RAPPORT dwar l-aspetti istituzzjonali tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali
6.5.2010 - (2009/2241(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Ramón Jáuregui Atondo
Rapporteur għal opinjoni (*) :
Kinga Gál, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-aspetti istituzzjonali tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 216(2), 218(6), 218(8) u 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-protokoll relattiv għall-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem il-KEDB),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-14 ta' Jannar 2010 li awtorizzat l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 (proċedura b'kumitati assoċjati)[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, u tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0144/2010),
A. billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’ġurisprudenza kostanti sa mis-sentenza fil-Każ Internationale Handelsgesellschaft tas-17 ta' Diċembru 1970[2] u fil-Każ Nold tal-14 ta' Mejju 1974[3], innutat li d-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi li tagħhom il-Qorti tiżgura r-rispett,
B. billi f'dan l-għemil tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ispirat ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-istrumenti internazzjonali dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri aderew għalihom, bħall-KEDB,
C. billi din il-ġurisprudenza kienet inkorporata fl-essenza tagħha fil-liġi primarja permezz tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ta' Maastricht tal-1993,
D. billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tagħti importanza partikulari lill-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif jixhed l-għadd dejjem jikber ta' sentenzi li jirreferu għad-dispożizzjonijiet tal-KEDB,
E. billi fil-prinċipju l-punt tat-tluq tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa l-"preżunzjoni tal-kompatibilità" tal-imġiba ta’ Stat Membru tal-Unjoni mal-KEDB meta dan l-Istat ikun qiegħed biss jimplimenta l-liġi tal-Unjoni,
F. billi l-Qorti tal-Ġustizzja, f'opinjoni tat-28 ta' Marzu 1996, sabet li l-Komunità Ewropea ma setgħatx taderixxi għall-KEDB mingħajr ma temenda qabel it-Trattat, minħabba li l-Komunità ma kellhiex il-kompetenza espliċita jew impliċita biex tagħmel dan,
G. billi, fil-waqt tal-adeżjoni, il-limiti imposti mit-Trattat ta' Lisbona u l-protokolli u l-annessi tiegħu għandhom jiġu rispettati, u partikolarment l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 8 tat-Trattat ta' Lisbona; billi dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux biss għażla li tippermetti lill-Unjoni li taderixxi iżda obbligu għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaġixxu f'dan is-sens, billi l-ftehim tal-adeżjoni tal-UE għall-KEDB għandu jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi tal-Unjoni u l-liġi tal-Unjoni,
H. billi wara l-konklużjoni tal-Protokoll Nru 14 li jemenda l-KEDB, issa hija possibbli l-adeżjoni tal-Unjoni f'isem l-Istati kontraenti tal-KEDB u billi t-termini u l-modalitajiet tal-adeżjoni jridu jiġu miftiehma fl-okkażjoni tal-adeżjoni bejn l-Unjoni, fuq naħa, u l-Istati kontraenti tal-KEDB, fuq in-naħa l-oħra,
I. billi ftehim bħal dan irid ukoll jittratta kwistjonijiet amministrattivi u tekniċi, bħall-prinċipju ta’ kontribut tal-Unjoni għall-ispejjeż operattivi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi f’dak il-kuntest għandhom isiru pjanijiet biex jiġi stabbilit baġit awtonomu għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jiffaċilita l-istima tad-diversi kontributi,
J. billi bl-adeżjoni għall-KEDB, l-Unjoni se tiġi inkorporata fis-sistema tagħha ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u, minbarra l-protezzjoni interna ta' dawn id-drittijiet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, se jkollha entità oħra ta' protezzjoni esterna b'natura internazzjonali,
K. billi l-KEDB ma ġietx żviluppata biss permezz tal-Protokolli addizzjonali, iżda wkoll permezz ta’ Konvenzjonijiet, Karti u Ftehimiet oħra, li rriżultaw f’sistema ta’ ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali li tevolvi kontinwament,
1. Jenfasizza l-argumenti prinċipali favur l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB, li fil-qosor huma kif ġej:
– l-adeżjoni tikkostitwixxi progress fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u tinvolvi pass ieħor lejn Unjoni politika,
– filwaqt li s-sistema ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE se tkun kompluta u msaħħa permezz tal-integrazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-liġi primarja tagħha, l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB se tkun sinjal b'saħħtu tal-koerenza bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa u r-reġim pan-Ewropew tiegħu fi kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; din l-adeżjoni se ssaħħaħ ukoll il-kredibilità tal-Unjoni vis à vis pajjiżi terzi li minnhom, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bilaterali, l-Unjoni titlob regolarment ir-rispett tal-KEDB,
– l-adeżjoni għall-KEDB se tiżgura liċ-ċittadini, vis à vis l-azzjoni tal-Unjoni, protezzjoni analoga għal dik li minnha jibbenefikaw diġà vis à vis l-Istati Membri kollha. Dan huwa speċjalment rilevanti għaliex l-Istati Membri kkonferew setgħat sostanzjali fuq l-Unjoni,
– l-armonizzazzjoni leġiżlattiva u ġurisprudenzjali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Unjoni u tal-KEDB se tikkontribwixxi għall-iżvilupp armonjuż tal-ġurisprudenza taż-żewġ qrati Ewropej fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment minħabba l-bżonn ikbar ta' djalogu u ta' koperazzjoni, u se toħloq sistema integrali li fi ħdanha ż-żewġ qrati jistgħu jaħdmu b'sinkronija,
– l-adeżjoni se tikkumpensa wkoll sa ċertu punt għall-fatt li l-ambitu tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa kemxejn limitat fi kwistjonijiet ta’ politika esterna u ta' sigurtà, u ta’ politika tal-pulizija u ta' sigurtà billi tipprovdi superviżjoni ġudizzjarja esterna utli tal-attivitajiet kollha tal-UE,
– l-adeżjoni bl-ebda mod mhi se titfa’ dubju fuq il-prinċipju tal-awtonomija tal-liġi tal-Unjoni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea se tibqa’ l-unika qorti suprema għal kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-liġi tal-Unjoni u l-validità tal-azzjonijiet tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista’ titqies biss bħala awtorità li teżerċita kontroll estern fuq ir-rispett, mill-Unjoni, tal-obbligi fil-liġi internazzjonali li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħha għall-KEDB; ir-relazzjoni bejn iż-żewġ ġurisdizzjonijiet Ewropej mhix se tkun relazzjoni ta' ġerarkija iżda ta' speċjalizzazzjoni; il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għalhekk se jkollha status analogu għal dak li għandhom attwalment il-qrati superjuri tal-Istati Membri b'relazzjoni mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
2. Ifakkar li, skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 8, l-adeżjoni ma tinvolvix estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni u, b'mod partikulari, ma toħloqx kompetenza ġenerali tal-Unjoni fi kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem, u b'konformità mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-tradizzjonijiet u l-identitajiet kostituzzjonali tal-Istati Membri jridu jkunu rrispettati;
3. Jafferma li, skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 tat-Trattat ta’ Lisbona, il-ftehim dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB għandu jiggarantixxi li l-adeżjoni ma taffettwax is-sitwazzjoni partikulari tal-Istati Membri rigward il-KEDB u l-protokolli tagħha in ġenerali, u lanqas rigward derogi u riservi possibbli magħmula mill-Istati Membri b’mod partikulari, u li ċirkustanzi bħal dawn m’għandhomx jinfluwenzaw il-pożizzjoni tal-Unjoni vis à vis l-KEDB;
4. Josserva li s-sistema tal-KEDB kienet ikkompletata minn serje ta' protokolli addizzjonali li jikkonċernaw il-ħarsien ta' drittijiet li ma kinux koperti mill-KEDB u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tingħata mandat li tinnegozja wkoll adeżjoni għall-protokolli kollha li jikkonċernaw drittijiet li jikkorrispondu għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (1, 4, 6, 7, 12 u 13), irrispettivament mir-ratifika tagħhom mill-Istati Membri tal-Unjoni;
5. Jenfasizza li, billi l-adeżjoni tal-UE fil-KEDB hija adeżjoni ta’ Parti li mhix Stat fi strument legali mwaqqaf għall-Istati, din għandha ssir mingħajr ma jinbidlu l-karatteristiċi tal-KEDB u l-modifiki tas-sistema ġudizzjarja tagħha għandhom ikunu mill-inqas; iqis importanti, fl-interessi tal-persuni li qed jitolbu li ssir ġustizzja kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi, li jiġu ppreferuti l-arranġamenti tal-adeżjoni li jkollhom l-inqas impatt fuq l-ammont ta’ xogħol tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
6. Jenfasizza li, flimkien mal-impenn politiku, huwa ta’ importanza enormi li jinstabu r-risposti u s-soluzzjonijiet adegwati għall-mistoqsijiet tekniċi ewlenin sabiex l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB tintuża għall-benefiċċju taċ-ċittadini; josserva li dettalji mhux definiti u ftit li xejn ċari jistgħu joħolqu konfużjoni u jippreġudikaw l-għan propju ta' din l-adeżjoni; jenfasizza, madankollu, li l-ostakoli tekniċi m'għandhomx idewmu l-proċess;
7. Jenfasizza li l-adeżjoni għall-KEDB ma tagħmilx mill-Unjoni membru tal-Kunsill tal-Ewropa, imma li ċerta parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-entitajiet assoċjati mal-KEDB hija meħtieġa biex tiżgura l-integrazzjoni xierqa tal-Unjoni fis-sistema tal-KEDB u li, għalhekk, l-Unjoni għandha tiddisponi minn ċerti drittijiet hemmhekk, b'mod partikulari:
– id-dritt li tippreżenta lista ta’ tliet kandidati għall-kariga ta’ imħallef, li minnhom wieħed ikun elett mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa f’isem l-Unjoni Ewropea u jipparteċipa fix-xogħol tal-Qorti fuq bażi ta' ugwaljanza mal-imħallfin l-oħra konformement mal-Artikolu 27(2) tal-KEDB; il-Parlament Ewropew għandu jkun involut fil-kumpilazzjoni tal-lista ta’ kandidati konformi ma’ proċedura simili għal dik prevista fl-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew bi proċedura analoga għas-smigħ tal-kandidati nnominati għall-Kummissjoni Ewropea,
– id-dritt li tipparteċipa, permezz tal-Kummissjoni Ewropea, bid-dritt tal-vot f'isem l-UE, fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Ministri meta dan jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta' monitoraġġ tal-eżekuzzjoni ta' sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew meta jiddeċiedi dwar jekk ikunx il-każ li jitlob opinjoni mill-Qorti, kif ukoll li tkun irrappreżentata fuq il-Kumitat tat-Tmexxija għad-Drittijiet tal-Bniedem (suborganu tal-Kumitat tal-Ministri),
– id-dritt għall-Parlament Ewropew li jaħtar/jibgħat numru ta' rappreżentanti fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa meta din teleġġi l-imħallfin għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
8. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom, fil-waqt tal-adeżjoni għall-KEDB, bejniethom u fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom mal-Unjoni biex ma jressqux applikazzjonijiet interstatali għal nuqqas fis-sens tal-Artikolu 33 tal-KEDB meta l-att jew l-ommissjoni li huwa s-suġġett tat-tilwima huwa fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, minħabba li dan ikun kontra l-Artikolu 344 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
9. Iqis li il-valur miżjud ewlieni tal-adeżjoni tal-UE għall-KEDB jinsab fil-possibilità għall-individwi ta' rikors kontra atti għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-Istati Membri u għalhekk kull applikazzjoni ta' persuna fiżika jew legali dwar kwalunkwe att jew nuqqas ta' istituzzjoni jew ta' entità tal-Unjoni għandha tkun indirizzata biss kontra din tal-aħħar; bl-istess mod, kull applikazzjoni li tinvolvi miżura ta' implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni minn Stat Membru għandha tkun indirizzata biss kontra dan tal-aħħar, bla ħsara għall-prinċipju li fejn jista' jkun hemm xi dubju dwar il-qsim ta' responsabbiltà, l-applikazzjoni tista' tkun indirizzata b'mod simultanju kontra l-Unjoni u l-Istat Membru;
10. Iqis li sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 35 tal-KEDB li r-rimedji domestiċi jridu jkunu ġew eżawriti, l-applikant għandu jkun eżawrixxa r-rimedji ġudizzjarji tal-Istat konċernat inkluża referenza għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Lussemburgu; din il-proċedura tal-aħħar titqies issodisfata meta, minkejja t-talba tal-applikant, il-qorti nazzjonali ma tqisx bħala xieraq li għandha ssir tali referenza;
11. Jinnota li wara l-adeżjoni tal-UE fil-KEDB, jista' jagħti l-każ li kemm il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun kompetenti f'ċerti kwistjonijiet, u jindika li mhux se jkun permess ir-rikors għaż-żewġ Qrati fl-istess ħin;
12. Iqis li jkun xieraq li, fl-interess ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u bla ħsara għall-Artikolu 36(2) tal-KEDB, fil-każijiet kollha quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jistgħu jqajmu kwistjoni dwar il-liġi tal-Unjoni, diretti kontra xi Stat Membru, l-Unjoni tkun tista' tintervjeni bħala kokonvenuta fil-każ, u li fi kwalunkwe każ kontra l-Unjoni, kull Stat Membru jista' jintervjeni bħala kokonvenut fil-każ; din il-possibbiltà għandha tkun iddefinita permezz ta' dispożizzjonijiet inklużi fit-trattat ta' adeżjoni b'mod ċar iżda wkoll wiesa' biżżejjed;
13. Iqis li l-adozzjoni ta' status ta' kokonvenut ma jipprekludix possibilitajiet indiretti oħra offruti mill-KEDB (Artikolu 36, Ι), bħad-dritt tal-Unjoni li tintervjeni bħala parti terza fi kwalunkwe applikazzjoni mressqa minn ċittadin tal-Unjoni;
14. Iqis li, safejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għarfet l-applikabilità ekstraterritorjali tal-KEDB, l-Unjoni għandha tfittex li tirrispetta dan l-obbligu bis-sħiħ fir-relazzjonijiet u l-attivitajiet esterni tagħha;
15. Iqis li ma jkunx għaqli li jkunu fformalizzati r-relazzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bl-introduzzjoni ta' proċedura għal deċiżjoni preliminari minn din tal-aħħar, jew bil-ħolqien ta' organiżmu jew panel inkarigat li jieħu deċiżjoni meta waħda miż-żewġ qrati jkollha l-intenzjoni li tadotta interpretazzjoni tal-KEBD li tkun differenti mill-interpretazzjoni adottata mill-oħra; ifakkar, f'dan il-kuntest, fid-Dikjarazzjoni Nru 2 dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tinnota l-eżistenza ta' djalogu regolari bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, djalogu li għandu jissaħħaħ bl-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEBD;
16. Huwa ferm konxju tal-fatt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista’ tidentifika ksur f’każ li jkun diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jenfasizza li dan bl-ebda mod ma joħloq dubju dwar il-kredibilità tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala arbitru aħħari fis-sistema ġuridika tal-UE;
17. Jenfasizza li, wara din l-adeżjoni, il-KEDB se tikkostitwixxi l-istandard minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-Ewropa u li se tkun kruċjali b’mod partikolari f’każijiet fejn il-protezzjoni mogħtija mill-UE tkun inferjuri minn dik prevista fil-KEDB; ifakkar li l-KEDB ssaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, u li l-Karta tirrikonoxxi wkoll drittijiet u prinċipji oħra li mhumiex imħaddna fil-KEDB, iżda fi protokolli addizzjonali u fi strumenti marbuta mal-KEDB;
18. Ifakkar li l-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, prinċipju fundamentali tal-UE mħaddan fit-trattat ta’ fondazzjoni tagħha, hija bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi; hu tal-fehma, madankollu, li l-adeżjoni ssaħħaħ iktar il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni u l-kredibilità tal-UE fid-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-applikazzjoni uniformi u sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-livell tal-UE hija tant ieħor essenzjali sabiex tkun żgurata l-kredibilità tal-Unjoni f'dan id-djalogu;
19. Jinnota li l-KEDB għandha funzjoni importanti fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għaliex drittijiet iggarantiti mill-Karta li jikkorrispondu għal drittijiet rikonoxxuti mill-KEDB għandhom jiġu interpretati skont il-Konvenzjoni u li l-KEDB tikkostitwixxi, b'riżultat tal-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sors ta' ispirazzjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-formulazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni; jinnota wkoll li l-KEDB, b'konformità mal-Artikolu 53 tagħha, ma tistax tkun interpretata bħala li tillimita jew li hija ta' ħsara għad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u għalhekk din tal-aħħar iżżomm is-saħħa ġuridika kollha tagħha;
20. Jenfasizza l-importanza tal-KEDB u tal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) għall-provvediment ta' qafas legali u prinċipji ta' gwida għall-azzjoni attwali u futura tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern, b'mod partikulari fid-dawl tal-modi ġodda ta' integrazzjoni u armonizzazzjoni tal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern mibdija mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u l-adozzjoni tal-Programm ta' Stokkolma;
21. Jenfasizza li l-ewwel u qabel kollox l-adeżjoni se tikkontribwixxi għal sistema interna ta’ drittijiet tal-bniedem aktar koerenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea; l-adeżjoni se ssaħħaħ il-kredibilità tal-UE f’għajnejn iċ-ċittadini tagħha stess fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tiżgura r-rispett sħiħ u effettiv għad-drittijiet fundamentali kull fejn għandha x’taqsam il-liġi tal-UE;
22. Jenfasizza li, wara l-adeżjoni, il-kompetenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem meta tiġġudika kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-KEDB ma tistax tkun ikkontestata fuq il-bażi tal-istruttura interna tal-liġi tal-UE; jenfasizza wkoll li l-kompetenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tistax tkun limitata għaċ-ċittadini Ewropej jew għaż-żona ġeografika tal-Unjoni Ewropea (pereżempju fil-każ ta' missjonijiet jew delegazzjonijiet);
23. Jinnota li l-adeżjoni tal-UE fil-KEDB se tipprovdi mekkaniżmu addizzjonali għall-applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri l-possibilità ta’ tressiq ta’ lment lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni, minn istituzzjoni tal-UE jew Stat Membru fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-liġi Ewropea, li tkun ukoll fl-ambitu tal-kompetenzi tal-KEDB; huwa għaldaqstant jenfasizza li din l-adeżjoni ma tbiddilx is-sistema attwali tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rekwiżit li kull rimedju legali intern għandu jiġi eżawrit se jibqa’ l-kundizzjoni għall-eliġibilità ta’ kwalunkwe applikazzjoni; jitlob li l-applikazzjonijiet u l-ilmenti jiġu trattati f'perjodu ta' żmien raġonevoli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi element ta' gwida, f'konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar x'jikkostitwixxi r-rimedju domestiku xieraq ġewwa l-Unjoni u dwar is-sentenzi preliminari skont il-liġi tal-Unjoni; jenfasizza f’dan il-kuntest li jkun meħtieġ li jiġi żgurat li l-qrati tal-Istati Membri jirreferu l-każijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta jiltaqgħu ma’ kwistjoni li tista' titqies bħala kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali;
24. Jenfasizza li fl-istess ħin, l-adeżjoni se tirrikjedi koperazzjoni msaħħa bejn il-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; jinnota li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ qrati Ewropej se tkompli tiżviluppa sistema ta’ ġurisprudenza koerenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
25. Jilqa’, barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 1 tal-KEDB mhux biss jiżgura l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE u ta’ individwi oħra fit-territorju tal-Unjoni, iżda wkoll barra t-territorju tal-Unjoni lil kwalunkwe individwu li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha;
26. Huwa konxju li l-adeżjoni bħala tali ma ssolvix il-problemi serji ħafna li tiffaċja s-sistema tal-KEDB, jiġifieri, min-naħa, l-ammont ta’ xogħol eċċessiv minħabba żieda esponenzjali fl-applikazzjonijiet individwali u, min-naħa l-oħra, ir-riforma tal-istruttura u l-funzjonament tal-Qorti biex tiffaċċjahom; jinnota li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirrikonoxxi l-fatt li hija topera f'ambjent politiku u legali kumpless u jinnota li d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Nru 14, fl-1 ta' Ġunju 2010, waqt li żgur se jnaqqas in-numru ta' proċeduri mhux kompluti, mhux se jisparixxihom; jenfasizza, fil-qafas tar-riforma tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-importanza tad-dikjarazzjoni ta' Interlaken, b'mod partikolari l-paragrafu 4 tagħha, li ġustament ifakkar li l-kriterji dwar l-ammissibilità u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti għandhom jiġu applikati b'mod uniformi u rigoruż;
27. Iqis li huwa essenzjali li tinżamm l-indipendenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’termini ta’ persunal u ta’ politika baġitarja;
28. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-importanza kostituzzjonali tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, jistipula kundizzjonijiet stretti għaliha, bil-Kunsill obbligat jadotta d-deċiżjoni tal-konklużjoni tal-ftehim b'mod unanimu wara li l-Parlament Ewropew ikun ta l-approvazzjoni tiegħu, u bid-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim biss wara l-approvazzjoni tiegħu mill-Istati Membri skont ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom;
29. Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE biex jesprimu b’mod ċar id-determinazzjoni u l-volontà tagħhom li jiffaċilitaw il-proċess tal-adeżjoni billi jinvolvu l-qrati nazzjonali u l-Ministeri tal-Ġustizzja tagħhom;
30. Jinnota li l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB timplika rikonoxximent mill-UE tas-sistema kollha tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, kif ġiet żviluppata u kodifikata fid-diversi dokumenti u entitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa; f'dan is-sens, l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB hija l-ewwel pass essenzjali li mbagħad irid ikun ikkompletat bl-adeżjoni tal-Unjoni, fost l-oħrajn, għall-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961 u riveduta fi Strasburgu fit-3 ta' Mejju 1996, b'koerenza mal-kisbiet diġà mħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll fil-leġiżlazzjoni soċjali tal-Unjoni;
31. Jistieden, ukoll, lill-Unjoni biex tingħaqad mal-organi tal-Kunsill tal-Ewropa, bħall-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT), il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) u l-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ); jisħaq ukoll fuq il-bżonn li l-Unjoni tkun involuta fil-ħidma tal-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali (ECSR), il-Kumitat Governattiv għall-Karta Soċjali u l-Kumitat Ewropew għall-Migrazzjoni, u jitlob li jkun infurmat kif xieraq dwar il-konklużjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-organi;
32. Iqis li, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa u fl-UE, u sabiex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tagħhom, il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-organi speċjalizzati tal-Kunsill tal-Ewropa trid tkun imsaħħa bl-għan li tikkontribwixxi għal koerenza u komplementarjetà akbar fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell pan-Ewropew;
33. Jissuġġerixxi li, sabiex iċ-ċittadini jkunu konxju mill-valur miżjud tal-adeżjoni, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UE ifasslu linji gwida bi spjegazzjonijiet ċari tal-implikazzjonijiet u l-effetti kollha ta' din l-adeżjoni; isostni li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE b'informazzjoni tali li tiżgura li dawn ikunu kompletament konxji mis-sinifikat tal-mekkaniżmi addizzjonali u dwar kif jużawhom b'mod adegwat;
34 Jenfasizza li huwa importanti li jkun hemm korp informali sabiex jikkoordina l-qsim tal-informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa;
35. Jenfasizza li, minħabba li l-adeżjoni fil-KEDB ma tirrigwardax biss l-istituzzjonijiet tal-UE, iżda tirrigwarda wkoll iċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Parlament Ewropew irid jiġi kkonsultat u involut matul il-proċess kollu ta’ negożjar, u jrid jiġi assoċjat u infurmat immedjatament u bis-sħiħ f’kull stadju tan-negozjati, kif stipulat fl-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
36. Jilqa’ l-impenn muri mill-Presidenza Spanjola attwali meta ttrattat l-adeżjoni bħala ‘kwistjoni ta’ urġenza’ u l-attitudni pożittiva u ta' koperazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan ir-rigward; jistieden lill-Presidenza Belġjana u lil dik Ungeriża sabiex jagħmlu l-almu tagħhom biex jiffinalizzaw l-adeżjoni fl-iqsar żmien possibbli u b’mod kemm jista’ jkun sempliċi u aċċessibbli, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw malajr kemm jista' jkun mill-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB;
37. Jinsisti, fid-dawl tar-rwol importanti li t-Trattat jagħti lill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehima ta’ adeżjoni, li l-Parlament ikun infurmat kif xieraq dwar id-definizzjoni tal-mandat ta’ negozjar għall-adezjoni mal-KEDB u li jkun involut mill-qrib fid-diskussjonijiet preliminari u wkoll fit-tmexxija tan-negozjati dwar dak it-test, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (*) (27.4.2010)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar aspetti istituzzjonali tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali
(2009/2241(INI))
Rapporteur (*): Kinga Gál
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa’ l-kisba importanti rrappreżentata mit-Trattat ta’ Lisbona, li bih il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (‘il-Karta’) issir vinkolanti, u li, skont l-Artikolu 6(2) TUE, joħloq obbligu għall-UE biex tissieħeb mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB); jilqa', barra minn hekk, id-dħul fis-seħħ dalwaqt tal-Protokoll Nru 14 tal-KEDB, stipulat għall-1 ta' Ġunju 2010, skont liema l-UE tkun tista’ tissieħeb fil-KEDB;
2. Jinnota li, filwaqt li l-Istati Membri kollha diġà rratifikaw il-KEDB, l-adeżjoni għal dan l-istrument tal-UE bħala entità legali mhux se taffettwa s-sitwazzjoni tal-Istati Membri vis-à-vis l-KEDB, skont il-Protokoll Nru 8 tat-Trattat ta' Lisbona; iqis li din l-adeżjoni se tagħti l-ispinta l-ġdida li ilha prevista għal aktar minn deċennju u se tkun ta' importanza legali u politika kbira fil-ħolqien ta' żona tad-drittijiet tal-bniedem li tkopri l-kontinent kollu u li, barra minn hekk, din se trawwem il-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa u se tgħin biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ewropa 'aktar wiesgħa', billi ddaħħal dinamika ġdida fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li għandha tikkontribwixxi wkoll biex isaħħaħ il-kredibilità tal-UE fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja;
3. Jenfasizza l-importanza tal-KEDB u tal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) għall-provvediment ta' qafas legali u prinċipji ta' gwida għall-azzjoni attwali u futura tal-UE fil-qasam tal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern, b'mod partikulari fid-dawl tal-modi ġodda ta' integrazzjoni u armonizzazzjoni tal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern mibdija mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u l-adozzjoni tal-Programm ta' Stokkolma;
4. Jenfasizza li l-ewwel u qabel kollox l-adeżjoni se tikkontribwixxi għal sistema interna ta’ drittijiet tal-bniedem aktar koerenti ġewwa l-UE; huwa tal-fehma li l-adeżjoni se ssaħħaħ il-kredibilità tal-UE f’għajnejn iċ-ċittadini tagħha stess fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk tiżgura r-rispett sħiħ u effettiv tad-drittijiet fundamentali kull fejn għandha x’taqsam il-liġi tal-UE;
5. Jenfasizza li, wara l-adeżjoni, il-kompetenza tal-QEDB meta tiġġudika kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-KEDB ma tistax tkun ikkontestata fuq il-bażi tal-istruttura interna tal-liġi tal-UE; jenfasizza wkoll li l-kompetenza tal-QEDB ma tistax tkun limitata għaċ-ċittadini Ewropej jew għaż-żona ġeografika tal-Unjoni Ewropea (pereżempju fil-każ ta' missjonijiet jew delegazzjonijiet);
6. Jenfasizza li, wara l-adeżjoni, il-KEDB se tikkostitwixxi l-istandard minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-Ewropa u li se tkun kruċjali, b'mod partikulari, f’każijiet fejn il-protezzjoni mogħtija mill-UE hija inferjuri minn dik provduta mill-KEDB; jirrimarka li l-KEDB issaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha u li l-Karta tirrikonoxxi wkoll drittijiet u prinċipji oħra, li mhumiex imħaddna fil-KEDB, iżda fi protokolli addizzjonali u fi strumenti marbuta mal-KEDB;
7. Jinnota li l-adeżjoni tal-UE fil-KEDB se tipprovdi mekkaniżmu addizzjonali għall-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri l-possibilità ta’ tressiq ta’ lment quddiem il-QEDB fir-rigward ta’ azzjoni, jew nuqqas ta’ azzjoni, min-naħa ta' istituzzjoni tal-UE jew ta' Stat Membru fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE li tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tal-KEDB; jenfasizza, madankollu, li dan ma jbiddilx is-sistema attwali tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QEĠ) u lanqas dik tal-QEDB, u r-rekwiżit li għandu jiġi eżawrit kull rimedju legali domestiku se jibqa’ l-kundizzjoni għall-eliġibilità ta’ kwalunkwe applikazzjoni; jitlob li l-applikazzjonijiet u l-ilmenti jiġu trattati f'perjodu ta' żmien raġonevoli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi element ta' gwida, f'konsultazzjoni mal-QEĠ u mal-QEDB, dwar x'jikkostitwixxi r-rimedju domestiku xieraq ġewwa l-Unjoni u dwar is-sentenzi preliminari skont il-liġi tal-UE; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li se jkun meħtieġ li jiġi żgurat li l-qrati tal-Istati Membri jirreferu l-każijiet lill-QEĠ meta jiltaqgħu ma’ kwistjoni li tista' titqies bħala kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali;
8. Jenfasizza li fl-istess ħin, l-adeżjoni se tirrikjedi kooperazzjoni msaħħa bejn il-qrati nazzjonali, il-QEĠ u l-QEDB fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; jirrimarka li l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ qrati Ewropej se tkompli tiżviluppa sistema ta’ każistika koerenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Jirrimarka li hemm numru ta’ kwistjonijiet legali, tekniċi u istituzzjonali li għadhom pendenti u li jeħtieġ li jkunu indirizzati fil-mandat li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 218 TFUE, kif ukoll fin-negozjati mal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-adeżjoni għall-KEDB; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li:
– il-kamp ta’ applikazzjoni tal-adeżjoni ikun definit b’mod preċiż fil-mandat; l-UE għandha taderixxi, tal-inqas, għal dawk il-Protokolli Addizzjonali kollha tal-KEDB li jikkomplementaw id-drittijiet imħaddna fil-KEDB u li diġà ġew irratifikati mill-Istati Membri kollha tal-UE, u b’hekk jiffurmaw parti mill-korp tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE; f'dan ir-rigward, jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jirratifikaw dawk il-protokolli addizzjonali kollha tal-KEDB li jirreferu għad-drittijiet imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u għaldaqstant huma applikabbli għall-UE; barra minn hekk, għandha titqies l-adeżjoni għall-Karta Soċjali Ewropea riveduta u għal trattati rilevanti oħra tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiiet tal-bniedem;
– l-UE tkun irrappreżentata b’mod xieraq, u tipparteċipa, fil-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa; għalkemm bl-adeżjoni għall-KEDB, l-UE mhix se ssir membru tal-Kunsill tal-Ewropa, hija rrappreżentata f'dawk il-korpi kollha tad-drittijiet tal-bniedem (bħas-CPT, l-ECRI, is-CEPEJ u s-CDDH) fejn, bħala riżultat tal-adeżjoni, huma affettwati kwistjonijiet tal-UE, u fil-Kumitat tal-Ministri, tal-inqas fis-superviżjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi dwar kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet fundamentali tal-UE, waqt li l-Parlament Ewropew jipparteċipa u huwa rrappreżentat fil-proċedura għall-elezzjoni ta' mħallef tal-QEDB – fil-livell tal-UE meta jkunu maħtura l-kandidati tal-UE għall-kariga u fil-PACE meta l-imħallef ikun elett;
– ir-relazzjonijiet bejn il-QEĠ u l-QEDB jkunu ċċarati, b'mod li jħallu liż-żewġ qrati l-flessibilità meħtieġa biex jiddeterminaw kif l-aħjar li jikkooperaw sabiex ikollhom djalogu regolari mtejjeb u, barra minn hekk, jikkontribwixxu, potenzjalment, għall-iżvilupp tas-sistema tal-każistika msemmija hawn fuq;
– il-problemi li qed tiffaċċja l-QEDB jiġu trattati u mtaffija permezz tal-appoġġ tal-UE; l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB, aktar milli tnaqqas l-effettività tagħha, twassal għal sistema aħjar; l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jiggarantixxu li r-rimedji ġudizzjarji interni jkunu effettivi, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stipulat fil-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1969 dwar il-Liġi tat-Trattati, sabiex ikun evitat li l-QEDB titgħabba żżejjed b'applikazzjonijiet ripetittivi jew referenzi bla bżonn; u li – u dan huwa ta' importanza kruċjali – l-adeżjoni tal-UE tikkoinċidi mar-riforma tal-QEDB;
10. Jenfasizza li, flimkien mal-impenn politiku neċessarju, huwa ta’ importanza enormi li jinstabu risposti u soluzzjonijiet xierqa għall-kwistjonijiet tekniċi ewlenin sabiex l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB tintuża għall-benefiċċju taċ-ċittadini; jirrimarka li dettalji mhux riżolti u mhux ċari jistgħu joħolqu konfużjoni u jippreġudikaw l-għan stess tal-adeżjoni; jenfasizza, madankollu, li l-ostakoli tekniċi m'għandhomx jitħallew jitfgħu lura l-proċess;
11. Jenfasizza li, minħabba li l-adeżjoni għall-KEDB ma taffettwax biss lill-istituzzjonijiet tal-UE, iżda wkoll liċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Parlament Ewropew irid jiġi kkonsultat u involut matul il-proċess ta’ negozjar kollu, u jrid ikun assoċjat u infurmat immedjatament u bis-sħiħ f’kull stadju tan-negozjati , kif stipulat fl-Artikolu 218(10) TUE;
12. Jenfasizza li huwa importanti li jkun hemm korp informali sabiex jikkoordina l-qsim tal-informazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa;
13. Jissuġġerixxi li, sabiex ikun hemm aktar kuxejnza dwar il-valur miżjud tal-adeżjoni għaċ-ċittadini, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UE għandhom jiżviluppaw linji gwida bi spjegazzjonijiet ċari tal-implikazzjonijiet u l-effetti kollha tal-adeżjoni; isostni li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE b'informazzjoni tali li tiżgura li dawn ikunu kompletament konxji mis-sinifikat tal-mekkaniżmu addizzjonali u dwar kif jużawh b'mod adegwat;
14. Jilqa’ l-impenn muri mill-Presidenza Spanjola attwali meta ttrattat l-adeżjoni bħala ‘kwistjoni ta’ urġenza’ u l-attitudni pożittiva u ta' kooperazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan ir-rigward; jistieden lill-Presidenza Belġjana u lil dik Ungeriża sabiex jagħmlu l-almu tagħhom biex jiffinalizzaw l-adeżjoni fl-ewwel opportunità xierqa li jkollhom u b’mod kemm jista’ jkun sempliċi u aċċessibbli, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw malajr kemm jista' jkun mill-adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB;
15. Jinnota li, wara l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB, jista' jkun il-każ li kemm il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) u kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QEĠ) ikollhom il-ġurisdizzjoni f'ċerti każijiet, u jinnota li r-referenzi simultanji liż-żewġ Qrati mhux se jkunu ammissibbli.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.4.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
41 1 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Roberta Angelilli, Vilija Blinkevičiūtė, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Hélène Flautre, Kinga Gál, Kinga Göncz, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Clemente Mastella, Louis Michel, Claude Moraes, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Wim van de Camp, Axel Voss, Tatjana Ždanoka |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Edit Bauer, Anna Maria Corazza Bildt, Ioan Enciu, Nadja Hirsch, Franziska Keller, Petru Constantin Luhan, Mariya Nedelcheva, Norica Nicolai, Cecilia Wikström |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (19.3.2010)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-aspetti istituzzjonali tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali
(2009/2241(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Cristian Dan Preda
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-prospettiva tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) li tagħti l-opportunità storika li jiġi kkoordinat spazju għad-drittijiet tal-bniedem fuq livell kontinentali u fl-Unjoni Ewropea, biex b’hekk ikun possibbli li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għaċ-ċittadini tal-UE u l-Istati Membri fuq l-istess bażi, li tiġi stabbilita sistema addizzjonali ta’ kontroll estern għad-drittijiet tal-bniedem fl-UE u li jiġi żgurat żvilupp armonjuż tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
2. Ifakkar li l-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, valur ewlieni tal-UE kif stabbilit fit-trattat ta’ fondazzjoni tagħha, hija bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi; hu tal-fehma, madankollu, li l-adeżjoni ssaħħaħ iktar il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea u l-kredibilità tal-UE fid-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi terzi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-applikazzjoni uniformi u sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-livell tal-UE hija essenzjali bl-istess mod sabiex tkun żgurata l-kredibilità tal-Unjoni f'dan id-djalogu;
3. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tneħħija ta’ standards doppji fil-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni, peress li qabel l-adeżjoni l-UE ma kenitx legalment marbuta li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li wara l-adeżjoni jkun hemm skrutinju ġudizzjarju estern tal-atti tal-Unjoni li jissorvelja l-kompatibilità tagħhom mal-KEDB;
4. Jiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud tal-Ħames Protokolli tal-KEDB billi tinforza u tipproteġi ċerti drittijiet u libertajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni u barra minnu u tagħti lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem il-kompetenza biex tagħti opinjonijiet konsultattivi; hu tal-fehma li, meta l-UE taderixxi ruħha mal-KEDB, din għandha wkoll taderixxi ruħha mal-Protokolli tal-Konvenzjoni, kif ukoll mal-Karta Soċjali Ewropa tal-1961 u mal-Karta Soċjali reveduta; jitlob, minkejja l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 8 tat-Trattat ta’ Lisbona, lill-Istati Membri li għandhom m’għamlux dan biex jiffirmaw u jirratifikaw id-diversi protokolli supplimentari tal-KEDB malajr kemm jista’ jkun, fid-dawl tal-impenn tagħhom li ddikjaraw kemm-il darba mal-valuri u l-prinċipji li huma l-bażi tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri tagħna u fl-Unjoni Ewropea;
5. Ikompli jilqa’ l-fatt li l-Artikolu 1 tal-KEDB mhux biss jiżgura l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE u ta’ individwi oħra fit-territorju tal-Unjoni, iżda wkoll barra t-territorju tal-Unjoni lil kwalunkwe individwu li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha;
6. Ifakkar li, b’riżultat tal-Protokoll Nru 8 mehmuż mat-Trattat ta’ Lisbona, irid jitwaqqaf mekkaniżmu ċar bil-għan li jiggarantixxi li l-proċedimenti mibdija minn Stati terzi u t-talbiet individwali jiġu indirizzati b’mod korrett kontra l-Istati Membri u/jew l-Unjoni Ewropea;
7. Jiġbed l-attenzjoni li, meta titressaq applikazzjoni skont l-Artikolu 34 tal-KEDB, il-konvenut irid jiġi identifikat skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u jiġi suġġett ultimament għall-iskrutinju tal-Qorti tal-Ġustizzja u li dan m’għandux jippreġudika d-drittijiet taċ-ċittadini biex iressqu talbiet individwali;
8. Huwa tal-fehma li, għaċ-ċertezza legali u t-trasparenza fir-relazzjonijiet internazzjonali, l-individwi u l-Istati Membri għandhom ikunu mgħarrfa b’mod korrett dwar liema kwistjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ kompetenza tal-Istati Membri u liema taħt dak tal-Unjoni Ewropea, jekk ikun hemm bżonn permezz ta’ dikjarazzjoni tal-kompetenza mehmuża mat-trattat ta’ adeżjoni; jinsisti, f’dan il-kuntest, dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ informazzjoni li jqis li t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huwa suġġett għall-bidla;
9. Jenfasizza li, billi l-adeżjoni tal-UE fil-KEDB hija adeżjoni ta’ Parti li mhix Stat fi strument legali mwaqqaf għall-Istati, din għandha ssir mingħajr ma jinbidlu l-karatteristiċi tal-KEDB u l-modifiki tas-sistema ġudizzjarja tagħha għandhom ikunu mill-inqas; iqis importanti, fl-interessi tal-persuni li qed jitolbu li ssir ġustizzja kemm fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiżi terzi, li jiġu ppreferuti l-arranġamenti tal-adeżjoni li jkollhom l-inqas impatt fuq l-ammont ta’ xogħol tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
10. Jesprimi l-oppożizzjoni soda tiegħu għal kwalunkwe mekkaniżmu għall-prevenzjoni ta’ diskrepanzi fil-ġurisprudenza bejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jista’ jirriżulta f’dewmien itwal fil-proċeduri għal dawk li jitolbu li ssir ġustizzja;
11. Jirrimarka li r-rabta mal-Kunsill tal-Ewropa u, b’mod partikulari, il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ministri u fl-Assemblea Parlamentari, huma kwistjoni għall-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa li tirrikjedi li dan tal-aħħar jiġi emendat, jew tal-anqas li tiġi adottata Riżoluzzjoni Statutorja li tistabbilixxi l-emendi proposti sabiex jiġu kkunsidrati l-bidliet li rriżultaw bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona;
12. Jinsisti li d-dritt tal-Parlament Ewropew li jeżerċita skrutinju demokratiku jiġi rrispettat kif jixraq fil-qafas tal-proċedura biex jinħatar Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Ministri u tal-Kumitat tat-Tmexxija għad-Drittijiet tal-Bniedem u, b’mod ġenerali, f’rabta ma’ kwalunkwe nomina f’organu tal-Kunsill tal-Ewropa li skont it-trattat ta’ adeżjoni jkun miftiehem li l-Unjoni Ewropea għandha tkun membru tiegħu;
13. Iqis li l-Parlament irid fuq kollox jikkunsidra l-kumitati kompetenti għan-nomina tal-membri li jkunu se jintbagħtu fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa;
14. Iqis li, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa u fl-UE, u sabiex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tagħhom, il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-organi speċjalizzati tal-Kunsill tal-Ewropa trid tissaħħaħ bil-għan li tikkontribwixxi għal koerenza u komplimentarjetà akbar fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell pan-Ewropew;
15. Jistieden, ukoll, lill-Unjoni biex taderixxi ruħha mal-organi tal-Kunsill tal-Ewropa bħall-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura, il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza u l-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja; jisħaq ukoll fuq il-bżonn li l-Unjoni tkun involuta fil-ħidma tal-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali, il-Kumitat Governattiv għall-Karta Soċjali u l-Kumitat Ewropew għall-Migrazzjoni, u jitlob li jkun infurmat kif xieraq dwar il-konklużjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-organi;
16. Iqis li, billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għarfet l-applikabilità ekstraterritorjali tal-KEDB, l-Unjoni għandha timmira li tirrispetta għal kollox dan l-obbligu fir-relazzjonijiet u l-attivitajiet esterni tagħha;
17. Jinsisti, fid-dawl tal-irwol importanti li t-Trattat jagħti lill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehima ta’ adeżjoni, li l-Parlament ikun infurmat kif xieraq dwar id-definizzjoni tal-mandat ta’ nnegozjar għall-adezjoni mal-KEDB u li jkun involut mill-qrib fid-diskussjonijiet preliminari u wkoll fit-tmexxija tan-negozjati dwar dak it-test, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218 tat-Trattat FUE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.3.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
57 2 4 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriele Albertini, Bastiaan Belder, Elmar Brok, Michael Gahler, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Heidi Hautala, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, Andreas Mölzer, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Ria Oomen-Ruijten, Pier Antonio Panzeri, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Mirosław Piotrowski, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Werner Schulz, Adrian Severin, Marek Siwiec, Charles Tannock, Zoran Thaler, Inese Vaidere, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Kristian Vigenin |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Charalampos Angourakis, Elena Băsescu, Diogo Feio, Georgios Koumoutsakos, Emilio Menéndez del Valle, Doris Pack, Vittorio Prodi, Indrek Tarand, Alejo Vidal-Quadras, Renate Weber, Janusz Władysław Zemke |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Teresa Jiménez-Becerril Barrio |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI TAL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
3.5.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 1 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Carlo Casini, Andrew Duff, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Stanimir Ilchev, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Morten Messerschmidt, Potito Salatto, György Schöpflin, Indrek Tarand, Rafał Trzaskowski, Luis Yáñez-Barnuevo García |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marietta Giannakou, Enrique Guerrero Salom, Alain Lamassoure, Íñigo Méndez de Vigo, Vital Moreira, Helmut Scholz |
|||||