RAPPORT dwar il-progress li sar sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta’ nofs it-terminu bi preparazzjoni għal-laqgħa ta’ livell għoli tan-NU f’Settembru 2010
19.5.2010 - (2010/2037(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Michael Cashman
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-progress li sar sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta’ nofs it-terminu bi preparazzjoni għal-laqgħa ta’ livell għoli tan-NU f’Settembru 2010
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Istati Uniti għall-Millennju tat-8 ta’ Settembru 2000,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta’ Ġunju 2010, li ffukat fuq l-MDGs,
– wara li kkunsidra l-impenji fir-rigward tal-volum ta’ għajnuna, tal-għajnuna lill-Afrika tas-Sub-Saħara, u tal-kwalità tal-għajnuna li ttieħdu mill-G8 fis-Samit ta’ Gleneagles tal-2005 u fil-laqgħat kollha sussegwenti tal-G8 u l-G20,
– wara li kkunsidra s-samit tal-G20 li sar f’Pittsburgh bejn l-24 u l-25 ta’ Settembru 2009 u s-samit tal-G20 li sar f’Londra fit-2 ta’ April 2009,
– wara li kkunsidra s-samit tal-G8 li sar L’Aquila, fl-Italja, bejn it-8 u l-10 ta’ Lulju 2009,
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp[1] u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u d-Diviżjoni tax-Xogħol fil-Politika tal-Iżvilupp[2],
– wara li kkunsidra l-Kunsens ta’ Monterrey, adottat fil-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjament għall-Iżvilupp li saret f’Monterrey, fil-Messiku, bejn it-18 u t-22 ta’ Marzu 2002,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Akkra għall-Azzjoni,
– wara li kkunsidra s-Sejħa ta’ Addis għal Azzjoni Urġenti għas-Saħħa Materna, is-Sejħa ta’ Berlin għal Azzjoni u l-Possibilitajiet Strateġiċi għall-NGOs, u li l-aħħar żewġ dokumenti msemmija ġew ippubblikati biex jikkommemoraw il-15-il Anniversarju tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD/15),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE li jistipola li “L-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x’aktarx tolqot lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw”,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2005 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp[4] (‘Strument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp’ (SKI)),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Lisbona) li jafferma mill-ġdid li l-UE għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-politiki u l-attivitajiet tagħha, meta jitqiesu l-għanijiet kollha tagħha,
– wara li kkunsidra l-Aġenda tal-ILO dwar Xogħol Deċenti u l-Patt Globali tal-ILO dwar l-Impjiegi adottati b’kunsens globali fid-19 ta’ Ġunju 2009 fil-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ Lulju 2009 imħejji mis-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-UNDP (Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti) imsejjaħ “Qbiżna nofs it-triq - Il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju”, ippubblikat f’Jannar 2010,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, bit-titolu 'Pjan ta' Azzjoni tal-UE bi tnax-il punt biex jiġu appoġġati l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju'[5],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Progress fil-Programm Ewropew għal Azzjoni kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkolożi permezz ta’ Azzjoni Esterna (2007-2011),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2008 dwar l-attivitajiet ta’ self esterni tal-BEI[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2006 dwar l-effettività tal-għajnuna u l-korruzzjoni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar “l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju f’nofs it-triq”[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2008 dwar mortalità materna[9], tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar il-kuntratti MDG[10] u tat-25 ta’ Marzu 2010 dwar l-effetti tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u fuq il-koperazzjoni għall-iżvilupp[11],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7–0165/2010),
A. billi t-tnaqqis u l-eradikazzjoni tal-faqar huma l-objettivi primarji tal-politika għall-iżvilupp tal-UE skont it-Trattat ta’ Lisbona, filwaqt li huma wkoll obbligu morali u fl-interess tal-UE stess għall-futur imbiegħed,
B. billi kemm l-UE, bħala l-ikbar donatur tad-dinja, kif ukoll l-Istati Membri tagħha, għandu jkollhom rwol prinċipali fil-laqgħat ta’ Settembru dwar l-MDGs u għandhom jadottaw pożizzjoni ambizzjuża u unita li tista’ taħdem bħala mutur sabiex l-MDGs jintlaħqu fiż-żmien stipulat,
C. billi bħalissa l-UE jonqosha bejn wieħed u ieħor 20 biljun EUR biex tissodisfa l-impenji ta’ nfiq tagħha fir-rigward tal-MDGs,
D. billi xi wħud mill-Istati Membri tal-UE qed inaqqsu l-baġits tagħhom għall-għajnuna,
E. billi l-pajjiżi sinjuri reċentement sabu triljuni ta’ dollari biex isalvaw lill-banek tagħhom, u billi s-settur finanzjarju għadu ma ħallasx għall-konsegwenzi tal-kriżi bla preċedent li kkawża,
F. billi l-valur tat-tranżazzjonijiet finanzjarji globali laħaq 70 darba l-GNI (Dħul Nazzjonali Gross) dinji,
G. billi għajnuna li ma tistax tiġi prevista tista’ tkun detrimentali għall-pajjiżi riċevituri, u billi għajnuna ta’ kwalità aħjar tista’ tirrilaxxa 3 biljun EUR fis-sena għal infiq għall-baġits ta’ żvilupp tal-UE u l-Istati Membri tagħha[12],
H. billi 82% tas-self il-ġdid mill-IMF (Fond Monetarju Internazzjonali) mar għall-pajjiżi fiż-żona Ewropea, filwaqt li l-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) jibbenefikaw kieku jirċievu ammont akbar ta’ self ġdid mill-IMF,
I. billi, minkejja li l-G20 huwa iktar rappreżentattiv mill-G8, in-NU tibqa’ tirrappreżenta l-iktar forum inklussiv sabiex jiġu indirizzati kwestjonijiet globali ta’ governanza,
J. billi inkonsistenzi fil-politiki tal-UE m’għandhomx ifixklu l-impatt tal-finanzjament għall-iżvilupp,
K. billi l-flus mibgħuta mill-emigranti lura f’pajjiżhom jikkontribwixxu, tal-anqas, USD 300 biljun fis-sena għall-ekonomiji tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw[13],
L. billi, minkejja li kien hemm progress inkoraġġanti fir-rigward ta’ xi wħud mill-MDGs, it-tmien MDGs kollha, bħalissa, mhumiex iżommu mal-miri tagħhom u hija biss wirja ta’ rieda politika determinata li se tippermetti li l-MDGs jintlaħqu fil-ħames snin li fadal qabel l-iskadenza tal-2015,
M. billi xi LDCs għadhom 'il bogħod ħafna milli jiksbu kwalunkwe MDG,
N. billi l-kriżijiet reċenti tal-ikel u tal-fjuwil, flimkien mat-tnaqqis tal-attività ekonomika globali u t-tibdil fil-klima, wasslu għal tfixkil rigward il-progress li seħħ fl-aħħar għaxar snin fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar,
O. billi s-sjieda ta’ art toħloq inċentivi għall-individwi, il-familji u l-komunitajiet biex jieħdu l-kontroll tal-iżvilupp tagħhom stess u jiżguraw is-sigurtà tal-ikel fil-livell lokali,
P. billi l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tista' tiswa madwar USD 100 biljun fis-sena sal-2020[14], u t-tnaqqis fl-attività ekonomika se jiswa mill-inqas l-istess ammont[15],
Q. billi s-sitwazzjoni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li għandhom dħul medju għandha titqies meta jkunu qed jiġu riveduti l-MDGs, billi dawn il-pajjiżi għadhom jeħtieġu l-għajnuna fi triqithom lejn il-kisba tal-potenzjal ta' żvilupp sħiħ tagħhom,
R. billi n-nazzjonijiet industrijalizzati huma prinċiparjament responsabbli għat-tibdil fil-klima u għall-kriżi finanzjarja u ekonomika,
S. billi n-numru ta’ dawk li jaħdmu imma jibqgħu foqra u ta’ dawk li għandhom xogħlijiet vulnerabbli qiegħed dejjem jiżdied dejjem iktar,
T. billi nuqqas ta’ paċi u sigurtà, demokrazija u stabilità politika ta’ spiss ma jippermettix li pajjiżi foqra jilħqu l-potenzjal ta’ żvilupp kollu tagħhom,
U. billi l-korruzzjoni teqred il-produttività, toħloq instabilità u tiskoraġġixxi investiment barrani,
V. billi flussi illegali ta’ kapital mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma stmati għal madwar USD 641 biljun sa USD 941 biljun, u dan il-fluss 'il barra jipperikola l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġġeneraw ir-riżorsi proprji tagħhom u jallokaw aktar fondi għat-tnaqqis tal-faqar[16],
W. billi, minkejja li sar progress kbir fir-rigward ta’ xi MDGs li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa, it-tliet MDGs marbuta mas-saħħa, b’mod partikulari rigward il-mortalità materna, għad baqagħlhom ħafna biex jintlaħqu,
X. billi 13% tal-imwiet materni kollha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma dovuti għal abort mhux sigur, u billi din iċ-ċifra hija ħafna aktar għolja fl-Afrika[17],
Y. billi l-finanzjament għall-ippjanar tal-familja, meta dan jitqies għal kull mara, naqas drastikament matul l-aħħar għaxar snin,
Z. billi, anki jekk niksbu l-MDGs kollha, xorta waħda jkun għad fadal sfidi relatati mal-faqar u sofferenza f’pajjiżi fqar,
AA. billi, jekk nonqsu milli nżommu l-wegħdiet relatati mal-MDGs tagħna, dan ikun ifisser tbatija kontinwa għal miljuni ta’ nies fqar, u dan serjament ikun ta’ dannu għall-fiduċja bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar,
I. Finanzjament
1. Jistenna li l-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2010 jilħaq ftehim dwar pożizzjoni ambizzjuża u unita tal-UE qabel il-laqgħa tan-NU dwar l-MDGs ta’ Settembru, u li jwassal għal impenji ġodda, addizzjonali, trasparenti, li jistgħu jitkejlu u li huma mmirati lejn ir-riżultati;
2. Jistieden lill-Istati Membri biex jilħqu l-obbligi li qablu dwarhom bħala parti mill-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp;
3. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) trid tibqa’ objettiv ewlieni għall-Unjoni Ewropea; jenfasizza li t-tnaqqis tal-faqar permezz tal-kisba tal-MDGs irid jiġi rikonoxxut b'mod mhux ambigwu bħala l-qafas dominanti għall-politika tal-UE u li dan irid jiġi rifless b'mod ċar fil-politiki rilevanti kollha, inklużi l-politika tal-kummerċ u l-proposti leġiżlattivi; jemmen li l-MDGs m'għandhomx jitqiesu bħala kwistjoni teknika li se tissolva sempliċement billi jiġu pprovduti aktar flus jew iżjed opportunitajiet ta' kummerċ mingħajr ma jiġu identifikati u ttrattati l-kawżi fundamentali tal-faqar;
4. Jisħaq li l-figuri li ngħataw fir-rapport riċenti tan-NU bit-titolu 'Ħsibijiet ġodda dwar il-Faqar' mhumiex biss allarmanti iżda wkoll indikazzjoni ċara li r-riskju li l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju ma jintlaħqux huwa reali;
5. Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jżommu l-wegħdiet tagħhom ta’ għajnuna ta’ 0.7% sa mhux iktar tard mill-2015;
6. Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jintroduċu miżuri għall-għajnuna għall-iżvilupp u joħorġu skedi multiannwali sabiex jintlaħqu l-miri tal-MDGs; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) tkun totalment trasparenti, u għalhekk jitlobha tippubblika l-ammonti li ntefqu fuq l-ODA mill-Istati Membri;
7. Jistieden lill-UE u lill-OECD biex ma jwessgħux id-definizzjoni ta’ għajnuna għall-iżvilupp (ODA) u biex ma jniżżlux it-tħassir tad-dejn jew flussi oħra li mhumiex tal-ODA bħala nefqa għall-għajnuna;
8. Jistieden lill-UE, b’mod unilaterali, biex tintroduċi taxxa fuq tranżazzjonijiet tal-flus u tad-derivati sabiex tiffinanzja beni pubbliċi globali, inklużi l-MDGs;
9. Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex b’mod attiv jinfurzaw il-liġi fuq ir-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti, fi ħdan il-qafas tal-G20 u tan-NU, u sabiex jippromwovu trasparenza akbar, inkluż l-iżvelar sistematiku tal-profitti li jkunu saru u t-taxxi mħallsa u sistema ta’ rappurtar skont il-pajjiż sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jżommu r-riżorsi tagħhom stess għall-iżvilupp ta' pajjiżhom;
10. Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) sabiex jirrevedi l-politika tiegħu dwar ċentri finanzjarji offshore fuq il-bażi ta' kriterji aktar stretti minn dawk tal-lista tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) għad-definizzjoni ta' ġuriżdizzjonijiet projbiti u sorveljati, u sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tagħha u jipprovdi rapporti annwali dwar il-progress;
11. Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-komunità internazzjonali sabiex jieħdu azzjoni biex it-trażmissjoni ta’ flus minn emigranti lura lejn pajjiżhom ma tibqax daqshekk għalja;
12. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jappoġġjaw l-inizjattivi tan-NU u jieħdu miżuri biex tiżdied ir-responsabilità ta’ min jislef u ta’ min jissellef fil-kuntest tat-tranżazzjonjiet sovrani tad-dejn;
13. Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-komunità internazzjonali biex mill-ġdid jagħmlu sforzi biex jitħassru d-djun tal-LDCs u biex jaħdmu favur it-tnaqqis tal-piż tad-dejn fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inkluż moratorju mingħajr interessi sal-2015 fuq il-pagamenti tad-dejn għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
14. Jistieden lill-UE biex tipprovdi fondi suffiċjenti sabiex tgħin lin-nazzjonijiet il-fqar jiġġieldu l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-kriżi ekonomika; jinsisti li dawn il-fondi jkunu ġenwinament addizzjonali għall-impenji ta’ għajnuna eżistenti;
15. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jimpenjaw ruħhom sabiex jallokaw, b’mod sinifikanti, iktar riżorsi għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna ta’ emerġenza skont il-Perspettiva Finanzjarja u l-Fond għall-Iżvilupp Ewropew li jmiss;
16. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża l-istrumenti eżistenti tagħha ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż il-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-ENP, is-Sħubija tal-Lvant, il-GSP u l-GSP+, biex tiddefinixxi ulterjorment u timplimenta passi prattiċi bil-ħsieb li bihom tiġi ffaċilitata l-kisba tal-MDGs;
17. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex iżidu, b’mod sinifikanti, l-ammont ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ appoġġ baġitarju, b’mod partikolari permezz tal-kuntratti dwar l-MDGs, iżda jinsisti li għandhom jintlaħqu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza u kriterji essenzjali oħra u li jkun hemm iktar monitoraġġ u verifiki aħjar;
18. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jiżguraw li l-UE tkompli taħdem permezz ta’ firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji eżistenti fil-livelli globali u nazzjonali flimkien mal-appoġġ baġitarju, inkluż il-Fond Globali għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja, u permezz ta’ organizzazzjonijiet u mekkaniżmi rilevanti oħra, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet tas-soċjetà ċivili;
19. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex ikomplu jtejbu l-koordinazzjoni billi jneħħu l-irbit kollu mill-għajnuna tagħhom, b’konformità mad-dikjarazzjonijiet ta’ Pariġi u ta’ Akkra, u b’hekk inaqqsu l-frammentazzjoni żejda tal-baġits tal-għajnuna, li huwa meħtieġ għall-koerenza u biex jitneħħa l-irbit mill-għajnuna; jirrikonoxxi wkoll li Stati Membri differenti jistgħu joffru għarfien espert f’bosta żoni ġeografiċi u setturi ta’ żvilupp;
II. Koerenza tal-politika għall-iżvilupp
20. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li r-responsabilità primarja għall-ipprogrammar tal-fondi ta’ żvilupp u għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet tibqa’ fil-kompetenza tal-Kummissarju għall-Iżvilupp fl-istruttura istituzzjonali l-ġdida tal-UE;
21. Jistieden lill-UE biex tieħu azzjoni konkreta kontra l-faqar billi tadotta politika koerenti li tkopri l-oqsma tal-kooperazzjoni għall-kummerċ u għall-iżvilupp, kif ukoll il-politiki tal-agrikoltura u tas-sajd komuni tagħha biex jiġu evitati impatti negattivi diretti jew indiretti fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
22. Jistieden lill-UE biex malajr kemm jista’ jkun ma tibqax tagħti sussidji għall-esportazzjoni tal-prodotti tal-biedja u aspetti oħra ta’ ħsara tal-politika agrikola tagħna, biex tiddefendi l-prinċipju tas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jikkonformaw ma’ dan il-prinċipju matul in-negozjati preżenti tad-WTO;
23. Jemmen li l-kisba tal-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju teħtieġ qabel kollox bidla radikali tal-politika fil-pajjiżi industrijalizzati u li qed jiżviluppaw sabiex jiġu stabbiliti regoli ġusti u ekwi għall-kummerċ globali, it-tqassim ġust tal-ġid, miżuri li jkattru l-aċċess għar-riżorsi tal-art, l-ilma u l-bijodiversità u miżuri li jippromwovu politika ta' appoġġ lokali għall-biedja sostenibbli fuq skala żgħira;
24. Jistieden lill-UE sabiex teżamina l-ftehimiet tas-sajd tagħha fil-kuntest tal-iżvilupp sabiex dawn iqisu l-impatti soċjali u ekonomiċi fuq il-komunitajiet lokali, notevolment permezz ta’ appoġġ settorjali tal-UE fuq perjodu twil u mekkaniżmu li permezz tiegħu s-sidien tal-vapuri jkopru parti ġusta tal-ispejjeż ta’ aċċess għall-flotta tal-UE;
25. Jistieden lill-UE sabiex ma tpoġġix pressjoni fuq il-pajjiżi fqar, permezz tal-politika tal-kummerċ tagħha, biex dawn jiftħu setturi tas-suq vulnerabbli meta l-livell ta’ żvilupp tagħhom jipprekludihom milli jikkompetu b’mod ġust fil-livell globali, filwaqt li ssaħħaħ l-enfasi favur il-fqar tal-politika tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE;
26. Jistieden lill-UE biex tiġġieled għal konklużjoni f’waqtha u li tkun immirata lejn l-iżvilupp tar-Rawnd ta’ Doha tad-WTO;
27. Jitlob biex evalwazzjoni tar-riskju tat-tibdil fil-klima tiġi inkorporata sistematikament fl-aspetti kollha tal-politika tal-ippjanar u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi l-kummerċ, l-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel; jitlob li r-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni jintuża biex ikunu formulati linji ta’ gwida ċari għall-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli;
28. Jenfasizza li hemm bżonn ta’ rispons globali effikaċi għall-problema tat-tibdil fil-klima, fejn il-pajjiżi industrijalizzati jieħdu r-responsabilità tagħhom u jkunu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-effetti tal-gassijiet b'effett ta' serra, li jheddu l-MDGs jekk ma jiġux indirizzati;
29. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, li huma partijiet għall-Protokoll dwar l-Evalwazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni Espoo, biex jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll meta jgħinu fl-iżvilupp ta’ programmi u proġetti pubbliċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
30. Huwa konvint li l-kummerċ jista’ jkun forza b’saħħitha li tmexxi t-tkabbir ekonomiku, għalkemm il-kummerċ waħdu ma jistax isolvi l-problemi tal-iżvilupp; jemmen li l-progress bilmod tan-negozjati tar-Rawnd ta’ Doha qed jostakola l-kontribut tas-sistema tal-kummerċ internazzjonali għall-MDGs; jisħaq fuq il-fatt li konklużjoni pożittiva tar-Rawnd ta’ Doha tista' tikkontribwixxi biex ikun stabbilit pakkett ta’ stimulu ekonomiku fil-livell globali; jieħu nota tal-ħafna studji mill-UNCTAD u minn istituzzjonijiet oħrajn li juru li l-liberalizzazzjoni estensiva tal-kummerċ fil-pajjiżi l-inqas żviluppati rari wasslet għal tnaqqis kontinwu u sostanzjali tal-faqar u tat kontribut għal tnaqqis fit-termini tal-kummerċ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikulari tal-pajjiżi Afrikani;
31. Jisħaq fuq l-importanza tal-isforzi biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija; itenni li l-ftuħ għall-kummerċ u l-appoġġ għall-kapaċità ta’ provvista huma elementi importanti fi kwalunkwe strateġija koerenti għall-iżvilupp u li inizjattivi għal għajnuna teknika relatata mal-kummerċ jirrappreżentaw għodda addizzjonali biex jiġu affrontati l-qerda tal-faqar u s-sottożvilupp;
32. Ifakkar li t-titjib fil-kapaċità tal-kummerċ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u ta’ dawk inqas żviluppati jista’ jgħinhom biex jakkwistaw il-ħiliet relatati mal-kummerċ u l-infrastruttura li huma meħtieġa biex jimplimentaw u jibbenefikaw minn ftehimiet tad-WTO, ikabbru l-kummerċ tagħhom, jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet ta’ kummerċ ġodda u eżistenti, jimplimentaw ftehimiet ġodda u jadattaw ruħhom għal ambjent kummerċjali estern li qed jinbidel;
33. Jilqa’ l-inizjattivi eżistenti fil-livelli tal-UE u tad-WTO fil-qasam tal-kummerċ ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-inizjattiva Everything But Arms (EBA), il-GSP u l-GSP +, kif ukoll il-prinċipju tal-assimetrija u l-perjodi ta’ tranżizzjoni nnegozjati f’kull Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) eżistenti, u jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonsolida din l-istrateġija politika; jinnota li s-sistema GSP tipprovdi aktar stabilità, prevedibilità u opportunitajiet kummerċjali għall-utenti tagħha; jinnota li preferenzi addizzjonali jingħataw (permezz tar-reġim GSP) lil pajjiżi li rratifikaw u implementaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet soċjali u l-governanza tajba;
34. Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kontenut dwar l-iżvilupp fin-negozjati attwali fid-WTO u n-negozjati bilaterali dwar l-FTA;
35. Ifakkar li l-istrateġija tal-Għajnuna għall-Kummerċ hija mmirata biex tappoġġja pajjiżi fqar u vulnerabbli biex jiżviluppaw l-infrastruttura u l-għodod ekonomiċi bażiċi li għandhom bżonn biex il-kummerċ iservi bħala forza motriċi ta’ tkabbir u żvilupp ekonomiku; jilqa’ l-istqarrijiet tal-Kummissjoni li l-UE diġà laħqet il-mira tagħha li timpenja €2 biljuni għall-għajnuna marbuta mal-kummerċ (TRA) sal-2010, billi l-appoġġ totali għat-TRA mill-UE u l-Istati Membri tagħha laħaq EUR 2.15 biljun fl-2008 (EUR 1.14-il biljun mill-Istati Membri u EUR 1.01 biljun mill-UE) u jinnota li nkisbu riżultati importanti rigward l-Aġenda aktar wiesgħa tal-Għajnuna għall-Kummerċ – inklużi t-trasport u l-enerġija, is-setturi produttivi u l-aġġustament marbut mal-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex tippreżenta informazzjoni dettaljata (inklużi ċ-ċifri) dwar il-linji tal-baġit li jintużaw biex jiġu ffinanzjati l-għajnuna marbuta mal-kummerċ u l-Għajnuna għall-Kummerċ;
36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħtu aktar attenzjoni, u appoġġ, lill-pajjiżi l-inqas żviluppati sabiex jiżdiedu l-livelli ta’ finanzjament totali tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE, li dan l-aħħar ma kellhomx żiediet sostanzjali; iqis li, minħabba li l-integrazzjoni reġjonali qed issir dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-aġenda tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE, għandhom jissaħħu l-isforzi biex jiġu finalizzati l-pakketti tal-Għajnuna għall-Kummerċ reġjonali għall-AKP; iqis li hemm lok għal titjib fl-effikaċja tal-għajnuna billi tiżdied l-analiżi konġunta, l-istrateġiji ta' rispons konġunti u t-twassil konġunt tal-miżuri tal-Għajnuna għall-Kummerċ;
37. Iqis li d-dimensjoni tal-kummerċ bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar qed issir komponent tal-kummerċ dinji li qed jikber malajr u tista’ ssir dejjem aktar rilevanti biex jiġi żgurat l-iżvilupp tal-ifqar pajjiżi u għandha tiġi mħeġġa u appoġġjata;
III. Miri ta’ prijorità tal-MDGs
38. Jistieden lill-UE biex iżżomm approċċ integrat, globali u komprensiv għall-MDGs, u tirrikonoxxi li l-għanijiet individwali u l-miri kollha huma interkonnessi, u tistabbilixxi rekwżiti minimi għall-kisba tal-qerda tal-faqar;
Saħħa u edukazzjoni
39. Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex jallokaw tal-inqas 20% tan-nefqa totali għall-iżvilupp għas-saħħa bażika u għall-edukazzjoni, biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja, u biex iżidu l-iffinanzjar tagħhom ta' programmi oħra maħsuba biex isaħħu s-sistemi tas-saħħa, u biex jagħtu prijorità lis-saħħa materna u lill-ġlieda kontra l-mortalità fit-tfal;
40. Jistieden lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jonfqu tal-inqas 15 % tal-baġits nazzjonali tagħhom fuq il-kura tas-saħħa u biex isaħħu s-sistemi tagħhom tal-kura tas-saħħa;
41. Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jippromwovu aċċess liberu għas-saħħa u l-edukazzjoni;
42. Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex isibu rimedju għat-tnaqqis allarmanti fil-finanzjament tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u biex jappoġġjaw politiki dwar l-ippjanar volontarju tal-familja, l-abort sikur, it-trattament ta’ infezzjonijiet trażmessi b’mod sesswali u l-forniment ta’ provvisti tas-saħħa riproduttiva li jikkonsistu fi drogi li jsalvaw il-ħajja u kontraċettivi, inkluż kondoms;
43. Jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindirizzaw l-MDG 5 (dwar it-titjib tas-saħħa materna), l-MDG 4 (dwar il-mortalità tat-tfal) u l-MDG 6 (dwar l-HIV/AIDS, il-malarja u t-tuberkulożi) b'mod koerenti u olistiku, flimkien mal-MDG 3 (dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa);
44. Jitlob li d-Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż u r-Reġjun jenfasizzaw il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, iħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jkomplu jenfasizzaw il-ħtieġa għal politiki li jqisu kwistjonijiet tas-sess;
45. Itenni li l-UE għandha tappoġġja dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jużaw l-hekk imsejħa flessibilitajiet inkorporati fil-Ftehima TRIPS (Ftehima dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali) biex ikunu jistgħu jipprovdu mediċini bi prezzijiet għall-but ta’ kulħadd skont il-programmi nazzjonali tagħhom tas-saħħa pubblika; jenfasizza li dawn il-ftehimiet li jiggarantixxu aċċess għal mediċini ġeneriċi ma għandhomx jiddgħajfu permezz ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles;
Gruppi vulnerabbli
46. Jistieden lill-UE biex talloka tal-inqas nofs l-għajnuna tagħha lil-LDCs u biex ikollha fil-mira tagħha l-gruppi li huma l-aktar fil-bżonn f’dawn il-pajjiżi, b’attenzjoni speċjali lin-nisa, it-tfal u n-nies b’diżabilitajiet, u biex tingħata prijorità, b’mod iktar effettiv, lill-interessi tal-gruppi vulnerabbli fl-istrateġiji ta’ żvilupp tagħha;
47. Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jagħtu attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-minoranzi u jinsisti li l-UE ddaħħal klawżoli mhux negozjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni fil-ftehimiet internazzjonali tagħha, inter alia fir-rigward ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u fil-konfront ta’ nies li jgħixu bl-HIV/AIDS;
Ħelsien mill-ġuħ
48. Jistieden lill-UE u lill-gvernijiet imsieħba sabiex iżidu l-investiment fis-sigurtà tal-agrikoltura u l-ikel għal livelli li jiggarantixxu ħelsien mill-ġuħ għal kulħadd, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet urġenti tal-ġuħ, lill-biedja fuq skala żgħira u lill-programmi ta’ protezzjoni soċjali;
49. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi s-sjieda tal-art bħala għodda għat-tnaqqis tal-faqar u l-garanzija għas-sigurtà tal-ikel billi jissaħħu d-drittijiet ta' proprjetà u jkun iffaċilitat l-aċċess tal-kreditu għall-bdiewa, in-negozji żgħar u l-komunitajiet lokali;
Xogħol deċenti
50. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-akkwist attwali tal-artijiet agrikoli (partikolarment fl-Afrika) minn investituri barranin appoġġjati mill-gvern, li jista’ jipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-ikel lokali u jwassal għal konsegwenzi serji u b’firxa wiesgħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lin-NU u lill-UE biex jindirizzaw serjament l-impatti negattivi tal-akkwist tal-artijiet agrikoli, (inkluża l-esproprjazzjoni ta’ bdiewa żgħar u l-użu mhux sostenibbli tal-art u tal-ilma), billi jirrikonoxxu d-dritt tal-popolazzjoni li tikkontrolla l-art agrikola u riżorsi naturali vitali oħra;
51. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex isaħħu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, kemm billi jappoġġjaw programmi speċifiċi u kemm permezz ta’ linji gwida għall-politiki ta’ żvilupp u l-kummerċ internazzjonali;
52. Jistieden lill-UE u lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jappoġġjaw bis-saħħa l-Patt ta’ Xogħlijiet Globali tal-ILO u biex japplikaw b’mod effettiv l-aspetti kollha tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti;
53. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja l-protezzjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-istandards bażiċi fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u biex, fejn huwa neċessarju, toffri inċentivi u tapplika sanzjonijiet permezz ta’ ftehimiet ta’ negozju u kwalunkwe strument ieħor disponibbli;
IV. Governanza
54. Jistieden lill-Bank Dinji u lill-IMF sabiex jallokaw porzjon iktar ġust tad-drittijiet għall-vot lin-nazzjonijiet li mhumiex irrappreżentati biżżejjed billi jiżguraw li min jislef u min jissellef ikollhom sehem indaqs ta’ voti fiż-żmien qasir, u li s-self ma jipperikolax il-prinċipji ta’ sjieda, kif sar impenn għalihom f’Pariġi u f’Accra;
55. Jistieden lill-IMF biex iżid il-livelli ta’ aċċess tal-pajjiżi bi dħul baxx għall-faċilitajiet konċessjonarji tiegħu u jżid l-allokazzjoni tad-Drittijiet Speċjali għall-Ġbid tal-flus għall-LICs skont il-bżonnijiet tagħhom;
56. Biħsiebu, meta jkun qed jieħu kodeċiżjoni dwar ir-reviżjoni li jmiss tal-mandat estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li jiżgura t-twettiq tal-obbligi ta' żvilupp tiegħu, u li jiffoka r-riżorsi tiegħu aktar fuq il-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-faċilitajiet ta’ self favur il-foqra li jkunu effettivi b’mod reċiproku;
57. Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-komunità internazzjonali biex jiżguraw li n-NU jibqgħu l-forum preferit biex jindirizzaw kwistjonijiet marbuta mal-governanza globali u mal-faqar;
58. Jistieden lill-awtoritajiet tal-UE u tal-UA biex jinvestu rieda politika mġedda fis-sħubija strateġika bejn l-Afrika u l-UE, u biex jiddedikaw riżorsi speċifiċi biex din tkun tista’ tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha;
59. Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jippromwovu u jappoġġjaw id-demokrazija, il-paċi, l-istat tad-dritt u amministrazzjoni mhux korrotta fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
60. Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jagħmlu sforz eċċezzjonali biex jappoġġjaw l-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan speċifiku li jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u joħolqu ambjent amministrattiv li jkun trasparenti, imparzjali u ġust, filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol essenzjali tal-protagonisti mhux statali u tas-soċjetà ċivili;
61. Jistieden lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jiffirmaw b’urġenza l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, sabiex jieħdu miżuri prattiċi biex jimplimentaw b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet tagħha, u jistabbilixxu mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-progress;
62. Jirrikonoxxi l-bżonn li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw itejbu l-istandards tal-kontabilità internazzjonali sabiex jiġu evitati l-prattiki tal-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa, u b’hekk tinkiseb governanza fiskali globali aħjar;
63. Jistieden lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jinvolvu lill-parlamenti, lill-gvern lokali, lis-soċjetà ċivili u lil protagonisti mhux statali oħra fl-istadji kollha tal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni politika;
64. Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod speċjali dawk li jibbenefikaw l-aktar mill-għajnuna tal-UE, biex isaħħu l-governanza tajba fil-kwistjonijiet pubbliċi kollha, u b'mod speċjali fil-ġestjoni tal-għajnuna li jirċievu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ħalli tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-għajnuna tkun implimentata b'mod trasparenti u effiċjenti;
65. Jirrikonoxxi r-rabta vitali bejn is-sigurtà u l-iżvilupp u jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ progress magħmul rigward il-kisba ta’ soluzzjoni paċifika għall-kunflitti ffriżati fil-viċinat tal-UE u lil hinn minnu, u jħeġġeġ lill-UE biex tirrevedi l-isforzi tagħha f’dan il-qasam;
66. Jistieden lill-UE biex tinvolvi ruħha fi djalogu ambizzjuż u kostruttiv mad-donaturi kollha, kemm dawk tradizzjonali kif ukoll dawk emerġenti, sabiex tiżgura li l-MDGs jinkisbu u li t-tnaqqis tal-faqar jibqa’ fuq nett tal-aġenda globali;
67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] ĠU C 46, 24.2.2006, p.1.
- [2] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 9558/07, 15 ta’ Mejju 2007.
- [3] COM(2005)0134 finali.
- [4] ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
- [5] COM(2010)0159 finali.
- [6] Kawża C-155/07, Il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 327, 20.12.2008, p. 2.
- [7] ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 316.
- [8] ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 232.
- [9] ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 62.
- [10] ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 15
- [11] Testi adottati P7_TA(2010)0089.
- [12] ‘Aġenda dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna: Benefiċċji ta’ Approċċ Ewropew’, Kummissjoni Ewropea, Ottubru 2009,
- [13] ‘Tendenzi ta’ Migrazzjoni u Remissjonijiet 2009’, Bank Dinji, Novembru 2009.
- [14] “Żieda fil-finanzjament internazzjonali għall-klima: Pjan Ewropew għall-ftehim ta’ Kopenħagen’, (COM(2009)0475).
- [15] Kontra l-Kurrent: Kif il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jiffaċċjaw il-kriżi globali, Bank Dinji, Marzu 2009.
- [16] Professur Guttorm Schjelderup, smigħ tal-Parlament Ewropew, 10 ta’ Novembru 2010.
- [17] Fatti dwar l-aborti intenzjonati madwar id-dinja, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Istitut Guttmacher, 2007.
NOTA SPJEGATTIVA
A. Għaxar snin ta’ ħidma fir-rigward tal-MDGs
Fis-samit tal-Millennju fl-2000, nazzjonijiet sinjuri, inklużi stati tal-UE, għamlu sensiela ta’ wegħdiet lin-nies foqra madwar id-dinja. Dawn kienu jinkludu t-tiġdid tal-impenn tagħhom biex jiġġieldu l-faqar u biex jimpenjaw ruħhom f’miri speċifiċi li jridu jintlaħqu fi żmien stipulat sabiex jonqos il-ġuħ, jitjiebu l-edukazzjoni u s-saħħa u jiġi protett l-ambjent f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.
Kważi għaxar snin wara - u ħames snin biss ’il bogħod mid-data fil-mira tal-2015 - in-NU se jorganizzaw laqgħa ta’ livell għoli f’Settembru sabiex jevalwaw kemm għamilna progress u liema huma l-oqsma li fihom irridu naħdmu lkoll id f’id ħalli naraw iktar progress. L-Ewropa, bħala l-ikbar aġent fid-dinja li joffri għajnuna għall-iżvilupp, għandha tassumi rwol prinċipali.
Is-samit tal-UE f’Ġunju għandu joħloq strateġija waħda u ambizzjuża sabiex dawn l-MDGs jintlaħqu. Il-Parlament se jadotta riżoluzzjoni li tagħti deskrizzjoni qasira u dettaljata dwar il-pożizzjoni tiegħu qabel is-samit.
1. Progress
Għamilna progress fl-eradikazzjoni tal-faqar? L-isforzi tad-donaturi għamlu xi differenza?
M’hemm l-ebda dubju li żidiet fl-għajnuna għall-iżvilupp, meta applikati b’mod effettiv, għenu sabiex jittaffew il-faqar u s-sofferenza għal miljuni ta’ nies f’dinja li qiegħda tiżviluppa. Il-faqar estrem niżel minn 1.8 għal 1.4 biljun. Madwar 90% tat-tfal foqra llum il-ġurnata jmorru l-iskola. Saru passi ta’ ġgant fil-ġlieda kontra l-malarja u t-tuberkulożi. Il-mortalità fit-tfal qiegħda tonqos b’rata mgħaġġla.
Għalhekk, iva, nistgħu ngħidu li l-għajnuna qed taħdem. Iżda għad fadal ħafna xi jsir. Ma nistgħux nibqgħu b’idejna fuq żaqqna meta tifel minn kull tnejn għadu jgħix fil-faqar. Ma nistgħux nassumu li kollox miexi sew meta din is-sena xorta se jkun hawn żewġ miljun mewta relatata mal-AIDS. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu meta biljun persuna għadha ssofri l-ġuħ kuljum.
Fil-fatt, għad fadlilna ħafna x’nagħmlu fit-tmien MDGs, kollha kemm huma. Il-kriżijiet reċenti tal-ikel u l-fjuwil komplew tefgħuna lura. U issa t-tnaqqis fl-attività ekonomika globali ħassar ħafna mill-progress li għamilna matul l-għaxar snin li għaddew. Xi wħud mill-Istati Membri tal-UE, meta ffaċċjati b’ekonomiji li sejrin ħażin f’pajjiżhom stess, qegħdin saħansitra jnaqqsu il-baġits għall-għajnuna.
Bħalissa mhuwiex iż-żmien li niffrankaw minn fuq dahar il-marid u min qed imut bil-ġuħ. L-Ewropa għandha tkun il-mexxejja tad-dinja fi sforz konġunt sabiex jintlaħqu l-MDGs u sabiex inżommu l-wegħdiet li għamilna lill-dawk li huma l-aktar foqra fil-pjaneta tagħna. Li dawn l-MDGs jintlaħqu mhijiex xi ħaġa kbira. Dan mhuwa xejn ħlief il-minimu li nistgħu nagħmlu. Iż-żmien għaddej. Is-sena 2015 qiegħda wara l-bieb. Ma nistgħux infallu.
2. Għaliex tħejja dan id-dokument?
L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jagħti deskrizzjoni qasira u dettaljata tas-sitwazzjoni atwali tat-tmien MDGs, jidentifika oqsma prinċipali li l-UE u l-komunità internazzjonali għandhom jiffukaw l-isforzi tagħhom fuqhom matul il-ħames snin li ġejjin, jeżamina fatturi oħra li jistgħu itejbu jew ixekklu l-possibilitajiet ta’ suċċess tal-MDGs u mbagħad li jindirizza kwestjonijiet ta’ fondi.
B. Is-sitwazzjoni tal-MDGs
1) Faqar u ġuħ estrem
Il-faqar taħt il-livell ta’ USD 1.25/kuljum naqas b’mod konsiderevoli (42%-25%), l-aktar b’riżultat tat-tkabbir qawwi fiċ-Ċina, iżda xorta baqa’ jisboq il-50% fl-Afrika tas-Sub-Saħara. It-tnaqqis fl-attività ekonomika jhedded dan il-progress, u dan jista’ jwassal għall-fatt li mhux inqas minn 100 miljun persuna terġa’ tibda tgħix f’faqar estrem. Il-kriżi wasslet ukoll għal żieda ta’ nies foqra li jaħdmu u dawk li għandhom xogħlijiet vulnerabbli. Avvanzi żgħar fil-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ nutriment u n-nutrizzjoni mhux adegwata tat-tfal waqfu zoptu kawża tal-kriżi fil-prezzijiet tal-ikel fl-2008.
2) Edukazzjoni primarja universali
Reġistrazzjonijiet fi skejjel primarji telgħu minn 83% fis-sena 2000 għal 88% fl-2007 iżda r-rati ta’ studenti li qed jitilqu mill-iskola kmieni qed jonqsu bil-mod ħafna. Il-bniet u l-minoritajiet etniċi jiffaċċjaw iktar diskriminazzjoni.
3) L-ugwaljanza bejn is-sessi
Il-mira tal-2005 tal-eliminazzjoni tan-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni primarja u sekondarja ma ntlaħqitx, minkejja li kien hemm xi progress. Iktar nisa qegħdin jaħdmu, iżda l-maġġoranza tagħhom għandhom xogħlijiet vulnerabbli. In-numru ta’ nisa li huma Membri Parlamentari żied b’iktar min-nofs fl-aħħar għaxar snin... iżda xorta għadu ta’ 17% biss.
4) Mortalità fit-tfal
L-imwiet ta’ tfal taħt il-ħames snin naqsu minn iktar minn 12-il miljun fl-1990 għal madwar disa’ miljun illum il-ġurnata. Il-progress kien partikolarment tajjeb fir-rigward tal-ħożba. Madankollu għad fadal ħafna xi jsir sabiex tintlaħaq il-mira tal-MDG.
5) Saħħa materna
Il-mortalità materna taħtaf il-ħajja ta’ iktar minn nofs miljun mara fis-sena u l-progress f’dan ir-rigward kien negliġibbli, speċjalment fl-Afrika tas-Sub Saħara. It-tqala fiż-żgħażagħ ta’ bejn it-tlettax u d-dsatax-il sena għadha komuni wisq, filwaqt li l-kontraċettivi u l-ippjanar tal-familja saru biss ftit iżjed aċċessibbli.
6) AIDS, malarja, tuberkulożi
Imwiet relatati mal-AIDS u infezzjonijiet ġodda tal-HIV laħqu livell stabbli u anke saħansitra qed jonqsu, għalkemm il-livell għoli tagħhom għadu wieħed allarmanti. Qegħdin nirbħu l-ġlieda kontra l-malarja u r-rata ta’ każijiet ta’ tuberkulożi qed tkompli tonqos. Madankollu, żidiet kbar kontinwi fil-fondi jkomplu jkunu vitali.
7) Sostenibilità ambjentali
L-emissjonijiet tas-CO2 żdiedu b’ammonti konsiderevoli f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il-proporzjon ta’ speċijiet ta’ ħut li qed jiġu sfruttati tela’ għal 80%. Id-deforestazzjoni tkompli b’pass ħafif. Minn lenti pożittiva naraw kif il-mira tal-MDGs għall-ilma tax-xorb għadha tista’ tintlaħaq u ninsabu f’nofs triq tal-mira tagħna għall-aċċess ta’ sanità. Illum il-ġurnata in-numru ta’ nies li qed jgħixu fil-kwartieri tal-fqar naqas b’mijiet ta’ miljuni meta mqabbel ma’ għoxrin sena ilu.
8) Sħubija globali għall-iżvilupp
Minkejja wegħdiet ripetuti sabiex tittejjeb l-għajnuna, l-ODA globali ma tiċċaqlaqx mill-marka tal-GNI ta’ 0.3%. L-UE tinsab fil-livell ta’ 0.4%, ħafna inqas anki mill-mira interim għall-2010 ta’ 0.56%. Il-kriżi wasslet lil ċerti stati tal-UE biex inaqqsu l-baġit tagħhom għall-għajnuna. Fir-rigward ta’ aċċess għal teknoloġiji ġodda, it-telefowns ċellulari qegħdin jiżdiedu f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw iżda l-aċċess għall-internet għadu baxx.
C. Kwisjonijiet ta’ finanzjament
Koperazzjoni għall-iżvilupp ma tfissirx biss li nitfgħu l-flus għas-soluzzjoni tal-problemi. Madankollu, meta involvejna ruħna fl-MDG8, dħalna f’impenn għal sħubija globali għal żvilupp. Dan ifisser iżjed għajnuna u għajnuna aħjar. Ifisser li għandna nipprovdu r-riżorsi li jagħmlu l-ambizzjonijiet tagħna kollha possibbli u li mingħajrhom il-miri tal-MDGs ikunu biss wegħdiet fiergħa.
1. ODA (Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp)
L-ewwel u qabel kollox, għandna nżommu l-wegħdiet tagħna fir-rigward tal-ODA. L-MDGs bħalissa qed jiffaċċjaw differenza fil-finanzjament ta’ iktar minn 300 biljun USD bejn illum u l-2015 - u dan mingħajr ma wieħed iqis spejjeż addizzjonali għall-kriżi klimatika u ekonomika.
L-UE, flimkien ma’ donaturi oħra, stabbilixxiet għaliha nnifisha mira għall-2015 ta’ 0.7% u minn dakinhar ripetutament kompliet tikkonfermaha. Madankollu, għalkemm tinsab fuq quddiem fil-qasam tad-donaturi, diġà jidher li l-UE se tesperjenza tnaqqis ta’ 20 biljun EUR mill-impenn tagħha ta’ nofs it-terminu għall-2010. Uħud mill-istati membri huma tassew lil hinn mill-mira tagħhom, filwaqt li oħrajn qegħdin inaqqsu l-għajnuna.
L-UE, globalment, għandha żżid l-ODA. Għandha tistabbilixxi mira ta’ għajnuna interim ta’ 0.63% għall-2012. U żżomm magħha. Iktar importanti minn hekk, baġits nazzjonali għandu jkollhom skedi multiannwali legalment vinkolanti għal għajnuna iktar prevedibbli.
2. Finanzjament ġdid
Madankollu, huwa ċar li ma nistgħux nagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas ta’ multi biljuni ta’ ewro permezz tal-ODA pubblika waħedha. Barra minn dan, jeħtieġ li nesploraw mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi:
i) Taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji ta’ 0.05% tista’ tammonta għal 10 biljun EUR fis-sena għal prodotti pubbliċi globali. Din tkun tista’ tiskoraġġixxi l-ispekulazzjoni irresponsabbli b’mod kriminali li tiddistabbilizza s-sistema finanzjarja kollha kemm hi (N.B. is-settur finanzjarju għadu ma ħallasx għall-konsegwenzi tal-kriżi mhux prevista li huwa kkaġuna, minkejja li l-istati għamlu tajjeb għal dan, filwaqt li tranżazzjonijiet finanzjarji laħqu 70 darba l-GNI dinji reċentement. Moviment unilaterali inizjali fi ħdan iż-żona ewro jista’ jkun katalist globali.
ii) Flussi illegali ta’ kapital jieħdu madwar triljun dollaru fis-sena minn ħalq il-pajjiżi fqar, i.e. għaxar darbiet l-ODA. Il-G20 għandu jkompli jsegwi l-aġenda tiegħu sabiex tibda ssir xi ħaġa dwar ir-rifuġji fiskali u s-segretezza fiskali, filwaqt li jiġi promoss rappurtar għal kull pajjiż.
iii) Ir-Remissjonijiet ukoll huma ta’ valur li hu daqs l-ODA diversi drabi. L-UE għandha tara li r-remissjonijiet ikunu iktar faċli u inqas għaljin.
iv) Taxxi fuq il-fjuwil għat-trasport u parti mid-dħul iġġenerat mill-irkanti tal-emissjonijiet tal-karbonju jistgħu jgħinu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex ilaħħqu mat-tibdil fil-klima.
v) Appoġġ ta’ mikrofinanzi, servizzi tal-bank aċċessibbli minn fuq it-telefown ċellulari, SMEs u banek għat-tfaddil, kif ukoll il-fatt l-estensjoni tad-drittijiet tal-proprjetà għal min m’għandux proprjetà, jistgħu jgħinu sabiex ikun hemm aċċess għall-finanzi u sabiex jinħoloq il-ġid fi ħdan komunitajiet foqra.
3. Dejn
In-nuqqas ta’ attività ekonomika tabilħaqq tista’ titfa’ lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fi kriżi ta’ dejn ġdida. L-UE għandha tagħti eżempju billi tistabbilixxi moratorju mingħajr l-ebda interessi fuq pagamenti ta’ dejn sal-2015 u billi tikkanċella d-dejn tal-LDCs. Il-kanċellazzjoni tad-dejn, kif ukoll flussi finanzjarji li mhumiex ODA, m’għandhomx jgħoddu mal-miri ta’ għajnuna.
4. Appoġġ baġitarju
Appoġġ baġitarju għal settur speċifiku, speċjalment kuntratti fir-rigward tal-MDG, jista’ jgħin sabiex jinkisbu riżultati prevedibbli, ibbażati fuq il-prestazzjoni f’oqsma bħal pereżempju s-saħħa u l-edukazzjoni. L-UE għandu jkollha l-għan li nofs l-għajnuna li tagħti tkun ġejja mill-appoġġ baġitarju. Kriterji prinċipali għall-awtoritajiet li jirċievu huma l-impenn sabiex jitnaqqas il-faqar, l-affidabilità u rekords nodfa dwar il-governanza u d-drittjiet tal-bniedem.
5. Għajnuna aħjar
Għajnuna ta’ kwalità baxxa tirriżulta f’ħela ta’ aktar minn EUR 3 biljun fis-sena. Id-donaturi kollha għandhom jaderixxu mal-aġenda tal-effettività tal-għajnuna, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li għandna naraw li l-ODA hija prevedibbli, filwaqt li toffri għajnuna u tippermetti li l-gvernijiet li jkunu qed jirċievu jiddefinixxu l-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom stess. It-tqassim tax-xogħol huwa essenzjali wkoll iżda d-donaturi għandhom jagħmlu mezz li ma joħolqux setturi ‘orfni tal-għajnuna’.
6. Governanza globali
L-istituzzjonijiet globali għandhom jagħtu iktar vuċi lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u iktar fondi lil dawk li huma l-iktar fqar. L-UE tista’ tgħin billi tagħti drittijiet ta’ votazzjoni lil nazzjonijiet li m’għandhomx biżżejjed rappreżentanza fil-Bank Dinji u fl-IMF.
L-Ewropa għandha tiżgura li l-LDCs jirċievu iktar finanzjament konċessjonali mill-IFIs u proporzjoni ikbar ta’ drittijiet speċjali ta’ ġbid ta’ wara l-laqgħa tal-G20 ta’ Londra. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom jieħdu vantaġġ assolut mill-possibilità li ġejja sabiex il-BEI ikun iffukat iktar fuq it-tnaqqis tal-faqar.
U, minkejja li l-G20 qiegħed pass quddiem il-G8, xorta għadu klabb tan-nazzjonijiet is-sinjuri. In-NU jibqgħu l-iktar forum inklussiv għal kwestjonijiet ta’ governanza globali.
D. Punt fokali speċifiku
L-MDGs kollha għandhom l-istess importanza iżda xi wħud għadhom lura iktar minn oħrajn u jeħtieġ li jingħataw attenzjoni speċjali matul il-ħames snin li ġejjin. Għalhekk ta’ min nerġgħu niffukaw mill-ġdid l-azzjoni tagħna speċjalment fl-oqsma li ġejjin:
1) saħħa, inkluża dik materna u riproduttiva
2) pajjiżi li huma l-anqas żviluppati, b’mod partikolari l-Afrika
3) nisa
4) xogħol deċenti u servizzi pubbliċi.
1. Saħħa
L-iktar li għad irid isir xogħol huwa fuq it-tliet MDGs li jirrigwardaw is-saħħa u dawn għandhom isiru l-ikbar prijorità tagħna. Sar xi progress iżda l-“qattiela l-kbar” - l-AIDS, il-malarja u t-tuberkulożi - xorta għadhom jaħtfu iktar minn erba’ miljun ħajja fis-sena. L-UE għandha żżid il-kontribuzzjoni tagħha għall-fond globali tas-saħħa u tadotta approċċ integrat għall-MDGs 4-6. Iktar fondi jistgħu jagħmlu differenza kbira. Pereżempju, iktar flus għal xbieki trattati b’insettiċida wasslu għal tnaqqis ta’ 50% fl-infezzjonijiet tal-malarja. Annwalment, in-numru ta’ tfal li jmutu kawża tal-ħożba fl-Afrika qed jonqos b’nofs miljun, grazzi għal vaċċini li jiswew biss dollaru.
L-għan tagħna għandu jkun li nipprovdu kura tas-saħħa bla ħlas għal kulħadd. Għandna nżommu l-impenn tagħna li nonfqu 20% tal-flus tad-DCI fuq saħħa u edukazzjoni bażika. Dan il-limitu stabbilit għandu jiġi estiż għan-nefqa fuq l-iżvilupp. Għandna nħeġġu lill-istati Afrikani biex iwettqu l-wegħda tagħhom tal-2001 f’Abuja li jallokaw 15% tal-baġits nazzjonali għall-kura tas-saħħa u li min-naħa tagħhom iħeġġu pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw biex jagħmlu l-istess.
Is-sena li għaddiet, iktar minn żewġ terzi tan-nies li kienu qed ibatu mill-marda tal-AIDS ma kellhomx aċċess għat-trattament li kellhom bżonn. Il-politika tagħna għandha tkun waħda li tiżgura aċċess għal mediċini li l-prezz tagħhom ikun wieħed li jista’ jintlaħaq mill-but ta’ kulħadd. Dan jinkludi reviżjoni tat-TRIPs u kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ mediċini ġeneriċi, kif ukoll riderezzjonar tar-riċerka (bħalissa 90% tar-riżorsi għandhom fil-mira tagħhom il-ħtiġiet ta’ 10% biss tal-popolazzjoni tad-dinja).
Għandna niffinanzjaw ukoll appoġġ tekniku, infrastruttura u bini ta’ kapaċità fis-setturi tas-saħħa u nindirizzaw in-nuqqas terribbli ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa, permezz ta’ appoġġ bis-salarju u billi jittaffa t-telf tal-imħuħ (brain drain). Edukazzjoni dwar is-saħħa, inkluża l-edukazzjoni dwar is-sess u l-kuxjenza dwar l-HIV, għandha tingħata iktar prijorità fl-aġenda tagħna.
L-MDG dwar il-mortalità materna ma fadallux wisq biex ifalli u jeħtieġ miżuri speċifiċi addizzjonali. Normi kulturali u reliġjużi ma jistgħux jitħallew ixekklu d-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva. Għandna nappoġġjaw politiki progressivi, inklużi l-ippjanar tal-familja, l-abort (30% ta’ mwiet materni fl-Afrika huma attribwiti għal abort li ma jkunx sigur), trattament ta’ mard ta’ natura sesswali u l-għoti ta’ kondoms. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-finanzjament għall-ippjanar tal-familja bbażat fuq kull mara naqas drastikament. Għandna nbiddlu dan minnufih.
2. L-ifqar fost il-fqar
Hu x’inhu l-progress li qed nagħmlu fir-rigward tal-MDGs, huwa pjuttost ċar il-fatt li d-49 pajjiż fid-dinja li huma l-inqas żviluppati - speċjalment dawk fl-Afrika tas-Sub Saħara - qed jitħallew l-art.
L-Afrika tas-Sub Saħara llum il-ġurnata għandha 100 miljun persuna estremament fqira iktar meta mqabbla ma’ għoxrin sena ilu. Ir-rata tal-faqar tibqa’ ogħla minn 50% u kważi żewġ terzi tal-popolazzjoni urbana tgħix fi kwartieri tal-fqar. Nofs l-imwiet materni u nofs it-tfal kollha li ma jmorrux skola jinsabu fl-Afrika. Fl-Afrika jseħħu 95% tal-imwiet ikkawżati mill-malarja. Għandha l-ogħla rata tal-AIDS u l-inqas rata ta’ kontraċezzjoni fid-dinja. Hija l-uniku post fil-pjaneta li ma jistax jirbaħ il-ġlieda kontra t-tuberkulożi u l-mortalità fit-tfal. Ħafna pajjiżi Afrikani għadhom ’il bogħod ħafna biex jiksbu kwalunkwe MDG.
Fl-2005, id-donaturi wiegħdu li jirdoppjaw l-għajnuna mogħtija lill-Afrika sal-2010. Dan mhux biżżejjed. B’urġenza, għandna nżidu l-ODA mogħtija lil-LDCs minn terz għal nofs tal-flussi kollha tal-għajnuna.
L-Istati Membri tal-UE għandhom jibdew jieħdu bis-serjetà s-sħubija strateġika konġunta adottata fis-samit ta’ Lisbona fl-2007. Wasal iż-żmien li l-istrateġija tibda tagħti l-frott. Dan ifisser rieda politika mġedda min-naħa tal-imsieħba kollha iżda wkoll mekkaniżmu ġdid ta’ finanzjament speċifikament għas-sħubija tal-Afrika.
3. Nisa
In-nisa huma s-sinsla ta’ ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u, fl-istess ħin, iġorru fuq spallejhom il-piż tal-faqar. Il-politika ta’ żvilupp tal-UE għandu jkollha fil-mira tagħha:
· ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni - dan huwa biss il-każ ta’ wieħed minn kull tliet pajjiżi, minkejja xi progress
· aċċess għal xogħol deċenti għan-nisa - 70% tal-forza tax-xogħol femminili għandha impjieg vulnerabbli, filwaqt li r-rata ta’ impjieg għal nisa fit-Tramuntana tal-Afrika u fil-parti l-kbira tal-Asja hija 45% inqas minn dik għall-irġiel.
· rappreżentanza femminili fil-politika
· vjolenza tas-sessi.
4. Xogħol deċenti
Il-ġlieda kontra l-faqar hija ġlieda għad-drittijiet, bħal ma huwa d-dritt għall-ikel, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma, servizzi pubbliċi universali u eżistenza ’l bogħod mill-faqar. Bl-istess mod id-dritt għal “xogħol deċenti u produttiv f’kondizzjonijiet ta’ ħelsien, ekwità, sikurezza u dinjità umana”.
Hekk kif ġie rikonoxxut b’mod espliċitu f’samits reċenti tal-UE, l-Afrika u l-Amerika, xogħol deċenti huwa l-“pilastru għall-iżvilupp” u l-iktar mezz ċert li jbiegħed lill-faqar.
L-aġenda tal-ILO dwar xogħol deċenti timxi id f’id mal-MDGs kollha u għandha tkun fattur prominenti fil-ftehimiet internazzjonali tagħna kollha. Il-Kummissjoni għandha timmoniterja l-protezzjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-istandards bażiċi tal-forza tax-xogħol tal-ħaddiema u m’għandhiex tibża’ tapplika sanzjonijiet. Dan huwa ħafna iktar vitali meta n-numru ta’ nies foqra li jkunu jaħdmu u dawk li jkollhom impjiegi vulnerabbli jkun qed jiżdied, speċjalment kawża tal-kriżi ekonomika globali.
E. Kwistjonijiet prinċipali oħra
Minbarra l-prijoritajiet imsemmija hawn fuq, l-UE għandha tagħti importanza speċjali lil numru ta’ oqsma li jistgħu jkunu katalisti jew inkella ta’ xkiel għall-MDGs.
1. Koerenza tal-politika għall-iżvilupp
Illum il-ġurnata, l-UE hija marbuta bit-trattat biex iżżomm it-tnaqqis tal-faqar f’moħħha meta tkun qed timplimenta politiki oħra li x’aktarx jaffettwaw pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Dan ifisser li dak kollu li nagħmlu fil-qasam tal-biedja, tas-sajd, tal-kummerċ u tal-migrazzjoni ma jistax ifixkel ix-xogħol li nagħmlu għall-iżvilupp. Bħalissa dan mhuwiex il-każ. Pereżempju:
· Sussidji tal-UE fuq esportazzjonijiet ta’ prodotti tal-ħalib - nuqqas ta’ stabilità qalb il-produtturi lokali
· liberalizzazzjoni tal-kummerċ fuq skala kbira fl-LDCs - bilkemm qed immissu l-wiċċ tat-tnaqqis tal-faqar u fil-fatt is-sehem tal-LDCs fix-xena globali qed jonqos
· ‘ħtif tal-art’ għall-agrofjuwil
· brevetti politiċi tal-UE - dak li hu żejjed imur għall-mediċini
· sajd eċċessiv - tkeċċija ta’ sajjieda lokali
· politiki ta’ immigrazzjoni inkonsistenti
· tibdil fil-klima - approċċ kawtel wisq filwaqt li d-dinja li qed tiżviluppa qed tħallas prezz qares.
Il-PE għandu jaħtar rapporteur permanenti għall-“koerenza tal-politika għall-iżvilupp” sabiex iżomm ħarstu fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni.
Il-politika ta’ kummerċ tagħna ovvjament tħalli impatt sostanzjali fuq l-iżvilupp. L-Ewropa għandha tiġġieled għal globalizzazzjoni ġusta u konklużjoni rapida, ibbażata fuq l-iżvilupp għar-Rawnd ta’ Doha. Il-kummerċ mhuwiex rimedju iżda kummerċ ekwu u bbażat fuq ir-regoli jista’ jikkontribwixxi sabiex jittaffa l-faqar. Dan jimplika li l-UE għandha tipprovdi iktar għajnuna għall-kummerċ, bini ta’ kapaċità u għandha tgħin lill-pajjiżi fqar sabiex jitbiegħdu minn dipendenza żejda fuq materja prima li mhix stabbli.
2. Għandna nsibu soluzzjoni għat-tibdil fil-klima u l-kriżi globali
Il-pajjiżi s-sinjuri huma l-kaġun tal-kriżijiet finanzjarji, ekonomiċi u klimatiċi attwali. Il-pajjiżi fqar huma dawk l-aktar milquta. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fin-Nofsinhar se tinkorri żieda ta’ iktar minn USD 100 biljun fis-sena u t-tnaqqis fl-attività ekonomika, għal darba oħra, se jerġa’ jkun, tal-anqas, tal-istess ammont. B’xi mod għandna nsibu soluzzjoni għal dan in-nuqqas ta’ fondi. Ikun żball inaċċettabbli li jintmessu fondi li diġà twarrbu għat-tnaqqis tal-faqar. L-unika soluzzjoni hija li dawn il-fondi jiżdiedu.
Barra minn hekk, emissjonijiet tas-CO2 fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw irdoppjaw dawn l-aħħar 15-il sena. L-UE tista’ tgħin fil-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ enerġija u t-tniġġis kemm permezz ta’ transfer teknoloġiku, li għandu l-għan li jiġġenera enerġija nadifa, kif ukoll permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi ‘ħodor’.
3. Governanza u drittijiet
Governanza tajba tfisser li soċjetajiet jgħinu d-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini kollha tagħhom. Ma tfissirx iktar kondizzjonalità u ma jistax ikun proċess minn fuq għal isfel. L-UE għandha tħaddan approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u ffukat fuq in-nies. Għandna niġġieldu d-diskriminazzjoni tal-minoranzi, kemm jekk ikunu ta’ natura razzjali, reliġjuża, lingwistika jew sesswali, kif ukoll dik kontra tfal u nies b’diżabilitajiet, u m’għandniex noqogħdu lura minn sanzjonijiet għall-ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem, iseħħu fejn iseħħu.
Sabiex niżguraw skrutinju veru u proprju, affidabilità u demokrazija, għandna ninkoraġġixxu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jinvolvu lill-parlamenti u lis-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika.
4. Id-dritt għall-ikel
Id-dritt għall-ikel huwa l-bażi tad-drittijiet tal-bniedem kollha. Il-progress minimu li sar fir-rigward tas-soluzzjoni għal nuqqas ta’ ikel sustanzjuż kien sors ta’ allarm, progress li saħansitra mar lura minn dak tas-sena li għaddiet minħabba l-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel, fatt li reġa’ tefa’ 100 miljun persuna lura fil-ġuħ. L-UE għandha tkun kburija bil-“Faċilità tal-Ikel” tal-2008 iżda huwa evidenti li din hija biss qatra fl-oċean.
L-Ewropa teħtieġ tħeġġeġ il-biedja u s-sikurezza fl-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, politikament, finanzjarjament u teknikament. Għandna nagħtu iktar prijorità lill-biedja, lis-sikurezza tal-ikel u lill-awtosuffiċjenza reġjonali, wara snin li dawn ingħataw il-ġenb. Ma nistgħux nibqgħu ngħabbu lill-bdiewa foqra bis-sussidji tagħna fuq l-esportazzjoni, billi nbigħu l-prodotti tagħna bi prezz baxx ħafna jew billi nġegħluhom jiftħu s-swieq tagħhom il-bogħod ħafna jew malajr ħafna. Iva għandna nipproteġu lill-bdiewa tagħna, iżda meta qegħdin nitkellmu dwar tfal li qed imutu bil-ġuħ allura d-dilemma morali hija evidenti.
5. Edukazzjoni ta’ żvilupp u l-‘ġene tal-egoiżmu’
Fortunatament, disa’ minn kull għaxar Ewropej huma favur l-għajnuna għall-iżvilupp u l-maġġoranza jappoġġjaw żieda fl-ODA. Madankollu, il-ġlieda kontra x-xettiċiżmu hija proċess kontinwu, partikolarment meta l-ekonomiji domestiċi jieħdu tisbita. Għalhekk, l-Ewropa għandha żżid l-isforzi tagħha sabiex tiżgura liċ-ċittadini tagħha li l-ODA hija flus minfuqa tajjeb, kemm minn perspettiva morali kif ukoll minħabba interess proprju, i.e. stabilità ġeopolitika, flussi migratorji illegali, provvisti minerali affidabbli, eċċ.
6. L-imsieħba donaturi tagħna
L-Istati Uniti tal-Amerka jinsabu taħt tmexxija ġdida. Iċ-Ċina qiegħda taħdem bla heda u ekonomiji oħra emerġenti, bil-mod il-mod, qegħdin jidħlu fix-xena. Jeħtieġ li ntejbu d-djalogu trans-Atlantiku tagħna dwar l-iżvilupp u nimpenjaw ruħna flimkien ma’ donaturi ġodda għal iżjed ODA, azzjoni iktar koerenti u sabiex niżguraw li pajjiżi foqra jkollhom id-dritt li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom stess.
F. Konklużjoni — l-isfida urġenti tagħna
Il-kisba tal-MDGs, jiġri x’jiġri, hija sfida kbira u ta’ natura urġenti. Jekk jirnexxilna, ikun ifisser li nkunu nistgħu noffru ħajja deċenti lil mijiet ta’ miljuni, u differenza bejn ħajja u mewt għal miljuni oħra. L-UE għandha tadotta pożizzjoni kuraġġuża u koerenti f’Ġunju u tmexxi komunità globali fis-samit ta’ reviżjoni tan-NU, lil hinn minnu għall-2015 u iktar ’il quddiem.
Fis-sena 2000, id-dinja għamlet wegħda magħha nnifisha. Huwa fl-obbligu morali tagħna li nwettqu dak li wegħidna.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (4.5.2010)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar il-progress sabiex jinkisbu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs): reviżjoni ta’ nofs it-terminu bħala tħejjija għal-laqgħa ta’ livell għoli tan-NU f’Settembru 2010
(2010/2037(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Laima Liucija Andrikienė
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) trid tibqa’ objettiv ewlieni għall-Unjoni Ewropea; jenfasizza li t-tnaqqis tal-faqar permezz tal-kisba tal-MDGs irid jiġi rikonoxxut b'mod mhux ambigwu bħala l-qafas dominanti għall-politika tal-UE u li dan irid jiġi rifless b'mod ċar fil-politiki rilevanti kollha, inklużi l-politika tal-kummerċ u l-proposti leġiżlattivi; jemmen li l-MDGs m'għandhomx jitqiesu bħala kwistjoni teknika li tiġi solvuta sempliċement billi jiġu pprovduti aktar flus jew iżjed opportunitajiet ta' kummerċ mingħajr ma jiġu identifikati u ttrattati l-kawżi fundamentali tal-faqar;
2. Jisħaq li l-figuri li ngħataw fir-rapport riċenti tan-NU 'Ħsibijiet ġodda dwar il-Faqar' mhumiex biss allarmanti iżda wkoll indikazzjoni ċara li r-riskju li l-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju ma jintlaħqux huwa reali;
3. Huwa konvint li l-kummerċ jista’ jkun forza motriċi b’saħħitha għat-tkabbir ekonomiku, għalkemm il-kummerċ waħdu ma jistax isolvi l-problemi tal-iżvilupp; jemmen li l-progress bil-mod tan-negozjati tar-Rawnd ta’ Doha qed jostakola l-kontribut tas-sistema tal-kummerċ internazzjonali lill-MDGs; jisħaq li konklużjoni pożittiva tar-Rawnd ta’ Doha tista' tikkontribwixxi biex ikun stabbilit pakkett ta’ stimulu ekonomiku fil-livell globali; jieħu nota tal-ħafna studji mill-UNCTAD u minn istituzzjonijiet oħrajn li juru li l-liberalizzazzjoni estensiva tal-kummerċ fil-pajjiżi l-inqas żviluppati rari wasslet għal tnaqqis kontinwu u sostanzjali tal-faqar, u kkontribwiet għal tnaqqis f'termini kummerċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikulari l-pajjiżi Afrikani;
4. Jisħaq fuq l-importanza tal-isforzi biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija; itenni li l-ftuħ għall-kummerċ u l-appoġġ għall-kapaċità tal-provvista huma elementi importanti fi kwalunkwe strateġija koerenti għall-iżvilupp u li inizjattivi għal Għajnuna Teknika Relatata mal-Kummerċ jirrappreżentaw għodda addizzjonali biex jiġu trattati l-qerda tal-faqar u s-sottożvilupp;
5. Ifakkar li t-titjib fil-kapaċità tal-kummerċ ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-inqas żviluppati jista’ jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet relatati mal-kummerċ u l-infrastruttura li huma meħtieġa biex jimplimentaw u jibbenefikaw minn ftehimiet tad-WTO, ikabbru l-kummerċ tagħhom, jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet ta’ kummerċ ġodda u eżistenti, jimplimentaw ftehimiet ġodda u jadattaw ruħhom għal ambjent kummerċjali estern li qed jinbidel;
6. Jilqa’ l-inizjattivi li jeżistu fil-qasam tal-kummerċ ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-livelli tal-UE u tad-WTO, b'mod partikolari l-inizjattiva Everything But Arms (EBA), il-GSP u l-GSP +, kif ukoll il-prinċipju tal-assimetrija u l-perjodi ta’ tranżizzjoni nnegozjati f’kull Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) eżistenti, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkonsolida din l-istrateġija politika; jinnota li s-sistema GSP tipprovdi aktar stabilità, prevedibilità u opportunitajiet kummerċjali għall-utenti tagħha; jinnota li preferenzi addizzjonali huma pprovduti lil pajjiżi li rratifikaw u implementaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet soċjali u l-governanza tajba (permezz tar-reġim GSP);
7. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mas-sieħba tal-AKP jkunu għodda għall-iżvilupp tal-AKP u għall-qerda tal-faqar, inter alia permezz tal-kontinwazzjoni tal-prattika li ma jkunx hemm reċiproċità fl-aċċess tas-suq, bl-enfasi fuq it-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tal-isforzi eżistenti għall-integrazzjoni reġjonali;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kontenut dwar l-iżvilupp fin-negozjati attwali fid-WTO u n-negozjati bilaterali dwar l-FTA;
9. Ifakkar li l-istrateġija tal-Għajnuna għall-Kummerċ hija mmirata biex tappoġġja pajjiżi fqar u vulnerabbli biex jiżviluppaw l-infrastruttura u l-għodod ekonomiċi bażiċi li għandhom bżonn biex il-kummerċ iservi bħala forza motriċi ta’ tkabbir u żvilupp ekonomiku; jilqa’ l-istqarrijiet mill-Kummissjoni li l-UE diġà laħqet il-mira li timpenja €2 biljun għall-Għajnuna Marbuta mal-Kummerċ (TRA) sal-2010, hekk kif l-appoġġ totali għat-TRA mill-UE u l-Istati Membri tagħha laħaq €2.15 biljun fl-2008 (€1.14 biljun mill-Istati Membri u €1.01 biljun mill-UE) u nkisbu riżultati importanti fl-Aġenda aktar wiesgħa tal-Għajnuna għall-Kummerċ – inkluż it-trasport u l-enerġija, is-setturi produttivi u l-aġġustament marbut mal-kummerċ; jitlob lill-Kummissjoni, madankollu, biex tippreżenta informazzjoni dettaljata (inklużi ċ-ċifri) dwar il-linji tal-baġit li jintużaw biex jiġu ffinanzjati l-għajnuna marbuta mal-kummerċ u l-Għajnuna għall-Kummerċ;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħtu aktar attenzjoni, u appoġġ, lill-pajjiżi l-inqas żviluppati sabiex jiżdiedu l-livelli ta’ finanzjament totali tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE, li dan l-aħħar ma kellhomx żiediet sostanzjali; iqis li, minħabba li l-integrazzjoni reġjonali qed issir dejjem aktar importanti fl-aġenda tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE, għandhom jissaħħu l-isforzi biex jiġu finalizzati l-pakketti tal-Għajnuna għall-Kummerċ reġjonali għall-AKP; iqis li hemm lok għal titjib fl-effikaċja tal-għajnuna billi tiżdied l-analiżi konġunta, l-istrateġiji ta' rispons konġunti u r-realizzazzjoni konġunta tal-miżuri tal-Għajnuna għall-Kummerċ;
11. Iqis li d-dimensjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed issir komponent tal-kummerċ dinji li qed jikber malajr u tista’ ssir iktar u iktar rilevanti biex jiġi żgurat l-iżvilupp tal-ifqar pajjiżi u għandha tiġi mħeġġa u appoġġjata;
12. Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod speċjali dawk li jibbenefikaw l-aktar mill-għajnuna tal-UE, biex isaħħu l-governanza tajba fil-kwistjonijiet pubbliċi kollha, u b'mod speċjali fil-ġestjoni tal-għajnuna li jirċievu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ħalli tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-għajnuna tkun implimentata b'mod trasparenti u effiċjenti;
13. Tenna li l-UE għandha tappoġġja dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jużaw l-hekk imsejħa flessibilitajiet inkorporati fil-Ftehima TRIPS (Ftehima dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali) biex ikunu jistgħu jipprovdu mediċini bi prezzijiet għall-but ta’ kulħadd skont il-programmi nazzjonali tagħhom tas-saħħa pubblika; jenfasizza li dawk il-ftehimiet li jiggarantixxu aċċess għal mediċini ġeneriċi ma għandhomx jiddgħajfu fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles;
14. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità ta' taxxa globali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u modi kif hi tista' tikkontribwixxi għat-temma tal-MDGs.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.4.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 1 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Kader Arif, Daniel Caspary, Joe Higgins, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Gianluca Susta, Jan Zahradil, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Albert Deß, Béla Glattfelder, Elisabeth Köstinger, Georgios Papastamkos, Jarosław Leszek Wałęsa |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.5.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
17 8 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Thijs Berman, Michael Cashman, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Enrique Guerrero Salom, Eva Joly, Franziska Keller, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Michèle Striffler, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Kriton Arsenis, Krzysztof Lisek, Miguel Angel Martínez Martínez, Emma McClarkin, Cristian Dan Preda |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sylvie Guillaume, Jolanta Emilia Hibner, Anna Ibrisagic, Derek Vaughan, Marie-Christine Vergiat |
|||||