RAPPORT dwar penali għall-ksur serju ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq

30.4.2010 - (2009/2154(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Hella Ranner

Proċedura : 2009/2154(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0130/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar penali għall-ksur serju ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq

(2009/2154(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni li janalizza l-penali għall-ksur serju ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri” (COM(2009)0225),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0130/2010),

A. billi matul dawn l-aħħar snin l-Unjoni Ewropea ħolqot sistema ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq bl-adozzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 561/2006 kif ukoll tad-Direttiva Nru 2006/22/KE bil-għan li tiżdied is-sikurezza fit-toroq u li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta,

B.  billi s-sistemi ta’ penali li hemm fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma riżultat ta’ żvilupp storiku u għal din ir-raġuni jippreżentaw differenzi sinifikanti bejniethom, b’multi f’każijiet estremi li jistgħu jkunu sa għaxar darbiet ogħla minn pajjiż għall-ieħor,

C. billi l-pożizzjoni legali rigward it-trasport internazzjonali tant saret kumplessa li l-intraprendituri u fuq kollox anki s-sewwieqa qed isibuha bi tqila li jsibu rkaptu tagħha, l-implimentazzjoni tar-regoli qed toħloq sfidi kbar għall-Istati Membri u s-sitwazzjoni attwali mhijiex kompatibbli mas-suq intern,

D. imħasseb dwar ir-rapporti tan-nuqqasijiet li jaffettwaw it-takografi diġitali li jagħmluhom vulnerabbli ħafna għall-manipulazzjoni,

Rimarki ġenerali

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tal-penali għall-ksur serju ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri; jiddispjaċih però li, minħabba n-nuqqas ta’ data minn xi Stati Membri individwali, ma jikkostitwixxix analiżi kompleta tas-sitwazzjoni fl-Ewropa kif inhi bħalissa; jitlob lill-Kummissjoni biex tistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu d-data nieqsa;

2.  Jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni jirreferi għall-kategorizzazzjoni tal-ksur skont l-Anness III l-ġdid tad-Direttiva Nru 2006/22/KE tal-Kummissjoni, mingħajr ma tkun ikkunsidrata l-iskadenza għall-implimentazzjoni stabbilita mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva Nru 2009/5/KE tal-Kummissjoni;

3.  Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex, diġà fl-2010, tippreżenta rapport aġġornat u komplet dwar l-implimentazzjoni tal-Anness III l-ġdid tad-Direttiva Nru 2006/22/KE;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-perjodi ta’ rappurtar ta’ qabel kien hemm dewmien sinifikanti, biex b’hekk, pereżempju, ir-rapport attwali tat-3 ta’ Awwissu 2009 (l-24 rapport mill-Kummissjoni li janalizza l-penali għall-ksur serju ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq) jittratta biss id-data mill-2005 u l-2006, u għaldaqstant bilkemm jista’ jwassal għal konklużjonijiet dwar l-istat attwali tal-armonizzazzjoni tar-regoli soċjali għall-utenti tat-trasport bit-triq;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom kollha biex jiżguraw li l-objettivi stipulati fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jiġu sodisfati aktar malajr, sabiex ikun hemm aktar statistika reċenti disponibbli għall-miżuri futuri ta’ armonizzazzjoni;

6.  Jiġbed l-attenzjoni li anki l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 jagħti elenku tal-ksur serju kif definit f’dak ir-Regolament; għaldaqstant huwa tal-fehma li kategorizzazzjoni armonizzata tal-ksur serju ta’ regoli soċjali tikkostitwixxi neċessità ta’ importanza eċċezzjonali;

Differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri

7.  Jinnota li d-differenzi fil-penali applikabbli għall-ksur serju ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri jirrigwardaw mhux biss il-livell tal-multi, iżda wkoll it-tipi ta’ penali u l-kategorizzazzjoni tagħhom;

8.  Jiġbed l-attenzjoni li dawn id-differenzi jistgħu jiġu spjegati bil-kundizzjonijiet ekonomiċi u ġeografiċi differenti, kif ukoll bis-sistemi legali differenti tal-Istati Membri fejn tidħol il-prosekuzzjoni kriminali u bl-approċċi politiċi differenti fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq;

9.  Jinnota li r-regoli soċjali fit-trasport bit-triq, u b’mod partikulari r-Regolamenti (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 561/2006 kif ukoll id-Direttiva Nru 2006/22/KE, iħallu ħafna lok għall-interpretazzjoni tagħhom mill-Istati Membri; jiddispjaċih li l-għadd kbir ta’ formulazzjonijiet impreċiżi fir-regolamenti Ewropej inevitabbilment iwassal għal implimentazzjoni inkonsistenti min-naħa tal-Istati Membri; huwa tal-fehma li biex ikun hemm aktar armonizzazzjoni, l-ewwel neħtieġu interpretazzjoni uniformi u vinkolanti ta’ dawn ir-Regolamenti u ta’ din id-Direttiva;

10. Jiddispjaċih li xi wħud mill-Istati Membri ma jipprovdux għal differenzjazzjoni tal-penali skont il-livell ta’ ksur; jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw dispożizzjonijiet legali nazzjonali b’effett effikaċi, proporzjonat u deterrenti u bil-kunsiderazzjoni tal-livell ta’ ksur;

Aktar armonizzazzjoni

11. Jenfasizza li sistema ta’ penali effikaċi, ibbilanċjat u deterrenti jista’ jkun imsejjes biss fuq penali ċari, trasparenti u paragunabbli bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet leġiżlattivi u prattiċi biex jitnaqqsu d-differenzi parzjalment kbar ħafna fit-tipi u l-livell tal-penali;

12. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex wara li tikkonsulta mal-entitajiet ta' monitoraġġ u mar-rappreżentanti tas-settur tat-trasport, tħejji interpretazzjoni uniformi u vinkolanti tar-Regolament tas-sewqan u tal-ħinijiet tal-mistrieħ. L-entitajiet ta’ monitoraġġ għandu jikkunsidra din l-interpretazzjoni;

13. Huwa tal-fehma li, bil-għan li jitqarrbu aktar lejn xulxin it-tipi tal-penali u l-livell tal-multi, hija meħtieġa kategorizzazzjoni tal-multi marbuta ma’ kategorizzazzjoni tal-penali, u għandhom jiġu stabbiliti penali minimi u massimi għal kull tip ta’ ksur ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq; jenfasizza li, fis-simplifikazzjoni tal-penalitajiet, il-ħtieġa li l-multi ikunu proporzjonati, fl-Istati Membri differenti, skont kriterji oġġettivi (bħall-PNG jew fatturi ġeografiċi), trid tiġi bbilanċjata permezz ta' detterent effettiv kontra ksur serju;

14. Jiġbed ukoll l-attenzjoni li l-Anness III l-ġdid tad-Direttiva Nru 2006/22/KE, li ġie introdott bid-Direttiva Nru 2009/5/KE tal-Kummissjoni, għandu jitqies bħala bażi għal approċċ uniformi fir-rigward tal-kategorizzazzjoni tal-ksur ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni rapida tad-Direttiva Nru 2009/5/KE tal-Kummissjoni;

15. Barra minn hekk ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona daħħal Artikolu 83(2) ġdid dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri f’materji kriminali fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga dawn il-mezzi leġiżlattivi l-ġodda fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u biex fi żmien tnax-il xahar tippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-miżuri possibbli ta’ armonizzazzjoni, inklużi l-aspetti relatati mas-sikurezza fit-toroq u l-applikazzjoni transkonfinali tal-multi, jekk għadha m’għamlitx dan;

16. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ħejjiet “linji gwida” f’konformità mal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 biex tipprovdi appoġġ għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-Istati Membri individwali; jinnota però li dawk mhumiex vinkolanti legalment u b’hekk ma laħqux l-għan tagħhom ta’ traspożizzjoni uniformi fl-Istati Membri;

17. Iqis li, sabiex ikun hemm suq intern fit-trasport u tiżdied iċ-ċertezza legali għas-sewwieqa u l-impriżi tat-trasport, l-interpretazzjoni tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali għandha tiġi armonizzata; fil-kunsiderazzjoni ta’ dan, jistieden lill-Kummissjoni, f’koperazzjoni ma’ CORTE, TISPOL u l-Euro Contrôle Route, biex tressaq proposti bl-għan li jtemmu l-applikazzjoni diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa għal interpretazzjoni komuni, fuq il-bażi ta’ Artikolu b’Artikolu tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 581/2006 u tad-Direttiva 3821/85/KE;

18. Jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minn dawn il-linji gwida waqt l-implimentazzjoni tar-regoli soċjali sabiex tkun tista’ ssir traspożizzjoni armonizzata;

Monitoraġġ

19. Jenfasizza li l-kompetizzjoni żleali tista tiġi evitata u s-sikurezza fit-toroq tista’ tkun żgurata biss permezz tal-infurzar konsegwenti u bla diskriminazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ; jenfasizza li t-traspożizzjoni tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq tippresupponi kunċett armonizzat u effikaċi ta’ monitoraġġ;

20. Jiġbed l-attenzjoni li s-sitwazzjoni fit-toroq tvarja ħafna fir-rigward tal-infrastruttura, il-volum tat-traffiku u l-livell ta’ konġestjoni bejn l-Istati Membri individwali, u għaldaqstant iqis li dawn il-fatturi, fost l-oħrajn, għandhom jitqiesu meta wieħed jiġi biex jiddetermina l-frekwenza tal-monitoraġġ, li tajjeb niftakru li wieħed mill-għanijiet ewlieni tiegħu huwa li jiżgura l-konformità mar-regoli tal-benesseri soċjali;

21. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tippromwovi approċċi armonizzati rigward il-monitoraġġ, u tieħu azzjoni regulatorja biex jingħelbu l-ostakli li jxekklu s-suq intern Ewropew u titjieb is-sikurezza tat-toroq; jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq strument ta' koordinazzjoni fil-livell Ewropew, ħalli jinkisbu dawn l-għanijiet;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rakkomandazzjonijiet u standards minimi Ewropej għat-taħriġ tal-persunal ta’ monitoraġġ u tikkoordina l-koperazzjoni fi ħdanu; jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-ġbir ta’ data statistika, bil-għan li ssir analiżi aktar rappreżentattiva dwar l-effikaċja tal-infurzar, u tippromwovi azzjoni armonizzata tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta’ infurzar;

23. Jistieden lill-Istati Membri biex dejjem iħarrġu l-persunal ta’ infurzar tagħhom fir-rigward tal-aktar żviluppi reċenti fil-ġbir tad-data u fl-implimentazzjoni tal-istandards komuni, biex jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea għall-promozzjoni ta’ approċċ armonizzat lejn il-monitoraġġ, biex b’hekk tinħoloq iċ-ċertezza legali;

24. Huwa tal-fehma li għandu jsir monitoraġġ aktar frekwenti u aktar bir-reqqa tat-toroq u tas-siti tal-impriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw in-numru ta’ sessjonijiet ta’ monitoraġġ li għandu jiġi organizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/22/KE; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-passi li jmiss fir-rigward ta’ dan il-monitoraġġ;

25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq, malajr kemm jista’ jkun, rapport dwar il-monitoraġġ li sar fuq in-nuqqasijiet li jaffettwaw it-takografi diġitali u l-miżuri li ttieħdu biex wieħed jipprevieni l-vulnerabilità tagħhom;

26. Jenfasizza li t-takografu diġitali, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 3821/85, għandu jitjieb bħala strument għall-monitoraġġ: il-Kummissjoni għandha tinvestiga kif id-data tista’ titniżżel mit-takografu diġitali b’rata aktar mgħaġġla mill-awtoritajiet ta’ kontroll;

27. Jiġbed l-attenzjoni għad-Disproportionate Fines Complaint Desk (Uffiċċju tal-Ilmenti dwar Multi Sproporzjonati) imwaqqaf mill-Euro Contrôle Route, u jistieden lis-sewwieqa u l-impriżi tat-trasport biex jrrikorru għand dan l-uffiċċju tal-ilmenti f’każ ta’ applikazzjoni sproporzjonata tal-leġiżlazzjoni soċjali tat-trasport bit-triq;

Inizjattivi oħrajn

28. Huwa tal-fehma li fuljett li jinftiehem tajjeb bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea jkun utli għall-impriżi u s-sewwieqa tat-trakkijiet; jenfasizza li dan il-fuljett għandu jipprovdi informazzjoni aħjar lis-sewwieqa u lill-impriżi kkonċernati dwar ir-regoli soċjali fis-seħħ u l-penali relatati fl-Istati Membri individwali; huwa tal-fehma li tagħrif bħal dan għandu jkun disponibbli anki għall-impriżi u s-sewwieqa minn stati terzi; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jintużaw sistemi ta’ trasport intelliġenti biex is-sewwieqa jingħataw din l-informazzjoni f’ħin reali;

29. Huwa konvint li fil-kuntest tal-użu tal-informazzjoni moderna u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u s-sistemi ta’ trasport intelliġenti, għandha teżisti l-possibilità għan-negozji u s-sewwieqa biex jiksbu informazzjoni dwar ir-regoli soċjali fis-seħħ u l-penali jekk dawn ir-regoli jinkisru;

30. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni fuq il-bażi tal-istrutturi eżistenti bħall-Euro Contrôle Route u b’hekk itejbu l-koordinazzjoni tal-monitoraġġ komuni, l-iskambju tal-aqwa prattiki u l-organizzazzjoni konġunta ta’ programmi ta’ taħriġ għall-korpi ta’ kontroll;

31. Iqis li t-teknoloġija disponibbli kollha għandha tintuża biex is-sewwieqa tat-trakkijiet, inklużi dawk minn pajjiżi ġirien, jiġu infurmati f’ħin reali dwar ir-regoli soċjali rilevanti u l-penali applikabbli għall-ksur fid-diversi Stati Membri, pereżempju bl-użu tal-GPS jew għodod oħra disponibbli;

32. Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu infrastruttura adegwata, inkluż għadd ta' spazji u servizzi ta' parkeġġ sikuri fin-netwerk tat-toroq Ewropew sabiex is-sewwieqa jkunu jistgħu josservaw effettivament ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ u l-monitoraġġ ikun jista’ jsir b’mod effikaċi; jiġbed l-attenzjoni li fir-rigward ta’ dawn l-infrastrutturi, l-aspett tas-sigurtà għandu jingħata attenzjoni speċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika perjodikament, bl-aktar format adegwat, il-faċilitajiet disponibbli, kemm pubbliċi kif ukoll privati, fin-netwerk tat-toroq Ewropew li jipprovdu informazzjoni dwar is-servizzi offruti għall-professjonisti tas-settur tat-toroq;

33. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħeġġu u jiffinanzjaw skemi għall-bini ta’ żoni siguri ta’ parkeġġ, billi dawn huma indispensabbli jekk is-sewwieqa għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006;

34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva Nru 2006/22/KE, il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta’ Mejju 2009, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li janalizza l-pieni għal ksur serju li tipprovdi għalihom il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

Ir-rapporteur tagħkom tistieden lill-Kummissjoni biex fil-futur tinforma lill-Parlament mingħajr dewmien u bis-sħiħ. Ir-rapport tal-Kummissjoni mhux biss li wasal tard, iżda barra minn hekk huwa wkoll inkomplet. Biex issir analiżi ddettaljata, huwa ta’ importanza partikulari li l-Kummissjoni tippreżenta, diġà waqt din is-sena, komunikazzjoni riveduta lill-Parlament u lill-Kunsill li tanalizza l-implimentazzjoni tal-Anness III l-ġdid tad-Direttiva Nru 2006/22/KE fl-Istati Membri.

Ir-rapport tal-Kummissjoni

Ir-rapport tal-Kummissjoni jippreżenta fil-qosor id-diversi tipi ta’ penali li hemm fl-Istati Membri:

· Penali finanzjarji: L-Istati Membri kollha jipprevedu multi bħala penali possibbli, iżda għal parti mit-tipi ta’ ksur l-ammonti tagħhom ivarjaw b’mod konsiderevoli. Għall-istess tip ta’ ksur tista’ tkun imposta multa li tvarja bejn 58,23 € (Malta) u 5 000 € jew aktar (l-Awstrija, Ċipru, il-Ġermanja u l-Irlanda). Jista’ jkun li r-raġuni tad-differenzi tant sinifikanti tinsab f’fatturi soċjali, ekonomiċi jew ġeografiċi, iżda madankollu din mhix spjega valida għall-każijiet tal-pajjiżi kollha (Spanja, l-Ungerija).

· Immobilizzazzjoni tal-vettura: L-immobilizzazzjoni tal-vettura titqies penali possibbli oħra. Tista’ wkoll tiżgura li s-sewwieq jieħu perjodu suffiċjenti ta’ mistrieħ. 15-il pajjiż informaw lill-Kummissjoni li l-immobilizzazzjoni tal-vettura hija stabbilita fil-leġiżlazzjoni tagħhom (il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, it-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Rumanija, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit).

· Projbizzjoni tas-sewqan u pieni ta’ ħabs: Seba’ Stati Membri jipprevedu pieni ta’ ħabs għall-każijiet ta’ ksur serju. Xi wħud minnhom, però, biss jekk ma titħallasx il-multa jew jekk persuna tirrepeti l-istess tip ta’ ksur li għalih tkun diġà ġiet ippenalizzata (l-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu u r-Renju Unit). F’xi Stati Membri, il-leġiżlazzjoni tinkludi wkoll l-irtirar temporanju tal-liċenzja tas-sewqan jew tal-kard tas-sewwieq (il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Greċja, l-Italja, is-Slovakkja u r-Renju Unit).

Ir-rapport ifakkar ukoll ir-responsabilità tal-impriżi fl-Istati Membri kollha skont ir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Il-leġiżlazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Lettonija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenija, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit) tinkludi penali differenti għas-sewwieqa u l-impriżi, jiġifieri l-impriżi jiffaċċjaw penali akbar u aktar ibsin minn dawk għas-sewwieqa. L-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistipula wkoll li l-kunsinnatarji, il-burdnara, l-operaturi ta’ ġiti, il-kuntratturi prinċipali, is-sottokuntratturi u l-aġenziji għall-impjieg tas-sewwieqa għandhom jiżguraw li l-iskedi tal-ħin tat-trasport miftiehma f’kuntratt iħarsu d-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ. Dan l-obbligu jissemma b’mod espliċitu biss fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tad-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Polonja u l-Isvezja.

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 introduċa wkoll il-prinċipju tal-estraterritorjalità: meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jsiru jafu li seħħ ksur fit-territorju ta’ Stat Membru jew pajjiż terz, jistgħu jippenalizzawh sakemm għalih tkun għadha ma ġietx imposta penali. Dan il-ksur jiġi ppenalizzat daqslikieku seħħ fl-Istat Membru li jimponi l-penali. Il-penali ma tistax tiddiskrimina. Dan il-prinċipju, però, jista’ jħalli impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni ġusta sakemm l-Istati Membri jibqgħu jimponu penali differenti ħafna għall-istess ksur: impriżi tat-trasport li jkunu wettqu ksur għandhom mnejn jagħżlu li jħallsu l-penali għall-ksur fi Stat Membru li japplika multi baxxi ħafna minflok ma jissograw li jkollhom iħallsu penali għolja ħafna fi Stat Membru ieħor.

Xi wħud mill-Istati Membri għandhom sistema ta’ penalizzazzjoni mingħajr differenzjazzjoni tal-penali (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Lussemburgu u r-Renju Unit); dan il-fatt jagħmel diffiċli l-analiżi fir-rigward tal-ksur serju peress li dawn il-pajjiżi indikaw biss il-penali minimi u massimi. Malta, pereżempju, stabbiliet multa fissa għal kull ksur (58,23 EUR).

Pajjiżi oħrajn għandhom sistemi b’differenzjazzjoni tal-penali:

· Fejn jidħol il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 (Artikoli 6 sa8), huma indikati, għall-istess tip ta’ ksur, żewġ livelli jew aktar, li għal kull wieħed minnhom hija stabbilita multa speċifika (cf. it-Tabella I tar-rapport). Ir-rapport juri wkoll l-ammonti differenti tal-penali: fi Spanja, meta l-limitu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum jinqabeż b’aktar minn sagħtejn, dan jista’ jwassal għal multa għaxar darbiet akbar (€4 600) milli fil-Ġreċja (€400). Il-metodu li bih jiġu ddeterminati l-livelli fid-diversi Stati Membri jvarja ħafna wkoll: il-limiti jiġu indikati f’unitajiet ta’ minuti jew ta’ sigħat jew bħala perċentwali. Id-differenzjazzjoni tal-penali tista’ ssir b’mod lineari jew b’mod progressiv. F’xi pajjiżi oħrajn, bħal pereżempju l-Belġju, jiġu applikati żewġ kriterji għad-determinazzjoni tal-livell: il-ħin li bih ikun inqabeż il-limitu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum u l-ħin ta’ sewqan bla waqfien għal mistrieħ.

· Fir-rigward tal-ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, il-Kummissjoni tinnota li hemm differenzi sinifikanti mhux biss fil-livell tal-multi applikabbli, iżda anke fil-mod li bih jiġi kkategorizzat il-ksur (Tabella II). Minkejja li l-Anness III l-ġdid tad-Direttiva Nru 2006/22/KE[1] jqis ksur ta’ ċerti tipi bħala “serju ħafna” – pereżempju jekk sewwieq ikun fil-pussess ta’ aktar kards tas-sewwieq validi –, xi Stati Membri jikkategorizzawhom bħala “ksur minuri”. Min-naħa l-oħra, f’xi pajjiżi oħrajn anki xi tipi ta’ ksur minuri jiġu ppenalizzati bl-ogħla livell ta’ penali. L-ammonti tal-multi imposti għal ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 jvarjaw b’mod sinifikanti. F’xi każijiet jista’ jkun hemm differenza kbira bejn l-ogħla multi applikabbli, li jvarjaw bejn 586 € (il-Litwanja) u 30 000 € (fi Franza, fejn tista’ tiġi imposta piena ta’ ħabs addizzjonali).

Fil-qosor, hemm differenza kbira mhux biss bejn il-livelli tal-penali fid-diversi Stati Membri, iżda wkoll bejn it-tipi tal-penali previsti kif ukoll fil-kategorizzazzjoni tal-każijiet individwali ta’ ksur ta’ regoli soċjali. Il-Kummissjoni Ewropea tqis din is-sitwazzjoni bħala mhix sodisfaċenti għas-sewwieqa u għall-impriżi tat-trasport. L-Anness III l-ġdid tad-Direttiva Nru 2006/22/EG (kif immodifikata mid-Direttiva Nru 2009/5/KE) jipprovdi bażi għal kunċett ġenerali ta’ x’għandu jitqies serju jew mhux. L-Istati Membru huma inkoraġġuti biex jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq.

Il-pożizzjoni tar-rapporteur

Ir-regoli soċjali jimmiraw għal diversi għanijiet. Is-sikurezza fit-toroq, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta huma rregolati minn diversi testi leġiżlattivi – xi wħud minnhom qodma.

Ir-rapport tal-Kummissjoni juri li hemm differenzi – xi wħud minnhom sinifikanti – bejn l-Istati Membri individwali fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ u d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-takografu.

-          Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti

Ir-rapporteur hija tal-fehma li l-implimentazzjoni kompleta tar-regoli soċjali fl-Istati Membri hija ta’ importanza enormi mhux biss għas-sikurezza fit-toroq tal-Ewropa, iżda wkoll għas-suq intern Ewropew.

-          Kategorizzazzjoni uniformi tal-ksur

Il-kategorizzazzjoni tal-ksur fl-Anness III l-ġdid tad-Direttiva Nru 2006/22/KE għandha titqies bħala pass pożittiv. Issa l-Istati Membri huma mitluba biex jinkludu din il-kategorizzazzjoni fil-leġiżlazzjoni tagħhom.

-          Monitoraġġ aktar frekwenti u aktar bir-reqqa u koperazzjoni mtejba tal-Istati Membri fl-infurzar

Barra minn hekk, huwa assolutament neċessarju li tiġi wkoll immonitorjata l-osservanza tar-regoli stabbiliti. Jinħtieġu frekwenzi miżjuda ta’ monitoraġġ, u jkun xieraq li dawk ikunu kkoordinati b’mod transkonfinali. Dan jirrikjedi titjib fil-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet.

Għalhekk, ir-rapporteur tagħkom titlob biex tinħoloq Aġenzija Ewropea għat-Trasport bit-Triq, maħsuba biex tikkoordina l-koperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, u b’dan il-mod se ttejjeb l-uniformità u l-kompletezza tal-monitoraġġ.

-          Armonizzazzjoni tal-penali

Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85, li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b’mod li ma jiddiskriminawx. Madankollu, il-penali jvarjaw b’mod sinifikanti bejn id-diversi Stati Membri.

Ir-rapporteur tagħkom tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-differenzi fil-penali jirriżultaw minn aktar fatturi. Parti minnhom tista’ tkun spjegata bis-saħħa tal-isfond ġeografiku jew ekonomiku. Madankollu, anki s-sistemi legali differenti tal-Istati Membri fir-rigward tal-prosekuzzjoni kriminali jistgħu jitqiesu bħala raġuni tad-differenzi parzjalment enormi li hemm fil-livell jew it-tip tal-penali. Ir-rapporteur tagħkom hija tal-fehma li f’każijiet ta’ ksur simili għandhom ikunu applikati penali simili. Irrispettivament minn dan, wieħed għandu jikkunsidra l-fatt li minħabba l-kuntest nazzjonali differenti hija inevitabbli l-eżistenza ta’ ċertu ammont ta’ differenzi.

F’dan ir-rigward, ikun xieraq li l-Kummissjoni teżamina l-mezzi leġiżlattivi ġodda li ġew introdotti bis-saħħa tat-Trattat ta’ Lisbona, permezz tal-Artikolu 83(2) il-ġdid tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: “Jekk l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri f’materji kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ politika tal-Unjoni f’qasam li kien suġġett għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni, jistgħu jsiru direttivi li jistabbilixxu r-regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam ikkonċernat. Dawn id-direttivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali bħal dik użata għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ armonizzazzjoni inkwistjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 76.”

  • [1]  Jeħtieġ però li f’dan ir-rigward tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni jirreferi għal data li kienet tapplika qabel id-dħul fis-seħħ tal-Anness III l-ġdid tad-Direttiva 2006/22/KE.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.4.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Alvarez, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Juozas Imbrasas, Ville Itälä, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Gesine Meissner, Hella Ranner, Vilja Savisaar, Olga Sehnalová, Debora Serracchiani, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Silvia-Adriana Ţicău, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Michel Dantin, Derk Jan Eppink, Jelko Kacin, Dominique Riquet, Anna Rosbach, Sabine Wils, Corien Wortmann-Kool, Janusz Władysław Zemke