RAPPORT dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta’ Baġit 2011

7.6.2010 - (2010/2002(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Sidonia Elżbieta Jędrzejewska


Proċedura : 2010/2002(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0183/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta’ Baġit 2011

(2010/2002(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011 li l-Kummissjoni adottat fis-27 ta' April 2010 (SEC(2010)0473),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (IIA)[1],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta (adottata fil-konċiljazzjoni f’Novembru 2009) dwar miżuri Tranżitorji applikabbli għall-proċedura baġitarja wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona[2],

  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar il-prijoritajiet għall-baġit tal-2011 – Taqsima III – Il-Kummissjoni[3],

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu 2010 dwar il-linji gwida tal-baġit għall-2011,

  wara li kkunsidra l-Kapitolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0183/2010),

A. billi l-proċedura baġitarja tal-2011 hija l-ewwel tat-tip tagħha skont it-Trattat ta' Lisbona u billi l-qari uniku tagħha jitlob kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa mal-fergħa l-oħra tal-awtorità baġitarja sabiex jintlaħaq ftehim matul il-proċedura ta' konċiljazzjoni rigward in-nefqa kollha,

B.  billi t-trilogu li se jsir f‘Lulju għandu jimmira li jwitti t-triq qabel ma l-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta' baġit, sabiex jiġu identifikati l-punti ta’ qbil minn qabel,

Abbozz ta' baġit għall-2011

Rimarki ġenerali

1.  Jinnota li t-total għall-abbozz ta' baġit (AB) għall-2011 huwa ta’ EUR 142 576.4 miljun f’approprjazzjonijiet għall-impenji (AI) u EUR 130 147.2 miljun f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (AĦ), li għalhekk iħalli marġni ta’ EUR 1 224.4 miljun f’AI u EUR 4 417.8 miljun f’AĦ; jinnota li dawn l-ammonti totali rispettivament jirrappreżentaw 1.15% u 1.05% tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-UE previst għall-2011;

2.  Huwa mħasseb mill-fatt li ż-żieda fl-AI hija ta’ 0.77% biss meta mqabbla mal-baġit tal-2010 kif adottat, differenza li ma tirriflettix l-istennija espressa b'mod ġenerali li l-baġit tal-UE għandu rwol kruċjali fl-appoġġ tal-ekonomiji Ewropej wara l-kriżi; jinnota li l-AĦ żdiedu b’5.85%, iżda jfakkar li l-livell baxx mhux normali tal-AĦ fl-2010 jipprovdi spjegazzjoni matematika għal din iż-żieda; ifakkar li l-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) jipprovdi limiti ta’ EUR 142 965 miljun għall-AI u EUR 134 280 miljun għall-AĦ, fi prezzijiet attwali;

3.  Jirrikonoxxi t-tnaqqis fid-diskrepanza bejn l-AI u l-AĦ kif imqabbel mal-baġit tal-2010 (EUR 12 429 miljun meta mqabbla ma' EUR 18 535 miljun), li jindika implimentazzjoni aħjar tal-baġit tal-UE, iżda fl-istess ħin jinnota li l-MFF jipprovdi differenza ta’ EUR 8 366 miljun biss bejn l-AI u l-AĦ għall-2011; ifakkar f’dan ir-rigward li dawn id-diskrepanzi joħolqu żbilanċi fuq medda twila ta’ żmien u għandhom għalhekk jiġu evitati f'ġieħ is-sostenibilità u l-ġestjonabilità baġitarja;

4.  Jinnota li l-maġġoranza (70%) tal-marġni ġenerali ta’ EUR 1 224.4 miljun fl-AB toħroġ mill-marġni fl-intestatura 2 dwar il-preservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali, u li l-intestaturi l-oħra – b’mod partikolari l-intestaturi 1a, 3b u 4 – għandhom marġni limitati ħafna, u b’hekk proporzjonalment inaqqsu l-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għal bidliet ta’ politika u għal bżonnijiet mhux mistennija filwaqt li żżomm il-prijoritajiet tagħha;

5. Jenfasizza, barra minn hekk, li l-marġni fl-intestatura 2 jista' fil-fatt ikun aktar baxx, peress li l-kundizzjonijiet tas-suq jistgħu jinbidlu;

6. Jilqa' bi pjaċir il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-ftehim interistituzzjonali (COM (2010)185) u jfakkar, f’dan ir-rigward, li proposta għal reviżjoni sostanzjali tal-baġit hija mistennija, u li d-diffikultajiet li tfaċċaw matul proċeduri baġitarji preċedenti biex ikun hemm reazzjoni adegwata u sodisfaċenti għal bosta sfidi li nqalgħu jwasslu biex reviżjoni tal-MFF tkun inevitabbli; ifakkar li jistenna li l-Kummissjoni tagħmel proposti konkreti għal reviżjoni tal-MFF qabel tmiem l-ewwel nofs tal-2010;

7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta’ proċeduri pendenti b’konsegwenzi baġitarji estensivi li jeħtieġu jiġu konklużi miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja fl-2011 (ir-reviżjoni baġitarja, it-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-baġits emendatorji, ir-reviżjoni tal-IIA, ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, eċċ);

8.  Jieħu nota tal-prijoritajiet stipulati mill-Kummissjoni (primarjament l-appoġġ tal-ekonomija tal-UE wara l-kriżi u l-adattament għar-rekwiżiti l-ġodda, i.e. l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-awtoritajiet ġodda ta' superviżjoni finanzjarja, l-iffinanzjar tal-inizjattiva tal-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma, eċċ) u jistaqsi jekk iż-żieda modesta fl-AI meta mqabbla mal-baġit tal-2010 hijiex biżżejjed biex tindirizzahom;

9.  Jenfasizza l-importazza ta' reazzjoni b'saħħitha għall-kriżi u għall-instabilità tas-swieq finanzjajri li għandhom jinvolvu kapaċità u flessibilità akbar ta' finanzjament għall-baġit tal-UE; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummisjoni biex jipprovdu aktar informazzjoni dettaljata dwar l-impatt li jista' jkollu fuq il-baġit tal-UE l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja li ttieħdet deċiżjoni dwaru fil-laqgħa tal-Kunsill staordinarju tal-Ecofin tad-9 u l-10 ta' Mejju 2010; jitlob barra minn hekk, biex jiġu evitati kriżijiet futuri, li titwaqqaf sistema effiċjenti ta' monitoraġġ li tkun tinkludi l-għoti dirett ta' informazzjoni lill-Parlament;

10. Jiddeplora l-impossibilità li tiġi identifikata b'mod ċar, minn perspettiva baġitarja, l-implikazzjonijiet finanzjarji fl-AB 2011 tal-inizjattivi rappreżentativi tal-Istrateġija UE 2020, bħalma huma 'Unjoni ta' Innovazzjoni', 'Żgħażagħ Mobbli', 'Ewropa b’użu effiċjenti ta' riżorsi', 'Ħiliet u impjiegi ġodda' u 'Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni', u jesprimi dubji kbar dwar il-kapaċità li jiġi żgurat, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju attwali, finanzjament adegwat għal dawn l-inizjattivi kruċjali;

11. Ifakkar li, kif mistqarr fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2010 dwar il-prijoritajiet għall-baġit tal-2011, it-tema li tittratta ż-żgħażagħ hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin għall-baġit 2011, li għandha tiġi promossa bħala tema trasversali, b'mod li tiżviluppa sinerġiji bejn oqsma ta’ politika differenti marbuta maż-żgħażagħ, primarjament l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-intraprenditorjat u s-saħħa, filwaqt li tiffaċilita u tħeġġeġ l-inklużjoni soċjali, l-għoti ta' kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-mobilità taż-żgħażagħ; jinnota li t-tema taż-‘żgħażagħ’ għandha titqies bħala kunċett wiesa’ li jinvolvi l-abilità tal-individwi li jbiddlu l-pożizzjonijiet u l-istatus tagħhom bosta drabi matul ħajjithom, b'mod li jgħaddu mingħajr restrizzjoni mill-ambjenti tal-apprentistat, dak akkademiku jew professjonali u t-taħriġ vokazzjonali, u li għal dan il-għan wieħed mill-objettivi għandu jkun li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mis-sistema edukattiva għas-suq tax-xogħol;

12. Jiddeplora l-fatt li, minkejja profil estremament għoli u rata ta’ implimentazzjoni għolja ħafna – li laħqet 95-100% kull sena matul il-perjodu 2007-2009 – iż-żieda fl-approprjazzjonijiet proposta fl-AB għall-istrumenti u l-programmi essenzjali marbuta maż-żgħażagħ, bħal Tagħlim tul il-Ħajja, Żagħżagħ fl-Azzjoni u Erasmus Mundus, hija pjuttost simbolika; iqis li din iż-żieda ma tippermettix lill-UE li tindirizza din il-prijorità b'mod adegwat u għalhekk biħsiebu jipprovdi aktar appoġġ għal dawn il-programmi; ifakkar, f’dan il-kuntest, li bla dubju dawn il-programmi għandhom valur miżjud Ewropew u jikkontribwixxu immens għall-ħolqien ta' soċjetà ċivili Ewropea qawwija, minkejja l-allokazzjoni finanzjarja modesta li jirċievu;

13. Jitlob għal kjarifika addizzjonali fl-analiżi bejn in-nefqa operattiva u dik amministrattiva, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi li saru fir-rigward tal-preżentazzjoni tan-nefqa amministrattiva lil hinn mill-intestatura 5; jinnota li diġà hemm ammont sostanzjali ta’ dak li, fir-realtà, huwa infiq amministrattiv li qiegħed ikun iffinanzjat mill-approprjazzjonijiet operattivi;

14. Hu determinat li jaffronta n-negozjati fuq il-baġit għas-sena finanzjarja 2011 b’mod kostruttiv u miftuħ, meta wieħed iżomm f’moħħu l-objettivi ta’ effiċjenza u ta’ valur miżjud Ewropew; jistenna min-naħa l-oħra li l-fergħa l-oħra tal-awtorità baġitarja se tadotta approċċ kooperattiv sabiex tiżgura djalogu politiku ġenwin u li se titbiegħed 'mill-eżerċizzju ta' kontabilità' fejn it-tifdil u l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri huma mogħtija post prominenti żżejjed fin-negozjati; ifakkar li t-Trattat mhux biss immodifika l-qafas legali għall-proċedura baġitarja, iżda anki introduċa metodu ġdid u skadenzi ġodda għan-negozjati u għall-kisba tal-kompromessi;

15. Jenfasizza l-fatt li l-baġit tal-UE huwa limitat ħafna meta mqabbel ma' baġits nazzjonali; ifakkar għalhekk fil-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji bejn il-baġit tal-UE u l-baġits nazzjonali li sabiex isseħħ l-implimentazzjoni ta' strateġiji komuni tal-UE; jenfasizza li l-koerenza tagħti impatt akbar lill-politiki Ewropej, b'mod li jinkiseb valur miżjud veru Ewropew, filwaqt li tappoġġa objettivi ta' politika fuq terminu twil ta' żmien; huwa konvint li l-baġit tal-UE jista' jkun strumentali, f'oqsma kruċjali, biex jappoġġa l-investimenti għal terminu twil ta' żmien u l-impiegi; jistenna li l-Kunsill jikkunsidra sew dan id-dmir meta jiddeċiedi dwar il-baġit tal-UE u jżomm lura milli jagħmel tnaqqis ġenerali f'kull qasam, minkejja li l-isfond tal-finanzi pubbliċi nazzjonali huwa diffiċli ħafna;

16. Ifakkar fil-prijoritajiet tiegħu kif espressi fir-riżoluzzjoni tal-25 ta’ Marzu msemmija hawn fuq;

Intestatura 1a

17. Jinnota żieda ta' 4.4% fl-AI (għal EUR 13 437 miljun) u ta' 7% fl-AĦ (għal EUR 11 035 miljun[4]), flimkien ma' marġni ta' EUR 50.1 miljun (meta mqabbla ma' EUR 37 miljun fl-ipprogrammar finanzjarju), li jirriżultaw minn tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-infiq ta’ appoġġ amministrattiv u tekniku (ex "linji BA") kif ukoll għall-aġenziji deċentralizzati u eżekuttivi, u minn tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għal sensiela ta' programmi, bħal Dwana 2013 u CIP-Imprenditorjat u Innovazzjoni;

18. Ifakkar fir-rwol importanti li għandhom l-SMEs biex jiġi żgurat l-irkupru u biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-UE; jitlob li jingħata appoġġ akbar lill-programmi u lill-istrumenti kollha li għandhom l-għan li jrawmu lill-SMEs, u jinsab imħasseb, f'dan ir-rigward, bit-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet propost għas-CIP-Imprenditorjat u Innovazzjoni;

19. Ifakkar li l-bżonnijiet il-ġodda li għandhom jiġu ffinanzjati minn din l-intestatura (programm ta’ dekommissjonar ta’ Kozloduy, awtoritajiet Ewropej ta’ sorveljanza finanzjarja, ITER u GMES, inkluż ir-rikjesta tal-Parlament li jżid l-approprjazzjonijiet għall-fażi operattiva tiegħu) ma ġewx previsti waqt l-adozzjoni tal-MFF attwali; jenfasizza li l-finanzjament ta’ dawn il-bżonnijiet ma għandhomx ikunu ta’ ħsara għall-iffinanzjar ta’ programmi u azzjonijiet oħra tal-intestatura 1a li huma fundamentali għall-isforzi ta’ rkupru tal-Ewropa wara l-kriżi;

20. Ifakkar li l-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew (EERP) hu parzjalment iffinanzjat minn din l-intestatura, kif huma għadd kbir ta' programmi multiannwali (CIP, FP7, TENs, Galileo/EGNOS, Marco Polo II u l-programm Progress) li se jkunu laħqu l-maturità fl-2011; itenni, għalhekk, ir-rikjesta tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport ta' segwitu dwar l-implimentazzjoni tal-EERP, inkluż dwar miżuri fdati lill-BEI;

21. Jilqa’ ż-żidiet fl-approprjazzjonijiet għall-programmi prinċipali (FP7, 13.8%); CIP, 4.4%; Tagħlim tul il-Ħajja, 2.6%; TEN 16.8%), u jenfasizza li dawn il-programmi jipprovdu lieva essenzjali fl-istrateġija ekonomika tal-UE ta' kontra l-kriżi;

22. Jenfasizza li l-intestatura 1a tinkludi bosta inizjattivi rappreżentattivi tal-istrateġija UE2020, bħal Unjoni ta’ Innovazzjoni, Żgħażagħ Mobbli, Ewropa lil tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti, Ħiliet u impjiegi ġodda kif ukoll Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni; jiddeplora l-fatt li huwa impossibbli li, mill-perspettiva baġitarja, jiġu identifikati b'mod ċar l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-istrateġija UE2020 u jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-kapaċità li jiġi żgurat, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju attwali, finanzjament adegwat għal dawn l-inizjattivi;

23. Ifakkar li minħabba l-istrateġija UE2020, il-prijoritajiet għall-2011 se jiġu ffinanzjati primarjament minn din l-intestatura, u li l-kompetenzi tal-UE li joħorġu mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat x'aktarx ikollhom implikazzjonijiet baġitarji; jenfasizza li l-politika tal-ispazju, li hija eżempju konkret ta' politika industrijali Ewropea li tippromwovi l-progress xjentifiku, teknoloġiku u ambjentali Ewropew filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività industrijali, teħtieġ sforz finanzjarju akbar, sew mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri fil-kuntest tal-GMES;

24. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni “Żgħażagħ Mobbli” li tfittex li ttejjeb il-prestazzjoni u l-attrazzjoni internazzjonali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla Ewropej u tgħolli l-istandard ġenerali tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE; jappoġġa b'mod qawwi l-promozzjoni tal-opportunitajiet ugwali għaż-żgħażagħ kollha, irrispettivament mill-isfond edukattiv tagħhom; jixtieq jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat biżżejjed finanzjament għal politika ambizzjuża fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, li għandu rwol kruċjali fl-istrateġija UE2020; jenfasizza li l-UE se tuża r-riżorsi kollha tagħha biex twieġeb għal din l-isfida ambizzjuża, li toħloq momentum bħal qatt qabel għall-iżvilupp ta' politika globali għaż-żgħażagħ tal-UE; jenfasizza, madankollu, li t-tnedija ta' inizjattiva rappreżentattiva u komprensiva bħal din li tkopri għadd ta' programmi distinti u stabbiliti sew tal-UE f'dan il-qasam ma għandhiex tbaxxi l-profil tal-programmi individwali;

25. Jenfasizza li r-riżorsi baġitarji li huma disponibbli fil-futur għal strumenti bħall-programm Tagħlim Tul il-Ħajja u ħiliet trasversali, bħall-e-ħiliet, kapaċitajiet internazzjonali, ħiliet intraprenditorjali u l-multilingwiżmu, għandhom jirriflettu l-valur miżjud Ewropew għoli li jġibu dawn l-istrumenti u għalhekk għandhom jingħataw prijorità fil-Baġit 2011;

26. Huwa diżappuntat li t-turiżmu, li jiġġenera indirettament iktar minn 10% tal-PGD tal-UE u li sar kompetenza sħiħa tal-UE wara r-ratifika tat-Trattat ta' Lisbona, mhuwiex identifikat b'mod ċar fl-AB tal-2011;

27. Jinnota l-inklużjoni, għall-ewwel darba, ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni, u jqis li dan huwa element importanti fir-riflessjoni ġenerali dwar il-ġestjoni u l-viżibilità ta' dan il-fond; iqis, madankollu, li dawn l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet jafu ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ammonti meħtieġa għall-applikazzjonijiet tal-FEAG fl-2011; itenni għalhekk it-talba tiegħu li ma jiġux iffinanzjati applikazzjonijiet tal-FEAG esklużivament permezz ta' trasferimenti tal-linji tal-FSE u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tidentifika u tuża mingħajr aktar dewmien linji differenti tal-baġit għan dan l-iskop; jenfasizza l-ħtieġa ta' proċedura simplifikata u aktar mgħaġġla għall-mobilizzazzjoni tal-fond[5];

28. Jinnota ż-żieda vera modesta fl-approprjazzjonijiet għall-impenji, jew l-istaġnar tagħhom (meta mqabbla mal-baġit 2010), għall-EURES u għat-tliet linji tal-baġit li jappoġġaw ir-relazzjonijiet industrijali u d-djalogu soċjali; jemmen li, fil-kuntest attwali ta' sensji massivi u ristrutturar minħabba l-kriżi, dawn il-linji għandhom jissaħħu;

Intestatura 1b

29. Jinnota li l-AB 2011 jipprovdi żieda ta' 3.2% fl-AI għal total ta' EUR 50 970 miljun, li EUR 39 891.5 miljun minnhom huma għall-Fondi Strutturali (FEŻR u FSE) – ammont simili għaċ-ċifra tal-2010 – u EUR 11 078.6 miljun għall-Fond ta' Koeżjoni;

30. Jinnota li din il-proposta hi konformi mal-allokazzjonijiet stabbiliti fl-MFF, meta jitqies l-aġġustament tekniku għall-qafas finanzjarju għall-2011[6] (żieda ta' EUR 336 miljun), kif previst fil-punt 17 tal-IIA; jinterpreta f'dan is-sens il-marġni ta' EUR 16.9 miljun, li jirriżultaw l-aktar mill-allokazzjoni ta' assistenza teknika u jirrappreżentaw 0.03% tal-intestatura;

31. Jilqa' ż-żieda ta’ 16.9% fl-AĦ għal EUR 42 541 miljun proposti għall-2011, iżda madankollu jinsab mħasseb li l-bżonnijiet tal-ħlasijiet ġew stmati fuq il-bażi tar-rati ta' ħlasijiet storiċi meta mqabblin mal-kwoti tal-impenji korrispondenti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-programmi kienet miexja ħafna aktar bil-mod fil-bidu tal-perjodu 2007-2013 u għalhekk se jkollha tirkupra sew, b'mod partikolari fl-2011;

32. Jiddubita li l-aġġustamenti magħmula, primarjament permezz tal-allokazzjoni ta' ħlasijiet imdewma bħala proporzjon ta' ħlasijiet mistennija fis-snin li ġejjin, huma totalment xierqa biex jindirizzaw il-bżonnijiet kollha ta' ħlasijiet addizzjonali li jirriżultaw b'mod partikolari minn dawn li ġejjin:

-    bidliet leġiżlattivi riċenti, li b'mod partikolari jimmiraw li jiffaċilitaw l-immaniġġjar tal-finanzjamenti tal-UE u li jaċċelleraw l-investimenti;

-    l-2011 se tkun l-ewwel sena sħiħa li fiha s-Sistemi ta' Ġestjoni u Kontroll kollha se jiġu approvati, li hija prekondizzjoni għall-ħlasijiet interim u li tfisser li l-implimentazzjoni tal-programmi se tkun għaddejja b'ritmu tajjeb, minħabba li sa tmiem Marzu 2010 diġà ġew magħżula proġetti għal aktar minn 93 biljun jew 27% tal-volum finanzjarju totali għall-perjodu kkonċernat;

-    l-għeluq tal-programmi 2000-2006 huwa mistenni li jkompli fl-2011, u b'hekk jeħtieġ li jsiru l-ħlasijiet finali iżda wkoll jinħelsu xi riżorsi biex titħaffef aktar l-implimentazzjoni ta' programmi tal-perjodu 2007-2013;

33. Iqis barra minn hekk li riżorsi adegwati għall-politika ta' koeżjoni huma kruċjali sabiex jitħaffef l-irkupru tal-ekonomija Ewropea u biex jikkontribwixxu għall-istrateġija Ewropa 2020 għar-reġjuni; jenfasizza l-effetti sinerġiċi tal-kooperazzjoni makroreġjonali tal-UE sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-bżonn li jiġu allokati biżżejjed riżorsi sabiex jiġu implimentati l-strateġiji makroregjonali eżistenti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex mingħajr dewmien jippreżentaw u jadottaw baġit emendatorju, jekk l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-bżonnijiet;

34. Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem mill-qrib ma' dawk l-Istati Membri b’rata baxxa ta' assorbiment, sabiex ittejjeb aktar il-qagħda fir-rigward tal-assorbiment fuq il-post; huwa konxju mill-fatt li rata bil-mod ta' assorbiment tista' tipperikola l-implimentazzjoni progressiva tal-politiki tal-UE;

35. Jitlob lill-Kummissjoni wkoll biex tkompli r-riflessjoni tagħha dwar kif se tqalleb mill-ġdid is-sistema kumplessa ta' regoli u rekwiżiti imposti mill-Kummissjoni u/jew l-Istati Membri, sabiex tiffoka aktar fuq il-kisba tal-għanijiet u inqas fuq il-legalità u r-regolarità, mingħajr ma titbiegħed mill-prinċipju ewlieni ta' ġestjoni finanzjarja tajba; jenfasizza li riflessjoni bħal din għandha tikkontribwixxi wkoll għal abbozzar aħjar tar-regolament bażiku tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; ifakkar f’dan ir-rigward fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Novembru 2009 dwar is-simplifikazzjoni u użu aktar immirat tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni fil-kuntest tal-kriżi ekonomika;

Intestatura 2

36. Ifakkar li waħda mill-bidliet ewlenin imdaħħla bit-TFUE hija l-abolizzjoni tad-distinzjoni bejn l-infiq obbligatorju u dak mhux obbligatorju fil-proċedura baġitarja, li tippermetti, fl-aħħar, liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jinnegozjaw bl-istess kundizzjonijiet fir-rigward tal-approprjazzjonijiet anwali kollha; ifakkar li l-infiq obbligatorju kien jammonta għal kważi 34% tal-baġit globali, bil-parti l-kbira tiegħu fl-intestatura 2;

37. Jenfasizza li, matul l-aħħar ftit snin, l-awtorità baġitarja għamlet użu minn din l-intestatura biex jintlaħaq ftehim globali dwar il-baġits annwali, permezz tal-użu tal-marġni jew tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet għall-użu fi programmi u azzjonijiet oħra;

38. Jieħu nota li, minkejja l-istqarrija li l-approprjazzjonijiet baqgħu stabbli, id-dħul assenjat niżel b'aktar minn 25% fl-2011, l-appoġġ tas-suq niżel bi kważi 22% (għal EUR 3 491 miljun), u l-approprjazzjonijiet għall-miżuri veterinarji u fitosanitarji juru tnaqqis ta’ 7.8%; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-suppożizzjonijiet ottimisti tal-Kummissjoni (minħabba ż-żieda fil-volatilità tas-swieq u l-vulnerabilità tal-attività agrikola għall-perikli tas-saħħa) fir-rigward tax-xejriet fis-swieq agrikoli fl-2011, li rriżultaw fi tnaqqis ta' madwar EUR 900 miljun f'infiq relatat mas-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimmonitorjaw b'attenzjoni l-iżviluppi fis-swieq agrikoli u biex ikunu lesti jirreaġixxu malajr u b'mod effikaċi bil-miżuri meħtieġa ta' salvataġġ biex jegħlbu żviluppi negattivi fis-suq u l-volatilità tal-prezzijiet fis-suq; jesprimi tħassib ukoll dwar it-tnaqqis ippjanat fl-approprjazzjonijiet għall-miżuri veterinarji u fitosanitarji, minħabba l-bżonn li wieħed jibqa' viġilanti fir-rigward tal-qerda tal-mard tal-annimali;

39. Jilqa' ż-żieda fl-approprjazzjonijiet għal għajnuna diretta mhux marbuta mal-produzzjoni (9.7%), għall-iskema tal-frott u l-ħxejjex fl-iskejjel (sa 50% għal EUR 90 miljun), u għall-ħalib fl-iskejjel (5.3%), kif ukoll l-approprjazzjonijiet iddedikati għall-programm għall-għajnuna għal persuni mċaħħda; jinnota b'sodisfazzjon it-tnaqqis kostanti fir-rifużjonijiet għall-esportazzjonijiet mill-2007 ‘l hawn (EUR 166 miljun fl-AB tal-2011);

40. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li terġa talloka mill-ġdid il-fondi li ma ntnefqux minn bosta Stati Membri lil Stati Membri oħrajn li qed jimplimentaw il-programm b'suċċess;

41. Jieħu nota li kif stipulat fl-istrateġija Ewropa 2020, l-azzjoni klimatika hija prijorità u jinnota l-bidla fl-intestatura tat-Titolu 07 għal "Ambjent u l-azzjoni klimatika" jieħu nota taż-żieda fl-approprjazzjonijiet proposti għall-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-azzjoni klimatika kif ukoll azzjoni preparatorja ġdida dwar l-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

42. Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-AI għal LIFE + għal EUR 333.5 miljun (żieda ta’ 8.7%), u jilqa' ż-żieda qawwija fl-AĦ (24.3% għal EUR 268.2 miljun) b'konformità mar-rati ta' implimentazzjoni mtejba, mhux l-inqas bil-ħsieb tal-miżuri ta' segwitu għall-istrateġija tal-bijodiversità ppjanati fl-2010; jirrimarka li l-isfidi ambjentali kbar li qed taffaċċja l-UE, inkluż it-tniġġis tal-ilma, jirrikjedu li jsir sforz finanzjarju addizzjonali f'dan il-programm;

43. Ifakkar li l-Fond tal-Ħalib adottat fil-baġit 2010 biex itaffi l-konsegwenzi tal-kriżi tal-ħalib suppost kellu jkun azzjoni ta' darba; jitlob lill-Kummissjoni sabiex teżamina kif qed jintużaw mill-Istati Membri l-EUR 300 miljun f'finanzjament eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u sabiex tgħaddi l-evalwazzjoni tagħha ta' din il-miżura, flimkien ma' proposti għal approċċ permanenti u proposti konkreti biex tiġi ttrattata l-volatilità tal-prezzijiet f'dan is-settur;

44. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-importanza politika tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) mhijiex riflessa b'mod adegwat fl-abbozz ta' baġit għall-2011; jirrimarka li l-fondi proposti għall-iżvilupp ta' politika marittima integrata mhumiex biżżejjed biex ikopru l-aspetti l-aktar importanti tat-tnedija ta' din il-politika ġdida; jenfasizza li politika marittima ġdida tal-Unjoni Ewropea tista' tiżviluppa għad-detriment ta' oqsma prijoritarji eżistenti tal-PKS f'dak li jirrigwarda l-finanzjament baġitarju tagħhom; jenfasizza li politika bħal din se tirrikjedi finanzjament adegwat minn aktar minn linja waħda tal-baġit;

Intestatura 3a

45. Jinnota li ż-żieda ġenerali fil-fondi marbuta ma’ din l-intestatura (+12.8%) tidher li tagħti effett prattiku lill-ambizzjonijiet f’dan il-qasam espressi fit-Trattat ta’ Lisbona u fil-Programm ta’ Stokkolma;

46. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni; ifakkar, kif jingħad fil-Programm ta' Stokkolma, fil-ħtieġa li jkun hemm miżuri ta' inklużjoni soċjali u programmi ta' risistemazzjoni soċjali u li jiġu appoġġati inizjattivi kontra d-drogi (li jkunu jinvolvu l-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara);

47. Jieħu nota, f’dan ir-rigward, tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma, u jilqa’, fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-appoġġ għall-integrazzjoni tal-immigranti, iż-żieda proposta fl-AI għall-Fond għall-Fruntieri Esterni (EUR 254 miljun, +22%), il-Fond Ewropew għar-Ritorn (EUR 114 miljuni + 29%) u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati (EUR 94 miljun, + 1.3%);

48. Jirrikonoxxi li t-tnaqqis propost fl-approprjazzjonijiet għal FRONTEX fl-2011, minkejja ż-żieda fix-xogħol, jiġi minn valutazzjoni aġġornata tal-approprjazzjonijiet mhux użati u l-bilanċi favorevoli annwali tiegħu;

49. Jilqa' l-adozzjoni tar-regolament għat-twaqqif ta' Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-EASO jibda jopera fi żmien sew qabel l-2011 u li jkunu disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-uffiċċju biex jibda l-mandat tiegħu;

50. Jiddeplora l-fatt li, fl-istennija tat-tressiq (previst għall-2013) tal-proposta għal regolament dwar il-EUROPOL, aġenzija tal-UE ffinanzjata mill-baġit tal-UE mill-2010, il-volum ta' approprjazzjonijiet għall-2011 (EUR 82.9 miljun) baqa' kważi l-istess meta mqabbel mal-2010 (EUR 79.7 miljun), minkejja li l-Programm ta’ Stokkolma talab li l-EUROPOL jissaħħaħ;

51. Jinnota li, minkejja li l-iskeda programmatika għall-iżvilupp u d-dħul fl-operat tas-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen II (SIS II) hija inċerta, qed jiġi propost li l-AI jonqsu biss bi ftit minn EUR 35 miljun għal EUR 30 miljun, filwaqt li l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet jiżdiedu minn EUR 19.5 miljun għal EUR 21 miljun; ifakkar li l-Kummissjoni kienet ipproġettat EUR 27.91 miljun sakemm jibda jopera s-SIS II fir-raba' kwart tal-2011; jirrimarka li l-iżvilupp tas-SIS II diġà waqa' lura fiż-żmien u probabbilment mhux se jitlesta qabel tmiem l-2011; iqis li huwa meħtieġ, meta wieħed jikkunsidra li l-prospettiva ta’ migrazzjoni għas-SIS II qed issir dejjem iżjed improbabbli u li fil-preżent qed tiġi mħejjija possibilità alternattiva, li parti minn dawn il-fondi jitqiegħdu fir-riżerva, fl-istennija ta’ analiżi addizzjonali;

52. Jenfasizza li l-iffinanzjar tal-aġenzija ppjanata għall-amministrazzjoni operazzjonali ta' sistemi fuq skala kbira ta' IT fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja m'għandux iwassal għall-iżvilupp ta' sistemi tal-IT addizzjonali qabel ma s-SIS II jew soluzzjoni alternattiva u l-VIS ikunu bdew jaħdmu; jitlob li l-ispejjeż ta' din l-aġenzija u l-proġetti tagħha jkunu speċifikati b'mod ċar;

Intestatura 3b

53. Ifakkar li l-intestatura 3b tkopri kwistjonijiet ta’ interess kbir għaċ-ċittadini Ewropej, bħaż-żgħażagħ, il-programmi edukattivi u kulturali, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumaturi, l-istrument ta’ protezzjoni ċivili u l-politika tal-komunikazzjoni; jinnota, għalhekk, bi tħassib kbir, li l-approprjazzjonijiet globali naqsu għat-tieni sena konsekuttiva, bi tnaqqis fl-AI ta’ 0.03% (għal EUR 667.8 miljun) u fl-AĦ ta’ 3.1% (għal EUR 638.9 miljun) kif imqabbel mal-baġit tal-2010, li jħalli marġni ta’ EUR 15.2 miljun;

54. Jinnota li ż-żieda proposta għal xi programmi (Media 2007, Kultura 2007, Saħħa Pubblika, eċċ) saret possibbli bin-nuqqas ta’ AI għal bosta proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji; jiddeplora l-fatt għalhekk li l-marġni żgħir se joffri spazju ta' manuvra limitat meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar it-tisħiħ tal-finanzjament tal-prijoritajiet li minnhom jibbenefikaw direttament iċ-ċittadini u fl-adozzjoni ta' proposti għal proġetti u azzjonijiet;

55. Itenni li investiment koordinat u multidixxiplinari fiż-żgħażagħ għandu jibda mingħajr dewmien bħala tema trasversali, u li żieda fil-finanzjament tal-istrument tal-politika taż-żgħażagħ għandha tiġi proposta kif xieraq; jiddeplora n-nuqqas ta' ambizzjoni muri mill-Kummissjoni li ma rnexxilhiex tindirizza sew din il-prijorità u jikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jemenda l-abbozz ta' baġit sabiex ikunu pprovduti fondi adegwati għal din il-prijorità;

56. Ifakkar li t-tħeġġiġ u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ u l-isport hija prijorità għall-baġit 2011 u jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju għal avvenimenti annwali speċjali huwa għodda importanti għal dan il-għan; jiddeplora l-fatt li ebda AI ma ġew inklużi fl-abbozz ta' baġit għall-2011 (p.m. f’AI u EUR 2.9 miljun biss f’AĦ), meta mqabbla ma’ EUR 9.8 miljun u EUR 10.25 miljun rispettivament fil-baġit tal-2010;

57. Jilqa' t-tnedija tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat fl-2011, ibbażata fuq l-azzjoni preparatorja introdotta fl-2010 fil-baġit 2010, u jfakkar fid-deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill li jżidu għal EUR 8 miljun l-allokazzjoni ġenerali prevista fl-att leġiżlattiv rilevanti;

58.  Huwa mħasseb dwar il-livell baxx ta' approprjazzjonijiet – li saħansitra naqsu f'xi każijiet meta maqqbla mal-2010 – iddedikati għal programmi li jippromwovu ċ-ċittadinanza Ewropea, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni għall-midja; jemmen li dawn il-programmi huma element essenzjali fit-tiswir ta' identità Ewropea u fil-komunikazzjoni tal-proġett Ewropew liċ-ċittadini tal-UE;

59. Jiddispjaċih dwar il-livell imnaqqas ta' impenji għall-programm DAPHNE, u jiġbed l-attenzjoni rigward il-konsegwenzi negattivi possibbli ta' dan fuq il-ġlieda kontra l-vjolenza; jitlob li jkomplu jiġu ffinanzjati miżuri eżistenti u effikaċi biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa;

Intestatura 4

60. Ifakkar, għal darba oħra, fil-marġni ristretti ħafna disponibbli fl-intestatura 4, li ma jippermettux lill-UE tirreaġixxi adegwatament għal kriżijiet u emerġenzi rikorrenti u emerġenti; jirrimarka li d-diskrepanza li qed tiżdied u li mhux tollerabbli bejn din l-intestatura sottofinanzjata u l-impenji politiċi l-ġodda tal-Kunsill fil-livell dinji jistgħu biss jiġu indirizzati permezz ta' reviżjoni tal-limitu massimu fl-MFF eżistenti[7];

61. Jilqa’ ż-żieda proposta fl-approprjazzjonijiet għall-Politika Ewropea tal-Viċinat għan-Nofsinhar u għal-Lvant, u b'mod aktar speċifiku għad-dimensjoni tas-sħubija tal-Lvant ta' din tal-aħħar; jinnota l-proposta li l-linja baġitarja dedikata għall-istrateġija tal-UE għall-Baħar Baltiku tiżvojta, iżda jiddeplora l-fatt li mhuwiex dedikat ammont ekwivalenti għal din l-istrateġija fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għal-Lvant;

62. Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jitwettqu l-objettivi u tinkiseb implimentazzjoni effikaċi tas-Sħubija tal-Lvant, biex tiżgura li tingħata assistenza finanzjarja supplimentari għall-Programmi Indikattivi Multiannwali u l-Programmi Indikattivi Nazzjonali l-ġodda tal-ENPI għall-perjodu 2011-2013 li jkopru l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

63. Huwa mħasseb ħafna rigward it-tnaqqis propost ta' aktar minn 32% fl-AI għall-assistenza finanzjarja lill-Palestina, il-proċess ta' paċi u l-UNRWA, meta wieħed iżomm f'moħħu l-ħtieġa rikorrenti ta' aktar fondi; iqis li l-istqarrija tal-Kummissjoni dwar ‘l-allokazzjonijiet eċċezzjonalment għolja tas-snin ta’ qabel [li] ma jistgħux jinżammu mingħajr ma jiġu pperikolati l-finanzjamenti għal pajjiżi oħra fir-reġjun’ issaħħaħ il-bżonn urġenti għal reviżjoni sostanzjali tal-kapaċitajiet ta’ finanzjament fl-intestatura 4, u ma għandhiex twassal biex titnaqqas l-assistenza finanzjarja ta’ importanza vitali għall-poplu Palestinjan, l-Awtorità Palestinjana u l-UNRWA; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Awtorità Palestinjana fl-intensifikazzjoni tal-kapaċitajiet istituzzjonali tagħha;

64. Jirrimarka, f’dan ir-rigward, li anki l-użu esklussiv tal-marġni kollu tal-intestatura 4 għall-assistenza finanzjarja għall-Palestina ma jkunx biżżejjed biex jintlaħaq il-livell tal-AI tal-2010 (EUR 295 miljun fl-2010, meta mqabbel mal-EUR 270 miljun ipotetiċi fl-2011);

65. Jinnota ż-żieda sostanzjali fl-approprjazzjonijiet (13.2%) biex ikopru l-proċess ta’ tkabbir, li fih huwa mistenni progress ulterjuri fl-2011 (negozjati li jinsabu għaddejjin u negozjati potenzjali mal-Kroazja, l-Iżlanda, l-FYROM, it-Turkija u l-Balkani tal-Punent);

66. Iqis li ż-żieda proposta għad-DCI hija adegwata, iżda jiddeplora l-preżentazzjoni qarrieqa min-naħa tal-Kummissjoni, li turi żieda ta’ EUR 65 miljun għall-ambjent u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali bħala segwitu tal-Ftehim ta’ Kopenħagen, filwaqt li din iż-żieda tibbaża fuq il-programmazzjoni finanzjarja u mhux fuq il-baġit tal-2010 (l-AB tal-2011 fl-fatt jipprevedi tnaqqis ta' EUR 1.2 miljun għal din il-linja baġitarja meta mqabbla mal-baġit tal-2010);

67. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-baġit tal-Komunità li jkopri miżuri mfassla sabiex jindirizzaw il-fenomenu tal-migrazzjoni, bl-iskop li tittejjeb l-amministrazzjoni tal-migrazzjoni legali, titnaqqas il-migrazzjoni illegali u jiġi ottimizzat l-impatt tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp;

68. Ifakkar fl-appoġġ tiegħu għall-prinċipju ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi prinċipali tal-AKP fornituri tal-banana, iżda jtenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-finanzjament ta' miżuri ta' akkumpanjament għall-banana permezz tal-użu tal-marġni; ifakkar li l-marġni limitat fl-intestatura ma jippermettix l-iffinanzjar ta' dawn il-miżuri, li ma kinux previsti fl-2006 meta ġie adottat l-MFF; huwa jopponi bis-saħħa wkoll kull ridistribuzzjoni minn strumenti eżistenti fl-intestatura 4 li tikkomprometti l-prijoritajiet eżistenti;

69. Itenni l-intenzjoni tiegħu li jipprovdi lis-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna bil-mezzi amministrattivi neċessarji biex iwettaq il-missjoni tiegħu; jenfasizza, madankollu, li l-allokazzjoni ta' riżorsi ġodda għall-inklużjoni ta' persunal li joriġina mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri u l-ispiża għall-infrastruttura neċessarja għandhom ikunu marbutin ma' żieda xierqa tal-baġit tal-UE għall-azzjoni esterna;

70. Jilqa' ż-żieda fl-approprjazzjonijiet għall-PESK għal EUR 327.4 miljun (AI), kif previst fil-programmazzjoni finanzjarja u b'konformità mar-rwol dejjem iżjed ambizzjuż li l-UE tixtieq li jkollha f’żoni li għaddejjin minn proċess ta’ stabilizzazzjoni jew huma milquta minn konflitti u kriżijiet; jinnota li l-linja baġitarja għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE ġiet żvujtata, kif previst f'rabta mal-istabbiliment tas-SEAE, u jfakkar li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-IIA marbuta mal-PESK se jkollhom jiġu maħsuba mill-ġdid b'mod sostanzjali fil-qafas tan-negozjati fuq IIA rivedut u l-adozzjoni ta’ proposta dwar l-SEAE;

71. Jieħu nota taż-żieda proposta fl-abbozz ta' baġit għall-2011, meta mqabbla mal-baġit għall-2010, għal-linja tal-baġit tal-assistenza makrofinanzjarja (01 03 02); ifakkar li l-mobilizzazzjoni ta' dan l-istrument għal kull pajjiż terz taqa' taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi aktar informazzjoni dwar iż-żieda proposta tagħha;

72. Jilqa' l-istabbiliment ta' azzjoni preparatorja dwar Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja, bħala segwitu tad-dħul fis-seħħ tat-TFUE (Artikolu 214), u b'konformità mas-sena Ewropea għall-Volontarjat fl-2011;

Intestatura 5

73. Jinnota li n-nefqa amministrattiva totali għall-istituzzjonijiet kollha hija stmata għal EUR 8 266.6 miljun, i.e. żieda ta’ 4.5%, li tħalli marġni ta’ EUR 149 miljun;

74. Jenfasizza li l-abbozz tal-estimi ta' kull istituzzjoni, flimkien mal-baġits emendatorji ppreżentati fl-2010, għandhom iqisu l-ħtiġijiet addizzjonali kollha relatati mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, partikolarment fir-rigward tal-Parlament, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni; ifakkar f’dan il-kuntest fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Novembru 2009 dwar l-intestatura 5, li stiednet lill-istituzzjonijiet biex jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex jiffinanzjaw il-bżonnijiet amministrattivi marbuta mar-remunerazzjoni tal-persunal tagħhom fil-limitu tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fit-taqsimiet rispettivi tagħhom tal-baġit 2010;

75. Jinnota ż-żieda ta’ 2.9% fis-sehem tal-Kummissjoni tal-baġit amministrattiv; jinnota, madankollu, li mhux l-ispejjeż kollha assoċjati mal-funzjonament u t-twaqqif tas-SEAE huma inklużi f’dan l-istadju; huwa tal-fehma li kull rikjesti addizzjonali f’dan ir-rigward ma għandhomx iħallu impatt negattiv fuq l-attivitajiet preżenti tal-istituzzjonijiet; jenfasizza bis-saħħa, għalhekk, il-bżonn li tinkiseb struttura effikaċi, b’definizzjoni ċara tar-responsabilitajiet, sabiex tiġi evitata d-dupplikazzjoni tal-ħidmiet u spejjeż (amministrattivi) mhux meħtieġa li għandhom jinġarru mill-baġit u li jistgħu jwasslu biex is-sitwazzjoni finanzjarja f'din l-intestatura tmur għall-agħar;

76. Jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li l-aġġustament tas-salarju ta’ 3.7% propost għall-2009, li jista’ jkollu jitħallas kollu jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqtagħha favur il-Kummissjoni, għandu jiġi mdaħħal fil-baġit bħala prekawzjoni; jinnota li, anki meta jittieħed dan il-livell għoli bħala l-bażi għall-futur, l-aġġustament tas-salarju previst għal tmiem l-2010 għadu stmat għal 2.2%, f'kuntest ta' kriżi ekonomika u soċjali, biex imbagħad jinżel għal 1.3% għal tmiem l-2011; jitlob lill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-kalkoli tagħha;

77. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex ma titlobx postijiet addizzjonali, iżda jikkunsidra b’xettiċiżmu l-impenn tagħha li tissodisfa l-bżonnijiet kollha, inklużi dawk relatati ma’ prijoritajiet ġodda u mad-dħul fis-seħħ tat-TFUE, sempliċement permezz ta' ridistribuzzjoni interna tar-riżorsi umani eżistenti;

78. Huwa mħasseb sew dwar il-fatt li, b’mod ġenerali, ix-xejriet ta’ esternalizzazjoni tal-Kummissjoni, flimkien mal-bidla ta’ postijiet f’approrjazzjonijiet għal aġenti kuntrattwali, wasslu għal sitwazzjoni fejn għadd dejjem ikbar tal-persunal impjegat mill-UE la hu viżibbli fl-organigrammi tal-istituzzjonijiet kif adottati mill-awtorità baġitarja u lanqas imħallas taħt l-intestatura 5; għalhekk huwa tal-opinjoni li bidliet fl-għadd ta’ persunal tal-Kummissjoni għandu jitqies mhux biss fuq il-bażi tal-postijiet fl-organigramma iżda wkoll ta’ persunal ieħor, inkluż persunal ta’ aġenziji eżekuttivi u deċentralizzati fejn il-Kummissjoni ttrasferiet il-ħidmiet ta' dan il-persunal; iqis li, minkejja li dan iwassal għal iffrankar fuq il-pagi, it-trasformazzjoni tal-postijiet tal-organigramma f’persunal estern, probabbli jħalli impatt fuq il-kwalità u l-indipendenza tas-servizz ċivili Ewropew;

79. Jinnota t-tnaqqis ta’ 13% fil-baġit tal-EPSO, li huwa marbut mal-livell aktar baxx ta’ nfiq għall-kompetizzjonijiet li jirriżulta mis-sistema l-ġdida proposta fil-programm ta’ żvilupp tal-EPSO, iżda jisħaq li dan it-tnaqqis m'għandux isir b'detriment għall-kwalità, it-trasparenza, il-korrettezza, l-imparzjalità u n-natura multilingwali tal-proċeduri kollha ta’ selezzjoni tal-UE; ifakkar lill-EPSO li skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 il-kandidati għandhom dritt inaljenabbli li jaċċessjaw id-data personali tagħhom, inklużi l-mistoqsijiet u t-tweġibiet, u jitlob li l-EPSO jiggarantixxi dan id-dritt; jistenna mill-Kummissjoni garanziji b’saħħithom f’dan ir-rigward;

80. Jilqa’ l-kisba min-naħa tal-Kummissjoni tal-objettivi ġenerali tagħha f’termini ta’ reklutaġġ ta’ ċittadini ta’ Stati Membri ġodda kif ukoll l-impenn tagħha għal monitoraġġ mill-qrib u regolari tar-reklutaġġ tal-UE-12 sabiex tiżgura l-konformità mal-miri tar-reklutaġġ kif ukoll ir-rappreżentazzjoni bilanċjata taċ-ċittadini tal-UE-2 u l-UE-10 f’kull grupp ta’ funzjoni;

81. Jieħu nota taż-żieda fl-infiq għall-pensjonijiet u l-Iskejjel Ewropej, minħabba l-bidla ġenerazzjonali fl-istituzzjonijiet tal-UE li tirriżulta mill-mewġa ta' rtirar mix-xogħol ta' uffiċjali mwielda fil-ħamsinijiet kif ukoll mir-reklutaġġ tal-persunal ġdid; jistenna li l-Kummissjoni tforni analiżi aktar fid-dettall tal-konsegwenzi fuq terminu ta’ żmien twil li dan il-proċess se jħalli fuq il-baġit;

82. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tispeċifika fir-rimarki taħt il-linji tal-baġit rilevanti l-ammonti bbaġittjati għall-proġetti kollha ta' bini li għandhom implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti u li huma suġġetti għal konsultazzjoni mal-awtorità tal-baġit skont l-Artikolu 179(3) tar-Regolament Finanzjarju;

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji

83. Ifakkar li, f’konformità mal-punt 46(a) tal-IIA, il-Kummissjoni għandha tipprovdi estimi multiannwali u tħalli l-marġni taħt il-limiti awtorizzati;

84. Jenfasizza l-importanza ta’ proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji bħala strumenti prinċipali għall-formulazzjoni ta’ prijoritajiet politiċi u biex titwitta t-triq għal inizjattivi ġodda li jistgħu jinbidlu f’attivitajiet u programmi tal-UE li jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini tal-UE; jikkonferma, għalhekk, diġà f’dan l-istadju tal-proċedura, li huwa determinat li juża l-mezzi kollha disponibbli biex jiżgura l-adozzjoni tal-proposti tiegħu fir-rigward ta’ proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji għall-baġit 2011;

85. Ifakkar li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji li ġew adottati skont il-baġit 2010 jammontaw għal EUR 103.25 miljun f’AI għall-intestaturi kollha; jenfasizza li, jekk l-awtorità baġitarja tadotta, għall-2011, proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji f’livell simili u bi tqassim ugwali bejn l-intestaturi, 56% tal-marġni fl-intestatura 1a (u 33% tal-marġni fl-intestatura 1b, 59% fl-intestatura 3b, u 37% fl-intestatura 4) jkunu diġà ntużaw, anki jekk l-ammont totali allokat għal dan il-għan fil-baġit 2010 lanqas biss laħaq l-ammont massimu permess fl-IIA (EUR 103.25 miljun kontra l-EUR 140 miljun);

86. Biħsiebu jgħaddi lill-Kummissjoni, kif previst fl-Anness II, parti D tal-IIA, l-ewwel lista proviżorja ta’ proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji potenzjali li għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-2011, sabiex il-Kummissjoni tikkontribwixxi għad-definizzjoni mill-Parlament ta’ pakkett finali globali u bbilanċjat fuq il-kwistjoni; jistenna lill-Kummissjoni li tipprovdi analiżi mmotivata sew tal-proposti indikattivi tal-Parlament; jenfasizza li din l-ewwel lista proviżorja ma teskludix it-tressiq u l-adozzjoni formali ta’ emendi li jirrigwardaw il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji matul il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament;

Aġenziji

87. Jilqa' l-istabbilizzazzjoni kumplessiva tan-nefqa baġitarja tal-UE fir-rigward tal-aġenziji deċentralizzati għal EUR 679.2 miljun; huwa konxju tal-fatt li t-twaqqif ta' aġenziji ġodda jeħtieġ finanzjament adegwat, kif propost għall-ħames[8] aġenziji godda u t-tlieta[9] li gradwalment qed isiru operattivi; jenfasizza li, jekk il-kompiti ta' aġenzija deċentralizzata (inklużi l-awtoritajiet superviżorji finanzjarji) jiżdiedu meta mqabbla ma' dak li kien propost oriġinarjament, l-allokazzjoni korrispondenti tal-approprjazzjonijiet għandha konsegwentament tiġi modifikata; ma jaqbilx, fir-rigward tad-dħul assenjat tal-aġenziji li jiddependu fuq il-ħlas ta' drittijiet, mal-approċċ tal-Kummissjoni rigward iż-żieda tal-marġni b'mod artifiċjali;

88. Jinnota l-fatt li, mill-258 post ġdid fl-organigramma għall-aġenziji, 231 se jiġu allokati għal aġenziji ġodda jew li jinsabu fil-fażi inizjali;

89. Jistgħaġeb kif assolutament ebda dħul assenjat ma huwa mistenni li joħroġ minn bilanċi favorevoli ta’ xi aġenziji, u jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-kontribuzzjoni proposta mill-baġit tal-UE fid-dawl ta’ informazzjoni addizzjonali li tasal, b’mod partikolari meta l-kontijiet finali tal-aġenziji jiġu adottati; fl-istess ħin jinsab imħasseb dwar il-bilanċi favorevoli persistenti ta’ xi aġenziji fl-aħħar tas-sena, li turi ġestjoni baġitarja u tal-kontanti batuta u li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-qafas tar-Regolament Finanzjarju;

90. Huwa konvint li l-programmazzjoni finanzjarja 2011-2013 għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi hija ottimista wisq u jqis li mhuwa realistiku xejn li l-aġenzija tiġi mistennija li tiffinanzja lilha nnifisha fl-2011; jirrimarka li d-dħul previst minn drittijiet fl-2011 huwa bbażat fuq stima li saret fl-2006; jitlob li ssir dispożizzjoni għal miżuri kawtelatorji li jiġu applikati jekk ikun meħtieġ;

°

° °

91. Ifakkar, f’dak li jirrigwarda l-aspetti proċedurali tal-kumitat ta’ konċiljazzjoni, li l-istituzzjonijiet involuti suppost jilħqu ftehim fit-trilogu li huwa pprogrammat għal Lulju; jinsisti li l-Presidenza li jmiss tal-Kunsill Ecofin, li se tadotta l-baġit, tieħu sehem f'dan it-trilogu; iqis li l-punti li ġejjin huma ta' interess speċifiku għat-trilogu li għandu jsir fit-30 ta' Ġunju 2010:

-    l-implikazzjonijiet baġitarji tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja,

-    l-implikazzjonijiet baġitarji tal-istrateġija UE2020,

-    il-programmi relatati maż-żgħażagħ,

-    is-sostenibilità finanzjarja u l-ġestjonabilità tal-intestatura 1a, inklużi l-bidliet li saru bit-Trattat ta' Lisbona,

-    l-intestatura 4, inkluż it-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

-    il-marġni limitati fl-AB 2011 u l-ħtieġa ta' reviżjoni tal-MFF attwali;

92. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p.1.
  • [2] Testi adottati, P7_TA(2009)0115.
  • [3]  Testi adottati, P7_TA(2010)0086.
  • [4]  Esklużi l-proġetti tal-enerġija EERP.
  • [5]  Kif jingħad fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba (COM(2010)0185).
  • [6]  COM(2010) 160, 16.4.2010.
  • [7]  Kif jingħad fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba (COM(2010)0185).
  • [8]  Aġenzija għall-amministrazzjoni operazzjonali ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja ; Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil; Awrorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq; Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.
  • [9]  Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija; Korp tar-regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika; Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (11.5.2010)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta’ Baġit 2011
(2010/2002(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Thijs Berman

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim biex l-ammont ta’ EUR 2.4 biljun fis-sena jiġi ddedikat għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, imma jinsisti li dan il-pakkett ‘ta’ bidu mgħaġġel’ ta’ finanzjament għall-klima għandu jkun ġenwinament addizzjonali u m’għandux isir b'detriment għall-programmi eżistenti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp; jitlob konferma li s-sehem li għandha l-UE minn dan il-pakkett – EUR 65 miljun proposti għall-2011 – mhuwiex se jkun trasferit mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u li għalhekk huwa wieħed addizzjonali; jinsab imħasseb li l-abbozz ta’ baġit għall-2011 fih ’il fuq minn EUR 1 miljun anqas għall-ambjent u għall-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali milli fl-2010;

2.  Jirrifjuta bil-qawwa kull tentattiv ta’ finanzjament tal-programm għall-pajjiżi tal-AKP produtturi tal-banana permezz tat-trasferiment tal-approprjazzjonijiet għall-iżvilupp fl-intestatura 4, b’mod partikolari mil-linji tal-baġit għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jopponi b’mod partikolari l-proposta li tinsab fl-abbozz tal-baġit biex għal dan il-għan jiġu trasferiti EUR 13-il miljun mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u EUR 5 miljun mill-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili;

3.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex jiġi emendat ir-regolament li joħloq strument għall-pajjiżi industrijalizzati[1], imma jopponi b’determinazzjoni l-finanzjament tiegħu b’approprjazzjonijiet ipprogrammati għall-użu taħt l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp; jenfasizza li l-fondi ddedikati għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandhom jimmiraw biex itaffu l-faqar; jinsab estremament iddiżappuntat li, minn total ta' EUR 70.6 miljun f’approprjazzjonijiet iddedikati għal dan l-istrument ġdid fl-abbozz tal-baġit, EUR 45 miljun huma meħuda mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp;

4.  Jinnota l-kontribut vitali li għandu l-aċċess imtejjeb għas-servizzi finanzjarji, bħalma huma l-iskemi mikrofinanzjarji, billi jgħin lill-bdiewa b’impriżi żgħar, partikolarment lin-nisa, jaslu għal stat ta’ awtosuffiċjenza fir-rigward tal-ikel u għas-sigurtà tal-ikel; jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess tal-finanzjament fil-baġits tal-2009 u tal-2010 fl-appoġġ għal skemi bħal dawn u jisħaq fuq il-ħtieġa li dan ikompli jsir u jiġi estiż;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tiffinanzja programmi, azzjonijiet u kampanji ta' informazzjoni li jkollhom l-għan li jiġu miġġielda l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet soċjali u ambjentali, bħalma hi l-esplojtazzjoni tax-xogħol tat-tfal, permezz tal-promozzjoni tar-responsabilità soċjali korporattiva u billi l-intrapriżi bbażati fl-UE jkunu rikjesti li jeżerċitaw superviżjoni fuq is-sussidjarji tagħhom;

6.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-Trattat ta’ Lisbona jirrikonoxxi l-għajnuna umanitarja bħala politika Ewropea fiha nnifisha; jenfasizza l-konsegwenzi li kulma jmur aktar qed jiggravaw tal-katastrofi naturali jew li joriġinaw mill-bniedem, partikolarment dawk marbuta mat-tibdil fil-klima, man-natura dejjem tinbidel tal-konflitti u l-vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali; jitlob għalhekk li ssir żieda fil-finanzjamenti għall-għajnuna umanitarja filwaqt li jiġi integrat it-tnaqqis tar-riskji tal-katastrofi;

7.  Huwa sorpriż dwar it-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet proposti fl-abbozz ta' baġit għall-2011 meta mqabbla mal-2010 fil-linja 23 03 06 “Protezzjoni ċivili fil-pajjiżi terzi” ġaladarba l-katastrofi riċenti f'Ħaiti wriet b'mod ċar il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili; jitlob barra minn hekk lill-Kummissjoni biex tikkjarifika liema azzjonijiet konkreti tipproponi li tieħu permezz tat-twaqqif ta' azzjoni preparatorja “European Voluntary Humanitarian Aid corps”;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex testendi u żżid il-finanzjament għal azzjonijiet preparatorji eżistenti li huma mmirati lejn il-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħalma huma dawk għat-titjib tal-immaniġġjar tal-ilma u għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u finanzjarja fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li mhumiex tal-AKP; jitlob lill-Kummissjoni biex, kulfejn hu meħtieġ, tbiddel il-bażi legali ta’ dawn l-inizjattivi bil-għan li tagħtihom status permanenti;

9.  Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda proposta ta’ 30% fil-kontribuzzjoni għall-Fond Globali għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja, imma jqis li l-għoti ta’ appoġġ għas-servizzi bażiċi tas-saħħa fl-aħħar mill-aħħar huwa aktar effettiv minn dawn il-fondi tas-saħħa vertikali biex jittejbu l-istandards tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

10. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill għad-diskrepanza dejjem tikber li hemm bejn l-iskarsezza kronika fil-finanzjament tal-intestatura 4 u l-impenji politiċi ġodda tal-Kunsill, b’mod partikolari fejn hi kkonċernata l-politika tal-iżvilupp; jitlob li ssir reviżjoni tal-ogħla limitu tal-intestatura 4 għas-snin 2011-2013;

11. Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Kunsill jastjenu milli jnaqqsu l-linji baġitarji tal-infiq amministrattiv tal-intestatura 4, peress li dawn huma meħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-programmi multiannwali; jikkundanna l-fatt li l-abbozz ta’ baġit tal-Kummissjoni jipprevedi tnaqqis sinifikanti fin-nefqa amministrattiva għall-programmi ta’ żvilupp.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.5.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Enrique Guerrero Salom, Eva Joly, Franziska Keller, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Michèle Striffler, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Krzysztof Lisek, Miguel Angel Martínez Martínez, Emma McClarkin, Cristian Dan Preda, Niccolò Rinaldi

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume, Jolanta Emilia Hibner, Anna Ibrisagic, Derek Vaughan, Marie-Christine Vergiat

  • [1]     Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (COM(2009)0197).

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (11.5.2010)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta’ Baġit 2011
(2010/2002(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Edit Herczog

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-UE 2020[1],

1.   Jirrikonoxxi d-direzzjoni ġenerali tal-abboz ta' baġit 2011, iżda huwa mħasseb li ma jirriflettix biżżejjed l-isfidi soċjali u ekonomiċi attwali, b'mod partikolari l-għan li l-Unjoni ssir ekonomija bbażata fuq l-għerf li tkun intelliġenti, sostenibbli u inklużiva;

2.  Jenfasizza li l-programmi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 ma ngħatawx biżżejjed finanzjament fl-abbozz ta' baġit 2011;

3.  Jenfasizza li wieħed mill-objettivi ewlenin għall-2011 se jkun li jinżamm, jiġi promoss u jinkiseb finanzjament għar-riċerka u għall-iżvilupp teknoloġiku fl-Unjoni permezz ta' finanzjament xieraq għas-Seba' Programm Qafas, li se jkun wieħed mill-kontributuri ewlenin għall-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza li l-burokrazija interna tostakola l-infiq ta' flus fuq proġetti ta' riċerka u innovazzjoni, u li l-SMEs, l-universitajiet u l-kumpaniji multinazzjonali huma skoraġġati milli jipparteċipaw fi programmi Ewropej; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi r-regolament finanzjarju;

4.  Huwa tal-fehma li għad iridu jiġu ddeterminati sorsi finanzjarji addizzjonali preċiżi għal numru ta' kwistjonijiet li joħorġu mis-sottointestatura 1a; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-isplużjoni fl-ispejjeż tal-proġett ITER; jenfasizza l-ħtieġa ta' ġestjoni tajba u ppjanar finanzjarju preċiż għall-ITER;

5.  Ifakkar li l-estensjoni konsiderevoli li ġab miegħu t-Trattat ta' Lisbona fil-kompetenzi tal-UE (pereżempju fl-oqsma tal-politika tal-ispazju u tal-politika tal-innovazzjoni) u t-tisħiħ ta' numru ta' politiki eżistenti ovvjament se jirrikjedu kopertura baġitarja;

6.  Ifakkar li t-tisħiħ ta' numru ta' politiki definiti fil-livell tal-UE – inklużi l-promozzjoni tal-avvanzi xjentifiċi, teknoloġiċi u diġitali, l-appoġġ għat-teknoloġiji innovattivi u l-iżvilupp sostenibbli, l-għajnuna għall-SMEs innovattivi, l-appoġġ għall-intraprendisti żgħażagħ, politiki tal-enerġija intelliġenti u sostenibbli li jiżguraw l-aċċess għall-enerġija għall-familji l-fqar kif ukoll it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fit-trasport u fiż-żoni urbani, settur tal-bini li juża l-enerġija b'mod effiċjenti u l-iżvilupp ta' infrastruttura tal-enerġija integrata – u l-konformità mal-impenji preċedenti tagħna fil-kuntest tat-tkabbir tal-UE inevitabbilment se jirrikjedu kapaċità ta' finanzjament adizzjonali għall-Unjoni;

7.  Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona jiddefinixxi l-prinċipji tal-governanza demokratika tal-UE, li wieħed minnhom huwa d-demokrazija parteċipattiva; jinnota li, minbarra l-inizjattiva taċ-ċittadini, l-użu tal-aktar teknoloġiji diġitali avvanzati għandu potenzjal enormi biex iżid l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-proċess politiku u fit-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliċi;

8.  Jitlob li jkun hemm pjan ta' investiment Ewropew fis-settur tal-enerġija li jkollu l-għan li jagħmel mill-Unjoni Ewropea l-aktar żona avvanzata fid-dinja f'sens ta' Netwerks Trans-Ewropej, b'mod partikolari fir-rigward tal-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri; jipproponi, għal dan il-għan, li tiddaħħal intestatura separata għall-investiment fil-baġit tal-Unjoni u li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fir-rigward ta' dan il-pjan;

9.  Huwa tal-fehma li hija meħtieġa b'urġenza aktar flessibilità baġitarja biex jiġu appoġġati inizzjattivi ewlenin ġodda, bħall-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET), u biex wieħed ikun jiflaħ għall-impatt finanzjarju tagħhom;

10. Huwa mħasseb serjament li l-ammonti potenzjali kkonċernati jaqbżu bil-bosta l-ammonti li huma mistennija li mhux se jintnefqu jew li se jibqgħu mhux impenjati taħt il-limitu massimu attwali tas-sottointestatura 1a, u li bħalissa m'hemm l-ebda mezzi finanzjarji addizzjonali biex jiġu ffinanzjati inizjattivi ġodda mingħajr ma jiddgħajfu sew programmi eżistenti importanti;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti biex wieħed jiflaħ għall-impatt baġitarju potenzjali ta' żviluppi ġodda – l-iktar billi tidentifika l-aktar mezzi xierqa u sostenibbli disponibbli – hekk kif ikun ġie ċċarat biżżejjed kemm hu kbir l-impatt baġitarju tagħhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.5.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Jorgo Chatzimarkakis, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Lena Ek, Ioan Enciu, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Edit Herczog, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Judith A. Merkies, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Paul Rübig, Amalia Sartori, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Lara Comi, António Fernando Correia De Campos, Rachida Dati, Marek Józef Gróbarczyk, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Mario Pirillo, Lambert van Nistelrooij, Hermann Winkler

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (2.6.2010)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta' Baġit 2011
(2010/2002(BUD))

Rapporteur għal opinjoni:Mairead McGuinness

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-impenji bbaġittjati għall-agrikultura u l-iżvilupp rurali huma stabbli, b'EUR 43 375 miljun allokati għal pagamenti diretti u spejjeż relatati mas-suq, u EUR 14 431 miljun għall-iżvilupp rurali;

2.  Jirrikonoxxi li l-għanijiet kollha relatati mal-agrikoltura tat-Trattat ta’ Ruma ntlaħqu (żieda fil-produttività, provvista biżżejjed tal-ikel, prezzijiet raġonevoli għall-konsumatur, stabbilizzazzjoni tas-swieq), bl-eċċezzjoni tal-għan li jiġi pprovdut dħul ġust għall-bdiewa; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tikkunsidra dan b’mod xieraq fil-proposti baġitarji kollha;

3.  Jilqa' b’sodisfazzjon il-marġni previst ta' EUR 852 miljun għall-Intestatura 2, li huwa konsiderevolment ogħla minn dak mistenni qabel u jirrifletti l-aspettativa tal-Kummissjoni ta' spiża aktar baxxa għal miżuri relatati mas-suq fl-2011, apparagun tas-sena finanzjarja attwali;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-suppożizzjonijiet ottimistiċi tal-Kummissjoni rigward l-iżviluppi fis-swieq agrikoli fl-2011 – b'mod partikulari fis-swieq taċ-ċereali u l-prodotti tal-ħalib – li jirriżultaw fi tnaqqis ta' madwar EUR 900 miljun fl-infiq marbut mas-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja l-iżviluppi fis-swieq agrikoli b'attenzjoni u sabiex tkun lesta tirreaġixxi malajr u b'mod effikaċi bil-miżuri ta' salvataġġ meħtieġa sabiex tikkumbatti l-iżviluppi negattivi tas-suq u l-volatilità fil-prezzijiet tas-suq (li wasslu għal tnaqqis drastiku fid-dħul tal-biedja mill-2008 'l hawn);

5.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kummissjoni u l-Kunsill naqsu milli jipprovdu riżorsi suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-baġit agrikolu f’UE wara t-tkabbir; ifakkar li d-dħul gradwali ta' pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda joħloq bżonn baġitarju ieħor ta' madwar EUR 800 miljun fis-sena li sfortunatament mhuwiex kopert b'żieda fil-baġit agrikolu inġenerali; jitlob b’urġenza lill-Kummissjoni biex tiċċara kif dan il-bżonn baġitarju addizzjonali se jiġi kopert; jilqa' b’sodisfazzjon il-fatt li l-marġni sinifikanti taħt l-Intestatura 2 ifisser li l-mekkaniżmu ta' dixxiplina finanzjarja mhux se jiġi utilizzat fl-2011; jinsab imħasseb li l-marġni għall-baġit 2012 x’aktarx jitnaqqas bil-bosta; jinnota u jallarma ruħu dwar it-twissija tal-Kummissjoni li d-dixxiplina finanzjarja se tkun meħtieġa fl-2013;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina kif l-Istati Membri qed jużaw it-300 miljun euro f’finanzjament straordinarju għas-settur tal-ħalib u sabiex tippreżenta proposti għal approċċ permanenti u proposti konkreti biex tittratta l-volatilità tal-prezzijiet f'dan is-settur;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa proposti għal approċċ permanenti għas-setturi agrikoli kollha u proposti konkreti biex tiġi indirizzata l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq tagħhom;

8.  Jinnota ż-żieda proposta għall-iskema tal-frott fl-iskejjel, jilqa' b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li talloka mill-ġdid il-fondi mhux minfuqa minn bosta Stati Membri lil Stati Membri oħrajn li jimplimentaw b'suċċess il-programm;

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis ippjanat fl-approprjazzjonijiet għall-impenji għas-saħħa pubblika, miżuri veterinarji u fitosanitarji għal EUR 340 miljun, u jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm il-viġilanza fir-rigward tal-eradikazzjoni ta' mard tal-annimali;

10. Iqis li għandu jiġi stabbilit programm tat-tip Erasmus għal bdiewa żgħażagħ u studenti f'kulleġġi tal-agrikoltura, li jkun jippermetti skambji transkonfinali tal-aħjar prattiki fl-amministrazzjoni tal-farms, b'mod partikulari fir-rigward tal-isfidi li qed tiffaċċja l-agrikoltura Ewropea, sabiex id-diversità tas-sitwazzjonijiet rurali fl-Unjoni Ewropea tiġi mqabbla, imtejba u miżmuma;

11. Itenni t-talba tiegħu sabiex jiġi stabbilit netwerk koordinat Ewropew għall-benessri tal-annimali[1] u jissuġġerixxi li tinħoloq linja baġitarja ġdida b'appoġġ għal dan in-netwerk u l-korp ta' koordinazzjoni tiegħu;

12. Iqis li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proġett pilota biex teżamina l-formazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, b’mod partikulari fis-suq tal-ħalib; jinnota li bħala produtturi, il-bdiewa jġorru l-biċċa l-kbira tar-riskji tas-suq meta s-settur jiltaqa' ma' problemi;

13. Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex ittejjeb is-saħħa pubblika u tistimula d-domanda fis-suq tal-frott u l-ħaxix, biex tistabbilixxi proġett pilota bil-għan li jiżdied il-konsum tal-frott u l-ħaxix frisk fil-gruppi tal-popolazzjoni vulnerabbli (nisa tqal bi dħul baxx u t-tfal tagħhom, persuni anzjani, eċċ.);

14. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi proġett pilota bil-għan li jxerred l-informazzjoni fost il-konsumaturi permezz ta' kampanji – pereżempju, fl-iskejjel u fil-postijiet tal-bejgħ kif ukoll fl-irziezet – dwar il-produzzjoni agroalimentari Ewropea u l-istandards għoljin miksuba mill-produtturi Ewropej fir-rigward tal-kwalità, is-sikurezza tal-ikel, il-benessri tal-annimali u l-istandards ambjentali; jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma ta' organizzazzjonijiet madwar l-UE kollha li jseddqu l-fehim pubbliku tar-rwol vitali li għandha l-agrikoltura fis-soċjetà; jenfasizza speċifikament il-mudell Agri Aware fl-Irlanda; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità li jiġu żviluppati mudelli simili għall-Agri Aware fi Stati Membri oħrajn u biex tħeġġeġ l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn tali organizzazzjonijiet;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi mill-ġdid il-programm dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità ġenetika fil-produzzjoni agrikola (iż-żerriegħa u r-razez tal-bdiewa) sabiex jintlaħqu l-isfidi taż-żamma tal-bijodiversità prinċipalment permezz tal-produzzjoni agrikola u r-razez tal-annimali filwaqt li tiġi kkunsidrata r-riċerka parteċipatorja bejn il-bdiewa u l-istituti xjentifiċi;

16.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi proġett pilota sabiex jitfasslu miżuri effiċjenti kontra l-ispekulazzjoni tal-prodotti agrikoli u l-volatilità tal-prezzijiet li tirriżulta;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Richard Ashworth, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Michel Dantin, Albert Deß, Diane Dodds, Lorenzo Fontana, Martin Häusling, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, Stéphane Le Foll, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Krisztina Morvai, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Christa Klaß, Astrid Lulling, Véronique Mathieu, Hans-Peter Mayer, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pat the Cope Gallagher

  • [1]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010 (2009/2002(INI).

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (4.5.2010)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta’ Baġit 2011
(2010/2002(BUD))

Rapporteur: Iratxe García Pérez

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi t-tabella programmatika tal-proċedura baġitarja ta’ din is-sena imponiet diffikultajiet f’termini tal-abbozzar tal-opinjoni preżenti, meta wieħed jikkunsidra n-nuqqas ta’ żmien biex jiġi eżaminat fid-dettall l-abbozz tal-baġit ippreżentat mill-Kummissjoni u billi l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jżomm id-dritt li jżid u jekk meħtieġ jimmodifika xi elementi meta jressaq l-emendi baġitarji,

1.  Jenfasizza li skont l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea; għalhekk itenni r-rikjesta tiegħu għall-implimentazzjoni ġenerali ta' bbaġitjar skont is-sessi mill-Kummissjoni u l-partijiet interessati kollha fil-proċedura baġitarja tal-UE fil-livelli preparatorji, implimentattivi u tal-verifika tal-baġit;

2.  Jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat livell xieraq ta’ ffinanzjar għall-azzjonijiet ippjanati tal-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa li se ssegwi r-rotta programmatika 2006–2010 għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-baġit tal-UE għall-2011;

3.  Jitlob li jiġu introdotti mekkaniżmi u metodoloġiji sistematiċi ta’ bbaġitjar skont is-sessi fil-proċess tal-baġit tal-UE, inkluż fil-Fondi Strutturali, fil-programmi ta' finanzjament interni kif ukoll esterni tal-UE u fil-baġits amministrattivi tal-UE;

4.  Jiddispjaċih mit-tnaqqis fl-impenji għall-programm dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza (Daphne); jinnota l-konsegwenzi negattivi possibbli ta’ dan għall-ġlieda kontra l-vjolenza u jitlob għall-kontinwazzjoni fl-iffinanzjar ta’ miżuri eżistenti u effikaċi ġodda sabiex tiġi miġġielda kull forma ta’ vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa;

5.  Jenfasizza l-bżonn li jkunu disponibbli aktar riżorsi finanzjarji għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, b'mod partikolari fir-rigward ta' inugwaljanzi marbuta mad-differenza fil-paga;

6.  Jenfasizza l-importanza ta’ finanzjament xieraq tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE);

7.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti l-fondi meħtieġa biex jiġi stabbilit Osservatorju Ewropew għall-Vjolenza kontra n-Nisa, li jibni fuq strutturi istituzzjonali eżistenti, kif kien miftiehem mill-Kunsill fit-8 ta’ Marzu 2010;

8.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu akbar mill-fondi strutturali, fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew, bħala mod kif tkun promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, mhux biss permezz tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi iżda anki billi jiġu pprovduti miżuri li jiffukaw direttament fuq gruppi vulnerabbli ta’ nisa u filwaqt li jitqies l-impatt tal-kriżi ekonomika, u jsiru investimenti f’servizzi pubbliċi ta' kwalità, inkluż l-investiment fi struttura tas-saħħa u tal-kura għal tfal u dipendenti oħra;

9.  Jinnota ż-żieda fl-impenji għall-objettiv ta’ ‘Konverġenza’ tal-Fond Soċjali Ewropew, u jitlob għal żieda fl-approprjazzjonijiet fi ħdan dan l-objettiv li jappoġġja t-titjib fil-kura tat-tfal biex dawk li jkunu f'sitwazzjonijiet diffiċli jgħixu f'ambjent ta' familja;

10. Jiddispjaċih mit-tendenza li jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet tal-programm Progress, b’mod partikolari fil-partiti dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u d-diversità, u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jinnota li l-programm għandu rwol kruċjali fil-qerda tad-diskriminazzjoni u fl-appoġġ għall-implimentazzjoni effikaċi tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi u fil-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha tal-Unjoni;

11. Jinnota l-proġett pilota biex titħeġġeġ il-konverżjoni tax-xogħol prekarju f’xogħol bi drittijiet, u jaqbel mat-tkomplija tiegħu, b'mod partikolari minħabba l-proporzjoni sinifikanti ta' ħaddiema nisa f'xogħol prekarju; jitlob li tkun allokata linja baġitarja speċjali għas-sħubiji mill-qrib mar-rappreżentanti tal-ifqar ħaddiema f’kull fażi tal-proġett pilota;

12. Itenni l-bżonn li jitnedew proġetti pilota fl-oqsma li ġejjin:

- is-solidarjetà interġenerazzjonali, li tirrikonoxxi l-valur ekonomiku tax-xogħol magħmul minn dawk li jagħtu l-kura u li primarjament huma nisa;

- il-kontribuzzjoni tal-irġiel fit-trobbija tat-tfal;

- ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-familja;

- id-dħul mill-ġdid ta’ nisa fis-suq tax-xogħol li kienu vittmi ta’ vjolenza;

- il-kundizzjoni ta’ nisa anzjani u li jħossuhom waħedhom, b’mod partikolari ommijiet, fl-Ewropa;

13. Jistieden lill-awtorità baġitarja biex tikkunsidra l-opportunità ta' studju dwar l-analiżi tal-impatt marbut mal-konsegwenzi, inklużi l-konsegwenzi baġitarji tal-introduzzjoni tas-sistema tal-'integrazzjoni tas-sessi', bil-ħsieb li jiġu evalwati r-rilevanza, l-effettività, id-durabilità u l-utilità tagħha f'termini ta' nfiq effikaċi/valur miżjud, kif inhi l-prattika regolari fil-każ tal-politiki Ewropej l-oħra;

14. Jistieden lill-awtorità baġitarja biex tappoġġja l-attivitajiet preżenti mmirati li jiġġieldu kontra t-traffikar tat-tfal u jfakkar lill-awtorità baġitarja li huwa meħtieġ li jiġu ffinanzjati miżuri pożittivi fil-politiki tal-ħarsien tat-tfal bħal proġetti pilota, bħal pereżempju Viete kde je teraz vaše diet’a? (‘Taf fejn hu ibnek bħalissa?’);

15. Ifakkar lill-awtorità baġitarja li huwa meħtieġ li jiġi rikonoxxut xogħol informali fil-qasam tas-solidarjetà interġenerazzjonali u jiġu ffinanzjati miżuri pożittivi għall-benefiċċju ta' nisa u rġiel sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn tagħhom għall-impjieg wara perjodu li fih ikunu wettqu doveri familjari (rabbew it-tfal u/jew ħadu ħsieb ġenitur fqir jew b'diżabilità), billi tippromwovi politiki ta’ riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tapplika l-prinċipju ta’ bbaġitjar skont is-sessi matul it-tħejjija, l-allokazzjoni u l-verifika tal-baġit li għandu jiġi allokat għas-Sena Ewropea tal-Volontarjat fl-2011, speċjalment minħabba n-natura tas-setturi, fejn il-volontarjat għandu rwol importanti, bħall-opportunitajiet ugwali, il-kura soċjali, l-għajnuna umanitarja, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ;

17. Jitlob għall-kontinwazzjoni tal-appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'pajjiżi ġirien tal-Ewropa biex jiġu promossi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa kif elaborat fid-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għall-Azzjoni ta' Beijing u l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI TAL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.5.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Andrea Češková, Marije Cornelissen, Silvia Costa, Tadeusz Cymański, Ilda Figueiredo, Iratxe García Pérez, Zita Gurmai, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Philippe Juvin, Astrid Lulling, Barbara Matera, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Raül Romeva i Rueda, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Eva-Britt Svensson, Marc Tarabella, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Nicole Kiil-Nielsen, Elisabeth Morin-Chartier, Norica Nicolai, Chrysoula Paliadeli, Rovana Plumb, Joanna Senyszyn, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ingeborg Gräßle

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT ()

Data tal-adozzjoni

2.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Marta Andreasen, Francesca Balzani, Reimer Böge, Lajos Bokros, Giovanni Collino, Andrea Cozzolino, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, James Elles, José Manuel Fernandes, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Estelle Grelier, Carl Haglund, Jutta Haug, Jiří Havel, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Nadezhda Neynsky, Miguel Portas, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Daniël van der Stoep, Derek Vaughan, Angelika Werthmann, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pascale Gruny, Riikka Manner, Paul Rübig

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Cătălin Sorin Ivan, Peter Jahr, Andres Perello Rodriguez, Britta Reimers