Proċedura : 2009/2229(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0185/2010

Testi mressqa :

A7-0185/2010

Dibattiti :

PV 14/06/2010 - 27
CRE 14/06/2010 - 27

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2010 - 7.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0208

RAPPORT     
PDF 241kWORD 233k
7.6.2010
PE 440.183v02-00 A7-0185/2010

dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss

(2009/2229(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Francisco Sosa Wagner

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss

(2009/2229(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata ‘Il-Governanza tal-Internet: il-passi li jmiss’ (COM(2009)0277),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata ‘Il-protezzjoni tal-Ewropa mill-attakki ċibernetiċi u t-tfixkil fuq skala kbira: titjib fit-tħejjija, is-sigurtà u r-reżistenza’ (COM(2009)0149),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 1998 dwar il-globalizzazzjoni u s-soċjetà tal-informazzjoni: il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni internazzjonali msaħħa(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2001 dwar l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-internet - kwistjonijiet ta’ politika Ewropea u internazzjonali 1998-2000(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2001 dwar l-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss: il-ħtieġa ta’ inizjattiva ta’ riċerka tal-UE(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2005 dwar is-soċjetà tal-informazzjoni(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2005 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-istampa fit-Tuneżija u l-evalwazzjoni tas-Samit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni fit-Tuneżija(5),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar il-liberta tal-espressjoni fuq l-internet(6),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar it-tieni Forum dwar il-Governanza tal-Internet, li sar f'Rio de Janeiro bejn it-12 u l-15 ta' Novembru 2007(7),

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2009 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-internet(8),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7–0185/2010),

A. billi l-internet huwa mezz globali kritiku ta’ komunikazzjoni b’impatt kbir ħafna fuq is-soċjetà sħiħa,

B.   billi l-governanza tal-internet tinvolvi aspetti relatati mal-protezzjoni u l-garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aċċess għall-internet u l-użu tal-internet u l-vulnerabilità tiegħu għal attakki ċibernetiċi, eċċ.,

C. billi l-kriminalità ċibernetika qed toħloq theddida dejjem ikbar għas-soċjetajiet li jiddependu fuq l-ICT, u billi l-inċitament għat-twettiq ta’ attakki terroristiċi, ir-reati bbażati fuq il-mibegħda, u l-pedopornografija żdiedu u qed jipperikolaw l-individwi inklużi t-tfal,

D. billi l-intersezzjoni bejn il-kriminalità ċibernetika, il-ġurisdizzjoni tal-internet u l-‘cloud computing’ bħala aspett emerġenti tal-governanza tal-internet fil-livell Ewropew hija ta’ importanza kbira,

E.  billi l-aspetti tal-governanza tal-internet jikkonċernaw l-aspetti tal-internet u kwistjonijiet oħra l-biċċa l-kbira tekniċi, li fihom huma attivi entitajiet bħall-Internet Corporation for Assigned Names and Numbers (ICANN), l-Internet Assigned Numbers Authority (IANA), l-Internet Engineering Task Force (IETF), ir-Reġistri Reġjonali tal-Internet u oħrajn,

F.  billi, b'rabta mal-governanza tal-internet, is-settur privat sal-lum kellu rwol prevalenti u pożittiv; billi, madankollu, ir-rwol tal-korpi pubbliċi għandu jissaħħaħ meta tiġi definita l-istrateġija globali,

G. billi l-gvernijiet għandhom rwol importanti fir-rigward aspetti usa’ ta’ governanza fid-difiża tal-interess pubbliku, b’mod partikulari biex jiġu mħarsa u ggarantiti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll rigward is-sigurtà, l-integrità u r-reżistenza tal-internet, filwaqt li s-settur privat għandu rwol kruċjali fil-provvediment tal-investiment, il-kompetenza u l-inizjattiva imprenditorjali neċessarji,

H. billi l-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) kif ukoll għadd ta’ fora nazzjonali u reġjonali oħra huma spazji importanti għad-djalogu dwar il-politika tal-internet bejn il-partijiet interessati,

I.     billi l-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra għandhom impenn dejjiemi lejn l-internet bħala wirt pubbliku dinji miftuħ,

1.  Iqis li l-internet huwa wirt pubbliku dinji u għaldaqstant il-governanza tiegħu għandha titwettaq fl-interess komuni;

2.   Jirrikonoxxi li l-internet hu essenzjali biex jiġu eżerċitati b’mod prattiku l-libertà tal-espressjoni, id-diversità kulturali, il-pluraliżmu tal-midja, iċ-ċittadinanza demokratika, kif ukoll l-edukazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni, biex b'hekk jikkostitwixxi wieħed mill-vetturi prinċipali għall-propagazzjoni tal-valuri demokratiċi fid-dinja kollha;

3.   Ifakkar li l-internet sar għodda indispensabbli għall-promozzjoni tal-inizjattivi demokratiċi, id-dibattitu politiku, il-litteriżmu diġitali u t-tixrid tal-għarfien; ifakkar li l-aċċess għall-internet jiggarantixxi u jiddependi mill-eżerċizju ta' għadd ta' drittijiet fundamentali ewlenin li jinkludu, iżda li mhumiex limitati għalihom, ir-rispett tal-ħajja privata, il-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-kelma, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-istampa, il-fehma u l-parteċipazzjoni politika, in-nondiskriminazzjoni, l-edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika; jenfasizza li l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati fil-livelli kollha għandhom għalhekk ir-responsabilità ġenerali li jagħtu s-sehem tagħhom biex jiggarantixxu li kulħadd ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-soċjetà tal-informazzjoni - b'mod partikulari l-anzjani, li jaffaċċjaw aktar problemi biex jiffamiljarizzaw irwieħhom mat-teknoloġiji l-ġodda - waqt li fl-istess ħin jittrattaw l-isfidi paralleli tal-illitteriżmu elettroniku u tal-esklużjoni demokratika fl-era elettronika;

4.  Jenfasizza speċjalment il-bżonn li tissaħħaħ l-evoluzzjoni ta' approċċ 'minn isfel għal fuq' u tad-demokrazija elettronika, filwaqt li jiġi garantit li jitwaqqfu salvagwardji sinifikanti kontra forom ġodda ta' viġilanza, kontroll u ċensura minn atturi pubbliċi jew privati, sabiex il-libertà ta' aċċess għall-internet u l-ħarsien tal-ħajja privata jkunu reali u mhux illużorji;

5.   Jenfasizza l-bżonn li jiġi protett u promoss il-wirt kulturali Ewropew, anke permezz tal-internet; hu tal-fehma li l-Internet għandu rwol vitali fit-tqanqil tal-innvovazzjoni u t-tnaqqis tad-distakk diġitali fl-Ewropa, soċjali u kulturali fil-kuntest ta’ nħawi oħra tad-dinja; jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tifhem l-importanza li jitnaqqas id-‘distakk diġitali’ u l-kwistjonijiet ta’ żvilupp involuti fil-governanza tal-internet; iqis, madankollu, li wieħed irid jiffoka wkoll fuq il-ħafna ċittadini ta’ età avvanzata kemm fid-dinja żviluppata u kemm f’dik li għadha qed tiżviluppa, li ta' spiss iħossuhom abbandunati f’din id-dinja onlajn ġdida; jinnota li l-internet jista’ jkun għodda effikaċi għall-inklużjoni soċjali u li ċ-ċittadini tagħna ta’ età avvanzata jridu jiġu inklużi; iħeġġeġ biex tittieħed azzjoni għall-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar l-użu tar-riżorsi offruti mill-Internet u l-għażla tal-kriterji ta’ kif għandhom jintużaw dawk ir-riżorsi;

6.   Jirrikonoxxi li l-użu dejjem jikber tal-internet miċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-kumpaniji u l-awtoritajiet ifisser li din l-għodda ta’ komunikazzjoni saret waħda mill-elementi fundamentali tat-twettiq tas-suq intern fl-UE; jisħaq f’dan ir-rigward fuq il-ħtieġa ta' ħarsien xieraq tal-konsumaturi u tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-internet; jenfasizza wkoll li d-drittijiet u l-libertajiet ċivili tal-utenti tal-internet għandhom ikunu ggarantiti; jirrikonoxxi l-importanza tal-internet bħala mezz ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi;

7.  Jenfasizza li l-governanza tal-internet għandha tiffaċilita l-kummerċ elettroniku u t-tranżazzjonijiet transkonfinali billi tiddeċentralizza r-rwoli awtoregolatorji, speċjalment meta jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ dħul għal kompetituri ġodda;

8.  Jitlob aċċess u żvilupp aktar faċli tal-internet fl-Istati Membri l-ġodda, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, u f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea; jitlob ukoll biex dawn il-pajjiżi jkollhom influwenza akbar fit-tfassil tal-politika dwar il-governanza tal-internet;

9.   Iqis li, biex jitħares l-interess tal-UE li l-internet jinżamm bħala wirt pubbliku dinji, il-governanza tal-internet għandha tkun ibbażata fuq mudell wiesa’ u bilanċjat bejn is-settur pubbliku u dak privat, li jevita d-dominanza minn entità individwali jew minn grupp ta’ entitajiet u tentattivi mill-istat jew minn awtoritajiet supranazzjonali biex jikkontrollaw il-fluss ta' informazzjoni fl-internet, filwaqt li jaġixxi ma’ proċessi ta’ għadd ta’ partijiet interessati fir-rigward tal-governanza tal-internet li jkompu jipprovdu mekkaniżmu effikaċi għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni globali;

10.  Jenfasizza li l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif imfissra fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huma valuri ewlenin u għanijiet aħħara tal-Unjoni Ewropea; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-attivitajiet kollha marbuta mal-governanza tal-internet jikkonformaw ma' dawn il-valuri u l-għanijiet, b'mod partikulari f'dawk il-fora dinjin ta' governanza tal-internet li fihom jieħdu sehem pajjiżi li l-valuri tagħhom huma differenti ferm minn dawk tal-Ewropa; iqis li, fl-interess li jiġi evitat kunflitt, għandu jiżdied id-djalogu internazzjonali ma’ dawn il-pajjiżi fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-internet;

11. Iqis li l-gvernijiet għandhom jiffukaw fuq kwistjonijiet li huma vitali għall-politika globali dwar l-internet minħabba li t-tmexxija mis-settur privat jeħtieġ li tkun ibbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji tal-politika pubblika u l-leġiżlazzjoni eżistenti u jaderixxu wkoll mal-prinċipju tan-nonintervent, ħlief meta jkun meħtieġ f’ċirkustanzi straordinarji, u li anki f'dak il-każ l-intervent tagħhom għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-prinċipju tal-proporzjonalità;

12.     Iqis li l-gvernijiet għandhom jevitaw li jinvolvu rwieħhom fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-internet, iżommu lura milli jfixklu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni b'regolamentazzjoni bla bżonn, ta' piż u restrittiva u ma jippruvawx jikkontrollaw lil dik li hija, u għandha tibqa’, proprjetà pubblika globali;

13.     Jistieden lill-gvernijiet biex ma jimponux restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-internet permezz ta’ ċensura, imblukkar, filtrazzjoni jew b’mod ieħor, kif ukoll biex ma jitolbux lil entitajiet privati jagħmlu dan; jinsisti fuq is-salvagwardja ta’ internet miftuħ, fejn l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw u jqassmu informazzjoni jew iħaddmu applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom kif jipprovdi l-qafas regolatorju riformat tal-komunikazzjoni elettronika;

14.      Jenfasizza li kwalunkwe restrizzjoni li titqies bħala indispensabbli għandha tkun limitata għall-minimu meħtieġ f’soċjetà demokratika, għandha tkun ibbażata fuq il-liġi, u għandha tkun effikaċi u proporzjonata; jisħaq fuq il-fatt li l-protezzjoni tal-minorenni għandha tkun iggarantita, u jistieden lill-Istati membri biex huma wkoll jieħdu miżuri, pereżempju bl-użu tas-sistema ta' notifika fl-interess pubbliku skont id-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE, id-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar id-drittijiet tal-utenti (Id-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini)(9) sabiex il-minorenni jkunu jistgħu jużaw l-internet u s-servizzi ta' informazzjoni onlajn b'mod responsabbli, u biex jittejjeb il-livell ta' għarfien ta' theddid potenzjali minn servizzi ġodda;

15. Jitlob li jkun hemm aktar inizjattivi għat-tisħiħ tal-esplorazzjoni b’aktar sikurezza tal-internet mit-tfal, sabiex jixxerrdu l-aħjar prattiki fid-dinja, u biex tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kontenut onlajn ta’ ħsara u illegali, b’mod partikulari fir-rigward tal-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet;

16.     Iqis ukoll il-ħtieġa speċjali li l-persuni vulnerabbli jitħarsu, partikolarment il-minorenni, permezz ta' azzjoni konġunta minn partijiet interessati pubbliċi u privati; itenni l-fatt li fil-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika u l-pornografija tat-tfal, il-kontenut kriminali għandu jitħassar fis-sors qabel ma jitqies li jiġu mblokkati s-siti elettroniċi;

17.      Iqis li, apparti l-prinċipji ta’ governanza stipulati mill-Kummissjoni, il-gvernijiet għandhom jimplimentaw ukoll il-prinċipji li ġejjin:

(i) it-trasparenza, l-multilateraliżmu, id-demokrazija u l-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li jissodisfaw l-istandards tal-UE;

(ii) ir-rispett għal natura miftuħa, interoperabbli, teknoloġikament newtrali u ‘end-to-end’ tal-infrastruttura tal-internet,

(iii) ir-responsabilità pubblika esterna tal-entitajiet tas-settur privat li jimmaniġġjaw ir-riżorsi globali tal-internet fuq bażi ta’ kuljum,

(iv) il-promozzjoni tal-governanza tal-internet globali, permezz tal-interazzjoni mal-proċessi ta’ għadd ta’ partijiet interessati u l-inkuraġġiment ulterjuri tagħhom, filwaqt li tiġi indirizzata wkoll il-ħtieġa li tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

(v) il-protezzjoni tal-integrità tal-internet globali u l-libertà tal-komunikazzjoni billi jevitaw kwalunkwe miżura reġjonali, bħalma hi r-revoka tal-indirizzi IP jew tal-ismijiet tad-dominju f’pajjiżi terzi;

18. Jenfasizza li l-UE għandha tiżviluppa l-implimentazzjoni, permezz tal-kunsens, tal-prinċipji fundamentali tal-governanza tal-internet u tiddefendiha bil-qawwa fil-fora internazzjonali u fir-relazzjonijiet bilaterali;

19. Jilqa’ l-aspetti tal-governanza tal-internet tal-‘Istrateġija ta’ Granada’ tal-Presidenza Spanjola, u d-dispożizzjonijiet tar-rapport Parlamentari dwar Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu(10) dwar it-tfassil ta’ Karta Ewropea tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Konsumaturi fl-ambjent diġitali u l-iżvilupp tal-‘Ħames Libertà’ li tippermetti ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kontenut u l-għarfien;

20. Jinnota l-‘internet Policy 3.0’ il-ġdida tal-Gvern Amerikan, imħabbra fl-24 ta’ Frar 2010;

21. Jenfasizza li l-UE għandha tindirizza tliet kwistjonijiet kritiċi tal-politika pubblika:

(i) il-ħarsien tal-infrastruttura tal-internet biex jitħarsu l-ftuħ, id-disponibilità, is-sigurtà u r-reżistenza għall-attakki ċibernetiċi,

(ii) id-dipendenzi Ewropej fuq soluzzjonijiet tas-suq dominanti u r-riskji assoċjati tas-sigurtà pubblika, u

(iii) il-ħarsien tad-dejta u l-privatezza, l-aktar fir-rigward tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmi internazzjonali effettivi għas-soluzzjoni ta’ tilwimiet; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għall-adattament tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-ambjent diġitali attwali;

22. Jistieden lill-Istati Membri biex, b'koordinazzjoni mal-Kummissjoni, jiżguraw il-protezzjoni tal-infrastruttura tal-internet kontra theddidiet u inċidenti permezz ta' approċċ armonizzat tal-UE u billi jiġi kkompletat it-twaqqif ta' timijiet nazzjonali ta’ rispons għall-emerġenzi u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejniethom;

23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex tiżdied is-sigurtà tal-ispazju ċibernetiku fi ħdan l-UE kif ukoll biex tipparteċipa b’mod adegwat fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar din il-kwistjoni u jenfasizza l-bżonn ta’ approċċ ta’ għadd ta’ partijiet interessati sabiex jiġi pprovdut fehim u sensibilizzazzjoni aħjar fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-kriminalità ċibernetika u l-‘cloud computing’, imsejjes fuq bażi ta’ livell ugwali u t-twaqqif ta’ obbligi u responsabilitajiet ċari għal kull parti interessata;

24. Jenfasizza l-importanza tas-sigurtà tas-servizzi elettroniċi, speċjalment tal-firem elettroniċi, u tal-bżonn tal-ħolqien tal-Infrastruttura Ewlenija Pubblika (PKI) fil-livell Pan-Ewropew, u jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf Gateway tal-Validazzjoni tal-Awtoritajiet Ewropej sabiex tiżgura interoperabilità transkonfinali għal firem elettroniċi u sabiex iżżid is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet li jsiru permezz tal-internet;

25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida ċara lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx u ma implimentawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kriminalità Ċibernetika sabiex l-Istati Membri kollha jkunu involuti fi sforz ta’ kooperazzjoni kontra l-kriminalità ċibernetika u l-ispam, għat-tisħiħ tal-fiduċja tal-utenti u għall-iżgurar tal-ispazju ċibernetiku tal-Unjoni Ewropea kontra kull tip ta’ delitt jew reat; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kriminalità Ċibernetika;

26. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu li tippermetti l-iżvilupp ta’ bażi għal kooperazzjoni internazzjonali kontra l-użu terroristiku tal-internet fil-forma ta' attakki fuq skala kbira fuq u permezz ta' sistemi tal-kompjuter li jheddu s-sigurtà nazzjonali, is-sikurezza pubblika jew il-benesseri ekonomiku;

27. Barra minn hekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu favur sigurtà u stabilità ikbar tal-internet permezz ta’ miżuri mmirati biex iżidu d-diversità tan-netwerks u tas-sistema permezz tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni, l-istandards tal-UE u l-politika ta’ akkwist, kif ukoll billi:

(i) jappoġġjaw il-ħidma tal-ICANN fuq is-sigurtà u l-istabilità tas-sistema tal-ismijiet ta' dominju,

(ii) jappoġġjaw il-ħidma f’fora internazzjonali bħalma huma l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp u l-Kunsill tal-Ewropa dwar oqfsa leġiżlattivi u koordinament nazzjonali mtejba;

28. Jenfasizza li s-suċċess tan-netwerks soċjali, flimkien mal-kapaċitajiet tekniċi tal-internet f'dak li jirrigwarda l-memorja u trattament tad-dejta, qed iqajjem problemi dwar iż-żamma tad-dejta u l-użu tad-dejta arkivjati; jiddeplora l-fatt, f'dan ir-rigward, li għalissa għad m'hemm l-ebda 'dritt għan-nisi' fuq l-internet;

29. Jisħaq fuq il-bżonn li jinstab bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tal-privatezza tal-utenti u r-reġistrazzjoni tad-data personali;

30. Jiddeplora l-fatt li l-użu dejjem jikber tan-netwerks tal-internet għadu ma jimxix id f'id ma' regoli li lill-utenti jħalluhom jimmaniġġjaw id-dejta personali li jqiegħdu f'dawk in-netwerks;

31. Josserva li ġestjoni trasparenti u responsabbli tal-internet jista’ jkollha rwol importanti fis-sorveljanza tal-mod kif is-search engines jittrattaw l-informazzjoni globalment;

32. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta biex testendi l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II)(11) biex jinkludu l-ksur tal-protezzjoni tad-dejta u tal-privatezza, u jistieden lill-Kunsill biex jawtorizza li jsiru negozjati bil-għan li jintlaħaq ftehim internazzjonali li jippermetti li jkun hemm rimedju effettiv għal individwi tal-UE f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom, skont il-liġi tal-UE, għall-protezzjoni tad-dejta u għall-privatezza;

33. Isostni l-promozzjoni tal-prinċipju 'privacy by design' li permezz tiegħu r-rekwiżiti ta' protezzjoni tal-privatezza u tad-data għandhom jiddaħħlu kemm jista' jkun malajr fiċ-ċiklu tal-ħajja ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda, b'hekk liċ-ċittadini jiġi garantit ambjent sikur u ta' użu faċli għaċ-ċittadini;

34. Jinnota li ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà tal-websajts qed issir neċessarja biex trawwem iktar fiduċja fil-konsumaturi sabiex jaċċessaw l-informazzjoni u s-servizzi onlajn;

35.      Jenfasizza li l-istituzzjonijiet, entitajiet u l-Istati Membri tal-UE għandhom jikkoordinaw l-approċċ tagħhom għall-governanza tal-internet fl-entitajiet Internazzjonali li jindirizzawha, bħalma hi l-ICANN u l-entitajiet konsultattivi tagħha, inkluż il-Government Advisory Committee (GAC);

36. Jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) fil-ħolqien ta’ spazju ta' informazzjoni Ewropew uniku; jinnota li l-ENISA jista’ jkollha rwol importanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, l-indirizzar u r-reazzjoni għall-problemi ta’ sigurtà tal-informazzjoni u tan-netwerk, u jilqa’ l-proposta li l-Kummissjoni se tippreżenta biex timmodernizza l-ENISA;

37. Jenfasizza l-bżonn ta’ żieda ulterjuri fl-effikaċja tal-ENISA billi:

- jiġu identifikati l-prijoritajiet ta’ riċerka, f’livell Ewropew, fl-oqsma ta’ flessibilità tan-netwerking u fis-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni, u jiġu offruti għarfien dwar il-ħtiġijiet tal-industrija lill-istituzzjonijiet ta’ riċerka potenzjali;

- tinġibed l-attenzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għat-teknoloġiji l-ġodda f’oqsma relatati mas-sigurtà;

- jiġu żviluppati fora għall-qsim ta’ informazzjoni u jingħata appoġġ lill-Istati Membri;

38. Jenfasizza li l-appoġġ tal-ENISA huwa ffukat fuq Stati Membri bi bżonnijiet partikolari u jirrakkomanda li l-ENISA tkompli tiżviluppa fora għall-qsim ta’ informazzjoni bejn Stati Membri u oħrajn;

39. Iqis li l-Kummissjoni għandha rwol ċentrali fit-tnedija u l-koordinazzjoni tal-aspetti kollha relatati mal-organizzazzjoni interna tal-UE biex tiżgura approċċ koerenti tal-UE, inkluż fir-rigward tal-IGF;

40. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tibni kapaċità għal rappreżentanza ġenwina tas-soċjetà ċivili Ewropea f’fora internazzjonali tal-governanza tal-internet u f’organizzazzjonijiet jew konsorzji tal-istandards tal-internet;

41. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-adozzjoni ta’ approċċ koerenti u komprensiv tal-UE fl-IGF u f’laqgħat oħra dwar il-governanza tal-internet, billi, fi żmien sostanzjalment qabel dawn il-laqgħat, tippreżenta abbozz ta’ dokument ta’ pożizzjoni tal-UE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għad-dibattitu;

42. Jappoġġja t-tkomplija u l-iżvilupp tal-mudell tal-IGF fuq livell globali, reġjonali – inkluż il-EuroDIG – u nazzjonali, billi jinżammu l-karatteristiċi ewlenin tiegħu bħala proċess ta’ għadd ta’ partijiet interessati mhux vinkolanti, u filwaqt li jibqa’ bħala fora miftuħa għad-djalogu u għall-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u s-settur privat u forma ġdida ta’ parteċipazzjoni demokratika;

43. Jisħaq fuq l-importanza li l-atturi Asjatiċi jiġu kkooptjati fit-taħditiet dwar il-governanza tal-internet, waqt li titqies in-natura speċifika tas-suq Asjatiku;

44. Jisħaq fuq il-ħtieġa li anke l-konsumaturi finali jiġu involuti fil-proċess biex jinħoloq mudell ta’ governanza, waqt li titqiegħed l-enfasi fuq il-koperazzjoni bejn l-universitajiet u d-dinja tal-impriżi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

45. Jirrakkomanda li l-IGF jittejjeb billi:

(i)   tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li tingħata attenzjoni għall-iffinanzjar tal-parteċipazzjoni tagħhom,

(ii) tiżdied il-viżibilità fil-mezzi ta’ komunikazzjoni,

(iii) ikun hemm organizzazzjoni aktar effiċjenti tal-laqgħat, pereżempju, billi jitnaqqas in-numru ta’ laqgħat li jsiru simultanjament, li titwaqqaf pjattaforma stabbli biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni globali, u multilingwiżmu akbar,

(iv) jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-fora globali, reġjonali u nazzjonali dwar il-governanza tal-internet, u

(v)  tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali kemm permezz tal-użu tal-mezzi teknoloġiċi kollha disponibbli bħalma huma l-vidjokonferenza kif ukoll permezz tal-IPEX (Netwerk Komunitarju ta' Skambju ta' Informazzjoni Interparlamentari);

46. Jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Presidenzi ta’ Spanja u tal-Belġju fir-rigward tal-laqgħa tal-IGF ta’ Vilnjus f’Settembru 2010, u jitlob parteċipazzjoni ikbar tal-Parlament Ewropew;

47. Jappoġġja b’mod ġenerali l-pożizzjoni favorevoli tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-mudell attwali tal-ICANN għall-immaniġġjar ibbażat fuq it-tmexxija mis-settur privat;

48. Jirrikonoxxi li l-ICANN irnexxielha tiggarantixxi l-istabbiltà tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Domains;

49. Jappoġġja l-kontinwazzjoni tal-proċess li nbeda riċentement mill-ICANN biex jingħataw ismijiet tad-domain f’alfabeti differenti mill-alfabett Latin;

50. Jitlob li jkun hemm dominju ġeneriku ġdid tal-ogħla livell għall-organizzazzjonijiet kulturali, punti ta’ bejgħ, il-midja u l-artisti, pereżempju, “.culture” jew “.art”;

51. Jitlob għal aktar responsabilità min-naħa tal-kumpaniji privati li jirreġistraw u jqassmu l-ismijiet tad-dominji, billi dawn jagħtu servizz li s-soċjetà saret tiddependi ħafna minnu; iqis, f’dan ir-rigward, li jeħtieġ tiġi stabbilita sensiela komuni ta’ kriterji li għandhom jiġu segwiti, bil-għan li tikber it-trasparenza u biex jiġi żgurat li dawn il-kumpaniji jieħdu iktar responsabilitajiet fuq spallejhom;

52. Jistieden lill-EURid, ir-reġistratur tad-domain .eu, biex jagħmel kampanja medjatika u onlajn, biex jippromwovi d-domain .eu fost l-Istati Membri, sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ambjent onlajn Ewropew ibbażat fuq il-valuri, il-karatteristiċi u l-politiki tal-Unjoni Ewropea;

53. Jenfasizza l-importanza tal-GAC fil-proċess ta’ tfassil tal-politika tal-ICANN u jirrakkomanda li l-effikaċja tal-GAC tissaħħaħ fost affarijiet oħrajn permezz tat-twaqqif ta’ segretarjat b’kapaċitajiet ta’ appoġġ adegwati; u jqis li huwa importanti li kull Stat Membru tal-UE jieħu parti attiva fil-ħidma ta' dan il-kumitat;

54. Iqis li għandu jsir titjib fl-ICANN:

(i)   bl-introduzzjoni - matul l-analiżi tar-rendiment tal-mekkaniżmi eżistenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim (Panel Indipendenti ta’ Revizjoni u Ombudsman tal-ICANN) - ta' mekkaniżmu alternattiv u estern għas-soluzzjoni tat-tilwim li jippermetti lill-partijiet interessati li jagħmlu reviżjoni effettiva, newtrali, f’waqtha u finanzjarjament sostenibbli, tad-deċiżjonijiet tal-ICANN,

(ii)  billi tiddaħħal gradwalment struttura ta’ finanzjament diversifikat, b’limitu massimu ta’ finanzjament minn kwalunkwe entità jew settur individwali, sabiex jiġi evitat li jkun hemm influwenza mhix xierqa fuq l-attivitajiet tal-ICANN minn kwalunkwe entità jew grupp ta’ entitajiet;

(iii) b'rappreżentanza adegwata tal-partijiet kollha interessati fl-ICANN,

(iv) billi jiġi żgurat li l-bord u t-tmexxija ewlenija tal-ICANN ikunu jirrappreżentaw sensiela ta’ interessi u reġjuni;

(v) bl-użu ta' parti raġonevoli mill-fond ta’ riżerva tagħha sabiex jingħata impetu lill-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-fora tal-governanza tal-internet (speċjalment mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw);

55. Jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-ftehimiet tal-IANA għandhom jinkludu mekkaniżmi għar-responsabilità multilaterali, u jafferma li fil-futur l-ebda gvern individwali m’għandu jeżerċita influwenza dominanti fuq il-IANA, funzjoni li għandha tkun soġġetta għal internazzjonalizzazzjoni progressiva li twassal għal superviżjoni multilaterali;

56. Iqis li l-‘affermazzjoni tal-impenji’ tal-2009 tista’ tkun bażi pożittiva għall-iżvilupp ulterjuri tal-ICANN, filwaqt li jenfasizza li:

(i)   l-UE, l-aktar permezz tal-Kummissjoni, għandha jkollha rwol attiv fl-implimentazzjoni, inkluż permezz tal-bords ta’ reviżjoni u billi tiżgura li l-membri ta’ dawn il-bords ikunu indipendenti, ma jkollhom ebda kunflitti ta’ interess u jirrappreżentaw reġjuni differenti,

(ii)  b’segwitu għall-konsultazzjoni pubblika, ir-rakkomandazzjonijiet tal-bords ta’ reviżjoni għandhom ikunu implimentati mill-ICANN u, f’każ li dan ma jseħħx, għandhom jingħataw raġunijiet għal dan;

57. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapporti ta’ kull sena dwar eventi li kellhom x’jaqsmu mal-governanza organizzati waqt is-sena preċedenti, bl-ewwel rapport jingħata sa Marzu 2011;

58. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)

ĠU C 104, 14.4.1999, p. 128.

(2)

ĠU C 343, 5.12.2001, p. 286.

(3)

ĠU C 27E, 31.01.2002, p. 84.

(4)

ĠU C 133E, 8.6.2006, p. 140.

(5)

ĠU C 286E, 23.11.2006, p. 495.

(6)

ĠU C 303E, 13.12.2006, p. 879.

(7)

ĠU C 41E, 19.2.2009, p. 80.

(8)

Testi adottati, P6_TA(2009)0194.

(9)

ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2010)0133.

(11)

ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.


NOTA SPJEGATTIVA

Jekk nixtiequ niġbru fil-qosor il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hekk kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni tagħha tax-xahar ta’ Ġunju 2009, ngħidu li fiha hemm:

a)  impenn ċar lejn dak li espressivament issejjaħ it-“tmexxija mis-settur privat”;

b)  tħassib dwar l-istruttura xejn rappreżentattiva tal-ICANN;

c)  tħassib ovvju dwar il-kontroll skars li l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, teżerċita fuq il-funzjonament tal-ICANN.

Minn banda, il-Kummissjoni tipproponi riforma interna tal-ICANN (‘Internet Corporation for Assigned Names and Numbers’) li twassal għal “responsabilità u trasparenza sħiħa”; filwaqt li mill-banda l-oħra tgħid li l-“arranġamenti attwali għall-kontroll unilaterali fir-rigward tal-ICANN jeħtieġ li jkunu sostitwiti minn mekkaniżmu alternattiv sabiex jiġi żgurat li l-ICANN ikollu responsabilità multilaterali”.

Ta’ min ifakkar fil-qosor li l-ICANN hija korporazzjoni li ma toperax għal skop ta’ qligħ u li hija soġġetta għal-liġi ta’ Kalifornja, fatt li joħloq problemi legali kostanti. L-ICANN jiddefinixxi l-internet bħala ‘netwerk internazzjonali ta’ netwerks li ma jappartjeni lill-ebda nazzjon, individwu jew korporazzjoni partikolari’ u għaldaqstant jimpenja ruħu li jissodisfa l-interessi pubbliċi globali, mingħajr ma jikkunsidra l-konfini bejn il-gvernijiet.

Din l-entità tant singulari, li timmaniġġja dinja ġdida u kumplessa, inevitabbilment tqajjem kontroversji fost il-partijiet involuti, liema partijiet, f’dan il-każ, jinsabu mxerrdin fil-komunità globali kollha. Hemm kemm trid opinjonijiet dwar l-ICANN u l-irwol tagħha: minn min jiddefenduha u minn dawk li jikkritikawha. Fost dawn tal-aħħar hemm dawk li jsostnu li d-dmirijiet tagħha għandhom jiġu trasferiti lil organizzazzjoni internazzjonali, jew waħda mwaqqfa speċifikament għal dan il-fini, jew waħda fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti. Din il-proposta għandha bażi solida, b’mod speċjali jekk wieħed jibda billi jikkunsidra s-“Sistema tal-ismijiet tad-domains” bħala “ġid komuni”, kunċett li huwa magħruf tajjeb ħafna fil-liġi internazzjonali, fejn riżors ma jkunx suġġett għas-sovranità nazzjonali u jintuża mill-komunità internazzjonali li jkollha interess eċċezzjonali fih.

Fis-Samits Dinjin ta’ Ġinevra u ta’ Tuneż dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS, 2003 u 2005) ġiet enfasizzata l-ħtieġa li tinstab organizzazzjoni internazzjonali iktar newtrali mill-ICANN biex timmaniġġja d-domains, filwaqt li ġiet trattata wkoll l-idea tal-privatizzazzjoni sħiħa tal-ICANN. Fil-kuntest tad-WSIS ġie deċiż li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma (Grupp ta’ Ħidma dwar il-Governanza tal-Internet) li r-rapport finali tiegħu, li ppreżenta erba’ proposti, enfasizza li l-għoti ta’ pożizzjoni ta’ setgħa fis-cyberspace lil Stat wieħed biss ma tkunx soluzzjoni adegwata. Lil hinn minn dawn id-dikjarazzjonijiet, ma ntlaħaqx ftehim konsenswali bejn l-Istati biex tiġi sostitwita s-sistema eżistenti. Fil-qafas tad-WSIS twaqqaf il-“Forum għall-Governanza tal-Internet” li rriżulta bħala ċentru ta’ diskussjoni u dibattitu tajjeb ħafna. Fl-aħħar laqgħa tiegħu, li saret f’Sharm el-Sheikh, fl-Eġittu, ġie deċiż li l-mandat tal-Forum għandu jiġi estiż u, bħalma sar f’laqgħat preċedenti, ġiet enfasizzata l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għall-predominanza attwali tal-Istati Uniti fil-ġestjoni tal-ICANN.

Minn dan kollu jirriżulta li, fl-istat attwali tal-pożizzjonijiet dwar l-ICANN fil-komunità internazzjonali, ikun prudenti li tinżamm din l-organizzazzjoni Amerikana – bħalma tipproponi l-Kummissjoni – b’mod speċjali jekk wieħed iqis li, matul is-snin li ilha teżisti, wettqet dmirijietha b’mod effikaċi u sodisfaċenti.

Madankollu, huwa ċar li l-ICANN teħtieġ xi riformi u rettifiki rigward relevanza. Għax jekk insostnu li s-cyberspace huwa spazju ta’ libertà, ta’ innovazzjoni, ta’ flessibilità u ta’ kapaċità ta’ adattament, ma nistgħux nippretendu fl-istess ħin li l-entità ċentrali organizzativa tiegħu, l-ICANN, tkun riġida u inflessibbli. Jekk id-dinja tal-internet hija dinamika, dan id-dinamiżmu għandu japplika wkoll għall-ICANN.

Għal dan kollu u biex tkompli tmexxi l-governanza tal-internet, l-ICANN teħtieġ riforma li, bħalma ilu jiġi propost mill-istituzzjonijiet Ewropej għal snin sħaħ, tiggarantixxi l-preżenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-influwenza fl-istrutturi tagħha tal-komunità internazzjonali kollha. B’hekk jissaħħu l-koperazzjoni internazzjonali u l-leġittimità f’aspett tal-governanza dinjija li huwa b’mod speċjali rilevanti għall-Umanità kollha.

Minħabba li l-isfidi tal-governanza tal-internet huma ħafna u, fosthom, hemm ir-riskju li n-netwerk dinji jitfarrak – bir-riżultat li jitwaqqfu netwerks nazzjonali, periklu li diġà jidher li huwa rappreżentat miċ-Ċina u l-Iran – jekk is-sistema attwali tal-immaniġġjar ma tiżviluppax.

II

Għaldaqstant ir-rapporteur jipproponi li ssir enfasi dwar l-aspetti li ġejjin, mill-Parlament Ewropew:

1.  L-internet huwa “ġid pubbliku dinji” li l-immaniġġjar u l-kontroll unilaterali tiegħu eżerċitati minn Gvern wieħed biss iwasslu għal diversi kritiki ġustifikati.

2.  L-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa strateġija li tirrifletti perspettiva ta’ kunsens dwar l-aspetti fundamentali tal-governanza tal-internet u li tista’ tiġi difiża b’mod sod fil-fora internazzjonali u fir-relazzjoni bilaterali tagħha mal-Istati Uniti.

3.  L-appoġġ għall-pożizzjoni favorevoli tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-mudell attwali tal-immaniġġjar ibbażat fuq it-tmexxija mis-settur privat. Dan l-appoġġ għandu jkun bil-kondizzjoni li tittieħed azzjoni fir-rigward tal-kritika dwar ċerti aspetti tal-funzjonament u tal-kompożizzjoni tal-ICANN.

4.  Fir-rigward tal-ICANN:

(a) il-kontroll u r-responsabilità: l-adozzjoni f’Novembru 2009 tal-“Affermazzjoni tal-Impenji” (“Affirmation of Commitments”) bejn l-ICANN u l-Gvern tal-Istati Uniti hija pass ’il quddiem fl-internazzjonalizzazzjoni u fir-rikonoxximent tal-“interess pubbliku” tal-internet – żewġ prinċipji fundamentali għall-UE. Din il-ftehim il-ġdid jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kontroll (bords ta’ reviżjoni) f’oqsma fundamentali tal-immaniġġjar tal-internet bħat-trasparenza u r-responsabilità, l-istabilità u s-sigurtà tan-netwerk, il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumaturi. Għalkemm dan il-ftehim huwa ambizzjuż u promettenti, xorta waħda wieħed għad irid jara l-mod kif se jitwettaq. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jieħdu sehem attiv fit-twettiq u fl-iżvilupp tal-kuntratt il-ġdid, filwaqt li jiżguraw li l-kompożizzjoni tal-“bords ta’ reviżjoni” tirrispetta d-diversità ġeografika u l-indipendenza tal-membri u jiġi evitat kull tip ta’ konflitt ta’ interessi. Dan l-aspett huwa fundamentali biex tiġi żgurata l-leġittimità, l-indipendenza u l-oġġettività ta’ dan il-korp il-ġdid quddiem il-komunità internazzjonali. Għandha tissolva wkoll il-parteċipazzjoni Ewropea fil-bord ta’ reviżjoni, billi ssir enfasi dwar rappreżentazzjoni unika tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li jkun hemm rappreżentazzjoni suffiċjenti tal-Kumitat Konsultattiv Governattiv (GAC) f’dawn il-bords. Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-bord ta’ reviżjoni, dawn għandhom jiġu implimentati mill-Bord ta’ Tmexxija tal-ICANN u jekk dan ma jsirx, għandu jagħti raġuni għal dan in-nuqqas ta’ implimentazzjoni. Għal dawn il-każijiet, jeħtieġ li jiġi previst mekkaniżmu ta’ rikors li tabilħaqq jista’ jkun l-Arbitraġġ Internazzjonali.

(b) Rigward il-parteċipazzjoni demokratika fl-attivitajiet tal-ICANN, għandha tiġi żgurata r-rappreżentanza tal-interessi kollha li hemm fid-dinja tal-internet (Gvernijiet, assoċjazzjonijiet, intrapriżi, utenti, eċċ.) Għaldaqstant, il-Kumitat Konsultattiv Governattiv għandu importanza speċjali billi huwa l-mezz li bih il-Gvernijiet jistgħu “jikkontrollaw” l-adozzjoni tar-regoli interni tal-ICANN. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż min għandu d-dmir iwaqqaf dan il-Kumitat, ħaġa estremament kontroversjali billi l-parteċipazzjoni ta’ Stati mhux demokratiċi u b’valuri li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma differenti minn dawk tal-Ewropej tista’ tinvolvi riskju fil-protezzjoni tal-“acquis Ewropew”. Barra minn hekk, għandha ssir riflessjoni dwar il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-GAC, in-natura konsultattiva biss tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu u l-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni tal-konflitti f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn il-GAC u l-Bord ta’ Tmexxija.

Fl-aħħar nett, għandu jibqa’ jiġi żgurat li tinżamm id-diversità nazzjonali tal-membri ta’ livell għoli tal-persunal tal-ICANN.

(c) Finanzjament: Aspett ieħor huwa l-iffinanzjar billi llum, il-maġġoranza tal-fondi ġejjin mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Uniti u li magħhom għandhom jiżdiedu r-rati mħallsa mir-reġistri tal-ismijiet tad-domains u r-reġistri tad-domains ġeneriċi tal-ogħla livell (generic top-level domains - gTLD). Ikun tajjeb li jinfetħu dawn is-sorsi ta’ ffinanzjar u b’hekk jiġu pprojbiti pożizzjonijiet dominanti mhux mixtieqa.

5.  Il-Forum għall-Governanza tal-Internet (FGI) wera li kien suċċess. In-natura miftuħa tiegħu, il-flessibilità tiegħu, il-parteċipazzjoni kbira tad-diversi setturi involuti, l-iżvilupp tal-“familja” tal-governanza (Eurodig, il-Fora nazzjonali, il-Fora reġjonali), huma mudell uniku (isiru dibattiti u diskussjonijiet bla limitu) u rilevanti, adegwat ħafna għal qasam ġdid bħalma huwa l-internet. Il-Parlament Ewropew huwa favorevoli ħafna li dan jitkompla.

Ċerti aspetti għandhom jitjiebu u, fost l-oħrajn, insemmu:

–    il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u b’mod speċifiku l-iffinanzjar ta’ din il-parteċipazzjoni.

–    il-viżibilità fil-mezzi ta’ komunikazzjoni

–    l-iżvilupp intern tal-laqgħat annwali tal-FGI (tnaqqis fis-sejħiet tal-laqgħat li jsiru simultanjament, twaqqif ta’ pjattaforma stabbli biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni globali u r-rinfurzar tal-multilingwiżmu),

–    il-koordinazzjoni mal-fora nazzjonali u reġjonali li diġà jiffurmaw “familja” ta’ diskussjoni dwar il-Governanza tal-Internet,

–    il-koperazzjoni parlamentari bejn il-PE u l-Parlamenti nazzjonali trid tkun aktar qawwija.

Fir-rigward tal-laqgħa f’Vilnius fi tmiem l-2010, il-Parlament Ewropew għandu jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Presidenza Spanjola u dik Belġjana.

6. Filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-problemi tal-internet fid-dinja se jibqgħu preżenti ħafna fis-snin li ġejjin, huwa importanti ħafna li l-istituzzjonijiet Ewropej jibqgħu jaħdmu -bħalma qed jagħmlu diġà f’diversi aspetti- rigward dak kollu li jaffettwa l-valuri Ewropej u l-acquis tad-drittijiet fundamentali sabiex jiġi żgurat li dawn jintlaqgħu fl-immaniġġjar dinji tal-internet. Għaldaqstant, il-progress għandu jibqa’ javvanza b’mod partikolari fil-kwistjonijiet li ġejjin:

–    il-garanzija tal-aċċess komprensiv u mhux diskriminatorju tal-internet,

–    id-difiża tal-perspettiva Ewropea tan-newtralità tal-internet,

–    l-aspetti relatati mas-sigurtà quddiem theddidiet jew attakki,

–    il-protezzjoni tad-dritt għall-privatezza taċ-ċittadini u l-indirizzar tal-kwistjonijiet relatati mal-ġuriżdizzjoni kompetenti u l-liġi applikabbli biex issir medjazzjoni fejn ikun hemm il-konflitt (minħabba l-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Ruma II teskludi b’mod ċar il-konflitti mhux kuntrattwali relatati mad-dritt għall-privatezza),

–    id-difiża tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-garanziji tal-aċċess għall-kultura tal-utenti,

–    il-garanzija tal-kompetizzjoni ħielsa,

–    il-ġlieda kontra l-kriminalità u, b’mod speċifiku, id-difiża tad-drittijiet tal-minuri.

Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi appoġġjata l-inizjattiva tal-Presidenza Spanjola li titfassal “Karta Ewropea tad-drittijiet tal-utenti tal-internet” kif ukoll il-proposta tagħha li tiġi rikonoxxuta l-“ħames libertà fundamentali tal-UE”, jiġifieri, l-aċċess għall-internet.

7.  Fl-aħħar nett, mill-perspettiva tal-organizzazzjoni u l-funzjonament intern tal-UE, ikun tajjeb li wieħed jimxi ’l quddiem fil-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej fir-relazzjonijiet tagħhom mal-ICANN li mhux dejjem jinħolqu f’termini ta’ razzjonalità. , Ikun tajjeb li jsir sforz biex jiġi ċċarat l-irwol tal-Kunsill, dak tal-Kummissjoni u naturalment, il-prateċipazzjoni li għandha tiġi attribwita lill-Parlament. L-istess jista’ jingħad rigward ir-relazzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri kemm fi ħdan il-GAC kif ukoll f’livell intern tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Governanza tal-Internet (High Level Group on Internet Governance).

8.  Fl-aħħar nett, tajjeb li ssir enfasi li l-governanza tal-internet hija opportunità oħra biex l-UE tkun preżenti u tiddefendi l-perspettiva u l-valuri tagħha, b’leħen wieħed, fix-xena internazzjonali.


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (12.4.2010)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar il-governanza tal-Internet: il-passi li jmiss

(2009/2229(INI))

Rapporteur: Catherine Stihler

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li l-użu dejjem jikber tal-internet miċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-kumpaniji u l-awtoritajiet ifisser li din l-għodda ta’ komunikazzjoni saret waħda mill-elementi fundamentali tat-twettiq tas-suq intern fl-UE; jisħaq f’dan ir-rigward fuq il-ħtieġa ta' ħarsien xieraq tal-konsumaturi u tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-internet; jenfasizza wkoll li d-drittijiet u l-libertajiet ċivili tal-utenti tal-Internet għandhom ikunu ggarantiti;

2.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Internet bħala mezz ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi;

3.  Jitlob biex tinżamm l-istabilità tal-Internet, filwaqt li jitqies ir-rwol tas-settur privat, bħala għodda importanti għall-attività ekonomika u soċjali, inklużi l-kummerċ onlajn, l-iskambju ta’ informazzjoni (kunfidenzjali) u t-tranżazzjonijiet finanzjarji; jistieden f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi struttura ta’ koordinament formalizzata biex jiġu assigurati l-interessi pubbliċi involuti;

4.  Jitlob għal aktar responsabilità min-naħa tal-kumpaniji privati li jirreġistraw u jqassmu l-ismijiet tad-dominji, billi dawn jagħtu servizz li s-soċjetà saret tiddependi ħafna minnu; iqis, f’dan ir-rigward, li jeħtieġ tiġi stabbilita sensiela komuni ta’ kriterji li għandhom jiġu segwiti, bil-għan li tikber it-trasparenza u biex jiġi żgurat li dawn il-kumpaniji jieħdu iktar responsabilitajiet fuq spallejhom;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti rapport annwali lill-Parlament Ewropew, li jista’ jkun segwit minn dibattitu, dwar il-governanza tal-Internet u l-ħidma tal-bordijiet ta' reviżjoni tal-ICANN; jilqa' l-eżistenza tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF); jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, kif ukoll rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-Internet, li jattendu l-laqgħa internazzjonali tal-ICANN f’Ġunju;

6.  Jitlob lill-ICANN tara li l-gvernijiet nazzjonali jkollhom sehem aktar importanti fil-governanza tal-Internet; iqis li l-Bord tad-Diretturi tal-ICANN għandu jiġġustifika b'mod xieraq il-pożizzjonijiet tiegħu meta dawn ma jkunux jaqblu mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv tal-Gvernijiet (GAC);

7.   Jitlob għal sforzi kollettivi biex tingħeleb il-kriminalità elettronika, b’mod partikolari biex tiżdied il-protezzjoni tad-data personali u tal-minorenni, filwaqt li ma tiġix imxekkla n-natura miftuħa tal-Internet;

8.  Jitlob għal aċċess u żvilupp aktar faċli tal-Internet fl-Istati Membri l-ġodda, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, u f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea; jitlob ukoll biex dawn il-pajjiżi jkollhom influwenza akbar fit-tfassil tal-politika dwar il-governanza tal-Internet;

9.  Jenfasizza li l-governanza tal-Internet għandha tiffaċilita l-kummerċ elettroniku u t-tranżazzjonijiet transkonfinali billi tiddeċentralizza r-rwoli awtoregolatorji, speċjalment meta jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ dħul għal kompetituri ġodda;

10. Iqis li d-dispożizzjonijiet tal-ġejjieni fil-qasam tal-governanza għandhom iqisu l-interess pubbliku tas-soċjetà kollha kemm hi u ma għandhomx ikunu suġġetti għal interessi kummerċjali jew reġjonali dojoq; iqis, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li għandu jitjieb il-qafas tal-politika pubblika;

11. Japprova l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel referenza għall-importanza tal-prinċipji tat-trasparenza, tal-multilateraliżmu u tar-responsabilità fl-operat tal-korpi tal-ICANN;

12  Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tqisx il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija, bħala wieħed mill-prinċipji tal-governanza tal-Internet;

13. Jilqa' l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-qagħda internazzjonali, tagħmel referenza espliċita għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għal-libertà tal-espressjoni, bħala prinċipju essenzjali tal-governanza tal-Internet.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.4.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

0

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adam Bielan, Cristian Silviu Buşoi, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Tiziano Motti, Gianni Pittella, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Laurence J.A.J. Stassen, Catherine Stihler, Eva-Britt Svensson, Róża Gräfin Von Thun Und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Barbara Weiler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Constance Le Grip, Rareş-Lucian Niculescu, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Kerstin Westphal


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI (23.2.2010)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar il-governanza tal-Internet: il-passi li jmiss

(2009/2229(INI))

Rapporteur: Ivo Belet

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jirrikonoxxi li l-Internet hu essenzjali biex jiġu eżerċitati b’mod prattiku l-libertà tal-espressjoni, id-diversità kulturali, il-pluraliżmu tal-midja, iċ-ċittadinanza demokratika, kif ukoll l-edukazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni, biex b'hekk jikkostitwixxi wieħed mill-muturi prinċipali għall-propagazzjoni tal-valuri demokratiċi fid-dinja kollha;

2.   Jikkunsidra f’dan ir-rigward li kwalunkwe restrizzjoni imposta fuq l-eżerċitar ta' dawn id-drittijiet fundamentali għandha tkun konformi mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

3.   Jenfasizza l-ħtieġa li l-Internet jinżamm sigur, ħieles, affidabbli u multilingwi u miftuħ għal kull ċittadin tad-dinja;

4.   Josserva li ġestjoni trasparenti u responsabbli tal-Internet jista’ jkollha rwol importanti fis-sorveljanza tal-mod kif is-search engines jittrattaw l-informazzjoni globalment;

5.   Jenfasizza l-bżonn li jiġi protett u promoss il-wirt kulturali Ewropew, anke permezz tal-Internet;

6.   Hu tal-fehma li l-Internet għandu rwol vitali fit-tqanqil tal-innvovazzjoni u t-tnaqqis tad-distakk diġitali, soċjali u kulturali fil-kuntest ta’ nħawi oħra tad-dinja;

7.   Jinnota t-titjib imwiegħed fl-affermazzjoni l-ġdida ta’ impenji mid-Dipartiment għall-Kummerċ tal-Istati Uniti u l-Korporazzjoni tal-Internet għall-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN); madankollu jagħraf li għandu jkun hemm tħassib fil-fatt li ma toħroġx struttura għal governanza multilaterali sħiħa;

8.   Ifakkar madankollu li l-Internet bħala riżorsa globali m’għandux ikun marbut ma’ gvern nazzjonali wieħed u għaldaqstant jitlob li jinħareġ mudell globali ġdid għall-governanza tal-Internet, li jkun ibbażat fuq governanza aktar responsabbli u trasparenti;

9.   Jenfasizza l-importanza tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet bħala forum multilaterali fejn ikunu rappreżentati dawk kollha li għandhom sehem fil-qasam, kif diġà ddikjara l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar it-tieni Forum dwar il-Governanza tal-Internet, li sar f'Rio de Janeiro bejn it-12 u l-15 ta' Novembru 2007(1);

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja l-inizjattivi għall-organizzazzjoni ta’ Forum Ewropew effikaċi dwar il-Governanza tal-Internet;

11. Jitlob li jinbdew taħditiet transatlantiċi bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Uniti u tal-UE sabiex l-ICANN tkompli tiġi internazzjonalizzata u biex jiġi żviluppat mudell ta’ governanza li jiggarantixxi l-aċċess ħieles għall-Internet u s-sigurtà globali tiegħu, li jinkludi l-protezzjoni tad-data u l-privatezza personali;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal konsultazzjonijiet, inter alia bejn il-Forum dwar il-Governanza tal-Internet, l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet u l-ICANN, bl-intenzjoni li jintlaħaq qbil dwar il-prevenzjoni ta' attakki fuq l-Internet (ġirja għall-armamenti ċibernetiċi);

13. Jisħaq fuq l-importanza li l-atturi Asjatiċi jiġu kkooptjati fit-taħditiet dwar il-governanza tal-Internet, waqt li titqies in-natura speċifika tas-suq Asjatiku;

14. Jisħaq fuq il-ħtieġa li anke l-konsumaturi finali jiġu involuti fil-proċess biex jinħoloq mudell ta’ governanza, waqt li titqiegħed l-enfasi fuq il-koperazzjoni bejn l-universitajiet u d-dinja tal-impriżi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

15. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-ICANN biex is-sistema tal-ismijiet tad-dominji tinfetaħ għall-karattri mhux Latini;

16. Iħeġġeġ biex tittieħed azzjoni għall-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar l-użu tar-riżorsi offruti mill-Internet u l-għażla tal-kriterji ta’ kif għandhom jintużaw dawk ir-riżorsi;

17. Jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi u l-azzjonijiet għall-ħarsien tal-minorenni onlajn, bħall-Programm għal Internet aktar Sikur; jikkunsidra wkoll li hu importanti li jiġi żgurat li l-ġenituri u l-għalliema jkunu jafu jgħinu, kif meħtieġ, lill-minorenni jużaw in-netwerks b’mod sikur;

18. Jitlob li jkun hemm aktar inizjattivi għat-tisħiħ tal-esplorazzjoni b’aktar sikurezza tal-Internet mit-tfal, sabiex jixxerrdu l-aħjar prattiki fid-dinja, u biex tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kontenut onlajn ta’ ħsara u illegali, b’mod partikulari fir-rigward tal-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-Internet;

19. Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tifhem l-importanza li "jitnaqqas id-distakk diġitali” u jifhem il-kwistjonijiet ta’ żvilupp involuti fil-governanza tal-Internet; madankollu, wieħed irid jiffoka wkoll fuq il-ħafna ċittadini ta’ età avvanzata kemm fid-dinja żviluppata u kemm f’dik li għadha qed tiżviluppa, li ta' spiss iħossuhom abbandunati f’din id-dinja onlajn ġdida; l-Internet jista’ jkun għodda effikaċi għall-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadini tagħna ta’ età avvanzata jridu jiġu inklużi;

20. Jitlob li jkun hemm dominju ġeneriku ġdid tal-ogħla livell għall-organizzazzjonijiet kulturali, punti ta’ bejgħ, il-midja u l-artisti, pereżempju, “.culture” jew “.art”;

21. Iħeġġeġ biex ikun hemm koperazzjoni mill-qrib fuq kwistjonijiet relatati mal-Internet bejn l-UE u l-Forum dwar il-Governanza tal-Internet;

22. Jisħaq fuq il-bżonn li jinstab bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tal-privatezza tal-utenti u r-reġistrazzjoni tad-data personali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Malika Benarab-Attou, Piotr Borys, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Pál Schmitt, Marco Scurria, Timo Soini, Emil Stoyanov, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Gianni Vattimo, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Nessa Childers, Nadja Hirsch, Seán Kelly, Catherine Soullie, Rui Tavares

(1)

ĠU C 41E, 19.2.2009, p. 80.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (30.4.2010)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar il-governanza tal-Internet: il-passi li jmiss

(2009/2229(INI))

Rapporteur: Cecilia Wikström

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-governanza tal-Internet għandha implikazzjonijiet importanti għall-politika pubblika, fid-dawl tal-mod li bih l-Internet bidel il-ħajjiet u l-ambjenti tax-xogħol ta’ miljuni ta’ Ewropej,

B.  billi l-Internet sar riżorsa kritika u kull xkiel serju jista’ jkollu effetti kbar ħafna fuq is-soċjetà u l-ekonomija,

C. billi, bi rbit mal-governanza tal-Internet, is-settur privat sal-lum kellu rwol prevalenti u pożittiv; billi, madankollu, ir-rwol tal-korpi pubbliċi għandu jissaħħaħ meta tiġi definita l-istrateġija globali,

1.  Jappoġġa r-rwol ewlieni tas-settur privat fl-iżvilupp tal-Internet u jenfasizza li l-gvernijiet m’għandhomx ikunu involuti f’deċiżjonijiet dwar l-operat minn jum għall-ieħor tal-Internet;

2.  Jenfasizza, madankollu, ir-rwol u r-responsabbiltajiet importanti tal-gvernijiet fil-ħolqien u t-twettiq ta' politiki effikaċi ta' interess ġenerali u fid-difiża tal-interess pubbliku;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-Internet bħala servizz pubbliku; itenni l-ħtieġa li niggarantixxu l-aċċess ħieles u negħlbu kull fenomenu ta' firda diġitali; jirrikonoxxi li l-arkitettura miftuħa u interoperabbli tal-Internet f'parti kbira hija r-riżultat ta’ deċiżjonijiet ta’ governanza li ħaduhom inġiniera u xjenzati, aktar milli politikanti u burokrati;

4.  Jirrikonoxxi li l-ICANN(1) irnexxielha tiggarantixxi l-istabbiltà tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Domains;

5.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tħabrek biex tiżgura li jkun hemm aktar trasparenza u responsabbiltà tal-ICANN lejn il-komunità globali tal-Internet u mhux biss lejn il-Gvern tal-Istati Uniti;

6.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fid-diskussjonijiet dwar ir-responsabilità tal-ICANN biex jiżguraw li t-tibdil bl-ebda mod ma jfixkel il-prinċipji ewlenin tal-governanaza tal-Internet kif stabbiliti mill-Kummissjoni(2), b'mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-istati li ma jirrispettawx dawn il-prinċipji;

7.  Jilqa’ żviluppi riċenti li jippermettu l-użu ta’ sistemi ta' kitba għajr dawk li jużaw l-alfabett Latin f’ismijiet tad-domain bħala pass importanti lejn Internet globalment inklussiv u multilingwi;

8.  Jenfasizza li l-prinċipji tal-governanza tal-Internet għandhom iqisu l-ħtieġa tal-protezzjoni sew tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll ta' drittijiet oħra fundamentali, bħalma huma d-dritt tal-espressjoni, tal-protezzjoni tad-dejta, tal-privatezza u l-ħtieġa tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija; jenfasizza l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni tal-UE biex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet bażiċi;

9.  Jiddeplora l-fatt li l-użu dejjem jikber tan-netwerks tal-internet għadu ma jimxix id f'id ma' regoli li lill-utenti jħalluhom jimmaniġġjaw id-dejta personali li jqiegħdu f'dawk in-netwerks;

10. Jenfasizza li s-suċċess tan-netwerks soċjali, flimkien mal-kapaċitajiet tekniċi tal-internet f'dak li jirrigwarda l-memorja u trattament tad-dejta, qed iqajjem problemi dwar iż-żamma tad-dejta u l-użu tad-dejta arkivjati; jiddeplora l-fatt, f'dan ir-rigward, li għalissa għad m'hemm l-ebda 'dritt għan-nisi' fuq l-Internet.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.4.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Daniel Hannan, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Kay Swinburne, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Sergio Gaetano Cofferati, Eva Lichtenberger, József Szájer

(1)

   Korporazzjoni tal-Internet għal Ismijiet u Numri Assenjati

(2)

   COM(2009) 277, p. 5.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN (31.5.2010)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar il-governanza tal-Internet: il-passi li jmiss

(2009/2229(INI))

Rapporteur: Stavros Lambrinidis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-Internet sar strument indipensabbli għall-promozzjoni tal-inizjattivi demokratiċi, id-dibattitu politiku, il-litteriżmu diġitali u t-tixrid tal-għarfien; ifakkar li l-aċċess għall-Internet jiggarantixxi u jiddependi mill-eżerċizju ta' għadd ta' drittijiet fundamentali ewlenin li jinkludu, iżda li mhumiex limitati għalihom, ir-rispett tal-ħajja privata, il-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-kelma, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-istampa, il-fehma u l-parteċipazzjoni politika, in-nondiskriminazzjoni, l-edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika; jenfasizza li l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati fil-livelli kollha għandhom għalhekk ir-responsabilità ġenerali li jassistu biex jiggarantixxu li kulħadd ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-soċjetà tal-informazzjoni, inkluża enfasi fuq l-anzjani li jħabbtu wiċċhom aktar problemi biex jiffamiljarizzaw ruħhom mat-teknoloġiji l-ġodda u fl-istess ħin jittrattaw l-isfidi paralleli tal-illitteriżmu elettroniku u tal-esklużjoni demokratika fl-era elettronika;

2.  Jenfasizza speċjalment il-bżonn li tissaħħaħ l-evoluzzjoni ta' approċċ 'minn isfel għal fuq' u tad-demokrazija elettronika, filwaqt li jiġi garantit li jitwaqqfu salvagwardji sinifikanti kontra forom ġodda ta' viġilanza, kontroll u ċensura minn atturi pubbliċi jew privati, sabiex il-libertà għall-aċċess għakk-Internet u l-ħarsien tal-ħajja privata jkunu reali u mhux illużorji;

3.  Isostni l-promozzjoni tal-prinċipju 'privacy by design' li permezz tiegħu r-rekwiżiti ta' protezzjoni tal-privatezza u tad-data għandhom jiddaħħlu kemm jista' jkun malajr fiċ-ċiklu tal-ħajja ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda, b'hekk liċ-ċittadini jiġi garantit ambjent sikur u ta' użu faċli għaċ-ċittadini; jinkoraġġixxi l-inkorporazzjoni tal-prinċipji fundamentali tal-Karta tad-Drittijiet tal-Internet fil-proċess ta' riċerka u żvilupp tal-'passi li jmiss fil-governanza tal-Internet'; f'dan ir-rigward, jitlob informazzjoni addizzjonali dwar l-inizjattiva tal-Presidenza Spanjola biex tippromwovi 'Kodiċi tad-Drittijiet Diġitali għall-Kommunikazzjonijiet Elettroniċi u s-servizzi online';

4.  Jenfasizza l-bżonn li ssir riflessjoni dwar strateġija globali biex tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà u tiġi miġġielda l-kriminalità ċibernetika u l-bżonn li dawn jiġu żviluppati, b'enfasi partikolari fuq il-ġurisdizzjoni transkonfinali fuq il-kriminalità ċibernetika fl-isfera tal-'cloud computing'; jappella għal attenzjoni speċiali fir-rigward tal-sigurtà u tal-ħarsien tad-data online kif ukoll l-użu tagħhom mill-fornituri ta' servizzi ta' 'cloud computing';

5.  Iqis ukoll il-bżonn speċjali li jiġu protetti l-persuni vulnerabbli, partikolarment il-minorenni – permezz ta' azzjoni konġunta minn partijiet interessati kemm mis-settur pubbliku kif ukoll dak privat; itenni li, fil-qafas tal-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika u l-pedopornografija, il-kontenut kriminuż għandu jitħassar f'ras il-għajn qabel ma jiġi previst l-imblokk tas-siti elettroniċi;

6.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu ttrattati r-responsabilità u t-trasparenza tal-ICANN, speċjalment ir-riforma u r-responsabilità multilaterali tagħha; iqis li t-trasparenza, ir-rispett għall-privatezza, in-newtralità tan-Net u ambjent ta' fiduċja fost il-partijiet interessati tal-Internet huma elementi indispensabbli sabiex tinbena viżjoni sostenibbli ta' sigurtà għall-Internet.

7.  Jisħaq fuq l-importanza tat-twaqqif, flimkien mal-parteċipazzjoni tal-atturi kollha rilevanti tal-UE, ta' Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) Ewropew li jagħmel rendikont tal-esperjenza miksuba minn IGFs nazzjonali, jiffunzjona bħala ċentru reġjonali, u jwassal b'mod aktar effiċjenti kwistjonijiet, pożizzjonijiet u tħassib ta' interess mifrux mal-Ewropa kollha fl-IGFs internazzjonali li ġejjin sabiex l-UE tkun tista' titkellem b'vuċi waħda matul in-negozjati;

8.  Jilqa' n-natura diversa tal-parteċipanti fil-fora tal-IGF mill-2006 kemm f'termini tar-rappreżentanza reġjonali kif ukoll tal-partijiet interessati; itenni li fil-fehma tiegħu impenn li jinkludi l-partijiet interessati kollha, multilaterali, demokratiku u trasparenti fil-Governanza tal-Internet huwa kruċjali biex jiġi garantit approċċ inklużiv u olistiku f'dan il-qasam.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.5.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Sonia Alfano, Rita Borsellino, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Cornelis de Jong, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Tanja Fajon, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in 't Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Monica Luisa Macovei, Véronique Mathieu, Louis Michel, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Birgit Sippel, Wim van de Camp, Axel Voss, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Elena Oana Antonescu, Edit Bauer, Andrew Henry William Brons, Michael Cashman, Anna Maria Corazza Bildt, Ioan Enciu, Franziska Keller, Krisztina Morvai, Mariya Nedelcheva, Raül Romeva i Rueda, Cecilia Wikström


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Lena Ek, Ioan Enciu, Gaston Franco, Adam Gierek, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Arturs Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Niki Tzavela, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

António Fernando Correia De Campos, Francesco De Angelis, Françoise Grossetête, Oriol Junqueras Vies, Ivailo Kalfin, Werner Langen, Ivari Padar, Vladko Todorov Panayotov, Mario Pirillo, Catherine Trautmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jürgen Creutzmann, Ramona Nicole Mănescu, László Surján

Avviż legali - Politika tal-privatezza