Proċedura : 2009/2095(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0114/2010

Testi mressqa :

A7-0114/2010

Dibattiti :

PV 19/04/2010 - 20
CRE 19/04/2010 - 20

Votazzjonijiet :

PV 05/05/2010 - 13.38
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0128

RAPPORT     
PDF 195kWORD 133k
30.3.2010
PE 431.002v02-00 A7-0114/2010

dwar l-objettivi strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tal-UE tat-trasport marittimu sal-2018

(2009/2095(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Peter van Dalen

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-objettivi strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tal-UE tat-trasport marittimu sal-2018

(2009/2095(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Jannar 2009 dwar l-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018 (COM(2009)0008) ('komunikazzjoni dwar il-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018'),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2007 dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea (COM(2007)0575),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0000/2010),

A. billi s-sidien tal-bastimenti Ewropej jagħtu kontribut importanti lill-ekonomija Ewropea imma jridu jikkompetu f'ambjent dinji,

B.  billi l-miżuri strutturali u integrati biex jiġi ppreservat u żviluppat is-settur marittimu li qed ikollu suċċess kbir fl-Ewropa huma importanti u għandhom isaħħu l-kompetittività tat-trasport marittimu u s-setturi relatati, filwaqt li jintegraw ir-rekwiżiti tal-iżvilupp sostenibbli u l-kompetizzjoni ġusta,

C. billi hija neċessità assoluta li ż-żgħażagħ jinġibdu lejn karrieri marittimi u jinżammu fihom, u l-livell tat-taħriġ għall-professjonisti marittimi fl-Ewropa jeħtieġ li jittejjeb permezz tar-reviżjoni li jmiss tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u s-Sorveljanza tal-Baħħara (Konvenzjoni STCW),

D. billi t-tibdil fil-klima huwa l-akbar sfida għall-oqsma kollha tal-politiki Ewropej fis-seklu 21,

E.  billi t-trasport marittimu huwa mod ta’ trasport relattivament sod f'dak li jikkonċerna l-ambjent, li madankollu għandu ħafna potenzjal biex isir iktar nadif milli diġà hu; billi għandu jiġi involut, permezz ta' tnaqqis gradwali fil-marka tal-karbonju tal-bastimenti u tal-infrastrutturi tal-portijiet, fl-isforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima,

F.  billi s-sikurezza hija tal-akbar importanza għall-portijiet, għas-sidien tal-bastimenti u għall-baħħara fuq il-bastiment u fuq l-art; billi l-miżuri tas-sikurezza għandhom iqisu l-protezzjoni tal-ambjent kostali u tal-baħar kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-portijiet u fuq il-bastimenti;

G. billi għadhom qed iseħħu attakki kriminali fuq il-bastimenti tas-sajd u dawk kummerċjali Ewropej u fuq il-vapuri tal-passiġġieri fil-Golf ta' Aden, lil hinn mill-kosta tas-Somalja u f'ibħra internazzjonali,

H. billi l-industrija marittima Ewropea hija waħda mill-aqwa fid-dinja, il-vantaġġ tagħha għandu jiġi ssalvagwardjat fit-tul u dan jista' biss iseħħ permezz tal-innovazzjoni,

I.   billi jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet fil-livell amministrattiv it-tajjeb, li jfisser fil-livell dinji, meta possibbli, u fil-livell Ewropew, meta meħtieġ,

Ħarsa ġenerali

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni dwar il-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018;

2.  Jenfasizza l-importanza tas-settur tat-trasport marittimu għall-ekonomija Ewropea, mhux biss bħala trasportatur tal-passiġġieri, tal-materja prima, tal-merkanzija u tal-prodotti tal-enerġija, imma wkoll bħala l-qalba ta’ grupp usa’ ta’ attivitajiet marittimi bħall-industrija navali, il-loġistika, ir-riċerka, it-turiżmu, is-sajd u l-akkwakultura u l-edukazzjoni;

3.  Jenfasizza li l-politika marittima tal-UE għandha tqis il-fatt li l-industrija tat-trasport marittimu tħabbat wiċċha ma’ kompetizzjoni mhux biss fl-Unjoni imma wkoll, u fuq kollox, globalment; jenfasizza wkoll l-importanza tat-tkabbir tat-trasport marittimu, bħala parti mis-settur usa' tat-trasport, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

4.  Jittama li l-politiki marittimi tal-UE se jkunu imfassla, minn issa 'l quddiem, fil-qafas ta' 'baħar uniku Ewropew' u, konsegwentament, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika tat-trasport marittimu Ewropea bħala parti minn żona marittima komuni;

Is-suq

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tiġġieled kontra l-abbużi tal-bnadar ta' konvenjenza;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jinkoraġġixxu l-użu tal-bnadar tagħhom u biex jappoġġjaw il-gruppi marittimi tagħhom fuq l-art, pereżempju billi jipprovdu faċilitajiet fiskali bħas-sistema tat-taxxa tat-tunnellaġġ għall-bastimenti kif ukoll faċilitajiet fiskali għall-baħħara u s-sidien tal-bastimenti;

7.  Iqis li, bħal kull settur ieħor ekonomiku, is-settur marittimu għandu bħala kwstjoni ta' prinċipju jiġi rregolat skont ir-regoli tal-għajnuna statali, għalkemm l-għajnuna statali tista' tkun permessa eċċezzjonalment għal każijiet speċifiċi sakemm din tingħata fuq bażi temporanja u b'mod trasparenti u li jkun jista' jinftiehem;

8.  Iqis li l-linji gwida dwar l-għajnuna statali għat-tbaħħir, li jiskadu fl-2011, għandhom jinżammu u jiġu estiżi, peress li kkontribwew b'mod sostanzjali għaż-żamma tal-kompetittività internazzjonali tas-settur tat-tbaħħir Ewropew, għall-kapaċità tiegħu li jegħleb b'suċċess il-kompetizzjoni li ta' spiss tkun inġusta minn pajjiżi terzi, u għaż-żamma tal-pożizzjoni ewlenija tiegħu globalment, u għaldaqstant għenu biex jiġu appoġġjati l-ekonomiji tal-Istati Membri;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta r-regoli l-ġodda mwegħda dwar l-għajnuna statali għat-trasport marittimu fl-2010, u jqis barra minn hekk li l-Kummissjoni għandha tippreżenta l-linji gwida dwar l-għajnuna statali lill-portijiet malajr kemm jista' jkun;

10. Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-għajnuna statali għandha tintuża b'mod esklużiv biex tappoġġja s-setturi marittimi Ewropej li impenjaw ruħhom li jirrispettaw l-istandards soċjali, il-promozzjoni tal-impjiegi u t-taħriġ tal-persunal fl-Ewropa, u biex tiġi żgurata l-kompetittività globali tas-settur tat-tbaħħir Ewropew;

11. Jistieden lill-Istati Membri biex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw malajr il-Konvenzjoni tan-NU dwar Kuntratti għall-Ġarr Internazzjonali ta’ Merkanzija Kompletament jew Parzjalment bil-Baħar, magħrufa bħala r-‘Regoli ta' Rotterdam’, li tistabbilixxi s-sistema l-ġdida ta’ responsabilità marittima;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis aktar it-trasport marittimu u l-istrutturi tiegħu li huma bbażati fuq l-art matul ir-reviżjoni li daqt se ssir tal-linji gwida Komunitarji għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, b'mod partikolari l-konnessjoni multimodali tal-portijiet Ewropej mat-territorju intern;

13. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (COM(2009)0011), bl-iskop li jiġu ssimplifikati, jitnaqqsu u jiġu eliminati l-proċeduri amministrattivi għat-tbaħħir fuq distanzi qosra fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja t-tbaħħir fuq distanzi qosra bil-ħsieb li jiżdiedu b'mod sostanzjali l-kapaċitajiet ta' rendiment tat-trasport marittimu fl-Unjoni;

L-aspetti soċjali

14. Jilqa’ l-inizjattivi tal-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jagħmlu x-xogħlijiet marittimi aktar attraenti għaż-żgħazagħ tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata tagħlim tul il-ħajja u taħriġ mill-ġdid għall-baħħara fil-livelli kollha, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-bastimenti, bil-ħsieb li jissaħħu l-kwalifiki u l-ħiliet professjonali tal-ħaddiema; jirrakkomanda wkoll li fl-iskejjel tingħata iktar informazzjoni dwar is-settur u li jkun hemm iktar apprendistati disponibbli;

15. Jistieden lill-Istati Membri, fl-ambitu ta' konvenzjonijiet internazzjonali bħall-Konvenzjoni STCW u l-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu tal-2006 tal-ILO, biex itejbu u jimmodernizzaw il-programmi eżistenti ta' taħriġ bil-ħsieb li jkun hemm aktar żvilupp kwalitattiv tal-kulleġġi marittimi;

16. Jenfasizza li l-baħħara minn pajjiżi terzi għandhom jikkonformaw ma' rekwiżiti sodisfaċenti ta' taħriġ f'konformità mal-Konvenzjoni STCW u jistieden lis-sidien tal-bastimenti u lill-ispettorati nazzjonali biex dan jiggarantixxuh u jinfurzawh, fejn ikun meħtieġ bl-assistenza tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA); itenni t-talba tiegħu għal ratifika rapida mill-Istati Membri tal-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu tal-2006 tal-ILO u adozzjoni bikrija tal-proposta tal-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-ftehim industrijali, biex jiġu inkorporati elementi ewlenin tal-Konvenzjoni fil-liġi tal-UE;

17. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-użu tal-baħħara tal-UE fil-flotti tagħhom u biex joħolqu biżżejjed faċilitajiet biex jipprevjenu l-migrazzjoni tal-baħħara 'l barra mill-Unjoni;

18. Jilqa' s-suġġeriment tal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet marittimi Ewropej, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jarmonizzaw il-kurrikuli u l-iskemi ta' taħriġ rispettivi tagħhom biex jiġu promossi u żviluppati livelli għoljin ta' kwalifiki u ħiliet avvanzati fost il-baħħara tal-UE;

19. Jenfasizza li d-dimensjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara tal-UE huma marbutin mill-qrib mal-kompetittività tal-flotta Ewropea, u li hu meħtieġ li tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-ħaddiema fl-industriji marittimi fl-Ewropa kollha u li jiġi żgurat suq intern li jiffunzjona b'mod sħiħ mingħajr ostakoli u mingħajr restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-provvista tas-servizzi;

20. Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-prattiki tajbin fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjiegi u l-istandards soċjali, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien fuq il-bastimenti, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa, standards aħjar ta' sikurezza u taħriġ biex il-baħħara jkunu jistgħu jaffaċċjaw ir-riskji inerenti fl-impjiegi tagħhom;

21. Jenfasizza li l-ispezzjonijiet għandhom ikunu speċifiċi u bbażati fuq ir-riskju u m’għandhom jiġġeneraw ebda pressjoni regolatorja superfluwa fuq l-industrija;

22. Jittama li l-kapaċità tal-iżviluppi teknoloġiċi li jikkumpensaw għad-disponibilità dejjem tonqos ta’ baħħara se tiġi investigata, iżda jwissi kontra l-introduzzjoni għaġġelija żżejjed ta' teknoloġija li tkun għadha ma ġietx ipprovata;

23. Jistieden lill-awtoritajiet tal-portijiet marittimi biex itejbu l-faċilitajiet għall-baħħara fuq il-bastimenti li jkunu qed jistennew ankrati f'rada, inklużi faċilitajiet għat-trasportazzjoni aktar faċli mill-bastimenti għax-xatt u viċe versa;

L-ambjent

24. Jirrikonoxxi li jrid isir progress konsiderevoli fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit u l-ossidji tan-nitroġenu, partikuli (PM10) u CO2, u li dan huwa neċessarju fil-qafas tal-għanijiet tal-protezzjoni tal-klima tal-UE; jenfasizza li s-settur jista' jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara u t-tibdil fil-klima u li l-investimenti pubbliċi u privati fir-riċerka u l-iżvilupp se jkunu ta' interess partikolari f'dan ir-rigward;

25. Jenfasizza li t-tnaqqis tal-emissjonijiet irid ikun hemm qbil dwaru malajr u jiġi implimentat b'forza vinkolanti permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) biex jiġu limitati d-differenzi fil-kundizzjonijiet kompetittivi, iżda li dan m'għandux iwaqqaf lill-Unjoni milli tieħu inizjattivi bl-għan li jkun hemm aktar tnaqqis mill-flotot tal-Istati Membri tagħha, biex b'hekk jiġu inkoraġġiti l-kontinenti l-oħrajn biex isiru kompetittivi f'dan il-qasam; jiġbed l-attenzjoni hawnhekk għad-differenzi kbar bejn it-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra u fuq distanzi twal, xi ħaġa li trid tiġi kkunsidrata meta jintlaħqu l-ftehimiet fl-IMO;

26. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu iktar użu – meta jkun possibbli flimkien mal-pajjiżi ġirien – mill-għażla li jagħżlu żoni marittimi ta' kontroll tal-emissjonijiet, b'mod partikolari għall-ossidi tan-nitroġenu; jenfasizza li t-twaqqif ta' aktar żoni marittimi ta' kontroll tal-emissjonijiet m'għandux iwassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Ewropa;

27. Jappoġġja miżuri li jinkoraġġixxu bidliet modali lejn trasport marittimu bil-ħsieb li tittaffa l-konġestjoni f'toroq ewlenin; jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex joħolqu pjattaformi tal-loġistika fil-portijiet, li huma essenzjali biex tiġi żviluppata l-intermodalità u tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali; jenfasizza li r-regoli internazzjonali u tal-UE m'għandhomx ifixklu l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali f'dan ir-rigward; jittama li jara l-introduzzjoni rapida u estensiva, fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran, ta' 'awtostradi tal-baħar', li għandu jgħin biex jitnaqqsu kemm it-tniġġis kif ukoll il-konġestjoni fin-netwerks fuq l-art;

28. Jappoġġja fil-prinċipju l-emendi għall-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit u tal-ossidi tan-nitroġenu mill-bastimenti, adottati mill-IMO f'Ottubru 2008; huwa mħasseb, madankollu, dwar ċaqliq possibbli mit-trasport fuq distanza qasira bil-baħar lura għal trasport fit-toroq, konsegwenza tal-introduzzjoni tal-limitu ta' 0.1% ta' kubrit, prevista mill-2015, fiż-żoni ta' kontroll ta' emissjonijiet tal-kubrit fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tippreżenta valutazzjoni rilevanti tal-impatt lill-Parlament malajr kemm jista' jkun u l-aktar tard sal-aħħar tal-2010;

29. Iqis li l-modi kollha tat-trasport, inkluż it-trasport marittimu, għandhom jinternalizzaw b'mod gradwali l-ispejjeż esterni tagħhom; jemmen li l-introduzzjoni ta' dan il-prinċipju se tiġġenera fondi li sussegwentament ikunu jistgħu jintużaw primarjament għall-isforzi biex titħeġġeġ l-innovazzjoni;

30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu wkoll fuq strumenti alternattivi bħall-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-fjuwils tal-bunker, preferibbilment immirata lejn il-kwalità u r-rendiment ambjentali tal-fjuwils, jew il-kunċett ta’ portijiet ekoloġiċi, fejn bastimenti nodfa jiġu trattati iktar malajr u/jew iħallsu taxxi mnaqqsa tal-port;

31. Jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu fl-IMO biex jistabbilixxu u jimplimentaw standards ambjentali xierqa u globalment applikabbli;

32. Jinnota f'dan ir-rigward l-avvanzi fit-teknoloġija tat-tbaħħir fl-ilmijiet interni li ppermettew li jitnaqqsu b'mod sostanzjali l-emissjonijiet mill-magni ta' bastimenti eżistenti u l-użu possibbli ta' gass naturali likwidu bħala fjuwil; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk dawn it-tekniki jistgħux jintużaw ukoll f'bastimenti li jbaħħru u kif tista' titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom;

33. Jiddispjaċih mill-fatt li s-Samit ta' Kopenħagen dwar il-Klima ma rnexxielu jasal għal ebda konklużjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn bastimenti li jbaħħru, imma jisħaq fuq il-fatt li għandhom jitkomplew l-isforzi intensivi, kemm fil-proċess ta' wara Kyoto, kif ukoll fl-IMO, sabiex jintlaħaq ftehim dwar miżuri dinjija biex jinkiseb tnaqqis bħal dan; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-IMO tingħata mandat għan-negozjati internazzjonali li jmiss dwar il-klima, b'miri kwantifikabbli ta' tnaqqis għat-trasport marittimu;

34. Jistieden lill-Unjoni biex tmexxi dan il-proċess fil-livell globali, l-iktar fl-IMO, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur marittimu;

35. Jisħaq fuq l-importanza ta’ faċilitajiet tekniċi interoperabbli għall-provvista tal-elettriku mill-art għall-bastimenti fil-portijiet Ewropej, li jistgħu jnaqqsu t-tniġġis b’mod konsiderevoli; jistieden lill-Kummissjoni biex taċċerta f'liema portijiet dawn il-faċilitajiet jistgħu jintużaw b'mod effiċjenti;

36. Jenfasizza li, bħala parti mill-politika tagħha ta' riċerka u żvilupp, il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tar-rinnovabbli għall-użu fuq il-bastimenti, bħat-teknoloġiji tax-xemx u tar-riħ;

37. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-potenzjal għat-tnaqqis u l-monitoraġġ tat-tniġġis permezz tal-użu ta' teknoloġiji intelliġenti fis-settur tat-trasport, l-iktar Galileo;

38. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi operazzjonijiet tal-portijiet u tad-dwana li ma jużawx karti u li titħaffef il-kooperazzjoni fil-portijiet bejn id-diversi fornituri tas-servizzi u l-konsumaturi permezz tal-użu ta' sistemi u netwerks ta' trasport intelliġenti bħas-SafeSeaNet u l-e-Custom, bil-ħsieb li jitħaffu l-operazzjonijiet tal-portijiet u jitnaqqas it-tniġġis;

Is-sikurezza

39. Japprezza l-adozzjoni tat-Tielet Pakkett għas-Sikurezza Marittima, u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw malajr dan il-pakkett;

40. Jirrakkomanda kontrolli stretti fuq il-bini tal-bastimenti, inkluża l-kwalità tal-azzar użat u fuq id-disinn u l-manutenzjoni tal-bastimenti, kif previst inter alia fil-leġiżlazzjoni emendata dwar is-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni;

41. Jappoġġa l-bidla tad-direzzjoni tal-affarijiet fil-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Kontroll Statali tal-Portijiet, li tinvolvi li l-ispezzjonijiet regolari jiġu sostitwiti bi spezzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju, sabiex preċiżament dawk il-bastimenti li juru diversi nuqqasijiet jiġu indirizzati b’mod effettiv;

42. Jistieden lill-Istati Membri u lis-sidien tal-bastimenti biex ifittxu li jitqiegħdu fil-'lista l-bajda' tal-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi; jistieden lis-Slovakkja, b'mod partikolari, biex tagħmel aktar sforz f'dan ir-rigward;

43. Jitlob lill-ispettorati nazzjonali u lil awtoritajiet nazzjonali oħra biex jikkooperaw aktar mill-qrib fl-iskambju tad-data dwar bastimenti u t-tagħbija tagħhom, sabiex inaqqsu l-pressjoni regolatorja imma jżidu l-effikaċja tal-ispezzjonijiet; jitlob li tiddaħħal b'mod rapidu sistema ta' ġestjoni ta' informazzjoni integrata permezz tal-użu u t-titjib tar-riżorsi li diġà huma disponibbli, speċjalment is-SafeSeaNet; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda tħaddem malajr kemm jista' jkun sistema ta' sorveljanza transsettorjali u transkonfinali mal-UE kollha;

44. Huwa konxju mill-periklu tal-piraterija fil-baħar miftuħ, l-iktar fiż-żona tal-Qarn tal-Afrika u l-ilmijiet lil hinn mill-kosta tas-somalja, u jistieden lis-sidien tal-bastimenti biex jikkooperaw ma' inizjattivi governattivi biex jipproteġuhom mill-piraterija, bħall-ewwel operazzjoni navali li rnexxiet tal-UE, l-Atalanta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni bejniethom u fin-Nazzjonijiet Uniti biex jipproteġu lill-baħħara, lis-sajjieda u lill-passiġġieri kif ukoll lill-flotta;

45. Jinnota li l-approċċ globali fil-ġlieda kontra l-piraterija ma jistax jiġi limitat għal forza navali internazzjonali iżda għandu jkun parti minn pjan komprensiv li jkollu l-għan li jippromwovi l-paċi u l-iżvilupp fiż-żona kkonċernata; huwa konxju, ukoll, mill-ħtieġa ta' implimentazzjoni sħiħa u korretta mill-bastimenti tal-miżuri ta' awtoprotezzjoni adottati mill-organizzazzjonijiet tat-tbaħħir, permezz tal-Aħjar Prattiki ta' Ġestjoni approvati mill-IMO;

Kwistjonijiet varji

46. Jenfasizza li t-tbaħħir hu industrija dinjija u li l-ftehimiet għandhom preferibilment isiru fuq skala dinjija; iqis li l-forum l-aktar xieraq għal dan huwa l-IMO; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu iktar sforz biex jirratifikaw u jimplimentaw malajr il-konvenzjonijiet tal-IMO li ffirmaw;

47. Jirrikonoxxi bis-sħiħ, barra minn hekk, l-irwol tal-Unjoni fit-traspożizzjoni ta’ regoli internazzjonali fil-liġi tal-UE u fl-implimentazzjoni tal-politika marittima u l-appoġġ tagħha, pereżempju mill-EMSA;

48. Jenfasizza l-ħtieġa li titħaffef il-modernizzazzjoni u l-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura tal-portijiet qabel iż-żieda mistennija fil-volum tal-merkanzija trasportata bil-baħar; jirrimarka li dan se jeħtieġ investimenti kbar, li se jkollhom jikkonformaw ma' regoli trasparenti u ġusti ta' finanzjament biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta bejn il-portijiet Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-qafas regolatorju jkun koerenti f'dan ir-rigward;

49. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-komunikazzjoni tagħha dwar il-politika tat-trasport marittimu sal-2018 u din ir-riżoluzzjoni bħala l-bażi għar-reviżjoni li daqt se sseħħ tal-White Paper dwar it-Trasport;

50. Jitlob li jkun hemm politika li tippromwovi l-konnessjonijiet bejn il-portijiet u ż-żoni li jinsabu 'l ġewwa (portijiet nixfin u pjattaformi ta' loġistika) f'reġjuni li jbatu mill-konġestjoni u li din il-politika tiġi inkorporata fir-reviżjoni tat-TEN-T;

51. Jenfasizza l-importanza ekonomika u strateġika tal-bini tal-bastimenti, li jagħmilha possibbli li jiġu żviluppati u użati teknoloġiji ġodda applikabbli għall-bastimenti u li jiġu ppreservati ħiliet Ewropej kruċjali li huma meħtieġa biex jinbnew ġenerazzjonijiet ġodda ta' bastimenti; jitlob li jittieħdu miżuri ta' appoġġ għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u t-taħriġ, bil-ħsieb li tiġi żviluppata industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti kompetittiva u innovattiva;

52. Jitlob li fil-proġetti ta' modernizzazzjoni u estensjoni tal-portijiet ikun obbligatorju li t-terminals tal-passiġġieri u l-vapuri l-ġodda tal-passiġġieri jiġu mgħammra b'faċilitajiet għal persuni b'mobilità mnaqqsa;

53. Jilqa' l-inizjattiva li tiġi żviluppata kampanja biex jiġu promossi l-aħjar prattiki fost l-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-vapuri tal-kruċieri fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri;

54. Jistieden lill-Kummissjoni biex matul ir-reviżjoni attwali tat-TEN-T tqis ir-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, l-iktar dawk li jikkonċernaw l-integrazzjoni effiċjenti tal-'awtostradi tal-baħar' u t-trasport fil-mogħdijiet tal-ilma interni, kif ukoll in-netwerk ta' portijiet ta' interess Ewropew bħala punti ta' integrazzjoni;

55. Jistieden lill-Kummissjoni biex tabbozza strateġija kumparabbli għat-trasport bil-mogħdijiet tal-ilma interni fl-Ewropa u biex tikkoordinaha mal-istrateġija preżenti, biex jiġi promoss l-iżvilupp ta' katina tat-trasport ottimizzata li torbot it-trasport marittimu tal-merkanzija u t-trasport tal-prodotti fil-mogħdijiet tal-ilma interni;

56. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq mingħajr dewmien il-pjan direzzjonali mwiegħed tagħha, b'mod li tipprovdi d-dettalji essenzjali biex tissupplimenta l-komunikazzjoni tagħha;

57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


NOTA SPJEGATTIVA

Sfond tal-proposta

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ‘L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018’ hija segwitu għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ‘Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna’ u ‘Politika Marittima Integrata’ (Blue Paper), u hija parzjalment ibbażata fuq opinjonijiet, studji u djalogi indipendenti mal-industrija u fuq ir-reazzjoni tal-Parlament għall-Blue Paper.

Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tkopri sensiela wiesgħa ta’ suġġetti relatati mal-politika Ewropea tat-trasport marittimu. Fl-istess ħin, id-dokument mhux ta’ natura partikolarment preskrittiva u jippermetti lill-partijiet interessati tat-trasport marittimu biżżejjed possibilitajiet u inizjattiva biex iwettqu l-objettivi strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet.

Fil-qosor, il-Komunikazzjoni tkopri sitt temi:

1.  Il-valur u l-pożizzjoni kompetittiva tat-tbaħħir marittimu Ewropew f'suq dinji: is-settur Ewropew tat-trasport marittimu jopera f’suq dinji, li fih għandu rwol importanti ħafna: 41% tal-flotta totali dinjija huma ta’ sidien Ewropej. Madankollu, il-pożizzjoni kompetittiva tal-flotta Ewropea qed dejjem aktar issib ruħha taħt pressjoni miż-żieda tal-għajnuna statali u mill-iżvilupp fiha lis-setturi tat-trasport marittimu ta' pajjiżi terzi. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet ġusti tal-kummerċ marittimu internazzjonali fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u tiffavorixxi li jinżamm u jittejjeb il-qafas eżistenti tal-UE għat-tassazzjoni tat-tunnellaġġ, it-taxxa fuq id-dħul u l-għajnuna statali.

2.  L-impjiegi fis-settur marittimu: l-industrija marittima Ewropea qed tbati minn nuqqas dejjem jikber ta’ ekwipaġġi tas-sengħa. Bħala konsegwenza, qed jintilfu ħafna għarfien espert u għarfien relevanti. Dan ma jwassalx għal pożizzjoni kompettitiva tat-trasport marittimu Ewropew. Il-Kummissjoni, għalhekk, qed tipproponi li t-tbaħħir jiġi promoss billi tingħata iktar informazzjoni minn età bikrija u jkun hemm prospetti aħjar ta’ karriera. Il-piżijiet amministrattivi għandhom jitnaqqsu wkoll u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-termini tal-impjieg għandhom jittejbu.

3.  Il-kwalità tat-tbaħħir Ewropew: fis-snin riċenti t-tbaħħir marittimu Ewropew u l-awtoritajiet superviżorji taw kontribut sostanzjali lit-tbaħħir marittimu iktar sikur u nadif. Madankollu, hemm bżonn isir iktar: is-settur, għalhekk, għandu jikkontribwixxi iktar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-Kummissjoni se tfittex li tiżviluppa standards għall-emissjonijiet fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) sabiex tissalvagwardja l-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa. Hija ħaġa ta’ importanza partikolari li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit u l-ossidi tan-nitroġenu, u għandu jiġi investigat liema żoni tal-baħar Ewropew għandhom jitqiesu biex jintgħażlu bħala żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, fid-dawl taż-żieda antiċipata fin-numru ta’ bastimenti, li barra minn hekk qed jikbru l-ħin kollu, is-sikurezza se ssir kwistjoni ħafna iktar importanti. Il-Kummissjoni, għalhekk, se tiżgura l-implimentazzjoni rapida u korretta tat-Tielet Pakkett għas-Sikurezza Marittima u għamlitha waħda mill-miri tagħha biex tiżgura li sa tmien l-2012 l-Istati Membri kollha jkunu fil-‘White List’ tal-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-kontroll statali tal-portijiet. Barra minn hekk, fid-dawl tat-theddida persistenti ta' atti terroristiċi, is-sigurtà tat-trasport marittimu hija prijorità. Il-Kummissjoni qed tipproponi reazzjoni soda għall-piraterija u ż-żieda tal-protezzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ, inter alia bl-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ twissija bikrija.

4.  Il-kooperazzjoni internazzjonali: peress li s-settur tat-trasport marittimu Ewropew ikollu jopera f'suq globali, l-Unjoni Ewropea ilha tippromwovi li tiġi appoġġjata l-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNCLOS(1), id-WTO u l-IMO fl-IMO, b'mod speċjali, u l-Kummissjoni tixtieq li l-Istati Membri jsaħħu r-rikonoxximent u l-viżibilità tal-UE billi jifformalizzaw il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni tal-UE u jagħtu status ta' osservatur lill-UE f'dik l-organizzazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi b’mod partikolari li tkun żgurata r-ratifika malajr tal-konvenzjonijiet tal-IMO fil-livell dinji u l-istabbiliment ta’ sistema għall-infurzar proprju ta’ regoli miftiehma internazzjonalment mill-bnadar kollha u mill-istati tal-kosta fid-dinja.

5.  It-trasport marittimu Ewropew bħala parti mill-ekonomija Ewropea u bħala l-forza mexxejja wara l-integrazzjoni ekonomika: it-trasport marittimu fl-Istati Membri huwa mistenni li jiżdied minn 3.8 biljun tunnellata fl-2006 għal 5.3 biljun tunnellata fl-2018. Dan ifisser li l-infrastruttura Ewropea u l-kapaċità tal-portijiet se jkollhom bżonn ikunu preparati għal din iż-żieda fi żmien 10 snin. Fi kwalunkwe każ, il-produttività tal-portijiet se jkollha tiżdied b’mod sostanzjali. L-UE għandha tikkontribwixxi għal dan billi tistabbilixxi ‘Spazju Ewropew tat-Trasport Marittimu mingħajr Ostakoli’ u billi żżid l-istrateġija tal-UE dwar ‘l-Awtostradi tal-Baħar’. Il-piżijiet amministrattivi għandhom jitnaqqsu wkoll u għandhom jinħolqu kundizzjonijiet xierqa biex jiġi attirat l-investiment fis-settur tal-portijiet. Il-Kummissjoni se tħejji wkoll linji gwida għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent għall-iżvilupp tal-portijiet. Barra minn hekk, il-proġetti tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport u l-proġett Marco Polo se jintużaw bħala reazzjoni għat-tkabbir tat-trasport marittimu u fl-istess ħin biex dan isir sostenibbli.

6.  L-Ewropa bħala mexxejja dinjija fir-riċerka marittima u l-innovazzjoni: l-Ewropa bħalissa hija l-mexxejja dinjija fir-riċerka marittima u l-innovazzjoni. Din il-pożizzjoni għandha tinżamm, għaliex din toffri opportunitajiet għat-tkabbir u l-effiċjenza min-naħa tal-industrija tal-Ewropa (b’mod partikolari l-industrija tagħha tat-trasport marittimu). B’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rendiment ambjentali, hemm ħafna opportunitajiet u vantaġġi potenzjali għaliex il-ħidma sabiex l-industrija ssir iktar ekoloġika qiegħda dejjem aktar issir sors ta' vantaġġ kompetittiv. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tfittex li ttejjeb s-sikurezza tal-bastimenti u r-rendiment ambjentali tagħhom. Il-mobilità sostenibbli li tirriżulta għandha tgħin biex il-katina kollha tat-trasport issir iktar effiċjenti.

Sommarju tal-perspettiva tar-rapporteur

Ir-rapporteur huwa impressjonat b’mod pożittiv mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni. Peress li d-dokument jitratta numru ta’ suġġetti, ir-rapport tiegħu jillimita ruħu għal ftit punti prijoritarji.

L-ewwelnett ir-rapporteur iqis li l-importanza tas-settur marittimu qatt ma tista’ tkun enfasizzata żżejjed. Is-settur marittimu Ewropew jagħti kontribut ċar u vitali kemm lill-ekonomija interna tal-Komunità kif ukoll lis-sistema tat-trasport Ewropea. L-interessi tas-settur Ewropew tat-trasport marittimu, għalhekk, għandhom jingħataw iktar prijorità fl-istabbiliment tal-politiki Ewropej ġenerali tat-trasport. Wieħed għandu jirrealizza li s-settur marittimu Ewropew prinċipalment jopera u jikkompeti f'suq dinji.

Dan is-suq dinji jfisser ukoll li l-politika għandha titfassal skont il-ħtiġijiet tat-trasport marittimu. Ir-riskju tal-bdil tal-bandiera, bil-konsegwenzi negattivi kollha tiegħu għall-ambjent, il-kwalità tat-tbaħħir u l-grupp marittimu, m'għandux jiġi sottovalutat. Ir-rapporteur, għalhekk, iqis li l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jinkoraġġixxu l-użu (eżistenti) tal-bnadar tagħhom, pereżempju billi jipprovdu faċilitajiet fiskali għat-tassazzjoni tat-tunnellaġġ u faċilitajiet fiskali għal-baħħara u għas-sidien tal-bastimenti. Ir-rapporteur qed jistenna bi ħġaru r-regoli l-ġodda dwar l-għajnuna statali li wiegħdet il-Kummissjoni. Hu jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżentahom fl-2010.

Fir-rigward tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-rapporteur iqis li x-xogħlijiet fuq il-baħar għandhom isiru iktar attraenti għaċ-ċittadini żgħażagħ tal-UE. B’mod partikolari, jekk it-trasport marittimu għandu jikber kif inhu mistenni, it-talba għal membri tal-ekwipaġġ tista' biss tiżdied. Għalhekk, hu importanti li ż-żgħażagħ ta' kull età jirċievu informazzjoni dwar is-settur. Hu wkoll meħtieġ li l-baħħara, kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art, jiġu offruti prospetti attraenti tal-karriera. Fl-istess ħin, għandha tkun ħaġa impossibbli għas-sidien tal-bastimenti li jimpjegaw ċittadini minn pajjiżi terzi għall-operazzjonijiet tagħhom tat-trasport marittimu, għalkemm ovvjament hu importanti li dawn l-impjegati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ taħriġ u jkollhom il-kwalifiki professjonali meħtieġa. Ir-rapporteur iqis ukoll li l-leġiżlazzjoni adottata mil-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għandha tiġi appoġġata, ratifikata u infurzata b’mod xieraq madwar id-dinja kollha sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara kollha jinżammu ta’ kwalità sodisfaċenti.

Is-settur tat-trasport marittimu qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi kbar fir-rigward tal-ambjent. Il-ħidma ewlenija hi li jittejjeb b’mod sostanzjali r-rendiment ambjentali tal-bastimenti li jbaħħru, u li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-SOx, in-NOx, il-partikuli (PM10) u s-CO2. F’dan ir-rigward, hu importanti ħafna li l-ftehimiet dwar is-suġġett jintlaħqu fil-livell dinji sabiex wieħed jikkumbatti r-riskju tal-bdil tal-bandiera għal pajjiżi mhux parteċipanti. Ir-rapporteur jissuġġerixxi l-iżvilupp ta’ żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet fl-ibħra Ewropej. Għal dan il-għan, qed jistieden lill-Istati Membri, meta possibbli mal-pajjiżi ġirien, biex jagħżlu żoni bħal dawn, b’mod partikolari bil-għan li jiġu llimitati l-emissjonijiet tan-NOx. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ukoll isibu miżuri alternattivi biex itejbu r-rendiment ambjentali. Dawn jistgħu jinkludu taxxa fuq il-fjuwil tal-bunker immirata lejn il-kwalità u r-rendiment ambjentali tal-fjuwil użat, u l-kunċett tal-portijiet ekoloġiċi. Taħt sistema ta’ 'bonus/penali' bħal din, il-bastimenti iktar nodfa jiġu trattati iktar malajr fil-port minn bastimenti li jniġġsu iktar u/jew jirċievu skont fuq it-taxxi tagħhom tal-port. Ir-rapporteur għandu wkoll tamiet kbar dwar l-iżvilupp teknoloġiku tal-bastimenti li jbaħħru. Fis-snin riċenti, il-bastimenti li jbaħħru fil-mogħdijiet tal-ilma interni għamlu progress kbir fir-rendiment ambjentali tagħhom permezz tal-iżvilupp ta’ fjuwils ġodda u magni aħjar. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga jekk dawn l-iżviluppi teknoloġiċi jistgħux jiġu applikati wkoll għat-tbaħħir marittimu. Fl-aħħar nett, ir-rapporteur iqis li għandhom jiġu stabbiliti faċilitajiet tal-provvista tal-elettriku fil-portijiet tal-baħar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fil-portijiet.

Fil-qasam tas-sikurezza, ir-rapporteur hu kurjuż ħafna dwar id-dettalji prattiċi tat-Tielet Pakkett għas-Sikurezza Marittima. L-Istati Membri, għalhekk, qed jiġu mistiedna biex jimplimentaw il-pakkett malajr u b’mod korrett. Ir-rapporteur għandu wkoll opinjoni pożittiva dwar id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi li wieħed jaqleb għall-ispezzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju. Dan se jevita spezzjonijiet mhux meħtieġa, se jżid l-effettività tal-immoniterjar u se jnaqqas il-burokrazija għal dawk suġġetti għall-ispezzjonijiet. Fl-aħħar nett, dwar is-suġġett relatat mill-qrib tas-sigurtà, ir-rapporteur jixtieq jesprimi l-appoġġ tiegħu bla kundizzjonijiet għall-missjoni Atalanta li qed tipproteġi lill-bastimenti li jbaħħru kontra l-piraterija madwar il-Qarn tal-Afrika. Barra minn hekk, is-sidien tal-bastimenti jmisshom japplikaw l-għażliet ta' sigurtà disponibbli mill-Atalanta u minn korpi internazzjonali ta' kooperazzjoni oħra kontra l-piraterija. Malli jkun possibbli, għandhom ukoll jiġu miftiehma arranġamenti biex il-pirati li nqabdu jitressqu l-qorti. Hu diffiċli biex wieħed jaċċetta l-fatt li f'xi każijiet xi pirati arrestati bħalissa qed jinħelsu għaliex ma jistgħu jitressqu l-qorti mkien.

Fl-aħħar nett, peress li t-trasport marittimu jopera fis-suq dinji, ir-responsabilità leġiżlattiva primarja taqa’ f'idejn l-IMO. Fi ħdan l-IMO, l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol proattiv bil-għan li tiżgura li jiġu abbozzati u ratifikati regoli ġodda. L-UE, ovvjament, għandha wkoll irwol importanti ħafna fit-traspożizzjoni tar-regoli tal-IMO fl-acquis tal-UE u fl-implimentazzjoni tagħhom. B’mod partikolari fl-istadju tal-implimentazzjoni, l-EMSA għandu jkollha rwol xieraq għaliha. L-ispezzjonijiet u s-superviżjoni għandhom jitwettqu fil-livell tal-Istati Membri b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi. Ir-rapporteur qed jistenna wkoll bi ħġaru l-Pjan Direzzjonali għall-Politika Marittima sal-2018 li wiegħdet il-Kummissjoni.

(1)

               Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Alvarez, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Michael Cramer, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Hella Ranner, Vilja Savisaar, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Silvia-Adriana Ţicău, Georgios Toussas, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Philip Bradbourn, Isabelle Durant, Tanja Fajon, Ádám Kósa, Dominique Riquet, Laurence J.A.J. Stassen, Sabine Wils, Janusz Władysław Zemke

Avviż legali - Politika tal-privatezza