itenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-paragrafu 28 tar-riżoluzzjoni tal-25 ta’ Marzu 2009 hawn fuq imsemmija sabiex tinkiseb koperazzjoni strutturata b’mod aħjar bejn il-BEI u l-BERŻ fil-pajjiżi fejn joperaw b’mod komuni;

o

o        o

48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]     ĠU L 255, 26.9.2009, p. 98.
  • [2]     Testi Adottati, P6_TA(2009)0185.
  • [3]     ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 14.
  • [4]     ĠU L 414, 30.12.2006, p. 95
  • [5]     Kawża C-155/07, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra.
  • [6]     ĠU L 332, 30.12.2006, p. 45.
  • [7]     Kawża C-15/00, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment [2003] Ġabra I-7281.
  • [8]     L-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
  • [9]     Testi adottati, P7_TA(2010)0053.
  • [10]  ĠU L 88, 31.3.2009, p. 253.
  • [11]  ĠU L 248, 16.9.2002, p.1.
  • [12]  Testi Adottati, P6_TA(2009)0185.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li ġie stabbilit mit-Trattat ta' Ruma, iċċelebra l-ħamsin anniversarju tiegħu fl-2008. Il-BEI, bħala l-bank għas-self fit-tul tal-Unjoni Ewropea, isellef il-flus lis-setturi pubbliċi u privati (bi prezz qrib dak li jkun issellef bih) għal proġetti ta’ interess Ewropew, billi juża s-swieq finanzjarji u l-fondi proprja tiegħu. L-objettiv prinċipali tal-Bank hu li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, għal żvilupp ibbilanċjat u sostenibbli, kif ukoll għal koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Istati Membri tal-UE.

Il-BEI iżomm rabtiet ta’ ħidma mill-qrib mal-familja tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jinkisbu l-objettivi tal-Komunità. B’mod aktar partikulari, il-Bank ikollu koperazzjoni regolari mal-kumitati tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri Ecofin. Il-Parlament Ewropew ilu jagħti opinjoni esperta dwar ir-Rapport ta’ Attività tiegħu kull sena mill-1999. Il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI huwa wieħed mill-kompetenzi tal-kumitati CONT u ECON. Dawn il-kumitati ilhom jirrappurtaw b’alternanza dwaru mill-2006. F’dak li għandu x’jaqsam mal-konnessjoni bejn il-PE u l-BEI, ir-rapporteur jixtieq jenfasizza l-koperazzjoni totali li wera l-BEI waqt ix-xogħlijiet relatati ma’ dan ir-rapport.

Il-Bank kellu jiffaċċja sfidi akbar fl-2008 milli fis-snin ta’ qabel peress li l-kriżi ekonomika globali laħqet l-ekonomiji tal-Unjoni Ewropea wkoll. Il-kriżi ekonomika tas-snin 2008 u 2009 hi l-aktar tnaqqis ekonomiku sinifikanti mid-Dipressjoni l-Kbira. L-isfond tal-kriżi hu l-kriżi tal-ipoteki subprime fl-Istati Uniti tal-Amerika, li ħarġet mis-setturi tal-proprjetà u tal-banek fl-aħħar tal-2006, u li kkawżat problemi finanzjarji serji fl-ekonomiji u s-swieq finanzjarji mill-Ewropa sal-Ażja. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea wkoll qed jiffaċċjaw sfidi kbar u qed jiġu implimentati miżuri sinifikanti biex tiġi żgurata l-istabilità finanzjarja mill-Istati Membri u anke mill-UE nnifisha. Il-programmi għall-ġestjoni tal-kriżi finanzjarja tal-gvernijiet u l-banek ċentrali nazzjonali kienu simili f’ħafna stati (stimolu fiskali, tnaqqis tat-taxxi, aktar infiq mill-gvernijiet, espansjoni monetarja, salvataġġi istituzzjonali). Apparti l-istimolu ekonomiku nazzjonali, l-UE ħadet ukoll deċiżjoni dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku. Il-BEI għandu rwol importanti f’dan il-Pjan, speċjalment fir-rigward tal-finanzjamenti msaħħa għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u t-trasport nadif.

Minħabba l-għafsa serja fil-likwidità, il-kundizzjonijiet ta’ nuqqas gravi ta’ kreditu (anke fis-setturi pubbliċi u privati, li jikkawżaw problemi partikolarment kbar fil-finanzjamenti għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju), il-limiti tal-kapital u l-kunfidenza fis-swieq finanzjarji li qed tonqos, il-BEI kellu jirrispondi malajr għall-kriżi globali.

Ir-rwol prinċipali tal-BEI fil-ġestjoni tal-kriżi hu li jżid il-provvista tal-flus għall-ekonomija b’kundizzjonijiet favorevoli ħafna. Bħala rispons għall-kriżi, il-BEI irreveda l-miri ta’ attività operattiva billi għollihom b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-orjentamenti mogħtija fil-Pjan Operattiv tal-Korporazzjoni għall-2008-2010. B’mod partikulari, il-mira għas-sottoskrizzjonijiet totali żdiedet b’approssimattivament 39 % (EUR 18,6 biljun) għall-2009, 42 % (EUR 19,9 biljun) għall-2010 u 34 % (EUR 16,4 biljun) għall-2011 meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-kriżi li nkisbu fl-2007. Sabiex jgħin lin-negozji u jħeġġeġ l-irkupru ekonomiku, il-BEI żied b’mod sustanzjali il-volum tas-self tiegħu fl-aħħar tliet xhur tal-2008: bis-sottoskrizzjonijiet li, fl-aħħar nett, ammontaw għal EUR 57 biljun, b’żieda ta’ 21 % meta mqabbla mal-2007; u ġew żburżjati EUR 10 biljun aktar milli kien mistenni; b’mod partikulari, is-self lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju żdied bi 42 % meta mqabbel mal-2007. Barra minn hekk, il-Bank żviluppa strumenti finanzjarji ġodda bi qsim tar-riskji, arranġamenti msaħħa għall-qsim tar-riskji, proċeduri ta’ self issimplifikati, ħaffef l-implimentazzjoni ta’ proġetti fl-Istati Membri u fis-setturi li l-aktar huma affettwati b’mod gravi mill-kriżi.

Din il-kapaċità għal reazzjoni ta’ malajr kienet imsaħħa minn deċiżjoni li, permezz tagħha, id-detenturi tal-ishma ressqu ’l quddiem iż-żieda ta’ kapital li inizjalment kienet ipprogrammata għall-2010: il-kapital tal-BEI żdied b’EUR 67 biljun biex laħaq EUR 232 biljun, bi qbil mal-Istrateġija ta’ Lisbona.

Apparti l-analiżi tal-attivitajiet tal-BEI għas-sena 2008, ir-rapporteur tagħkom ikkunsidra li kienet xi ħaġa estremament importanti li jagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn l-iżviluppi varji li jaffettwaw il-ġejjieni tal-BEI. Wieħed minnhom hu ċertament id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li ġab miegħu xi bidliet istituzzjonali għall-bank. Ir-rapporteur tagħkom saħaq fuq l-iżviluppi pożittivi fl-ivverifikar tal-bank, imma madankollu enfasizza l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni fit-tul għal sistema Ewropea ta’ sorveljanza bankarja xierqa.

Element innovattiv ieħor li rriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona l-ġdid jista’ jkun it-tiswir mill-ġdid tar-relazzjoni bejn il-BEI u l-Unjoni Ewropea, fejn ir-rapporteur tagħkom hu intenzjonat li jagħmel xi suġġerimenti orjentattivi, u ppropona l-possibilità li l-Unjoni Ewropea ssir detentur tal-ishma fil-BEI.

F’dak li jirrigwarda s-sorveljanza bankarja, għad hemm bżonn ta’ sistema Ewropea ta’ sorvelljanza prudenzjali li tkun tipprovdi regoli prudenzjali ġenerali ċari għall-attivitajiet tal-BEI ukoll. Ir-rapporteur tagħkom għaldaqstant saħaq fuq l-importanza ta’ Awtorità Bankarja Ewropea kompetenti fi ħdan il-qafas tal-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza Finanzjarja, waqt li żied li anke l-BEI għandu jaqa’ fil-kompetenzi tagħha, bħall-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra li joperaw f’aktar minn pajjiż wieħed tal-UE. Ir-rapport jinnota li l-Kummissjoni Ewropea wkoll għandha rwol fil-proċess biex tinstab soluzzjoni xierqa.

It-trasparenza u l-politika kontra l-frodi huma suġġetti li għandhom sinifikat prijoritarju għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, li ħeġġeġ lir-rapporteur biex jagħmel rimarki dettaljati dwar fir-rapport ta’ din is-sena. Wieħed jista’ bla dubju jistqarr li l-BEI għamel sforzi ċari biex jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament f'dan ir-rigward s’issa.

Suġġetti prijoritarji bħall-politika ta’ tolleranza żero lejn il-frodi, il-politika għall-ħarsien tal-whistle-blowers jew konsultazzjonijiet pubbliċi huma rappreżentati estensivament fl-attivitajiet u l-azzjonijiet bankarji tal-BEI. Ir-rapporteur tagħkom xtaq madankolllu jelenka xi oqsma fejn it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni għandhom jiġu riveduti u msaħħa, eż. fil-każ tal-Politika tal-Iżvelar Pubbliku. Sabiex jiġi ffaċilitat it-tqassim tal-informazzjoni pubblika dwar l-attivitajiet tal-Bank, qed jiġi rrakkomandat li tiżdied id-disponibilità tad-dokumenti politiċi, il-mekkaniżmi u r-regoli fundamentali tal-BEI bil-lingwi kollha tal-UE.

Il-politika dwar iċ-Ċentri Finanzjarji Offshore hi politika oħra li għandha importanza ewlenija biex il-flus ta’ dawk li jħallsu t-taxxi jintużaw b’mod xieraq u effikaċi, rikonoxxuta estensivament mill-Membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit. Din iċ-ċirkustanza twassal lir-rapporteur biex jinkorpora proposti għall-prevenzjoni tal-ħarba tal-fondi lejn rifuġji fiskali biex b'hekk jiġu żgurati l-effettività u l-effikaċja f'dan il-qasam ukoll.

Fl-aħħar nett, meta analizza l-programmi u l-objettivi strateġiċi tal-BEI, ir-rapporteur tagħkom enfasizza li l-BEI għandu rwol prominenti fil-finanzjamenti tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, is-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu u s-soluzzjonijiet ta’ trasport sostenibbli, kif msemmi qabel. Waqt il-kriżi finanzjarja, qed tingħata prijorità speċjali lill-intrapriżi, l-enerġija sostenibbli u żgura u t-taffiment tat-tibdil tal-klima, bħall-investimenti fir-reġjuni ta’ konverġenza tal-UE. Konsegwentement, fuq is-sentejn li ġejjin, is-self għall-kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju (permezz ta’ intermedjarji finanzjarji) se jkun żdied b’EUR 2,5 biljun oħra, is-self għall-enerġija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima b’EUR 6 biljun u s-self għall-konverġenza b’EUR 2,5 biljun. Ir-rapporteur jirrikonoxxi wkoll li l-valur tas-self għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju diġà żdied bi 42 % biex jilħaq EUR 8,1 biljun fl-2008 u, fuq talba tad-detenturi tal-ishma tal-BEI, ġew allokati EUR 30 biljun għal self għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju matul il-perjodu 2008-2011. Ir-rapport jisħaq fuq l-effetti pożittivi ta’ dawn il-miżuri, waqt li fl-istess ħin jitlob għas-simplifikazzjoni tal-burokrazija kkumplikata u jitlob li jsir segwitu bir-reqqa u dettaljat fuq l-effetti ta’ vera tal-programmi ta’ appoġġ ipprovduti għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (23.3.2010)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar ir-Rapport Annwali 2008 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
(2009/2166(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Enikő Győri

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

- Billi s-self globali mogħti lill-intermedjarji jirrappreżenta sa 23% tas-self tal-BEI;

1.  Jirrikonoxxi li l-Grupp tal-BEI rreaġixxa malajr u fil-pront għall-kriżi ekonomika billi awtofinanzja żieda fil-kapital tiegħu u b'hekk għolla l-volum tas-self b'risq Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew; jisħaq li l-azzjonijiet meħudin fi tmiem l-2008 taw aktar appoġġ finanzjarju għall-ekonomija reali ekwivalenti għal EUR 15 000 miljun fis-sena fl-2009 u fl-2010; jistenna li l-finanzjament tal-BEI fl-2009 li jammonta għal EUR 75 000 miljun iwassal biex jagħti spinta lill-investiment fl-ekonomija reali għal ammont totali ta' madwar EUR 225 000 miljun;

2.   Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riarranġament tal-prijoritajiet tal-BEI b'reazzjoni għall-kriżi, b'mod partikolari l-attenzjoni intesifikata fuq is-self lill-impriżi żgħar u medji; fid-dawl tal-fatt li l-kriżi ekonomika għadha ma spiċċatx, bir-rati tal-qgħad għadhom telgħin, jistieden lill-BEI biex tapplika prinċipju aktar kuraġġuż ta' teħid ta' riskji fil-politika tas-self tiegħu fil-konfront tal-impriżi żgħar u medji mingħajr ma tikkomprometti l-istatus AAA tiegħu; jissuġġerixxi li l-BEI jadatta l-Mandat għall-Kapital ta' Riskju għall-Fond Ewropew tal-Investiment tal-2006 biex ikun jista' jieħu f'kunsiderazzjoni b'mod aħjar it-taqlib ekonomiku ta' bħalissa u l-ħtieġa tat-titjib tal-aċċess tal-impriżi żgħar u medji għall-kapital għal proġetti ta' riskju; jitlob li l-parteċipazzjoni tal-BEI fil-programm Jasmine, li attwalment tammonta għal EUR 20 miljun, tal-anqas tirdoppja;

3.   Jilqa' l-isforzi tal-BEI fil-politiki soċjali u ambjentali; jenfasizza, madankollu, li l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tal-operazzjonijiet ta' self tal-BEI għall-proġetti kollha għadhom iridu jitjiebu, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-istandards ambjentali u soċjali tal-UE; f'dan il-kuntest, jitlob lill-BEI jagħmel l-iżvilupp ta' politiki ta' salvagwardja vinkolanti u operattivi bil-għan li jkunu ggarantiti standards soċjali u ambjentali għoli l-prijorità tiegħu li tegħleb kull prijorità oħra;

4.  Dwar l-istandards ambjentali u soċjali, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Unità ta' Valutazzjoni tal-Operazzjonijiet tal-BEI twettaq biss evalwazzjonijiet ex-post fuq numru limitat ta' proġetti u li l-BEI jqiegħed ir-responsabbiltà sħiħa għall-konformità mal-istandards ambjentali u soċjali fuq il-promoturi tal-proġetti li jirċievu l-finanzjament tiegħu;

5.  Jieħu nota tal-lista aġġornata ta' banek li qed jaġixxu ta' intermedjarji għas-self tal-BEI lill-impriżi żgħar u medji; Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li dawk il-banek għandhom obbligi kuntrattwali li jisilfu lill-impriżi żgħar u medji tal-anqas id-doppju tal-ammont tas-self tagħhom mill-BEI, biex jiġi żgurat li parti mill-benefiċċji li jidderivaw mill-fondi tal-BEI jgħaddu għand l-impriżi żgħar u medji b'mod xieraq, u li jagħtu tagħrif dwar l-oriġini ta' tali fondi; huwa tal-fehma li r-rata 'pass-on' kuntrattwali attwali ta' 20 punt bażi hija pjuttost baxxa u għandha tiżdied; jistenna li jkun hemm valutazzjoni mill-BEI dwar kemm kienu effikaċi dawk il-banek meta għamlu 'pass on' tas-self BEI lill-impriżi żgħar u medji u kif jista' jitjieb il-monitoraġġ;

6.   Jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-mod kif jiġi allokat u monitorjat is-'self globali' f'termini ta' governanza fiskali; ifakkar li l-BEI għandu jiżgura li dawk li jirċievu s-self tiegħu ma jinqdewx b'rifuġji fiskali jew minn prattiki oħra bħalma huwa t-transfer pricing abużiv li jista' jwassal għall-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa; f'dan ir-rigward, jitlob lill-BEI jirrikjedi li l-intermedjarji finanzjarji jagħmlu pubbliku kull użu mis-self globali u ta' qafas li jirċievu, inkluż rapport dwar l-attivitajiet tagħhom f'kull pajjiż individwali li joperaw minnu;

7.   Iħeġġeġ lill-BEI jimmonitorja aħjar u jagħmel aktar trasparenti n-natura u d-destinazzjoni finali tas-self globali tiegħu b'appoġġ għall-impriżi żgħar u medji; fuq livell aktar ġenerali, jitlob lill-BEI jirrapporta kull sena dwar is-self lill-impriżi żgħar u medji, inkluża valutazzjoni dwar l-aċċessibilità u l-effikaċja tal-finanzjamenti tiegħu lill-impriżi żgħar u medji;

8.  Jissuġġerixxi t-twaqqif ta' tabella ta' valutazzjoni dwar l-effetti ta' moltiplikazzjoni tal-operazzjoni ta' self tal-BEI;

9.  Jitlob li jitjieb l-użu kkombinat tal-għotjiet mill-UE mal-istrumenti finanzjarji tal-BEI, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni u l-pajjiżi ta' koeżjoni fejn hemm diffikultajiet partikolari biex jinġabar finanzjamenti proprji, ħalli b'hekk il-koeżjoni tingħata appoġġ u jixxekkel id-deklin ulterjuri fil-pajjiżi li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi.

10. Jenfasizza l-fatt li l-azzjoni esterna tal-BEI għandha tkun konformi mal-objettivi politiċi tal-UE kif stipulati fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; huwa tal-fehma li l-BEI, bħala bank orjentat mill-politiki tal-UE, għandu jżomm bilanċ f'termini ta' self bejn ir-reġjuni differenti tal-viċinat tal-UE. iqis li, fir-rigward tar-reġjuni fejn l-attività tal-BEI tista' tikkoinċidi ma' istituzzjonijiet reġjonali jew internazzjonali oħrajn li jkunu ffinanzjati pubblikament, hija meħtieġa diviżjoni ċara tax-xogħol; jilqa', fid-dawl ta' dan, il-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent; itenni, madankollu, li jeħtieġ li jiġi rivedut il-ftehim ta' kooperazzjoni attwali bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament fil-Viċinat tal-Lvant, ir-Russja u l-Asja Ċentrali; jilqa', għalhekk, il-fatt li l-Kumitat ta' Tmexxija tal-"persuni għorrief" jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet adottati f'Marzu 2009 mill-Parlament Ewropew dwar fehim reċiproku aħjar bejn il-BEI u l-BERŻ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Enikő Győri, Liem Hoang Ngoc, Othmar Karas, Jürgen Klute, Werner Langen, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Sławomir Witold Nitras, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Sophie Briard Auconie, Ashley Fox, Sophia in 't Veld, Philippe Lamberts, Gay Mitchell, Werner Schulz

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (1.2.2010)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2008
(2009/2166(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Angela Krehl

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jilqa' b'interess ir-Rapport Annwali 2008, u b'mod partikulari r-Rapport dwar l-Attività u r-Responsabbiltà Korporattiva tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jirrapporta dwar l-azzjonijiet meħuda sabiex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi tal-Bank li jikkomplementaw u jsaħħu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea;

2.   Jilqa' l-proporzjon adegwat tal-kapital għoli tal-Bank Ewropew tal-Investiment u jfaħħar il-kultura tal-bonus tiegħu; fid-dawl tal-kriżijiet riċenti fis-settur bankarju b'mod ġenerali, jikkunsidra li l-Bank Ewropew tal-Investiment jista' joffri mudell għall-governanza f'dan is-settur;

3.   Jinnota li l-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-konverġenza, kif ukoll il-pilastru tal-konverġenza tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea b'mod partikulari, huma fost l-għanijiet ewlenin tal-Bank Ewropew tal-Investiment;

4.   Japprezza l-kontribuzzjoni li l-Bank Ewropew tal-Investiment għamel għall-objettiv ta' konverġenza permezz tas-self ta' EUR 21 biljun, 41% tas-self totali tal-Bank Ewropew tal-Investiment fl-Unjoni Ewropea, għall-proġetti ta' konverġenza;

5.   Jenfasizza l-valur miżjud tat-teħid ta' azzjonijiet f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, u tal-approċċ tal-Bank fl-għoti ta' appoġġ addizzjonali u fl-azzjoni ta' lieva fl-interventi tal-Fondi Strutturali;

6.   Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiżviluppa analiżi aktar iddettaljata u metodoloġikament armonizzata fir-rapporti annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li jikkomplementaw l-operazzjonijiet tal-Fondi Strutturali; f'dan il-kuntest il-bank jista' jispjega lill-Parlament il-funzjonament tal-Faċilità għall-Finanzjament tal-Kondiviżjoni tar-Riskju li stabbilixxa mal-Kummissjoni. L-azzjoni reċiproka bejn din il-faċilità, il-finanzjament taħt is-7 Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Fondi Strutturali hija ta' rilevanza partikulari ;

7.   Jitlob li fil-ġejjieni r-rapport tal-Bank Ewropew tal-Investiment jagħti informazzjoni ddettaljata dwar is-self ewlieni li jissupplimenta l-għotjiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għar-reġjuni li jimplimentaw programmi ta' teknoloġija avvanzata jew programmi relatati mal-provvisti ta' enerġija rinnovabbli jew nadifa;

8.   Jirrikonoxxi l-importanza tal-irwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment fl-appoġġ li qed jagħti lill-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju matul il-kriżi finanzjarja; jinnota f'dan il-kuntest li fuq talba tal-azzjonisti tal-Bank Ewropew tal-Investiment, EUR 30 biljun ġew assenjati għal self biex jiddisponu minnu l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju għall-perjodu 2008-2011 u li nofs dan l-ammont se jkun disponibbli bejn l-2008 u l-2009; jirrikonoxxi l-effett intrinsiku tal-azzjoni ta' lieva li jistipula li għal kull euro li l-Bank Ewropew tal-Investiment jislef lil wieħed mis-sħab finanzjarji, dan għandu juri li għadda żewġ euro ta' kreditu lill-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju; jenfasizza, madankollu, l-importanza ta' livelli għolja ta' sorveljanza biex jiġi żgurat li s-sħab finanzjarji ma jaħżnux il-kreditu tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jistabilizzaw il-karti tal-bilanċ tagħhom;

9.   Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti Annwali 2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp[1], li fil-paragrafu 8 tagħha tħeġġeġ il-Bank Ewropew tal-Investiment "biex jimmoniterja aħjar is-self globali tiegħu għall-appoġġ tal-intrapriżi ta' daqs żgħir jew medju u jiżgura li n-natura u d-destinazzjoni finali ta' dan is-self ikun trasparenti"; jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment sabiex ikompli jtejjeb it-trasparenza fis-self tiegħu permezz ta' intermedjarji finanzjarji u sabiex jistabbilixxi kondizzjonijiet ċari ta' finanzjament għall-intermedjarji finanzjarji u l-kriterji tal-effikaċja tas-self; jistieden, barra minn hekk, lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jirrapporta dwar is-self tiegħu lill-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju b'mod annwali, u biex jinkludi l-evalwazzjoni tal-aċċessibilità u tal-effikaċja tagħha;

10. Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jarmonizza s-self tiegħu lill-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju permezz ta' allokazzjonijiet ta' fondi strutturali fir-reġjuni ta' konverġenza u biex jiżgura li jkun hemm appoġġ ibbilanċjat bejn it-tipi differenti ta' Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.1.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, Sophie Briard Auconie, Zuzana Brzobohatá, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Ricardo Cortés Lastra, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Elie Hoarau, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Miroslav Mikolášik, Franz Obermayr, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Nuno Teixeira, Michael Theurer, Viktor Uspaskich, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Vasilica Viorica Dăncilă, Karima Delli, Ivars Godmanis, Karin Kadenbach, Veronica Lope Fontagné, Elisabeth Schroedter, Richard Seeber, Patrice Tirolien, Sabine Verheyen, Iuliu Winkler

RESULT OF FINAL VOTE IN COMMITTEE

Date adopted

16.3.2010          

 

 

 

Result of final vote

+:

–:

0:

17

0

1

Members present for the final vote

Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Andrea Cozzolino, Luigi de Magistris, Tamás Deutsch, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Ville Itälä, Cătălin Sorin Ivan, Bogusław Liberadzki, Monica Luisa Macovei, Jan Olbrycht, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard

Substitute(s) present for the final vote

Christofer Fjellner, Edit Herczog, Monika Hohlmeier

Substitute(s) under Rule 187(2) present for the final vote

Csaba Sógor