ABBOZZ TA' RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011
4.6.2010 - (COM(2010)0239 – C7‑0131/2010 – 2010/0135(NLE)) - *
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Edward Scicluna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011
(COM(2010)0239 – C7‑0131/2010 – 2010/0135(NLE))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali ‑ konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2010)0239),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2010 tal-Kummissjoni dwar il-Konverġenza (COM(2010)0238) rigward l-Estonja u r-Rapport ta' Mejju 2010 tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-Konverġenza,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taż-żona tal-euro[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2008[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar id-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona tal-Euro u l-Finanzi Pubbliċi 2009[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni[4] (riżoluzzjoni dwar l-EMU@10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri ta' tkabbir ulterjuri taż-żona euro[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew għal proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar emenda għall-Artikolu 10(2) tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew[6],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/223/KE tal-21 ta' Marzu 2003 fuq l-emenda tal-Artikolu 10(2) tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew[7],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7‑0131/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0182/2010),
A. billi l-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat FUE) jiddefinixxi l-ilħuq ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli b’referenza għal jekk kull Stat Membru jkunx issodisfa dawn il-kriterji: il-ksib ta' livell għoli ta' stabbiltà fil-prezzijiet; pożizzjoni finanzjarja tal-Gvern sostenibbli; l-osservanza tal-marġni ta' fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju; u d-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li tiġi riflessa fil-livelli tar-rati ta' mgħax f'perjodi fit-tul;
B. billi l-Estonja kkonformat mal-kriterji ta’ Maastricht bi qbil mal-Artikolu 140 tat-Trattat FUE u l-Protokoll (Nru 13) dwar il-Kriterji ta' Konverġenza anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat FUE,
C. billi r-Rapporteur żar l-Estonja biex jivvaluta kemm dak il-pajjiż hu lest biex jidħol fiż-żona tal-euro,
D. billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-EUROSTAT, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-uffiċċju Estonjan għall-istatistika, ivverifika l-validità tad-data relevanti kollha trażmessa mill-awtoritajiet Estonjani,
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Huwa favur l-adozzjoni tal-euro mill-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011;
3. Jinnota li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) saret fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali globali li affetwat il-prospetti għal konverġenza nominali ta' ħafna Stati Membri oħra;
4. Jinnota li l-Estonja ssodisfat il-kriterji, bħala riżultat ta’ sforzi determinati, kredibbli u sostnuti mill-Gvern u l-poplu Estonjani;
5. Juri tħassib dwar id-diskrepanzi bejn ir-rapporti dwar il-konverġenza tal-Kummissjoni u tal-BĊE rigward is-sostenibbiltà tal-istabbiltà tal-prezzijiet;
6. Jinnota li r-Rapport tal-2010 tal-BĊE dwar il-Konverġenza jidentifika bħala sfida kbira ż-żamma tal-konverġenza tal-inflazzjoni, ladarba jintemm l-aġġustament ekonomiku attwali;
7. Jistieden lill-Gvern Estonjan biex iżomm l-attitudni ta’ politika fiskali prudenti tiegħu, flimkien mal-politiki globali tiegħu orjentati lejn l-istabbiltà, fil-konfront tal-iżbilanċji makroekonomiċi u r-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fil-ġejjieni;
8. Jistieden lill-Istati Membri biex iħallu lill-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-kriterji ta' Maastricht fuq il-bażi ta' data definita, indipendenti, attwali, affidabbli, u ta' kwalità għolja;
9. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel simulazzjoni tal-effett tal-pakkett ta’ salvataġġ taż-żona tal-euro fuq il-baġit Estonjan meta l-pajjiż jingħaqad maż-żona tal-euro u b’hekk isir membru tal-grupp li jiggarantixxi l-fondi ta’ salvataġġ;
10. Jistieden lill-Kummissjonu u lill-BĊE biex iqisu l-aspetti kollha meta jirrakkomandaw ir-rata tal-kambju finali għall-kroon Estonjan;
11. Jistieden lill-awtoritajiet Estonjani biex iħaffu t-tħejjijiet prattiċi tagħhom sabiex jiżguraw li l-proċess tal-bidla jkun bla intoppi; jistieden lill-Gvern Estonjan biex jiżgura li l-introduzzjoni tal-euro ma tintużax biex il-prezzijiet jiżdiedu bil-moħbi;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BĊE biex jirrapportaw lill-Parlament dwar il-passi li qed jiġu kkunsidrati għall-minimizzazzjoni tal-inflazzjoni tal-assi bħala konsegwenza tar-rati baxxi ta’ mgħax;
13. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
14. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Grupp tal-Euro u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
- [1] ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 249.
- [2] Testi Adottati, P7_TA-PROV(2010)0090.
- [3] Testi Adottati, P7_TA-PROV(2010)0072.
- [4] ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 8.
- [5] ĠU C 146 E, 12.6.2008, p.251.
- [6] ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 374.
- [7] ĠU L 83, 1.4.2003, p. 66.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-kriterji biex l-Estonja tadotta l-Euro nhar l-1 ta’ Jannar 2011 huma stipulati fl-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat FUE). Is-sustanza tar-rapporti dwar il-konverġenza li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni u l-BĊE huma regolati mill-Artikolu 140(1) tat-Trattat FUE u l-Protokoll dwar il-Kriterji ta' Konverġenza anness mat-Trattati. L-Estonja hi attwalment “Stat Membru b’deroga” u għaldaqstant mhix membru taż-żona tal-euro.
L-Artikolu 140(2) tat-Trattat FUE jiddikjara li l-Kunsill, fuq il-bażi tar-rapporti mill-Kummissjoni u mill-BĊE, wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u wara diskussjoni fil-Kunsill, li jkun qed jiltaqa’ fil-konfigurazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, għandu, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi liema Stati Membri b'deroga jissodisfaw il-kondizzjonjiet meħtieġa fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 140(1), u jabroga d-derogi tal-Istati Membri interessati.
Nhar it-12 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni pproponiet li l-Estonja tadotta l-euro mill-1 ta’ Jannar 2011.
Il-Parlament Ewropew għandu jeżamina r-Rapport dwar il-Konverġenza li tressaq, u joħroġ opinjoni. Għalkemm għandu ċerti riservi dwar kwistjonijiet individwali, ir-Rapporteur tagħkom jirrakkomanda li d-deroga titneħħa b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2011.
Fir-rigward tal-Kriterji ta’ Konverġenza taħt l-Artikolu 121(1) tat-Trattat KE u l-konformità dettaljata ma’ dawk il-kriterji, b’mod partikulari fir-rigward ta’ jekk intlaħaqx livell għoli ta’ konverġenza durabbli, ir-Rapporteur tagħkom josserva:
1. Il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikoli 108 u 109 u mal-Istatuti tal-BĊE
Il-Liġi dwar l-introduzzjoni tal-euro adottata mill-Parlament Estonjan nhar it-22 ta’ April 2010 ġabet lill-Estonja kompletament konformi mar-rekwiżiti għall-adozzjoni tal-euro, kif stipulati fit-Trattati u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE.
2. Il-ksib ta' livell għoli ta' stabbiltà fil-prezzijiet
Matul il-perjodu ta’ referenza minn April 2009 sa Marzu 2010, ir-rata medja fuq 12-il xahar tal-inflazzjoni tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur (HICP) kienet ta’ -0.7%, jiġifieri ferm anqas mill-valur ta' referenza ta' 1.0% għall-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. Hu mistenni li r-rata medja fuq 12-il xahar tal-inflazzjoni tal-HICP se tiżdied fix-xhur li ġejjin, imma l-viġilanza kontinwa u l-politiki prudenti rakkomandati huma mistennija li jżommu r-rendiment ta' prezzijiet sostenibbli tal-Estonja.
3. Pożizzjoni finanzjarja tal-Gvern sostenibbli
L-Estonja mhijiex soġġetta għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Fis-sena ta’ referenza 2009, il-bilanċ tal-baġit tal-gvern ġenerali wera defiċit ta’ 1.7% tal-PDG, jiġifieri ferm anqas mill-valur ta’ referenza. Il-proporzjon gross governattiv ġenerali ta’ dejn meta mqabbel mal-PDG kien ta’ 7.2% tal-PDG, i.e. ferm anqas mill-valur ta’ referenza ta’ 60%. Din il-prestazzjoni li ta’ min ifaħħarha nkisbet waqt kriżijiet finanzjarji, ekonomiċi u soċjali globali, u t-tnaqqis tal-PDG nominali ta’ 15% tal-Estonja nnifisha.
4. L-osservanza tal-marġni ta' fluttwazzjoni normali previsti mill-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju II tas-Sistema Monetarja Ewropea għal tal-anqas dawn is-sentejn li għaddew
Matul il-perjodu li ġie eżaminat, il-kroon Estonjan kompla jkun stabbli u ma wera l-ebda devjazzjoni mir-rata ċentrali tiegħu meta mqabbel mal-euro fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju II, u dan jirrifletti l-fatt li, taħt l-iskema tal-bord tal-munita, il-politika dwar ir-rata tal-kambju Estonjana ma nbidlitx. Barra minn hekk, fi ħdan il-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju II, l-Estonja ma żvalutatx ir-rata ċentrali tal-munita tagħha fil-konfronti tal-euro fuq inizjattiva tagħha stess.
5. Id-durabbiltà tal-konverġenza, kif riflessa fil-livelli tar-rati ta' mgħax f'perjodi fit-tul
Mhuwiex possibbli li jiġi identifikat indikatur li jkun jista’ jitqabbel mar-rendiment ta’ bonds tal-gvern fuq perjodi twal jew jissostitwixxih, peress li s-sistema finanzjarja Estonjana hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ suq żviluppat tajjeb għat-titoli ta’ dejn fit-tul denominati bil-kroon Estonjan, fatt li jirrifletti l-livell baxx ta’ dejn tal-gvern. Naqas ċertu tħassib fir-rigward ta’ żviluppi fis-swieq finanzjarja matul il-perjodu ta’ referenza minħabba rendiment fiskali inkoraġġanti u l-kredibbiltà rigward l-adozzjoni tal-euro.
6. L-integrazzjoni u l-konverġenza ekonomiċi (l-Art. 121(1), l-aħħar taqsima)
Il-kummerċ fi ħdan l-UE tal-Estonja hu kważi tliet darbiet aktar għoli mill-kummerċ ’il barra mill-UE. Dan tal-aħħar jinkludi kummerċ mar-Russja, in-Norveġja u l-Istati Uniti. L-iżbilanċi esterni mibnija waqt is-snin ta’ prosperità nħallu malajr, biex id-defiċit magħqud tal-kontijiet kurrenti u dawk kapitali inbidel f’bilanċ favorevoli sinifikanti fl-2009.
Is-settur finanzjarju tal-Estonja hu integrat tajjeb mas-settur finanzjarju usa’ tal-UE, permezz ta’ rabtiet ta’ sjieda transkonfinali, tal-konverġenza tat-tendenzi tas-suq u tar-rwol tal-euro fit-tranżazzjonijiet finanzjarji domestiċi.
It-traspożizzjoni tad-direttivi tal-UE dwar is-Suq Intern min-naħa tal-Estonja dan l-aħħar tjiebet u hi aħjar mill-objettiv tal-UE.
It-tisħiħ tal-kompetittività, flimkien mal-progress lejn esportazzjoni b’valur miżjud ogħla, huma rrakkomandati biex jinkisbu s-swieq u jiġi appoġġjat l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomija.
7. Nota rigward il-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew
Minkejja riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-PE, wara li tqajmu oġġezzjonijiet marbuta mal-erba’ rapporti preċedenti dwar l-adozzjoni tal-munita unika, iż-żmien allokat lir-rapporteur tagħkom biex iressaq dan ir-rapport wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti dwar il-konverġenza (jumejn ta’ xogħol) għamilielu diffiċli ħafna li jwettaq valutazzjoni xierqa tal-Kriterji ta’ Konverġenza bi qbil mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 140 tat-Trattat FUE. Il-Kummissjoni u l-BĊE għamlu xi sforzi biex jilluminaw lill-Parlament permezz ta’ skambju ta’ opinjonijiet li seħħ xahar qabel il-pubblikazzjoni tar-rapporti dwar il-konverġenza. Madankollu, għad hemm il-problema ta’ skadenza xierqa.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
2.6.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
40 2 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Godfrey Bloom, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Enikő Győri, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Othmar Karas, Jürgen Klute, Werner Langen, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Sławomir Witold Nitras, Ivari Padar, Rolandas Paksas, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sophie Auconie, Elena Băsescu, Arturs Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Gay Mitchell, Catherine Stihler |
|||||