RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (tfassil mill-ġdid)
29.4.2010 - (05247/2010 – C7‑0094/2010 – 2008/0222(COD)) - ***II
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Anni Podimata
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (tfassil mill-ġdid)
(05247/2010 – C7‑0094/2010 – 2008/0222(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05247/1/2010 – C7-0094/2010),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0778),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0412/2008),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa " (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Addendum għall-COM(2009) 665 finali" (COM(2010)0147),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) u l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwl qari[1],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],
– wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 72 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0128/2010),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju-Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
- [1] Testi adotatti, P6_TA(2009)0345.
- [2] ĠU C 228 22 .9.2009 p.90
NOTA SPJEGATTIVA
Fis-17 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta mfassla mill-ġdid għal Direttiva dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, legalment ibbażata fuq l-Artikolu 95. Din il-proposta, flimkien ma’ żewġ proposti oħra dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-binjiet (Direttiva mfassla mill-ġdid) u dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra (proposta għal Regolament) iffurmaw il-Pakkett ta’ Effiċjenza fl-Enerġija mressaq mill-Kummissjoni f’Novembru 2008.
Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-5 ta’ Mejju 2009 u approva 60 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni.
Wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni fl-ewwl qari tal-Parlament, u fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat il-ġdid dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sar qbil dwar approċċ fuq żewġ stadji, sabiex tiġi ffaċilitata il-proċedura ta’ negozjazzjoni:
- Fl-ewwel stadju: li jintlaħaq ftehim dwar il-kontenut tad-Direttiva. Dan il-ftehim ġie konkluż f’Novembru 2009 u kkonfermat permezz ta’ deċiżjoni tal-Coreper fid-19 ta’ Novembru 2009 u permezz ta’ ittra tal-President tal-ITRE, bid-data tat-2 ta’ Diċembru 2009.
- Fit-tieni stadju: li jintlaħaq ftehim dwar il-modifiki li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tat-TFUE, li jikkonċernaw l-aktar l-adattament tal-bażi legali u tad-dispożizzjonijiet dwar l-atti delegati. Dan il-ftehim ġie konkluż f’Marzu 2010 permezz ta’ deċiżjoni tal-Coreper fl-24 ta’ Marzu 2010 u permezz ta’ ittra tal-President tal-ITRE, bid-data tal-25 ta’ Marzu 2010.
Ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati ffurmaw il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Kunsill skont l-Artikolu 294 tat-TFUE u kienu adottati fl-14 ta’ April 2010, u b’hekk, ippermettew li jintlaħaq ftehim kmieni fit-tieni qari, jiġifieri l-approvazzjoni, mill-Parlament, tal-ewwel qari tal-Kunsill mingħajr emendi.
L-elementi ewlenin tal-ftehim
- It-tikketta u l-format tagħha: Il-ftehim milħuq huwa konformi mal-idea ewlenija tal-pożizzjoni tal-Parlament wara l-ewwel qari (emenda 70), peress li jżomm mal-idea ta’ “skala A-G”, u jillimita n-numru tal-klassijiet li jistgħu jiżdiedu ’l fuq minn A għal tlieta – jekk il-progress teknoloġiku hekk jirrikjedi - u jillimita n-numru ta’ klassijiet għal seba’. Barra minn hekk toffri l-opportunità ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid skont kundizzjonijiet speċifiċi u ddeterminati sewwa. Il-klawsola ta’ reviżjoni l-ġdida titlob lill-Kummissjoni li, sa tmiem l-2014, tevalwa l-ħtieġa li temenda d-dispożizzjonijiet dwar il-format tat-tikketta fid-dawl tal-evoluzzjoni teknika u l-fehim tal-konsumaturi tal-format tat-tikketta.
- Reklamar: Hemm obbligu ċar li tiddaħħal ir-referenza għat-tikketta tal-enerġija fir-reklami kollha ta’ prodotti marbutin mal-enerġija, meta tingħata informazzjoni li tirrigwarda l-enerġija jew il-prezz. Din ir-referenza obligatorja kien hemm qbil dwarha għall-ewwel darba, bl-adozzjoni tal-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament. Il-Kunsill ukoll aċċetta bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-PE dwar informazzjoni obligatorja dwar il-konsum tal-enerġija jew għal referenza għall-klassi ta’ effiċjenza enerġetika tal-prodott fil-materjal promozzjonali tekniku.
- Akkwist Pubbliku: L-awtoritajiet kuntrattwali nazzjonali għandhom jippruvaw jakkwistaw biss dawk il-prodotti li għandhom l-ogħla livelli ta’ prestazzjoni u li jagħmlu parti mill-ogħla klassi ta’ effiċjenza enerġetika. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu wkoll jinkuraġġixxu u jippremjaw lill-konsumaturi u lill-industrija meta jagħmlu għażliet ta’ effiċjenza enerġetika billi jiffissaw inċentivi speċifiċi. Barra minn hekk, meta l-Istati Membri joffru inċentivi għal prodott għall-konsumaturi jew għall-industrija, dawn għandhom jimmiraw għall-ogħla livelli ta’ prestazzjoni, inkluża l-ogħla klassi ta’ effiċjenza enerġetika.
- Lista prijoritarja: Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipprovdi lista prijoritarja ta’ prodotti marbutin mal-enerġija li jistgħu jkunu koperti minn miżuri implimentattivi. Il-prodotti tal-bini b’impatt sinifikanti fuq il-konsum tal-enerġija se jkunu inklużi wkoll f’din il-lista prijoritarja.
L-opinjoni tar-Rapporteur
Id-Direttiva dwar it-Tikkettar Enerġetiku għandha rwol importanti fl-ilħuq tal-objettivi ta’ effiċjenza enerġetika tal-UE ta’ 20% sal-2020. F’dan il-kuntest hija għandha “rwol ta’ qofol” fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija effiċjenti, sostenibbli u kompetittiva, u t-tisħiħ tas-sigurtà enerġetika tal-Ewropa. L-għan tagħna huwa li nwittu t-triq għal sitwazzjoni li minnha jibbenefika kulħadd, kemm għas-suq kif ukoll għall-konsumaturi, billi niggarantixxu l-aċċess għal kull konsumatur għal informazzjoni adegwata u nkunu konxji bis-sħiħ dwar l-impatt tal-għażliet tiegħu jew tagħha. F’dan il-qafas, il-ftehim milħuq dwar id-Direttiva dwar it-Tikkettar Enerġetiku jagħti valur miżjud importanti.
B’mod partikulari, ir-referenza obligatorja għat-tikketta enerġetika fir-reklami ġġib it-tmiem tal-informazzjoni ħażina għall-utenti aħħarin, u tagħtihom l-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet infurmati. Fl-istess ħin, minħabba l-insistenza qawwija tal-Parlament, ġiet evitata l-introduzzjoni ta’ format ta’ skala miftuħa, u ġiet garantita ż-żamma tal-mudell ta’ skala A-G li wriet li s’issa kienet ta’ valur kbir għall-konsumaturi. Barra minn hekk f’dik li hija r-reviżjoni tal-klassijiet, il-possibilità u l-kriterji ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid huma ddefinit b’mod ċar u li ma jħallix dubji. F’dan il-kuntest, jekk tinqala’ l-ħtieġa li jiżdiedu klassijiet oħra ma’ dawk diġà maħsuba, dan iwassal b’mod awtomatiku għal proċess ta’ riklassifikazzjoni. Barra minn hekk, iż-żieda ta’ klawsola ġenerali ta’ reviżjoni tippermetti rieżaminazzjoni bir-reqqa fid-dawl ta’ avvanzi tekniċi u fehim mill-konsumaturi tat-tikketta mhux aktar tard mill-2014. Din hija garanzija oħra li l-iskala ta’ fehim faċli mill-konsumaturi tibqa’ kif kienet s’issa tal-anqas sakemm titwettaq ir-reviżjoni.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI
28.4.2010
Is-Sur Herbert Reul
Il-President
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar il-bażi legali tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (COM(2008)0778 – C7‑0412/2008 – 2008/0222(COD))
Sinjur President
Permezz ta' ittra datata 23 ta' Marzu 2010 inti tlabt lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali biex, skont l-Artikolu 37(2), iqis jekk il-bażi legali tal-proposta tal-Kummissjoni li tidher hawn fuq kinitx xierqa.
Il-kumitat ikkunsidra l-kwistjoni msemmija waqt il-laqgħa tiegħu tat-28 ta' April 2010.
B’ittra tat-23 ta’ Marzu 2010 inti għarraft lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali li l-Kunsill kien ippropona li jbiddel il-bażi legali għat-tfassil mill-ġdid propost tad-Direttiva dwar it-tikkettar enerġetiku[1]. Il-Kunsill wera l-intenzjoni tiegħu li juża din il-bażi legali l-ġdida fil-Pożizzjoni Komuni imminenti tiegħu u jidher li l-kumitat tiegħek wera li kien lest li japprova din il-bidla. Minkejja l-kunsens ċar favur din l-azzjoni, huwa meqjus li jinħtieġ, skont l-Artikolu 37 tar-Regoli ta’ Proċedura[2], li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar din il-bidla fil-bażi legali kif mqabbel mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.
Għaldaqstant, l-għan ta’ din in-nota huwa li tiġi ddeterminata l-bażi legali xierqa għall-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija[3] (minn hawn ’il quddiem “il-proposta”), li għandha l-għan li tfassal mill-ġdid id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar it-Tikkettar Enerġetiku” jew “ELD”) Il-Kummissjoni pproponiet l-Artikolu 114 TFUE bħala l-bażi legali, filwaqt li l-Kunsill jipproponi li jkun hemm qalba għall-Artikolu 194 TFUE.
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
L-għażla ta’ bażi legali huwa importanti minħabba li l-Unjoni hija msejsa kostituzzjonalment fuq il-prinċipju tal-assenjazzjoni tal-kompetenzi; L-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu biss jaġixxu b’konfomrità mal-mandat mogħti lilhom mit-Trattat[4].
Il-każistika tal-Qorti tistabbilixxi li l-għażla tal-bażi legali mhix suġġettiva. Ġie stabbilit sett ta’ kriterji li japplikaw għall-għażla tal-bażi legali xierqa. L-għażla aħħarija għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jitqiegħdu għall-kontroll ġudizzjarju, bħall-għan u l-kontenut tal-att leġiżlattiv ikkonċernat[5]. Il-fatt li istituzzjoni tkun tixtieq li tipparteċipa aktar bis-sħiħ fl-adozzjoni ta’ miżura partikulari, ix-xogħol li jkun sar f’aspetti oħra fl-isfera tal-azzjoni koperta mill-miżura u l-kuntest li fih il-miżura kienet adottata huma kollha irrelevanti[6].Il-bażijiet legali li qed jiġu eżaminati
L-Artikolu 95 KE, li ssostitwixxa lill-Artikolu 100a tat-Trattat KE preċedenti, kien il-bażi legali għall-ELD. F’Diċembru 2009 l-Kummissjoni tat x’jifhem li l-Artikolu 114 TFUE korrispondenti għandu jinżamm għall-proposta preżenti. Għall-kuntrarju l-Kunsill jipproponi l-Artikolu 194 TFUE, dispożizzjoni li tittratta speċifikament l-politika dwar l-enerġija, introdotta l-ewwel darba bit-Trattat ta’ Lisbona. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistabbilixxu dan li ġej:
Artikolu 114
(ex Artikolu 95 TKE)
1. Ħlief fejn provdut xort'oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.
2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal dispożizzjonijiet fiskali, għal dawk li għandhom x'jaqsmu mal-moviment liberu ta' persuni u lanqas għal dawk li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet u l-interessi tal-impjegati.
3. Il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha kif maħsuba fil-paragrafu 1 li jikkonċerna s-saħħa, s-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta' kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan l-objettiv.
4. Jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta' neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.
5. Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ibbażati fuq prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta' xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.
6. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 u 5, tapprova jew tiċħad id-disposizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex jew le mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk joħolqux jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.
Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perjodu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.
Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m'hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummissjoni tista' tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perjodu msemmi f’dan il-paragrafu jista' jittawwal b’perjodu ieħor sa sitt xhur.
7. Meta, bis-saħħa tal-paragrafu 6, xi Stat Membru jkun awtoriżżat li jżomm jew jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta' armonizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha immedjetament teżamina jekk tipproponix adattament għal dik il-miżura.
8. Meta Stat Membru jqajjem problema speċifika dwar is-saħħa pubblika f’qasam li kien suġġett minn qabel għal miżuri ta' armonizzazzjoni, dan għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni li għandha immedjatament teżamina jekk tipproponix miżuri xierqa lill-Kunsill.
9. B'deroga mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 258 u 259, il-Kummissjoni u xi Stat Membru jista' jressaq il-materja direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk jikkunsidraw li xi Stat Membru ieħor ikun qiegħed jgħamel użu mhux xieraq tal-poteri previsti f’dan l-Artikolu.
10. Il-miżuri ta' armonizzazzjoni msemmija hawn fuq għandhom, fil-każi xierqa, jinkludu klawsola ta' salvagwardja li tawtoriżża lill-Istati Membri li jieħdu għal raġuni waħda jew aktar li m'hijiex ta' natura ekonomika imsemmija fl-Artikolu 36, miżuri provviżorji suġġetti għall-proċedura tal-kontroll mill-Unjoni.
TITOLU XXI
ENERĠIJA
Artikolu 194
1. Fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b'kont meħud tal-ħtieġa ta' preservazzjoni u titjib tal-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri:
(a) tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija;
(b) tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni;
(c) tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u rinnovabbli; kif ukoll
(d tippromwovi l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija.
2. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-kisba tal-objettivi previsti fil-paragrafu 1. Dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.
Dawn m'għandhomx jolqtu d-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2)(c).
3. B'deroga mill-paragrafu 2, il-Kunsill, li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali, b'mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jistabbilixxi l-miżuri li huma previsti fih meta dawn ikunu essenzjalment ta' natura fiskali.
Ta’ min wieħed jinnota li l-bażijiet legali proposti ma jikkontradixxux ’il xulxin u huma meqjusa bħala dispożizzjonijiet kumplimentari; it-tnejn għandhom l-għan espliċitu li jsaħħu l-integrazzjoni tas-suq intern. Madankollu, fir-regolamentazzjoni ta’ qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114, li hu aktar estiż, l-Artikolu 194 idaħħal objettiv politiku sekondarju, jiġifieri, il-ħarsien tal-ambjent permezz tal-effiċjenza fl-enerġija. M’hemmx dubju li l-funzjonament tal-Artikolu 114 se jitbiddel. L-Artikolu 114 jitratta esklussivament dwar l-ekonomija, b’mod speċifiku t-tneħħija ta’ ostakoli arbitrarji li jgħawġu s-suq. Mill-banda l-oħra, huwa inevitabbli li l-ħidma favur l-ilħuq ta’ għanijiet ambjentali tista’, tal-anqas fiż-żmien qasir, twassal għal azzjonijiet li jmorru kontra l-preċetti tal-ekonomija bla valuri. Fil-qosor, hemm ċertu xebh bejn id-dispożizzjonijiet iżda żgur li mhumiex identiċi.
Madankollu, jeħtieġ li jkun ċar fl-imħuħ li billi miżura proposta tkun tikkonċerna s-settur tal-enerġija, ma jfissirx awtomatikament li l-miżura trid tkun ibbażata fuq l-Artikolu 194 TFUE. Dak l-Artikolu għandu jitqies bħala ristrett għal miżuri ta’ politika enerġetika li għandhom l-għan li jiżguraw li s-suq tal-enerġija jiffunzjona, jiżguraw provvista sikura tal-enerġija fl-Unjoni, jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija, u l-iżvilupp ta’ forom ġodda u rinovabbli tal-enerġija jew jippromwu l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija. Miżuri tal-politika enerġetika li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern iridu jibqgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE.
Fid-determinazzjoni dwar liema mill-artikoli proposti huwa l-aktar xieraq, se tiġi eżaminata l-evoluzzjoni tal-politika enerġetika bħala qasam ta’ kompetenza tal-Komunità, kif se jiġu eżaminati wkoll, għaldaqstant, l-għan u l-kontenut tal-proposta.
Ir-regolamentazzjoni tas-settur tal-enerġija fl-UE qabel u wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona
Tradizzjonalment, is-swieq nazzjonali tal-enerġija kienu frammentati u t-Trattat KE ma kien jikkonferixxi ebda kompetenza leġiżlattiva speċifika fil-qasam tal-politika tal-enerġija. Il-Komunità, madankollu, influwenzat dan il-qasam politiku importanti billi lleġislat permezz ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat li kienu jikkonċernaw is-suq wieħed u l-politika ambjentali[7].
It-Trattat ta’ Lisbona jagħti lill-Unjoni kompetenza aktar ċara u espliċita fil-politika dwar l-enerġija, sal-punt li l-Artikolu 4 TFUE jiddikjarha bħala qasam ta’ kompetenza kondiviża[8]. L-Artikolu 194 TFUE jipprevedi politika enerġetika tal-Komunità li hija koerenti mas-suq intern filwaqt li jippromwovu l-protezzjoni u titjib tal-ambjent[9].
F’dak li għandu x’jaqsam mal-koerenza u s-sigurtà ġuridika, wieħed jista’ jgħid b’mod ġenerali li l-adozzjoni ta’ bażi legali speċifika tippromwovi t-trasparenza u l-leġittimità kostituzzjonali tal-azzjoni Komunitarja. Huma partikolarment importanti li dawn il-prinċipji jiġu rrispettati f’qasam daqstant strateġikament sinifikanti u sensittiv mil-lat politiku. Il-Qorti ddeċidiet li meta jkun adottat reġim ġuridiku speċifiku għas-settur, dan għandu jintuża bi preferenza fuq dispożizzjonijiet sussidjarji u ġenerali[10].
L-għan u l-kontenut tad-Direttiva proposta
Adottat fl-1992, l-ELD attwali huwa qafas fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ miżuri ta' implimentazzjoni, tippreskrivi r-rekwiżiti ta’ ttikkettar tal-enerġija għal lista relattivament konċiża ta’ apparat domestiku. Konsumaturi mogħtija informazzjoni aċċessibbli dwar l-effiċjenza tal-apparat domestiku huma mħeġġa li jqisu l-iffrankar fl-ispejjeż tal-enerġija fl-għażliet tagħhom filwaqt li l-manifatturi jingħataw inċentiv biex jiżviluppaw prodotti li jirrispettaw aktar l-ambjent u jikkummerċjalizzawhom kif xieraq. Din id-dinamika tiffavorixxi manifestament il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali attwali u hija konsistenti ma’ għadd ta’ inizjattivi politiċi tal-Komunità[11].
Il-valutazzjoni ambjentali tal-ELD wriet li, minbarra l-implimentazzjoni komprensiva tar-reġim attwali tagħha, it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sabiex jinkludi l-prodotti kollha relatati mal-enerġija[12] jista’ jwassal għal iffrankar kbir tar-riżorsi tal-enerġija[13]. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni, fl-għażla tagħha bejn erba’ għażliet politiċi ppreżentati skont il-proċedura ta’ reviżjoni, ipproċediet bil-proposta preżenti.
F’dan il-punt, ikun xieraq li ssir referenza għat-taqsima ‘Bażi Legali’ inkluża fil-proposta tal-Kummissjoni. Fid-deċiżjoni tagħha li tagħżel l-Artikolu 95 KE (114 TFUE) bħala bażi legali, il-Kummissjonijiet stqarret li:
L-ELD tiżgura l-kompletezza ta' suq intern li jopera kif xieraq b’livell ekwu għan-negozju mingħajr ostakli tekniċi għall-kummerċ, il-moviment ħieles tal-prodotti koperti fl-ambitu tagħha li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ittikkettar stipulati fil-miżuri implimentattivi adottati fl-ambitu tad-Direttiva[14].
Il-Kummissjoni tiġġustifika l-għażla tal-Artikolu 95 bħal l-bażi legali xierqa f’termini li jirreferu esklussivament għas-suq intern. Dan huwa sinifikanti minħabba li l-biċċa l-kbira tal-memorandum spjegattiv jittratta dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-benefiċċji ambjentali li jistgħu jinkisbu bis-saħħa tal-proposta.
Il-Premessa 3 nnifisha tant hija illustrattiva li jkun xieraq li tiġi kkwotata kollha kemm hi:
Il-forniment ta’ informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta’ enerġija tal-prodotti marbutin mal-enerġija jista’ jinfluwenza l-għażla tal-utenti finali favur konsum inqas tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali matul l-użu, u b’hekk iwassal lill-produtturi biex jieħdu passi biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali mill-prodotti li jimmanifatturaw; indirettament, dan għandu jinkoraġġixxi wkoll l-użu effiċjenti ta’ dawn il-prodotti. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-ħidma tal-forzi tas-suq waħidha tonqos milli tippromwovi l-użu razzjonali tal-enerġija u r-riżorsi essenzjali l-oħra għal dawn il-prodotti.
Il-Premessa 8 tgħid li dawk il-prodotti relatati mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti fuq il-konsum tal-enerġija jew fuq il-konsum tar-riżorsi biss għandhom ikunu suġġetti għal leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, filwaqt li Premessa 12 tispeċifika li l-effiċjenza enerġetika m’għandhiex tiġi promossa sal-punt li, b’mod ġenerali, tħalli konsegwenzi ambjentali negattivi. L-ebda waħda mill-premessi tal-proposta ma tittratta espressament il-benefiċċji potenzjali tagħha għas-suq intern. Huwa sinifikanti, għall-finijiet tal-eżerċizzju preżenti, li l-Premessa 8 tiġi sostanzjalment implimentata mill-Artikolu 1 tad-Direttiva proposta (intitolat "Applikazzjoni") li jillimita l-kamp t’applikazzjoni tagħha għal: “prodotti marbutin mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti fuq il-konsum tal-enerġija u, fejn applikabbli, fuq ir-riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu”.
L-iskop li joħroġ mid-dispożizzjonijiet imsemmija, flimkien mal-kuntest politiku li fih twettqet il-valutazzjoni tal-impatt tal-ELD u t-tema ġenerali tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta, jagħmluha ċara li l-Artikolu 194 huwa bil-wisq il-bażi legali l-aktar xierqa mill-alternattivi kollha disponibbli. Kwalunkwe koerenza addizzjonali mogħtija lis-suq intern permezz tal-proposta hija benefiċċju sekondarju għall-għan primarju tiegħu, jiġifieri l-promozzjoni ta’ effiċjenza fl-enerġija u l-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali marbutin magħha. Il-fatt li dawn l-effetti kollha jistgħu jirriżultaw mill-proposta huwa totalment konformi mal-analiżi tar-rabta bejn l-Artikoli 114 u 194 TFUE murija hawn fuq. Il-fattur determinanti fl-eżami attwali tagħha huwa l-mod dirett li bih l-objettiv tal-proposta jaqbel mal-Artikolu 194.
Konsegwentement, din il-miżura partikolari tista’ titqies bħala primarjament bil-għan li tippromwovi l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija fis-sens tal-Artikolu 194(1)(c) TFUE. Kieku il-proposta, minkejja li kienet tikkonċerna l-politika tal-enerġija, kellha bħala objettiv prinċipali t-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern, kienet tkun ibbażata fuq l-Artikolu 114. Il-fatt li issa teżisti bażi legali speċifika ġdida għall-enerġija ma jfissirx li l-miżuri kollha li jikkonċernaw l-enerġija jridu jkunu bbażati fuq dak l-artikolu.
Konklużjoni
Il-Qorti stipulat li fejn ikun ġie adottat reġim ġuridiku speċifiku għal settur, dan għandu jintuża bi preferenza għad-dispożizzjonijiet sussidjarji u ġenerali[15], u li, bħala prinċipju, miżura għandha tkun ibbażata biss fuq bażi legali waħda[16]. Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u tal-analiżi msemmija, l-Artikolu 194 TFUE huwa meqjus bħala l-bażi legali xierqa għal din il-proposta.
Fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta' April 2010, l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għalhekk iddeċieda, b'mod unanimu[17], li tirrakkomanda li l-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Dejjem tiegħek,
Klaus-Heiner Lehne
- [1] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum ta’ l-enerġija u riżorsi oħra skond l-apparat tad-dar, ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16.
- [2] Artikolu 37(5): M'humiex ammissibbli emendi mqiegħda fuq il-Mejda fil-Parlament sabiex tinbidel il-bażi legali ta' proposta għal att leġislattiv, jekk il-kumitat responsabbli mis-suġġett jew il-kumitat responsabbli mill-affarijiet legali ma jkunux ikkontestaw il-validità jew l-adegwatezza tal-bażi legali.
- [3] COM(2008) 778 finali.
- [4] Opinjoni Nru 2/00 tas-6/12/2001 dwar il-Protokoll ta’ Cartagena [2001] ECR I-9713, paragrafu 3.
- [5] Ara, pereżempju, il-Kawża C-300/89, Kummissjoni v. Kunsill [1991] Ġabra I-2867; Il-Kawża C-269/97 Kummissjoni v. Kunsill [2000] Ġabra I-2257 u l-Kawża C-176/03 Kummissjoni v. Kunsill [2005]
Ġabra I-7879. - [6] Il-Kawża C-269/97 Kummissjoni v. Kunsill, imsemmi hawn fuq, fil-paragrafu 44.
- [7] Eżempju ta’ dan hija d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva 92/42/KEE u d-Direttivi 96/57/KE u 2000/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.
- [8] Artikolu 4 (2) (i).
- [9] B. Delvaux, A. Guimaraes-Purokoski: EU Energy Law and policy issues, Kollezzjoni ELRF, L-1 edizzjoni (edituri B. Delvaux, M. Hunt, K. Talus) pp. 13-16, 27-28.
- [10] Il-Kawża C-376/98 ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja v. il-Parlament u l-Kunsill [2000] Ġabra I-8419.
- [11] Is-Sitt Programm t’Azzjoni Komunitarju dwar l-Ambjent, Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE; Politika Integrata tal-Prodotti dwar Żvilupp ta’ Kunċett Ambjentali marbut maċ-“Ċiklu tal-Ħajja”, IPP (COM (2003) 302 finali) u L-implimentazzjoni tal-programm ta’ Liżbona tal-Komunità: Strateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju, COM (2005) 535 finali tal-25.10.2000.
- [12] Pereżempju twieqi u prodotti ta’ iżolament.
- [13] 27 miljun tunnellata ekwivalenti ta’ żejt (unità ta’ enerġija).
- [14] SEC (2008) 2862, p.6.
- [15] Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.
- [16] Il-Każ C-91/05, Kummissjoni v. Kunsill [2008] ECR I-3651.
- [17] Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Klaus-Heiner Lehne (President),
PROĊEDURA
Titolu |
Indikazzjoni, permezz tat-tikkettar u ta’ informazzjoni standard dwar il-prodotti, tal-konsum ta’ enerġija u ta’ riżorsi oħra tal-prodotti marbuta mal-enerġija (riformulazzjoni) |
|||||||
Referenzi |
05247/1/2010 – C7-0094/2010 – 2008/0222(COD) |
|||||||
Data tal-1 qari tal-PE - Numru P |
5.5.2009 T6-0345/2009 |
|||||||
Proposta tal-Kummissjoni |
COM(2008)0778 - C6-0412/2008 |
|||||||
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja tal-wasla tal-pożizzjoni komuni |
19.4.2010 |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ITRE 19.4.2010 |
|||||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Anni Podimata 21.7.2009 |
|
|
|||||
Bażi legali kkontestata Data tal-opinjoni tal-JURI |
JURI 28.4.2010 |
|
|
|
||||
Data tal-adozzjoni |
28.4.2010 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
51 0 0 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Christian Ehler, Lena Ek, Ioan Enciu, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Sajjad Karim, Arturs Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Antonio Cancian, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Oriol Junqueras Vies, Ivailo Kalfin, Alajos Mészáros, Ivari Padar, Vladko Todorov Panayotov, Markus Pieper, Vladimír Remek, Frédérique Ries, Theodoros Skylakakis, Silvia-Adriana Ţicău, Hermann Winkler |
|||||||
Data tat-tressiq |
29.4.2010 |
|||||||