Proċedura : 2010/2021(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0110/2010

Testi mressqa :

A7-0110/2010

Dibattiti :

PV 19/04/2010 - 16
CRE 19/04/2010 - 16

Votazzjonijiet :

PV 05/05/2010 - 13.37
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0127

RAPPORT     
PDF 222kWORD 283k
29.3.2010
PE 439.171v03-00 A7-0110/2010

dwar is-setgħa tad-delegazzjoni leġiżlattiva

(2010/2021(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: József Szájer

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-setgħa tad-delegazzjoni leġiżlattiva

(2010/2021(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘TFEU’),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-allinjament ta’ atti legali mad-Deċiżjoni l-ġdida tal-Komitoloġija(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar ir-rwol u r-responsabilitajiet l-ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2009 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tadatta għadd ta’ strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni 1999/468/KE, fir-rigward tal-proċedura regolatorja bi skrutinju –Aġġustament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju - It-Titolu V(3),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (COM(2009)0673),

–   wara li kkunsidra l-ittra tad-29 ta’ Jannar 2010 mill-President tal-Parlament Ewropew lill-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Artikoli 290 u 291 tat-TFEU,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0110/2010),

A. Billi t-Trattat ta’ Lisbona jikkonsagra l-poter leġiżlattiv u jintroduċi ġerarkija ta’ normi fl-ordni legali tal-Unjoni, b’hekk isaħħaħ il-karattru demokratiku tal-Unjoni u jirrazzjonalizza l-ordni legali tiegħu; billi t-Trattat ta' Lisbona jintroduċi kunċett ġdid ta’ att leġiżlattiv, b’konsegwenzi estiżi,

B.  billi wieħed mill-elementi tal-poter leġiżlattiv huwa l-possibilità, prevista fl-Artikolu 290 tat-TFEU, għal-Leġiżlatur li jiddelega parti mill-poteri tiegħu lill-Kummissjoni f’att leġiżlattiv (minn hawn ‘il quddiem ‘l-att bażiku’),

C. billi d-delegazzjoni hija operazzjoni delikata li fiha l-Kummissjoni għandha l-istruzzjoni li teżerċita s-setgħa li hija intrinsika għar-rwol proprju tal-Leġiżlatur; billi l-punt ta’ tluq fl-eżaminazzjoni tal-kwistjoni tad-delegazzjoni għandu għalhekk dejjem ikun il-libertà tal-Leġiżlatur,

D. billi din is-setgħa ddelegata tista' tikkonsisti biss f’li tissupplimenta jew temenda partijiet ta’ att leġiżlattiv li l-Leġiżlatur ma jqisx bħala essenzjali; billi l-atti ddelegati li jirriżultaw u li adottati mill-Kummissjoni se jkunu atti mhux leġiżlattivi ta' ambitu ġenerali; billi l-att bażiku għandu jiddefinixxi b’mod espliċitu l-objettiv, il-kontenut, il-firxa ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ din id-delegazzjoni, u għandu jistipula l-kundizzjonijiet li d-delegazzjoni hija suġġetta għaliha,

E.  billi l-atti ddelegati se jkollhom implikazzjonijiet importanti f'ħafna oqsma; billi għalhekk huwa ta' importanza kbira, b'mod partikolari fir-rigward ta' atti ddelegati, li dawn jiġu żviluppati u deċiżi b'mod trasparenti għalkollox li effettivament jippermetti lill-koleġiżlaturi li jikkontrollaw demokratikament l-eżerċizzju tas-setgħa ddelegata lill-Kummissjoni, b'dibattitu pubbliku fil-Parlament, fejn ikun meħtieġ,

F.  billi l-Parlament għandu jkollu l-istess pożizzjoni bħall-Kunsill fir-rigward tal-aspetti kollha tas-setgħa tad-delegazzjoni leġiżlattiva,

G. billi l-'proċedura Lamfalussy' wittiet it-triq għall-mekkaniżmu preżenti tad-delegazzjoni b'kontroll sħiħ mil-Leġiżlatur; billi d-Dikjarazzjoni 39 tal-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tat-23 ta' Lulju 2007, annessa mat-Trattat ta' Lisbona, irrikonoxxiet in-natura speċifika tal-qasam tas-servizzi finanzjarji; billi r-reġim il-ġdid għall-atti ddelegati ma jista' bl-ebda mod idgħajjef id-drittijiet eżistenti tal-Parlament f'dan il-qasam, speċjalment fir-rigward tat-trażmissjoni bikrija tad-dokumenti u tal-informazzjoni,

H. billi d-delgazzjoni tista’ titqies bħala strument għal tfassil aħjar tal-leġiżlazzjoni, li l-objettiv tagħha huwa li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tista’ fl-istess ħin tibqa’ sempliċi u tkun kompluta u aġġornata mingħajr il-bżonn ta' rikors għal proċeduri leġiżlattivi ripetuti, filwaqt li tippermetti lil-Leġiżlatur li jżomm is-setgħa u r-responsabilità assoluta tiegħu,

I.   billi, b’kuntrast mal-approċċ meħud fl-Artikolu 291 TFEU dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni, l-Artikolu 290 TFEU ma fihx bażi legali għall-adozzjoni ta' att orizzontali li jistipula r-regoli u l-prinċipji ġenerali applikabbli għad-delegazzjoni tas-setgħa; billi dawn il-kundizzjonijiet għandhom għalhekk ikunu stipulati f’kull att bażiku,

J.   billi l-Kummissjoni hija responsabbli quddiem il-Parlament; billi l-Kummissarju responsabbli għar-relazzjonijiet u l-amministrazzjoni interistituzzjonali impenja ruħu, fis-smigħ tiegħu quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tat-18 ta' Jannar 2010, li jaħdem mill-qrib sew mal-Parlament u jiżgura li l-eżerċizzju tas-setgħa ddelegata lill-Kummissjoni jissodisfa lill-Parlament,

Aspetti li għandhom jiġu definiti fl-att bażiku

1.  Iqis li l-objettivi, il-kontenut, il-firxa ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien ta’ din id-delegazzjoni skont l-Artikolu 290 TFEU għandhom jiġu definiti espressament u b'mod metikoluż f''kull att bażiku;

2.  Jenfasizza li l-Artikolu 290 TFEU jagħti lil-Leġiżlatur il-libertà li jagħżel liema mekkaniżmu/i ta’ kontroll jidħol/jidħlu fis-seħħ; Iqis li ż-żewġ eżempji enumerati fl-Artikolu 290(2), oġġezzjoni u jirtira, huma purament spjegattivi u li wieħed jista’ jbassar li delega ta' setgħa tiġi soġġetta għal mezzi oħra ta' kontroll, bħall-approvazzjoni rapida mill-Parlament u l-Kunsill ta' kull att iddelegat jew il-possibilità li atti individwali ddelegati li diġa huma fis-seħħ jiġu rtirati;

3.  Huwa tal-opinjoni, madankollu, li ż-żewġ eżempji ta’ kundizzjonijiet possibbli msemmija fl-Artikolu 290(2) TFEU, oġġezzjoni u revoka, jistgħu jitqiesu bħala l-aktar modi komuni biex jiġi kkontrollat l-użu tas-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni u għandhom jiġu inklużi t-tnejn f'kull att bażiku;

4.  Huwa tal-opinjoni li l-mekkaniżmi ta’ kontroll stipulati mil-Leġiżlatur għandhom jirrispettaw ċerti prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u li, b'mod partikolari, għandhom:

- ikunu sempliċi u jinftiehmu faċilment,

- jissalvagwardjaw iċ-ċertezza legali,

- jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa ddelegata b’mod effikaċi, u

- jippermettu lil-Leġiżlatur li jissorvelja sew l-użu li jkun sar tas-setgħa ddelegata;

5.  Iqis li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ oġġezzjoni tal-Parlament huwa neċessarjament ikkundizzjonat mir-rwol parlamentari u l-postijiet tax-xogħol tiegħu; iqis li perjodu fiss għal oġġezzjoni applikabbli għall-atti legali kollha mhuwiex ġustifikat, u li dan il-perjodu għandu jiġi stabbilit skont il-każ f'kull att bażiku, filwaqt li titqies il-kumplessità tal-kwistjonijiet, u għandu jkun biżżejjed biex jippermetti l-kontroll effikaċi tad-delega, mingħajr ma jdewwem b'mod li ma jkunx xieraq id-dħul fis-seħħ tal-atti ddelegati li ma jkunux kontroversjali;

6.  Iqis li proċedura ta' urġenza b’perjodu iqsar għal oġġezzjoni prevista fl-att bażiku nnifsu għandha tkun riżervata għal każijiet partikolarment eċċezzjonali, pereżempju kwistjonijiet ta' sigurtà jew kriżijiet umanitarji;

7.  Jemmen, madankollu, li l-maġġoranza l-kbira ta’ sitwazzjonijiet li jeħtieġu l-adozzjoni rapida ta’ atti ddelegati jistgħu jiġu indirizzati bi proċedura flessibbli li tippermetti li jintwera nuqqas ta’ oġġezzjoni fi stadju bikri mill-Parlament u l-Kunsill, wara rikjesta mill-Kummissjoni f’każijiet ġustifikati sew;

8.  Isostni li l-perjodu ta' żmien ta' delega ma jistax ikun indefinit; huwa tal-opinjoni, madankollu, li delega ta' perjodu limitat tista' tipprovdi l-possibilità ta' tiġdid perjodiku; iqis li att bażiku jista' jipprovdi li dan it-tiġdid perjodiku jista' jseħħ jew b'mod taċitu jew wara talba espressa mill-Kummissjoni; iqis li, fiż-żewġ każijiet, id-delega tista' tiġġedded biss bil-kundizzjoni li la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma jesprimu xi oġġezzjonijiet qabel skadenza speċifikata;

9.  Joġġezzjona bil-qawwi għall-inserzjoni fl-atti bażiċi ta’ dispożizzjonijiet li jimponu obbligi addizzjonali fuq il-Leġiżlatur li jmorru lil hinn minn dawk li jinsabu fl-Artikolu 290 TFEU;

Arranġamenti prattiċi

10. Iqis li ċerti arranġamenti prattiċi jistgħu jiġu kkoordinati aħjar f'Fehim Komuni bejn l-istituzzjonijiet, li jista' jieħu l-forma ta' ftehim interistituzzjonali, u li jkopri inter alia:

- il-konsultazzjonijiet fit-tħejjija u t-tfassil ta’ atti ddelegati,

- l-iskambji reċiproċi ta’ tagħrif, b’mod partikolari fil-każ ta’ revoka,

- l-arranġamenti għat-trażmissjoni tad-dokumenti,

- il-perjodi minimi għal oġġezzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill;

- il-komputazzjoni tal-perjodi ta’ żmien,

- il-pubblikazzjoni ta’ atti fil-Ġurnal Uffiċjali fi stadji differenti tal-proċedura;

11. Jenfasizza li, meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha:

–  tiżgura trażmissjoni bikrija u kontinwa ta' informazzjoni u dokumenti rilevanti lill-kumitati rilevanti tal-Parlament, inklużi abbozzi suċċessivi ta' atti ddelegati u kwalunkwe kontribuzzjoni li tasal; għal dan l-għan jista' jintuża r-reġistru attwali tal-komitoloġija bħala mudell għal sistema mtejba ta' informazzjoni diġitali,

–  tagħti lill-Parlament aċċess għal laqgħat preparatorji, skambji ta' opinjonijiet u konsultazzjonijiet relatati;

12. Huwa tal-opinjoni li l-iskambju ta’ tagħrif qabel revoka għandu jseħħ bħala kwistjoni ta’ trasparenza, kortesija u kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati biex b'hekk jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet kollha jkunu jafu tajjeb minn qabel bil-possibilità ta' revoka; madankollu, iqis li l-introduzzjoni ta’ obbligu legali speċifiku f'atti bażiċi li jeħtieġu stqarrija ta’ raġunijiet għall-adozzjoni ta’ ċerti atti legali, apparti r-rekwiżit ġenerali stipulat fl-Artikolu 296 TFUE li hu applikabbli għall-atti legali kollha, hija eċċessiva u toħloq konfużjoni;

13. Jipproponi li jiġi stabbilit perjodu minimu għall-oġġezzjoni fi kwalunkwe Fehim Komuni futur, b'mod li jingħad ċar li dan għandu jinftiehem mhux bħala miżura restrittiva iżda sempliċement bħala minimu li taħtu l-kontroll demokratiku tal-Parlament ma jkun jiswa xejn; iqis li l-perjodu minimu għal oġġezzjoni għandu jkun ta’ xahrejn, bil-possibilità li dan jiġi estiż b’xahrejn oħra fuq l-inizjattiva tal-Parlament jew tal-Kunsill; ifakkar li jista' jiġi stabbilit perjodu itwal għal oġġezzjoni skont in-natura tal-att iddelegat;

14. Jinsisti, fil-kuntest ta' kwalunkwe Fehim Komuni fil-futur, li l-perjodi differenti għall-iskrutinju ta' atti ddelegati għandhom jibdew biss meta l-Kummissjoni tittrażmetti l-verżjonijiet lingwistiċi kollha, u għandhom jikkunsidraw tajjeb il-perjodu ta’ waqfien mix-xogħol u dak elettorali tal-Parlament;

15. Jenfasizza, fil-kuntest ta' kwalunkwe Fehim Komuni futur, li l-atti delegati soġġetti għal dritt ta' oġġezzjoni jistgħu jiġu ppubblikati biss fil-Ġurnal Uffiċjali u għalhekk jidħlu fis-seħħ wara l-iskadenza tal-perjodu ta' oġġezzjoni, ħlief meta tingħata nuqqas ta’ oġġezzjoni bikrija; iqis li obbligu espress, li jeħtieġ li f'kull att bażiku l-Parlament u l-Kunsill jippubblikaw deċiżjonijiet meħuda biex jiġi kkontrollat l-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati tal-Kummissjoni, huwa żejjed;

Rimarki finali

16. Jistieden lil kull wieħed mill-kumitati tiegħu sabiex jiskambja u jaġġorna b'mod regolari l-aħjar prattika u jistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi żgurat li l-prattiki tal-Parlament skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jkunu koerenti kemm jista' jkun; jenfasizza l-ħtieġa li kull kumitat parlamentari jorganizza l-ħidma tiegħu b’mod li jkun kompatibbli mal-karattru speċifiku tiegħu u li jibbenefika mill-kompetenza akkumulata;

17. Jitlob lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex tagħmel riallokazzjoni tar-riżorsi (b’mod li tiġi żgurata n-newtralità baġitarja) bħala mezz kif tipprovdi l-impjiegi meħtieġa biex jingħata appoġġ xieraq fil-qadi tal-obbligi marbuta mal-Artikolu 290 TFEU; jitlob approċċ istituzzjonali għall-evalwazzjoni tal-istrutturi amministrattivi u r-riżorsi umani disponibbli biex jiġu żviluppati kompetenzi ddelegati;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta bħala kwistjoni ta' prijorità l-proposti leġiżlattivi meħtieġa biex l-acquis jiġi adattat għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE; jikkunsidra, fir-rigward tal-Artikolu 290 tat-TFUE, li dan l-allinjament ma għandux ikun limitat għal dawk il-miżuri li diġà ġew indirizzati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, iżda għandu jkopri l-miżuri xierqa kollha ta' ambitu ġenerali indipendentement mill-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew tal-komitoloġija applikabbli għalihom qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

19. Jinsisti li l-ewwel prijorità għandha tkun li jiġi adattat l-acquis fl-oqsma politiċi li qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ma kienux suġġetti għall-proċedura ta' kodeċiżjoni; jitlob li jiġu ttrattati skont il-każ biex jiġi żgurat, b'mod partikolari, li l-miżuri xierqa kollha ta’ ambitu ġenerali li qabel kienu adottati skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni1 jkunu definiti bħala atti ddelegati;

20. Iqis li sabiex jisseddqu bis-sħiħ il-prerogattivi tal-Leġiżlatur, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-użu relattiv tal-Artikoli 290 u 291 TFUE u lill-konsegwenzi prattiċi tal-applikazzjoni ta’ wieħed mill-artikoli jew l-ieħor, sew waqt l-allinjament imsemmi aktar 'il fuq u sew waqt li jkunu qed jiġu ttrattati proposti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jinsisti li l-koleġiżlaturi għandhom is-setgħa li jiddeċiedu li l-kwistjonijiet li jkunu ġew adottati qabel skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju (RPS) jistgħu jiġu adottati skont l-Artikolu 290 TFUE jew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

o

o o

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 22.

(2)

Testi adottati, P6_TA(2009)0373.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2009)0083.


NOTA SPJEGATTIVA

1. Il-kunċett il-ġdid ta’ att “leġiżlattiv”

It-Trattat ta’ Lisbona jikkonsakra s-setgħa leġiżlattiva u jintroduċi ġerarkija ta’ normi fl-ordni legali tal-Unjoni. B’dan il-mod, isaħħaħ il-karattru demokratiku tal-Unjoni u jirrazzjonalizza l-ordni legali tiegħu.

It-Trattat il-ġdid jintroduċi l-kunċett ta’ att leġiżlattiv li sa issa ma kienx magħruf fil-liġi tal-Komunità u tal-Unjoni(1). Qed issir distinzjoni b’konsegwenzi estiżi bejn atti leġiżlattivi u l-atti l-oħra kollha (atti mhux leġiżlattivi), b’att leġiżlattiv definit bħala att legali adottat bi proċedura leġiżlattiva(2). Kull bażi legali individwali fit-Trattati tidentifika jekk att huwiex ta' natura leġiżlattiva jew le.

2. Id-delegazzjoni tas-setgħa mil-Leġiżlatur lill-Kummissjoni

Wieħed mill-elementi tas-setgħa leġiżlattiva huwa l-possibilità, prevista fl-Artikolu 290 TFUE, għal-Leġiżlatur li jiddelega parti mis-setgħat tiegħu stess lill-Kummissjoni f’att leġiżlattiv bażiku (minn hawn 'il quddiem "l-att bażiku"). Din is-setgħa ddelegata tista' tikkonsisti biss fis-supplimentar jew fl-emendar ta’ partijiet ta’ att leġiżlattiv li l-Leġiżlatur ma jqisx bħala essenzjali. L-atti ddelegati li jirriżultaw adottati mill-Kummissjoni se jkunu atti mhux leġiżlattivi ta' ambitu ġenerali.

Sabiex ikun hemm delega valida, il-Leġiżlatur għandu jiddefinixxi b'mod espliċitu l-objettiv, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-durata tad-delega(3). Barra minn hekk, il-Leġiżlatur għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li din id-delega hija soġġetta għalihom(4) – dan se jippermetti lil-Leġiżlatur li jikkontrolla l-użu ta’ setgħa ddelegata mill-Kummissjoni.

3. L-objettiv tad-delega tas-setgħa mil-Leġiżlatur

L-objettiv tad-delega tas-setgħa mil-Leġiżlatur huwa li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tkun kemm sempliċi kif ukoll kompluta u aġġornata mingħajr il-bżonn ta' rikors għal proċeduri leġiżlattivi ripetuti, li jistgħu jkunu ineffiċjenti b'mod sproporzjonat u jieħdu ammont ta' żmien eċċessiv. Delega għalhekk tipprovdi mod kif jiġu indirizzati l-aspetti l-aktar dettaljati ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni waqt li tippermetti li l-Leġiżlatur iżomm is-setgħa u r-responsabilità aħħarija tiegħu. B’dan il-mod, delega tista’ parzjalment titqies bħala strument għat-tfassil aħjar tal-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE.

4. Il-firxa ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tad-delega

Delega hija operazzjoni delikata li fiha l-Leġiżlatur jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex teżerċita parti mis-setgħa tiegħu. Minħabba f’hekk l-objettivi, il-kontenut, il-firxa ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tad-delega għandhom ikunu definiti b’mod ċar u metikoluż fl-att bażiku. It-tul ta' żmien ta' delega għalhekk ma jistax ikun indefinit, iżda att bażiku jista' jipprovdi l-possibilità li jseħħ tiġdid perjodiku jew b'mod taċitu jew wara talba ċara mill-Kummissjoni. Fiż-żewġ każijiet, id-delega tista' tiġġedded biss jekk il-Parlament u l-Kunsill ma jkunux esprimew oġġezzjonijiet qabel skadenza partikolari.

5. Prinċipji ġenerali għall-kontroll tal-eżerċizzju tas-setgħa ddelegata

L-Artikolu 290 TFUE jagħti lil-Leġiżlatur il-libertà li jagħżel liema mekkaniżmu/i ta’ kontroll iħaddem; Hu jsemmi żewġ mezzi ta’ kontroll bħal dawn purament bħala eżempju. Li jiġi deċiż li dawn iż-żewġ mezzi ta' kontroll jiffurmaw lista eżawrjenti mhux biss imur kontra l-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 290 tat-TFUE iżda wkoll kontra l-filosofija tiegħu li l-Leġiżlatur jiddelega s-setgħa li hija intrinsika għar-rwol tiegħu stess u għalhekk għandu jkun żgur li jkunu kapaċi jżomm kontroll xieraq fuq l-użu tagħha(5). Dan jimplika l-aktar marġini possibbli ta’ diskrezzjoni fid-deċiżjoni dwar kif delega għandha tkun ikkontrollata(6).

Madankollu, il-mekkaniżmi ta’ kontroll stipulati mil-Leġiżlatur għandhom jirrispettaw ċerti prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, għandhom:

· ikunu sempliċi u jinftiehmu faċilment,

· jissalvagwardjaw iċ-ċertezza legali,

· jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa ddelegata b’mod effikaċi, u

· jippermettu lil-Leġiżlatur jissorvelja sew l-użu li jkun sar tas-setgħa ddelegata.

6. Il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll tal-eżerċizzju tas-setgħa ddelegata

Iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija b’mod ċar fl-Artikolu 290(2) tat-TFUE, oġġezzjoni u revoka, jistgħu jitqiesu bħala l-aktar modi normali biex jiġi kkontrollat l-użu tas-setgħat iddelegati tal-Kummissjoni.

(i) Revoka

Revoka mill-Parlament u l-Kunsill hija prevista b'mod ċar bħala l-ewwel kundizzjoni possibbli skont l-Artikolu 290 tat-TFUE. Huwa ovvju minn din id-dispożizzjoni li mhuwiex meħtieġ qbil taż-żewġ fergħat tal-leġiżlatura tal-Unjoni biex issir revoka tad-delega. Revoka għandha, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, tgħid li ma taffettwax il-validità tal-atti ddelegati digà adottati qabel din ir-revoka.

(ii) Oġġezzjoni u nuqqas bikri ta’ oġġezzjoni

Oġġezzjoni mill-Parlament jew mill-Kunsill fi żmien perjodu stipulat mill-att bażiku hija prevista b’mod ċar bħala t-tieni kundizzjoni possibbli skont l-Artikolu 290 tat-TFUE. Hu evidenti minn din id-dispożizzjoni li mhuwiex meħtieġ qbil taż-żewġ fergħat tal-leġiżlatura tal-Unjoni biex issir oġġezzjoni għal att iddelegat individwali u għalhekk oġġezzjoni minn waħda biss mill-fergħat twaqqfu milli jidħol fis-seħħ. L-eżerċizzju mill-Parlament tad-dritt ta’ oġġezzjoni huwa neċessarjament ikkundizzjonat mir-rwol parlamentari u l-postijiet ta’ xogħol tiegħu; Meta titqies il-varjetà tal-leġiżlazzjoni li qed tiġi ttrattata mill-Parlament, mhuwiex neċessarju li jiġi stabbilit perjodu fiss għal oġġezzjoni li japplika fil-każijiet kollha. Madankollu, l-iskadenza għandha tkun biżżejjed biex tippermetti kontroll effikaċi tad-delega. Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li din għandha tiġi stabbilita skont il-każ f'kull att bażiku u li għandu jiġi stabbilit perjodu minimu għall-oġġezzjoni f'Fehim Komuni futur li jkun jittratta kwistjonijiet orizzontali (ara aktar 'l isfel).

Il-Kumitat iqis li proċedura urġenti b’perjodu iqsar għal oġġezzjoni li tinsab fl-att bażiku nnifsu għandha tkun riżervata għal każijiet partikolarment eċċezzjonali biss, pereżempju għal kwistjonijiet ta' sigurtà jew kriżijiet umanitarji.

Jemmen, madankollu, li l-maġġoranza l-kbira ta’ sitwazzjonijiet li jeħtieġu adozzjoni rapida ta’ atti ddelegati tista’ tiġi indirizzata bi proċedura flessibbli għal espressjoni bikrija ta’ nuqqas ta' oġġezzjoni li tkun tista' tipprevedi li l-perjodu għall-espressjoni ta’ oġġezzjoni jkun jista' jitqassar mill-Parlament u l-Kunsill, wara rikjesta mill-Kummissjoni f’każijiet ġustifikati sew.

Ir-rispett tal-prinċipju demokratiku, inerenti fi kwalunkwe delegazzjoni tas-setgħa leġiżlattiva, għandu jiggwida l-użu tal-proċedura urġenti u tan-nuqqas bikri ta' oġġezzjoni. Iż-żewġ soluzzjonijiet m'għandux isir abbuż minnhom, u l-Parlament għandu jkun jista' jqis sew l-atti ddelegati individwali, b’kunsiderazzjoni għall-organizzazzjoni tal-kumitati permanenti tiegħu u l-implikazzjonijiet proċedurali ta' kull proċedura għal oġġezzjoni għal att iddelegat.

(iii) Kundizzjonijiet ulterjuri possibbli

Kif mistqarr hawn fuq, l-Artikolu 290 tat-TFUE jagħti lil-Leġiżlatur il-libertà li jagħżel liema mekkaniżmu/i ta’ kontroll jidħol/jidħlu fis-seħħ. Iż-żewġ eżempji enumerati fl-Artikolu 290(2), oġġezzjoni u revoka, huma għalhekk purament spjegattivi u wieħed jista’ jbassar li delega ta' setgħa tiġi soġġetta għal mezzi oħra ta' kontroll, bħall-approvazzjoni ċara mill-Parlament u l-Kunsill ta' kull att iddelegat jew il-possibilità li atti individwali ddelegati li diġa huma fis-seħħ jiġu revokati;

(iv) Kwistjonijiet orizzontali

Diskussjonijiet li jinsabu għaddejjin iqajmu diversi punti prattiċi u legali ta' natura orizzontali li ta’ min jikkunsidra f'dan l-istadju:

· Konsultazzjonijiet fl-istadju preparatorju: Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni bikrija u kontinwa ta' informazzjoni u dokumenti rilevanti lill-kumitati rilevanti tal-Parlament, inklużi abbozzi suċċessivi ta' atti ddelegati u kwalunkwe kontribuzzjoni li tasal; għal dan l-għan jista' jintuża r-reġistru attwali tal-komitoloġija bħala mudell għal sistema mtejba ta' informazzjoni diġitali. Il-Kummissjoni għandha tagħti wkoll lill-Parlament aċċess għal laqgħat preparatorji, skambji ta' opinjonijiet u konsultazzjonijiet relatati. Dawn l-obbligi huma speċifikament importanti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, fejn s'issa applikaw proċeduri partikolari.

· Notifika minn qabel: Il-ħolqien ta' obbligu fuq l-istituzzjoni li tirrevoka li tipprovdi ċertu ammont ta' informazzjoni lill-istituzzjonijiet l-oħra involuti qabel tiġi diskussa r-revoka. Il-Kumitat iqis li dan l-iskambju ta’ informazzjoni jifforma parti normali mir-relazzjonijiet interistituzzjonali. Dan għandu jsir bħala xi ħaġa normali kif ukoll għat-trasparenza, il-korteżija u l-kooperazzjoni leali. Għalhekk m'hemmx bżonn li dan l-obbligu jiġi formalment inkorporat fl-att bażiku.

· L-obbligu li r-raġunijiet jiġu mistqarra: Ġie propost obbligu speċifiku li deċiżjoni tiġi mmotivata minn waħda miż-żewġ fergħat tal-leġiżlatura tal-Unjoni biex tirrevoka delega jew toġġezzjona għal att iddelegat. L-Artikolu 296 tat-TFUE diġà jipprovdi r-rekwiżit ġenerali li "atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati”. Kwalunkwe obbligu ripetut ulterjuri biex jiġu ġustifikati l-atti legali jkun għalhekk superfluwu u joħloq konfużjoni.

· Perjodu minimu biex issir oġġezzjoni: L-iskadenza għandha tkun biżżejjed biex tippermetti kontroll effikaċi tad-delega u għandha tkun stabbilita skont il-każ f'kull att bażiku. Madankollu, għandu jiġi stabbilit ukoll minimu biex jiġi żgurat li l-kontroll demokratiku tal-Parlament ma jsirx nugatorju.

· Il-komputazzjoni tal-perjodi ta’ żmien: Il-perjodi differenti għall-iskrutinju ta' atti ddelegati jistgħu jibdew biss mat-trażmissjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, il-waqfa u l-perjodi elettorali tal-Parlament iridu jitqiesu sew.

· L-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ ċerti atti: L-obbligu ċar fuq il-Parlament u l-Kunsill biex f’kull att bażiku jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet meħuda waqt li jkun ikkontrollat l-eżerċizzju tas-setgħa ddelegata tal-Kummissjoni jidher żejjed minħabba li diġà jeżisti obbligu bħal dan skont l-Artikolu 297 tat-TFUE. Meta jitqies li att iddelegat huwa ta’ ambitu ġenerali, kull oġġezzjoni għalih għandha b'mod korrispondenti tkun fil-forma ta’ deċiżjoni mingħajr ebda destinatarju. Bl-istess mod, revoka ta’ delega timmodifika l-att bażiku u għandha għalhekk tiġi ppubblikata wkoll.

· Id-data tal-pubblikazzjoni tal-atti ddelegati: Jidher ċar għall-Kumitat li l-atti ddelegati jistgħu jidħlu fis-seħħ biss wara li jiskadi l-perjodu għal oġġezzjoni. Dan jipprekludi kull pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali qabel dik id-data, għajr meta jkun ingħata nuqqas bikri ta' oġġezzjoni.

Il-Kumitat iqis li, aktar milli jiġu espliċitament inklużi fl-atti bażiċi u b'hekk jiġu kkumplikati bla bżonn, dawn il-punti orizzontali jistgħu jiġu indirizzati aħjar bħala parti minn Fehim Komuni bejn l-istituzzjonijiet li jista' jieħu l-forma ta' ftehim interistituzzjonali.

7. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-atti ddelegati.

Hija ħasra li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni(7) tidher li la tifhem il-kobor u lanqas it-tifsira tal-bidliet fil-qafas kostituzzjonali u legali tal-Unjoni introdotti mit-Trattat ta' Lisbona. Il-Kummissjoni jkollha x'taqsam ma' atti ddelegati daqs li kieku kienu d-dixxendenti tal-“Proċedura Lamfalussy "u miżuri tal-"komitoloġija" adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 202 KE(8). Wasal iż-żmien li dan it-tip ta’ raġunament jiġi abbandunat meta tkun qed tiġi indirizzata d-delega tas-setgħa leġiżlattiva lill-Kummissjoni.

Il-bżonn li l-aspetti l-aktar tekniċi tal-leġiżlazzjoni jiġu ddelegati lill-Kummissjoni kien jeżisti fil-passat ukoll, fi żmien meta t-Trattati ma kienu jipprovdu ebda mekkaniżmu biex jinkiseb riżultat ta’ dan it-tip. L-istituzzjonijiet kellhom jużaw il-mekkaniżmu stipulat fl-Artikolu 202 KE li ma kienx soluzzjoni sodisfaċenti għal-Leġiżlatur, u partikolarment għall-Parlament. Il-proċedura regolatorja bi skrutinju (RPS, jew skont l-akronimu Franċiż tagħha, PRAC), miżjuda matul l-aħħar modifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE(9), li timplimenta l-Artikolu 202 KE, inħolqot preċiżament biex tipprovdi tweġiba temporanja, minkejja 'l bogħod minn ideali, skont it-Trattat ta' Nizza. Għalhekk, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 290 tat-TFUE qed timla' vojt.

Il-kontroll tas-setgħa ddelegata mil-Leġiżlatur għandu skont il-loġika jibqa’ prerogattiva tal-Leġiżlatur. Barra minn hekk, kwalunkwe forma oħra ta' kontroll minn ħaddieħor għandha per se tkun kontra l-Artikolu 290 tat-TFUE. B'mod partikolari, l-Istati Membri, u kumitati a fortiori magħmula minn esperti mill-Istati Membri, m'għandhom l-ebda rwol f'dan il-qasam.

Jekk il-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni ta' att iddelegat, trid tikkonsulta informalment ma' esperti nazzjonali, hi assolutament libera li tagħmel dan bl-istess mod kif hija ħielsa li tikkonsulta lis-soċjetà ċivili, ir-rappreżentanti ta' interessi, il-kumpaniji, is-sħab soċjali, l-akkademiċi, jew anki Membri jew organi tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li jkun utli ħafna għall-Kummissjoni li l-organi responsabbli tal-Parlament Ewropew jiġu assoċjati fit-tħejjijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta' atti ddelegati. Min-naħa l-oħra, il-Parlament jirrifjuta kategorikament li kull rwol formali tal-esperti nazzjonali jkollu l-effett ta' mekkaniżmu ta' kontroll fuq il-Kummissjoni minħabba li dan imur kontra t-Trattati u l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali. Għalhekk, m'għandha ssir l-ebda referenza għal konsultazzjonijiet fl-atti bażiċi, iżda din il-kwistjoni tista' tiġi ttrattata bħala parti minn Fehim Komuni, kif intqal qabel.

8. L-organizzazzjoni interna tal-Parlament

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li kull kumitat għandu jiskambja u jaġġorna regolarment l-aħjar prattika, u jistabbilixxi mekkaniżmu xieraq biex jiġi żgurat li l-prattiki tal-Parlament skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jkunu koerenti kemm jista' jkun, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-oqsma differenti koperti.

9. Il-kwistjoni tal-allinjament tal-acquis eżistenti

Il-ħtieġa li jiġu ddelegati xi setgħat leġiżlattivi, li kienet teżisti fil-passat bħalma teżisti llum, kienet eżerċitata qabel permezz tal-proċedura tal-"komitoloġija" stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE msemmija hawn fuq, li kienet inadegwata għar-raġunijiet diġà spjegati. L-acquis għalhekk għandu jiġi adattat kemm jista' jkun malajr għall-ordni legali l-ġdida u l-mekkaniżmu ta’ delega tal-Unjoni, u għalhekk huwa urġenti li l-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi sabiex dan jinkiseb.

Il-Kumitat jikkunsidra li dan l-allinjament ma għandux ikun limitat għal dawk il-miżuri li qabel kienu jiġu indirizzati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, iżda għandu jkopri l-miżuri xierqa kollha ta' ambitu ġenerali indipendentement mill-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew tal-komitoloġija applikabbli għalihom qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

10. L-atti ddelegati mqabbla mal-atti ta' implimentazzjoni

Hu evidenti li r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tinsab f’idejn l-Istati Membri. Dan joħroġ ċar fl-Artikolu 4(3) it-tieni subparagrafu tat-TUE (ex Artikolu 10 KE - "L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura (...) xierqa (...) sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati (...) jitwettqu”) u fl-Artikolu 291 TFUE stess ("L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti"). Dan kien ukoll il-każ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

Madankollu, fejn il-leġiżlatur iqis li huma meħtieġa kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti li jorbtu legalment tal-Unjoni, liġi sekondarja li torbot legalment (kemm jekk att leġiżlattiv jew le) għandha tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta miżuri implimentattivi. L-Artikolu 291 tat-TFUE, li jsegwi direttament mill-mekkaniżmi tal-“komitoloġija” bbażati fuq l-Artikolu 202 KE, jipprovdi bażi għall-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni, soġġett għal ċerti kontrolli mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(10). Minħabba r-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni, huwa naturali li l-Artikolu 291 jsemmihom u jeskludi l-Leġiżlatur. M'hemm l-ebda differenza kunċettwali fundamentali bejn is-sistema preċedenti bbażata fuq l-Artikolu 202 KE u s-sistema futura bbażata fuq l-Artikolu 291 tat-TFUE.

Huwa evidenti li huwa l-leġiżlatur li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni bħal dawn. Qafas legali ġdid għall-atti ta' implimentazzjoni hu urġenti minħabba li d-deċiżjoni attwali tal-"komitoloġija" hija parzjalment inkompatibbli mal-reġim il-ġdid stabbilit skont l-Artikolu 291 tat-TFUE.

(1)

Il-kunċett ta’ istituzzjoni li taġixxi f'“kapaċità leġiżlattiva” diġà deher fil-kuntest ta’ regoli dwar it-trasparenza fil-Kunsill – l-Artikolu 207(3) TKE. Madankollu ebda definizzjoni ta’ “kapaċità leġiżlattiva” ma ngħatat.

(2)

Artikolu 289(3) TFUE.

(3)

Artikolu 290(1), it-tieni subparagrafu TFUE.

(4)

Artikolu 290(2) TFUE.

(5)

Għal aktar tagħrif ara r-Rapport Finali tal-Grupp ta' Ħidma IX dwar is-Simplifikazzjoni, Il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa, 29 ta’ Novembru 2002 (CONV 424/02), p. 11.

(6)

Għall-istess raġuni ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona (P6_TA(2009)0373), paragrafu 68.

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2009 dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (COM(2009)0673).

(8)

"Sabiex jiġi assigurat li jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan it-Trattat, u taħt il-kondizzjonijiet stipulati fih, il-Kunsill għandu (...) jagħti lill-Kummissjoni, fl-atti li jadotta l-Kunsill, il-poteri għall-implimentazzjoni tar-regoli li l-Kunsill jippreskrivi. Il-Kunsill jista' jimponi ċerti rekwiżiti fl-eżerċizzju ta' dawn il-poteri. (...)"

(9)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23) kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas-17 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 200, 22.7.2006, p.11).

(10)

Ir-regoli u l-prinċipji ġenerali għall-kontroll mill-Istati Membri għandhom madankollu jiġu adottati fil-forma ta' regolamenti mill-Leġiżlatur li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja – l-Artikolu 291(3) tat-TFUE.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (5.3.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar is-setgħa tad-delega leġiżlattiva

(2010/2021(INI))

Rapporteur: Sharon Bowles

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-atti adottati skont l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) għandhom ikunu soġġetti għal dibattitu pubbliku u kontroll demokratiku,

B.  billi d-Dikjarazzjoni Nru 39 tal-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tat-23 ta’ Lulju 2007, annessa mat-Trattat ta’ Lisbona, innutat l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibqa’ tikkonsulta l-esperti maħtura mill-Istati Membri fit-tħejjija ta’ atti delegati fil-qasam tas-servizz finanzjarju,

C. billi l-proċedura Lamfalussy ħejjiet it-triq għal kontroll leġiżlattiv dettaljat tas-setgħat regolatorji kkonferiti lill-Kummissjoni fis-servizzi finanzjarji,

D. billi l-arkitettura Ewropea ta’ sorveljanza tipprevedi l-użu ta’ standards tekniċi biex tinkiseb “Ġabra Unika tar-Regoli” bl-involviment ta’ rwol prominenti għal atti delegati, li għandu jiġi stabbilit minn leġiżlazzjoni settorjali speċifika biex l-objettiv, il-qasam ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tad-delegazzjoni jiġu strettament definiti,

E.  billi s-sistema l-ġdida għall-atti delegati ma tista’ bl-ebda mod iddgħajjef id-drittijiet eżistenti tal-Parlament fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, b’mod speċjali, fir-rigward tat-trażmissjoni bikrija tad-dokumenti u l-obbligi għall-provvista ta’ informazzjoni, inklużi abbozzi,

1.  Jinsisti li l-koleġiżlaturi jkollhom is-setgħat li jiddeċiedu li l-kwistjonijiet li ġew adottati qabel skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju (RPS) jistgħu jiġu adottati skont l-Artikolu 290 TFUE jew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

2.  Jenfasizza li l-Artikolu 290 TFUE jħalli lil-leġiżlatur liberu li jiddeċiedi fuq bażi ta’ każ-każ liema mekkaniżmi ta’ kontroll huma neċessarji u għalhekk li kwalunkwe ftehima interistituzzjonali m’għandux jirristrinġi jew ibiddel din il-libertà;

3. Jinnota, madankollu, li hemm ħtieġa urġenti għal ftehima interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 biex jiġu provduti aktar ċarezza u fehim komuni bejn il-leġiżlaturi;

4.  Ifakkar li l-qasam ta’ applikazzjoni tal-atti delegati ma jistax jiġi limitat għall-qasam ta’ applikazzjoni tal-RPS ta’ qabel u li l-miżuri regolatorji adottati skont sistemi oħra ta’ komitoloġija, u b’mod partikolari id-‘Direttivi Lamfalussy’ fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, jistgħu jiġu adottati skont l-Artikolu 290 TFUE filwaqt li jfakkar li fl-oqsma kollha l-att bażiku għandu espliċitament jiddefinixxi l-objettiv, il-kontenut, il-qasam ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tal-atti delegati u għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li d-delegazzjoni hija soġġetta għalihom;

5.  Jenfasizza li d-drittijiet eżistenti tal-Parlament fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għandhom jinżammu bla preġudizzju għall-kontroll leġiżlattiv ġdid u addizzjonali; u li l-Parlament għandu jkun mistieden għal-laqgħat ta’ tħejjija li jsiru fir-rigward tal-atti delegati u jingħata l-istess informazzjoni mibgħuta lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet futuri Ewropej ta’ superviżjoni;

6. Jindika li f’kull att bażiku għandu jiġi stabbilit ħin biżżejjed biex il-Parlament u l-Kunsill ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li joġġezzjonaw għal att delegat; jinnota li dan il-ħin jista’ jkun itwal għal xi kwestjonijiet milli għal oħrajn, jekk jitqiesu l-kumplessità u d-diffikultajiet tal-kwistjonijiet u tax-xogħol skedat għall-koleġiżlaturi;

7. Jikkunsidra li l-hekk imsejħa “approvazzjonijiet bikrija” kienu ta’ valur skont il-proċedura Lamfalussy u jistgħu jinżammu bħala l-għażla preferuta għall-Parlament, b’differenza minn kwalunkwe proċedura ta’ urġenza oħra;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-Trattati ma jistabbilixxu l-ebda rekwiżit għal-leġiżlatur biex jinkludi spjegazzjonijiet bil-miktub fid-deċiżjonijiet tiegħu biex jiddelega s-setgħa għall-adozzjoni ta’ att delegat, jew li joġġezzjona għal jew li jirrevoka tali att, lil hinn mir-rekwiżit ġenerali minimu stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE li huwa applikabbli għall-atti legali kollha;

9.  Iqis li wieħed m’għandux jassumi li d-delega tkun dejjem għal perjodu mingħajr limitu ta’ żmien; jenfasizza li, sabiex jipprovdi għal każijiet fejn l-atti delegati jitolbu azzjoni jew jippermettu azzjoni fejn ikun meħtieġ, ħaġa li tista’ ma ssir qatt, il-leġiżlatur huwa liberu li jagħżel il-possibilitajiet adegwati fuq bażi ta’ każ b’każ, inkluż li jipprovdi delega għal perjodu limitat, jitlob li tittieħed azzjoni f’perjodu speċifiku ta’ żmien u jkun kapaċi jġedded id-delega;

10. Jistieden lil kull wieħed mill-kumitati tiegħu biex jagħmel skambju tal-aqwa prattika u biex jaġġornaha regolarment sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri tal-Parlament skont l-Artikolu 290 TFUE jkunu koerenti kemm jista’ jkun u biex ikun hemm reviżjoni perjodika tal-proċeduri ta’ delegazzjoni tal-Parlament;

11. Jenfasizza l-ħtieġa għal kull wieħed mill-kumitat tiegħu li jorganizza xogħlu b’tali mod li jkun konsistenti man-natura speċifika tiegħu u li jieħu vantaġġ mill-esperjenza li jkun akkwista; jirrikonoxxi l-kunsens fis-servizzi finanzjarji li, kull fejn hu possibbli, ir-rapporteur għall-att bażiku għandu wkoll jieħu r-responsabilità, f’isem il-Parlament, tal-atti delegati relevanti biex jiżgura l-għerf espert tas-suġġett ibbażat fuq id-djalogu u l-iskambju tal-informazzjoni mill-bidu tal-proċess leġiżlattiv;

12. Jinnota l-importanza tal-implimentazzjoni tal-atti delegati u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproduċi rapporti għall-aġġornament tal-Parlament dwar il-progress tagħhom;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, bħala kwistjoni ta’ urġenza, proposta leġiżlattiva bbażata fuq l-Artikolu 291(3) TFUE fejn tistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li jirrigwardaw il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-Parlament għandu, tal-anqas, iżomm id-dritt għall-informazzjoni rigward l-atti ta’ implimentazzjoni u li jikkontrolla l-legalità tagħhom, flimkien mad-dritt li jadotta riżoluzzjonijiet f’każijiet fejn l-att ta’ implimentazzjoni jmur lil hinn mill-awtorità permessa mill-att bażiku.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (16.3.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar is-setgħa tad-delegazzjoni leġiżlattiva

(2010/2021(INI))

Rapporteur: Jo Leinen

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-Kummissjoni hija responsabbli quddiem il-Parlament,

B.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) iqiegħed lill-Parlament u lill-Kunsill fl-istess livell,

C. billi l-atti adottati skont l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE jista' jkollhom implikazzjonijiet soċjali, ambjentali, ekonomiċi u ta' saħħa importanti ; billi għalhekk huwa ta' importanza kbira, b'mod partikolari fir-rigward ta' atti ddelegati, li dawn jiġu żviluppati u deċiżi b'mod kompletament trasparenti li effettivament jippermetti lill-koleġiżlaturi li jikkontrollaw l-eżerċizzju tal-poter iddelegat lill-Kummissjoni, b'dibattitu pubbliku fil-Parlament, fejn meħtieġ,

1.  Jinsisti li d-deċiżjonijiet li preċedentement ġew adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju (RPS) minn issa 'l quddiem għandhom fil-prinċipju jiġu adottati jew skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja fuq bażi ta' każ b'każ b'kunsiderazzjoni għall-prinċipju tas-sussidjarjetà mħaddan fl-Artikolu 5 tat-Trattat UE;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ambitu tal-atti ddelegati huwa usa' mill-ambitu tal-RPS u li f'ħafna każijiet dawk l-atti li bħalissa huma suġġetti għad-dritt ta' skrutinju fuqhom ("droit de regard") tal-Parlament minn issa 'l quddiem jeħtieġ li jiġu adottati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE;

3.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandu jkun hemm ħin biżżejjed għall-possibilità ta' oġġezzjoni fl-att bażiku sabiex jippermetti lill-Parlament jikkoordina l-pożizzjonijiet interni tiegħu u jkun jista' jieħu deċiżjoni tajba, mingħajr ma jiddewwem iżżejjed id-dħul fis-seħħ ta' atti ddelegati mhux kontroversjali;

4.  Għalhekk jikkunsidra li perjodu minimu għall-oġġezzjoni ta' xahrejn, bil-possibilità li dan ikun estiż b'xahrejn oħra fuq talba mill-Parlament jew mill-Kunsill, ikun l-aktar soluzzjoni xierqa, peress li dan iħalli perjodu relattivament qasir sad-dħul fis-seħħ tal-parti l-kbira tal-atti ddelegati mhux kontroversjali filwaqt li jagħti żmien biżżejjed lill-Parlament jew lill-Kunsill biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' kontroll fil-każ ta' atti kontroversjali;

5.  Jenfasizza li r-rikors għall-hekk imsejħa "proċedura ta' urġenza" fir-rigward tal-atti ddelegati hija meħtieġa biss f'każijiet definiti b'mod preċiż u f'każijiet eċċezzjonali;

6.  Iqis li metodu ta' approċċ ta’ xahrejn+xahrejn rigward l-oġġezzjonijiet huwa mod eleganti biex ikun hemm dħul fis-seħħ relattivament mgħaġġel mingħajr ma jinħolqu piżijiet amministrattivi addizzjonali, filwaqt li jkun hemm biżżejjed żmien għal reazzjoni f'każijiet kontroversjali; iqis li l-introduzzjoni ta' alternattiva addizzjonali għal "in-nuqqas ta' oġġezzjoni bikrija" tista' tkun utli, sakemm il-koleġiżlaturi jkunu ħielsa li jużaw din il-proċedura meta jixtiequ, u sakemm kull talba għall-użu tagħha mill-Kummissjoni tkun ibbażata fuq talba motivata kif xieraq;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Parlament ikun jista' jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur billi:

- tipprovdi lill-Parlament, fl-istess ħin bħall-Kunsill u l-Istati Membri, informazzjoni u dokumentazzjoni sħiħa li tkun intużat għall-preparazzjoni tal-atti ddelegati, kif ukoll l-abbozzi tal-atti ddelegati; għal dan l-għan jista' jintuża r-reġistru attwali tal-komitoloġija bħala mudell għal reġistru aħjar għall-futur;

- tqis il-perjodi ta' vaganzi tal-Parlament meta tinnotifika l-atti ddelegati; kif ukoll

- tinvolvi lill-Parlament fil-ħidma preparatorja fir-rigward ta' atti ddelegati, eż. billi tistieden lill-Parlament jattendi l-laqgħat preparatorji marbuta magħhom;

8.  Jitlob li jiġi adottat ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290, minħabba li, hemm ħtieġa urġenti, ta' aktar ċarezza;

9.  Jenfasizza li l-Parlament, billi jiddelega ċerti poteri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 290, bl-ebda mod mhu qed jabdika r-responsabilità tiegħu għal kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed b'konformità miegħu; iqis għalhekk, li fid-dawl tan-natura potenzjalment estensiva tal-atti ddelegati, il-Parlament għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni iktar riżorsi fl-entitajiet rilevanti kollha sabiex ikun jista' jwettaq ir-responsabilità tiegħu għall-atti ddelegati;

10. Iqis li l-Parlament, minħabba li għad għandu r-responsabilità għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 290, għandu jiżgura, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni, li l-Membri tal-Parlament u l-persunal tagħhom ikollhom aċċess faċli għas-sistema ta' informazzjoni diġitali li tipprovdi d-dokumenti relevanti kollha u informazzjoni aġġornata dwar il-proċess; iqis li barra minn hekk il-Parlament għandu jiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni dwar il-proċess malli hu jkun mgħarraf dwar l-atti ddelegati, possibilment permezz ta' sistema komparabbli mal-Osservatorju Leġiżlattiv;

11. Iqis, fid-dawl tan-natura individwali ta' kull att iddelegat, li jkun aktar xieraq li r-rapporteur li jkun ħadem fuq l-att bażiku, jekk ikun għadu Membru tal-Parlament, jieħu responsabilità speċjali għall-kontroll effettiv tal-adozzjoni tal-atti ddelegati li jkunu marbuta miegħu;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-atti leġiżlattivi bażiċi kollha jiġu konformi mill-aktar fis mad-dispożizzjonijiet il-ġodda skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, filwaqt li tiżgura l-involviment tar-rapporteurs għall-atti leġiżlattivi bażiċi u tal-esperti dwarhom, billi l-għanijiet, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tad-delega jeħtieġ li jiġu definiti għal kull att;

13. Jitlob approċċ istituzzjonali għall-evalwazzjoni tal-istrutturi amministrattivi u r-riżorsi umani disponibbli għall-iżvilupp ta' kompetenzi ddelegati bħal dawn;

14. Jemmen li se jkun importanti, fl-interessi taċ-ċittadini u għal raġunijiet ta' trasparenza, biex għall-futur ikun żviluppat mod oġġettiv għall-evalwazzjoni tal-grad ta' effiċjenza tad-delegazzjoni ta' setgħat għall-għanijiet tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE skont il-bażi legali l-ġdida prevista fl-Artikolu 298 tat-TFUE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

62

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sergio Berlato, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Daciana Octavia Sârbu, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Jiří Maštálka, Judith A. Merkies, Miroslav Mikolášik, Giancarlo Scotta’, Bart Staes, Marianne Thyssen, Michail Tremopoulos, Peter van Dalen

Sostitut(i) skont l-Artikolu 187(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Véronique Mathieu, Mario Mauro, Guido Milana, Potito Salatto, Gianluca Susta


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Daniel Hannan, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Sergio Gaetano Cofferati, Sajjad Karim, Vytautas Landsbergis, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, József Szájer

Avviż legali - Politika tal-privatezza