RAPPORT dwar il-proposta tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen relatati mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija
11.6.2010 - (06714/2010 – C7-0067/2010 – 2010/0814(NLE)) - *
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Carlos Coelho
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen relatati mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija
(06714/2010 – C7-0067/2010 – 2010/0814(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06714/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) ta' l-Att ta’ Adeżjoni tal-25 ta’ April tal-2005[1], skont liema Artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7 0067/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0199/2010),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali ;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Emenda 1 Abbozz ta’ deċiżjoni Premessa 3 | |
Test propost mill-Kunsill |
Emenda |
Fi XXXX 2010, il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f'dan il-qasam kienu ġew sodisfatti mir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija. Għaldaqstant huwa possibbli li tiġi stabbilita data minn meta l-acquis ta' Schengen relatat mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) jista' japplika f'dawk l-Istati Membri. |
Fi XXXX 2010, il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f'dan il-qasam kienu ġew sodisfatti mir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija. Għaldaqstant huwa possibbli li tiġi stabbilita data minn meta l-acquis ta' Schengen relatat mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) jista' japplika f'dawk l-Istati Membri. |
|
Kull Stat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bil-miktub, matul il-perjodu semestrali li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, dwar is-segwitu li beħsiebhom jagħtu għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti tal-valutazzjoni u huma msemmijin fis-segwitu li għadhom iridu jiġu implimentati. |
- [1] ĠU L 157, 21.6.2005, p. 204.
NOTA SPJEGATTIVA
A. Sfond
Ir-Rumanija u l-Bulgarija adottataw l-acquis ta’ Schengen meta ssieħbu fl-UE fl-2007. Skont it-termini tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni, il-verifika permezz tal-proċeduri ta’ valutazzjoni li r-rekwiżiti neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis Schengen (il-Protezzjoni tad-Dejta, is-Sistema ta' Informazzjoni ta’ Schengen, il-Fruntieri Aerji, il-Fruntieri Terrestri, il-Fruntieri Marittimi, il-Kooperazzjoni bejn il-Korpi tal-Pulizija u l-Viżi) ġew sodisfatti mill-Istati Membri l-ġodda hija kondizzjoni għall-Kunsill ħalli jiddeċidi fuq l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma’ dawk l-Istati Membri.
Il-valutazzjonijiet għal kull Stat Membru ġdid għandhom jibdew wara li tkun saret talba mill-Istat Membru li jkun (dikjarazzjoni ta' tħejjija). Għandhom isiru taħt ir-responsabbiltà tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Valutazzjoni Schengen (SCH-EVAL), li jibda bi kwestjonarju lill-Istat Membru dwar il-partijiet kollha tal-acquis Schengen u jkun segwit bi żjarat valutattivi. Timijiet ta' esperti għandhom jintbagħtu fis-SIS, bureaux tas-SIRENE, Konsolati, Fruntieri, eċċ, u għandhom iħejju rapporti eżawrijenti li jkun fihom deskrizzjonijiet fattwali, valutazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li jistgħu jeħtieġu provvedimenti addizzjonali u żjarat ta' segwitu; Ir-rapport finali għandu jistabbilixxi jekk l-Istat Membru l-ġdid konċernat, wara li jkun għadda mill-proċedura sħiħa tal-valutazzjoni, jissodisfax il-kondizzjonijiet ewlenin għall-applikazzjoni prattika.
L-abbozz ta' deċiżjoni preżenti li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relattivi għas-Sistema ta' Informazzjoni Schengen (SIS) fil-Bulgarija u r-Rumanija huma l-ewwel pass lejn it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-UE mal-Bulgarija u r-Rumanija. It-tneħħija tal-fruntieri se tkun soġġett għal deċiżjoni separata tal-Kunsill aktar ’il quddiem, wara li jsiru aktar valutazzjonijiet.
Il-Kunsill irrefera għall-abbozz ta’ deċiżjoni preżenti konċernanti l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet marbutin mas-SIS fil-Bulgarija u r-Rumanija lill-Parlament Ewropew. Skont l-Att tal-Adeżjoni tal-2005, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw biss skont it-termini ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, wara li jkun ikkonsultat il-Parlament u wara li ssir il-verifika a tenur tal-istess, permezz tal-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni Schengen, li r-rekwiżiti għall-applikazzjoni ġew sodisfatti fl-Istat Membru kkonċernat.
Il-Grupp ta' Ħidma ta' Valutazzjoni Schengen fil-Kunsill ivverifika jekk il-Bulgarija u r-Rumanija jiżgurawx livelli sodisfaċenti ta’ protezzjoni tad-dejta u wasal għal konklużjoni ġeneralment pożittiva. Bħala konsegwenza, l-abbozz ta' deċiżjoni għandu l-objettiv li jipprefiġġi data li minnha d-dispożizzjonijiet relattivi għas-SIS jibdew japplikaw. Sussegwentement, id-dejta vera tas-SIS ikunu ttrasferiti lejn il-Bulgarija u r-Rumanija, u jkunu jistgħu jdaħħlu d-dejta u jużaw id-dejta SIS, soġġett għal ċerti restrizzjonijiet.
1. Il-valutazzjoni Schengen tal-Bulgarija u r-Rumanija f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tad-dejta
L-applikazzjoni korretta mill-Bulgarija u r-Rumanija tal-acquis Schengen f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tad-dejta ġiet ivvalutata mis-27 sat-30 ta’ April 2009, skont ma jingħad fil-mandat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Valutazzjoni Schengen.
a. il-Bulgarija
F’dak li għandu x’jaqsam mal-Bulgarija, il-kumitat tal-esperti apprezza l-inizjattivi mill-ministeri differenti għalbiex tkun żviluppata skema li tiggarantixxi l-informazzjoni b'mod komplessiv għas-suġġetti tad-dejta dwar jeddijiethom. In-nuqqasijiet li ġew identifikati kienu jikkonċernaw l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni relevanti, partikolarment konċernanti r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (87)15 regolanti l-użu tad-dejta personali fil-qasam tal-pulizija, u l-ħtieġa ta’ rapporti konċernanti l-eżekuzzjoni tal-jeddijiet tas-suġġetti tad-dejta u dwar l-attivitajiet tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali (CPDP).
Sa Jannar 2010, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet, il-Bulgarija eżegwiet l-emendi legali neċessarji għalbiex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (87)15. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-jeddijiet tas-suġġetti tad-dejta, il-Bulgarija saħħet il-kooperazzjoni bejn is-CPDP u awtoritajiet oħrajn u ħadet passi ħalli tqanqal kuxjenza pubblika, ngħidu aħna permezz ta' websajt ġdida.
b. ir-Rumanija
Għal dak li għandu x'jaqsam mar-Rumanija, il-kumitat tal-esperti apprezza l-ispezzjonijiet li saru mill-2006 tal-awtoritajiet li se jużaw is-SIS. Id-dgħjufijiet misjubin kienu jikkonċernaw l-adozzjoni pendenti ta' żewġ liġijiet regolanti l-ipproċessar tad-dejta personali marbuta mas-SIS, il-premessi u r-riżorsi tal-Awtorità Nazzjonali ta' Superviżjoni (NSAPDP) u l-introduzzjoni ta' kontrolli perijodiċi u mhux ippjanati b'rabta mad-dejta Schengen.
Sa Frar 2010, fis-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet, ir-Rumanija rrappurtat li l-liġi regolanti l-ipproċessar tad-dejta personali u li timplimenta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (87)15 kienet ġiet ippubblikata u l-adozzjoni ta' struzzjonijiet li jimplimentaw il-liġi kienu għadhom pendenti; għal dak li għandu x’jaqsam mat-twaqqif, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Sistema Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar l-Allerti, l-approvazzjoni interministerjali għadha pendenti. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-bini u r-riżorsi tal-Awtorità Superviżorja Nazzjonali saru sforzi notevoli ħalli jkun hemm ottemperanza mar-rakkomandazzjoni. Ir-Rumanija rrapportat ukoll li l-persuni responsabbli mill-protezzjoni tad-dejta personali għamlu kontrolli interni mhux ippjanati dwar l-implimentazzjoni tal-provvedimenti ta’ sigurtà.
Fit-26 ta’ April 2010, il-Kunsill ikkonkluda li r-rekwiżiti fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta kienu ġew sodisfatti u li ma hemm xejn li jipprevjeni l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis Schengen relatati mas-SIS u għalhekk tal-loading tad-dejta SIS vera, hekk kif il-Bulgarija u r-Rumanija jkunu teknikament pronti f’dan is-sens.
Skont il-pjan SISone4ALL għall-konnessjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mas-SIS II, mid-9 ta’ Marzu 2010, huwa mistenni li ż-żewġ pajjiżi jkunu teknikament pronti sa Ottubru 2010.
2. Il-passi li jmiss
Ladarba d-dejta SIS vera tkun ġiet ittrasferita lill-Bulgarija u lir-Rumanija, il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Valutazzjoni Schengen jivverifika li hemm l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tas-SIS.
Skont il-pjan SISone4ALL għall-konnessjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mas-SIS II, mid-9 ta’ Marzu 2010, il-valutazzjoni tas-SIS għall-Bulgarija hija skedata għal bejn it-22 u s-26 ta' Novembru 2010 u għar-Rumanija bejn id-29 ta’ Novembru u t-3 ta’ Diċembru 2010.
3. Il-Bulgarija u r-Rumanija japplikaw għal tisħib fis-SISOne4ALL flok fis-SISII
Minħabba d-dewmien kbir fl-iżvilupp tas-SISII, il-Bulgarija u r-Rumanija ddeċidew li ma jistennewx sa ma jibdew l-operazzjonijiet tas-SISII (li s’issa għadhom mingħajr skedarju konkret), imma li jagħmlu domanda ħalli jissieħbu mas-SISOne4ALL kurrenti. B’danakollu, is-SIS1+RE ta’ bħalissa għandu biss żewġ spazji vojta, li huma ġa rriżervati għar-Renju Unit u l-Irlanda. Huwa mistenni li din il-problema ta’ nuqqas ta’ disponibilità ta’ spazji vojta tissolva sal-aħħar ta' Awwissu ta' din is-sena, ħalli kull pajjiż ġdid ikun jista' jissieħeb mas-SIS1+RE permezz ta' upgrade tekniku li qiegħed isir mis-sistema ta' bħalissa u li għandu jkun lest fil-ħin ħalli jippermetti lil dawn iż-żewġ pajjiżi jikkonettu mas-SIS skont l-iskedarju.
4. Reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni Schengen
F’Marzu 2009, il-Kummissjoni ssottomettiet proposti għall-emendar tal-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni Schengen, COM(2009)102, imsejjes fuq l-Artikolu 66 KE, u COM(2009)105, imsejjes fuq l-hekk-imsejjaħ tielet pilastru, fuq l-Artikoli 30 u 31 tat-Trattat dwar l-UE.
Fl-20 ta’ Ottubru 2009, il-Parlament irriġetta l-proposti tal-Kummissjoni, u talab lill-Kummissjoni tirtirahom u tissottometti proposti ġodda. Il-Parlament argumenta li l-bażijiet legali tal-proposti, kif issuġġeriti mill-Kummissjoni, ma kinux iqisu suffiċjentement ir-rwol tal-Parlament fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Billi l-valutazzjoni kopriet is-SIS, il-VIS, il-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen u l-Kodiċi tal-Viżi, fost l-oħrajn, li huma strumenti li ġew adottati b'kodeċiżjoni, il-Kummissjoni kellha tissottometti proposti ġodda. Il-proposti l-ġodda għandhom jgħaddu bil-proċedura ta’ kodeċiżjoni u jistgħu jistabbilixxu l-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni permezz tal-emendar tal-istrumenti speċifiċi.
Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-proposta tat-tielet pilastri sfat obsoleta. B’danakollu, il-proposta l-oħra COM(2009)102 baqgħet pendenti. Il-Kummissjoni għadha ma rtiratx dawn il-proposti. Fil-komunikazzjoni "omnibus" tagħha tat-2 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni ssuġġeriet l-Artikolu 74 TFUE bħala l-bażi legali l-ġdid skont it-Trattat ta' Lisbona[1].
Fil-25 ta’ Novembru 2009, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stokkolma, il-Parlament ikkonferma l-pożizzjoni tiegħu li hemm ħtieġa għar-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni Schengen b’mod li jitqies ir-rwol tal-Parlament fil-Qasam tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja skont it-Trattat ta’ Lisbona b’mod adegwat[2].
Pożizzjoni tar-Rapporteur
Ir-Rapporteur ifakkar li l-Parlament Ewropew u b’mod partikolari l-Membri tal-Kumitat LIBE għandu jkollhom aċċess għar-rapporti ta’ valutazzjoni u għal kull tagħrif ieħor relevanti konċernanti l-implimentazzjoni ta' kull rakkomandazzjoni possibbli li ssir, qabelma jagħti opinjoni raġunata u motivata.
Jistenna li l-Kunsill, mhux biss f'dak li għandu x'jaqsam mal-valutazzjoni preżenti dwar il-protezzjoni tad-dejta, imma wkoll għall-valutazzjonijiet l-oħrajn li se jsiru fl-oqsma rimanenti, għandu jkun jista’ jiżgura li l-Parlament Ewropew jingħata t-tagħrif kollu rikjest u disponibbli ħalli jagħti deċiżjoni kif għandu jkun u jeżerċita l-iskrutinju demokratiku neċessarju.
L-emenda proposta tipprova tiżgura li l-Parlament Ewropew jinżamm infurmat, bħall-Kunsill, dwar is-segwitu magħmul mill-Bulgarija u mir-Rumanija għan-nuqqasijiet identifikati mill-esperti matul il-valutazzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta.
Ir-Rapporteur jieħu l-opportunità jfakkar dwar il-ħtieġa għat-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ valutazzjoni sempliċi, effettiv u trasparenti, li jkun jikkomplimenta l-valutazzjoni Schengen ta’ bħalissa u jippermetti li z-zona Schengen tkun preżervata bħala zona ta' liberu moviment. Minħabba l-fatt li l-kwestjoni tittratta s-sigurtà taz-zona Schengen u taċ-ċittadini tagħha, il-parteċipanti kollha għandhom ikunu involuti sew fit-twaqqif ta’ din is-sistema ġdida ta’ valutazzjoni, li tagħmilha possibbli li tkun garantita s-sigurtà u li jissaħħaħ il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li hu essenzjali għaż-żamma taz-zona Schengen.
- [1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa " (COM(2009)0665) finali, 2.12.2009, bl-annessi.
- [2] Paragrafi 13 u 148.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.6.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
36 1 3 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Philipp Albrecht, Sonia Alfano, Emine Bozkurt, Simon Busuttil, Carlos Coelho, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Gál, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Monica Luisa Macovei, Nuno Melo, Claude Moraes, Carmen Romero López, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Rui Tavares, Kyriacos Triantaphyllides, Axel Voss, Tatjana Ždanoka |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Andrew Henry William Brons, Anna Maria Corazza Bildt, Ioan Enciu, Ana Gomes, Stanimir Ilchev, Mariya Nedelcheva, Zuzana Roithová, Ernst Strasser, Rainer Wieland, Cecilia Wikström |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
George Lyon, Diana Wallis |
|||||