Proċedura : 2010/2068(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0179/2010

Testi mressqa :

A7-0179/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2010 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0199

RAPPORT     
PDF 174kWORD 109k
3.6.2010
PE 441.295v02-00 A7-0179/2010

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba

(COM(2010)0205 – C7‑0117/2010 – 2010/2068(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Barbara Matera

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS : DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 DIKJARAZZJONI TA' SPJEGAZZJONI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba

(COM(2010)0205 – C7‑0117/2010 – 2010/2068(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0205 – C7‑0117/2010),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) (IIA tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–   wara li kkunsidra ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali (A7-0179/2010),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jbatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali ewlenin fir-ritmi tal-kummerċ dinji u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-għan tal-EGF ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

C. billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u li tkun disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun, b'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li ġiet adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u filwaqt li jiġi kkunsidrat kif xieraq il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni,

D. billi Spanja talbet għajnuna fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 585 sensja f'36 intrapriża li joperaw fid-diviżjoni 16 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE ('Il-manifattura tal-injam u ta’ prodotti tal-injam u s-sufra, minbarra l-għamara; il-manifatura ta' oġġetti tat-tiben u materjal għat-tibjid') fir-reġjun tan-NUTS II Castilla-La Mancha(3),

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura bla xkiel u mgħaġġla għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, filwaqt li jingħata appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien bħala għajnuna lill-ħaddiema li sfaw sensjati bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza li l-EGF jista' jkollu rwol kruċjali fl-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li tilfu xogħolhom;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li, b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar EGF, għandu jkun żgurat li l-EGF jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema individwali li tilfu xogħolhom; itenni li l-għajnuna mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ma għandhiex tieħu post l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u l-anqas ma għandha tieħu post il-miżuri għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fil-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-EGF tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali;

5.  Ifakkar li, fil-qafas tal-mobilizzazzjoni tal-EGF, biex ma tittrasferix sistematikament approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-FSE, peress li l-EGF inħoloq bħala strument speċifiku għalih bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu;

6.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-EGF għandhom ikunu evalwati fil-qafas tal-evalwazzjoni ġenerali tal-programmi u d-diversi strumenti oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-baġit tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

7.  Jilqa’ l-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li tippreżenta fil-Memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha tagħrif ċar u dettaljat dwar l-applikazzjoni, tanalizza l-kriterji ta’ eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hija konformi mar-rikjesti tal-Parlament,

8.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

EGF/2009/020 ES/Castilla-La Mancha.


ANNESS : DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' xx Mejju 2010

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea(3),

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati minħabba bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-għan tal-EGF ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)      Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)      Fid-9 ta' Ottubru 2009 Spanja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-EGF fir-rigward ta' sensji mogħtija minn 36 intrapriża li joperaw fid-diviżjoni 16 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE ('Il-manifattura tal-injam u ta’ prodotti tal-injam u s-sufra, minbarra l-għamara; il-manifattura ta' oġġetti tat-tiben u materjal għall-immaljar') f'reġjun wieħed tan-NUTS II, Castilla-La Mancha (ES42) u kompliet issostni din l-applikazzjoni b'informazzjoni addizzjonali sat-22 ta' Frar 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tressaq proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 1,950,000.

(5)      L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa minn Spanja.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 950 000 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell/Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

              ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

              ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

              ĠU C […], […], p. […].


DIKJARAZZJONI TA' SPJEGAZZJONI

I. L-Isfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar ewlenin fis-sistemi kummerċjali dinjija.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta’ EUR 500 miljun, misluta minn kwalunkwe marġni li jinsab taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji mħassra mis-sentejn ta' qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. L-ammonti xierqa jiddaħħlu fil-baġit bħala dispożizzjoni hekk kif ikunu ġew identifikati l-marġni suffiċjenti u / jew l-impenji mħassra.

Rigward il-proċedura, sabiex jiġi attivat l-Fond, fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jista' jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista' jsir f'forma ssimplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: il-proposta tal-Kummissjoni

Fis-6 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni adottat tliet proposti għal deċiżjoni ġodda dwar il-mobilizzazzjoni tal-EGF favur l-Irlanda u Spanja sabiex il-ħaddiema li sfaw bla impjieg minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Din hija d-disa’ applikazzjonijiet li se tiġi eżaminata fil-baġit 2010 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta’ ammont globali ta' EUR 1,950,000 mill-EGF għal Spanja (Castilla-La Mancha). Tikkonċerna 585 sensji li seħħew fi 36 intrapriża li joperaw fid-diviżjoni 16 tar-reviżjoni 2 tan-NACE: Il-manifattura tal-injam u ta’ prodotti tal-injam u s-sufra, minbarra l-għamara; il-manifatura ta' oġġetti tat-tiben u materjal għat-tibjid) fir-reġjun tan-NUTS II Castilla-La Mancha, matul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mill-1 ta' Novembru 2008 sal-31 ta' Lulju 2009.

Din l-applikazzjoni, każ EGF/2009/020 ES/Castilla-La Mancha, tressqet lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Ottubru 2009 u ġiet supplimentata b'tagħrif addizzjonli sat-22 ta' Frar 2010. L-applikazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament EGF li jitlob li jkun hemm mill-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess taqsima NACE Revision 2 f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II fi Stat Membru u tressqet fi żmien l-iskadenza ta’ 10 ġimgħat (Artikolu 5 tar-Regolament).

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni tar-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fit-tendenzi tal-kummerċ dinji jew il-kriżi finanzjarja, in-natura mhux prevedibbli tas-sensji kkonċernati, il-wirja ta' numru ta’ sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2 (b), l-ispjegazzjoni tan-natura mhux prevedibbli ta’ dawn is-sensji, l-identifikazzjoni ta' intrapriżi li taw is-sensji u ħaddiema indikati għall-assistenza, it-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu, l-impatt għas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali, il-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati, inkluża l-kompatibilità tiegħu ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, id-dati li fihom is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati nbdew jew kienu ppjanati li jibdew, il-proċeduri biex ikunu kkonsultati l-imsieħba soċjali, il-ġestjoni u s-sistemi ta' kontroll.

Bi qbil mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fir-Regolament tal-EGF u tirrakkomanda lill-Awtorità Baġitarja biex tapprova l-appikazzjoni.

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Awtorità tal-Baġit talba ta’ trasferiment (DEC 12/2010) għal ammont globali ta' EUR 1.950.00 mir-riżerva tal-EGF (40 02 43) f’impenji u mill-linji tal-baġit FSE (04 02 17 – konverġenza FSE) fi ħlasijiet lill-linji tal-baġit EGF (04 05 01).

Rigward sorsi oħra ta' approprjazzjonijiet ta' ħlasijiet, il-Kummissjoni spjegat li l-prassi segwita s’issa kienet waħda li l-approprjazzjonijiet ta' ħlasijiet meħtieġa jittieħdu mill-baġit tal-FSE minħabba l-"prossimità" tal-politika, u minħabba li r-rekwiżiti annwali tal-EGF f'approprjazzjonijiet ta' ħlasijiet s'issa kienu ta' madwar 1% tal-iddotar tal-ħlasijiet tal-FSE. Madankollu, f'dan l-istadju bikri tas-sena baġitarja, huwa diffiċli li jiġu identifikati sorsi alternattivi bħal dawn. Minkejja dan, bil-ħsieb li tintlaqa' din it-talba għall-każijiet futuri tal-EGF, il-Kummissjoni beħsiebha tqis il-possibilità li ssib sors ieħor ta' finanzjar ta' approprjazzjonijiet ta' pagamenti meta dan ikun possibbli u raġjonevoli u meta m'hemmx riskju ta' dewmien għall-ipproċessar tat-talba tat-trasferiment.

Il-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

L-Artikolu 12 (6) tar-Regolament EGF jirrikjedi li fl-1 ta' Settembru ta' kull sena, mill-inqas kwart ta' l-ammont annwali massimu tal-EGF għandu jibqa' disponibbli sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu sakemm tintemm is-sena.

Fl-2010, l-Awtorità Baġitarja diġà approvat ħames proposti għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, għal ammont totali ta’ EUR 16.338.363, favur il-Ġermanja (Karmann) u l-Litwanja (Snaige), li jħalli ammont ta’ EUR 483.661.637 disponibbli.

III. Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta’ trasferiment(3) bil-għan li fil-baġit tal-2010 jiddaħħlu approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji u għall-ħlasijiet, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

It-trialogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni possibilment jaf jieħu forma simplifikata (skambju ta’ ittri), kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

Wara l-valutazzjoni tiegħu, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif imfisser fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut għall-Ftehim Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

DEC 12/2010 tas-6 ta’ Mejju 2010


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ES/sg

D(2010)27784

Is-Sur Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2009/020 ES/Castilla-La Mancha (COM(2010)205 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar l-EGF fi ħdan l-istess Kumitat studja l-mobilizzazzjoni tal-EGF għall-każ EGF/2009/020 ES/Castilla-La Mancha u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar l-EGF huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti, madankollu, bla ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

a)  Billi l-585 sensja fil-perjodu ta’ 9 xhur ta' referenza huma r-riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li kkawżat tnaqqis qawwi fl-attivitajiet ta’ kostruzzjoni fi Spanja, tnaqqis li laqat l-industriji anċillari kollha inkluża dik tal-materjal tal-bini, bħall-produzzjoni tal-bibien.

b)  Billi s-sensji kellhom impatt lokali konsiderevoli minħabba li l-industrija, prinċipalment il-produzzjoni ta' bibien tal-injam, tirrappreżenta 70% tal-impjiegi kollha.

c)  Billi Spanja tiddeplora l-fatt li r-reġjun isofri wkoll minn proċess ta' depopolazzjoni, għaldaqstant is-sensji jkollhom impatt negattiv addizzjonali fuq it-territorju.

d)  Billi madwar 80% tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja m’għandhom l-ebda edukazzjoni jew għandhom biss edukazzjoni bażika u mhumiex imdorrija jfittxu xogħol barra mir-reġjun tagħhom.

Għalhekk, il-Kumitat EMPL jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Spanjola:

1.  Jilqa' l-pakkett ta' servizzi personalizzati, b'mod speċjali rigward miżuri li ser jipprovdu kwalifiki professjonali lil ħaddiema b'livell bax ta' kapaċitajiet. Jiddispjaċih, madankollu, li 90 ħaddiem biss se jibbenefikaw minn din l-opportunità.

2.  Jerġa' jiġbed l-attenzjoni dwar inċentivi finanzjarji għall-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' taħriġ, u li dwarhom inqalgħu ħafna argumenti, u jitlob li ssir valutazzjoni tas-suċċess ta' dawn il-miżuri fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni.

3.  Jappoġġa wkoll l-inċentiva "back to school" u jenfasizza li miżuri tali jridu jiġu segwiti b'reqqa bl-għan li jkun hemm riintegrazzjoni b'suċċess fis-suq tax-xogħol.

4.  Jilqa' l-paragrafu ġdid dwar il-konnessjoni bejn il-programm operattiv Spanjol tal-FSE u l-miżuri appoġġati mill-EGF; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jelaboraw aktar fuq din l-informazzjoni bażika minħabba li informazzjoni komprensiva dwar il-kumplimentarjetà tal-EGF mal-miżuri appoġġati minn Fondi Strutturali oħra bi qbil mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-EGF hi importanti ħafna għall-evalwazzjoni sħiħa tal-valur miżjud tal-EGF.

5.  Itenni l-ħtieġa tal-kumplementarjetà u l-koordinazzjoni tal-miżuri kollha mmirati għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mis-sinerġiji ta' dawn il-miżuri.

6.  Jilqa’ l-preżentazzjoni ġdida u konċiża tal-applikazzjoni fil-forma ta’ tabella; jiddispjaċih, madankollu, li, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ħabbret flessibilità akbar fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet taħt il-format il-ġdid, għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni importanti dwar l-isfond tal-applikazzjoni li tkun relevanti għal valutazzjoni sħiħ tal-każ: pereżempju, tagħrif dwar x'ġara mill-impriżi, jekk għalqux jew inkella komplewx joperaw b'livell ta' attività aktar baxx biex jegħlbu l-kriżi, u l-kooperazzjoni mal-Imsieħba Soċjali.

7.  Interessat jisma' aktar dwar ir-relazzjoni bejn l-istudju appoġġat mill-EGF dwar is-sitwazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet ta' impjiegi u l-miżuri stabbiliti fl-istess ħin.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Francesca Balzani, Lajos Bokros, Jean-Luc Dehaene, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Estelle Grelier, Carl Haglund, Jutta Haug, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Vladimír Maňka, Miguel Portas, Dominique Riquet, László Surján, Derek Vaughan, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Peter Jahr, Andres Perello Rodriguez, Britta Reimers

Avviż legali - Politika tal-privatezza