RAPPORT dwar il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta’ Lisbona
30.4.2010 - (2009/2235(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Ricardo Cortés Lastra
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta’ Lisbona
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 174 sa 178 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni[1],
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni 2006/702/KE tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-Koeżjoni[2],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar “l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Fondi Strutturali 2007-2013: ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji ta’ koeżjoni u l-programmi operazzjonali”[3],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Awwissu 2007 dwar “Reġjuni Ewropej kompetittivi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni - Kontribuzzjoni lejn aktar tkabbir u impjiegi aktar u itjeb” (COM(2007)0474),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Novembru 2007 dwar “Reġjuni li jwasslu l-innovazzjoni permezz tal-politika ta’ koeżjoni” (SEC(2007)1547),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. Bidu ġdid għall-Istrateġija ta’ Liżbona” (COM(2005)0024),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni “Dokument ta’ evalwazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona” (SEC(2010)0114),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 dwar “It-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni tal-Istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, 2007-2013” (COM(2007)0798),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2008 dwar “Ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013” (COM(2008)0301),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2009 dwar l-20 rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali (2008) (COM (2009)0617),
– wara li kkunsidra l-evalwazzjonijiet ex post tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2009 dwar Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Futura “EU2020” (COM(2009)0647),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew Informali tal-11 ta’ Frar 2010,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020 u r-riżultat tagħha (SEC2010)0116),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 “Ewropa 2020. Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 li jħeġġeġ dibattitu tal-UE dwar il-koeżjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7–0129/2010),
A. billi, wieħed iżomm f’moħħu li l-għan finali tal-politika ta’ koeżjoni huwa li jitnaqqas id-distakk bejn il-livelli ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni u l-limitu sa fejn ir-reġjuni l-inqas favoriti u l-gżejjer (inklużi ż-żoni rurali) qed jaqgħu lura, mill-2007 r-regolamenti tal-Fondi Strutturali jinkludu l-għoti obbligatorju ta’ flus għall-objettivi ta’ Lisbona għall-UE15 u mekkaniżmu simili għall-għoti mhux obbligatorju ġie applikat b'mod volontarju mill-UE12, b’tali mod li r-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni jappellaw għall-Istati Membri u r-reġjuni, it-tkabbir u l-impjiegi,
B. billi - b’mod partikolari matul ir-reċessjoni attwali - il-politika ta’ koeżjoni hija waħda mill-istrumenti ewlenin biex jitrawmu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi fl-UE minħabba, fost affarijiet oħra, l-ammont stabbli tagħha ta’ fondi għal programmi u politiki ta' żvilupp fuq tul ta' żmien twil, is-sistema ta’ mmaniġġjar deċentralizzata applikata u l-inklużjoni ta’ prijoritajiet ta’ żvilupp sostenibbli Komunitarji fost l-objettivi fundamentali tagħha,
C. billi żewġ terzi tal-investiment tas-settur pubbliku madwar l-UE ġej mil-livelli reġjonali u lokali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali spiss jikkonċentraw kompetenzi sostanzjali tal-politika u huma atturi ewlenin fit-twassil kemm tal-Istrateġija attwali ta’ Lisbona kif ukoll tal-Istrateġija futura tal-UE2020,
D. billi l-politika ta' koeżjoni u l-Istrateġija UE 2020 għandhom jiġu integrati minħabba li l-politika ta' koeżjoni hija inkluża fit-Trattat ta' Lisbona sabiex jitrawmu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjieg, li huma l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija,
E. billi l-istrateġija proposta UE2020, simili għall-Istrateġija ta’ Lisbona, ma tirriflettix b’mod suffiċjenti l-livelli ta’ żvilupp differenti ta’ reġjuni u Stati Membri u għalhekk ma tenfasizzax biżżejjed il-koeżjoni ekonomika fl-UE mkabbra,
Il-Politika ta’ Koeżjoni u l-Istrateġija ta’ Lisbona
1. Josserva li fl-allokazzjonijiet tal-programm għall-2007-2013 madwar €228 biljun ġew assenjati matul il-perjodu ta’ 7 snin għall-prijoritajiet ta’ Lisbona; jindika li l-allokazzjonijiet inġenerali, fl-UE12 ukoll, marru ’l bogħod mill-persentaġġi suġġeriti;
2. Jinnota li l-allokazzjonijiet ivarjaw ħafna madwar l-Istati Membri u fost l-Objettivi; jenfasizza li m’hemmx politika waħda li tgħodd għall-oqsma kollha u li tentattiv bħal dan iwassal għal nuqqas ta’ sjieda u identifikazzjoni bi kwalunkwe strateġija għat-tkabbir u jirriżulta fl-implimentazzjoni fqira tagħha;
3. Ifakkar li diġà fil-perjodu 2000-2006, minkejja l-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ assenjazzjoni, ir-rabta bejn il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Istrateġija ta’ Lisbona kienet b’saħħitha b’€10.2 biljuni investiti fir-riċerka u l-innovazzjoni;
4. Huwa tal-fehma li l-Istrateġija ta’ Lisbona oriġinali, ibbażata biss fuq il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, strutturalment ma kienx possibbli li jinkisbu l-miri msemmija u li kien biss meta kienet marbuta mal-Politika ta’ Koeżjoni li ntlaħqu riżultati veri; jisħaq li dan l-iżball għandu jiġi evitat fl-istrateġija proposta UE 2020;
5. Jiddispjaċih li minħabba d-dewmien għall-bidu tal-programmi u n-nuqqas sussegwenti ta’ data dwar l-infiq, il-korrispondenza bejn l-allokazzjonijiet tal-programm u n-nefqa proprja ma tistax tiġi verifikata f’dan l-istadju, u lanqas hu possibbli li jiġi evalwat jekk l-investimenti ta’ Lisbona humiex affidabbli, b’mod partikolari fir-rigward ta’ programmar f’pajjiżi inqas avvanzati; jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport strateġiku tal-Kummissjoni u jitlob li dibattitu interistituzzjonali ta’ livell għoli jsir fuq din il-bażi biex janalizza l-kontribuzzjoni tal-politika ta’ koeżjoni għall-objettivi ta’ Lisbona u biex jevalwa interrelazzjonijiet futuri;
6. Jikkritika n-nuqqas ta’ evalwazzjoni ġenerali tal-impatt tan-nefqa ta’ koeżjoni dwar l-iżvilupp reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt territorjali tal-assenjazzjoni ta’ Fondi Strutturali għall-Istrateġija ta’ Lisbona u biex tevalwa jekk din is-sistema hijiex verament qiegħda tikkontribwixxi għal żvilupp reġjonali bilanċjat u koerenti;
7. Jirrikonoxxi li evalwazzjoni effettiva għandha tkun ibbażata fuq indikaturi li jippermettu t-tqabbil tad-data u l-aggregazzjoni fost ir-reġjuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħejji proposta għall-indikaturi tal-evalwazzjoni qabel l-2012 sabiex tipprovdi l-mezzi biex tkejjel ir-riżultat tal-impatt kif ukoll fir-rigward tal-kwantità u l-kwalità u biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;
8. Jiddispjaċih li, filwaqt li l-objettivi ewlenin tal-Aġenda ta’ Lisbona inizjalment inkludew it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali, it-tnedija mill-ġdid tal-Istrateġija fl-2005 ppreżentat programm anqas ambizzjuż;
9. Jikkunsidra l-governanza dgħajfa f’ħafna livelli bħala waħda mil-limiti ewlenin tal-Istrateġija ta’ Lisbona, bl-involviment insuffiċjenti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġija; jirrakkomanda l-integrazzjoni qawwija tagħhom fil-futur fl-istadji kollha;
10. Jenfasizza li meta l-prinċipju ta’ sħubija ġie applikat fl-Istrateġija ta’ Lisbona, żied is-sens ta’ approprjazzjoni tal-objettivi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll mill-partijiet ekonomiċi u soċjali interessati, u sostenibilità ogħla żgurata tal-intervenzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija fl-Istati Membri b’mod aktar effikaċi;
11. Jinnota li r-reġjuni u l-ibliet tal-Ewropa jiżvolġu rwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona, minħabba li huma atturi ewlenin fil-qasam tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-politika ta’ edukazzjoni; jindika li huma jimplimentaw aktar minn terz tal-investiment pubbliku kollu fl-UE u kulma jmur qed jiffikuaw aktar l-infiq tal-Fond Strutturali fuq it-tkabbir – u l-objettivi relatati mal-impjiegi;
12. Jindika li l-livell reġjonali u b’mod partikolari dak lokali għandu rwol kruċjali x’jilgħab bħala l-magna biex tilħaq atturi ekonomiċi u soċjali numerużi li jgħixu u jipproduċu fl-Ewropa, partikolarment l-SMEs, u dawk li jrawmu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;
13. Jiddispjaċih dwar is-sinerġiji dgħajfin li jeżistu bejn l-Oqsfa ta’ Referenza Strateġika Nazzjonali u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma skont l-istrateġija; jirrakkomanda djalogu aktar b'saħħtu u regolari fil-livelli kollha, inkluż il-livell Komunitarju, bejn amministrazzjonijiet responsabbli mill-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġiji ta’ Lisbona/UE2020 u l-isħab relevanti mill-kumitat tal-monitoraġġ;
14. Japprezza li r-riżultati li saru sa issa permezz tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja u l-koperazzjoni mal-BEI fit-trawwim tal-innovazzjoni u r-riċerka permezz ta’ forom rinnovabbli ta’ finanzjament u jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu r-rabtiet bejn l-istrument ta’ finanzjament tal-UE u l-istrumenti ta’ finanzjament tal-BEI; jirrikonoxxi l-potenzjal għall-ingranaġġ għal investimenti u jitlob għat-tisħiħ tagħhom b’mod speċjali fir-rigward ta’ JEREMIE u JESSICA biex jiżguraw appoġġ aħjar għan-negozji u l-SMEs; jirrakkomanda li r-regoli li jiggvernaw dawn l-istrumenti ikunu simplifikati biex jippermettu użu akbar mill-benefiċjarji;
Il-Politika ta’ Koeżjoni u l-UE2020
15. Jilqa’ d-dibattitu dwar l-istrateġija UE2020; jenfasizza n-natura ta’ din l-istrateġija fuq medda twila ta’ żmien li għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet qafas għal tkabbir stabbli u ħolqien ta' impjiegi fl-Ewropa u tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, u jaqbel mal-prijoritajiet definiti; jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żviluppat b'mod sussegwenti approċċ ta' governanza fuq ħafna livelli għall-koeżjoni territorjali li tant hemm bżonnha fl-Ewropa;
16. Jiddispjaċih li din l-istrateġija ġiet proposta qabel it-tlestija tar-reviżjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona attwali; Jirrakkomanda bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tipprepara evalwazzjoni onesta tan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona; Jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet ta' dan ir-rapport parlamentari għandhom jiġu inklużi fil-verżjoni finali tal-istrateġija l-ġdida;
17. Jitlob għall-bżonn li tiġi żgurata infrastruttura effiċjenti u estensiva billi jiġu mmodernizzati s-sistemi ta' trasport, jiġu introdotti arranġamenti ta’ trasport li ma jħammġux, li jitjieb b’mod kwalitattiv l-aċċess għall-ilma u d-dranaġġ u s-sistemi ta’ mmaniġġjar tal-iskart, billi jiġi introdott immaniġġjar ambjentali effettiv, u billi jiġi żgurat l-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali u enerġiji rinnovabbli, bil-għan li jkun hemm żvilupp ekonomiku u koeżjoni soċjali mtejba;
18. Iħeġġeġ lill-UE tadotta dispożizzjonijiet speċfiċi u tieħu azzjoni xierqa biex tilħaq il-ħtiġijiet speċjali ta’ reġjuni kkaratterizzati minn nuqqasijiet naturali jew demografiċi ta' natura serja u permanenti, bħal ma huma reġjuni kostali, gżejjer, reġjuni muntanjużi u reġjuni transkonfinali u l-aktar imbiegħda, fid-dawl tal-bażi legali għall-koeżjoni territorjali li jipprovdi t-Trattat ta’ Lisbona l-ġdid;
19. Japprezza li d-dimensjoni soċjali hija kkunsidrata fil-proposta, iżda jenfasizza li l-pilastru ekonomiku għandu r-rwol ċentrali f’termini ta’ ħolqien tax-xogħol u għalhekk huwa importanti li jitlesta s-Suq Intern ħieles, miftuħ u funzjonali li jippermetti lin-negozji jirreaġixxu mal-flessibilità ta' tendenzi makroekonomiċi; jenfasizza li l-kriżi riċenti wriet li l-ebda strateġija għat-tkabbir ma tista’ tittraskura l-objettivi tal-protezzjoni soċjali, l-aċċess għas-servizzi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-ħolqien ta’ xogħlijiet ta’ kwalità;
20. Jilqa’ t-talba għal impjiegi aktar sostenibbli u intelliġenti, iżda jagħraf li mudell ġdid ekonomiku jista’ jwassal għal distribuzzjoni mhux ugwali tal-ispejjeż u l-benefiċċji fost Stati Membri u reġjuni individwali, u għalhekk biex jipprevjeni dan milli jseħħ, jitlob lill-Unjoni tieħu r-responsabilità u tidentifika oqsma ewlenin tal-azzjoni fejn skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà l-intervent fil-livell Ewropew huwa l-aktar xieraq biex jinkisbu l-aqwa riżultati għal kulħadd;
21. Jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni huma strumenti ewlenin għall-iżvilupp tal-UE u biex ikunu jistgħu jagħmluha aktar kompetittiva quddiem sfidi globali; huwa tal-opinjoni li għandu jkun hemm investiment regolari f’dawn l-oqsma kif ukoll evalwazzjoni regolari tal-progress li sar fuq bażi tar-riżultati li nkisbu; f’dan ir-rigward jappella għal koordinazzjoni aħjar tal-Fondi Strutturali u l-Programm ta’ Qafas biex ikabbru l-benefiċċji tal-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-futur u għall-iżvilupp ta' gruppi innovattivi reġjonali fl-Istati Membri u bejniethom;
22. Jinsab konvint li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma prekundizzjonijiet fundamentali għall-iżvilupp tal-UE u biex ikunu jistgħu jagħmluha aktar kompetittiva quddiem sfidi globali; jemmen li l-investiment irid jiġi żgurat f'dan il-qasam b'mod regolari u li l-progress tal-objettivi jrid jiġi valutat regolarment;
23. Jirrikonoxxi li l-istruttura stabbilita ta’ oġġetti fil-politiki strutturali taw prova li kien hemm suċċess waqt l-ewwel snin tagħha; jappella f’ġieħ l-affidabilità tal-ippjanar għall-kontinwazzjoni ta’ din l-istruttura kif ukoll għall-kontinwazzjoni tal-prinċipju ta’ mmaniġġjar maqsum; jirrikonoxxi li jista’ jkun hemm il-ħtieġa ta’ aġġustament tal-kontenut oġġettiv għal adattament għall-miri tal-2020;
24. Jinnota li n-nuqqasijiet infrastrutturali, partikolarment f'reġjuni rurali, xorta jvarjaw b’mod konsiderevoli madwar l-Ewropa li jibblokkjaw it-tkabbir potenzjali tagħha u l-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern; jenfasizza l-importanza ta’ koperazzjoni transkonfinali f’dan ir-rigward u jemmen li jeħtieġ li tinħoloq sitwazzjoni verament bl-istess kondizzjonijiet fit-trasport, l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet u l-infrastruttura tal-IT, u għandha tiġi inkluża fl-istrateġija u tkompli tkun parti essenzjali tal-politika ta’ koeżjoni;
25. Jirrikonoxxi li l-Baġit tal-UE għandu jilgħab rwol ċentrali biex jinkisbu l-miri tal-UE 2020; jikkunsidra li l-politika ta’ koeżjoni, minħabba l-fokus strateġiku tagħha, il-kundizzjonalità b’saħħitha u li torbot, l-interventi magħmula bil-qies, u l-monitoraġġ u l-għajnuna teknika, hija mekkaniżmu effiċjenti u effettiv għat-twassil tal-istrateġija UE2020;
26. Jinnota li, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal broadband, jeżistu defiċits kbar f’żoni rurali, li għandhom jingħelbu skont l-objettiv imsemmi fl-Aġenda Diġitali, biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli ta’ dawn ir-reġjuni;
27. Jilqa’ r-rikonoxximent tar-rwol tal-Fondi Strutturali fit-twassil tal-miri UE2020; madankollu jenfasizza, li l-politika ta’ koeżjoni mhijiex sempliċiment is-sors ta’ allokazzjonijiet finanzjarji stabbli, iżda hi strument qawwi għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni kollha tal-Ewropa. Il-miri ewlenin tagħha – li jegħlbu n-nuqqas ta’ qbil bejn ir-reġjuni u jintroduċu koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali reali fl-Ewropa, u prinċipji - approċċ integrat, governanza fuq ħafna livelli u sħubija reali - huma l-elementi prinċipali kumplimentari għas-suċċess tal-istrateġija u għandhom ikunu kkoordinati magħha;
28. Jenfasizza li politika ta’ koeżjoni b’saħħitha u ffinanzjata sew, li tiġbor fiha r-reġjuni Ewropej kollha, għandha tkun element ewlieni għall-Istrateġija UE2020; jemmen li din il-politika, bl-approċċ orizzontali tagħha, hija prekundizzjoni fundamentali għat-twassil b’suċċess tal-miri UE2020, kif ukoll għal ksib ta’ koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE; jirrifjuta kull tentattiv biex din il-politika ta’ koeżjoni tiġi nazzjonalizzata mill-ġdid u jitlob għad-dimensjoni reġjonali biex tkun appoġġjata bis-sħiħ fir-reviżjoni tal-baġit tal-UE;
29. Jenfasizza li d-definizzjoni fil-ħin ta’ mekkaniżmi ta’ twassil hija ta’ importanza kbira għas-suċċess tal-Istrateġija UE 2020;
30. Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni mhijiex subordinata għall-Istrateġija UE2020; jenfasizza li filwaqt li l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni għandhom ikunu konformi mal-objettivi tal-UE2020, għandha tkun permessa biżżejjed flessibilità biex takkomoda l-ispeċifiċitajiet reġjonali u tappoġġja r-reġjuni anqas b’saħħithom u l-aktar li għandhom bżonn biex jegħlbu d-diffikultajiet soċjoekonomiċi tagħhom, nuqqasijiet naturali u jnaqqsu n-nuqqas ta’ qbil;
31. Jitlob għal sistema ta’ governanza mtejba fl-Istrateġija UE2020 meta mqabbla mal-Istrateġija ta’ Lisbona; jirrakkomanda t-tfassil u l-implimentazzjoni, filwaqt li jintużaw il-fondi ta' Koeżjoni u dawk strutturali, skont il-prinċipju ta’ governanza fuq ħafna livelli sabiex jiżgura involviment akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li dan l-involviment jaf jinkludi l-adozzjoni ta’ ftehimiet ta’ governanza fuq ħafna livelli;
32. Jikkunsidra li l-istrateġija tal-UE2020 għandha tkun parti integrali fil-ksib tal-mira ta’ koeżjoni territorjali, inkluża bħala objettiv ġdid fit-Trattat ta’ Lisbona; jemmen li l-inizjattivi lokali għal koperazzjoni transkonfinali joffru potenzjal għal koeżjoni territorjali li għadha ma ġietx sfruttata biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proposti tagħha tistabbilixxi r-rwol tal-istrateġiji tal-makroreġjuni f’aktar dettall għall-arranġamenti ta’ koperazzjoni territorjali futuri;
33. Jindika li dimensjoni territorjali aktar b’saħħitha tal-istrateġija, li tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet u l-livelli differenti tal-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej, bl-involviment dirett tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-imsieħba kif imsemmija fir-Regolament dwar il-Fondi Strutturali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi relevanti, twassal għal sens akbar ta’ approprijazzjoni tal-miri tiegħu fil-livelli kollha u tiżgura għarfien aħjar tal-objettivi u r-riżultati fir-realtà; jemmen, barra minn hekk, li r-reġjuni jeħtieġu jiġu appoġġjati kontinwament billi jiġu żviluppati strumenti finanzjarji innovattivi biex b’hekk jinżamm ir-rwol tagħhom biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona;
34. Jenfasizza l-importanza ta’ għarfien bażiku, kemm lokalment u b’mod reġjonali, għall-objettivi tal-IstrateġijaUE2020; minn dan il-lat, iqis li huwa essenzjali li tiġi żgurata d-dispożizzjoni ta’ statistiċi konġunti, kif ukoll titkejjel il-kapaċià fir-rigward tal-indikaturi, kemm fil-livell reġjonali u lokali;
35. Jindika li r-rwol prinċipali tal-ibliet fil-ksib tal-miri UE2020; iħeġġeġ li l-esperjenza u l-kontribuzzjoni tagħhom jiġu kkunsidrati fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet UE2020, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tibdil fil-klima, fl-integrazzjoni soċjali u fid-demografija u investimenti fl-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, fl-enerġija, fit-trasport, fil-ġestjoni tal-ilma, fil-kura tas-saħħa, fis-sigurtà pubblika eċċ; jaqbel mal-konklużjonijiet abbozzati tal-Kunsill li r-reġjuni għandhom ikunu involuti fl-istrateġiji tal-impjiegi u tat-tkabbir fil-futur; jissuġġerixxi li, minħabba li kull strateġija f’dan il-qasam għandha tiġi eżegwita f’koperazzjoni mar-reġjuni u l-ibliet, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iqisu l-parir tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija UE 2020;
36. Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti għall-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-politiki settorali eżistenti skont approċċ integrat; jirrakkomanda razzjonalizzazzjoni tal-objettivi, strumenti u proċeduri amministrattivi tal-programmi u allinjament tat-tul ta’ żmien tal-programm ta’ dawn il-politiki;
37. Jemmen, madankollu, li l-Unjoni għandha tkompli tuża bħala l-mekkaniżmi ta’ finanzjament ewlenin, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-fondi struturali, li għandhom metodi ta’ twassil operazzjonali stabbiliti ħafna; iqis li m’hemmx bżonn jinħolqu fondi tematiċi separati ġodda biex jiġu indirizzati l-miri UE2020 u minflok jaħseb li għandhom jiġu inklużi fil-politika ta’ koeżjoni u dik ta’ żvilupp rurali;
38. Jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ approċċ simplifikat għall-użu tal-Fondi Strutturali fil-qafas regolatorju tal-futur; jenfasizza li l-armonizzazzjoni tar-regoli u proċeduri kif ukoll l-attenzjoni mogħtija lill-mudelli tal-aħjar prattika jistgħu jwasslu għal sistemi simplifikati ta’ twassil u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni minn benefatturi potenzjali fi programmi kofinanzjati tal-UE;
39. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq reviżjoni annwali tal-prijoritajiet tal-Istrateġija UE-2020, fuq bażi tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tagħha u tqis kwalunkwe tibdil fil-kundizzjonijiet kif previsti mill-bidu u l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet ġodda bħala dawk marbuta mill-qrib ma’ bidliet ta’ natura permanenti fil-livell lokali, reġjonali u globali;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament, kemm jista’ jkun malajr, programm ta’ ħidma strutturat għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u, fil-futur, evalwazzjonijiet ta’ implimentazzjonijiet ċari; barra minn hekk jappella għal dokument ta’ ħidma ċar li jistabbilixxi r-relazzjoni bejn il-politika tal-Istrateġija u tal-Koeżjoni;
41. Jikkunsidra li l-Kumitat tar-Reġjuni, permezz tal-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ ta’ Lisbona, għandha tkompli timmoniterja l-progress fuq bażi tal-istrateġija futura UE2020 u li l-Istati Membri għandhom jintalbu jirrappurtaw kull sena, f’manjiera strutturata, fuq il-progress li sar;
42. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 210, 31.7.2006, p.25.
- [2] ĠU L 291, 21.10.2006, p.11.
- [3] Testi Adottati, P6_TA(2009)0165.
NOTA SPJEGATTIVA
L-evalwazzjoni tas-sistema attwali
Kemm l-Istrateġija ta’ Lisbona kif ukoll il-politika ta’ koeżjoni identifikaw fl-innovazzjoni fis-sens wiesa’ tagħha l-istrument ewlieni biex jitrawwem l-iżvilupp tat-territorju Ewropew u tiżdied il-kapaċità kompetittiva tagħha kontra l-isfidi li ġejjin minn dinja globalizzata. Konsegwenza ta’ hekk, l-innovazzjoni tqiegħdet fiċ-ċentru tagħhom it-tnejn u r-rwol strateġiku tagħha ġie enfasizzat bħal qatt qabel.
Il-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji għall-perjodu 2007-2013 stabbilixxew rekwiżit formali għall-UE15 (u rakkomandazzjoni għall-UE12) biex jassenjaw minn tal-anqas 60% tal-allokazzjonijiet tal-Programm fir-reġjuni ta’ Konverġenza u 75% fir-reġjuni tal-Kompetittività u tal-Impjiegi biex jinkisbu l-objettivi ta’ Lisbona.
Propjament, diġà fil-perjodu 2000-2006, meta l-ebda rekwiżit formali tal-assenjazzjoni ma kien f’postu, bejn 5.5% u 7.4% tan-nefqa tal-Fondi Strutturali kollha (€10.2 biljuni fit-total) kienu investiti fl-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni.
L-evalwazzjonijiet ex post disponibbli sa issa jenfasizzaw li l-użu ta’ programmi reġjonali biex jinkisbu l-objettivi ta’ Lisbona kienu aktar evidenti għar-reġjuni li huma relattivament aktar sinjuri u aktar limitati għal dawk li żviluppaw l-aħħar, fejn il-programmi kellhom tendenza li jenfasizzaw infrastruttura kemmxejn bażika.
Ovvjament l-ebda strateġija li tgħodd għal kollox ma tista’ tiġi applikata fl-oqsma kollha; għall-kuntrarju l-ispeċifiċitajiet għal reġjuni differenti - id-dimensjoni territorjali tagħhom - kellhom impatt kbir fuq l-effettività tal-miżuri implimentati. L-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tfassil minbarra fl-implimentazzjoni tal-programmi jsir għalhekk essenzjali minħabba li dawn huma l-atturi l-aktar konxji tal-ħtiġijiet tat-territorju rispettiv tagħhom.
Mill-analiżi tal-allokazzjonijiet tal-Programm għall-2007-2013 jirriżulta li l-assenjazzjoni għelbet b’mod sensittiv il-limiti stabbiliti. B’mod partikolari fl-objettiv tal-Konverġenza 65% u fir-reġjuni tal-Kompetittività 82% tal-fondi ġew immarkati għal prijoritajiet marbuta ma’ Lisbona. Dawn il-persentaġġi, li flimkien jagħmlu total ta’ allokazzjoni ta’ madwar €228 biljun matul il-perjodu ta’ 7 snin, jirreferu għall-UE27, li anka l-UE12 ikkommettew lilhom infushom serjament fl-eżerċizzju tal-immarkar.
Ovvjament, l-allokazzjoni tvarja b’mod sinifikanti madwar l-Istati Membri u fost Objettivi. B’mod partikolari fir-reġjuni tal-Kompetittività l-ipprogrammar huwa marbut ħafna ma’ Lisbona bl-enfasi fuq l-innovazzjoni, l-għarfien u t-teknoloġija, billi fil-programmi ta’ Konverġenza l-prijoritajiet marbuta mal-impjieg huma kemmxejn privileġġati li juru li riforma tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ hawnhekk huma kkunsidrati bħala prerekwiżit għal aktar żvilupp.
L-ewwel rapport Strateġiku, li janalizza r-riżultati tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri fil-ksib ta’ dawn il-prijoritajiet permezz tal-infiq fl-ewwel 18-il xahar tal-Programm ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2010 l-aktar tard.
Dak li għandu jiġi evalwat fid-dettall fil-fatt huwa sa liema punt dawn l-impenji huma riflessi f’termini ta’ nefqa attwali fil-livell tal-proġett. Sfortunatament minħabba dewmien għall-bidu tal-programmi u n-nuqqas sussegwenti ta’ data dwar in-nefqa, din il-korrispondenza ma tistax tiġi verifikata f’dan l-istadju.
Ir-rapport Strateġiku tal-Kummissjoni għalhekk se jirrappreżenta dokument prinċipali f’dan is-sens, minkejja l-perjodu limitat kopert, li fuqu jibbaża livell għoli ta’ dibattitu interistituzzjonali li se jsir biex jevalwa l-livell u t-tip ta’ kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali għall-objettivi ta’ Lisbona u jħejji t-triq għal riflessjoni serja fost l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, l-atturi reġjonali u s-soċjetà ċivili fuq il-forma u l-kontenut tal-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi wara l-2010, l-hekk imsejħa Strateġija UE2020.
Ferm aktar kruċjali huwa li jkun jista’ jiġi evalwat fuq medda twila ta’ żmien liema’ impatt verament sar fl-Istati Membri u r-reġjuni li huwa marbut mal-investimenti li saru marbuta ma’ Lisbona permezz tal-Fondi Strutturali. Kwalunkwe diskussjoni dwar il-futur mhux se tkun effettiva jekk ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni mhumiex magħrufa.
Għalkemm din id-dejta għadha mhix disponibbli minħabba l-istadju bikri tal-implimentazzjoni tal-Programm, huwa essenzjali li wieħed iħejji t-triq u jissensibilizza lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa biex jiġu żviluppati b’mod urġenti l-istrumenti li jippermettu tali analiżi, i.e. indikaturi omoġeni, li jistgħu jinġabru u mqabbla madwar il-Programmi u l-Istati Membri matul il-perjodu sħiħ sabiex jiġu verifikati l-impatti prodotti u jsiru l-aġġustamenti meħtieġa.
Ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istrateġija UE2020
Biex jinbena l-futur wieħed għandu janalizza l-passat sabiex jimmassimizza r-riżultati miksuba, jikkapitalizza l-esperjenzi u jevita l-iżbalji ta’ qabel. Riflessjoni profonda dwar ir-relazzjoni bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija ta’ Lisbona għalhekk hija meħtieġa meta tiġi biex tinbena l-Istrateġija l-ġdida UE2020, li hija maħsuba li tindirizza l-isfidi tal-għaxar snin li ġejjin.
Il-politika ta’ koeżjoni fil-fatt tista’ tirnexxi aktar minn politiki oħra fil-mobilizzazzjoni ta’ investimenti għat-tkabbir u l-impjiegi; uriet ukoll li meta l-prinċipju ta’ sħubija jiġi applikat b’mod sew u l-atturi reġjonali u lokali jsiru protagonisti tal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet, jitnissel sens akbar ta’ sjieda tal-objettivi tal-politika u r-riżultati.
Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Istrateġija UE2020 tirrikonoxxi l-politika ta’ koeżjoni bħala l-politika prinċipali biex twassal il-miri tal-UE2020.
Madankollu, jidher, li trid tiġi kkunsidrata aktar bħala s-sors ta’ allokazzjonijiet finanzjarji stabbli aktar milli bħala referenza ewlenija minħabba l-applikazzjoni ta’ prinċipji bħas-sħubija, l-approċċ integrat, il-governanza f’ħafna livelli kif ukoll għall-kapaċità tagħha biex torganizza l-atturi reġjonali u lokali. Jekk dawn il-prinċipji, li jirrappreżentaw kontribuzzjoni ewlenija tal-politika ta’ koeżjoni lejn l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija UE2020, mhumiex integrati b’mod xieraq fiha, il-livell ta’ suċċess tal-Istrateġija nnifisha jista’ jkun f’periklu.
Xi rakkomandazzjonijiet konkreti huma ppreżentati fir-rapport sabiex jiżguraw li din ir-rabta tiġi kkunsidrata kif suppost:
· il-prijoritajiet identifikati fl-Istrateġija UE2020 għandhom ikunu strettament konformi ma’ dawk tal-politika ta’ koeżjoni futura: aktar konċentrazzjoni fuq prijoritajiet ewlenin u komplementarjetajiet mtejba bejniethom huma meħtieġa, filwaqt li tiġi żgurata l-flessibilità meħtieġa biex takkomoda l-ispeċifiċitajiet reġjonali.
· sinerġiji bejn l-Oqsfa ta’ Referenza Strateġika Nazzjonali u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma għandhom jiġu żviluppati u l-potenzjal tagħhom għandu jkun sfruttat aħjar ukoll permezz ta’ koordinazzjoni amministrattiva aħjar fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiżdied il-governanza.
· L-objettivi tal-UE2020 għandhom jiġu definiti fil-livell Komunitarju iżda l-implimentazzjoni u l-adattament tagħhom fil-politiki nazzjonali għandhom jinvolvu aktar lill-awtoritajiet sottonazzjonali fil-futur. Wieħed mil-limiti rikonoxxut b’mod wiesa’ sa issa fir-rigward tal-Istrateġija ta’ Lisbona hija l-governanza dgħajfa f’ħafna livelli u l-involviment insuffiċjenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-objettivi tagħha, minkejja l-fatt li 2/3 tal-investiment tas-settur pubbliku jiġi mil-livell reġjonali u lokali u li dawn l-awtoritajiet spiss jikkonċentraw kompetenzi sostanzjali tal-politika. Il-kunsiderazzjoni tad-dimensjoni reġjonali fl-Istrateġija futura hija meħtieġa wkoll fl-applikazzjoni għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, li jirrikonoxxi d-dimensjoni sottonazzjonali tas-sussidjarjetà. Approċċ minn isfel għal fuq ikun jista’ jiżgura approprjazzjoni proprja tal-Istrateġija u s-sostenibilità tagħha fuq medda twila ta’ żmien. Governanza f’ħafna livelli teħtieġ tiġi kkunsidrata mhux biss fid-dimensjoni vertikali tagħha, iżda wkoll f’dik orizzontali, żvilupp ta’ relazzjonijiet bejn atturi ekonomiċi u soċjali tal-istess livell.
· Il-prinċipju ta’ sħubija għandu jkun implimentat b’mod sħiħ fit-twassil tal-Istrateġija futura. Bidla bħal din fl-approċċ ikollha l-vantaġġ li tiżgura komunikazzjoni aħjar tal-objettivi u r-riżultati tal-Istrateġija fis-soċjetà ċivili, li n-nuqqas attwali tagħha juri li huwa wieħed mid-dgħufijiet il-kbar tal-Istrateġija ta’ Lisbona.
· Minkejja li l-koeżjoni territorjali ġiet rikonoxxuta bħala objettiv Komunitarju mit-Trattat ta’ Lisbona, id-dimensjoni territorjali ftit li xejn hi preżenti fil-proposta tal-Kummissjoni, li tista’ twassal għal riskju li l-politika tinqasam f’setturi. Min-naħa l-oħra approċċ integrat biss permezz tal-inklużjoni tad-dimensjoni reġjonali fl-Istrateġija jġib riżultati effettivi. B’mod partikolari sinerġiji bejn l-istrumenti tal-UE li jrawmu l-innovazzjoni (Fondi Strutturali, CIP u s-VII Programm Qafas) għandhom jiġu mtejba u t-tul ta’ żmien tal-ipprogrammar pluriennali ta’ dawn l-istrumenti għandu jinżamm f’konformità fil-futur.
· il-potenzjal tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja, b’mod partikolari JEREMIE u JESSICA għandhom ikunu sfruttati bis-sħiħ sabiex jiżguraw appoġġ aħjar għall-potenzjal tan-negozju, b’mod partikolari fir-rigward tal-SMEs; b’mod partikolari r-regoli biex jiġu aċċessati u mmaniġġjati l-allokazzjoni tal-fondi li huma disponibbli minn dawn l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu simplifikati sabiex jiġi stimulat l-użu tagħhom minn benefiċjarji interessati;
· finanzjament adegwat għandu jkun żgurat għal politika ta’ koeżjoni li tkopri t-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi ppermess appoġġ effettiv fit-twassil tal-Istrateġija l-ġdida;
· il-qafas regolatorju tal-futur tal-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ ikun simplifikat biex inaqqas il-livell attwali tal-iżbalji u jiffaċilita l-parteċipazzjoni fi proġetti speċjalment minn sħab privati.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.4.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
40 1 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, Zuzana Brzobohatá, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Ricardo Cortés Lastra, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Lambert van Nistelrooij, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Michael Theurer, Michail Tremopoulos, Viktor Uspaskich, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Vasilica Viorica Dăncilă, Ivars Godmanis, Catherine Grèze, Veronica Lope Fontagné, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid |
|||||