RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba
3.6.2010 - (COM(2010)0182 – C7‑0099/2010 – 2010/2060(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Barbara Matera
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba
(COM(2010)0182 – C7‑0099/2010 – 2010/2060(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0182 – C7‑0099/2010),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] (IIA tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,
– wara li kkunsidra ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali (A7-0178/2010),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema milquta minn sensji relatati mal-kummerċ u l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja,
B. billi l-Kummissjoni obbligata timplimenta l-Fond f’konformità mal-regoli ġenerali stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju[3] u r-regoli ta' implimentazzjoni applikabbli għal din il-forma ta' implimentazzjoni tal-baġit,
C. billi sa 0,35 % tal-ammont annwali tal-FEAG jista' jkun disponibbli kull sena għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex tiffinanzja l-monitoraġġ, l-informazzjoni, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, il-verifika kif ukoll l-attivitajiet ta' kontroll u valutazzjoni meħtieġa biex ikun implimentat ir-Regolament tal-FEAG, kif stipulat fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament, inkluż d-dispożizzjoni u l-gwida għall-Istati Membri fl-użu, fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni tal-FEAG u jipprovdi tagħrif dwar l-użu tal-FEAG għall-imsieħba soċjali nazzjonali u Ewropej (Artikolu 8(4) tar-Regolament FEAG),
D. billi, skont l-Artikolu 9(2) "Informazzjoni u pubbliċità" tar-Regolament FEAG, il-Kummissjoni għandha twaqqaf sit tal-internet, disponibbli fil-lingwi kollha, biex jipprovdi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet, li jenfasizzaw ir-rwol tal-awtorità baġitarja,
E. billi fuq il-bażi ta' dawn l-Artikoli l-Kummissjoni talbet mobilizzazzjoni tal-FEAG sabiex tkopri l-bżonnijiet amministrattivi tagħha għall-ħidma preparatorja minħabba l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-funzjonament tal-FEAG, li tkopri studji dwar l-implimentazzjoni, l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ħaddiema fis-suq tax-xogħol, l-iżvilupp ta' netwerks bejn is-servizzi tal-Istat Membru responsabbli mill-FEAG, l-iskambju ta' prassi tajba kif wkoll l-aġġornament u l-iżvilupp tal-websajt, l-applikazzjonijiet u d-dokumenti fil-lingwi kollha u l-attivitajiet awdjoviżivi, li hija konformi mar-rieda tal-Parlament li titqajjem il-kuxjenza taċ-ċittadini dwar l-azzjonijiet tal-UE,
F. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni,
1. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;
2. Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG;
5. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS : DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta' xx Mejju 2010
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba
Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b'mod partikulari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[3],
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni twaqqaf sabiex jipprovdi sostenn addizzjonali lil ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) L-għan tal-EGF ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.
(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 jistipula li 0.35 % tal-ammont massimu annwali jista' jsir disponibbli kull sena għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tressaq proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 1,110,000.
(5) L-FEAG għandu, għaldaqstant, jiġi mmobilizzat biex jipprovdi għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 110 000 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
DIKJARAZZJONI TA' SPJEGAZZJONI
I. L-Isfond
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar ewlenin fis-sistemi kummerċjali dinjija.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta’ EUR 500 miljun, misluta minn kwalunkwe marġni li jinsab taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn ta' qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u / jew l-impenji mħassra.
Rigward il-proċedura, sabiex jiġi attivat l-Fond, fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.
II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni
Fl-24 ta’ April 2010 l-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni ġdida dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG.
Din tikkonċerna l-mobilizzazzjoni ta' EUR 1.110.000 mill-Fond, li tkopri l-assistenza teknika għall-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 8(1) tal-bażi legali, 0.35% tal-ammont annwali massimu tal-FEAG jista' jkun disponibbli kull sena għal assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Massimu ta' EUR 1.75 miljun jista’ jintuża kull sena biex ikopri l-bżonnijiet indikati għall-implimentazzjoni tal-Fond.
Skont il-proposta tal-Kummissjoni, dan l-ammont maħsub biex ikopri li attivitajiet li ġejjin: Attivitajiet marbuta mal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-FEAG (Artikolu 17) – studji dwar il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni, il-ħolqien ta’ bażi ta' għarfien, skambju ta' tagħrif u esperjenzi fost l-esperti u l-awdituri tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, żvilupp ta’ netwerks, organizzazzjoni ta’ laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti tal-persuni ta’ Kuntatt tal-FEAG, organizazzjoni ta’ seminars dwar l-implimentazzjoni tal-Fond, kif ukoll attivitajiet ta’ tagħrif u pubbliċità (Artikolu 9) u żvilupp ulterjuri tal-websajt tal-FEAG u pubblikazzjonijiet fil-lingwi kollha tal-UE.
III. Il-finanzjament:
Minn: Impenji: 40 02 43 – linja baġitarja ta’ riżerva tal-FEAG
Ħlasijiet: 04 02 20 -FSE – Assistenza teknika operattiva għall-2007-2013
Għal: AI u AĦ 04 01 04 14 - Nefqa tal-FEAG dwar tmexxija amministrattiva
Din hija s-sitt applikazzjoni tal-FEAG li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010. Sa issa, ġew mobilizzati EUR 16.338.363 favur il-Ġermanja (Karmann) u l-Litwanja (Snaige, Setturi tal-kostruzzjoni tal-bini, manifattura tal-għamara u tal-ilbies).
L-Artikolu 12 (6) tar-Regolament FEAG jirrikjedi li fl-1 ta' Settembru, mill-inqas 25% (EUR 125 miljun) tal-ammont annwali massimu tal-FEAG, għandu jibqa' disponibbli sabiex ikunu koperti l-bżonnijiet li jinqalgħu sakemm tintemm is-sena. Jekk adottat, l-ammont globali ta’ EUR 17.448.363 għandu jiġi mobilizzat taħt il-baġit 2010, u jħalli l-ammont ta’ EUR 482.551.637 disponibbli.
IV. Il-Proċedura
Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta’ trasferiment[3] bil-għan li fil-baġit tal-2010 jiddaħħlu approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji u għall-ħlasijiet, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.
It-trialogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.
Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.
Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif imfisser fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
ES/sg
D(2010)27789
Is-Sur Alain Lamassoure
President tal-Kumitat għall-Baġits
ASP 13E158
Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2010/000 TA 2010 (COM(2010)182 finali)
Għażiż Sur Lamassoure,
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar l-EGF fi ħdan l-istess Kumitat studja l-mobilizzazzjoni tal-EGF għall-każ EGF/2010/000 TA 2010 u adotta l-opinjoni li ġejja.
Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-EGF huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-kumitat EMPL jippreżenta xi kummenti, madankollu, bla ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
a) Billi skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-EGF (KE) Nru 1927/2006, 0.35% tal-ammont annwali massimu tal-EGF (EUR 500 miljun fis-sena) jista' jkun disponibbli kull sena għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni; jenfasizza l-iskop ta' assistenza teknika tali - monitoraġġ, tagħrif, il-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, appoġġ u evalwazzjoni amministrattivi u tekniċi;
b) Billi, diversi drabi, il-Grupp ta' Ħidma tal-EGF tal-kumitat EMPL talab tagħrif mill-Kummissjoni dwar l-effettività tal-miżuri proposti għall-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg f'termini tar-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol fuq medda twila ta' żmien u t-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u bbażata fuq l-għarfien.
c) Billi l-Grupp ta' Ħidma dwar l-EGF talab ukoll aktar informazzjoni dettaljata dwar il-konformità mal-Artikolu 7 tar-regolament dwar l-EGF rigward it-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel u n-nondiskriminazzjoni matul l-istadji varji ta' implimentazzjoni tal-miżuri proposti.
d) Billi l-Grupp ta' Ħidma dwar l-EGF regolarment talab informazzjoni dwar jekk l-infiq fil-qafas tal-EGF jingħatax attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni fir-rigward tal-proċedura speċjali u talab rapport dwar ir-riżultati tal-verifiki tal-applikazzjonijiet tal-EGF 2007 u 2008.
e) Billi n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-komplementarjetà tal-EGF mal-miżuri appoġġati minn Fondi Strutturali oħra u dwar l-istrutturi amministrattivi stabbiliti fl-Istati Membri biex jamministraw il-konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-EGF wassal għal diskussjonijiet frekwenti mal-Kummissjoni mingħajr ma ġiet iċċarata għalkollox is-sitwazzjoni.
Għalhekk, il-Kumitat EMPL jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-fond għal assistenza ekonomika tal-Kummissjoni:
1) Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li iktar minn nofs l-approprjazzjonijiet mitluba se jintużaw jew għall-finanzjament ta' studji u evalwazzjonijiet ta' każijiet attwali ta' EGF billi jiġu mmonitorjati l-implimentazzjoni, is-saħħa u n-nuqqasijiet, jiġu nnotati s-suċċessi u jsir tagħlim għall-ġejjieni jew għal bażi ta' data maħsuba biex tinġabar data dwar kwistjonijiet trasversali bħar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal medda twila ta' żmien jew it-tħejjija tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-EGF. Jixtieq li l-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar il-mod kif tagħżel il-kuntratturi għal dawn l-istudji.
2) Jenfasizza li dan it-tip ta' data huwa importanti ħafna għall-atturi politiċi fil-livelli kollha u l-partijiet ikkonċernati kollha kif ukoll għall-iżvilupp tat-tfassil ġejjieni tal-EGF.
3) Jenfasizza l-importanza tan-netwerking u tal-iskambji tat-tagħrif għall-EGF; jappoġġa, għaldaqstant, il-finanzjament tal-Grupp Espert ta' Persuni ta' Kuntatt tal-EGF fl-Istati Membri; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' koordinazzjoni mal-persuni kollha involuti fl-applikazzjonijiet għall-EGF, inklużi l-imsieħba soċjali, biex jinħolqu sinerġiji kemm jista' jkun.
4) Jenfasizza l-importanza tan-netwerking u tal-iskambji tat-tagħrif għall-EGF; jappoġġa, għaldaqstant, il-finanzjament tal-Grupp Espert ta' Persuni ta' Kuntatt tal-EGF fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura skambju regolari bejn il-grupp ta' ħidma dwar l-EGF fi ħdan il-Parlament u l-Grupp Espert; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' koordinazzjoni mal-persuni kollha involuti fl-applikazzjonijiet għall-EGF, inklużi l-imsieħba soċjali, biex jinħolqu sinerġiji kemm jista' jkun.
5) Jilqa' b'mod partikolari l-laqgħa ppjanata tal-awdituri tal-Istati Membri li jipprovdu appoġġ għall-verifika fil-qafas ta' din il-proċedura baġitarja kumplessa u speċjali.
6) Jilqa' wkoll il-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat miżuri mmirati u magħżula b'attenzjoni li jippermettu li wieħed jibqa' 'l bogħod mil-limiti massimi previsti fir-regolament.
7) Jiddispjaċih, madankollu, li l-assistenza teknika mhix se tintuża għal miżuri li jistgħu jikkontribwixxu biex jitnaqqas it-tul tal-proċedura ta' applikazzjoni li għall-parti l-kbira tal-partijiet involuti, hu twil wisq meta wieħed iqis li dan huwa fond ta' emerġenza.
8) Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mil-laqgħat maħsuba biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-possibilitajiet u mal-opportunitajiet li l-EGF joffri lil ħaddiema f'sitwazzjonijiet ta' waqfien mix-xogħol għal numru kbir ta' persuni, u biex jużaw il-fondi disponibbli għall-appoġġ tal-ħaddiema kkonċernati.
9) Ikompli jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jibbenefikaw mill-possibiltajiet ta' skambji tal-aħjar prattiki u biex jitgħallmu b'mod partikolari minn dawk l-Istati Membri li diġà stabbilixxew netwerks nazzjonali ta' tagħrif dwar il-EGF li jinvolvu lill-imsieħba soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali bil-għan li jkollhom struttura tajba għall-assistenza fil-post ġaladarba jista' jkun hemm sensji tal-massa.
10) Jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta bir-reqqa l-kwalità tal-miżuri appoġġati mill-EGF biex tiżgura li l-ħaddiema li jingħataw is-sensja jirċievu għajnuna adegwata mill-Unjoni Ewropea.
Dejjem tiegħek,
Pervenche Berès
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
2.6.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Francesca Balzani, Lajos Bokros, Jean-Luc Dehaene, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Estelle Grelier, Carl Haglund, Jutta Haug, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Vladimír Maňka, Miguel Portas, Dominique Riquet, László Surján, Derek Vaughan, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Paul Rübig |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Peter Jahr, Andres Perello Rodriguez, Britta Reimers |
|||||