RAPPORT dwar l-Unjoni għall-Mediterran
3.5.2010 - (2009/2215(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Vincent Peillon
PROPOSTA GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-Unjoni għall-Mediterran
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona adottata waqt il-Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li saret f’Barċellona fis-27 u t-28 ta’ November 1995, li stabbiliet sħubija Ewro-Mediterranja,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem ta' ''Il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran" (COM(2008)0319),
– wara li kkunsidra l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008 tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit ta’ Pariġi għall-Mediterran, li sar f’Pariġi fit-13 ta’ Lulju 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni għall-Mediterran, li saret f’Marsilja fit-3 u l-4 ta’ Novembru 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) ta’ Pariġi (12 ta’ Lulju 2008), tal-Kajr (22 ta’ Novembru 2009) u ta’ Rabat (22 ta’ Jannar 2010),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa ta’ ftuħ tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (EMRLA), li saret f’Barċellona fil-21 ta’ Jannar 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tas-Samit Ewro-Mediterranju tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u ta’ Istituzzjonijiet Simili, li sar f’Lixandra fid-19 ta’ Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika Mediterranja tal-Unjoni Ewropea, l-aktar dawk tal-15 ta’ Marzu 2007[1] u tal-5 ta’ Ġunju 2008[2], u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009 bit-titolu ‘Il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran’,[3],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-Tieni Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja dwar it-Tisħiħ tar-Rwol tan-Nisa fis-Soċjetà, li saret f’Marrakesh fil-11 u t-12 ta’ Novembru 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-politika Ewropea tal-pajjiżi ġirien[4],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitati tal-EMPA adottati fis-sitt seduta plenarja li saret f’Amman fit-13 u l-14 ta’ Marzu 2010,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-EMPA adottata fit-13 ta’ Ottubru 2008 fil-Ġordan u mibgħuta għall-ewwel laqgħa tal-ministri tal-affarijiet barranin tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran f’Marsilja,
– wara li kkunsidra l-istatuti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran adottati fit-3 ta’ Marzu 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali kif ukoll tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0133/2010),
A. billi ż-żona Mediterranja hija reġjun ta’ importanza kruċjali għall-UE u billi, f’dinji multipolari u interdipendenti, il-blokok reġjonali l-kbar integrati se jkunu iktar kapaċi li jiffaċċjaw l-isfidi soċjali, kulturali, ekonomiċi, ambjentali, demografiċi, politiċi u ta’ sigurtà,
B. billi l-Unjoni Ewropea għandha tadotta viżjoni strateġika li tikkunsidra dawn l-isfidi kollha fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi ġirien fin-nofsinhar tagħha, bl-iżvilupp soċjali, ekonomiku u demokratiku tar-reġjun bħala prijorità,
C. billi, f’konformità mal-Artikolu 8 tat-Trattat UE, l-Unjoni tiżviluppa mal-pajjiżi viċini tagħha relazzjonijiet privileġġjati, sabiex tistabbilixxi żona ta’ prospertià u ta’ viċinat tajjeb, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaraterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni,
D. billi l-Unjoni għall-Mediterran tippermetti li tissaħħaħ aktar id-dimensjoni reġjonali u multilaterali tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji u tiftaħ perspettiva għall-bini ta’ żona ta’ paċi, sigurtà u prosperità għal 800 miljun abitant, u toffri l-qafas ideali biex jiġu identifikati l-isfidi soċjoekonomiċi, tiġi promossa l-integrazzjoni reġjonali u jiġi garantit il-kożvilupp tal-Istati msieħba,
E. billi l-politika tal-viċinat, minħabba li tpoġġi l-enfasi fuq it-tkabbir tar-relazzjonijiet bilaterali differenzjati, waħedha ma tagħmilhiex possibbli li jingħata kontribut għal proċess komuni ta’ integrazzjoni u ta’ riformi sinifikanti fir-reġjun ; billi f’dan il-qafas titqies l-opportunità, offruta mill-implimentazzjoni tal-Unjoni għall-Mediterran, li tissaħħaħ il-kumplimentarità bejn il-politiki bilaterali, minn naħa, u reġjonali, min-naħa l-oħra, sabiex ikun hemm reazzjoni iktar effikaċi għall-objettivi tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja, ibbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta’ valuri komuni bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem ; billi jaqbel li wieħed jinsisti biex l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex iwettqu l-politika Ewropea tal-Viċinant (PEV) b’mod koerenti u kredibbli skont l-Artikolu 8 tat-Trattat UE,
F. billi huwa indispensabbli li jsir użu mill-kisbiet tal-Proċess ta’ Barċellona li l-objettivi u t-twettiq tiegħu għandhom jissaħħu mill-Unjoni għall-Mediterran, b'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tat-13 ta' Lulju 2008, u sabiex ma jiġux duplikati u ma jirkbux fuq xulxin l-istrumenti politiċi u l-livelli istituzzjonali diġà eżistenti, sabiex tiġi garantita l-effikaċità u l-koerenza tal-għadd ta’ strumenti tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja,
G. billi għal dawn l-aħħar 15-il sena jew qribhom, il-pajjiżi Mediterranji kienu qed jiddiversifikaw b’mod rapidu r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tagħhom (pereżempju mar-Russja, iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u l-istati tal-Golf) u s-soċjetajiet tagħhom ikunu suġġetti għal tibdil sostanzjali (xejriet ta’ konsum, mobilità, tranżizzjoni demografika, eċċ) li mhumiex mingħajr konsegwenzi fuq l-ekwilibriji interni, b’mod partikolari dawk territorjali,
H. billi l-iskambji kulturali limitati ma jistgħux, waħedhom, jgħaqqdu l-popli tal-Mediterran, u billi l-Ewropea qed titlef progressivament l-influwenza kulturali tagħha fost l-imsieħba Mediterranji tagħha,
I. wara li kkunsidra l-importanza tad-differenzi dejjem jikbru bejn l-istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi Mediterranji, kif ukoll id-diffikultajiet strutturali preokkupanti, ta’ natura soċjoekonomika u istituzzjonali, li jirrikjedu rispons komuni b’saħħtu fl-interess komuni tal-istati kollha tal-Unjoni għall-Mediterran; billi l-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi terzi tal-Mediterran jinkoraġġixxi din il-perspettiva; billi jinnota l-ħtieġa li tittejjeb l-integrazzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar,
J. billi l-kuntest reġjonali li fih qed tissawwar l-Unjoni għall-Mediterran għadu karatterizzat minn kunflitti u minn tensjonijiet politiċi li pprerikolaw u xeħtu lura t-twaqqif tagħha wara s-Samit ta’ Pariġi ta’ Lulju 2008; billi l-Proċess tal-Paċi tal-Lvant Nofsani llum jinsab f’punt mejjet,
K. billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja żdiedu mal-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali li diġà hemm fil-pajjiżi msieħba, u b’mod partikolari ma’ dawk relatati mal-problema tal-qgħad; billi huwa fl-interess ta’ kulħadd, kemm ta’ dawn il-pajjiżi u kemm tal-UE, li jitnaqqas il-livell tal-qgħad fir-reġjun u li tingħata lill-popolazzjoni tiegħu, speċjalment lin-nisa, liż-żgħażagħ u lill-popolazzjoni rurali, tama għall-ġejjieni,
L. billi t-tnedija mill-ġdid tal-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani u l-prospetti konkreti ta’ soluzzjoni globali sostenibbli huma essenzjali għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji kif ukoll għall-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran,
M. billi ż-żewġ innovazzjonijiet prinċipali tal-Unjoni għall-Mediterran, jiġifieri dik istituzzjonali (il-kopresidenza, il-kumitat permanenti konġunt u s-segretarjat) u dik operazzjonali (proġetti ta’ integrazzjoni) iridu jiffunzjonaw b’mod effikaċi u trasparenti biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għaxjien taċ-ċittadini, il-benefiċjarji ewlenin ta’ dan il-proġett,
N. billi s-Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran jeħtieġ li jsir il-qofol tal-istruttura, billi l-effikaċja tagħha tiddependi mill-kapaċità tal-istaff tagħha li jaħdem b’mod indipendenti, u billi l-preżenza ta’ uffiċjal għoli Iżraeljan u ta’ uffiċjal għoli Palestinjan li jikkooperaw f’organizzazzjoni internazzjonali fuq livell reġjonali hija xi ħaġa ġdida li tnissel tama,
O. billi r-reġjuni tal-Mediterran huma milquta direttament minn kwistjonijiet transnazzjonali bħall-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà tal-provvista enerġetika, il-flussi migratorji, l-iskabji migratorji u t-turiżmu, u billi dawn jiffaċċjaw ukoll problemi transkonfinali bħall-ġestjoni tal-ilma u l-aċċess għalih, it-tniġġis, l-iżvilupp tan-netwerks ta’ trasport, u billi, allura, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkostitwixxu punti ta’ referenza importanti fil-ħolqien ta’ politiki territorjali sostenibbli adattati għall-partikolaritajiet lokali u għall-implimentazzjoni tal-proġetti konkreti u inklużivi,
P. wara li kkunsidra l-isfida ewlenija tal-agrikoltura fil-pajjiżi tal-Mediterran, minħabba l-piż soċjoekonomiku tagħha, l-impatt ambjentali tagħha u l-implikazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-ekwilibriju territorjali,
Q. billi 60 % tal-popolazzjoni dinjija nieqsa mill-ilma huma kkonċentrati fin-Nofsinhar tal-baċir tal-Mediterran u fil-Lvant Nofsani u billi minn issa sal- 2025, 63 miljun persuna jistgħu, skont ir-rapporti tal-UNDP dwar id-dinja Għarbija u tal-Plan Bleu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ skarsezza tal-ilma,
R. Ifakkar fid-deċiżjoni meħuda fil-Konferenza Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran tal- 4 ta’ Novembru 2008 f’Marsilja li titnaqqas il-firda diġitali bejn iż-żewġ xtut tal-Mediterran, li waslet għall-proposta BB-MED (broadband għall-Mediterran),
S. billi wara s-Samit ta’ Pariġi, il-proġetti mħabbra fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran batew minn nuqqas ġenerali ta’ fondi, ħaġa li jirriskja li jittarda l-implimentazzjoni tagħhom,
T. wara li kkunsidra l-importanza tal-flussi migratorji u tal-isfidi differenti li joħolqu fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran fil-livell uman, soċjali, kulturali u ekonomiku,
U. wara li kkunsidra l-importanza kbira tal-flussi kapitali ġġenerati mill-fondi li l-immigranti jibagħtu lill-popolazzjonijiet tal-pajjiżi fix-xtut tan-nofsinhar tal-Mediterran,
V. wara li kkunsidra, min-naħa l-waħda, id-dħul fis-seħħ reċenti tat-Trattat ta’ Lisbona u l-bidliet istituzzjonali li ġab miegħu, u min-naħa l-oħra, id-dibattitu li għaddej dwar it-tħaddim u l-finanzjament tal-Unjoni għall-Mediterran, li jirrikjedi lill-Parlament Ewropew li jsegwi mill-aktar qrib possibbli l-iżviluppi tal-Unjoni għall-Mediterran bil-għan li s-Samit ta’ Barċellona jkun suċċess,
1. Jistieden lill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern fi ħdan l-Unjoni għall-Mediterran, li se jiltaqgħu f’Barċellona fis-7 ta’ Ġunju 2010, biex jagħmlu ħilithom sabiex, wara sentejn diffiċli, din il-laqgħa tkun suċċess bil-għan li jitwaqqfu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-Mediterran u jiġu implimentati proġetti kbar u biex issir avvanz fl-aspetti kollha tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja;
2. Jibqa’, minkejja l-ħolqien tal-Unjoni għall-Mediterran, imħasseb dwar in-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-politika Mediterranja tal-UE u ta’ viżjoni strateġika fit-tul għall-iżvilupp u l-istabilizzazzjoni tar-reġjun; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranja jerġa' jsir prijorita politika fl-aġenda tal-UE;
3. Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran sabiex jirrevedu bir-reqqa, jintensifikaw u jtejbu d-djalogu kontinwu; jinsisti dwar il-fatt li r-rispett u l-komprensjoni reċiproċi jikkostitwixxu elementi essenzjali ta' dan id-djalogu u jfakkar li l-promozzjoni u r-rispett tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, jekk ikunux ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali, kif ukoll id-drittijiet kollettivi, għandhom jiddaħħlu b’mod ċar fl-objettivi ta’ din l-inizjattiva l-ġdida, b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi eżistenti ; jinsisti f’dan il-qafas fuq l-importnza tar-rispett tal-libertajiet ta’ espressjoni, tal-ħsieb u tat-twemmin kif ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu garantiti d-drittijiet tal-minoritajiet, inklużi dawk reliġjużi ; jenfasizza li d-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali jirrikjedu attenzjoni partikolari; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu lill-organizzazzjonijiet politiċi demokratiċi u tas-soċjetà ċivili fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran u jirrikonoxxi x-xogħol ta' valur li jsir minn organizzazzjonijiet tan-nisa;
4. Huwa tal-fehma li t-tensjonijiet politiċi u l-kunflitti reġjonali fil-Mediterran m’għandhomx ifixklu l-possibilità ta’ progress tanġibbli lejn il-kooperazzjoni settorjali u multilaterali, u li huwa permezz tal-implimentazzjoni ta’ proġetti integraturi kbar u ta’ djalogu politiku miftuħ li l-Unjoni għall-Mediterran tikkontribwixxi biex tiżviluppa klima ta’ fiduċja xierqa li tiffaċilita t-tiftix ta’ objettivi komuni ta’ ġustizzja u sigurtà fi spirtu ta’ solidarjetà u paċi; jenfasizza, madankollu, li ma jistax ikun hemm suċċess sħiħ tal-Unjoni għall-Mediterran mingħajr ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti reġjonali differenti fl-osservanza tal-liġi internazzjonali, li tagħmel mill-Mediterran xatt wieħed ta' paċi;
5. jinsisti fuq l-urġenza li wieħed jasal għal soluzzjoni ġusta u sostenibbli tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani u jitlob li jkun hemm impenn determinat tal-UE u tal-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni tal-Mediterran f’dan is-sens ; ifakkar it-talba tiegħu li jerġgħu jibdew negozjati serji fil-qafas tal-proċess ta’ paċi, sabiex tinkiseb il-koeżistenza ta’ żewġ stati, stat Palestinjan indipendenti, demokratiku u vijabbli, u stat Iżraeljan, li jgħixu ħdejn xulxin fil-paċi, is-sigurtà u bi fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment; iħeġġeġ il-kontribut importanti li l-Unjoni għall-Mediterran tista’ tagħti għat-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, speċjalment permezz tal-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti Iżraeljani u Palestinjani fi ħdanha;
6. Jifraħ bin-nomina tas-segretarju ġenerali u bl-adozzjoni tal-istatuti tas-segretarjat ġenerali u jirrakkomanda li, bi tħejjija għas-Samit ta’ Barċellona, id-definizzjoni tal-istruttura istituzzjonali u funzjonali tal-Unjoni għall-Mediterran għandha titlesta skont il-passi li ġejjin:
- li s-segretarjat jingħata l-mezzi adegwati meħtieġa, kemm finanzjarji u kemm statutarji, biex ikun jista’ jiffunzjona b’mod effikaċi u indipendenti; jinsisti fuq l-urġenza li s-segretarjat isir kompletament operattiv u fuq il-ħtieġa li l-persunal tiegħu jingħażel fuq il-kriterju tal-mertu, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-prinċipji tad-distribuzzjoni ġeografika u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
- li jiġu ċċarati l-kriterji ta’ deċiżjoni, ta’ finanzjament u ta’ implimentazzjoni tal-proġetti kbar, b’mod partikolari d-definizzjoni tal-prijoritajiet għat-tliet snin li ġejjin;
- li tiġi żgurata r-rappreżentanza konġunta tal-parteċipanti tal-UE (l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni), skont it-Trattat ta’ Lisbona, filwaqt li fl-istess ħin tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiżi terzi Mediterranji kollha;
- li tiġi żgurata l-leġittimità demokratika tal-Unjoni għall-Mediterran billi l-EMPA tiġi kkonfermata bħala parti integrali tal-istruttura istituzzjonali;
- li tissaħħaħ il-koordinazzjoni mal-proġetti u l-programmi tal-UE approvati mill-konferenzi ministerjali speċjalizzati billi, b’mod partikolari, jitqiesu l-possibilitajiet ta’ sinerġija;
- li jitħalla li jkun hemm ftehimiet ta’ kooperazzjoni ta’ ‘ġeometrija varjabbli’ li jkunu miftuħa għall-pajjiżi u għall-istituzzjonijiet multilaterali li jixtiequ jaħdmu flimkien fuq proġetti ta’ interess komuni;
- li jiġi żgurat li jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn is-segretarjat u l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll delimitazzjoni ċara tal-kompetenzi rispettivi tagħhom; li jitlob lill-Kummissjoni biex tikkollabora b’mod attiv fl-Unjoni għall-Mediterran u jitlob għal aktar ċarezza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha f’din l-istruttura istituzzjonali ġdida;
- li jiġu żviluppati azzjonijiet ta’ komunikazzjoni biex tkun żgurata l-viżibilità tal-attivitajiet tal-Unjoni għall-Mediterran; li ċ-ċittadini jkunu informati dwar il-proġetti l-kbar u l-avvanzi tal-Unjoni għall-Mediterran b'mod partikolari permezz ta’ sit tal-internet komplut u mtejjeb;
- li tiġi żgurata l-leġittimità demokratika tal-Unjoni għall-Mediterran b’mod li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’manjiera trasparenti, bis-sehem tal-Parlament Ewropew, tal-EMPA u tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; li jenfasizza li l-EMPA għandha tiġi rikonoxxuta bħala parti integrali tal-Unjoni għall-Mediterran ladarba hija komponent parlamentari;
- li jiġi żgurat djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha (awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet relatat mal-proġetti prinċipali;
7. Ifakkar li fis-Samit ta’ Pariġi kien hemm qbil dwar sitt oqsma strateġiċi orizzontali ewlenin (il-protezzjoni ċivili, l-awtostradi tal-baħar u dawk tal-art, it-tindif mit-tniġġis tal-Mediterran, il-Pjan dwar l-Enerġija Solari tal-Mediterran, l-Inizjattiva għall-Espansjoni tal-Affarijiet tal-Mediterran u l-Università Ewro-Mediterranja), li fil-maġġoranza tagħhom diġà qed jitwettqu proġetti impenjati fil-qafas tas-sħubija Ewro-Med; jissottolinja allura l-importanza ta’ evalwazzjoni fid-dettall tal-programmi reġjonali u tal-mezzi li diġà ġew implimentati fil-qafas tal-isħubija Ewro-Mediterranja u jixtieq li l-għażla tal-proġetti ffinanzjati fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran tkun ibbażata fuq il-kriterju tal-valur miżjud fil-livell kemm reġjonali kif ukoll lokali ; jitlob li dawn il-proġetti prijoritarji jidħlu fis-seħħ mill-iktar fis possibbli;
8. Iqis essenzjali li l-finanzjamenti ta’ proġetti permezz ta’ taħlita ta' fondi pubbliċi u privati jkunu garantiti, imsaħħa u mobilizzati; f’dan il-kuntest:
- jistieden lill-membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jallokaw fondi għall-proġetti li jkunu proporzjonati mal-kwistjoni kkonċernata u jistenna li jkun hemm impenn storiku mill-parteċipanti waqt is-Samit ta’ Barċellona;
- jinsisti sabiex fil-perjodu ta’ qabel l-għeluq tal-perspettivi finanzjarji 2007-2013, kull kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ssir mingħajr ma tippreġudika l-proġetti reġjonali Ewro-Mediterranji eżistenti jew ippjanati; jenfasizza l-ħtieġa li, fil-perspettivi finanzjarji l-ġodda tal-UE għall-2014-2020, il-fondi allokati għall-komponent tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tal-UE għall-proġetti tal- Unjoni għall-Mediterran jiżdiedu konsiderevolment;
- jilqa’ l-azzjoni ta’ xi istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali, Ewropej (BEI-FEMIP, EBRD) u internazzjonali (Bank Dinji) diġà joperaw fir-reġjun; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu identifikati sinerġiji fir-rigward ta’ proġetti kbar u jipproponi l-ħolqien ta’ bank Ewro-Mediterranju għall-investiment u l-iżvilupp biex isaħħaħ in-natura ta’ parità Tramuntana-Nofsinhar tal-Unjoni għall-Mediterran;
- jinsisti fuq l-irwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li jiżgura l-koordinazzjoni ta’ tlieta mis-sitt proġetti prijoritarji (it-tindif mit-tniġġis tal-Mediterran, il-Pjan dwar l-Enerġija Solari u l-awtostradi tal-baħar u tal-art) ;
- jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni ikbar u ta' integrazzjoni finanzjarja u ekonomika aħjar bejn il-pajjiżi Membri tal-Unjoni għall-Mediterran, u b’mod iktar partikolari bejn il-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar;
- jilqa’ t-tnedija reċenti ta’ fondi ta’ investiment għall-finanzjament tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran, fosthom il-fond InfraMed, maħsub għall-proġetti ta’ infrastruttura, u jistieden lid-diversi partijiet interessati biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ inizjattivi simili u biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-investituri, b'mod partikolari, bejn l-investituri għaż-żmien twil;
- jittama li jkun hemm fondi ta’ investiment maħsuba għall-finanzjament tal-proġetti ta’ komunitajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli;
9. Jinkoraġġixxi l-isforzi biex jittejjeb l-ambjent ekonomiku u legali fil-pajjiżi terzi, bi prijorità għat-twaqqif ta’ istituzzjonijiet finanzjarji subreġjonali vijabbli u kredibbli, li kapaċi jattiraw investimenti barranin; jappella wkoll sabiex:
- tiġi abbozzata karta ta’ protezzjoni tal-investimenti konġunti għall-pajjiżi terzi tal-Mediterran sabiex din il-protezzjoni tal-investimenti tkun armonizzata u mtejba u l-investimenti jiġu mħeġġa;
- tinħoloq sistema ta' assigurazzjoni u ta’ sigurtà finanzjarja għall-investituri, ibbażata fuq is-sistema tal-Aġenzija Multilaterali għall-Garanzija tal-Investimenti (MIGA) u adattata għall-kuntest Ewro-Mediterranju;
- ikun hemm riformi li jkollhom l-għan li jtejbu l-limiti amministratti u b’mod partikolari li jtejbu u jissimplifikaw it-twettiq tal-kuntratti;
- il-promozzjoni ta' armonizzazzjoni progressiva u effettiva tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol li tirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema fil-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran;
- it-titjib tal-aċċess għall-kreditu għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju kif ukoll l-offertà fil-qasam tal-formuli ta’ krediti u ta’ mikrokrediti;
10. Jixtieq jara titjib tal-ambjent ekonomiku u ġuridiku tar-reġjun, garanzija indispensabbli għall-investimenti fil-futur; jisħaq fuq l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-impjieg b'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għall-ġlieda kontra l-faqar, jenfasizza li l-preservazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi solidi jikkostitwixxu element ieħor essenzjali sabiex ikun garantit l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun;
11. Iqis li żieda fil-kooperazzjoni ekonomika bilaterali u multilaterali Nofsinhar-Nofsinhar għandha tiġġenera benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini u għandha ttejjeb il-klima politika fir-reġjun;
12. jinsisti fuq il-ħtieġa importanti li jittejjeb il-kummerċ bejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jirrappreżenta 6% biss tal-kummerċ, u għalhekk biex wieħed jaġixxi sabiex iwessa’ l-ftehim ta’ Agadir, jiġbed l-attenzjoni dwar l-interess li dawn il-pajjiżi għandhom fit-titjib tar-relazzjonijiet u l-kummernċ tagħhom sabiex jiffurmaw żona ekonomika b'saħħita u magħquda li tattira l-investituri u kapaċi tiddefendi l-interessi tar-reġjun filwaqt li tingħata spinta 'l quddiem lill-iżvilupp tagħha, jenfasizza li l-Unjoni għall-Mediterran għandha tagħmilha aktar faċli biex tirrispondi għat-talbiet għall-għajnuna teknika u finanzjarja bil-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika tan-Nofsinhar-Nofsinhar, iqis li l-estensjoni u s-simplifikazzjoni tal-akkumulazzjoni tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranja tista’ tgħin biex jintlaħaq dan;
13. Jenfasizza l-importanza tan-negozjati kurrenti dwar iż-Żona Ewro-Mediterranja ta' Kummerċ Ħieles u jħeġġeġ lill-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jaħdmu ħalli jarmonizzaw il-pożizzjonijiet tagħhom fil-kuntest tan-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ;
14. Jitlob lill-Kummissjoni biex, waqt in-negozjati tagħha ta’ ftehimiet kummerċjali, tqis ir-riżultati tal-istudji eżistenti dwar l-impatt u tevalwa l-effetti soċjali u ambjentali tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni mill-perspettiva tal-bidla fil-klimla u tal-kriżi ekonomika u soċjali u biex tippermetti applikazzjoni progressiva u asimetrika filwaqt li jiġu protetti setturi ta' produzzjoni simili fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, li huma aktar possibbli li jaffaċċjaw il-kompetizzjoni b'riżultat ta' liberalizzazzjoni akbar; jistieden lill-Unjoni għall-Mediterran sabiex tagħżel il-proġetti prinċipalment skont il-bżonnijiet soċjali u ekonomiċi u skont il-bżonn li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent;
15. Jixtieq li l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jkunu riveduti filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet ġodda marbuta mal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, u mal-kriżijiet tal-ikel u tal-enerġija; ifakkar li l-objettivi prinċipali tal-ħolqien ta’ żona Ewro-Mediterranja ta' kummerċ ħieles għandhom jibqgħu dawk ta' spinta 'l quddiem tal-kummerċ fil-qasam tal-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar, u jittama li l-pjan direzzjonali tas-Samit ministerjali tad-9 ta’ Diċembru 2009 jagħmilha possibbli li jinkiseb dan l-objettiv;
16. Jiddispjaċih li l-aspetti soċjoekonomiċi , kummerċjali u tal-enerġija, bħall-investiment dirett barrani, l-impjiegi, l-effiċjenza fl-enerġija, l-ekonomija informali jew tnaqqis tal-faqar, ma daħlux fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi u jitlob li dan jiġi rrimedjat fis-Samit ta’ Barċellona;
17. Ifakkar li l-politiki ta’ migrazzjoni jikkostitwixxu waħda mill-prijoritajiet tas-sħubija Ewro-Mediterranja u jistieden lill-istati u lill-istituzzjonijiet membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-ġestjoni kkoordinata tal-flussi migratorji ; jenfasizza li l-bini tal-Unjoni għall-Mediterran ma tistax tkun separata mill-għoti ta’ valur lir-riżorsi umani u lill-iskambji bejn il-popolazzjonijiet fiż-żona tal-Mediterran u jinkoraġġixxi, minbarra l-irregolar tal-flussi u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina, il-faċilitazzjoni progressiva ta’ moviment ħieles bejn iż-żewġt ixtut, it-tisħiħ tal-liġijiet dwar l-integrazzjoni tal-migranti, it-tħejjija tal-politiki attivi favur l-impjieg, u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tad-drittijiet ta' ażil ; iqis li għandna niżguraw il-kontinwità tal-konferenza ministerjali Euromed dwar il-migrazzjonijiet li seħħet f’Albufeira fit-18 u d-19 ta’ Novembru 2007;
18. Jistieden lill-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jiffaċilitaw it-trasferimenti ta’ fondi mill-immigranti lejn il-popolazzjonijiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-aktar billi jagħmlu sforz ħalli jitnaqqsu l-ispejjeż involuti;
19. Ifakkar fl-importanza tar-raba’ kapitolu tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja (dwar il-migrazzjoni, l-integrazzjoni soċjali, il-ġustizzja u s-sigurtà) u jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni għall-Mediterran tippromwovi l-kooperazzjoni fil-qafas ta’ dan il-kapitolu;
20. Jenfasizza l-importanza strateġika tal-kwistjonijiet tal-agrikoltura, l-iżvilupp rurali, l-adattament għall-bidla fil-klima, l-użu razzjonali tal-ilma u tal-enerġija fil-pajjiżi Mediterranji u jitlob li l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet agrikoli tkun prijorità politika; iħeġġeġ lill-istati tal-Unjoni għall-Mediterran biex javvanzaw kemm jista’ jkun lejn armonizzazzjoni tal-pożizzjonijiet tagħhom fil-qafas tan-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ u biex jipprogressaw lejn konverġenza akbar tal-politiki agrikoli Ewro-Mediterranji, partikolarment fil-qasam tal-osservanza tal-istandards soċjali xierqa, ta’ sikurezza tal-ikel, fitosanitarja u ambjentali, u tal-kwalità tal-prodotti; iqis li dawn il-politiki għandhom jintegraw l-eżiġenzi ta’ żvilupp sostenibbli (inkluża l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali), biex jagħmluha possibbli eventwalment li jkun hemm swieq reġjonali, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni partikolari u kompetittiva tal-agrikolturi Mediterranji, kif ukoll iż-żamm’ neċessarja ta’ settur agrikolu b’saħħtu ;
21. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika reġjonali agrikola, skont il-pjan direzzjonali Ewro-Mediterranju għall-agrikoltura, li tippreserva l-produzzjoni tal-ikel lokali u s-sikurezza tal-ikel, u tippromwovi l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u d-diversifikazzjoni tal-prodotti tipiċi Mediterranji, l-iżvilupp tal-isfruttament żgħir u ta’ daqs medju, u li tkun adattata għall-iżvilupp sostenibbli ; fid-dawl ta' żieda fin-nuqqas ta' sikurezza tal-ikel f'ħafna pajjiżi msieħba Mediterranji, jistieden lill-Kummissjoni biex taċċetta t-talbiet tal-imsieħeb rigward is-salvagwardji estiżi u l-proċeduri ta' malajr biex jimplimentawhom fi żminijiet ta' kriżi alimentari;
22. Jerġa’ jikkonferma l-appoġġ tiegħu għad-dimensjoni ambjentali tal-Unjoni għall-Mediterran u jfakkar fl-inizjattiva Ewro-Mediterranja kontra t-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-Mediterran ; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, it-tnedija tat-tieni fażi tal-programm ta’ investiment għall-eliminazzjoni tas-sorsi prinċipali tat-tniġġis fil-Mediterran – mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-preparazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-proġetti (MeHSIP PPIF); iqis li l-progress fil-qasam speċifiku tal-prevenzjoni tat-tniġġis fil-baħar huwa urġenti u li l-baħar Mediterran għandu jkun suġġett għal attenzjoni partikolari bħala baħar magħluq ; jippreċiża li l-proġetti kollha tal-Unjoni għall-Mediterran għandhom jiġu ppjanati u mwettqa b’koerenza mal-programmi eżistenti relatati, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Mediterran UNEP għall-konvenzjoni ta’ Barċellona;
23. Jistieden lill-istati msieħba, fil-qafas tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran dwar it-trasport bl-art u bil-baħar, biex itejbu l-infrastrutturi sabiex jiżguraw titjib fil-moviment tal-persuni u tal-merkanzija fil-Mediterran u jiffavorixxu politika sostenibbli tat-trasport, billi jitqiesu l-eżiġenzi ta’ żvilupp sostenibbli, ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, ta’ effiċjenza f’sens ta’ enerġija u ta’ intermodalità; jenfasizza li tali sforzi għandhom jitwettqu, partikolarment, f’rabta mal-politika ambjentali, industrijali, tas-saħħa pubblika u tal-iżvilupp territorjali; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati proġetti ta’ awtostradi fil-baħar sabiex jiġu mħeġġa r-rapporti modali u sabiex jinħolqu rotot ta’ navigazzjoni kummerċjali siguri, adegwati u sostenibbli;
24. Huwa tal-opinjoni li t-titjib fl-infrastruttura tat-trasport fil-port u bl-art jista' jgħin biex jippromwovi t-tkabbir u l-kummerċ ekonomiku bejn il-pajjiżi Ewro-Mediterranji;
25. jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fil-qasam tal-enerġija u jappella għall-implimentazzjoni immedjata ta’ pjanijiet ta’ żvilupp li se jiffavorixxu d-distinzjoni tas-sorsi u tal-mezzi ta’ provvista tal-enerġija, biex b’hekk wieħed jikkontribwixxi b’mod deċiżiv għal provvista sikurezza tal-enerġija fir-reġjun tal-Mediterran;
26. Ifakkar fil-potenzjal kbir tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari dawk tar-riħ u solari, fir-reġjun Ewro-Mediterranju; jappoġġa implimentazzjoni bla dewmien u kkoordinata tal-Pjan dwar l-Enerġija Solari tal-Mediterran, li l-objettiv prinċipali tagħha hu l-implimentazzjoni, minn issa sal-2020, ta' 20 GW ta' kapaċità ġdida ta' produzzjoni tal-enerġija rinovabbli fil-Mediterran, u tal-inizjattivi industrijali bħad-DESERTEC, kif ukoll l-adozzjoni ta' strateġija Ewro-Mediterranja għall-effikaċità enerġetika; jixtieq li l-proġetti jissodisfaw prijoritarjament il-bżonnijiet tal-pajjiżi fornituri u jenfasizza f'dan ir-rigward il-pass lura fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku għall-pajjiżi msieħba tat-titsħiħ, b’mod partikolari fix-xatt tan-Nofsinhar, tal-infrastrutturi tan-netwerk, tal-implimentazzjoni prograssiva ta’ suq reġjonali interdipendenti u l-ħolqien ta’ settur industrijali ġdid marbut pereżempju mal-fabrikazzjoni tal-komponenti solari;
27. Isejjaħ għal aktar promozzjoni u appoġġ għall-inizjattiva 'Solari għall-Paċi' fi ħdan il-qafas tal-Proġett Ewro-Mediterranju għal-Integrazzjoni tas-Suq tal-Enerġija (MED-EMIP);
28. Jirrakkomanda li l-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-proċess Ewro-Mediterranju jissieħbu fl-inizjattiva 'bliet intelliġenti' prevista fil-Pjan Strateġiku dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija (SET Plan);
29. Jappoġġa l-promozzjoni ta' interkonnessjonijiet Ewro-Mediterranji fis-setturi tal-elettriku, il-gass u ż-żejt bil-għan li tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li ċ-ċirkuwitu tal-Mediterran għall-elettriku jiġi kkompletat u jappoġġa l-iżvilupp ta' kuritur tal-gass fin-Nofsinhar; jinkoraġġixxi l-użu ta' flussi lura fejn dan ikun ġustifikat f'termini ta' sigurta, effikaċja tan-nefqa u vijabbiltà;
30. Jisħaq li l-miri klimatiċi 202020 se jkollhom effett sinifikanti fuq id-domanda għall-gass, u għaldaqstant il-ħolqien ta' pjan ta' azzjoni dwar l-LNG għal-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran itejjeb id-diversità u s-sigurtà tal-provvista, speċjalment għall-pajjiżi li jserrħu fuq fornituri esklussivi;
31. Jenfasizza l-importanza tal-progress fit-teknoloġija tal-LNG u tal-investimenti fil-kapaċità tal-bastimenti tat-trasport tal-LNG u fit-terminals għall-rikonverżjoni tal-LNG f'gass; jinnota li, flimkien mal-iżvilupp tal-infrastrutturi, is-sigurtà marittima hija neċessità wkoll;
32. Jinsisti dwar l-urġenza li jinħolqu kooperazzjonijiet imsaħħa fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fil-Mediterran biex jiġu miġġielda l-katasrofi naturali, partikolarment it-terremoti, l-għargħar u n-nirien tal-foresti; iħeġġeġ il-ħolqien ta’ istitut Ewro-Mediterranju għan-nirien fil-foresti;
33. Jinsisti dwar l-importanza li fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran jiġu żviluppati proġetti ġodda dedikati għat-tagħlim, l-iskambji skolastiċi u universitarji u għar-riċerka, bħala fatturi li jressqu lejn xulxin il-popli tal-ixtut tal-Mediterran; iqis bħala prijorità, bl-indħil attiv tas-soċjetà ċivili, il-ħolqien ta’ spazju veru Ewro-Mediterranju tat-tagħlim superjuri, tax-xjenza u tar-riċerka u, f’dan ir-rigward :
- jifraħ bil-ħolqien tal-Università Ewro-Mediterranja EMUNI u jistieden lill-istituzzjonijiet imsieħba biex japprofondixxi l-impenn tagħhom fl-iżvilupp tal-attivitajiet tagħha;
- jitlob li jissaħħu l-finanzi dedikati għall-programmi ta’ skambji universitarji bħal pereżempju “Erasmus Mundus” u li jkun hemm informazzjoni aħjar dwar il-programmi ta’ skambju eżistenti; jistieden biex wieħed b’mod partikolari jinspira ruħu mill-esperjenza tal-programm Ewropew Averroes;
- jappella biex jitwaqqaf Erasmus Ewro-Mediterranju għaż-żgħar ambizzjuż, li jagħmilha possibbli li jiġu intensifikati l-iskambji skolari bejn l-istati membri tal-Unjoni għall-Mediterran;
- jitlob kooperazzjoni iktar strutturata fil-qasam tat-tagħlim superjuri u tar-riċerka biex iħeġġeġ ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, l-applikazzjoni tad-diplomi komuni u tal-iskejjel tad-dottorat komuni sabiex b’mod partikolari tikber il-mobilità tar-riċerkaturi, flimkien ma’ miżuri għall-ġlieda kontra l-ħarba tal-imħuħ;
- jixtieq li tingħata attenzjoni partikolari lit-tqarrib tal-attivitajiet ta' taħriġ, ta' riċerka u ta' innovazzjoni, b'aċċent fuq id-djalogu bejn l-intrapriżi u l-universitajiet u fuq is-sħubiji pubbliċi-privati fil-qasam tar-riċerka;
34. Jitlob li fl-aġenda tal-Unjoni għall-Mediterran malajr kemm jista’ jkun ikun hemm proġetti ġodda li jkollhom l-għan li jiffavorixxu l-fehim reċiproku bejn is-soċjetajiet, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta’ strateġija Ewro-Mediterranja fil-qasam kulturali u l-iżvilupp tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż ; jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Konferenza Permanenti tal-Operaturi Awdjoviżivi fil-Mediterran (COPEAM), u b’mod partikolari dak ta’ kanal tat-televixin Ewro-Mediterranju, kif ukoll l-edizzjoni mill-ġdid ta’ inizjattivi li kellhom suċċess bħall-Ġimgħa Għarbija u l-EurMedScola ; jilqa’ l-azzjoni tal-Librerija ta’ Lixandra, tal-Istitut tad-Dinja Għarbija u tal-Fondazzjoni Anna Lindh, u b’mod partikolari l-organizzazzjoni minn din tal-aħħar ta' jum tal-Forum għad-djalogu interkulturali f'Barċellona f'Marzu 2010; jitlob lill-pajjiżi u lill-istituzzjoni membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex iżommu l-impenn tagħhom fil-qafas tal-Alleanza taċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti;
35. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-għażla tal-kandidatura ta’ Marseille-Provence bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2013, li l-proġett tagħha, b’mod deċiżiv, ħa xejra Ewro-Mediterranja bl-għan li ż-żewġ popli taż-żewġt ixtut tal-Mediterran jersqu dejjem iktar qrib xulxin; jenfasizza l-għan ta’ dan il-proġett kulturali ta’ valur simboliku għoli li għandu jwassal għal azzjonijiet konkreti u innovattivi għas-servizz tad-djalogu tal-kulturi tal-Ewropa u tal-Mediterran;
36. Jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta' politiki industrijali biex itejbu l-ekonomiji tal-iskala, filwaqt li jappoġġaw l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u jsaħħu s-setturi tat-teknoloġija avvanzata; jistieden lill-pajjiżi membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-Mediterran biex jieħdu rwol attiv fl-appoġġ tal-SMEs, b'enfasi partikolari fuq servizzi finanzjarji effiċjenti u l-għajnuna teknika u amministrattiva, biex b'hekk tinħoloq bażi intraprenditorjali qawwija, speċjalment fis-setturi li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi tal-Mediterran;
37. Jenfasizza li l-EMPA għandha l-għan li ssir l-assemblea parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, demokratika leġittima, u jappoġġa l-proposta tas-6 sessjoni plenarja tal-EMPA li saret f’Amman fit-13 u l-14 ta' Marzu 2010 sabiex l-titgħammed mill-ġdid bħala Assemblea Parlamentari - Unjoni għall-Mediterran;
38. Ifakkar fis-setgħat tiegħu fil-proċedura baġitarja tal-Unjoni Ewropea u jenfasizza l-importanza li l-EMPA teżerċita minn issa responsabilitajiet akbar filwaqt li tassumi rwol konsultattiv u ta’ kontroll demokratiku fejn jidħlu d-definizzjoni tal-punti prinċipali ta’ ħidma, is-segwitu regolari tal-proġetti impenjati u t-twettiq tal-baġit; jistieden lill-kumitati kompetenti differenti tal-EMPA biex jipproċedu bis-smigħ regolari tas-segretarju ġenerali u tad-deputati segretarji ġenerali ; jemmen, madankollu, li din ir-responsabilità trid timxi id f'id mat-titjib tal-funzjonament u tal-metodi ta’ ħidma tal-EMPA, inkluż il-provvediment tar-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa kif ukoll allinjament aħjar tal-ħidma tal-EMPA fuq dak tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni għall-Mediterran; jilqa’ d-deċiżjonijiet adottati f’dan ir-rigward matul is-sitt sessjoni plenarja tal-EMPA li seħħet f’Amman bejn it-13 u l-14 ta’ Marzu 2010;
39. Jilqa’ t-twaqqif reċenti tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (EMRLA) u jitlob għal sforz sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa tal-ħidma tal-EMRLA ma’ dik tal-EMPA, l-aktar permezz ta’ laqgħat konġunti jew stediniet reċiproċi għall-membri tal-bureaux rispettivi tagħhom għal-laqgħat ta’ ħidma; jinsisti fuq l-interess ta’ dawn l-assembleji li jlaqqgħu lill-eletti taż-żewġt ixtut tal-Mediterran, li jappoġġjaw l-iskambji tal-prattiki demokratiċi tajbin;
40. Jinsisti li s-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-bosta netwerks professjonali u soċjoprofessjonali żviluppati fil-qafas tas-sħubija Ewro-Mediterranja jkunu regolarment ikkonsultati u involuti fl-attivitajiet u fil-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran; u jinkoraġġixxi:
- lill-assemblea ġenerali tal-Kunsilli ekonomiċi u soċjali u lil istituzzjonijiet simili biex jistudjaw it-twaqqif ta’ kunsill ekonomiku u soċjali Ewro-Mediterranju;
- l-iżvilupp ta’ proġetti li jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet kummerċjali, l-investimenti u s-sħubijiet tal-intrapriżi bjen iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, bħal pereżempju l-programm Invest in Med;
- it-twaqqif ta’ kmamar tal-kummerċ Ewro-Mediterranji u ta’ assoċjazzjonijiet sindikalisti u tal-patruni Ewro-Mediterranji;
- it-tkabbir tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju tal-grupp ta’ kooperazzjoni industrijali li huwa inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Karta Ewro-Mediterranja għall-intrapriżi sabiex din issir il-mezz li bih jingħeleb kull xkiel għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju;
41. Jilqa’ l-impenn kkonfermat mill-ġdid fl-okkażjoni tat-tieni konferenza tal-ministri Ewro-Mediterranja dwar it-tisħiħ tal-irwol tan-nisa fis-soċjetà (Marrakech, 11 u 12 ta’ Novembru 2009), bl-għan li jiffavorixxu l-ugwaljanza de jure et de facto bejn l-irġiel u n-nisa, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u r-rispett tad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel; jitlob b’insistenza li jittieħdu miżuri konkreti u jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ proġett tal-Unjoni għall-Mediterran dwar is-sens ta’ intraprenditorjat fost in-nisa u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika; ifakkar il-pożizzjoni kostanti tiegħu li skontha r-rispett tat-tradizzjonijet u tal-użanzi ma jistax iservi ta’ skuża għall-vjolenza tad-drittijiet fundamentali tan-nisa;
42. Jistieden lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE, lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-azzjoni esterna maħluq reċentement biex jipprovdu l-isforzi meħtieġa biex jiżguraw il-koerenza tal-UE fil-parteċipazzjoni fl-Unjoni għall-Mediterran u biex jassoċjaw lill-Parlament Ewropew fid-definizzjoni tal-politika Ewropea;
43. Jilqa’ l-integrazzjoni reċenti fl-Unjoni għall-Mediterran tal-pajjiżi Balkani tal-Punent li huma kandidati għall-adeżjoni fl-UE;
44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Barranija u s-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kopresidenza u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati sħab.
NOTA SPJEGATTIVA
I/ Sfond
Matul l-aħħar żewġ deċennji, l-Unjoni Ewropea għamlet sforzi partikulari għat-tkabbir tagħha lejn il-lvant. Il-kompitu storiku tal-għaqda mill-ġdid tal-kontinent tlesta u għandha nkunu kburin b’dan, iżda fil-mument li qed jiġu ffurmati mill-ġdid l-ekwilibriji ġeopolitiċi u ġeoekonomiċi dinjin, bl-emerġenza notevoli tal-Asja, issa huwa żmien li l-UE tirrevedi l-prijoritajiet tagħha tal-politika barranija u tiskopri mill-ġdid il-ġirien tagħha tan-Nofsinhar.
Huwa indispensabbli għall-Parlament li jsegwi mill-aktar qrib l-iżviluppi tal-aħħar inizjattiva reġjonali, l-Unjoni għall-Mediterran. Dan ir-rapport huwa għalhekk kontinwazzjoni ta’ dak preċedenti, li kien adottat fi Frar 2009, u għandu l-għan li jkompli r-riflessjoni politika li nbdiet b’kunsiderazzjoni tal-ambjent istituzzjonali ġdid tal-UE u tal-elementi mhux magħrufa li għadhom ta’ piż fuq l-Unjoni għall-Mediterran, kemm mil-lat operazzjonali kif ukoll mil-lat finanzjarju tagħha.
Wara tnedija kontroversjali u sentejn suċċessivi ta’ mblokk relattiv, f'Ġunju 2010 se jsir it-Tieni Samit tal-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-Unjoni għall-Mediterran f'Barċellona. Il-Parlament Ewropew jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu għas-suċċess sħiħ ta' dan is-samit determinanti għall-ġejjieni tal-Unjoni għall-Mediterran.
II/ Linji gwida
Bi tħejjija għas-Samit ta’ Barċellona, ir-riflessjoni tagħna dwar l-Unjoni għall-Mediterran se ssegwi erba' prinċipji gwida.
a. Il-bini tal-Unjoni għall-Mediterran fuq il-kisbiet ta’ Barċellona
Minkejja li l-Unjoni għall-Mediterran tnisslet barra mil-loġika Komunitarja, id-deċiżjoni finali li din tiddaħħal fil-kontinwità tal-proċess ta’ Barċellona, minkejja n-nuqqasijiet tagħha, kienet deċiżjoni tajba[1].
Minkejja r-rendiment diżappuntanti tas-Sħubija Ewro-Mediterranja, l-aktar fid-dimensjoni multilaterali u subreġjonali tagħha, din il-forma ta’ kooperazzjoni nftiehmet sew mis-sħab tagħna, li ma kienx il-każ bil-Politika Ewropea tal-Viċinanzi (ENP), imnedija fl-2004.
Il-proċess ta’ Barċellona ċertament kien imblukkat mil-lat politiku, iżda kien teknikament miftuħ. L-Istrumenti Finanzjarji (il-MEDA, l-ENPI, l-FEMIP), il-programmi ta’ kooperazzjoni u ta’ mikrokooperazzjoni, kif ukoll il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bilaterali taw appoġġ sinifikanti lill-ekonomiji ta’ ċerti stati. Mil-lat kulturali u edukattiv, ġew implimentati programmi fl-oqsma tal-ħarsien tal-wirt kulturali (EuroMed Heritage), tal-promozzjoni ta’ skambji bejn żgħażagħ (Erasmus Mundus) u tad-distribuzzjoni tal-produzzjoni awdjoviżiva Ewro-Mediterranja (Euromed Audiovisual II) jew għad-djalogu bejn il-kulturi (Fondazzjoni Anna Lindh). Iridu wkoll jiġu enfasizzati l-isforzi, għalkemm dgħajfa, fir-rigward tal-integrazzjoni subreġjonali permezz tal-iffirmar tal-Ftehim ta' Agadir. Politikament, id-dimensjoni reġjonali tas-sħubija ġiet ippreservata bis-saħħa tal-laqgħat ministerjali (affarijiet barranin u settorjali) u tal-laqgħat ta’ uffiċjali għolja, li għamluha possibbli li tiġi stabbilita l-prattika ta' djalogu regolari.
Wieħed għalhekk jista’ jifhem li t-tnedija tal-ENP bid-dimensjoni bilaterali ċari tagħha u bit-tliet kunċetti ddikjarati tagħha (il-kundizzjonalità, il-proprjetà u d-differenzjazzjoni selettiva) setgħet tqieset, u mhux biss fuq l-ixtut tan-nofsinhar, bħala l-attenwazzjoni tal-impenn tal-Unjoni Ewropea li tkun sieħeb u r-rinunzja tal-ambizzjoni reġjonali Ewro-Mediterranja.
Għaldaqstant l-Unjoni għall-Mediterran toffri ċans ieħor għad-dimensjonijiet reġjonali u multilaterali tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja, sakemm din tkun ibbażata fuq l-acquis tal-Proċess ta’ Barċellona.
b. It-tensjonijiet politiċi u l-kunflitti reġjonali fil-Mediterran m’għandhomx ifixklu l-kapaċità li jsir progress konkret lejn il-kooperazzjoni settorjali u multilaterali
Il-kuntest reġjonali li fih qed tissawwar l-Unjoni għall-Mediterran huwa primarjament ikkaratterizzat minn kunflitti u tensjonijiet politiċi flimkien mal-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru 2001 u l-gwerra fl-Iraq, li komplew temgħu l-kriżi ta’ fiduċja bejn iż-żewġ naħat.
Dawn il-kunflitti naqqsu b'mod sinifikanti l-pass għat-twaqqif tal-Unjoni għall-Mediterran wara s-Samit ta’ Pariġi ta’ Lulju 2008, u wasslu għat-tħassir tal-laqgħat ministerjali u għall-paraliżi istituzzjonali.
Dawn id-diffikultajiet jobbligawna nieħdu lezzjoni immedjata: il-vokazzjoni primarja tal-Unjoni għall-Mediterran ma kinitx li ssolvi kunflitti li ilhom snin bejn ċerti membri tagħha. Mingħajr attitudni responsabbli u kostruttiva mid-diversi partijiet interessati, se jkun diffiċli li jingħata bidu għall-Unjoni għall-Mediterran, u sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ġejjieni tagħha. Huwa permezz tat-twettiq ta’ proġetti ta' integrazzjoni kbar li l-Unjoni għall-Mediterran se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ klima ta’ fiduċja li tippermetti l-ħidma għall-ilħuq tal-objettivi komuni ta’ sigurtà, fi spirtu ta’ solidarjetà u ta’ paċi. Għall-kuntrarju, jekk dawn jiġu mblukkati, ikun falliment mimli b’konsegwenzi.
c. Iż-żewġ innovazzjonijiet - istituzzjonali (kopresident, segretarjat, kumitat ta’ uffiċjali għolja) u operattiva (proġetti ta' integrazzjoni) - tal-Unjoni għall-Mediterran iridu jiffunzjonaw b'mod effikaċi u trasparenti
Waħda mill-kundizzjonijiet għas-suċċess ġejjieni tal-Unjoni għall-Mediterran huwa li tagħmel il-funzjonament tagħha komprensibbli u r-riżultati tagħha tanġibbli f’għajnejn kemm jista’ jkun atturi (kumpaniji, universitajiet, trejdjunjins, entitajiet lokali u reġjonali, u s-soċjetà ċivili). Jinħtieġ, għalhekk, li l-istituzzjonijiet tagħha jibdew jiffunzjonaw mill-aktar fis skont proċessi sempliċi, effiċjenti u trasparenti.
Mil-lat prattiku, dan ir-rekwiżit ta’ effiċjenza jista’ jirriżulta f’kooperazzjonijiet b’ġeometrija varjabbli, miftuħin għall-pajjiżi li jixtiequ jaħdmu flimkien fuq proġetti ta’ interessi komuni, mingħajr ma jingħalaq il-bieb għal dawk li jkun jixtiequ eventwalment jingħaqdu magħhom.
Barra minn hekk, l-għażla tal-proġetti, il-progress tagħhom u l-finanzjament tagħhom se jiġu evalwati u mmonitorjati regolarment, l-aktar permezz ta’ mezzi parlamentari, li r-riżultati tagħhom se jkunu disponibbli għall-pubbliku.
d. Il-kwistjoni tal-finanzjamenti saret waħda ċentrali
Wara s-Samit ta’ Pariġi, il-Kummissjoni Ewropea kkontribwiet finanzjarjament għall-ewwel proġetti mħabbra fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran. Dan huwa biss l-ewwel pass li għandu jiġi evalwat mill-ġdid malajr fl-ambitu tad-definizzjoni effettiva ta’ dawn il-proġetti. Minkejja l-kriżi ekonomika u soċjali, l-implimentazzjoni effettiva tal-Unjoni għall-Mediterran teħtieġ sforz finanzjarju akbar mid-diversi sħab, partikolarment mill-Unjoni Ewropea.
Jeħtieġ, għalhekk, li jsir impenn sabiex l-UE u s-sħab Mediterranji tagħha jagħtu lill-baġit tal-Unjoni għall-Mediterran fondi adegwati għall-ħidma tagħha. L-azzjoni tal-pajjiżi sħab m’għandhiex tkun limitata għall-għoti ta’ self jew li tintalab a posteriori t-tikketta "Unjoni għall-Mediterran" tal-proġetti li gawdew minn finanzjamenti f’oqfsa istituzzjonali oħra, l-aktar dawk Komunitarji.
Fl-aħħar nett jeħtieġ li s-Segretarjat Ġenerali jiġi pprovdut b’riżorsi adegwati li bihom ikun jista’ jaħdem b'mod effikaċi u indipendenti.
III. Is-Samit ta’ Barċellona, pass kritiku għall-Unjoni għall-Mediterran
Il-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-Unjoni għall-Mediterran se jiltaqgħu f’Barċellona f’Ġunju 2010. Il-Parlament Ewropew jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu għas-suċċess ta’ dan it-tieni samit, li l-eżitu tiegħu, wara sentejn diffiċli ta’ twaqqif, huwa mument kruċjali għall-ġejjieni tal-Unjoni għall-Mediterran.
Għaldaqstant il-Parlament Ewropew se jkun attent b'mod partikulari għall-progress konkret li jinkiseb fit-tliet oqsma prijoritarji li huma l-organizzazzjoni istituzzjonali, il-proġetti u s-sorsi ta’ finanzjament għall-proġetti.
a. Organizzazzjoni istituzzjonali: l-effikaċità d-demokrazija
Fid-dawl tas-Samit ta’ Barċellona, jeħtieġ li jitwettqu passi ’l quddiem fid-definizzjoni tal-istruttura istituzzjonali u funzjonali tal-Unjoni għall-Mediterran fir-rispett tal-ħtiġijiet ta’ effiċjenza u trasparenza, u b’mod partikolari billi jiġu ċċarati l-kriterji ta’ deċiżjoni, ta’ finanzjament u tal-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar.
Is-segretarjat ġenerali huwa mistenni li jsir il-qofol tas-sistema. L-effiċjenza tiegħu se tiddependi fuq il-kapaċità tal-istaff tiegħu li jaħdem b’mod indipendenti. Wieħed għandu jenfasizza li l-preżenza ta’ uffiċjal għoli Iżraeljan u ta’ uffiċjal għoli Palestinjan li jikkooperaw f’organizzazzjoni internazzjonali fuq livell reġjonali hija xi ħaġa mingħajr preċedent u li tnissel tama. Fl-aħħar nett ninsistu dwar il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni tajba u ta’ delimitazzjoni ċara tal-kompetenzi mal-Kummissjoni Ewropea.
Fl-ekwilibriju istituzzjonali l-ġdid, filwaqt li jenfasizza r-responsabilità tal-Parlament Ewropew fil-proċedura baġitarja tal-Unjoni Ewropea, jidher essenzjali li l-EMPA teżerċita responsabilitajiet akbar filwaqt li tassumi rwol konsultattiv u ta’ kontroll demokratiku fejn jidħol it-twettiq tal-baġit tal-proġetti. Is-smigħ regolari tas-segretarju ġenerali u tad-deputati segretarji ġenerali tad-diversi kumitati responsabbli għall-EMPA jippermetti li jiġi żgurat li jkun hemm monitoraġġ regolari tal-proġetti u tal-attivitajiet. Madankollu, din ir-responsabilità trid timxi id f'id mat-titjib tal-funzjonament u tal-metodi ta’ ħidma tal-EMPA, inkluż il-provvediment tar-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa.
L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa wkoll inevitabbli. Ir-reġjuni tal-Mediterran huma rabta essenzjali ta’ akkumpanjament għall-ħolqien ta’ politiki territorjali ġodda u għat-twettiq ta’ proġetti konkreti. It-twaqqif riċenti tal-Assemblea reġjonali u lokali Ewro-Mediterranja (EMRLA) hija inizjattiva eċċellenti.
Finalment, l-Unjoni għall-Mediterran għandha tiftakar li tassoċja kemm jista’ jkun mal-attivitajiet tagħha u mal-proġetti tagħha lis-soċjetà ċivili, lill-isħab soċjali u lill-bosta netwerks professjonali u soċjoprofessjonali żviluppati fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja. F’din il-perspettiva, għandu jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewro-Mediterranju u ta’ Forum Mediterranju ta' kapijiet ta’ intrapriżi.
b. Proġetti
Is-Samit ta’ Pariġi adotta sitt oqsma strateġiċi orizzontali ewlenin li jirrispondu għad-diversi sfidi ewlenin tar-reġjun: it-tniġġis tal-baħar, it-trasport, l-enerġiji li jiġġeddu, l-edukazzjoni, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-protezzjoni ċivili.
Huwa f’idejn is-segretarjat ġenerali li jintgħażlu, jiġu proposti u jinżammu l-“proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran”. Hemm ħafna li diġà jagħmlu parti mis-Sħubija Ewro-Med. Il-prammatiżmu jġegħelna naġixxu fuq il-komplementarjetajiet u li nsibu l-iskali xierqa tal-koordinazzjoni u tal-mobilizzazzjoni politika bejn il-livelli Ewropej u Ewro-Mediterranji.
Flimkien ma’ dawn is-sitt proġetti kbar, ikun xieraq li proġetti ġodda jiddaħħlu malajr ukoll fl-aġenda tas-segretarjat ġenerali u tal-laqgħat ministerjali settorjali. Il-Parlament Ewropew jipproponi, fost l-oħrajn, l-istabbiliment fl-ambitu tal-Unjoni għall-Mediterran ta’ proġetti bħall-Erasmus Ewro-Mediterranju għaż-żgħar, “Averroes”, li jippermettu li jiġu intensifikati l-iskambji bejn l-istudenti tas-sekondarja tal-istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran, jew billi jżidu magħhom komponent kulturali. Jeħtieġ li minn issa ’l quddiem, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ ikel u agrikoltura, li l-importanza tagħhom hija strateġika, tkun fost il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-Mediterran sabiex isir progress lejn konverġenza akbar tal-politiki agrikoli Ewro-Mediterranji.
c. Iż-żieda u l-garanzija tal-finanzjamenti
Is-Samit ta’ Barċellona għandu jtemm il-finanzjament baxx ta’ proġetti mħabbra fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran.
Il-finanzjamenti tal-proġetti ppjanati se jkunu bbażati fuq arranġamenti ta’ fondi pubbliċi u privati li jeħtieġ li jiġu żviluppati u stabbiliti b’mod permanenti:
- fil-perjodu ta’ qabel il-konklużjoni tal-perspettivi finanzjarji 2007-2013, il-kontribut finanzjarju meħtieġ tal-Unjoni għandu jingħata mingħajr ma jiġu preġudikati l-programmi reġjonali Ewro-Mediterranji li jkunu għaddejjin jew li jkunu ppjanati; il-perspettivi finanzjarji l-ġodda tal-UE għall-2014-2020 għandhom isaħħu b’mod konsiderevoli l-mezzi destinati għall-Unjoni għall-Mediterran;
- xi istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali, Ewropej (BEI-FEMIP, EBRD) u internazzjonali (Bank Dinji) diġà joperaw fir-reġjun. Iridu jinstabu sinerġiji fir-rigward tal-proġetti l-kbar. Din se tkun waħda mill-missjonijiet tas-segretarjat;
- għandu jiġi previst il-ħolqien ta’ bank Ewro-Mediterranju għall-investiment u l-iżvilupp, bil-għan li tissaħħaħ in-natura ta’ parità Tramuntana-Nofsinhar tal-Unjoni għall-Mediterran;
- it-tnedija riċenti ta’ fondi ta’ investiment għall-finanzjament tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran kienet aħbar tajba. Għandu jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ inizjattivi simili.
Barra dan, ikun xieraq li ssir ħidma biex jittejjeb l-ambjent ekonomiku u ġuridiku tal-pajjiżi terzi, billi tingħata prijorità għat-twaqqif ta’ istituzzjonijiet finanzjarji subreġjonali li jkunu vijabbli u kredibbli u li jkunu kapaċi jattiraw investimenti barranin. Bħalissa, il-ftehimiet li jipproteġu l-investimenti huma bilaterali u eteroġenji. Karta tal-protezzjoni tal-investimenti komuni għall-pajjiżi tax-xtut tan-nofsinhar, kif ukoll il-ħolqien ta 'sistema ta' assigurazzjoni u ta’ garanzija finanzjarja għall-investituri, jippermettu li din il-protezzjoni tkun armonizzata u mtejba.
Il-flussi tal-kapital kostitwiti mill-fondi mibgħuta mill-immigranti lill-popolazzjonijiet fil-pajjiżi fix-xtut tan-nofsinhar tal-Mediterran huma finalment ta’ importanza kbira għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi riċevituri. Għandha ssir riflessjoni dwar il-mezzi biex jiġu ffaċilitati dawn it-trasferimenti, l-aktar billi ssir ħidma ħalli jitnaqqsu l-ispejjeż involuti.
****
Illum l-Ewropa u l-ġirien tagħha fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Mediterran jinsabu fuq tarġa importanti fl-istorja komuni tagħhom. M’hemmx possibilità oħra ħlief li nirrispondu flimkien u b’mod solidali għall-isfidi kbar globali li l-Mediterran jassorbi l-effetti tagħhom ta’ kuljum.
F’Barċellona, il-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern iridu jagħtu prova ta’ prammatiżmu u viżjoni biex jibnu, bi tluq mill-kumplessità attwali tar-reġjun, komunità Ewro-Mediterranja li tgħaqqad id-destin ta' aktar minn 800 miljun ruħ. Dawn għandhom iwieġbu għall-aspettattivi leġittimi għall-paċi, għall-istabilità u għall-prosperità taċ-ċittadini, għax-xewqa tagħhom li jgħixu f’soċjetà bbażata fuq l-istat tad-dritt u fuq ir-rispett reċiproku.
Il-komplementarjetà u l-koresponsabilità huma l-aħjar garanziji biex id-diversità tal-Mediterran tibqa' ħajja għas-servizz ta’ prosperità komuni għaċ-ċittadini kollha.
- [1] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta’ Marzu 2008.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (8.4.2010)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar l-Unjoni għall-Mediterran
(2009/2215(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Niki Tzavela
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
Daħla
1. Jixtieq li s-Samit tal-Unjoni għal-Mediterran (UM) fis-7 u t-8 ta' Ġunju 2010 f'Barċellona turi l-appoġġ kontinwu tal-UE għal kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' sħabha tan-Nofsinhar tal-Mediterran dwar l-ottimizzazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta' appoġġ; l-iżvilupp ta' pożizzjonijiet komuni fuq kwistjonijiet regolatorji fil-qasam tal-enerġija, bl-għajnuna tal-Assoċjazzjoni ta' Regolaturi Mediterranji għall-elettriku u l-Gass (MEDREG) u ċ-Ċentru Euro-Maxrek tal-Gass; il-kooperazzjoni trans-Mediterranja fuq l-enerġija li tiġġedded; u l-iskambju tal-aqwa prattiki u l-progress teknoloġiku permezz ta' inizjattivi u sħubijiet bħalma huma l-Proċess ta' Barċellona, il-Politika Ewropea tal-Viċinat, it-Trattat tal-Komunità tal-enerġija Ewro-Magreb u l-programm MED-ENEC dwar l-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tal-bini;
L-infrastruttura u l-forniment
2. Jappoġġa l-promozzjoni ta' interkonnessjonijiet Ewro-Mediterranji fis-setturi tal-elettriku, il-gass u ż-żejt bil-għan li tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li ċ-ċirkuwitu tal-Mediterran għall-elettriku jiġi kkompletat u jappoġġa l-iżvilupp ta' kuritur tal-gass fin-Nofsinhar; jinkoraġġixxi l-użu ta' flussi lura fejn dan ikun ġustifikat f'termini ta' sigurta, effikaċja tan-nefqa u vijabbiltà;
L-enerġija mix-xemx u dik mir-riħ
3. Jenfasizza l-fatt li l-Mediterran għandu potenzjal enormi, u li ħafna minnu għadu ma ġiex sfruttat, fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli bħalma huma l-enerġija mix-xemx, mir-riħ jew mill-flussi tal-ilma;
4. Isejjaħ għal appoġġ qawwi għall-Pjan Solari Mediterranju (MSP) minħabba li għandu l-għan li, sal-2020, l-użu tal-enerġija mix-xemx u minn sorsi rinnovabbli oħra għall-ġenerazzjoni tal-enerġija jikber għall-mira ambizzjuża ta' 20 GW ta' kapaċità installata addizzjonali, u li jwassal għal iffrankar ta' 20% madwar il-Mediterran;
5. Jenfasizza s-sinifikat ulterjuri tal-MSP għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, f'termini tal-provvista ta' kapaċità elettrika addizzjonali domestika, tat-tisħiħ ta' infrastrutturi tal-grids u l-irfid tal-ħolqien ta' settur industrijali ġdid tal-manifattura ta' komponenti solari (bl-impjiegi assoċjati), u f'dan ir-rigward, isejjaħ għal pjan ta' azzjoni prattiku li għandu jitfassal abbażi tad-dokument ta' strateġija;
6. Jinnota li għadd ta' inizjattivi industrijali fir-reġjun tal-Mediterran (bħad-DESERTEC) għandhom il-potenzjal li jkollhom effett pożittiv fuq is-sigurtà tal-enerġija, l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir tan-netwerks tal-enerġija, u jsejjaħ biex jittieħdu passi prattiċi għat-twettiq tagħhom; jenfasizza, fl-istess waqt, li dawn il-proġetti għandhom jiġġeneraw valur miżjud dirett għas-soċjetajiet lokali li fihom huma bbażati billi jattivaw l-istakeholders lokali, jiffaċilitaw it-trasferimenti tat-teknoloġiji u jippermettu l-iżvilupp ta' netwerks u infrastrutturi effiċjenti li jkunu wkoll adatti għall-użu lokali, u b'hekk jagħtu spinta lill-ekonomija lokali, jikkontribwixxu għal-koeżjoni soċjali u jappoġġaw aktar żvilupp fir-reġjuni konċernati;
7. Jisħaq fuq l-importanza ta' proġetti fis-settur tal-enerġija rinnovabbli li mhux biss jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi tal-UM, speċjalment dawk tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran, imma wkoll jikkostitwixxu element strutturali ta' kooperazzjoni fi ħdan l-UM;
Il-kooperazzjoni industrijali
8. Isejjaħ għat-twaqqif ta’ qafas regolatorju u istituzzjonali bbażat fuq it-trasparenza u l-prevedibbiltà madwar ir-reġjun Ewro-Mediterranju sabiex jinkoraġġixxi l-industrija, il-kummerċ, u r-riċerka u l-iżvilupp bil-għan li jinkiseb tkabbir ekonomiku koerenti;
9. Jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta' politiki industrijali biex itejbu l-ekonomiji tal-iskala, filwaqt li jappoġġaw l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u jsaħħu s-setturi tat-teknoloġija avvanzata; jistieden lill-pajjiżi membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-Mediterran biex jieħdu rwol attiv fl-appoġġ tal-SMEs, b'enfasi partikolari fuq servizzi finanzjarji effiċjenti u l-għajnuna teknika u amministrattiva, biex b'hekk tinħoloq bażi intraprenditorjali qawwija, speċjalment fis-setturi li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi tal-Mediterran;
10. Jenfasizza l-importanza tan-negozjati kurrenti dwar iż-Żona Ewro-Mediterranja ta' Kummerċ Ħieles u jħeġġeġ lill-pajjiżi membri tal-UM biex jaħdmu ħalli jarmonizzaw il-pożizzjonijiet tagħhom fil-kuntest tan-negozjati tad-WTO;
Il-kooperazzjoni u t-taħriġ fix-xjenza u t-teknoloġija
11. Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp bħala parti minn strateġija għall-irkupru u l-kompetittività għall-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u jsejjaħ biex tiġi intensifikata u kkoordinata aħjar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-istati tar-reġjun tal-Mediterran; jappoġġa l-inizjattiva tal-Università Ewropea Mediterranja u l-ħolqien ta' Żona Ewro-Mediterranja tal-Edukazzjoni Ogħla u tar-Riċerka', kif maħsuba fid-Dikjarazzjoni ta' Catania fid-29 ta' Jannar 2006;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-iskambji tal-aqwa prattiki u l-mobilità tar-riċerkaturi u jsejjaħ għall-programmazzjoni konġunta tar-riċerka f'diversi oqsma – inkluża r-riċerka tal-baħar u r-riċerka dwar il-protezzjoni ċivili (eż. rigward id-diżastri naturali), kif ukoll ir-riċerka dwar kwistjonijiet tas-saħħa, dawk soċjali u dawk ambjentali – bl-involviment tal-istakeholders lokali u tas-soċjetà ċivili; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-idea li jiġi stabbilit u żviluppat istitut Ewro-Mediterranju għan-nirien tal-foresti;
13. Isejjaħ għal aktar promozzjoni u appoġġ għall-inizjattiva 'Solari għall-Paċi' fi ħdan il-qafas tal-Proġett Ewro-Mediterranju għal-Integrazzjoni tas-Suq tal-Enerġija (MED-EMIP);
14. Jirrakkomanda li l-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-proċess Ewro-Mediterranju jissieħbu fl-inizjattiva 'bliet intelliġenti' prevista fil-Pjan Strateġiku dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija (SET Plan);
Il-gass naturali likwidu (LNG)
15. Jisħaq li l-miri klimatiċi 20-20-20 se jkollhom effett sinifikanti fuq id-domanda għall-gass, u għaldaqstant il-ħolqien ta' pjan ta' azzjoni dwar l-LNG għal-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran itejjeb id-diversità u s-sigurtà tal-provvista, speċjalment għall-pajjiżi li jserrħu fuq fornituri esklussivi;
16. Jenfasizza l-importanza tal-progress fit-teknoloġija tal-LNG u tal-investimenti fil-kapaċità tal-bastimenti tat-trasport tal-LNG u fit-terminals għall-rikonverżjoni tal-LNG f'gass; jinnota li, flimkien mal-iżvilupp tal-infrastrutturi, is-sigurtà marittima hija neċessità wkoll;
L-ICT
17. Jirrakkomanda li l-pjan ta' azzjoni BB-MED (it-teknoloġija satellitari u tal-broadband) għandha tingħata appoġġ.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
7.4.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
44 0 4 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Lena Ek, Ioan Enciu, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Sajjad Karim, Arturs Krišjānis Kariņš, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Michèle Rivasi, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Niki Tzavela, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Lara Comi, António Fernando Correia De Campos, Rachida Dati, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Oriol Junqueras Vies, Bernd Lange, Marian-Jean Marinescu, Ivari Padar, Mario Pirillo, Silvia-Adriana Ţicău, Lambert van Nistelrooij |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (27.4.2010)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar Unjoni għall-Mediterran
(2009/2215(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Marielle De Sarnez
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jafferma mill-ġdid l-importanza ta' żona ta' kummerċ ħieles tal-Euromed, li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-paċi, għall-prosperità u għas-sigurtà fir-reġjun kollu, u għal integrazzjoni ekonomika u territorjali akbar li tiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku tar-reġjun; jitlob li n-negozjati dwar iż-żona ta' kummerċ ħieles għandhom jitmexxew b'mod komuni miftiehem u gradwali, fil-kuntest ta' sħubija razzjonali u prevedibbli li tirrifletti r-realtajiet soċjoekonomiċi ta' kull wieħed mill-pajjiżi; jenfasizza li l-UgħM għandha titqies bħala inizjattiva kumplementarja għas-sħubija Ewro-Mediterranja stabbilita f'Barċellona fl-1995, bil-għan li timla ċerti lakuni li hemm fiha;
2. Jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-reġjun Mediterranju, fuq il-pjan kummerċjali, politiku, soċjali, akkademiku u kulturali iżda wkoll f'dak li hu żvilupp u ħarsien tal-ambjent. Iqis li l-iżvilupp ta' suq reġjonali kumplementari jkun jippermetti li tiġi ffavorizzata l-politika industrijali tar-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rwol tagħha ta' investitur u ta' sieħba u biex telabora linji gwida speċifiċi għal investimenti responsabbli li jippermettu li jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali, jiġu ffavorizzati d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji lokali partikolarment fuq il-pjan industrijali, l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura, is-salvagwardja tal-produzzjoni lokali tal-ikel u s-sigurtà alimentari. Jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn li jiġu appoġġati l-“Investimenti Barranin Diretti” (IBD), u li jiġu promossi r-riċerka u l-iżvilupp;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rwol li hija għandha fil-proġett tal-Unjoni għall-Mediterran u jitlob għal aktar ċarezza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fl-istuttura istituzzjonali l-ġdida;
5. Jilqa' bi pjaċir l-għażla ta' sitt setturi strateġiċi kbar: id-dekontaminazzjoni tal-baħar, il-pjan solari, it-trasport, l-edukazzjoni u r-riċerka, l-SMEs u l-iżvilupp tal-impriżi, u l-protezzjoni ċivili, u jittama li dawn il-proġetti kbar isibu l-appoġġ adegwat tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali. Iqis li l-proġetti l-ġodda tal-UgħM għandhom jagħmlu ħilithom biex jassoċjaw l-għadd massimu ta' sħab Ewro-Mediterranji;
6. Jirrikonoxxi l-kontribut li, fuq il-pjan amministrattiv u operattiv, is-segretarjat li qed jiġi kostitwit se jkun jista' jagħti fil-ħidma tal-Unjoni għall-Mediterran għat-twettiq tal-prijoritajiet u l-objettivi Ewro-Mediterranji bil-għajnuna ta' riżorsi xierqa u ddefiniti tajjeb;
7. Jinsisti fuq il-ħtieġa vitali li jiġi żviluppat il-kummerċ tan-Nofsinhar-Nofsinhar, billi dan jirrappreżenta 6% biss tal-iskambji kummerċjali, u għalhekk jitħejjew azzjonijiet biex jitwessa' l-ftehim ta' Agadir. Ifakkar fl-interess li dawn il-pajjiżi għandhom li jintensifikaw ir-relazzjonijiet u l-kummerċ tagħhom sabiex jiffurmaw żona ekonomika magħquda, b'saħħitha u li tattira l-investituri, u li kapaċi tiddefendi l-interessi tar-reġjun u li tagħti spinta lill-iżvilupp tagħha; jenfasizza li l-Unjoni għall-Mediterran għandha tippermetti li jsir aktar faċli li jkun hemm tweġiba għat-talbiet għall-assistenza teknika u finanzjarja bil-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika tan-Nofsinhar-Nofsinhar; iqis li l-estensjoni u s-semplifikazzjoni tal-kumulu ta' oriġini pan Ewro-Mediterranju jistgħu jgħinu biex dan iseħħ;
8. Iqis li t-tisħiħ tal-infrastrutturi tal-portijiet u tat-trasport bl-art jista' jikkostitwixxi fattur ta' żvilupp ekonomiku u jikkontribwixxi biex jiġu stimulati l-iskambji kummerċjali bejn il-pajjiżi Ewro-Mediterranji;
9. Jixtieq jara titjib tal-ambjent ekonomiku u ġuridiku tar-reġjun, garanzija indispensabbli biex tkun assigurata s-sigurtà tal-investimenti futuri b'mod partikolari l-“Investimenti Barranin Diretti” (IBD) li għadhom dgħajfa ħafna, u biex ikun inkuraġġit il-finanzjament tal-proġetti strateġiċi kbar; jixtieq jara wkoll aktar armonizzazzjoni f'dan il-qasam, ladarba jeżistu differenzi kbar minn pajjiż għall-ieħor;
10. Jixtieq jara titjib tal-ambjent ekonomiku u ġuridiku tar-reġjun, garanzija indispensabbli għall-investimenti futuri; jisħaq fuq l-objettiv ta' żvilupp tar-riżorsi umani u tal-impjiegi, f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju rigward il-ġlieda kontra l-faqar, jenfasizza li ż-żamma u l-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi b'saħħithom jikkostitwixxu element essenzjali ieħor biex jiġi ggarantit l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun;
11 Jinsisti fuq ir-rwol u d-djalogu tal-impriżi taż-żewġt ixtut tal-Mediterran għat-tisħiħ tal-kummerċ u tal-investimenti;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex, waqt in-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali, tqis ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-impatt eżistenti u biex tevalwa l-effetti tal-proċess ta' liberalizzazzjoni fid-dawl tat-tibdil fil-klima u tal-kriżi ekonomika u biex tippermetti, skont il-ħtieġa, applikazzjoni progressiva u asimmetrika tagħhom filwaqt li jiġu protetti, fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, il-produzzjonijiet simili, esposti għal riskju akbar ta' kompetizzjoni fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-proċess ta' liberalizzazzjoni; jistieden lill-Unjoni għall-Mediterran sabiex tagħżel il-proġetti prinċipalment skont il-bżonnijiet soċjali u ekonomiċi u skont il-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent;
13. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita politika agrikola reġjonali, skont il-pjan direzzjonali Ewro-Mediterranju għall-agrikoltura, li ssalvagwardja l-produzzjoni tal-ikel lokali u s-sigurtà tal-ikel, u tippromwovi l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u d-diversifikazzjoni tal-prodotti tipiċi Mediterranji, l-iżvilupp tal-azjendi agrikoli ż-żgħar u ta' daqs medju, u li tkun kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tan-nuqqas dejjem akbar tas-sigurtà tal-ikel f'għadd kbir ta' pajjiżi Mediterranji msieħba, biex taċċetta t-talbiet tal-imsieħba rigward l-estensjoni tas-salvagwardji kif ukoll il-proċeduri implimentazzjoni ta' malajr fi żmien ta' kriżi alimentari;
14. Jirrikonoxxi l-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-imsieħba Ewro-Mediterranji fil-qasam enerġetiku u l-ħtieġa li jiġi żviluppat suq enerġetiku reġjonali, bil-għan li jiġu implimentati proġetti tal-enerġiji rinnovabbli u ta' infrastrutturi enerġetiċi fir-reġjun Mediterranju; jinsisti sabiex il-proġetti fil-qasam tal-enerġija u tal-iżvilupp sostenibbli, l-istess bħall-proġett Desertec, jinkludu l-ewwel u qabel kollox ir-reġjun u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tiegħu; jilqa' favorevolment il-proġett reġjonali tal-Unjoni għall-Mediterran 'Pjan Solari għall-Mediterran', filwaqt li jaf li minbarra l-kontribut tiegħu għall-iżvilupp ta' infrastrutturi, se jiffavorixxi wkoll l-iżvilupp tal-industrija tal-komponenti kif ukoll tal-inġinerija u tat-teknoloġiji korrispondenti fil-pajjiżi kollha li huma koperti minn dan il-pjan;
15. Jixtieq li l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni jiġu riveduti filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet ġodda marbuta mal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, u mal-kriżijiet alimentari u enerġetiċi; ifakkar li wieħed mill-objettivi prinċipali tal-ħolqien ta' żona Ewro-Mediterranja ta' kummerċ ħieles għandu jibqa' dak ta' kummerċ li jkun ta' servizz għall-iżvilupp u għat-tnaqqis tal-faqar, u jittama li l-pjan direzzjonali tas-Samit Ministerjali tad-9 ta' Diċembru 2009 jkun jippermetti li dan l-objettiv jintlaħaq;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, waqt in-negozjati kummerċjali, iżżomm ir-rikjesti tagħha f'dak li jirrigwarda d-demokrazija, u d-drittijiet tal-bniedem, mhux biss fir-rigward tal-Libja li tipparteċipa fl-UgħM bħala pajjiż osservatur, iżda wkoll fir-rigward tal-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni għall-Mediterran;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali u għall-prevenzjoni tal-kriżijiet bil-għan li jiġi kkonsolidat spazju uniku ta' paċi, żvilupp, ġustizzja, ugwaljanza, libertà, pluralità, demokrazija u rispett.
18. Jafferma mill-ġdid in-natura ċentrali tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, bħala s-sede naturali tad-djalogu politiku, ekonomiku u soċjali bejn ir- rappreżentanti eletti demokratikament tal-pajjiżi Ewro-Mediterranji.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.4.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniel Caspary, Marielle De Sarnez, Christofer Fjellner, Joe Higgins, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Cristiana Muscardini, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Gianluca Susta, Jan Zahradil, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
George Sabin Cutaş, Elisabeth Köstinger, Michael Theurer, Jarosław Leszek Wałęsa |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Lara Comi, Sylvie Guillaume |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.4.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
58 6 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriele Albertini, Dominique Baudis, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Barry Madlener, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Jean-Luc Mélenchon, Willy Meyer, Alexander Mirsky, Andreas Mölzer, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Justas Vincas Paleckis, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Marek Siwiec, Zoran Thaler, Inese Vaidere, Johannes Cornelis van Baalen, Kristian Vigenin |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Elena Băsescu, Emine Bozkurt, Véronique De Keyser, Hélène Flautre, Charles Goerens, Elisabeth Jeggle, Evgeni Kirilov, Georgios Koumoutsakos, Barbara Lochbihler, Norbert Neuser, Judith Sargentini, Alf Svensson, Indrek Tarand, László Tőkés, Ivo Vajgl, Luis Yáñez-Barnuevo García, Janusz Władysław Zemke |
|||||
Sostitut(i) skont l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
Georgios Papanikolaou |
|||||