RAPPORT dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra

7.5.2010 - (2010/2038(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Liem Hoang Ngoc
Rapporteur għall-opinjoni (*):Sergio Gaetano Cofferati, Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
(*) Kumitati assoċjati - Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura


Proċedura : 2010/2038(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0147/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra

(2010/2038(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-12 ta' Awwissu 2009 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM 2009 (SEC(2009)1120),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2009 bit-titolu "Sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra (COM(2009)0545),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2009 dwar l-aġġornament tal-2009 tal-linji gwida wiesgħa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2009)0034),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-UEM@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-finanzi pubbliċi fl-UEM 2007–2008[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2007[4],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-Samit ta' Pittsburgh li jistiednu biex jinżamm l-isforz ta' sostenn tat-tkabbir sakemm l-irkupru jikkonsolida ruħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Baġits (A7–0147/2010),

A. billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tesprimi tħassib dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi fil-kuntest ta' livelli ta' defiċit u ta' dejn għoljin, speċjalment fid-dawl ta' popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, u billi l-effett tat-tixjiħ fuq id-distakk tas-sostenibilità, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, jiġi kkalkolat li hu bejn ħames darbiet u 20 darba ogħla mill-effetti tal-kriżi ekonomika attwali,

B.  billi l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, minkejja r-reviżjoni tiegħu fl-2005, ma kienx biżżejjed biex jipprevjeni l-kriżi attwali,

C. billi hemm ħtieġa urġenti biex jiġi eżaminat b'aktar reqqa l-fenomenu tar-rata ta' twelid li qed tonqos fl-Unjoni Ewropea u l-kawżi u l-implikazzjonijiet ta' din, bl-għan li tittreġġa' lura din ix-xejra inkwetanti,

D. billi l-politika fiskali mhijiex waħda sostenibbli jekk timplika akkumulu eċċessiv ta' dejn pubbliku tul iż-żmien,

E.  billi, fid-dawl tal-projezzjonijiet tal-komunikazzjoni u l-fatt li t-tixjiħ tal-popolazzjoni se jkollu impatti gravi fuq is-sostenibilità fuq il-medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi Ewropej, orizzont politiku sal-2060 huwa wieħed xieraq,

F.  billi ż-żidiet fid-dejn u d-defiċit li qegħdin iġarrbu l-Istati Membri waqt il-kriżi u l-iżviluppi demografiċi proġettati se jagħmlu s-sostenibilità fiskali sfida kbira,

G. billi bidliet demografiċi fuq medda twila ta' żmien, partikolarment it-tixjiħ tal-popolazzjoni, fl-Istati Membri tal-UE għandhom implikazzjonijiet għall-finanzjament tal-iskemi nazzjonali tal-pensjonijiet,

H. billi xi wħud mill-Istati Membri ma ħadux biżżejjed miżuri biex inaqqsu n-nefqa amministrattiva tagħhom, iżommu taħt kontroll l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa u jirriformaw is-sistemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet tagħhom, u billi l-Istati Membri kollha għandhom jadottaw l-aħħar prattika f'dan il-qasam,

I.   billi matul is-sena 2009, id-defiċits u l-proporzjon ta' dejn tal-Istati Membri kollha żdiedu minħabba t-tnaqqis tad-dħul mit-taxxi kkawżata mill-kriżi u l-implimentazzjoni ta' miżuri eċċezzjonali ta' rkupru,

J.   billi, bħala rispons għall-ewwel sinjali ta' rkupru, il-Kunsill Ewropew irrakkomanda f'Settembru 2009 li l-politiki fiskali għandhom ikunu 'orjentat[i] mill-ġdid lejn is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien', u enfasizza li 'l-istrateġiji ta' ħruġ jeħtieġ li jkunu mfassla issa u mħaddma b'mod koordinat malli l-irkupru jibda jaqbad sew, filwaqt li jittieħed kont tal-qagħda speċifika ta' pajjiżi individwali',

K. billi dan l-aħħar kien possibbli li tiġi osservata korrelazzjoni pożittiva bejn finanzi pubbliċi sodi u r-reżiljenza tal-ekonomija ta' pajjiż,

L.  billi ż-żieda fid-dejn pubbliku tpoġġi piż gravi fuq il-ġenerazzjonijiet futuri,

M. billi id-dejn pubbliku f'ċerti Stati Membri żdied b'tali mod li jdgħajjef l-istabbiltà u li jirriżulta fi nfiq pubbliku kbir marbut mal-pagamenti ta' mgħax għad-detriment tan-nefqa li qed issir dejjem aktar importanti fuq is-sistemi tas-saħħa u tal-pensjonijiet,

N. billi s-self pubbliku li qed jiżdied jikkawża tagħwiġ fis-swieq finanzjarji minħabba li jgħolli r-rati ta' mgħax, b'konsegwenzi negattivi fuq il-familji kif ukoll fuq investimenti f'impjiegi ġodda,

O. billi nuqqas ta' governanza statistika effikaċi jew ta' istituzzjonijiet statistiċi indipendenti fl-Istati Membri qiegħda ddgħajjef l-integrità u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi,

P.  billi partijiet oħra tad-dinja li sa reċentement kienu qed jikkompetu billi jipproduċu oġġetti ta' kwalità baxxa issa qed jidħlu f'livelli ta' kwalità għolja; billi dawn il-kompetituri jużaw teknoloġija avvanzata, filwaqt li xorta jħallsu pagi moderati bis-siegħa, mingħajr ma jkollhom jaffaċċjaw evoluzzjonijiet demografiċi negattivi, u f'kuntest li fih l-individwu qed itella' għadd kbir ta' sigħat tax-xogħol tul ħajtu; billi fl-Ewropa l-aħħar darba li ntlaħaq livell massimu ta' impjiegi kienet qabel il-kriżi taż-żejt tal-1973, billi l-livell massimu ta' impjiegi jibqa' madankollu objettiv li l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tilħaq, b'rispett tal-ispirtu tat-Trattati, u mhux askapitu tal-livell għoli tagħha ta' protezzjoni soċjali u ta' żvilupp uman,

Q. billi jeżistu diversi mezzi li jnaqqsu d-distakk tas-sostenibilità, bħaż-żieda fil-produttività ġenerali, u, l-aktar importanti ż-żieda fil-produttività fis-servizzi soċjali, età tal-irtirar ogħla, iż-żieda fir-rata ta' twelid jew iż-żieda fin-numru ta' immigranti,

R.  billi l-evoluzzjonijiet demografiċi jiddependu mill-evoluzzjoni tar-rata ta' fertilità, li hija fil-parti l-kbira tagħha dipendenti fuq stimoli u benefiċċji tal-maternità, u tal-flussi migratorji,

S.  billi l-livelli attwali ta' dejn u defiċit jheddu l-istess eżistenza tal-istat soċjali,

T.  billi n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' riformi strutturali u ta' konsolidament ta' finanzi pubbliċi se jkollu effett mhux mixtieq fuq in-nefqa fir-rigward tal-kura tas-saħħa, il-pensjonijiet u l-impjiegi,

U. billi bosta Stati Membri qed jiksru l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u billi konformità korretta ma' dan kieku kienet ittaffi l-effetti negattivi tal-kriżi,

V. billi s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi mhux biss hija kruċjali għall-Ewropa inġenerali, imma wkoll speċifikament għall-baġit tal-Unjoni Ewropea,

W. billi, minkejja li l-baġit tal-Unjoni Ewropea fil-preżent huwa limitat għal madwar 1% tad-Dħul Nazzjonali Gross totali tal-Ewropa, il-prinċipji ġenerali u l-presupposti sottostanti tas-'sostenibilità' għandhom japplikaw ukoll għalih;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-fondi pubbliċi fir-rigward tal-konsegwenzi tal-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi; ifakkar li l-isforzi magħmula fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir qabel il-kriżi kienu fil-parti l-kbira tagħhom immirati biex jilqgħu l-isfida demografika li qed tikber; jirrikonoxxi li ħafna minn dan l-isforz ġie fix-xejn minħabba l-ħtieġa li jiżdied drammatikament l-infiq pubbliku sabiex jiġi evitat kollass mad-dinja kollha tas-sistema finanzjarja u biex jittaffew il-konsegwenzi soċjali ta' dan il-kollass;

2.  Jiddeplora l-fatt li anke qabel ma faqqgħat il-kriżi, il-prestazzjoni ta' għadd ta' Stati Membri fil-konsolidament tal-fondi pubbliċi tagħhom ma kinitx impressjonanti minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi kienu favorevoli; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan kien ksur tal-miżuri preventivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, partikolarment wara li ġie mfassal mill-ġdid fl-2005, u li serjament naqqas il-kapaċità tal-Istati Membri li jaġixxu b'mod kontraċikliku hekk kif żvolġiet l-kriżi, u li wassal għal aktar inċertezza, livelli ogħla ta' qgħad u żieda fil-problemi soċjali;

3.  Huwa konxju li l-livelli attwali tan-nefqa pubblika ma jistgħux jinżammu b'mod indefinit; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li joqogħd lura milli jiddeċiedi rigward pakkett ta' segwitu ta' miżuri ta' għajnuna sakemm ir-riżultati ta' dan preżenti jkunu ġew analizzati bir-reqqa u l-ħtieġa għal aktar azzjoni tkun intweriet b'mod ċar;

4.  Jirrikonoxxi li l-operazzjonijiet maħsuba biex jipprevjenu kollass tas-settur finanzjarju kienu ta' suċċess, għalkemm għad hemm ħtieġa kbira ta' viġilanza; jistenna li jitnaqqas il-piż finanzjarju fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja lis-settur bankarju; ifaħħar l-approċċ ikkoordinat tal-banek ċentrali sabiex jiksbu dan l-objettiv; huwa kburi bir-rwol ewlieni li żvolġa l-BĊE biex ġie salvat is-settur bankarju; jappoġġa bis-sħiħ ir-riforma tas-sistema ta' superviżjoni prudenzjali u t-tfassil mill-ġdid tal-qafas tal-arkitettura finanzjarja;

5.  Jenfasizza li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandu jimmira għall-bilanċ jew bilanċ pożittiv matul iż-żmien, li jirrikjedi bilanċ pożittiv fiż-żminijiet ekonomikament favorevoli u skemi tal-pensjonijiet li huma finanzjati b'mod trasparenti fil-qafas tal-baġits pubbliċi jew minn skemi privati finanzjati;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien hija essenzjali għall-istabbiltà u t-tkabbir, u biex jinżammu livelli xierqa tan-nefqa pubblika; jenfasizza li livelli għoljin ta' dejn u ta' defiċit huma theddida għas-sostenibilità u se jkollhom effetti negattivi fuq il-kura tas-saħħa pubblika, il-pensjonijiet u l-impjiegi;

7.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-livelli għoljin ta' defiċit u ta' dejn fl-Istati Membri; iwissi kontra l-użu tal-kriżi bħala pretest biex ma jiġux ikkonsolidati l-finanzi pubbliċi, biex ma titnaqqasx in-nefqa pubblika u biex ma jiġux implimentati riformi strutturali, liema fatturi huma essenzjali għal ritorn għat-tkabbir u għall-impjiegi;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-konsolidament tal-finanzi pubbliċi u t-tnaqqis tal-livelli ta' defiċit u ta' dejn huma essenzjali biex jinżamm stat soċjali modern u sistema ta' ridistribuzzjoni li tipprovdi għas-soċjetà kollha kemm hi iżda li tappoġġa b'mod partikolari l-partijiet l-anqas privileġġati tagħha;

9.  Jenfasizza li, jekk id-dejn pubbliku u r-rati ta' mgħax ikomplu jiżdiedu, il-ġenerazzjonijiet ta' għada u tal-lum mhumiex se jkunu jistgħu jifilħu jġarrbu spejjeż f'forma ta' pagamenti tar-rata ta' mgħax mingħajr ma jiġu pperikolati l-mudelli tal-istat soċjali;

10. Jinsab imħasseb sew li ħafna Stati Membri qegħdin jiksru l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri naqsu milli jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom fi żminijiet ekonomikament favorevoli qabel ma faqqgħet il-kriżi; jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni li s-sostenibilità tad-dejn għandha tingħata rwol prominenti u espliċitu ħafna fil-proċeduri ta' sorveljanza; iħeġġeġ bil-qawwi lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi l-konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

11. Iwissi kontra t-twaqqif ħesrem tal-appoġġ għall-ekonomija reali sabiex jiġi evitat li jkun hemm reċessjoni tat-tip "double dip"; jiġbed l-attenzjoni fuq l-effetti mhux mixtieqa jew ta' rtirar prematur tal-miżuri ta' sostenn jew ta' dewmien żejjed biex jittieħdu miżuri korrettivi fir-rigward tas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn il-miżuri kienu intenzjonati espliċitament li jkunu f'waqthom, immirati u temporanji; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-istrateġija ta' ħruġ mill-miżuri kontinġenti attwali; jappoġġa l-approċċ tal-Kummissjoni msejjes fuq strateġiji ta' ħruġ li huma differenzjati bejn pajjiżi f'termini ta' żmien u ta' ambitu; jifhem li l-irtirar mill-miżuri, għall-ewwel grupp ta' pajjiżi, se jibda fl-2011; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom sabiex jimplimentaw l-istrateġiji ta' ħruġ bl-aktar mod sod u mill-aktar fis possibbli;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal Green Paper dwar ir-rata ta' twelid fl-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika l-kawżi u l-implikazzjonijiet tar-rata ta' twelid li qed tonqos, kif ukoll soluzzjonijiet u alternattivi li jirrigwardaw din il-problema;

13. Iqis li l-istrateġija fiskali ta' ħruġ għandha titnieda qabel l-istrateġija monetarja ta' ħruġ sabiex tippermetti li din tal-aħħar tiġi implimentata b'mod korrett, u b'hekk jiġi żgurat li l-BĊE, li b'suċċess irnexxilu jevita milli jaqa' f'deflazzjoni, ikun jista' jiżgura b'mod daqstant ieħor tajjeb li l-inflazzjoni ma tirrovinax l-irkupru; jifhem li l-BĊE tefa' ħjiel li fin-nuqqas ta' riedni fiskali f'waqtu, sfortunatament, il-miżuri monetarji ristrettivi ser ikollhom ikunu iktar stretti milli mistenni;

14. Jenfasizza li t-tnaqqis fl-istimolu finanzjarju għandu jkun ikkumbinat ma' sforzi biex is-suq intern isir aktar dinamiku, kompetittiv u attraenti għall-investiment;

15. Jenfasizza li ħruġ gradwali u kontrollat mid-defiċits huwa ta' importanza kruċjali sabiex ir-rati ta' mgħax jinżammu baxxi u l-piż tad-dejn jinżamm limitat, u b'hekk tiġi salvagwardata l-kapaċità li jinżammu n-nefqa soċjali u l-istandards ta' ħajja għall-familji;

16. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rati baxxi ta' mgħax iwasslu għal investiment u rkupru; huwa konxju tal-effetti li attivitajiet intensi ta' self ta' gvern għandhom fuq il-livelli ta' mgħax; jiddeplora bil-qawwi l-fatt li dan wassal għal tixrid taż-żieda tar-rati ta' mgħax fl-UE; iwissi lill-Istati Membri biex jieħdu f'kunsiderazzjoni l-effetti tad-deċiżjonijiet baġitarji tagħhom fuq ir-rati ta' mgħax tas-suq; huwa tal-fehma li finanzi pubbliċi sodi huma prerekwiżit għal impjiegi sikuri; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-gvernijiet, huma u jgħollu l-prezz tas-self, iżidu wkoll il-piż fuq il-baġits tagħhom stess;

17. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-effetti antiċikliċi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jistgħu jaħdmu biss jekk l-Istati Membri jiksbu b'mod effikaċi bilanċ pożittiv tal-baġit fiż-żminijiet favorevoli; jappella, fid-dawl ta' dan, għal implimentazzjoni aħjar tal-miżuri preventivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir ukoll; jappella biex jitwarrab il-prinċipju ta' 'onfoq l-ewwel u rrimborsa wara' u jieħu postu l-prinċipju ta' 'iffranka għal emerġenza futura possibbli', ifakkar li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jirrikjedi li l-Istati Membri jiksbu, f'terminu medju ta' żmien, baġit li jkun f'bilanċ jew pożittiv, fis-sens li defiċit ta' 3% mhuwiex objettiv, iżda l-limitu assolut permess, anki fl-ambitu tal-Patt rivedut; javża lil min jieħu d-deċiżjonijiet kif ukoll lill-impriżi biex jidraw il-miżuri fiskali u monetarji mhux konvenzjonali u biex jistennew li dawn isiru n-norma;

18. Jappella għal riformi strutturali mwettqa b'mod parallel għall-korrezzjoni tal-pakketti tal-għajnuna sabiex jiġu evitati kriżijiet futuri kif ukoll biex tiżdied il-kompetittività tal-impriżi Ewropej, jinkiseb aktar tkabbir u tingħata spinta lill-impjiegi;

19 Jenfasizza li, fil-kuntest li fih ikun hemm ħtieġa li jinkisbu finanzi pubbliċi sodi, sa mhux aktar tard mill-2011 l-Istati Membri kollha għandhom ikunu bdew inaqqsu d-distakk ta' sostenibilità tagħhom b'1% tal-PDG annwalment;

20. Jirrikonoxxi li l-istimolu fiskali u l-istabbilizzaturi awtomatiċi mingħajr irbit urew li kienu ta' suċċess u jipproponi li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jimmiraw għal bilanċ fil-baġit billi l-eċċess tal-baġit primarju jiġi allokat għall-ħlas lura tad-dejn meta l-ekonomija tkun miexja lejn irkupru fit-tul;

21. Jenfasizza l-importanza speċjali tal-miżuri li jippromwovu l-impjiegi u l-investimenti fuq medda twila ta' żmien immirati lejn iż-żieda tal-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku u lejn spinta lill-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

22. Jenfasizza li, fir-rigward tal-isfidi demografiċi attwali li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE, il-miżuri għal kontra l-kriżi m'għandux ikollhom effetti għal medda twila ta' żmien fuq il-finanzi pubbliċi, li l-ispiża tagħhom kieku jkollha titħallas mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada;

23. Jappoġġa l-idea li koordinament akbar tal-politiki ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa ħtieġa imperattiva u jġib miegħu sinerġiji addizzjonali;

24. Jirrikonoxxi li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir mhuwiex strument suffiċjenti għall-armonizzazzjoni tal-politiki fiskali u ekonomiċi tal-Istati Membri;

25. Jappoġġa, għaldaqstant, reviżjoni tal-mekkaniżmi meħtieġa biex l-ekonomiji nazzjonali fi ħdan l-UE jitreġġgħu lura għat-triq tal-konverġenza;

26. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tfassal mekkaniżmu adegwat ta' kooperazzjoni flimkien mal-FMI f'każijiet speċjali fejn l-Istati Membri jingħataw appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti mill-FMI;

27. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inflazzjoni għolja ma tistax tkun risposta għall-ħtieġa ta' aġġustament fiskali, minħabba li timponi spejjeż ekonomiċi sostanzjali u tirrappreżenta theddida għal tkabbir sostenibbli u inklussiv;

28. Jaqbel mal-Kummissjoni li 'l-espansjoni fiskali b'suċċess biex tpatti għar-reċessjoni u s-sostenibilità fiskali fuq medda twila ta' żmien mhumiex inkompatibbli', iżda jwissi kontra r-riskji ta' estensjoni żejda u artifiċjali bbażata fuq nefqa pubblika ogħla, li hemm ċans li jdgħajfu l-politika;

29. Huwa tal-fehma li l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fuq il-bażi ta' sensiela ta' deċiżjonijiet speċifiċi għal medda qasira ta' żmien se tistabbilixxi s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi, u li huwa fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din is-sensiela ta' deċiżjonijiet għal medda qasira ta' żmien, permezz tal-għoti ta' struttura għal medda qasira ta' żmien, li l-kwistjoni tas-sostenibilità tad-dejn pubbliku għandha tiġi indirizzata;

30. Iqis li l-politika baġitarja għandha, b'mod predominanti permezz ta' allokazzjoni mill-ġdid, tbiddel it-tfaddil disponibbli f'investimenti li jagħtu spinta lit-tkabbir, pereżempju investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, il-modernizzazzjoni tal-bażi industrijali, l-iżvilupp ta' ekonomija tal-UE iktar ekoloġika, iktar intelliġenti, iktar innovattiva u iktar kompetittiva u kapaċi tegħleb l-isfida tal-edukazzjoni;

31. Jenfasizza li proporzjon sostanzjali tan-nefqa pubblika u soċjali tista' tkun spiża produttiva, jekk tkun immirata lejn proġetti li għandhom impatt ta' benefiċċju fuq l-akkumulu ta' kapital fiżiku u uman, kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkontrollata ż-żieda fil-piż ikkawżat mid-dejn biex jiġi żgurat li l-ispiża li qed tiżdied għar-rati ta' mgħax ma ċċekkinx in-nefqa soċjali essenzjali; jisħaq fuq il-fatt li riżorsi saħansitra aktar skarsi jagħmlu essenzjali t-titjib tal-kwalità tan-nefqa pubblika;

32. Jenfasizza li l-miżuri li jtaffu l-effett tal-qgħad li huma s-sistemi ta' protezzjoni soċjali rriżultaw partikolarment effikaċi fi żminijiet ta' kriżi; jenfasizza li finanzi pubbliċi stabbli jikkostitwixxu prekundizzjoni biex jiġi żgurat li dan ikun il-każ fil-futur ukoll;

33. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-iskemi statutarji tal-pensjonijiet tiddependi mhux biss mill-evoluzzjoni demografika, iżda wkoll mill-produttività tal-popolazzjoni attiva (li tinfluwenza r-rata tat-tkabbir potenzjali), l-età ta' rtirar effettiva kif ukoll il-parti tal-PDG allokata għall-finanzjament tal-iskemi msemmija; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-konsolidament tal-finanzi pubbliċi u t-tnaqqis tal-livelli tad-dejn u tad-defiċit huma fatturi importanti għas-sostenibilità;

34. Jinnota li demografija li qed tinbidel, partikolarment popolazzjoni li qed tixjieħ, tfisser li l-iskemi tal-pensjonijiet tal-Istat f'ħafna Stati Membri, speċjalment fir-rigward tal-bażi kontributtiva, għandhom jiġu riformati minn żmien għal żmien biex jibqgħu finanzjarjament sostenibbli;

35. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-piż tad-dejn jiżdied meta r-rati ta' mgħax reali huma ogħla mir-rata ta' tkabbir tal-PDG, u li s-swieq jivvalutaw ir-riskji bħal aktar gravi meta jiżdied il-piż tad-dejn;

36. Huwa tal-fehma li r-rati ta' mgħax assoċjati mas-self min-naħa tal-Istat jirriflettu kif is-swieq jivvalutaw is-sostenibilità tad-dejn ta' Stat Membru;

37. Josserva li defiċit li qed jiżdied jgħolli l-prezz tas-self, parzjalment minħabba l-fatt li s-swieq jivvalutaw li r-riskji jkunu aktar gravi meta l-piż tad-dejn ikun qed jiżdied b'ritmu iktar mgħaġġel mit-tkabbir ekonomiku u l-kapaċità li jitħallas lura s-self;

38. Jisħaq fuq il-fatt li l-kriżi finanzjarja attwali enfasizzat bl-iktar mod ċar possibbli r-rabta diretta bejn l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi; jenfasizza, f'dak il-kuntest, il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni superviżorja msaħħa u integrata dwar is-swieq finanzjarji li għandha tinkludi mekkaniżmi sodi għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri;

39. Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq studji li jivvalutaw il-kwalità tad-dejn tal-Istati Membri;

40. Josserva li jekk il-finanzi pubbliċi ta' Stat Membru jridu jkunu kredibbli, effettivi u ġenwinament indipendenti, jinħtieġu governanza statistika u viġilanza xierqa mill-Kummissjoni;

41. Jissuġġerixxi, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tan-nefqa fiskali mġarrba mill-Istati Membri biex jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom, f'termini ta' impatt fuq il-produzzjoni, fuq il-kontijiet pubbliċi u biex jistimulaw u jħarsu l-impjiegi, kemm f'terminu qasir ta' żmien kif ukoll fit-tul;

42. Jinnota li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għadu jifforma s-sinsla tad-dixxiplina meħtieġa biex tintlaħaq sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi u li l-Istati Membri għandhom jiġġeneraw bilanċi pożittivi mill-finanzi pubbliċi tagħhom fi 'żminijiet favorevoli' u defiċits fi 'żminijiet sfavorevoli' biss;

43. Jenfasizza li l-attakki spekulattivi reċenti fuq bosta ekonomiji Ewropej kellhom bħala mira primarja l-munita euro nnifisha u l-konverġenza ekonomika Ewropea; huwa konvint, f'dan is-sens, li l-problemi Ewropej jeħtieġu soluzzjonijiet Ewropej, li għandhom joffru strumenti interni biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' nuqqasijiet bil-kumbinazzjoni ta' dixxiplina fiskali nazzjonali ma' mekkaniżmi ta' appoġġ finanzjarju meta jkun falla kull tentattiv ieħor;

44. Jappella biex id-defiċit strutturali jinżamm bħala wieħed mill-indikaturi użati biex jiddetermina s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi;

45. Iqis strateġija mġedda għat-tkabbir u l-impjiegi bħala kontributur prinċipali għal finanzi pubbliċi sostenibbli fl-Unjoni Ewropea; jemmen li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li timmodernizza l-ekonomija tagħha, partikolarment il-bażi industrijali tagħha; jappella għal allokazzjoni mill-ġdid tal-fondi fil-baġit tal-UE u tal-Istati Membri lejn investiment ikbar fir-riċerka u l-innovazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrateġija l-ġdida 'Ewropa 2020' teħtieġ strumenti vinkolanti biex tirnexxi;

46. Jenfasizza l-ħtieġa biex is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE tkun immonitorjata kostantement sabiex jiġi valutat il-kobor tal-isfidi fit-tul; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal pubblikazzjoni regolari ta' informazzjoni dwar il-passivi miftuħa tas-settur pubbliku u l-passivi tas-sistemi soċjali, eż. l-iskemi tal-pensjonijiet;

47. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra t-tnaqqis fid-distakk tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi bħala parti essenzjali mill-istrateġija UE 2020;

48. Jistieden lill-Istati Membri biex wara li jimlew id-distakk tas-sostenibilità tagħhom, inaqqsu l-proporzjon pubbliku tagħhom bejn id-dejn u l-PDG għal massimu ta' 60%;

49. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-firxa tar-rati ta' mgħax fis-swieq kapitali hija l-indikatur prinċipali tas-solvenza tal-Istati Membri individwali;

50. Huwa estremament imħasseb dwar id-diskrepanzi fil-kwalità tal-istatistika, li tista' tiġi osservata fl-UE b'mod ġenerali u fiż-żona euro b'mod partikolari;

51. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi hija wkoll fundamentalment marbuta mal-baġit tal-UE u mal-finanzjament tiegħu;

52. Jenfasizza r-rwol pożittiv ħafna tal-baġit tal-UE, minkejja li limitat ħafna mill-MFF, fit-taffija tal-effetti tal-kriżi permezz tal-finanzjament tal-Pjan ta' Rkupru Ewropew u r-riallokazzjoni tal-fondi favur oqsma prijoritarji f'dak ir-rigward; jiddeplora, madankollu, in-nuqqas ta' koordinament adegwat bejn il-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-kriżi ekonomika u finanzjarja, kif ukoll biex jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi;

Id-dimensjoni soċjali u tal-impjiegi tal-istrateġija ta' ħruġ mill-kriżi

53. Jinnota li ż-żieda fil-qgħad u d-dejn pubbliku kif ukoll it-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku kkawżati mill-kriżi ekonomika ma jaqblux mal-objettiv tal-finanzi pubbliċi sostenibbli; jinnota l-bżonn li l-Istati Membri jikkonsolidaw il-kontijiet tagħhom u jtejbu l-likwidità tal-finanzi pubbliċi biex inaqqsu l-prezz tad-dejn iżda anki l-bżonn li dan isir b'mod bilanċjat f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari eżistenti fl-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, li qtugħ indiskriminat fl-investimenti pubbliċi, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-iżvilupp għandhom konsegwenzi negattivi fuq il-prospettivi għat-tkabbir, għall-impjiegi u għall-inklużjoni soċjali u għalhekk iqis li investimenti fuq medda twila ta' żmien f'dawn l-oqsma jridu jkomplu jiġu promossi, u fejn meħtieġ imwessgħin;

54. Jenfasizza li l-irkupru attwali għadu fraġli u li l-qgħad għadu qed jiżdied fil-maġġoranza tal-Istati Membri, u speċjalment iż-żgħażagħ huma dawk l-aktar milquta; jemmen bil-qawwi li l-kriżi finanzjarja ma tistax titħabbar bħala mitmuma sakemm il-qgħad jonqos sostanzjalment u b'mod sostenibbli u jenfasizza l-fatt li s-sigurtà soċjali tal-Ewropa wriet il-valur tagħha billi pprovdiet stabbiltà u kkontribwixxiet għall-irkupru;

55. Iqis li huwa essenzjali li jiġu valutati sew l-effetti soċjali u dawk relatati mal-impjiegi tal-kriżi u li tiġi definita fuq livell tal-UE strateġija ta' rkupru bbażata fuq l-appoġġ għall-impjiegi, it-taħriġ u l-investiment li jwassal għal attività ekonomika għolja, it-tisħiħ tal-kompetittività u tal-produttività tal-impriżi, speċjalment għall-SMEs, u r-rivitalizzazzjoni tal-industrija filwaqt li tiżgura t-tranżizzjoni tagħha lejn ekonomija sostenibbli kompetittiva; jemmen li dawn il-miri għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020;

56. Hu tal-fehma li l-istrateġija tal-irkupru ekonomiku fl-ebda ċirkostanza ma għandha tagħti lok għal żbilanċi strutturali ġodda u għal disparitajiet tad-dħul prinċipali, li qed iżommu lura l-produttività u l-kompetittività fl-ekonomija, iżda anzi għandha tintroduċi r-riformi meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn l-iżbilanċi; iqis li l-miżuri finanzjarji u fiksali meħuda mill-Istati Membri għandhom iħarsu s-salarji, il-pensjonijiet, il-benefiċċji għall-qgħad u l-kapaċità tal-akkwist tal-familji mingħajr ma jipperikolaw is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi jew il-kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu servizzi pubbliċi essenzjali fil-futur;

57. Jinnota li t-tixjiħ tal-popolazzjoni mbassar fis-snin li ġejjin se jippreżenta sfida liema bħalha għall-pajjiżi tal-UE; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-miżuri kontra l-kriżi ma għandhomx, fil-prinċipju, joħolqu konsegwenzi fit-tul għall-finanzi pubbliċi jew jitfgħu piż żejjed fuq il-ġenerazzjonijiet futuri bi ħlasijiet lura tad-dejn attwali;

58. Jisħaq fuq l-importanza li l-irkupru ekonomiku jkun marbut ma' politiki mmirati biex ikun indirizzat il-qgħad strutturali, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità u n-nisa, bil-għan li jiżdiedu l-impjiegi ta' kwalità, u b'hekk tissaħħaħ il-produttività tax-xogħol u tal-investiment; f'dan ir-rigward, iqis bħala importanti l-politiki li jtejbu l-kwalità tal-kapital uman, bħall-edukazzjoni jew il-politiki fil-qasam tal-kura tas-saħħa mmirati li jiżviluppaw forza tax-xogħol aktar produttiva u li topera aktar fit-tul u l-politiki mmirati biex itawlu l-perjodu tal-attività professjonali; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex isaħħu l-politiki u l-miżuri tagħhom fil-qasam tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol, billi jqegħduhom fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020;

L-impatt tal-bidla demografika u l-istrateġija għall-impjiegi

59. Iqis li s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi tiddependi ħafna fuq l-abilità li jogħla l-livell ta' persuni impjegati biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u dawk marbuta mal-baġit, b'referenza partikolari għas-sostenibilità tal-iskemi tal-pensjonijiet; huwa tal-fehma li l-kapital uman Ewropew eżistenti jista' jiġi appoġġat fit-terminu medju b'politiki xierqa dwar il-migrazzjoni li jissarrfu fl-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol u fl-għoti taċ-ċittadinanza;

60. Jisħaq fuq il-fatt li żieda fil-livelli ta' impjiegi hija essenzjali biex l-UE tlaħħaq mal-popolazzjoni li qed tixjieħ u jenfasizza li l-parteċipazzjoni għolja fis-suq tax-xogħol hija prekundizzjoni għat-tkabbir ekonomiku, l-integrazzjoni soċjali u l-ekonomija tas-suq soċjali li tkun sostenibbli u kompetittiva;

61. Hu tal-fehma li l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tieħu l-forma ta' 'patt dwar il-politika ekonomika, tal-impjiegi u soċjali' li jkollha l-għan li ssostni l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u tiffoka fuq l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol għal kulħadd, jiġifieri waħda li tħares bl-aħjar mod iċ-ċittadini mill-esklużjoni soċjali; jisħaq fuq il-fatt li l-politiki kollha għandhom isaħħu lil xulxin biex jinkisbu sinerġiji pożittivi; hu tal-fehma li l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq linji gwida, u fejn possibbli indikaturi u parametri ta' referenza li jistgħu jitkejlu u jitqabblu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak tal-UE, akkumpanjati minn mekkaniżmi ta' premjijiet għal dawk li jirrispettaw l-objettivi u mekkaniżmi korrettivi għal dawk li ma jirrispettawhomx, fl-osservanza tal-prinċipji tal-flessigurtà u tal-metodu tad-djalogu soċjali;

Is-sostenibilità tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali

62. Iqis li l-politika tal-finanzi pubbliċi kkoordinata fuq livell tal-UE u orjentata lejn it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi ta' kwalità u l-adozzjoni tar-riformi meħtieġa biex tkun żgurata l-vijabilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali hija waħda mir-reazzjonijiet meħtieġa għall-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali u l-isfidi tal-bidliet demografiċi u dawk marbuta mal-globalizzazzjoni;

63. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ekwilibriju fit-tul tal-iskemi statutarji tal-pensjonijiet jiddependi mhux biss mill-evoluzzjonijiet tal-popolazzjoni, iżda wkoll mill-produttività ta' dawk attivi f'xogħol, li tinfluwenza r-rata tat-tkabbir potenzjali, kif ukoll mill-proporzjon tal-PDG riservat għall-finanzjament tal-iskemi msemmija;

64. Jisħaq fuq l-importanza tal-Green Paper imminenti dwar ir-riforma tal-pensjonijiet u jqis li l-iżvilupp ta' sistemi tal-pensjonijiet sostenibbli, siguri u diversifikati sew b'sorsi differenti ta' finanzjament marbuta mal-andament tas-suq tax-xogħol jew mas-swieq finanzjarji u li jistgħu jieħdu l-forma ta' skemi tal-kumpaniji, u li jinvolvu skemi pubbliċi, oħrajn supplimentari bbażati fuq minn iħaddem u oħrajn individwali, huma vitali u għandhom ikun mħeġġa kuntrattwalment u fiskalment; jirrikonoxxi, għalhekk, l-importanza tal-litteriżmu tal-pensjoni fost iċ-ċittadini tal-UE;

65. Jenfasizza li, fuq medda twila ta' żmien, l-obbligi tal-pensjonijiet impliċiti jirrappreżentaw waħda mill-akbar partijiet tad-dejn pubbliku totali, u li l-Istati Membri għandhom jippubblikaw regolarment tagħrif dwar l-obbligi tal-pensjonijiet impliċiti tagħhom, billi jsegwu l-metodoloġija komuni li hemm qbil dwarha;

66. Huwa tal-fehma li l-bżonn li jkun hemm finanzi pubbliċi sostenibbli kif ukoll sigurtà soċjali adegwata u skemi ta' inklużjoni jirrikjedi li tiżdied il-kwalità u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni u tan-nefqa pubblika, u li l-Istati Membri għandhom jitħeġġew iqisu miżuri biex jiżguraw li l-piż fiskali jinqasam b'mod ekwu bi tnaqqis progressiv u inċiżiv tal-piż fiskali fuq l-impjiegi u fuq l-SMEs; hu tal-fehma li dan għandu jgħin biex jonqos il-faqar, jiggarantixxi l-koeżjoni soċjali u jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-produttività, li huma fatturi fundamentali fil-kompetittività u fis-sostenibilità tal-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew;

°

° °

67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BĊE u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Koordinament tal-politiki kontraċikliċi u riformi strutturali

L-implimentazzjoni tal-politika tal-baġit hija azzjoni ewlenija tal-politika ekonomika tal-Istati Membri. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jillimita l-libertà tagħhom li jmexxu politiki diskrezzjonarji. Ir-reviżjoni tal-Patt, li saret fl-2005, tiddefinixxi ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li matulhom dawn il-limiti jistgħu temporanjament jinkisru, bil-għan li jitħallew jaħdmu l-istabbilizzaturi awtomatiċi. Issa, għandna niddefinixxu l-indikaturi ta' "ekonomija li qed tirkupra", biex jiġi determinat bil-preċiżjoni meta għandhom japplikaw il-miżuri ta' ħruġ. L-ekonomisti jaqblu li jaffermaw li ekonomija f'livell massimu ta' impjiegi hija ekonomija fejn il-kapaċitajiet ta' produzzjoni huma saturati. Fir-realtà, din is-sitwazzjoni sseħħ meta r-rata ta' użu tar-riżorsi kapitali taqbeż il-85%. Għaldaqstant stimolazzjoni baġitarja u monetarja tista' titqies meħtieġa taħt ċertu limitu ta' rata ta' tkabbir.

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-qagħda ekonomika fl-Unjoni Ewropea, is-sena 2009 kienet immarkata bi tnaqqis tal-produzzjoni u rati ta' użu tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni estremament baxxi, f'medja ta' 71%. L-irkupru hu partikolarment fraġli minħabba li huwa bbażat fuq il-bini mill-ġdid tal-istokkijiet tal-impriżi u żieda ċkejkna fl-esportazzjonijiet. Fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE, il-konsum huwa staġnat u l-investiment għadu baxx minħabba t-tnaqqis tal-ordnijiet. B'hekk jirriżulta tnaqqis tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji Ewropej.

Biex jiġi determinat meta l-politiki ta' ħruġ għandhom ikunu intensifikati, il-Kummissjoni tista' għalhekk tapplika regola sempliċi. Sakemm ir-rata ta' użu tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni hija inqas mir-rata normali tagħhom, il-miżuri mhux konvenzjonali għandhom jinżammu. Malli l-ekonomija tilħaq dan il-punt, il-miżuri maħsuba biex iġiebu lura l-bilanċ tal-baġit (bħat-trasferiment tal-eċċess tal-baġit primarju għall-ħlas lura tad-dejn), jistgħu jkunu rakkomandati.

2. Tiftix għal kriterju ta' sostenibilità tal-finanzi pubbliċi

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrikonoxxi din il-ħtieġa li jinżammu l-miżuri mhux konvenzjonali sakemm tirkupra l-ekonomija u tqajjem il-kwistjoni tas-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi.

Għaldaqstant, kif tenfasizza l-komunikazzjoni, 'ma teżistix definizzjoni ċara tan-nozzjoni tad-dejn sostenibbli'[1] u 'm'hemmx limitu massimu ddefinit għal-livelli ta' dejn sostenibbli. Il-limiti għas-sostenibilità jvarjaw minn pajjiż għal pajjiż u minn żmien għal żmien.'[2] Madankollu l-Kummissjoni tipprova tissuġġerixxi kriterju ta' sostenibilità biex id-dejn ma jikkompromettix il-'kapaċità tal-gvern li jwassal is-servizzi pubbliċi meħtieġa (…) u l-abilità li tiġi aġġustata l-politika bħala tweġiba għal sfidi ġodda'. Tinsab imħassba bl-impatt negattiv fuq il-potenzjali tat-tkabbir u d-defiċits pubbliċi, tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u t-tendenza għaż-żieda fin-nefqa soċjali.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipprova tiddetermina sal-2060 l-evoluzzjoni tal-parti tan-nefqa u tat-taxxi li l-pajjiżi tal-UE għandhom jallokaw sabiex id-dejn pubbliku jibqa' sal-limiti aċċettabbli, matul il-perjodu kollu, ta' rata ta' dejn ta' 60% tal-PDG.

Il-projezzjonijiet tal-komunikazzjoni joqogħdu fuq ipoteżijiet li inevitabbilment jevolvu fuq terminu ta' żmien fit-tul. Ir-rata tat-tkabbir għal medda twila ta' żmien fil-fatt hija influwenzata mid-deċiżjonijiet ta' investiment tal-impriżi għal kull terminu ta' żmien qasir suċċessiv, u dawn id-deċiżjonijiet stess jiddependu mill-kuntest u mill-politiki diskrezzjonarji mmexxija mill-awtoritajiet. B'hekk, il-politiki makroekonomiċi tajbin aktarx jgħollu r-rata tat-tkabbir potenzjali u jtaffu l-ispiża tal-finanzjament tal-iskemi tal-protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, l-evoluzzjonijiet demografiċi jiddependu mill-fluttwazzjonijiet tar-rata ta' fertilità u tal-movimenti migratorji. Fl-aħħar, din l-"ispiża" tal-finanzjament tan-nefqa soċjali tiddependi mid-domanda soċjali għal beni pubbliċi u mill-grad ta' aċċettabilità tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji. Il-livell ta' din id-domanda soċjali huwa sinifikanti f'ċerti Stati Membri u mhux neċessarjament ikkomprometta d-dinamiżmu ekonomiku tagħhom fl-imgħoddi. Illum nagħrfu l-effikaċja tal-miżuri li jtaffu l-effett tal-qgħad tal-mudell soċjali Ewropew, partikolarment utli fi żminijiet ta' kriżi. Jekk hemm bżonn huwa possibbli li jiġu żviluppati u modernizzati, permezz ta' definizzjoni mill-ġdid tal-ambitu tagħhom u tal-bażi ta' finanzjament tagħhom.

Hija fil-kuntest ta' dawn il-meded qosra taż-żmien li trid titqajjem il-kwistjoni tad-dejn pubbliku. F'dan ir-rigward, id-defiċits huma mixtieqa f'xi sitwazzjonijiet ta' żbilanċ bejn it-tfaddil u l-investiment. Il-politika pubblika għandha, f'dan il-każ, tisfrutta t-tfaddil disponibbli permezz tas-self , bil-għan li tiġi ffinanzjata n-nefqa għall-investimenti. Żbilanċ bħal dan kien jeżisti f'forma inizjali qabel ma faqqgħat il-kriżi ta' likwidità ta' Ottubru 2008; it-tkabbir tal-UE sar negattiv mit-tieni trimestru tal-2008 u r-rata tat-tkabbir taż-żona euro baqgħet inqas mir-rata potenzjali tagħha mill-bidu tal-deċennju.

Biex l-investiment jingħata spinta, il-politika baġitarja hija mixtieqa f'dawk l-Istati Membri li għaddejjin minn eċċess ta' tfaddil. Id-defiċits huma sostenibbli sakemm il-finanzjament tagħhom ma jeżerċitax tensjoni fuq ir-rati tal-imgħax tas-self Statali u ma jiġġenerax trasferiment tal-piż insopportabbli għal dawk li jħallsu t-taxxa. Il-piżijiet jiżdiedu meta r-rati ta' mgħax reali huma ogħla mir-rati tat-tkabbir tal-ekonomija. Minħabba f'hekk, il-livell tar-rati ta' mgħax jirrappreżenta, meta jkun baxx, il-kriterju ewlieni li jkejjel is-sostenibilità tad-dejn fuq medda qasira ta' żmien.

Il-kapaċità ta' self tal-Istati Membri tiddependi wkoll mill-attitudni tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni. L-esperjenza reċenti turi li dawn aktarx jissottostimaw jew jissovrastimaw ir-riskji. Huma jagħtu l-klassi AAA biss jekk l-Istati kkonċernati huma solventi. Il-klassifikazzjoni tkun aħjar jekk id-dejn jintuża biex jiffinanzja d-defiċits li jistimolaw it-tkabbir u d-dħul mit-taxxi futuri. Għalhekk huwa importanti li l-Kummissjoni twettaq studji li jippermettu l-valutazzjoni tal-kwalità tad-dejn u li dawn jissanzjonaw lill-Istati Membri li jippruvaw jissovrastimaw l-ipoteżijiet tagħhom tat-tkabbir sabiex jipprattikaw baxx baxx id-defiċits reċessivi.

3. Identifikazzjoni tad-dejn it-tajjeb u tad-dejn il-ħażin

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri ilhom marbuta mid-dħul fis-seħħ tal-euro li jnaqqsu n-nefqa operattiva tagħhom u li jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom. Minħabba l-kriżi, matul is-sena 2009, id-defiċits u r-rati ta' dejn tal-Istati Membri kollha żdiedu konsiderevolment.

Iż-żieda tad-defiċits mhijiex dovuta esklussivament għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' rkupru. Din hija kkawżata mit-tnaqqis awtomatiku tad-dħul mit-taxxi u mill-effikaċja tal-politiki baġitarji, kif imkejla abbażi tal-grad ta' twettiq tal-objettivi ffissati. Defiċit imdaqqas jista' jiffinanzja espansjoni ekonomika, li jservi ta' sors ta' dħul mit-taxxi u biex jerġa' jinġieb bilanċ. Din hija l-loġika għall-"istimoli mhux konvenzjonali" rakkomandati mill-Kummissjoni.

Għall-kuntrarju, l-istimoli fiskali kalibrati ħażin jistgħu jiġġeneraw effett negliġibbli fuq it-tkabbir. Fl-istess ħin, din in-nefqa fiskali tkompli żżid id-dejn pubbliku li jirriżulta f'defiċits reċessivi. Il-piż tad-dejn il-ħażin jinħass fuq il-familji li ma għandhomx tendenza li jfaddlu, dawn il-familji jħallsu mingħajr ma jafu l-interessi tad-dejn. Billi d-defiċits jinħassu qabel kollox fuq il-familji li huma dawk li l-aktar intlaqtu bil-kriżi, l-identifikazzjoni tad-defiċits reċessivi u li dawn jiġu newtralizzati hija urġenti.

4. X'għandna nagħmlu bil-Patt ta' Stabbiltà?

Minn mindu tfassal it-Trattat ta' Maastricht, id-defiċits u r-rati ta' dejn awtorizzati ġew definiti billi tiġi stabbilita l-medja tad-defiċits u tar-rati ta' dejn tal-pajjiżi tas-Sistema Monetarja Ewropea. Ir-reviżjoni tal-Patt ta' Stabbiltà tal-2005 terġa' tadotta, impliċitament, il-prinċipji ta' politika makroekonomika kontraċiklika. Tali prinċipju jidher partikolarment adegwat f'perspettiva ta' sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi. Il-Kummissjoni tista' tikkonferma espliċitament din ir-regola ta' ġestjoni kontraċiklika. Imbagħad hija għandha tifformula rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw kompatibbli ma' dan il-prinċipju u tevita li tiffissa skadenzi qosra wisq biex jerġa' jinġieb bilanċ.

Billi dawn huma kriterji li jistgħu jkejlu s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi, l-indikatur tad-defiċit strutturali huwa partikolarment adatt għal valutazzjoni fit-tul billi dan ikejjel il-qagħda tal-finanzi pubbliċi indipendentement mill-effetti tas-sitwazzjoni ekonomika. Fl-aħħar, jista' jintuża indikatur tar-rata tad-dejn strutturali, il-proporzjon "dejn/assi Statali" jew "dejn nett/PDG", bil-għan li jitkejjel il-grad ta' solvenza tal-Istati Membri.

  • [1]  Dokument ta' ħidma li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra, 14 ta' Ottubru 2009.
  • [2]  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra, 14 ta' Ottubru 2009.

Opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (22.3.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra
(2010/2038(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Sergio Gaetano Cofferati

(*)       Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jinnota li ż-żieda fil-qgħad u d-dejn pubbliku kif ukoll it-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku kkawżati mill-kriżi ekonomika ma jaqblux mal-objettiv tal-finanzi pubbliċi sostenibbli; jinnota l-bżonn li l-Istati Membri jikkonsolidaw il-kontijiet tagħhom u jtejbu l-likwidità tal-finanzi pubbliċi biex inaqqsu l-ispiża tad-dejn iżda anki l-bżonn li dan isir b'mod bilanċjat f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'kunsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi partikolari fl-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, li qtugħ indiskriminat fl-investimenti pubbliċi, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-iżvilupp iħallu impatt negattiv fuq il-prospetti għat-tkabbir, għall-impjiegi u għall-inklużjoni soċjali u għalhekk iqis li investimenti fuq medda twila ta' żmien f'dawn l-oqsma jridu jkomplu jiġu promossi, u fejn meħtieġ imwessa';

2.   Jenfasizza li l-irkupru attwali għadu fraġli u li l-qgħad għadu qed jiżdied fil-maġġoranza tal-Istati Membri, fejn iż-żgħażagħ speċjalment huma milquta sew; jemmen bis-saħħa li ebda tmiem tal-kriżi finanzjarja ma tista' titħabbar sakemm il-qgħad jonqos sostanzjalment u b'mod sostenibbli u jenfasizza l-fatt li s-sigurtajiet soċjali Ewropej urew il-valur tagħhom billi pprovdew stabilità u kkontribwew għall-irkupru;

Id-dimensjoni soċjali u tal-impjiegi tal-istrateġija ta' ħruġ mill-kriżi

3.   Iqis li huwa meħtieġ li jiġu vvalutati sew l-effetti soċjali u dawk relatati mal-impjiegi tal-kriżi u tiġi definita fuq livell Ewropew strateġija ta' rkupru bbażata fuq l-appoġġ għall-impjiegi, it-taħriġ, l-investiment li jwassal għal attività ekonomika għolja, it-tisħiħ tal-kompetittività u l-produttività tal-industrija speċjalment għall-SMEs, u r-rivitalizzazzjoni tal-industrija filwaqt li tiżgura t-tranżizzjoni tagħha lejn ekonomija sostenibbli kompetittiva; jemmen li dawn il-miri għandhom ikunu fil-qalba tal-istrateġija UE 2020;

4.   Hu tal-fehma li l-istrateġija tal-irkupru ekonomiku taħt l-ebda ċirkostanza ma għandha tagħti lok għal żbilanċji strutturali ġodda u għal disparitajiet tad-dħul prinċipali, li qed iżommu lura l-produttività u l-kompetittività fl-ekonomija, iżda anzi għandha tintroduċi r-riformi meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn l-iżbilanċji; iqis li l-miżuri finanzjarji u fiksali meħuda mill-Istati Membri għandhom iħarsu s-salarji, il-pensjonijiet, il-benefiċċji għall-qgħad u s-setgħa ta' akkwist tal-familji mingħajr ma jipperikolaw is-sostenibiilità fuq terminu twil ta' żmien tal-finanzi pubbliċi jew il-kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu servizzi pubbliċi essenzjali fil-futur;

5.   Jinnota li t-tixjiħ tal-popolazzjoni previst fis-snin li ġejjin se jippreżenta sfida bħal qatt qabel għall-pajjiżi tal-UE; għalhekk l-miżuri kontra l-kriżi ma għandhomx fil-prinċipju, joħolqu konsegwenzi fit-tul għall-finanzi pubbliċi jew jitfgħu piż żejjed fuq il-ġenerazzjonijiet futuri bi ħlasijiet lura tad-dejn attwali;

6.   Jenfasizza l-importanza li l-irkupru ekonomiku jkun marbut ma' politiki mmirati biex ikun indirizzat il-qgħad strutturali, b'mod partikolari l-qgħad taż-żgħażagħ, tal-anzjani, tal-persuni b'diżabilità u tan-nisa, sabiex jiżdiedu l-impjiegi ta' kwalità, u b'hekk tiżdied il-produttività tax-xogħol u tal-investiment; f'dan ir-rigward, iqis bħala importanti, li l-politiki li jtejbu l-kwalità tal-kapital uman, bħall-edukazzjoni jew il-politiki tal-kura tas-saħħa mmirati li jiżviluppaw forza tax-xogħol aktar produttiva u li topera aktar fit-tul u politiki mmirati biex itawlu l-perjodu tal-attività professjonali, jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex isaħħu l-politiki u l-miżuri tagħhom dwar il-qgħad u s-suq tax-xogħol, billi jqegħduhom fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020;

L-impatt tal-bidla demografika u l-istrateġija tal-impjiegi

7.   Iqis li s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi tiddependi ħafna fuq l-abilità li jogħla l-livell ta' persuni impjegati biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u dawk marbuta mal-baġit, b'referenza partikolari għas-sostenibilità tal-iskemi tal-pensjonijiet; il-kapital uman Ewropew eżistenti jista' jiġi appoġġat fit-terminu medju b'politiki xierqa dwar il-migrazzjoni li jwasslu għall-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol u għaċ-ċittadinanza;

8.   Jenfasizza li livelli miżjuda ta' impjiegi huma essenzjali biex l-UE tlaħħaq mal-popolazzjoni li qed tixjieħ u jenfasizza li l-parteċipazzjoni għolja fis-suq tax-xogħol hija prekondizzjoni għat-tkabbir ekonomiku, l-integrazzjoni soċjali u l-ekonomija tas-suq soċjali li tkun sostenibbli u kompetittiva;

9.   Hu tal-fehma li l-istrateġija 2020 għandha tieħu l-forma ta' 'patt dwar il-politika ekonomika, tal-impjiegi u soċjali' li jkollha l-għan li ssostni l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u tiffoka fuq l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol għal kulħadd, u li l-aktar tħares iċ-ċittadini mill-esklużjoni soċjali; jenfasizza li l-politiki kollha għandhom jappoġġaw lil xulxin biex jiksbu sinerġiji pożittivi; l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq linji gwida, u fejn possibbli indikaturi u limiti ta' referenza li jistgħu jitkejlu u jitqabblu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Komunitarju, appoġġati b'mekkaniżmi ulterjuri għal dawk li jilħqu l-miri u mekkaniżmi korrettivi għal dawk li le, li jirrispettaw il-prinċipji tal-flessigurtà u l-metodu tad-djalogu soċjali;

Is-sostenibilità tas-sistemi ta' ħarsien soċjali

10. Iqis li l-politika tal-finanzi pubbliċi li hija kkoordinata fuq livell tal-UE u mmirata lejn it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi ta' kwalità, u l-adozzjoni tar-riformi meħtieġa biex tkun żgurata l-vijabilità tas-sistemi tal-benessri soċjali hija waħda mir-reazzjonijiet meħtieġa għall-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali u l-isfidi ppreżentati mill-bidliet demografiċi u dawk marbuta mal-globalizzazzjoni;

11. Ifakkar li l-iżbilanċ fit-tul tal-iskemi obbligatorji tal-pensjonijiet jiddependi mhux biss mill-iżviluppi fil-popolazzjoni, iżda wkoll mill-produttività tal-forza tax-xogħol, li tinfluwenza r-rata tat-tkabbir potenzjali, kif ukoll mill-proporzjon tal-PDG riżervat għall-finanzjament tal-iskemi msemmija;

12. Jenfasizza l-importanza tal-Green Paper imminenti dwar ir-riforma tal-pensjonijiet u jqis li l-iżvilupp ta' sistemi tal-pensjonijiet sostenibbli, siguri u diversifikati sew b'sorsi differenti ta' finanzjament li huma marbuta mal-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol jew mas-swieq finanzjarji u jistgħu jieħdu l-forma ta' skemi tal-kumpaniji, u li jinvolvu skemi pubbliċi supplimentari bbażati fuq minn iħaddem u individwali, huma vitali u għandhom ikun mħeġġa kuntrattwalment u fiskalment; għalhekk jirrikonoxxi l-importanza tal-litteriżmu tal-pensjoni fost iċ-ċittadini tal-UE;

13. Jenfasizza li, fuq terminu twil ta' żmien, l-obbligi tal-pensjonijiet impliċiti huma waħda mill-akbar partijiet tad-dejn pubbliku totali, u li l-Istati Membri għandhom regolarment jippubblikaw tagħrif dwar l-obbligi tal-pensjonijiet impliċiti tagħhom, billi jsegwu l-metodoloġija komuni li hemm qbil dwarha;

14. Huwa tal-fehma li l-bżonn li jkun hemm finanzi pubbliċi sostenibbli kif ukoll benessri soċjali adegwat u skemi ta' inklużjoni jirrikjedi li l-kwalità u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni u tan-nefqa pubblika jitqajjem, u l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jqisu miżuri biex jiżguraw li l-piż tat-taxxi jinqasam b'mod ugwali bi tnaqqis progressiv u inċiżiv tal-piż tat-taxxa fuq l-impjiegi u fuq l-SMEs; dan għandu jnaqqas il-faqar, jiggarantixxi l-inklużjoni soċjali u jħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku u l-produttività, li huwa fattur prinċipali fil-kompetittività u s-sostenibilità tal-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

5

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Pervenche Berès, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Karima Delli, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Ilda Figueiredo, Pascale Gruny, Thomas Händel, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Siiri Oviir, Rovana Plumb, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jürgen Creutzmann, Julie Girling, Richard Howitt, Dieter-Lebrecht Koch, Ria Oomen-Ruijten, Evelyn Regner, Csaba Sógor, Emilie Turunen

Opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits  (9.4.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra
(2010/2038(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ivailo Kalfin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), minkejja r-reviżjoni tiegħu fl-2005, ma kienx biżżejjed biex jipprevjeni l-kriżi attwali;

B.   billi s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi mhux biss hija kruċjali għall-Ewropa kollha kemm hi, imma wkoll speċifikament għall-baġit komuni Ewropew;

C.  billi, minkejja li l-ba[it tal-unjoni Ewropea fil-preżent huwa llimitat għal madwar 1% tad-Dħul Nazzjonali Gross totali tal-Ewropa, il-prinċipji ġenerali u l-presupposti sottostanti tas-'sostenibbiltà' għandhom japplikaw ukoll għalih;

1.   Jappoġġa l-idea li koordinament akbar tal-politiki ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa ħtieġa imperattiva u jġib miegħu sinerġiji addizzjonali;

2.   Jammetti li l-PST mhuwiex għodda suffiċjenti għall-armonizzazzjoni tal-politiki fiskali u ekonomiċi tal-Istati Membri;

3.   Jappoġġa għaldaqstant reviżjoni tal-mekkaniżmi biex l-ekonomiji nazzjonali fi ħdan l-UE jitreġġgħu lura għat-triq tal-konverġenza;

4.   Iqis li r-reviżjoni tal-miri u tal-mekkaniżmi għall-konverġenza tal-ekonomiji nazzjonali għandha titwettaq mill-aktar fis possibbli, inkluż permezz tal-kunsiderazzjoni dwar il-ħolqien ta' fond monetarju Ewropew, biex tiddefinixxi, fost l-oħrajn, l-effetti possibbli ta' żieda tal-valur miżjud Ewropew fil-baġit tal-UE;

5.   Jinnota li s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi hija wkoll fundamentalment marbuta mal-baġit tal-UE u mal-finanzjament tiegħu;

6.   Ifakkar li, fil-forma attwali u mhux sodisfaċenti tiegħu, sa 70% tal-finanzjament tal-UE joħroġ mhux mir-riżorsi proprji tagħha, imma mill-baġits nazzjonali bħala 'kontribuzzjonijiet' permezz tar-riżorsa tad-Dħul Nazzjonali Gross; itenni t-tħassib tiegħu li l-kriżijiet, li jista' jagħti l-każ li qamu minħabba politiki mhux sostenibbli, faċli li teħel għalihom l-Unjoni, u li l-kontribuzzjonijiet tal-baġit għalhekk jistgħu jitqiesu bħala 'piżijiet addizzjonali' fuq il-baġits nazzjonali, aktar milli jkun hemm apprezzament tal-benefiċċji konġunti u tal-valur miżjud Ewropew;

7.   Jenfasizza r-rwol pożittiv ħafna tal-baġit tal-UE, minkejja li llimitat ħafna mill-MFF, fit-taffija tal-effetti tal-kriżi permezz tal-finanzjament tal-Pjan ta' Rkupru Ewropew u r-riallokazzjoni tal-fondi favur oqsma prijoritarji f'dak ir-rigward; madankollu jiddeplora n-nuqqas ta' koordinament suffiċjenti bejn il-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-kriżi ekonomika u finanzjarja, kif ukoll biex jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi;

8.   Huwa tal-fehma li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni m'għandhomx ikunu weħidhom responsabbli biex jikklassifikaw id-dejn sovran, funzjoni li tinqeda aħjar bil-ħolqien ta' mekkanżimu għal evalwazzjoni addizzjonali tal-valur ġust ta' djun ta' dan it-tip u permezz ta' rwol akbar tal-Eurostat fil-provvista ta' dejta affidabbli;

9.   F'dan ir-rigward, jinkoraġġixxi sforzi biex it-tfaddil disponibbli jissarraf fi nfiq koordinat ta' investiment permezz ta' politiki fiskali;

10. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mekkaniżmu adegwat ta' kooperazzjoni flimkien mal-IMF f'każijiet speċjali fejn l-Istati Membri jingħataw appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti mill-IMF;

11. Ifakkar li l-inflazzjoni ma tistax tkun risposta għall-ħtieġa ta' aġġustament fiskali, minħabba li timponi kosts ekonmiċi sostanzjali u tirrappreżenta theddida għal tkabbir sostenibbli u inklużiv.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.4.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Damien Abad, Alexander Alvaro, Marta Andreasen, Francesca Balzani, Reimer Böge, Andrea Cozzolino, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Jens Geier, Estelle Grelier, Jiří Havel, Monika Hohlmeier, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Claudio Morganti, Dominique Riquet, Sergio Paolo Francesco Silvestris, László Surján, Helga Trüpel, Daniël van der Stoep, Derek Vaughan, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Frédéric Daerden, Gerben-Jan Gerbrandy, Riikka Manner, Paul Rübig, Georgios Stavrakakis, Theodor Dumitru Stolojan

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.5.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

6

15

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Enikő Győri, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Sophie Auconie, Lajos Bokros, David Casa, Sari Essayah, Carl Haglund, Iliana Ivanova, Thomas Mann, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen, Andreas Schwab

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Trevor Colman, Monika Hohlmeier