RAPPORT dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013

21.6.2010 - (2009/2236(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: George Lyon


Proċedura : 2009/2236(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0204/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013

(2009/2236(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Titolu III tat-Trattat ta’ Lisbona,

–   wara li kkunsidra l-Kontroll tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni,

–   wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni ‘Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-istudju tiegħu dwar ‘L-iskema ta’ Pagament Uniku wara l-2013: Approċċ Ġdid, Objettivi Ġodda’,

–   wara li kkunsidra r-Rapport IAASTD (Evalwazzjoni Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija Agrikola għall-Iżvilupp) imfassal mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u l-Bank Dinji u ffirmat minn 58 pajjiż,

–   wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Prospects for agricultural markets and income 2008-2015’,

–   wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni ‘The CAP in perspective: from market intervention to policy innovation’,

–   wara li kkunsidra l-istudju ‘Provision of public goods through agriculture in the European Union’ mill-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni ‘L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni' (COM(2009)147), kif ukoll id-dokument ta’ ħidma tal-istaff bl-isem ‘L-adattament għat-tibdil fil-klima: l-isfida għall-agrikoltura u għaż-żoni rurali Ewropej’ (SEC(2009)0417) u ‘Ir-rwol tal-agrikoltura Ewropea fit-taffija tat-tibdil fil-klima' (The role of European agriculture in climate change mitigation) (SEC(2009)1093),

–   wara li kkunsidra l-istudju ‘Ir-riforma tal-PAK lil hinn mill-2013: Idea għal viżjoni fil-bogħod’ immexxi minn Notre Europe,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar l-integrazzjoni tal-Istati Membri l-Ġodda fil-PAK[2],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-agrikoltura tal-UE u t-tibdil fil-klima[3],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2010 rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: liema strateġija għandna nsegwu?[4]:

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0204/2010),

A. billi l-UE jeħtieġ li tkompli tassigura s-sikurezza tal-ikel għaċ-ċittadini tagħha u tipparteċipa fil-provvista globali tal-ikel filwaqt li tikkoopera aħjar u b’mod aktar koerenti mal-bqija tad-dinja, speċjalment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li tgħin fl-iżvilupp fit-tul tas-setturi agrikoli tagħhom b’mod sostenibbli li jimmassimizza l-għarfien espert lokali, billi fis-sitwazzjoni attwali fejn in-numru globali ta’ nies bil-ġuħ issa jaqbeż il-biljun ruħ u fl-Unjoni Ewropea hemm ’il fuq minn 40 miljun nies foqra li m’għandhomx biżżejjed x’jieklu, l-iżviluppi xjentifiċi għandhom jintużaw jekk jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet xierqa biex itaffu l-ġuħ tad-dinja, l-aktar permezz ta’ effiċjenza aħjar tar-riżorsi,

B.  billi, skont il-FAO, id-domanda globali għall-ikel hija mistennija li tirdoppja u l‑popolazzjoni dinjija tikber minn 7 biljuni llum għal 9 biljuni sal-2050, u l-produzzjoni dinjija tal-ikel jeħtieġ li tiżdied konsegwentement fl-isfond tal-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, li jfisser li d-dinja se jkun jeħtiġilha tipproduċi aktar ikel filwaqt li tuża anqas ilma, anqas art, anqas enerġija, anqas fertilizzanti u anqas pestiċidi,

C. billi l-objettivi tal-PAK, kif elenkati fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE), għandhom l-għan li tiżdied il-produttività agrikola, jiġi ggarantit livell ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola, jiġu stabbilizzati s-swieq, tiġi garantita d-disponibilità tal-provvisti, u li jkun żgurat li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli; billi, s’issa, il-PAK fil-parti l-kbira laħqet l-għanijiet tagħha, u pparteċipat fl-isforzi biex trawwem l-integrazzjoni tal-UE, il-koeżjoni territorjali fl-Ewropa u l-funzjonament tas-Suq Uniku; madankollu, huwa biss b’mod parzjali li kkontribwixxiet għal livell ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola, u għadu ma rnexxielhiex twettaq l-istabbilizzazzjoni tas-suq, peress li s-swieq saru estremament vulnerabbli, u b’hekk is-sigurtà tal-ikel qed titqiegħed f’riskju; billi, biex il-PAK twettaq sal-aħħar l-għanijiet tagħha, filwaqt li tippreserva l-ambjent u l-impjiegi rurali, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi,

D. billi l-agrikoltura u s-silvikultura jibqgħu setturi importanti għall-ekonomija u fl-istess ħin jipprovdu prodotti essenzjali lill-pubbliku billi jieħdu ħsieb riżorsi naturali u pajsaġġi kulturali, li hija prekondizzjoni għall-attivitajiet kollha tal-bniedem f’żoni rurali, billi dawn is-setturi diġà qed jagħmlu l-akbar kontribut fl-UE biex jintlaħqu l-objettivi Ewropej fir-rigward tal-klima u tal-enerġija, b’mod partikolari l-objettivi għall-enerġiji rinnovabbli mill-bijomassa li ġejja mill-agrikoltura u mis-silvikultura, billi dan il-kontribut irid ikompli jikber fil-ġejjieni, u billi dawn is-sorsi tal-bijoenerġija jgħinu wkoll biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija u, fil-kuntest tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew, jgħinu biex jinħolqu impjiegi ġodda u biex jittejjeb id-dħul tas-settur,

E.  billi ċ-ċittadini tal-UE jirċievu benefiċċji konsiderevoli mill-PAK f'termini ta' disponibilità u għażla ta' ikel sikur u ta' kwalità għolja bi prezzijiet raġonevoli, sigurtà tal-ikel, protezzjoni tal-ambjent, ħolqien ta' impjiegi u miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima,

F.  billi bħalissa hemm 13.6 miljun ruħ impjegati direttament fis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd, b’5 miljun ruħ oħra jaħdmu fl-industrija tal-ikel agrikolu, fejn l-UE hija l-akbar produttur tal-ikel u x-xorb fid-dinja; billi dan jirrappreżenta 8.6% tal-impjiegi kollha tal-UE u jirrappreżenta 4% tal-PGD tal-UE,

G. billi, b’riżultat tal-aħħar tkabbir tal-UE (2004 u 2007), 7 miljun bidwi ieħor żdied mat-total tal-forza tax-xogħol agrikolu u l-erja tal-art agrikola żdiedet b’40%; billi d-dħul agrikolu reali għal kull ras niżel bi 12.2% fl-UE-27 fl-aħħar 10 snin, u gradwalment nieżel sal-livelli tal-1995, billi d-dħul medju mill-agrikoltura fl-UE-27 huwa anqas minn 50% tad-dħul medju fil-bqija tal-ekonomija, filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ affarijiet bażiċi bħalma huma l-fertilizzanti, l-elettriku u l-fjuwil jinsabu fl-ogħla livell ta’ dawn l-aħħar 15-il sena, fatt li jagħmel diffiċli ħafna l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni agrikola fl-UE,

H. billi minħabba li 7% tal-bdiewa fl-Ewropa għandhom età inqas minn 35 sena filwaqt li 4.5 miljun bidwi b'età ’l fuq minn 65 sena se jieqfu jaħdmu sal-2020, il-futur tas-settur agrikolu jista’ jkun f'riskju jekk l-għadd ta' bdiewa jibqa' nieżel,

I.   billi l-agrikoltura tirrappreżenta l-użu prinċipali tal-art fl-UE, u tokkupa 47% tat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea; billi madwar l-UE hemm 13.7 miljun impriża tal-biedja, li jiġġeneraw ’l fuq minn EUR 337 biljun fi produzzjoni, filwaqt li 15% tal-art agrikola fl-UE (madwar 26 miljun ettaru) tinsab f'żoni muntanjużi, u billi l-iżvantaġġi naturali f'dawk iż-żoni jxekklu lill-biedja,

J.   billi d-daqs medju fiżiku tal-impriżi agrikoli żdied b’riżultat tar-ristrutturar tas-settur, iżda l‑farms żgħar xorta għadhom predominanti fl-UE, b'daqs medju ta’ 12.6 ettaru kull farm; billi l-farms ta’ sussistenza jibqgħu sfida kruċjali, speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda, fejn ix-xogħol tal-biedja sussistenti jammonta għal nofs it-total tal-forza tax-xogħol, u billi l‑farms żgħar u l-bdiewa li jħaddmuhom huma partikolarment importanti fl-għoti ta’ beni pubbliċi mhux tal-produzzjoni,

K. billi l-kriżi ekonomika kellha effett negattiv serju fuq l-agrikoltura, fejn id-dħul tal-farms naqas b'medja ta’ 12.2% bejn l-2008 u l-2009 u l-qgħad fiż-żoni rurali żdied fl-aħħar sena; billi bħala effett dirett tal-kriżi ekonomika, il-konsum fl-Ewropa naqas b'medja ta' 10.55% bejn l-2008 u l-2009, u f'xi Stati Membri dan it-tnaqqis kien ta’ aktar minn 20%; billi effetti oħra tal-kriżi ekonomika kienu n-nuqqas ta’ aċċess għall-kreditu għall-bdiewa u pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, u dawn dgħajfu l-kapaċità tagħhom biex jipprovdu kofinanzjament,

L.  billi l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli huwa aspett permanenti, iżda li dan l-aħħar żdied drammatikament minħabba kombinazzjoni ta’ fatturi - inklużi kundizzjonijiet estremi tat-temp, il-prezzijiet tal-enerġija, l-ispekulazzjoni u l-bidliet fid-domanda – u, kif imbassar mill-OECD u mill-FAO, hija mistennija li se tiżdied aktar, u għaldaqstant se twassal għal żidiet u nżulijiet estremi fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi agrikoli fis-swieq Ewropej, billi bejn l-2006 u l-2008, il-prezzijiet ta’ diversi prodotti bażiċi għolew b’mod konsiderevoli, xi wħud saħansitra b’180%, kif kien il-każ tal-qmuħ; billi l-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib ikkollassaw fl-2009, u tbaxxew b’medja ta’ 40%, u billi prodotti oħra bħaċ-ċereali, il-frott u l-ħaxix u ż-żejt taż-żebbuġa ntlaqtu wkoll, u ċ-ċaqliq estrem fil-prezzijiet kellu konsegwenzi detrimentali għall-produtturi u mhux dejjem kien ta’ benefiċċju għall-konsumaturi,

M. billi l-indikaturi agroambjentali juru potenzjal importanti għas-settur agrikolu fl-isforz biex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima, partikolarment rigward il-ħżin tal-karbonju, it-tnaqqis dirett fl-emissjonijiet netti tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli, li jiżguraw iffrankar ġenwin tal-emissjonijiet; billi l-attività agrikola pprattikata b’mod sostenibbli hija essenzjali għall-ħarsien tal-bijodiversità, il-ġestjoni tal-ilma u l-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija u tista’ tkun fattur essenzjali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima,

N. billi l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra kkawżati mill-attività agrikola (inkluż it-trobbija tal-annimali) naqas b’20% bejn l-1990 u l-2007 fis-27 Stat Membru; billi l-proporzjon ta’ dawn l-emissjonijiet li tipproduċi l-agrikoltura niżel minn 11% fl-1990 għal 9% fl-2007, fost l-oħrajn b’riżultat ta’ użu aktar effettiv ta’ fertilizzanti u demel likwidu, tar-riformi strutturali reċenti tal-PAK u tal-implimentazzjoni gradwali tal-inizjattivi agrikoli u ambjentali,

O. billi l-UE saret importatur nett tal-prodotti agrikoli b'aktar minn b'kemm jiswew €87.6 biljun fi prodotti li jigu importati kull sena (madwar 20% tal-importazzjoni agrikola dinjija); billi f’xi każijiet il-bilanċ tal-kummerċ qaleb b’mod stabbli favur pajjiżi terzi (l-UE issa qed timporta b’kemm jiswew €19 biljun fi prodotti agrikoli mill-pajjiżi tal-Mercosur u l-esportazzjonijiet tagħha lejn ir-reġjun lanqas ilaħħqu €1 biljun); billi l-UE qed tkompli tesperjenza defiċit dejjem jikber fil-kummerċ fil-prodotti agrikoli,

P.  billi l-UE għadha l-esportatur ewlieni fid-dinja ta’ prodotti agrikoli (bejn wieħed u ieħor 17% tat-total tal-kummerċ dinji); billi l-UE tilfet sehem sinifikanti tas-suq fl-aħħar 10 snin (fl-2000 l-UE kkontribwixxiet madwar 19% tal-kummerċ dinji); billi l-UE tesporta prinċipalment prodotti b’valur miżjud għoli u pproċessati (67% tal-esportazzjonijiet agrikoli kollha tagħha),

Q. billi l-prodotti ta’ kwalità għolja huma essenzjali għall-potenzjal tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżentaw sehem kbir ħafna tal-kummerċ internazzjonali tagħha; billi l-UE qed tesporta prodotti ta’ profil għoli b’valur ekonomiku konsiderevoli, u fil-każ ta’ prodotti b’oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti l-valur nett ta’ dawn il-prodotti u affarijiet tal-ikel huwa ta’ EUR 14-il biljun fis-sena (barra l-inbejjed u l-ispirti, li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-prodotti li tesporta l-UE), billi, bil-għan li tkompli tiġi żviluppata produzzjoni ta’ kwalità għolja biex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi, iridu jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn is-setturi biex tkun żgurata l-kompetittività tagħhom, inkluża l-ħtieġa ta’ ħarsien aktar effikaċi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE u tal-marki ta’ oriġini protetti tal-UE minn sħab kummerċjali minn pajjiżi terzi,

R.  billi l-estimi ta’ appoġġ għall-produttur (PSE) juru li l-appoġġ totali lill-biedja fl-UE kien ilu gradwalment jonqos mill-2000 u issa huwa komparabbli fuq bażi per capita mal-livell ta’ appoġġ li jingħata lil dawk li huma sħab ewlenin tal-UE fil-kummerċ, filwaqt li sħab kummerċjali oħrajn fl-aħħar ftit snin żammew u żiedu sussidji li jikkawżaw distorsjoni tal-kummerċ,

S.  billi d-distribuzzjoni u l-livell ta’ appoġġ attwali lill-Istati Membri u lill-bdiewa jirriżultaw mid-distribuzzjoni u mil-livell ta' dak l-appoġġ fil-passat, meta kienu marbuta mat-tip u l-iskala tal-produzzjoni u kienu jirrappreżentaw kumpens għat-tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa li kien irriżulta mill-waqgħa sostanzjali fil-prezzijiet garantiti; billi dak il-metodu ta' distribuzzjoni jqajjem sens ta' inġustizzja komprensibbli min-naħa ta' wħud mill-bdiewa tal-UE u, barra minn hekk, jekk jinżamm, ikun inkonsistenti mal-objettivi futuri tal-PAK,

T.  billi, mill-2007, mekkaniżmi ta’ modulazzjoni volontarji wasslu biex terġa’ tingħata l-għajnuna finanzjarja bejn ħlasijiet diretti u żvilupp rurali, mingħajr, madankollu ma tjiebu t-trasparenza, il-legalità u s-simplifikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji allokati għall-agrikoltura,

U. billi s-sehem tan-nefqa tal-PAK fil-baġit tal-UE naqas b’mod stabbli minn kważi 75% fl-1985 għal 39.3% li huwa pproġettat għall-2013; billi dan jirrappreżenta anqas minn 0.45% tal-PGD tal-UE; billi t-tnaqqis fin-nefqa baġitarja fuq miżuri tas-suq huwa saħansitra aktar sinifikanti – minn 74% tan-nefqa kollha tal-PAK fl-1992 għal anqas minn 10% fil-preżent; billi l-infiq tal-PAK tbiegħed b’mod kostanti minn appoġġ lis-suq u sussidji lill-esportazzjoni għal ħlasijiet diżakkoppjati u żvilupp rurali,

V. billi dawn ir-riformi mmodifikaw sostanzjalment l-istrumenti ta’ appoġġ għall-agrikoltura filwaqt li żammew it-tliet prinċipji fundamentali tal-PAK, jiġifieri:

     - l-għaqda tas-suq,

     - il-preferenza Komunitarja,

     - is-solidarjetà finanzjarja,

W. billi minħabba li l-PAK wara l-2013 se jkollha tħabbat wiċċha ma’ bosta sfidi u l-objettivi tagħha se jiġu estiżi, huwa kruċjali li l-baġit li l-UE talloka għall-PAK jinżamm tal-anqas fil-livelli attwali,

X. billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħmel il-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) att legalment vinkolanti li għandu jikkonforma miegħu l-baġit annwali,

Y. billi n-nefqa f’forma ta' għajnuna diretta hija ta’ 0.38% tal-PGD tal-UE (ċifra tal-2008), billi n-nefqa marbuta mal-politika ta’ żvilupp rurali tirrappreżenta 0.11 % tal-PGD tal-UE,

Z.  billi l-marġni żgħir attwali disponibbli taħt l-Intestatura 2 li jibda fis-sena baġitarja 2011 jagħmilha diffiċli ħafna biex l-Unjoni tirreaġixxi kif jixraq għall-kriżijiet tas-suq u l-avvenimenti globali mhux mistennija u jista’ jiċħad il-proċedura baġitarja annwali mis-sustanza tagħha,

AA.     billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew kiseb is-setgħa li jfassal il-politika agrikola tal-Unjoni, mhux biss fir-rigward tal-programmi multiannwali iżda wkoll billi jagħmel emendi għall-baġit annwali tal-agrikoltura, biex b’hekk ta lill-Parlament ir-responsabilità li jiżgura politika agrikola komuni ġusta u sostenibbli,

AB.     billi bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Politika Agrikola Komuni hija soġġetta għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja u l-Parlament Ewropew għandu responsabilità importanti biex jgħin jadotta leġiżlazzjoni soda u effiċjenti f’dan il-qasam,

AC.     billi skont l-aħħar Eurobarometer, 90% taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa jikkonsidraw li l-agrikoltura u ż-żoni rurali huma importanti għall-futur tal-Ewropa, 83% taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa huma favur l-appoġġ finanzjarju lill-bdiewa u, fil-medja tagħhom, jemmnu li l-politika agrikola għandha tkompli tiġi deċiża fuq livell Ewropew,

AD.     billi l-objettivi u s-sustanza tal-futur tal-Politika Agrikola Komuni jridu jkunu soġġetti għal diskussjonijiet pubbliċi wiesgħa sabiex jiżdied l-għarfien pubbliku tal-PAK, u billi, għaldaqstant, għandha tintlaqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar dibattitu pubbliku dwar il-PAK wara l-2013,

AE.     billi l-PAK trid tkun orjentata lejn iż-żamma u l-iżvilupp fl-Ewropa ta' agrikoltura multifunzjonali, sostenibbli u applikata fuq it-territorju kollu,

L-evoluzzjoni tal-PAK: minn distorsjoni tas-suq għal orjentazzjoni lejn is-suq

1.  Ifakkar li l-PAK għaddiet minn riformi radikali matul l-aħħar 25 sena, li ġabu, b’mod partikolari, bidla fundamentali minn appoġġ għall-produzzjoni għal appoġġ għall-produttur, naqqsu l-intervent regolari fix-xiri u d-dumping ta’ prodotti Ewropej żejda fi swieq dinjija u għamlu li l-PAK u l-bdiewa tal-UE jkunu aktar orjentati lejn is-suq;

2.  Ifakkar li l-PAK kellha rwol kruċjali fiż-żieda tal-produzzjoni u biex titma’ l-popolazzjoni Ewropea wara t-Tieni Gwerra Dinjija; ifakkar ukoll li l-PAK kienet l-ewwel politika komuni tal-KEE, li ħejjiet it-triq għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea f'oqsma politiċi oħrajn;

3.  Jirrimarka li l-istrumenti tas-suq tal-PAK speċifiċi għal kull settur għandhom rwol fundamentali u issa qed jintużaw bħala xbieki ta’ sikurezza biex jgħinu fit-tnaqqis tal-volatilità tas-suq sabiex jiggarantixxu lill-bdiewa ċertu grad ta’ stabilità; (jenfasizza li l-bidla fil-politika tas-suq ma wasslitx għal tnaqqis tad-dipendenza tal-bdiewa fuq ix-xerrejja; jinnota, barra minn hekk, li mindu ġiet adottata l-iskema ta’ Pagamenti Agrikoli Uniċi diżakkoppjati kien hemm tbegħid determinat mill-miżuri li jgħawġu l-kummerċ, b’konformità mar-rekwiżiti tad-WTO;

4.  Jinnota li r-riformi tal-PAK li nbdew fl-1992 u l-1999 u, b'mod partikolari, ir-riforma tal-2003, li ġiet riveduta matul il-Kontroll tas-Saħħa u li introduċiet il-prinċipju tal-firda, kif ukoll id-diversi riformi settorjali, ilkoll kellhom l-iskop li jippermettu lill-bdiewa tal-UE jwieġbu u jirreaġixxu aħjar għas-sinjali u l-kundizzjonijiet tas-suq; juri x-xewqa li din it-tendenza tkompli f’aktar riformi filwaqt li xi miżuri tas-suq għadhom meħtieġa minħabba l-aspetti speċifiċi tal-produzzjoni agrikola;

5.  Jirrimarka li l-iżvilupp rurali issa huwa parti integrali mill-arkitettura tal-PAK, u għandu jibqa’ element importanti tal-PAK futura permezz ta’ strateġija ta’ żvilupp rurali li tkun mgħammra tajjeb li tiffoka fuq il-komunitajiet rurali, fuq it-titjib tal-ambjent, fuq l-immodernizzar u r-ristrutturar tal-agrikoltura, fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni fiż-żoni rurali tal-UE, fuq l-għoti tal-ħajja mill-ġdid liż-żoni żvantaġġati u liż-żoni li jinsabu f'riskju li jiġu abbandunati, fuq it-titjib fil-kummerċjalizzazzjoni u l-kompetittività tal-prodotti u ż-żamma tal-impjiegi u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fiż-żoni rurali, kif ukoll fuq l-isfidi l-ġodda indirizzati fil-Kontroll tas-Saħħa, jiġifieri t-tibdil fil-klima, l-enerġiji li jiġġeddu, il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiveristà;

6.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tar-rwol multifunzjonali tal-bdiewa fil-provvista ta’ beni pubbliċi bħall-ħarsien tal-ambjent tagħna, il-produzzjoni ta’ ikel ta’ kwalità għolja, it-trobbija tajba tal-annimali, il-formazzjoni u t-titjib tad-diversità u l-kwalità tal-pajsaġġi ta’ valur fl-UE, u l-mixja lejn prassi ta’ biedja aktar sostenibbli billi mhux biss jintlaħqu r-rekwiżiti bażiċi biex l-art tinżamm f’Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba iżda jintlaħqu wkoll standards saħansitra ogħla permezz ta’ skemi agroambjentali, xogħol tal-biedja preċiż u produzzjoni organika, kif ukoll il-forom kollha oħrajn ta' prattika agrikola sostenibbli;

7.  Ifakkar li l-PAK hija l-aktar waħda integrata mill-politiki kollha tal-UE u għalhekk b’mod loġiku tirrappreżenta l-akbar sehem mill-baġit tal-UE; jagħraf li s-sehem tagħha mill-baġit naqas kostantement minn madwar 75% tat-total tal-baġit tal-UE fl-1985 għal 39.3% sal-2013[5], li jirrappreżenta anqas minn 0.45% tat-total tal-PDG tal-UE[6], filwaqt li fl-istess ħin l-għajnuna llum hija mifruxa aktar minħabba t-12-il Stat Membru ġdid li ssieħbu mal-UE;

8.  Huwa tal-fehma, għalhekk, li l-PAK evolviet, saret aktar ekoloġika u aktar orjentata lejn is-suq, u naqqset b’mod drammatiku l-impatt tagħha fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġa lill-bdiewa biex jipproduċu ikel ta’ kwalità għolja għall-konsumaturi Ewropej;

L-isfidi li trid tilqa’ l-PAK wara l-2013

9.  Jirrimarka li s-sikurezza tal-ikel tibqa’ l-isfida ċentrali għall-agrikoltura mhux biss fl-UE imma globalment, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba li, skont il-FAO, il-popolazzjoni tad-dinja mistennija tikber minn 7 għal 9 biljuni sal-2050 u d-domanda għall-ikel hija mistennija li tirdoppja sal-2050 (speċjalment f’ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina u l-Indja);

10. Jafferma li jeħtieġ li l-Ewropa tkompli tikkontribwixxi għall-provvisti tal-ikel globali biex tikkontribwixxi biex jiġi ssodisfat dak il-bżonn fl-isfond ta’ abandun dejjem jiżdied tal-biedja, anqas ilma u provvista ta’ enerġija mnaqqsa minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima, li ser ikun restrizzjoni serja fuq il-kapaċità tal-Ewropa biex iżżid il-provvista;

11. Jafferma li l-Ewropa ser ikollha tagħmel kontribuzzjoni sostanzjali biex jiġi ssodisfat dak il-bżonn fl-isfond ta’ abandun dejjem jiżdied tal-biedja, anqas ilma u provvista ta’ enerġija mnaqqsa minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima, li ser ikun restrizzjoni serja fuq il-kapaċità tal-Ewropa biex iżżid il-provvista;

12. Jinnota li l-kriżi dinjija tal-enerġija u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija ser jgħollu l-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola, iwasslu għall-għoli tal-prezzijiet tal-ikel u għal volatilità dejjem akbar fil-prezz tas-suq kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumaturi, u li ser ikollhom effetti ħżiena fuq l-istabilità tal-provvista tal-ikel u ser jirrestrinġu serjament il-kapaċità biex jinżammu u jiżdiedu l-livelli tal-produzzjoni attwali; iqis, madankollu, li l-awtosuffiċjenza fl-enerġija għas-settur agrikolu u għal dak tas-silvikultura tista’ żżid is-sostenibilità tagħha;

13. Jemmen li l-agrikoltura tinsab f’pożizzjoni tajba biex tagħti kontribut sinifikanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ Gass b’effett Serra u żżid il-qbid tal-karbonju;

14. Jagħraf li l-biedja diġà għamlet progress konsiderevoli fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u, b’mod ġenerali, fl-indirizzar tal-problemi ambjentali (il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, il-ħamrija, il-bijodiversità, il-bijomassa, eċċ), iżda jsostni li dawk l-isforzi jeħtieġu li jitkomplew sabiex il-metodi ta’ produzzjoni jkunu lesti għal forma iktar sostenibbli ta’ żvilupp li tkun effiċjenti f'termini ambjentali, soċjali u ekonomiċi;

15. Ifakkar li l-aspettattivi tal-konsumaturi dwar is-sikurezza garantita tal-ikel iridu jintlaħqu, kif ukoll it-talbiet tagħhom għal standards ogħla fil-kwalità, benesseri aħjar tal-annimali u valur tajjeb għal flushom;

16. Iqis li l-PAK trid tkompli tipprovdi soluzzjonijiet, u assistenza tanġibbli għat-theddida tal-abbandun tal-art, id-depopolazzjoni taż-żoni rurali u l-popolazzjoni rurali li qed tixjieħ fl-UE, billi jiġu stabbiliti fondi u assistenza xierqa għal dak il-għan, biex tiġi żgurata s‑sostenibilità fit-tul tal-komunitajiet rurali fl-UE; jemmen, għalhekk, li jinħtieġ ukoll li jitkompla l-iżvilupp rurali b’mira speċifika fil-PAK,

17. Jemmen li l-PAK trid tipprovdi risposti immedjati għall-effetti tal-kriżi ekonomika fuq l-impriżi agrikoli, bħan-nuqqas ta’ aċċess għall-kreditu għall-bdiewa, limitazzjonijiet fuq id-dħul mill-biedja[7], u l-qgħad li qed jiżdied f’żoni rurali;

18. Jirrimarka, għalhekk, li d-differenzi fil-kapaċità tal-Istati Membri biex jiffaċċjaw il-kriżi ekonomika jistgħu jwasslu biex jiżdiedu l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni rurali fl-UE;

19. Jagħraf li l-PAK għandha tqis id-differenzi fl-istruttura u l-ħtiġijiet tal-modernizzazzjoni tal-agrikoltura f’UE ikbar, bl-għan li jinkisbu livelli ugwali ta’ żvilupp u koeżjoni;

20. Jemmen li, fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, il-prijoritajiet tal-PAK ta’ wara l-2013 għandhom jiddaħħlu fis-sod f’politika tal-ikel u agrikola multifunzjonali b’saħħitha, sostenibbli, appoġġjata tajjeb u kredibbli, li tibgħat sinjali qawwija biex tappoġġja l-bdiewa b’effiċjenza u b’mod immirat, u tipprovdi tweġibiet għat-tħassib tal-komunità rurali filwaqt li tkun ta’ ġid għas-soċjetà aktar wiesgħa;

Il-bżonn ta’ PAK b’saħħitha wara l-2013

Biex jintlaħqu bżonnijiet soċjo-ekonomiċi

21. Huwa tal-opinjoni li, minħabba l-Istrateġija Ewropa 2020, tinħtieġ Politika Agrikola Komuni Ewropea b’saħħitha u sostenibbli biex isservi l-interessi tal-bdiewa Ewropej kollha u ġġib benefiċċji aktar estensivi għas-soċjetà; hu tal-fehma li din il-Politika għandha tħalli lill-agrikoltura twettaq il-parti tagħha fl-ekonomija Ewropea u tiżgura li jkollha l-għodda biex tikkompeti fis-swieq dinjija; jemmen li, għal raġunijiet strateġiċi, l-UE ma tistax tippermetti lilha nnifisha li sserraħ fuq partijiet oħra tad-dinja biex jipprovdu s-sikurezza tal-ikel Ewropea fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, l-instabilità politika f’ċerti reġjuni tad-dinja u l-possibilità ta’ epidemiji ta’ mard jew avvenimenti oħra li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-kapaċità tal-produzzjoni;

22. Ifakkar li l-agrikoltura tal-UE għadha settur ċentrali tal-ekonomija tal-UE, billi tagħti kontribut importanti lill-PGD u lill-impjiegi tal-UE, kemm direttament kif ukoll indirettament, permezz tal-effett multiplikatur fis-suq tal-industrija – upstream u downstream – tal-ikel u x-xorb; jemmen, għaldaqstant, li agrikoltura b’saħħitha u industrija tal-ikel u x-xorb b’saħħitha ma jistgħux jinfirdu u t-tnejn li huma jikkontribwixxu għas-suċċess ta’ xulxin, partikolarment fis-swieq tal-esportazzjoni;

23. Ifakkar li waħda mir-raġunijiet li għalihom l-UE teħtieġ PAK b’saħħitha hija biex tikkontribwixxi għaż-żamma u għall-iżvilupp ta’ komunitajiet rurali vijabbli u dinamiċi, fil-qalba tad-diversità kulturali Ewropea, u li dawn huma ferm importanti għal żvilupp soċjo-ekonomiku sostenibbli u bilanċjat madwar it-territorju Ewropew kollu; huwa tal-fehma li dan jitlob li d-differenza bejn il-komunitajiet rurali u urbani tonqos, bil-għan li jiġi evitat l-abbandun tal-art u d-depopulazzjoni rurali li qegħdin dejjem jiżdiedu, fatti li min-naħa tagħhom qed ikomplu jiżolaw iż-żoni rurali;

24. Jirrimarka li hemm bżonn urġenti li ġenerazzjonijiet żgħażagħ u nisa jiġu attirati lejn żoni rurali permezz ta’ politiki fuq perjodu twil u li jiġu provduti lilhom opportunitajiet ekonomiċi alternattivi ħalli tiġi assigurata popolazzjoni rurali sostenibbli; iqis li għandhom jiġu esplorati modi ġodda kif jistgħu jinġibdu ż-żgħażagħ bħalma huma d-disponibilità ta’ self u kreditu favorevoli għall-investimenti, u l-għarfien tal-ħiliet professjonali tagħhom biex jiġi żgurat li jistgħu jidħlu fl-ekonomija rurali b’mod relattivament faċli; jirrikonoxxi l-ostakli li jiffaċċjaw il-bdiewa żgħażagħ meta jippruvaw jidħlu fis-settur, bħall-ispejjeż għolja biex wieħed jibda negozju, il-prezz xi drabi projbittiv tal-art u d-diffikultà biex ikollhom aċċess għall-opportunitajiet ta' kreditu, speċjalment fi żminijiet diffiċli;

25. Jemmen li ż-żieda fil-qgħad f’żoni rurali għandha tiġi ttrattata billi jiġu ppreservati l-impjiegi eżistenti, jiġu inkoraġġuti impjiegi ta’ kwalità għolja u jiġu mrawma opportunitajiet addizzjonali għal diversifikazzjoni u sorsi ġodda ta’ dħul;

26. Ifakkar, kif jissuġġerixxi tajjeb l-Artikolu 39 tat-Trattat ta’ Lisbona, li l-agrikoltura hija settur speċifiku li jsofri minn ċiklu ta’ produzzjoni fuq perjodu ta’ żmien twil u diversi tipi ta’ fallimenti tas-suq bħaċ-ċaqliq qawwi tas-suq, esponiment kbir għal diżastri naturali, livell għoli ta’ riskju, nuqqas ta’ elastiċità tad-domanda, u l-fatt li l-bdiewa huma dawk li ‘jieħdu l-prezz’ aktar milli dawk li ‘jagħmlu l-prezz’ fil-katina tal-provvista tal-ikel;

27. Iqis li, fil-każ ta’ xi setturi agrikoli li jeħtieġu investiment tal-kapital sustanzjali fiċ-ċikli multiannwali tal-produzzjoni (tal-ħalib, il-frott taċ-ċitru, l-inbid, iż-żebbuġ u l-frott b’mod ġenerali), jeħtieġ li jiġu introdotti metodi ġodda ta’ ġestjoni tal-provvista;

28. Jirrimarka, bħala l-punt l-aktar importanti, li fil-ġejjieni l-politika agrikola Ewropea trid tibqa’ politika komuni u li hija biss sistema bbilanċjata u ġusta ta’ appoġġ madwar l-UE kollha b’sett ta’ objettivi u regoli komuni li - għalkemm tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti setturi u reġjuni - tista’ tikseb il-kundizzjonijiet xierqa għall-bdiewa u funzjonament tajjeb ta’ suq uniku b’kundizzjonijiet kompetittivi u ġusti għall-prodotti agrikoli u għall-bdiewa fi ħdan l-UE, u b’hekk jinkiseb aktar valur għall-flus milli kieku jinkiseb permezz ta’ politiki agrikoli rinazzjonalizzati, u possibilment konfliġġenti, f’kull Stat Membru individwali;

29. Iqis li l-PAK għandha tiżgura l-eżistenza simultanja ta’:

– il-biedja b’valur għoli miżjud bi prodotti primarji u proċessati ta’ kwalità għolja, li ttiha pożizzjoni b’saħħitha fis-swieq dinjija;

– il-biedja miftuħa għas-swieq reġjonali;

– il-biedja maħsuba għas-swieq lokali, filwaqt li jitqies li wħud mill-bdiewa involuti huma bdiewa żgħar bi dħul limitat li, li kieku kellhom jabbandunaw il-biedja – minħabba l-età tagħhom, il-kwalifiki jew l-għażliet tal-istil ta’ ħajja li jgħixu – isibuha diffiċli ħafna li jsibu xogħol barra l-biedja, partikolarment fi żmien ta’ reċessjoni u ta’ livell għoli ta’ qgħad;

Benefiċċji f’termini ta’ beni għall-pubbliku

30. Jenfasizza li l-ikel huwa l-aktar importanti mill-beni pubbliċi prodotti mill-biedja; jagħraf li l-bdiewa jipprovdu varjetà ta’ beni lill-pubbliku li s-suq ma jħallashomx tagħhom; għaldaqstant jinsisti li huma għandhom jiġu ppremjati b’mod ġust u inċentivati aktar biex ikomplu jagħtu prodotti sikuri u ta’ kwalità għolja, kundizzjonijiet aħjar għall-benesseri tal-annimali u benefiċċji ambjentali oħra, minbarra li jinħolqu aktar impjiegi, sabiex tiġi ppreservata l-kampanja madwar l-Ewropa;

31. Ifakkar, għaldaqstant, li jekk l-attività agrikola sostenibbli (vijabbli ekonomikament, soċjalment u ambjentalment fuq żmien twil) ma titkompliex madwar l-UE, il-provvista ta’ beni għall-pubbliku tkun f’riskju;

32. Jagħraf li ġenerazzjonijiet ta’ bdiewa ffurmaw il-pajsaġġi ta’ valur tal-UE u għalhekk, għandhom jiġu ppremjati talli jkomplu jagħmlu hekk b’mod sostenibbli, speċjalment f’żoni muntanjużi u f’żoni żvantaġġjati mill-aspett naturali; jemmen li huma qegħdin jikkontribwixxu b’mod attiv għall-valur u l-faxxinu kulturali kbar tal-Ewropa, billi jipprovdu x-xenarju biex jirnexxi t-turiżmu rurali; jirrimarka li dan għandu, madankollu, ikun ikkumplimentat minn politika reġjonali Ewropea u minn strumenti nazzjonali biex jiġi żgurat, permezz ta’ effetti sinerġetiċi xierqa, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet reġjonali stabbli, li huma prekondizzjoni essenzjali biex l-agrikoltura taħdem sewwa;

33. Jirrimarka li l-bdiewa għandhom il-potenzjal li jagħtu benefiċċji ambjentali oħra li jissodisfaw id-domandi tas-soċjetà, b’mod partikolari l-preservazzjoni u r-restawrazzjoni tal-ħamrija, il-ġestjoni tajba u t-titjib tal-kwalità tal-ilma u l-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-art agrikola, u li huma jridu jiġu inkuraġġuti li jagħmlu hekk, u li għandu jingħata l-appoġġ għall-investiment għal dan il-għan;

34. Jirrimarka li, għalkemm fl-imgħoddi kienet meħtieġa s-sistema tal-kundizzjonalità li permezz tagħha l-għoti tal-għajnuna diretta huwa soġġett għall-konformità mal-ħtiġijiet statutorji u maż-żamma ta' art agrikola f'kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, din ma baqgħetx l-aktar mezz xieraq biex tiġi massimizzata l-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema mill-bdiewa u l-ilħuq ta’ sfidi ambjentali ġodda; jinnota, barra minn hekk, li l-introduzzjoni tal-kundizzjonalità qajmet firxa sħiħa ta' problemi relatati ma' kwistjonijiet amministrattivi u mal-aċċettazzjoni mill-bdiewa, li kellhom l-impressjoni li kienu qed jitilfu ċerta libertà fix-xogħol tagħhom;

35. Jemmen li l-impatt tal-agrikoltura fuq il-klima jista' jittaffa b'mod konsiderevoli permezz ta' titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ ta' nies li jaħdmu fl-agrikoltura, użu aħjar ta' innovazzjonijiet li joħorġu mir-riċerka u l-iżvilupp u titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni agrikola;

36. Jemmen, skont l-aħħar riċerka disponibbli, li mingħajr politika agrikola komuni u Prattika Agrikola Tajba, jistgħu jiżviluppaw metodi mhux sostenibbli ta’ produzzjoni min-naħa għall-oħra tal-UE (intensifikazzjoni estrema fuq l-aħjar art u abbandun ġenerali tal-art f’żoni żvantaġġjati), li jikkawżaw ħsara kbira lill-ambjent; jinsisti li l-prezz tal-appoġġ permezz ta’ PAK b’saħħitha mhu xejn meta jitqabbel mal-prezz jekk ma tittieħed ebda azzjoni u l-konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati;

Il-prijoritajiet ġodda tal-PAK għas-seklu 21

37. Jemmen li l-agrikoltura tinsab f’pożizzjoni tajba biex tagħmel kontribuzzjoni kbira biex twassal il-prijoritajiet ġodda tal-Istrateġija tal-UE 2020 biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u biex jinħolqu impjiegi ġodda permezz ta’ tkabbir ekoloġiku u l-provvista ta’ enerġija li tiġġedded filwaqt li fl-istess ħin tkompli tipprovdi sikurezza tal-ikel għall-konsumaturi Ewropej billi tipproduċi prodotti tal-ikel u ta’ kwalità għolja;

PAK ġusta

38. Jinsisti li l-agrikoltura tal-UE trid tibqa’ kompetittiva kontra l-kompetizzjoni ħarxa u l-miżuri li jgħawġu l-kummerċ min-naħa tas-sħab kummerċjali u/jew il-pajjiżi fejn il-produtturi mhumiex soġġetti għal standards għoljin daqs dawk fl-UE fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwalità tal-prodotti, is-sikurezza tal-ikel, l-ambjent, il-leġiżlazzjoni soċjali, u l-benesseri tal-annimali; għalhekk jemmen li t-titjib tal-kompetittività f'livelli differenti (lokali, reġjonali, tas-Suq Intern, u tas-swieq dinjija) għandu jibqa’ objettiv fundamentali tal-PAK wara l-2013 biex ikun żgurat li l-UE jkollha għażla wiesgħa ta' prodotti tal-ikel u ta’ prodotti agrikoli oħra li jkunu ta’ valur għoli u diversifikati li jkomplu jirbħu sehem akbar tas-suq dinji, kif ukoll jiġi żgurat kummerċ ġust u prezzijiet rimunerattivi għall-bdiewa;

39. Ifakkar li l-bdiewa tal-UE jipproduċu ikel tal-ogħla standards ta’ sikurezza, kwalità u benesseri tal-annimali u għandhom ikunu ppremjati talli jagħmlu dan; jemmen li l-oġġetti impurtati minn pajjiżi terzi għandhom, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet u l-obbligi tad-WTO, jilħqu l-istess rekwiżiti biex tiġi assigurata kompetizzjoni ġusta u jiggarantixxu li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla informata dwar il-prodotti li jixtru, ibbażata, fost l-oħrajn, fuq traċċabilità affidabbli; jistiden lill-Kummissjoni biex tiddefendi l-interessi tal-bdiewa Ewropej fil-kuntest ta' ftehimiet ta' kummerċ multilaterali u bilaterali li jiġu nnegozjati f'isem l-UE;

40. Jinsisti li ż-żamma tal-attività agrikola min-naħa għall-oħra tal-Ewropa kollha hija fundamentali sabiex tinżamm il-produzzjoni tal-ikel differenti u lokali, jiġu żgurati d-dinamiżmu soċjoekonomiku u l-impjiegi, partikolarment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali u tiġi evitata t-theddida tal-abbandun tal-art madwar it-territorju rurali tal-UE permezz tal-preservazzjoni kontinwa tal-ambjent u l-immaniġġjar tal-pajsaġġ; jemmen, għalhekk, li r-reġjuni żvantaġġati għandhom jingħataw l-opportunità li jegħlbu l-ostakoli addizzjonali kkawżati mis-sitwazzjoni speċifika tagħhom u li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw irwieħhom; iqis li l-isfida speċifika tal-biedja ta’ sussistenza trid tiġi indirizzata;

41. Jenfasizza li l-bdiewa jeħtieġu prospettivi ta’ investiment fit-tul u dħul adegwat biex iwettqu l-ħidmiet tagħhom; jitlob għalhekk li l-garanzija ta’ profitt ġust u stabbli għall-komunità agrikola jibqa’ għan primarju għall-PAK il-ġdida, filwaqt li tipprovdi valur tajjeb għall-flus u trattament ġust għall-konsumaturi, mhux l-anqas billi tiżdied il-kompetittività fis-settur agrikolu u billi l-bdiewa jitħallew ikopru l-ispejjeż reali tagħhom u jirrispondu għas-sinjali tas-suq;

42. Jitlob biex jittieħdu miżuri ħalli jissaħħu l-kapaċità ta’ mmaniġġjar u s-setgħa ta’ negozjar tal-produtturi primarji u tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi vis-à-vis operaturi ekonomiċi oħra fil-katina alimentari, u li titħeġġeġ il-formazzjoni ta’ organizzazzjonijiet li jsaħħu r-rabtiet bejn id-diversi partijiet interessati fi ħdan il-fergħat, sakemm dawn ikunu jistgħu jtejbu l-iskambju tat-tagħrif u l-adegwatezza tal-provvista mad-domandi tal-konsumaturi; huwa tal-fehma li żviluppi bħal dawn jistgħu jtejbu l-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel b’aktar trasparenza fil-prezzijiet tal-ikel u fl-azzjoni biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti, b’mod li l-bdiewa jkunu jistgħu jiksbu l-valur miżjud li jistħoqqilhom; jemmen li dawn l-objettivi jistgħu jirrikjedu aġġustament jew iċċarar tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex iqisu l-aspetti speċifiċi tas-swieq agrikoli, kemm-il darba ma jxekklux il-funzjonament xieraq tas-suq uniku;

43. Jemmen li għandu jkun hemm miżuri tas-suq flessibbli u effiċjenti sabiex jiżguraw xibka ta’ sikurezza adegwata fi ħdan il-qafas futur tal-PAK sabiex tiġi evitata l-volatilità estrema tal-prezzijiet tas-suq, jingħata livell akbar ta’ stabilità, u sabiex jiġu pprovduti reazzjonijiet rapidi u effiċjenti għall-kriżijiet ekonomiċi li jinqalgħu fis-settur; huwa tal-fehma li dan għandu jkun ikkumplementat b’sistema ta’ mmaniġġjar tar-riskji li tkun tgħin biex jiġu mminimizzati l-konsegwenzi tad-diżastri naturali u tas-saħħa;

44. Huwa tal-fehma wkoll, li, sabiex is-suq ikun jista' jiġi mmaniġġjat b'mod aktar effiċjenti u tiġi evitata kriżi ta' produzzjoni żejda, l-istrumenti speċifiċi għall-immaniġġjar tal-potenzjal tal-produzzjoni li huma disponibbli f'ċerti setturi għandhom jinżammu, ibbażati fuq il-prinċipji tal-ġustizzja u n-non-diskriminazzjoni;

45. Jitlob għal distribuzzjoni ġusta tal-ħlasijiet tal-PAK u jinsisti li din għandha tkun ġusta mal-bdiewa kemm tal-Istati Membri ġodda kif ukoll ma’ dawk antiki;

46. Iqis li t-tnaqqis ta' ħlasijiet diretti taħt l-ewwel pilastru jkollu konsegwenzi devastanti, mhux biss għall-bdiewa imma, b'mod ugwali, għall-kampanja, għas-servizzi pubbliċi marbuta mal-agrikoltura, għall-konsumaturi u għas-soċjetà, minħabba l-fatt li tal-aħħar hija benefiċjarja fis-sħuħija tagħha; il-ħlasijiet diretti għalhekk huma essenzjali u jridu jinżammu, l-aktar għall-Istati Membri l-ġodda; jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatt, li jista’ jkun negattiv, tat-tnaqqis tal-fondi tal-PAK fuq il-valur tal-irziezet, b’riperkussjonijiet serji partikolarment għall-bdiewa li sselfu mill-banek, partikolarment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika li affettwat b’mod gravi l-agrikoltura Ewropea;

47. Jemmen li negozji agrikoli vijabbli huma fundamentali biex jiġu sostnuti komunitajiet rurali b’saħħithom għax negozji bħal dawn jiġġeneraw impjieg u servizzi fil-livell lokali; iqis għalhekk li l-PAK għandha tinvolvi l-komunitajiet lokali biex tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-vijabilità soċjoekonomika tagħhom, inkluż permezz tal-preservazzjoni tal-impriżi tal-biedja tal-familja, u r-ristrutturar u l-immodernizzar kontinwi tal-farms, fejn dawn ikunu meħtieġa; ifakkar li l-miżuri ta’ diversifikazzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura rurali wkoll huma importanti f’dan ir-rigward;

PAK sostenibbli

48. Jemmen li l-agrikoltura għandha sehem importanti x’tagħti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima billi tnaqqas l-emissjonijiet GHG, iżżid il-kapaċità tal-qbid tal-karbonju u tiżviluppa u tuża aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u materjali bijoloġiċi; jemmen li l-kunsiderazzjonijiet tal-klima għandhom jiġu integrati fil-miżuri kollha tal-PAK, fejn ikun xieraq;

49. Iqis li produzzjoni effiċjenti hija fundamentali għal ġestjoni aktar sostenibbli ta’ riżorsi skarsi u li l-bdiewa għandhom ikunu innovattivi fil-metodi tekniċi ta' produzzjoni tagħhom billi jużaw l-aktar għodda finanzjarja, xjentifika u teknika effiċjenti ta’ mmaniġġjar ħalli tkun tista' tintlaħaq id-domanda li qed tikber għall-ikel u għall-materjali agrikoli rinnovabbli b’mod aktar sostenibbli ekonomikament, soċjalment u ambjentalment;

50. Jenfasizza, fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE 2020, li r-riċerka u l-iżvilupp, l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u prattiki agrikoli tajba huma importanti biex tittejjeb il-kompetittività u tiżdied il-produzzjoni filwaqt li jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi, il-fertilizzanti, u l-użu ta’ riżorsi skarsi bħalma huma l-ilma u l-enerġija; huwa tal-fehma li l-investiment fl-innovazzjoni agrikola għandu jkompli jitħeġġeġ aktar, fost l-oħrajn, permezz tal-programmi ta’ qafas tar-riċerka u l-iżvilupp tal-PAK u tal-UE bil-għan li jiġu indirizzati sfidi ġodda;

51. Jirrakkomanda għal dan il-għan il-preżenza attiva ta' konsulenti agronomiċi fir-reġjuni biex jiggwidaw lill-bdiewa fl-isforzi tagħhom li jwasslu prodotti pubbliċi ambjentali;

52. Jemmen li jeħtieġ li jiddaħħlu salvagwardji sabiex jiġi żgurat li l-bijoteknoloġija tista’ tkompli tiġi użata aktar fl-agrikoltura mingħajr ma jkollha impatt fuq il-metodi ta’ produzzjoni eżistenti.

PAK ekoloġika

53. Jinnota li s’issa s-suq naqas milli jippremja kif suppost lill-bdiewa talli jħarsu l-ambjent u beni pubbliċi oħra; għalhekk jemmen li l-PAK trid tqiegħed enfasi akbar fuq is-sostenibilità billi tipprovdi inċentivi ekonomiċi xierqa lill-bdiewa biex jottimizzaw it-twassil ta’ servizzi tal-ekosistema u ħalli jtejbu aktar il-ġestjoni b’saħħitha tar-riżorsi ambjentali tal-art agrikola tal-UE; jenfasizza li dan għandu jintlaħaq mingħajr ma jinħoloq piż finanzjarju jew burokratiku ieħor fuq il-bdiewa;

54. Jemmen li, bis-saħħa tat-titjib fil-fatturi tal-produzzjoni marbuta mal-avvanzi fl-għarfien, il-bdiewa jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jikkontribwixxu għat-tkabbir ekoloġiku u jirreaġixxu għall-kriżi tal-enerġija permezz tal-iżvilupp tal-enerġija ekoloġika f’forom bħall-bijomassa, il-bijoskart, il-bijogass, il-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni u enerġija fuq skala żgħira mir-riħ, mix-xemx u mill-ilma, li wkoll tgħin biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi ekoloġiċi;

Politika komuni u sempliċi

55. Jinsisti li politika agrikola komuni hija aktar relevanti minn qatt qabel biex jiġi żgurat li d‑dimensjoni transkonfinali tal-provvista tal-ikel, tat-tibdil fil-klima, tal-istandards komuni għoljin ta’ protezzjoni ambjentali, tas-sikurezza u l-kwalità tal-prodott u tal‑benesseri tal-annimali jkunu garantiti f’Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb;

56. Jemmen li l-PAK il-ġdida, permezz ta’ sistema ta’ appoġġ simplifikata, trid tkun faċli biex tiġi amministrata, trasparenti, u trid tnaqqas il-burokrazija u piżijiet amministrattivi għall-bdiewa, b’mod partikolari għall-produtturi ż-żgħar, ħalli l-bdiewa jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-kompitu prinċipali tagħhom li jipprovdu prodotti agrikoli ta' kwalità; jemmen li dan jista’ jinkiseb, fost l-oħrajn, billi navvanzaw lejn l-użu ta’ għodda ta’ prestazzjoni li jiffissaw l-għanijiet u jagħtu s-setgħa lill-bdiewa li jagħżlu huma s-sistemi tal-biedja tagħhom biex jilħqu dawn l-għanijiet, bħal ftehimiet dwar riżultati, kuntratti sempliċi u ħlasijiet multiannwali;

57. Jitlob li jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi spjegat fiex tikkonsisti l-PAK, mhux biss lill-bdiewa imma wkoll liċ-ċittadini Ewropej kollha, filwaqt li jiġi pprovdut tagħrif b’mod trasparenti dwar l-objettivi li jkunu qed jiġu segwiti, il-mezzi disponibbli u l-effetti ta’ ġid mistennija bl-implimentazzjoni tal-PAK;

58. Iqis li jeħtieġ li l-approċċ tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-kontrolli regolatorji, għat-tmexxija tal-verifiki tal-konformità u għall-impożizzjoni tat-tiswijiet finanzjarji jrid ikun aktar proporzjonat u bbażat fuq ir-riskju;

59. Jemmen li jekk il-PAK għandha tiġi ssimplifikata b’mod ġenwin, l-istruttura l-ġdida tagħha trid tkun iddisinjata b’mod li jiġi evitat li miżuri simili jinqasmu bejn strumenti ta’ politika differenti;

60. Jitlob li l-Parlament Ewropew jingħata tagħrif aġġornat u fil-pront dwar l-istat attwali tal-baġit tal-agrikoltura;

Il-kisba ta’ PAK ġusta, ekoloġika u sostenibbli

61. Jistenna li l-PAK tiġi ddisinjata mill-ġdid, skont il-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa dwar l-Ewropa 2020, bil-ħsieb li tipprovdi strumenti li jġibu tkabbir intelliġenti, inklussiv u ekoloġiku;

62. Jagħraf l-iskala wiesgħa ta’ prijoritajiet eżistenti u ġodda għall-PAK u jinnota li l-aspettattiva ġġustifikata tal-Istati Membri l-ġodda meta ssieħbu mal-Unjoni Ewropea kienet li l-għajnuna tal-PAK setgħet, maż-żmien, tkun komparabbli ma’ dik tal-Istati Membri l-antiki; bil-għan li tingħata tweġiba sħiħa għall-isfidi l-ġodda u jitwettqu l-prijoritajiet ta' PAK riformata, jitlob li l-ammonti allokati għall-PAK fil-baġit tal-2013 tal-anqas jinżammu kif inhuma matul il-perjodu ta’ pprogrammar finanzjarju li jmiss;

63. Jitlob li l-baġit tal-PAK ikollu mekkaniżmu ta’ flessibilità għat-tmiem tas-sena sabiex dak li ma jintefaqx jgħaddi u jiġi riallokat għas-sena ta’ wara;

64. Jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, li, jekk il-PAK ikollha wisq prijoritajiet, l-ammont limitat disponibbli ta’ riżorsi tal-baġit se jiġġebbed iż-żejjed, u mhux se jikseb riżultati effettivi, b’mod partikulari fil-qasam tal-produzzjoni tal-ikel;

65. Jinsisti li l-PAK m’għandhiex tiġi rinazzjonalizzata u għalhekk jemmen li l-għajnuna diretta għandha tibqa’ ffinanzjata kompletament mill-baġit tal-UE, u b’hekk jiġi rrifjutat kull kofinanzjament ieħor li jista’ jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-Suq Uniku tal-UE;

66. Jitlob għal distribuzzjoni ġusta tal-fondi tal-PAK lill-bdiewa madwar l-UE; ifakkar li biex tiġi rispettata d-diversità tal-biedja fl-UE, iridu jinstabu kriterji oġġettivi sabiex tiġi definita sistema ġusta ta’ distribuzzjoni; jirrimarka li l-ħlasijiet diretti jikkontribwixxu għall-għoti ta’ beni pubbliċi, jgħinu biex jiġi stabbilizzat id-dħul tal-bdiewa u jassiguraw kontra r-riskji, filwaqt li parzjalment jibbilanċjaw l-istandards għolja soċjalment mixtieqa fl-UE, u t-tnaqqis kontinwu fil-barrieri tat-tariffi, kif ukoll jippremjaw l-għoti ta’ beni pubbliċi bażiċi li ma jirċievu l-ebda kumpens mis-suq;

(1) Jemmen li biex jitnaqqsu d-differenzi fid-distribuzzjoni tal-fondi ta’ appoġġ dirett bejn l-Istati Membri u biex issir riflessjoni fuq id-diversità wiesgħa li tikkaratterizza l-agrikoltura Ewropea,, mhux biżżejjed li tintuża l-bażi tal-ettaru biss u, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aktar kriterji oġġettivi u biex tevalwa l-impatt potenzjali tagħhom, filwaqt li tqis il-kumplessità tas-settur agrikolu u d-differenzi fl-Istati Membri ħalli tintlaħaq distribuzzjoni aktar bilanċjata;

(2) Jitlob li jiġu definiti b’mod ċar il-kriterji ġusti u oġġettivi għall-allokazzjoni ta’ fondi għal għanijiet ta’ żvilupp rurali;

67. Jemmen li appoġġ dirett għandu jimxi lejn bażi ta’ żona fl-Istati Membri kollha fi żmien il-perjodu ta’ pprogrammar finanzjarju li jmiss; dan ikun jikkostitwixxi perjodu ta’ tranżizzjoni suffiċjenti li jippermetti lill-bdiewa u l-istrutturi agrikoli li għadhom jużaw is-sistema storika ta’ ħlasijiet l-flessibilità li jadattaw ruħhom għall-bidliet, u li jevita li ssir ridistribuzzjoni radikali wisq tal-appoġġ, mingħajr ma jiġi preġudikat l-ilħuq malajr ta’ distribuzzjoni bbilanċjata tal-appoġġ fost l-Istati Membri; jinnota li t-tbegħid mill-bażi storika jista’ joħloq sfidi partikolari għal Stati Membri jew reġjuni b’ammont relattivament kbir tal-hekk imsejħa ‘art għarwiena’ (art eliġibbli li mhix is-suġġett ta’ talba għal għajnuna); jitlob li l-bżonnijiet speċifiċi ta’ reġjuni bħal dawn jingħataw kunsiderazzjoni sħiħa meta jkun qed jitfassal l-appoġġ futur; jemmen ukoll li l-Stati Membri u r-reġjuni jridu jkomplu jżommu l-flessibilità li jirreġjonalizzaw is-sistema ta’ ħlasijiet għaż-żona tagħhom b’tali mod li jirriflettu l-prijoritajiet speċifiċi tagħhom filwaqt li jirrispettaw il-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern;

68. Iqis li m’għandux ikun hemm ritorn għall-ħlasijiet akkoppjati bħala prinċipju ta’ gwida tal-PAK; huwa tal-fehma, madankollu, li, minħabba ċ-ċaqliq minn mudell ta’ appoġġ storiku għal dak ta’ appoġġ għal żona, fid-dawl tad-deċiżjonijiet meħuda wara l-Kontroll tas-Saħħa, għandu jitħalla marġni adegwat għal flessibilità lill-Istati Membri; jemmen li din il-flessibilità se tagħmel mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorju tagħhom u jkunu jistgħu jipprevjenu li l-produzzjoni tieqaf għalkollox jew li tonqos id-diversità tal-biedja; hu tal-fehma li dan il-marġni għall-immanuvrar ikun jieħu s-sura ta’ ħlasijiet akkoppjati limitati għas-setturi u territorji agrikoli vulnerabbli u żoni li huma ambjentalment sensittivi, b’konformità mar-rekwiżiti tad-WTO filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet tas-suq ġusti għall-bdiewa madwar l-UE kollha;

69. Jidentifika l-ħtieġa ta’ pedamenti ċentrali ewlenin – is-Sikurezza tal-Ikel u l-Kummerċ Ġust, is-Sostenibilità, l-Agrikoltura madwar l-Ewropa, il-Kwalità tal-Ikel, il-Protezzjoni tal-Bijodiversità u tal-Ambjent, u t-Tkabbir Ekoloġiku, biex tinkiseb PAK ġusta u aktar sostenibbli; iqis li l-istruttura ta’ żewġ pilastri għandha tinżamm kif inhi, imma li għandha tevita li l‑objettivi tal-politika u l-istrumenti jiġu rduppjati, kif ukoll li tirrifletti l-kontenut tal-pedamenti identifikati hawnhekk;

70. Jemmen li, fl-interess tas-simplifikazzjoni, taċ-ċarezza u ta’ approċċ komuni, irid jiġi maqbul mill-bidu tar-riforma l-finanzjament għal kull waħda mill-prijoritajiet tal-PAK;

Sikurezza tal-ikel u kummerċ ġust

71. Isostni li jekk għandha tkompli l-attività agrikola, din għandha tkun b’kundizzjoni li jinżammu l-vijabilità u l-kwalità tal-ħajja għall-bdiewa; jemmen, għaldaqstant, li għandu jkun hemm pagament bażiku dirett għal żona mill-fondi tal-UE lill-bdiewa kollha tal-UE sabiex tkun żgurata s-sostenibilità soċjali u ekonomika tal-mudell Ewropew tal-produzzjoni agrikola, li għandu jipprovdi sigurtà bażika tal-ikel għall-konsumaturi Ewropej, jippermetti lill-bdiewa li jipproduċu ikel ta’ kwalità għolja b’mod kompetittiv, jassigura li l-attività agrikola u l-impjiegi fiż-żoni rurali jkunu inkoraġġuti madwar l-UE u jipprovdi beni pubbliċi ta’ bażi permezz ta’ rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għall-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin, kif ukoll standards ta’ kwalità għolja u ta’ benesseri tal-annimali;

72. Jappella għal rekwiżit assolut li tiġi ppremjata biss il-produzzjoni agrikola attiva, li permezz tagħha r-rekwiżiti minimi ta’ attività jkunu inklużi fir-regoli ta’ kundizzjonalità bħala prekundizzjoni għall-ħlasijiet, u sabiex il-proporzjonalità tkun il-prinċipju prinċipali applikat meta jiġu infurzati r-regoli;

Sostenibilità

73. Jemmen li pagament top-up dirett għal żona mill-fondi tal-UE għandu jkun disponibbli għall-bdiewa permezz ta’ kuntratti sempliċi multiannwali biex jippremjahom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom tal-karbonju għal kull unit ta’ produzzjoni u/jew jżidu l-qbid tagħhom tal-karbonju fil-ħamrija u permezz ta’ metodi ta’ produzzjoni sostenibbli u permezz tal-produzzjoni ta’ bijomassa li tista’ tintuża fil-produzzjoni ta’ agromaterjali li jservu fit-tul;

74. Jinnota li dan jista’ jkollu benefiċċju doppju li jagħmel l-agrikoltura tal-UE aktar sostenibbli ambjentalment u ekonomikament permezz ta’ emissjonijiet aktar baxxi ta’ karbonju u/jew effiċjenza mtejba u wkoll jassigura li l-bdiewa jistgħu jibbenefikaw finanzjarjament minn żieda fil-qbid tal-karbonju fuq l-art tagħhom u jpoġġihom fuq l-istess livell ta’ industriji oħra li qegħdin fil-ETS tal-UE; jitlob biex jiġu definiti kif jixraq kriterji u objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu biex jippermettu li dawn il-ħlasijiet jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr f’kull Stat Membru;

Agrikoltura madwar l-Ewropa

75. Jitlob għall-kontinwazzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu kumpensati l-bdiewa li jipproduċu f’żoni żvantaġġjati bħalma huma ż-żoni li għandhom żvantaġġi naturali, inklużi reġjuni muntanjużi, żoni li huma ambjentalment sensittivi u/jew reġjuni li l-aktar li huma affettwati mit-tibdil tal-klima, u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, sabiex jiġi assigurat li l-attività agrikola sseħħ ħalli l-art tibqa’ tiġi mmaniġġjata u l-ikel lokali jiġi prodott madwar l-UE kollha, filwaqt li titnaqqas it-theddida tal-abbandun tal-art u tiġi assigurata ġestjoni bilanċjata tat-territorju madwar l-UE kollha u żvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola;

76. Jemmen li kwalunkwe riforma tal-iskema taż-żoni aktar żvantaġġati (LFA), partikolarment fir-rigward ta’ kif l-LFAs huma mfassla u kklassifikati, għandha tqis id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom bdiewa f'kull parti tal-UE, peress li dawn ivarjaw sew skont il-kundizzjonijiet bijofiżiċi u klimatiċi; Huwa tal-fehma li żoni li jistgħu jiġu esklużi skont kwalunkwe regola ġdida għandhom jingħataw perjodu adegwat ta' tħejjija għall-esklużjoni.

77. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol partikolari tal-bdiewa f'żoni peri-urbani, fejn jaf ikun hemm pressjoni intensa fuq riżorsi rurali u agrikoli; jenfasizza li l-produzzjoni ta' ikel u beni pubbliċi qrib popolazzjonijiet urbani għandha tinżamm;

Kwalità tal-ikel

78. Jenfasizza li l-iżvilupp tal-politika tal-kwalità tal-ikel, inkluż f'dik li hi indikazzjoni ġeografika (PDO/PGI/TSG), għandu jkun aspett ta' prijorità tal-PAK u għandu jiġi approfondit u msaħħaħ sabiex l-UE tkun tista' żżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett f'dan il-qasam; huwa tal-fehma li, fil-każ ta' dawn il-prodotti ta' kwalità għolja, għandu jitħalla li jsir użu ta’ strumenti oriġinarji ta’ ġestjoni, protezzjoni u promozzjoni, u b’hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw b'mod armonjuż u jkomplu jagħtu l-kontribut maġġuri tagħhom għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli tal-agrikoltura Ewropea;

Protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ambjent

79. Jemmen li l-bdiewa jistgħu jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-bijodiversità u tal-ambjent, kif ukoll għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-mitigazzjoni tiegħu, b’mod li jkun ta’ nfiq effettiv; u għaldaqstant dan jeħtieġ li jkunu inċentivizzat aktar; jappella sabiex il-PAK tipprovdi l-opportunità għall-biċċa l-kbira tal-art agrikola li tkun koperta bi skemi agroambjentali biex l-bdiewa jiġu ppremjati talli jagħtu servizzi oħra fl-ekosistema, filwaqt li jitħeġġu aktar mudelli ta’ produzzjoni sostenibbli b’input aktar baxx bħalma hi l-biedja organika, l-agrikoltura integrata, l-iżvilupp ta’ biedja ta’ valur naturali għoli u prattiki ta’ agrikoltura intensiva sostenibbli; iqis li dawn il-miżuri ta’ żvilupp rurali għandhom kollha jibqgħu jiġi kofinanzjati u, jekk ikun meħtieġ, b’baġit akbar;

Tkabbir ekoloġiku

80. Jemmen li ‘tkabbir ekoloġiku’ għandu jkun fil-qalba ta’ strateġija ġdida għal żvilupp rurali li tiffoka fuq il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ekoloġiċi permezz ta’:

- l-iżvilupp ta’ għodod dinamiċi lokali bħall-kummerċjalizzazzjoni lokali, l-ipproċessar lokali, l-appoġġ għal proġetti li jinvolvu l-partijiet interessati kollha mis-settur tal-biedja lokali,

- l-iżvilupp tal-bijomassa, tal-bijoskart, tal-bijogass u tal-produzzjoni fuq skala żgħira ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll l-inkoraġġiment tal-produzzjoni ta’ bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, ta’ agromaterjali u ta’ prodotti kimiċi ekoloġiċi,

- l-investiment fl-immodernizzar u l-innovazzjoni kif ukoll f’riċerka ġdida u tekniki ta’ żvilupp ġodda għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-mitigazzjoni tiegħu,

- il-provvediment ta’ taħriġ u pariri lill-bdiewa biex japplikaw tekniki ġodda u l-għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu deħlin fl-industrija,

81. Jemmen li biex jinforza l-pedamenti prinċipali tal-PAK, għandha tibqa’ disponibbli xibka ta’ sikurezza adegwata; huwa tal-fehma li din ix-xibka ta’ sikurezza għandha tkun flessibbli biżżejjed biex tqis l-iżviluppi tas-suq, u tinkludi għodod bħall-ħażna pubblika u privata, l-intervenzjoni u d‑dekonġestjoni tas-suq, li għandhom jiġu attivati meta jkun hemm il-ħtieġa sabiex jikkumbattu l-volatilità estrema u bħala għodda ta’ reazzjoni rapida f’każ ta’ kriżi għal dan il-għan, huwa jqis li fil-baġit tal-UE għandha tkun disponibbli linja ta’ riserva speċjali tal-baġit li tista’ tkun attivata malajr biex tirreaġixxi għall-kriżijiet li jinqalgħu;

82. Jappella biex dawn il-miżuri jkunu appoġġati minn strumenti maħsuba biex jgħinu ħalli jnaqqsu l-volatilità u jipprovdu kundizzjonijiet stabbli għan-negozju u l-ippjanar agrikoli; f’dan il-kuntest, huwa tal-fehma li għandhom ukoll jiġu kkunsidrati wkoll għodod ekonomiċi u finanzjarji ġodda u innovattivi bħalma huma politiki ġenerali ta’ assigurazzjoni għar-riskji tal-ħsad, swieq tal-futuri u fondi ta’ mutwalizzazzjoni, bħala mod kif wieħed jindirizza l-kundizzjonijiet estremi tas-suq jew tal-klima, mingħajr ma titħarbat kwalunkwe skema privati li qed tiġi żviluppata;

83. Huwa tal-fehma li r-regolamentazzjoni tal-espansjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni jista' jkollha rwol fundamentali fl-iżgurar ta’ tkabbir sostenibbli f’għadd ta' setturi agrikoli;

84. Jinsisti li, biex jikkumplementaw il-miżuri tas-suq, hemm il-bżonn urġenti li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi primarji fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta’ skala ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati t-trasparenza, ir-relazzjonijiet kuntrattwali u l-prattiki kummerċjali inġusti; huwa tal-fehma li għandhom ukoll jiġu investigati aġġustamenti possibbli għar-regoli tal-kompetizzjoni ħalli jippermettu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi primarji jsiru aktar effiċjenti u jikbru fid-daqs fejn ikun meħtieġ, u jarmawhom b’setgħa ta’ negozjar imtejba sabiex jiddefendu lilhom infushom kontra negozjanti kbar li jbigħu bl-imnut u proċessuri kbar; f’dan il-kuntest, jemmen li għandha titqies il-ħatra ta’ Ombudsmen nazzjonali u/jew Ombudsman Ewropew bil-għan li jiġu solvuti tilwimiet fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel;

85. Ifakkar li, fost is-sett kurrenti ta’ għodda tas-suq u fil-kuntest tal-impenji tad-WTO, fl-UE għandhom jibqgħu jiġu eliminati gradwalment ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni, b'mod parallel ma' miżuri simili li qed jittieħdu minn sħab tad-WTO;

86. Jemmen li l-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea għandha tiġi promossa fil-Komunità u lil hinn minnha sabiex jinstabu mezzi biex jingħelbu l-isfidi ewlenin tal-ġejjieni, inkluża s-sikurezza tal-ikel fl-UE, il-provvista tal-ikel lill-popolazzjoni dinjija li kull ma jmur qiegħda dejjem tikber, approċċ ambjentali b'saħħtu, bijodiversità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

87. Ifakkar li l-UE tista' tiffinanzja miżuri f'pajjiżi Ewropej u f'pajjiżi terzi li jipprovdu informazzjoni dwar il-prodotti agrikoli u tal-ikel Ewropej, jew li jippromwovu l-vantaġġi tagħhom, fl-Ewropa u madwar id-dinja; jemmen li l-baġit għal dawn il-fondi għandu jiġi rivedut sabiex titkabbar il-viżibilità tal-prodotti agrikoli u tal-ikel Ewropej fis-swieq fi ħdan l-UE u f'pajjiżi terzi; jemmen li dawn l-iskemi promozzjonali għandhom jiġu implimentati b'mod iktar wiesa' u għandhom jiġu applikati aktar u b’mod aktar effettiv taħt il-PAK il-ġdida;

88. Huwa tal-fehma li l-politika agrikola komuni għandha tippermetti dieta aktar tajba għas-saħħa li għandha tkun disponibbli għall-konsumaturi kollha, b'mod partikolari għall-ifqar fosthom, fuq il-bażi ta' firxa ta’ prodotti aktar varji u bi prezzijiet aktar raġonevoli; sabiex jiġi miġġieled il-faqar u titjieb is-saħħa, għandhom jitkomplew il-programmi ta' għajnuna għall-ifqar fis-soċjetà, filwaqt li l-programmi biex tingħata spinta lill-konsum tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel għandhom jiġu estiżi;

89. Jemmen li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida għandu jkollha s-sempliċità, il-proporzjonalità u t-tnaqqis tal-burokrazija u tal-ispejjeż amministrattivi fil-qalba tagħha;

Il-PAK fil-qafas finanzjarju multiannwali u fil-proċedura baġitarja annwali

90. Jenfasizza l-ħtieġa, meta jitqiesu l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni l-ġdida, li jkun hemm fondi xierqa fl-MFF l-ġdid, sabiex il-politika tkun tista’ tiġi appoġġata aħjar skont l-isfidi ewlenin li dan is-settur kruċjali tas-sigurtà tal-ikel tal-UE se jkollu jħabbat wiċċu magħhom fis-snin li ġejjin;

91. Ifakkar li f’dawn l-aħħar erba’ snin tal-MFF attwali, kien possibbli li jiġu miftiehma l-baġits annwali jew bl-użu tal-marġni eżistenti fid-diversi intestaturi jew permezz ta’ referenza għar-reviżjoni prevista fil-paragrafu 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 bl-użu tal-marġni disponibbli taħt il-limiti massimi tal-Intestatura 2 sabiex jiġu ffinanzjati l-prijoritajiet l-oħra tal-UE; jindika li, mis-sena baġitarja 2011 sal-iskadenza tal-MFF attwali (2013), il-marġni taħt il-limitu massimu tal-Intestatura 2 se jkun limitat ħafna;

92. Jenfasizza li n-natura legalment vinkolanti tal-MFF teħtieġ l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ implimentazzjoni aktar flessibbli sabiex l-Unjoni tkun tista’ tirreaġixxi b’mod effettiv, flessibbli u suffiċjenti għal avvenimenti mhux mistennija;

93. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont l-Artikolu 314(3) TFUE, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tibqa’ temenda l-abbozz tal-baġit tagħha ladarba jkun iltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tippreżenta Ittra Emendatorja biex taġġorna l-previżjoni agrikola fil-ħarifa; jinsisti li l-Ittra Emendatorja għandha tkun disponibbli qabel il-vot tal-PE; jistieden lill-kumitati kompetenti biex jistabbilixxu proċedura interna sabiex tiġi definita l-pożizzjoni tal-Parlament fid-dawl tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;

94. Ifakkar li l-Proġetti Pilota (PP) u l-Azzjonijiet Preparatorji (PA) introdotti mill-Parlament Ewropew saru għodda importanti fit-tfassil ta’ prijoritajiet politiċi u l-introduzzjoni ta’ inizjattivi ġodda li ta’ spiss isiru attivitajiet u programmi tal-UE, inkluż fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali; jemmen li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji jistgħu fil-futur jintużaw ukoll bħala pjattaforma sabiex jiġu ttestjati ideat ġodda ta’ riforma;

95. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew meta tkun taħdem fuq il-komunikazzjoni tagħha u tfassal il-proposti leġiżlattivi tagħha;

96. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Politika Agrikola Komuni kienet ta’ suċċess fl-ilħiq tal-objettivi kif stabbiliti fit-Trattat oriġinali ta’ Ruma. Matul l-aħħar 50 sena, il-PAK żiedet il-produttività, ikkontribwiet għal standard ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola, stabilizzat is-swieq, assigurat id-disponibilità tal-provvista u wasslet lill-konsumaturi ikel ta’ kwalità bi prezzijiet raġonevoli. Il-PAK tal-ġejjieni se jkollha tiffaċċja sfidi ġodda u pressanti u se jkollha tipprovdi qafas għall-ġejjieni bbażati fuq l-istabiltià, il-prevedibilità u flesibbiltà fi żminijiet ta’ kriżi.

L-isfond tar-riforma hija wieħed ta’ kriżi ekonomika u diffikultajiet finanzjarji serji li qed jiffaċċjaw l-Istati membri, persuni taxxabbli,, il-bdiewa u konsumaturi u, għalhekk, irridu nfasslu triq ’il quddiem li tkun koerenti u kredibbli għall-PAK wara l-2013.

Il-CAP se jkollhom tadatta għall-kuntest Ewropew u globali li qed jinbidel. L-ewwel u qabel xejn, l-agrikoltura Ewropea għandha tiżgura s-sigurtà tal-ikel għall-konsumaturi tagħah stess u tikkontribwixxi biex titma’ l-popolazzjoni dinjija dejjem tikber. Għall-ewwel darba, madanakollu, ma nistgħux sempliċement niftħu l-vit u nipproduċu aktar ikel bl-użu ta’ aktar enerġija żejda u l-inputs addizzjonali. Għaliex? Hemm żewġ raġunijiet prinċipali: l-ewwel, il-kriżi tal-enerġija, l-ispiża dejjem tikber tal-enerġija u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-GHG (gassijiet b’effett ta’ serra) jaġixxu ta’ xkiel kbir għal produzzjoni akbar. It-tieni, l-impatt tal-bidla fil-klima se jagħlaq l-għażla li jiżdiedu meded kbar ta’ art għall-produzzjoni. It-tibdil fil-klima se jkkawża nuqqas ta’ ilma u nixfiet li għal darb’oħra jrażżnu ż-żieda fil-produzzjoni. Bħala riżultat, l-agrikoltura fl-UE u madwar id-dinja se jkollha tipproduċi aktar ikel b’inqas art, inqas ilma u inqas enerġija.

Is-sisien tal-PAK xorta għandhom jibqgħu dawk li jiżguraw li l-agrikoltura Ewropea tkun kompetittiva fil-konfront tal-imsieħba kummerċjali sussidjati tajjeb bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, l-Isvizzera jew in-Norveġja, u tipprovdi lill-bdiewa tal-UE kundizzjonijiet ta’ kummerċ ġust. Għandha wkoll tkompli tappoġġa l-attività agrikola fl-Ewropa, bil-ħsieb li tiżgura l-produzzjoni lokali tal-ikel lokali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.

Barra minn hekk, huwa importanti ħafna għall-agrikoltura tal-lum li turi li hija f’pożizzjoni tajba li tagħti kontribut kbir fil-kisba tal-prijoritajiet il-ġodda tal-Istateġija tal-UE 2020, li tindirizza l-bidla fil-klima, l-innovazzjoni, u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda permezz ta’ tkabbir ekoloġiku, waqt li fl-istess ħin tkompli tipprovdi s-sigurtà tal-ikel għall-konsumaturi Ewropej billi tipproduċi prodotti tal-ikel sikuri u ta’ kwalità għolja. Il-bdiewa Ewropej u l-PAK iridu juru li xi tweġibiet għall-isfidi tas-seklu 21 għandhom, u li huma parti mis-soluzzjoni, mhux parti mill-problema.

Bl-espansjoni tal-UE għal 27 stat membru, huwa vitali li l-aspettattivi tal-Istati Membri l-ġodda għal trattament ġust jiġu eventwalment onorati. Biex jintlaħqu l-prijoritajiet il-ġodda u l-aspettattivi tal-Istati Membri kollha tal-UE, l-ammont tal-baġit tal-PAK jeħtieġ li għall-inqas jinżamm fl-istess livelli tal-2013 fil-kuntest tal-perspettivi finanzjarji l-ġodda.

Fir-rapport, jiena stabbilejt il-prijoritajiet għal politika multifunzjonali komuni u kredibbli għall-ikel mill-agrikoltura li tagħti appoġġ lill-bdiewa għall-benefiċċju tas-soċjetà usa’. Jiena speċifikajt ħames komponenti ewlenin jiġifieri; is-Sigurtà tal-Ikel u l-Kummerċ Ġust, is-Sostenibilità, Agrikoltura madwar l-Ewropa kollha, il-Bijodiversità u l-Ħarsien Ambjentali u t-Tkabbir Ekoloġiku, biex titfassal PAK għall-ġejjieni li tkun aktar ġusta, aktar ekoloġika u aktar sostenibbli.

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew għandu jieħu r-responsabilitajiet il-ġodda tiegħu bħala koleġiżlatur fil-qasam agrikolu bis-serjetà. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jaħdmu b'mod aktar dirett, indaqs u b’rieda tajba mal-Membri Parlamentari fuq dan id-dossjer partikolari.

Għal dak il-għan, beħsiebni nuża bl-aktar mod effikaċi l-possibilitajiet offruti mill-kuntest istituzzjonali l-ġdid. Jiena se niddefendi l-irwol ewlieni li għandu jiżvolġi l-Parlament, filwaqt li nadotta approċċ flessibbli għat-tfassil tal-politika, b’enfasi partikolari fuq il-proporzjonalità u s-sussidjarja.

ANNEX

Graph 1: Evolution of CAP expenditure and CAP reform path.

Source: European Commission, DG AGRI (updated by DG AGRI-Unit L.1 on 5.3.2010)

Graph 2: EU surpluses over time (1991-2008) for wheat, beef, and butter

Source: European Commission, DG AGRI, Discussion Paper December 2009 – Why do we need a Common Agricultural Policy?

Graph 3: Percentage of CAP expenditure in EU expenditure

Source: European Commission, DG AGRI (updated by DG AGRI-Unit L.1 on 5.3.2010)

Graph 4: Percentage of CAP expenditure in EU GDP

Source: European Commission, DG AGRI (updated by DG AGRI-Unit L.1 on 5.3.2010)

Graph 5: Change in real agricultural income per worker in 2009 compared to 2008 (percentage) per MS

Source: Eurostat, graph created with data from March 2010 (updated by DG AGRI-Unit L.1 on 8.3.2010, figures for 2009 are Eurostat estimates)

Graph 6: Direct payments per Member States, average per hectare, 2008

Source: European Commission, DG AGRI (updated by DG AGRI-Unit L.1 on 5.3.2010)

Table 7: Options chosen for SPS implementation in member States

MODEL

REGIONALISATION

MEMBER-STATES AND REGIONS

SPS, historical

non-regionalised

Greece, Spain, France, Ireland, Italy, Netherlands, Austria, Portugal

 

regionalised

Belgium (Flanders + Brussels, Walonia),UK - Scotland and Wales

 

SPS, regional model

one region

Malta

SPS, dynamic hybrid moving to flat-rate

non-regionalised

Denmark

regionalised

Germany (by Bundesländer), Finland (3 regions based on reference yields),

Sweden (5 regions based on reference yields),

UK - England (3 regions according to soil)

 

SPS, static hybrid

non-regionalised

Luxembourg, Slovenia

regionalised

UK - Northern Ireland

SAPS

one region

Bulgaria, Czech Republic, Estonia, Cyprus, Latvia, Lithuania, Hungary, Romania, Poland, Slovakia

 

Source: drawn from European Commission table, DG Agriculture D.1.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (29.4.2010)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar il-futur tal-PAK wara l-2013
(2009/2236(INI))

Rapporteur: Giovanni La Via

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-Kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħmel il-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) att legalment vinkolanti li għandu jikkonforma miegħu l-baġit annwali,

B.   billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew kiseb is-setgħa li jfassal il-politika agrikola tal-Unjoni, mhux biss fir-rigward tal-programmi agrikoli multiannwali iżda wkoll billi jagħmel emendi għall-baġit annwali tal-agrikoltura, biex b’hekk jagħti responsabbiltà lill-Parlament għall-iżgurar ta’ politika agrikola komuni ġusta u sostenibbli,

C.  billi l-PAK il-ġdida se jkollha tħabbat wiċċha mal-isfidi impenjattivi bil-ħsieb li mhux biss jintlaħqu l-bżonnijiet tal-konsum tal-ikel taċ-ċittadini Ewropej bi prodotti ta’ kwalità xierqa, jiġu indirizzati d-diffikultajiet relatati mal-sigurtà dinjija tal-ikel, jiġi żgurat il-funzjonament tas-swieq agrikoli u jiġi appoġġjat id-dħul tas-settur agrikolu iżda wkoll biex jiġi preservat l-ambjent madwar l-Ewropa kollha u jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima,

D.  billi, n-nefqa fuq l-agrikoltura hija ta’ 0.49% biss tal-PDG totali tal-UE (ċifra tal-2008), li, meta titkejjel bħala appoġġ finanzjarju għall-bdiewa per capita, iqiegħed l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea fuq l-istess livell tal-imsieħba ewlenin tal-kummerċ tagħha, bħall-Istati Uniti,

E.  billi n-nefqa f’forma ta' għajnuna diretta hija ta’ 0.38% tal-PGD tal-UE (ċifra tal-2008),

F.  billi n-nefqa marbuta mal-politika għall-iżvilupp rurali hija ta’ 0.11% tal-PGD tal-UE,

G. billi, mill-2007, mekkaniżmi ta’ modulazzjoni volontarja wasslu biex terġa' tingħata l-għajnuna finanzjarja bejn ħlasijiet diretti u żvilupp rurali, iżda filwaqt li ma marrux għall-aħjar it-trasparenza, il-legalità u s-simplifikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji allokati għall-agrikoltura,

H.  billi l-marġni żgħir attwali disponibbli taħt l-Intestatura 2 li jibda fis-sena baġitarja 2011 jagħmilha diffiċli ħafna biex l-Unjoni tirreaġixxi kif jixraq għall-kriżijiet tas-suq u l-avvenimenti globali mhux mistennija u jista’ jiċħad il-proċedura baġitarja annwali mis-sustanza tagħha,

1.   Ifakkar li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li regolament tal-Kunsill adottat b’unanimità fil-futur għandu jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali u li dak għandu jiddetermina l-ammonti tal-limiti massimi annwali skont il-kategorija ta’ nfiq;

2.   Jenfasizza li n-natura legalment vinkolanti tal-MFF teħtieġ l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ implimentazzjoni aktar flessibbli sabiex l-Unjoni tkun tista’ tirreaġixxi b’mod effettiv, flessibbli u suffiċjenti għal avvenimenti mhux mistennija;

3.   Jiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa għall-iżgurar li l-Politika Agrikola Komunika tibqa’ komuni u għall-fatt li, sabiex jiġu evitati d-differenzi inevitabbli bejn l-Istati Membri, huwa meħtieġ li tiġi evitata n-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-PAK u b’hekk jiġi żgurat li l-PAK tkun iffinanzjata sew b’mod ġust u kompletament mill-baġit Ewropew;

4.   Ifakkar li f’dawn l-aħħar erba’ snin tal-MFF attwali, kien possibbli li jiġu miftiehma l-baġits annwali jew bl-użu tal-marġni eżistenti fid-diversi intestaturi jew permezz ta’ referenza għar-reviżjoni li jipprovdu l-paragrafu 23 ta' IIA tas-17 ta' Mejju 2006 bl-użu tal-marġni disponibbli taħt il-limiti tal-Intestatura 2 sabiex jiġu ffinanzjati l-prijoritajiet l-oħra tal-UE; jindika li, mis-sena baġitarja 2011 sal-iskadenza tal-MFF attwali (2013), il-marġni taħt il-limitu tal-Intestatura 2 se jkun limitat ħafna;

5.   Jenfasizza l-ħtieġa, meta jitqiesu l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni l-ġdida, li jkun hemm fondi xierqa fl-MFF l-ġdid, sabiex il-politika tkun tista’ tiġi appoġġata aħjar skont l-isfidi ewlenin li dan is-settur kruċjali tas-sigurtà tal-ikel tal-UE se jkollu jħabbat wiċċu magħhom fis-snin li ġejjin;

6.   Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont l-Artikolu 314(3) TFUE, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tibqa’ temenda l-abbozz tal-baġit tagħha ladarba jkun iltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tippreżenta Ittra Emendatorja biex taġġorna l-previżjoni agrikola fil-ħarifa; jinsisti li l-Ittra Emendatorja għandha tkun disponibbli qabel il-vot tal-PE; jistieden lill-kumitati kompetenti biex jistabbilixxu proċedura interna sabiex tiġi definita l-pożizzjoni tal-Parlament fid-dawl tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;

7.  Ifakkar li l-Proġetti Pilota (PP) u l-Azzjonijiet Preparatorji (PA) introdotti mill-Parlament Ewropew saru għodda importanti fit-tfassil ta’ prijoritajiet politiċi u l-introduzzjoni ta’ inizjattivi ġodda li ta’ spiss isiru attivitajiet u programmi tal-UE, inkluż fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali; jemmen li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji jistgħu fil-futur jintużaw ukoll bħala pjattaforma għall-ittestjar ta’ ideat ġodda ta’ riforma;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.4.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Marta Andreasen, Francesca Balzani, Reimer Böge, Giovanni Collino, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Ivars Godmanis, Estelle Grelier, Carl Haglund, Jutta Haug, Jiří Havel, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Claudio Morganti, Nadezhda Neynsky, Miguel Portas, Dominique Riquet, Sergio Paolo Francesco Silvestris, László Surján, Helga Trüpel, Daniël van der Stoep, Derek Vaughan, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Franziska Katharina Brantner, Maria Da Graça Carvalho, Giovanni La Via, Peter Šťastný, Theodor Dumitru Stolojan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marita Ulvskog

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Richard Ashworth, Liam Aylward, Christophe Béchu, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Lorenzo Fontana, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, George Lyon, Miguel Angel Martínez Martínez, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Krisztina Morvai, Mariya Nedelcheva, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Sandra Kalniete, Giovanni La Via, Hans-Peter Mayer, Maria do Céu Patrão Neves, Daciana Octavia Sârbu, Jacek Włosowicz