ABBOZZ TA’ RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

29.4.2010 - (COM(2010)0015 – C7-0040/2010 – 2010/0006(NLE) - *

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Carlos Coelho


Proċedura : 2010/0006(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0127/2010

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

(COM(2010)0015 – C7-0040/2010 – 2010/0006(NLE)

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM (2010)0015),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 74 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0040/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7–0127/2010),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Minkejja l-fatt li l-Kunsill qed jittratta s-SIS 1+RE bħala pjan ta’ kontinġenza fil-każ ta’ falliment tas-SIS II, il-Parlament Ewropew, bħala koleġiżlatur dwar l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (Regolament (KE) Nru 1987/2006[1]) u bħala awtorità baġitarja, jirriserva d-dritt tiegħu li jżomm fir-riserva l-fondi li jridu jiġu allokati għall-iżvilupp tas-SIS II fil-baġit annwali tal-2011, sabiex jiżgura li jsiru skrutinju parlamentari sħiħ u superviżjoni kompleta tal-proċess.

3.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 293(2) tat-TFUE;

4.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Il-prekundizzjonijiet għall-migrazzjoni mhumiex se jiġu ssodisfati sat-30 ta' Ġunju 2010. Sabiex l-SIS II tkun tista' ssir operattiva kif mitlub mir-Regolament (KE) 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, ir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI għandhom għalhekk ikomplu japplikaw sakemm tkun tlestiet il-migrazzjoni.

(3) Il-prekundizzjonijiet għall-migrazzjoni mhumiex se jiġu ssodisfati sat-30 ta' Ġunju 2010. Sabiex l-SIS II tkun tista' ssir operattiva kif mitlub mir-Regolament (KE) 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, ir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI għandhom għalhekk ikomplu japplikaw sakemm tkun tlestiet il-migrazzjoni. Fil-każ li l-proġett attwali SIS II ifalli, wara t-testijiet, għandha titfassal soluzzjoni teknika alternattiva u l-implikazzjonijiet finanzjarji sħaħ tagħha għandhom jiġu żvelati lill-partijiet kollha kkonċernati.

Emenda  2

Proposta għal regolament - att li jemenda

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jikkoperaw mill-qrib matul il-passi kollha tal-migrazzjoni sabiex il-proċess ikun jista' jitlesta. Għandu jitwaqqaf grupp ta' esperti sabiex iwieżen l-istruttura organizzattiva preżenti.

(4) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jikkoperaw mill-qrib matul il-passi kollha tal-migrazzjoni sabiex il-proċess ikun jista' jitlesta. Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-SIS II ta' bejn is-26 u s-27 ta' Frar 2009 u ta' bejn l-4 u l-5 ta' Ġunju 2009, ġie stabbilit korp informali li jikkonsisti f'esperti mill-Istati Membri u msejjaħ Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm sabiex itejjeb il-koperazzjoni u jipprovdi appoġġ dirett mill-Istati Membri għall-SIS II Ċentrali. Għalhekk għandu jitwaqqaf b'mod formali, skont dan ir-Regolament, grupp ta' esperti, imsejjaħ il-Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm (GPMB), sabiex iwieżen l-istruttura organizzattiva preżenti. Biex jiġu żgurati l-effiċjenza u l-effikaċja mil-lat tal-ispejjeż, il-membri tal-GPMB għandhom jinħatru fuq bażi permanenti u n-numru tagħhom għandu jkun limitat.

Ġustifikazzjoni

Huwa importanti li l-bażi legali tifformalizza l-GPMB. Il-mandat tiegħu għandu jkun ċar u, biex tinkiseb effiċjenza u effikaċja mil-lat tal-ispejjeż, għandu jkun grupp permanenti ta' esperti f'għadd limitat.

Emenda  3

Proposta għal regolament - att li jemenda

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Pjan tekniku ta' kontinġenza għall-kisba tal-funzjonalitajiet tal-SIS II għandu jkun previst. Id-deskrizzjoni tal-komponenti tekniċi tal-arkitettura tal-migrazzjoni għaldaqstant għandha tiġi adattata sabiex tagħmel possibbli soluzzjoni teknika oħra dwar l-iżvilupp tal-SIS II Ċentrali.

(6) Huwa neċessarju li jiġi adattat il-qafas legali biex tkun tista' ssir il-migrazzjoni għal soluzzjoni teknika alternattiva possibbli jekk it-testijiet juru li l-SIS II ma tistax tkun implimentata b’suċċess. Id-deskrizzjoni tal-komponenti tekniċi tal-arkitettura tal-migrazzjoni għandha tiġi adattata sabiex tagħmel possibbli soluzzjoni teknika oħra dwar l-iżvilupp tal-SIS II Ċentrali. Kwalunkwe soluzzjoni teknika alternattiva għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar teknoloġija disponibbli u għandha tkun effikaċi mil-lat tal-ispejjeż u tiġi implimentata skont skeda preċiża u raġonevoli. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta fi żmien xieraq valutazzjoni baġitarja bir-reqqa tal-ispejjeż assoċjati ma’ din is-soluzzjoni teknika alternattiva. Għandu jingħad b'mod ċar li l-qafas legali stabbilit mid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI japplika għal kull soluzzjoni, irrispettivament min-natura teknika tagħha.

 

.

Emenda  4

Proposta għal regolament - att li jemenda

Premessa 16 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(16a) Billi l-Parlament Ewropew huwa responsabbli bħala koleġiżlatur għat-twaqqif, l-operazzjoni u l-użu tal-SIS II kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006, u billi l-migrazzjoni hija ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni, li għalih il-Parlament Ewropew huwa wkoll koresponsabbli, il-Parlament Ewropew għandu jkun integrat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-migrazzjoni. Għandha tkun rikjesta opinjoni favorevoli mill-Parlament Ewropew, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tat-test, qabel ma tidħol fis-seħħ Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen ġdida.

Ġustifikazzjoni

Kwistjonijiet marbutin mal-SIS II jiġu deċiżi b'kodeċiżjoni, u dan ilu jsir mill-1 ta' Jannar 2005. Il-proċess ta’ migrazzjoni huwa ffinanzjat mill-baġit tal-UE, li għalih il-Parlament huwa koresponsabbli. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-migrazzjoni ma għandhomx aktar jittieħdu mill-Kummissjoni u jew mill-Kunsill u jitħalla barra l-Parlament, imma l-Parlament għandu jkun integrat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Emenda  5

Proposta għal regolament - att li jemenda

Artikolu 1 – punt -1 (ġdid)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 1 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1) L-Artikolu 1(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

 

"1. Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen (SIS I+), stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, għandha tiġi sostitwita b'sistema ġdida, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen II (SIS II) jew kwalunkwe soluzzjoni teknika alternattiva li tkun ibbażata fuq l-aqwa teknoloġija disponibbli u tkun raġonevoli f'termini ta' skedi ta' żmien ċari għall-implimentazzjoni tagħha u ta' effikaċja mil-lat tal-ispejjeż. L-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema l-ġdida huma rregolati bid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI."

Ġustifikazzjoni

Fil-każ li t-testijiet attwali tal-SIS II ifallu, tkun opzjoni realistika li tiġi kkunsidrata bidla għal xenarju alternattiv. It-test legali preżenti għandu jieħu dan f’kunsiderazzjoni. Meta jitqiesu l-esperjenzi bl-iżvilupp tal-SIS II s’issa, għandu jkun iċċarat li huma biss is-soluzzjonijiet li huma effiċjenti mil-lat tal-ispejjeż u bi skandezi ċari li huma aċċettabbli. Id-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI tipprevedi qafas legali globali, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tad-data. Dan il-qafas għandu japplika dejjem u għal kull soluzzjoni teknika.

Emenda  6

Proposta għal regolament - att li jemenda

Artikolu 1 – punt -1 a (ġdid)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 1 - paragrafu 1 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1a) Fl-Artikolu 1, qed jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

 

"1a. Jekk il-proġett attwali tas-SIS II ma jitkompliex u tiġi implimentata soluzzjoni teknika alternattiva, ir-referenzi għas-SIS II f’din id-Deċiżjoni għandhom jinqraw bħala referenzi għal dik is-soluzzjoni teknika alternattiva.”

Ġustifikazzjoni

Ir-reviżjoni preżenti tal-istrumenti tal-migrazzjoni għandhom jikkunsidraw il-fatt li l-SIS II għadha ma ġietx ittestjata b'suċċess u li l-Kunsill żamm l-SIS I+ RE bħala pjan ta' kontinġenza sa ma t-testijiet iddefiniti fil-milestones ikunu saru. F'każ li ma jirnexxux it-testijiet milestone ippjanati, għandha kemm jista' jkun malajr tkun possibbli bidla għal soluzzjoni alternattiva, mingħajr ebda dewmien ikkawżat minn reviżjoni oħra tal-qafas legali. Għalhekk, il-proposta preżenti għandha tagħti lit-test legali biżżejjed flessibilità biex japplika għal kull soluzzjoni teknika, mhux biss għall-SIS II.

Emenda  7

Proposta għal regolament - att li jemenda

Artikolu 1 – punt 3

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 11 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jemigraw mill-N.SIS għall-N.SIS II billi jużaw l-arkitettura temporanju għall-migrazzjoni, bl-appoġġ ta’ Franza u tal-Kummissjoni.

2. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jemigraw mill-N.SIS għall-N.SIS II billi jużaw l-arkitettura temporanja għall-migrazzjoni, bl-appoġġ ta’ Franza u tal-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011. Jekk tiġi implimentata soluzzjoni teknika alternattiva kif imsemmi fl-Artikolu 11(6), dik id-data tista’ titbiddel skont il-proċedura definita fl-Artikolu 17(2).

Ġustifikazzjoni

Il-leġiżlazzjoni attwali stabbiliet it-30 ta' Settembru 2009 bħala d-data għat-tlestija tal-migrazzjoni, bil-possibilità ta' estensjoni, permezz tal-komitoloġija, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2010. Il-Kummissjoni għamlet użu minn dan u estendiet id-data sat-30 ta’ Ġunju 2010. Il-klawsola ta’ estinzjoni għandha tinżamm. Id-data l-ġdida għandha tkun konformi mat-tbassir kurrenti li l-SIS II se tibda titħaddem sal-aħħar tal-2011. Il-Kummissjoni għandu jkollha mill-ġdid ċertu flessibilità biex tkun tista' testendi d-data permezz tal-komitoloġija, biex tkopri n-neċessità eventwali li tgħaddi mill-SIS II għal xenarju alternattiv f'każ li t-testijiet ifallu.

Emenda  8

Proposta għal regolament - att li jemenda

Artikolu 1 – punt 3 a (ġdid)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 11 - paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a) L-Artikolu 11(5) qed jinbidel b'dan li ġej:

 

"5. Il-konverżjoni prevista fil-proċess ta’ migrazzjoni għandha titwettaq wara l-validazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(7), u wara li l-Parlament ikun ta opinjoni favorevoli fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar ir-riżultati tat-testijiet mogħtija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 71(4) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

Ġustifikazzjoni

Kwistjonijiet marbutin mal-SIS II jiġu deċiżi b'kodeċiżjoni, u dan ilu jsir mill-1 ta' Jannar 2005. Il-proċess ta’ migrazzjoni huwa ffinanzjat mill-baġit tal-UE, li għalih il-Parlament huwa koresponsabbli. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-migrazzjoni ma għandhomx aktar jittieħdu mill-Kummissjoni u/jew mill-Kunsill u jitħalla barra l-Parlament, imma l-Parlament għandu jkun integrat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Emenda  9

Proposta għal regolament - att li jemenda

Artikolu 1 – punt 3 b (ġdid)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 11 – paragrafu 6 (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3b) Fl-Artikolu 11, qed jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

 

"6. L-iżvilupp tal-SIS II jista’ jinkiseb bl-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni teknika alternattiva.”

Ġustifikazzjoni

.L-Artikolu 11, li jiddeskrivi l-fażijiet differenti tal-migrazzjoni vera u proprja, għandu jkun fih referenza għal xenarju alternattiv possibbli, f'każ li l-proġett SIS II ma jkollu l-ebda suċċess.

Emenda  10

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 3c (ġdid)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 14 – paragrafu 6 (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3c) Fl-Artikolu 14, qed jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

 

"1a. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u timplimenta pakkett b'miżuri addizzjonali sabiex ma jitħalla ebda ħruġ tal-informazzjoni tad-data personali mill-bażi tad-data u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali matul il-perjodu kollu tal-ittestjar u l-migrazzjoni mill-SIS I għas-Sistema ta' Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)."

Emenda  11

Proposta għal regolament - att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 17a – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Bla ħsara għar-responsabbiltajiet u l-attivitajiet rispettivi tal-Kummissjoni, Franza, u l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-SIS 1+, grupp ta' esperti tekniċi, imsejjaħ il-“Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm” (minn hawn 'il quddiem il-“GPMB”), huwa b'dan imwaqqaf. Il-GPMB għandu jipprovdi forum għall-koordinazzjoni tal-proġetti ċentrali u nazzjonali tal-SIS II.

1. Bla ħsara għar-responsabbiltajiet u l-attivitajiet rispettivi tal-Kummissjoni, Franza, u l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-SIS 1+, grupp ta' esperti tekniċi, imsejjaħ il-“Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm” (minn hawn 'il quddiem il-“GPMB”), huwa b'dan imwaqqaf. Il-GPMB għandu jipprovdi forum għall-iżvilupp tal-SIS II Ċentrali. Dan għandu jiffaċilita l-konsistenza u jipprovdi koordinazzjoni tal-proġetti ċentrali u nazzjonali tal-SIS II.

Ġustifikazzjoni

Il-mandat tal-GPMB għandu jkun definit b’mod aktar ċar, biex ikun jista’ jikkontribwixxi attivament għall-ġestjoni tal-iżvilupp tal-SIS tat-tieni ġenerazzjoni u tal-proċess tal-migrazzjoni.

Emenda  12

Proposta għal regolament - att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 17a – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Il-GPMB għandu jikkonsisti minn massimu ta' 10 esperti. Massimu ta' tmien esperti u numru ugwali ta' sostituti għandhom jiġu nnominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. Żewġ esperti u żewġ sostituti għandhom jiġu nnominati mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni minn fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni. L-uffiċjali l-oħra tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-GPMB.

2. Il-GPMB għandu jikkonsisti minn massimu ta' 10 membri, li għandhom ikunu kkwalifikati biex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-iżvilupp tal-SIS II u li għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari. Massimu ta' tmien membri u numru ugwali ta' sostituti għandhom jiġu nnominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. Massimu ta' żewġ membri u żewġ sostituti għandhom jiġu nnominati mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni minn fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni. Membri interessati jew persunal rilevanti tal-Parlament Ewropew, esperti mill-Istati Membri u uffiċjali tal-Kummissjoni involuti direttament fl-iżvilupp tal-proġetti tal-SIS II jistgħu jattendu l-laqgħat tal-GPMB bil-kundizzjoni li l-ispejjeż involuti jitħallsu mill-amministrazzjoni jew l-istituzzjoni rispettiva tagħhom. Il-GPMB jista' jistieden esperti oħrajn biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-GPMB kif definit fit-termini ta' referenza, bil-kundizzjoni li l-ispejjeż involuti jitħallsu mill-amministrazzjoni, l-istituzzjoni jew il-kumpanija rispettiva tagħhom.

Emenda  13

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 17 a – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5. Il-GPMB għandu jistabbilixxi t-termini ta' referenza tiegħu stess. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ wara li tingħata opinjoni favorevoli mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni.

5. Il-GPMB għandu jistabbilixxi t-termini ta' referenza tiegħu stess. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ wara li tingħata opinjoni favorevoli mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni. It-termini ta’ referenza tal-GPMB għandhom jinkludu rekwiżit li jiġu ppubblikati rapporti regolari u li dawn ir-rapporti jkunu disponibbli għall-Parlament Ewropew sabiex ikun żgurat li jkun hemm skrutinju u sorveljanza parlamentari sħaħ.

Emenda  14

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 17 a – paragrafu 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6. Bla ħsara għall-Artikolu 15(2), l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-GPMB għandhom jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, safejn dawn ma jkunux irrimborsati minn sorsi oħra. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-esperti fil-GPMB nnominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill u esperti mistiedna skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li jirriżultaw f'konnessjoni mal-ħidma tal-GPMB, ir-'Regoli dwar ir-rimbors tal-ispejjeż li jsiru minn persuni minn barra l-Kummissjoni mistiedna sabiex jattendu laqgħat f'kapaċità ta' esperti' tal-Kummissjoni għandhom japplikaw.

6. Bla ħsara għall-Artikolu 15(2), l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-GPMB għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, safejn dawn ma jkunux irrimborsati minn sorsi oħra. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-esperti fil-GPMB nnominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill u esperti mistiedna skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li jirriżultaw f'konnessjoni mal-ħidma tal-GPMB, ir-'Regoli dwar ir-rimbors tal-ispejjeż li jsiru minn persuni minn barra l-Kummissjoni mistiedna sabiex jattendu laqgħat f'kapaċità ta' esperti' tal-Kummissjoni għandhom japplikaw. L-approprjazzjonijiet neċessarji sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mil-laqgħat tal-GPMB se jiġu mill-approprjazzjonijiet li bħalissa huma previsti fl-Ipprogrammar Finanzjarju 2010-2013 għas-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II).

Emenda  15

Proposta għal regolament - att li jemenda

Artikolu 1 – punt 5

Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI

Artikolu 19

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tiskadi fid-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skont l-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni Nru 533/2007/ĠAI.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiskadi fid-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skont l-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni Nru 2007/533/ĠAI, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013.

Ġustifikazzjoni

Il-leġiżlazzjoni attwali stabbiliet it-30 ta' Settembru 2009 bħala d-data għat-tlestija tal-migrazzjoni, bil-possibilità ta' estensjoni, permezz tal-komitoloġija, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2010. Il-Kummissjoni għamlet użu minn dan u estendiet id-data sat-30 ta’ Ġunju 2010. Il-klawsola ta’ estinzjoni għandha tinżamm. Id-data l-ġdida għandha tkun konformi mat-tbassir kurrenti li l-SIS II se tibda titħaddem sal-aħħar tal-2011. Il-Kummissjoni għandu jkollha mill-ġdid ċertu flessibilità biex tkun tista' testendi d-data permezz tal-komitoloġija, biex tkopri n-neċessità eventwali li tgħaddi mill-SIS II għal xenarju alternattiv f'każ li t-testijiet ifallu.

  • [1]  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

NOTA SPJEGATTIVA

Daħla

Id-dispożizzjonijiet dwar it-twaqqif, it-tħaddim u l-użu tal-SIS II ġew miftehmin fl-2006 mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew permezz tal-kodeċiżjoni, fl-ewwel qari, bil-għan li jiġi evitat aktar dewmien.

Huwa previst li dawn l-istrumenti legali se jibdew japplikaw għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-SIS I+ minn dawk id-dati biss li jridu jiġu stabbiliti mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi bl-unaninimità tal-Membri tiegħu li jirrappreżentaw lill-gvernijiet tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-SIS I+. Qabel ma dan ikun jista' jseħħ u s-sistema tibda tiffunzjona, din tal-aħħar trid tkun ittestjata b'mod sħiħ, biex ikun ivvalutat jekk l-SIS II tistax taħdem f'konformità mar-rekwiżiti tekniċi u funzjonali bħalma huma s-solidità, id-disponibilità u l-prestazzjoni.

Ladarba jkunu kompletati b'suċċess it-testijiet kollha tal-SIS II, nistgħu ngħaddu għall-fażi li jmiss: il-migrazzjoni tal-utenti tal-SIS I+ għall-ambjent tal-SIS II, bil-passaġġ ikun previst għall-istess data għall-Istati Membri kollha - migrazzjoni f’darba.

Il-pjan inizjali kien jipprevedi l-migrazzjoni ta' ħmistax-il Stat Membru (l-għadd ta’ pajjiżi dak iż-żmien), matul proċess li kellu jieħu xi tmien siegħat. B’xorti ħażina, bid-dewmien kollu u l-fatt li n-numru ta’ pajjiżi parteċipanti kważi rdoppja, il-proċess tal-migrazzjoni sar ferm aktar kumpless, diffiċli u twil f'dak li għandu x'jaqsam maż-żmien meħtieġ biex jiġi llowdjat in-netwerk.

Bil-għan li jiġu pprovduti l-istrumenti neċessarji biex ikun jista' jiġi trattat ir-riskju għoli ta’ interruzzjoni tas-servizz matul it-tranżizzjoni komuni, fl-2008 ġew approvati żewġ strumenti legali maħsuba biex jistabbilixxu qafas legali għall-migrazzjoni, u ż-żewġ sistemi se jikkoeżistu għal dak il-perjodu ta' żmien provviżorju.

Ġie deċiż li tinħoloq arkitettura teknika interim biex tippermetti li l-SIS I+ u ċerti partijiet tekniċi tal-arkitettura tal-SIS II jaħdmu b’mod parallel għal żmien tranżitorju limitat, u fl-istess waqt ippruvaw jikkjarifikaw il-kundizzjonijiet, il-proċeduri, ir-responsabilitajiet u l-modalitajiet ta’ finanzjament tal-proċess ta' migrazzjoni, kif ukoll il-qafas legali sostantiv applikabbli matul il-migrazzjoni.

Iddaħħal strument tekniku ġdid - "konvertitur” - li jippermetti konverżjoni b'suċċess u sinkronizzazzjoni tad-data bejn l-SIS I+ u l-SIS II. Fil-fatt, is-sistema ċentrali SIS I u s-sistema ċentrali SIS II se jkunu kollegati permezz tal-konvertitur u dan se jippermettilhom jipproċessaw l-istess informazzjoni, biex jiġi żgurat li l-Istati Membri li diġà huma kkollegati b’suċċess mal-SIS II ikunu fuq l-istess livell ta’ dawk li għadhom ikkollegati mal-SIS I+.

Żdiedet funzjoni ġdida – il-“modalità inversa"- b’mod li jkun permess il-funzjonament tal-arkitettura teknika provviżorja.

Il-bidu operattiv tal-SIS II se jagħlaq il-fażi ta’ żvilupp u se jkun il-bidu tal-applikabilità tal-bażi ġuridika tal-SIS II. Skont din il-loġika, il-fażi tal-migrazzjoni hija l-kompitu finali tal-mandat ta’ żvilupp tal-SIS II, u b’konsegwenza ta’ hekk huwa neċessarju li dan il-mandat jibqa' validu, għall-Kummissjoni, sa ma jkun hemm il-bidu operattiv tal-SIS II, b’mod li din tkun tista’ twettaq il-kompiti kollha definiti bħala kondizzjonijiet preliminari fl-istrumenti ġuridiċi tal-SIS II, bħal ngħidu aħna t-tiswija tal-bugs individwati matul it-testijiet u l-għoti tal-għodod neċessarji kollha bħalma huma l-pjattaformi u r-riżorsi għat-testijiet, bil-għan li jkun hemm sistema li taħdem perfettament.

Proposti għall-migrazzjoni

L-iskadenza tal-ewwel pakkett legiżlattiv li bih il-Kummissjoni ngħatat l-inkarigu li tiżviluppa l-SIS II għall-bidu kienet ġiet iffissata għall-31 ta’ Diċembru 2006 u mbagħad wara ġiet posposta għall-31 ta’ Diċembru 2008. L-istrumenti veri u proprji tal-migrazzjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1140/2008 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI, jistabbilixxu li l-migrazzjoni għandha titlesta sa mhux iżjed tard mit-30 ta’ Settembru 2009. B’danakollu, il-Kummissjoni għandha l-possibilità li tipposponi tali data, fejn ikun meħtieġ, sal-iskadenza tal-istrumenti tal-migrazzjoni, permezz tal-proċedura tal-komitoloġija. Il-klawsola ta' estinzjoni stabbiliet it-30 ta' Ġunju 2010 bħala d-data ta' skadenza.

Il-Kummissjoni għamlet użu mill-possibilità li tipposponi sat-30 ta’ Ġunju 2010 t-terminu għat-tlestija tal-migrazzjoni permezz tal-proċedura tal-komitoloġija. B’danakollu, skont it-tbassir attwali, il-migrazzjoni ma tistax titlesta qabel nofs l-2010. Il-Kummissjoni tipproponi għalhekk li terġa' temenda l-istrumenti tal-migrazzjoni qabel ma jiskadu.

L-aħħar previżjonijiet jindikaw li l-migrazzjoni tista' titlesta sal-aħħar tal-2011. Ir-rapport dwar l-istat ta’ progress tal-iżvilupp tal-SIS II, ippubblikat mill-Kummissjoni f'Ottubru 2009, jgħid li ż-żewġ hekk-imsejħin testijiet milestones għall-SIS II huma previsti rispettivament għar-raba’ trimestru 2009 u s-sajf 2010. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 u l-5 ta' Ġunju 2009 jgħidu li l-proġett SIS II attwali qed jitkompla, iżda qed jinżamm fir-riżerva pjan ta' kontinġenza (SIS I+ RE) għall-perjodu neċessarju għat-testjar tal-SIS II.

Għal dawn ir-raġunijiet il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ġdid ta' proposti (COM(2009) 508 u 509) li jemendaw iż-żewġ strumenti legali dwar il-migrazzjoni mill-SIS I+ għall-SIS tat-tieni ġenerazzjoni.

Dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona

L-effett tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat il-ġdid fl-1 ta' Diċembru 2009 fuq dan il-pakkett kien dan li ġej: L-ewwel parti tal-pakkett, COM(2009)508, baqgħet pendenti. Kienet elenkata fl-anness 4 tal-Komunikazzjoni "omnibus" tal-Kummissjoni dwar "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa". Il-bażi legali l-ġdida skont it-Trattat ta' Lisbona hija l-Artikolu 74 TFUE. Il-proċedura baqgħet dik ta' konsultazzjoni. It-tieni parti tal-pakkett, COM(2009)509, waqgħet bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat il-ġdid. Il-Kummissjoni bidlitha bi proposta ġdida, COM(2010)15. Il-bażi legali wkoll hija l-Artikolu 74 TFUE, u l-proċedura hija dik ta' konsultazzjoni.

L-ambitu tal-proposti

1. It-tħassir tal-klawsoli ta’ estinzjoni

Il-kundizzjonijiet għall-migrazzjoni mhumiex se jiġu ssodisfati sat-30 ta' Ġunju 2010. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 19 taż-żewġ strumenti attwalment tgħid li dawn se jiskadu mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010. Għalhekk, il-proposti għandhom l-għan li qabel xejn jimmodifikaw il-klawsoli ta’ estinzjoni tal-istrumenti biex tiġi evitata l-iskadenza tagħhom. Il-Kummissjoni tipproponi li tħassar kompletament il-klawsoli ta' estinzjoni, jiġifieri li ma tibqa' tiffissa l-ebda data ta’ skadenza għall-istrumenti.

Il-fatt li l-Kummissjoni ma tistax tipproponi data possibbli għall-bidu tat-tħaddim tal-SIS II huwa inkonċepibbli u jqanqal dubji serji dwar il-ġestjoni attwali tal-proġett.

2. L-introduzzjoni tal-flessibilità fl-iżvilupp tal-SIS II permezz ta' soluzzjonijiet tekniċi alternattivi

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-modifiki proposti jkopru wkoll il-każ ta' passaġġ mill-proġett SIS II, kemm-il darba dan ma jiġix ikkompletat b'suċċess, għal xenarju alternattiv bħalma hu l-SIS I+ RE.

Għal dan il-għan il-Kummissjoni tipproponi li timmodifika l-Artikolu 4 u l-Artikolu 10 (3) tal-istrumenti, u ddaħħal il-formulazzjoni "safejn huwa meħtieġ". Dawn il-modifiki jkunu jimplikaw li l-hekk-imsejjaħ konvertitur, li huwa element tekniku marbut unikament mal-proġett SIS II, m'għadux meqjus bħala komponent tekniku essenzjali tal-arkitettura tal-migrazzjoni.

3. L-introduzzjoni tal-Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm (GPMB)

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li ddaħħal fl-istrumenti ġuridiċi l-Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm (GPMB) permezz ta' Artikolu 17 a ġdid. Il-GPMB huwa grupp ta’ għaxar esperti tekniċi, li tmienja minnhom jiġu mill-Istati Membri u tnejn jintgħażlu mill-uffiċjali tal-Kummissjoni. Dan inħoloq biex jikkoordina aħjar ix-xogħlijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri matul il-proċess ta’ migrazzjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Ġunju 2009 dwar l-orjentament ulterjuri tal-SIS II, il-Kunsill kien talab lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istruttura tal-ġestjoni tal-IT u tintegra aħjar il-GPMB fl-istruttura tal-ġestjoni. L-integrazzjoni tiegħu fil-bażi ġuridika tippermetti wkoll li l-ispejjeż amministrattivi u tal-ivvjaġġar tal-grupp ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati mill-baġit Komunitarju.

Il-pożizzjoni tar-rapporteur

Il-rapporteur jixtieq ifakkar li l-Parlament Ewropew kien diġà esprima d-dispjaċir tiegħu għad-dewmien fil-proġett SIS II f’bosta okkażjonijiet. L-aħħar waħda kienet ir-Riżoluzzjoni tat-22 ta’ Ottobru 2009 dwar l-istat ta' progress tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u tas-sistema ta’ Informazjoni tal-VIS. Għal darba oħra, il-Parlament Ewropew esprima tħassib serju rigward id-dewmien fil-bidu tal-operazzjonijiet tal-SIS II. Huwa talab ukoll biex ikun infurmat mill-Kummissjoni u l-Kunsill dwar ir-riżultati tat-testijiet u l-passi ġejjiena, immedjatament wara li jitlesta t-test milestone 1, li kien oriġinarjament ippjanat għal Diċembru 2009. Il-Parlament talab ukoll li jkun hemm trasparenza sħiħa f’dak li jirrigwarda l-proċess ta’ implimentazzjoni tal-SIS II.

Sadanittant, it-test milestone 1 ġie pospost minn Diċembru 2009 għall-aħħar ta' Jannar 2010. It-testijiet f'Jannar 2010 ma kinux ta' suċċess kbir; il-valutazzjoni tar-riżultati tat-testijiet għadha għaddejja. X'aktarx it-test milestone 1 se jkollu jerġa' jsir qabel ma wieħed ikun jista' jasal għal konklużjonijiet.

Ir-rapporteur jagħmel dawn ir-rakkomandazzjonijiet:

-     Minħabba d-dewmien serju u l-fatt li kien hemm aktar spejjeż milli kien ippjanat fil-proġett SIS II, ikun opportun li jiġi speċifikat fil-bażi ġuridika li s-soluzzjonijiet tekniċi kollha jkunu msejsin fuq l-aqwa teknoloġija disponibbli u jkollhom kalendarju preċiż u jkunu effikaċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispejjeż.

-     Il-klawsola ta’ estinzjoni għandha tibqa’. Il-Kummissjoni għandha tiddisponi minn ċerta flessibilità li tippermettilha timmodifika d-dati permezz tal-komitoloġija biex tadatta l-qafas ġuridiku għal xenarju alternattiv kemm-il darba l-proġett SIS II ma jkollux suċċess.

-     Huwa importanti li l-proċess ta' migrazzjoni jinżamm taħt skrutinju parlamentari: il-Parlament huwa koleġiżlatur għall-bażi legali tal-SIS II; il-Parlament jifforma parti wkoll mill-awtorità baġitarja, li tissorvelja l-migrazzjoni, iffinanzjata mill-baġit tal-Komunità.

-     Għall-istess raġunijiet, il-Parlament ma għandux jibqa’ eskluż mit-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-migrazzjoni; qabel ma ssir il-bidla għas-sistema l-ġdida, il-Parlament għandu jiġi infurmat bis-sħiħ dwar ir-riżultati tat-testijiet u jagħti opinjoni favorevoli.

-     Billi d-data tat-tlestija tal-proċess ta’ migrazzjoni u tas-soluzzjoni teknika għadha mhix ċerta, il-leġiżlatur għandu jiżgura li japplika l-qafas ġuridiku maħsub għall-SIS II, indipendentement mill-problemi tekniċi potenzjali li jiddeterminaw l-għażla tas-soluzzjoni teknika finali.

Il-ħolqien tal-GPMB u l-integrazzjoni formali tiegħu fl-istruttura ta' ġestjoni tal-SIS II jistgħu jidhru bħala pass pożittiv biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif ukoll biex jingħata appoġġ dirett mill-Istati Membri lill-proġett ċentrali tal-SIS II. Huwa importanti wkoll li jkun limitat l-għadd ta’ esperti biex ikunu żgurati l-effiċjenza u l-effikaċja mil-lat tal-ispejjeż.

F’każ li l-proġett SIS II ifalli, il-Parlament jirriżerva għalih innifsu d-dritt li jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tagħmel verifika dettaljata ta’ kif ġie ġestit il-proġett SIS II u l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit Komunitarju.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (17.3.2010)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar proposta għall-adozzjoni ta’ regolament tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)
(COM(2010)0015 – C7‑0040/2010 – 2010/0006(COD))

Rapporteur għal opinjoni: Alexander Alvaro

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Parlament ripetutament iddeplora d-dewmien li qed ikun hemm fil-proġetti tas-SIS II. Hekk għamel, pereżempju, fit-22 ta' Ottubru 2009, meta adotta riżoluzzjoni dwar il-progress tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen II u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Visa.

Ir-rapport ta' progress dwar l-iżvilupp tas-SIS II, ippublikat mill-Kummissjoni f'Ottubru 2009, jgħid li ż-żewġ testijiet tas-SIS II li jimmarkaw stadju importanti huma previsti li jsiru fir-raba' trimestru tal-2009 u fis-sajf tal-2010. Kif hemm mitlub fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 u l-5 ta' Ġunju 2009, il-proġett attwali tas-SIS II qed jitkompla bħala kwistjoni ta' prijorità, iżda pjan ta' kontinġenza (SIS I+RE) qed jinżamm f’riserva: Jekk xi wieħed minn dawn it-testijiet li jimmarkaw stadju importanti kellu jfalli, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf il-proġett (klawżola ta’ giljottina) u biex taqleb għas-soluzzjoni alternattiva teknika SIS 1+RE sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix b'maġġoranza kkwalifikata kontra din l-għażla ta’ azzjoni. F’din il-laqgħa tal-Kunsill, il-fattibilità teknika tas-sistema alternativa SIS I+RE ġiet ikkonfermata. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett il-ġdid ta' proposti (COM(2009)0508 u COM(2010)0015) li jemendaw iż-żewġ stumenti legali dwar il-migrazzjoni mis-SIS I+ għas-SIS tat-tieni ġenerazzjoni.

Il-prekundizzjonijiet għall-migrazzjoni mhux se jiġu ssodisfati qabel it-30 ta’ Ġunju 2010, u l-migrazzjoni lanqas mhi se titlesta qabel l-aħħar trimestru tal-2011. Sabiex is-SIS II tkun tista' ssir operazzjonali kif mitlub mir-Regolament (KE) 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI u f’każ li tfalli fit-testijiet, irid jiġi maħsub malajr kemm jista’ jkun xenarju alternattiv u jitqiegħdu għad-disponibilità tal-partijiet ikkonċernati kollha l-implikazzjonijiet finanzjarji sħaħ.

L-ispejjeż għall-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni kif ukoll l-ispejjeż għat-twaqqif,l-ittestjar, l-operazzjoni, il-migrazzjoni u l-manutenzjoni tas-SIS II Ċentrali u tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni għandhom jiġu koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-ispejjeż tall-iżvilupp, l-istabbiliment, l-ittestjar, il-migrazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni għas-sistemi nazzjonali għandhom jitħallsu mill-Istat Membru kkonċernat. L-ispejjeż għall-Bord ta’ Tmexxija tal-Programm Globali (GPMB) se jiġu koperti mill-fondi diġà allokati sal-2013.

Mill-2002 ’l hawn intefqu EUR 48.5 miljun fuq l-iżvilupp tal-istrument ta’ migrazzjoni biss, filwaqt li l-ispejjeż operazzjonali jammontaw għal EUR 33 miljun oħra. Waqt dan iż-żmien il-kuntrattur kemm-il darba kiser l-obbligi kuntrattwali u t-testijiet ma wrewx li l-pjattaforma qed taħdem kif suppost, sitwazzjoni li qajmet dubji dwar il-fattibilità teknika ġenerali tas-SIS II. Barra minn hekk, il-kuntrattur irċieva EUR 1.93 miljun għal testijiet tas-sistema fl-2009 filwaqt li l-multi lill-konsorzju li, sal-aħħar tal-fażi kuntrattwali tat-testijiet ta’ operazzjoni f’Settembru 2009, ammontaw għal EUR 390,000, ġew imnaqqsa mill-fatturi. Barra minn hekk, EUR 1.26 miljun tħallas għall-ewwel test ta’ stadju importanti f’Jannar 2010. Dawn l-ispejjeż addizzjonali kif ukoll il-finanzjament ulterjuri probabbli meħtieġ, f’każ li l-migrazzjoni għas-SIS II tfalli u tiġi rrakkomandata soluzzjoni alternattiva, jitolbu għal skrutinju baġitarju aktar rigoruż.

Barra minn hekk, fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji estremi minħabba l-kriżi ekonomika, li qed jolqtu kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-UE nnifisha, u sabiex ma jibqgħux jitberbqu flejjes tajba f'dak li ma jgħoddx, jeħtieġ li jkun hemm rigorożità akbar fl-użu tal-approprjazzjonijiet għal sistema li s’issa naqset li tilħaq l-istandard meħtieġ. Ir-rapporteur jirrakkomanda li l-Parlament juża d-dritt tiegħu li jżomm fir-riserva l-fondi allokati għall-migrazzjoni għas-SIS II sakemm isir ittestjar b’suċċess u verifika komprensiva bil-għan li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà fi ħdan il-qasam tal-ġustizzja, libertà u sigurtà. Għalhekk qed jiġu proposti dawn l-emendi.

EMENDI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:

Emenda  1

Abbozz ta’ Riżoluzzjoni Leġiżlattiva

Paragrafu 1 a (ġdid)

Abbozz ta’ Riżoluzzjoni Leġiżlattiva

Emenda

 

1a. Minkejja l-fatt li l-Kunsill qed jittratta s-SIS I+RE bħala pjan ta’ kontinġenza fil-każ ta’ falliment tas-SIS II, il-Parlament Ewropew, bħala koleġiżlatur għall-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (Regolament (KE) Nru 1987/20061) u awtorità baġitarja, jirriserva d-dritt tiegħu li jżomm fir-riserva l-fondi li jridu jiġu allokati għall-iżvilupp tas-SIS II fil-baġit annwali tal-2011, sabiex jiżgura li jkun hemm skrutinju parlamentari sħiħ u superviżjoni kompleta tal-proċess;

 

_______________

1 ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

Emenda  2

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Il-prekundizzjonijiet għall-migrazzjoni mhumiex se jiġu ssodisfati sat-30 ta' Ġunju 2010. Sabiex l-SIS II tkun tista' ssir operattiva kif mitlub mir-Regolament (KE) 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, ir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI għandhom għalhekk ikomplu japplikaw sakemm tkun tlestiet il-migrazzjoni.

(3) Il-prekundizzjonijiet għall-migrazzjoni mhumiex se jiġu ssodisfati sat-30 ta' Ġunju 2010. Sabiex l-SIS II tkun tista' ssir operattiva kif mitlub mir-Regolament (KE) 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, ir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI għandhom għalhekk ikomplu japplikaw sakemm tkun tlestiet il-migrazzjoni. Fil-każ li l-proġett attwali SIS II ifalli, wara t-testijiet, għandha titfassal soluzzjoni teknika alternattiva u l-implikazzjonijiet finanzjarji sħaħ tagħha għandhom jiġu żvelati lill-partijiet kollha kkonċernati.

Emenda  3

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Pjan tekniku ta' kontinġenza għall-kisba tal-funzjonalitajiet tal-SIS II għandu jkun previst. Id-deskrizzjoni tal-komponenti tekniċi tal-arkitettura tal-migrazzjoni għaldaqstant għandha tiġi adattata sabiex tagħmel possibbli soluzzjoni teknika oħra dwar l-iżvilupp tal-SIS II Ċentrali.

(6) Dan ir-Regolament għandu jippermetti l-migrazzjoni għal soluzzjonijiet tekniċi alternattivi eventwali fil-każ li l-proġett attwali SIS II ma jkunx jista' jiġi implimentat b’suċċess. Id-deskrizzjoni tal-komponenti tekniċi tal-arkitettura tal-migrazzjoni għaldaqstant għandha tiġi adattata sabiex tagħmel possibbli soluzzjoni teknika alternattiva dwar l-iżvilupp tal-SIS II Ċentrali. Kull soluzzjoni teknika alternattiva bħal din għandha tkun effikaċi f’dik li hi nefqa u tiġi implimentata skont kalendarju preċiż u raġonevoli. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta fi żmien xieraq valutazzjoni baġitarja bir-reqqa tal-ispejjeż assoċjati ma’ din is-soluzzjoni teknika alternattiva.

Ġustifikazzjoni

Ir-reviżjoni attwali tal-istrumenti tal-migrazzjoni għandha tqis il-fatt li s-SIS II għadha ma ġietx ittestjata b'suċċess u li l-Kunsill żamm SIS I+ RE bħala pjan ta' kontinġenza. F'każ li t-testijiet ta’ stadju ta’ importanza jfallu, għandu jkun possibbli li ssir qalba ta’ malajr għal soluzzjoni alternattiva li tkun ippruvata li hi effikaċi f’dik li hi nefqa, mingħajr id-dewmien ikkawżat minn reviżjoni oħra tal-qafas legali.

Emenda  4

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Deċiżjoni 2008/839/ĠAI

Artikolu 17a – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Il-GPMB għandu jikkonsisti minn massimu ta' 10 esperti. Massimu ta' tmien esperti u numru ugwali ta' sostituti għandhom jiġu nnominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. Żewġ esperti u żewġ sostituti għandhom jiġu nnominati mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni minn fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni. L-uffiċjali l-oħra tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-GPMB.

2. Il-GPMB għandu jikkonsisti minn massimu ta' 10 esperti. Massimu ta' tmien esperti u numru ugwali ta' sostituti għandhom jiġu nnominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. Żewġ esperti u żewġ sostituti għandhom jiġu nnominati mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni minn fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni. L-uffiċjali l-oħra tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-GPMB. Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu interessati jew uffiċjali mid-dipartimenti rilevanti tal-politika fil-Parlament Ewropew jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-GPMB.

Emenda  5

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Deċiżjoni 2008/839/ĠAI

Artikolu 17a – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5. Il-GPMB għandu jistabbilixxi t-termini ta' referenza tiegħu stess. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ wara li tingħata opinjoni favorevoli mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni.

5. Il-GPMB għandu jistabbilixxi t-termini ta' referenza tiegħu stess. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ wara li tingħata opinjoni favorevoli mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni. It-termini ta’ referenza tal-GPMB għandhom jinkludu rekwiżit li jiġu ppubblikati rapporti regolari u li dawn ir-rapporti jkunu disponibbli għall-Parlament Ewropew sabiex ikun żgurat li jkun hemm skrutinju sħiħ u superviżjoni parlamentari kompleta.

Emenda  6

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Deċiżjoni 2008/839/ĠAI

Artikolu 17a – paragrafu 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6. Bla ħsara għall-Artikolu 15(2), l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-GPMB għandhom jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, safejn dawn ma jkunux irrimborsati minn sorsi oħra. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-esperti fil-GPMB nnominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill u esperti mistiedna skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li jirriżultaw f'konnessjoni mal-ħidma tal-GPMB, ir-'Regoli dwar ir-rimbors tal-ispejjeż li jsiru minn persuni minn barra l-Kummissjoni mistiedna sabiex jattendu laqgħat f'kapaċità ta' esperti' tal-Kummissjoni għandhom japplikaw.

6. Bla ħsara għall-Artikolu 15(2), l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-GPMB għandhom jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, safejn dawn ma jkunux irrimborsati minn sorsi oħra. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-esperti fil-GPMB nnominati mill-Istati Membri li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill u esperti mistiedna skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li jirriżultaw f'konnessjoni mal-ħidma tal-GPMB, ir-'Regoli dwar ir-rimbors tal-ispejjeż li jsiru minn persuni minn barra l-Kummissjoni mistiedna sabiex jattendu laqgħat f'kapaċità ta' esperti' tal-Kummissjoni għandhom japplikaw. L-approprjazzjonijiet neċessarji sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mil-laqgħat tal-GPMB se jiġu mill-approprjazzjonijiet li bħalissa huma previsti fil-Programmazzjoni Finanzjarja 2010-2013 għas-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Damien Abad, Alexander Alvaro, Francesca Balzani, Reimer Böge, Andrea Cozzolino, Jean-Luc Dehaene, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Carl Haglund, Jutta Haug, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Alain Lamassoure, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Nadezhda Neynsky, Miguel Portas, Vladimír Remek, Dominique Riquet, László Surján, Daniël van der Stoep, Derek Vaughan, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig, Georgios Stavrakakis

Sostitut skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Kozłowski

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.4.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Angelilli, Emine Bozkurt, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Clemente Mastella, Louis Michel, Claude Moraes, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Wim van de Camp, Axel Voss, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Edit Bauer, Anna Maria Corazza Bildt, Ana Gomes, Nadja Hirsch, Franziska Keller, Petru Constantin Luhan, Mariya Nedelcheva, Cecilia Wikström