RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b'kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku
21.5.2010 - (05551/2010 – C7‑0014/2010 – 2009/0141(CNS)) - *
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Ramon Tremosa i Balcells
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b'kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku
(05551/2010 – C7‑0014/2010 – 2009/0141(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali - Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0500),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa" (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill (05551/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7–0014/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7–0167/2010),
1. Japprova l-proposta għal Regolament tal-Kunsill kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta b'mod sostanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1 Proposta għal regolament Premessa 1 a (ġdida) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
(1a) Ħafna qabel il-kriżi finanzjarja, il-Parlament Ewropew kien talab regolarment li jissaħħu l-kundizzjonijiet ta' parità awtentika għall-parteċipanti kollha fil-livell tal-Unjoni filwaqt li kien ġibed l-attenzjoni dwar nuqqasijiet sinifikanti fis-sorveljanza mill-Unjoni ta' swieq finanzjarji dejjem aktar integrati (fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' April 2000 rigward il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas għas-swieq finanzjarji: Pjan ta' Azzjoni1, tal-25 ta' Novembru 2002 dwar ir-regoli tas-sorveljanza prudenzjali fl-Unjoni Ewropea2, tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005-2010) - White Paper3, tat-23 ta' Settembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Hedge funds u l-ekwità privata4, tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar is-segwitu tal-proċess Lamfalussy: l-istruttura futura ta' sorveljanza5, tat-22 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna l-bidu u l-insegwiment tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Rijassigurazzjoni (Solvenza II)6, u tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu7). |
|
___________ 1 ĠU C 40, 7.2.2001, p. 453. 2 ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 394. 3 ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. xx. 4 ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 26. 5 ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 48. 6 Testi adottati, P6_TA(2009)0251. 7 Testi adottati, P6_TA(2009)0279. |
Emenda 2 Proposta għal regolament Premessa 8 a | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
(8a) Il-miżuri għall-ġbir ta' informazzjoni stabbiliti f'dan ir-Regolament huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-BERS u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-qafas legali tas-Sistema Statistika Ewropea (SSE) u tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) fil-qasam tal-istatistika. Dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun mingħajr preġudizzju għar-Regolament KE Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u għar-Regolament tal-Kunsill KE Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew. |
(8a) Il-BĊE għandu jiġi fdat bil-kompitu li jipprovdi appoġġ statistiku għall-BERS. Il-ġbir u l-ipproċessar ta' informazzjoni kif stipulat f'dan ir-Regolament u kif meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-BERS għandhom għalhekk jibbenefikaw skont l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE u skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew1. Għaldaqstant, l-informazzjoni statistika kunfidenzjali miġbura mill-BĊE jew mis-SEBĊ għandha tiġi maqsuma mal-BERS. |
|
______ 1 ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8. |
Emenda 3 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
1a. Il-President tas-SEBĊ għandu jkun il-President tal-BĊE. Il-mandat tiegħu jew tagħha għandu jkun l-istess bħall-mandat tiegħu jew tagħha bħala President tal-BĊE. |
Emenda 4 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 b (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
1b. L-ewwel Viċi President għandu jkun elett mill-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għall-istess perjodu bħal dak tal-mandat tiegħu fil-Kunsill Ġenerali, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta' rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-Istati Membri, u ta' dawk li qegħdin fiż-żona tal-euro u barra minnha. Jista' jerġa' jiġi elett. |
Emenda 5 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 c (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
1c. It-tieni Viċi President għandu jkun il-President tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (il-Kumitat Konġunt) stabbilit bl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru .../2010 [ESMA], tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [AEAPX] u tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ABE] (il-"Kumitat Konġunt"). |
Emenda 6 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 d (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
1d. Qabel jibda fil-kariga, il-President u l-ewwel Viċi President għandhom jippreżentaw lill-Parlament Ewropew, waqt seduta ta' smigħ pubblika, kif beħsiebhom jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament. It-tieni Viċi President għandu jinstema’ mill-Parlament Ewropew fir-rwol tiegħu bħala President tal-Kumitat Konġunt. |
Emenda 7 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 e (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
1e. Il-President għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat ta' Tmexxija. |
Emenda 8 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 f (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
1f. Il-Viċi Presidenti, f'ordni ta' preċedenza, għandhom jippresiedu l-Bord Ġenerali u l-Kumitat ta' Tmexxija meta l-President ma jkunx jista' jipparteċipa f'laqgħa. |
Emenda 9 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 g (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
1g. Jekk il-Viċi Presidenti ma jkunux jistgħu jwettqu dmirijiethom, għandhom jiġu eletti Viċi Presidenti ġodda skont il-paragrafi 1b u 1c. |
Emenda 10 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 h (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
1h. Il-President għandu jirrappreżenta lill-BERS esternament. |
Emenda 11 Proposta għal regolament Artikolu 1 – paragrafu 1 i (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
1i. Il-President għandu jkun mistieden għal smigħ annwali fil-Parlament Ewropew fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-BERS, li għandu jseħħ f'kuntest differenti mid-djalogu monetarju bejn il-Parlament Ewropew u l-President tal-BĊE. |
Emenda 12 Proposta għal regolament Artikolu 2 – parti introduttorja | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiżgura Segretarjat, u b'hekk jipprovdi sostenn analitiku, statistiku, loġistiku u amministrattiv għall-BERS. Il-missjoni tas-Segretarjat kif definita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament XXXX, għandha tinkludi b'mod partikolari: |
Il-BĊE għandu jiżgura Segretarjat, u b'hekk jipprovdi sostenn analitiku, statistiku, loġistiku u amministrattiv għall-BERS. Għandu jieħu pariri tekniċi wkoll mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, mill-banek ċentrali nazzjonali u mis-superviżuri nazzjonali. Għandu jkun responsabbli wkoll mill-kwistjonijiet tal-persunal. Il-kompiti tas-Segretarjat imsemmija fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru .../2010 [BERS], għandha tinkludi b'mod partikolari: |
Emenda 13 Proposta għal regolament Artikolu 2 – punt e | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
(e) l-appoġġ għall-ħidma tal-Bord Ġenerali, il-Kumitat ta' Tmexxija u l-Kumitat Tekniku Konsultattiv. |
(e) l-appoġġ għall-ħidma tal-Bord Ġenerali, il-Kumitat ta' Tmexxija u l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv. |
Emenda 14 Proposta għal regolament Artikolu 2 – punt e a (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
(ea) il-forniment ta' informazzjoni lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej meta jkun meħtieġ. |
Emenda 15 Proposta għal regolament Artikolu 3 – paragrafu 1 | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
1. Il-BĊE għandu jiżgura biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għat-twettiq tal-kompitu tiegħu li jiżgura s-Segretarjat. |
1. Il-BĊE għandu jiżgura biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għat-twettiq tal-kompiti tas-Segretarjat, b'mod li jiżgura persunal ta' kwalità għolja li jirrifletti b'mod wiesa' l-ambitu estiż tal-BERS u l-kompożizzjoni tal-Bord Ġenerali. Il-BĊE għandu jiżgura finanzjament ekwu tas-Segretarjat mir-riżorsi tiegħu stess. |
Emenda 16 Proposta għal regolament Artikolu 3 – paragrafu 2 | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
(2) Il-Kap tas-Segretarjat għandu jinħatar mill-BĊE, f'konsultazzjoni mal-Bord Ġenerali tal-BERS. |
(2) Il-Kap tas-Segretarjat għandu jinħatar mill-BĊE, fuq proposta tal-Bord Ġenerali tal-BERS. |
Emenda 17 Proposta għal regolament Artikolu 3 – paragrafu 2 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
2a. Il-membri kollha tas-Segretarjat għandhom jintalbu ma jiżvelawx informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali, anke wara t-tmiem tal-qadi ta' dmirijiethom, b'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [BERS] biex jiġi żgurat l-għan tal-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament. |
Emenda 18 Proposta għal regolament Artikolu 4 – paragrafu 2 | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
2. Il-Kap tas-Segretarjat jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jkun preżenti għal-laqgħat tal-Bord Ġenerali, tal-Kumitat ta' Tmexxija u tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv tal-BERS. |
2. Il-Kap tas-Segretarjat jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jkun preżenti għal-laqgħat tal-Bord Ġenerali, tal-Kumitat ta' Tmexxija u tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-BERS. |
Emenda 19 Proposta għal regolament Artikolu 5 – paragrafu 2 a (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
2a. Is-Segretarjat jista’ jitlob informazzjoni, f’forma individwali, fil-qosor jew kollettiva, relatata mal-istituzzjonijiet jew mas-swieq finanzjarji rilevanti għall-kompiti tal-BERS mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u, fil-każijiet speċifikati fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru …./2010 [BERS], mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, mill-banek ċentrali nazzjonali jew mill-awtoritajiet l-oħrajn tal-Istati Membri jew, fuq il-bażi ta' talba motivata, direttament mill-istituzzjonijiet finanzjarji. |
Emenda 20 Proposta għal regolament Artikolu 5 – paragrafu 2 b (ġdid) | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
|
2b. L-informazzjoni skont il-paragrafu 2 tista’ tinkludi data relatata maż-Żona Ekonomika Ewropea, mal-Unjoni jew maż-żona tal-euro, jew data nazzjonali aggregata jew individwali. Id-data nazzjonali għandha tinġabar biss wara li ssir talba motivata. Qabel ma ssir talba għad-data, is-Segretarjat għandu qabelxejn iqis l-istatistika eżistenti prodotta, imxerrda u żviluppata kemm mis-Sistema Ewropea tal-Istatistika u kemm mis-SEBĊ u mbagħad jikkonsulta mal-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti, sabiex jiżgura li t-talba tkun proporzjonata. |
Emenda 21 Proposta għal regolament Artikolu 7 | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
Il-Kunsill għandu jeżamina dan ir-Regolament tliet snin wara d-data stabbilita fl-Artikolu 8, abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni u għandu jiddetermina jekk ikunx meħtieġ li dan ir-Regolament jiġi rivedut wara li jkun irċieva opinjoni mill-BĊE u mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. |
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, sa ... *, jeżaminaw dan ir-Regolament abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni u għandhom jiddeterminaw jekk ikunx meħtieġ li l-objettivi u l-organizzazzjoni tal-BERS jiġu riveduti wara li jkunu rċevew opinjoni mill-BĊE. |
|
Ir-rapport għandu jivvaluta, b'mod partikolari, jekk: |
|
(a) ikunx xieraq li tiġi ssimplifikata u msaħħa l-istruttura tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) biex tiżdied il-koerenza bejn il-livelli makro u mikro kif ukoll bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej; |
|
(b) ikunx xieraq li jiżdiedu s-setgħat regolatorji tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej; |
|
(c) l-evoluzzjoni tas-SESF tkunx konsistenti ma' dik tal-iżviluppi globali f'dan il-qasam; |
|
(d) hemmx biżżejjed diversità u eċċellenza fis-SESF; |
|
(e) ir-responsabilità u t-trasparenza fir-rigward tar-rekwiżiti pubbliċi humiex adegwati. |
|
______ * Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. |
NOTA SPJEGATTIVA
L-Unjoni Ewropea (UE) qed tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-istabilità finanzjarja. Suq finanzjarju Ewropew integrat li jkun iddominat minn gruppi kbar pan-Ewropej fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE ma jistax jaħdem kif suppost jekk is-sorveljanza tibqa' frammentata fil-livell nazzjonali. L-UE teħtieġ struttura finanzjarja ġdida b'sorveljanza mikroprudenzjali integrata, li tinkludi trasferiment tal-kompetenza lill-UE. Barra minn hekk, il-makrosorveljanza Ewropea setgħet indunat li t-tkabbir tal-kreditu b'mod mhux sostenibbli, il-bżieżaq tal-proprjetà u d-defiċits tal-kontijiet kurrenti kienu se joħolqu xi riskji għall-istabilità makroekonomika u finanzjarja. L-Ewropa teħtieġ b'mod urġenti ħila esperta fis-sorveljanza makroprudenzjali biex tinduna b'riskji sistemiċi, jew fi kliem ieħor, biex tidentifika r-riskji għall-istabilità finanzjarja fil-livell Ewropew, toħroġ twissijiet fejn ikun meħtieġ u tiżgura s-segwitu.
Anke jekk ma jkunux jistgħu jiġu evitati kriżijiet finanzjarji oħrajn, fil-ġejjieni l-effetti soċjali u ekonomiċi għandhom ikunu ta' inqas ħsara, kif ġara fil-kriżi attwali apparagun mal-effetti reali tad-Depressjoni l-Kbira. L-Ewropa teħtieġ qafas leġiżlattiv u istituzzjonali biex issolvi l-insolvenza ta' istituzzjonijiet finanzjarji sitemikament importanti. Se jinħolqu superviżur makroprudenzjali ġdid, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), u superviżur mikroprudenzjali ġdid, is-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF). L-effikaċja tagħhom tingħatalhom mill-prestiġju tal-BĊE peress li l-BERS il-ġdid mhux se jkun jista' jimponi miżuri jew sanzjonijiet fuq l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet finanzjarji, u t-twissijiet tiegħu mhux se jkunu jorbtu. L-effikaċja tagħhom tiddependi fuq ir-reputazzjoni tajba tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-ħila esperta rikonoxxuta tal-persunal tiegħu. Ir-rwol tal-BĊE se jkun essenzjali għall-makrosorveljanza Ewropea.
Fl-aħħar snin, politika monetarja ta' rati ta' interessi baxxi ħafna rawmet bżieżaq fl-assi fiżiċi u finanzjarji, li meta nfaqgħu kkawżaw il-kriżi li qed inbatu minnha bħalissa. L-għan aħħari tal-istruttura superviżorja huwa li fil-futur jiġu evitati sitwazzjonijiet drammatiċi bħal dawn, tiġi żgurata l-istabilità finanzjarja u jiġu protetti l-konsumaturi. Il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi, tad-diffikultajiet jew tal-falliment ta' parti sinifikanti tas-settur finanzjarju jnaqqsu l-effetti ta' kriżi oħra fuq l-ekonomija reali u fuq iċ-ċittadini Ewropej.
Fl-aħħar għoxrin sena l-politika monetarja Ewropea kienet effikaċi fir-rigward tal-kontroll tal-inflazzjoni. Il-viżwalizzazzjoni ċara tal-għan "stabilità tal-prezzijiet" (objettiv ċar ta' 2% inflazzjoni annwali, pereżempju) kien assoċjat ukoll ma' strument ċar u b'saħħtu tal-politika monetarja, jiġifieri r-rata ta' interess. F'dan is-sens, l-espansjoni tal-kummerċ ħieles u l-ġeneralizzazzjoni tan-netwerks tal-produzzjoni globali mad-dinja kollha matul l-aħħar għoxrin sena, bil-pressjoni deflazzjonarja tagħha, ikkontribwiet ukoll favur il-moderazzjoni tal-prezzijiet fil-pajjiżi żviluppati.
Fil-fatt, jista' jsir l-argument li r-rati tal-interessi kienu artifiċjalment baxxi tul snin sħaħ b'paragun mar-rati tal-interessi li kienu jirriżultaw kieku l-offerta tal-kreditu u d-domanda tal-investiment kienu jiltaqgħu b'mod ħieles fis-suq. Dan il-fatt seta' kien wieħed mill-kawżi ewlenin tal-kriżi attwali: ir-rati tal-interessi ppreġudikaw l-aspettattivi tal-aġenti ekonomiċi, sal-punt li stiednuhom jaslu sa stat fejn ikollhom dejn eċċessiv biex jiffinanzjaw il-konsum u l-investiment, li wkoll kienu eċċessivi. Iżda f'kull każ, kif diġà ntqal, hemm konsensus kemxejn kbir dwar l-effiċjenza tal-politika monetarja.
Madankollu, il-globalizzazzjoni ekonomika, partikularment intensa fir-rigward tal-movimenti tal-kapital, immodifikat ħafna lis-swieq finanzjarji. Il-banek ċentrali żammew l-għan tradizzjonali tagħhom, il-kontroll tal-inflazzjoni, u għal dan l-iskop użaw ir-rata tal-interessi. Iżda l-libertà tal-movimenti tal-kapital saħħet b'mod straordinarju r-rabta bejn is-settur monetarju u dak finanzjarju. Din is-sitwazzjoni ġdida ġiegħlet dejjem aktar lill-banek ċentrali jinkludu għan ġdid fl-aġenda tagħhom: l-istabilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji.
L-ilħuq fl-istess ħin taż-żewġ għanijiet (l-istabilità tal-prezzijiet u l-istabilità tas-swieq finanzjarji) hija impossibbli bi strument wieħed biss, jiġifieri r-rata tal-interessi, irrispettivament minn kemm din l-għodda tista' tkun b'saħħitha. Ir-rata tal-interessi kienet effiċjenti biex tikkontrolla l-inflazzjoni, iżda ma kinitx utli biex jiġu evitati l-espansjoni tal-kreditu u l-bużżieqa tal-proprjetà immobbli f'diversi pajjiżi.
Hemm bżonn strument ġdid, u tul dawn l-aħħar sentejn żviluppa kunsens wiesa' li din l-għodda għandha tkun: regolamentazzjoni u sorveljanza tas-sistemi bankarji u finanzjarji li japplikaw fl-UE kollha. Minkejja li r-regolamentazzjoni finanzjarja eżistiet għal bosta snin, din ma kinitx xierqa u suffiċjenti fid-dinja globalizzata ġdida. Il-fatt hu li s-sorveljanza u r-regolamentazzjoni hija l-unika kompetenza kbira li l-banek ċentrali nazzjonali żammew f'idejhom fil-livell nazzjonali wara l-ħolqien tal-Euro. Għaldaqstant, illum ġew aċċertati l-ħtieġa u l-konvenjenza li tittejjeb ir-regolamentazzjoni b'dimensjoni Ewropea.
Il-president tal-Bank Ċentrali Ewropew, waqt lekċer f'Singapor fl-2005[1], saritlu mistoqsija dwar il-ġenerazzjoni tal-bżieżaq fil-prezzijiet tal-assi fiżiċi u finanzjarji. Huwa wieġeb li tista' tinstab bużżieqa meta, pereżempju, tip ta' kreditu jew il-prezz ta' xi assi jibda jiddevja b'mod sinifikanti mix-xejra storika tiegħu, u tkellem favur l-użu taż-żieda fir-rati tal-interessi biex jitwaqqaf il-ħolqien tal-bużżieqa. L-ispiża li tirriżulta tissarraf f'inċentiv ta' assigurazzjonijiet li jwaqqaf l-iżvilupp ta' xenarji agħar. Din il-miżura tidher raġonevoli, iżda meta titqies l-esperjenza mill-kriżi finanzjarja riċenti tidher inqas adattata: Is-sistema finanzjarja tista' tadatta għall-varjazzjonijiet fir-rati tal-interessi billi tbiddel, pereżempju, il-kundizzjonijiet tal-kuntratti ta' kreditu (għall-krediti ipotekarji, billi ttawwal il-perjodu tagħhom ta' amortizzament).
F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-modifika tar-rata tal-interessi ftit li xejn għandha effett biex tniżżel il-bżieżaq: jekk ir-rati tal-interessi ma jiżdidux b'mod sinifikanti, u jekk dan ma jsirx ser issir ħsara fl-ekonomija kollha kemm hi, rati ta' interessi artifiċjalment baxxi xorta waħda jkomplu jonfħu l-bżieżaq, li jibqgħu jippersistu. Huwa f'dan is-sens li neħtieġu sorveljanza aħjar. Is-sistema tad-dispożizzjonijiet dinamiċi tal-Bank ta' Spanja, pereżempju, ma evitatx il-ġenerazzjoni ta' bużżieqa waħda kbira fil-proprjetà immobbli fi Spanja: l-ammont tad-dejn akkumulat mill-promoturi tal-proprjetà immobbli mal-banek Spanjoli jlaħħaq it-30% tal-PGD Spanjol tal-2009 (EUR 325 000 miljun).
It-titjib meħtieġ fir-regolamentazzjoni u s-sorveljanza finanzjarja huma l-bażi tad-dibattitu tal-istruttura finanzjarja l-ġdida kollha kemm hi li qed jibnu l-istituzzjonijiet Ewropej u li dan ir-rapport huwa biss parti żgħira minnha. Għall-istituzzjonijiet li huma kbar wisq biex ifallu, il-miżura x-xierqa jidher li hi li jiġi kkontrollat l-ingranaġġ: livell iżgħar ta' ingranaġġ jinċentivahom biex jikkunsidraw jekk iridux jippreservaw id-daqs tagħhom, jew jinqasmux f'entitajiet iżgħar adattati għall-attivitajiet tradizzjonali tal-banek kummerċjali.
L-ammont ta' ingranaġġ, għalhekk, iġiegħel li jitnaqqas l-ammont ta' ingranaġġ għall-entitajiet tal-kreditu: jew li jitnaqqas il-kreditu previst għas-settur tad-djar jew li tiżdied il-bażi tal-kapital tagħhom biex ikunu jistgħu jassorbu l-eċċess tat-telf li jkun faqa' l-bużżieqa. Is-superviżuri nazzjonali ma rnexxilhomx iwaqqfu l-akkumulazzjoni tar-riskji f'bosta sistemi nazzjonali.
Fil-proposti differenti li saru dwar kif għandhom jiġu rregolati s-swieq finanzjarji, hemm żewġ elementi komuni: fuq naħa minnhom, ikun neċessarju li jitnaqqas l-ammont kbir ta' ingranaġġ, jiġifieri li jitnaqqas il-proporzjon assi totali / kapital; u fuq in-naħa l-oħra, ikun neċessarju li jiżdiedu r-rekwiżiti kapitali tal-entitajiet finanzjarji. Dan huwa essenzjali biex ikun hemm bażi kapitali xierqa, biex wieħed jiffaċċja t-telf possibbli li jista' jiġi ġġenerat fi kriżijiet finanzjarji fil-ġejjieni. Għandna nżommu f'moħħna li l-funzjoni ewlenija tas-sistema finanzjarja hija li tidderieġi t-tfaddil lejn l-investiment. F'dan il-proċess huwa impossibbli li l-entitajiet finanzjarji jitwaqqfu milli jieħdu r-riskji: u anke jekk issa r-riskji huma suġġetti għal sorveljanza aħjar, il-possibilità ta' bżieżaq spekulattivi ġodda mhux se titlaq għalkollox.
Fil-każ konkret tal-banek, sakemm in-negozji tas-self kummerċjali u dak tal-investiment jibqgħu mħallta, il-banek il-kbar jaslu biex jirriskjaw il-kapital tagħhom fix-xiri u l-bejgħ ta' assi finanzjarji, minflok ma jaqdu lill-ekonomija reali billi jbiddlu d-depożiti li jieħdu fi krediti għall-familji u l-kumpaniji. Fil-fatt, il-banek m'għandhomx id-dmir li jaġixxu mod ieħor.
Għal din ir-raġuni r-regolament il-ġdid jeħtieġ flessibilità biex ikun jista' jnaqqas l-ingranaġġ jekk jiġu identifikati sinjali allarmanti. Kellu jixgħel dawl oranġjo jew aħmar, pereżempju, fl-ewwel snin tal-perjodu 1996-2006, meta fi Spanja l-espansjoni tal-kreditu wasslet għal żieda għolja ħafna: f'għaxar snin il-kreditu kiber b'ritmu ta' 20% fis-sena. F'dan il-każ kien ikun neċessarju li tittieħed azzjoni kontra l-entitajiet finanzjarji (kbar jew żgħar) li esponew lilhom infushom iktar għas-self ipotekarju b'mod li llimitaw il-kapaċità tagħhom ta' ingranaġġ.
Min-naħa l-oħra, is-sorveljanza tas-settur finanzjarju fil-livell Ewropew hija l-kwistjoni ewlenija għall-effikaċja ta' politiki regolatorji tajba, filwaqt li jitqies il-falliment tal-analiżi nazzjonali ta' bosta indikaturi ta' kriżi. Kif qal il-President tal-BĊE f'Novembru 2008 waqt il-ħames Konferenza tal-Banek Ċentrali tal-BĊE: “(…) kien hemm sinjali ta' twissija, anke fl-2006, li s-swieq globali kienu fl-ogħla prezzijiet tagħhom u li anke bidla żgħira fil-kundizzjonijiet setgħet tfixkel lis-swieq finanzjarji b'mod serju. (…) Konna nafu li kienet ġejja maltempata, iżda jkollna nammettu li ma konniex nafu sewwasew fejn. Lanqas konna nafu x'kien se jikkawżaha, jew meta kienet ġejja.[2]"
F'dak is-sens, l-ideat li nieda r-rapport Larosière, ħafna minnhom inklużi fil-pakkett superviżorju li qed jiġi diskuss illum, se jippermettu politika kompetenti għar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tas-swieq finanzjarji. Il-qalba tas-suċċess tagħha se tkun l-interkonnessjoni bejn il-mikrosorveljanza u l-makrosorveljanza, u l-informazzjoni fluwida bejn iż-żewġ livelli. B'dan il-mod, is-Segretarjat tal-BERS se jkollu rwol ewlieni biex jiġi żgurat l-iskambju effiċjenti u mgħaġġel tad-data bejn id-diversi parteċipanti involuti, dejjem b'mod li tiġi garantita b'mod strett il-kunfidenzjalità meħtieġa. Kif maħsub mill-bidu nett, l-Awtoritajiet Mikrosuperviżorji u l-BERS huma unità u għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib. Bl-istruttura l-ġdida l-UE għandha tkun kapaċi tisma' r-ragħad qabel il-maltempata, u tirreaġixxi fil-ħin.
- [1] "Il-bżieżaq tal-prezzijiet tal-assi u l-politika monetarja"
Diskors ta' Jean-Claude Trichet, President tal-BĊE, Lekċer Mas, 8 ta' Ġunju 2005, Singapor
http://www.ecb.int/press/key/date/2005/html/sp050608.en.html - [2] "Ir-riskju sottovalutat u l-inċertezza: Xi ħsibijiet dwar it-taqlib fis-swieq"
Diskors ta' Jean-Claude Trichet, President tal-BĊE waqt il-Ħames Konferenza tal-Banek Ċentrali tal-BĊE, Frankfurt am Main, 13 ta' Novembru 2008
http://www.ecb.int/press/key/date/2008/html/sp081113_1.en.html
PROĊEDURA
Titolu |
Kompiti speċifiċi għall-Bank Ċentrali Ewropew rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku |
|||||||
Referenzi |
05551/2010 – C7-0014/2010 – COM(2009)0500 – 2009/0141(CNS) |
|||||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
2.2.2010 |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ECON 8.2.2010 |
|||||||
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Ramon Tremosa i Balcells 20.10.2009 |
|
|
|||||
Eżami fil-kumitat |
23.11.2009 |
23.2.2010 |
23.3.2010 |
27.4.2010 |
||||
Data tal-adozzjoni |
10.5.2010 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 3 0 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Othmar Karas, Astrid Lulling, Arlene McCarthy, Ivari Padar, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Ramon Tremosa i Balcells |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pervenche Berès, Carl Haglund, Syed Kamall, Philippe Lamberts, Catherine Stihler, Pablo Zalba Bidegain |
|||||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrea Cozzolino, Michel Dantin, Frank Engel, Christa Klaß, Elisabeth Morin-Chartier |
|||||||
Data tat-tressiq |
21.5.2010 |
|||||||