RAPPORT dwar id-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji: sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej
14.4.2010 - (2009/2099(INI))
Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Pál Schmitt
Rapporteur għal opinjoni (*):
Teresa Riera Madurell, Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar id-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji: sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kumissjoni tat-2 ta' April 2009 bl-isem "Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji" (COM(2009)0158),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2006 bl-isem "Inwasslu għar-Riżultati tal-Aġenda ta’ Modernizzazzjoni għall-Universitajiet: l-Edukazzjoni, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni" (COM(2006)0208),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza maħruġa wara l-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza maħruġa wara l-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008, b'mod partikolari l-parti dwar "investiment fin-nies u mmodernizzar tas-swieq tax-xogħol",
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza maħruġa wara l-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009, b'mod partikolari l-parti dawr "l-użu sħiħ tal-Istrateġija mġedda ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi",
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar kompetenzi ġodda għal impjiegi ġodda[1],
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020")[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 bl-isem "It-tagħlim għall-adulti: qatt ma huwa tard wisq biex titgħallem"[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar il-Proċess ta’ Bolonja u l-mobilità tal-istudenti[4],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-4 ta’ Diċembru 2009 dwar id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji[5] u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2009[6],
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew bl-isem "L-iżvilupp ulterjuri tad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji",
– wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0108/2010),
A. billi l-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 stieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu s-sħubijiet bejn in-negozji, ir-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ,
B. billi l-Komunikazzjoni tal-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-edukazzjoni għolja, tat-28 u d-29 ta’ April 2009, li titlob lill-politiki pubbliċi 'jirrikonoxxu bis-sħiħ il-valur ta’ diversi missjonijiet tal-edukazzjoni għolja, li jvarjaw mit-tagħlim u r-riċerka għas-servizz mogħti lill-komunità u li jinkludu wkoll l-impenn għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp kulturali',
C. billi l-universitajiet, fid-dawl tal-irwol triplu tagħhom (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni), għandhom irwol essenzjali għall-futur tal-Unjoni u tat-taħriġ taċ-ċittadini tagħha u billi huwa importanti li wieħed ifakkar li l-irwol tat-tagħlim fil-livell superjuri huwa li joffri ambjent ta’ tagħlim li jiffavorixxi –l-awtonomija, il-kreattività u l-valorizzazzjoni tal-kompetenzi,
D. billi r-responsabbiltà għad-definizzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni tibqa' kompitu tal-Istati Membri, li huma responsabbli għall-organizzazzjoni, il-kontenut u r-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom,
E. billi d-differenzi fil-livell ekonomiku u soċjali tal-abitanti ta’ partijiet differenti tal-Ewropa jitolbu għall-opportunitajiet indaqs għall-edukazzjoni għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea u jappoġġjaw liż-żgħażagħ li huma ifqar u li għandhom talent,
F. billi minħabba l-kriżi ekonomika kontinwa, li qed twassal għal telf ta' impjiegi, hu importanti li jkun hemm kooperazzjoni effettiva ħafna bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u n-negozji,
G. billi huwa urġenti li jiġi implimentat, ikkoordinat u promoss approċċ koerenti fost il-pajjiżi kollha li ffirmaw il-Proċess ta’ Bolonja, speċjalment fil-qasam tal-mobbiltà tal-istudenti u r-rikonoxximent sħiħ tal-kwalifiki u billi dan jeħtieġ evalwazzjoni xierqa tal-proċess imsemmi li jidentifika d-diffikultajiet u l-ostakli,
H. billi l-Kummissjoni Ewropea għandha rwol importanti fil-faċilitazzjoni tal-iskambji tal-informazzjoni u tal-prattiki tajbin fost l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien tal-UE,
I. billi l-firxa mżewqa ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, ċrieki tan-negozju u tipi ta' kooperazzjoni tagħmilha diffiċli li jsir qbil dwar mudell ideali tal-kooperazzjoni li jaqdi l-profil, il-prijoritajiet u r-rekwiżiti ta' kull istituzzjoni fl-Ewropa, billi l-awtononija tal-universitajiet u tal-fakultajiet tagħhom li jagħżlu l-mudelli ta’ sħubija man-negozji li jwieġbu l-aħjar għall-objettivi tagħhom għandhom ikunu miżmuma fiċ-ċirkustanzi kollha,
J. billi l-edukazzjoni hija missjoni li s-soċjetà kollha kemm hi hija responsabbli minnha u, għalhekk l-Istat m’għandux jaħrab mir-responsabilitajiet finanzjarji tiegħu,
K. billi l-edukazzjoni għolja tibqa' responsabilità pubblika u billi għalhekk il-finanzjament pubbliku tal-universitajiet huwa kruċjali biex jiġi assigurat finanzjament ġust għall-oqsma kollha, pereżempju l-istudji letterarji, billi huwa importanti li l-universitajiet jingħataw l-appoġġ finanzjarju (pereżempju permezz ta' sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat), filwaqt li fl-istess ħin tiġi ggarantita l-awtonomija u l-assikurazzjoni tal-kwalità tagħhom,
L. billi l-edukazzjoni u t-taħriġ, li għandhom jippermettu li tinkiseb il-bażi fundamentali tal-kulturi ġenerali u ċivili, huma mezzi eċċelenti biex jgħinu lir-reġjuni sottożviluppati biex jirkupraw, u apparti l-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-kompetittività, huma essenzjali għall-pluralità kulturali u intelletwali u l-ħajja ċivili,
M. billi l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji hija mirfuda minn bosta programmi tal-UE, imma l-azzjonijiet ta' dan it-tip mhux dejjem ikunu kkoordinati fost l-istituzzjonijiet,
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni msemmija hawn fuq bl-isem ''Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet tal-Ewropa: Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji", u l-oqsma li tipproponi biex tiffoka l-kooperazzjoni fil-ġejjieni;
2. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li tiżen l-ewwel tliet snin ta' ħidma tal-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji u li tistabilixxi l-isfidi għall-futur, bħalma huwa l-appoġġ għall-innovazzjoni, il-promozzjoni tar-riċerka, il-ħolqien tal-intraprenditorija, it-tisħiħ tat-trasferiment tal-għarfien u t-tħajjir ta’ riċerkaturi żgħażagħ lejn is-suq tax-xogħol Ewropew;
3. Jirrikonoxxi li l-isfidi identifikati fil-komunikazzjoni mhumiex ġodda, u li s’issa ma ġewx indirizzati b’suċċess; jemmen, madankollu, li d-djalogu u l-kollaborazzjoni kontinwi, f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattika dwar programmi u istrumenti, huma essenzjali għall-ħolqien ta’ rabtiet u sħubijiet eqreb bejn l-università u l-komunitajiet tan-negozju, sabiex b’hekk jingħelbu l-ostakli kulturali, istituzzjonali u operattivi li jista' jkun hemm bejniethom, kif ukoll tingħata għajnuna għall-ħolqien ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien, għall-iżvilupp ta’ riċerka applikata u għat-titjib tal-prospetti tas-suq tal-impjiegi għall-gradwati;
4. Jirrikonixxi l-fatt li hemm differenzi kbar fost l-universitajiet Ewropej fir-rigward tad-daqs, tar-riżorsi, tad-dixxiplini, tal-organizzazjoni, tan-nazzjonalità u tat-tip tagħhom; jemmen, madankollu, li kull waħda minnhom tista’ tibbenefika individwalment minn kollaborazzjoni mal-komunità tan-negozju, sakemm ikun hemm għarfien ċar tal-kuntest reali li fih huma żviluppati l-kapaċitajiet tagħhom għar-riċerka u l-edukazzjoni; huwa tal-fehma li qed jingħata kontribut ewlieni għall-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-komunità tan-negozju wkoll fil-livell reġjonali;
5. Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-edukazzjoni għolja, tat-28 u d-29 ta’ April 2009, li tenfasizza l-impenn tagħhom biex jilħqu l-għanijiet taz-zona Ewropea tal-edukazzjoni għolja, zona fejn l-edukazzjoni għolja hija responsabilità pubblika u fejn l-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni sekondarja huma attenti għall-ħtiġijiet tas-soċjetà b’mod ġenerali permezz tad-diversità tal-missjonijiet tagħhom;
6. Japprova l-fehma li d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jibqgħu prijoritajiet fil-ġejjieni qrib, bl-istess mod li d-djalogu u l-koperazzjoni mas-setturi l-oħra kollha tas-soċjetà, sabiex il-partijiet jistgħu jibbenefikaw minn għarfien kulturali, xjentifiku u tekniku, magħmul u mferrex fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja; jenfasizza b’mod parallel f’dan il-kuntest li l-indipendenza intellettwali u finanzjarja tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fir-rigward tal-intrapriżi għandha tkun miżmuma u m’għandhiex ikollha relazzjoni ġerarkika bejn l-edukazzjoni għolja u n-negozji; jenfasizza li l-universitajiet għandhom fiċ-ċirkustanzi kollha jżommu l-awtonomija biex jiddeċiedu dwar il-kurrikulu u lill-istrutturi tal-governanza;
7. Jitlob għall-għarfien u azzjoni konkreta fl-Istati Membri fejn il-qafas legali u finanzjarju għadu jonqos milli jippremja jew jista’ saħansitra jtellef l-isforzi tal-universitajiet milli jikkoperaw mas-settur tan-negozju;
8. Jenfasizza li d-djalogu università–negozju m’għandux ikun limitat għas-setturi tal-matematika, tax-xjenza u tat-tekniki biss iżda għandu jikkonċerna wkoll l-oqsma kollha, pereżempju l-istudji letterarji;
9. Iqis li huwa neċessarju li jissaħħu kemm l-interdixxiplinarità u t-transdixxiplinarità tal-programmi ta’ edukazzjoni u riċerka u kemm il-koperazzjoni bejn l-universitajiet u li, minn din il-perspettiva, l-ICT huma għodda essenzjali;
10. Jitlob għal titjib tal-prestazzjoni tal-universitajiet Ewropej permezz tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-triangolu tal-għarfien 'riċerka-edukazzjoni-innovazzjoni', fil-qies tal-ħtieġa għal rabtiet aqwa bejn in-negozji u l-universitajiet, hekk kif jagħtu eżempju l-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjon (KICs) tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u fl-istess waqt, jinkoraġġixxi lill-universitajiet biex jinkludu l-ambjent ekonomiku u soċjali fl-attività ewlenija tagħhom fl-ambitu tal-programmi tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni;
11. Jenfasizza li djalogu u kollaborazzjoni mtejba bejn l-universitajiet u n-negozji jagħtu opportunitajiet ħalli jinkisbu benefiċċji reċiproki li mhux biss jistimulaw tkabbir ekonomiku, iżda huma wkoll ta’ siwi f’sens soċjali iwsa’ billi jikkontribwixxu għat-titjib kostanti ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien;
12. Jenfasizza li l-benefiċċji ta' djalogu u kollaborazzjoni mtejba bejn l-universitajiet u n-negozji jkunu daqstant rilevanti f’termini tat-titjib tad-djalogu u tal-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll fit-titjib tal-interazzjoni bejn l-universitajiet u s-soċjetà in ġenerali;
13. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex, flimkien mas-settur privat, jissoktaw fl-esplorazzjoni u fil-finanzjament ta’ proċessi għat-titjib tal-interazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozju u għat-tneħħija tal-ostakli amministrattivi li jxekkluhom jinnota li r-regolament dwar il-Fond Strutturali jagħti l-possibilità ta’ finanzjament ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs fuq l-istess linji tas-sistema ta’ vawċers ta’ għarfien li jintużaw bħalissa f’għadd ta’ Stati Membri;
14. Jipproponi li tingħata attenzjoni partikolari għall-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) għar-riċerka universitarja, billi fl-istess waqt jiżdiedu l-finanzjamenti pubbliċi u jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi;
15. Jenfassizza l-ħtieġa li l-ħidma investigattiva u ta’ riċerka tingħata prestiġju u motivazzjoni, mhux biss fl-oqsma xjentifiċi u tekniċi iżda wkoll fl-oqsma tax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi li jikkostitwixxu minjiera ta’ għarfien ta’ kwalità għall-attivitajiet kummerċjali ewlenin;
16. Jappoġġja r-rwol tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jagħmlu xogħol ta’ riċerka billi jqisu prijoritarju fir-rigward tan-netwerks ta’ eċċellenza bbażati fuq proġetti integrati kbar;
17. Jappella lill-intrapriżi u lill-universitajiet biex jikkoperaw biex jirrimedjaw għat-tqassim inugwali tal-irġiel u n-nisa f’ċertu setturi tal-università;
Tagħlim tul il-Ħajja
18. Ifakkar fl-importanza tad-definizzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja u tal-bosta kunċetti li tkopri, mill-edukazzjoni ġenerali għall-edukazzjoni nonformali u informali utli għall-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ kontinwu fil-ħajja ekonomika, soċjali, kulturali, u ċivika;
19. Jenfasizza li, billi t-tagħlim tul il-ħajja li jagħti aċċess kostanti mhux biss għall-edukazzjoni u t-taħriġ iżda wkoll għall-kultura, huwa kruċjali li l-Unjoni Ewropea tinkoraġġixxi li l-Istati jappoġġjaw, u li l-universitajiet pubbliċi jħarsu u jiżviluppaw, l-inklużjoni tal-istudji artistiċi fil-programmi edukattivi ;
20. Ifakkar li wieħed mill-messaġġi ewlenin huwa li jogħla l-livell tal-investiment fir-riżorsi umani tal-Ewropa, biex nagħtu l-prijorità lill-aktar assi importanti tal-UE – niesha, li jistgħu jadottaw għaċ-ċirkostanzji dejjem jinbidlu tas-suq tax-xogħol;
21. Jinnota l-ħtieġa li l-opportunitajiet tat-tagħlim tul il-ħajja jkunu jikkorrispondu kemm jista' jkun mal-ħtiġijiet tal-individwi, u jenfasizza li t-tibdil kostanti ta' dawk il-ħtiġijiet jagħmel it-tagħlim tul il-ħajja ħtieġa inevitabbli u għalhekk huwa partikolarment attent għall-isfidi li jirriżultaw fil-livell soċjali u finanzjarju; ifakkar li m'għadhiex tgħodd l-idea ta' "impjieg wieħed tul il-ħajja" u li t-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid huma essenzjali; itenni li jeħtieġ jinħolqu kundizzjonijiet adegwati biex titrawwem attitudni pożittiva fir-rigward tat-tagħlim mit-tfulija;
22. Jenfasizza li l-edukazzjoni, l-informazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajjja, minbarra li huma vantaġġi partikolarment importanti għas-suq tax-xogħol, jipprovdu wkoll prekundizzjoni għall-iżvilupp u għall-iżvilupp mentali u l-iżvilupp personali sħiħ tal-individwu;
23. Jenfasizza kemm huwa importanti li jinħolqu u jiġu promossi metodi moderni ta’ taħriġ tul il-ħajja permezz tal-Internet biex it-taħriġ isir strument aktar dirett u li jeħtieġ inqas ħin għall-persunal tal-intrapriżi;
24. Fid-dawl tat-trasformazzjoni demografika tal-Ewropa (f'soċjetà li qed tixjieħ) u tat-trasformazzjoni fis-suq tax-xogħol minħabba l-kriżi ekonomika, soċjali u tal-impjiegi, jistieden lill-universitajiet biex ikabbru l-aċċess għat-tagħlim u jimmodernizzaw il-programmi tagħhom billi jiffukawhom iktar fuq l-isfidi l-ġodda sabiex itejbu l-kompetenzi tal-impjegati Ewropej;
25. Wara li kkunsidra wkoll il-fatt li l-edukazzjoni hija wieħed mill-mezzi l-aktar importanti u l-aktar effikaċi ta’ integrazzjoni soċjali u għall-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi, jappella lill-universitajiet biex iwessgħu l-aċċess għat-tagħlim u għall-programmi ta’ skambju internazzjonali għall-persuni b’diżabilità;
26. Itenni l-importanza tat-trażmissjoni u l-iskambju tal-għarfien, ħiliet u esperjenza miksuba mill-adulti, bħala mezz li bih il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jiġu ggwidati fis-suq tax-xogħol (pereżempju permezz ta' skemi ta' "mentoring");
27. Jipproponi li jintużaw aktar il-metodi edukattivi l-ġodda, bħalma huma t-tagħlim sperimentali, it-tagħlim b’distanza, it-taħriġ online u forom oħra mħallta ta’ tagħlim;
28. Jenfasizza li jeħtieġ li tiġi stabbilita, promossa u mseddqa kultura msaħħa ta' tagħlim u li t-taħriġ kontinwu u t-taħriġ mill-ġdid fl-istadji kollha tal-ħajja huwa ta' importanza kritika għall-kompetittività tal-Ewropa u biex jiġu mħeġġa t-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa;
29. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun stimulat iktar l-adattament kontinwu għall-bdil fis-suq tax-xogħol – li hu ta’ prijorità għall-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-riċessjoni attwali – billi jitrawwem it-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ korsijiet ta’ tagħlim b’distanza adattati b’mod speċjali għat-teknoloġiji l-ġodda u għal korsijiet għal dawk ta’ aktar minn 45 sena, li huma aktar vulnerabbli u f’riskju akbar ta’ esklużjoni soċjali;
30. Iħeġġeġ lin-negozji biex iħeġġu iktar lill-imġjegati tagħhom biex jitħarrġu billi jinkoraġġixxu, pereżempju, l-organizzazzjoni ta’ seminars regolari u l-iffinanzjar ta’ studji post-universitarji;
31. Jissuġġerixxi approċċ ġdid għall-gwida tul il-ħajja, li permezz tiegħu l-universitajiet, l-istudenti u l-oqsma ekonomiċi u soċjali bid-diversitajiet kollha tagħhom jibbenefikaw billi jsegwu aktar mill-qrib lill-gradwati żgħażagħ biex jivvalutaw l-utilità soċjali u ekonomika tal-programmi tal-edukazzjoni;
32. Ifakkar fil-ħtieġa li t-tagħlim virtwali jkompli jsir aktar attraenti u aċċessibbli;
Mobbiltà, sħubijiet u kurrikulu
33. Itenni li l-mobbiltà hija ġebla tax-xewka tal-qasam Ewropew tal-edukazzjoni għolja, li fih l-universitajiet Ewropej huma mistiedna jwettqu riforma innovattiva, wiesgħa u metodika tal-kurrikulu; jenfasizza li dan għandu jkun prijorità politika fil-kuntest tar-ridefinizzjoni tal-għanijiet ewlenin tal-Proċess ta' Bolonja lil hinn mill-2010;
34. Jenfasizza li l-mobbiltà bejn il-pajjiżi u bejn l-universitajiet u n-negozji hija fattur ewlieni fl-ilħiq ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn iż-żewġ dinjiet;
35. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas legali maħsub biex jappoġġa u jiffaċilita l-mobbiltà bejn l-universitajiet u n-negozji, u bejn l-istudenti u l-lekċerers tal-università, u biex tenfasizza l-ħtieġa li din is-sura ta' tagħlim tkun rikonoxxuta u ċċertifikata;
36. Jenfasizza mhux biss l-estensjoni u l-espansjoni ta’ skemi individwali ta’ mobilità bħall-Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ u l-Erasmus għall-Apprendisti, iżda wkoll l-organizzazzjoni ta’ programmi post-lawrja "European Masters of Excellence", b’kooperazzjoni ma’ universitajiet differenti u bis-sehem attiv tan-negozji, flimkien ma’ boroż ta’ studju għall-istudenti u inċentivi għar-riċerkaturi; jemmen li dawn l-inizjattivi jistgħu jservu għat-temma tal-miri ta’ mobilità, ta' tagħlim tal-lingwa u tal-kisba ta’ esperjenza multikulturali u intraprenditorjali;
37. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-istabbilimenti tal-edukazzjoni għolja jżidu l-possibilitajiet, apparti dawk universitarji, ta’ tagħlim ta’ lingwi oħra, fid-dawl tal-fatt li l-akkwist ta' lingwi ġodda huwa vitali biex inġibu 'l quddiem u ninkoraġġixxu l-mobbiltà u l-iskambju tal-istudenti, ir-riċerkaturi, l-għalliema u l-impjegati tan-negozji;
38. Iħeġġeġ lill-universitajiet biex ifittxu metodi ġodda ta’ koperazzjoni bejn l-istabbilimenti pubbliċi u s-settur privat, speċjalment permezz tal-ħolqien ta’ fondi komuni ta’ innovazzjoni pubbliċi u privati sabiex tittejjeb il-mobilità fis-setturi kollha;
39. Jenfasizza l-vantaġġi importanti li l-istudenti jistgħu jieħdu mill-ksib ta’ kompetenzi fil-qasam tat-teknoloġiji l-ġodda, li jżidu l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tal-impjiegi;
40. Wara li kkunsidra prattiki tajba fis-seħħ fil-qasam tat-tagħlim f’pajjiżi oħra, jissuġġerixxi li pajjiżi lil hinn mill-UE jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-forum tal-UE biex jaqsmu u jiddibattu l-esperjenzi u l-ħsibijiet tagħhom, fejn dawn id-dibattiti għandhom jibbażaw fuq miri, terminoloġija u kunċetti definiti u jiffukaw fuq oqsma speċifiċi tal-attività;
41. Jenfasizza l-ħtieġa li l-għalliema inkarigati mill-korsijiet ta’ tagħlim fil-qasam tal-intraprenditorija jiġu ppreparati u mħarrġa b’mod adegwat; jappoġġa l-idea li l-kultura tal-intraprenditorija tiddaħħal fil-kurrikulu (b'bidu minn dak tal-primarja);
42. Iħeġġeġ lid-dinja tan-negozju biex tieħu sehem attiv fit-tfassil tal-materjal edukattiv dwar kif jiffunzjonaw l-attivitajiet tal-intraprenditorija, li għandu jkun disponibbli għal-livelli kollha tal-edukazzjoni, bl-istituzzjonijiet ta’ tagħlim ikunu ħielsa biex jiddeċiedu jekk jużawhx jew le, u biex tippreżenta fuq bażi regolari l-opportunitajiet tal-impjieg li jistgħu joffru lill-Istudenti;
43. Iħeġġeġ lid-dinja tan-negozju biex tgħin biex tadatta l-kurrikulu tal-università, billi tagħti bidu u tiffinanzja korsijiet speċifiċi, bil-għan li l-istudenti jiffamiljarizzaw rwieħhom mal-isfidi tal-intraprenditorija;
44. Jitlob li tiġi studjata u mħeġġa l-integrazzoni tal-lekċerers tal-università fl-intrapriżi u, b’analoġija, dik tal-intraprendituri fl-universitajiet;
45. Jenfasizza l-importanza tat-teknoloġiji l-ġodda, li jiffavorixxu l-mobilità u l-koperazzjoni bejn n-negozji, l-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi aktar immedjati;
46. Ifakkar li l-intraprenditorija kummerċjali fid-diversi forom tagħha għandha tiġi prevista bħala waħda mill-alternattivi ta’ xogħol għall-gradwati żgħażagħ u li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jipprovdu lill-istudenti tagħhom għarfien dettaljat dwar il-forom kollha ta’ intraprenditorija, inkluż dwar l-ekonomija soċjali u solidali, kif ukoll kunċetti profondi relatati ma’ ġestjoni responsabbli u etika;
47. Jenfasizza li d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozju għandhom jissejsu fuq ir-reċiproċità, il-fiduċja, ir-rispett reċiproku u t-trasparenza, biex jitħeġġu universitajiet aktar intraprenditorjali u ukoll kumpaniji aktar ibbażati fuq l-għarfien; itenni li dan jista' jinkiseb, pereżempju, bl-introduzzjoni ta’ sistema ta’ vawċers ta’ għarfien bħal dik li bħalissa qed tintuża f’għadd ta’ Stati Membri, li tippermetti li l-SMEs b’mod partikulari jtejbu l-kapaċità tagħhom ta’ riċerka mingħajr ma jikkompromettu l-indipendenza, l-awtonomija u n-natura pubblika tal-universitajiet;
48. Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni u r-riċerka jeħtieġ li jadottaw approċċ aktar multidixxiplinarju għall-għarfien, u għalhekk jemmen li kemm l-universitajiet kif ukoll in-negozju jistgħu jibbenefikaw mill-iżvilupp konġunt ta’ ħiliet interdixxiplinarji, multidixxiplinarji u intraprenditorjali u mill-adattament flessibli ta’ oqsma ta’ studju, speċjalitajiet u speċjalizzazzjonijiet għall-ħtiġiet tal-ekonomja, inklużi dawk ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; jenfasizza l-inizjattivi ta’ suċċess bħalma huma l-apprendistati għall-istudenti u l-istaff, l-użu ta’ intraprendituri mistiedna bħala professuri, korsijiet paralleli u staff konġunt;
49. Jenfasizza li sabiex jitrawwem spritu ta’ intrapriża fost l-istudenti, dawk kollha involuti (staff akkademiku, studenti u nies tan-negozju) għandhom jingħataw informazzjoni adegwata dwar l-għodod u l-mekkaniżmi li jistgħu jużaw biex jiżviluppaw kooperazzjoni aktar effiċjenti, effettiva u ta’ benefiċċju reċiproku; jemmen li hu essenzjali li min-naħa l-waħda jittejjeb it-taħriġ għall-istaff akkademiku universitarju f’dan is-settur permezz ta’ inizjattivi bħat-tagħlim tul il-ħajja, u li min-naħa l-oħra l-universitajiet jiftħu l-bibien tagħhom għan-negozji u għal min jimpjega sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar il-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ, l-għarfien u l-ħiliet li l-istudenti għandu jkollhom;
50. Jirrakkomanda li jiġu mħarsa bis-sħiħ iċ-ċentri universitarji ta’ konsulenza dwar il-karriera fil-livell istituzzjonali, li jkomplu jiġu żviluppati u li jkunu marbuta aktar mill-qrib mas-suq tax-xogħol;
51. Jenfasizza l-importanza li jingħataw opportunitajiet biex jagħmlu żminijiet ta' xogħol fil-kumpaniji bħala parti mill-kurrikulu, speċjalment l-istudenti tal-edukazzjoni għolja u billi dawn l-esperjenzi tax-xogħol ikunu kkumensati b'mod finanzjarju jew permezz tas-Sistema Ewropea ta’ trasferiment ta’ kredtu;
52. Jitlob lill-Kummissjoni biex tniedi pjan għal dottorat tal-UE fl-industrija ibbażat fuq il-mudell tad-dottorati dwar l-industrija li jeżistu fl-UE bħala attivitajiet Marie Curie tal-programm ta’ qafas, sabiex jiġu mħeġġa r-riċerka li tkun immirata u li finanzjarjament tkun tista’ tintlaħaq mill-intrapriżi Ewropej kif ukoll il-kontributi tas-settur tan-negozju fl-universitajiet Ewropej;
53. Jipproponi li l-assoċjazzjonijiet tax-xogħol jikkoperaw mal-universitajiet biex iħejju programmi effikaċi li jippermettu lill-istudenti jadatttaw irwieħhom malajr għad-dinja tan-negozju;
54. Jenfasizza l-importanza li d-dinja tan-negozju tisponsorja lill-universitajiet u tinkorġġixxi kumpaniji biex jagħtu boros ta' studju sabiex jagħtu l-opportunità lill-istudenti biex jiksbu l-għarfien u l-ħiliet li għandhom valur sostanzjali fuq is-suq tax-xogħol;
55. Jenfasizza l-importanza kbira li jiġu trażmessi lis-soċjetà l-għarfien u r-riżultati li jirriżultaw mill-kollaborazzjoni bejn id-dinja universitarja u dik tan-negozju;
56. Jistieden lill-intrapriżi jsaħħu l-appoġġ tagħhom għat-talent żagħżugħ permezz ta’ boroż ta’ studju;
Riċerka
57. Jenfasizza l-ħtieġa li l-impriżi jkabbru l-kapaċità tagħhom għall-assorbiment ħalli jużaw u jittrasformaw l-għarfien xjentifiku ġġenerat mill-universitajiet biex titrawwem ir-riċerka interna, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni kontinwa, u biex iħaddnu politika attiva li tikkomunika l-ħtiġiet tagħhom lill-komunità akkademika u biex jirreklutaw gradwati u riċerkaturi f'livell ta' dottorat u ta’ post-dottorat;
58. Jenfasizza l-ħtieġa għal staff speċjalizzat fl-istituzzjonijiet ta’ riċerka li jkun kapaċi jidentifika u jimmaniġġja riżorsi ta’ għarfien b’potenzjal kummerċjali;
59. Jagħti importanza kbira lit-trasferiment tal-għarfien f’ambjent miftuħ; jirrikonoxxi li hemm strumenti differenti sabiex dan isir, bħalma huma l-pubblikazzjonijiet u s-seminars, l-uffiċċji għat-trasferiment tat-teknoloġija, il-kooperazzjoni reġjonali, l-appoġġ għall-istart-ups u għall-ispin-offs, ir-riċerka kollaborattiva u l-mobilità tar-riċerkaturi; jemmen, madankollu, li d-dimensjoni soċjali u umana tal-interazzjoni hija ferm importanti; għalhekk jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattivi li jsostnu l-interazzjoni wiċċ imb’wiċċ bejn l-universitajiet u n-negozju, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;
60. Jilqa’ t-tnedija ta’ netwerk uniku Ewropew taċ-ċentri tan-negozju u tal-innovazzjoni, li jinkludi s-servizzi li bħalissa qed jingħataw mill-Euro Info Centres (EICs) u miċ-Ċentri għat-Tixrid tal-Innovazzjoni (IRCs);
61. Iqis li l-mobilità akbar tar-riċerkaturi - kemm fuq perjodu ta' ż-żmien qasir kif ukoll medju, bejn in-nazzjonijiet u bejn id-dinja l-akkademika u n-negozju, bir-rispett dovut għall-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni - hija fundamentali għat-tisħiħ tat-trasferiment tal-għarfien; f’dan is-sens, jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirrevedu bir-reqqa l-qafas legali u finanzjarju eżistenti u jnaqqsu x-xkiel bla bżonn għall-mobilità, billi tingħata attenzjoni speċjali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u għat-tnaqqis tal-burokrazija żejda; jistieden lill-universitajiet biex jintroduċu possibilitajiet ta’ karriera aktar flessibbli u paralleli għall-istaff tagħhom;
62. Iħeġġeġ lill-Kummisssjoni sabiex toħloq inċentivi għall-iżvilupp ta’ suq kompetittiv tal-UE għall-jeddijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR) li jippermetti lill-universitajiet, lill-organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka, u lill-SMEs isibu sħab u investituri għall-IPR, għall-ħiliet u għall-għarfien tagħhom; jindika li l-ġestjoni tal-IPR tista’ tkun aktar professjonali f’ħafna universitajiet;
63. Jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffu l-isforzi għall-promozzjoni ta’ Privattiva Ewropea Unika li tiżgura ħarsien legali irħis, effiċjenti, effettiv u ta’ kwalità għolja għall-prodotti u għas-servizzi innovattivi, speċjalment għall-SMEs, u sistema Ewropea armonizzata dwar is-soluzzjoni ta' tilwim dwar il-privattivi;
64. Jindika li l-parteċipazzjoni konġunta tal-universitajiet u n-negozji fi sħubijiet pubbliċi-privati, bħalma huma l-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti u l-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni, jistgħu jtejbu l-valorizzazzjoni tal-għarfien u jgħinu lill-UE tindirizza l-isfidi maġġuri li qed tiffaċċja; f’dan is-sens, jiġbed l-attenzjoni għal-Linji-Gwida għal Sħubija Responsabbli eżistenti;
65. Filwaqt li jirrikonoxxi li kull kollaborazzjoni teħtieġ approċċ partikolari u li hemm tipi differenti ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, jemmen li wieħed jista’ jitgħallem mill-istrutturi, eżempji, dimostrazzjonijiet u mudelli ta' mġiba li rnexxew u li għandu jissaħħaħ it-tixrid tal-eżempji tal-prattika t-tajba u tal-istejjer ta' suċċess u l-aċċess għall-istess; jenfasizza b’mod speċjali l-ħtieġa li jitqiesu l-prattiki t-tajba implimentati minn impriżi innovattivi, kif ukoll l-għarfien miksub bħala parti mis-Sitt Programm ta’ Qafas għar-Riċerka fir-rigward tal-formazzjoni kollaborattiva tad-dottorati.
66. Jemmen li jekk għandhom jinstabu rabtiet eqreb bejn il-komunitajiet tan-negozju u tar-riċerka u l-universitajiet, jeħtieġ li l-Istati Membri u l-Ewropa jiffaċilitaw is-sehem konġunt tal-fondazzjonijiet, sptarijiet u universitajiet pubbliċi u privati fil-proċess edukattiv u fil-promozzjoni għar-riċerka;
Prattiki tajbin
67. Jinnota u jilqa' l-eżempji ta' prattiki tajbin fi ħdan l-UE u lil hinn minnha, li juru l-valur ta' dan it-tip ta' kooperazzjoni għal dawk kollha involuti, bil-kunsiderazzjoni li eżempji bħal dawn huma meħtieġa biex jgħinu ħalli jiżviluppaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għad-djalogu u jkattru l-possibiltajiet tas-suċċess;
68. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi inventarju tal-aqwa prattiki, u jistedinha biex dan l-inventarju tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha interessati;
69. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi forom ġodda ta’ sħubija strutturata bejn l-intrapriżi, l-universitajiet u setturi oħra ta’ tagħlim u ta’ taħriġ, b’mod partikolari l-iskejjel sekondarji u l-aġenziji ta’ taħriġ professjonali, speċjalment bl-għan li l-għalliema jkunu jistgħu jaġġornaw irwieħhom; iqis li dawn l-isħubiji jistgħu wkoll jipprevedu l-preżenza ta’ entitajiet mis-setturi;
70. Jipproponi li jitwaqqaf website bil-għan tal-qsim u t-tixrid tal-esperjenzi u għall-komunikazzjoni ffukata fuq il-qsim tal-prattiki t-tajba u biex kull min iżur is-sit jingħata ispirazzjoni flimkien ma' għodod u mekkaniżmi konkreti biex ifassal u jimplimenta proġetti ta' kooperazzjoni, u jenfasizza l-importanza tal-użu ta' teknoloġiji ġodda biex titrawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-universitajiet u l-komunitajiet tan-negozju;
71. Isejjaħ, abbażi tal-prattiki tajba fis-seħħ f’ċertu Stati Membri, għall-promozzjoni ta’ Jum Ewopew iddedikat għall-inventuri żgħażagħ jew għal- innovazzjonijiet, l-invenzjonijiet jew il-privattivi maħluqa minn żgħażagħ Ewropej;
72. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissokta tippromwovi d-djalogu fil-livell nazzjonali, lokali u reġjonali filwaqt li tiffoka fuq l-aqwa prattiki, filwaqt li jkun opportun li jiġi żgurat li dan id-djalogu jinvolvi lill-partijiet kollha interessati (pereżempju s-sħab soċjali) u l-forom kollha ta’ intrapriżi (SMEs, intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, eċċ) iżda wkoll rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi (NGOs, eċċ.), bil-ħsieb li joħroġ il-valur miżjud soċjali u ekonomiku tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ dinjiet tal-università u tan-negozju;
73. Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li tiżgura l-konsistenza fost l-azzjonijiet tal-UE u tevita d-duplikazzjoni tal-attivitajiet, biex grupp ta' ħidma mid-Direttorati Ġenerali differenti jivvalutaw u jiżviluppaw is-sinerġiji bejn dan id-djalogu u inizjattivi oħra, fejn id-diskussjonijiet għandhom ikopru sew il-prijoritajiet politiċi kif ukoll l-opportunitajiet ta' finanzjament;
74. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU C 290, 4.12.2007, p. 1.
- [2] ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
- [3] Testi adottati, P6_TA(2008)0013.
- [4] Testi adottati, P6_TA(2008)0423.
- [5] CdR 157/2009 finali.
- [6] SOC/347.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-kuntest
Il-Kunsilli Ewropej ta' Lisbona f'Marzu 2000 u ta' Barċellona f'Marzu 2002 qablu li jistabbilixxu għan strateġiku li l-UE ssir l-aktar ekonomija kompetittiva, dinamika u bbażata fuq l-għarfien fid-dinja sal-2010, li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE jsiru referenza dinjija ta' kwalità sal-2010 u li jinħoloq Spazju Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Il-kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet Ewropej, fis-samit informali f'Hampton Court (ir-Renju Unit) f'Ottubru 2005 u l-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007 saħqu fuq l-importanza tat-triangolu tal-għarfien; l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-kompetittività tal-UE.
L-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-universitajiet u n-negozji fl-Ewropa kienet ġiet enfasizzata biċ-ċar fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Inwasslu għar-riżultati tal-aġenda ta’ modernizzazzjoni għall-universitajiet: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni"[1]. Il-komunikazzjoni saħqet fuq ir-rwol ewlieni tal-universitajiet biex l-Ewropa jirnexxilha tinbidel f'ekonomija u soċjetà msejsa fuq l-għarfien. Barra minn hekk, enfasizzat il-ħtieġa għal ristrutturar u modernizzazzjoni mill-qiegħ tas-settur, jekk l-Ewropa ma tridx tibqa' telliefa fil-kompetizzjoni dinjija fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Il-Komunikazzjoni ssuġġeriet tibdiliet f'disa' oqsma ewlenin meqjusa bħala vitali għas-suċċess:
§ Inkissru l-ostakli madwar l-universitajiet fl-Ewropa;
§ Niżguraw awtonomija u responsabbiltà reali għall-universitajiet;
§ Nipprovdu inċentiva għal sħubijiet strutturati mal-komunità tal-kummerċ;
§ Nipprovdu t-taħlita tajba ta' ħiliet u kompetenzi għas-suq tax-xogħol;
§ Inċekknu l-lakuna tal-finanzjament u nagħmluh jaħdem b'aktar effikaċja fl-Edukazzjoni u r-Riċerka;
§ Intejbu l-interdixxiplinarjetà u t-transdixxiplinarjetà;
§ Nattivaw l-għarfien permezz tal-interazzjoni mas-soċjetà;
§ Nippremjaw l-eċċellenza fl-ogħla livell;
§ Nagħmlu l-Ispazju Ewropew tal-Edukazzjoni Għolja u l-Ispazju Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni aktar viżibbli u attraenti fid-dinja.
L-universitajiet kellhom jaħdmu flimkien mal-edukazzjoni formali jew nonformali u man-negozju, u "jippromwovu l-attivitajiet differenti tagħhom u jikkonvinċu lis-soċjetà, lill-gvernijiet u lis-settur privat li ta’ min jinvesti fihom". Il-Komunikazzjoni ssuġġeriet ukoll li l-impriżi[2] jistgħu jgħinu lill-universitajiet biex jagħtu suriet ġodda lill-kurrikulu u lill-istrutturi tal-governanza, filwaqt li jikkontribwixxu għall-finanzjament.
Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Proċess ta' Bolonja u l-mobbiltà tal-istudenti, issuġġerixxa l-ħtieġa għad-djalogu u l-iskambju reċiproku bejn il-kumpaniji u l-universitajiet għat-tiswir ta' sħubijiet innovattivi u għall-esplorazzjoni ta' modi ġodda ta' kooperazzjoni.
Biex tagħti bidu għad-djalogu bejn in-negozji u l-universitajiet, il-Kummissjoni nediet l-ewwel Forum fix-xahar ta' Frar 2008, li kien segwit mit-tieni Forum fi Frar 2009. Bejn Forum u ieħor, saru diversi seminars tematiċi. Il-parteċipanti fil-forum dwar "Id-djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji" sikwit irreferew għall-kuntest tat-tnaqqis tar-ritmu ekonomiku li fih seħħ l-avveniment u argumentaw li kien hemm urġenza mġedda biex jinbnew rabtiet aħjar bejn in-negozji u l-universitajiet bħala mezz biex jissaħħaħ it-triangolu tal-għarfien tal-Ewropa: "riċerka – edukazzjoni – innovazzjoni".
Il-Komunikazzjoni
Fit-2 ta' April 2009, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar "Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji"[3]. Dan il-Forum laqqa' flimkien l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-impriżi, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u l-awtoritajiet pubbliċi, biex jiskambjaw l-aqwa prattiki u jiddiskutu problemi komuni.
Il-Komunikazzjoni:
§ tikkunsidra t-tagħlimiet misluta mill-esperjenza tal-ewwel sena tal-Forum u minn attivitajiet oħra rilevanti fil-livell Ewropew dwar l-isfidi u l-ostakli għall-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji, il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati u l-prattiki tajba u l-istrateġiji siewja li jistgħu jintużaw b'mod aktar mifrux. Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (DĦPK)[4] jiżviluppa dan l-aspett tax-xogħol aktar fit-tul;
§ tagħmel proposti rigward il-passi li jmiss tal-ħidma tal-Forum;
§ jiddeskrivi azzjonijiet konkreti ta' segwitu biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji.
Il-Kummissjoni tipproponi li tissokta bid-djalogu fil-qafas tal-forum, b'laqgħat plenarji, seminars tematiċi, sit tal-internet, u involviment akbar tar-rappreżentanti rilevanti, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u wkoll atturi minn barra l-UE.
Stqarrija tar-Rapporteur
Ir-rapporteur japprova l-approċċ adottat mill-Kummissjoni, u jappoġġa x-xogħol tal-Forum li jinsab għaddej. Ir-responsabbiltà għall-politika tal-edukazzjoni u tat-taħriġ hija f'idejn l-Istati Membri, u r-rwol tal-UE huwa li tirfed it-titjib tas-sistemi nazzjonali permezz ta' għodod komplementari fil-livell tal-UE, it-tagħlim reċiproku u l-faċilitazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u l-prattika t-tajba. Fl-opinjoni tar-rapporteur, il-Forum jista' jitqies bħala strument addizzjonali biex dan l-iskambju jsir realtà.
L-ambjent tax-xogħol, li tant qed jinbidel bil-ħeffa, l-ekonomija msejsa fuq l-għarfien u l-pass dejjem jitħaffef tal-iżvilupp teknoloġiku jippreżentaw sfidi għall-edukazzjoni għolja u r-riċerka tal-Ewropa, imma joffru wkoll oportunitajiet ġodda li jeħtieġ li nkunu nistgħu nisfruttawhom b'aktar effikaċja. F'dan il-kuntest, huwa tal-akbar importanza li nagħmlu ħilitna biex jintlaħqu sħubijiet bejn l-edukazzjoni u n-negozju.
Il-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni u n-negozju fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali titqies bħala għodda effikaċi biex tingħeleb il-qabża bejn il-loġika tal-provvista tas-settur tal-edukazzjoni u l-loġika tad-domanda tad-dinja tal-impjiegi. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tat-12 ta' Mejju 2009 "jenfasizzaw li s-sħubijiet bejn l-edukazzjoni u l-istituzzjonjiet tat-taħriġ u min jimpjega għandhom rwol partikolari biex lill-istudenti jagħmluhom aktar kapaċi jsibu impjieg, iqawwulhom il-potenzjal intraprenditorjali u jagħmluhom aktar midħla tad-dinja tax-xogħol" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
Ir-rapporteur, filwaqt li huwa ċert li l-kontribut tal-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja għas-soċjetà tal-għarfien huwa neċessarju, jagħraf ukoll li mhuwiex biżżejjed; jeħtieġ li partijiet interessati oħrajn (l-impriżi, l-awtoritajiet pubbliċi) jinvolvu ruħhom, u flimkien għandhom joħolqu atmosfera komuni fejn qafas/mudell adegwat jista' jiġi segwit jew adattat għal kull każ.
Ir-rapporteur iqis diversi punti ta' riflessjoni:
§ id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji jeħtieġlu ħafna sforz u impenn, u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-universitajiet u n-negozji se jirrikjedi involviment aqwa mil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali;
§ lil min aktar għandna ninvolvu f'dan id-djalogu? Jiġifieri, is-sħubija għandha tkun bejn tnejn jew tliet partijiet (Universitajiet – Negozji – Gvernijiet)?;
§ il-prattiki t-tajba fi ħdan l-UE u lil hinn minnha huma meħtieġa biex niżviluppaw il-kundizzjonijiet adegwati għad-djalogu u nkattru l-possibiltajiet tas-suċċess;
§ għall-ġejjeini, għandu jiġi stabbilit mudell/strateġija konkret/a għad-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji, minkejja t-tiftix għal titjib kontinwu u l-adattament għal ħtiġijiet ġodda;
§ il-gradwati żgħażagħ se jkollhom opportunitajiet aħjar għall-karriera, u saħansitra jistgħu jippruvaw iwaqqfu l-azjendi 'spin-off' tagħhom jekk it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja jkunu jinkludu żminijiet ta' xogħol fl-SMEs u lill-istudenti jagħtuhom l-opportunità li jiksbu l-esperjenza;
§ l-aġġornament tal-kontenut tal-korsijiet u r-riforma tal-kurrikulu huma meħtieġa biex naqdu l-ħtiġijiet tas-suq (it-trattament tal-kapaċità għall-ksib ta' impjiegi, il-promozzjoni tal-intraprenditorija);
§ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom ikunu aktar imħallta (tlaqqigħ flimkien tal-akkademiċi tradizzjonali ma' nies mid-dinja tan-negozju) u lill-persunal u l-istudenti tagħhom għandhom iħejjuhom aħjar bil-ħiliet meħtieġa għad-dinja esiġenti tal-lum, bla ma jittraskuraw il-kwalità tat-tagħlim li titqies bħala fattur deċiżiv għall-prestazzjoni tal-istudenti;
§ il-promozzjoni tal-intraprenditorija, għalkemm jinnota li l-intraprenditur modern għandu quddiemu dinja kumpessa ħafna, b'ġemgħa sħiħa ta' problemi u sfidi ġodda. Irridu nibdew minn sitwazzjoni li fiha niffaċċaw kulturi differenti f'dinja globalizzata fejn in-netwerks internazzjonali huma realtà, u fejn in-nuqqas ta' ħakma tal-lingwi jirrappreżenta ostaklu. F'dan il-kuntest, jeħtiġilna ninsistu fuq l-akkwist ta' ħiliet lingwistiċi diversifikati, ġaladarba b'hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċju ekonomiku, soċjali u kulturali sħiħ.
Ir-relazzjonijiet bejn l-universitajiet u n-negozji huma kumplessi u jiddependu minn bosta fatturi, bħalma huma l-mod li bih l-universitajiet huma ffinanzjati, il-pajsaġġ tan-negozju ta' pajjiż u l-kurrikulu (b'bidu bikri mill-edukazzjoni primarja).
- [1] COM(2006) 0208.
- [2] It-terminu "impriżi" qed jintuża fis-sens wiesa' biex jirreferi għal kwalunkwe entità li taħdem f'attività ekonomika, irrispettivament mill-karattru legali tagħha.
- [3] COM(2009)0158.
- [4] SEC(2009)0425.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (25.2.2010)
għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
dwar il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji: Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej
(2009/2099(INI))
Rapporteur (*): Teresa Riera Madurell
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li tiżen l-ewwel tliet snin ta' ħidma tal-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji u li tistabilixxi l-isfidi għall-futur, bħalma huwa l-appoġġ għall-innovazzjoni, il-promozzjoni tar-riċerka, il-ħolqien tal-intraprenditorija, it-tisħiħ tat-trasferiment tal-għarfien u t-tħajjir ta’ riċerkaturi żgħażagħ lejn is-suq tax-xogħol Ewropew;
2. Jirrikonoxxi li l-isfidi identifikati fil-komunikazzjoni mhumiex ġodda, u li s’issa ma ġewx indirizzati b’suċċess; jemmen, madankollu, li d-djalogu u l-kollaborazzjoni kontinwi, f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattika dwar programmi u istrumenti, huma essenzjali għall-ħolqien ta’ rabtiet u sħubijiet eqreb bejn l-università u l-komunitajiet tan-negozju, sabiex b’hekk jingħelbu l-ostakli kulturali, istituzzjonali u operattivi li jista' jkun hemm bejniethom, kif ukoll tingħata għajnuna għall-ħolqien ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien, għall-iżvilupp ta’ riċerka applikata u għat-titjib tal-prospetti tas-suq tal-impjiegi għall-gradwati;
3. Jirrikonixxi l-fatt li hemm differenzi kbar fost l-universitajiet Ewropej fir-rigward tad-daqs, tar-riżorsi, tad-dixxiplini, tal-organizzazjoni, tan-nazzjonalità u tat-tip tagħhom; jemmen, madankollu, li kull waħda minnhom tista’ tibbenefika individwalment minn kollaborazzjoni mal-komunità tan-negozju, sakemm ikun hemm għarfien ċar tal-kuntest reali li fih huma żviluppati l-kapaċitajiet tagħhom għar-riċerka u l-edukazzjoni; huwa tal-fehma li qed jingħata kontribut ewlieni għall-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-komunità tan-negozju wkoll fil-livell reġjonali;
4. Jenfasizza l-ħtieġa li l-impriżi jkabbru l-kapaċità tagħhom għall-assorbiment ħalli jużaw u jittrasformaw l-għarfien xjentifiku ġġenerat mill-universitajiet biex titrawwem ir-riċerka interna, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni kontinwa, u biex iħaddnu politika attiva li tikkomunika l-ħtiġiet tagħhom lill-komunità akkademika u biex jirreklutaw gradwati u riċerkaturi f'livell ta' dottorat u ta’ post-dottorat;
5. Jenfasizza li qed tiġi osservata diskrepanza dejjem akbar fis-suq tal-impjiegi bejn il-kwalifiki tal-gradwati u l-kwalifiki rikjesti mis-suq tax-xogħol, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu tbassir fuq perjodu ta’ żmien medju u twil dwar il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol bl-għan li l-kurrikuli edukattivi jaqblu mat-tendenzi ekonomiċi;
6. Jenfasizza l-ħtieġa għal staff speċjalizzat fl-istituzzjonijiet ta’ riċerka li jkun kapaċi jidentifika u jimmaniġġja riżorsi ta’ għarfien b’potenzjal kummerċjali;
7. Jenfasizza mhux biss l-estensjoni u l-espansjoni ta’ skemi individwali ta’ mobilità bħall-Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ u l-Erasmus għall-Apprendisti, iżda wkoll l-organizzazzjoni ta’ programmi post-lawrja "European Masters of Excellence", b’kooperazzjoni ma’ universitajiet differenti u bis-sehem attiv tan-negozji, flimkien ma’ boroż ta’ studju għall-istudenti u inċentivi għar-riċerkaturi; jemmen li dawn l-inizjattivi jistgħu jservu għat-temma tal-miri ta’ mobilità, ta' tagħlim tal-lingwa u tal-kisba ta’ esperjenza multikulturali u intraprenditorjali;
8. Jenfasizza li d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozju għandhom jissejsu fuq ir-reċiproċità, il-fiduċja, ir-rispett reċiproku u t-trasparenza, biex jitħeġġu universitajiet aktar intraprenditorjali u ukoll kumpaniji aktar ibbażati fuq l-għarfien; itenni li dan jista' jinkiseb, pereżempju, bl-introduzzjoni ta’ sistema ta’ vawċers ta’ għarfien bħal dik li bħalissa qed tintuża f’għadd ta’ Stati Membri, li tippermetti li l-SMEs b’mod partikulari jtejbu l-kapaċità tagħhom ta’ riċerka mingħajr ma jikkompromettu l-indipendenza, l-awtonomija u n-natura pubblika tal-universitajiet;
9. Jenfasizza li sabiex jitrawwem spritu ta’ intrapriża fost l-istudenti, dawk kollha involuti (staff akkademiku, studenti u nies tan-negozju) għandhom jingħataw informazzjoni adegwata dwar l-għodod u l-mekkaniżmi li jistgħu jużaw biex jiżviluppaw kooperazzjoni aktar effiċjenti, effettiva u ta’ benefiċċju reċiproku; jemmen li hu essenzjali li min-naħa l-waħda jittejjeb it-taħriġ għall-istaff akkademiku universitarju f’dan is-settur permezz ta’ inizjattivi bħat-tagħlim tul il-ħajja, u li min-naħa l-oħra l-universitajiet jiftħu l-bibien tagħhom għan-negozji u għal min jimpjega sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar il-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ, l-għarfien u l-ħiliet li l-istudenti għandu jkollhom;
10. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun stimulat iktar l-adattament kontinwu għall-bdil fis-suq tax-xogħol – li hu ta’ prijorità għall-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-riċessjoni attwali – billi jitrawwem it-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ korsijiet ta’ tagħlim b’distanza adattati b’mod speċjali għat-teknoloġiji l-ġodda u għal korsijiet għal dawk ta’ aktar minn 45 sena, li huma aktar vulnerabbli u f’riskju akbar ta’ esklużjoni soċjali;
11. Jagħti importanza kbira lit-trasferiment tal-għarfien f’ambjent miftuħ; jirrikonoxxi li hemm strumenti differenti sabiex dan isir, bħalma huma l-pubblikazzjonijiet u s-seminars, l-uffiċċji għat-trasferiment tat-teknoloġija, il-kooperazzjoni reġjonali, l-appoġġ għall-istart-ups u għall-ispin-offs, ir-riċerka kollaborattiva u l-mobilità tar-riċerkaturi; jemmen, madankollu, li d-dimensjoni soċjali u umana tal-interazzjoni hija ferm importanti; għalhekk jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattivi li jsostnu l-interazzjoni wiċċ imb’wiċċ bejn l-universitajiet u n-negozju, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;
12. Jenfasizza li djalogu u kollaborazzjoni mtejba bejn l-universitajiet u n-negozji jagħtu opportunitajiet akbar għall-kisba ta’ benefiċċji reċiproki li mhux biss jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, iżda huma wkoll ta’ siwi f’sens soċjali aktar wiesa' billi jikkontribwixxu għat-titjib kostanti ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien;
13. Jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li tiżviluppa spazju fuq l-internet għall-iskambju u t-tixrid tal-aħjar prattiki, u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jintużaw teknoloġiji ġodda biex titrawwem koperazzjoni eqreb bejn il-komunitajiet universitarji u dawk tan-negozju;
14. Jilqa’ t-tnedija ta’ netwerk uniku Ewropew taċ-ċentri tan-negozju u tal-innovazzjoni, li jinkludi s-servizzi li bħalissa huma pprovduti miċ-Ċentri tal-Euro Info (EICs) u miċ-Ċentri għat-Tixrid tal-Innovazzjoni (IRCs);
15. Iqis li l-mobilità akbar tar-riċerkaturi - kemm fuq perjodu ta' ż-żmien qasir kif ukoll medju, bejn in-nazzjonijiet u bejn id-dinja l-akkademika u n-negozju, bir-rispett dovut għall-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni - hija fundamentali għat-tisħiħ tat-trasferiment tal-għarfien; f’dan is-sens, jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirrevedu bir-reqqa l-qafas legali u finanzjarju eżistenti u jnaqqsu x-xkiel bla bżonn għall-mobilità, billi tingħata attenzjoni speċjali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u għat-tnaqqis tal-burokrazija żejda; jistieden lill-universitajiet biex jintroduċu possibilitajiet ta’ karriera aktar flessibbli u paralleli għall-istaff tagħhom;
16. Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-benefiċċji ta' djalogu u kollaborazzjoni mtejba bejn l-universitajiet u n-negozji jkunu daqstant rilevanti f’termini tat-titjib tad-djalogu u tal-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll fit-titjib tal-interazzjoni bejn l-universitajiet u s-soċjetà in ġenerali;
17. Iħeġġeġ lill-Kummisssjoni sabiex toħloq inċentivi għall-iżvilupp ta’ suq kompetittiv tal-UE għall-jeddijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR) li jippermetti lill-universitajiet, lill-organizzazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka, u lill-SMEs isibu sħab u investituri għall-IPR, għall-ħiliet u għall-għarfien tagħhom; jindika li l-ġestjoni tal-IPR tista’ tkun aktar professjonali f’ħafna universitajiet;
18. Jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffu l-isforzi għall-promozzjoni ta’ Privattiva Ewropea Unika li tiżgura ħarsien legali irħis, effiċjenti, effettiv u ta’ kwalità għolja għall-prodotti u għas-servizzi innovattivi, speċjalment għall-SMEs, u sistema Ewropea armonizzata dwar is-soluzzjoni ta' tilwim dwar il-privattivi;
19. Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni u r-riċerka jeħtieġ li jadottaw approċċ aktar multidixxiplinarju għall-għarfien, u għalhekk jemmen li kemm l-universitajiet kif ukoll in-negozju jistgħu jibbenefikaw mill-iżvilupp konġunt ta’ ħiliet interdixxiplinarji, multidixxiplinarji u intraprenditorjali u mill-adattament flessibli ta’ oqsma ta’ studju, speċjalitajiet u speċjalizzazzjonijiet għall-ħtiġiet tal-ekonomja, inklużi dawk ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; jenfasizza l-inizjattivi ta’ suċċess bħalma huma l-apprendistati għall-istudenti u l-istaff, l-użu ta’ intraprendituri mistiedna bħala professuri, korsijiet paralleli u staff konġunt;
20. Jindika li l-parteċipazzjoni konġunta tal-universitajiet u n-negozji fi sħubijiet pubbliċi-privati, bħalma huma l-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti u l-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni, jistgħu jtejbu l-valorizzazzjoni tal-għarfien u jgħinu lill-UE tindirizza l-isfidi maġġuri li qed tiffaċċja; f’dan is-sens, jiġbed l-attenzjoni għal-Linji-Gwida għal Sħubija Responsabbli eżistenti;
21. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex, flimkien mas-settur privat, jissoktaw fl-esplorazzjoni u fil-finanzjament ta’ proċessi għat-titjib tal-interazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozju u għat-tneħħija tal-ostakli amministrattivi li jxekkluhom jinnota li r-regolament dwar il-Fond Strutturali jagħti l-possibilità ta’ finanzjament ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs fuq l-istess linji tas-sistema ta’ vawċers ta’ għarfien li jintużaw bħalissa f’għadd ta’ Stati Membri;
22. Filwaqt li jirrikonoxxi li kull kollaborazzjoni teħtieġ approċċ partikolari u li hemm tipi differenti ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, jemmen li wieħed jista’ jitgħallem mill-istrutturi, eżempji, dimostrazzjonijiet u mudelli ta' mġiba li rnexxew u li għandu jissaħħaħ it-tixrid tal-eżempji tal-prattika t-tajba u tal-istejjer ta' suċċess u l-aċċess għall-istess; jenfasizza b’mod speċjali l-ħtieġa li jitqiesu l-prattiki t-tajba implimentati minn impriżi innovattivi, kif ukoll l-għarfien miksub bħala parti mis-Sitt Programm ta’ Qafas għar-Riċerka fir-rigward tal-formazzjoni kollaborattiva tad-dottorati.
23. Jemmen li jekk għandhom jinstabu rabtiet eqreb bejn il-komunitajiet tan-negozju u tar-riċerka u l-universitajiet, jeħtieġ li l-Istati Membri u l-Ewropa jiffaċilitaw is-sehem konġunt tal-fondazzjonijiet, sptarijiet u universitajiet pubbliċi u privati fil-proċess edukattiv u fil-promozzjoni għar-riċerka;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
23.2.2010 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
48 0 3 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Lena Ek, Ioan Enciu, Norbert Glante, Fiona Hall, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Arturs Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Niki Tzavela, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
António Fernando Correia De Campos, Ilda Figueiredo, Yannick Jadot, Oriol Junqueras Vies, Ivailo Kalfin, Silvana Koch-Mehrin, Bernd Lange, Alajos Mészáros, Tiziano Motti, Vladko Todorov Panayotov, Silvia-Adriana Ţicău, Hermann Winkler |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
23.3.2010 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 1 0 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Badia i Cutchet, Malika Benarab-Attou, Lothar Bisky, Piotr Borys, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Pál Schmitt, Marco Scurria, Timo Soini, Emil Stoyanov, Hannu Takkula, László Tőkés, Marie-Christine Vergiat, Milan Zver |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ivo Belet, Luigi Berlinguer, Nadja Hirsch, Oriol Junqueras Vies, Iosif Matula, Georgios Papanikolaou, Mitro Repo, Róża Gräfin Von Thun Und Hohenstein |
|||||