RAPPORT dwar il-kontribut tal-politika reġjonali tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u finanzjarja, b’referenza speċjali għall-Objettiv 2
24.6.2010 - (2009/2234(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Rodi Kratsa-Tsagaropoulou
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kontribut tal-politika reġjonali tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u finanzjarja, b’referenza speċjali għall-Objettiv 2
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni 'Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija futura "UE 2020"' (COM(2009)0647),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013’ (COM(2010)0110),
– wara li kkunisdra s-Sitt Rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali (COM(2009)0295),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Nixprunaw l-irkupru Ewropew' (COM(2009)0114),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Il-Politika ta' Koeżjoni: ninvestu fl-ekonomija reali’ (COM(2008)0876),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa’ (COM(2008)0868),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku' (COM(2008)0800),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni' (COM(2008)0706),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġġornament tal-2009 tal-linji gwida wiesgħa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2009)0034).
– wara li kkunsidra r-Rapporti Strateġiċi Nazzjonali mill-Istati Membri għall-2009,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1260/1999[1],
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-Politika għall-Koeżjoni: investiment fl-ekonomija reali[2],
– wara li kkunisdra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sitt Rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali (COTER-IV-027),
– wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew ‑ Ħarifa 2009/Ekonomija Ewropea 10/2009 - DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji - Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta’ kull tliet xhur dwar iż-Żona tal-Euro - Vol. 8 Nru 4 (2009) - DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ‑ Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7‑0206/2010),
A. billi bejn l-2000 u l-2006 15.2% tal-Ewropej (69.8 miljun) kienu jgħixu f'żoni tal-Objettiv 2 u bbenefikaw minn finanzjament totali ta' EUR 22.5 biljuni (9.6% tar-riżorsi totali), bil-ħolqien ta' 730 000 impjieg "gross" u bil-biċċa l-kbira tal-indikaturi juru livelli għoljin ta' rendiment (xogħol, innovazzjoni, riċerka u żvilupp (R&D), intensità ta' kapital uman, edukazzjoni u taħriġ, tagħlim għal tul il-ħajja) filwaqt li, min-naħa l-oħra, indikaturi oħrajn (investiment barrani dirett (FDI), produttività) juru livelli aktar baxxi minn dawk tar-reġjuni ta' konverġenza, u, fir-rigward tat-tkabbir tal-PGD per capita meta mqabbel mal-medja tal-UE, ir-reġjuni involuti huma ħafna iktar avvanzati (122%) mir-reġjuni ta’ konverġenza (59%) iżda safrattant juru tnaqqis ta’ 4.4% f’dak il-perjodu,
Β. billi jinnota li, bir-riforma tal-2006, l-Objettiv 2 issa jirrigwarda t-tisħiħ tal-kompetittività reġjonali u l-impjiegi f'total ta' 168 reġjun fi 19-il Stat Membru, jiġifieri 314 miljun abitant, b'finanzjament totali għall-2007-2013 ta' EUR 54.7 biljun (kemm kemm anqas minn 16% tar-riżorsi kollha), u, ta' min wieħed jinnota, li 74% ta' dan l-ammont huwa intenzjonat sabiex itejjeb l-għarfien u l-innovazzjoni (33.7%) u għal aktar impjieġi u impjiegi aħjar (40%),
C. billi, abbażi tat-tbassir l-aktar reċenti tal-Kummissjoni (2009-2011), is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol se tibqa’ sfavorevoli u r-rata tal-qgħad se tilħaq l-10.25% fl-UE, bit-telf ta’ 2.25% tal-impjiegi għall-2009 u 1.25% għall-2010 u fost affarijiet oħra b’żieda fid-diviżjoni soċjali fil-pajjiżi membri; billi s-setturi kruċjali tar-reġjun tal-UE juru: (a) żieda fl-ordnijiet ġodda u fil-fiduċja, b’titjib fis-sitwazzjoni industrijali ġenerali tal-UE, għalkemm b'rata ta' produzzjoni ta' 20% aktar baxxa milli kienet fil-bidu tal-2008, (b) tkomplija tat-tnaqqis tal-attività fis-settur tal-manifattura, u (c) tkomplija tad-diffikultà tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju sabiex ikollhom aċċess għall-mikrokreditu/finanzjament,
D. billi, anki jekk huwa minnu li għall-ewwel il-kriżi affettwat aktar lill-irġiel, attwalment ir-rata tat-telf tal-impjiegi hija simili għall-irġiel u għan-nisa, u l-preżenza tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija inferjuri għall-preżenza tal-irġiel fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE; billi minn kriżijiet oħra tgħallimna li hemm aktar ċans li n-nisa li jitilfu xogħolhom ma jkunux jistgħu jsibu xogħol ieħor; billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandha impatt pożittiv fuq il-produttività u t-tkabbir ekonomiku u billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għandha ħafna benefiċċji soċjali u ekonomiċi,
E. waqt li jenfasizza l-fatt li, abbażi tar-Rapporti Strateġiċi Nazzjonali għall-2009, ir-Rapport Strateġiku għall-2010 tal-Kummissjoni rigward il-politika ta’ koeżjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi għall-2007-2013, l-Istati Membri jidher li għamlu użu pjuttost differenti mill-istrumenti, il-mezzi u l-metodi biex tiġi ffaċilitata l-politika ta’ koeżjoni proposti mill-Kummissjoni sabiex jikkumbattu l-kriżi u jżidu n-nefqa reali, bħal bidliet fil-linji gwida strateġiċi, il-pernijiet u l-finanzjament għall-programmi operattivi u t-tweġiba għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ implimentazzjoni,
F. waqt li jenfasizza li, minn Ottubru 2008 'l quddiem, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' miżuri biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-programmi taħt il-politika ta’ koeżjoni 2007-2013 sabiex jiġu mobilizzati r-riżorsi u l-mezzi kollha tagħha biex jingħata appoġġ immedjat u effettiv għall-isforzi ta' rkupru fil-livell nazzjonali u reġjonali,
G. billi l-istrateġija tal-Kummissjoni sabiex taċċellera l-investiment u tissimplifika l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni permezz ta' rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri u permezz ta' miżuri leġiżlattivi, kif ukoll mhux leġiżlattivi, hija bbażata fuq dawn it-tliet pernijiet: (a) flessibilità akbar għall-programmi ta' koeżjoni, (b) l-għoti ta' vantaġġ inizjali lir-reġjuni, u (c) investiment għaqli għall-programmi ta' koeżjoni; billi fl-2010, mill-EUR 64.3 biljun intenzjonati għall-impjiegi u l-kompetittività, EUR 49.4 biljun għandhom jintużaw għall-koeżjoni (żieda ta' 2% fuq l-2009) u EUR 14.9 biljun għall-kompetittività (żieda ta' 7.9% fuq l-2009),
1. Jenfasizza li, fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija u tat-tnaqqis attwali fl-attività ekonomika, il-politika reġjonali tal-UE hija strument ta’ forniment fundamentali, li jagħti kontribut deċiżiv għall-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku u jikkostitwixxi l-akbar sors ta' investiment tal-Komunità fl-ekonomija reali u jipprovdi appoġġ notevoli għall-investiment pubbliku, inkluż fil-livell reġjonali u lokali; jinnota li huwa essenzjali li jiġi żgurat li noħorġu b’suċċess mill-kriżi biex jinkiseb żvilupp sostenibbli fit-tul billi jissaħħu l-kompetittività, l-impjiegi u l-attrazzjoni tar-reġjuni Ewropej;
2. Jinnota li l-Fondi Strutturali huma strumenti qawwija, imfasslin sabiex jgħinu lir-reġjuni fir-ristrutturar ekonomiku u soċjali tagħhom u biex jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku u, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi, permezz ta’ appoġġ għall-użu sistematiku u effettiv tagħhom; jenfasizza li l-objettiv tal-kompetittività ma jistax jintlaħaq bi ħsara għall-koperazzjoni u s-solidarjetà bejn ir-reġjuni;
3. Jinnota bi pjaċir ir-riżultati pożittivi osservati fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi fil-perjodu ta' qabel il-kriżi ekonomika fir-reġjuni tal-Objettiv 2, speċifikament il-livelli għoljin ta' rendiment fl-impjiegi, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D), l-intensità ta' kapital uman, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u t-tagħlim tul il-ħajja; jenfasizza li l-impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija ma tridx tirriżulta fi tnaqqis fl-appoġġ għal iktar impjiegi u impjiegi aħjar, u jitlob li dawn il-vantaġġi komparattivi jiġu sostnuti permezz ta' tisħiħ tal-istrumenti tal-Objettiv 2;
4. Jappoġġa bil-ħerqa l-prijoritajiet fundamentali tal-istrateġija tal-UE 2020, b’mod partikolari, tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv li jinkiseb, inter alia, billi jiġu sfruttati modijiet ġodda biex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli permezz tal-ekonomija diġitali, titjib fil-qafas regolatorju għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali u soċjali u promozzjoni ta’ kundizzjonijiet aħjar u ambjent kummerċjali aħjar għall-kompetittività, il-ħolqien ta’ impjiegi, l-intraprenditorjat u l-innovazzjoni fir-reġjuni kollha, l-iżvilupp tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u l-appoġġ għall-potenzjal tagħhom biex jikbru; jappoġġa wkoll l-isforzi biex ikun hemm aktar impjiegi u impjiegi aħjar, b’kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti għall-irġiel u n-nisa u aċċess garantit għal taħriġ bażiku u avvanzat; jitlob li dawn il-politiki jkomplu jissaħħu, anke permezz ta’ miżuri għall-kapitalizzazzjoni tal-vantaġġi li joffri s-suq uniku Ewropew fil-qafas tal-intensifikazzjoni li ġejja tal-istrateġija UE 2020, filwaqt li jiġi żgurat li l-Objettiv 2 jibqa’ bbażat fuq il-forniment ta’ koeżjoni territorjali tal-UE;
5. Jinnota bi tħassib l-konsegwenzi soċjali negattivi li ġabet magħha l-kriżi fir-reġjuni tal-Objettiv 2, b’żieda fil-qgħad, fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali u ħsara lill-gruppi soċjali l-aktar vulnerabbli (il-persuni qiegħda, in-nisa, l-anzjani), u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi ta’ appoġġ għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju sabiex tiżgura l-vijabilità tal-impjiegi eżistenti u, fejn ikun possibbli, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda;
6. Jenfasizza li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tikkostitwixxi ċ-ċentru tal-Istrateġija UE 2020; il-politika ta’ koeżjoni u l-fondi strutturali huma strument fundamentali biex jinkisbu l-prijoritajiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri u r-reġjuni;
7. Jenfasizza l-problema sinifikanti li tirriżulta mit-tnaqqis fil-kontribut għall-kofinanzjament nazzjonali tal-programmi, li għandha wkoll implikazzjonijiet għall-Objettiv 2 minħabba l-problemi finanzjarji kbar ta’ bosta Stati Membri, u jappoġġa l-politika tal-Kummissjoni rigward l-użu tal-kontribut Komunitarju; iqis, għaldaqstant, li hemm bżonn li l-emenda tar-Regolament Nru 1083/2006, fil-forma attwali tagħha, kif adottata mill-Parlament, tiġi implimentata malajr, huwa tal-fehma li finanzjament ta’ 100% huwa żżejjed, minħabba li jneħħi l-inċentiv għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-miżuri appoġġati jkunu effettivi u effiċjenti permezz ta’ kofinanzjament nazzjonali, u jaqbel mal-fehma tal-Kunsill li jirrifjuta l-hekk imsejjaħ “frontloading” fil-verżjoni ppreżentata;
8. Jinnota li, minn total ta’ 117‑il programm operattiv finanzjati mill-FSE, 13 ġew emendati (għall-Awstrija, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, tnejn għar-Renju Unit, kif ukoll tnejn għal Spanja) bl-għan li jiġu indirizzati bżonnijiet speċifiċi li rriżultaw mill-kriżi, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-Istati Membri jużaw din il-flessibilità biex jerġgħu jorjentaw il-programmi operattivi tagħhom u biex l-atturi reġjonali u lokali kkonċernati jiġu infurmati dwarhom b’mod estensiv u malajr kemm jista’ jkun bl-intenzjoni li tiġi pprovduta għajnuna fil-qasir għall-gruppi u kategoriji speċifiċi fir-riskju;
9. Jinnota li s-Sitt rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali jirrifletti s-sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi differenti tat-tliet tipi ta’ reġjuni, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kapaċità tagħhom għall-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorjat. Kemm il-kriżi ekonomika attwali, kif ukoll id-diversi elementi varjabbli li jaffettwaw l-opportunitajiet għal żvilupp reġjonali (id-demografija, l-aċċessibilità, il-kapaċità għall-innovazzjoni, eċċ.) jipprovdu evidenza tal-eżistenza ta’ data importanti li għandha tiġi kkunsidrata meta tiġi evalwata s-sitwazzjoni tal-ekonomiji lokali u reġjonali u meta titfassal politika ta’ koeżjoni effikaċi;
10. Jappoġġa l-proposta tal-Kunsill biex, fl-2010, jiżdiedu l-fondi avvanzati mill-FSE b’4% u mill-Fond ta’ Koeżjoni bi 2 %, iżda għal dawk l-Istati Membri biss li l-PDG tagħhom naqas b’aktar minn 10 % biss jew li ngħataw għajnuna mill-FMI biex isaħħu l-bilanċ tal-pagamenti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina minn fejn ġej id-dewmien fir-rigward tal-implimentazzjoni u biex issib soluzzjonijiet flessibbli għar-regoli n+2/n+3 sabiex l-Istati Membri ma jitilfux il-fondi;
11. Jiddispjaċih li s-Sitt rapport ta' progress mill-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali ma jinkludix informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva speċifika dwar l-impatt fil-qasir u fit-tul tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fir-reġjuni tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-indikaturi ekonomiċi u soċjali l-aktar sinifikanti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapport/studju speċjali dwar l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fir-reġjuni tal-UE, b’mod partikolari r-reġjuni tal-Objettiv 2 u dawk fejn l-għajnuna qed titwaqqaf gradwalment, kif ukoll dwar il-possibilità ta’ żieda jew tnaqqis fl-inugwaljanzi reġjonali fil-kuntest tal-kriżi; jinnota li dawn il-valutazzjonijiet iridu jitwettqu bla dewmien sabiex ikunu jistgħu jikkontrobattu żviluppi mhux mixtieqa u jkunu jistgħu jintużaw bħala l-bażi għal proposta dwar it-tkomplija tal-Objettiv 2 f’dawk l-inħawi fejn jista’ jipprovdi valur miżjud fir-rigward tal-fondi nazzjonali;
12. Jilqa’ l-miżuri ta’ appoġġ għall-intrapriżi fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni (madwar EUR 55 biljun bejn l-2007 u l-2013), li l-biċċa l-kbira tagħhom tirrigwarda t-tisħiħ tal-innovazzjoni, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-modernizzazzjoni tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, jenfasizza l-imporanza li jiġu promossi l-mudelli ta’ suċċess f’dan il-qasam, u jifhem li l-miżuri ta’ intervent proposti favur l-intrapriżi jridu jkunu mmirati lejn ir-riżultati tar-ristrutturar fit-tul u t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, mhux lejn interventi ta’ emerġenza għas-sopravvivenza ekonomika, li bosta drabi jkunu inkompatibbli mal-politiki tal-għajnuna Statali;
13. Jenfasizza li, sabiex tiġi affrontata l-kriżi, hemm bżonn ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u f’teknoloġiji li jużaw ir-riżorsi b’mod effikaċi; investiment ta’ dan it-tip ikun ta’ benefiċċju għas-setturi tradizzjonali, l-inħawi rurali, kif ukoll l-ekonomiji tas-servizzi ta’ ħiliet avvanzati, u għaldaqstant isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jinnota li jeħtieġ li jiġi previst mekkaniżmu għal finanzjament li ma jinvolvix spiża eċċessiva u li jkun aċċessibbli, li fih il-fondi strutturali jkollhom rwol essenzjali;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkontrollaw, b’mod kontinwu, l-impatt tal-kriżi fuq l-oqsma varji strutturali u ta’ żvilupp u l-użu li jsir mill-opportunitajiet li joffru l-istrumenti għal finanzjament allokati għall-Objettiv 2 prinċipalment sabiex jappoġġaw l-intraprenditorjat u l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u l-korpi li jaħdmu favur ekonomija soċjali, inklużiva, bl-intenzjoni li tiżdied il-kompetittività tagħhom u b’hekk il-potenzjal għal aktar impjieg, u jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-istrumenti ta' inġinerija fiskali (Jaspers, Jeremie, Jessica, Jasmine); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw din l-evidenza biex iħejju u jiffukaw l-Objettiv 2 tal-ġejjieni tal-Koeżjoni tal-UE fuq dawk l-oqsma, fil-livell reġjonali u lokali, fejn il-valur miżjud tal-interventi tal-UE jista’ jintwera' (b’mod partikolari, innovazzjonijiet fis-setturi tat-turiżmu, tas-servizzi, tal-informatika u tal-industrija, flimkien mal-ħarsien u t-titjib tal-ambjent u l-iżvilupp potenzjali tal-enerġija li tiġġedded jew tat-teknoloġiji li jtejbu b’mod sinifikanti l-intrapriżi tal-enerġija konvenzjonali, billi jimmiraw biex ikollhom emissjonijiet baxxi u jimminimizzaw il-produzzjoni tal-iskart, kif ukoll innovazzjonijiet fis-settur primarju);
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jutilizzaw u jippromwovu s-sinerġiji kollha bejn l-istrumenti għall-politika ta’ koeżjoni u l-kompetittività fil-livell reġjonali, nazzjonali, transkonfinali u Ewropew;
16. Jilqa' l-politika tal-Kummissjoni dwar (a) l-estensjoni tal-perjodu ta' eliġibilità skont il-programmi operattivi 2000-2006 sabiex ikunu jistgħu jintużaw għall-massimu r-riżorsi kollha tal-politika ta’ koeżjoni, (b) is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti u l-proċeduri amministrattivi u l-immaniġġjar finanzjarju tal-programmi, filwaqt li fl-istess ħin jibqa’ jiġi żgurat il-kontroll meħtieġ għal kull każ ta' żbalji jew frodi; hu tal-fehma f’dan ir-rigward, li għandhom jinħolqu kundizzjonijiet bl-intenzjoni li jitħeġġu l-proġetti raġonevoli u li titwaqqaf l-imġiba illegali minn qabel;
17. Jappoġġa l-politika ta' "finanzjament minn qabel" għal programmi taħt il-politika ta’ koeżjoni 2007-2013 li pproduċiet likwidità immedjata ta' EUR 6.25 biljun għall-2009 għal investiment fil-qafas tal-pakketti finanzjarji miftehma għal kull Stat Membru;
18. Jinnota li r-reġjuni urbani u ċ-ċentri urbani, fin-natura tagħhom, jippreżentaw problemi soċjali speċifiċi u sinifikanti (rati għolja ta’ qgħad, emarġinazzjoni, esklużjoni soċjali, eċċ.) li żdiedu minħabba l-impatt tal-kriżi u li jridu jiġu studjati b’attenzjoni sabiex jittieħdu l-azzjoni xierqa u l-miżuri kemm fil-qosor u kemm fit-tul;
19. Jappoġġa l-politika ta’ assistenza u l-istrumenti ta’ finanzjament ġodda għall-proġetti ewlenin għar-reġjuni (spiża totali ppjanata ta’ EUR 50 miljun u aktar) li l-Kummissjoni introduċiet fl-2009, japprezza l-importanza tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja u l-koperazzjoni BEI/FEI, speċjalment JASPERS, JEREMIE AND JESSICA u jitlob li jkun hemm żieda ulterjuri ta’ aktar minn 25% għall-finanzjament ipprovdut permezz ta’ JASPERS (Joint Assistance in Supporting Projects in European Regions) li jkollha x’taqsam speċifikament mar-reġjuni tal-Objettiv 2, bl-intenzjoni li titħeġġeġ it-tħejjija sħiħa u l-implimentazzjoni malajr ħafna tagħhom, allavolja, attwalment, dawn il-proġetti għadhom ftit; jittama li ż-żieda preċedenti fil-fondi għal JASPERS kellha impatt fuq perjodu medju u fuq perjodu twil fuq it-tkabbir tal-kompetittività ekonomika tar-reġjuni Ewropej, u hu favur l-inklużjoni regolari ta' analiżi komparattiva tar-riżultati miksuba u l-objettivi segwiti, u tal-finanzjament mogħti u l-finanzjament meħtieġ biex jiġu sodisfatti l-objettivi rispettivi;
20. Jisħaq fuq il-fatt li l-politika tal-UE, dik nazzjonali u reġjonali tista’ tkun effiċjenti u effikaċi biss b’governanza f’diversi livelli u realment integrata bejn l-awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali, nazzjonali, transkonfinali u tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilitajiet tal-koperazzjoni territorjali relatata mal-innovazzjoni, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, f’kull objettiv tal-politika ta’ koeżjoni, u biex tanalizza l-possibilitajiet li jissaħħaħ l-objettiv tal-koperazzjoni territorjali Ewropea fir-rigward tat-trawwim tal-koperazzjoni bejn ir-reġjuni relatata mal-innovazzjoni; b’mod parallel mat-tisħiħ tal-Objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali (Objettiv 3), il-possibilità li jiġu żviluppati azzjonijiet ta’ koperazzjoni territorjali tranżnazzjonali fil-qafas tal-Objettiv 2 għandha tissaħaħ wkoll; jinnota li possbilità ta’ dan it-tip issa ssir possibbli permezz tal-Artikolu 37(6)(b) tar-Regolament KE 1083/2006; hu tal-opinjoni li t-tisħiħ tal-koperazzjoni territorjali għandu jkun akkumpanjat, mingħajr ma jinbidel il-baġit ġenerali tal-objettivi ta’ koeżjoni, b’bidla lejn baġit ikbar għal din il-koperazzjoni territorjali estiża;
21. Jappoġġa l-bidliet proposti għar-regoli ta’ implimentazzjoni li għandhom l-iskop li jsaħħu l-flessibilità tal-Fondi Strutturali u l-adattament tagħhom sabiex jissodisfaw il-bżonn, fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi eċċezzjonali, ta’ implimentazzjoni immedjata ta’ 455 programm taħt il-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-programmi tal-Objettiv 2, filwaqt li xorta jiġi kkunsidrat il-bżonn li istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali u awtoritajiet maniġerjali jadattaw ruħhom għal din is-sitwazzjoni ġdida, b’mod li jiġu evitati ġestjoni jew użu ħżiena tal-fondi u li tiġi żgurata l-possibilità li l-fondi li jifdal jiġu indirizzati mill-ġdid lejn proġetti eżistenti jew li se jsiru; jitlob lill-awtoritajiet maniġerjali jipproponu modi biex l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-Objettiv 2 issir aktar effikaċi;
22. Jinsisti li f’ċirkustanzi speċjali (bħall-kriżi ekonomika) b’mod eċċezzjonali tista’ tiġi rikjesta flessibilità akbar fir-regola N+2 minħabba l-objettivi segwiti mill-politika ta’ koeżjoni u l-effetti tal-bidliet ekonomiċi ċikliċi fuq il-finanzi pubbliċi u l-investiment privat;
23. Jirrakkomanda li l-fondi kollha li jibqgħu ma jintefqux f’reġjun taħt N+2 u N+3 jerġgħu jiġu allokati għal proġetti b’bażi reġjonali u inizjattivi fil-komunitajiet;
24. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-pjan ta’ azzjoni/l-inizjattiva tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-proposti leġiżlattivi wara sena ta’ implimentazzjoni (Diċembru 2008), prinċipalment f’dak li jirrigwarda riżultati miksuba fit-tisħiħ tal-kompetittività tan-negozji ż-żgħar u l-aċċess għall-kapital ta’ finanzjament u operattiv kif ukoll il-promozzjoni ta’ negozji innovattivi li jkunu għadhom jidbew, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv, eċċ.;
25. Jenfasizza l-effett pożittiv li għandha l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fuq it-tkabbir ekonomiku; jinnota f’dan ir-rigward li jirriżulta minn xi studji li, kieku r-rati tal-impjiegi, tax-xogħol fuq bażi part-time u tal-produttività tan-nisa kienu simili għal dawk tal-irġiel, il-PDG jitla’ bi 30% għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2013; jitlob, għaldaqstant, li tingħata attenzjoni speċjali lil dawk il-proġetti ffinanzjati bil-Fondi Strutturali li jippromwovu l-ugwaljanza u l-inklużjoni tal-mara fis-suq tax-xogħol.
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
- [1] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
- [2] Testi Adottati, P6_TA(2009)0124.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija u tat-tnaqqis fl-attività ekonomika fl-Ewropa, il-politika reġjonali tal-UE tagħti kontribut deċiżiv għall-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku u tikkostitwixxi l-akbar sors ta' investiment tal-Komunità fl-ekonomija reali u tipprovdi appoġġ notevoli għall-investiment pubbliku, inkluż fil-livell reġjonali u lokali. Fid-dawl tan-nuqqas ta' mekkaniżmi effettivi tal-UE għal koordinazzjoni ekonomika u tkabbir bilanċjat, il-politika għall-koeżjoni permezz tal-Fondi Strutturali u azzjonijiet oħra hija ta' importanza primarja.
Il-politika reġjonali mhijiex biss mod kif itaffi malajr l-effetti ekonomiċi u soċjali negattivi tal-kriżi, iżda hija wkoll politika għal terminu fit-tul sabiex tikkumbatti l-problemi strutturali li nkixfu u nħolqu fl-isfond tal-kriżi, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kompettittività u l-impjiegi fl-Istati Membri tal-Objettiv 2. Dan ir-rapport jiffoka fuq l-azzjonijiet ta' implimentazzjoni taż-żewġ pilastri prinċipali tal- Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, b'mod partikolari l-pilastru tal-kompetittività, permezz ta' użu effettiv u sistematiku u l-meżżi korrispendenti tagħhom.
Il-kriżi ekonomika u "l-kompetittività u l-impjiegi reġjonali"
L-Objettiv 2 kien, u għadu, wieħed mill-pilastri l-aktar importanti tal-politika għall-koeżjoni u llum jassumi sinifkat partikolari fil-kuntest tal-ħruġ mill-kriżi ekonomika, taż-żieda tal-kompetittività tar-reġunijiet Ewropej u t-tlestija tagħhom għat-tkabbir fiż-żmien ta' wara l-kriżi.
Fil-perjodu 2000-2006, l-Objettiv 2, li kien jirrigwarda appoġġ għall-konverżjoni ekonomika u soċjali ta' żoni li kienu lura fl-iżvilupp, kien immirat għal 15.2% tal-Ewropej (madwar 69.8 miljun abitant kienu jgħixu fiż-żoni tal-Objettiv 2). Dawn ibbenefikaw minn finanzjament komplessiv ta' EUR 22.5 biljun (9.6% tar-tiżorsi kollha), li huwa kkalkulat li ħolqu 730 000 impjieg gross.
Dawn ir-reġjuni jistgħu jiġu kklassifikati kif ġej: (a) żoni industrijali (8.5%) b'rati ta' qgħad ogħla mill-medja tal-Komunità, b'impjiegi industrijali aktar mill-medja tal-Komunità u li qed jonqsu kontinwament (b) żoni rurali (5.2%) b'densita' ta' popolazzjoni ta' anqas minn 100 abitant għal kull kilometru kwadru, b'rata ta' impjiegi fis-settur rurali li hija aktar mid-doppju tal-medja tal-Komunità, b'rata ta' qgħad ogħla mill-medja tal-Komunità u b'popolazzjoni li qed tonqos kontinwament, (c) żoni urbani (1.9%) b'qgħad fit-tul akbar mill-medja tal-Komunità, b'livell għoli ħafna ta' faqar, ambjent soċjali degradat ħafna, rata ta' kriminalità għolja, rendiment edukattiv baxx, (d) żoni tas-sajd (0.3%), (e) żoni mħallta (2.1%).
Bir-riforma tal-2006 l-Objettiv 2 issa jikkonċerna t-tisħiħ tal-kompetittività reġjonali u l-impjiegi f'total ta' 186 reġjun f'19-il Stat Membru (ara l-Anness 1), jiġifieri 314-il miljun abitant, b'finanzjament totali għall-2007-2013 ta' EUR 54.7 biljun (kważi 16% ta' riżorsi globali). Huwa għalhekk importanti li l-Objettiv 2 jiġi sfruttat bis-sħiħ sabiex jingħata kontribut sħiħa għall-istrateġija għall-irkupru tal-ekonomiji tagħna, kif ukoll għall-kompetittività tagħhom. B'mod partikolari huwa importanti li madwar 73.7% ta' dan l-ammont destinat sabiex (a) itejjeb l-għarfien u l-innovazzjoni (33.7%), u (b) xogħol u impjiegi u aħjar (40%). Il-persentaġġ korrispondenti għar-reġjuni tal-Objettiv Nru 1 huwa aktar baxx sewwa, 40% biss, għalkemm, f'ċifri assoluti, huwa sinifikattivament ogħla minħabba l-bżonnijiet akbar fiż-żona in kwistjoni (Ara l-Anness II).
L-aktar rapport riċenti tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika u politika juri li l-biċċa l-kbira tal-indikaturi tar-reġjuni tal-Objettiv 2 kienu stabbilew livelli ta' rendimenti għoljin qabel il-kriżi ekonomika fl-impjiegi, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D), l-intensità ta' kapital uman, l-edukazzjoni u t-taħriġ, it-tagħlim għal tul il-ħajja, filwaqt li f'oħrajn, bħall-investiment barrani dirett (FDI) u l-produttività, ir-reġjuni ta' konverġenz juru livelli ta' rendiment ogħla (ara l-Anness III).
Bħala eżempju, qabel il-krizi, bejn 2000 u l-2006, il-PGD per capita meta mqabbel mal-medja tal-UE tela' b'sitt punti globalment, hekk li ġab ir-reġjuni ta' konverġenza sa 4 punti ta' persentaġġ mill-medja tal-UE, għal 59%, li huwa eqreb, però ferm aktar baxx mil-limitu minimu ta' 75%. Ir-reġjuni ta' kompetittività u l-impjiegi (Objettiv 2) filwaqt li jinsabu 'l quddiem sew mill-oħrajn b'122%, madankollu sofrew tnaqqis ta' 4.4% fil-perjodu 2000-2006. Iż-żieda kbira fil-prodottività fir-reġjuni ta' konverġenza hija r-raġuni prinċipali għala d-differenza tal-PGD per capita naqas b'mod sinifikanti (ara l-Anness IV).
Mill-2000 'il quddiem il-prodottività tal-industrija u s-servizzi turi żieda annwali ta' 2% fir-reġjuni ta' konverġenza, id-doppju tal-persentaġġ tar-reġjuni tal-kompetittività u l-impjiegi taħt l-Objettiv 2. Din iż-żieda ġiet appoġġata b'assistenza għall-edukazzjoni, użu aħjar u usa' tal-ICT u influss ogħla ta' investiment dirett barrani. Fl-istess waqt, għad hemm disparitajiet kbar fl-istandards tal-edukazzjoni bejn ir-reġjuni. Il-proporzjon ta' gradwati huwa ta' kważi 9% ogħla fir-reġjuni tal-Objettiv 2 milli fir-reġjuni ta' konverġenza. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għal tul il-ħajja wkoll tinsab lura b'mod sinifikanti fir-reġjuni ta' konverġenza, fejn il-proporzjon huwa nofs dak tar-reġjuni tal-Objettiv 2.
Il-kriżi finanzjarja u ekonomika tenfasizza d-dgħjufija taż-żoni ta' konverġenza Ewropej u l-iżvantaġġi strutturali, b'mod partikolari fir-rigward tal-kompetittività u l-impjiegi tar-reġjuni Ewropej. Abbażi tat-tbassir l-aktar reċenti tal-Kummissjoni (2009-2011), is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol se tibqa' sfavorevoli u r-rata tal-qgħad mistennija tilħaq l-10.25% fl-UE, bit-telf ta' 2.25% tal-impjiegi għall-2009 u 1.25% għall-2010;
Il-kriżi, bl-impatt tagħha fuq is-setturi kruċjali tal-ekonomija, għandha l-konsegwenzi li ġejjin fil-perjodu attwali wkoll: (a) żieda fl-ordnijiet ġodda u fil-fiduċja u titjib fis-sitwazzjoni industrijali ġenerali tal-UE li jwassal għal stabilizzazzjoni fil-produzzjoni industrijali mingħajr madankollu ma jkun hemm rkupru drammatiku, jiġifieri, rata ta' produzzjoni ta' 20% aktar baxxa milli kienet fil-bidu tal-2008 (ara l-Anness IV), (b) ikompli t-tnaqqis tal-attività fis-settur tal-manifattura, u (c) tkompli d-diffikultà tal-SMEs sabiex jaċċessjaw mikro-kreditu/finanzjament,
Il-problemi kbar ta' bosta Stati membri (dejn pubbliku għoli, defiċit baġitarju għoli) huma wkoll fattur inibittiv kif ukoll ta' xkiel għall-kontribut għal kofinanzjament nazzjonali għal programmi relatati mal-Objettiv 2. Sfortunatament, f'dan l-istadju hemm nuqqas ta' informazzjoni aggregata kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-impatt tal-krizi finanzjarja u ekonomika fuq terminu qasir jew terminu twil ta' żmien fir-reġjuni tal-UE u dwar il-konfigurazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi u soċjali l-aktar sinifikanti. Ir-Rapporteur hija tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport/studju speċjali dwar l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fir-reġunijiet tal-UE, b'mod partikolari r-reġunijiet tal-Objettiv 2, fid-dawl tal-impatt partikolarment negattiv fuq l-impjiegi u l-kompetittività.
Il-kontribuzzjoni tal-politika reġjonali fil-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika fi ħdan il-qafas tal-Objettiv 2
Minn Ottubru 2008 'l quddiem il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' miżuri biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-programmi skont il-politika għall-koeżjoni 2007-2013 sabiex jiġu mobilizzati r-riżorsi u l-mezzi kollha tagħha biex jingħata appoġġ immedjat u effettiv għall-isforzi ta' rkupru fil-livell nazzjonali u reġjonali, Taħt il-politika għall-koeżjoni madwar EUR 55 biljun (bejn l-2007 u l-2013) huma destinati sabiex jappoġġaw imprizi, li bosta minnhom jirrigwardaw it-tisħiħ tal-innovazzjoni tal-SMEs. Bosta mill-attivitajiet programmati jolqtu bżonnijiet aktar immedjati sabiex jittrattaw is-sitwazzjoni ekonomika attwali u jiffukaw b'mod partikolari fuq sfidi sinifikanti li jiffaċċjaw impriżi fl-ekonomija reali, iżda l-miżuri proposti għal interventi favur l-impriżi jimmiraw lejn ir-riżultati fit-tul tar-ristrutturar u mhux lejn interventi ta' emerġenza għas-salvagrwardja ekonomika, li huma potenzjalment inkompatibbli mal-politiki tal-għajnuna Statali.
Huwa inkoraġġanti b'mod partikolari li l-prijoritajiet kruċjali tal-istrateġija EU 2020 jenfasizzaw il-bżonn li jiġu esplojtati sorsi ġodda ta' tkabbir li fl-istess ħin jiżguraw koeżjoni soċjali u territorjali tal-UE u titjib tal-qafas regolatorju għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali. Ta' min wieħed jinnota li l-koeżjoni territorjali tagħti valur miżjud lill-iżvilupp tal-kompetittività taż-żoni varji u l-promozzjoni ta' kundizzjonijiet aħjar għall-intraprenditorjat, it-tkabbir tal-SMEs u l-esplojtazzjoni tal-vantaġġi komparattivi tagħhom.
F'livell aktar speċifiku immedjat, fl-2010, mill-EUR 64.3 biljun intenzjonati għat-tkabbir sostenibbli, EUR 49.4 biljun jirrigwardaw il-politika għall-koeżjoni (żieda ta' 2% fuq l-2009) u EUR 14.9 biljun jirrigwardaw il-kompetittività (żieda ta' 7.9% fuq l-2009) - (ara l-Anness V). Fil-kuntest tat-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs (impriżi żgħar u medji) wieħed mill-objettivi huwa l-ħolqien ta' 400 000 impjieg sal-2013 (ara l-Anness VI).
Fl-istess waqt, l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-aċċellerazzjoni tal-investiment u s-simplifikazzjoni tal-programmi tal-politika għall-koeżjoni għandha tkun li ssaħħaħ permezz ta' rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri u miżuri leġiżlativi u miżuri mhux leġiżlattivi. Ir-Rapporteur taqbel mal-prijorità li għandha tingħata lit-tliet pernijiet: (a) flessibilità akbar għall-programmi ta' koeżjoni, (b) l-għoti ta' xprunatura tal-bidu b'kull mod, u (c) investiment għaqli għall-programmi ta' koeżjoni.
Evalwazzjoni inizjali bbażata fuq ir-Rapporti Strateġiċi Nazzjonali għall-2009 tindika li l-Istati Membri jidher li għamlu użu pjuttost differenti mill-istrumenti, mezzi u metodi għall-faċilizzazzjoni tal-politika għall-koeżjoni proposta mill-Kummissjoni sabiex jikkumbattu l-kriżi u jżiedu n-nefqa reali, rigward pereżempju l-użu ta' 100% tal-finanzjament, rispons għall-bidliet fil-linji gwida strateġiċi u l-assi u l-finanzjament għall-programmi operazzjonali u t-tweġida għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' implimentazzjoni); ir-Rapporteur temmen li minn dan għandhom joħorġu konklużjonijiet utli u affidabbli. Hija temmen li, filwaqt li politika reġjonali hija politika tal-Komunità mhux sabiex jintefa tagħti għajuna ta' malajr imma sabiex isir ippjanar fit-tul, huwa ta' importanza partikolari li dan l-approċċ strateġiku ta' "flessibilità" jkompli filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat il-monitoraġġ sabiex jiġu evitati żbalji u każijiet ta' frodi. Pereżempju, il-politika tal-Kummissjoni għall-estensjoni tal-perjodu ta' eliġibilità skont il-programmi operazzjonali 2000-2006 u s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti u l-proċeduri amministrattivi u l-immaniġġjar finanzjarju tal-programmi jidher li tagħti kontribut deċissiv sabiex ikunu jistgħu jintużaw għall-massimu r-riżorsi kollha tal-politika għall-koeżjoni.
Fl-istess waqt, għandu jiġi nnutat li l-politika ta' "finanzjament minn qabel" għal programmi taħt il-politika għall-koeżjoni 2007-2013 kellha effett paljattiv għaliex irriżultat f'likwidità immedjata ta' EUR 6.25 biljun għall-2009 għal investiment fil-qafas tal-pakketti finanzjarji li qablu magħhom l-Istati Membri Stati. Hemm ukoll li sabiex tiġi ttrattata l-problema ta' tnaqqis fil-kontributi għall-kofinanzjament nazzjonali tal-programmi li taffettwa l-Objettiv 2 minħabba l-problemi finanzjarji ta' bosta Stati Membri, il-politika tal-Kummissjoni rigward il-possibilità ta' "kumpens ta' 100%" fuq talba tal-Istati Membri, jeħtieġ li tiġi appoġġata, ukoll jekk xi wħud ma rrispondewx b'mod pożittiv għal din l-possibilità, l-aktar minħabba biża' li fil-futur ma jkunux jistgħu jirrispondu għal finanzjament ta' 0% għal proġetti oħrajn sabiex jinkisbu l-ekwalizzazzjoni u bilanċjar tal-kontabilità meħtieġa.
Ir-Rapporteur tappoġġa l-politika ta' għajnuna għal proġetti kbar għar-reġjuni (finanzjament ta' EUR 50 miljun u aktar) li l-Kummissjoni introduċiet fl-2009, u titlob li jkun hemm żieda oħra ta' aktar minn 25% għall-finanzjament ipprovdut permezz ta' JASPERS (Joint Assistance in Supporting Projects in European Regions) bil-mira ta' preparazzjoni u implimentazzjoni rapida ħafna ta' proġetti kbar u aktar ħeffa fil-pagamenti lill-Istati Membri, b'mod partikolari rigward programmi taħt l-Objettiv 2. Irid jingħata appoġġ ukoll għall-bidliet proposti għar-regoli ta' implimentazzjoni li għandhom l-iskop li jsaħħu l-flessibilità tal-Fondi Strutturali u l-adattament tagħhom sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet f'ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali.
Bħala konklużjoni, ir-Rapporteur temmen fl-importanza fundamentali tal-politika għall-koeżjoni u fil-ħtieġa li hemm li din tkompli u tissaħħaħ fl-oqsma kollha. Hija temmen fil-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-oqsma tal-Objettiv 2 u tal-programmi relevanti tagħhom minħabba l-importanza li għandhom sabiex jisiltu l-vantaġġi u opportunitajiet komparattivi tal-oqsma, u b'mod usa', il-kontribut li jagħtu għat-tkabbir u l-impjiegi. Temmen fil-ħtieġa li jiġu mobilizzati u koordinati l-mezzi u l-istrumenti kollha sabiex jintlaħaq dan l-iskop.
Anness I
|
Lisbon Earmarking |
Non earmarked |
TOTAL |
|
Regional Competitiveness and Employment |
Decided OPs |
Decided OPs |
|
|
FR |
8.090.730.610 |
2.167.334.886 |
10.258.065.496 |
|
DE |
7.736.411.732 |
1.672.869.936 |
9.409.281.668 |
|
ES |
6.098.907.229 |
2.382.419.048 |
8.481.326.277 |
|
UK |
6.193.002.023 |
785.385.815 |
6.978.387.838 |
|
IT |
5.065.123.109 |
1.259.766.998 |
6.324.890.107 |
|
HU |
984.291.129 |
1.027.938.064 |
2.012.229.193 |
|
NL |
1.320.593.128 |
339.409.609 |
1.660.002.737 |
|
SE |
1.407.260.632 |
218.831.256 |
1.626.091.888 |
|
FI |
1.375.965.515 |
220.000.529 |
1.595.966.044 |
|
BE |
1.190.483.947 |
234.690.665 |
1.425.174.612 |
|
AT |
934.061.242 |
93.250.375 |
1.027.311.617 |
|
PT |
663.811.932 |
276.822.334 |
940.634.265 |
|
IE |
600.862.370 |
149.862.372 |
750.724.742 |
|
GR |
310.481.234 |
327.895.468 |
638.376.702 |
|
CY |
314.511.444 |
297.923.548 |
612.434.992 |
|
DK |
457.388.655 |
52.188.584 |
509.577.239 |
|
SK |
343.259.311 |
111.631.178 |
454.890.489 |
|
CZ |
329.286.599 |
88.636.114 |
417.922.713 |
|
LU |
43.923.978 |
6.563.354 |
50.487.332 |
|
19 |
43.460.355.819 |
11.713.420.133 |
55.173.775.952 |
|
Source DG Regional Policy European Commission
Anness II
Regional Competitiveness and Employment |
55.173.775.952 |
|
|
Guideline : Attractive places to invest and work |
10.243.530.661 |
18,6% |
|
Broadband |
338.138.119 |
0.6% |
|
Culture and social |
1.665.052.335 |
3.0% |
|
Energy |
1.818.186.998 |
3.3% |
|
Environment |
3.141.455.583 |
5.7% |
|
Other Transport |
1.906.550.931 |
3.5% |
|
Rail |
688.470.992 |
1.2% |
|
|
|
|
|
Road |
685.675.704 |
1.2% |
|
Guideline : Improving knowledge and innovation for growth |
18.601.025.961 |
33.7% |
|
Entrepreneurship |
2.771.128.582 |
5.0% |
|
ICT for citizens and business |
1.967.684.202 |
3.6% |
|
|
|
|
|
Innovation and RTD |
11.383.859.843 |
20.6% |
|
Other investments in enterprise |
2.478.353.334 |
4.5% |
|
Guideline : More and better jobs |
22.077.051.433 |
40% |
|
Capacity Building |
462.938.707 |
0.8% |
|
Human Capital |
8.003.626.074 |
14.5% |
|
Labour Market |
7.967.735.368 |
14.4% |
|
Social Inclusion |
5.642.751.284 |
10.2% |
|
|
|
|
|
Guideline : Territorial Dimension |
2.566.110.730 |
|
|
Territorial Dimension |
2.566.110.730 |
|
|
Guideline : TA |
1.686.057.166 |
|
|
Technical assistance |
1.686.057.166 |
|
|
Source DG Regional Policy European Commission
Anness III
Source DG Regional Policy European Commission
Anness IV
Anness V
Source DG Budget European Commission`
Anness VI
Source DG Budget European Commission
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
3.6.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
42 0 2 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Sophie Auconie, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Francesco De Angelis, Rosa Estaràs Ferragut, Elie Hoarau, Danuta Maria Hübner, Ian Hudghton, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Franz Obermayr, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Michael Theurer, Michail Tremopoulos, Lambert van Nistelrooij, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Bairbre de Brún, Ivars Godmanis, Karin Kadenbach, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, László Surján, Sabine Verheyen |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Emilio Menéndez del Valle |
|||||