RAPPORT dwar il-ħtieġa ta' Strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu

23.4.2010 - (2009/2216(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Evgeni Kirilov


Proċedura : 2009/2216(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0123/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħtieġa ta' Strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu

(2009/2216(INI))

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nofsinhar tal-Kawkasu, inklużi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP)[1], u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar politika aktar effettiva għan-Nofsinhar tal-Kawkasu[2] u dwar Approċċ ta' Politika Reġjonali dwar il-Baħar l-Iswed[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni riċenti tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar l-Ażerbajġan: il-liberta' tal-espressjoni[4] tat-3 ta' September 2008 dwar il-Ġeorġja[5]; tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar id-Deterjorazzjoni tas-Sitwazzjoni fil-Ġeorġja[6]; u tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-Armenja[7],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati mal-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja u l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI), li hu marbut mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP,

–   wara li kkunsidra r-Rapporti ta' Progress ENPI dwar l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Georġja adottati mill-Kummissjoni fit-23 ta' April 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi 2007-2013 u l-Programmi Indikattivi Nazzjonali 2007-2010 taħt l-ENPI għall-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja,

–   wara li kkunsidra r-Reviżjoni Intermedja tad-Dokumenti ta' Programmar tal-ENPI għall-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni milħuqa mal-Armenja, mal-Ażerbajġan u mal-Ġeorġja,

–   wara li kkunsidra r-rapporti ta' monitoraġġ rilevanti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali ta' Tfittxija tal-Fatti dwar il-Kunflitt fil-Ġeorġja, li ġie ppubblikat fit-30 ta' Settembru 2009 (ir-Rapport Tagliavini),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0123/2010),

A. billi fil-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-8 Diċembru 2009 l-UE affermat mill-ġdid l-intenzjoni tagħha li tippromwovi l-istabbiltà, il-koperazzjoni, il-prosperità u l-governanza tajba mal-Kawkasu tan-Nofsinhar kollu, inkluż permezz ta' programmi ta' assistenza teknika,

B.  billi minħabba l-gwerra fil-Ġeorġja ta' Awwissu 2008, tal-intervent ta' suċċess mill-UE biex jintlaħaq ftehim ta' waqfien mill-ġlied u tal-ħtieġa kbira għal aktar impenn li segwew wara dawn l-iżviluppi, l-UE saret attur sinifikanti għas-sigurtà fir-reġjun, billi bagħtet il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE, bit-tnedija ta' programm ta' assistenza ta' wara l-gwerra u billi nediet missjoni ta' inkjesta dwar il-kawżi u l-andament tal-gwerra,

C. billi fl-2009 rajna l-intensifikazzjoni tan-negozjati għas-soluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno Karabakh immexxija mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) tal-Grupp ta' Minsk,

D. billi persuni li kienu spostati bil-forza miz-zoni tal-kunflitt fin-Nofsinhar tal-Kawkasu għadhom miċħuda mid-dritt li jerġgħu lura lejn djarhom; billi minkejja li t-tliet pajjiżi bdew programmi għall-integrazzjoni lokali tar-refuġjati u tal-persuni spostati internament (IDPs) tagħhom, xorta għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diversi diffikultajiet li qed ifixklu s-suċċess tagħhom; billi r-refuġjati u l-persuni spostati internament ma għandhomx jintużaw mill-awtoritajiet ikkonċernati bħala strumenti politiċi fil-kunflitti,

E.  billi l-iffirmar mill-Armenja u mit-Turkija f'Ottubru 2009 tal-protokolli dwar it-twaqqif u l-iżvilupp ta' relazzjonijiet diplomatiċi u dwar il-ftuħ tal-fruntiera komuni tagħhom kienu passi promettenti, iżda r-ratifika tal-ftehim ma saritx,

F.  billi l-kunflitti staġnati huwa impediment għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u jfixklu t-titjib fil-livell tal-għajxien tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu kif ukoll l-iżvilupp sħiħ tas-Sħubija tal-Lvant tal-ENP; billi riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti hija essenzjali għall-istabilità fil-Viċinat tal-UE; billi għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu identifikati oqsma komuni ta' interess li jistgħu jegħlbu d-diverġenzi, jiffaċilitaw id-djalogu u jippromwovu l-koperazzjoni reġjonali u l-opportunitajiet ta' żvilupp,

G. billi l-UE tirrispetta l-prinċipji ta’ sovranità u integrità territorjali fir-relazzjonijiet tagħha mal-istati tan-Nofsinhar tal-Kawkasu,

H. billi s-Sħubija tal-Lvant toħloq possibbiltajiet ġodda għall-approfondiment tar-relazzjonijiet bilaterali u tintroduċi wkoll il-koperazzjoni multilaterali,

I.   billi s-Sħubija tal-Lvant timmira li tħaffef ir-riformi, l-approssimazzjoni legali u l-integrazzjoni ekonomika, u li tagħti għajnuna tanġibbli għall-konsolidazzjoni tal-istatus ta’ stat u integrità territorjali ta’ pajjiżi sħab, hija bbażata fuq il-prinċipji tal-kundizzjonalità, id-divrenzjar u s-sjieda konġunta u tipprevedi n-negozjar ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ġodda, li ser jeħtieġu l-qbil tal-Parlament Ewropew,

J.   billi l-Assemblea Parlamentari tal-Viċinat tal-UE (EURONEST) se titwaqqaf b'mod uffiċjali bħala mekkaniżmu multilaterali kruċjali ta’ djalogu interparlamentari intensifikat bejn il-Parlament Ewropew u s-sitt isħab tal-Lvant tal-UE, inklużi l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja, bil-ħsieb li jqarrbu aktar lil dawn il-pajjiżi lejn l-UE,

K. billi s-sitwazzjoni fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu titlob politika dejjem iżjed proattiva fl-impenn tal-UE f’dan ir-reġjun, u billi t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona jipprovdu opportunità tajba biex titfassal strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu,

1.  Jikkonferma mill-ġdid li l-objettiv ewlieni tal-UE fir-reġjun huwa li jinkuraġixxi l-iżvilupp tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja lejn stati miftuħa, paċifiċi, stabbli u demokratiċi, li jkunu lesti jistabbilixxu relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien tagħhom u kapaċi jittrasformaw lin-Nofsinhar tal-Kawkasu f'reġjun ta' paċi, stabilità u prosperità sostenibbli, bil-ħsieb li tissaħħaħ l-integrazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-politiki tal-UE; iqis li sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-UE teħtieġ ikollha rwol politiku dejjem aktar attiv, billi bi ftehim mal-pajjiżi tar-reġjun tiżviluppa strateġija li tgħaqqad is-soft power tagħha ma' approċċ sod u li tkun ikkumplimentata b'politiki bilaterali;

Kwistjonijiet ta' sigurtà u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti

2.  Jenfasizza li l-persistenza tal-istatus quo fil-kunflitti fir-reġjun hija inaċċettabbli u insostenibbli, peress li din tirrappreżenta r-riskji kontinwi li jeskalaw it-tensjonijiet u li jerġgħu jibdew l-ostilitajiet bl-armi; iqis li n-naħat kollha għandhom jaħdmu b'mod attiv biex jinkisbu l-istabilità u l-paċi; jirrakkomanda l-użu ta’ programmi u djalogu transkonfinali fost is-soċjetajiet ċivili bħala għodda biex jiġi ttrasformat il-kunflitt u jkun hemm bini ta’ fiduċja bejn il-linji ta’ separazzjoni; jenfasizza li l-UE għandha sehem importanti x’tikkontribwixxi favur il-kultura ta’ djalogu fir-reġjun u fl-iżgurar li jiġu implimentati r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU; inkluża r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU;

3.  Jinnota li l-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti kif ukoll id-djalogu bażiku jeħtieġu, inter alia, ir-rikonoxximent tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tal-partijiet u tal-komunitajiet kollha rilevanti, ir-rieda li ssir reviżjoni tal-perċezzjonijiet tal-ġrajjiet tal-imgħoddi u li jintlaħaq fehim komuni dwar dawn il-ġrajjiet, il-volontà li jintgħelbu l-mibegħda u l-biża', id-dispożizzjoni li jsiru kompromessi dwar pożizzjonijiet massimalisti u li jiġu abbandunati attitudnijiet ta' tpattija u d-dispożizzjoni li jiġu diskussi konċessjonijiet reali, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkonsolidati l-istabbiltà u l-prosperità;

4.  Jirrimarka l-importanza tal-prevenzjoni tal-kunflitti, inkluż permezz tar-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali kollha, it-tolleranza reliġjuża u l-isforzi biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u ekonomika;

5.  Jenfasizza li l-atturi esterni għandhom ir-responsabilità li jużaw is-setgħa u l-influwenza tagħhom b'modi li jkunu konsistenti għalkollox mal-liġi internazzjonali, inkluż mal-liġijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li għand u jkun hemm iżjed koperazzjoni bbilanċjata bejn l-atturi esterni fir-reġjun sabiex jingħata kontribut favur l-ilħiq ta' soluzzjoni paċifika tal-kunflitti; iqis li huwa inaċċettabbli għal kull attur estern li jiġu introdotti kundizzjonijiet għar-rispett lejn is-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati tan-Nofsinhar tal-Kawkasu;

Il-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh

6.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pass dinamiku tan-negozjati dwar il-kunflitt Nagorno-Karabakh li ħareġ fid-dieher permezz tas-sitt laqgħat bejn il-presidenti tal-Armenia u tal-Ażerbajġan li saru matul l-2009 fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni ta' Moska; jistieden lill-partijiet jintensifikaw l-isforzi tat-taħditiet tagħhom tal-paċi ħalli tinstab soluzzjoni fix-xhur li ġejjin, juru attitudni iżjed kostruttiva u jabbandunaw il-preferenzi li jipperpetwaw l-istatus quo li nħoloq bil-forza u bla ebda leġittimità internazzjonali, li permezz tiegħu ġiet ikkaġunata l-instabbiltà u twalet it-tbatija tal-popolazzjonijiet milquta mill-gwerra; jikkundanna l-idea ta' soluzzjoni militari u l-konsegwenzi gravi tal-forza militari li diġà ntużat, u jistieden liż-żewġ naħat jevitaw kwalunkwe ksur tal-waqfien mill-ġlied tal-1994;

7.  Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi ta' medjazzjoni tal-Grupp ta' Minsk tal-OSCE, il-Prinċipji Bażiċi li jinsabu fid-Dokument ta' Madrid u d-dikjarazzjoni mill-pajjiżi tal-Kopresidenza tal-Grupp Minsk tal-OSCE li saret fl-10 ta' Lulju 2009 fil-marġini tas-Summit tal-G8 fl-L'Aquila; jistieden lill-komunità internazzjonali turi kuraġġ u rieda politika ħalli tassisti biex jingħelbu l-bqija tal-punti pendenti li qed ixekklu l-ilħiq ta' ftehim;

8.  Huwa mħassab ferm dwar il-fatt li l-mijiet ta' eluf ta' refuġjati u IDPs li ħarbu minn djarhom matul jew minħabba l-gwerra tan-Nagorno-Karabakh għadhom imxerrdin u mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, inkluż mid-dritt tar-ritorn, mid-drittijiet għall-proprjetà u mid-dritt għas-sigurtà personali; jistieden lill-partijiet kollha biex jirrikonoxxu dawn id-drittijiet mingħajr ambigwità u mingħajr kundizzjoniiet, il-ħtieġa li dawn jitwettqu minnufih u l-ħtieġa li malajr kemm jista' jkun tinstab soluzzjoni għal din il-problema li tkun tirrispetta l-prinċipji tal-liġi internazzjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-forzi Armeni jirtiraw minn kull territorju okkupat tal-Ażerbajġan u li jippermettu r-ritorn tal-popolazzjonijiet spostati lejn djarhom, u jitlob li l-forzi internazzjonali jkunu organizzati b'mod li jirrispetta l-Karta tan-NU sabiex jiġu pprovduti l-garanziji tas-sigurtà meħtieġa f'dan il-perjodu ta' tranżizzjoni, ħalli l-persuni spostati jkunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom u jiġu evitati iżjed kunflitti minħabba l-persuni bla dar; jistieden lill-awtoritajiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan u lill-mexxejja tal-komunitajiet rilevanti juru l-impenn tagħhom favur il-ħolqien ta' relazzjonijiet interetniċi paċifiċi permezz ta' tħejjijiet prattiċi għar-ritorn ta' persuni spostati u permezz ta' mezzi oħra; iqis li s-sitwazzjoni tal-IDPs u tar-refuġjati għandha tiġi ttrattata b'konformità mal-istandards internazzjonali, inkluż mar-Rakkomandazzjoni 1877 (2009) tal-PACE, ‘Il-persuni minsija tal-Ewropa: il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni li ilhom spostati’;

9.  Jenfasizza li sforzi reali huma meħtieġa biex iwittu t-triq għal paċi dejjiema; jitlob lill-awtoritajiet rilevanti kollha jevitaw politiki u retoriki provokattivi, dikjarazzjonijiet infjammatorji u manipulazzjonijiet tal-istorja; jistieden lill-mexxejja tal-Armenja u Ażerbajġan biex jaġixxu b'mod responsabbli, ikunu aktar diskreti fid-diskorsi u jippreparaw il-bażi, hekk li l-opinjoni pubblika taċċetta u tifhem sew il-benefiċċji ta' soluzzjoni komprensiva;

10. Jemmen li l-pożizzjoni li skontha n-Nagorno-Karabakh jinkludi l-artijiet okkupati kollha tal-Ażerbajġan li jinsabu madwar Nagorno-Karabakh għandha tiġi abbandunata malajr; jinnota li l-għoti ta' status temporanju għan-Nagorno-Karabakh jista' joffri soluzzjoni sakemm jiġi stabbilit l-istatus finali u li dan jista' joħloq qafas tranżitorju għall-koeżistenza paċifika u għall-koperazzjoni bejn il-popolazzjonijiet Armeni u Ażerbajġani fir-reġjun;

11. Jenfasizza li s-sigurtà għal kulħadd hija element indispensabbli għal kwalunkwe soluzzjoni; jirrikonoxxi l-importanza ta' arranġamenti adegwati għaż-żamma tal-paċi li jkunu konformi mal-istandards tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem li jinvolvu kemm aspetti militari u kemm aspetti ċivili; jistieden lill-Kunsill jesplora l-possibbiltà li jappoġġa l-proċess ta' paċi b'missjonijiet tal-Politika Komuni ta' Sigurtà u Difiża (PKSD), anke billi jibgħat missjoni kbira ta' monitoraġġ fil-post li tkun tista' tiffaċilita l-ħolqien ta' forza internazzjonali għaż-żamma tal-paċi, wara li tkun instabet soluzzjoni politika;

Ir-rapprochement bejn l-Armenja u t-Turkija

12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-protokolli dwar it-twaqqif u l-iżvilupp ta' relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Armenja u t-Turkija, li jinkludu l-ftuħ tal-fruntiera komuni; jistieden liż-żewġ naħat jaħtfu din l-opportunità biex itejbu r-relazzjonijiet tagħhom permezz tar-ratifika u tal-implimentazzjoni mingħajr kundizzjonijiet minn qabel u fi żmien raġonevoli; jenfasizza li r-rapprochement bejn l-Armenja u t-Turkija u n-negozjati tal-Grupp ta' Minsk tal-OSCE huma proċessi separati li għandhom jimxu ’l quddiem skont ir-razzjonal tagħhom stess; jinnota, madankollu, li progress f’wieħed miż-żewġ proċessi jista’ jkollu konsegwenzi wiesgħa u potenzjalment pożittivi ħafna fir-reġjun kollu;

Il-kunflitti fil-Ġeorġja

13. Jinsisti fuq l-appoġġ bla kundizzjoni tiegħu għall-integrità territorjali u l-invjolabilità tal-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tal-Ġeorġja , u jappoġġja l-isforzi kontinwi li saru mill-awtoritajiet Ġeorġjani biex tinkiseb soluzzjoni għall-kunflitti interni fl-Abkażja u fin-Nofsinhar tal-Ossezja; jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapport Tagliavini u jappoġġa l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet ewlenin tiegħu; jistenna li l-ħafna informazzjoni ġenerali provduta minn dan ir-Rapport tista’ tintuża għal proċeduri legali quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u minn ċittadini individwali rigward ksur tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB); jappoġġa l-mandat tal-Missjoni ta' Monitoraġġ (EUMM) tal-UE; jitlob estensjoni tagħha fit-tul u l-implimentazzjoni sħiħa tagħha; jinnota li r-Russja u l-awtoritajiet de facto tat-territorji okkupati, li jinsabu taħt il-kontroll effettiv tar-Russja, qed jibblukkaw l-implimentazzjoni tagħha;

14. Jinnota b'sodisfazzjon li l-komunità internazzjonali tirrifjuta b'mod kważi unanimu d-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tan-Nofsinhar tal-Ossezja u tal-Abkazja, u jistieden lill-partijiet jirrispettaw il-Ftehim tal-Waqfien mill-Ġlied tal-2008 u jiggarantixxu s-sikurezza u l-aċċess ħieles tal-persunal tal-EUMM fil-post, u jistieden lir-Russja tirrispetta l-impenn li ħadet biex tirtira t-truppi tagħha għall-pożizzjonijiet li kienu fiha qabel ma faqqgħet il-gwerra f'Awwissu 2008;

15. Jistieden lir-Russja tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Ġeorġja u l-invjolabilità tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, u għalhekk jikkundanna r-rikonoxximent mill-Federazzjoni Russa tal-indipendenza tar-reġjuni separatisti tal-Ġeorġja tan-Nofsinhar tal-Ossezja u tal-Abkazja bħala azzjoni li tmur kontra l-liġi internazzjonali; jinnota bi tħassib kbir il-ftehim li sar bejn il-Federazzjoni Russa u l-awtoritajiet de facto tal-Abkazja nhar is-17 ta’ Frar 2010 dwar it-twaqqif ta’ bażi militari Russa fl-Abkazja mingħajr il-kunsens tal-Gvern tal-Ġeorġja, u jinnota li ftehim bħal dak huwa kuntradittorju għall-Ftehimiet ta’ Waqfien mill-Ġlied tat-12 ta’ Awwissu u tat-8 ta’ Settembru 2008;

16. Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-persuni kollha li għadhom jgħixu f'dawn ir-reġjuni li sseparaw, tal-promozzjoni tar-rispett għad-dritt tal-Ġeorġjani etniċi li jirritornaw f'kundizzjonijiet sikuri u dinjitużi, li jieqaf il-proċess li jsiru passaporti b'mod sfurzat, tal-kisba ta' tnaqqis fil-fruntieri de facto magħluqa u tal-kisba tal-possibbiltà li l-UE u atturi internazzjonali oħrajn jgħinu lill-persuni li qegħdin f'dawn iż-żewġ reġjuni; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm objettivi għal żmien qasir u medju li jkunu identifikati b'mod iżjed ċar f'dan ir-rigward; jinkuraġġixxi lil Ġeorġja tkompli timplementa l-Pjan ta' Azzjoni tagħha għall-IDPs u tgħin lill-IDPs li jinsabu fit-t-territorju tagħha;

17. Jenfasizza l-bżonn li tiġi indirizzata d-dimensjoni tal-kunflitti bejn il-Ġeorġja u l-Abkazja u bejn il-Ġeorġja u l-Ossezja tan-Nofsinhar u li jiġi żgurat li d-drittijiet u l-interessi tal-popolazzjonijiet kollha involuti jkunu meqjusa ugwalment; jenfasizza l-fatt li l-iżolament tal-Abkazja u tan-Nofsinhar tal-Ossezja huwa kontraproduttiv għas-soluzzjoni tal-kunflitt, u jilqa' b'sodisfazzjon l-Istrateġija tal-Istat dwar it-teħid ta' impenn permezz tal-koperazzjoni li ġiet adottata fis-27 ta' Jannar 2010; jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jikkonsultaw mal-partijiet involuti kollha rigward it-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija; jenfasizza l-importanza ta’ miżuri għall-bini tal-kunfidenza u tal-kuntatti bejn il-popli involuti fil-kunflitt; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-UE tippromwovi proġetti ta' moviment ħieles flimkien ma' Linji Amministrattivi tal-Fruntiera bejn il-popli milquta;

18. Iqis l-importanza kbir tad-diskussjonijiet ta’ Ġinevra bħala l-uniku forum li fih in-naħat kollha involuti fil-kunflitt huma rappreżentati u fejn it-tliet atturi internazzjonali ewlenin – l-UE, l-OSCE u n-NU – jaħdmu b’koperazzjoni mill-qrib għas-sigurtà u l-istabilità tar-reġjun; jiddispjaċih li l-potenzjal ta' dan il-forum għadu ma tatx riżultati sostanzjali u li fuq il-linja tal-waqfien mill-ġlied għadhom għaddejjin l-inċidenti minkejja l-ilħuq tat-twaqqif tal-Mekkaniżmu għall-Prevenzjoni u r-Rispons għall-Inċidenti; jistieden lill-partijiet jieħdu vantaġġ bis-sħiħ mill-Mekkaniżmu u mill-potenzjal tiegħu sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni (VP/HR) biex tagħmel kull sforz possibbli ħalli tingħata spinta ġdida u friska lil dawn it-taħdidiet bil-ħsieb li tintlaħaq stabilizzazzjoni sodisfaċenti tas-sitwazzjoni u ħalli jiġi implimentat bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied ta’ Awwissu 2008;

Progress fit-triq tad-demokratizzazzjoni u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt

19. Jenfasizza li r-rispett għad-demokratizzazzjoni, għall-governanza tajba, għall-pluraliżmu politiku, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali huwa importanti ħafna sabiex jiġu determinati r-relazzjonijiet ġejjiena tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja mal-UE; jitlob li jsiru sforzi ġodda mill-pajjiżi biex jiġu implimentati bis-sħiħ il-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-ENP, u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tgħinhom f’dawn l-isforzi; huwa mħasseb bil-progress limitat li sar mill-pajjiżi tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu f’dan il-qasam, kif jidher fir-rapporti ta' progress tal-2009 tal-Kummissjoni u kif rifless fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa; jilqa’ b’sodisfazzjon il-bidu tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Ġeorġja u l-Armenja, u jistieden lill-Ażerbajġan u l-UE biex jiffinalizzaw id-diskussjonijiet dwar struttura ta’ koperazzjoni ekwivalenti;

20. Jenfasizza l-importanza li titkompla l-parteċipazzjoni f'riformi demokratiċi u tar-rwol essenzjali tad-djalogu u tal-koperazzjoni politiċi bħala fatturi kruċjali fl-iżvilupp ta' konsensus nazzjonali; jenfasizza l-importanza li jissaħħu istituzzjonijiet aktar indipendenti, trasparenti u aktar b’saħħithom demokratikament, inklużi l-indipendenza tal-ġudikatura, it-tisħiħ tal-kontroll parlamentari fuq l-eżekuttiv u l-iżgurar tal-bidla demokratika tal-poter, l-appoġġ u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-iżvilupp tal-kuntatti bejn il-popli fil-promozzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jinnota l-progress kajman fil-proċess tad-demokratizzazzjoni, minkejja l-impenji li saru;

21. Jinnota li l-korruzzjoni għadha mifruxa fir-reġjun u jistieden lill-awtoritajiet iżidu l-miżuri biex jissiltulha, peress li din thedded it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiżi kkonċernati; għandha tingħata iżjed attenzjoni lill-ġlieda kontra l-monopolji kif ukoll lill-ingaġġ tal-persunal fis-servizz pubbliċi; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar mill-Ġeorġja fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

22. Jinnota l-elezzjonijiet li saru dan l-aħħar fil-pajjiżi tar-reġjun; u jenfasizza l-importanza ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti li jsiru skont l-impenji u l-istandards internazzjonali u l-ħtieġa li dawn il-pajjiżi jagħmlu sforzi ulterjuri biex jadottaw u jimplimentaw riformi ħalli jilħqu dawn l-istandards, inkluż bil-ħsieb li jissaħħu l-mekkaniżmi tal-kontroll ta' wara l-elezzjoni u jkun żgurat li jkun hemm stħarriġ u responsabbilità xierqa fir-rigward ta' kull inċident vjolenti li jiġri wara l-elezzjoni; jenfasizza r-rwol tal-UE fl-għoti ta' għajnuna teknika u fl-iżgurar li jkun hemm monitoraġġ internazzjonali u indipendenti tal-elezzjonijiet; jikkonferma l-pożizzjoni li l-UE ma tirrikonoxxix il-qafas kostituzzjonali u legali li fih isiru l-elezzjonijiet fit-territorji mifrudin u jiddefendi d-drittijiet politiċi tal-persuni spostati;

23. Iqis li l-libertà tal-espressjoni hija dritt u prinċipju fundamentali u li r-rwol tal-midja huwa essenzjali, u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-midja tkun libera u indipendenti; huwa imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà tal-espressjoni u dwar in-nuqqas ta' pluraliżmu tal-midja fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, u jistieden lill-awtoritajiet biex jiżgurawhom it-tnejn; jiddeplora l-atti ta' fastidju u ta' intimidazzjoni li qed isru b'mod kontinwi fuq il-professjonisti tal-midja, u l-attakki, it-tortura u t-trattament ħażin tal-ġurnalisti; iqis li jeħtieġ li l-prinċipji u l-mekkaniżmi awto-regolatorji - li huma element importanti tal-libertà tal-kelma - ikunu mtejba u msaħħa minn korpi professjonali kompetenti;

- huwa mħasseb dwar l-attakki li saru fuq il-ġurnalisti fl-Armenja u b'mod partikulari dwar id-detenzjoni kontinwa tal-attivist u ġurnalist tal-oppożizzjoni Nikol Pashinian, minkejja l-amnestija tat-18 Ġunju 2009;

- għadu mħasseb dwar id-deterjorazzjoni tal-klima tal-midja fl-Ażerbajġan; filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjon il-maħfra Presidenzjali lil 99 priġunier li ngħatat fil-25 ta' Diċembru 2009, jikkundanna d-detenzjoni u l-għoti tas-sentenza lil żewġ attivisti u bloggejja żgħażagħ Emin Milli u Adnan Hajizade; għaldaqstant jitlob li huma jinħelsu;

- jistieden lill-awtoritajiet Ġeorġjani jiċċaraw is-sitwazzjoni rigward is-sjieda tal-midja u l-għoti tal-liċenzji tal-midja; jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Parlament Ġeorġjan biex jkabbar il-Bord tax-Xandir Pubbliku ħalli jinkludi aktar rappreżentanti tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili u jistenna li jara r-riżultati f'dan ir-rigward;

24. Huwa tal-fehma li għandha tkun iggarantita l-libertà tas-sħubija, peress li din hija essenzjali fl-iżvilupp ta' soċjetà libera, demokratika u vibranti; huwa jinnota bi tħassib id-diffikultajiet, diretti u indiretti, li qed tiffaċċja s-soċjetà ċivili biex torganizza ruħha, u jinsab imħasseb dwar l-adozzjoni ta' liġijiet u prattiki li b'mod indirett jistgħu jillimitaw il-libertà tas-sħubija, inkluż il-fastidju amministrattiv dwar kwistjonijiet fiskali; jenfasizza r-rwol importanti li għandha s-soċjetà ċivili fil-proċessi tad-demokratizzazzjoni, tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun;

25. Jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun biex jieħdu sehem b'mod attiv fil-ħidma tal-UE u l-Assemblea Parlamentari (EURONEST) u biex jużaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħha bħala qafas għall-iskambji multilaterali u bilaterali ta' fehmiet, kif ukoll għall-approsimazzjoni leġiżlattiva lejn l-istandards tal-UE u l-iskrutinju parlamentari fuq ir-riformi demokratiċi; f'dan ir-rigward jinnota li d-djalogu intensifikat bejn il-membri tal-parlament tal-pajjiżi fir-reġjun huwa fattur kruċjali; jittama li dan jista' joħloq qafas għal laqgħat bilaterali bejn il-membri tal-parlamenti tal-Armenja u l-Ażerbajġan sabiex jibdew djalogu parlamentari, fil-preżenza ta' membri tal-Parlament Ewropew; jappella lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE interessati u lill-Parlament Ewropew biex isaħħu l-koperazzjoni parlamentari mal-parlamenti tar-reġjun sabiex isaħħu r-rwol u l-kapaċitajiet tagġhom fit-tfassil tal-politika;

Il-kwistjonijiet ekonomiċi u l-iżvilupp soċjali

26. Huwa tal-fehma li koperazzjoni usa' f'livell reġjonali u mal-UE f'setturi bħall-ekonomija, it-trasport, l-enerġija u l-ambjent hija essenzjali biex dawn is-setturi jiżviluppaw bl-aqwa mod possibbli u biex tiġi żgurata l-istabilità fir-reġjun, iżda jemmen ukoll li l-koperazzjoni għandha tinkludi wkoll il-bini tal-kapital uman fir-reġjun kollu bħala investiment fit-tul; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-tliet pajjiżi qed jibbenefikaw mis-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi, tal-UE, u jinnota li dawn jikkwalifikaw kollha kemm huma għall-GSP+ għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba; jinnota li l-koperazzjoni reġjonali fl-oqsma tal-pulizija u tal-ġudikatura u l-istabbiliment ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri huma essenzjali biex issir iżjed promozzjoni tal-mobilità fir-reġjun u lejn l-UE; jikkundanna l-fatt li l-implimentazzjoni ta’ proġetti reġjonali bl-involvimrnt tat-tliet pajjiżi kollha għadha mxekkla bil-persistenza ta’ kunflitti mhux riżolti;

27. Jenfasizza l-importanza tal-bini ta' klima favorevoli għan-negozju u l-iżvilupp tas-settur privat; jinnota li t-tkabbir ekonomiku notevoli tal-Ażerbajġan huwa prinċipalment ibbażat fuq id-dħul miż-żejt u l-gass; jappoġġa l-proċess ta' riforma, li tagħmel l-ekonomija aktar attraenti għall-investituri barranin; jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jgħaġġlu n-negozjati dwar id-dħul f-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja aktar lill-Ażerbajġan f'dan il-proċess; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fir-riformi ekonomiċi fl-Armenja u fil-Ġeorġja; jinnota, madankollu, li l-iżvilupp ekonomiku tal-Armenja u tal-Ġeorġja ntlaqat mill-kriżi ekonomika globali, u jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li ħadet l-UE fl-aħħar tal-2009 li tingħata għajnuna makrofinanzjarja liż-żewġ pajjiżi;

28. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-infiq li qiegħed jiżdied b'rata mgħaġġla fuq il-militar u tad-difiża fil-Kawkasu t'Isfel u dwar l-akkumulazzjoni ta' ħażniet militari; jindika li din il-parti relevanti tal-baġits domestiċi taħli ammont kbir ta’ riżorsi finanzjarji li setgħu jintużaw għal kwistjonijiet aktar urġenti bħat-tnaqqis tal-faqar, is-sigurtà soċjali u l-iżvilupp ekonomiku; jappella, f’dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ma jħallux għajnuna makrofinanzjarja tal-UE tiffinanzja indirettament lejn it-tkabbir tal-militar fir-reġjun;

29. Jinnota l-pożizzjoni ġeopolitika strateġika tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u l-importanza dejjem tikber tagħha bħala kuridur ta' enerġija, trasport u komunikazzjoni li jgħaqqad ir-reġjun Kaspju u l-Asja Ċentrali mal-Ewropa; iqisha tal-akbar importanza, għalhekk, li l-koperazzjoni bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Kawkasu tingħata priorità għolja, mhux anqas f’materji relatati mal-enerġija; jenfasizza li r-rwol tat-tliet pajjiżi huwa essenzjali għat-tranżitu tar-riżorsi tal-enerġija, kif ukoll għad-diversifikazzjoni tal-provvista u r-rotot tal-enerġija tal-UE; f’dan id-dawl, ifakkar għal darb’oħra li l-Unjoni għandha tieħu passi konkreti biex tiżgura l-istabilità politika fir-reġjun; jilqa' b'sodisfazzjon il-volontà tal-Gvernijiet tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja biex ikomplu jagħtu sehem attiv fil-promozzjoni tal-provvista tal-enerġija bbażata fuq is-suq u tad-diversifikazzjoni tat-tranżitu fir-reġjun; jirrakkomanda bil-qawwi li l-pajjiżi involuti u l-Kummissjoni għandhom jinkludu lill-Armenja fi proġetti relevanti ta’ trasport u enerġija fir-reġjun;

30. Jirrikonoxxi s-sinifikat tar-reġjun għall-koperazzjoni fl-enerġija u sigurtà tal-enerġija tal-UE speċjalment fil-kuntest ta’ żvilupp tal-Kuridur tan-Nofsinhar (pipeline tan-Nabucco); jenfasizza l-importanza tal-approfondiment tas-sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan u jinnota l-valur kbir tar-riżorsi tal-enerġija l-Ażerbajġan u r-rwol essenzjali tagħhom fl-iżvilupp ekonomiku tagħha; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-benefiċċji li jittieħdu mill-isfruttament tar-riżorsi naturali jkunu mqassma b'mod ugwali u investiti fl-iżvilupp tal-pajjiż kollu, sabiex il-pajjiż ikun jista' jilqa' kontra l-konsegwenzi negattivi ta' tnaqqis eventwali fil-produzzjoni taż-żejt; jinnota li l-isħubija bejn ir-Russja u l-Ażerbajġan qiegħda tkompli tintensifika ruħha, b'mod partikulari fis-settur tal-enerġija, u f'dan il-kuntest jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Ażerbajġan li jiddiversifika l-ekonomija tiegħu; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fis-settur tal-enerġija f'dan ir-reġjun bħala rekwiżit ewlieni għall-fiduċja tal-investituri, u jfaħħar lill-Ażerbajġan għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-Inizjattivia ta' Trasparenza tal-Industriji Estrattivi;

31. Jirrikonoxxi r-rwol vitali tal-iżvilupp ta' infrastrutturi ġodda u ta' kurituri tat-trasport, proġetti li jgħaqqdu l-Baħar Kaspju mar-reġjuni tal-Baħar l-Iswed permezz tal-Kawkasu tan-Nofsinhar jew minnu, kif imsemmi wkoll fil-komunikazzjoni dwar ‘It-Tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija‘; f'dan il-kuntest, jappoġġa l-inizjattivi li ser jagħtu kontribut favur it-twaqqif ta' djalogu aktar b'saħħtu bejn il-produtturi u l-konsumaturi u l-pajjiżi ta' tranżitu, bi skambju ta' kompetenzi dwar sistemi regolatorji tal-enerġija u dwar is-sikurezza tal-leġiżlazzjonijiet fuq il-provvista kif ukoll bi skambju tal-aħjar prattiki, inklużi l-mekkaniżmi ta' trasparenza u solidarjetà u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' twissija bikrija dwar interruzzjonijiet fl-enerġija; jemmen li dan imur id f'id mal-konverġenza tal-oqfsa regolatorji, tal-integrazzjoni tas-suq u tar-reġim mhux diskriminatorju għall-infrastrutturi tat-trasmissjoni transkonfinali;

32. Jenfasizza l-importanza li ssir promozzjoni għal miżuri effiċjenti tal-enerġija, li jsir investiment fis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u li jiġi żgurat li jiġi ttrattat it-tħassib dwar l-ambjent; jirrikonoxxi li l-ġenerazzjoni tad-diversità fil-provvista hija vitali u tista' tinkiseb biss permezz ta' koperazzjoni msaħħa mal-istati ġirien; hu tal-fehma li ċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali għall-Kawkasu għandu jingħata fondi u jkun megħjun b’mod adegwat sabiex ikunu jistgħu jsiru wkoll proġetti transkonfinali li jkunu kredibbli; iqis li l-pjanijiet imħabbra mill-Ażerbajġan biex l-iżvilupp ta' sorsi alternattivi tal-enerġija jsir prijorità tal-gvern huma ta' min ifaħħarhom, u jinkuraġġixxi li jibqgħu jiġu segwiti għanijiet bħal dawn; jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Armenja biex tiddiżattiva l-impjant nukleari f'Medzamor, u jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Armenja biex isibu soluzzjonijiet alternattivi u vijabbli għall-provvista tal-enerġija, kif mitlub mill-UE; jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-gvern Ġeorġjan biex jiżviluppa settur tal-idroenerġija u jenfasizza l-bżonn ta' appoġġ mill-UE f’dan ir-rigward;

33. Iqis li l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u tad-djalogu soċjali permezz tal-involviment tal-atturi soċjali kollha, il-promozzjoni tal-ugwaljanzi bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tan-nisa, l-investiment fl-edukazzjoni u fis-saħħa, l-iżvilupp tal-kapital uman u l-iżgurar ta' livelli xierqa ta' għajxien huma essenzjali sabiex jinbnew soċjetajiet demokratiċi u vibranti; jinnota pożittivament l-adozzjoni mit-tliet pajjiżi tal-programmi rispettivi tagħhom dwar it-tnaqqis tal-faqar u jinkuraġġixxi l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom;

Lejn strateġija tal-UE

34. Jilqa' b'sodisfazzjon is-Sħubija tal-Lvant u jieħu nota tal-inizjattivi relatati li ġew attivati u tal-laqgħat li saru; jenfasizza li biex issir aktar kredibbli għandha tkun akkumpanjata bi proġetti konkreti u inċentivi adegwati; biħsiebu jkompli jiżviluppa d-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija;

35. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibilità provduta mis-Sħubija tal-Lvant li tqawwi r-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u tal-UE billi jiġu stabbiliti relazzjonijiet kuntrattwali ġodda fil-forma ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni; jenfasizza l-importanza ta’ kisbiet prinċipali u standards inkorporati biex jiġu inklużi fid-dokumenti tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni kurrenti; ifakkar li l-kundizzjonijiet biex jinbdew in-negozjati jridu jinkludu livell suffiċjenti ta’ demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna teknika fejn ikun hemm bżonn sabiex tgħin lill-pajjiżi jissodisfaw il-prekundizzjonijiet; jilqa’ b’sodisfazzjon, b’mod partikulari, il-Programm Komprensiv ta' Bini ta’ Istituzzjonijiet offrut mis-Sħubija tal-Lvant bħala għodda innovattiva, speċifikament maħsuba biex tgħin lill-pajjiżi jissodisfaw dawn il-prekundizzjonijiet; jinsisti li l-prerogattiva tal-Parlament Ewropew tkun infurmata minnufih u kollha kemm hi fl-istadji kollha tal-proċess tan-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, ukoll ladarba jkollha tagħti l-kunsens tagħha għall-konklużjoni tagħhom; jistenna li l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’Assoċjazzjoni mill-pajjiżi kollha tan-Nofsinhar tal-Kawkasu jgħaġġlu l-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika u koperazzjoni politika mal-UE;

36. Iqis li l-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP u l-implimentazzjoni tagħhom jikkostitwixxu bażi essenzjali għall-valutazzjoni tar-rispett għall-impenji u l-progress tar-relazzjonijiet bilaterali mal-UE u biex jiġi kkunsidrat it-titjib tar-relazzjonijiet kuntrattwali mal-pajjiżi kkonċernati; jinnota l-impenn tal-Armenja u tal-Ġeorġja favur l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni ENP, u jappella lill-Ażerbajġan biex jgħaġġel l-isforzi tiegħu f’dan ir-rigward; huwa tal-fehma li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut f'dan il-proċess; jinnota l-progress differenti magħmul mit-tliet pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP rispettivi; jemmen li n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni l-ġodda għandhom iqisu dawn id-differenzi u l-objettivi differenti kif ukoll id-dimensjoni reġjonali u li l-pajjiżi iridu jiġu trattati b’mod ugwali;

37. Hu tal-fehma li d-dimensjoni reġjonali tal-Istrateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu għandha tiġi msaħħa kif imiss; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, l-allokazzjoni ta’ aktar riżorsi finanzjarji għall-ENPI fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant għal programmi ta’ żvilupp reġjonali u koperazzjoni multilaterali; jappella lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi sett ta’ proġetti reġjonali u transkonfinali u programmi għat-tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu f’oqsma bħat-trasport, l-ambjent, il-kultura u s-soċjetà ċivili, sabiex tipprovdi inċentivi konkreti għal titjib tal-koperazzjoni u bini tal-fiduċja bejn il-partijiet;

38. Ifakkar li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu huma wkoll parti mill-inizjattiva tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-imsieħba billi trawwem il-koperazzjoni reġjonali f'ċerti zoni, anke permezz ta' programmi transkonfinali; jenfasizza l-importanza li għandu r-reġjun tal-Baħar l-Iswed għall-UE, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u speċjalment lill-Viċipresident tal-Kummissjoni/Rappreżentat Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni, biex jiżviluppaw ideat u strateġiji għal koperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed u għat-tkabbir ta’ kuntatti mal-Unjoni Ewropea; minħabba dan, jirrakkomanda t-twaqqif ta’ struttura istituzzjonalizzata li tieħu s-sura ta’ Unjoni tal-Baħar l-Iswed;

39. Isostni li l-pożizzjonijiet tar-Russja, tat-Turkija u tal-Istati Uniti għandhom rwol importanti fis-soluzzjoni tal-kunflitt fin-Nofsinhar tal-Kawkasu; jirrimarka li l-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant mhux maħsub biex jiżola lir-Russja iżda, għall-kuntrarju, għandu l-ħsieb li jġib il-paċi, l-istabilità u l-progress ekonomiku sostenibbli lill-partijiet kollha konċernati, b’benefiċċji għar-reġjun kollu u għall-pajjiżi ġirien;

Kwistjonijiet ta' sigurtà u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti

40. Jemmen li l-għoti ta' appoġġ favur il-proċessi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti huwa kruċjali, u jemmen ukoll li l-UE tinsab f'pożizzjoni tajba biex tappoġġa l-bini tal-fiduċja, ir-rikostruzzjoni u r-rijabilitazzjoni u li għandha l-possibilità li tgħin lill-komunitajiet milquta biex jinvolu ruħhom; f’dan ir-rigward, il-ħolqien ta’ spazji għal impenn ċiviku mhux biss bejn il-mexxejja iżda wkoll bejn l-organizzazzjonijiet ċiviċi huwa tal-akbar importanza; barra minn dan, iqis li huwa essenzjali li jinżamm livell għoli ta' attenzjoni internazzjonali fuq il-kunflitti fir-reġjun biex jiġi żgurat li dawn jinħallu malajr; jirrikonoxxi li l-koperazzjoni reġjonali hija kundizzjoni meħtieġa għall-bini ta’ fiduċja u għat-tisħiħ tas-sigurtà skond il-prijoritajiet tal-ENP; jappella lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fid-direzzjoni tas-Sħubija tal-Lvant lejn koperazzjoni multilaterali mingħajr ma jorbtuha mas-soluzzjoni finali tal-kunflitti;

41. Jenfasizza l-potenzjal perikoluż għal tixrid ta’ kunflitti staġnati fir-reġjun; f’dan il-kuntest, jirrakkomanda t-tlaqqigħ ta’ Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fin-Nofsinhar tal-Kawkasu, li tħaddan il-pajjiżi konċernati u l-atturi relevanti reġjonali u globali, bil-ħsieb li jiġi żviluppat Patt ta’ Stabilità għan-Nofsinhar tal-Kawkasu;

42. Jieħu nota tal-involviment attwali tal-UE fil-proċessi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti fir-reġjun, u jemmen li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona jiġġustifika rwol aktar prominenti għall-UE; jappoġġja bis-sħiħ ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE (EUSR) għan-Nofsinhar tal-Kawkasu, is-Sur Peter Semneby; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Missjoni ta' Monitoraġġ (EUMM) fil-Ġeorġja u jistieden lill-UE biex tieħu azzjoni iżjed b'saħħitha ħalli tikkonvinċi lir-Russja u lill-awtoritajiet de facto rilevanti biex ma jkomplux jimblokkaw id-dħul tal-EUMM fin-Nofsinhar tal-Ossezja u fl-Abkazja; iqis li l-UE issa għandha l-opportunità li tappoġġa s-soluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, u jenfasizza l-importanza tal-kontribut tal-UE f'dan ir-rigward; għalhekk iqis li huwa inevitabbli li jiġi aġġornat ir-rwol tal-UE fil-Grupp Minsk permezz tat-twaqqif ta' mandat tal-UE għall-President Konġunt Franċiż tal-Grupp Minsk; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li tiġi provduta għajnuna u assistenza umanitarja lill-popolazzjoni tar-reġjun tan-Nagorno-Karabakh kif ukoll lill-IDPs u lir-refuġjati li ħarbu mir-reġjun; jitlob lill-Kummissjoni u lill-EUSR Semneby jikkunsidraw jestendu l-istess tip ta’ għajnuna u tixrid ta’ informazzjoni lin-Nagorno-Karabakh bħal ma sar fl-Abkazja u f’Ossezja;

43. Jitlob lill-Viċipresident tal-Kummissjoni/Rappreżentat Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni biex isegwi mill-qrib l-iżviluppi fir-reġjun u biex ikun involut b'mod attiv fil-proċessi tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jirrikonoxxi l-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali għan-Nofsinhar tal-Kawkasu u jesprimi t-tama li r-Rappreżentant Għoli ser tiżgura l-kontinwità u l-konsistenza tagħha; jinkuraġġixxi lill-Kunsill biex jikkunsidra l-possibilità tal-użu ta' għodod mill-PSDK biex iżid il-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċessi tat-tisħiħ tal-paċi u tal-ġestjoni tal-kunflitti;

44. Jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibilità li tagħti appoġġ finanzjarju u tekniku sostanzjali sabiex tappoġġa miżuri li jibnu l-fiduċja u li jippromwovu l-fiduċja bejn u fost il-popolazzjonijiet, u biex tieħu sehem fir-rijabilitazzjoni u fir-rikostruzzjoni tar-reġjuni milquta mill-kunflitti, permezz ta' proġetti li jiġġeneraw id-dħul u ta' proġetti relatati mal-integrazzjoni soċjoekonomika tal-IDPs u r-ripatrijati u permezz tar-rijabilitazzjoni tad-djar u tal-isforzi favur id-djalogu u l-medjazzjoni, u jistedinha wkoll telabora u tappoġġa proġetti tas-soċjetà ċivili li jkollhom l-għan li jmexxu 'l quddiem ir-rikonċiljazzjoni u l-kuntatti bejn il-popolazzjonijiet lokali u l-individwi;

Id-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt

45. Jappoġġja l-finanzjament u l-assistenza mill-UE għar-reġjun biex tippromwovi dawn il-prinċipji u l-proċessi, u jqis li din l-assistenza mill-UE għandha tingħata fil-qafas tal-kundizzjonalità politika, bħar-riforma tal-ġudikatura u l-progress fil-proċessi tad-demokratizzazzjoni; iwissi kontra l-possibilità li l-gvernijiet jużaw ħażin il-kunflitti biex jaljenaw l-interess tal-komunità internazzjonali mill-kwistjonijiet domestiċi;

46. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li jkunu rrispettati l-impenji inklużi f'pakketti ta' kundizzjonalità politika, bħall-impenn speċifiku mill-Gvern Ġeorġjan li jagħti spinta ġdida lir-riformi demokratiċi inklużi fl-assistenza fl-UE ta' wara l-kunflitt li dwarha sar ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Ġeorġja f'Jannar 2009, u sabiex b'mod regolari tressaq rapporti dwar il-progress lill-Parlament Ewropew;

47. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE lill-Armenja; jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibilità ta’ aktar assistenza finanzjarja fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża l-assistenza fin-negozjar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni l-ġdid mal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tistħarreġ il-possibilità li toffri assistenza maħsuba apposta lill-Ażerbajġan u lill-Ġeorġja wkoll;

48. Huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-drittijiet tal-minoranzi u tal-gruppi vulnerabbli, u jinkuraġġixxi lill-Armenja, lill-Ażerbajġan u lill-Ġeorġja jimplimentaw programmi ta’ edukazzjoni pubblika fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-valuri tat-tolleranza, tal-pluraliżmu u tad-diversità, inkluż ir-rispett lejn il-minoranzi sesswali u lejn gruppi oħra li huma emarġinati u stigmatizzati;

49. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward ir-rifjut ta’ Eutelsat li jxandar is-servizz tax-xandir pubbliku Ġeorġjan bil-lingwa Russa billi dan ir-rifjut jidher li hu motivat politikament; jindika li dan ir-rifjut iħalli de facto monopolju fit-trażmissjoni bis-satellita fuq udjenza reġjonali li titkellem bir-Russu lill-Intersputnik u lill-klijent prinċipali tiegħu, Gazprom Media Group; jenfasizza li hu importanti ħafna li f’soċjetà demokratika u pluralistika x-xandir ta’ midja indipendenti ma jiġix imfixkel;

50. Jirrikonoxxi r-rwol potenzjali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Isħubija tal-Lvant bħala l-ispazju fejn jitrawwem l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina u jissaħħu l-għeruq tiegħu fl-istati tar-reġjun, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Forum jirċievi biżżejjed appoġġ finanzjarju u tekniku; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-finanzjament ta' proġetti tas-soċjetà ċivili u tar-rwol li għandhom id-Delegazzjonijiet tal-UE fir-reġjun fl-għażla tagħhom, u dwar l-importanza li jista' jkollhom dawn il-proġetti fil-promozzjoni ta' kuntatti f'livell reġjonali;

Il-koperazzjoni ekonomika u l-iżvilupp soċjali

51. Iqis li l-UE għandha tkompli tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment fir-reġjun u li politika ta’ kummerċ hija fattur fundamentali għall-istabilità politika u għall-iżvilupp ekonomiku u li jwassal għal tnaqqis fil-faqar fin-Nofsinhar tal-Kawkasu; jemmen li f'dan ir-rigward, in-negozjar u u t-twaqqif ta' Zona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva għandha sehem importanti ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi possibbli biex tgħin lill-pajjiżi fir-reġjun fit-tħejjija, fin-negozjar u fl-implimentazzjoni tagħhom fil-ġejjieni, anke fiż-żamma tal-impenji li jirriżultaw mill-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles profondi u komprensivi (DCFTAs), u jistedinha wkoll tipprovdi fi żmien xieraq evalwazzjoni komprensiva tal-impatt soċjali u ambjentali ta’ dawn il-ftehimiet; aktar minn hekk, jinkuraġġixxi lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu biex iqisu li jistabbilixxu zona ta’ kummerċ ħieles bejniethom;

52. Jenfasizza l-qagħda ġeopolitika tal-Armenja, tal-Ġeorġja u tal-Ażerbajġan fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, tat-Turkija bħala pajjiż kandidat tal-UE, u tar-Russja u tal-Iran; iqis li l-kummerċ huwa wieħed mill-komponenti ewlenin tal-politika ġenerali tal-UE li trawwem l-istabilità politika, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, it-tkabbir sostenibbli u l-prosperità, u huwa tal-fehma li d-dimensjoni reġjonali tal-Istrateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu teħtieġ approċċ reġjonali fir-rigward tan-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali; jappella lill-Kummissjoni biex tidentifika l-oqsma komuni ta’ interess ekonomiku li jistgħu jegħlbu d-diverġenzi, jiffaċilitaw id-djalogu u jippromwovu l-koperazzjoni reġjonali; jappella biex ikun hemm iżjed impenn u involviment mill-UE favur il-kisba tal-integrazzjoni fir-reġjun, ġaladarba l-Komunità issa għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward tal-politika kummerċjali;

53. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-istudji ta’ fattibilità għall-Ġeorġja u l-Armenja ta’ Mejju 2008, li wrew li d-DCFTAs iġibu benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għal dawk il-pajjiżi u għall-UE, u b’hekk jippermettu lill-Kummissjoni tidħol f’fażi preparatorja għal negozjati ġejjiena dwar id-DCFTAs; jinkuraġġixxi lill-Ġeorġja, lill-Armenja u lill-Ażerbajġan sabiex itejbu l-progress tagħhom bil-għan li jirrispettaw il-Pjanijiet ta’ Azzjoni ENP rispettivi tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-aktar fir-rigward tat-titjib tal-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali tagħhom u tal-implimentazzjoni tar-riformi regolatorji (speċjalment fir-rigward tal-livelli baxxi ħafna ta’ ħarsien tal-proprjetà intellettwali fit-tliet pajjiżi), li huwa wieħed mill-prekundizzjonijiet għall-implimentazzjoni effettiva, u għas-sostenn tal-effetti ta’ dawn l-FTAs ambizzjużi; jemmen li l-konklużjoni ta’ FTAs mal-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan tista’ twassal mhux biss għal tkabbir ekonomiku, iżda tista’ wkoll iżżid l-investiment barrani, toħloq impjiegi ġodda u teqred il-faqar;

54. Ifakkar li s-sigurtà fl-enerġija hija tħassib komuni; għalhekk iħeġġeġ lill-UE tagħti appoġġ aktar b'saħħtu lill-proġetti tal-enerġija fir-reġjun f'konformità mal-istandards Ewropej, inklużi proġetti li jmexxu ’l quddiem l-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija alternattiva, biex tikkopera iżjed fil-kwistjonijiet tal-enerġija u biex taħdem bis-sħiħ ħalli malajr kemm jista' jkun jitlesta l-kuridur tal-enerġija tan-nofsinhar, inkluż il-linja ta' pajpijiet Nabukko; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-proġetti tal-enerġija u tat-trasport fin-Nofsinhar tal-Kawkasu jrawmu relazzjonijiet bejn it-tliet pajjiżi u biex taċċerta li dawn ma jikkawżawx l-esklużjoni ta' ċerti komunitajiet; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-Inizjattiva Baku u l-programmi korrispondenti tagħha li jappoġġjawha, jiġifieri l-INOGATE u t-TRACECA;

55. Jenfasizza li l-istabilità politika hija essenzjali għall-forniment affidabbli u bla interruzzjonijiet ta' riżorsi ta' enerġija sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet xierqa għal żvilupp infrastrutturali; f'dan ir-rigward, ifakkar li l-kuritur doppju tal-enerġija ffurmat mil-linja ta' pajpijiet Baku-Tbilisi-Ceyhan (BTC) u l-Baku-Tbilisi-Erzerum (BTE) irawwem it-tqarrib bejn l-UE u r-reġjun Kaspju; jitlob li jerġgħu jitħeġġu l-ftehimiet bilaterali eżistenti jew tal-Memoranda ta' Ftehim li kienu ġew konklużi mat-tliet pajjiżi taln-Nofsinhar tal-Kawkasu fil-qasam tal-enerġija, bl-inklużjoni ta' 'klawsola ta' sigurtà tal-enerġija' li tistabbilixxi kodiċi ta' mġiba u miżuri speċifiċi fil-każ ta' interruzzjoni fil-provvista tal-enerġija; iqis li l-provvista tal-enerġija u tad-dispożizzjonijiet ta' tranżitu għandhom ikunu komponent fin-negozjar ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni wiesgħa ma' dawk il-pajjiżi;

56. Itenni l-importanza tal-kuntatti interpersonali u tal-programmi ta' mobilità, speċjalment ta' dawk maħsuba għaż-żgħażagħ, u tal-programmi ta’ ġemellaġġi ma’ reġjuni tal-UE u komunitajiet lokali li għandhomminoritajiet nazzjonali li qed jesperjenzaw livell għoli ta’ awtonomija; jemmen li hemm bżonn ta' żjieda kbira fin-numru ta’ studenti, għalliema u riċerkaturi li jipparteċipaw fi programmi ta’ mobilità; jilqa’ b’sodisfazzjon l-iffirmar tal-ftehimiet mal-Ġeorġja dwar il-faċilitar tal-viżi u tar-riammissjoni u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu progress lejn l-iffaċilitar tal-viżi u ftehimiet ta’ riammissjoni mal-Armenja u l-Ażerbajġan;

57. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-UE tiżviluppa strateġija għan-Nofsinhar tal-Kawkasu, minħabba l-importanza tar-reġjun għall-UE u r-rwol potenzjali li għandha l-UE fit-trawwim ulterjuri tal-iżvilupp tar-reġjun u fis-soluzzjoni tal-kunflitti tiegħu;

*

*            *

58. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni, tal-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja.

  • [1]  ĠU C 282E, 6.11.2008, p. 443
  • [2]  ĠU C 41E, 19.2.2009, p. 53
  • [3]  ĠU C 41E, 19.2.2009, p.64.
  • [4]  Testi Adottati, P7_TA(2009)0120
  • [5]  ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 26.
  • [6]  ĠU C 285E, 26.11.2009, p. 7
  • [7]  ĠU C 66E, 20.03.2009, p. 67

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (18.3.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-ħtieġa ta’ Strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu
(2009/2216(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Metin Kazak

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-qagħda ġeopolitika tal-Armenja, il-Ġeorġja u l-Ażerbajġan fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, tat-Turkija bħala pajjiż kandidat tal-UE, u tar-Russja u l-Iran, u għaldaqstant iqis li huwa tal-ogħla importanza li l-kooperazzjoni man-Nofsinhar tal-Kawkasu tingħata prijorità għolja, speċjalment fir-rigward tas-soluzzjoni tal-konflitti ffriżati, mhux l-anqas fi kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp ekonomiku u kummerċjali tar-reġjun, mas-sigurtà tal-enerġija, mal-istabilità politika u mal-promozzjoni tad-demokrazija u tal-governanza tajba;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika l-oqsma komuni ta’ interess ekonomiku li jistgħu jegħlbu d-diverġenzi, jiffaċilitaw id-djalogu u jippromwovu l-koperazzjoni reġjonali;

3.  Iqis li l-kummerċ huwa wieħed mill-komponenti importanti tal-politika ġenerali tal-UE li trawwem l-istabilità politika, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, it-tkabbir sostenibbli u l-prosperità fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, b’mod ġenerali, u fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, b’mod partikulari;

4.  Huwa tal-fehma li d-dimensjoni reġjonali tal-Istrateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu tirrikjedi approċċ reġjonali għan-negozjati dwar ftehimiet ta’ kummerċ;

5.  Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-istudji ta’ fattibilità għall-Ġeorġja u l-Armenja f’Mejju 2008, li wrew li l-ftehimiet wesgħin u komprensivi ta’ kummerċ ħieles (DCFTAs) iġibu benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għal dawk il-pajjiżi u għall-UE, u b’hekk jippermettu lill-Kummissjoni li tidħol f’fażi preparatorja għal negozjati futuri dwar id-DCFTAs; jistieden lill-Ażerbajġan sabiex jikkonkludi l-adeżjoni tiegħu mad-WTO mill-aktar fis possibbli, minħabba li s-sħubija mad-WTO hija prekundizzjoni sabiex jiġu kkunsidrati n-negozjati tal-FTA; jappella lill-Kummissjoni biex tagħti lill-Ażerbajġan l-għajnuna teknika biex jikkonkludi l-adeżjoni tiegħu mad-WTO; jinkuraġġixxi lill-Ġeorġja, lill-Armenja u lill-Ażerbajġan sabiex itejbu l-progress tagħhom bil-għan li jirrispettaw il-Pjanijiet ta’ Azzjoni ENP rispettivi tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-aktar fir-rigward tat-titjib tal-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali tagħhom u tal-implimentazzjoni tar-riformi regolatorji (speċjalment fir-rigward tal-livelli baxxi ħafna ta’ ħarsien tal-proprjetà intellettwali fit-tliet pajjiżi), li huwa wieħed mill-prekundizzjonijiet għall-implimentazzjoni effettiva, u għas-sostenn tal-effetti ta’ dawn l-FTAs ambizzjużi;

6.  Jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja, permezz ta’ miżuri adegwati ta’ għajnuna teknika, it-tisħiħ tas-sistema finanzjarja u bankarja fl-istati tan-Nofsinhar tal-Kawkasu sabiex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-ambjent tan-negozju u tal-investituri;‑{}‑

7.  Iqis li l-konklużjoni fil-ġejjieni ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u l-konklużjoni eventwali possibbli ta’ DCFTAs ma’ kull wieħed minn dawn il-pajjiżi jkun l-ewwel pass lejn l-inkoraġġiment għat-twaqqif ta’ netwerk ta’ tip simili ta’ FTAs bejn dawn il-pajjiżi, biex b’hekk jiġu stabbiliti żoni wesgħin u komprensivi ta’ kummerċ ħieles fost il-pajjiżi involuti, bil-għan li tittejjeb l-integrazzjoni reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja u ssaħħaħ l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-koperazzjoni transkonfinali sabiex issaħħaħ il-koperazzjoni billi jiġi stabbilit il-qafas leġiżlattiv li jippermetti dan;

8.  Jemmen li l-konklużjoni ta’ FTAs mal-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan tista’ twassal mhux biss għal tkabbir ekonomiku, iżda tista’ wkoll iżżid l-investiment barrani, toħloq impjiegi ġodda u teqred il-faqar;

9.  Jilqa’ l-isforzi ta’ diversi organizzazzjonijiet ta’ kooperazzjoni reġjonali, b’mod partikulari l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed (BSEC), li l-għan tagħha huwa l-integrazzjoni akbar tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu; jappella għal involviment akbar tal-UE bil-għan li jkun hemm integrazzjoni fir-reġjun, ladarba l-Komunità issa għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward tal-politika tal-kummerċ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, William (The Earl of ) Dartmouth, Joe Higgins, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Salvatore Iacolino, Libor Rouček, Michael Theurer, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume

ANNESS

                                               EUROPEAN PARLIAMENT

KUMITAT GĦALL-INDUSTRIJA, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA

Il-President

Is-Sur Gabriele Albertini

President tal-Kumitat

għall-Affarijiet Barranin

Ref.: D(2009)70478

HC/ac

Brussell,

Strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu

Għażiż President,

Bħalissa l-Kumitat tiegħek qed iħejji rapport mhux leġislattiv fuq inizjattiva proprja dwar "Strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu" (2009/2216 (INI)).

Minħabba l-implikazzjonijiet tal-enerġija ta' dan id-dossier, fl-24/11/2009 l-kumitat ITRE ressaq talba lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati biex tagħti opinjoni, li ġiet awtorizzata mill-Konferenza tal-Presidenti fis-17/12/2009.

Il-Koordinaturi tal-Kumitat ITRE, minħabba l-iskeda stretta taż-żmien, iddeċieda li ma jfassalx opinjoni formali dwar l-abbozz tar-rapport minħabba n-nuqqas ta' ħin u l-ammont kbir ta' xogħol li kien hemm fil-kumitat matul Jannar 2010 bl-organizzazzjoni tas-seduti tal- Kummissarji nnominati.

Il-koordinaturi, madankollu, fil-laqgħa tagħhom tat-2 ta' Diċembru 2009, iddeċidew li jagħtu opinjoni bil-miktub.

Għaldaqstant nistiednek tqis is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħek:

1 - jinnota l-importanza strateġika tan-Nofsinhar tal-Kawkasu - il-Ġeorġja, l-Armenja, l-Ażerbajġan - bħala zona ewlenija ta' trażmissjoni għad-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista enerġetika fl-UE, li tipprovdi l-kuritur għat-tranżitu tal-baċir Kaspju u taż-żejt tal-Asja Ċentrali u r-riżorsi tal-gass; sa ċertu punt, jinnota l-kontribut potenzjali sinifikanti tal-iżvilupp taz-zona tal-gass Azeri Shah Deniz-Fażi II fil-perjodu 2015, u l-proġetti ta' pajpijiet li jikkompetu għal din ir-riżorsa;

2 - jenfasizza r-rwol tal-pajpijiet taż-żejt u tal-gass eżistenti, jiġifieri l-pajpijiet taż-żejt mhux maħdum Baku-Supsa u Baku-Tbilissi-Ceyhan (BTC) u tal-pajp tal-gass naturali tan-Nofsinhar tal-Kawkasu (Baku-Tbilissi-Erzerum, BTE) fit-titjib tad-diversità fl-għażliet tal-provvista mill-Ażerbajġan, mill-Kazakhstan, mit-Turkmenistan u mill-Uzbekistan;

3 - jirrikonoxxi r-rwol vitali tal-iżvilupp ta' infrastrutturi u kurituri tat-trasport ġodda, li jiddiversifikaw fornituri u rotot bħan-Nabukko, il-pajp tal-gass Trans-Kaspju (TCP), l-Interkonnettur Turkija-Greċja-Italja (TGI), il-White Stream, l-INOGATE (Gass Interstatali u t-Trasport taż-Żejt lejn l-Ewropa) u t-TRACECA (Il-Kuridur tat-Trasport Ewropa-Kawkasu-Ażja), li huma proġetti li jgħaqqdu l-Baħar Kaspju u r-reġjuni tal-baħar l-Iswed permezz tan-Nofsinhar tal-Kawkasu jew minnu, kif imsemmi wkoll fil-komunikazzjoni dwar "It-Tieni Reviżjoni Strateġika dwar l-Enerġija";

4 - jenfasizza li l-fiduċja tal-investituri tiddependi fuq governanza trasparenti u koerenti, it-trasparenza tad-data dwar ir-riżerv taż-żejt u ital-gass, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-infrastrutturi tat-trasport, kif ukoll fuq l-istabilità politika ġenerali f'dan ir-reġjun; huwa mħasseb li r-riskju politiku fin-Nofsinhar tal-Kawkasu li rriżulta mill-kunflitt fil-Ġeorġja fl-2008 żied id-diffikultà u l-ispiża tal-proġetti infrastrutturali fir-reġjun;

5 - jenfasizza li l-istabilità politika hija essenzjali għall-forniment affidabbli u bla interruzzjonijiet tar-riżorsi tal-enerġija sabiex ikun żgurat li jkun hemm il-kundizzjonijiet xierqa għal żvilupp infrastrutturali; f'dan ir-rigward, ifakkar li l-kuritur doppju tal-enerġija ffurmat mill-pajpijiet BTC u BTE jrawwem it-tqarrib bejn l-UE u r-reġjun Kaspju;

6 - ifakkar f'dan il-kuntest dwar l-inklużjoni tan-Nofsinhar tal-Kawkasu fil-Politika Ewropea tal-Viċinat f'Ġunju 2004, u jilqa' b'sodisfazzjon b'mod partikulari l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar in-Nofsinhar tal-Kawkasu, jerġa' jafferma l-prinċipji tad-dikjarazzjoni konġunta tal-summit ta' Praga tas-7 ta' Mejju 2009 li waqqfet "Sħubija tal-Lvant" (EaP) - li inkludiet lit-tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu - bħala dimensjoni tal-Lvant speċifika tal-politika Ewropea tal-Viċinat;

7 - jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu favur il-proposta li titwaqqaf Assemblea Parlamentari bejn l-UE-Viċinat tal-Lvant (EuroNest) bħala l-awtorità mfassla biex tkun l-istituzzjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant; iqis li hemm rwol reali x'jintlagħab mill-Parlament Ewropew fil-promozzjoni jew fl-ivvalidar tal-orjentazzjonijiet mogħtija f'termini tal-armonizzazzjoni tal-politika enerġetika tal-pajjiżi sħab.

8 - jinkuraġġixxi l-koperazzjoni multilaterali li ser ikun hemm fil-Pjattaforma SLv 3 dwar "Is-Sigurtà tal-Enerġija" bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u tal-imsieħba fir-rigward tal-provvista tal-enerġija u t-tranżitu fuq żmien twil; u jaderixxi mal-erba' 'objettivi ewlenin' adottati fil-qasam tal-mekkaniżmi tas-solidarjetà s-sigurtà fl-enerġija, tal-iżvilupp tal-infrastruttura, tal-interkonnessjonijiet u d-diversifikazzjoni tal-provvista, tal-promozzjoni ta' iżjed effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' riżorsi li jiġġeddu, qafas regolatorju;

9 - f'dan il-kuntest, jappoġġa l-inizjattivi li ser jagħtu kontribut favur it-twaqqif ta' djalogu aktar b'saħħtu bejn il-produtturi u l-konsumaturi u l-pajjiżi ta' tranżitu, bi skambju ta' kompetenzi dwar sistemi regolatorji tal-enerġija u dwar is-sigurtà tal-leġiżlazzjonijiet fuq il-provvista kif ukoll bi skambju tal-aħjar prattiki, inklużi l-mekkaniżmi ta' trasparenza u solidarjetà u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' twissija bikrija dwar interruzzjonijiet fl-enerġija; jemmen li dan imur id f'id mal-konverġenza tal-oqfsa regolatorji, tal-integrazzjoni tas-suq u tar-reġim mhux diskriminatorju għall-infrastrutturi tat-trasmissjoni transkonfinali;

10 - jinkuraġġixxi l-koperazzjoni reġjonali fl-iżviluppi tas-suq tal-enerġija, u jilqa' b'sodisfazzjon il-kumplimentarjetajiet tas-Sħubija tal-Lvant ma' inizjattivi oħrajn li qed jittieħdu bħalissa taħt il-programm INOGATE b'appoġġ għall-Inizjattiva Baku u taħt is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed; jirrimarka li s-sinerġiji ma' programmi reġjonali jistgħu jiġu segwiti taħt l-Inizjattiva Flagship dwar il-promozzjoni ta' swieq reġjonali tal-elettriku, tat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u ta' iżjed użu ta' riżorsi li jiġġeddu, u billi jiġi żviluppat approċċ konkret biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni (TSOs) u l-awtoritajiet regolatorji u billi jiġi żgurat proċess qawwi ta' armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-aċċess tan-network kif ukoll regoli kumpatibbli għat-trażmissjoni u t-tranżitu;

11 - jikkunsidra li l-attivitajiet li jsiru taħt l-"Inizjattiva Flagship dwar id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u tar-rottot ta' tranżitu" li jipprovdu appoġġ politiku għall-iżvilupp ta' kuridur tan-Nofsinhar jistgħu jibbenefikaw b'mod reċiproku mill-ippjanar fit-tul immexxi taħt il-pjan Ewropew ta' 10 snin għall-iżvilupp tan-netwerk u mill-proċess kontinwu tar-reviżjoni tal-linji gwida tan-Network Enerġetiku Trans-Ewropew (TEN-E), fl-identifikazzjoni ta' interkonnessjonijiet xierqa u ta' proġetti infrastrutturali;

12 - jitlob li jsir tixtil tal-ftehimiet bilaterali eżistenti jew tal-Memorandum ta' Fehim li kienu ġew konklużi mat-tliet pajjiżi taln-Nofsinhar tal-Kawkasu fil-qasam tal-enerġija, bl-inklużjoni ta' 'klawsola ta' sigurtà tal-enerġija' li tistabbilixxi kodiċi ta' mġiba u miżuri speċifiċi fil-każ ta' interruzzjoni fil-provvista tal-enerġija; iqis li l-provvista tal-enerġija u tad-dispożizzjonijiet ta' tranżitu għandhom ikunu komponent fin-negozjati ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni wiesgħa ma' dawk il-pajjiżi;

Nittama li dan il-mod li użajna biex nesprimu l-opinjoni tal-Kumitat ITRE jiffaċilita l-adozzjoni tar-rapport finali tiegħek.

Dejjem tiegħek,

Herbert Reul

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.4.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Elmar Brok, Mário David, Marietta Giannakou, Anna Ibrisagic, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, Andreas Mölzer, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Adrian Severin, Marek Siwiec, Ernst Strasser, Hannes Swoboda, Charles Tannock, Inese Vaidere, Kristian Vigenin

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Adam Bielan, Diogo Feio, Elisabeth Jeggle, Metin Kazak, Evgeni Kirilov, Norbert Neuser, Tomasz Piotr Poręba, Vittorio Prodi, Marietje Schaake, György Schöpflin, Traian Ungureanu

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marije Cornelissen, Franziska Keller, Marek Henryk Migalski, Michail Tremopoulos