RAPPORT dwar l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina

29.3.2010 - (2009/2213(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra


Proċedura : 2009/2213(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0111/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina

(2009/2213(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-ħames Samits tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Amerika Latina u l-Karibew u tal-Unjoni Ewropea, li saru s'issa f’Rio de Janeiro (fit-28 u d-29 ta’ Ġunju 1999), f’Madrid (fis-17 u t-18 ta’ Mejju 2002), fi Guadalajara (fit-28 u d-29 ta’ Mejju 2004), fi Vjenna (fit-12 u t-13 ta’ Mejju 2006) u f'Lima (fis-16 u s-17 ta’ Mejju 2008),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-XIV-il Laqgħa Ministerjali bejn il-Grupp ta' Río u l-Unjoni Ewropea, li saret fi Praga fit-13 u l-14 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Laqgħa Ministerjali tad-Djalogu ta’ San José bejn it-Trojka tal-Unjoni Ewropea u l-Ministri tal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, li saret fi Praga fl-14 ta’ Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-XIX-il Samit Ibero-Amerikan tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern li sar f'Estoril (il-Portugall) bejn id-29 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2009 (Dikjarazzjoni ta' Lisbona),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2009 dwar ‘L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija’ (COM (2009) 495),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina, tat-8 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana (EuroLat), u partikolarment ir-riżoluzzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina fil-prospettiva tal-V Samit ta' Lima, b'riferenza speċjali għall-governanza demokratika, tal-20 ta' Diċembru 2007, ir-Riżoluzzjoni dwar il-Karta Ewro-Latinamerikana għall-Paċi u s-Sigurtà, tat-8 ta' April 2009, u l-mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar is-Sħubija Unjoni Ewropea - Amerika Latina fil-prospettiva tas-VI Samit f'Madrid f'Mejju 2010, tal-15 ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar sħubija globali u strateġija komuni għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina[1], tas-27 ta’ April 2006 dwar sħubija iktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina[2], u tal-24 ta’ April 2008 dwar il-Ħames Samit bejn l-Amerika Latin u l-Karibew u l-Unjoni Ewropea f’Lima[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-qtil tan-nisa (femminiċidji) fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali u r-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0111/2010),

A. billi s-Sħubija Strateġika Bireġjonali bejn l-UE u l-Amerika Latina hi essenzjali, u hu importanti għaż-żewġ reġjuni li jkomplu japprofondixxu u jtejbu din is-Sħubija,

B.  billi t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina jikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Spanjola tal-UE u tal-presidenzi futuri tal-Belġju u l-Ungerija,

C. billi din is-Sħubija Strateġika Bireġjonali għamlet progress notevoli sa mill-ewwel samit tagħha fl-1999, b'mod partikulari bil-ħolqien fis-Samit ta' Vjenna tal-Assembla EuroLat – il-fergħa parlamentari tas-Sħubija Strateġika Bireġjonali – iżda baqa' progress x'isir u sfidi x'jingħelbu,

D. billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tas-Sħubija Strateġika Bireġjonali hi l-integrazzjoni reġjonali, bil-konklużjoni ta' Ftehimiet ta' Sħubija Subreġjonali u bilaterali flimkien mas-Sħubijiet Strateġiċi,

E.  billi l-Għaqda tan-Nazzjonijiet tal- Amerika t'Isfel (UNASUR) – minkejja li n-natura tagħha hija differenti minn dik tal-proċessi l-oħra ta’ integrazzjoni tal-Amerika t’Isfel (ACN, Mercosur u CAIS) – tista’ tagħti spinta lil dawk il-proċessi ta’ integrazzjoni,

F.  billi, quddiem il-possibilità ta' kunflitti inter-Amerikani preżenti jew futuri jaqbel li l-gvernijiet ikkonċernati, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jużaw kull possibilità ta' rimedju legali quddiem il-ġurisdizzjonijiet Latin Amerikani qabel jirrikorru għall-ġurisdizzjonijiet barra s-subkontinent Latin Amerikan,

G. billi l-infiq militari fl-Amerika Latina żdied b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin,

H. billi din is-sħubija strateġika bireġjonali kkonsolidat aktar il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fi ħdan il-fora u l-istituzzjonijiet internazzjonali, u billi barra mit-twaqqif ta' aġenda komuni, jeħtieġ li jibqgħu jiġu kkoordinati pożizzjonijiet dwar temi ta' importanza dinjija, filwaqt li jitqiesu l-interessi u t-tħassib taż-żewġ partijiet,

I.   billi ħadet il-kariga amministrazzjoni ġdida fl-Istati Uniti, liema amministrazzjoni ġabet magħha tamiet kbar,

J.   billi fl-Amerika Latina jgħixu aktar minn 600 miljun persuna, li jikkontribwixxu 10% tal-prodott gross domestiku dinji, hemm aktar minn 40% tal-ispeċijiet veġetali tal-pjaneta u hemm kapital uman straordinarju,

K. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina huma bbażati fuq valuri komuni, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huwa aspett ewlieni tas-sħubija strateġika,

L.  billi l-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina huwa ta' benefiċċju reċiproku u jista' jġib vantaġġi għall-Istati Membri kollha tal-UE;

M. billi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-politiki kollha tista' tgħin biex is-soċjetajiet isiru aktar ġusti u demokratiċi, fis-sens li fihom kemm in-nisa u kemm l-irġiel jitqiesu ndaqs fl-aspetti kollha tal-ħajja,

N. billi l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew jirrappreżentaw aktar minn biljun persuna u terz tal-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti,

O. billi l-UE hi l-ikbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp, l-investitur ewlieni u t-tieni l-ikbar sieħba kummerċjali fl-Amerika Latina - u l-akbar waħda fil-każ tal-Mercosur u ċ-Ċilì - u li sa mit-tnedija tas-Sħubija Strateġika Bireġjonali fl-1999, iffinanzjat proġetti u programmi għal total ta' EUR 3 biljuni,

P.  billi l-irkupru mir-reċessjoni dinjija se jibqa' miexi bil-mod fl-2010; billi, minkejja li l-Amerika Latina rreżistiet il-kriżi aħjar minn ekonomiji avvanzati oħra u li bħala medja se tikber bi kważi 3% fl-2010, l-irkupru se jkun inugwali ħafna u l-livell ta' tkabbir mhux se jkun biżżejjed biex itejjeb b'mod sinifikanti l-kundizzjonijiet soċjali tal-popolazzjoni, li għad għandha livell ta' ħarsien soċjali inferjuri ħafna meta mqabbel ma' dak li jgawdu s-sħab Ewropej,

Q. billi hemm livell għoli ta’ qgħad taż-żgħażagħ f’ċerti pajjiżi ewlenin tal-Amerika Latina u l-Istati Membri tal-UE,

R. billi, minkejja li sar progress sinifikanti, ir-reġjun għandu indikazzjonijiet skunċertanti dwar il-mortalità ta' trabi u ommijiet,

S.  billi l-produzzjoni u t-traffiku tad-droga għadhom problema kbira fir-reġjun; billi l-kultivazzjoni tal-kokaina żdiedet fl-Amerika Latina u billi hemm diverġenza politika u kulturali bejn il-konvenzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tan-NU, li jqisuha bħala kultivazzjoni pprojbita, u l-pożizzjoni uffiċjali ta' ċerti gvernijiet, li jaffermaw li l-pjanta hija parti mill-kultura indiġena tagħhom,

T.  wara li kkunsidra s-sitwazzjoni tal-faqar, l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni li jikkaratterizzaw ċerti komunitajiet indiġeni f’bosta mill-pajjiżi tal-Amerika Latina,

U. billi jinħtieġ titjib sinifikanti f'setturi bħall-enerġija, l-ilma, l-infrastrutturi u l-komunikazzjonijiet, sabiex jilħqu dak li diġà sar fis-settur tat-telekomunikazzonijiet,

V. billi l-iżvilupp tar-reġjun Latin Amerikan u l-kapaċità tiegħu li jikkontribwixxi għall-proċessi ta' integrazzjoni se jkunu mxekkla jekk l-infrastrutturi ma jiġux adattati sew,

W. billi fl-Amerika Latina hemm tħassib kbir dwar il-politika tal-UE fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-ħtieġa li jintlaħqu ftehimiet li jqisu l-interessi leġittimi tas-sħab mill-Ewropa u l-Amerika Latina dwar dan is-suġġett delikat ħafna,

X. billi l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) beda l-ħidma tiegħu fl-Amerika Latina fl-1993 u li għall-mandat attwali tiegħu (2007-2013) għandu EUR 2.8 biljun għall-finanzjament ta' proġetti fir-reġjun,

Y. billi l-innovazzjoni u l-għarfien huma strumenti fundamentali sabiex jinqered il-faqar, ikun miġġieled il-ġuħ u jintlaħaq l-għan tal-iżvilupp sostenibbli - bħalma nnota l-aħħar Samit Ibero-Amerikan,

Z.  billi studju riċenti li sar mill-Organizzazzjoni ta' Stati Ibero-Amerikani għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (OEI) u mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Amerika Latina u l-Karibew (ECLAC) semmew iċ-ċifra ta' EUR 55 biljun bħala l-baġit meħtieġ biex ikunu irrealizzati, fl-għaxar snin bejn l-2011 u l-2021, il-Miri Edukattivi 2021 li għandhom l-għan li jtemmu l-inugwaljanzi enormi li jeżistu attwalment, li jeqirdu l-illiteriżmu, li jiggarantixxu edukazzjoni għall-15-il miljun tifel u tifla bejn 3 u 6 snin li s'issa ma jmorrux skola, joħolqu sistemi solidi u effiċjenti ta' taħriġ vokazzjonali u jtejbu b'mod sinifikanti l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-Universitajiet,

1.  Jilqa' pożittivament il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija" maħsuba biex tidentifika, tevalwa u tagħmel proposti operattivi għall-ilħuq ta' Sħubija Strateġika Bireġjonali sħiħa;

2. Jilqa' l-isforzi li saru mill-Presidenza Spanjola biex tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim ta' Sħubija UE-Amerika Ċentrali, il-ftehimiet kummerċjali bejn diversi partijiet mal-Kolombja u l-Perù, u r-rieda u l-impenn evidenti tagħha għat-tnedija mill-ġdid tan-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur;

3.  Itenni li l-appoġġ lid-diversi proċessi ta' integrazzjoni reġjonali fl-Amerika Latina hu prinċipju bażiku għas-Sħubija Strateġika Bireġjonali u għandu fiduċja li din is-Sħubija tagħti lok għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi u kwistjonijiet ta' importanza dinjija, fuq il-bażi ta' valuri, interessi u tħassib reċiproċi;

4.  Jinnota t-tibdil politiku li seħħ fiż-żewġ reġjuni u jsemmi l-ħtieġa li wieħed joqgħod attent għall-iżviluppi sabiex jekk ikun meħtieġ, il-politika Latina-Amerikana tal-UE tiġi orjentata mill-ġdid u adattata għaċ-ċirkostanzi l-ġodda;

5.  Jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipji u l-valuri li fuqhom hija msejsa s-sħubija strateġika bireġjonali, bħad-demokrazija pluralista u rappreżentattiva, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-libertà tal-espressjoni, l-Istat kostituzzjonali u l-istat tad-dritt, ir-rispett ta’ proċess xieraq, iċ-ċertezza legali u t-tiċħid ta' kull forma ta' dittatura jew tmexxija awtoritarja;

6.  Jistieden lil dawk kollha involuti fl-isħubija strateġika bireġjonali biex jerfgħu r-responsabilitajiet tagħhom fil-qasam tal-governanza u l-ġustizzja soċjali;

Viżjoni strateġika tal-Parlament dwar is-sħubija strateġika bireġjonali UE-Amerika-Latina

7.  Jerġa' jafferma li l-objettiv aħħari tas-sħubija strateġika bireġjonali UE-Amerika-Latina hu l-ħolqien ta' żona Ewro-Latinamerikana ta' sħubija globali interreġjonali sa, bejn wieħed u ieħor, l-2015 fl-oqsma tal-politika, l-ekonomija, il-kummerċ, is-soċjetà u l-kultura, intiża biex tiggarantixxi żvilupp sostenibbli għaż-żewġ reġjuni;

Mezzi biex jintlaħqu l-objettivi ta' żona Ewro-Latinamerikana ta' sħubija globali interreġjonali:

(a) fil-qasam politiku tas-sħubija strateġika bireġjonali

8.  Jitlob li l-possibilitajiet ġodda tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona jintużaw għall-benefiċċju tas-Sħubija Strateġika Bireġjonali;

9.  Jitlob li l-Viċi President / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tiżgura l-għaqda, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-Unjoni rigward l-Amerika Latina bl-appoġġ tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u b'parteċipazzjoni attiva fis-samit li jmiss bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew f'Mejju 2010 f'Madrid;

10. Jistieden, b’mod partikolari, lill-Viċi President / ir-Rappreżentant Għoli u lill-Kunsill biex tistabbilixxu linji gwida għall-aqwa metodu ta’ ħidma mill-qrib flimkien sabiex jitrawwem multilateraliżmu effettiv, tiġi żgurata l-preżervazzjoni tal-ambjent u r-riżorsi naturali, jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, tingħata spinta lill-kapaċitajiet taż-żamma tal-paċi u tal-konsolidazzjoni tal-paċi tan-NU, tiġi żgurata l-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju, u, fi ħdan il-qafas tal-liġi internazzjonali, ikun miġġieled it-theddid komuni għall-paċi u s-sigurtà, inkluż it-traffikar tad-drogi u l-armi illegali, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, skont id-deċiżjonijiet li ttieħdu f’Lima;

11. Jitlob ukoll li jiġu stabbiliti mekkaniżmi adegwati ta' kooperazzjoni istituzzjonali bejn l-Assemblea EuroLat u d-diversi entitajiet tal-UE, kif ġie stabbilit fil-konklużjonijiet fis-Samit ta' Lima;

12. Itenni li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ġejjieni għandu jiżgura li l-PE jkollu, interlokuturi validi fid-delegazzjonijiet tal-UE, speċjalment f'reġjuni kruċjali bħall-Amerika Latina, sabiex tkun iggarantita kooperazzjoni sħiħa mal-Parlament;

13. Jirrakkomanda li tiġi adottata Karta Ewro-Latinamerikana għall-Paċi u s-Sigurtà li, abbażi tal-Karta tan-NU u l-liġi internazzjonali relatata, tkun tinkludi strateġiji u linji gwida għal azzjoni konġunta fl-oqsma tal-politika u tas-sigurtà biex taffronta t-theddidiet komuni li qed jiffaċjaw is-sħab tas-sħubija strateġika bireġjonali;

14. Jikkumplimenta lill-UNASUR dwar il-ħidma li wettqet u l-eżitu diplomatiku li kisbet fl-Amerika t’Isfel;

15. Jafferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu li l-istabilità interna ta' ħafna mis-sħab Latin Amerikani għadha dipendenti mir-riforma l-Istat, li trid tinkludi l-kwistjoni tal-integrazzjoni tal-popli indiġeni kollha u minoranzi oħra fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex tkun evitata diskriminazzjoni ta’ kwalunkwe tip u jingħata appoġġ għall-preżervazzjoni tal-kulturi u t-tradizzjonijiet tagħhom, li jservi biex is-soċjetà ssir iktar rikka u tissaħħaħ il-governanza demokratika;

16. Iwissi li ġudikatura effiċjenti u indipendenti u kif ukoll politika effettiva ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan amministrazzjoni responsabbli, verifikabbli u trasparenti, jipprovdu sigurtà liċ-ċittadini, u b'hekk isaħħu l-fiduċja tagħhom fis-sistema parlamentari rappreżentattiva u jevitaw l-indifferenza lejha;

17. Jitlob li jitkompla u jiġi approfondit djalogu kostruttiv dwar il-kwistjonijiet ta' migrazzjoni fiż-żona Ewro-Latinamerikana, kemm mal-pajjiżi ta' destinazzjoni kif ukoll mal-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' tranżitu; jappoġġa f'dan ir-rigward, id-djalogu bireġjonali strutturat u komprensiv bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew li beda fit-30 ta' Ġunju 2009, u b'hekk ta spinta għar-realizzazzjoni tal-impenji li ttieħdu fis-Samit ta' Lima; jilqa' wkoll it-twaqqif, fi ħdan l-Assemblea Parlamentari EwroLat, ta' grupp ta' ħidma dwar il-migrazzjoni, li għandu l-għan li joħloq spazju ta' djalogu u suġġerimenti f'dan il-qasam, filwaqt li jitqiesu s-sensibilitajiet taż-żewġ sħab dwar il-kwistjoni;

18. Jirrakkomanda, għal proġetti li għaddejjin bħalissa fil-Perù, fil-Kolombja u fil-Bolivja, żieda fl-approprjazzjonijiet maħsuba għall-finanzjament ta' qirda ta' kultivazzjonijiet ta' drogi permezz tal-iżvilupp alternattiv;

19. Jiddispjaċih mill-fatt li l-isforzi finanzjarji ta' xi pajjiżi pprijoritizzaw żieda eċċessiva fl-infiq militari fi żmien meta huwa essenzjali li jitnaqqsu l-effetti tan-nuqqas fl-iżvilupp, il-faqar, il-pandemiji, il-malnutrizzjoni, il-kriminalità u d-diżastri naturali;

20. Jisħaq li t-tibdil fil-klima u t-tisħin globali għadu prijorità fl-aġenda politika bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm ftehim dwar pożizzjonijiet konġunti fid-diversi fora għad-djalogu dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima, partikolarment fil-qafas tan-NU, filwaqt li jingħata sostenn lis-Samit li se jsir fil-Messiku fl-aħħar tal-2010; jitlob, barra minn hekk, għat-tkomplija tal-laqgħat tal-ministri għall-ambjent miż-żewġ reġjuni wara l-ewwel waħda li saret fi Brussell f’Marzu 2008; jenfasizza wkoll li huma l-ifqar nies, u b'mod partikolari l-komuniatjiet indiġeni, li huma l-ewwel vittmi tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u tat-tisħin globali;

(b) fil-qasam ekonomiku u kummerċjali tas-sħubija strateġika bireġjonali

21. Itenni l-proposta tiegħu għall-ħolqien ta' żona Ewro-Latinamerikana ta' sħubija globali interreġjonali bbażata fuq mudell kompatibbli mad-"WTO – Reġjonaliżmu" f'żewġ fażijiet;

22. Jappoġġa bis-sħiħ, bil-ħsieb li tintemm l-ewwel fażi, it-tkomplija mill-ġdid tan-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Mercosur – billi jitqies li Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ dan it-tip, li hu tal-ikbar importanza u jaffettwa lil 700 miljun ruħ, jekk jiġi konkluż malajr, ikun l-iktar ftehim bireġjonali ambizzjuż fid-dinja -, il-konklużjoni tan-negozjati tal-Ftehim ta' Sħubija UE-Amerika Ċentral qabel is-samit f’Madrid, ir-reviżjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni u politika mal-Komunità Andina tal-2003, u l-elaborazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni li jeżistu mal-Messiku u ċ-Ċilì; jinnota li n-negozjati dwar il-ftehim kummerċjali bejn diversi partijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Komunità Andina ġew konklużi b’mod sodisfaċenti; se jimpenja ruħu biex iwettaq, bi preċiżjoni xierqa, il-proċedura ta’ ratifikazzjoni parlamentari dwar dawn il-ftehimiet sabiex jiġi żgurat li jkollhom impatt pożittiv fuq l-aspetti kollha ta’ interess reċiproku;

23. Ifakkar li n-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali nbdew fuq il-bażi ta' approċċ reġjun b'reġjun u jenfasizza li jridu jiġu konklużi bl-istess mod, waqt li jiġi żgurat li l-ebda pajjiż ma jaqa' lura;

24. Jitlob, biex titwettaq it-tieni fażi, u biex jintlaħaq ftehim ta' sħubija globali interreġjonali sa madwar l-2015, li jingħata appoġġ legali u istituzzjonali u kopertura ġeografika sħiħa tal-aspetti differenti tas-sħubija strateġika bireġjonali, u li jkunu previsti dispożizzjonijiet u regoli komuni b'kamp ta' applikazzjoni ġenerali li jiffaċilitaw l-eżerċitar tal-libertajiet differenti, b'tali modi li tissawwar l-aktar sħubija wiesgħa possibbli permezz ta' approfondiment, min-naħa, tal-ftehimiet ta' integrazzjoni ġewwa l-Amerika Latina, u min-naħa l-oħra, tal-proċess ta' sħubija tal-UE mad-diversi pajjiżi u gruppi reġjonali;

(c) fil-qasam soċjali tas-sħubija strateġika bireġjonali

25. Jirrakkomanda, bl-għan li jkun hemm azzjoni konġunta, li jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet taż-żewġ reġjuni dwar kif għandhom jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju fit-tħejjija għal-laqgħa tan-NU tal-ogħla livell ippjanata għal Settembru 2010, partikolarment dawk li jinvolvu azzjoni dwar il-ġlieda kontra l-faqar, il-ħolqien ta’ impjiegi stabbli u ta’ kwalità tajba, u l-inklużjoni soċjali tal-gruppi marġinalizzati, partikolarment il-gruppi indiġeni, it-tfal, in-nisa u l-persuni b'diżabbiltà;

26. Iqis li l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) huma wieħed mill-aktar objettivi importanti li għandhom jintlaħqu sal-2015, billi l-investment jiġi ffokat fuq l-aktar pajjiżi foqra u l-iktar popli vulnerabbli, u jistieden liż-żewġ reġjuni biex isibu bażi komuni qabel il-laqgħa ta' livell għoli dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju li għandha ssir f'Settembru 2010;

27. Jemmen li l-ftuħ ta' djalogu serju u rigoruż dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni jista' jagħti spinta għall-ħolqien ta' spazju Ewro-Latinamerikan ta' innovazzjoni u għarfien, fuq l-eżempju tal-ftehim dwar l-innovazzjoni maċ-Ċilì;

28. Itenni li l-edukazzjoni u l-investiment tal-kapital uman huma l-bażi tal-koeżjoni soċjali u tal-iżvilupp soċjo-ekonomiku, u jitlob li jsiru sforzi determinati u jingħataw fondi adegwati kontra l-illiteriżmu, li għadu għoli fil-pajjiżi tar-reġjun u b'mod partikulari fost il-bniet u n-nisa, u l-aċċess għal edukazzjoni primarja u sekondarja pubblika u b'xejn, li hija limitata minħabba n-nuqqas ta' riżorsi fil-baġits ta' ċerti Stati; jappoġġa f'dan is-sens il-proġett imħejji mill-Organizzazzjoni ta' Stati Ibero-Amerikani (OEI) "Miri Edukattivi 2021: l-edukazzjoni li nixtiequ għall-ġenerazzjoni tal-biċentenarji";

29. Jinnota li mingħajr bidliet sostanzjali fl-ambjent soċjo-ekonomiku jkun impossibbli biex l-Amerika Latina ssir parti mis-soċjetà tal-għarfien li hija l-ass strateġiku l-iktar importanti fit-temma tal-iżvilupp;

30. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi ta' trawwim u ta' skambju tal-għarfien u tal-prattiki tajba fid-dinja legali, bħall-ħolqien riċenti ta' Ċentru ta' Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni Ġuridika għall-Amerika Latina, ifaħħar it-twaqqif tal-"Grupo de los 100" (il-Grupp tal-Mija) u jemmen li inizjattivi bħal dawn jistgħu jkunu għodda siewja ħafna għall-appoġġ tal-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex tinbena s-sħubija strateġika bireġjonali;

31. Jagħti parir lill-pajjiżi tal-Amerika Latina li qed jiffaċċjaw kwistjonijiet attwali jew potenzjali mal-ġirien tagħhom - sew jekk tilwim fuq il-fruntieri sew jekk tilwim ieħor - biex jagħmlu kull sforz biex iressqu dawn il-kwistjonijiet quddiem il-qrati maħluqa permezz tal-proċessi differenti ta' integrazzjoni jew li jittrattaw kwistjonijiet Latinamerikani u jevitaw li jressquhom fi qrati barra l-emisferu;

32. Jilqa' l-isforzi li saru fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jirrakkomanda l-iżvilupp ta' politiki ta' kooperazzjoni UE-Amerika Latina li jippromwovu t-tisħiħ tal-istatus legali tan-nisa u l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni, ix-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem u soċjali;

33. Jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti fi ħdan is-sħubija strateġika biex jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku xieraq għall-politiki biex jipprevjenu u jipprovdu protezzjoni għal vjolenza kontra n-nisa;

34. Jilqa' s-sentenza riċenti tal-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-femminiċidji ta' Campo Algodonero fil-Messiku bħala preċedent għar-reġjun kollu; jistieden lill-gvernijiet tal-UE, l-Amerika Latina u l-Karibew biex jużaw din is-sentenza bħala linja gwida għax-xogħol fil-ġejjieni, u biex jiżguraw li l-kundanna qawwija tal-vjolenza kontra n-nisa tkun akkumpanjata minn programmi ta' ħarsien, ta' prevenzjoni u ta' ġustizzja restawrattiva ffinanzjati kif jixraq; jitlob ukoll li jittieħed impenn b’saħħtu sabiex tkun miġġielda l-vjolenza fuq bażi ta’ ġeneri b'mod ġenerali, u sabiex isir investiment xieraq fis-saħħa riproduttiva u fi programmi mfassla biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni sesswali u l-aċċess għal metodi ta' ppjanar tal-familji, skont il-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (1994);

35. Ifaħħar l-isforzi magħmula fil-qasam tal-koeżjoni soċjali tul dawn l-aħħar snin mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Bank Inter-Amerikan tal-Investiment (IDB), il-Programm tan-Nazzjonijiet Unit tal-Iżvilupp (UNDP), il-Kummissjoni Ekonomika għall-Amerika Latina u l-Karibew (ECLAC), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Bank Dinji, u jirrakkomanda t-tiġdid u l-intensifikazzjoni tal-Programmi EUROsociAL, URB-AL u EUrocLIMA;

36. Itenni l-importanza tal-qsim ta’ esperjenzi b'rabta ma' kwistjonijiet ta' interess maqsum, bħall-koeżjoni soċjali bħala mezz biex jiġi miġġieled il-faqar u jitnaqqsu l-inugwaljanzi; jappoġġa f'dan ir-rigward, il-Forum UE-ALK dwar il-Koeżjoni Soċjali, li sar f'livell ministerjali f'Lima, fit-8, id-9 u l-10 ta' Frar, 2010, u li ffoka fuq it-tema "Nippromwovu xogħol deċenti għaż-żgħażagħ: kif għandna nippromwovu l-koeżjoni soċjali" u jilqa' d-dikjarazzjoni finali ta' Bahia adottata wara r-Raba’ Laqgħa Internazzjonali tan-netwerks EUROsociAL f'Ġunju 25, 2009;

37. Jilqa’ l-laqgħa EU-LAC dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali li se ssir bejn il-ministri u l-uffiċjali l-kbar b’responsabbiltà għal kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali f’Alcalá de Henares (qrib Madrid) fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2010, u jappoġġa wkoll il-ħidma tal-Organizzazzjoni ta’ Sigurtà Soċjali Ibero-Amerikana (OISS) fil-promozzjoni tal-benesseri ekonomiku u soċjali permezz tal-qsim ta’ esperjenzi u koordinazzjoni marbuta mas-sigurtà;

38. Jinnota li l-integrazzjoni reġjonali, li hi mfittxa minn bosta gvernijiet Latin Amerikani u ffaċilitata mill-UE, qed tħabbat wiċċha mal-problemi serji tan-nuqqas ta’ infrastruttura, kummerċ intrareġjonali insuffiċjenti u għarfien limitat f’pajjiżi individwali tal-personaġġi politiċi, soċjali u ekonomiċi ewlenin fil-pajjiżi l-oħra;

39. Itenni li strateġija bbażata fuq miżuri prattiċi li jiffavorixxu l-integrazzjoni (li jkopru t-toroq, iż-żejt u pajpijiet tal-gass u l-promozzjoni tal-kummerċ interreġjonali, fost affarijiet oħra) u miżuri biex jitqajjem l-għarfien pubbliku dwar il-personaġġi ewlenin fir-reġjun jagħtu spinta lill-integrazzjoni u jsaħħu s-sens ta’ komunità fir-reġjun;

40. Jenfasizza li, biex ikun evitat li t-tkabbir tar-reġjun jistaġna u li l-iżvilupp sostenibbli jiġi bblukkat, hija meħtieġa strateġija kkoordinata fis-setturi tal-enerġija, tal-ilma u tal-komunikazzjonijiet;

41. Jirrakkomanda lill-gvernijiet fl-Amerika Latina - u jitlob l-appoġġ kollu possibbli mill-Unjoni Ewropea f'din il-ħidma enormi - li minħabba sitwazzjoni soċjali diffiċli f'kuntest ekonomiku relattivament tajjeb, jadottaw miżuri sodi u permanenti bħall-investimenti fix-xogħlijiet pubbliċi, il-promozzjoni tas-suq intern, il-protezzjoni ta' intrapriżi żgħar u medji, l-iżvilupp tal-kreditu, iż-żdiedu tal-investimenti fis-saħħa u l-edukazzjoni, attenzjoni akbar għall-qgħad taż-żgħażagħ u għad-diskriminazzjoni fl-impjieg minħabba s-sess;

42. Ifakkar, f’dan is-sens, li – minkejja li mhux faċli li jinkisbu fondi xierqa għall-għanijiet ta’ hawn fuq – huwa meħtieġ li tinħoloq sistema tat-taxxi moderna, ġusta u indaqs li tkun tista’ tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, filwaqt li tirrevedi l-infiq militari eċċessiv;

43. Iħeġġeġ lill-UE u lill-pajjiżi Latin Amerikani b’popolazzjonijiet indiġeni biex jimplimentaw, permezz ta’ kooperazzjoni iktar mill-qrib, pjanijiet effettivi għall-ġlieda kontra l-ġuħ, in-nuqqas ta’ żvilupp, l-illitteriżmu u l-mard kroniku;

44. Hu tal-fehma li l-objettiv ta’ koeżjoni soċjali tas-sħubija UE/ALK jista’ jintlaħaq biss sal-punt li din tiġġenera livell għoli ta' żvilupp u ġustizzja fid-distribuzzjoni tad-dħul u tal-ġid, u li dan l-objettiv jirrikjedi li jittieħdu miżuri konkreti għall-qerda tal-faqar skont l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u għat-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja fil-pajjiżi ALK;

45. Jisħaq fuq l-importanza tas-sigurtà alimentari għall-pajjiżi ALK u ta' kapaċitajiet adegwati għall-ħżin tal-ikel biex jiġu ffaċċjati l-isfidi ġejjiena għall-provvista tal-ikel;

46. Jistieden lill-UE tobbliga lill-korporazzjonijiet transnazzjonali bbażati fl-UE sabiex japplikaw l-istandards ekoloġiċi u soċjali stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali, bħall-Aġenda dwar Xogħol Diċenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol, fil-pajjiżi ALK bħala standards minimi u sabiex ma jevitawx li jilħqu dawn l-istandards;

Mekkaniżmi għall-ilħuq tal-għanijiet aħħarija tas-sħubija strateġika:

(a) mekkaniżmi istituzzjonali

47. Jirrakkomanda li jkomplu jsiru samits darba kull sentejn iżda jenfasizza li r-relazzjoni mal-Amerika Latina m'għandhiex tkun limitata għal viżjoni bijennali iżda li din ir-relazzjoni għandha tiġi msaħħa b'viżjoni għal medda twila taż-żmien;

48. Jipproponi li jinfetaħ djalogu politiku bireġjonali b'approċċi trijangulari ġodda dwar kwistjonijiet, ambiti u interessi komuni bejn l-UE-ALK-Asja, l-UE-ALK-Afrika u l-UE-ALK-Stati Uniti, lejn spazju Ewro-Atlantiku li jinkludi l-Istati Uniti, l-Amerika Latina u l-UE;

49. Itenni l-proposta tiegħu għall-ħolqien ta' Fundazzjoni Ewropa-Amerika Latina u Karibew, li l-għanijiet ewlenin tagħha jkunu kontribut għat-tħejjija tas-Samits, is-segwitu tad-deċiżjonijiet u tal-linji ta' azzjoni politika li jkunu ġew deċiżi tul is-Samits, u biex isservi bħala forum ta' djalogu u ta' koordinazzjoni fil-perjodi ta' bejn is-Samits għall-atturi politiċi, ekonomiċi, istituzzjonali, akkademiċi u tas-soċjetà ċivili kollha li jieħdu ħsieb it-tisħiħ tar-relazzjonijiet Ewro-Latini-Amerikani, inkluża l-Assemblea EuroLat;

50. Jipproponi li l-istruttura organizzattiva ta' din il-Fondazzjoni, tkun ispirata, f'termini simili, mill-istruttura tal-Fondazzjoni Anna Lindh li tinkludi president u bord konsultattiv, li jippreżenta lill-bord amministrattiv, lid-direttur tagħha u lin-netwerks nazzjonali tagħha, rakkomandazzjonijiet dwar l-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-Fondazzjoni, liema rakkomandazzjonijiet imbagħad jiġu trażmessi lil-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet ikkonċernati;

51. Jinsisti li l-baġit ta' din il-Fundazzjoni għandu jkun limitat iżda suffiċjenti biex din twettaq il-ħidma tagħha, iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE u dawk Latin Amerikani li jipparteċipaw, mill-baġit tal-UE, u mir-riżorsi proprji li tiġġenera il-fundazzjoni nnifsiha jew li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha minn entitajiet li jagħtu l-patroċinju tagħhom b’rabta maż-żona Ewro-Latinamerikana;

52. Jipproponi li jinħoloq dan li ġej, taħt il-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-Fondazzjoni msemmija hawn fuq: Osservatorju tal-Migrazzjoni għaż-żona Ewro-Latinamerikana, responsabbli għall-monitoraġġ permanenti u mill-qrib tal-kwistjonijiet kollha marbuta mal-flussi migratorji f'din iż-żona; Ċentru Bireġjonali għall-Prevenzjoni tal-Kunflitti ddedikat għas-sejbien bikri tal-kawżi ta' kunflitti potenzjali vjolenti u bl-armi, u għall-aħjar mod biex dawn ikunu evitati u biex jinżammu milli eventwalment jaggravaw; u Ċentru Bireġjonali għall-Prevenzjoni tad-Diżastri - partikolarment wara s-sitwazzjoni drammatika li nqalgħet f'Ħaiti wara t-terremot diżastruż tat-12 ta' Jannar 2010 u fiċ-Ċilì ftit wara t-terremot u t-tsunami tas-27 ta’ Frar 2010 - bl-għan li jiġu elaborati strateġiji komuni, kif ukoll sistema ta' twissija f'każijiet ta' emerġenzi, bil-għan li titnaqqas il-vulnerabilità reċiproka f'każijiet ta' diżastri naturali b'riżultat tat-tibdil fil-klima jew fit-teknoloġija;

53. Jenfasizza li l-ftehimiet ta’ sħubija subreġjonali li qegħdin jiġu negozjati bħalissa jeħtieġ li jintlaħaq ftehim dwarhom, u jiddispjaċih dwar il-fatt li ċerti ftehimiet bħalissa qegħdin f’qagħda ta’ paraliżi għal diversi raġunijiet; javża, madankollu, li fejn ikun hemm differenzi ta’ opinjoni li ma jistgħux jitranġaw għandhom jiġu mfittxija soluzzjonijiet alternattivi - mingħajr ma tintesa' l-viżjoni strateġika globali - sabiex dawk il-pajjiżi li jixtiequ jistabbilixxu relazzjonijiet politiċi, kummerċjali u soċjali mal-UE ma jiġux iżolati;

54. Itenni l-appoġġ mogħti mill-UE għall-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali u l-approċċ għan-negozjar "bejn blokk u ieħor" li tuża l-UE permezz ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni, bħal fil-każ tal-Amerika Ċentrali; jirrikonoxxi, madankollu, li l-pajjiżi li jridu jintensifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE m'għandhomx ikunu żvantaġġati minħabba problemi interni fil-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali, bħal ma hu l-każ tal-Komunità Andina, u lanqas minħabba deċiżjonijiet sovrana mill-partijiet komponenti tagħhom, ikunu kemm ikunu leġittimi dawn id-deċiżjonijiet;

(b) mekkaniżmi finanzjarji

55. Jappoġġa l-Mekkaniżmu ta' Investiment fl-Amerika Latina (LAIF) propost mill-Kummissjoni bħala espressjoni tanġibbli tal-impenn tal-Unjoni għall-konsolidazzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u l-interkonnettività fl-Amerika Latina; jinnota l-fatt li s-somma ta' EUR 100 miljun prevista sas-sena 2013 mill-baġit Komunitarju, mingħajr preġudizzju għal kontribuzzjonijiet addizzjonali u sussidji oħra possibbli min-naħa tal-Istati Membri;

56. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar, f'Novembru 2009, ta' Memorandum ta' Ftehim bejn il-BEI u l-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp, u jappoġġa l-isforzi kollha tal-BEI għall-finanzjament ta' proġetti fl-Amerika Latina waqt li jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' aktar fondi u kontribuzzjonijiet mill-UE u mill-Istati Membri għall-BEI biex dan jilħaq l-għanijiet tiegħu;

57. Jenfasizza l-importanza tal-istrumenti finanzjarji differenti tal-UE iżda jinsisti li għandna mmorru lil hinn minn sempliċi għajnuna fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-Amerika Latina u nikkonċentraw ir-riżorsi finanzjarji tal-Istrument ta' finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) fuq il-pajjiżi l-aktar fqar u l-gruppi l-aktar vulnerabbli - u li nistabbilixxu forom ġodda ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi b'ekonomiji emerġenti u mal-pajjiżi bi dħul medju fl-Amerika Latina permezz tal-Istrument għall-Pajjiżi Industrijalizzati (ICI+);

58. Jenfasizza l-importanza u l-utilità li nersqu lejn l-armonizzazzjoni tar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tas-sistemi finanzjarji differenti fl-Amerika Latina sabiex nibnu pontijiet u nikkonverġu, sa fejn hu possibbli, mas-sistema Ewropea li kisbet riżultati konkreti fl-iżvilupp ta' mudelli avvanzati ta' sorveljanza tal-entitajiet transkonfinali;

*

* *

59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Viċi President / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-Parlament Latin-Amerikan, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, lill-Parlament Andin u lill-Parlament tal-Mercosur.

  • [1]  ĠU C 140 E, 16.3.2002, p. 569.
  • [2]  ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 123.
  • [3]  ĠU C 259 E, 29.10.2008, p. 64.
  • [4]  ĠU C 227E, 4.9.2008, p. 140

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (17.3.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina
(2009/2213(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Catherine Grèze

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-Amerika Latina u tal-Karibew (il-pajjiżi ALK) biex itejbu l-mekkaniżmi tagħhom ta' sħubija u ta' kooperazzjoni , billi jenfasizzaw aktar il-ħarsien tad-drittijiet politiċi, ambjentali u soċjali tal-bniedem, inklużi d-drittijiet kulturali tal-minoranzi indiġeni; jitlob li jkun hemm djalogu msaħħaħ fil-qasam tar-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali sabiex ikun hemm rappreżentanza aktar ġusta tal-pajjiżi konċernati; jikkunsidra li dawn il-miżuri huma prekundizzjoni essenzjali biex jiġu indirizzati u mtaffija l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja;

2.   Jirrakkomanda approċċ strateġiku msejjes fuq il-bini tal-kapaċità istituzzjonali fil-pajjiżi emerġenti, u li jkun iffukat fuq it-trażżin tal-polarizzazzjoni soċjali permezz tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' awtosostenn, u żvilupp reġjonali sod;

3.   Hu tal-fehma li l-objettiv ta’ koeżjoni soċjali tas-sħubija UE/ALK jista’ jintlaħaq biss sal-punt li din tiġġenera livell għoli ta' żvilupp u ġustizzja fid-distribuzzjoni tad-dħul u tal-ġid, u li dan l-objettiv jirrikjedi li jittieħdu miżuri konkreti għall-qerda tal-faqar skont l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u għat-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja fil-pajjiżi ALK;

4.   Iħeġġeġ lill-UE u lill-pajjiżi ALK biex isaħħu s-sħubija tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw l-isfidi ekoloġiċi, u jistieden lill-UE tagħti l-appoġġ tagħha għall-iżvilupp ta’ proġetti, bħall-Inizjattiva Yasuni ITT, sakemm dan ma jiksirx id-drittijiet tal-abitanti lokali;

5.   Jitlob li jintemmu l-prattiki tat-tħaffir ta’ minjieri fuq skala kbira li ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet tar-Reviżjoni tal-Industriji Estrattivi tal-Bank Dinji u l-proġetti ta’ digi kbar li ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Dinjija għad-Digi;

6.   Jitlob li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li tolqot l-aktar lill-ifqar nies tad-dinja, issir punt fokali fundamentali tal-istrateġija UE/ALK; jissuġġerixxi li jiġu żviluppati miżuri essenzjali bbażati fuq il-konservazzjoni tal-foresti u r-riżorsi naturali u l-agrikoltura sostenibbli u li jintużaw miżuri tal-agroforestrija u t-tisġir naturali għall-massimizzazzjoni tal-mitigazzjoni u l-kapaċità ta’ rkupru tal-klima;

7.   Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-pajjiżi ALK biex jaħdmu lejn pożizzjoni komuni għan-negozjar fil-kuntest tat-taħditiet dwar it-tibdil fil-klima li se jwasslu għas-samit tal-Messiku u biex jibqgħu attenti u miftuħa għall-proposti tas-Samit Dinji tal-Popli dwar il-Klima li se jsir f'Cochabamba f'April 2010;

8.   Jisħaq fuq l-importanza tas-sigurtà alimentari għall-pajjiżi ALK u ta' kapaċitajiet adegwati għall-ħżin tal-ikel biex jiġu affaċċjati l-isfidi ġejjiena għall-provvista tal-ikel;

9.   Jenfasizza l-bżonn li tingħata prijorità lill-ħolqien u l-estensjoni ta’ ċirkwiti qosra ta’ trasport (għall-passiġġiera, il-merkanzija u l-enerġija) bħala parti mill-iżvilupp tal-enerġija li tiġġedded u tal-interkonnettività fil-kuntest tal-Faċilità ta’ Investiment fl-Amerika Latina; jisħaq fuq il-fatt li l-Faċilità ta’ Investiment fl-Amerika Latina m'għandhiex tkun inkluża fil-programm tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, iżda għandha tingħata linja baġitarja ġdida;

10. Itenni l-appoġġ mogħti mill-UE għall-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali u l-approċċ għan-negozjar "bejn blokk u ieħor" li tuża l-UE permezz ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni, bħal fil-każ tal-Amerika Ċentrali; jirrikonoxxi, madankollu, li l-pajjiżi li jridu jintensifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE m'għandhomx ikunu żvantaġġati minħabba problemi interni fil-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali, bħal ma hu l-każ tal-Komunità Andina, u lanqas minħabba deċiżjonijiet sovrana mill-partijiet komponenti tagħhom, ikunu kemm ikunu leġittimi dawn id-deċiżjonijiet;

11. Jistieden lill-UE tobbliga lill-korporazzjonijiet transnazzjonali bbażati fl-UE sabiex japplikaw l-istandards ekoloġiċi u soċjali stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali, bħall-Aġenda dwar Xogħol Diċenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol, fil-pajjiżi ALK bħala standards minimi u sabiex ma jevitawx dawn l-istandards;

12. Iqis li l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju huma wieħed mill-aktar objettivi importanti li għandhom jintlaħqu sal-2015, billi l-investment jiġi ffokat fuq l-aktar pajjiżi foqra u l-iktar popli vulnerabbli, u jistieden liż-żewġ reġjuni biex isibu bażi komuni qabel il-laqgħa ta' livell għoli dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju li għandha ssir f'Settembru 2010;

13. Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati u aktar trasparenza fi kwistjonijiet fiskali permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema għall-iskambju awtomatiku ta’ data u ta’ rapporti għal kull pajjiż individwali;

14. Jitlob li l-pajjiżi kollha kkonċernati jiffirmaw il-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, inkluża l-Konvenzjoni 169 dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ dawn il-popli għal sjieda kollettiva u l-introduzzjoni ta’ programmi konġunti biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fir-rigward tan-nisa u tal-popolazzjonijiet indiġeni[1];

15. Jitlob garanzija legali dwar is-salvagwardja tas-servizzi pubbliċi, inkluż l-aċċess universali għall-ilma, l-aċċess bla ħlas għall-edukazzjoni u għas-saħħa, kif ukoll l-aċċess tal-akbar ammont ta’ persuni possibbli għall-mikrokreditu;

16. Jitlob li jkun hemm inklużjoni u involviment sħaħ tal-popli kkonċernati fil-proċess kollu tat-tfassil u ta' verifika ta' programmi biex jiġu miġġielda l-faqar u t-tibdil fil-klima, permezz ta' mekkaniżmu dettaljat imfassal b'mod konġunt mill-partijiet kkonċernati;

17. Jilqa' s-sentenza riċenti tal-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-feminiċidji ta' Campo Algodonero fil-Messiku bħala preċedent għar-reġjun kollu; jistieden lill-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Amerika Latina u l-Karibew biex jużaw is-sentenza bħala linja gwida għax-xogħol tagħhom fil-ġejjieni, u biex jiżguraw li l-kundanna qawwija tagħhom tal-vjolenza kontra n-nisa tkun akkumpanjata minn programmi ta' ħarsien, ta' prevenzjoni u ta' ġustizzja restawrattiva ffinanzjati kif jixraq; jitlob ukoll li jittieħed impenn b’saħħtu sabiex tkun miġġielda l-vjolenza fuq bażi ta’ ġeneri b'mod ġenerali, u sabiex isir investiment xieraq fis-saħħa riproduttiva u fi programmi mfassla biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni sesswali u l-aċċess għal metodi ta' ppjanar tal-familji, skont il-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (1994).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

0

12

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Greze, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Gay Mitchell, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, David-Maria Sassoli, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Proinsias De Rossa, Santiago Fisas Ayxela, Krzysztof Lisek, Miguel Angel Martínez Martínez, Cristian Dan Preda

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jens Geier

  • [1]  In-nies indiġeni jaqilgħu 17% anqas min-nies mhux indiġeni, skont dokument li ħareġ dan l-aħħar il-Bank ta’ Żvilupp Inter-Amerikan intitolat New Century, old disparities: gender and ethnic wage gaps in Latin America (IDB Working Paper Series No 109, 2009).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

54

1

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Pino Arlacchi, Bastiaan Belder, Elmar Brok, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Heidi Hautala, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Ria Oomen-Ruijten, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Mirosław Piotrowski, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Adrian Severin, Marek Siwiec, Charles Tannock, Zoran Thaler, Inese Vaidere, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Kristian Vigenin

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Charalampos Angourakis, Elena Băsescu, Georgios Koumoutsakos, Barbara Lochbihler, Emilio Menéndez del Valle, Doris Pack, Vittorio Prodi, Jacek Protasiewicz, Konrad Szymański, Indrek Tarand, Alejo Vidal-Quadras, Renate Weber, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Monica Luisa Macovei