RAPPORT dwar it-trasparenza fil-politika reġjonali u l-finanzjament tagħha

4.5.2010 - (2009/2232(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Michail Tremopoulos

Proċedura : 2009/2232(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0139/2010
Testi mressqa :
A7-0139/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-trasparenza fil-politika reġjonali u l-finanzjament tagħha

(2009/2232(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 174-178 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni[1],

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali[2],

–   wara li kkunsidra r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 284/2009 tas-7 ta' April 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni, rigward ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja[3],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fid-djar[4],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2008 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, Taqsima III – Kummissjoni[5],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima III – Kummissjoni[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar it-trasparenza fil-kwistjonijiet finanzjarji[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fuq livelli nazzjonali u reġjonali u bażi għal proġetti fl-isfera tal-politika reġjonali[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-24 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Fondi Strutturali 2007-2013: ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji tal-koeżjoni nazzjonali u l-programmi operattivi[9],

–   wara li kkunsidra l-istudju ppublikat mill-Parlament Ewropew bl-isem 'L-Inizjattiva għat-Trasparenza tad-Dejta u l-Impatt tagħha fuq il-Politika ta’ Koeżjoni',

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2006 dwar l-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza (COM(2006)0194),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-21 ta' Diċembru 2009 bl-isem 'L-20 rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali (2008)' (COM(2009)0617/2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0139/2010),

A. billi l-inizjattiva Ewropea Favur it-Trasparenza (ETI) ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-2005, segwita mill-pubblikazzjoni tal-Green Paper fl-2006 bil-għan li jiġu mtejba t-trasparenza, il-ftuħ, il-kontabilità tal-governanza tal-UE, u billi l-għoti ta' informazzjoni pubblika dwar ir-riċevituri tal-Fondi tal-UE hija element fundamentali tal-ETI,

B.  billi, skont is-sistema ta' ġestjoni konġunta, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE hija ġestita fil-livell tal-Istat Membru, u li fl-assenza ta' obbligu speċifiku tal-UE jew 'steer' b'saħħtu mill-Kummissjoni, il-livell ta' pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, li jagħmel diffiċli l-paragun bejn l-Istati Membri,

C. billi l-iżvelar tal-benefiċjarji tal-fondi tal-UE jippermetti l-parteċipazzjoni pubblika f’dibattitu kostruttiv dwar kif għandhom jintefqu l-flus pubbliċi, li huwa essenzjali għal demokraziji li jiffunzjonaw,

D. billi ebda rabta ma ġiet stabbilita bejn l-ETI u l-kwistjonijiet li huma aktar regolati u li jorbtu fil-kontrolli finanzjarji u l-verifika,

E.  billi l-ETI għandha jkollha effett sinifikanti f'termini li jiggarantixxu sħubija fil-fażijiet 'l fuq u 'l isfel taċ-ċiklu tal-programmazzjoni ta' koeżjoni, billi, madankollu, ir-regolamenti ma jispeċifikawx f'liema miżura l-imsieħba għandhom ikunu assoċjati għad-diversi proċessi ta' programmazzjoni u ma jispeċifikax l-arranġamenti involuti għal dan it-tip ta' involviment,

F.  billi mhemmx biżżejjed informazzjoni minn qabel dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-iffinanzjar tal-progetti l-kbar, u għaldaqstant nuqqas ta' trasparenza, u billi għandha tinstab soluzzjoni,

G. billi l-loġika tat-trasparenza għandha tmur id f’id mal-proċess tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-kisba ta’ Fondi Strutturali;

1.  Iqis li t-trasparenza fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni u ċ-ċiklu tal-ipprogrammar tagħha, l-allokazzjoni tal-infiq u l-aċċess għall-informazzjoni għall-benefiċjarji potenzjali tal-Fondi Strutturali huma prerekwiżiti ewlenin sabiex jintlaħqu l-objettivi b'mod ġenerali tal-politika ta' koeżjoni, u li t-trasparenza għandha għaldaqstant tiġi introdotta bħala prinċipju ta' gwida transettorjali fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjoni u tal-programmazzjoni ta' koeżjoni;

L-iżvelar tad-data dwar il-benefiċjarji tal-fondi ta' koeżjoni

2.  Jinnota b’sodisfazzjoni li, b’konformità mal-ħtiġijiet tal-ETI, il-mapep interattivi li jipprovdu rabta mal-listi tal-ERDF u l-benefiċjarji tal-Fond ta’ Koeżjoni disponibbli fis-siti elettroniċi nazzjonali jew reġjonali rispettivi jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali tal-Kummissjoni; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu, billi jużaw il-mezzi xierqa, il-websajt tad-DG REGIO bil-għan li jiffaċilitaw l-aktar aċċess wiesa’ possibbli għal dik il-bażi ta’ data; jinnota li għaldaqstant jibqa’ ferm diffiċli għall-partijiet interessati biex jibqgħu aġġornati dwar kif qed jintużaw il-flus pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsulta dawn il-partijiet kemm jista’ jkun dwar rimedji possibbli għal din is-sitwazzjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu dawn il-bażi tad-data tal-Istati Membri kompletament kompatibbli u li fihom jista’ jsir tiftix, sabiex tiġi ffaċilitata l-ħarsa ġenerali tad-data ppreżentata madwar l-UE, filwaqt li tiġi ppreservata r-relevanza lokali tagħhom; hu tal-opinjoni li, f’dan ir-rigward, hemm ħtieġa urġenti għal verżjonijiet b’żewġ lingwi (il-lingwa(i) lokali – waħda mil-lingwa ta' ħidma tal-Kummissjoni);

4.  Jenfasizza li l-utilità tad-data mogħtija dwar il-benefiċjarji għandha tiġi mtejba f’termini tal-kontenut u tal-preżentazzjoni; jistieden, għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tidentifika format aktar iddettaljat u preskrittiv li jispeċifika l-istruttura, il-forma u l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta; jemmen li l-għoti tal-informazzjoni neċessarja għandu jiffaċilita wkoll it-tiftix abbażi ta’ kriterji bl-għan li tittieħed stampa immedjata tal-elementi mfittxija;

5.   Jitlob biex jiġi pprovdut tagħrif essenzjali addizzjonali meta jiġu ppublikati l-listi tal-benefiċjarji; u meta jkun hemm bżonn il-listi ta’ korpi konsultattivi; jirrakkomanda, għaldaqstant, li apparti l-ħtiġijiet minimi attwali, għandha tingħata konsiderazzjoni għall-inklużjoni tal-lok, sommarji tal-proġetti approvati, tipi ta’ appoġġ u deskrizzjoni tal-imsieħba tal-proġetti bħala elementi tal-iżvelar tal-benefiċjarji; jitlob li d-data li tinġabar għandha tidher u għandha tiġi kkontrollata b’mod strutturat u komparabbli sabiex jiġi żgurat l-utilità bis-sħiħ tagħha u fl-interess ta’ trasparenza ġenwina; iqis li dan jista’ jsir mingħajr spejjeż addizzjonali;

6.  Jitlob sabiex, il-programmi taħt l-objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-benefiċjarji kollha – u mhux biss il-benefiċjarji ewlenin – jiġu elenkati;

7.  Jenfasizza li konformità sħiħa mal-ħtiġijiet tal-ETI hija meħtieġa permezz ta’ regolamenti xierqa, gwida aħjar, mekkaniżmu ta’ twissija u sanzjonijiet f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità bħala l-aħħar rimedju;

It-trasparenza u l-ġestjoni kondiviża

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara kif il-prinċipji tal-ETI għandhom jiġu attwati f’termini operattivi fil-livell tal-programmi operattivi u l-pjanijiet tal-komunikazzoni tagħhom; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa tal-introduzzjoni ta’ regoli iktar ċari li jirrigwardaw l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża;

9.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu fformulati r-regolamenti u r-regoli ta’ implimentazzjoni b’mod li l-proċeduri jkunu trasparenti, jipprovdu aċċess aħjar għall-Fondi Strutturali għall-benefiċjarji potenzjali u jnaqqsu l-piż amministrattiv minn fuq il-parteċipanti, partikolarment permezz ta’ għadd ta’ miżuri ewlenin bħal pereżempju li jsiru disponibbli għall-pubbliku n-noti ta’ gwida dwar l-implimentazzjoni maqbula bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-awtoritajiet amministrattivi fl-Istati Membri biex jippreżentaw, b’mod trasparenti, l-istadji kollha tal-proġetti finanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-opinjoni tiegħu li t-trasparenza u l-proċeduri ċara huma fatturi ta’ governanza aħjar, u jilqa’ f’dan il-kuntest l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex jippreżenta l-proposti ssimplifikati;

10. Jinnota li programmi transkonfinali u transnazzjonali jiltaqgħu ma’ diffikultajiet speċifiċi minħabba d-differenzi fil-kultura amministrattiva, fir-regolamenti nazzjonali u fil-lingwi użati fl-Istati Membri, li jaffettwaw mhux biss l-aspetti kwantitattivi iżda wkoll dawk kwalitattivi ta’ tali inizjattivi; iqis għalhekk l-iżvilupp ta’ regoli speċifiċi li jirrigwardaw it-trasparenza fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn awtoritajiet amministrattivi differenti jista’ jkun ferm importanti;

11. Jenfasizza li, skont l-istudju tal-PE dwar l-ETI u l-impatt tagħha fuq il-Politika ta' Koeżjoni, in-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti minimi tal-ETI jirrelata man-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva min-naħa tal-Awtoritajiet Amministrattivi pjuttost milli nuqqas ta’ rieda li tiġi pprovduta tali data; f’dan il-qafas jinnota l-bżonn li jiġi żgurat li l-għoti ta’ data addizzjonali u l-informazzjoni ma tirriżultax f’piż amministrattiv addizzjonali għall-benefiċjarji potenzjali, b'mod partikulari għal dawk li diġà għandhom diffikultà jkunu konformi mal-ħtiġijiet amministrattivi u finanzjarji eżistenti għall-għotjiet u l-kuntratti pubbliċi;

12. Jinnota li r-rekwiżiti għal informazzjoni u data addizzjonali għandhom ikunu akkompanjati min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, mill-għoti ta’ appoġġ tekniku addizzjonali (gruppi ta’ ħidma bil-parteċipazzjoni tal-uffiċjali tal-Kummissjoni u persunal lokali/reġjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi strutturali, skambju tal-aqwa prattiki bejn l-Awtoritajiet Amministrattivi, pubblikazzjoni ta’ linji gwida konkreti) lil benefiċjarji potenzjali li m’għandhomx il-kapaċità teknika neċessarja; iqis li b’dan il-mod biss jista’ jiġi żgurat li l-isforzi tal-parteċipanti sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti addizzjonali fit-termini ta’ dejta u informazzjoni pprovduta ma jirriżultax f’tagħwiġ tal-fondi mill-attivitajiet ta’ implimentazzjoni tal-proġett bħala tali;

13. Jenfasizza l-importanza ta’ informazzjoni preċiża u fil-ħin mogħtija mill-Istati Membri fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll, u għaldaqstant il-bżonn li tiġi stabbilita rabta bejn l-ETI u l-kontrolli finanzjarji u ta’ verifika; itenni l-opinjoni tiegħu li sistema ta’ twissija bikrija (EWS) għandha taħdem mill-qrib ukoll mal-Bażi tad-Data Ċentrali tal-Esklużjoni;

14. Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-użu ta’ ħlasijiet addizzjonali avvanzati rċivuti mill-Istati Membri skont is-simplifikazzjonijiet tal-2009 marbuta mar-Regolament tall-Kunsill 1083/2006;

15. Itenni t-talba tiegħu għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni rigward l-irkupru u t-twettiq skont l-ETI; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu din l-informazzjoni b’mod sħiħ, u lill-Kummissjoni biex tagħmilha disponibbli għall-awtorità baġitarja u l-pubbliku flimkien ma’ informazzjoni dwar il-korrezzjoni finanzjarja u l-frodi, u b’hekk jiġu żgurati standards għoljin ta’ kredibilità u responsabilità fir-rigward tal-pubbliku Ewropew;

16. Iħeġġeġ lill-awdituri biex ikunu aktar ibsin fuq il-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, inkluża ‘naming and shaming’ – partikolarment jekk jkun involut attur governattiv – u l-użu ta’ korrezzjonijiet finanzjarji f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

17. Jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri biex jiġu armonizzati l-metidoloġiji ta' verifika;

It-trasparenza u s-sħubija

18. Jenfasizza l-fatt li standards minimi ta' konsultazzjoni huma kompetenza tal-ETI, u jilqa' l-fatt li dawn l-istandards ġew promossi u applikati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni biex jħallu lill-partijiet involuti biex jagħtu rispons dwar il-kwalità tal-proċess tal-konsultazzoni; jistiden lir-reġjuni u lill-Istati Membri biex ikomplu fuq esperjenzi eżistenti tal-UE għall-konsultazzoni mal-partijiet interessati;

19. Itenni l-opinjoni tiegħu li s-sħubija hija prerekwiżit għat-trasparenza, l-effiċjenza u l-leġittimità fil-fażijiet kollha tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tista' wkoll iżżid l-impenn għall-outputs tal-programmi kif ukoll għas-sjieda pubbliċi tagħhom; jistieden, għaldaqstant lill-Istati Membri u l-awtoritajiet amministrattivi biex jinvolvu b’mod sħiħ lill-imsieħba lokali u reġjonali aktar mill-qrib fil-fażijiet kollha tal-ipprogrammar u l-implimetazzjoni tal-koeżjoni, inkluż permezz ta’ pjattaforma tal-internet f’livell nazzjonali li tipprovdi viżibilità fir-rigward tal-fondi eżistenti u programmi operazzjonali u permezz tal-promozzjoni tal-prattiki tajba u mezzi oħra, u biex jingħatalhom aċċess sħiħ għad-dokumenti tal-proġetti kollha, bil-għan li jsir użu aħjar tal-esperjenza u l-għarfien tagħhom;

20. Jitlob għal aktar gwida mill-Kummissjoni dwar kif il-klawżola tas-sħubija tiġi mwettqa skont il-programmi attwali, u għal-regoli vinkolanti suffiċjenti dwar is-sħubija fit-testi regolatorji ġejjiena; partikolarment fir-rigward tal-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jiġifieri l-korpi eletti, li huma msieħba essenzjali fil-proċess kollu;

21. Jitlob għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni mmirata aħjar u informazzjoni regolari u fil-ħin għall-organizzazzjonijiet imsieħba, partikolarment dawk li huma membri tal-istrutturi tal-amministrazzjoni, u għall-użu aħjar tal-għajnuna teknika biex jappoġġja s-sħubija, inter alia permezz tal-għoti tal-opportunità lill-organizzazzjonijiet imsieħba f’avvenimenti ta’ taħriġ organizzat għall-entitajiet ta’ tqassim; jappella li dawn l-avvenimenti ta’ taħriġ ikunu aċċessibbli fil-verżjonijiet multimedjali sabiex iwessgħu l-udjenza fil-mira u sabiex jippermettu konsultazzjoni ex-post tal-organizzazzjonijiet tal-imsieħba; jenfasizza l-utilità ta’ tali miżura għall-imsieħba tal-aktar reġjuni mbiegħda fl-Unjoni, bħar-reġjuni l-aktar periferiċi;

It-titjib fit-trasparenza fir-rigward tal-iffinanzjar ta' proġetti maġġuri tal-UE

22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippublika fil-ħin informazzjoni online, u biex tiggarantixxi l-aċċess dirett għad-dokumentazzjoni tal-proġett, inkluż il-proġetti ta’ JASPERS (l-applikazzjoni, l-istudju ta’ probbabilità, l-analiżi tal-benefiċċju tal-ispejjeż, l-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali, eċċ.) fuq proġetti maġġuri, mill-aktar fis possibbli wara li l-Kummissjoni tirċievi applikazzjoni għall-iffinanzjar mill-Istati Membri u qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni dwar l-iffinanzjar; dan is-sit elettroniku tal-Kummissjoni għandu jippermetti s-sottomissjoni tal-kummenti rigward dawn il-proġetti;

23. Jappella biex l-informazzjoni dwar proġetti ewlenin approvati jew imressqa għall-approvazjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 tiġi ppubblikata fuq l-internet b’effett retroattiv;

24. Jipproponi li jiġi stabbilit f’liema sitwazzjonijiet fondi mhux użati ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid, u xi jkunu r-responsibilitajiet tal-istituzzjoni li tiddeċiedi li tirrialloka fondi bħal dawn;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
  • [2]  ĠU L 371, 27.12.2006, p. 1.
  • [3]  ĠU L 94, 8.4.2009, p. 10.
  • [4]  ĠU L 126, 21.5.2009, p. 3.
  • [5]  ĠU L 88, 31.7.2006, p. 23.
  • [6]  ĠU L 255, 26.9.2009, p. 24.
  • [7]  ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 1.
  • [8]  Testi Adottati, P6_TA(2008)0492.
  • [9]  Testi adottati, P6_TA(2009)0165.

NOTA SPJEGATTIVA

Informazzjoni Pubblika dwar ir-reċipjenti tal-fondi ta' Koeżjoni

L-għoti ta' informazzjoni pubblika dwar dawk li jirċievu l-fondi tal-UE hija ta' importanza kbira għall-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza (ETI). L-Artikoli 30(3) u 53b §2 d) tar-Regolament Finanzjarju jeħtieġu li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar kif il-fondi tal-UE qed jintnefqu skont il-ġestjoni kondiviża, b'mod partikulari permezz tal-publikazzjoni ex post tal-benefiċjarji. Fir-rigward tal-publikazzjoni tal-benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u l-Fondi ta' Koeżjoni, dan l-obbligu huwa aktar speċifikat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006. L-Artikolu tiegħu 7 (1) (d) jeħtieġ il-pubblikazzjoni ta' tliet kategoriji ta' informazzjoni: a) il-lista ta' benefiċjarji, b) l-ismijiet tal-operazzjonijiet u c) l-ammont ta' fondi pubbliċi allokati għall-operazzjonijiet.

Hemm ħafna differenzi bejn l-Istati Membri u l-Awtoritajiet Amministrattivi fl-interpretazzjoni ta' dawn il-ħtiġijiet minimi tal-ETI. Dawn jirriflettu d-differenzi kemm fil-kapaċitajiet amministrattivi u t-tradizzjonijiet kulturali u amministrattivi u l-attitudnijiet. L-approċċi differenti jew l-interpretazzjonijiet tal-ħtiġijiet minimi tal-ETI huma possibbli permezz tal-qafas legali relattivament ħieles li jinkludu l-obbliġi tal-pubblikazzjoni tad-data dwar il-benefiċjarji. B'mod partikulari, hemm nuqqas ta' ċertezza dwar id-definizzjoni tal-benefiċjarji u l-ammont ta' fondi pubbliċi mħallsa lill-benefiċjarji li għandhom jiġu ppublikati (ammonti marbuta kontra l-ammonti mħallsa effettivament).

Il-Kummissjoni tillimita l-irwol tagħha biex jiġu proposti standards indikattivi komuni għall-pubblikazzjoni u l-għoti tad-data pubbliċi tal-UE, permezz tas-sit elettroniku tad-DG REGIO, b'aċċess għall-indirizzi elettroniċi tal-Istati Membri fejn id-data meħtieġa dwar l-ERDF u l-benefiċjarji tal-Fond ta' Koeżjoni huma ppubblikati. Bil-Fondi msemmija hawn fuq, taħt 'ġestjoni konġunta', dawn ir-rabtiet u l-kontenut tagħhom huma r-responsabilità unika tal-Istati Membri u huma bbażati fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Awtoritajiet Amministrattivi. Il-varjabbiltà fil-preżentazzjoni u l-kondizzjoni tal-aċċess għad-data ma jippermettux tqabbil komplet fil-livell tal-UE.

Filwaqt li ebda Stat Membru ma jippubblika anqas mill-ħtiġijiet minimi (minkejja li xi wħud mill-programmi ta' kooperazzjoni territorjali ma jikkonformawx), Stati Membri oħra jgħażżlu li jippublikaw informazzjoni addizzjonali (pereżempju l-objettivi tal-proġetti, il-gruppi ta' mira fil-każ tal-ESF, eċċ.), iżda din mhijiex ħtieġa preskritta fil-qafas legali attwali.

IT-TRASPARENZA TAT-TFASSIL U T-TWASSIL TAL-PROGRAMM

1) Il-ġestjoni kondiviża

L-Artikolu 69 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006 jistqarr li "L-Istati Membri u l-awtorità ta' ġestjoni għall-programm operattiv għandhom jipprovdu informazzjoni dwaru jippubbliċizzaw l-operazzjonijiet u l-programmi ko-finanzjati. L-informazzjoni għandha tkun indirizzata liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u lill-benefiċjarji bil-ħsieb li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-Komunità u sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-Fonditkun trasparenti".

L-informazzjoni u s-sessjoni ta' pubbliċità tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1828/2006 jiddefinixxi l-aspetti ddetaljati tal-ħtiġijiet ta' pubbliċità. Il-Programmi Operattivi kollha ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali għandhom jiġu koperti minn Pjan ta' Kommunikazzjoni mħejji mill-Awtorità Amministrattiva jew l-Istat Membru u sottomess lill-Kummissjoni għall-kummenti u l-approvazzjoni. Il-Pjan ta' Kommunikazzjoni jiddefinixxi l-promozzjoni ta' attivitajiet għal kull Programm Operattiv u jiddetermina kif il-linji gwida ta' viżibilità tal-UE huma implimentati. Il-preżentazzjoni tar-rekwiżiti minimi tad-data tal-ETI dwar il-pubblikazzjoni tal-benefiċjarji tifforma parti mill-pjan ta' Kommunikazzjoni, minkejja li mhemmx rabta formali bejn l-ETI u l-Pjan ta' Kommunikazzjoni. Fost l-attivitajiet ta' informazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet tal-programm huma meħtieġa jinvestu fil-gwida u t-taħriġ tal-benefiċjarji u l-entitajiet involuti fil-programmi ta' implimentazzjoni. Il-Kummissjoni wkoll tipprovdi gwida u taħriġ, iżda biex tħalli impatt din l-informazzjoni għandha tingħata lill-katina ta' benefiċjarji.

Ir-Regolament ta' implimentazzjoni jeħtieġ il-ħolqien ta' netwerk ta' uffiċjali tal-Kommunikazzjoni b'responsabilità nnominata fil-livell tal-Awtortià Amministrattiva. Fuq din il-bażi n-netwerk INFORM ġie stabbilit għall-ERDF. Il-koerenza fil-livell tal-UE hija pprovduta wkoll bi struttura konsultattiva permezz Kumitat ta' Koordinazzjoni għall-Fondi (COCOF) li jorganizza laqgħat diversi drabi matul is-sena. Din il-koerenza ttejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn id-diversi fondi strutturali u tistimula l-kooperazzjoni nazzjonali permezz tal-promozzjoni tal-appoġġ tal-fondi strutturali tal-UE. Permezz tal-arranġamenti ta' dawn in-netwerks u l-pressjoni tal-pari tagħhom, il-Kummissjoni tadotta approċċ promozzjonali lejn l-ETI milli timponi r-regolament dwar l-Awtoritajiet Amministrattivi, filwaqt li hija responsabbli mill-Istati Membri biex jiggarantixxu li d-data ppubblikata tkun preċiża.

Minkejja li f'sistema ta' kunsinja diċentralizzata t-tixrid ta' informazzjoni huwa element importanti ta' ġestjoni tajba u kontroll u tgħin sabiex tipprevjeni l-problemi li jinqalgħu u sabiex tadotta l-konformità, ebda rabta mhija stabbilita bejn l-inizjattiva tat-trasparenza tad-data u l-kwistjonijiet aktar rregolati u vinkolati tal-kontrolli u l-verifiki finanzjarji.

2) IS-SĦUBIJA                    

L-ETI għandha jkollha effett importanti fuq ir-regoli għal sħubija trasparenti fil-fażijiet 'l fuq u 'l isfel tal-proċess ta' programmar.

Is-sħubija u, b'mod partikulari, l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-sistema ta' programmar tal-politika ta' koeżjoni tista' sservi firxa ta' funzjonijiet. L-ewwel, tista' ttejjeb ir-rispons tal-programmi, permezz ta' strateġiji allineati mal-bżonnijiet tal-politika u permezz tal-għajnuna għall-implimentazzjoni u t-titjib fil-kondizzjonijiet, li għandhom jiġu kkunsidrati: protezzjoni tal-ambjent, ugwaljanza bejn is-sessi, l-inklużjoni soċjali, il-bżonnijiet tal-persuni fil-bżonn, eċċ. It-tieni, tista' żżid l-effettività tal-programmi billi l-Awtoritajiet Amministrattivi jitħallew ikollhom aċċess għal tagħrif "ibbażat fuq il-post" li huwa wżat sabiex jiġu mtejba l-miri tal-interventi u konsegwentement jittejjeb l-assorbiment tal-fondi u l-kwalità tal-proġett. U t-tielet, tista' tikkontribwixxi għat-titjib fil-kontabbiltà, sakemm l-imsieħba jaġixxu bħala trasmettaturi u multiplier tal-programm ta' informazzjoni għall-kostitwenti tagħhom (għaldaqstant tiżdied it-trasparenza u l-informazzjoni) u l-awtoritajiet tal-programm jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet li jkunu saru u r-riżultati miksuba. Għaldaqstant is-sħubija tikkontribwixxi għat-titjib fis-sentiment tas-sidien pubbliċi ta' proġetti li ġew appoġġjati u l-leġġitimità tal-politika ta' koeżjoni tal-UE.

L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 jeħtieġ is-sħubija biex tkopri l-varji stadji tal-ippjanar u t-twassil tal-programm: mill-preparazzjoni, għall-implimentazzjoni, l-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta' programmi operattivi. Madankollu, lil hinn mill-preambolu għar-Regolament u l-artikolu speċifiku dwar il-prinċipju ta' sħubija, hemm ftit li xejn referenza għall-imsieħba jew is-sħubija fis-sezzjonijiet operattivi tat-testi regolatorji. Ebda istruzzjonijiet preċiżi u formali jew gwida ma ġew ipprovduta mill-Kummissjoni dwar kif il-prinċipju ta' sħubija għandu jiġi applikat fil-prattika. L-interpretazzjoni attwali dwar kif tikkonforma mal-Artikolu 11 hija f'idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u għaldaqstant l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija li jistrieħ fuq tradizzjonijiet u prattiki domestiċi. Ir-rwol tal-Kummissjoni jidher wisq passiv u osservattiv.

Minkejja kunsens mifrux dwar l-importanza tas-sħubija għal suċċess u effettività tal-programmi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma aktar involuti fl-istadji tal-ippjanar tal-programmi aktar minn stadji oħra tal-programm ta' ġestjoni.

IT-TITJIB FIT-TRASPARENZA FIR-RIGWARD TAL-IFFINANZJAR TA' PROĠETTI MAĠĠURI TAL-UE

Skont l-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006, il-Kummissjoni għandha l-awtorità li tapprova jew tiċħad proġetti kbar – jiġifieri operazzjonijiet li jiswew akar minn EUR 25 miljun fis-settur tal-ambjent u EUR 50 miljun f'oqsma oħra - sottomessi mill-Istati Membri.

Pubblikazzjoni online tal-informazzjoni minn proġetti maġġuri għal deciżjonijiet dwar l-iffinanzjar tagħhom hija prattika komuni fost l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, inklużi l-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank Dinji. Il-Kummissjoni Ewropea hija eċċezzjoni ta' dispjaċir. Mhemm ebda raġuni għalfejn l-istandards tat-trasparenza tagħhom għandhom ikunu anqas minn dawk tal-EIB. DG REGIO għandu jagħmel webpage b'lista online tal-proġetti maġġuri bbażati fuq l-eżempju tal-webpage tal-EIB. Din il-webpage għandha tippermetti s-sottomissjoni tal-kummenti rigward tali proġetti sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tibbenifika minn varjeta ta' riżorsi ta' informazzjoni fuq il-proġetti sottomessi, li tippermett li tagħmel deċiżjonijiet aħjar u aktar informati..

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.4.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Charalampos Angourakis, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, Zuzana Brzobohatá, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Ricardo Cortés Lastra, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Ramona Nicole Mănescu, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Monika Smolková, Nuno Teixeira, Michael Theurer, Michail Tremopoulos, Viktor Uspaskich, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Vasilica Viorica Dăncilă, Ivars Godmanis, Catherine Grèze, Veronica Lope Fontagné, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid