RAPPORT dwar it-twaqqif ta’ programm konġunt dwar ir-risistemazzjoni
3.5.2010 - (2009/2240(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Rui Tavares
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-twaqqif ta’ programm konġunt dwar ir-risistemazzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 78 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali u Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), u d-drittijiet u l-garanziji li dawn jagħtu lir-refuġjati u lill-persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-interess prijoritarju tal-Istati Membri biex jipproteġu l-aħjar interessi tat-tfal,
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni (COM (2007)0301) tas-6 ta' Ġunju 2007,
– wara li kkunsidra l-Programm tal-Kummissjoni ta' Politika dwar l-Ażil: Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE (COM(2008)0360) tas-17 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-2908 laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern fit-28 ta’ Novembru 2008 ((16325/1/08 REV 1 (Presse 344)) b’kunsiderazzjoni speċjali għall-akkoljenza tar-refuġjati Iraqini,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-Twaqqif ta’ Programm Konġunt dwar ir-Risistemazzjoni (COM(2009)0447),
– wara li kkunsidra l-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 (COM(2009)0456),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini - Il-Programm ta' Stokkolma[1],
– wara li kkunsidra l-kummenti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar twaqqif ta’ Programm Konġunt dwar ir-Risistemazzjoni u l-Proposta għall-emenda tad-Deċiżjoni 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew tar-Refuġjati għall-perjodu mill-2008 sal-2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (COD/2008/0243),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0131/2010),
A. billi politika tal-migrazzjoni ġusta u realistika fl-Unjoni Ewropea, li tinvolvi t-twaqqif tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (CEAS), trid tinkludi programm effettiv, b’saħħtu u sostenibbli dwar ir-risistemazzjoni, li jipprovdi soluzzjoni fit-tul għar-refuġjati li ma jistgħux jirritornaw fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom u li l-protezzjoni jew l-għajxien tagħhom ma jistgħux jiġu żgurati fl-ewwel pajjiżi tal-asil,
B. billi r-risistemazzjoni sservi mhux biss għan umanitarju għall-persuni li jiġu allokati pajjiż ġdid fejn jgħixu, iżda wkoll biex tħaffef lill-pajjiżi terzi mill-piż assoċjat mal-ospitalità ta’ numru kbir ta’ refuġjati u hija strument utli ħafna għat-tqassim tar-responsabilità,
C. billi attwalment 10 Stati Membri biss jirrisistemaw refuġjati fuq bażi annwali, bi ftit li xejn koordinazzjoni bejniethom dwar il-prijoritajiet tar-risistemazzjoni, sitwazzjoni li twassal għal nuqqas tal-użu strateġiku tar-risistemazzjoni bħala strument ta' politika esterna tal-UE,
D. billi l-użu strateġiku tal-programm ta’ risistemazzjoni jista’ jkollu benefiċċji diretti u indiretti mhux biss għar-refuġjati li qed jiġu risistemati iżda wkoll għal refuġjati oħra li jibqgħu fl-ewwel pajjiż ta’ asil, għall-pajjiż ospitanti u għal pajjiżi oħra u anke fir-rigward tal-arranġamenti internazzjonali kollha għall-protezzjoni tagħhom,
E. billi l-programm ta’ risistemazzjoni jista’ jgħin biex l-immigrazzjoni illegali ssir anqas attraenti għar-refuġjati li qed jippruvaw jidħlu fl-Unjoni Ewropea,
F. billi l-ħtieġa li tintwera solidarjetà mal-pajjiżi terzi li jkunu qed jagħtu kenn lil għadd kbir ta’ refuġjati li jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali hija fattur ewlieni u tirrifletti l-ħtieġa li tintwera solidarjetà fl-UE wkoll,
G. billi s-sehem tal-UE fir-risistemazzjoni globali tar-refuġjati għadu pjuttost modest; billi dan għandu impatt negattiv fuq l-ambizzjoni tal-UE li jkollha rwol prominenti fil-kwistjonijiet umanitarji globali u fix-xena internazzjonali,
H. billi s-solidarjetà effettiva għandha tkun fil-qalba tal-politiki komuni tal-immigrazzjoni u tal-asil fost l-Istati Membri, li għandhom jippermettu sehem ġust tar-responsabilità għall-konformità mal-obbligi internazzjonali rigward il-protezzjoni tar-refuġjati, kif ukoll għall-pajjiżi terzi li għandhom il-piż ta' numru kbir ta' refuġjati ospitati,
I. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009, il-Parlament Ewropew talab ukoll għal solidarjetà obbligatorja fir-risistemazzjoni tar-refuġjati fl-UE f'każijiet fejn, fost affarijiet oħra, il-kapaċitajiet tal-akkoljenza fi Stat Membru wieħed mhumiex biżżejjed, biex tiffaċilita r-risistemazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fi Stati Membri oħra, sakemm dawk ikkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u sakemm jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tagħhom,
J. billi l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li diġà għamlu diversi programmi ta’ risistemazzjoni għandha titrawwem, sabiex nibbenefikaw, permezz tal-iskambju tal-aqwa prattiki, mill-esperjenza tagħhom ta’ miżuri ta’ akkoljenza u integrazzjoni u l-kwalità ġenerali tal-inizjattivi ta’ risistemazzjoni,
K. billi kemm l-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, governattivi u nongovernattivi, b’mod partikulari l-UNHCR, għandhom ikunu involuti fl-istadji kollha tal-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-UE, filwaqt li jikkontribwixxu permezz tal-informazzjoni speċifika, il-kompetenza teknika, il-previżjoni loġistika u l-esperjenza li jkollhom,
L. billi l-Programm Ewropew ta’ Risistemazzjoni m’għandux jagħmel il-proċess ta’ risistemazzjoni aktar ikkumplikat,
M. billi l-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Asil (EASO) hu mistenni li jsir operazzjonali fl-2010; billi dan se jkun jista’ joffri appoġġ lill-Istati Membri biex iwettqu inizjattivi ta’ risistemazzjoni, filwaqt li jiżguraw il-koordinazzjoni tal-politiki fi ħdan l-UE; billi l-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Asil għandu jipparteċipa b’mod attiv fid-deliberazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-UNHCR,
N. billi għandha tinġibed l-attenzjoni mhux biss għall-bżonn li jiġu involuti aktar Stati Membri fir-risistemazzjoni tar-refuġjati iżda anke dwar il-kwalità, is-sostenibilità u l-effettività tar-risistemazzjoni, b'enfasi fuq il-miżuri ta' integrazzjoni,
O. billi r-refuġjati għandhom jingħataw b'mod immedjat aċċess għall-korsijiet tal-lingwa u tal-kultura u, fejn meħtieġ, għall-kura medika u psikoloġika,
P. billi l-aċċess għall-opportunitajiet tax-xogħol għall-adulti u l-integrazzjoni immedjata tal-minuri fl-iskejjel jikkostitwixxu pass importanti lejn is-suċċess ta' inizjattiva tar-risistemazzjoni effettiva u għalhekk dawn għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ gwida edukattiva u professjonali,
Q. billi hemm diversi entitajiet, fl-amministrazzjoni pubblika (bħalma huma l-muniċipalitajiet) kif ukoll fis-soċjetà ċivili, li jvarjaw minn NGOs għal dawk ta' karità u mill-iskejjel għas-servizzi soċjali, li għandhom l-esperjenza u l-kompetenza neċessarji biex iwettqu miżuri ta' segwitu,
R. billi l-kooperazzjoni mal-entitajiet imsemmija hawn fuq – b'mod speċjali l-muniċipalitajiet – kienet ta' valur kbir fl-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati fil-pajjiżi bi prattika kkonsolidata tar-risistemazzjoni,
S. billi l-iffissar tal-prijoritajiet għandu jsir flessibbli kemm jista' jkun, mingħajr ma' tiġi injorata l-prijorità effettiva li għandha tingħata lill-kategoriji tal-iktar persuni vulnerabbli kif indikata mill-UNHCR,
T. billi r-risistemazzjoni għandha tiġi implimentata biex tikkumplementa u mhux biex tinjora s-soluzzjonijiet dewwiema l-oħra pprovduti għall-persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-UE, u billi l-isforzi fir-rigward tar-risistemazzjoni tar-refuġjati m’għandhomx inaqqsu l-isforz biex ikun żgurat aċċess ġust u effettiv għall-asil fl-UE,
U. billi l-programmi ta' rilokazzjoni interna għandhom rwol importanti wkoll u għandhom ikunu appoġġati flimkien mal-attivitajiet ta' risistemazzjoni li huma indirizzati f'dan ir-rapport,
V. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju, il-Parlament Ewropew talab ukoll għal skema li talloka mill-ġdid il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali minn Stati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati għal oħrajn, b'konsultazzjoni mal-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli Uniti għar-Refuġjati, filwaqt li tiżgura li l-allokazzjoni mill-ġdid issegwi regoli mhux diskrezzjonali, trasparenti u mhux ekwivoċi, li jridu jiġu implimentati wkoll wara talba tal-Parlament,
W. billi mingħajr aċċess għall-informazzjoni, għar-riżorsi umani, għal pariri tal-esperti u għal segwitu permanenti dwar l-isforzi tar-risistemazzjoni, l-Istati Membri li qatt ma pparteċipaw fil-programmi ta’ risistemazzjoni se jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex jissieħbu u se jkun diffiċli li jintlaħaq l-objettiv li jiġu involuti aktar Stati Membri,
Programm ta' risistemazzjoni tal-UE reali u effettiv
1. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tipproponi bidla fil-Fond Ewropew tar-Refuġjati sabiex tinkorpora l-impatt tal-Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE;
2. Japprezza l-objettivi ġenerali stabbiliti fil-Kommunikazzjoni dwar il-Programm ta' Risistemazzjoni kif imsemmi hawn fuq u l-attenzjoni dejjem tikber li hija ddedikata għar-risistemazzjoni fil-politika globali tal-asil tal-UE;
3. Jitlob li jkun hemm miżuri biex l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jiġu infurmati dwar il-benefiċċji li jirriżultaw mir-risistemazzjoni tar-refuġjati;
4. Ifakkar, madankollu, li linja tal-baġit u appoġġ finanzjarju mhumiex suffiċjenti biex jiġi stabbilit programm ta' risistemazzjoni reali madwar l-UE kollha;
5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament privat u inizjattivi pubbliċi u privati iktar mifruxa sabiex jappoġġaw il-Programm Ewropew ta’ Risistemazzjoni;
6. Jitlob għal programm aktar ambizzjuż li jiżgura l-kwalità u l-effettività tar-risistemazzjoni, li jkun fih linji gwida speċifiċi fuq mudell ġdid tal-iffissar tal-prijoritajiet, inċentivi biex aktar Stati Membri jibdew jirrisistemaw ir-refuġjati, konsistenza tar-risistemazzjoni ma' politiki oħra tal-asil tal-UE u standards għall-kondizzjonijiet tal-akkoljenza kif ukoll miżuri ta' segwitu li għandhom jittieħdu f'kull inizjattiva ta' risistemazzjoni;
7. Iqis li skont il-perspettivi finanzjarji l-ġodda (2013-2017) għandu jiġi stabbilit pakkett speċifiku għar-risistemazzjoni. Tali pakkett jista’ jkun f’forma ta’ fond apposta għar-risistemazzjoni u għandu jipprovdi appoġġ finanzjarju għal programm aktar ambizzjuż ta’ risistemazzjoni;
8. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftuħ taċ-Ċentru ta’ Tranżitu tal-Evakwazzjoni (ETC) il-ġdid fir-Rumanija li joffri akkomodazzjoni temporanja lir-refuġjati li jkollhom bżonn urġenti ta’ risistemazzjoni u/jew lir-refuġjati li ma jkunux jistgħu jibqgħu fil-pajjiż tal-ewwel asil tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu minnu u wkoll biex tippromwovi r-risistemazzjoni permezz taċ-Ċentru ta’ Tranżitu tal-Evakwazzjoni;
9. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi ad hoc li ħadu għadd ta’ Stati Membri fir-rigward tal-akkomodazzjoni ta’ refuġjati li jkollhom bżonn urġenti ta’ risistemazzjoni filwaqt li jirrikonoxxi l-bżonn li tali inizjattivi jkollhom forma aktar strutturata;
Il-ħtiġijiet għall-effiċjenza u l-kapaċità ta' rispons tal-miżuri ta' risistemazzjoni
10. Jenfasizza li Programm ta’ Risistemazzjoni tal-UE għandu jipprovdi protezzjoni u soluzzjonijiet dewwiema kemm għal sitwazzjonijiet ta' rifuġjati li qed idumu iktar mis-soltu u għal reazzjonijiet rapidi u adegwati f'każ ta' emerġenza jew urġenza mhux prevista, u li t-twaqqif ta’ prijoritajiet annwali ikun tali mod li jippermetti reazzjoni pronta f’każ ta’ kriżijiet umanitarji għal għarrieda li jistgħu jinqalgħu matul is-sena;
11. Jisħaq fuq l-importanza li jkun permess ix-xogħol fil-kamp bi tħejjija għar-risistemazzjoni tar-refuġjati, li ssir evalwazzjoni tal-bżonnijiet tagħhom u jkun hemm lok għal ippjanar adegwat għal fażijiet ġejjiena tar-risistemazzjoni, apparti mill-informazzjoni li tista' tiġi pprovduta mill-UNHCR u mill-NGOs u organizzazzjonijiet oħra;
12. Jinkoraġġixxi sħubija pubblika u privata mal-NGOs u ma’ aktar imsieħba soċjali bħal organizzazzjonijiet reliġjużi u etniċi biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-risistemazzjoni u l-promozzjoni ta’ xogħol volontarju f’dan il-qasam;
13. Huwa tal-fehma li l-muniċipalitajiet li diġà huma involuti, jew li qed jinvolvu ruħhom, fir-risistemazzjoni għandhom joħolqu sħubiji u ġemellaġġi ma’ muniċipalitajiet oħra fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom u fl-Istati Membri tal-UE sabiex jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom f’dan il-qasam u jsaħħu l-kooperazzjoni fl-UE;
14. Jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit qafas ta’ kooperazzjoni strutturata permezz ta’ miżuri biex jinġabar l-għarfien espert, u biex jiffaċilitaw il-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni; jenfasizza wkoll li l-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-UE għandu jipprovdi lill-Istati Membri (dawk li diġà qegħdin jipparteċipaw fil-programm u dawk li jixtiequ jipparteċipaw) b’aċċess għar-riżorsi umani, għall-pariri tal-esperti u għall-informazzjoni komuni li jistgħu jkunu utli fi kwalunkwe fażi tal-inizjattiva tar-risistemazzjoni; jirrikonoxxi li dawk kollha involuti fir-risistemazzjoni, u partikolarment ir-refuġjati risistemati, huma sors siewi ta’ informazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ inizjattivi ta’ risistemazzjoni;
15. Jitlob għall-konsiderazzjoni u l-iskambju tal-aqwa prattiki li jrawmu l-effiċjenza bejn l-Istati Membri, li jistgħu jinkludu l-promozzjoni ta’ programmi konġunti, l-evalwazzjoni minn esperti oħra, it-twaqqif ta’ missjonijiet konġunti, l-użu ta' infrastrutturi komuni (bħalma huma ċ-ċentri ta’ tranżitu) u l-organizzazzjoni ta’ missjonijiet fl-Istati Membri għall-evalwazzjoni tar-risistemazzjoni li qed issir;
16. Jitlob li ma tkunx injorata r-relevanza ta' miżuri ta' segwitu dwar il-kwalità tal-akkoljenza u l-integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti; iqis li s-suċċess tar-risistemazzjoni għandu jkun iddefinit mhux biss f'termini ta' ċaqliq fiżiku tar-refuġjati minn pajjiż terz għal Stat Membru iżda wkoll f'termini tal-implimentazzjoni tal-miżuri li jippermettu l-integrazzjoni tar-refuġjati fil-pajjiż ospitanti;
17. Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lir-riżorsi umani involuti fi kwalunkwe Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE fil-preżent jew fil-futur sabiex tkun iggrantita proċedura li tippermetti prattiki tajba ta' adattament u integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà ospitanti, għaliex l-esperjenza turi li l-isforzi ta' risistemazzjoni jeħtieġ li jsiru taħt is-sorveljanza tal-uffiċjali u l-esperti xierqa;
Unità ta' Risistemazzjoni permanenti, il-pedament ta' Programm Konġunt ta' Risistemazzjoni tal-UE effikaċi
18. Jirrikonoxxi n-nuqqas ta' kooperazzjoni strutturata fir-rigward ta' attivitajiet ta' risistemazzjoni fi ħdan l-UE, li tirrikjedi tħejjija loġistika kbira, bħall-għażla u l-orjentazzjoni tal-missjonijiet, is-sorveljanza medika u ta’ sigurtà, l-arranġamenti għall-ivjaġġar u l-viża, il-programmi ta’ akkoljenza u integrazzjoni, hekk kif imsemmija fil-Kommunikazzjoni COM(2009)0447;
19. Jikkonferma, barra minn hekk, il-fehma li l-assenza ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri żżid l-ispejjeż tal-operazzjonijiet relatati mar-risistemazzjoni, tagħmilhom anqas attraenti u tnaqqas l-impatt strateġiku tagħhom;
20. Jirrakkomanda, għaldaqstant, il-ħolqien ta' unità speċifika bil-persunal xieraq inkarigat mill-koordinazzjoni meħtieġa bejn l-attivitajiet ta' risistemazzjoni li għaddejjin fl-Istati Membri;
21. Jemmen li l-iktar qafas istituzzjonali xieraq għal din l-Unità ta' risistemazzjoni jkun fi ħdan l-EASO, fejn din tkun tista' tikkoopera fl-ambitu tal-politiki tal-UE fl-oqsma tal-asil u tal-migrazzjoni;
22. Iqis li din l-unità tista' tistabbilixxi kuntatti mill-qrib mal-UNHCR u l-NGOs lokali, sabiex tikseb informazzjoni importanti biex tibgħatha lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE rigward, pereżempju, il-prijoritajiet urġenti, it-teknika tal-integrazzjoni, eċċ;
23. Jisħaq ukoll li l-Unità ta’ Risistemazzjoni jista’ jkollha rwol importanti fis-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-effettività u l-kwalita tal-Programm ta’ Risistemazzjoni fil-livell tal-UE, billi toħroġ rapporti annwali dwar l-attivitajiet kollha, ibbażati fuq l-informazzjoni miġbura mill-istituzzjonijiet/awtoritajiet involuti fl-inizjattivi ta’ risistemazzjoni fl-Istati Membri;
24. Jixtieq jenfasizza li l-Unità ta' Risistemazzjoni għandha żżomm ruħha infurmata dwar NGOs, karitajiet u entitajiet oħra li jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet pubbliċi fil-proċess tar-risistemazzjoni tar-refuġjati; jinnota, barra minn hekk, li l-Unità msemmija hawn fuq għandha tippubblika b'mod regolari dokumenti li jindikaw l-istandards u l-kriterji li magħhom iridu jikkonformaw dawn l-entitajiet sabiex ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw fl-iskemi ta' risistemazzjoni tal-UE;
25. Jenfasizza li l-EASO jista' jipprovdi kontribut utli ħafna sabiex jiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà bejn il-Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE u politiki oħra tal-asil tal-UE;
L-iffissar tal-prijoritajiet b'mod flessibbli
26. Jirrikonoxxi li programm ta’ risistemazzjoni adegwat jeħtieġlu aġġornament regolari tan-nazzjonalitajiet u l-kategoriji ta’ refuġjati li għandhom jingħataw il-prijorità fil-proċess ta’ risistemazzjoni, b’attenzjoni speċjali għall-emerġenzi ġeografiċi u b’mod partikulari għall-persuni vulnerabbli li jeħtieġu l-aktar il-protezzjoni;
27. Jemmen li l-prijoritajiet annwali tal-UE għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni, kif propost, b'involviment b'saħħtu u effettiv tal-UNHCR u tal-Parlament Ewropew fl-istadji kollha tal-identifikazzjoni u tal-evalwazzjoni tal-kandidati għar-risistemazzjoni;
28. Jissuġġerixxi li delegazzjoni ta’ Membri mill-Kumitati tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), għall-Affarijiet Barranin (AFET) u għall-Iżvilupp (DEVE) jipparteċipaw fil-laqgħa annwali tal-grupp tal-esperti tar-risistemazzjoni;
29. Iqis li l-Programm ta' Risistemazzjoni tal-UE għandu jinkludi proċeduri speċifiċi biex jinvolvu lill-Parlament Ewropew fl-elaborazzjoni tal-prijoritajiet annwali tal-UE;
30. Iħeġġeġ lill-EASO biex jassumi rwol importanti fid-definizzjoni tal-aġenda ta' risistemazzjoni ġewwa l-UE;
31. Jiddefendi l-prinċipju li, skont il-bżonn tal-adattabilità fil-prijoritajiet annwali tal-UE, għandu jkun hemm kategoriji li jibqgħu stabbli kull sena, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrisistemaw persuni partikolarment vulnerabbli fi kwalunkwe żmien tas-sena;
32. Jissuġġerixxi li l-Istati Membri individwali jistgħu jkunu awtorizzati jippreparaw għall-proċeduri ta' emerġenzja f'każ ta' ċirkustanzi umanitarji mhux previsti – pereżempju, meta r-refuġjati jkunu taħt attakk armat jew meta l-aċċidenti naturali jew il-katastrofi jaffettwaw b'mod qawwi l-kampijiet tar-refuġjati; iqis li dawn il-proċeduri jippermettu li r-risistemazzjoni ssir f'perjodu qasir ta' żmien, b'passi amministrattivi li jsiru permezz ta' skeda aċċelerata jew, f'ċerti każijiet, wara l-ispostament tar-refuġjati; jirrakkomanda li dan l-isforz jitqies fost l-għanijiet tal-Programm ta' Ristabbilizzazzjoni tal-UE;
Ħidma biex ikun żgurat li aktar Stati Membri jipparteċipaw fir-risistemazzjoni
33. Jiddispjaċih li 10 Stati Membri biss attwalment għandhom programmi ta' risistemazzjoni , stabbiliti mingħajr koordinazzjoni bejniethom;
34. Jirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tibqa' volontarja, minħabba d-diverġenzi fil-kondizzjonijiet ta' akkoljenza, is-sħab li jikkollaboraw u l-kriterja legali li jintużaw biex jiddeċiedu min għandu jiġi risistemat;
35. Jirrikonoxxi li ċerti Stati Membri, b'mod partikulari fin-Nofsinhar tal-Ewropa, jiffaċċaw sfidi partikulari minħabba l-pożizzjoni tagħhom fil-fruntiera esterna tal-Unjoni;
36. Jitlob, minkejja dan, għal aktar inċentivi biex jinkoraġġixxi aktar Stati Membri biex jipparteċipaw fil-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-UE; jirrikonoxxi li filwaqt li żieda fl-għajnuna finanzjarja hija importanti, ma għandux jiddgħajjef il-kontribut li l-EASO jista’ jipprovdi fir-rigward ta’ dan l-aspett billi jgħin sabiex jekwalizza s-sitwazzjoni billi jżid il-kwalità tas-servizzi offruti lir-refuġjati fl-Istati Membri u joffri l-għajnuna bl-aktar prattiki effettivi għall-ospitalità u l-integrazzjoni;
37. Jissuġġerixxi li tingħata għajnuna finanzjarja aktar sostanzjali lill-Istati Membri li jixtiequ jibdew jipparteċipaw fil-Programm ta’ Risistemazzjoni tal-UE, sabiex dawn jiġu megħjuna joħolqu programm ta’ risistemazzjoni sostenibbli u sabiex jittaffa l-piż tat-twaqqif ta’ tali inizjattiva; jissuġġerixxi li sabiex jiġi evitat impatt eċċessiv fuq il-Fond Ewropew tar-Refuġjati, il-valur tal-għajnuna finanzjarja għandu jiġi ekwalizzat għal Stati Membri oħra wara l-ewwel snin ta’ parteċipazzjoni fil-programm;
38. Jemmen li mhux se jkun possibbli li jiżdied in-numru ta' refuġjati risistemati fl-UE mingħajr qafas amministrattiv u kompetenti li jsostni l-programm u l-ħolqien ta' strutturi permanenti għar-risistemazzjoni u s-segwitu tal-proċess ta' integrazzjoni;
Miżuri ta' segwitu
39. Iqis li Programm ta’ Risistemazzjoni tal-UE effikaċi għandu jinkludi dispożizzjonijiet fuq miżuri ta’ segwitu, filwaqt li jinsisti fuq il-kwalità tar-risistemazzjoni f’kull Stat Membru, standards tajbin f’kull stadju mir-rikonoxximent għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati;
40. Jistieden lill-Istati Membri involuti fil-programm ta’ risistemazzjoni biex jevalwaw il-miżuri li ħadu fil-proċedura ta’ risistemazzjoni sabiex jiżguraw u jtejbu l-integrazzjoni tar-refuġjati. L-Istati Membri għandhom ukoll isegwu b’mod regolari l-integrazzjoni tar-refuġjati;
41. Huwa tal-opinjoni li l-awtoritajiet governattivi għandhom irawmu kooperazzjoni massima ma’ entitajiet mhux governattivi (NGOs internazzjonali u lokali, pereżempju) u jibbenifikaw mill-kompetenzi ta’ dawn tal-aħħar, u mill-fatt li jkunu fil-post, fil-provvediment tal-aħjar u l-aktar inizjattivi effiċjenti għar-risistemazzjoni tar-refuġjati; il-parteċipazzjoni mis-soċjetà ċivili fil-Programm Ewropew ta’ Risistemazzjoni se ssaħħaħ l-inizjattivi ta’ appoġġ u akkoljenza mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali;
42. Jappoġġa sforzi intensivi min-naħa tal-entitajiet kollha involuti biex jagħtu lir-refuġjati, b’mod speċjali lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, aċċess għal dar adegwata, kura tas-saħħa, edukazzjoni, korsijiet tal-lingwa u għajnuna psikoloġika, kif ukoll aċċess għas-suq tax-xogħol, sabiex tiġi żgurata integrazzjoni b’suċċess;
43. Jistieden lill-EASO, partikolarment permezz tal-Unità ta’ risistemazzjoni proposta tiegħu, biex jistabbilixxi kriterji ċari għar-risistemazzjoni ta’ kwalità f’kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR, l-NGOs u mal-awtoritajiet lokali u jsegwi r-risistemazzjoni tar-refuġjati, sabiex jikkontribwixxi għall-evalwazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-attivitajiet ta’ risistemazzjoni fl-Istati Membri;
44. Jenfasizza għal darb'oħra l-irwol tal-EASO bħala korp li jista' jqajjem aktar kuxjenza dwar ċerti nuqqasijiet fl-inizjattivi tar-risistemazzjoni, filwaqt li jgħin lill-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet speċifiċi, u jinkoraġġixxi prattiki aħjar jekk ikollu Unità tar-Risistemazzjoni permanenti;
45. Jitlob li jkun organizzat dibattitu annwali konġunt bejn il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-programm;
o
o o
46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi Adottati, P7_TA(2009)0090.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.4.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 1 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Roberta Angelilli, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Clemente Mastella, Louis Michel, Claude Moraes, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Wim van de Camp, Axel Voss, Tatjana Ždanoka |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Edit Bauer, Anna Maria Corazza Bildt, Ana Gomes, Nadja Hirsch, Franziska Keller, Petru Constantin Luhan, Mariya Nedelcheva, Norica Nicolai, Cecilia Wikström |
|||||