RAPPORT rigward il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea

16.6.2010 - (2009/2153(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: José Manuel Fernandes

Proċedura : 2009/2153(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0203/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

rigward il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea

(2009/2153(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat FUE, li għandhom l-għan li jippromwovu livell għoli ta' ħarsien għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea (COM(2008)0811),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-25 ta' Ġunju 2009 (11462/09 tas-26 ta' Ġunju 2009),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar l-iskart[1],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma[2],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' Jannar 2002 dwar il-pożizzjoni komuni ddefinita mill-Kunsill intiża għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità Ambjentali[3];

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2008 dwar l-agrikoltura sostenibbli u l-bijogass: il-ħtieġa ta' reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE[4];

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar l-2050: Il-Ġejjieni jibda llum - Rakkomandazzjonijiet għal politika integrata futura tal-UE dwar il-bidla fil-Klima'[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal-protezzjoni tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2005 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill sabiex jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta' skart[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar il-parti tal-enerġija li tista' tiġġedded fl-UE u l-proposti għal azzjonijiet konkreti[10],

–   wara li kkunsdira r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi[11],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2007 dwar l-istrateġija tematika għar-riċiklaġġ tal-iskart[12],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Biedja u Iżvilupp Rurali (A7-0203/2010),

A. billi l-inizjattiva tal-Kummissjoni promossa fil-Green Paper tagħha tipprovdi opportunità għal azzjoni Komunitarja għall-ġestjoni tal-bijoskart,

B.  billi ġestjoni korretta tal-bijoskart iġġib magħha vantaġġi mhux biss ambjentali, iżda wkoll soċjali u ekonomiċi,

C. billi l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart tipprevedi li jistgħu jiġu stipulati regoli speċifiċi jew supplimentati dwar il-ġestjoni ta' kategoriji partikolari ta' skart permezz ta' direttivi individwali,

D. billi d-Direttiva 99/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma ma toffrix strumenti suffiċjenti għal ġestjoni sostenibbli tal-iskart organiku,

E.  billi r-regoli dwar il-ġestjoni tal-bijoskart huma frammentati u l-istrumenti leġiżlattivi attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati tal-ġestjoni effikaċi tal-bijoskart; billi, konsegwentement, hija meħtieġa direttiva speċifika għall-ġestjoni tal-bijoskart; billi l-kumpilazzjoni tad-diversi regoli dwar il-ġestjoni tal-bijoskart f'leġiżlazzjoni waħda huwa fih innifsu ta' eżerċizzju ta' eċċellenza leġiżlattiva u regolamentazzjoni aħjar. Direttiva speċifika għal ġestjoni tal-bijoskart toffri aktar ċarezza, semplifikazzjoni u sorveljanza u infurzar aħjar tal-implimentazzjoni kif ukoll ċertezza ġuridika f'dan il-qasam, u b'hekk tiggarantixxi l-fiduċja għal żmien twil ta' investituri pubbliċi u privati,

F.  billi l-konklużjonijiet tal-konferenza dwar ir-riċiklaġġ tal-bijoskart fl-Ewropa, li saret f'Barċellona fil-15 ta' Frar 2010 bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew[13], iddikjaraw li huwa neċessarju li naġixxu biex noħolqu qafas leġiżlattiv Ewropew dwar il-bijoskart, minħabba li dan hu mument kruċjali biex nippromvowu tali regolamentazzjoni,

G. billi direttiva speċifika dwar il-bijoskart għandu tkun flessibbli biżżejjed sabiex tkopri d-diversi għażliet ta' ġestjoni disponibbli, filwaqt li jitqies li hemm għadd kbir ta' varjabbli u kunsiderazzjonijiet lokali li jeħtieġ li jitqiesu,

H. jinnota l-potenzjal mhux esplorat tal-bijoskart ġestit skont politiki ferm differenti differenti politiki f'kull Stat Membru; billi titjib fil-ġestjoni ta' dan l-iskart huwa meħtieġ sabiex ikun hemm ġestjoni effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi; billi l-ġbir separat tal-bijoskart għandu jiġi intensifikat sabiex jintlaħqu l-miri għar-riċiklaġġ u għall-enerġiji li jiġġeddu u b'hekk jingħata kontribut għall-ilħuq tal-għanijiet tal-istrateġija UE 2020, partikolarment fl-ambitu tal-objettiv fundamentali tal-effiċjenza tar-riżorsi,

I.   billi l-ġbir separat jippermetti, b'mod partikolari, l-aħjar ġestjoni ta' ċerti tipi ta' bijoskart, jiġifieri l-iskart tal-kċejjen fil-livell tal-konsumatur u tal-catering u anke l-iskart bijodegradabbli u tajjeb għall-kompostaġġ mir-ristoranti li jużaw platti li jintremew,

J.   billi l-kompostaġġ tal-iskart organiku jippermetti r-riċiklaġġ ta' prodotti bijodegradabbli u li jistgħu isiru kompost li huma diġà koperti minn inizjattiva Komunitarja (Inizjattiva ta' Swieq Gwida - Lead Market Initiative),

K. billi jeħtieġ li jiġu definiti standards ta' kwalità fuq il-livell tal-UE għat-trattament tal-bijoskart u għall-kwalità tal-kompost; billi r-regolamentazzjoni tal-parametri tal-kwalità għall-kompost, li tinkludi approċċ integrat li jiggarantixxi t-traċċabilità, il-kwalità u s-sikurezza fl-użu, se jagħmilha possibbli li tinbena l-fiduċja tal-konsumatur f'dan il-prodott; billi l-kompost għandhom jiġi klassifikat skont il-kwalità tiegħu, sal-punt li l-użu tal-kompost ma jipproduċi l-ebda effett ta' ħsara għall-ħamrija u għall-ilma tal-pjan, u partikolarment għall-prodotti agrikoli li jikbru f'dik il-ħamrija,

L.  billi, minħabba l-implimentazzjoni fqira tagħhom, l-objettivi stabbiliti biex il-bijoskart ma jibqax jintrema fil-landfills jirrikjedu linji gwida leġiżlattivi addizzjonali biex jintlaħqu,

M. billi miżuri ta' protezzjoni jistgħu jkunu neċessarji biex jiggarantixxu li l-użu tal-kompost ma jirriżultax fi tniġġis tal-ħamrija jew tal-ilma tal-pjan,

N.  billi l-possibilitajiet għall-użu ta' kompost ta' kwalità fqira sabiex ma jsirx ħsara lill-ambjent jew lil saħħet il-bniedem għandhom jiġu kkunsidrati u valutati wkoll, u billi, fil-livell ta' UE, id-definizzjoni korretta tal-possibilitajiet għall-użu ta' kompost ta' kwalità fqira u d-definizzjoni ta' meta l-kompost jitqies bħala prodott u meta jitqies bħal skart jagħmlu iktar faċli biex l-Istati Membri jorjentaw ruħhom meta jiġu biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-użu tal-kompost,

O.  billi Ewropa effiċjenti mil-lat tar-riżorsi hija punt essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għaldaqstant għandha titħeġġeġ l-effiċjenza tar-riżorsi; billi r-riċiklaġġ tal-bijoskart jikkontribwixxi għaż-żieda tal-effiċjenza tar-riżorsi,

P.  billi l-bijoskart umdu jbaxxi l-effiċjenza tal-inċinerazzjoni; billi l-inċinerazzjoni tal-bijoskart hija indirettament inkoraġġita mid-Direttiva dwar l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; billi l-bijoskart jista' jagħti kontribut aħjar għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bis-saħħa tar-riċiklaġġ tiegħu f'kompost biex titjieb il-kwalità tal-ħamrija u s-sekwestru tal-karbonju li attwalment mhuwiex promoss mid-Direttiva dwar elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija li tiġġedded,

Q. billi l-proċess ta' diġestjoni anaerobika għall-produzzjoni ta' bijogass proċess effiċjenti ta' rkupru ta' enerġija; billi d-diġestat tiegħu tista' għaldaqstant tintuża għall-produzzjoni tal-kompost,

R.  billi l-għan ewlieni tal-ġestjoni xierqa tal-bijoskart għandu jkun ir-riżultat, li jfisser li l-għażliet teknoloġiċi kollha għall-ġestjoni tal-bijoskart jistgħu jinżammu miftuħa biex iħeġġu l-innovazzjoni, ir-riċerka xjentifika u l-kompetittività,

S.  billi teżisti sinerġija sinifikanti bejn il-tranżizzjoni lejn soċjetà ta' riċiklaġġ li tiżviluppa ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u l-potenzjal għall-ħolqien ta' impjiegi ħodor f'dan il-qasam, u b'konsegwenza ta' dan jeżisti bżonn biex l-approprjazzjonijiet jiġu allokati għar-riċerka dwar l-impatt fuq l-ambjent tax-xogħol tal-ġbir u tal-ġestjoni tal-bijoskart,

T.  billi l-Kummissjoni u lill-Istati Membri għandhom jippromwovu attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni ambjentali fil-qasam tal-bijoskart, b'mod partikolari fl-iskejjel, sabiex titrawwem il-ġestjoni sostenibbli tal-iskart solidu urban u ssir sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-vantaġġi tal-ġbir separat; billi l-muniċipalitajiet u l-impriżi muniċipali jiżvolġu rwol importanti fil-qasam tal-konsulenza u informazzjoni lill-pubbliku dwar il-prevenzjoni tal-iskart,

U. billi l-bijoskart jirrappreżenta 'l fuq minn 30% tal-iskart solidu urban; billi l-volum tal-bijoskart qed jiżdied fl-Unjoni Ewropea, u jirrappreżenta sors sinifikanti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u effetti ambjentali oħra negattivi meta jintrema fil-landfills, f'kundizzjonijiet li minħabba fihom il-ġestjoni tal-iskart hija llum ir-raba' sors l-aktar importanti ta' gassijiet serra,

V. billi mhux il-bijoskart li joriġina mid-djar biss qiegħed ikun ittrattat b'mod sostenibbli fil-prattika,

W. billi l-ġestjoni ta' dan it-tip ta' skart għandu jkun strutturat skont il-'ġerarkija tal-iskart': il-prevenzjoni u t-tnaqqis, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, it-tipi oħra ta' rkupru, b'mod partikolari għal skopijiet ta' enerġija, u bħala l-aħħar għażla, it-tfigħ fil-landfills (skont il- Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart), li skontha r-riċiklaġġ tal-bijoskart huwa preferibbli mill-inċinerazzjoni, billi mhux biss jevita l-formazzjoni ta' gass metanu, iżda wkoll jikkontribwixxi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi jissekwestra l-karbonju u jtejjeb il-kwalità tal-ħamrija; billi l-prevenzjoni hi l-għan prijoritarju fil-ġestjoni tal-bijoskart u tagħti lok, b'mod partikolari, li jiġi evitat l-iskart tal-ikel u l-iskart aħdar, pereżempju permezz tat-titjib fl-ippjanar ta' ġonna pubbliċi bi pjanti u siġar b'livell baxx ta' manutenzjoni,

X. billi, jekk irridu navvanzaw lejn ġestjoni tal-bijoskart effikaċi mil-lat ambjentali, jeħtieġ li l-kwistjoni titqies minn perspettiva integrata fil-politiki fil-qasam tal-enerġija u ħarsien tal-ħamrija, konformi mal-objettivi ta' mitagazzjoni tat-tibdil fil-klima; billi vantaġġ ulterjuri huwa kkostitwit mill-konservazzjoni tal-bijodiversità meta l-bijoskart ittrattat jintuża bħala sostitut għall-pit u b'hekk jitħarsu l-ekosistemi ta' artijiet mistagħdra,

Y. billi d-diġestjoni anaerobika li tipproduċi l-bijogass mill-bijoskart tista' tagħti kontribut siewi lill-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi fl-UE u għall-ilħuq sostenibbli tal-objettivi tal-UE fil-qasam tal-enerġiji li jiġġeddu,

Z.  billi l-bijoskart għandu jitqies bħala riżorsa naturali ta' valur li jista' jintuża għall-produzzjoni ta' kompost ta' kwalità għolja, u b'hekk jgħin fil-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-ħamrija fl-Ewropa, iż-żamma tal-produttività tal-ħamrija, jitnaqqas l-użu ta' fertilizzanti kimiċi fl-agrikoltura, u speċjalment ta' dawk abbażi ta' fosfru, u jsaħħu l-kapaċità tal-ħamrija li żżomm l-ilma,

AA.billi fl-Istati Membri jintużaw sistemi differenti ta' ġestjoni tal-iskart, u billi t-tfigħ fil-landfills għadu l-aktar metodu użat ta' rimi ta' skart solidu urban fl-Unjoni Ewropea, minkejja li huwa l-agħar għażla għall-ambjent,

AB.billi l-produzzjoni ta' fjuwil għal finijiet ta' trasport mill-bijoskart toffri vantaġġ ambjentali sinifikanti;

AC.billi r-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-ġestjoni tal-bijoskart għandhom jiġu mħeġġa,

AD.billi l-ġbir separat bħalissa jagħmilha possibbli li tkun evitata l-kontaminazzjoni u jgħin biex jintlaħaq l-għan ta' kisba ta' kompost ta' kwalità għolja, jipprovdi materjali ta' kwalità għar-riċiklaġġ tal-bijoskart u jagħmel l-irkupru tal-enerġija aktar effiċjenti,

AE.billi l-istudji disponibbli u l-esperjenzi fid-diversi Stati Membri juru huwa importanti li l-ġbir separat ikun kemm pratikabbli kif ukoll sostenibbli mil-lat ambjentali u ekonomiku u li għandu jsir obbligatorju; billi l-ġbir separat għandu jkun il-prerekwiżit għall-produzzjoni ta' kompost ta' kwalità għolja,

Leġiżlazzjoni:

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti applikabbli għall-bijoskart bil-ħsieb li, b'mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, tfassal proposta għal direttiva speċifika sal-aħħar tal-2010, inkluż fost l-oħrajn;

- it-twaqqif ta' sistema ta' ġbir separat obbligatorja għall-Istati Membri, ħlief fejn dan ma jkunx għażla xierqa mil-lat ambjentali u ekonomiku,

- ir-riċiklaġġ tal-bijoskart,

- sistema ta' klassifikazzjoni tal-kwalità tad-diversi tipi ta' kompost li ġejjin mill-bijoskart;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi kwantifikazzjoni skont il-Pjan Nazzjonali dwar l-Emissjonijiet tat-tnaqqis ekwivalenti għal CO2 miksub mir-riċiklaġġ u mill-kompostaġġ;

3.   Jinnota li qafas tal-Unjoni Ewropea tal-ġejjieni jipprovdi gwida u ċarezza legali għal bosta Stati Membri u jinkoraġġihom biex jinvestu fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart bijoloġiku; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ separazzjoni tal-iskart u biex iddaħħal xi għanijiet li jorbtu u li jkunu ambizzjużi għar-riċiklaġġ ta' dan l-iskart;

4.  Ifakkar li s-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità Ambjentali 2001-2010 tat-22 ta' Lulju 2002, fl-Artikolu 8(2)(iv) tiegħu kien jipprevedi l-obbligu għall-Kummissjoni biex tiżviluppa leġiżlazzjoni dwar l-iskart bijodegradabbli bħala azzjoni ta' prijorità biex jintlaħaq l-objettiv ta' użu sostenibbli u amministrazzjoni tar-riżorsi naturali u tal-iskart, iżda li anke wara tmien snin ma tressqet l-ebda proposta leġiżlattiva, mhux aċċettabbli,

5.   Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, tfassal sistema mtejba għall-ġestjoni tal-bijomassa fir-rigward tar-riċiklaġġ tal-bijoskart miġbur separatament, l-użu tal-kompostaġġ għal benefiċċju agrikolu u ekoloġiku, l-alternattivi ta' trattament mekkaniku/bijoloġiku, u l-użu tal-bijoskart bħala sors għall-ġenerazzjoni tal-enerġija; iqis li din il-valutazzjoni tal-impatt għandha tintuża bħala bażi għat-tħejjija ta' qafas legali tal-Unjoni Ewropea ġdid dwar l-iskart bijodegradabbli;

Użu:

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kriterji flimkien mal-Istati Membri għall-produzzjoni u l-użu ta' kompost ta' kwalità għolja u biex jiġi adottati rekwiżiti minimi għall-prodotti finali, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, li jippermetti l-klassifikazzjoni tal-kwalità għat-tipi differenti ta' użu għad-dviersi tipi ta' kompost miksuba permezz tat-trattament tal-bijoskart fil-qafas ta' strateġija bbażata fuq approċċ integrat li jiggarantixxi mhux biss il-kwalità iżda wkoll it-traċċabilità tal-prodotti u l-użu sikur tagħhom;

Enerġija:

7.  Iqis li d-diġestjoni anaerobika hija speċjalment utli għall-bijoskart billi tipproduċi sustanzi b'ħafna nutrijenti għat-titjib tal-ħamrija, diġestat kif ukoll bijogass, li jikkostitwixxi enerġija li tiġġedded li tista' tinbidel f'bijometanu jew tintuża biex tiġġenera livell minimu ta' elettriku meħtieġ;

8.  Iqis li, prerekwiżit kruċjali biex l-inċinerazzjoni tal-bijoskart issir alternattiva possibbli fil-ġerarkija tat-trattament tal-iskart hi li din tiġi kombinata mal-irkupru tal-enerġija;

9.   Jenfasizza li fl-irkupru tal-bijoskart għall-produzzjoni tal-enerġija wieħed għandu jżomm f’moħħu l-effiċjenza tal-enerġija u s-sostenibilità tal-iżvilupp u li dawn il-prodotti, għalhekk, prinċipalment għandhom jintużaw bl-aktar mod effiċjenti; itenni għaldaqstant li l-ġbir separat tal-iskart huwa essenzjali għall-konformità mad-Direttiva dwar il-Landfills[14] jipprovdi materjal ta' kwalità għar-riċiklaġġ tal-bijoskart u jtejjeb l-effikaċja tal-irkupru tal-enerġija;

10. Jinnota li bil-għan li jiżdiedu r-rati ta' skart li ma jintefax fil-landfills, ta' riċiklaġġ u ta' ġenerazzjoni ta' biogass, l-istrumenti teknoloġiċi kollha u l-għażliet kollha li jimmassimizzaw ir-riċiklaġġ tar-riżorsi jew il-ġenerazzjoni tal-bijogass għandhom jitħallew miftuħa.

11. Iqis li l-bijoskart huwa riżors li jiġġedded prezzjuż għall-produzzjoni tal-elettriku u tal-bijofjuwil għat-trasport u għan-netwerk tal-gass permezz konverżjoni tal-bijogass f'bijometanu (prinċipalment metanu – 50 sa 70% – u d-diossidu tal-karbonju), u jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza u tippromwovi modi ta' kif il-bijoskart jintuża biex jiġi prodott il-bijogass;

12. Jenfasizza li jeħtieġ li jiżdied is-sehem tal-iskart li ma jispiċċax fil-landfills; jinnota, f’dan il-kuntest, li l-bijoskart jista’ jgħin fl-ilħuq tal-objettiv tal-UE ta’ sehem tal-enerġija li tiġġedded ta’ mill-anqas 20% sal-2020 kif ukoll għall-objettiv tad-Direttiva tal-UE dwar il-Kwalità tal-Fjuwil; ifakkar li d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tappoġġa l-użu ta' kull tip ta' bijomassa, inkluż il-bijoskart għal finijiet ta' enerġija, bħala sors tal-enerġija rinnovabbli, u li l-bijofjuwils mill-iskart jiswew doppju fl-ilħuq tal-objettiv ta’ sehem tal-enerġija li tiġġedded ta’ 10% fit-trasport; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jikkunsidraw l-irkupru tal-enerġija mill-partijiet bijodegradabbli tal-iskart bħala parti mill-politika integrata tal-ġerarkija tal-iskart, u jħeġġiġhom biex jiskambjaw ideat dwar l-aħjar prattiki;

Riċerka u innovazzjoni:

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jappoġġaw ir-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-ġestjoni tal-bijoskart;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq aktar riċerka dwar il-ġestjoni tal-metodi ta' trattament tal-bijoskart biex tikkwantifika aħjar il-benefiċċji relatati mal-ħamrija, kif ukoll l-irkupru tal-enerġija u l-impatti ambjentali;

Kuxjenza u informazzjoni:

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu attivitajiet ta' qawmien ta' kuxjenza ambjentali fil-qasam tal-bijoskart, b'mod partikolari fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, sabiex jiġu promossi sistemi aqwa ta' xejriet tal-imġiba għall-prevenzjoni tal-iskart, biex titrawwem il-ġestjoni sostenibbli tal-bijoskart u tal-iskart solidu muniċipali u r-riċiklaġġ kif ukoll dwar il-vantaġġi tal-ġbir separat u t-trattament bioloġiku tal-bijoskart; jenfasizza, f’dan il-kuntest, is-sehem importanti tal-bliet, il-komunitajiet u l-impriżi lokali fil-konsulenza u l-forniment ta’ informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-iskart min-naħa taċ-ċittadini;

Aspetti ambjentali:

16. Iqis li l-bijoskart ittrattat għandu jintuża għall-konservazzjoni tal-materjal organiku u għat-tlestija taċ-ċikli tan-nutrijenti, speċjalment iċ-ċiklu tal-fosfat, billi jiġi riċiklat fil-ħamrija, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħraf li għandu jiġi eżaminat il-kontribut tal-politiki għall-mitigazzjoni tat-tnaqqis mgħaġġel b'mod li mhux aċċettabbli tar-riżorsi dinjija tal-fosfat;

17. Jisħaq li l-bijoskart li ma jkunx fih elementi niġġiesa jeħtieġ jitqies bħala riżors naturali ta' valur li jista' jintuża biex jiġi prodott kompost ta' kwalità;

18. Iqis li l-ġejjieni tal-agrikultura jiddependi wkoll fuq il-konservazzjoni u r-restawr tal-fertilità tal-ħamrija; jinnota li l-użu ta' kompost ta' kwalità fl-agrikultura jista' jgħin sabiex jippreserva il-produttività tal-art, iżid iż-żamma tal-ilma u l-kapaċità ta' ħżin tal-karbonju u jnaqqas l-użu ta' fertilizzanti sintetiċi; jenfasizza r-rwol tal-Istati Membri fl-iżgurar tal-użu ta' kompost ta' kwalità fl-art agrikola;

19. Jinnota li fil-proċess ta’ bdil ta' materjal organiku f'kompost il-gassijiet li joħorġu mill-materjal maħżun jiġu kkontrollati b’diffikultà kbira, u dan jirrappreżenta periklu serju għall-ambjent u l-atmosfera; ifakkar li l-kompostaġġ kif xieraq – partikolarment tal-iskart organiku muniċipali – jinvolvi l-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art mill-iskular tal-ilma mill-impjant tal-kompost;

20. Jenfasizza li, bl-għan li jinkisbu l-objettivi f’diversi livelli (jiġu miġġielda t-tisħin tal-klima, id-degradazzjoni tal-ħamrija u l-erożjoni tal-ħamrija; il-kisba tal-objettivi tal-enerġija rinnovabbli), kombinazzjoni ta’ kompostaġġ u fermentazzjoni ta’ bijoskart miġbur separatament, jekk tkun fattibbli, żgur li għandha vantaġġi u għandha tiġi mħeġġa;

21. Jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tipproponi objettivi nazzjonali fir-rigward tar-riċiklaġġ tal-bijoskart biex jillimitaw l-ammont ta' bijoskart disponibbli għas-soluzzjonijiet ta' ġestjoni tal-iskart li l-anqas huma mixtieqa, ngħidu aħna r-rimi f'terraferma u l-inċinerazzjoni;

Konformità mad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma:

22. Ifakkar li l-ġestjoni ta' skart bħal dan għandha tkun strutturata skont ġerarkija tal-metodi ta' ġestjoni tal-iskart inġenerali: prevenzjoni, riċiklaġġ, tipi oħra ta' rkupru, fosthom għal finijiet enerġetiċi u, bħala l-aħħar għażla, ir-rimi f'terraferma (Direttiva 1999/31/KE, Artikolu 5 u d-Direttiva 2008/98/KE); jitlob għal superviżjoni aktar stretta mill-Kummissjoni sabiex jiġu rispettati u applikati l-istandards rigward ir-rimi fil-landfills mal-Unjoni Ewropea kollha;

23. Jinnota li bħalissa l-Istati Membri individwali għandhom miżuri leġiżlattivi nazzjonali u sistemi ta' ġestjoni tal-iskart differenti, u li r-rimi fil-landfills għadu l-metodu ta' rimi tal-iskart solidu muniċipali l-aktar użat fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri iżidu l-kooperazzjoni tagħhom u l-iskambji tal-prattiki tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-bijoskart;

24. Iqis li t-trattament mekkaniku bijoloġiku (MBT) jirrappreżenta mod effettiv biex ma jintremewx kwantitajiet konsiderevoli ta' skart li jinten fil-landfills u minflok jintużaw bħala kompost, għad-diġestjoni anerobika u l-irkupru tal-enerġija;

Aspetti ekonomiċi:

25. Iqis li jinħtieġu inċentivi finanzjarji biex jiġu estiżi dan il-ġbir separat u sistemi oħra ta’ ġestjoni tal-bijoskart li jimmassimizzaw l-irkupru tar-riżorsi;

26.  Jenfasizza li jinħtieġ titjib fil-ġestjoni tal-iskart u armonizzazzjoni tal-istandards ta’ kwalità għall-kompost, sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ suq Ewropew għall-kompost;

27. Huwa tal-fehma li l-prinċipju “min iħammeġ iħallas” għandu jittieħed bħala bażi għar-rimborż tal-ispejjeż addizzjonali ġejjin mid-dħul ta’ materjal dannuż fil-ħamrija, sabiex l-impatti esterni tal-applikazzjoni tal-bijoskart ma jinġarrux mill-bdiewa;

28. Jisħaq fuq il-fatt li, f'bosta Stati Membri, diġà teżisti xi infrastruttura, imma jinħtieġu inċentivi finanzjarji għall-ħolqien u l-istabbiliment ta’ swieq potenzjali tal-kompost u tal-materjal diġerit, tal-bijoenerġija u tal-bijofjuwils, li ġejjin mill-bijoskart;

29. Jenfasizza l-vantaġġ ambjentali tal-produzzjoni tal-fjuwils għat-trasport mill-bijoskart; jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-ġerarkija tal-iskart, biex iqisu dan meta jimplimentaw id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart riveduta, u lill-Kummissjoni biex tirrifletti dan fil-linji gwida ta' implimentazzjoni tagħha;

30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi f'kull studju tal-impatt, attwali jew addizzjonali, li twettaq f'dan ir-rigward, liema tip ta' inċentivi ekonomiċi, fondi jew għajnuniet jistgħu jiġu mobilizzati jew maħluqa għall-iżvilupp u l-impjant tat-teknoloġiji li jippermettu l-ġestjoni xierqa tal-bijoskart;

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.
  • [2]  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1
  • [3]  ĠU C 271E, 7.11.2002, p. 154.
  • [4]  ĠU C 66E, 20.3.2009, p.29.
  • [5]  ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 44.
  • [6]  ĠU C 247E, 15.10.2009, p.18.
  • [7]  ĠU C 282E, 6.11.2008, p.281.
  • [8]  ĠU C 287E, 6.11.2008, p.138.
  • [9]  ĠU C 272E, 9.11.2006, p 59.
  • [10]  ĠU C 227E, 21.9.2006, p. 599.
  • [11]  ĠU C 286E, 27.11.2009, p. 81.
  • [12]  ĠU C 287E, 29.11.2007, p. 135.
  • [13]  Nota tas-Segretarjat tal-Kunsill, 9 ta' Marzu 2010, dokument tal-Kunsill 7307/10.
  • [14]  Direttiva 1999/31/KE, Premessa 17.

NOTA SPJEGATTIVA

Minħabba t-tkabbir fl-ekonomija u fit-territorju tal-UE, qed ikomplu jiġu prodotti ammonti ta' skart li kulma jmur qed jiżdied. Hu stmat li l-ammont ta' bijoskart fl-UE kull sena jammonta għal 76.5 u 102 miljum tunnellata tal-skart tal-ikel u tal-ġnien, u 37 miljun tunnellata mill-industrija tal-ikel u tax-xorb.

L-ewwel prijorità għandha tkun li l-ħolqien tal-iskart jiġi evitat jew inkella jitnaqqas, u dan jirriżulta f'benefiċċji kbar ambjentali u ekonomiċi. Dan l-għan jista' jinkiseb permezz ta' leġiżlazzjoni u billi ssir sensiblizzazzjoni pubblika. Huwa ttamat li ċ-ċittadini Ewropew, b'sensittività ambjentali mġedda u rieda li jipparteċipa, se jgħin biex jintlaħaq dan l-għan. Il-prevenzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens usa' tagħha, jiġifieri li l-iskart aħjar qatt ma jinħoloq jew inkella li qatt ma jkun jeħtieġ li jsir.

Għan strateġiku ulterjuri tal-politika tal-ġestjoni tal-iskart għandu jkun li l-UE tinbidel f'soċjetà ta' riċiklaġġ. Il-kwantità enormi ta' skart prodott kuljum fl-UE ma tista' sempliċiment tiġi moħlija. Il-bijoskart għandu rwol importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u joffri potenzjal ta' valur f'termini ta' protezzjoni tal-ħamrija u tal-promozzjoni tal-produzzjoni ta' enerġiji li jiġġeddu, u għalhekk hu fattur sinifikanti fl-irkupru ta' dan il-volum ta' skart. Dan ifisser li l-iżvilupp sostenibbli jista' jiġi promoss permezz tal-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi.

Ir-rwol tal-iskart bijoloġiku fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Wara l-enerġija, l-industrija u l-agrikoltura, l-iskart hu r-raba' l-akbar sors ta' gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea. Skont ċifri tal-2004, total ta' 109 miljun tunnellata ta' gassijiet serra ġew rilaxxati fl-arja mis-settur tal-iskart.

Is-sors prinċipali ta' emissjonijiet huma l-landfills. Anki jekk huma l-orħos għażla għal tul ta' żmien qasir, it-tfigħ fil-landfills huwa l-agħar għażla għall-ambjent, u jinvolvi responsabbiltà ambjentali u spejjeż ta' manutenzjoni ogħla. Il-gass ewlieni li jipproduċu l-landfills huwa l-metanu, li, jekk ma jinqabadx, huwa 23 darba iktar b'saħħtu mid-diossidu tal-karbonju mil-lat ta' effetti ta' tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, it-tnixxija li jipproduċu l-landfills, jekk ma tinġabarx skont id-Direttiva tat-terraferma, tista' tikkontamina l-ilma u l-ħamrija kif ukoll tiġġenera bijoaerosols intejjen u inkonvenjenti viżivi. Aspett negattiv ieħor tal-landfills huwa l-ammont ta' art li jirrikjedu, li huwa akbar minn għażliet oħra ta' ġestjoni tal-iskart u fuq tul ta' żmien, iwassal għal telf mhux rekuperabbli ta' art, li jfisser li din mhix alternattiva sostenibbli. Għaldaqstant huwa urġenti li l-bijoskart ma jibqax jintrema fil-landfills.

Il-potenzjal tal-bijoskart għall-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-ħamrija

L-Istrateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija 2006 (COM(2006)231 finali) tiddeskrivi id-degradazzjoni tal-ħamrija bħala problema gravi fl-Unjoni Ewropea. Id-degradazzjoni tal-ħamrija għandha impatt dirett fuq il-kwalità tal-ilma u tal-arja, il-bijodiversità u l-klima.

Il-bijoskart jista' jkollu rwol kruċjali fl-irkupru tal-ħamrija jekk jintuża għall-kompost. Il-kompost huwa l-għażla ta' trattament l-aktar xierqa għall-iskart aħdar u toffri l-vantaġġ li dan jista' jintuża biex jiffertilizza l-ħamrija. Skont l-Istrateġija Tematika dwar il-Ħarsien tal-Ħamrija, id-degradazzjoni tal-ħamrija għandha mnejn tiswa sa EUR 8 biljun fis-sena.

Il-produzzjoni tal-kompost għandha tpoġġi l-enfasi fuq ir-riżultat, filwaqt li l-għan għandu jkun kompost ta' kwalità għolja. Skont l-Istrateġija Tematika dwar il-Ħarsien tal-Ħamrija, il-kompost huwa wieħed mill-aħjar sorsi ta' materjal organiku stabbli minn fejn jista' jiġi ffurmat humus ġdid f'ħamrija degradata. L-użu tal-kompost joffri benefiċċji agronomiċi, bħal titjib fl-istruttura tal-ħamrija, fl-infiltrazzjoni tal-indewwa, fil-kapaċità li żżomm l-ilma, fil-mikrorganiżmi tal-ħamrija u fil-provvista ta' nutrijenti. Huwa stmat li 45% tal-ħamrija Ewropea għandha kontenut organiku baxx. F'dan il-kuntest huwa importanti li tiġi mħeġġa l-produzzjoni ta' kompost ta' kwalità għolja bbażata fuq it-trattament xieraq tal-iskart bijoloġiku.

Il-potenzjal tal-iskart bijoloġiku fil-promozzjoni ta' enerġiji li jiġġeddu

L-iskart bijoloġiku jista' jservi wkoll ta' materja prima importanti għall-produzzjoni tal-bijoenerġija, li tinħoloq mid-diġestjoni anaerobika, u hija l-aktar għażla xieraq għat-trattament tal-iskart bijoloġiku imxarrab (bħall-iskart umdu mit-tisjir). Id-diġestjoni anaerobika tipproduċi bijogass f'reatturi kkontrollati li jista' jintuża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, għat-tisħin jew bħala bijofjuwil għall-karozzi.

Il-bijoskart ta' kwalità aktar baxxa li ma jissodisfax il-kriterji tal-kwalità biex jintuża għall-kompost għandu jiġi proċessat f'enerġija u klassifikat skont il-kwalità tiegħu.

Il-ġestjoni attwali tal-bijoskart

S'issa, il-bijoskart ġie ġestit f'konformità ma' politiki ferm differenti f'kull Stat Membru, li jvarjaw minn azzjonijiet minimi f'xi pajjiżi għal politiki ambizzjużi f'oħrajn. Teżisti diskrepanza kbira bejn dawk l-Istati Membri li jirriċiklaw l-inqas (it-tfigħ fil-landfills jirrappreżenta 90%, ir-riċiklaġġ u l-irkuprar tal-enerġija 10%) u dawk bl-aktar approċċi effiċjenti (it-tfigħ fil-landfills jirrappreżenta 10%, l-irkuprar ta' enerġija 25% u r-riċiklaġġ 65%).

Il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE ma tillimitax l-għażliet tal-Istati Membri f'termini tal-għażliet tat-trattament għall-bijoskart, sakemm it-trattament jissodisfa ċerti kundizzjonijiet ta' qafas, b'mod partikolari dawk stabbiliti bid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, fejn l-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu miżuri li jinkoraġġixxu: il-ġbir separat tal-bijoskart għall-kompost u d-diġestjoni anaerobika; it-trattament tal-bijoskart b'mod li jilħaq livell għoli ta' ħarsien; u l-użu ta' materjali prodotti mill-bijoskart li jkunu sikuri f'termini ambjentali. Id-Direttiva dwar ir-rimi fit-terraferma (landfills) tistipula wkoll li għandna gradwalment nieqfu nitfgħu il-bijoskart fit-terraferma.

Madankollu, dawn l-istrumenti leġiżlattivi ma kisbux l-għanijiet stabbiliti. Minħabba l-implimentazzjoni ineffikaċi tal-għan li l-bijoskart ma jibqax jintefa' fil-landfills mill-Istati Membri, huwa ċar li jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri addizzjonali sabiex jikkumplimentaw id-Direttiva dwar it-terraferma.

Il-ġejjieni tal-ġestjoni tal-bijoskart

Direttiva speċifika għall-ġestjoni tal-bijoskart tkun pilastru kruċjali għall-implimentazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart u direttivi oħra relatati mal-ġestjoni tal-iskart b'mod ġenerali. Barra minn hekk, il-kumpilazzjoni tad-diversi regoli dwar il-ġestjoni tal-bijoskart f'biċċa leġiżlazzjoni waħda huwa fih innifsu eżerċizzju ta' eċċellenza leġiżlattiva u regolamentazzjoni aħjar. Direttiva speċifika għal ġestjoni tal-bijoskart toffri aktar ċarezza, semplifikazzjoni u ċertezza ġuridika f'dan il-qasam, u b'hekk tiggarantixxi l-fiduċja għal żmien twil ta' investituri pubbliċi u privati.

Mhuwiex mixtieq li l-għażla tal-ġestjoni l-aktar vantaġġuża tiġi imposta, peress li hemm għadd kbir ta' elementi varjabbli u kunsiderazzjonijiet lokali li jeħtieġ li jitqiesu. Barra minn hekk, l-investimenti li diġà saru mill-Istati Membri m'għandhomx jiġu kkontestati. Direttiva dwar il-ġestjoni tal-bijoskart għanda għalhekk tippermetti ċerta flessibilità sabiex l-aħjar soluzzjoni mill-aspett ambjentali u ekonomiku tkun tista' tiġi identifikata lokalment. Madankollu, huwa kruċjali li jiġu stabbiliti regoli ta' konverġenza ambjentali f'dan il-qasam biex jiggwidaw investiment ġdid.

Waħda mid-direzzjonijiet li għandna nieħdu tirrigwarda l-ġbir separat tal-bijoskart, peress li s-separazzjoni tal-bijoskart minn tipi oħra ta' skart jagħmilha possibbli li tiġi evitata l-kontaminazzjoni u tgħin biex jintlaħaq l-għan tal-ksib ta' kompost ta' kwalità għolja, tipprovdi materjali ta' kwalità għar-riċiklaġġ tal-bijoskart u ttejjeb l-effiċjenza tal-irkupru tal-enerġija. Għaldaqstant, il-ġbir separat għandu jkun obbligatorju. L-Istati Membri jistgħu madankollu jiġu eżentati minn dan l-obbligu fejn huwa ma jkunx prattikabbli jew ma jkunx l-aħjar għażla mill-aspett ambjentali u ekonomiku (pereżempju fejn il-loġistika tal-ġbir separat ma toffrix il-possibilità li l-bijoskart ma jiġix kkontaminat, jew fejn l-impożizzjoni ta' infrastruttura ta' ġbir separat mhix ġustifikata mil-lat ambjentali, f'żoni rurali jew b'popolazzjoni baxxa).

Ir-regolamentazzjoni tal-bijoskart mhix biss importanti mil-lat ambjentali iżda wkoll f'termini tal-operat tas-suq intern, minħabba li issa għandna sitwazzjonijiet fejn kompost prodott minn bijoskart jistà jitqies bħala skart f'post wieħed u bħala prodott f'post ieħor. Hawnhekk ukoll, il-politiki tal-Istati Membri jeħtieġ li jiġu armonizzati permezz ta' direttiva speċifika dwar il-bijoskart.

Il-ġestjoni tal-iskart għandha wkoll implikazzjonijiet soċjali sinifikanti. Pereżempju, l-industrija tar-riċiklaġġ toħloq sa 250 impjieg permezz tar-riċiklaġġ ta' 10 000 tunnellata skart riċiklat, meta mqabbla ma' bejn 20 u 40 impjiegi li jinħolqu meta l-iskart jintrema f'inċineratur, u madwar 10 impjiegi meta l-iskart jintrema f'landfills.

Il-kumpilazzjoni tad-diversi regoli frammentati dwar il-bijoskart, flimkien ma' regoli ġodda, f'direttiva speċifika waħda dwar il-ġestjoni tal-bijoskart tagħmilha possibbli li r-riżorsi jiġu ġestiti b'mod aktar effiċjenti u li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-bijoskart. Ikun ukoll possibbli li terġa' tiġi introdotta materja organika fil-ħamrija u jitnaqqas l-użu ta' fertilizzanti kimiċi, tgħin lill-Istati Membri jiksbu l-għan li l-bijoskart ma jispiċċax fil-landfills, tinkoraġġixxu l-ġbir separat, tiċċara l-punt li fih materjal prodott mill-bijoskart jiġi meqjus bħala prodott, u tippromwovi l-innovazzjoni teknoloġika u l-ħolqien tal-impjiegi bi qbil mal-Istrateġija UE 2020.

F'din il-kriżi ekonomika attwali, l-istituzzjonijiet Ewropej m'għandhomx jitilfu jew inaqqsu l-ambizzjoni tagħhom li jkunu fuq quddiem rigward kwistjonijiet ambjentali. Ma nistgħux nibqgħu bil-sitwazzjoni attwali fl-UE fejn perċentwal daqshekk kbir ta' skart jintrema fil-landfills. Minkejja li din l-għażla tista' prima facie tidher li hi l-orħos waħda, fil-fatt hija l-għażla bl-akbar spejjeż fuq tul ta' żmien, filwaqt li ma tgħin xejn biex jintlaħqu l-għanijiet tagħna li niġġieldu t-tibdil fil-klima u ma tagħtix lok li l-bijoskart jintuża bħala riżorsa. Jekk fl-istess ħin jiġi mħeġġeġ il-ġbir separat tal-iskart, iċ-ċittadini Ewropej se jkunu involuti f'sensibilizzazzjoni ambjentali ġdida, l-ispejjeż se jonqsu filwaqt li jinkiseb prodott siewi.

B'Direttiva speċifika dwar il-bijoskart li timxi lejn din id-direzzjoni, inkunu kapaċi ngħaqqdu ħarsien ambjentali għoli u tkabbir sostenibbli mal-garanzija ta' kwalità ta' ħajja għaċ-ċittadini Ewropej.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (22.3.2010)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

rigward il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea
(2009/2153(INI))

Rapporteur: Giles Chichester

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar fil-ġerarkija tal-iskart stabbilita preżentata fid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart, li fiha l-landfills huma meqjusa bħala l-agħar għażla; jenfasizza li l-bijoskart irid l-ewwel jitnaqqas u mbagħad jinġabar separatament u rriċiklat, b’mod partikulari billi tiġi rkuprata l-enerġija u, jekk ikun possibbli, permezz tal-kompostaġġ;

2.  Jinnota li l-bijoskart jikkostitwixxi parti sinifikanti mill-iskart (ukoll fiż-żoni urbani) u li llum, f’ħafna Stati Membri, jeżisti potenzjal kbir u mhux sfruttat li l-bijoskart jintuża bħala komport billi jinġabar separatament, iżda wkoll li l-enerġija u l-materjali jiġu rkuprati mill-iskart ġenerali, bil-għan li jitrażżan l-iskart li jispiċċa fil-landfills;

3.  Jenfasizza r-rwol li l-bijoskart użat mill-ġdid fis-sura ta’ komport jista’ jkollu fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, kontra d-degradazzjoni tal-ħamrija u l-erożjoni; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu għall-kompostaġġ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u jħeġġiġhom jagħmlu skambju bejniethom tal-aħjar prattiki; jenfasizza li jinħtieġ titjib fil-ġestjoni tal-iskart u armonizzazzjoni tal-istandards ta’ kwalità għall-kompost, sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ suq Ewropew għall-kompost;

4.  Jenfasizza li jeħtieġ li jiżdied is-sehem tal-iskart li ma jispiċċax fil-landfills u jinnota, f’dan il-kuntest, li l-bijoskart jista’ jgħin fl-ilħuq tal-objettiv tal-UE ta’ sehem tal-enerġija li tiġġedded ta’ mill-anqas 20% sal-2020 kif ukoll għall-objettiv tad-Direttiva tal-UE dwar il-Kwalità tal-Fjuwil; ifakkar li d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tappoġġa l-użu ta' kull tip ta' bijomassa, inkluż il-bijoskart għal finijiet ta' enerġija, bħala sors tal-enerġija rinnovabbli, u li l-bijofjuwils mill-iskart jiswew doppju fl-ilħuq tal-objettiv ta’ sehem tal-enerġija li tiġġedded ta’ 10% fit-trasport; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jikkunsidraw l-irkupru tal-enerġija mill-partijiet bijodegradabbli tal-iskart bħala parti mill-politika integrata tal-ġerarkija tal-iskart, u jħeġġiġhom biex jiskambjaw ideat dwar l-aħjar prattiki;

5.  Jistieden lill-Istati Membri biex, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi speċifiċi tagħhom, fil-qosor jiddeskrivu kif l-enerġija mill-bijoskart inkluża d-diġestjoni anerobika għall-produzzjoni ta' bijogass u ta' bijofjuwils avvanzati tista' tgħin ħalli jisfruttaw ir-riżorsi ta' bijomassa eżistenti;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal tissaħħaħ il-kuxjenza pubblika u l-aċċettazzjoni mill-pubbliku tal-ġbir separat tal-iskart, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tal-enerġija, l-aktar permezz ta’ kampanji edukattivi u tal-midja;

7.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Istati Membri jistabbilixxu qafas konsistenti u stabbli li jappoġġa l-kostruzzjoni ta' faċilitajiet għall-kompostaġġ u għall-irkupru tal-enerġija mill-(bijo)skart;

8.  Jenfasizza li, bl-għan li jinkisbu l-objettivi f’diversi livelli (jiġu miġġielda t-tisħin tal-klima, id-degradazzjoni tal-ħamrija u l-erożjoni tal-ħamrija; il-kisba tal-objettivi tal-enerġija rinnovabbli), kombinazzjoni ta’ kkompostjar u fermentazzjoni ta’ bijoskart miġbur separatament, jekk tkun fattibbli, żgur li għandha vantaġġi u għandha tiġi mħeġġa;

9.  Jisħaq fuq il-fatt li, f'bosta Stati Membri, diġà teżisti xi infrastruttura, imma jinħtieġu inċentivi finanzjarji għall-ħolqien u l-istabbiliment ta’ swieq potenzjali tal-kompost u tal-materjal diġerit, tal-bijoenerġija u tal-bijofjuwils, li ġejjin mill-bijoskart;

10. Filwaqt li jqis il-ħtieġa tal-komformità mad-Direttiva dwar l-Inċinerazzjoni tal-Iskart, iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jużaw il-faċilitajiet eżistenti tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u biex jutilizzaw il-fondi strutturali għall-finanzjament ta' faċilitajiet ta' enerġija mill-iskart, tal-kompostaġġ u tal-irkupru tal-enerġija mill-bijoskart ħalli jkunu jistgħu jnaqqsu l-ammont ta’ skart li jispiċċa fil-landfills;

11. Huwa tal-fehma li t-tagħmir għar-rimi tal-ikel ikkollegat man-netwerk pubbliku tad-dranaġġ jista’ jkun alternattiva sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ bijoskart li jispiċċa fil-landfills u għall-produzzjoni tal-bijogass mill-bijoskart;

12. Jinnota li l-impjanti tal-enerġija mill-iskart u faċilitajiet oħra għall-irkupru tal-enerġija mill-bijoskart igawdu mill-istess kundizzjonijiet ta' aċċess għan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku u għall-pipelines tal-gass bħal sorsi oħra tal-enerġija rinnovabbli;

13. Jenfasizza l-vantaġġ ambjentali tal-produzzjoni tal-fjuwils għat-trasport mill-bijoskart; jappella, għaldaqstant, biex il-bijofjuwils mill-bijoskart jgħoddu għall-objettivi tar-riċiklaġġ; jappella biex id-definizzjoni tal-bijomassa fid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart tkun allinjata mad-Direttiva dwar l-Enerġija li Tiġġedded;

14.  Jenfasizza l-importanza li jinżammu miftuħa l-possibilitajiet tekniċi kollha għall-ġestjoni tal-bijoskart biex jitħeġġu l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi f'dan il-qasam;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, tfassal sistema mtejba għall-ġestjoni tal-bijomassa fir-rigward tar-riċiklaġġ tal-bijoskart miġbur separatament, l-użu tal-kompostaġġ għal benefiċċju agrikolu u ekoloġiku, l-alternattivi ta' trattament mekkaniku/bijoloġiku, u l-użu tal-bijoskart bħala sors għall-ġenerazzjoni tal-enerġija; iqis li din il-valutazzjoni tal-impatt għandha tintuża bħala bażi għat-tħejjija ta' qafas legali tal-Unjoni Ewropea ġdid dwar l-iskart bijodegradabbli;

16. Jenfasizza li jeħtieġ li titqies il-firxa kollha tal-iskart bijodegradabbli, biex jinġiebu ’l quddiem il-produzzjoni tal-kompost u l-irkupru mill-flussi kollha tal-iskart; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iskart bijodegradabbli jinkludi mhux biss il-bijoskart imma wkoll il-ħama tad-drenaġġ u l-parti tal-iskart domestiku li tista' tiffermenta (karti jew kartun mħammġa jew mhux magħżula, ċerti tessuti, eċċ.);

17. Jenfasizza li l-ġbir separat tal-bijoskart jew sistemi oħra ta’ gestjoni tal-bijoskart li jimmassimizzaw l-irkupru tar-riżorsi għandhom jiddaħħlu f’qafas tal-Unjoni Ewropea u jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw li jistabbilixxu skemi separati ta’ ġbir għall-bijoskart; iqis li jinħtieġu inċentivi finanzjarji biex jiġu estiżi dan il-ġbir separat u sistemi oħra ta’ ġestjoni tal-bijoskart li jimmassimizzaw l-irkupru tar-riżorsi;

18. Jinnota li qafas tal-Unjoni Ewropea tal-ġejjieni jipprovdi gwida u ċarezza legali għal bosta Stati Membri u jinkoraġġihom biex jinvestu fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart bijoloġiku;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq aktar riċerka dwar il-ġestjoni tal-metodi ta' trattament tal-bijoskart biex tikkwantifika aħjar il-benefiċċji relatati mal-ħamrija, kif ukoll l-irkupru tal-enerġija u l-impatti ambjentali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.3.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Zoltán Balczó, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Ioan Enciu, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Romana Jordan Cizelj, Sajjad Karim, Arturs Krišjānis Kariņš, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

António Fernando Correia De Campos, Rachida Dati, Andrzej Grzyb, Jolanta Emilia Hibner, Oriol Junqueras Vies, Ivailo Kalfin, Marian-Jean Marinescu, Vladko Todorov Panayotov, Silvia-Adriana Ţicău, Hermann Winkler

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (25.2.2010)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea
(2009/2153(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Salvatore Caronna

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jaqbel mal-inizjattiva tal-Kummissjoni, promossa permezz tal-Green Paper tagħha, dwar l-opportunità ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ġestjoni tal-bijoskart;

2.   Jieħu nota li l-bijoskart jirrappreżenta 'l fuq minn 30% tal-iskart solidu muniċipali; huwa tal-fehma li t-titjib fil-ġestjoni ta' dan l-iskart jikkontribwixxi għal ġestjoni sostenibbili tar-riżorsi u l-ilħuq tal-għanijiet fil-qasam tar-riċiklaġġ u tal-enerġiji rinnovabbli;

3.  Iqis li l-ġestjoni tal-bijoskart għandha tkun parti minn ċiklu sostenibbli tal-ġestjoni tal-iskart, immirat lejn l-użu razzjonali u l-konservazzjoni tar-riżorsi kif ukoll ta' tnaqqis tal-impatti ambjentali;

4.   Ifakkar li l-ġestjoni ta' skart bħal dan għandha tkun strutturata skont ġerarkija tal-metodi ta' ġestjoni tal-iskart inġenerali: prevenzjoni, riċiklaġġ, tipi oħra ta' rkupru, fosthom għal finijiet enerġetiċi u, bħala l-aħħar għażla, ir-rimi fil-landfills (l-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/31/KE);

5.   Huwa tal-fehma li l-aħjar deċiżjoni favur il-proċedura tat-trattament għandha tittieħed biss fuq il-bażi ta' eżami tas-sitwazzjonijiet lokali rispettivi (l-istruttura tal-post, l-istruttura tal-bijoskart, il-faċilitajiet li diġà jeżistu);

6.   Jenfasizza li fl-irkupru tal-bijoskart għall-produzzjoni tal-enerġija wieħed għandu jżomm f'moħħu l-effiċjenza tal-enerġija u s-sostenibilità tal-iżvilupp u li dawn il-prodotti, għalhekk, prinċipalment għandhom jintużaw bl-aktar mod effiċjenti;

7.   Jenfasizza li l-ġestjoni tal-bijoskart skont il-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE tinkludi l-prevenzjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ, il-bdil ta' materjal organiku f'kompost u l-irkupru tal-enerġija;

8.   Iqis li t-trattament mekkaniku bijoloġiku (MBT) jirrappreżenta mod effettiv biex ma jintremewx kwantitajiet konsiderevoli ta' skart li jinten fil-landfills u minflok jintużaw bħala kompost, għad-diġestjoni anerobika u l-irkupru tal-enerġija;

9.   Jinsisti fuq in-neċessità li l-bijoskart nieqes minn sustanzi li jniġġsu jitqies bħala riżorsa naturali prezzjuża li tista' tintuża biex jiġi prodott kompost ta' kwalità;

10. Iqis li l-futur tal-agrikoltura jiddependi wkoll mill-preservazzjoni u mir-riabilitazzjoni tal-fertilità tal-ħamrija; jinnota li l-użu ta' kompost ta' kwalità fl-agrikoltura jista' jikkontribwixxi biex jippreserva l-produttività tal-art, tiżdied iż-żamma tal-ilma kif ukoll il-kapaċità tagħha li taħżen il-karbonju u tnaqqas l-użu ta' fertilizzanti kimiċi; jisħaq fuq ir-rwol tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżgurar tal-użu ta' kompost ta' kwalità għall-art agrikola;

11. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu definiti biċ-ċar l-istandards ta' kwalità fil-qasam tat-trattament tal-bijoskart u tal-kwalità tal-kompost, sabiex jiġi evitat it-tniġġis gradwali tal-ħamrija; jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja l-għażla li tikkonsisti fil-preżentazzjoni ta' proposti leġiżlattivi li jistabbilixxu kriterji kwalitattivi għall-kompost u d-diġestat, li għandhom ikunu bbażati fuq prerekwiżit, dak tal-ġbir separat;

12. Jinnota li fil-proċess ta' bdil ta' materjal organiku f'kompost il-gassijiet li joħorġu mill-materjal maħżun jiġu kkontrollati b'diffikultà kbira, u dan jirrappreżenta periklu serju għall-ambjent u l-atmosfera; għandu jiġi rrimarkat li bdil ta' materjal organiku f'kompost li jsir korrettament, partikolarment l-iskart organiku muniċipali, jinvolvi l-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art mill-iskular tal-ilma mill-massa tal-kompost;

13. Huwa tal-fehma li l-prinċipju “min iħammeġ iħallas” għandu jittieħed bħala bażi għar-rimborż tal-ispejjeż addizzjonali ġejjin mid-dħul ta' materjal li jniġġes fil-ħamrija, sabiex l-impatti esterni tal-applikazzjoni tal-bijoskart ma jinġarrux mill-bdiewa;

14. Itenni li l-ġbir separat tal-iskart huwa essenzjali għall-konformità mad-Direttiva dwar il-Landfills (Direttiva 1999/31/KE, premessa 17), jipprovdi materjal ta' kwalità għar-riċiklaġġ tal-bijoskart u jtejjeb l-effikaċja tal-irkupru tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-introduzzjoni ta' sistemi ta' separazzjoni tal-iskart u biex iddaħħal xi għanijiet li jorbtu u li jkunu ambizzjużi għar-riċiklaġġ ta' dan l-iskart;

15. Iqis li kundizzjoni importanti sabiex l-inċinerazzjoni tal-bijoskart issir alternattiva possibbli fil-ġerarkija tat-trattament tal-iskart hi li din tiġi kombinata mal-irkupru tal-enerġija;

16. Iqis li l-bijoskart jikkostitwixxi riżorsa rinnovabbli prezzjuża għall-produzzjoni ta' elettriku u ta' bijofjuwil għat-trasport u l-provvista fin-netwerk tal-gass permezz tal-purifikazzjoni tal-bijogass (prinċipalment il-metanu – 50 sa 70% – u d-diossidu tal-karbonju) li minnu jiġi l-bijometanu; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza u tinkoraġġixxi l-possibilitajiet tal-użu tal-bijoskart għall-produzzjoni tal-bijogass;

17. Huwa tal-fehma li, bl-għajnuna ta' regolazzjoni fil-livell Komunitarju, għandhom jinħolqu inċentivi li jippermettu li l-bijogass jiddaħħal fin-netwerk tal-pajpijiet tal-gass naturali;

18. Jieħu nota tad-differenzi li jeżistu fost il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali differenti u fost is-sistemi ta' ġestjoni tal-iskart fl-Istati Membri individwali u tal-fatt li r-rimi fil-landfills ikompli jkun il-metodu ta' rimi tal-iskart solidu muniċipali l-aktar użat fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kull ma tista' biex issaħħaħ u tiżgura l-applikazzjoni tal-liġijiet dwar ir-rimi f'landfills fil-Komunità kollha u biex teżamina l-ħtieġa li tiġi preżentata proposta leġiżlattiva dwar l-iskart bijodegradabbli mill-aktar fis possibbli, bil-għan li jiġi wkoll żgurat li l-bijoskart jiġi impedit milli jintrema fil-landfills; jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom bil-għan li jaqsmu l-aħjar prattiki fil-qasam tal-ġestjoni tal-bijoskart;

19. Jitlob li l-pubbliku jkun aktar infurmat bil-kumplessità tal-katina tal-iskart, li tinkludi l-edukazzjoni dwar is-separazzjoni korretta u t-trattament xieraq tal-iskart; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu azzjonijiet ta' edukazzjoni f'livell pubbliku u partikolarment fl-iskejjel biex titħeġġeġ ġestjoni sostenibbli tal-iskart solidu muniċipali u biex iċ-ċittadini jiġi sensibilizzati dwar il-vantaġġi tal-ġbir separat; jenfasizza, f'dan il-kuntest, is-sehem importanti tal-bliet, il-komunitajiet u l-impriżi lokali fil-konsulenza u fl-għoti ta' informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-iskart min-naħa taċ-ċittadini;

20. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina f'liema oqsma kummerċjali għall-bijoskart teżisti l-akbar effiċjenza tal-enerġija;

21. Jinnota l-fatt li r-riċiklaġġ tal-iskart qed jiżdied fl-Ewropa tal-Punent, filwaqt li r-rata ta' riċiklaġġ fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għadha baxxa ħafna; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tippromwovi politika ekoloġika fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart bl-għan li tiżdied ir-rata ta' riċiklaġġ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.2.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Richard Ashworth, Liam Aylward, Christophe Béchu, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, Giovanni La Via, Stéphane Le Foll, George Lyon, Miguel Angel Martínez Martínez, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Mariya Nedelcheva, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scotta', Alyn Smith, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Salvatore Caronna, Spyros Danellis, Esther de Lange, Filip Kaczmarek, Hans-Peter Mayer, Maria do Céu Patrão Neves

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Bairbre de Brún, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Françoise Grossetête, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Oreste Rossi, Daciana Octavia Sârbu, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Catherine Soullie, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

José Manuel Fernandes, Gaston Franco, Esther Herranz García, Bill Newton Dunn, Rovana Plumb, Bart Staes, Kathleen Van Brempt, Anna Záborská

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Willy Meyer