RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (tfassil mill-ġdid)

    28.4.2010 - (05386/3/2010 – C7‑0095/2010 – 2008/0223(COD)) - ***II

    Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
    Rapporteur: Silvia-Adriana Ţicău

    Proċedura : 2008/0223(COD)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0124/2010

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (tfassil mill-ġdid)

    (05386/3/2010 – C7‑0095/2010 – 2008/0223(COD))

    (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05386/3/2010 – C7 0095/2010),

    –   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0780),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 175(1) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0413/2008),

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Il-Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari dwar l-adozzjoni ta’ proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (riformulazzjoni) (COM(2010)0165),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) u l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    –   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwl qari[1],

    –   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

    –   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0124/2010),

    1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill;

    2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

    3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju-Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

    NOTA SPJEGATTIVA

    L-importanza tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

    L-UE impenjat ruħha fl-2008 li tnaqqas b'20% l-konsum tal-enerġija sal-2020 u li 20% tal-enerġija utilizzata tiġi minn sorsi li jiġġeddu. Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jżid b'20% l-effiċjenza enerġetika sal-2020.

    Is-settur tal-bini kien identifikat mill-UE fost is-swieq bl-ogħla potenzjal ta' ffrankar fl-enerġija. Is-settur tal-bini hu responsabbli għal 40% tal-konsum enerġetiku u għal 35% tal-emissjonijiet totali. Is-settur residenzjali, b'sehem ta' 26% mill-konsum enerġetiku totali, għandu aktar potenzjal għal titjib mis-settur tal-bini kummerċjali. It-titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-bini huwa l-aktar mod effikaċi biex jonqos b'20% l-konsum enerġetiku u l-emissjonijiet fis-setturi li mhumiex fl-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS).

    Il-medja tal-iffrankar tal-enerġija f'bini li hu effiċjenti fl-enerġija hi ta' 30% aktar milli f'bini konvenzjonali. Barra minn hekk, il-bini li hu effiċjenti fl-użu tal-enerġija jaħli anqas ilma u joffri kontijiet iktar baxxi f'dawk li huma spejjeż ta' manutenzjoni u tal-użu.

    Id-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini se jkollha impatt sinifikanti fuq il-ħajja taċ-ċittadin Ewropew, billi se tħalli effett dirett fuq il-bini li joqogħdu fih u li jutilizzaw. Barra minn hekk, l-investimenti fit-titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija li tiġġedded se joħolqu miljuni ta' impjiegi u se jikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE.

    Il-proposta tal-Kummissjoni għat-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 2002/91/KE (EPBD)

    Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet fit-13 ta' Novembru 2008 proposta leġiżlattiva għat-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 2002/91/KE dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv dwar l-effiċjenza enerġetika.

    Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-Ewwel Qari

    Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni għat-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva (EPBD) tat-22 ta' April 2009 u maġġoranza kbira (549 vot favur, 51 kontra u 26 astensjoni) appoġġat it-titjib fil-prestazzjoni enerġetika tal-bini.

    It-tibdiliet ewlenin introdotti mill-Parlament Ewropew kienu:

    § Anness ġdid b'lista tal-prinċipji għal metodoloġija komuni dwar il-kalkolu tal-livelli tal-ispiża ottimali;

    § Dati ta' skadenza ċari biex il-bini ġdid kollu jkun tal-inqas ta' konsum nett ta' enerġija żero (sal-31 ta' Diċembru 2016). L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miri għall-persentaġġ minimu ta' bini li, sal-2015 u sal-2020 rispettivament, għandu jkun b'konsum nett ta' enerġija żero;

    § Rikonoxximent reċiproku għal min jiċċertifika l-prestazzjoni enerġetika tal-bini u għall-ispetturi tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata;

    § Konsultazzjoni tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali;

    § Linji gwida komuni li jispeċifikaw l-istandards minimi għall-kontenut u l-preżentazzjoni taċ-ċertifikati tal-prestazzjoni enerġetika;

    § L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jieħdu rwol ewlieni u għandhom jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tal-prestazzjoni enerġetika maħruġ għall-bini okkupat minnhom;

    § Rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni enerġetika għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward ta' komponenti tal-bini u ta' sistemi tekniċi ta' bini li jiġu installati u jibdew joperaw fil-bini;

    § Miters intelliġenti għandhom jiġu installati fil-bini ġdid kollu u fil-bini kollu li jiġġedded fil-biċċa l-kbira tiegħu;

    § Inċentivi Finanzjarji u Ostakli tas-Suq: l-Istati Membri għandhom, sat-30 ta' Ġunju 2011, ifasslu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, inklużi miżuri proposti, sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva bit-tnaqqis tal-ostakli legali u tas-suq eżistenti u bl-iżvilupp tal-istrumenti finanzjarji u fiskali eżistenti u ta' oħrajn ġodda biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika fil-bini ġdid u eżistenti;

    § Sal-2011, għandha tiġi żviluppata skema ta' ċertifikazzjoni volontarja komuni tal-UE għall-prestazzjoni enerġetika ta' bini mhux residenzjali u sal-2012, l-Istati Membri għandhom jintroduċuha f'pajjiżhom biex tiffunzjona flimkien mal-iskema ta' ċertifikazzjoni nazzjonali;

    § Dispożizzjonijiet ġodda dwar l-ispezzjoni ta' sistemi tal-arja kkundizzjonata, l-esperti indipendenti u t-taħriġ;

    § Sal-2010, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi websajt, li għandu jkun fiha ċerta informazzjoni, inkluża l-aħħar verżjoni ta' kull Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza Enerġetika.

    It-Tieni Qari tal-Parlament Ewropew

    Fid-19 ta' Novembru 2009, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE waslu għal ftehim politiku dwar l-aspetti tekniċi tal-proposta leġiżlattiva. Id-deċiżjonijiet ewlenin kienu:

    § Artikolu separat dwar kwistjonijiet ta' finanzjament (Artikolu 10) – li jinkludi l-proposti sat-30 ta' Ġunju 2011 – u l-premessi 18, 19 u 20 dwar l-istrumenti u l-programmi eżistenti. Barra minn hekk, l-artikoli dwar iċ-ċertifikati (11(4)) u l-"bini b'konsum ta' kważi enerġija żero" (9(3)) jinkludu dispożizzjonijiet finanzjarji. (Dawn l-artikoli huma kkomplementati mid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni);

    § "Bini b'konsum ta' kważi enerġija żero" – sal-31 ta' Diċembru 2020 il-bini ġdid kollu għandu jkollu konsum ta' kważi enerġija żero, u din l-iskadenza għandha tasal sentejn qabel għas-settur pubbliku, biex dan jagħti l-eżempju; il-politika dwar il-"bini b'konsum ta' kważi enerġija żero" issa għandha miri ambizzjużi u fissi, kif ukoll pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali li jinkludu miżuri ta' appoġġ (Artikolu 9);

    § Meta bini jiġġedded fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-prestazzjoni enerġetika tal-bini jew tal-parti mġedda tiegħu għandha tissodisfa r-rekwiżiti minimi ta' prestazzjoni enerġetika, billi dawn ikunu vijabbli teknikament, funzjonalment u ekonomikament. Ir-rekwiżiti minimi ta' prestazzjoni enerġetika għandhom japplikaw ukoll għas-sistemi tekniċi tal-bini u għall-elementi tal-bini li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-prestazzjoni enerġetika tal-qoxra tal-bini meta dawn jiġġeddu jew jinbidlu (Artikoli 7 u 8);

    § It-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva lil hinn minn tiġdid kbir: ir-rekwiżiti għall-komponenti u l-unitajiet ta' bini issa jinsabu fl-Artikolu 7;

    § Dispożizzjonijiet ewlenin ġodda dwar iċ-ċertifikati: rekwiżiti komprensivi dwar l-informazzjoni, fosthom il-possibilitajiet ta' finanzjament, li għandhom ikunu pprovduti maċ-ċertifikat (Artikolu 11(4)); is-settur pubbliku għandu jiġi mħeġġeġ jieħu rwol ewlieni bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tal-prestazzjoni fil-qasam tal-enerġija fil-perjodu ta' validità (Artikolu 11(5)); l-iskema ta' ċertifikazzjoni volontarja komuni tal-UE għal bini mhux residenzjali (Artikolu 11(9)); dispożizzjonijiet marbuta mal-ħruġ u l-wiri ta' ċertifikati dwar il-prestazzjoni enerġetika (Artikoli 10 u 11); ir-rekwiżit ta' indikatur tal-prestazzjoni enerġetika taċ-ċertifikat dwar il-prestazzjoni enerġetika ta' bini jew ta' unità ta' bini f'avviżi ta' bejgħ jew ta' kiri (Artikolu 12(4));

    § Aktar informazzjoni u trasparenza dwar l-akkreditament tal-esperti, it-taħriġ, l-istrumenti finanzjarji, l-informazzjoni għas-sidien u l-kerrejja, aktar informazzjoni dwar iċ-ċertifikati (Artikoli 17 u 20);

    § Anqas piż amministrattiv rigward l-ispezzjonijiet;

    § Konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u appoġġ lill-awtoritajiet pubbliċi fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet; artikolu ġdid dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali (Artikolu 21) u dispożizzjonijiet ġodda dwar gwida għall-pjanifikaturi u l-periti lokali tal-bini biex jikkunsidraw l-aħjar taħlita ta' titjib fl-effiċjenza enerġitika, l-użu ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-użu ta' tisħin u tkessiħ distrettwali fl-ippjanar, it-tfassil u t-tiġdid ta' żoni industrijali jew residenzjali (premessa 28);

    § Għandhom jitqiesu aktar elementi li jiġġeddu għal bini ġdid (Artikolu 6);

    § Rwol iktar b'saħħtu tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali (Artikolu 9(4)) u fir-rapporti tal-ispezzjonijiet (Artikolu 15(4));

    § L-introduzzjoni ta' sistemi ta' miters intelliġenti u ta' sistemi attivi ta' kontroll, bħal sistemi ta' awtomatizzazzjoni, kontroll u monitoraġġ bl-għan li tiġi ffrankata l-enerġija (Artikolu 8);

    § L-ebda metodoloġija komuni, iżda, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sat-30 ta' Ġunju 2011 qafas komparattiv ta' metodoloġija għall-kalkolu tal-livell ta' spejjeż ottimali tar-rekwiżiti minimi ta' prestazzjoni enerġetika (Artikolu 5 u Anness III);

    § Klawsola ta' reviżjoni: ir-reviżjoni tad-Direttiva għandha ssir sal-1 ta' Jannar 2017.

    Madankollu, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona kien jeħtieġ xi adattamenti l-aktar dwar il-bażi legali u l-atti ddelegati (il-proċedura qadima tal-komitoloġija). Id-dispożizzjonijiet ikkonċernati huma relatati mal-eżerċizzju tad-delega (Artikolu 23) u tul ta' 5 snin tad-delega għall-emenda tal-Anness I (Qafas ġenerali komuni għall-kalkolu tal-prestazzjoni enerġetika tal-bini) li tiġġedded awtomatikament għal perjodu identiku sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokahiex, ir-revoka tad-delega (Artikolu 24), u l-oġġezzjonijiet għal atti ddelegati (Artikolu 25) sa xahrejn mid-data tan-notifika.

    Darba tiġi adottata u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, l-Istati Membri jkollhom sentejn żmien biex jittrasponu d-direttiva l-ġdida fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

    Konklużjonijiet

    Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill hi bbażata fuq il-ftehim milħuq f'Novembru 2009 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

    PROĊEDURA

    Titolu

    Ir-rendiment enerġetiku tal-bini (Verżjoni rriformulata)

    Referenzi

    05386/3/2010 – C7-0095/2010 – 2008/0223(COD)

    Data tal-1 qari tal-PE - Numru P

    23.4.2009                     T6-0278/2009

    Proposta tal-Kummissjoni

    COM(2008)0780 - C6-0413/2008

    Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja tal-wasla tal-pożizzjoni komuni

    19.4.2010

    Kumitat responsabbli

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    ITRE

    19.4.2010

    Rapporteur(s)

           Data tal-ħatra

    Silvia-Adriana Ţicău

    21.7.2009

     

     

    Data tal-adozzjoni

    28.4.2010

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    53

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Christian Ehler, Lena Ek, Ioan Enciu, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Sajjad Karim, Arturs Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Niki Tzavela, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Antonio Cancian, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Oriol Junqueras Vies, Ivailo Kalfin, Alajos Mészáros, Ivari Padar, Vladko Todorov Panayotov, Markus Pieper, Vladimír Remek, Frédérique Ries, Theodoros Skylakakis, Silvia-Adriana Ţicău, Hermann Winkler

    Data tat-tressiq

    28.4.2010