REPORT dwar id-deliberazzjonijiet 2009 tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet

7.6.2010 - (2009/2139 (INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Carlos José Iturgaiz Angulo


Proċedura : 2009/2139(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0186/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2009

(2009/2139 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 202(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0186/2010),

A.     billi l-attività tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2009 kienet ikkaratterizzata bit-tranżizzjoni mis-sitt leġiżlatura għas-seba’ waħda, u l-kompożizzjoni tal-Kumitat inbidlet b’mod konsiderevoli, b’żewġ terzi tal-membri jieħdu posthom għall-ewwel darba,

B.     billi l-2009 kienet ikkaratterizzata bit-tmiem tal-mandat tal-Ombudsman Ewropew filwaqt li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien involut direttament fis-smigħ tal-kandidati għall-kariga,

C.     billi t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2009 u ħoloq il-kundizzjonijiet neċessarji għal parteċipazzjoni ikbar taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, fi sforz biex tissaħħaħ il-leġittimità u r-responsabilità tagħha,

D.     billi ċ-ċittadini tal-UE huma rrappreżentati direttament mill-Parlament, u d-dritt ta’ petizzjoni kif imħaddan fit-Trattat joffri l-mezzi sabiex jindirizzaw lir-rappreżentanti tagħhom kull meta jqisu li d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru,

E.     billi l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea għandu impatt dirett fuq iċ-ċittadini, li jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jevalwaw l-effikaċa u n-nuqqasijiet tagħha u biex jindikaw il-lakuni li baqa’ u li jeħtieġ li jiġu solvuti sabiex tiġi żgurata konformità mal-objettivi tal-Unjoni,

F.     filwaqt li jżomm f’moħħu li ċ-ċittadini Ewropej, individwalment jew b’mod kollettiv, iduru fuq il-Parlament għal rimedju meta tinkiser liġi Ewropea,

G.     billi l-Parlament, permezz tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu, għandu obbligu li jinvestiga dan it-tħassib u li jagħmel l-almu tiegħu biex iwaqqaf dan il-ksur tal-liġi; billi, sabiex iċ-ċittadini jiġu offruti l-iktar rimedji xierqa u rapidi, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kompla jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni, ma' kumitati parlamentari oħrajn, korpi, aġenziji u netwerks Ewropej u mal-Istati Membri,

H.     billi l-għadd ta’ petizzjonijiet li rċieva l-Parlament fl-2009 kien ftit iktar minn dak irreġistrat fl-2008 (jiġifieri 1 924 meta mqabbel ma’ 1 849), u billi t-tendenza li qed tikber fir-rigward ta’ petizzjonijiet ippreżentati b’mod elettroniku ġiet ikkonfermata (madwar 65% waslu f’din il-forma fl-2009 meta mqabbla ma’ 60% fl-2008),

I.      billi l-għadd ta’ petizzjonijiet inammissibbli li waslu fl-2009 jindika li għandu jkun hemm iktar enfasi sabiex iċ-ċittadini jiġu infurmati aħjar dwar il-kompetenzi tal-Unjoni u r-rwol tal-istituzzjonijiet varji tagħha,

J.      billi, bosta drabi, iċ-ċittadini jippetizzjonaw lill-Parlament dwar deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti fl-Istati Membri, u billi ċ-ċittadini għandhom bżonn mekkaniżmi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet nazzjonali biex jagħtu rendikont tal-parti tagħhom kemm fil-proċess leġiżlattiv Ewropew kif ukoll fil-proċess ta’ infurzar leġiżlattiv,

K.     billi ċ-ċittadini għandhom, b’mod partikulari, jkunu konxji – kif rikonoxxut mill-Ombudsman Ewropew fid-deċiżjoni ta’ Diċembru 2009 li għalqet l-investigazzjoni fir-rigward tal-ilment 822/2009/BU kontra l-Kummissjoni – li l-proċedimenti fil-qrati nazzjonali huma parti mill-proċess tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fl-Istati Membri, u li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ma jistax jindirizza kwistjonijiet soġġetti għal proċedimenti fi qrati nazzjonali u lanqas ma jista' jirrevedi r-riżultat ta' tali proċedimenti,

L.     billi l-Parlament jaffaċċja problema partikulari meta titressaqlu petizzjoni dwar nuqqas allegat mill-ġudikatura nazzjonali biex jitlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja f’nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 267 tat-TFUE, speċjalment jekk il-Kummissjoni ma tużax il-poteri tagħha skont l-Artikolu 258 sabiex tieħu azzjonijiet kontra l-Istat Membru kkonċernat,

M.    billi l-proċess tal-petizzjonijiet – permezz tal-mekkaniżmi ta’ ħidma tiegħu u minħabba li d-dritt ta’ petizzjoni huwa mogħti liċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat – huwa differenti minn rimedji oħrajn disponibbli għaċ-ċittadini fil-livell tal-UE, bħalma hija l-preżentazzjoni ta' lmenti lill-Ombudsman Ewropew jew lill-Kummissjoni,

N.     billi ċ-ċittadini huma intitolati għal rimedju rapidu u orjentat lejn is-soluzzjoni u għal livell għoli ta’ trasparenza u ċarezza min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha u billi l-Parlament talab repetutament lill-Kummissjoni biex tuża l-prerogattivi tagħha bħala gwardjan tat-Trattat sabiex tieħu azzjoni kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni Ewropea żvelat mill-petizzjonanti, speċjalment meta t-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali tirriżulta fil-ksur tagħha,

O.     billi ħafna petizzjonijiet għadhom iqajmu tħassib dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-suq intern u l-ambjent, u filwaqt li jżomm f’moħħu t-talbiet preċedenti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-kontrolli ta’ infurzar f’dawn l-oqsma jissaħħu u jsiru aktar effiċjenti,

P.     billi, minkejja li l-Kummissjoni tista’ biss tivverifika kompletament il-konformità mal-liġi tal-UE meta tittieħed deċiżjoni finali mill-awtoritajiet nazzjonali biss, huwa importanti, b'mod partikulari fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mal-ambjent u fil-każijiet kollha meta l-aspett ta' żmien ikun sinifikanti b'mod speċjali, li minn stadju bikri jiġi vverifikat li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali japplikaw b’mod korrett ir-rekwiżiti proċedurali relevanti kollha skont il-liġi tal-UE u, meta jkun meħtieġ, jagħmlu studji ddettaljati dwar l-applikazzjoni u l-impatt tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, sabiex jiksbu t-tagħrif kollu meħtieġ,

Q.     filwaqt li jżomm f’moħħu l-importanza li jiġi evitat iktar telf irreparabbli tal-bijodiversità, speċjalment fis-siti tan-Natura 2000, u l-impenn tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ta’ żoni ta’ konservazzjoni speċjali skont id-Direttiva tal-Ħabitats (92/43/KEE) u d-Direttiva dwar l-Għasafar (19/409 KEE),

R.     billi l-petizzjonijiet jenfasizzaw l-impatt tal-leġiżlazzjoni Ewropea fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE, u filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jiġi kkonsolidat il-progress miksub fit-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini mogħtija lilhom mill-UE,

S.     billi, fir-rapport ta’ ħidma preċedenti tiegħu u fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet talab li jinżamm infurmat regolarment dwar l-istadji milħuqa fil-proċeduri ta’ ksur li s-suġġett tagħhom ikun kopert ukoll mill-petizzjonijiet,

T.     filwaqt li jżomm f’moħħu li l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità primarja għat-traspożizzjoni korretta u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea, u filwaqt li jirrikonoxxi li ħafna minnhom kienu involuti dejjem iżjed fil-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2009,

1.      Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tranżizzjoni bla xkiel għal-leġiżlatura l-ġdida u jinnota li ħafna mill-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b’differenza mill-ħidma ta' kumitati parlamentari oħrajn, ġiet ittrasferita għal-leġiżlatura l-ġdida minħabba li l-eżami ta' għadd konsiderevoli ta' petizzjonijiet kien għadu ma ġiex komplut,

2.      Jilqa’ b’sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u għandu fiduċja li l-Parlament se jkun involut mill-qrib fl-iżvilupp tal-inizjattiva taċ-ċittadini l-ġdida sabiex dan l-istrument ikun jista’ jilħaq l-għan tiegħu b’mod sħiħ u jiġu żgurati trasparenza u responsabilità ikbar fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jissuġġerixxu titjib jew żidiet fir-rigward tal-liġi tal-UE;

3.      Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Green Paper dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej[1], ippubblikata mill-Kummissjoni fl-aħħar tal-2009, bħala l-ewwel pass sabiex dan il-kunċett jitqiegħed fil-prattika;

4.      Jinnota li l-Parlament irċieva petizzjonijiet b'xejra ta' kampanja b’iktar minn miljun firma u jinsisti dwar il-bżonn li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu konxji b’mod sħiħ bid-distinzjoni bejn din it-tip ta’ petizzjoni u l-inizjattiva taċ-ċittadini;

5.      Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini[2], li fir-rigward tagħha l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikkontribwixxa opinjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli implimentattivi li jinftiehmu li jidentifikaw b’mod ċar ir-rwoli u l-obbligi tal-istituzzjonijiet involuti fil-proċessi ta’ eżami u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

6.      Jilqa’ b’sodisfazzjon is-saħħa legali vinkolanti li akkwistat il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u jenfasizza l-importanza tal-Karta li tiċċara iżjed id-drittijiet fundamentali u tagħmilhom iżjed viżibbli għaċ-ċittadini kollha;

7.      Iqis li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom obbligu li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali inklużi fil-Karta jiġu osservati b’mod sħiħ, u għandu fiduċja li l-Karta se tgħin biex jiġi żviluppat il-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni;

8.      Għandu fiduċja li se jittieħdu l-passi proċedurali neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat li l-aspetti istituzzjonali tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali jiġu ċċarati malajr, u jinnota l-intenzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jikkontribwixxi għall-ħidma tal-Parlament fir-rigward ta’ din il-kwistjoni;

9.      Ifakkar fit-talba preċedenti tiegħu li titwettaq reviżjoni sħiħa tal-proċeduri ta’ rimedju disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE mis-servizzi relevanti tal-Parlament u l-Kummissjoni u jenfasizza l-importanza li jitkomplew in-negozjati dwar il-Ftehim Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni sabiex jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ id-drittijiet miżjuda taċ-ċittadni tal-UE b'mod partikulari permezz tal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej;

10.    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-passi meħuda mill-Kummissjoni biex tissimplifika s-servizzi ta’ assistenza pubblika eżistenti, sabiex iċ-ċittadini jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom tal-UE u l-mezzi ta’ rimedju disponibbli f’każ ta’ ksur, permezz tar-raggruppament tal-paġni tal-Internet relevanti varji (bħal dawk tas-SOLVIT u l-ECC-Net) taħt it-titolu “Drittijietek fl-UE” fil-paġna ewlenija tal-Internet tal-UE;

11.    Jinnota li l-Parlament talab repetutament lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema sabiex tissenjala b’mod ċar il-mekkaniżmi varji għall-ilmenti disponibbli għaċ-ċittadini u jemmen li jeħtieġ li jittieħdu passi ulterjuri, bil-għan aħħari li l-paġna tal-Internet “Drittijietek fl-UE” tinbidel f'waħda fejn tkun tista’ tinqeda minn kollox permezz tal-Internet u li tkun tista' tintuża faċilment; jistenna bil-ħerqa l-valutazzjonijiet inizjali tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2008 tiegħu[3], li mistennija joħorġu fl-2010;

12.    Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2008 u jħeġġeġ lill-Ombusman li għadu kif ġie elett mill-ġdid biex ikompli jaħdem sabiex ikabbar il-ftuħ u r-responsabilità tal-amministrazzjoni Ewropea u biex jiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u kemm jista’ jkun fl-aktar livell viċin taċ-ċittadini;

13.    Jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jappoġġja l-uffiċċju tal-Ombudsman fl-isforzi tiegħu biex iqajjem kuxjenza pubblika fir-rigward tal-ħidma tiegħu u biex jidentifika u jaġixxi kontra l-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet Ewropej; jemmen li l-Ombudsman jirrappreżenta sors siewi ta’ informazzjoni fil-ħidma ġenerali biex titjieb l-amministrazzjoni Ewropea;

14.    Jinnota li l-petizzjonijiet li waslu fl-2009, li kważi 40% ġew meqjusa mhux ammissibbli, komplew jiffukaw fuq l-ambjent, id-drittijiet fundamentali u s-suq intern; f’termini ta’ xejra ġeografika, ħafna mill-petizzjonijiet kienu jirrigwardaw l-Unjoni b’mod ġenerali – segwita mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja u r-Rumanija – u dan juri li ċ-ċittadini jsegwu b'attenzjoni l-ħidma tal-Unjoni u jduru lejha sabiex tieħu azzjoni;

15.    Jirrikonoxxi l-importanza tal-ħidma tal-petizzjonanti u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent tal-Unjoni; jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-kumitat li ordna studju dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, b'antiċipazzjoni tas-Sena Internazzjonali tal-Bijodiversità u jikkunsidraha bħala għodda utli għall-evalwazzjoni tal-istrateġija tal-bijodiversità tal-UE s’issa u għall-abbozzar ta' strateġija ġdida;

16.    Josserva li qed ikun hemm dejjem iżjed petizzjonijiet li jenfasizzaw il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom; dawn il-petizzjonijiet jirreferu għat-tul ta’ żmien eċċessiv min-naħa tal-Istati Membri ospitanti biex joħorġu permessi ta’ residenza lil membri tal-familja minn pajjiżi terzi, għal diffikultajiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ votazzjoni u għar-rikonoxximent tal-kwalifiki;

17.    Itenni t-talbiet preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti prattiċi sabiex il-protezzjoni tal-konsumatur kontra l-prattiki kummerċjali inġusti tiġi estiża għan-negozji ż-żgħar, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kumpaniji tad-direttorju qarrieqa[4], minħabba li l-Kumitat għadu jirċievi petizzjonijiet minn vittmi ta’ inganni tad-direttorji kummerċjali;

18.    Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-Kummissjoni fil-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li għadu joqgħod fuq il-kompetenza tagħha fil-valutazzjoni tal-petizzjonijiet, fl-identifikazzjoni tal-ksur tal-leġiżlazzjoni Ewropea u biex jinstab rimedju, u jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-ħin totali ta’ reazzjoni għat-talbiet ta’ investigazzjoni tal-Kumitat sabiex il-każijiet li ġew irrappurtati miċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu solvuti kemm jista’ jkun malajr;

19.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tintervjeni fi stadju bikri kull meta l-petizzjonijiet jagħtu sinjal ta' danni potenzjali għal żoni protetti speċjali, billi tfakkar lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati dwar l-impenji tagħhom li jiżguraw l-integrità tas-siti kklassifikati bħala Natura 2000 skont id-Direttiva tal-KE 92/43 (Ħabitats) u, fejn meħtieġ, billi tieħu miżuri preventivi biex tiżgura r-rispett tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

20.    Jilqa’ lill-Kummissarji eletti ġodda – b’mod partikulari l-Kummissarju responsabbli għar-relazzjonijiet u l-amministrazzjoni interistituzzjonali – u jittama li se jikkooperaw mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet mill-viċin u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun u li jirrispettawh bħala wieħed mill-mezzi ta' komunikazzjoni l-aktar importanti bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej;

21.    Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma indirizzatx it-talbiet ripetuti tal-Kumitat għal aġġornamenti uffiċjali u regolari dwar il-progress tal-proċedimenti ta’ ksur fir-rigward ta’ petizzjonijiet miftuħa; jinnota li l-pubblikazzjoni ta’ kull xahar tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċedimenti ta’ ksur – skont l-Artikoli 258 u 260 tat-Trattat – minkejja li ta’ min ifaħħarha f’termini ta’ trasparenza, ma tirrappreżentax tweġiba adegwata għal dawn it-talbiet;

22.    Jemmen li jekk il-Kumitat isib il-proċedimenti ta’ ksur billi jsegwi l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kummissjoni u jqabbilhom ma’ ċerti petizzjonijiet ikun qed jaħli l-ħin u r-riżorsi tiegħu inutilment, speċjalment fil-każ ta’ ksur orizzontali u jitlob li l-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar kwalunkwe ksur tal-proċeduri;

23.    Itenni t-twemmin tiegħu li ċ-ċittadini għandhom jibbenefikaw mill-istess livell ta’ trasparenza mill-Kummissjoni kemm jekk jagħmlu lment formali kif ukoll jekk jippreżentaw petizzjoni lill-Parlament u jistieden lill-Kummissjoni, għal darba oħra, biex tiżgura li jingħata rikonoxximent akbar għall-proċess tal-petizzjonijiet u għar-rwol ta' dan il-proċess li jiżvela l-ksur tal-leġiżlazzjoni Ewropea li fir-rigward tiegħu sussegwentement jitniedu proċedimenti ta’ ksur;

24.    Ifakkar li, f’ħafna każijiet, il-petizzjonijiet jiżvelaw problemi relatati mat-traspożizzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea u jirrikonoxxi li t-tnedija ta’ proċedimenti ta’ ksur mhux neċessarjament tipprovdi liċ-ċittadini b'soluzzjonijiet immedjati għall-problemi tagħhom, minħabba t-tul ta’ żmien medju li jieħdu dawn il-proċedimenti;

25.    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa mezzi alternattivi sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni Ewropea, u l-attitudni pożittiva ta’ ċerti Stati Membri li jieħdu l-passi neċessarji biex jikkoreġu l-ksur fi stadju bikri tal-proċess ta’ implimentazzjoni;

26.    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-involviment ikbar tal-Istati Membri fl-attività tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-preżenza tar-rappreżentanti tagħhom fil-laqgħat; jemmen li tali kooperazzjoni għandha tissaħħaħ minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali huma primarjament responsabbli għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea ladarba din tiġi trasposta fl-ordni legali tagħhom;

27.    Jisħaq li l-kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri hija importanti ħafna għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jemmen li waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun li tiġi msaħħa l-kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali b’mod partikulari fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona,

28.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikunu ppreparati li jkollhom parti aktar trasparenti u proattiva meta jirrispondu l-petizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi Ewropea;

29.    Iqis li, fid-dawl tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ta’ dan il-Parlament għandu jsawwar rabtiet ta’ ħidma aktar mill-qrib ma’ kumitati simili fil-parlamenti reġjonali u nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jiġi promoss fehim reċiproku tal-petizzjonijiet dwar il-kwistjonijiet Ewropej u biex tiġi żgurata r-risposta l-aktar veloċi liċ-ċittadin fil-livell l-aktar xieraq.

30.    Jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-impatt tal-urbanizzazzjoni estensiva fi Spanja u jitlob lill-awtoritajiet Spanjoli biex ikomplu jipprovdu valutazzjonijiet tal-miżuri meħuda, hekk kif kienu qegħdin jagħmlu sa issa;

31.    Jinnota l-għadd dejjem ikbar ta’ petizzjonanti li jduru fuq il-Parlament għal rimedju dwar kwisjonijiet li jaqgħu barra mill-qasam ta’ kompetenza tal-UE, bħalma huma, pereżempju, il-kalkolu tal-benefiċċji tal-irtirar, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali u l-passività min-naħa tal-amministrazzjonijiet nazzjonali; il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel l-almu tiegħu biex jidderieġi mill-ġdid dawn l-ilmenti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

32.    Jemmen li, filwaqt li l-użu estensiv tal-Internet għandu jkun imħeġġeġ minħabba li jiffaċilita l-komunikazzjoni maċ-ċittadini, għandha tinstab soluzzjoni sabiex jiġi evitat li l-Kumitat jitgħabba b’nonpetizzjonijiet; iqis li tista’ tinstab soluzzjoni possibbli fir-reviżjoni tal-proċess ta’ reġistrazzjoni fil-Parlament u jħeġġeġ lill-persunal responsabbli biex jidderieġi mill-ġdid il-fajls inkwistjoni lill-Unità tal-Korrispondenza maċ-Ċittadini, minflok ma jippreżentahom lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

33.    Jenfasizza l-bżonn li titkompla l-ħidma fuq iż-żieda tat-trasparenza tal-immaniġġjar tal-petizzjonijiet: internament permezz tal-immodernizzar kontinwu tal-applikazzjoni “E-petition” – li tipprovdi lill-Membri b’aċċess dirett għall-fajls tal-petizzjonijiet – u esternament billi jiġi stabbilit portal tal-petizzjonijiet interattiv u li jkun jista’ jintuża faċilment li jippermetti li l-Parlament jilħaq liċ-ċittadini b’mod iktar effikaċi, u li barra minn hekk jagħmel il-proċeduri ta’ votazzjoni u r-responsabilitajiet tal-Kumitat iktar ċari għall-pubbliku;

34.    Iħeġġeġ il-ħolqien ta' portal li joffri mudell interattiv b'diversi stadji għall-petizzjonijiet, li jkun jista' jinforma liċ-ċittadini dwar dak li jista' jinkiseb jekk issir petizzjoni lill-Parlament u dwar il-kompetenzi tal-Parlament, u li jkun jista’ jinkludi konnessjonijiet għal mezzi ta’ rimedju alternattivi fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali; jitlob li jiġu deskritti kemm jista’ jkun f’dettal ir-responsabilitajiet tal-Unjoni f’diversi oqsma sabiex tiġi eliminata kwalunkwe konfużjoni bejn il-kompetenzi tal-UE u l-kompetenzi nazzjonali;

35.    Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni ta’ inizjattiva bħal din mhux se tkun mingħajr spejjeż iżda jħeġġeġ lis-servizzi amministrattivi relevanti biex jaħdmu mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex isibu l-iktar soluzzjonijiet xierqa, minħabba li portal bħal dan ikun ta’ importanza enormi mhux biss biex jitjieb il-kuntatt bejn il-Parlament u ċ-ċittadini tal-UE iżda wkoll biex jitnaqqas l-għadd ta’ petizzjonijiet inammissibbli;

36.    Jisħaq li sakemm tiġi risolta b’mod sodisfaċenti l-kwistjoni tar-riżorsi, huwa meħtieġ titjib immedjat tal-websajt eżistenti;

37.    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura ġodda tal-Parlament u r-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-immaniġġjar tal-petizzjonijiet; iħeġġeġ il-ħidma tas-Segretarjat u r-rappreżentanti tal-gruppi politiċi fuq gwida riveduta għall-Membri dwar ir-regoli u l-proċeduri interni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, minħabba li dokument bħal dan mhux biss jassisti lill-Membri fil-ħidma tagħhom iżda jkompli jżid it-trasparenza tal-proċess tal-petizzjonijiet;

38.    Itenni t-talba tiegħu lid-dipartimenti amministrattivi relevanti biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi stabbilit reġistru elettroniku li permezz tiegħu ċ-ċittadini jkunu jistgħu jappoġġjaw jew jirtiraw l-appoġġ tagħhom fir-rigward ta’ petizzjoni skont l-Artikolu 202;

39.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom kif ukoll lill-ombudspersons nazzjonali tagħhom jew lil entitajiet simili kompetenti.

  • [1]  (KUMM(2009)622) finali tal-11.11.2009.
  • [2]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 b'talba lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini – P6_TA(2009)0389.
  • [3]  Pjan ta’ azzjoni dwar approċċ integrat biex jiġu pprovduti Servizzi ta’ Assistenza għas-Suq Uniku liċ-ċittadini u n-negozji - Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC (2008)1882.
  • [4]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa, ĠU C 45E, 23.2.2010, pp. 17-22.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Wieħed għandu jibda dan ir-rapport annwali billi jenfasizza li l-2009 ma kinetx sena normali iżda kienet waħda pjuttost straordinarja, iddominata bl-elezzjonijiet Ewropej u bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Jekk l-impatt tat-tieni avveniment fuq il-ħidma tal-Kumitat x’aktarx jinħass fis-snin li ġejjin, l-ewwel avveniment kellu influwenza sinifikanti fuq l-attività ta’ kuljum tal-Kumitat.

B’differenza minn kumitati parlamentari oħrajn, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jiddistingwi ruħu bħala wieħed fejn il-kalendarju tal-attivitajiet mhuwiex iffissat skont il-programm leġiżlattiv tal-Kummissjoni, iżda huwa stabbilit miċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jressqu petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew. L-2009 kienet is-sena tat-tranżizzjoni mis-sitt leġiżlatura għas-seba' waħda; il-Membri l-ġodda tal-Kumitat kellhom jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-ħidma ġenerali tiegħu. Minkejja l-isforz konsiderevoli biex jinħadmu kemm jista’ jkun petizzjonijiet sal-aħħar tal-leġiżlatura, bosta fajls ġew ittrasferiti għal-leġiżlatura l-ġdida u, għalhekk, il-Membri kellhom jiffamiljarizzaw rwieħhom magħhom malajr minħabba li baqgħu deħlin petizzjonijiet ġodda. Wieħed għandu jinnota li l-proċess kien pjuttost bla xkiel u li kemm il-Kumitat preċedenti kif ukoll dak attwali għamlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li l-petizzjonanti jkunu dawk affettwati l-anqas b’dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Minkejja dan, aspetti oħrajn tal-ħidma regolari tal-Kumitat – bħaż-żjarat għall-ġbir tal-fatti – kellhom jiġu posposti għall-2010.

F’dan il-kuntest, ir-Rapport 2009 jipprova joffri stampa komprensibbli tal-attività tal-Kumitat matul is-sena u finalment fehim aħjar ta’ xi tfisser petizzjoni lill-Parlament, l-eżitu possibbli tal-proċess, l-istejjer ta’ suċċess tiegħu u l-limiti tiegħu.

Statistiċi bħal dawk dwar l-għadd ta’ petizzjonijiet li waslu, ingħalqu jew li ġew indirizzati mill-Kumitat, tal-pajjiżi jew is-suġġetti kkonċernati jirrappreżentaw għodda kwantitattiva importanti fil-valutazzjoni tal-ħidma tal-Kumitat. Aspetti addizzjonali bħar-relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet Ewropej oħrajn, ma' awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali jew bidliet istituzzjonali b'impatt dirett fuq l-attività tal-Kumitat inġabru flimkien biex jikkompletaw l-istampa ġenerali.

Fl-aħħar nett, iżda mhux inqas importanti, ir-rapport jeżamina l-progress miksub fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti bl-għan li titjieb il-ħidma tal-Kumitat u jenfasizza wħud mill-akbar sfidi li għandu quddiemu fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

Il-preżentazzjoni ta’ petizzjonijiet lill-Parlament – dritt fundamentali stipulat fl-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (preċedentement l-Artikolu 194)

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona reġa’ kkonferma d-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew bħala element fundamentali taċ-ċittadinanza Ewropea. L-Artikolu 227 tat-Trattat il-ġdid (preċedentement l-Artikolu 194) jipprovdi li ċ-ċittadini jew ir-residenti tal-Unjoni Ewropea, persuni naturali jew legali, individwalment jew f’assoċjazzjoni ma’ ċittadini jew persuni oħrajn, għandhom id-dritt li jippreżentaw petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar kwistjoni li tkun taqa' fil-kamp ta' attività tal-Unjoni.

Il-kliem stess ta’ dan l-artikolu joffri stampa komprensiva ta’ xi tfisser petizzjoni lill-Parlament – għodda li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini li jressqu quddiem il-Parlament it-tħassib tagħhom bl-impatt tal-politiki u l-leġiżlazzjonijiet differenti tal-UE fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. L-istatistiċi annwali juru li l-maġġoranza taċ-ċittadini jduru fuq il-Parlament għal assistenza fi kwistjonijiet relatati mal-ambjent, id-drittijiet fundamentali, il-ġustizzja, is-suq intern, eċċ., filwaqt li oħrajn jippruvaw isemmgħu leħinhom permezz ta’ suġġerimenti fir-rigward tal-iżvilupp tal-politiki Ewropej. Fl-aħħar nett, iżda xorta waħda importanti, wieħed għandu jqis kif xieraq l-għadd ta’ ċittadini li jappellaw lill-Parlament Ewropew sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-petizzjonijiet jaffermaw li l-leġiżlazzjoni Ewropea ma tiġix infurzata b’mod xieraq, filwaqt li oħrajn jilmentaw dwar deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali jew dwar nuqqas ta’ infurzar fil-livell amministrattiv iżda l-Parlament ma jistax jagħmel wisq dwar dawn il-kwistjonijiet minħabba li jaqgħu barra mill-ambitu ta’ kompetenzi tal-Unjoni.

Skont l-istatistiċi, fl-2009 l-Parlament Ewropew irċieva 1 924 petizzjoni, żieda żgħira meta mqabbla mal-1 849 ippreżentati fl-2008. Wieħed jista’ jgħid ukoll li din id-differenza żgħira tindika ċertu staġnar wara t-tendenza ta’ żieda kostanti rreġistrata wara t-tkabbir tal-2004 u tal-2007 tal-Unjoni.

Madwar sitta u erbgħin fil-mija tal-petizzjonijiet li waslu fl-2009 ġew iddikjarati ammissibbli, perċentwali kważi simili għal dik irreġistrata fl-2008. Minn 688 petizzjoni meqjusa ammissibbli, 655 intbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea għal raġunijiet ta’ informazzjoni. Ta’ min jenfasizza li l-Kummissjoni bagħtet madwar 300 komunikazzjoni b'referenza għall-petizzjonijiet irreġistrati fl-2009. F’dak li għandu x’jaqsam mal-petizzjonijiet inammissibbli s-sitwazzjoni hija simili ħafna għas-sena preċedenti (812 meta mqabbla ma' 818). Minħabba li l-perċentwali ta’ petizzjonijiet inammissbbli għadha pjuttost għolja (ftit iktar minn nofs il-petizzjonijiet mibgħuta), jidher ovvju li għandhom jiżdiedu l-isforzi biex jiġu infurzati r-rakkomandazzjonijiet preċedenti u attwali li għandhom l-għan li jinfurmaw aħjar liċ-ċittadini dwar il-kompetenzi tal-UE.

Deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-petizzjonijiet

Nru ta’

petizzjonijiet

%

Nru ta’ petizzjonijiet

%

 

2009

2008

Ammissibbli

688

45.9

708

46.4

Inammissibbli

812

54.1

818

53.6

Ammissibbli u Magħluqa

420

M/A

354

M/A

Petizzjonijiet mibgħuta lill-KE għal opinjoni

655

M/A

729

M/A

Petizzjonijiet mibgħuta għal opinjoni lil entitajiet oħrajn

33

M/A

53

M/A

Petizzjonijiet mibgħuta għal informazzjoni lil entitajiet oħrajn

207

M/A

207

M/A

Mhux irreġistrati

4

M/A

6

M/A

Wieħed għandu jinnota wkoll li madwar żewġ terzi mill-petizzjonijiet tal-2009, jiġifieri 1 232, ingħalqu fi stadji bikrija tal-proċedura minħabba li ġew ikkunsidrati inammissibbli jew minħabba li minkejja li kienu ammissibbli, ingħalqu immedjatament wara li l-petizzjonanti ġew ipprovduti informazzjoni dwar il-kwistjonijiet imqajma jew wara li ntbagħtu lil Kumitati oħrajn tal-PE bil-kompetenza relevanti. Għal darba oħra, l-istatistiċi tal-2009 u l-2008 huma kumparabbli kif wieħed jista’ jinnota mid-dejta ta’ hawn taħt.

2009

Deċiżjoni dwar l-adozzjoni

Għadd ta’ petizzjonijiet

Perċentwali

Ammissibbli

1,062

56.3

Inammissibbli

818

43.4

Mhux irreġistrati

6

0.3

2008

Deċiżjoni dwar l-adozzjoni

Għadd ta’ petizzjonijiet

Perċentwali

Ammissibbli

1,108

57.6

Inammissibbli

812

42.2

Mhux irreġistrati

4

0.2

F’dan il-kuntest, wieħed għandu jiftakar li l-Membri ġibdu ripetutament l-attenzjoni fir-rigward tan-nonpetizzjonijiet minħabba li jargumentaw li l-ipproċessar tagħhom huwa ħela ta’ ħin bla bżonn. Minkejja li m’hemm l-ebda definizzjoni disponibbli ta’ nonpetizzjoni, għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn dawn u l-petizzjonijiet li jitqiesu inammissibbli minħabba li jaqgħu barra mill-kamp ta' kompetenza tal-UE. Normalment nonpetizzjoni tista’ tiġi deskritta bħala dikjarazzjoni personali qasira jew kumment dwar politiki tal-UE jew dwar il-mod kif għandhom jiġu żviluppati.

F’dan ir-rigward, fuq il-paġna tal-Internet tal-Parlament Ewropew dedikata għall-Petizzjonijiet hemm indikat b’mod ċar li la t-talbiet għal informazzjoni ma jiġux indirizzati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet u lanqas il-kummenti ġenerali dwar il-politika tal-UE. Barra minn hekk, iċ-ċittadini huma avżati li l-petizzjonijiet li jkun fihom lingwaġġ offensiv jew li ma jkunux pertinenti mil-lat sostantiv tagħhom ma jiġux investigati mill-Kumitat, u ma jingħatawx tweġiba. Għaldaqstant, wieħed jista' jikkonkludi biss li l-Kumitat jeħtieġ jiddedika iktar attenzjoni biex jispjega aħjar liċ-ċittadini xi tfisser petizzjoni lill-Parlament Ewropew, u biex itejjeb il-proċess ta' reġistrazzjoni fi ħdan il-Parlament Ewropew.

Meta wieħed jikkumpara mal-2008, ġew irreġistrati bidliet minimi fir-rigward tal-pajjiżi li l-petizzjonijiet kienu jikkonċernaw l-aktar: għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali għadha fl-ewwel post, segwita mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja u r-Rumanija (l-aħħar tnejn qalbu posthom meta mqabbla mal-2008). Sorprendentement, Malta qiegħda fl-aħħar tal-klassifika, wara s-Slovenja u l-Latvja, minħabba li kien hemm disa’ petizzjonijiet biss li kienu jikkonċernaw lil dan il-pajjiż meta mqabbla mal-wieħed u għoxrin li ntbagħtu s-sena l-oħra.

2009

Pajjiż ikkonċernat

Għadd ta’ petizzjonijiet

%

L-Unjoni Ewropea

403

18.6

Il-Ġermanja

298

13.8

Spanja

279

12.9

L-Italja

176

8.1

Ir-Rumanija

143

6.6

Il-Polonja

100

4.6

Oħrajn

764

35.3

2008

Pajjiż ikkonċernat

Għadd ta’ petizzjonijiet

%

L-Unjoni Ewropea

330

15.9

Il-Ġermanja

265

12.8

Spanja

226

10.9

Ir-Rumanija

207

10.0

L-Italja

184

8.9

Il-Polonja

105

5.1

Ir-Renju Unit

99

4.8

Il-Greċja

97

4.7

Franza

86

4.1

Kif semmejna diġà, l-ambjent jibqa’ l-qasam ta’ tħassib ewlieni għall-petizzjonanti, segwit bid-drittijiet fundamentali, il-ġustizzja u s-suq intern, filwaqt li l-petizzjonijiet relatati mar-restituzzjoni tal-proprjetà naqsu fin-numru fl-2008.

2009

Temi

Għadd ta’ petizzjonijiet

Perċentwali

L-ambjent

228

9.7

Id-Drittijiet Fundamentali

164

7.0

Il-Ġustizzja

159

6.8

Is-Suq Intern

142

6.0

Proprjetà u Restituzzjoni

133

5.6

L-Impjiegi

105

4.5

Is-Saħħa

104

4.4

It-trasport

101

4.3

L-Affarijiet Soċjali

93

4.0

Edukazzjoni u Kultura

82

3.5

Oħrajn

1,043

44.3

2008

Temi

Għadd ta’ petizzjonijiet

Perċentwali

L-ambjent

311

12.8

Id-Drittijiet Fundamentali

208

8.6

Proprjetà u Restituzzjoni

149

6.1

Il-Ġustizzja

147

6.1

Is-Suq Intern

130

5.4

L-Affarijiet Soċjali

118

4.9

It-trasport

117

4.8

Is-Saħħa

116

4.8

Edukazzjoni u Kultura

105

4.3

L-Impjiegi

89

3.7

Oħrajn

938

38.6

Il-fatt li l-ambjent jirrappreżenta tħassib kostanti taċ-ċittadini Ewropej mhuwiex sorpriża. Il-leġiżlazzjoni Ewropea f’dan il-qasam hija mibnija fl-ispirtu tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-linja bejn il-kompetenzi nazzjonali u dawk tal-UE mhux dejjem tkun ċara għaċ-ċittadini li jduru fuq il-Parlament Ewropew għal assistenza kull darba li jħossu li l-awtoritajiet reġjonali jew nazzjonali ma jkunux qed jisimgħu. F’dan il-kuntest, il-Kumitat laqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali Ewropea (KUMM(2008)0773) bħala l-ewwel pass sabiex jiġu żgurati kontrolli ta’ infurzar aħjar f’dan il-qasam[1].

Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, għandha ssir distinzjoni bejn il-petizzjonijiet li jirrapportaw żball ġudizzjarju, nuqqas ta’ infurzar ta’ deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali jew ksur tad-dritt għall-ġustizzja u għal smigħ ġust fil-livell nazzjonali, fuq naħa waħda, u l-petizzjonijiet li jitolbu protezzjoni tad-drittijiet garantiti permezz tal-leġiżlazzjoni Ewropea u l-ġurisprudenza dwar is-suq intern, fuq in-naħa l-oħra.

Għalhekk, fl-2009 l-Kumitat approva d-Dokument ta’ Ħidma ta’ Diana Wallis dwar il-Komunikazzjoni tal-KE dwar “Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini” l-hekk imsejjaħ “Programm ta’ Stokkolma”. Dan jenfasizza għadd ta’ aspetti problematiċi żvelati mill-petizzjonanti, fosthom id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-membri tal-familja minn pajjiż terz biex jiksbu dokumenti ta' residenza fil-pajjiż ta' residenza tagħhom (speċjalment fir-Renju Unit), l-interpretazzjonijiet differenti tad-Direttiva KE 2004/38 f’dak li jirrigwarda l-kriterji għall-kwalifikazzjoni għal residenza permanenti, problemi li jaffaċċjaw il-petizzjonanti fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ votazzjoni tagħhom jew biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti. F’bosta okkażjonijiet, il-Kumitat irrakkomanda lill-petizzjonanti biex jagħmlu użu mis-SOLVIT, mekkaniżmu informali li jista’ jipprovdi soluzzjonijiet effiċjenti bi skadenzi stretti. Wieħed għandu jenfasizza li r-restrizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-dejta jimpedixxu li l-Kumitat jidderiġi mill-ġdid dawn il-petizzjonijiet lejn is-SOLVIT u għalhekk jista' biss jagħti parir lill-petizzjonant dwar din il-kwistjoni. Għalhekk hija deċiżjoni tal-petizzjonant jekk jużahx jew le u jekk jinfurmax lill-Kumitat dwar l-eżitu tal-passi eventwali li jkun ħa mas-SOLVIT.

Jistgħu jiġu osservati bidliet żgħar ukoll fil-klassifika tal-petizzjonijiet skont il-lingwa: filwaqt li fl-2009, kif kien ġara fl-2008, il-Ġermaniż u l-Ingliż baqgħu iż-żewġ lingwi ewlenin użati mill-petizzjonanti, it-Taljan u l-Ispanjol qalbu posthom. Is-Sloven, il-Malti u l-Estonjan ikklassifikaw l-aħħar.

2009

Il-lingwa

Għadd ta’ petizzjonijiet

Perċentwali

Bil-Ġermaniż

548

28.5

Bl-Ingliż

343

17.8

Bl-Ispanjol

237

12.3

Bit-Taljan

203

10.6

Bil-Pollakk

116

6.0

Bir-Rumen

110

5.7

Bil-Franċiż

107

5.6

Oħrajn

260

13.5

2008

Il-lingwa

Għadd ta’ petizzjonijiet

Perċentwali

Bil-Ġermaniż

437

23.2

Bl-Ingliż

395

20.9

Bit-Taljan

222

11.8

Bl-Ispanjol

193

10.2

Bir-Rumen

155

8.2

Bil-Franċiż

131

6.9

Bil-Pollakk

101

5.4

Bil-Grieg

87

4.6

Oħrajn

165

8.7

Meta wieħed iqabbel skont in-nazzjonalità, il-Ġermaniżi baqgħu l-iktar petizzjonanti attivi, segwiti mill-Ispanjoli u t-Taljani (anke f’dawn l-istatistiċi, l-Ispanjoli u t-Taljani qalbu posthom apparagun mal-2008). Warajhom hemm il-petizzjonanti Rumeni, Pollakki u Brittanniċi. Fl-aħħar postijiet insibu ċ-ċittadini Ċeki, Estonjani u Lussemburgiżi li flimkien ressqu 11-il petizzjoni fl-2009.

2009

Nazzjonalità bl-akbar numru ta' petizzjonanti

Għadd ta’ petizzjonijiet

Perċentwali

Il-Ġermanja

496

25.8

Spanja

237

12.3

L-Italja

219

11.4

Ir-Rumanija

150

7.8

Il-Polonja

131

6.8

Ir-Renju Unit

121

6.3

Franza

79

4.1

Il-Greċja

78

4.1

Oħrajn

414

21.5

2008

Nazzjonalità bl-akbar numru ta' petizzjonanti

Għadd ta’ petizzjonijiet

Perċentwali

Il-Ġermanja

412

21.8

L-Italja

245

12.9

Spanja

197

10.4

Ir-Rumanija

189

10.0

Ir-Renju Unit

144

7.6

Il-Polonja

112

5.9

Il-Greċja

102

5.4

Franza

91

4.8

Oħrajn

400

21.1

F’dak li għandu x’jaqsam mal-format tal-petizzjonijiet, wieħed jista’ jitkellem dwar konferma: il-petizzjonanti għandhom iktar tendenza li jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom permezz tal-Internet minflok fil-format ta' ittra tradizzjonali (62.6% tal-petizzjonijiet li waslu fl-2009 ntbagħtu bil-posta elettronika meta mqabbla ma’ 59.2% fl-2008).

2009

Format tal-petizzjoni

Għadd ta'

petizzjonijiet

%

Posta elettronika

1,204

62.6

Ittra

720

37.4

2008

Format tal-petizzjoni

Għadd ta’ petizzjonijiet

%

Posta elettronika

1,117

59.2

Ittra

769

40.8

Minkejja li jirrappreżentaw strument utli li jippermetti li l-Kumitat jevalwa l-attività annwali tiegħu, l-istatistiċi għandhom jiġu interpretati bir-reqqa minħabba li hemm bosta elementi li x’aktarx jinfluwenzaw ir-riżultati ġenerali – i.e. il-petizzjonijiet jistgħu jikkonċernaw qasam wieħed jew bosta oqsma, pajjiż wieħed jew bosta pajjiżi; jistgħu jiġu ppreżentati minn individwi jew minn assoċjazzjonijiet u f’xi każijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ kampanji b’numru kbir ta’ firem; barra minn hekk, il-petizzjonanti jistgħu jagħżlu li jippreżentaw dokumenti fil-lingwa materna tagħhom jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

Minkejja dan, l-istatistiċi juru li l-konklużjonijiet tar-rapporti annwali preċedenti għadhom validi. Għalhekk, kif diġà semmejna, il-fatt li l-maġġoranza tal-petizzjonijiet ġew dikjarati inammissibbli juri li għad hemm konfużjoni fir-rigward tal-kompetenzi Ewropej u nazzjonali, tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa, b’mod partikulari l-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, it-talbiet preċedenti biex jiżdiedu l-isforzi mmirati biex iċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar x’inhuwa l-proċess tal-petizzjonijiet u x’jista’ jinkiseb billi ssir petizzjoni lill-Parlament għadhom validi bħal qatt qabel.

Possibilità li tista’ tiġi esplorata tista’ tkun it-titjib tal-paġna tal-Internet iddedikata għall-Petizzjonijiet fil-portal tal-Parlament Ewropew sabiex iċ-ċittadini li jippreżentaw petizzjoni onlajn jirċievu l-informazzjoni neċessarja kollha dwar il-kompetenzi tal-Parlament, il-valutazzjoni tal-petizzjonijiet, il-ħidma tal-Kumitat u l-possibilitajiet li jinkiseb rimedju aktar mgħaġġel permezz ta’ netwerks oħrajn disponibbli għalihom fil-livell tal-UE jew f’dak nazzjonali (is-SOLVIT, in-Netwerk Ewropew tal-Konsumatur, l-Ombudsman Ewropew, l-Ombudsmen nazzjonali jew il-kumitati parlamentari nazzjonali għall-petizzjonijiet).

Ir-Rapporti preċedenti talbu li jkun hemm senjalazzjoni ċara tal-mekkaniżmi varji għall-ilmenti disponibbli għaċ-ċittadini fil-livell tal-UE billi jiġi stabbilit post wieħed fejn tista’ tinqeda minn kollox li jkun jista’ joffri gwida liċ-ċittadini meta jkunu qed ifittxu soluzzjonijiet għall-ksur allegat tad-drittijiet tagħhom. Dan għadu objettiv li importanti ħafna li jintlaħaq. L-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tiġbor il-mekkaniżmi formali u informali għall-ilmenti fil-paġna Drittijietek tal-websajt europa.eu tirrapreżenta pass ‘il quddiem sinifikanti. Minkejja dan, għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-mekkaniżmi formali (l-ilmenti lill-KE, il-petizzjonijiet lill-Parlament, l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew) u dawk informali (is-SOLVIT, l-ECC-Net, eċċ.). Tista’ tiġi żviluppata websajt iktar interattiva sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni li jeħtieġu qabel ma jieħdu d-deċiżjoni li jindirizzaw istituzzjoni jew oħra, jew li jużaw mekkaniżmu jew ieħor.

Ir-relazzjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea għadha s-sieħba naturali tal-Kumitat fl-indirizzar tal-petizzjonijiet minħabba li l-Membri għadhom joqogħdu fuq il-kompetenzi tas-servizzi tagħha għall-investigazzjoni tal-kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet. Hekk kif ir-relazzjoni ta’ ħidma bejn iż-żewġ istituzzjonijiet kompliet titjieb, il-Kumitat qed ikompli jinsisti mal-Kummissjoni biex ittejjeb il-ħin ta’ reazzjoni tagħha għat-talbiet ta’ investigazzjonijiet. Aspett wieħed li għad irid jiġi indirizzat miż-żewġ partijiet jikkonċerna l-mod kif il-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat dwar il-progress tal-proċedimenti ta’ ksur marbuta direttament mal-petizzjonijiet.

Filwaqt li l-Kummissjoni targumenta li d-deċiżjonijiet tagħha jiġu ppubblikati kull xahar, wieħed għandu jinnota li dawn jiġu ppubblikati mill-istadju tal-opinjoni mmotivata ‘l quddiem, ħlief fir-rigward tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti, fejn il-pubblikazzjoni tiġi awtorizzata mill-istadju tal-ittra ta’ avviż formali, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix mod ieħor. Meta wieħed iqis in-numru ta’ każijiet, il-fatt li diffiċli li jiġi previst ir-ritmu tal-progress ta’ fajl partikulari u l-fatt li ma hemm l-ebda għodda ta’ tfittix li tippermetti li jinstab ksur speċifiku, il-monitoraġġ ta’ kull xahar ta’ din id-dejta jfisser ħela bla bżonn ta’ ħin u riżorsi umani. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu passi oħra sabiex il-Kummissjoni tissenjala awtomatikament lill-Kumitat kull progress fil-każijiet ta' ksur relevanti għall-petizzjonijiet.

Ir-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew – Is-smigħ tal-kandidati għal din il-kariga

Waħda mill-prijoritajiet prinċipali tal-Kumitat fl-2009 kienet l-organizzazzjoni tas-smigħ tal-kandidati għall-kariga ta’ Ombudsman Ewropew. Il-Membri, li ħafna minnhom kienu ġodda kemm għall-Kumitat kif ukoll għall-Parlament, irnexxielhom iwettqu r-responsabilitajiet tagħhom b’suċċess.

Ta’ min wieħed isemmi li l-ewwel Rapport adottat mill-Kumitat il-ġdid kien jikkonċerna l-attività tal-Ombudsman Ewropew[2] fl-2008. Dan enfasizza li r-rwol tal-Ombudsman bħala protettur tal-interessi taċ-ċittadini Ewropej fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea evolva matul l-14-il sena minn meta ġiet stabbilita l-kariga, speċjalment bis-saħħa tal-indipendenza tal-istituzzjoni nnifisha u minħabba l-iskrutinju demokratiku tal-Parlament Ewropew fuq it-trasparenza tal-attivitajiet tiegħu.

Il-Membri enfasizzaw il-konvinzjoni tagħhom li r-rwol tal-Ombudsman kien jikkonsisti fit-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabilità fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u fl-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, sabiex b’hekk issir kontribuzzjoni essenzjali favur Unjoni fejn id-deċiżjonijiet "jittieħdu bil-miftuħ kemm jista' jkun possibli u kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin"[3]. Huma talbu lill-Ombudsman biex ikompli l-isforzi tiegħu sabiex iqajjem kuxjenza dwar il-ħidma tiegħu u biex jippromwovi l-attivitajiet tiegħu b'mod effikaċi.

Konklużjonijiet

Jekk l-2009 kienet sena ta’ tranżizzjoni, jidher li l-2010 se tkun waħda mimlija sfidi għall-Kumitat. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozz ta’ regolament tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini u l-Kumitat se jipprovdi Opinjoni għar-Rapport li għandha tiġi abbozzata mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali. Barra minn hekk, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jfisser li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali saret legalment vinkolanti. F’dan l-istadju, huwa diffiċli li wieħed ibassar kif dan se jaffettwa l-attività tal-Kumitat, iżda d-drittijiet fundamentali huma fost it-temi invokati b’mod kostanti mill-petizzjonanti. X’aktarx ikun hemm bżonn ta' iktar kjarifiki dwar l-applikazzjoni tal-Karta fil-futur qarib.

ANNESSI:

Pajjiż ikkonċernat

2009

2008

Għadd ta’ petizzjonijiet

 

Ammissibbli

Inammissibbli

Għadd ta’ petizzjonijiet

 

Ammissibbli

Inammissibbli

L-Unjoni Ewropea

403

341

61

330

286

43

Membri tal-UE

1,630

 

 

1,647

 

 

Il-Ġermanja

298

144

152

265

127

137

Spanja

279

196

83

226

151

74

L-Italja

176

110

66

184

97

86

Ir-Rumanija

143

46

97

207

70

136

Il-Polonja

100

27

72

105

26

79

Ir-Renju Unit

83

60

23

99

64

35

Il-Greċja

74

37

37

97

40

57

Franza

73

43

30

86

56

29

Il-Bulgarija

56

24

32

65

37

28

L-Irlanda

37

18

19

58

37

21

Il-Portugall

37

21

16

24

10

14

Il-Pajjiżi l-Baxxi

35

24

11

24

19

4

L-Awstrija

34

24

9

20

13

7

Il-Belġju

30

21

9

32

21

10

L-Ungerija

25

19

6

18

9

9

Il-Finlandja

20

7

13

36

9

27

Is-Slovakkja

19

5

14

9

3

6

L-Isvezja

17

7

10

12

6

6

Id-Danimarka

14

7

7

6

1

5

Il-Litwanja

14

7

7

7

2

5

Ċipru

13

8

5

9

3

6

Ir-Repubblika Ċeka

13

8

5

15

9

6

Is-Slovenja

12

2

10

7

2

5

Il-Latvja

11

4

7

7

3

4

Malta

9

6

3

21

16

5

L-Estonja

4

1

3

2

2

0

Il-Lussemburgu

4

3

1

6

4

2

Lingwa tal-petizzjonijiet

Għadd ta’ petizzjonijiet

2009

2008

Bil-Ġermaniż

548

437

Bl-Ingliż

343

395

Bl-Ispanjol

237

193

Bit-Taljan

203

222

Bil-Pollakk

116

101

Bir-Rumen

110

155

Bil-Franċiż

107

131

Bil-Grieg

61

87

Bl-Olandiż

46

33

Bil-Bulgaru

37

31

Bil-Portugiż

27

26

Bil-Finlandiż

19

35

Bl-Ungeriż

16

15

Bis-Slovakk

11

5

Bid-Daniż

9

4

Bis-Svediż

8

6

Bil-Latvjan

7

2

Bil-Litwan

7

2

Biċ-Ċek

4

3

Bis-Sloven

4

2

Bil-Malti

2

0

Bl-Estonjan

1

1

test b’taħlita ta’ lingwi

1

0

Lingwa mhux definita

0

0

Total

1,924

1,886

Nazzjonalità bl-akbar numru ta' petizzjonanti

Għadd ta’ petizzjonijiet

 

2009

2008

Membri tal-UE

1,879

1,845

Il-Ġermanja

496

412

Spanja

237

197

L-Italja

219

245

Ir-Rumanija

150

189

Il-Polonja

131

112

Ir-Renju Unit

121

144

Franza

79

91

Il-Greċja

78

102

Il-Bulgarija

54

60

Il-Pajjiżi l-Baxxi

44

33

L-Awstrija

38

21

Il-Portugall

32

25

L-Irlanda

31

59

Il-Belġju

27

31

Il-Finlandja

26

40

L-Ungerija

17

20

Is-Slovakkja

14

8

Id-Danimarka

13

5

L-Isvezja

13

10

Il-Latvja

11

5

Malta

11

16

Is-Slovenja

10

5

Ċipru

8

1

Il-Litwanja

8

5

Ir-Repubblika Ċeka

6

6

L-Estonja

3

1

Il-Lussemburgu

2

2

  • [1]  Opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja (2007) (2008/2337(INI) - Rapporteur Diana Wallis (31.03.2009)
  • [2]  Rapport dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2008 (2009/2088 (INI)), ta’ Chrysoula Paliadeli (A7/0020/2009).
  • [3]  Titolu I, Artikolu 1, paragrafu 2, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (C115/ 9.05.2008, p .0016).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Elena Băsescu, Victor Boştinaru, Simon Busuttil, Michael Cashman, Bairbre de Brún, Pascale Gruny, Carlos José Iturgaiz Angulo, Peter Jahr, Lena Kolarska-Bobińska, Erminia Mazzoni, Willy Meyer, Mariya Nedelcheva, Nikolaos Salavrakos, Angelika Werthmann, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Kinga Göncz, Marian Harkin, Axel Voss

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Guerrero Salom, Andres Perello Rodriguez