Proċedura : 2009/2225(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0066/2010

Testi mressqa :

A7-0066/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/05/2010 - 13.43
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0133

RAPPORT     
PDF 685kWORD 1264k
25.3.2010
PE 438.179v02-00 A7-0066/2010

dwar id-definizzjoni ta' Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu

(2009/2225(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Pilar del Castillo Vera

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNEX
 OPINJONI TAL-KUMITAT DWAR IS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR
 OPINJONI tal-Kumitat għall-kultura u l-edukazzjoni
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-definizzjoni ta' Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu

(2009/2225(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Rapport dwar il-Kompetittività Diġitali tal-Ewropa: Kisbiet ewlenin tal-istrateġija i2010 mill-2005 sal-2009” (COM(2009)0390)

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat għar-Reġjuni intitolat ’In-Negozju Transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum fl-UE’ (COM(2009)0557);

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2006 dwar soċjetà tal-informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2007 – Lejn politika barranija Ewropea komuni dwar l-ispettru tar-radju(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2007 dwar il-bini ta’ politika Ewropea dwar il-broadband(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0066/2010),

A. billi t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) xterdu prattikament f’kull aspett ta’ ħajjitna u huma marbutin bis-sħiħ max-xewqa tagħna għal ekonomija aktar sinjura u kompetittiva, għall-ħarsien tal-ambjent tagħna u għal soċjetà aktar demokratika, miftuħa u inklussiva,

B.  billi l-Ewropa għandu jkollha rwol ewlieni fil-ħolqien u fl-applikazzjoni tal-ICT, fil-kisba ta’ aktar valur għaċ-ċittadini u għan-negozji tagħha; billi l-użu tal-ICT jikkontribwixxi biex isaħħaħ l-isfidi strutturali attwali, bil-kisba ta’ tkabbir ekonomiku sostanzjali,

C. billi l-Ewropa tista’ taħsad il-benefiċċji ta’ din ir-rivoluzzjoni diġitali biss jekk kull ċittadin tal-UE jiġi mobilizzat u jingħata s-setgħa biex jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà diġitali l-ġdida u jekk il-persuna titqiegħed fil-qalba tal-azzjoni ta’ politika; billi din ir-rivoluzzjoni diġitali ma tistax tibqa’ titqies bħala evoluzzjoni minn passat industrijali iżda pjuttost bħala proċess ta’ bidla radikali,

D. billi l-iżvilupp tas-soċjetà diġitali għandha tkun inklussiva u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE u għandha tkun megħjuna b’politiki effettivi mmirati lejn l-għeluq tad-diskrepanza diġitali fl-UE, bl-għoti tas-setgħa lill-aktar ċittadini b’ħiliet elettroniċi sabiex jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mill-ICTs,

E.  billi l-broadband huwa disponibbli għal aktar minn 90% tal-popolazzjoni tal-UE, jabbonaw fih 50% tal-familji biss,

F    billi s-swieq kompetittivi tal-komunikazzjonijiet huma importanti biex jiżguraw li l-utenti jirċievu l-benefiċċji kollha possibbli f’dawk li huma għażla, kwalità u prezzijiet għall-but ta’ kulħadd,

G. billi l-potenzjal tal-Ewropa huwa marbut b’mod li ma jistax jinfired mill-ħiliet tal-popolazzjoni, fil-forza tax-xogħol u fl-organizzazzjonijiet tagħha; billi, mingħajr ħiliet, it-teknoloġiji u l-infrastrutturi tal-ICT jistgħu jwasslu biss għal valur miżjud ekonomiku u soċjali limitat,

H. billi l-ICT tista’ tkun potenzjatur kbir fl-isforzi għal żvilupp pożittiv u sostenibbli fil-pajjiżi madwar id-dinja u fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi,

I.   billi ċ-ċittadini se jżommu lura milli jinteraġixxu, jesprimu l-opinjoni tagħhom bil-libertà u jidħlu għal transazzjonijiet kummerċjali jekk ma jkollhomx fiduċja biżżejjed fil-qafas legali ta’ dan l-ispazju diġitali l-ġdid; billi l-garanzija u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali f’dan il-kuntest hi kundizzjoni essenzjali għall-fiduċja min-naħa taċ-ċittadini, billi l-garanzija tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) u drittijiet oħra hija kundizzjoni essenzjali għall-fiduċja min-naħa tan-negozju,

J.   billi ċ-ċiberkriminalità, bħal pereżempju l-inċitazzjoni biex jitwettqu attakki terroristiċi, atti kriminali bbażati fuq il-mibegħda u pornografija tat-tfal żdiedu, u qed jipperikolaw l-individwi inklużi t-tfal,

K. billi l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej ma għandhomx biss rwol essenzjali fil-promozzjoni tad-diversità kulturali, il-pluraliżmu tal-midja u d-demokrazija parteċipattiva fl-Ewropa, iżda jikkostitwixxu wkoll forza ewlenija fit-tkabbir sostenibbli u l-irkupru ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet kulturali u lingwistiċi fid-dibattitu dwar it-twaqqif ta’ suq uniku fis-settur tal-kontenut kreattiv;

L.  billi s-soċjetà demokratika Ewropea, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-dibattitu pubbliku u l-aċċess għall-informazzjoni fid-dinja diġitali jiddependu minn settur ġurnalistiku vibranti u kompetittiv bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija,

M. billi n-nuqqas ta’ progress fil-ħolqien, it-tixrid u l-użu tal-ICT huwa responsabbli għal dewmien fit-tkabbir u l-produttività, u billi negozji ġodda b’potenzjal ta’ tkabbir għoli li jaħdmu fil-qasam tal-innovazzjoni tal-ICT għandhom pressjoni kbira biex jistabbilixxu pożizzjoni sostenibbli fis-suq,

N. billi s-setturi privati u pubbliċi jeħtieġu li jinvestu fi pjattaformi u servizzi innovattivi ġodda bħal pereżempju, cloud computing, saħħa elettonika, miters intelliġenti, mobilità intelliġenti, eċċ.; billi t-tisħiħ tas-suq uniku Ewropew iżid l-interess fl-investimenti fl-ekonomija tal-Ewropa u fis-swieq, u jwassal għal aktar ekonomiji ta’ skala,

O. billi għadna ma ksibniex suq uniku diġitali li jaħdem b’mod sħiħ għal servizzi online u tal-komunikazzjonijiet fl-Ewropa; billi l-moviment ħieles ta’ servizzi diġitali u l-kummerċ elettroniku transkonfinali llum il-ġurnata hu mxekkel bil-qawwi minn regoli frammentarji fil-livell nazzjonali, billi l-kumpaniji Ewropej u s-servizzi pubbliċi se jiksbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali mill-użu ta’ servizzi u applikazzjonijiet avvanzati tal-ICT,

P.  billi, filwaqt li l-Internet huwa l-aktar kanal bl-imnut li qed jikber malajr, id-divarju bejn il-kummerċ elettroniku domestiku u dak transkonfinali fl-UE qed jikber, billi jeżisti potenzjal konsiderevoli għall-iffrankar sostanzjali ta' flus permezz tan-negozju elettroniku transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-negozju transkonfinali san negozju elettroniku tal-konsum fl-UE (COM(2009)0557),

1.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta għal aġenda u pjan ta’ azzjoni diġitali ambizzjużi li tippermetti lill-Ewropa timxi ’l quddiem lejn soċjetà diġitali miftuħa u aktar sinjura li toffri opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali liċ-ċittadini kollha; jipproponi li dan il-qafas il-ġdid jissejjaħ “aġenda 2015.eu” u għandu jissejjes fuq il-mudell ta’ spirali ta’ suċċess 2015.eu;

2.  Jisħaq l-importanza ta’ sforzi kontinwi lejn aċċess minn kullimkien u b’veloċità għolja għall-broadband fiss u mobbli għaċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha, inkluż il-ħarsien tal-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumatur; jenfasizza li dan jeħtieġ politiki mmirati li jippromovu l-kompetizzjoni u l-investiment u l-innovazzjoni effikaċi f’infrastrutturi ta’ aċċess mtejba u ġodda u f’għażla għall-konsumatur dwar l-għoti tal-aċċess, fuq termini ġusti u bi prezzijiet kompettitivi għaċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-post, biex b'hekk jiġi żgurat li l-ebda ċittadin Ewropew ma jiġi eskluż;

3.  Jemmen li kull familja fl-UE għandu jkollha aċċess broadband għall-Internet bi prezzijiet kompetittivi sal-2013; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu kull strumenti ta’ politika disponibbli biex jingħata aċċess għall-broadband b’veloċità għolja liċ-ċittadini Ewropej kollha, inkluż l-użu tal-Fondi Strutturali Ewropej u tad-dividend diġitali għall-estensjoni tal-kopertura u l-kwalità tal-broadband mobbli; barra minn hekk, jitlob, lill-Istati Membri sabiex jagħtu spinta ġdida lill-istrateġija Ewropea għall-aċċess għall-broadband b’veloċità għolja, l-iktar bl-aġġornament tal-miri nazzjonali għall-kopertura tal-broadbend b’veloċità għolja;

4.  Jinnota li hemm xi ambigwitajiet fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jista’ jkollhom effett fuq is-servizzi tal-broadband appoġġjati mill-Komunità, partikolarment fir-rigward tal-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi li jikkonsolidaw ir-rekwiżiti għan-netwerk tagħhom bħala l-bażi għal investiment ġdid; jitlob lill-Kummissjoni biex tittratta dawn il-problemi b’urġenza;

5.  Ifakkar li għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni effetwati minn transizzjoni industrijali, u lill-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi permanenti, b’mod partikolari r-reġjuni l-iktar imbiegħda; jikkunsidra li s-soluzzjoni adegwata li tiżgura l-provvista ta’ u l-aċċess effikaċi għall-Internet bil-broadband għaċ-ċittadini ta’ dawn ir-reġjuni f’ħin xieraq u bi prezz raġonevoli għandha tkun permezz ta’ teknoloġiji bla fili inkluż is-satellita, li jippermettu konnettività minn kullimkien għas-sinsla tal-Internet;

6.  Ifakkar li l-obbligi tas-servizz universali jikkorrispondu għal ġabra minima ta’ servizzi ta’ kwalità speċifika li l-utent aħħari, għandu jkollu aċċess aċċess għalihom bi prezz raġonevoli mingħajr tgħawwiġ tal-kompetittività u l-impożizzjoni ta’ piż żejjed fuq il-konsumaturi u l-operaturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex mingħajr dewmien tressaq ir-reviżjoni tant mistennija tagħha tas-servizz universali;

7.  Jenfasizza l-importanza li jkun iggarantit aċċess għall-utenti b’diżabilità aħħarin, ta’ livell ekwivalenti daqs dak disponibbli għall-utenti aħħarin l-oħrajn, kif imħeġġeġ mill-Parlament Ewropew fir-reviżjoni tiegħu tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali u d-Drittijiet tal-Utenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel ħilitha biex tqis il-ħtiġijiet tal-utenti b’diżabilità fl-'Aġenda 2015.eu".

8.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni tal-impatt biex teżamina kif tista’ sseħħ il-portabilità tan-numru madwar l-UE kollha;

9.  Jenfasizza l-importanza li l-Ewropa tibqa l-“kontinent mobbli” fid-dinja u li jiġi żgurat li 75% tal-abbonati tat-telefown ċellulari jkunu utenti tal-broadband bla fili b’aċċess għal servizzi bla fili b’veloċità għolja sal-2015;

10. Ifakkar il-ħtieġa li jitħaffef it-tixrid armonizzat tal-ispettru tad-dividend diġitali b’mod mhux diskriminatorju u mingħajr kompromess għas-servizzi ta’ xandir eżistenti u mtejba;

11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex permezz tal-Kumitat għall-Ispettru tar-Radju tindirizza r-rekwiżiti prattiċi u tekniċi biex tiżgura d-disponibilità fil-ħin tal-ispettru, bi flessibilità suffiċjenti, biex jippermetti t-tixrid ta’ teknoloġiji u servizzi ġodda, inklużi l-broadband bla fili; jistieden lill-Kummissjoni biex tirraporta dwar l-iżvilupp tas-suq tal-kompetizzjoni u tal-ispettru;

12. Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar evalwazzjoni u riċerka f’interferenza potenzjali bejn l-utenti attwali u futuri tal-ispettru sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi potenzjalment negattivi għall-konsumaturi;

13. Jikkunsidra li hekk kif qegħdin jiżdiedu r-rati ta’ aċċess għall-Internet, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jiksbu konnessjoni ta’ 50% tad-djar fl-UE ma’ netwerks b’veloċità għolja sal-2015 u ta’ 100% sal-2020, li jippermettu esperjenza affidabbli u mtejba tal-utent aħħari f’konformità mal-istennijiet u l-ħtiġijiet tal-konsumatur; ifakkar il-ħtieġa ta’ qafas ta’ politika xieraq għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet li jippermettu investiment privat, filwaqt li titħares il-kompetizzjoni u tissaħħaħ l-għażla tal-konsumatur;

14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jittrasponu l-qafas regolatorju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi qabel it-terminu stabbilit u jimplimentawh bis-sħiħ u biex fl-istess ħin jagħtu s-setgħa lir-regolaturi nazzjonali; jenfasizza li l-qafas il-ġdid jipprovdi għal ambjent regolatorju prevedibbli u konsistenti li jistimula l-investiment u jippromovi s-swieq kompetittivi għan-netwerks, prodotti u servizzi tal-ICT li jikkontribwixxu għal suq uniku mtejjeb għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni; jinsisti li kull gwida dwar l-applikazzjoni tal-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet għall-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss jeħtieġ li jkollu effett globali fuq il-kunċetti introdotti fid-direttivi biex jitrawwem it-tixrid ta’ dawn in-netwerks;

15. Iqis li huwa meħtieġ li tiżdied l-effikaċja tal-koordinazzjoni regolatorja billi jiżgura li l-BEREC ikun operazzjonali bis-sħiħ mill-aktar fis possibbli;

16. Jitlob lill-partijiet interessati biex jadottaw mudelli miftuħa għall-iskjerar tan-netwerk tal-komunikazzjoni biex jgħin iżid l-innovazzjoni u jixpruna d-domanda;

17. Ifakkar il-ħtieġa għat-trasparenza u l-prevedibilità tar-regolazzjoni u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tintegra prinċipji ta’ Regolazzjoni Aħjar fit-tħejjija ta’ inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, b’mod partikolari permezz ta’ evalwazzjonijiet tal-impatt immirati u f’waqthom;

18. Ifakkar li l-interoperabilità u l-aċċessibilità huma marbuta bejniethom u huma l-blokki li fuqhom se tinbena soċjetà tal-informazzjoni effiċjenti, sabiex il-prodotti, l-infrastrutturi u s-servizzi joperaw bejniethom sabiex l-Ewropej jkunu jistgħu jaċċedu għas-servizzi u d-data irrispettivament mis-softwer li jużaw;

19. Jinsisti li l-kompetenzi diġitali huma kruċjali għall-soċjetà diġitali inklussiva u li kull ċittadin tal-UE għandu jingħata ħiliet u s-sjieda diġitali xierqa u jkollu l-inċentivi biex jiżviluppahom; jenfasizza li l-kompetenzi diġitali jistgħu jgħinu l-inklużjoni fis-soċjetà ta’ persuni żvantaġġjati (jiġifieri nies anzjani u dawk bi dħul baxx); jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jittrattaw it-tieni qsim diġitali ġdid, id-differenzi bejn gruppi differenti tas-soċjetà fir-rigward tal-litteriżmu diġitali u l-użu tal-Internet; jenfasizza l-impenn ewlieni għat-tnaqqis bin-nofs tal-litteriżmu diġitali u tal-lakuni fil-kompetenzi sal-2015;

20. Jitlob li jiġu rispettati t-trasparenza, l-aċċessibilità u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet fl-użu tas-sistemi tal-ICT, bil-għan li jiġi faċilitat l-użu tagħhom għall-ikbar ammont possibbli ta' ċittadini Ewropej;

21. Jenfasizza li l-iskejjel primarji u sekondarji kollha għandu jkollhom konnessjonijiet tal-Internet ta’ kwalità sal-2013 u konnessjonijiet tal-Internet b’veloċità għolja sal-2015, bl-appoġġ tal-politika reġjonali u tal-koeżjoni; jenfasizza li t-taħriġ fl-ICT u t-tagħlim elettroniku għandhom ikunu parti integrali tal-attivitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja sabiex jippermettu programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ aħjar u aċċessibbli;

22. Jirrikonoxxi l-importanza tat-tagħlim elettroniku bħala metodu ta' edukazzjoni adattat għall-innovazzjonijiet tal-ICT li jista' jissodisfa l-bżonnijiet ta' persuni li m'għandhomx aċċess faċli għall-metodi edukattivi konvenzjonali, iżda jenfasizza li l-bżonn li jkun hemm skambju ta' informazzjoni bejn l-għalliema, l-istudenti u partijiet oħra interessati huwa prerekwiżiti essenzjali. hu tal-fehma li skambji internazzjonali għandhom ukoll jiġu inkoraġġuti sabiex stabbilimenti edukattivi jerġgħu jiksbu r-rwol importanti tagħhom fil-promozzjoni tal-ftehim bejn il-popli;

23. Jirrakkomanda l-introduzzjoni tal-kunċett ta' litteriżmu diġitali fis-sistemi edukattivi, li għandu jsir sa mil-livell ta' qabel l-iskola primarja, b'mod parallel mal-lingwi barranin, bl-għan li jitrawmu utenti kapaċi minn kmieni kemm jista' jkun;

24. Jinnota l-importanza li ċ-ċittadini tal-UE jkunu mogħnija b'ħiliet diġitali biex jgħinuhom ħalli jisfruttaw bis-sħiħ il-benefiċċji ta’ parteċipazzjoni fis-soċjetà diġitali; itenni l-ħtieġa li jiżgura li l-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenza u l-kreattività tal-ħaddiema Ewropej jilħqu l-ogħla standards globali u li jkunu aġġornati ta’ spiss; jemmen li l-litteriżmu u l-kompetenzi diġitali għandhom ikunu aspetti ċentrali tal-politiki tal-UE peress li huma l-ixprun ewlieni għas-soċjetà tal-innovazzjoni Ewropea;

25. Jipproponi t-tnedija ta’ "Pjan ta’ azzjoni dwar il-litteriżmu diġitali" fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, li għandu jinkludi: opportunitajiet speċifiċi ta’ taħriġ dwar il-litteriżmu diġitali għal nies qiegħda u għal gruppi li huma f’riskju ta’ esklużjoni; inċentivi għall-inizjattivi mis-settur privat sabiex jipprovdu taħriġ dwar ħiliet diġitali lill-impjegati kollha; inizjattiva mifruxa mal-Ewropa kollha bl-isem ta’ “Ħaddem rasek online!” sabiex tiffamiljarizza lill-istudenti, inklużi dawk impenjati fit-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ professjonali, mal-użu sigur tal-ICT u tas-servizzi online; u skema ta’ ċertifikazzjoni komuni tal-ICT fil-livell tal-UE;

26. Jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jispiraw professjonisti żgħażagħ sabiex jagħżlu karriera fl-ICT; fl-istess ħin jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar enfazi fil-programmi edukattivi nazzjonali tagħhom dwar suġġetti tax-xjenzi naturali, bħall-matematika u l-fiżika, għall-istudenti tal-iskola primarja; huwa tal-opinjoni li, ladarba hemm ħtieġa reali u urġenti għal azzjoni biex tintlaħaq it-talba għal ħiliet tal-ICT fl-Ewropa anki fit-terminu qasir għal medju, hija meħtieġa bażi tad-data għall-monitoraġġ tal-ħiliet elettroniċi aħjar; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jieħdu azzjonijiet oħra biex tinħoloq din il-bażi tad-data;

27. Jenfasizza li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet diġitali bażiċi u l-obbligi tagħhom permezz ta’ Karta Ewropea tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-konsumaturi fl-ambjent diġitali; jemmen li din il-Karta għandha tikkonsolida l-acquis Komunitarju, inkluż, b’mod partikolari, d-drittijiet tal-utenti dwar il-ħarsien tal-privatezza, l-utenti vulnerabbli u l-kontenut diġitali kif ukoll l-iżgurar tal-interoperabilità ta’ prestazzjoni xierqa; jerġa’ jtenni d-drittijiet fl-ambjent diġitali għandhom jitqiesu fi ħdan il-qafas globali ta’ drittijiet fundamentali;

28. Jemmen bis-sħiħ li l-ħarsien tal-privatezza huwa valur ewlieni u li l-utenti kollha għandu jkollhom kontroll tad-data personali tagħhom, inkluż id-dritt li “jintesew”; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex ma tikkunsidrax biss il-ħarsien ta’ kwistjonijiet ta’ data u ta’ privatezza bħal dawn, iżda l-aktar il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ minuri u adulti żgħażagħ fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta għall-adattament tad-Direttiva għall-Ħarsien tad-Data għall-ambjent diġitali attwali;

29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni ulterjuri sabiex itejbu s-sigurtà diġitali, sabiex jiġġieldu kontra ċ-ċiberkriminalità u l-ispam, għat-tisħiħ tal-kunfidenza tal-utenti u għall-iżgurar taċ-ċiberspazju tal-Unjoni Ewropea kontra kull tip ta’ krimini u ksur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipparteċipaw u jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam; Ifakkar lill-Istati Membri li kważi nofshom għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex jirratifikaw u jimplimentaq din il-Konvenzjoni;

30. Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu passi bl-għan l-identifikazzjoni elettronika sigura tkun disponibbli għal kulħadd fl-Ewropa;

31. Jinsisti dwar il-ħarsien ta’ Internet miftuħ, fejn iċ-ċittadini u l-utenti tan-negozju jkollhom id-dritt għall-aċċess u t-tixrid ta’ informazzjoni jew tħaddim ta’ applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom, kif jipprovdi l-qafas regolatorju rivedut; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) sabiex jippromwovu d-dispożizzjonijiet ta’ “newtralità tan-net”, sabiex isegwu mill-qrib l-implimentazzjoni, u tirrapporta lill-Parlament qabel tmiem l-2010; Jikkunsidra li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tħares id-dispożizzjoni “sempliċiment passaġġ” stabbilità fid-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku (2000/31/KE) bħala mezz ewlieni li jippermetti kompetizzjoni ħielsa u miftuħa fis-suq diġitali;

32. Jenfasizza li l-pluraliżmu, il-libertà tal-istampa u r-rispett għad-diversità kulturali huma valuri ewlenin u għanijiet aħħara tal-Unjoni Ewropea; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-politiki kollha tal-UE proposti jkunu f'konformità ma' dawn il-valuri u għanijiet;

33. Jilqa b’sodisfazzjon l-implimentazzjoni mgħaġġla tal-leġiżlazzjoni dwar ir-roaming; jenfasizza l-ħtieġa ulterjuri għal monitoraġġ kontinwu tal-prezzijiet tar-roaming ċellulari fl-UE, inklużi dawk dwar ir-roaming tad-data; jistieden lill-BEREC sabiex twettaq analiżi indipendenti dwar metodi oħra minbarra l-kontroll tal-prezzijiet li jistgħu jintużaw sabiex jinħoloq suq kompetittiv intern għar-roaming; jistieden lill-Kummissjoni sabiex fuq il-bażi tal-analiżi tal-BEREC u tar-reviżjoni tagħha stess, tipproponi soluzzjoni fit-tul għall-problema tar-roaming qabel l-2013, sabiex tiżgura suq tar-roaming li jaħdem tajjeb, mibni fuq il-konsumatur u kompetittiv li jwassal għal prezzijiet orħos;

34. Jenfasizza li s-servizzi diġitali jistgħu jikkrontribwixxu biex l-Ewropa tagħmel użu sħiħ mis-suq intern; Jitlob għal politika effettiva għas-suq uniku diġitali li twassal għal servizzi online fl-Ewropa li jkunu aktar kompetittivi, aċċessibbli, transkonfinali u trasparenti li jipprovdu l-ogħla livell possibbli ta’ ħarsien tal-konsumatur u li jtemmu d-diskriminazzjoni territorjali; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ineħħu l-ostakli regolatorji ewlenin għal transazzjonijiet transkonfinali online sal-2013; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli l-evalwazzjoni kontinwa tal-acquis Komunitarju li jaffettwa s-suq uniku diġitali u biex tipproponi azzjoni leġiżlattiva immirata dwar l-impedimenti ewlenin;

35. Isejjaħ għal studju dwar regoli armonizzati fi ħdan l-UE biex jippromwovu suq komuni fil-cloud computing u l-kummerċ elettroniku;

36. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra miżuri biex tkompli żżid it-trasparenza tat-termini u tal-kundizzjonijiet u l-effikaċja tal-infurzar u l-indennizz transkonfinali; jenfasizza li l-iżvilupp b’suċċess ta’ kummerċ online jeħtieġ distribuzzjoni effikaċi ta’ prodotti u beni, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni rapida tat-Tielet Direttiva dwar il-Posta (2008/06/KE);

37. Jemmen li l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-ambjent diġitali meħtieġ għall-intrapriżi, b’mod partikolari għall-SMEs; jistieden lill-Istati Membri sabiex joħolqu “one-stop-shops” għall-VAT sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ elettroniku transkonfinali għall-SMEs u l-intraprendituri u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-użu mifrux ta’ riċevuti elettroniċi;

38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li, sal-2015, tal-anqas 50% tal-akkwisti pubbliċi kollha jitwettqu b'mezzi elettroniċi, kif stabbilit mill-Pjan ta' Azzjoni maqbul fil-Konferenza Ministerjali dwar il-Gvern-e li saret f'Manchester fl-2005;

39. Hu tal-opinjoni li, wara kważi għaxar snin mill-adozzjoni tagħhom, id-Direttivi dwar il-qafas ta’ ħidma legali għas-soċjetà tal-informazzjoni jidher li għadda żmienhom minħabba l-kumplessità akbar tal-ambjent online, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u l-fatt li d-data taċ-ċittadini tal-UE kulma jmur dejjem aktar qed jiġu pproċessati barra mill-UE; jemmen li billi l-kwistjonijiet legali mqajma minn xi Direttivi jistgħu jissolvew permezz ta’ tiġdid gradwali, Direttivi oħra għandhom bżonn ta’ reviżjoni aktar radikali u li għandha tiġi promossa l-adozzjoni ta' qafas internazzjonali għall-protezzjoni tad-data;

40. Jenfasizza l-valur potenzjali tal-bidla diġitali tas-servizzi pubbliċi (gvern-e) għaċ-ċittadini u l-impriżi, li tiggarantixxi provvista aktar effikaċi u personalizzata ta' servizzi pubbliċi; jitlob lill-Istati Membri sabiex jaħtfu l-għodda tal-ICT sabiex itejbu t-trasparenza u l-kontabilità tal-azzjoni tal-gvern u biex jikkontribwixxu għal demokrazija aktar parteċipattiva li tinvolvi l-gruppi soċjo-ekonomiċi kollha, tkabbar l-għarfien ta’ utenti ġodda u l-ħolqien ta’ fiduċja u kunfidenza; jitlob lill-Istati Membri sabiex ifasslu pjanijiet nazzjonali għall-bidla diġitali tas-servizzi pubbliċi, li għandhom jinkludu miri u miżuri biex is-servizzi pubbliċi jkunu kollha online u aċċessibbli għal persuni b’diżabilità sal-2015;

41. Jenfasizza l-importanza tal-broadband għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej waqt li jippermetti l-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni dwar is-saħħa effiċjenti, billi jtejbu l-kwalità tal-kura, u ġeografikament jestendu l-kura tas-saħħa għal żoni rurali insulari, fil-muntanji u popolati b’mod spars, jiffaċilitaw il-kura fid-dar u jnaqqsu trattamenti mhux meħtieġa u trasferimenti tal-pazjenti għaljin; ifakkar li l-broadband jista' jgħin biex iħares liċ-ċittadini Ewropej billi jiffaċilita u jippromwovi informazzjoni u proċeduri tas-sikurezza pubblika u r-reazzjoni għad-diżastri u l-irkupru;

42. Jinnota li t-teknoloġiji tal-ICT huma ta' importanza partikoalri għal persuni b'diżabbiltà, li għandhom ħtieġa akbar minn ta' ħaddieħor għall-assistenza teknoloġika fl-attivitajiet tagħhom ta' kuljum; iqis li l-persuni b'diżabbiltà għandhom id-dritt jaqsmu, fuq termini ugwali, fl-iżvilupp rapidu ta' prodotti u servizzi dderivati mit-teknoloġiji l-ġodda, ġaladarba dan jippermettilhom jissieħbu f'soċjetà tal-informazzjoni inklussiva u bla ostakli;

43. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ żvilupp tal-“Ħames Libertà” biex tippermetti l-moviment ħieles ta’ kontenut u għarfien, u biex sal-2015 jinkiseb qafas legali sempliċi u ta' użu faċli għall-konsumatur għall-aċċess tal-kontenut diġitali fl-Ewropa, li jagħti ċertezza lill-konsumaturi u jiżgura bilanċ bejn id-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet u l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-kontent u l-għarfien; iħeġġeġ lill-UE, sabiex fid-dawl tal-pass tal-iżvilupp teknoloġiku, tħaffef id-dibattitu dwar id-dritt tal-awtur u tanalizza l-impatt ta’ titolu tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE sabiex tipprovdi ħarsien uniformi tad-drittijiet intelletwali tal-awtur madwar l-Unjoni kollha, sew online kif ukoll offline;

44. Jirrikonoxxi l-fatt li l-industriji kreattivi u kulturali Ewropej mhux biss għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tad-diversità kulturali, tal-pluraliżmu tal-midja u tad-demokrazija parteċipattiva fl-Ewropa, iżda huma wkoll mezz importanti ta' tkabbir sostenibbli fl-Ewropa, u għalhekk jista' jkollhom rwol deċiżiv fl-irkupru ekonomiku tal-UE; jirrikonoxxi l-bżonn li jitrawwem ambjent li jkompli jħeġġeġ l-industrija kreattiva; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni biex timplimenta l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali fl-inizjattivi politiċi kollha relatati mal-Aġenda Diġitali;

45. Jenfasizza li aġenda diġitali Ewropea għandha tippromwovi l-produzzjoni u t-tixrid ta' kontenut ta' kwalità għolja u b'diversità kulturali fl-UE sabiex iċ-ċittadini tal-UE jingħataw inċentivi biex jadottaw teknoloġiji diġitali bħall-Internet, u biex il-benefiċċji kulturali u soċjali li jistgħu jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-UE permezz ta' dawk it-teknoloġiji jkunu kbar kemm jista' jkun; jirrakkomanda li titnieda kampanja ta' informazzjoni fil-livell tal-UE sabiex jinkiseb livell ogħla ta' għarfien, partikolarment permezz tal-iżvilupp u t-tixrid ta' kontenut kulturali diġitali; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, fil-programm ta' ħidma leġiżlattiva tagħha, il-possibbiltà li l-Istati membri jitħallew japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għad-distribuzzjoni online tal-prodotti kulturali;

46. Jenfasizza li l-Internet, li joffri ħafna opportunitajiet ġodda għat-tixrid ta’ u l-aċċess għall-prodotti ta’ ħidma kreattiva, jqiegħed ukoll sfidi ġodda għas-sigurtà taċ-ċiberspazju tal-Unjoni Ewropea kontra forom ġodda ta’ kriminalità u ksur; jinnota li s-sanzjonijiet, bħala waħda mill-għodod possibbli fil-qasam tad-drittjiet tal-awtur, għandhom ikunu mmirati lejn l-isfruttaturi kummerċjali qabel iċ-ċittadini individwali, bħala punt ta’ prinċipju;

47. Jemmen li, fid-dawl tat-teknoloġiji l-ġodda, tal-mezzi l-ġodda għat-twassil diġitali u l-bidliet fl-aġir tal-konsumaturi, l-UE teħtieġ li tippromwovi linji ta’ politika min-naħa tal-provvista u għandha tikkunsidra l-iżvilupp ulterjuri tar-regoli dwar il-liċnezjar u l-ikklerjar; jitlob għal sistema ta’ ġestjoni trasparenti tad-drittijiet u ta’ ikklerjar imtejba, aktar effiċjenti u aktar konsistenti għax-xogħolijiet mużikali u awdjoviżivi u għal aktar trasparenza u kompetizzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-ġbir tal-ġestjoni tad-drittijiet;

48. Jenfasizza li għandha tingħata iktar attenzjoni, fl-Aġenda Diġitali ġdida, lid-diġitalizzazzjoni tal-patrimonju kulturali uniku tal-Ewropa u lit-titjib tal-aċċess taċ-ċittadini għalih; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat għall-politika ta' diġitalizzazzjoni tal-UE, billi jħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet adegwati għall-ostakli legali attwali;

49. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-ġejjieni tal-proġett a diġitali Ewropea jekk ma jsirux tibdiliet radikali fl-oqsma tal-format diġitali tal-librerija u l-ġestjoni, l-effiċjenza, il-fattibbiltà, is-siwi u l-medjatizzazzjoni fuq skala kbira tal-proġett;

50. Jikkunsidra li, flimkien mal-iskjerament konsistenti tal-ICT, hu essenzjali li tiġi promossa l-eċċellenza fir-riċerka fl-ICT u li jitħeġġeġ l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-innovazzjoni ta’ riskju għoli u kollaborattiva fl-ICT; jisħaq li l-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-Internet, cloud computing, ambjenti intelliġenti u superkompjuters, u ta’ applikazzjonijiet tal-ICT b’livelli baxxi ta’ karbonju; jipproponi l-irduppjar tal-baġit tal-UE għar-riċerka dwar l-ICT u l-multiplikazzjoni b’erba’ darbiet tal-baġit dwar it-tħaddim tal-ICT, fil-Perspettiva Finanzjarja li jmiss;

51. Jiddeplora l-fatt li, fir-rigward ta' li jinġibed, jiġi żviluppat u jinżamm it-talent akkademiku fl-ICT, l-Ewropa għadha lura meta mqabbla ma' swieq oħra ewlenin u ġġarrab telf sostanzjali tal-imħuħ minħabba kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol għall-akkademiċi u r-riċerkaturi fl-Istati Uniti; jisħaq li, biex tindirizza din il-problema, l-Ewropa jeħtiġilha taħdem mad-dinja akkademika, flimkien mal-industrija, biex tiżviluppa programm vitali ta' żvilupp tal-karrieri li jappoġġa r-rwol kruċjali tal-komunità tar-riċerka xjentifika fi strateġija wiesgħa u ta' klassi dinjija għall-innovazzjoni fl-ICT;

52. Jikkunsidra li sal-2015 l-istituzzjonijiet u l-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka kollha għandhom jingħaqdu permezz tan-netwerk tat-trażmissjoni Gbps b’veloċità tassew għolja, waqt li tinħoloq intranet għall-komunità tar-riċerka Ewropea;

53. Isejjaħ għal aktar investiment fl-użu ta' softwer b'sors miftuħ fl-UE;

54. Jitlob li jsir investiment ġdid fir-riċerka sabiex jiġu implimentati aħjar l-istrumenti diġitali eżistenti, biex jiġi garantit l-aċċess taċ-ċittadini kollha għall-prodotti kulturali;

55. Hu mħasseb bil-burokrazija żejda fil-Programm Kwadru tal-UE (FP); jitlob lill-Kummissjoni biex telimina l-burokraija żejda billi terġa tfassal il-proċessi tal-Programm Qafas bla ma tipperikola l- programm, u billi toħloq bord tal-utenti;

56. Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta mal-Istati Membri b'liema mod id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE dwar il-kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi u t-traspożizzjoni tagħhom jistgħu jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u, fejn xieraq, biex tidentifika l-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-iżvilupp ta' indikaturi tal-innovazzjoni f'kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi;

57. Ifakkar li l-kompetittivita fil-ġejjieni tal-Ewropa u l-kapaċità tagħha li tirkupra mill-kriżi ekonomika attwali fil-parti l-kbira jiddependu minn kemm hija kapaċi tiffaċilita l-iskjerament ġenerali u effikaċi tal-ICT fl-impriżi; jinnota madankollu li l-SMEs għandhom lura ħafna meta mqabbla ma’ impriżi kbar u jiġbed attenzjoni speċjali għall-garanziji li għandhom jingħataw lil mikroimpriżi u impriżi żgħar biex jiżguraw li ma jiċċaħdux mill-benefiċċji tal-iżvilupp tal-ICTs; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jżidu l-appoġġ tal-SMEs fir-rigward tal-użu tal-għodod tal-ICT biex ikattru l-produttività tagħhom;

58. Jappella lill-Kummissjoni biex tressaq pjan diġitali biex tippromwovi opportunitajiet tan-negozju online, primarjament immirati biex joffru alternattivi għal dawk in-nies li reċentement spiċċaw bla xogħol fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja. hu tal-fehma li l-pjan għandu jikkonsisti fid-disponibiltà ta’ softwer u ħardwer għal but ta’ kulħadd flimkien ma’ konnessjoni tal-Internet b’xejn u konsulenza b’xejn;

59. Jikkunsidra li l-aġenda 2015.eu għandha timmira biex tintegra l-ICT għall-ilħiq ta' ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju; jitlob l-isfruttar tat-teknoloġiji tal-ICT sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ 20-20-2- tal-istrateġija għall-Bidla fil-Klima; jikkunsidra li l-implimentazzjoni ta' applikazzjonijiet bħalma huma l-grids intelliġenti tal-enerġija, il-kejl intelliġenti, il-mobbiltà intelliġenti, il-ġestjoni intelliġenti tal-ilma u s-saħħa-e jeħtieġ li jitqiesu bħala inizjattivi ewlenin ta' 2015.eu; jindika wkoll li l-impatt tas-settur tal-ICT għandu jitnaqqas b’50% sal-2015;

60. Iqis li l-kummerċ internazzjonali għandu jkun immexxi mill-prinċipju tal-kummerċ ġust, bil-għan li jilħaq bilanċ tajjeb bejn il-ftuħ tas-swieq u l-protezzjoni leġittima ta' diversi setturi ekonomiċi, b'attenzjoni partikolari fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u dawk soċjali;

61. Jikkunsidra li s-sjieda tal-aġenda 2015.eu mil-livelli politiċi u ġeografiċi kollha (UE, nazzjonali u reġjonali) fl-ispirtu tal-gvernanza fuq diversi livelli, kif ukoll il-viżibilità politika, huma prerekwiżiti essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva; f'dan ir-rigward jipproponi l-organizzazzjoni perjodika ta’ Samits dwar l-Aġenda Diġitali biex jirrivedu l-progress fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri u jġeddu l-ispinta politika;

62. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni b’mod speċifiku għall-ħtieġa li jitfasslu objettivi u miri SMART (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, adegwati, realistiċi u bi skadenzi fissi) u għall-adozzjoni ta’ Pjan ta' Azzjoni li jimmobbilizza l-istrumenti adegwati kollha tal-UE: finanzjament, strumenti semilegali, infurzar u, fejn meħtieġ, leġiżlazzjoni mmirata fl-oqsam ta' politika rilevanti kollha (jiġifieri l-politiki tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, il-koeżjoni); jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq reviżjoni regolari tal-kisbiet tal-istrateġija 2015.eu fuq il-bażi ta’ firxa wiesgħa ta’ indikaturi li jippermettu analiżi kwantitattiva u kwalitattiva tal-impatti soċjali u ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lll-Istati Membri biex jiżguraw koordinament adegwat fost il-programmi tal-UE, dawk nazzjonali u dawk reġjonali f'dan il-qasam;

63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)

ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 133.

(2)

ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 364.

(3)

ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 87.

(4)

ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 370.


NOTA SPJEGATTIVA

Illum il-ġurnata t-teknoloġija tal-infomazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) xterdet prattikament f’kull aspett ta’ ħajjitna. L-ICT għandu rabta qawwija max-xewqa tagħna għal ekonomija aktar sinjura u kompetittiva, għall-ħarsien tal-ambjent tagħna kif ukoll għal soċjetà aktar demokratika, miftuħa u inklussiva. Il-bidliet li għaddejjin minnhom ma jistgħux jibqgħu jitqiesu bħala evoluzzjoni minn passat industrijali; jitolbu bidla radikali. Għalhekk mhuwiex possibbli li kollox jibqa' għaddej kif inhu. L-Ewropa tista’ biss taħsad il-benefiċċji ta' din ir-rivoluzzjoni diġitali jekk kull ċittadin tal-UE jiġi mobilizzat u jingħata s-setgħa li jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà diġitali l-ġdida.

L-oqsma ta’ politika u l-fatturi identifikati f’dan ir-rapport jiffurmaw qafas ġenerali ta’ politika tal-UE dwar l-ICT għall-ħames snin li ġejjin, li r-rapporteur jipproponi li jsejħilhom “aġenda 2015.eu”. Din l-aġenda mġedda tista’ tintwera bħala spirali ta’ suċċess 2015.eu (ara l-Anness). Il-persuna hi l-qalba tal-ispirali (kemm bħala ċittadin kif ukoll bħala konsumatur). Kull persuna għandha tkun mogħnija b’kompetenzi adegwati u b’aċċess minn kullimkien u b’veloċità għolja. Iċ-ċittadini jeħtieġu wkoll qafas legali ċar li jħares id-drittijiet tagħhom u li jipprovdilhom il-fiduċja u s-sigurtà meħtieġa. Dan hu essenzjali biex iċ-ċittadini jgawdu minn libertà ta’ aċċess bla xkiel għal servizzi u kontenut diġitali mas-suq intern kollu kemm hu (“il-ħames libertà”). Fl-aħħar nett, l-għarfien u t-teknoloġiji huma indispensabbli għall-appoġġ tal-kompetittività tal-ekonomija tagħna u għal soċjetà aktar sinjura.

Dan ir-rapport għandu l-għan li jipprovdi gwida u ispirazzjoni, b’mod partikolari lill-Kummissjoni, sabiex tipproponi strateġija komprensiva għall-2015 u pjan ta’ azzjoni li jimmobbilizza l-istrumenti adegwati kollha tal-UE: finanzjament, strumenti semilegali, infurzar u, fejn meħtieġ, leġiżlazzjoni mmirata.

I. Is-sjieda taċ-ċittadini u tal-konsumaturi

L-Ewropa tista’ biss taħsad il-benefiċċji ta' din ir-rivoluzzjoni diġitali jekk kull ċittadin tal-UE jiġi mobilizzat u jingħata s-setgħa li jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà diġitali l-ġdida. Dan jirrikjedi l-fiduċja mill-investituri sabiex jidħlu għall-impenji fit-tul, fiduċja mill-gvernijiet biex jimxu bis-sħiħ lejn Gvern-e u fiduċja miċ-ċittadini biex jużaw is-servizzi diġitali.

1. L-iżgurar ta’ aċċess minn kullimkien u b’veloċità għolja

Prerekwiżit għall-ħolqien ta’ soċjetà Ewropea tal-għarfien hu li kull utent ikollu aċċess b’saħħtu u affidabbli għal netwerks ta’ broadband bil-fili u mingħajr fili. Teknoloġiji fissi u mingħajr fili jeħtieġ li jkunu disponibbli b’mod wiesa’ u interopperabbli sabiex jippermettu aċċess kontinwu b’rata għolja għall-Internet.

1.1 L-ilħiq ta’ soċjetà kollha kemm hi konnessa

Dan jirrikjedi politiki li jippromovu aċċess b’kundizzjonijiet ġusti u bi prezzijiet kompetittivi għall-komunitajiet kollha, irrispettivament mill-post, biex b'hekk jiġi żgurat li l-ebda ċittadin Ewropew ma jiġi eskluż; Illum il-ġurnata soċjetà kollha kemm hi konnessa tfisser ukoll soċjetà mobbli. L-ekonomiji tal-komunikazzjoni mobbli jiddependu bil-qawwi fuq l-ispejjeż u d-disponibilità tal-ispettru u għalhekk hu importanti li l-ispettru fil-faxex tad-Dividend Diġitali jsiru disponibbli malajr kemm jista' jkun mingħajr ma jikkompromettu x-xandir jew is-servizzi l-oħra attwali.

L-għanijiet tal-politika:

· Kull dar fl-UE għandu jkollha aċċess bi prezzijiet kompetittivi għall-Internet broadband sal-2013;

· Iż-żamma tal-Ewropa bħala l-kontinent mobbli tad-dinja: 75% tal-abbonati tat-telefown ċellulari għandhom ikunu utenti 3G (jew aħjar) sal-2015

L-azzjonijiet ta’ politika:

· Reviżjoni mill-Kummissjoni tal-obbligi universali tas-servizz sal-2010.

· Starteġija Ewropea ta’ broadband b’veloċità għolja, inkluż aġġornament tal-miri tal-Istati Membri (2010-2015).

· Skjerament armonizzat aktar rapidu tad-Divedend Diġitali (2010-2015) u appoġġ għall-estensjoni tal-kopertura u l-kwalità tal-broadband bl-allokazzjoni tiegħu.

1.2 It-tnedija ta’ infrastruttura tal-ġenerazzjoni li jmiss

L-ispejjeż kapitali potenzjalement meħtieġa għat-tnedija ta’ netwerks b’veloċità għolja madwar l-UE huma sostanzjali. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet marbutin mal-NGA jipprovdu ambjent regolatorju stabbli u prevedibbli biex jiġi stimulat l-investiment billi titħares il-kompetizzjoni u jiġi ppremjat ir-riskju.

L-għanijiet tal-politika:

· 50% tad-djar fl-UE għandhom ikunu konnessi ma’ netwerks b’veloċità għolja sal-2015.

L-azzjonijiet ta’ politika:

· Transpożizzjoni mgħaġġla tal-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet (qabel nofs l-2011).

2. Il-kompetenzi diġitali għal soċjetà diġitali inklussiva

Il-potenzjal tal-Ewropa jinsab fil-ħiliet tal-popolazzjoni, fil-forza tax-xogħol u fl-organizzazzjonijiet tagħha; Mingħajr infrastruttura mifruxa jista’ jsir biss użu limitat tal-ICT u bla ħiliet dak l-użu jista' jwassal biss valur ekonomiku u soċjali limitat. Jekk jibqa’ jiġi injorat, in-nuqqas ta’ ħiliet fl-ICT jispiċċa joħnoq u jżomm lill-UE milli tkun kompetittiva fl-ekonomija globali. Għalkemm ir-rekwiżiti ta’ ħiliet u għodda huma differenti għall-gruppi ta’ età differenti, hemm ħtieġa qawwija għall-ħiliet fil-gruppi kollha.

L-għanijiet tal-politika:

· It-tnaqqis bin-nofs tal-litteriżmu diġitali u l-lakuni ta’ kompetenzi sal-2015.

· L-iskejjel primarji u sekondarji kollha għandu jkollhom konnessjonijiet tal-internet b’veloċità għolja sal-2015.

· L-istudenti kollha tal-iskejjel primarji u sekondarji għandhom jingħataw taħriġ dwar ir-riskji tal-Internet u dwar l-użu sigur u responsabbli tiegħu sal-2012.

· L-adulti kollha fl-età tax-xogħol għandu jkollhom opportunitajiet ta’ taħriġ fl-ICT (2010-2015).

L-azzjonijiet ta’ politika:

· Pjan ta’ Azzjoni (2010-2015) dwar il-litteriżmu u l-kompetenza diġitali li jinkludi:

- Opportunitajiet ta’ taħriġ speċifiku dwar il-litteriżmu diġitali (jiġifieri vawċers) għall-gruppi li jinsabu f'riskju ta’ esklużjoni.

- Sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u inċentivi għall-inizjattivi mis-settur pubbliku sabiex jipprovdu taħriġ lil kull impjegat.

- Inizjattiva “Ħaddem rasek online!” biex tiffamiljarizza lill-istudenti kollha mal- użu sigur tal-ICT.

- Diploma fl-ICT fil-livell Ewropew, bħala parti mill-edukazzjoni ordinarja u skema ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għall-ħiliet diġitali miksuba barra mis-sistema ta’ edukazzjoni formali.

3. Id-drittijiet diġitali

Meta ma jkunx hemm biżżejjed fiduċja f’qafas legali, iċ-ċittadini jżommu lura milli jinteraġixxu, milli jesprimu l-opinjoni tagħhom bil-libertà u milli jidħlu għall-transazzjonijiet kummerċjali. Hu biss permezz tas-sjieda ta’ ċittadini infurmati li l-Ewropa tista’ tisfrutta l-potenzjal ekonomiku u soċjali sħiħ tal-ambjent ġdid online.

Iċ-ċittadini għandhom jiġu mgħarrfa dwar l-impatt tal-imġiba tagħhom fuq il-privatezza f’kuntest online u għandhom jingħataw id-dritt li jitolbu t-tneħħija tad-data personali anke wara li d-data tkun oriġinalment inġabret bil-kunses tas-suġġett tad-data. Sfida oħra ewlenija hija l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. L-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam hi ħafna drabi mxekkla minn kwistjonijiet legali transkonfinali, bħall-ġurisdizzjoni kompetenti jew il-liġi applikabbli.

L-għanijiet tal-politika:

· Iċ-ċittadini kollha għandhom jagħrfu d-drittijiet bażiċi tagħhom.

· L-utenti kollha għandu jkollhom kontroll tad-data tagħhom (“id-dritt li jintesew”).

L-azzjonijiet ta’ politika:

· Karta tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-konsumaturi fl-ambjent diġitali sal-2012.

· Ratifika tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità mill-Istati Membri kollha (2010-2015).

II. Suq uniku diġitali miftuħ u kompetittiv

Il-funzjonament tajjeb tal-ekonomija globali tal-UE jeħtieġ tħaddim tajjeb tal-ekonomija diġitali. Madankollu, il-moviment ħieles ta’ servizzi diġitali attwali hu mxekkel bil-qawwi minn regoli frammentarji fil-livell nazzjonali, L-impriżi qegħdin jiffaċċjaw ħafna ostakoli għall-bejgħ transkonfinali, l-aktar minħabba ir-regolamentazzjonijiet differenti applikabbli fil-livell ta’ Stati Membri f’oqsma bħall-protezzjoni tal-konsumatur, il-VAT, ir-riċiklar ta’ apparat elettriku u elettroniku, ir-regolamentazzjoni fuq prodotti speċifiċi u t-transazzjonijiet ta’ ħlas. Jekk din il-kwistjoni mhux se tissolva, l-impriżi u l-konsumaturi qatt mhu ser jirnexxielhom jilħqu l-milja tal-ekonomija diġitali.

4. Implimentazzjoni effettiva tal-qafas regolatorju ġdid

Skont stimi mill-esperti, il-frammentazzjoni regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet qed tiswa lill-impriżi Ewropej EUR 20 biljun fis-sena – fattur ta’ spiża li għandu jiġi eliminat malajr kemm jista’ jkun bid-dħul fis-seħħ tar-riformi u bl-applikazzjoni effettiva tar-regoli l-ġodda.

L-għanijiet tal-politika:

· It-twettiq ta’ suq ta’ komunikazzjonijiet eletroniċi totalment kompetittiv

· Il-ħarsien ta’ Internet miftuħ, fejn iċ-ċittadini għandhom id-dritt għall-aċċess u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni jew tħaddim ta’ applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom.

L-azzjonijiet ta’ politika:

· Traspożizzjoni u implimentazzjoni mill-aktar fis possibbli tal-qafas regolatorju rivedut (qabel nofs l-2011).

· Il-BEREC għandu jibda jaħdem mill-aktar fis possibli.

· Implimentazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet tan-“newtralità tan-net” fl-Istati Membri.

· Soluzzjoni għall-problema tar-roaming li tevita l-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni perpetwa tal-prezzijiet bl-imnut sal-2013.

5. Spinta lis-suq ta’ servizzi diġitali

Fl-Ewropa għadna ma ksibniex suq uniku għal servizzi online li jaħdem b’mod sħiħ. Iċ-ċifri huma ċari: 7% biss tat-transazzjonijiet kummerċjali kollha magħmula minn konsumaturi Ewropej fuq l-internet huma transkonfinali; 35% biss tal-popolazzjoni globali tal-UE użat servizzi avvanzati ta’ internet fl-aħħar tliet xhur.

5.1 It-tneħħija ta’ ostakli li jxekklu s-suq tas-servizzi diġitali

Il-frammentazzjoni tas-suq Ewropew ta' 500 miljun konsumatur ixxekkel l-ekonomiji ta’ skala bi ħsara għall-impriżi u l-konsumaturi. Il-qafas regolatorju tal-UE għas-soċjetà tal-informazzjoni nħoloq biċċa biċċa tul medda ta’ snin (l-aktar bejn l-2000 u l-2005), u wassal għal ġabra ta’ Direttivi tal-UE li kollha jkopru qasam wieħed jew aktar minn wieħed tas-soċjetà tal-informazzjoni (jiġifieri id-Direttiva għall-Ħarsien tad-Data fl-1995, id-Direttiva dwar il-Firem Elettroniċi fl-1999, id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku fl-2000). Wara madwar għaxar snin mill-adozzjoni tagħhom dawn id-Direttivi jidhru li xxellfu bil-kumplessità dejjem akbar tal-ambjent online. Billi xi kwistjonijiet legali li joħorġu minn xi Direttivi jistgħu jissolvew permezz ta’ tiġdid gradwali, Direttivi oħra jeħtieġu reviżjoni aktar radikali;

L-għanijiet tal-politika:

· It-tneħħija tal-ostakoli regolatorji ewlenin għall-transazzjonijiet transkonfinali online sal-2015.

· Kull utent tat-telefown ċellulari għandu jkun jista’ dan l-apparat elettroniku bħala kartiera mobbli sal-2015.

L-azzjonijiet ta’ politika:

· Reviżjoni tal-acquis Komunitarju li jaffettwa s-suq uniku online: elenku ta’ ostakoli flimkien ma’ azzjoni mmirata fuq l-ostakli ewlenin.

· L-iżvilupp ta’ standards u regoli komuni madwar l-UE għall-pagamenti bit-telefown ċellulari (“flus-m”).

5.2 Il-bidla diġitali tas-servizzi pubbliċi

L-għodda tal-ICT jippermettu parteċipazzjoni pubblika, aċċess akbar għall-informazzjoni pubblika u trasparenza msaħħa. Il-mobilità fis-Suq Uniku tista’ tissaħħaħ b’servizzi kontinwi ta’ Gvern-e għall-ħolqien u t-tħaddim ta’ impriża u għal studju, xogħol, residenza u rtirar kullimkien fl-Ewropa.

L-għanijiet tal-politika:

· Is-servizzi pubbliċi kollha għandhom ikunu disponibbli online u aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità sal-2015.

· Tnaqqis ta’ 50% tal-impatt tal-karbonju sal-2015 mis-servizzi pubbliċi.

L-azzjonijiet ta’ politika:

· L-iżvilupp ta’ pjanijiet nazzjonali għall-bidla diġitali tas-servizzi pubbliċi, inkluż:

- Il-miri u l-miżuri li jwasslu biex il-gvernijiet, is-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni jkunu online sal-2015 u għall-promozzjoni tal-użu tagħhom miċ-ċittadini u l-impriżi.

6. L-iżvilupp tal-Ħames Libertà l-moviment ħieles ta’ kontenut u għarfien

Meta wieħed iqis il-provvista ta’ kontenut diġitali, l-Ewropa ma tistax issejjaħ lilha nnifsha bħala l-akbar suq tad-dinja, fil-fatt hi magħmula minn 27 suq differenti. Il-fornituri tal-kontenut huma ffaċċjati minn sistemi ta’ liċenzji li huma kumplikati żżejjed u bbażati fuq il-livell nazzjonali, li jagħmluha aktar diffiċli għall-impriżi diġitali li jipprovdu offerti ta’ kontenut legali attraenti. Dan mhux biss jillimita d-disponibilità tal-kontenut legali online, iżda wkoll joħnoq l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda tal-midja. Dawn il-kwistjonijiet huma parti minn dibattitu diffiċli u urġenti, iżda f’kull każ juru li hemm ħtieġa ta’ reviżjoni fundamentali tal-istat attwali tad-dritt tal-awtur online. Jeħtiġilna nħaffu dan id-dibattitu biex niżguraw soluzzjonijiet b’saħħithom li jkunu bilanċjati u attraenti għall-utenti u għad-detenturi tad-drittijiet.

L-għanijiet tal-politika:

· Qafas legali sempliċi u qrib il-konsumatur għall-aċċess tal-kontent diġitali fl-Ewropa sal-2015.

L-azzjonijiet ta’ politika:

· Il-ħolqien ta’ titolu tad-dritt tal-awtur tal-UE skont l-Artikolu 118 tat-TFUE sal-2013.

· L-iżvilupp ta’ standards u regoli komuni madwar l-UE għall-pagamenti online (“flus-m”) sal-2012.

III. Ekonomija u soċjetà aktar sinjuri

Hemm qbil ġenerali li hemm rabta diretta bejn l-investiment fl-ICT u l-prestazzjoni ekonomika, għaliex din tkabbar il-ħiliet innovattivi tas-setturi industrijali kollha b’mod orizzontali, ittejjeb il-produttività u tgħin biex isir l-aħjar użu tar-riżorsi naturali. Il-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali biex inkunu nistgħu nsawru, nħaddmu u nassimilaw it-teknoloġiji tal-ICT u nisfruttawhom tagħhom biex nirbħu vantaġġ ekonomiku, soċjali u kulturali.

7. Il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ klassi dinjija

L-Innovazzjoni Miftuħa tirrikjedi interazzjoni globali tul il-katina tal-valur miżjud u kooperazzjoni eħfef mal-istituzzjonijiet ta’ riċerka barra mill-Ewropa. F’dan il-kuntest, ir-riċerka fl-ICT u l-politika ta’ innovazzjoni għandhom jippromovu l-ġabra flimkien ta’ finanzjament pubbliku u privat u l-iffukar tiegħu fuq oqsma fejn l-Ewropa hi diġa jew tista’ issir mexxejja globali. L-isforzi fir-riċerka ma għandhomx jiġu sottovalutati b’burokrazija żejda tal-programmi ta’ finanzjament pubbliku.

L-għanijiet tal-politika:

· Ewropa li tkun fuq quddiem nett tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-internet.

· It-tmexxija teknoloġika f’applikazzjonijiet tal-ICT b’livell ta’ karbonju baxx.

· It-tnaqqis radikali ta’ burokrazija żejda fil-Programm Qafas tal-UE.

L-azzjonijiet ta’ politika:

· L-irduppjar, fil-Perspettiva Finanzjarja li jmiss tal-baġit tar-riċerka fl-ICT tal-UE u l-multiplikazzjoni b'erba' darbiet tal-baġit għall-implimentazzjoni tal-ICT.

· L-iżvilupp ta’ Sħubija bejn il-Pubbliku u l-Privat għall-Internet tal-Ġejjieni.

· It-tfassil mill-ġdid ta’ proċessi tal-Programm Kawdru biex titneħħa l-burokrazija żejda u l-ħolqien ta’ bord għall-utenti li jiżgura l-użu faċli.

8. Appoġġ għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE

Il-kompetittività Ewropea tal-ġejjieni u l-kapaċità tagħha li tirkupra mill-kriżi ekonomika attwali jiddependu fil-parti l-kbira tagħhom fuq il-kapaċità li tiffaċilita t-tnedija mifruxa u effettiva tal-ICT fl-impriżi. L-SMEs jistgħu jkunu l-ixprun tal-qawmien ekonomiku mill-ġdid tal-Ewropa. Iżda l-SMEs qegħdin lura sew fl-użu tal-għodda ta’ spinta għall-produttività tal-ICT.

L-għanijiet tal-politika:

· Il-bilanċ kummerċjali ta’ beni u servizzi tal-ICT fl-UE għandu jkun pożittiv sal-2015.

· 80% tal-SMEs għandhom ikunu qed jużaw għodda kummerċjali avvanzati sal-2015.

L-azzjonijiet ta’ politika:

· Il-promozzjoni tal-ħolqien ta u l-użu minn SMEs ta’ servizzi bbażati fuq l-Internet, bħall-cloud computing jew distributed sofware bħala mudelli ta’ servizz.

9. L-integrazzjoni tal-ICT għall–ekonomija b’livell ta’ karbonju baxx

L-ICT tista’ u għandu jkollha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-konsum responsabbli tal-enerġija fid-djar, fit-trasport, u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-manifattura. Smart meters, illuminazzjoni effiċjenti, cloud computing u distributed software jistgħu jbiddlu t-tendenzi fl-użu tas-sorsi tal-enerġija.

L-għanijiet tal-politika:

· L-ICT iwassal għal tnaqqis ta’ 15% fl-emissjonijiet tas-CO2 f’setturi ewlenin sal-2020.

· It-tnaqqis tal-impatt tas-settur tal-ICT b’50% sal-2015.

· Imġiba enerġetika aktar effiċjenti mill-konsumaturi: 50% tad-djar mgħammrin bi smart meters sal-2015.

L-azzjonijiet tal-politika għandhom ikunu s-suġġett ta’ rapport speċifiku tal-INI.

IV. Fatturi ta’ permess

Sabiex l-aġenda diġitali 2015.eu tkun tassew qafas strateġiku u biex twassal għar-riżultati meħtieġa, jeħtieġ li jkun hemm sjieda politika qawwija u l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ distribuzzjoni aktar effettivi.

10. Tmexxija Politika

Gvernanza f’aktar minn livell wieħed u sjieda

L-2015.eu tkun effettiva biss jekk issir “il-proprjetà” tal-livelli politiċi kollha u jekk tkun implimentata bħala responsabilità reċiproka fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali

Il-viżibilità politika

L-organizzazzjoni ta’ Samits dwar l-Aġenda Diġitali għandhom jgħinu biex jirrivedu l-progress, isaħħu l-impenn tal-parteċipanti nvoluti, ikabbru l-profil tar-rwol tal-ICT u jġeddu l-ispinta politika.

11. Implimentazzjoni effettiva

Għanijiiet u miri Smart

Strateġija li m’għandhiex għanijiet smart (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, adegwati, realistiċi u bi skadenzi fissi) mhi xejn ħlief dikjarazzjoni ta’ intenzjonijiet. L-Istati Membri għandhom ifasslu għanijiet nazzjonali smart skont iċ-ċirkostanzi differenti tagħhom.

Programm ta’ Azzjoni u Leġiżlattiv tal-UE

L-għanijiet li għandhom jiġu segwiti fil-livell tal-UE għandhom jitfasslu skont Pjan ta’ Azzjoni u fejn meħtieġ b’leġiżlazzjoni immirata. Għandha ssir mobilizzazzjoni tal-mekkaniżmi kollha ta’ implimentazzjoni adegwata u tal-istrumenti kollha tal-UE.

Monitoraġġ u benchmarking

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, b’mod sistematiku, ifasslu livelli ta’ kejl, jivvalutaw u jimmonitorjaw il-progress annwali permezz ta’ tabella 2015.eu.


ANNEX

The 2015.eu Virtuous Spiral

(and enabling factors)


OPINJONI TAL-KUMITAT DWAR IS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR (25.3.2010)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar id-definizzjoni ta' Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu

(2009-/2225(INI))

Rapporteur: Róża Thun Und Hohenstein

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

-    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali(1),

1.  Jinnota li t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) iridu jkunu disponibbli fis-setturi kollha tas-soċjetà tagħna, billi jirrikonoxxi wkoll li l-ICT se jkunu mutur fundamentali għall-produttività u l-kompettitività ekonomika fil-futur u se jkunu element importanti biex ikompli jiġi kkonsolidat Suq Waħdieni Online. jikkunsidra li, sabiex ikun żgurat is-suċċess tagħha, il-konsumaturi u ċ-ċittadini jridu jkunu fil-qalba tal-iżvilupp ta’ Aġenda Diġitali li trid tkun immirata biex l-Ewropa ssir protagonist globali ewlenija fil-qasam tal-ICT;

2.  Jisħaq fuq l-importanza tal-industriji li joħolqu kontenut kreattiv għas-Soċjetà tal-Informazzjoni, bħala settur li qed jikber malajr u li hu dinamiku, li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjiegi;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika reviżjoni annwali tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ għodod ta' politika speċifiċi bħal ma huma l-broadband, l-Inklużjoni elettronika (eInclusion), is-Saħħa elettronika (eHealth), it-Tagħlim elettroniku (eLearning) u l-Kummerċ elettroniku (eBusiness) fl-Istati Membri individwali, li turi kif dawn l-għodod ġew modifikati b'mod innovattiv biex jipprovdu lill-konsumaturi b'servizz li juża it-tekniki u t-teknoloġija l-aktar moderni fis-settur tal-ICT, u biex taħdem biex kemm jista' jkun servizzi governattivi jkunu disponibbli għall-konsumatur online, waqt li jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li ċ-ċittadini fl-UE kollha kemm hi jiġu edukati biex jisfruttaw kompletament il-benefiċċji tal-ICT;

4.  Jilqa’ l-pożizzjoni li ddikjarat il-Kummissarju Kroes li l-Aġenda Diġitali tkun leġittima biss jekk jiġi ggarantit aċċess sħiħ kemm għall-individwi privati, kif ukoll għan-negozji ż-żgħar, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti speċifiċi għall-ġlieda kontra d-diviżjoni diġitali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tespandi l-politika tagħha għall-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali, ħalli ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jużaw it-teknoloġiji online fil-ħajja tagħhom ta' kuljum bil-għan li jiġu żviluppati opportunitajiet soċjali, ekonomiċi u imprenditorjali ġodda;

6.  Jilqa b’sodisfazzjon l-implimentazzjoni rapida tal-leġiżlazzjoni dwar ir-roaming; jenfasizza li hemm ħtieġa ulterjuri għal monitoraġġ kostanti tal-prezzijiet tar-roaming bil-mowbajls fl-UE inklużi dawk tad-data roaming, biex ikun żgurat suq intern li jaħdem kif suppost, li jkun orjentat lejn il-konsumatur u li jkun kompetittiv;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jieħdu azzjoni ħalli tittejjeb is-sigurtà diġitali bil-għan li ċ-ċittadini jkunu infurmati dwar modi għall-prevenzjoni tal-perikli diġitali u li tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom fir-riżorsi teknoloġiċi l-ġodda;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jingħelbu l-ostakli għall-kummerċ elettroniku transkonfinali u li tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur permezz tal-iżvilupp ta’ politika effettiva għal Suq Waħdieni Diġitali għall-Ewropa billi s-servizzi online fl-Ewropa (bħal, fost servizzi online oħrajn, il-kotba u servizzi ta’ kontenut mużikali u awdjoviżiv) isiru aktar kompetittivi, aċċessibbli, transnazzjonali u trasparenti, bi qbil mar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur, billi jingħata l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-konsumatur u tintemm id-diskriminazzjoni ġeografika (eż. dik imsejsa fuq il-pajjiż ta’ residenza tal-persuna jew fejn tinħareġ karta ta’ kreditu);

9.  Jisħaq fuq il-bżonn ta’ inizjattivi fl-Istati Membri għat-titjib tal-ħiliet informatiċi fost il-pubbliku ġenerali; jinnota l-importanza li ċ-ċittadini tal-UE jkunu mgħammrin b'ħiliet diġitali biex jgħinuhom ħalli jisfruttaw kompletament il-benefiċċji li jkunu online u jipparteċipaw fis-soċjetà diġitali; jenfasizza l-potenzjal li dan se jkollu għax-xiri transkonfinali u l-aċċess għas-servizzi diġitali;

10.      Jirrikonoxxi l-importanza ta’ Karta Ewropea tad-drittijiet tal-utenti li tkun tiċċara d-drittijiet u l-obbligi tal-konsumaturi tas-soċjetà tal-informazzjoni; jikkunsidra li din għandha tinkludi, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-utenti li għandhom x’jaqsmu mal-kontenut diġitali u għandha tiggarantixxi prestazzjoni ta’ interoperabilità bażika (b’mod partikolari fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi) u standards bażiċi, b’mod speċjali f’dak li jirrigwarda l-ħarsien tal-privatezza u d-drittijiet ta’ utenti vulnerabbli (bħat-titjib tal-aċċessibilità għall-paġni tal-internet għall-persuni b’diżabilità); jenfasizza li Karta Ewropea tad-drittijiet tal-utenti għandha tkopri wkoll il-propjetà intellettwali tal-awturi, tal-pubblikaturi u tal-fornituri tal-kontenut; jenfasizza li Karta Ewropea tad-drittijiet tal-utenti għandha tinkorpora wkoll il-qafas attwali tad-drittijiet tal-awtur u tikseb bilanċ ġust bejn id-drittijiet tal-awtur u l-aċċess tal-pubbliku għall-kontenut (b’mod partikulari l-kontenut kreattiv) u l-għarfien; jinnota li s-sanzjonijiet, bħala waħda mill-għodod possibbli fil-qasam tad-drittjiet tal-awtur, għandhom ikunu mmirati lejn l-isfruttaturi kummerċjali qabel iċ-ċittadini individwali, bħala punt ta’ prinċipju;

11. Jenfasizza li huwa essenzjali approċċ globali meta jiġu indirizzati l-isfidi bħalma hija l-protezzjoni tad-data u l-piraterija; iħeġġeġ, f’dan ir-rigward, biex ikun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Forum dwar il-Governanza tal-Internet;

12. Jenfasizza l-importanza ta’ aġenda diġitali b’saħħitha marbuta mat-tlestija tas-suq intern, kemm fit-tneħħija tax-xkiel amministrattiv u regolatorju għall-kummerċ transkonfinali, kif ukoll fit-titjib tal-kunfidenza u l-fiduċja fis-servizzi online; jinnota li hemm frammentazzjoni tas-suq waħdieni għas-servizzi u l-prodotti diġitali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tindirizza din il-firda diġitali, anke billi żżid l-effikaċja tal-infurzar u r-rimedji transkonfinali;

13. Jinnota li l-qafas ġuridiku skont liema l-Istati Membri jistgħu jissussidjaw servizz universali issa hu kompletament obsolet; jisteden lill-Kummissjoni biex tipproduċi mingħajr dewmien ir-reviżjoni tant mistennija tagħha tas-servizz universali, ħalli ma jixxekklux l-inizjattivi l-ġodda għall-istimolu tal-aċċess għall-broadband u għall-mobile b’veloċità għolja tad-data ;

14. Jinnota li hemm xi ambigwitajiet fir-regoli dwar l-Għajnuna Statali li jistgħu jaffettwaw is-servizzi tal-broadband appoġġjati mill-Komunità, partikolarment il-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi li jikkonsolidaw ir-rekwiżiti għan-netwerk tagħhom bħala l-bażi għal investiment ġdid; jitlob lill-Kummissjoni biex tittratta dawn il-problemi b’mod urġenti;

15. Jenfasizza l-importanza li jkun iggarantit aċċess għall-utenti aħħarin b’diżabilità ta’ livell ekwivalenti daqs dak disponibbli għall-utenti aħħarin l-oħrajn, kif imħeġġeġ mill-Parlament Ewropew fir-reviżjoni tiegħu tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali u d-Drittijiet tal-Utenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel ħilitha biex tqis il-ħtiġijiet tal-utenti b’diżabilità fl-'Aġenda 2015.eu".

16. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun implimentat kompletament il-qafas regolatorju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex ikun hemm swieq kompettitivi għan-netwerks, il-prodotti u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, ambjent b'saħħtu għall-investimenti fit-teknoloġiji l-ġodda u suq waħdieni msaħħaħ għas-soċjetà tal-informazzjoni; jirrimarka li r-regolamentazzjoni ekonomika favur il-kompetittività tista’ titneħħa biss ladarba jkunu hemm swieq kompettitivi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Cristian Silviu Buşoi, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Malcolm Harbour, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Alan Kelly, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Tiziano Motti, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Matteo Salvini, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Laurence J.A.J. Stassen, Catherine Stihler, Kyriacos Triantaphyllides, Róża, Gräfin von Thun Und Hohenstein, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Cornelis De Jong, Frank Engel, Anna Hedh, Morten Løkkegaard, Antonyia Parvanova, Konstantinos Poupakis, Oreste Rossi, Kerstin Westphal

(1)

Testi Adottati, P6_TA(2007)0287.


OPINJONI tal-Kumitat għall-kultura u l-edukazzjoni (23.2.2010)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar id-definizzjoni ta' Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu

(2009/2225(INI))

Rapporteur: Cătălin Sorin Ivan

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jinnota l-kisbiet konsistenti tal-istrateġija i2010, iżda jitlob li jiġu ffissati miri iktar ambizzjużi u prijoritajiet iktar orjentati lejn iċ-ċittadini għall-istrateġija li jmiss, li joffru benefiċċji kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali u kulturali għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

2.   Jitlob li l-Kummissjoni biex tiżviluppa definizzjoni komprensiva tal-Aġenda Diġitali u tagħmilha soġġetta għal diskussjoni ulterjuri mal-Parlament u mal-Kunsill, sabiex jinkiseb ftehim komuni fost l-istituzzjonijiet tal-UE dwar objettivi u miri ewlenin;

3.  Jenfasizza li l-pluraliżmu, il-libertà tal-istampa u r-rispett għad-diversità kulturali huma valuri ewlenin u għanijiet aħħara tal-Unjoni Ewropea; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-politiki kollha tal-UE proposti jkunu f'konformità ma' dawn il-valuri u għanijiet;

4.   Jirrikonoxxi l-fatt li l-industriji kreattivi u kulturali Ewropej mhux biss għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tad-diversità kulturali, tal-pluraliżmu tal-midja u tad-demokrazija parteċipattiva fl-Ewropa, iżda huma wkoll mezz importanti ta' tkabbir sostenibbli fl-Ewropa, u għalhekk jista' jkollhom rwol deċiżiv fl-irkupru ekonomiku tal-UE; jirrikonoxxi l-bżonn li jitrawwem ambjent li jkompli jħeġġeġ l-industrija kreattiva;

5.  Jirrikonoxxi għalhekk il-bżonn urġenti ta' definizzjoni ċara tal-Aġenda Diġitali, bħala aspett importanti tad-dimensjoni u tal-kontenut kulturali Ewropew; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni biex timplimenta l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali fl-inizjattivi politiċi kollha relatati mal-Aġenda Diġitali;

6.  Jenfasizza li aġenda diġitali Ewropea għandha tippromwovi l-produzzjoni u t-tixrid ta' kontenut ta' kwalità għolja u b'diversità kulturali fl-UE sabiex iċ-ċittadini tal-UE jingħataw inċentivi biex jadottaw teknoloġiji diġitali bħall-Internet, u biex il-benefiċċji kulturali u soċjali li jistgħu jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-UE permezz ta' dawk it-teknoloġiji jkunu kbar kemm jista' jkun;

7.  Jenfasizza li d-dividend diġitali jikkostitwixxi spectrum source validu mhux biss għall-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll għal dak soċjali u kulturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi li huwa importanti li jsir żvilupp fi pjattaformi diġà eżistenti li huma popolari ħafna, bħat-televiżjoni diġitali terrestri, kif ukoll li jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda oħra;

8.  Jitlob li jkun hemm approċċ komprensiv u integrat fil-livell tal-UE li mhux biss jippromwovi l-investiment f'netwerks u pjattaformi ġodda, iżda wkoll biex ikun hemm garanziji ta' ftuħ, ta' aċċessibilità universali u ta' disponibilità kif ukoll sigurtà fit-tagħmir tal-komunikazzjoni u fl-infrastrutturi, u li jkun jinkludi politika adegwata dwar it-trawwim ta' kapaċitajiet ta' fehim tal-midja, inkluża sensibilizzazzjoni dwar l-użu ta' teknoloġiji ġodda;

9.  Jenfasizza li approċċ komprensiv, parteċipattiv u inklussiv skont l-Aġenda Diġitali tal-UE tiddependi ħafna mill-aċċess mhux diskriminatorju għas-servizzi u mill-interoperabilità effettiva tagħhom għaċ-ċittadini kollha;

10. Jenfasizza l-importanza ta' protezzjoni tad-data fl-isfera diġitali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis mhux biss il-protezzjoni tad-data u kwistjonijiet ta' privatezza per se, iżda b'mod partikolari l-bżonnijiet speċifiċi ta' persuni taħt l-età u ta' adulti żgħażagħ fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet;

11. Jenfasizza li, sabiex tittejjeb il-kompetittività diġitali, għandha tingħata iktar attenzjoni lill-ibbilanċjar fid-differenzi f'termini ta' aċċess għat-teknoloġija tal-informatika u ta' kopertura ta' Internet broadband;

12. Jenfasizza li għandha tingħata iktar attenzjoni, fl-Aġenda Diġitali ġdida, lid-diġitalizzazzjoni tal-patrimonju kulturali uniku tal-Ewropa u lit-titjib tal-aċċess taċ-ċittadini għalih;

13. Jitlob li jsir investiment ġdid fir-riċerka sabiex jiġu implimentati aħjar l-istrumenti diġitali eżistenti, biex jiġi garantit l-aċċess taċ-ċittadini kollha għall-prodotti kulturali;

14. Jirrakkomanda li titnieda kampanja ta' informazzjoni fil-livell tal-UE sabiex jinkiseb livell ogħla ta' sensibilizzazzjoni, partikolarment permezz tal-iżvilupp u t-tixrid ta' kontenut kulturali diġitali;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat għall-politika ta' diġitalizzazzjoni tal-UE, billi jħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet adegwati għall-ostakli legali attwali;

16. Jenfasizza li l-Europeana hija l-istrument adattat biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-għarfien tal-patrimonju kulturali Ewropew u jtejbuh;

17. Jitlob lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari, bħala pari mill-aġenda diġitali, tiżviluppa qafas modern ta' drittijiet tal-awtur li jqis kif xieraq id-diġitizzazzjoni u l-konverġenza tal-midja u biex tħeġġeġ l-iżvilupp tal-Internet, li joffri bosta opportunitajiet ġodda għat-tixrid ta' u l-aċċess għal kontenut kreattiv iżda li jġib miegħu wkoll riskji, pereżempju l-piraterija ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur; huwa favur miżuri iktar effettivi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-piraterija fl-Internet u l-iżgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur;

18. Jenfasizza l-bżonn ta' approċċ Ewropew ibbilanċjat fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, fejn jiġi żgurat l-aċċess taċ-ċittadini għal kontenut kreattiv on-line mingħajr ma jiġi pperikolat il-bżonn ta' protezzjoni xierqa tad-dritt tal-awturi, tal-mużiċisti u ta' artisti oħrajn li jirċievu dħul mix-xogħlijiet tagħhom;

19. Jitlob li jiġu rispettati t-trasparenza, l-aċċessibilità u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet fl-użu tas-sistemi tal-ICT, bil-għan li jiġi faċilitat l-użu tagħhom għall-ikbar ammont possibbli ta' ċittadini Ewropej;

20. Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati politiki u miżuri li jippromwovu 'l-fehim diġitali' sabiex jitnaqqsu l-ostakli għall-integrazzjoni soċjali u għall-iżvilupp personali f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja;

21. Jenfasizza l-importanza li gruppi soċjali żvantaġġjati (bħall-persuni bla impjieg, persuni b'livell baxx ta' edukazzjoni u anzjani) ikollhom aċċess għal teknoloġiji diġitali u innovazzjonijiet tal-ICT bħala mezz ta' inklużjoni soċjali u għall-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi dejjem jiżdiedu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissoktaw bi programmi speċifiċi (bħall-eInclusion u t-teknoloġija assistiva) bl-għan li jiġi faċilitat l-aċċess għal dawn il-gruppi;

22. Jirrakkomanda sessjonijiet regolari ta' taħriġ fl-ICT fuq il-post tax-xogħol, bl-għan li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet diġitali tal-ħaddiema u b'hekk titjieb il-produttività, kif ukoll biex jiġi żgurat li ħadd ma jkun eskluż mis-suq tax-xogħol minħabba nuqqas ta' kapaċitajiet relatati mal-ICT, jew inkella kapaċitajiet limitati;

23. Jirrakkomanda l-introduzzjoni tal-kunċett ta' fehim diġitali fis-sistemi edukattivi, li għandha ssir sa mil-livell ta' qabel l-iskola primarja, b'mod parallel mal-lingwi barranin, bl-għan li jitrawmu utenti kapaċi minn kmieni kemm jista' jkun;

24. Jenfasizza l-importanza li l-utenti jkunu edukati rigward kif għandhom jużaw ir-riżorsi disponibbli fl-Internet; ifakkar b'mod speċjali li l-ġenituri u l-edukaturi għandhom jgħinu biex jgħallmu t-tfal jużaw l-Internet b'mod sigur;

25. Jenfasizza l-importanza li l-istudenti tal-iskejjel jitgħallmu jużaw ir-riżorsi tal-Internet;

26. Jirrikonoxxi l-importanza tat-tagħlim elettroniku bħala metodu ta' edukazzjoni adattat għall-innovazzjonijiet tal-ICT li jista' jissodisfa l-bżonnijiet ta' persuni li m'għandhomx aċċess faċli għall-metodi edukattivi konvenzjonali, iżda jenfasizza li l-bżonn li jkun hemm skambju ta' informazzjoni bejn l-għalliema, l-istudenti u partijiet oħra interessati huwa prerekwiżiti essenzjali. Skambji internazzjonali għandhom ukoll jiġu inkoraġġuti sabiex stabbilimenti edukattivi jerġgħu jiksbu r-rwol importanti tagħhom fil-promozzjoni tal-ftehim bejn il-popli;

27. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-programmi plurijennali għaż-Żgħażagħ li se tfassal, tqis il-bżonn ta' familjarizzazzjoni mal-ICT avvanzata għaż-żgħażagħ kollha fl-istadji kollha tal-edukazzjoni tagħhom, u partikolarment fl-iskejjel primarji.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Malika Benarab-Attou, Piotr Borys, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Pál Schmitt, Marco Scurria, Timo Soini, Emil Stoyanov, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Gianni Vattimo, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Nessa Childers, Nadja Hirsch, Seán Kelly, Catherine Soullie, Rui Tavares


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Zoltán Balczó, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Lena Ek, Ioan Enciu, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Romana Jordan Cizelj, Sajjad Karim, Arturs Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Lara Comi, António Fernando Correia De Campos, Ilda Figueiredo, Andrzej Grzyb, Jolanta Emilia Hibner, Oriol Junqueras Vies, Ivailo Kalfin, Marian-Jean Marinescu, Vladko Todorov Panayotov, Frédérique Ries, Silvia-Adriana Ţicău, Hermann Winkler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Britta Reimers

Avviż legali - Politika tal-privatezza