RAPPORT dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat

14.6.2010Faċilità Ewropea għall-Progress fil-Mikrofinanza - (2009/2221(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Emilie Turunen

Proċedura : 2009/2221(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0197/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat

(2009/2221(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ evalwazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona (SEC(2010)0114),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa (COM(2008)0868),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Anness għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Ħiliet Ġodda għall-Impjieg Ġodda (SEC(2008)3058),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Impenn Komuni għall-Impjiegi (COM(2009)0257),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008) 0426),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, adottata fi Brussell fid-9 ta’ Marzu 2009,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fuq ix-xogħol[1],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni biex jinġieb ’il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà (COM(2007)0498), akkumpanjata mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Impjieg taż-żgħażagħ fl-UE (SEC(2007)1093),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar il-progress imwettaq fl-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni fl-UE (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE)[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni. Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ (COM(2009)0200),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali[3],

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Promozzjoni tal-mobilità taż-żgħażagħ (COM(2009)0329),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni intitolat l-Impjiegi fl-Ewropa 2009, Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport indipendenti intitolat Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Azzjoni Issa mħejji għall-Kummissjoni, li jipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar aktar żvilupp tal-inizjattiva fil-kuntest tal-istrateġija futura tal-UE għall-2020 għat-tkabbir u l-impjiegi, Frar 2010,

–   wara li kkunsidra r-rapport indipendenti intitolat Aċċess għax-Xogħol: Prattiki attwali u ħtiġijiet futuri għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ, Iż-żgħażagħ li għandhom Impjieg u dawk Qiegħda: Naħsbu dwar l-integrazzjoni aħjar tagħhom fis-suq tax-xogħol, ikkummissjonat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Proġett taż-Żgħażagħ (ir-Rapport Finali dwar iż-Żgħażagħ, Settembru 2008),

–   wara li kkunsidra r-riċerka tal-Eurofound dwar iż-Żgħażagħ u l-Impjiegi, Marzu 2007,

–   wara li kkunsidra l-istudju tas-Cedefop dwar Il-professjonalizzazzjoni tal-gwida għall-karrieri: Ħiliet tal-professjonist u r-rotot għall-kwalifiki fl-Ewropa, Marzu 2009,

–   wara li kkunsidra r-riċerka tas-Cedefop dwar Ħiliet għall-futur tal-Ewropa: antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet okkupazzjonali, Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra r-raba’ rapport tas-Cedefop dwar l-edukazzjoni vokazzjonali u riċerka dwar it-taħriġ fl-Ewropa: rapport ta’ sintesi intitolat Nimmodernizzaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, Diċembru 2009,

–   wara li kkundsidra l-Ħarsa Ġenerali lejn l-Impjieg 2008 tal-OECD intitolata Ser Nibdew bit-Tajjeb? Tranżizzjonijiet għas-Suq tax-Xogħol taż-Żgħażagħ f’Pajjiżi tal-OECD, Novembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ li għandu l-għan li jippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni, l-impjiegi u s-soċjetà, Marzu 2005,

–   wara li kkunsidra l-Petizzjoni 1452/2008 mis-Sra Anne-Charlotte Bailly, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, f’isem il-Génération Précaire, dwar apprendistat ġust u aċċess xieraq taż-żgħażagħ għas-Suq Ewropew tax-Xogħol,

–   wara li kkunsidra s-sentenza (C-555/07) tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, Jannar 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar id-djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji: sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0197/2010),

A. billi l-kriżi ekonomika kkawżat żieda qawwija fir-rata tal-qgħad fl-Istat Membri tal-UE; billi ż-żgħażagħ ġew affettwati b’mod sproporzjonat minn din it-tendenza; billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ qed tiżdied aktar bil-qawwi fir-rigward tar-rata medja tal-qgħad; billi aktar minn 5.5 miljun żgħażugħ fl-UE taħt il-25 sena kienu qiegħda f’Diċembru 2009, ekwivalenti għal 21.4% taż-żgħażagħ kollha, u dan joħloq paradoss li filwaqt li ż-żgħażagħ, minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, huma l-bażi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, fl-istess ħin dawn qed jibqgħu fil-marġini ekonomika,

B.  billi hemm ftit possibilitajiet għaż-żgħażagħ biex isibu impjieg permanenti regolari; billi ż-żgħażagħ prinċiparjament jidħlu fis-suq tax-xogħol permezz ta’ forom ta’ impjieg atipiċi, verament flessibbli, insiguri u inċerti (part time marġinali, impjieg temporanju u għal terminu fiss etc.), u l-probabilità li dan ikun pass ’il quddiem lejn impjieg permanenti hija waħda baxxa,

C. billi jidher li min iħaddem qed juża t-taħriġ u l-internships iktar ta’ spiss biex jissostitwixxi impjieg regolari, billi jisfrutta l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ meta jkunu qed jippruvaw jidħlu fis-suq tax-xogħol; billi tali forom ta’ sfruttament taż-żgħażagħ jeħtieġ li jiġu indirizzati u eliminati b’mod effikaċi mill-Istati Membri,

D. billi erbgħa mill-għaxar miżuri adottati fis-samit straordinarju tal-UE ta’ Praga fl-2009 dwar l-impjiegi jirrigwardaw l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, l-apprendistati, l-iffaċilitar tal-mobilità, u tbassir aħjar tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u ħiliet komplementari,

E.  billi l-qgħad u rata baxxa ta’ impjiegi taż-żgħażagħ jimponu spejjeż soċjali u ekonomiċi kbar, li jirriżultaw fit-telf ta’ opportunitajiet għal tkabbir ekonomiku, erożjoni tal-bażi tat-taxxa li ddgħajjef l-investiment fl-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi, żieda fl-ispejjeż tal-għajnuna soċjali, investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ mhuwiex użat biżżejjed u r-riskju ta’ qgħad u esklużjoni soċjali fuq medda twila ta’ żmien.

F.  billi ġenerazzjonijiet iżgħar se jkollhom inaqqsu d-dejn pubbliku enormi kkawżat mill-ġenerazzjoni preżenti,

G. billi l-previżjonijiet ekonomiċi u demografiċi juru li se jiżdiedu 80 miljun opportunità ta’ xogħol fl-UE fl-għaxar snin li ġejjin, li l-maġġoranza tagħhom ser ikunu jeħtieġu ħaddiema li huma mħarrġa sew fis-sengħa tagħhom; billi r-rata ta’ impjegar għal persuni b’livelli għolja ta’ ħiliet madwar l-Ewropa inġenerali hija ta’ madwar 85%, għal persuni b’livelli medji hija ta’ 70% u għal dawk b’livelli baxxi ta’ 50% ,

H. billi t-tkabbir ekonomiku huwa kruċjali għall-ħolqien tal-impjieg, minħabba li aktar ma jkun hemm tkabbir ekonomiku aktar se jkun hemm possibilitajiet ta’ impjieg; billi aktar minn 50% tal-impjiegi l-ġodda fl-Ewropa jinħolqu mill-SMEs,

I.   billi t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u bejn l-impjiegi hija sfida strutturali għaż-żgħażagħ madwar l-UE kollha; billi l-apprendistati għandhom impatt ġeneralment pożittiv fuq l-aċċess taż-żgħażagħ għall-impjieg, partikolarment jekk jippermettu l-akkwist intern dirett tal-ħiliet tax-xogħol u tal-għarfien,

J.    billi l-programmi ta’ edukazzjoni għandhom jitjiebu b’mod sinifikanti, filwaqt li għandhom jiġu inkoraġġiti sħubijiet università-negozju, skemi effiċjenti ta’ apprendistat, self għall-iżvilupp tal-karriera u investiment fit-taħriġ ipprovdut minn dawk li jħaddmu,

K. billi ż-żgħażagħ sikwit jaffaċċjaw diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età meta jidħlu fis-suq tax-xogħol u meta jkunu qed jitnaqqsu l-impjiegi; billi hu iktar probabbli li żgħażagħ nisa jaffaċjaw il-qgħad u l-faqar, jew li jkunu impjegati b’mod każwali jew mhux iddikjarat, minn żgħażagħ irġiel; billi mil-lat l-ieħor iż-żgħażagħ irġiel intlaqtu l-aktar mill-qgħad minħabba l-kriżi ekonomika attwali; billi ż-żgħażagħ b’diżabilità jħabbtu wiċċhom ma’ ostakoli anke ikbar fir-rigward tal-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol,

L.  billi permezz ta’ xogħol diċenti ż-żgħażagħ, minn dipendenti soċjalment ikunu jistgħu jsiru awtosuffiċjenti, u b’hekk ikunu jistgħu jaħarbu l-faqar u jikkontribwixxu b’mod attiv għas-soċjetà, ekonomikament u soċjalment;   filwaqt li leġiżlazzjoni f’ċerti Stati Membri tintroduċi d-diskriminazzjoni skont l-età permezz ta’ limiti għad-drittijiet taż-żgħażagħ li huma bbażati biss fuq l-età, bħal-livelli aktar baxxi ta’ pagi minimi għaż-żgħażagħ fir-Renju Unit, aċċess limitat għar-Revenu de solidarité active fi Franza u l-benefiċċji mnaqqsa għall-qgħad taż-żgħażagħ fid-Danimarka, li kollha kemm huma, minkejja li huma maħsuba biex iħaddmu liż-żgħażagħ, mhumiex aċċettabbli u jistgħu jkollhom l-effett oppost billi jipprevjenu liż-żgħażagħ milli jidħlu f’ħajja ekonomikament indipendenti, partikolarment fi żminijiet ta’ kriżi fejn ikun hemm livell ogħli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ;

M. billi l-punti ta’ referenza tal-Istrateġija ta’ Lisbona dwar iż-żgħażagħ u l-modernizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali (ETV) ma ntlaħqux bis-sħiħ,

N.  billi l-flessigurtà kienet l-istrateġija ġenerali għas-swieq tax-xogħol tal-UE li jimmiraw għall-kuntratti flessibbli u affidabbli, it-tagħlim tul il-ħajja, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u s-sigurtà soċjali; billi sfortunatament, din l-istrateġija f’bosta pajjiżi ġiet interpretata b’mod ristrett bħala “flessibilità” u b’hekk intilfet kull perspettiva ta’ approċċ olistiku u ta’ sigurtà fl-impjieg u sigurtà soċjali,

O. billi bħala riżultat tal-bidla demografika wara l-2020, in-nuqqas kbir ta’ ħaddiema b’ħiliet se jaffettwa bil-kbir iż-żona ekonomika Ewropea u din it-tendenza tista’ tiġi ffaċċjata biss permezz ta’ livell adegwat ta’ edukazzjoni, taħriġ u taħriġ mill-ġdid,

P.  billi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għandhom ir-rwol tagħhom fl-istruttura ekonomika Ewropea kemm minħabba l-għadd numeruż tagħhom kif ukoll minħabba r-rwol strateġiku tagħhom fil-ġlieda kontra l-qgħad;

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu approċċ ibbażat fuq id-drittijiet lejn iż-żgħażagħ u l-impjiegi. L-aspett kwalitattiv ta’ xogħol diċenti għaż-żgħażagħ m’għandux ikun kompromess, l-istandards ewlenin tax-xogħol u standards oħra marbuta mal-kwalità tax-xogħol, bħall-ħin tax-xogħol, il-paga minima, is-sigurtà soċjali, u s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, għandhom ikunu kunsiderazzjonijiet ċentrali fl-isforzi li qed isiru;

Il-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar u l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol

2.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiddefinixxu strateġija tal-impjiegi għall-UE li tgħaqqad strumenti finanzjarji u politiki tal-impjieg sabiex jiġi evitat it-‘tkabbir tal-qgħad’, u li tinvolvi t-twaqqif ta’ punti ta’ referenza ambizzjużi għall-impjiegi taż-żgħażagħ; jinkoraġġixxi bis-sħiħ li l-istrateġija tax-xogħol ikollha fokus speċjali fuq l-iżvilupp ta’ impjiegi ekoloġiċi u impjiegi fl-ekonomija soċjali, filwaqt li jiġi żgurat li l-Parlament ikun involut fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

3.  Jenfasizza kemm huwa importanti għall-Istati Membri li jiżviluppaw impjiegi ħodor, pereżempju billi jipprovdu taħriġ f’teknoloġiji ambjentali;

4.   Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu inċentivi effiċjenti, bħas-sussidji tal-impjieg jew il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għaż-żgħażagħ li jiggarantixxu kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol diċenti; sabiex min iħaddem fis-settur pubbliku u privat ikun imħeġġeġ biex iħaddem liż-żgħażagħ, jinvesti kemm fil-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ, u kemm fit-taħriġ u t-titjib kontinwu tal-ħiliet tagħhom matul l-impjieg u sabiex jappoġġa l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ; jinnota r-rwol speċjali u l-importanza tal-intrapriżi żgħar rigward l-għardien espert u l-għarfien tradizzjonali; iħeġġeġ biex jiġi żgurat l-aċċess taż-żgħażagħ għall-Faċilità Ewropea għall-Mikrofinanzja li ġiet stabbilita reċentement;

5.   Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni intraprenditorjali, li hija parti integrali mill-proċess tal-ksib tal-ħiliet meħtieġa għal tipi ġodda ta’ impjiegi;

6.   Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw politiki ambizzjużi dwar it-taħriġ taż-żgħażagħ;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi u tappoġġa – fil-kunsiderazzjoni tas-sħubijiet nazzjonali ta’ benefiċċju bejn l-iskejjel, l-universitajiet, l-intrapriżi u l-imsieħba soċjali – proġetti pilota fis-setturi l-ġodda ta’ żvilupp strateġiku li jipprovdu taħriġ xieraq xjentifiku u teknoloġiku u orjentat lejn l-impjieg għaż-żgħażagħ , u speċjalment għan-nisa, sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-kompetittività fi ħdan l-intrapriżi, bl-użu ta’ għotjiet għall-istudju, apprendistati b’livell ta’ edukazzjoni ogħla u kuntratti tax-xogħol mhux atipiċi;

8.  Jistieden lill-universitajiet biex jagħmlu kuntatt ma’ min iħaddem fi stadju bikri u jipprovdu l-opportunità lill-istudenti biex jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu għas-suq tax-xogħol;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu miżuri mifruxa ħafna maħsuba biex jistimulaw l-ekonomija, bħal tnaqqis fit-taxxa u tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-SMEs, sabiex ikun hemm tkabbir u jinħolqu impjiegi ġodda, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ;

10. Jittama li l-mikroself jittieħed b’suċċess miż-żgħażagħ; iqis li l-fundaturi tan-negozji l-ġodda għandhom jingħataw pariri konsistenti u professjonali;

11. Jitlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu politiki inklussivi u mmirati għas-suq tax-xogħol li jiżguraw l-inklużjoni dinjituża u xogħol li għandu skop għaż-żgħażagħ, eż. permezz tat-twaqqif ta’ netwerks inspirazzjonali, arranġamenti għal min jitħarreġ li jinkludu għajnuna finanzjarja sabiex min jitħarreġ ikun jista’jmur joqgħod xi mkien ieħor u joqgħod qrib il-post fejn ikun qed isir it-taħriġ, ċentri internazzjonali tal-karrieri u ċentri taż-żgħażagħ għal gwida individwali dwar kwistjonijiet bħall-organizzazzjoni u l-għarfien kollettivi tal-aspetti legali li jirrigwardaw it-taħriġ tagħhom;

12. Jirrikonoxxi d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ biex ikollhom aċċess għall-fondi sabiex joħolqu u jiżviluppaw in-negozju tagħhom stess; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jadottaw miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess taż-żgħażagħ għall-fondi, u biex f’kooperazzjoni mal-komunità tan-negozju jitwaqqfu programmi ta’ konsulenza għaż-żgħażagħ dwar il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi;

13. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ħiliet tal-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola u biex iħejjuhom għall-impjieg permezz ta’ proġetti innovattivi;

14. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu kooperazzjoni bejn l-iskejjel u min iħaddem fil-pjanijiet bikrija tagħhom għat-tfassil mill-ġdid tal-iskemi ta’ taħriġ; iqis li l-awtoritajiet lokali u tad-distrett għandhom jiġu inklużi fl-ippjanar tal-edukazzjoni u t-taħriġ billi huma għandhom il-kuntatti fin-netwerk ta’ min iħaddem u jafu dan x’jeħtieġ;

15. Jitlob lill-Kummissjoni biex tespandi l-kapaċità finanzjarja, u tiżgura użu aħjar tal-Fond Soċjali Ewropew, tassenja minimu ta’ 10% ta’ dan il-fond għal proġetti li għandhom liż-żgħażagħ fil-mira u biex tiffaċilita l-aċċess għall-fond; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jipperikolawx it-twettiq ta’ proġetti żgħar u innovattivi b’kontroll eċċessiv u biex jirrevedu wkoll l-effikaċja u l-valur miżjud tal-programmi, bħall-programm ‘Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni’, f’termini tal-opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimmiraw aħjar lejn iż-żgħażagħ;

16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-kooperazzjoni ma’ min jipprovdi edukazzjoni dwar in-negozju bħala l-għodda t-tajba għall-ġlieda kontra l-qgħad strutturali;

L-Edukazzjoni u t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol

17. Jitlob lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi biex inaqqsu t-tluq kmieni mill-iskola sabiex jiksbu l-miri stabbilit fl-Istrateġija tal-UE 2020 ta’ mhux aktar minn 10% ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola sal-2012; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-firxa wiesgħa ta’ miżuri biex jiġġieldu t-tluq kmieni mill-iskola u l-analfabetiżmu, eż. inaqqsu n-numru ta’ studenti f’kull klassi, jipprovdu għajnuna għall-istudenti li ma jistgħux iħallsu biex itemmu l-edukazzjoni obbligatorja, iżidu l-enfasi fuq aspetti prattiċi fis-sillabu, jintroduċu konsulenti fl-iskejjel kollha, jistabbilixxu segwitu immedjat ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola; juża lill-Finlandja bħala eżempju ta’ pajjiż li naqqas b’suċċess in-numru ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola billi tiġi studjata magħhom il-possibilità li tinstab direzzjoni ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina proġett fuq l-aqwa prattiki;

18. Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu r-rabtiet bejn is-sistema edukattiva u d-dinja tax-xogħol u jfasslu mezzi biex wieħed jipprevedi d-domanda għall-ħiliet u għall-kapaċitajiet;

19. Jitlob biex isiru sforzi biex jiġi żgurat li t-tfal kollha jingħataw l-inkoraġġiment li jeħtieġu mill-bidu nett, u b’mod partikolari biex jitħares l-inkoraġġiment maħsub għat-tfal li għandhom problemi fil-lingwa jew diżabilitajiet oħra, sabiex dawn it-tfal jingħataw l-aqwa opportunitajiet possibbli fir-rigward tal-edukazzjoni u l-karriera;

20. Jitlob għal aktar apprendistati li jkunu aħjar;

jirreferi għall-esperjenzi pożittivi bis-sistema doppja fi ħdan l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) f’pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Awstrija u d-Danimarka fejn is-sistema titqies bħala parti importanti mit-tanżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għall-impjieg;

jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-iskemi ta’ apprendistat u jħeġġu lill-kumpaniji biex jipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ liż-żgħażagħ saħansitra fi żmien il-kriżi; jenfasizza l-importanza ta’ taħriġ adegwat għall-iżgurar ta’ forza tax-xogħol ta’ kapaċitajiet għolja li l-kumpaniji se jeħtieġu fil-futur; jenfasizza li l-apprendistati ma għandhomx jieħdu post impjiegi normali;

21. Jitlob għal internships aħjar u aktar siguri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, sabiex wara l-impenn mogħti bil-Komunikazzjoni COM(2007)498, “tipproponi [...] inizjattiva għal statut ta' kwalità Ewropew dwar l-apprendistati”, biex iħejju Karta Ewropea ta’ Kwalità dwar it-Taħriġ, bi standards minimi għall-internships, sabiex jiżguraw il-valur edukattiv tagħhom u jevitaw l-isfruttament, billi jitqies li l-internships jiffurmaw parti mill-edukazzjoni u ma għandhomx jieħdu post l-impjiegi proprji. Dawn l-istandards minimi għandhom jinkludu spjegazzjoni tad-deskrizzjoni tax-xogħol jew il-kwalifiki li għandhom jinkisbu, limitu ta’ żmien għall-internships, paga minima abbażi tal-istandard tal-ħajja fil-post fejn issir l-internship li jikkonformaw mat-tradizzjonijiet nazzjonali, assigurazzjoni fil-qasam tax-xogħol, benefiċċji tas-sigurtà soċjali skont l-istandards lokali u rabta ċara mal-programm edukattiv inkwistjoni;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi statistika dwar l-internships f’kull Stat Membru li tinkludi:

    - in-numru ta’ internships

    - it-tul tal-internships

    - il-benefiċċji soċjali għall-interns

    - l-allowances imħallsa lill-interns

    - il-gruppi tal-età tal-interns

u biex jagħmlu studju komparattiv dwar l-iskemi differenti ta’ internship li jeżistu fl-Istati Membri tal-UE;

23. Jistieden lil kull Stat Membru biex jimmonitorja l-konformità;

24. Jissuġġerixxi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni u ta’ rikonoxximent tal-għarfien u l-ħiliet miksuba permezz tat-tagħlim u t-taħriġ, sistema li tikkontribwixxi wkoll għal żieda fil-mobilità tal-forza tax-xogħol taż-żgħażagħ;

25. Jitlob li ż-żgħażagħ jitħarsu kontra dawk l-impjegaturi – pubbliċi u privati – li permezz ta’ programmi għall-kisba ta’ esperjenza tax-xogħol, apprendistati jew skemi ta’ taħriġ ikopru ħtiġijiet essenzjali u bażiċi bi spejjeż baxxi jew kważi mingħajr spejjeż billi jisfruttaw ir-rieda taż-żgħażagħ għat-tagħlim mingħajr ma jkun hemm l-ebda perspettiva għal inklużjoni sħiħa, fil-futur, taż-żgħażagħ li jkunu fil-forza tax-xogħol tagħhom;

26. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-mobilità tax-xogħol u tat-taħriġ taż-żgħażagħ madwar l-Istati Membri u l-ħtieġa li jittejbu r-rikonoxximent u t-trasparenza tal-kwalifiki, tal-ħiliet u tad-diplomi fl-UE; jitlob li jkunu rduppjati l-isforzi favur l-iżvilupp tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u tal-Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tisħiħ tal-programm “Leonardo da Vinci”;

27. Jitlob lill-Istati Membri biex iħaffu l-armonizzazzjoni tal-profili ta’ kwalifiki nazzjonali u l-profili ta’ kwalifiki Ewropej sabiex iżidu aktar il-mobilità taż-żgħażagħ fl-oqsma tal-edukazzjoni u x-xogħol;

28. Jenfasizza r-rwol tal-fornituri edukattivi tas-settur privat peress li s-settur privat is-soltu huwa aktar innovattiv fit-tfassil ta’ korsijiet u aktar flessibbli fil-provvista tagħhom;

29. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu liż-żgħażagħ li qed jitħarrġu jew li qed jagħmlu internship jew apprendistat drittijiet sħaħ b’rabta max-xogħol u s-sigurtà soċjali billi jissussidjaw, jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti, perċentwali mill-kontribuzzjonijiet tagħhom għas-sigurtà soċjali;

30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorbtu l-apprendistati, l-iskemi ta’ taħriġ u l-programmi għall-kisba ta’ esperjenza tax-xogħol mas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

31. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu s-sistemi tagħhom ta’ gwida edukattiva f’livell primarju u sekondarju, bil-għan li jkunu megħjuna ż-żgħażagħ u l-familji tagħhom fl-għażla ta’ triq edukattiva u ta’ taħriġ li verament tkun taqbel mal-ħiliet, il-kapaċitajiet u x-xewqat reali tagħhom u b’hekk tnaqqas ir-riskju ta’ tluq kmieni u falliment;

32. Jirrikonoxxi li, fi żminijiet ta’ kriżi, iż-żgħażagħ ifittxu l-edukazzjoni u għandhom ikunu inkoraġġuti biex jagħmlu dan; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess ugwali għall-edukazzjoni għal kulħadd billi jiggarantixxu dritt minimu ta’ edukazzjoni bla ħlas mill-edukazzjoni ta' qabel l-iskola sal-università u jiżguraw appoġġ finanzjarju għal studenti żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu aktar fl-edukazzjoni u t-taħriġ, anke jekk restrizzjonijiet fiskali u soċjali huma preżenti, biex jimplimentaw il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki mill-iktar fis possibbli u biex jistabbilixxu oqfsa tal-ħiliet nazzjonali, fejn meħtieġ;

33. Ifakkar li l-għan tal-proċess ta’ Kopenħagen huwa li jinkoraġġixxi lil individwi biex jagħmlu użu minn firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet disponibbli ta’ tagħlim vokazzjonali (eż. fl-iskola, f’edukazzjoni ogħla, fuq il-post tax-xogħol, jew permezz ta’ korsijiet privati);

34. Jitlob lill-Kummissjoni biex tespandi l-programmi tal-UE li jappoġġaw l-edukazzjoni u titjib fil-ħiliet bħat-Tagħlim tul il-Ħajja, il-Fond Soċjali Ewropew, l-Azzjonijiet Marie Curie u Erasmus Mundus u l-Inizjattiva ta’ Edukazzjoni Xjentifika;

35. Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu Task Forces Nazzjonali dwar iż-Żgħażagħ biex jiżguraw koerenza msaħħa bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol, u b’hekk tiġi promossa responsabilità aktar b’saħħitha u maqsuma bejn il-gvern, min iħaddem u l-individwi, biex isir investiment fil-ħiliet; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu korpi konsultattivi fi ħdan l-iskejjel kollha biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol u biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn atturi pubbliċi u privati;

36. Jikkunsdra li huwa ferm importanti li s-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tiġi adattata għas-suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr u għad-domanda għal professjonijiet ġodda;

37. Iqis li t-tagħlim tal-lingwi huwa kruċjali biex jiffaċilita l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol u għall-promozzjoni tal-mobilità u l-opportunitajiet indaqs tagħhom;

Adattament għall-ħtiġijiet tal-individwu u s-suq tax-xogħol

38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu liż-żgħażagħ b'informazzjoni dwar id-domanda fis-suq tax-xogħol, bil-patt li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ reviżjoni xierqa għall-iżviluppi ta’ monitoraġġ fl-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki u strateġiji bbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, li fihom l-edukazzjoni u l-impjiegi huma integrati aħjar, fejn tranżizzjoni sikura hija punt ewlieni u fejn hemm titjib kontinwu tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol għall-kisba tal-kompetenzi ewlenin mitluba mis-suq tax-xogħol;

39. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-ħidma tagħha dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, inklużi t-tagħlim mhux formali u l-esperjenza tax-xogħol, bil-għan li titmexxa ’l quddiem il-mobilità taż-żgħażagħ;

40. Jitlob lill-Istati Membri biex jippromwovu r-rikonoxximent tal-kisbiet edukattivi fil-qafas tat- tagħlim mhux formali u dak informali sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu juru aktar l-edukazzjoni u l-kompetenzi tagħhom, kif mitlub meta jkunu qed ifittxu impjieg fis-suq tax-xogħol;

41. Jitlob għal appoġġ u prestiġju akbar fir-rigward tat-taħriġ vokazzjonali;

42. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-istrateġija tal-flessigurtà flimkien mas-sħab soċjali, sabiex tpoġġi s-sigurtà tat-tranżizzjoni fuq nett tal-aġenda filwaqt li toħloq mobilità u aċċess aktar faċli għaż-żgħażagħ; jenfasizza li l-flessibilità mingħajr is-sigurtà soċjali mhix mod sostenibbli biex jiġu miġġielda l-problemi li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, iżda huwa mod ta’ kif qed jiddgħajfu d-drittijiet taż-żgħażagħ b’rabta max-xogħol u s-sigurtà soċjali;

43. Jappella lill-Istati Membri biex jinkludu l-erba’ komponenti tal-flessigurtà fil-pjanijiet nazzjonali għall-istrateġiji tal-impjiegi taż-żgħażagħ, jiġifieri:

a.   arranġamenti flessibbli u affidabbli,

b.   programmi komprensivi ta’ taħriġ jew tagħlim tul il-ħajja li jiżguraw l-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet,

c.   politiki effikaċi tas-suq tax-xogħol u tar-rati ta’ xogħol li jiffukaw fuq il-ħiliet, impjiegi ta’ kwalità u l-inklużjoni,

d.   mekkaniżmi effikaċi ta’ mobilità tax-xogħol,

e.   sistemi tas-sigurtà soċjali li jipprovdu liż-żgħażagħ b’siġurtà fit-tranżizzjoni minn sitwazzjoni ta’ impjieg għal oħra, mill-qgħad għall-impjieg jew mit-taħriġ għall-impjieg, aktar milli jġegħluhom ikunu flessibbli,

f.    mekkaniżmi effikaċi ta’ monitoraġġ li jiggarantixxu d-drittijiet tal-ħaddiema;

44. Jitlob lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jiżguraw xogħol ta’ kwalità sabiex jevitaw li ż-żgħażagħ jaqgħu fin-‘nassa tal-prekarjetà’; jitlob lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali, abbażi ta’ liġijiet nazzjonali li diġà jeżistu u f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jistabbilixxu u jimplimentaw standards aħjar li jipproteġu lil dawk li jaħdmu f’impjiegi mhux siguri u ta’ kwalità baxxa;

45. Jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt, fuq medda twila ta’ żmien, tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tal-preżenza ta’ relazzjoni ġusta bejn il-ġenerazzjonijiet;

46. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ djalogu soċjali b’saħħtu u strutturat fuq il-postijiet kollha tax-xogħol bil-għan li l-ħaddiema żgħażagħ jitħarsu mill-isfruttament u x-xogħol temporanju li ta’ spiss ikun ta’ natura prekarja; jenfasizza l-ħtieġa li s-sħab soċjali jindirizzaw lill-ħaddiema żgħażagħ u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;

47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar sforzi biex jiżguraw it-traspożizzjoni korretta u l-implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni, fir-rigward tal-impjiegi, abbażi tal-età; huwa tal-fehma li ħafna aktar għandu jsir biex jiġi żgurat li kemm l-impjegati u kemm min iħaddem ikunu konxji mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni;

48. Jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex japplikaw strateġiji biex jinfurmaw u jedukaw liż-żgħażagħ dwar id-drittijiet tagħhom fuq ix-xogħol kif ukoll dwar id-diversi modi alternattivi li hemm għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu r-rikonċiljazzjoni bejn id-dinja tax-xogħol u l-edukazzjoni sabiex il-mogħdijiet tat-taħriġ , bħal taħriġ doppju, jistgħu jitfasslu sabiex jikkombinaw n-nozzjonijiet teoretiċi mal-esperjenza prattika, sabiex iż-żgħażagħ jakkwistaw ħiliet ġenerali u esperti speċifiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu wkoll fl-appoġġ għal kampanja ta’ għarfien dwar it-taħriġ vokazzjonali (VET) u studji tekniċi u intraprenditorjali, sabiex dawn il-mogħdijiet għall-karriera ma jibqgħux interpretati bħala għażla ta’ skwalifika, iżda bħala ċans li jimtela’ l-vojt fis-suq għall-impjiegi tekniċi, domanda li kulma jmur dejjem qed tiżdied, u sabiex l-ekonomija Ewropea terġa’ taqbad;

50. Jitlob lill-Istati Membri u s-sħab soċjali biex iwettqu ppjanar u implimentazzjoni aktar intensiv ta’ programmi biex jiżdied l-aċċess taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, permezz ta’ politiki attivi tal-impjieg, b’mod partikolari f’dawk ir-reġjuni u s-setturi b’qgħad għoli fost iż-żgħażagħ;

51. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jassorbu l-impatt li se jkollu l-qgħad fost iż-żgħażagħ fuq id-drittijijiet tal-pensjoni ta’ dik il-ġenerazzjoni u billi jikkunsidraw sew iż-żmien mgħoddi fl-istudju jagħtu liż-żgħażagħ inċentiv biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom għal perjodu twil;

52. Jitlob lis-sħab soċjali biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jinfurmaw liż-żgħażagħ dwar id-drittijiet tagħhom li jipparteċipaw fid-djalogu soċjali, u biex jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni ta’ din il-parti kbira tal-popolazzjoni attiva ekonomikament fl-istrutturi tal-korpi rappreżentattivi tagħhom;

Żvantaġġi u diskriminazzjoni

53. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-liġi nazzjonali eżistenti li taffettwa liż-żgħażagħ u b’mod partikolari leġiżlazzjoni nazzjonali bbażata fuq id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (2000/78/KE) ma tintużax biex jiġi ddiskriminat l-aċċess tal-ħaddiema żgħażagħ għall-benefiċċji soċjali; huwa tal-fehma li ħafna aktar għandu jsir biex jiġi żgurat li kemm l-impjegati u kemm min iħaddem ikunu konxji mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni;

54. Jitlob lill-Istati Membri biex jipprovdu inizjattivi li jistgħu jiżguraw li l-immigranti ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti tagħhom, li l-kwalifiki li huma kisbu f’pajjiżhom huma rikonoxxuti u li jkollhom l-aċċess għal ħiliet ewlenin, għalhekk ikunu jistgħu japplikaw l-integrazzjoni soċjali tagħhom u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol;

55. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jipprovdu opportunijiet adegwati u aħjar ta’ kura tat-tfal, bħal skejjel għall-ġurnata kollha, għal ġenituri żgħażagħ bi prezz aċċettabbli, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-possibilità li l-ġenituri żgħażagħ, partikolarment l-ommijiet, jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol;

56. Jappella biex l-assistenza mogħtija mill-Istati Membri lill-ġenituri żgħażagħ f’għamla ta’ kura tat-tfal jew crèches tkun sostanzjali biżżejjed li ma tiskoraġixxihomx milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol;

57. Jitlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sforz għal terminu qasir iffukat fuq iż-żgħażagħ irġiel qiegħda fis-setturi affettwati mill-kriżi, mingħajr ma jittraskuraw il-problemi fit-tul esperjenzati miż-żgħażagħ nisa fl-aċċess għas-suq tax-xogħol;

58. Jitlob lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri ta’ azzjoni affirmattivi għaż-żgħażagħ f’dawk l-oqsma tas-suq fejn iż-żgħożija ftit li xejn hija rappreżentata, sabiex jingħelbu l-konsegwenzi ta’ diskriminazzjoni ta’ qabel fuq bażi tal-età u tinħoloq forza tax-xogħol tabilħaqq bi kwalitajiet differenti, li jippermettu adattamenti raġjonevoli xierqa għaż-żgħażagħ b’diżabilità; jenfasizza l-esperjenza tajba fir-rigward ta’ azzjoni affirmattiva fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

59. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati programmi speċifiċi għal persuni b’diżabilità bil-għan li jkabbru l-possibilitajiet tagħhom ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol;

60. Jenfasizza l-importanza li jiġu inkoraġġiti t-traineeships u l-mobilità għaż-żgħażagħ involuti fl-iskejjel jew fit-taħriġ għal attivitajiet artistiċi bħaċ-ċinema, il-mużika, iż-żfin, it-teatru jew iċ-ċirklu;

61. Iqis li għandu jkun hemm appoġġ akbar għal programmi tal-voluntiera f’oqsma varji, inklużi, inter alia, l-oqsma soċjali, kulturali u sportivi;

62. Jappella lid-diversi fergħat tal-industrija biex jistabbilixxu sħubijiet ġenerazzjonali fin-negozji u l-organizzazzjonijiet u biex b’dan il-mod jiġi ġġenerat skambju attiv ta’ għarfien espert u b’mod produttiv tiġi kkombinata l-esperjenza ta’ ġenerazzjonijiet differenti;

63. Jirrikonoxxi l-importanza li ż-żgħażagħ jkunu kapaċi jkunu indipendenti finanzjarjament u jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha jkunu individwalment intitolati għal livell diċenti ta’ dħul li jiżguralhom il-possibilità li huma jgħixu ħajja ekonomikament indipendenti;

64. Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu, jekk jixtiequ, jirċievu assistenza effettiva fl-għażla tal-karriera tagħhom, biex isiru jafu dwar id-drittijiet tagħhom u biex jamministraw id-dħul minimu tagħhom;

Strateġiji u għodod ta’ governanza fil-livell tal-UE

65. Jissuġġerixxi li l-Kunsill u l-Kummissjoni jressqu Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ li tiżgura d-dritt għal kull żagħżugħ fl-UE li jiġi offrut impjieg, appendistat, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara perjodu massimu ta’ 4 xhur bla impjieg;

66. Jilqa’ l-progress li qed isir biex tiġi definita l-Istrateġija tal-UE għall-2020 iżda jiddispjaċih li ma kienx hemm evalwazzjoni pubblika u trasparenti tal-Istrateġija ta’ Lisbona, u b’mod partikolari tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, inklużi l-punti ta’ referenza għaż-żgħażagħ, u jiddispjaċih li l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ma kinux ikkonsultati biżżejjed matul il-proċess ta’ żvilupp tal-Istrateġija tal-UE għall-2020.

67. Jitlob lill-Istati Membri biex jintroduċu u jivvalutaw punti ta’ referenza ġodda u vincolanti għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena tevalwa l-punti ta’ referenza eżistenti għaż-żgħażagħ u l-Garanzija taż-Żgħażagħ sabiex dawn iwasslu biex jintlaħqu riżultati u progress ibbażati fuq informazzjoni statistika li hija diżaggregata u analizzata, speċjalment skont il-ġens u l-grupp ta’ età;

68. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaqblu li u jaħdmu fuq għodod ta’ governanza u ta’ informazzjoni ġodda u mtejba għax-xogħol fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ;

69. Jissuġġerixxi l-formazzjoni ta’ grupp ta’ ħidma permanenti taż-żgħażagħ tal-UE li jinvolvi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-imsieħba soċjali biex jimmonitorja żviluppi dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ, jippermettu politiki trasversali, iqasmu l-aqwa eżempji prattiki u jibdew politiki ġodda;

70. Jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu involuti fit-tfassil tal-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex il-ħtiġijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati aħjar; jirrakkomanda f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni tikkonsulta mar-rappreżentanti tal-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ dwar il-prijoritajiet għaż-żgħażagħ;

71. Jitlob lill-Istati Membri biex jivvalutaw l-impatti tal-politika fuq iż-żgħażagħ, jinkludu liż-żgħażagħ fil-proċessi kollha u jistabbilixxu kunsilli taż-żgħażagħ biex jimmonitorjaw politiki marbuta maż-żgħażagħ;

72. Jitlob lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jagħtu eżempju tajjeb bit-tneħħija tar-reklamar tagħhom għat-taħriġ bla ħlas mill-websajts rispettivi tagħhom u jħallsu:

     - allowance minima abbażi tal-ispejjez skont il-livell tal-għajxien fejn isir l-internship,

     - benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-interns kollha tagħhom;.

73. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
  • [2]  ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 23.
  • [3]  ĠU C 137E, 27.5.2010, p.68.
  • [4]  Testi Adottati, P7_TA(2010)0187.

NOTA SPJEGATTIVA

Hekk kif it-tnaqqis ekonomiku kkawża żieda kbira fir-rati ta’ qgħad fl-UE27, huwa ċar li ż-żgħażagħ intlaqtu b’mod ħażin u disproporzjonat. Illum, aktar minn 5.5 miljun żgħażugħ taħt il-25 huma qiegħda, ekwivalenti għal 21.4 fil-mija, li huwa ogħla darbtejn iktar mir-rata ġenerali tal-qgħad. Sfortunatament iż-żmien mhux qed iġib miegħu għajnuna għaż-żgħażagħ tal-Ewropa: ir-rati ta’ qgħad huma mistennija jogħlew anke aktar.

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa wieħed mill-aktar problemi urġenti tal-Ewropa. Nirriskjaw nitilfu ġenerazzjoni minħabba l-esklużjoni soċjali, filwaqt li nilagħbu mal-futur ekonomiku u soċjali tal-UE.

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ jimponi spejjeż soċjali u ekonomiċi kbar fuq is-soċjetajiet tagħna, li jirriżultaw f’telf ta’ opportunitajiet għal tkabbir ekonomiku, erożjoni tal-bażi tat-taxxa li ddgħajjef l-investiment fl-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi, żieda fl-ispejjeż tal-għajnuna soċjali, u investiment li mhux utilizzat bis-sħiħ fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Iż-żgħożija fl-Ewropa hija kaxxa ta’ teżori f’forma ta’ riżorsi umani li mhumiex użati. Il-prospetti ekonomiċi u soċjali jitolbu għal azzjoni.

Meta wieħed jibda l-ħajja tal-età tax-xogħol bħala qiegħed, jinħolqu feriti personali għal medda twila ta’ żmien. Studji jindikaw b’mod ċar li dawk li jkunu qiegħda meta jkunu żgħażagħ ikomplu jsofru mill-impatti ta’ dan anke aktar tard fil-ħajja. Il-qgħad waqt iż-żgħożija jżid ir-riskju ta’ qgħad għal medda twila ta’ żmien u jħalli impatti negattivi fuq il-livelli ta’ dħul aktar tard fil-ħajja. Barra minn hekk, meta jiżdied il-qgħad, ir-rati ta’ faqar, mard, kriminalità u suwiċidju jiżdiedu. Ma nistgħux naċċettaw li nitilfu ż-żgħażagħ Ewropej minħabba l-esklużjoni soċjali.

Il-kriżi ekonomika mhux biss ħolqot ostakoli għaż-żgħażagħ biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol u jgħixu ħajja adulta, indipendenti. Sa mit-tmeninijiet kien hemm fowkus speċjali fuq l-ostakoli fis-suq tax-xogħol esperjenzati miż-żgħażagħ. Xi fatti jindikaw il-gravità tal-problema:

Mhux biss li ħafna drabi iktar żgħażagħ ikunu qiegħda minn ħaddiema adulti, iżda huma wkoll aktar impjegati f’impjiegi prekarji, temporanji u ta’ kwalità baxxa, b’pagi aktar baxxi u anqas sigurtà soċjali. Barra minn hekk il-ħaddiema żgħażagħ jesperjenzaw standards aktar baxxi ta’ saħħa u sigurtà tax-xogħol u huma tal-anqas 50 fil-mija aktar fiċ-ċans li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol milli mill-kontropartijiet aktar esperjenzati tagħhom.

L-aħbar it-tajba hija li hemm ħafna x’wieħed jista’ jikseb jekk jirnexxilna ninkludu liż-żgħażagħ fil-forza tax-xogħol u fis-soċjetà. Il-promozzjoni ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar għaż-żgħażagħ għandha bosta impatti pożittivi: Tqanqal effetti ta’ tkattir u tkabbir fl-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, iżżid id-domanda għall-investiment u l-konsum kif ukoll tassigura rabtiet soċjali aktar stabbli u koeżivi tul il-ġenerazzjonijiet. Fl-aħħar iżda mhux l-anqas: permezz ta’ xogħol diċenti ż-żgħażagħ, minn dipendenti soċjalment ikunu jistgħu jsiru awtosuffiċjenti, u b’hekk ikunu jistgħu jaħarbu l-faqar u jikkontribwixxu b’mod attiv għas-soċjetà, ekonomikament u soċjalment.

L-Istati Membri kollha għandhom jieħdu azzjoni u jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ bil-prijoritajiet u l-istrateġiji tal-politika li jirriflettu l-ispeċifitajiet nazzjonali. Iżda fl-istess ħin l-UE kollha jeħtieġ li taqbel dwar strateġiji komuni. Biex wieħed jilħaq l-isfida ppreżentata miż-żgħażagħ jeħtieġ approċċ integrat u koerenti li jikkumbina interventi f’livelli makro u mikroekonomiċi, jiffoka fuq il-forniment u d-domanda tax-xogħol u jindirizza kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tal-impjieg. Taħlita koerenti ta’ politiki tal-edukazzjoni, tal-finanzi, tal-impjiegi u tas- soċjetà hija meħtieġa.

B’investimenti politiċi u ekonomiċi f’impjiegi, edukazzjoni u taħrig ġodda, f’sistemi aktar sodi ta’ sigurtà soċjali, f’suq tax-xogħol aktar dinamiku u f’xogħol diċenti - aħna nistgħu nbiddlu s-suq tax-xogħol Ewropew u norjentaw mill-ġdid it-tendenzi attwali lejn futur aħjar għaż-żgħażagħ.

Ejja npoġġu liż-żgħażagħ fuq nett fl-aġenda politika. Ejja nidħlu għal din l-isfida. Ejja nibdlu Ġenerazzjoni Mitlufa f’Ġenerazzjoni ta’ Tama.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (27.4.2010)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat
(2009/2221(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Katarína Neveďalová

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi erbgħa mill-għaxar miżuri adottati fis-samit straordinarju tal-UE ta’ Praga fl-2009 dwar l-impjiegi jirrigwardaw l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, l-apprendistati, l-iffaċilitar tal-mobilità, u tbassir aħjar tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u ħiliet komplementari,

1.  Iqis li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma kruċjali għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u jenfasizza l-importanza li l-iskemi għat-tagħlim tul il-ħajja, inklużi skemi formali u mhux formali tal-edukazzjoni, ikunu aċċessibbli għal kulħadd u biex l-individwi jingħataw ħiliet u l-kompetenzi msemmija fil-“Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”; ifakkar li l-kisba ta’ għarfien bażiku u livell tajjeb ta’ kultura ġenerali huma fatturi ewlenin fil-mobilità professjonali;

2.  Ifakkar li l-għan tal-proċess ta’ Kopenħagen huwa li jinkoraġġixxi lil individwi biex jagħmlu użu minn firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet disponibbli ta’ tagħlim vokazzjonali (eż. fl-iskola, f’edukazzjoni għolja, fuq il-post tax-xogħol, jew permezz ta’ korsijiet privati);

3.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata li ż-żgħażagħ kollha jkollhom qalba kompleta tal-kompetenzi bażiċi, li hija essenzjali biex tippromwovi mobilità tul il-ħajja u biex tippermettihom ilaħħqu mal-bidliet fis-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali ġodda li jitfaċċaw;

4.  Iqis li t-tagħlim tal-lingwa huwa kruċjali biex jiffaċilita l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol u għall-promozzjoni tal-mobilità u l-opportunitajiet indaqs tagħhom;

5.  Jenfasizza l-importanza li tiġi promossa l-intraprenditorija, li ż-żgħażagħ jiġu megħjuna biex jibdew in-negozju tagħhom u li jiġi promoss u estiż il-programm Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ; għalhekk huwa jirrakkomanda kampanja ta’ informazzjoni tal-UE, f’istituti edukattivi, li tkopri l-intraprenditorija, il-kapital inizjali, it-tassazzjoni fuq negozju ġdid, u l-appoġġ kontinwu fit-taħriġ;

6.  Jenfasizza kemm huwa importanti għall-Istati Membri li jiżviluppaw impjiegi ħodor, pereżempju billi jipprovdu taħriġ f’teknoloġiji ambjentali;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati programmi speċifiċi għal persuni b’diżabilità bil-għan li jkabbru l-possibilitajiet tagħhom ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni intraprenditorjali, li hija parti integrali mill-proċess tal-ksib tal-ħiliet meħtieġa għal tipi ġodda ta’ impjiegi;

9.  Iqis bħala essenzjali t-twaqqif ta’ sħubijiet bejn id-dinja tal-edukazzjoni u x-xogħol, u jappella għat-titjib fil-mobilità u l-faċilitajiet lingwistiċi għall-għalliema, il-ħaddiema, l-istudenti, u l-intraprendituri żgħażagħ, sabiex il-programm Erasmus jiġi estiż;

10. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ inizjattivi jew programmi ġodda fil-livell tal-UE biex titjieb il-mobilità tal-istudenti bejn sistemi tal-edukazzjoni għolja u s-settur tan-negozju;

11. Jitlob lill-Istati Membri biex iħaffu l-armonizzazzjoni tal-profili ta’ kwalifiki nazzjonali u l-profili ta’ kwalifiki Ewropej sabiex iżidu aktar il-mobilità taż-żgħażagħ fl-oqsma tal-edukazzjoni u x-xogħol;

12. Jappoġġa l-għoti ta’ traineeships bħala parti integrali tal-curriculum tal-edukazzjoni, li jagħti lill-istudenti l-opportunità li jiksbu ħiliet u esperjenza ta’ xogħol, biex b’hekk tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol fil-futur; jenfasizza l-funzjoni edukattiva tat-traineeships u jenfasizza li dawn m’għandhomx jissostittwixxu l-impjiegi;

13. Iqis l-iżvilupp u l-għoti ta’ internships b’rabta qawwija mal-curricula tal-istudju bħala importanti ħafna minħabba li dawn jagħtu l-opportunità li persuna tkun tista’ tikkonsolida l-ħiliet tagħha u tibda taħdem anki bi ftit esperjenza u taħriġ minn qabel; iqis li l-internships (b’kumpens finanzjarju ġust) huma mezz meħtieġ biex persuna tgħaqqad l-edukazzjoni u x-xogħol, billi ċerti skemi juru rata ta’ impjegar ta’ 70% wara internship li jkun intemm b’suċċess;

14. Jilqa’ l-eżitu tal-laqgħa tal-Ministri Ewropej Responsabbli għall-Edukazzjoni Għolja dwar il-Proċess ta’ Bologna 2020 (April 28-29, 2009) fejn intalbu sħubijiet aktar b’saħħithom bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-studenti, dawk li jħaddmu u l-impjegati bħala mezz għal implimentazzjoni aħjar tal-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja;

15. Jitlob lill-Istati Membri biex jippromwovu r-rikonoxximent tal-kisbiet edukattivi fil-qafas tat- tagħlim mhux formali u dak informali sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu juru aktar l-edukazzjoni u l-kompetenzi tagħhom, kif mitlub meta jkunu qed ifittxu impjieg fis-suq;

16. Iqis li l-apprendisti għandhom jitħarrġu b’mod xieraq u li dan it-taħriġ fuq ix-xogħol għandu jservi bħala mezz biex jinkisbu mhux biss il-kompetenzi u l-ħiliet iżda wkoll l-għarfien professjonali; jappoġġa t-tisħiħ tar-rabta bejn l-edukazzjoni u x-xogħol, u jissuġġerixxi li l-kompetenzi diġitali, it-teknoloġiji ġodda, ix-xjenza u l-lingwi għandhom jingħataw rwol ċentrali fl-edukazzjoni;

17. Jitlob monitoraġġ aktar mill-qrib tal-attivitajiet ta’ min jitħarreġ u tal-ftehimiet tax-xogħol tagħhom sabiex jiġi evitat kwalunkwe abbuż, bħalma huma l-abbużi fir-rigward tat-tul ta’ żmien tat-traineeships;

18. Jenfasizza li r-riċessjoni ekonomika attwali tista’ tintuża b’mod tajjeb bħala opportunità unika għar-reviżjoni ta’ politiki u t-tisħiħ ta’ programmi li jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol;

19. Jitlob appoġġ u prestiġju akbar fir-rigward tat-taħriġ vokazzjonali;

20. Jenfasizza l-importanza li jiġu inkoraġġiti t-traineeships u l-mobilità għaż-żgħażagħ involuti fl-iskejjel jew fit-taħriġ għal attivitajiet artistiċi bħaċ-ċinema, il-mużika, iż-żfin, it-teatru jew iċ-ċirklu;

21. Ifakkar li l-istrateġija l-ġdida UE 2020 għandha rwol kruċjali fit-titjib tal-potenzjal taċ-ċittadini għall-impjieg; minħabba li ż-żgħażagħ huma fattur ewlieni biex jinkisbu l-għanijiet ta’ din l-istrateġija u wieħed mill-aktar gruppi affetwati, iqis bħala importanti li huma jingħataw edukazzjoni u taħriġ aħjar u jitħeġġu biex isegwu dan; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ffukar mill-ġdid tal-baġit tal-UE biex il-prijoritajiet baġitarji tal-UE jkunu jaqblu mal-prijoritajiet politiċi enfasizzati fl-istrateġija UE 2020;

22. Jitlob lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri ta’ azzjoni affermattiva għaż-żgħażagħ f’dawk l-oqsma tas-suq tax-xogħol fejn huma sottorappreżentati;

23. Iqis li għandu jkun hemm appoġġ akbar għal programmi tal-voluntiera f’oqsma varji, inklużi, inter alia, l-oqsma soċjali, kulturali u sportivi;

24. Jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu involuti fit-tfassil tal-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex il-ħtiġijiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati aħjar; jirrakkomanda f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni tikkonsulta mar-rappreżentanti tal-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ dwar il-prijoritajiet għaż-żgħażagħ;

25. Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha biex jiġġieldu r-rata għolja ta’ waqfien bikri mill-iskola fost l-istudenti, biex b’hekk dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiksbu kwalifiki addizzjonali u jiġi ffaċilitat id-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol fil-futur;

26. Jikkunsdra li huwa ferm importanti li s-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tiġi adattata għas-suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr u għad-domanda għal professjonisti ġodda;

27. Huwa mħasseb ferm dwar in-numri li qed jikber ta’ żgħażagħ qiegħda, b’mod partikolari fil-kriżi ekonomika attwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li s-swieq tax-xogħol ikunu flessibbli kemm jista’ jkun sabiex jiżguraw li dawk li qegħdin fl-aħħar stadji tal-edukazzjoni jew taħriġ tagħhom ikunu jistgħu jsibu xogħol u jiċċaqilqu minn impjieg għall-ieħor faċilment;

28. Jenfasizza l-importanza li l-litteriżmu diġitali u medjatiku jiġi inkorporat fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u li dan il-proċess jitkompla tul l-internships, sabiex iċ-ċittadini kollha jiksbu ħila diġitali tajba;

29. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu liż-żgħażagħ bil-faċilitajiet neċessarji biex jiżviluppaw il-ħiliet li għandha bżonn l-industrija, sabiex tiġi żgurata possibilità akbar li jsibu impjieg fit-tmiem tal-edukazzjoni jew it-taħriġ;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.4.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Malika Benarab-Attou, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marco Scurria, Joanna Senyszyn, Timo Soini, Emil Stoyanov, Hannu Takkula, László Tőkés, Marie-Christine Vergiat, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Liam Aylward, Ivo Belet, Oriol Junqueras Vies, Hans-Peter Martin, Iosif Matula

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Vicky Ford

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Jean-Luc Bennahmias, Mara Bizzotto, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Karima Delli, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Pascale Gruny, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Liisa Jaakonsaari, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Raffaele Baldassarre, Jürgen Creutzmann, Marielle Gallo, Joe Higgins, Franz Obermayr, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner, Birgit Sippel, Emilie Turunen

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa Estaràs Ferragut, Oldřich Vlasák