RAPPORT dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali

    10.6.2010 - (00001/2010 – C7‑0005/2010 – 2010/0801(COD)) - ***I

    Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
    Rapporteur: Sarah Ludford
    PR_COD_COD_1consolidated


    Proċedura : 2010/0801(COD)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0198/2010

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar id-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali

    (00001/2010 – C7‑0005/2010 – 2010/0801(COD))

    (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-inizjattiva ta’ grupp ta’ Stati Membri (00001/2010),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 76(b) u l-Artikolu 82(2), it-tieni subparagrafu, punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, skont liema artikoli l-inizjattiva tressqet lill-Parlament (C7-0005/2010),

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 294(3) u (15) tat-Trattat FUE,

    –   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni (COM(2010)0082), li għandha l-istess objettiv leġiżlattiv,

    –   wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati mibgħuta lill-President tiegħu mill-parlamenti nazzjonali dwar il-konformità tal-inizjattiva mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà,

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 44 u 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7‑0198/2010),

    1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari kif tidher hawn taħt;

    2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali

    POŻIZZJONI TAL- PARLAMENT EWROPEWFL-EWWEL QARI

    [1]*

    ---------------------------------------------------------

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(2)(b) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Renju ta' Spanja, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika Taljana, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika Portugiża, tar-Rumanija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja,

    Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[2],

    Billi:

    (1)         L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet għaliha stess l-għan li żżomm u tiżviluppa spażju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Skont il-konklużjonjiet tal-Kunsill Ewropew f'Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, u b'mod partikolari il-punt 33 tagħhom, ▌il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jsir il-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kemm f'materji ċivili kif ukoll f'dawk kriminali ġewwa l-Unjoni ▌, peress li r-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet u sentenzi ġudizzjarji u l-ħtieġa tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali.

    (2)         Fid-29 ta' Novembru 2000, f'konformità mal-Konklużjonijiet ta' Tampere, il-Kunsill adotta programm ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonjiet f'materji kriminali[3]. L-introduzzjoni għall-programm ta' miżuri tiddikjara li r-rikonoxximent reċiproku huwa "maħsub biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri iżda wkoll biex itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet individwali".

    (3)         L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonjiet f'materji kriminali tippresupponi li l-Istati Membri għandhom fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin. L-ambitu tal-eżerċizzju tar-rikonoxximent reċiproku jiddipendi ħafna fuq numru ta' parametri, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta' persuni suspettati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku.

    (4)         Ir-rikonoxximent reċiproku jista' jaħdem b'mod effettiv biss fi spirtu ta' fiduċja, fejn mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jqisu d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, li jimplika "mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli tas-sieħeb, iżda wkoll fiduċja li dawk ir-regoli huma applikati korrettament".

    (4a)       L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu d-dritt għal proċess ġust. L-Artikolu 48 tal-Karta jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet għal difiża. Din id-Direttiva tirrispetta dawn id-drittijiet u għandha tiġi implimentata konsegwentement.

    (5)         Minkejja li l-Istati Membri ▌huma partijiet ▌ għall-KEDB▌, l-esperjenza wriet li din fiha nfisha mhux dejjem tipprovdi livell suffiċjenti ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' Stati Membri oħra.

    (5a)       It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka jirrikjedi implimentazzjoni iktar konsistenti tad-drittijiet u l-garanziji stipulati fl-Artikolu 6 tal-KEDB. Dan jirrikjedi wkoll, permezz ta’ din id-Direttiva u ta' miżuri oħra, żviluppi oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea tal-istandards minimi stipulati fil-KEDB u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (6)         L-Artikolu 82(2) tat-Trattat jipprevedi l-istabbiliment tar-regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri sabiex ikunu faċilitati r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ natura transkonfinali. Il-punt (b) tal-Artikolu 82(2) jirriferi għad-"drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali” bħala wieħed mill-oqsma li fihom jistgħu jiġu stabbiliti regoli minimi.

    (7)         Regoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li bħala riżultat għandha twassal għal kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta' fiduċja reċiproka. Regoli komuni bħal dawn għandhom jiġu applikati fl-oqsma tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali.

    (7a)       Fit-30 ta' Novebmru 2009, il-Kunsill adotta l-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali[4]. Filwaqt li tieħu approċċ ta' pass b'pass, il-Pjan Direzzjonali jitlob li jiġu adottati miżuri dwar id-drittijiet għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni (miżura A), id-dritt għal informazzjoni dwar drittijiet u informazzjoni dwar l-ispejjeż (miżura B), id-dritt għal parir legali u għal għajnuna legali (miżura C), id-dritt għal komunikazzjoni mal-qraba, min jimpjega u l-awtoritajiet konsulari (miżura D), u dwar salvagwardji speċjali għall-persuni suspettati jew akkużati li jkunu vulnerabbli (miżura E).

    (7b)       Fil-Programm ta' Stokkolma, adottat fl-10 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew laqa' l-Pjan Direzzjonali u għamlu parti mill-Programm ta' Stokkolma (il-punt 2.4). Il-Kunsill Ewropew issottolinja n-natura mhux eżawrjenti tal-Pjan Direzzjonali, billi stieden lill-Kummissjoni biex teżamina elementi addizzjonali ta' drittijiet proċedurali minimi għall-persuni suspettati u akkużati, u biex tevalwa jekk hemmx bżonn li jiġu indirizzati kwistjonijiet oħra, pereżempju l-preżunzjoni tal-innoċenza, biex tkun promossa kooperazzjoni aħjar f'dan il-qasam.

    (7c)       Din id-Direttiva tirrigwarda l-miżura A tal-Pjan Direzzjonali. Din tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fl-oqsma tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni fil-proċedimenti kriminali bil-għan li tittejjeb il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri.

    (7d)       Din id-Direttiva hija mfassla fuq il-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u ta' traduzzjoni fi proċedimenti kriminali[5], li ġiet preżentata mill-Kummissjoni f'Lulju 2009, u fuq il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, li ġiet preżentati mill-Kunsill f'Marzu 2010[6].

    (8)         Id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni għal dawk li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Id-dispożizzjonjiet ta' din id-Direttiva jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' dawk id-drittijiet fil-prattika. Għal dan l-għan, din id-Direttiva għandha l-intenzjoni li tiżgura d-dritt li persuna suspettata jew akkużata jkollha għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali bil-ħsieb li tissalvagwardja d-dritt tal-persuna għal proċess ġust.

    (9)         Id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll, bħala miżuri meħtieġa ta' akkumpanjament, ▌għall-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew fil-limiti previsti minn din id-Direttiva. L-Istati Membri ta' eżekuzzjoni għandhom jipprovdu, u jassumu l-ispejjeż għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għall-benefiċċju tal-persuna mitluba li ma tifhimx jew ma titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti.

    (9a)       F'xi Stati Membri, offiżi relattivament żgħar, pereżempju reati tat-traffiku li jitwettqu fuq skala kbira, jistgħu jintlaqgħu billi tiġi imposta sanzjoni minn awtorità kompetenti li ma tkunx qorti u li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, eż. wara kontroll tat-traffiku. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, ma jkunx raġonevoli li jkun mitlub li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi jipprovdu d-drittijiet kollha skont din id-Direttiva. Għalhekk, meta liġi ta' Stat Membru tipprovdi għall-impożizzjoni ta' sanzjoni dwar offiżi żgħar minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u dik is-sanzjoni tkun tista' tiġi appellata f'qorti bħal din, allura din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċedimenti quddiem dik il-qorti wara appell bħal dak.

    (10)       ▌Din id-Direttiva għandha tiżgura li jkun hemm ▌assistenza lingwistika bħal ħlas u adegwata, li tagħmilha possibbli għall-persuni suspettati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali li jeżerċitaw id-dritt tagħhom bis-sħiħ li jiddefendu ruħhom u li tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

    (10a)     Għandha tkun provduta interpretazzjoni għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata mingħajr dewmien. F'dan il-każ, jista' jiġri li jgħaddi ċertu perjodu ta' żmien qabel ma tiġi provduta l-interpretazzjoni, mingħajr ma dan jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżit li l-interpretazzjoni għandha tkun provduta mingħajr dewmien, sakemm dan ikun raġonevoli fiċ-ċirkostanzi.

    (10b)     Il-komunikazzjoni bejn il-persuna suspettata jew akkużata u l-avukat tagħha għandha tiġi interpretata bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Il-persuna suspettata jew akkużata għandha tkun kapaċi, inter alia, tispjega lill-avukat tagħha l-verżjoni tagħha tal-fatti, tindika kwalunkwe dikjarazzjoni li ma taqbilx magħha u tagħmel lill-avukat konxju dwar kwalunkwe fatt li għandu jiġi preżentat għad-difiża tagħha.

    (10c)     Sabiex tkun tista' tiġi preparata d-difiża, il-komunikazzjoni bejn il-persuna suspettata jew akkużata u l-avukat tagħha b'konnessjoni diretta ma' kwalunkwe mistoqsija jew smigħ matul il-proċedimenti, jew mat-tressiq ta' appell jew applikazzjonijiet proċedurali oħra, bħal pleġġ, għandha tiġi interpretata meta dan ikun meħtieġ sabiex tkun żgurata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

    (10d)     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċedura jew mekkaniżmu fis-seħħ biex jiddeterminaw jekk il-persuna suspettata jew akkużata tifhimx u titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti kriminali u teħtieġx l-assistenza ta' interpretu. Proċedura jew mekkaniżmu bħal dawn jimplikaw li l-awtorità kompetenti tivverifika bi kwalunkwe mod adatt, inkluż billi tiġi kkonsultata l-persuna suspettata jew akkużata, jekk din tifhimx u titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti kriminali u jekk teħtieġx l-assistenza ta' interpretu.

    (10e)     L-interpretazzjoni u t-traduzzoni fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu provduti bil-lingwa nattiva tal-persuna suspettata jew akkużata jew bi kwalunkwe lingwa oħra li din tifhem u li tagħmilha possibbli għaliha li teżerċita bis-sħiħ id-dritt li tiddefendi ruħha, u filwaqt li tiggarantixxi l-ġustizzja tal-proċedimenti.

    (10f)     Ir-rispett tad-drittijiet għal interpretazzjoni u għal traduzzjoni li jinsabu f'din id-Direttiva m'għandhomx jikkompromettu kwalunkwe dritt proċedurali provdut skont il-liġi nazzjonali.

    (11a)     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi eżerċitat kontroll fuq l-adegwezza tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni provduti meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu ġew avżati b'każ partikolari.

    (12)       Il-persuna suspettata jew akkużata jew il-persuna suġġetta għal proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jkollha d-dritt li tikkontesta ▌l-konklużjoni li m'hemm l-ebda ħtieġa għal interpretazzjoni, skont proċeduri fil-liġi nazzjonali. Dan id-dritt ma jinvolvix l-obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu għal mekkaniżmu separat jew għal proċedura ta' lment li fiha tista' tiġi kkontestata konklużjoni bħal din u m'għandux jippreġudika l-limiti ta' żmien applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew.

    (12a)     Meta l-kwalità tal-interpretazzjoni tkun meqjusa insuffiċenti biex tiggarantixxi d-dritt għal proċess ġust, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jissostitwixxu l-interpretu magħżul.

    (14)       Id-dover ta' kura lejn il-persuni suspettati jew akkużati li huma f'pożizzjoni potenzjalment dgħajfa, b'mod partikolari minħabba problemi fiżiċi li jaffettwaw l-abbiltà tagħhom li jikkomunikaw b'mod effettiv, huwa l-bażi ta' amministrazzjoni retta tal-ġustizzja. Il-prosekuzzjoni, l-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom għalhekk jiżguraw li dawn il-persuni jkunu kapaċi jeżerċitaw b'mod effettiv id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, per eżempju billi jagħtu attenzjoni għall-kwalunkwe vulnerabbiltà potenzjali li taffettwa l-abbiltà tagħhom li jsegwu l-proċedimenti u li jiġu mifhuma u billi jieħdu l-passi adatti biex jiżguraw dawn id-drittijiet.

    (14a)     Meta jagħmlu użu mill-konferenza bil-vidjo għall-iskop ta' interpretazzjoni remota, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw l-għodod li qed jiġu żviluppati fil-kuntest tal-Ġustizzja Elettronika Ewropea (eż. informazzjoni dwar il-qrati b'tagħmir għall-konferenzi bil-vidjo jew manwali).

    (14b)     Din id-Direttiva għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-esperjenza prattika miksuba. Jekk ikun xieraq, għandha tiġi emendata sabiex ittejjeb is-salvagwardji li tistabbilixxi.

    (15)       Is-salvagwardja tal-ġustizzja fil-proċedimenti teħtieġ li d-dokumenti essenzjali, jew tal-anqas il-passaġġi rilevanti ta' tali dokumenti, għandhom jiġu tradotti għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. ▌Xi dokumenti għandhom dejjem jitqiesu bħala dokumenti essenzjali għal dak il-għan u, għalhekk, għandhom jiġu tradotti, bħad-deċiżjoni li ċċaħħad lill-persuna mil-libertà tagħha, l-imputazzjoni jew akkuża u kwalunkwe sentenza. Hu fil-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jiddeċiedu, fuq mozzjoni tagħhom stess jew fuq talba tal-persuna suspettata jew akkużata jew tal-avukat tagħha, liema dokumenti oħra huma essenzjali għas-salvagwardja tal-ġustizzja tal-proċedimenti, u għandhom għalhekk jiġu tradotti wkoll.

    (16a)     L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-bażijiet ta' data nazzjonali għat-tradutturi jew interpreti legali meta dawn il-bażijiet ta' data jkunu jeżistu. F'dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-għan li jiġi provdut l-aċċess għall-bażijiet eżistenti ta' data permezz tal-portal E-Justice, kif pjanat fil-pjan ta' azzjoni dwar l-e-Justice Ewropea tas-27 ta' Novembru 2008[7].

    (16b)     Din id-Direttiva għandha tistipula regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni wkoll f'sitwazzjonijiet li mhumiex ittrattati b'mod espliċitu f’din id-Direttiva. Il-livell ta' protezzjoni qatt m'għandu jinżel taħt l-istandards previsti mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jew mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif interpretata fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (18)       ▌Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jikkorrispondu għal drittijiet garantiti mill-KEDB jew mill-Karta għandhom jiġu interpretati u implimentati b'mod konsistenti ma' dawk id-drittijiet, kif żviluppati fil-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    (19)       Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jinkisbu standards komuni minimi, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba d-daqs u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif imsemmi u definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

    (19a)     Bi qbil mal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    (19b)     Bi qbil mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1Kamp ta' applikazzjoni

    1.          Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew.

    2.          Dawk id-drittijiet japplikaw għal kwalunkwe persuna minn meta dik il-persuna tkun ġiet infurmata mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru, permezz ta' nofitika uffiċjali jew notifika oħra, li hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk il-persuna suspettat jew akkużata wettqitx ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta' sentenzi u r-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe appell.

    3.          Meta liġi ta' Stat Membru tipprovdi għall-impożizzjoni ta' sanzjoni dwar offiżi żgħar minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u dik is-sanzjoni tkun tista' tiġi appellata f'qorti bħal din, allura din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċedimenti quddiem dik il-qorti wara appell bħal dak.

    3a.        Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli tal-liġi nazzjonali dwar il-preżenza ta' avukat matul kwalunkwe stadju tal-proċedimenti kriminali, u lanqas ma taffettwa r-regoli tal-liġi nazzjonali dwar id-dritt għal aċċess tal-persuna suspettata jew akkużata għal dokumenti fil-proċedimenti kriminali.

    Artikolu 2

    Id-dritt għall-interpretazzjoni

    1.          L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata li ma tifhimx jew ma titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati, tiġi pprovduta b'interpretazzjoni mingħajr dewmien ▌matul proċedimenti kriminali quddiem l-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji, inkluż waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, matul is-seduti tal-qorti kollha u matul kwalunkwe seduti interim meħtieġa ▌.

    1a.        L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta neċessarju bil-għan li tkun żgurata l-ġustizzja fil-proċedimenti, l-interpretazzjoni tkun disponibbli għall-komunikazzjoni bejn il-persuna suspettata jew akkużata u l-avukat tagħha b'konnessjoni diretta ma' kwalunkwe mistoqsija jew smigħ matul il-proċedimenti jew mat-tressiq ta' appell jew applikazzjonijiet proċedurali oħra.

    2.          Id-dritt għall-interpretazzjoni jinkludi l-assistenza għal persuni bi problemi ta' smigħ jew taħdit.

    3.          L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċedura jew mekkaniżmu fis-seħħ biex jiddeterminaw jekk il-persuna suspettata jew akkużata ▌tifhimx u titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti kriminali u teħtieġx l-assistenza ta' interpretu.

    4.          L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ▌, skont proċeduri tal-liġi nazzjonali, il-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tikkontesta deċiżjoni ta' konklużjoni li m'hemmx il-ħtieġa ta' interpretazzjoni u, meta tiġi provduta l-interpretazzjoni, il-possibilità li tilmenta li l-kwalità tal-interpretazzjoni mhix suffiċjenti biex tiżgura l-ġustizzja tal-proċedimenti.

    4a.        Meta xieraq, tista' tintuża teknoloġija bħall-konferenzi bil-vidjo jew komunikazzjoni bit-telefon jew internet, sakemm il-preżenza fiżika tal-interpretu ma tkunx rikjesta sabiex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

    5.          Fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jipprovdu lill-kwalunkwe persuna li hi suġġetta għal tali proċedimenti li ma tifhimx jew ma titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti, b'interpretazzjoni skont dan l-Artikolu.

    5a.        L-interpretazzjoni provduta skont dan l-Artikolu għandha tkun ta' kwalità suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti, b'mod partikolari billi tiżgura li l-persuna suspettata jew akkużata fil-proċedimenti kriminali jkollha l-għarfien tal-każ kontriha u tkun kapaċi teżerċita d-dritt li tiddefendi ruħha.

    Artikolu 3Id-dritt għat-traduzzjoni ta' dokumenti essenzjali

    1.          L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'perjodu raġonevoli ta' żmien, persuna suspettata jew akkużata li ma tifhimx ▌il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati tiġi pprovduta bi traduzzjoni bil-miktub ▌tad-dokumenti kollha li huma essenzjali ▌biex ikun żgurat li din tkun kapaċi teżerċita d-dritt li tiddefendi ruħha u biex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti▌.

    2.          ▌Id-dokumenti essenzjali ▌għandhom jinkludu ▌d-deċiżjonijiet ▌ li jċaħħdu lil persuna mil-libertà tagħha, l-imputazzjoni jew akkuża u kwalunkwe sentenza▌.

    3.          L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedi fi kwalunkwe każ speċifiku jekk hux essenzjali kwalunkwe dokumenti ieħor. Il-persuna suspettata jew akkużata, jew l-avukat tagħha, jistgħu jippreżentaw talba motivata għal dan il-għan.

    3a.        Il-partijiet minn dokumenti essenzjali li mhumiex rilevanti sabiex il-persuna suspettata jew akkużata jkollha l-għarfien tal-każ kontriha m'għandhomx għalfejn jiġu tradotti.

    4.          L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ▌, skont proċeduri tal-liġi nazzjonali, il-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tikkontesta deċiżjoni ta' konklużjoni li m'hemmx il-ħtieġa ta' traduzzjoni ta' dokumenti jew partijiet minnhom u, meta tiġi provduta t-traduzzjoni, il-possibilità li tilmenta li l-kwalità tad-traduzzjoni mhix suffiċenti biex tiżgura l-ġustizzja tal-proċedimenti.

    5.          Fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jipprovdu lill-kwalunkwe persuna li hi suġġetta għal tali proċedimenti li ma tifhimx il-lingwa li biha tfassal il-Mandat ta' Arrest Ewropew, jew li ġie tradott għaliha mill-Istat Membru tal-ħruġ, bi traduzzjoni bil-miktub ta' dak id-dokument.

    6.          Bħala eċċezzjoni minn din ir-regola ġenerali stabbilita fil-paragrafi 1, 2, 3 u 5 hawn fuq, traduzzjoni orali jew sommarju orali tad-dokumenti essenzjali msemmija f'dan l-Artikolu ▌jistgħu jiġu provduti minflok traduzzjoni bil-miktub, bil-kundizzjoni li t-tali traduzzjoni orali jew sommarju orali ma jaffettwawx il-ġustizzja fil-proċedimenti.

    7.          Kwalunkwe rinunzja tad-dritt għal traduzzjoni tad-dokumenti msemmija f'dan l-Artikolu għandha tkun suġġetta għar-rekwiżiti li l-persuna suspettata jew akkużata tkun irċeviet parir legali minn qabel jew tkun kisbet b'mod ieħor għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tar-rinunzja tad-dritt tagħha, u li r-rinunzja kienet inekwivokabbli u ngħatat volontarjament.

    7a.        It-traduzzjoni provduta skont dan l-Artikolu għandha tkun ta' kwalità suffiċenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti, b'mod partikolari billi tiżgura li l-persuna suspettata jew akkużata fil-proċedimenti kriminali jkollha l-għarfien tal-każ kontriha u tkun kapaċi teżerċita d-dritt li tiddefendi ruħha.

    Artikolu 4L-ispejjeż tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni

    L-Istati Membri għandhom ikopru l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 2 u 3, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti.

    Artikolu 5Il-kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni

    1.          L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw li l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni pprovduti jissodisfaw il-kwalità rikjesta skont l-Artikoli 2(6) u 3(8).

    2.          Sabiex jippromwovu l-adegwatezza tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni u aċċess effiċenti għalihom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jistabbilixxu reġistru jew reġistri ta' tradutturi u interpreti indipendenti li huma kwalifikati b'mod xieraq. Reġistru jew reġistri bħal dawn, malli jkunu stabbiliti, għandhom isiru disponibbli għall-avukati jew għall-awtoritajiet relevanti.

    3.          L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interpreti u t-tradutturi se jintalbu li josservaw il-kunfidenzjalità dwar l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni provduti skont din id-Direttiva.

    Artikolu 5a

    Taħriġ

             Bla ħsara għall-indipendenza ġudizzjarja jew organizzazzjonijiet ġudizzjarji fl-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu minn dawk responsabbli mit-taħriġ tal-imħallfin, il-prosekuturi jew il-persunal ġudizzjarju involuti fil-proċedimenti kriminali biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-elementi partikolari tal-komunikazzjoni bl-assisentenza ta' interpretu sabiex tkun żgurata komunikazzjoni effiċenti u effettiva.

    Artikolu 5b

    Iż-żamma ta' rekords

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jkunu twettqu intervisti ma' persuna suspettata jew akkużata minn awtorità investigattiva jew ġudizzjarja bl-għajnuna ta' interpretu skont l-Artikolu 2, meta tkun provduta traduzzjoni orali jew sommarju orali tad-dokumenti essenzjali fil-preżenza ta' awtorità bħal dik skont l-Artikolu 3(6), jew meta jkun hemm rinunzja tad-drittijiet skont l-Artikolu 3(7), jiġi nnotat li dawk l-avvenimenti jkunu saru, permezz tal-proċedura ta' rekords bi qbil mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 6Klawsola ta’ nonrigressjoni

               Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jiġi miftiehem bħala li jillimita lil jew jidderoga minn xi drittijiet u salvagwardi proċedurali li jistgħu jiġu żgurati skont il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, skont dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali jew skont il-liġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru li jipprovdu livell ta' protezzjoni ogħla.

    Artikolu 7Implimentazzjoni

    1.          L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolament jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ▌ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard min ... [8]*.

    2.          ▌L-Istati Membri għandhom jibagħtu ▌lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponi fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skont din id-Direttiva.

    3.          Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din meta jkunu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi dwar kif isiru referenzi bħal dawn għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.

    Аrtikolu 8Rapport

    Il-Kummisjoni għandha, sa …[9]**, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-punt safejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, jekk meħtieġ, flimkien ma' proposti leġislattivi.

    Artikolu 9Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 10Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

    Il-President                                                   Il-President

    _______________

    • [1] *         Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
    • [2]           Opinjoni ... (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
    • [3]           ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.
    • [4]           ĠU C 205, 4.12.2009, p. 1.
    • [5]           COM (2009) 338, 8.3.2009.
    • [6]           COM (2010) 0082
    • [7]           ĠU C 75 of 03.03.09, p.1.
    • [8] *          Nota lill-ĠU: Daħħal id-data 36 xahar wara l-pubblikazzjoni ta' din id-Direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali.
    • [9] **         Nota lill-ĠU: Daħħal id-data 48 xahar wara l-pubblikazzjoni ta' din id-Direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Fl-2004 l-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar jeddijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali fl-UE (COM(2004)348, li kienet tkopri firxa konsiderevolment wiesgħa ta’ kwistjonijiet. Il-Parlament appoġġa b’saħħa din il-proposta, u qabel mal-Kummissjoni li l-fiduċja bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tikber bil-bosta jekk ikun hemm drittijiet armonizzati għal individwi involuti f’investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji.

    Madankollu, in-negozjati fil-Kunsill dwar din il-miżura wiesgħa ġew abbandunati fl-2007 minħabba n-nuqqas min-naħa tal-Istati Membri li jilħqu ftehim. Fit-tieni nofs tal-2009, il-Presidenza Svediża reġgħet tat impetu lill-isforzi fil-forma ta' 'Rotta programmatika' ġenerali (ĠU C 295, 4.12.2009, p1) dwar it-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali, li fiha spjegat l-approċċ pass pass aktar milli ressqet miżura komprensiva waħda.

    Il-Kunsill Ewropew laqa’ l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Rotta Programmatika, li fiha l-5 miżuri previsti huma dawk fl-ambitu tal-proposta tal-2004: id-dritt għal traduzzjoni u interpretazzjoni, id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet u dwar l-akkużi (‘Ittra tad-Drittijiet’); id-dritt għal parir legali u għal għajnuna legali; il-komunikazzjoni mal-awtoritajiet konsulari u ma’ partijiet terzi bħal min iħaddem, il-familja jew il-ħbieb; u d-dritt għal imputati vulnerabbli li jkollhom appoġġ speċifiku u salvagwardji. Barra minn hekk, hija prevista Green Paper dwar id-detenzjoni qabel il-proċess.

    Fil-Programm ta' Stokkolma l-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposti previsti fir-Rotta Programmatika għall-implimentazzjoni rapida tagħha, biex teżamina elementi addizzjonali ta' drittijiet proċedurali minimi għall-persuni akkużati u suspettati, u biex tevalwa jekk kwistjonijiet oħra pereżempju l-preżunzjoni ta' innoċenza hemmx bżonn li jiġu indirizzati, biex tkun promossa kooperazzjoni aħjar f'dan il-qasam.

    Bħala l-ewwel miżura tar-Rotta Programmatika, f'Lulju tal-2009 l-Kummissjoni pproponiet deċiżjoni ta' qafas tal-Kunsill (COM(2009)338) dedikata esklussivament għad-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-proċedimenti kriminali. Il-Parlament Ewropew ġie kkonsultat u ġie prodott abbozz ta' rapport mir-rapporteur preżenti (2009/0101 - PR/793491 - PE 430.359v01-00), iżda dan ma tmexxiex ’il quddiem minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. B’approċċ sfortunatament minimalista fir-rigward tal-impenn demokratiku, il-Parlament Ewropew la ġie kkonsultat dwar ir-Rotta Programmatika u lanqas dwar ir-Riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Deċiżjoni ta' Qafas dwar id-drittijiet lingwistiċi.

    Għal raġunijiet prattiċi, f'Diċembru tal-2009, il-Kummissjoni ma kinitx fil-qagħda li tressaq proposta bikrija għal Direttiva dwar id-drittijiet lingwistiċi u għalhekk dan sar minn grupp ta' Stati Membri (PE-CONS 1/10), bil-kontenut li rrifletta l-ftehim ta’ Ottubru 2009 bejn is-27 gvern dwar id-deċiżjoni ta’ qafas fil-kuntest tal-unanimità li dak iż-żmien kienet meħtieġa.

    Il-pożizzjoni tar-rapporteur

    Il-kooperazzjoni kriminali u ġudizzjarja tal-UE qed tiżviluppa b'mod żbilanċjat, b’aktar prijorità tingħata lill-ħtiġijiet tal-prosekuzzjoni u l-infurzar tal-liġi milli lid-drittijiet tad-difiża, filwaqt li n-nuqqas ta' salvagwardji proċedurali stretti għal individwi suġġetti għal sistemi ġudizzjarji li jistgħu ma jinftehmux kompletament huwa lakuna li ma għandhiex titħalla.

    Għalhekk, l-istimolu mġedded għal drittijiet proċedurali huwa apprezzat u għalkemm l-approċċ pass pass huwa t-tieni l-aħjar għażla, huwa aħjar minn ebda azzjoni, għalhekk hu essenzjali li l-moviment jibqa’ għaddej. Ir-Rotta Programmatika mhux biss għandha titlesta iżda miżuri marbuta mal-bini tal-kunfidenza u t-tisħiħ tad-drittijiet għandhom jiġu adottati fil-futur qrib: id-dritt li l-imputati barranin jitqiesu għall-għotji ta' ħelsien b’garanzija fuq bażi mhux diskriminatorja huwa prijorità urġenti. Il-proposti kollha tar-Rotta Programmatika għandhom jitressqu kemm jista’ jkun malajr ladarba d-drittijiet proċedurali huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. Pereżempju d-dritt għal traduzzjoni u interpretazzjoni effikaċi jista' jkun imdgħajjef minn nuqqas ta' informazzjoni dwar id-drittijiet jew in-nuqqas ta’ disponibilità ta' parir legali immedjat u mingħajr ħlas. Kull spiża addizzjonali li d-Direttiva se timponi fuq l-Istati Membri hija l-ispiża irriduċibbli li biha jiġu żgurati proċessi ġusti u li jiġi evitat li l-qrati jiżbaljaw fid-deċiżjonijiet tagħhom u li f’kull każ tkun bilanċjata minn anqas appelli u dewmien li jiswew il-flus. Kull Riżoluzzjoni dwar l-aħjar prattiki li tista’ tiġi adottata biex takkumpanja d-Direttiva għandha tinkludi miżuri prattiċi soda li jsaħħu l-implimentazzjoni tad-drittijiet stipulati fid-Direttiva.

    L-adeżjoni mal-istandards stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) għandha tifforma l-bażi għall-fiduċja reċiproka li fuqha r-rikonoxximent reċiproku tal-UE fi kwistjonijiet ġudizzjarji jkun kontinġenti u jirrappreżenta l-istandards minimi li taħthom ebda Stat tal-UE ma għandu jaqa’. Id-drittijiet f’din id-Direttiva għalhekk huma bbażati fuq l-Artikolu 5 (dwar id-dritt għal-libertà u s-sigurtà) u l-Artikolu 6 (dwar id-dritt għal proċess ġust) tal-Konvenzjoni. Għalkemm hemm sitwazzjonijiet li għalihom japplika l-Artikolu 5 li għalih din il-miżura tal-UE ma tapplikax, eżempju d-detenzjoni għal raġunijiet ta' saħħa mentali, huwa importanti li tiġi msemmija. L-Artikolu 5 jagħti d-dritt li persuna ma tkunx detenuta għajr bi ‘proċedura preskritta mil-liġi’ u għalhekk l-ambitu tiegħu huwa aktar wiesa’ minn dak li jseħħ fil-qorti; dan huwa rifless fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-interrogazzjoni ta’ qabel il-proċess.

    Ladarba l-UE qed timmira li tistabbilixxi żona unika ta’ ġustizzja, b’regoli komuni u kooperazzjoni intensiva, id-Direttiva u miżuri oħra li għandhom isegwu ma jridux jirrispettaw il-KEDB biss iżda għandhom ukoll jibnu fuqha skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, sabiex jiġu stabbiliti standards tal-UE għall-ħarsien tas-suspettati u tal-imputati fuq livell ogħla.

    Dan ir-rapport jemenda l-proposta tal-Istat Membru f’bosta modi, inkluż:

    - ir-referenza għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE kif ukoll għall-KEDB

    - l-applikabilità tad-drittijiet li għandhom jidħlu fis-seħħ mhux biss b’interrogazzjoni jew arrest iżda anki permezz tal-fatt li s-suspettat ikun informat mill-awtoritajiet li hemm suspett dwaru;

    - l-estensjoni tad-drittijiet li jkopru l-fażijiet kollha tal-proċedimenti inkluż is-sentenza, l-appelli u d-detenzjoni sakemm il-proċedimenti kriminali jkunu finalment konklużi;

    - jispeċifika li s-suspettat għandu jkun mgħarraf bil-miktub dwar id-drittijiet tiegħu;

    - appoġġ għal persuni b'nuqqas ta' ħiliet lingwistiċi li jiġi estiż għal dawk kollha bi problemi fiżiċi u mentali;

    - interpretazzjoni tal-komunikazzjonjiet bejn is-suspettat u l-avukat kif ukoll it-traduzzjoni tal-parir legali;

    - materjal bil-miktub tradott biex jinkludi d-dokumenti essenzjali kollha tal-każ;

    - appelli biex jitressqu lil awtorità ġudizzjarja u l-ħolqien ta’ mekkaniżmu għall-ilmenti;

    - jiżdiedu d-dispożizzjonijiet għat-taħriġ, u għall-kwalifiki u r-reġistrazzjoni tal-interpreti u t-tradutturi;

    - żieda ta’ salvagwardji addizzjonali: iż-żamma ta' rekordji, żmien adegwat u faċilitajiet, u skadenzi proċedurali li jqisu l-bżonnijiet tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni.

    PROĊEDURA

    Titolu

    Id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali

    Referenzi

    (00001/2010 – C7-0005/2010 – 2010/0801(COD))

    Kumitat responsabbli

      Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    LIBE

    8.2.2010

    Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

      Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    JURI

    8.2.2010

     

     

     

    Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

      Data tad-deċiżjoni

    JURI

    8.3.2010

     

     

     

    Rapporteur(s)

    Data tal-ħatra

    Baroness Sarah Ludford

    26.1.2010

     

     

    Eżami fil-kumitat

    17.3.2010

    10.6.2010

     

     

    Data tal-adozzjoni

    10.6.2010

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    38

    1

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Jan Philipp Albrecht, Sonia Alfano, Emine Bozkurt, Simon Busuttil, Carlos Coelho, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Gál, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Monica Luisa Macovei, Nuno Melo, Claude Moraes, Carmen Romero López, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Rui Tavares, Axel Voss, Tatjana Ždanoka

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Edit Bauer, Andrew Henry William Brons, Anna Maria Corazza Bildt, Ioan Enciu, Ana Gomes, Stanimir Ilchev, Mariya Nedelcheva, Zuzana Roithová, Ernst Strasser, Kyriacos Triantaphyllides, Rainer Wieland, Cecilia Wikström

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    George Lyon, Diana Wallis