Proċedura : 2009/2238(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0207/2010

Testi mressqa :

A7-0207/2010

Dibattiti :

PV 08/07/2010 - 5
CRE 08/07/2010 - 5

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2010 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0287

RAPPORT     
PDF 194kWORD 162k
24.6.2010
PE 440.197v03-00 A7-0207/2010

dwar is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS

(2009/2238(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Alain Cadec

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS

(2009/2238(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982,

 wara li kkunsidra l-Ftehim tal-4 ta' Awwissu 1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokk ta’ Ħut li hu Komuni f’Aktar minn Żona Waħda u Stokk ta’ Ħut li hu Migratorju Ħafna (“Il-Ftehim ta’ New York”),

 wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) għal Industrija tas-Sajd Responsabbli, li ġie adottat fil-31 ta’ Ottubru 1995,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni finali tas-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar mis-26 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru 2002 f’Johannesburg,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd(1),

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura(2),

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura(3),

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat(4),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE(5),

 wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu, "Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd" (COM(2009)0163),

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Frar 2010 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(6),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu, "Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakultura - Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea" (COM(2009)0162),

 wara li kknsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea(7),

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakesh tal-15 ta' April 1994 li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ adottata f'Doha fl-14 ta' Novembru 2001,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu, "L-Ewropa Globali: Kompetizjoni Dinjija" (COM(2006)0567),

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Liżbona(8),

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7‑0207/2010),

A.     wara li kkunsidra l-importanza strateġika tas-sajd u tas-settur tal-akkwakultura biex ifornu l-popolazzjoni u joffru bilanċ tal-ikel għall-Istati Membri u għall-UE kollha kemm hi, kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-benesseri soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet tal-kosta, għall-iżvilupp lokali, l-impjiegi u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali,

B.     billi l-ħut huwa riżorsa naturali li, f’idejn ġestjoni xierqa, tista’ tkun rinnovabbli u tipprovdi kemm ikel kif ukoll impjiegi fi ħdan l-UE u fid-dinja kollha, u jeħtieġ li jkun sostnut bil-għan li jiġi evitat it-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut u t-tbatija sussegwenti fil-komunitajiet tal-kosta; billi, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġestjoni effikaċi tas-sajd, inkluża d-dimensjoni tal-impatt tal-kummerċ internazzjonali fuq ir-riżorsi tal-ħut fid-dinja kollha;

C.     filwaqt li titqies ir-riforma ambizzjuża tal-Politika Komuni tas-Sajd mibdija mill-Kummissjoni Ewropea bl-adozzjoni tal-Green Paper tat-22 ta' April 2009 bil-għan li tkun riveduta l-biċċa l-kbira tal-aspetti ta' din il-politika,

D.     filwaqt li titqies bl-istess mod l-istrateġija ġdida għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea definita mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta' April 2009 (COM(2009)0162),

E.     wara li kkunsidra l-objettivi speċifiċi stabbiliti għall-ġestjoni tas-sajd fis-Samit Dinji tal-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fl-2002, fosthom li, sa l-2015, l-isfruttar tal-ħażniet tal-ħut jinżel għal livell kompatibbli mal-Qabda Massima Sostenibbli;

F.     billi l-produzzjoni Komunitarja ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (PSA) naqset b'madwar 30 % matul l-aħħar għaxar snin,

G.     billi dan it-tnaqqis huwa marbut fl-istess ħin mat-tnaqqis tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra Ewropej u mal-miżuri implimentati, bir-raġun, biex ikun limitat il-qbid u tkun żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet skont il-PKS, kemm fl-ibħra tal-UE kif ukoll lil hinn minnhom, b'mod partikolari fejn l-Impriżi tas-Sajd tal-UE jitmexxew permezz ta' ftehimiet ta' Sħubija għas-Sajd,

H.     billi s-sajd Ewropew jirrappreżenta anqas minn 6 % tal-qbid dinji,

I.      billi, anke jekk il-Green Paper dwar ir-riforma tal-PKS tippreżenta l-viżjoni għall-futur imbiegħed ta' taqliba possibbli ta' din it-tendenza ta' tnaqqis tal-qbid, il-miżuri radikali previsti biex jippermettu lir-riżorsi jirriġeneraw (tnaqqis tal-kapaċità tal-flotot, miżuri ta' ġestjoni aktar stretti, kontrolli msaħħa, eċċ.) bil-kontra, jistgħu biss jaċċentwawha f'terminu twil jew qasir ta' żmien,

J.      billi, barra minn hekk, minkejja l-istrateġija l-ġdida ddefinita għaż-żona, il-limitazzjonijiet multipli li jaffettwaw l-iżvilupp tal-akkwakultura fil-Komunità huma tali li probabbli mhux se jkunu jistgħu jiġu kumpensati b'mod sinifikanti, f'tul ta' żmien qasir jew medju, għax-xejra ġenerali ta' produzzjoni inqas fis-settur tal-estrazzjoni,

K.     billi dan jagħmilha essenzjali li tkun imħeġġa aktar produzzjoni Ewropea, speċjalment fl-Istati Membri ġodda b'potenzjal ċar fir-rigward tal-akkwakultura,

L.     billi d-domanda Komunitarja għal PSA, bil-kontra, qed tiżdied b'mod ġenerali fl-Unjoni Ewropea, b'żieda partikolarment qawwija fis-swieq tal-Istati Membri l-ġodda tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, u billi huwa mistenni li diversi fatturi jwasslu għal żieda kostanti tal-konsum fl-għoxrin sena li ġejjin,

M.    billi l-Unjoni Ewropea (12-il miljun tunnellata u 55 biljun euro fl-2007) diġà hija l-akbar suq dinji għall-PSA, qabel il-Ġappun u l-Istati Uniti, li jiddependi ferm mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jkopru aktar minn 60 % tal-bżonnijiet, u li din id-dipendenza x'aktarx li tikber aktar,

N.     billi issa jidher ċar li l-kwistjoni tal-importazzjonijiet tal-PSA fl-UE u tal-kundizzjonijiet li bihom dawn l-importazzjonijiet isiru hija assolutament kruċjali f'kull analiżi tal-politiki mmexxija mill-Unjoni Ewropea dwar is-sajd u l-akkwakultura, u billi trid tingħata attenzjoni partikulari lil din il-kwistjoni fid-dawl tar-riformi li qed isiru,

O.     billi din il-kwistjoni trid titqies mill-aspetti kollha tagħha: kummerċjali, ambjentali, soċjali, sanitarji u kwalitattivi,

P.     billi s-sajd mhux selettiv u l-livelli għolja ta' rimi f'ċerti impriżi tas-sajd li jesportaw lejn is-suq tal-UE jfissru li qed jinħlew ammonti sinifikanti ta' ħut adattat għall-konsum mill-bniedem,

Q.     billi trid issir riflessjoni partikulari dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) fil-qasam tal-PSA, billi r-regoli attwali tagħha jidher li m'għadhomx validi għal għadd ta' raġunijiet u jeħtieġu reviżjoni urġenti,

R.     billi din ir-riflessjoni titlob ukoll li jsir eżami kritiku tal-politika kummerċjali komuni kif applikata, b'mod partikolari, f'dan is-settur u wkoll tal-konsistenza fid-deċiżjonijiet meħuda f'dak il-qafas bil-ħtieġa li tippreserva settur tas-sajd Ewropew vijabbli u responsabbli,

S.     billi, minkejja li l-PSA għadhom soġġetti għal protezzjoni doganali teorika skont it-Tariffa Doganali Komuni (TDK) li hija ftit ogħla mill-medja għall-prodotti mhux agrikoli, din il-protezzjoni tonqos b'mod sinifikanti fil-prattika minħabba diversi eżenzjonijiet u tnaqqis, applikati b'mod awtonomu jew abbażi ta' ftehimiet, li jfisser li l-importazzjonijiet effettivament soġġetti għat-tariffi MFN (applikabbli awtomatikament) jirrappreżentaw madwar 5 % tat-total,

T.     billi hu mistenni li l-politika li jinfetħu s-swieq tal-UE għall-importazzjonijiet tal-PSA tissokta, kemm f'livell multilaterali, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO u partikolarment tal-qasam ASMA (aċċess għas-swieq mhux agrikoli) taċ-Ċiklu ta' Doha, kif ukoll permezz ta' għadd ta' negozjati preferenzjali li għaddejjin ma' kull xorta ta' sħab kummerċjali fl-Asja, fl-Amerika Latina, fl-Amerika ta' Fuq, fil-Mediterran u ma' gruppi differenti ta' pajjiżi tal-AKP,

U.     billi, b'mod partikulari l-konklużjoni tat-taħditiet ASMA taċ-Ċiklu ta' Doha fuq il-bażi prevista attwalment tal-"formula Svizzera" b'koeffiċjent ta' 8 jkollha l-effett li tnaqqas ir-rata massima tat-taxxa doganali applikabbli għall-PSA fl-UE minn 26 % għal madwar 6 % u r-rata medja minn 12 % għal madwar 5 %,

V.     billi tali deċiżjoni, minbarra l-fatt li tnaqqas kważi għalkollox l-effett protettiv tat-tariffi li għadhom fis-seħħ, tneħħi kull sinifikat, billi tgħawwarhom ferm, tal-preferenzi diġà mogħtija jew li qed ikunu nnegozjati għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u billi ddgħajjef is-sisien stess tal-mekkaniżmi tad-WTO li jippermettu l-modulazzjoni tal-aċċess għas-suq Komunitarju fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-industrija Ewropea tal-ipproċessar tal-PSA (sospensjonijiet tariffarji u kwoti tariffarji),

W.    billi r-rekwiżit tal-UE għal koerenza bejn l-għanijiet tal-politika tal-iżvilupp tagħha (eliminazzjoni tal-faqar, l-iżvilupp ta' operazzjonijiet tas-sajd lokali sostenibbli) u l-politika kummerċjali tagħha jimplika li pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu mħeġġa jesportaw il-prodotti tas-sajd b'valur miżjud akbar, sakemm il-ħut ikun ġej minn operazzjonijiet tas-sajd ġestiti tajjeb u sostenibbli, u jissodisfa l-kondizzjonijiet sanitarji meħtieġa,

X.     billi, barra minn hekk, it-tendenza nnutata fis-snin riċenti min-naħa tan-negozjaturi kummerċjali tal-UE li jippermettu aktar faċilment derogi għar-regoli ta' oriġini preferenzjali applikati tradizzjonalment għall-PSA, kemm għall-prodotti mhux ipproċessati (kriterji għad-determinazzjoni tan-nazzjonalità tal-bastimenti) kif ukoll għall-prodotti pproċessati (possibilità li tinżamm l-oriġini preferenzjali minkejja l-użu ta' materja prima mhux tal-oriġini),

Y.     billi studju tal-FAO wera li anki jekk il-kummerċ internazzjonali fi prodotti tal-ħut jista' jwassal għal aktar sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dan wassal ukoll għal żieda fis-sajd għas-suq tal-esportazzjoni, u dan jista' jiggrava t-tnaqqis fl-istokkijiet, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tas-sajd ikunu ġestiti u kkontrollati sewwa biex jevitaw tnaqqis tal-ħażniet;

Z.     filwaqt li jitqiesu l-interessi diverġenti tal-produtturi Komunitarji tal-PSA (sajjieda u akkwakulturi), tal-industriji tal-ipproċessar, tad-distributuri, tal-importaturi u tal-konsumaturi, li l-politiki mfassla f'livell Ewropew għandhom jippruvaw jirrikonċiljaw b'mod effikaċi u bbilanċjat,

AA.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li jkunu żgurati soluzzjonijiet aċċettabbli għall-produtturi Komunitarji (sajjieda u intrapriżi tal-akkwakultura) fuq bażi ta' prezzijiet remunerattivi biżżejjed, b'qies tal-ispejjeż, limitazzjonijiet u imponderabbli relatati mal-attività tagħhom,

AB.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proċessuri tal-Komunità jistgħu jibbenefikaw minn materja prima ta' kwalità uniformi, fi kwantità suffiċjenti u bi prezzijiet stabbli tul is-sena kollha,

AC.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li tkun issodisfata d-domanda mill-konsumaturi fil-Komunità għal prodotti ta' kwalità għolja bi prezzijiet kompetittivi u li titqies ix-xewqa dejjem tikber tagħhom għal informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-oriġini tal-prodotti u l-kondizzjonijiet li fihom ikunu ġew maqbuda jew prodotti,

AD.  filwaqt li jitqies l-impatt divrenzjat ta' importazzjonijiet fis-suq Komunitarju skont l-ispeċijiet involuti, il-grad ta' pproċessar tal-prodott u r-rotot ta 'distribuzzjoni użati,

AE.   billi, pereżempju, effett ta' tnaqqis fuq il-prezzijiet fil-punt inizjali tal-bejgħ ikkawżat minn kompetizzjoni mill-importazzjonijiet jidher li hu kwistjoni aktar sensittiva għall-ispeċijiet "industrijali" (dawk destinati għall-industrija tal-ipproċessar) milli għall-ispeċijiet mhux industrijali,

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

1.      Jiddeplora l-fatt li l-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd tiddedika biss ftit linji għall-kwistjoni tal-importazzjonijiet u tissottovaluta, b'mod ċar, l-importanza tat-trattament xieraq ta'din il-kwistjoni għall-kredibilità u s-suċċess tar-riforma;

2.      Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-aċċess għas-suq tal-UE għall-PSA importati hija diġà avvanzata sew bħala riżultat ta' politika kummerċjali segwita mill-UE matul l-aħħar għoxrin sena;

3.      Jinnota li l-produzzjoni Komunitarja ta' PSA hija nettament insuffiċjenti biex tkopri l-ħtiġijiet tal-industrija tal-ipproċessar u d-domanda dejjem tikber tal-konsumaturi u li din mhijiex se tinbidel; jirrikonoxxi, għalhekk, il-ħtieġa li jkun promoss il-konsum responsabbli, ibbażat fuq il-kwalità u s-sostenibbiltà aktar milli fuq il-kwantità, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġestjoni tas-sajd għall-promozzjoni tal-irkupru tal-istokkijiet u l-fatt li l-importazzjonijiet ser ikomplu jkollhom rwol importanti fil-forniment tas-suq tal-UE;

4.      Jirrikonoxxi li hemm limitu massimu fuq l-ammont ta' ħut li jista' jinqabad fuq bażi sostenibbli, kemm għal konsum uman u kemm għal skopijiet industrijali, li jfisser li l-provvista ta' ħut għas-suq tal-UE ma tistax tiżdied ad infinitum;

5.      Madankollu, jenfasizza l-ħtieġa essenzjali li jkun żgurat li fl-UE jinżammu oqsma tas-sajd u tal-akkwakultura ambjentalment sostenibbli u ekonomikament vijabbli, inklużi operazzjonijiet fuq skala żgħira, li jkunu mifruxa b'mod armonizzat mal-kosta tagħha, li jgħinu biex titħares l-identità kulturali tar-reġjuni konċernati, li jipprovdu x-xogħol fl-istadji kollha tal-produzzjoni, u li jipprovdu ikel sikur u ta' kwalità tajba li jimplika li s-sajjieda jingħataw prezz tajjeb għall-prodott tagħhom; jisħaq ukoll li l-impjegati fl-industrija tas-sajd għandhom jaħdmu taħt kundizzjonijiet raġonevoli u skont il-konvenzjonijiet tal-ILO dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol;

6.      Jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tas-suq u l-ftuħ attwali tas-suq tal-Komunità għall-esportazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura għandhom impatt konsiderevoli u ta' ħsara fuq l-ekonomija lokali f'ċerti reġjuni, speċjalment l-aktar reġjuni mbiegħda, li mhumiex kapaċi jsibu swieq għall-prodotti tagħhom;

KUNSIDERAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Politika Kummerċjali u Doganali

7.      Iqis li l-UE, bħala l-akbar importatur ta’ prodotti tas-sajd fid-dinja, taqsam ir-responsabilità politika ma’ pajjiżi oħra li huma importaturi ewlenin tal-ħut li tiżgura li r-regoli kummerċjali tad-WTO jirrispettaw l-istandards globali l-aktar għolja possibbli tal-immaniġġjar tas-sajd u tal-konservazzjoni; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali tal-UE il-kummerċ ġust, trasparenti u sostenibbli tal-ħut jiġi msaħħaħ;

8.      iqis li protezzjoni tariffarja raġonevoli hija u trid tibqa' strument importanti u leġittimu tal-kontroll tal-importazzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet politiċi; ifakkar li protezzjoni tariffarja erga omnes hija l-aspett ewlieni tal-preferenzi mogħtija mill-UE lil ċerti pajjiżi, b’mod partikulari lil dawk li qed jiżviluppaw; ifakkar li t-tneħħija ta' din il-protezzjoni ċċaħħad lill-pajjiżi li jibbenefikaw mill-preferenzi mill-vantaġġi kollha li għandhom attwalment; ifakkar ukoll fil-karatteristika utli ta' flessibbiltà ta' din il-protezzjoni tariffarja li l-UE tista' tissospendi l-applikazzjoni tagħha jekk il-produzzjoni Komunitarja ta' meterja prima ma tkunx biżżejjed biex ikun żgurat il-forniment xieraq tal-industrija tal-ipproċessar tagħha;

9.      Għalhekk, ma jistax jaċċetta l-opinjoni, promossa permezz tal-politika tal-kummerċ attwalment fis-seħħ, ta' telf inevitabbli ta' kull protezzjoni tariffarja fil-qasam tal-PSA li dwaru l-produtturi Komunitarji – sajjieda, akkwakulturi u min jipproċessa – ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn għajr jirrassenjaw ruħhom;

10.    Iqis li, bħas-settur agrikolu, l-oqsma tas-sajd u tal-akkwakultura huma oqsma strateġiċi, multifunzjonali, li jiddependu fuq il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi naturali, u vulnerabbli ħafna f'ċerti komponenti tagħhom, li ma jaddattawx ruħhom tajjeb għal approċċ purament ta' kummerċ ħieles ibbażat fuq il-libertà ta' azzjoni tal-vantaġġi komparattivi;

11.    Jiddispjaċih li, bil-kontra tan-negozjati kummerċjali rigward il-prodotti agrikoli li huma mmexxija mill-Kummissarju għall-Agrikoltura, dawk dwar il-PSA huma kkunsidrati bħala negozjati "mhux agrikoli" u huma l-kompetenza tal-Kummissarju għall-Kummerċ, li għalih spiss jirrappreżentaw biss varjant ta' aġġustament f'korp usa' ta' kwistjonijiet;

12.    Jitlob it-trasferiment tal-kompetenza tat-tmexxijja tan-negozjati kummerċjali dwar il-PSA mill-Kummissarju għall-Kummerċ għall-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd;

13.    Jitlob għall-iżvilupp, permezz ta' sensiela ta' studji u konsultazzjonijiet, ta' stampa ċara u sħiħa tas-suq Komunitarju tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, speċi bi speċi, kif ukoll tat-tendenzi probabbli fid-domanda u l-produzzjoni fil-Komunità u tas-soluzzjonijiet li hu mistenni li jinżammu għal produzzjoni fil-kuntest ta' kompetizzjoni ġusta;

14.    Jitlob ukoll li l-Kummissjoni tevalwa bl-aktar mod affidabbli u bl-aktar mod preċiż l-impatt tal-importazzjonijiet ta' PSA fis-suq Komunitarju, partikolarment fir-rigward tal-prezzijiet, u li taħdem favur l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ġbir u ta' skambju ta' dejta li tiffaċilita din l-evalwazzjoni;

15.    Jesiġi li l-PPA jitqiesu bħala prodotti sensittivi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-"formula Svizzera" fil-qafas tan-negozjati ASMA taċ-Ċiklu ta' Doha fid-WTO, sabiex ikun evitat it-tgħawwir tal-protezzjoni tariffarja li għadhom jibbenefikaw minnha xi prodotti taħt it-TDK u li jinżammu, b'dan il-mod, il-valur tal-preferenzi mogħtija lil ċerti sħab u l-effikaċja tal-mekkaniżmi tal-OKS;

16.    Ifakkar li, skont il-paragrafu 47 tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tal-14 ta' Novembru 2001, in-negozjati taċ-Ċiklu attwali huma mwettqa fuq il-bażi tal-prinċipju tal-"impriża waħda" u li, sakemm iċ-Ċiklu ma jkunx spiċċa għalkollox, l-Unjoni Ewropea għad tkun tista' tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha dwar ċerti kapitoli tagħha;

17.    Iħeġġeġ ukoll lin-negozjaturi Komunitarji tad-WTO biex jibqgħu jirrifjutaw kategorikament li jinvolvu lill-UE fi kwalunkwe inizjattiva ta' liberalizzazzjoni plurilaterali settorjali tal-PSA;

18.    jappella lill-Kummissjoni biex tesiġi li l-konklużjoni eventwali ta' ftehim dwar is-sussidji fis-settur tas-sajd li qed jiġu nnegozjati fid-WTO, partikolarment dwar il-miżuri ta' kontroll tas-suq, ma tkunx tfisser għall-produtturi Ewropej sitwazzjoni ta' żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma' fornituri ta' pajjiżi terzi; huwa jopponi fil-prinċipju kwalunkwe "ħsad bikri" ta' ftehim tali, li għandu jibqa' inseparabbli mill-elementi l-oħra tar-rawnd ta' Doha;

19.    Jistieden lin-negozjaturi Komunitarji għan-negozjati bilaterali u reġjonali biex jesiġu b'mod aktar sistematiku kontropartijiet effikaċi għall-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija lill-pajjiżi terzi fir-rigward tal-importazzjoni tal-PSA filwaqt li jiddefendu b'determinazzjoni l-interessi offensivi tal-Unjoni Ewropea f'dan is-settur fejn jeżistu;

20.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE żżomm il-kontroll tal-preferenzi kummerċjali li tagħti lil xi sieħba billi tesiġi l-applikazzjoni ta' regoli stretti ta' oriġini, ibbażati fuq il-kunċett ta' prodotti "miksuba sħaħ"; jitlob kawtela fl-għoti ta' kull deroga għall-kriterji tradizzjonali għad-determinazzjoni tan-nazzjonalità tal-bastimenti għall-prodotti mhux ipproċessati, u jesiġi r-rifjut ta' kull talba ġdida ta' deroga fir-rigward ta' prodotti pproċessati; iqis li r-regola magħrufa bħala "no-drawback" trid tkun applikata sistematikament u li l-possibilitajiet ta' akkumulazzjoni ta' oriġini għandhom ikunu limitati;

21.    jitlob b'insistenza lill-Kummissjoni li ttejjeb, b'mod kwantitattiv u kwalitattiv, l-analiżi tal-impatt fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura tal-preferenzi tarifarrji, mogħtija lil ċerti pajjiżi, b'mod partikolari fir-rigward tal-profitti tal-impriżi u tal-impjieg, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikolari l-pajjiżi tal-AKP; jisħaq ukoll fuq il-fatt li dawn il-valutazzjonijiet iridu jipprovdu riżultati kwantifikati kif jixraq u jqisu b'mod partikolari speċijiet ta' ħut vulnerabbli;

22.    Jiġbed l-attenzjoni għall-għażla tal-industrija Komunitarja li tagħmel użu mill-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ tal-UE f'każijiet ta' dumping, sussidjar jew żieda fuq skala kbira u mingħajr twissija ta' importazzjonijiet għal ċerti kategoriji ta' PSA;

Aspetti ambjentali, soċjali, sanitarji u kwalitattivi

23.    Jemmen li wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-politika Komunitarja dwar l-importazzjoni tal-PSA għandu jkun li jiġi żgurat li prodotti importati jissodisfaw l-istess rekwiżiti, fl-oqsma kollha, bħal dawk imposti fuq il-produzzjoni Komunitarja; iqis li dan l-għan jikkorrispondi għall-preokkupazzjonijiet fundamentali ta' ekwità, ta' koerenza u ta' effikaċja tal-miżuri implimentati attwalment f'dan il-qasam jew previsti fil-qafas tar-riforma; jinnota wkoll li l-konformità ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE ma' rekwiżiti tal-UE se tgħin biex tinħoloq kompetizzjoni aktar ugwali bejn il-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea u l-produzzjoni ta' pajjiżi mhux fl-UE minħabba l-ispejjeż ogħla li se jonfqu l-pajjiżi mhux tal-UE biex jipproduċu l-ħut skont l-istandards tal-UE;

24.    Huwa mħasseb li l-influss massiv ta' PSA fuq is-suq Komunitarju f'ambjent ta' kompetizzjoni inġusta jista' jispiċċa jinfluwenza l-użanzi kulinarji tal-Ewropej, li, fi żmien ta' kriżi ekonomika ġenerali, jistgħu jaqgħu faċilment għat-tentazzjoni li jixtru prodotti tal-ikel irħas u ta' kwalità iktar baxxa;

25.    Iqis li l-intensifikazzjoni tal-isforzi tal-UE fir-rigward tal-konservazzjoni tal-istokkijiet u tad-sostenibilità tas-sajd, fil-qafas tal-PKS, huma inkompatibbli ma' PSA minn pajjiżi li qed iżidu l-isforzi tas-sajd tagħhom mingħajr ma jinteressaw ruħhom fis-sostenibilità u huma interessati biss fil-profitti fuq medda ta' żmien qasira;

26.    jenfasizza li l-politika Komunitarja ta' konservazzjoni tar-riżorsi tikkontribwixxi, b'mod partikolari permezz tal-pjanijiet ta' rkupru u ta' ġestjoni, biex ikunu ffavoriti l-importazzjonijiet ta' PSA minn pajjiżi terzi u biex ikunu jistgħu jieħdu post, b'mod ħafna drabi irreversibbli, il-produzzjoni Komunitarja; jitlob lill-Kummissjoni tqis dan ir-riskju b'mod xieraq fit-tfassil ta' dawn il-pjanijiet;

27.    Jibża', fin-nuqqas ta' politika stabbilita dwar dan is-suġġett, li l-ġibda konsiderevoli ta' suq Komunitarju tal-PSA b'aċċess liberu ferm u kkaratterizzat minn domanda li qed tikber sew, tikkostitwixxi għal dawn il-pajjiżi stimolu permanenti għas-sajd żejjed;

28.    Jilqa' b'sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ riċenti ta' regolament dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) u li jimponi ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti kollha mqiegħda fis-suq Komunitarju; jinkoraġġixxi applikazzjoni stretta u effikaċi ta' dan ir-regolament, filwaqt li jagħraf il-fatt li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu l-għajnuna biex jimplimentaw ir-regolament kif suppost u biex jikkumbattu s-sajd illegali; madankollu, ifakkar li dan huwa rekwiżit minimu li ma jkunx biżżejjed biex tkun iggarantita s-sostenibilità tal-impriżi tas-sajd li minnhom jiġu l-prodotti inkwistjoni;

29.    Jemmen li, minbarra l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar is-sajd IUU, huwa meħtieġ li jsiru aktar kontrolli aktar downstream fuq il-marketing ta' ħut bħal dan, partikolarment permezz ta' verifiki aktar rigorużi tal-Istati Membri u ta' intrapriżi suspettati b'forniment ta' prodotti li joriġinaw minn sajd illegali;

30.    Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li l-pajjiżi esportaturi ewlenin ta' PSA lejn l-UE jonoraw l-impenji li ħadu f'Johannesburg u l-implimentazzjoni minn dawn il-pajjiżi ta' politiki stretti dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi; jinkkuraġġiha biex tikkopera ma' dawn il-pajjiżi fil-fora xierqa kollha u partikolarment fil-qafas tal-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO);

31.    L-Unjoni Ewropea trid tinforza wkoll lil dawk l-impriżi sabiex ikun żgurat li l-prodotti kollha esportati lejn l-Unjoni Ewropea, mingħajr eċċezzjoni, huma minn pajjiżi li rratifikaw il-ftehimiet internazzjonali ewlenin fil-qasam tal-liġi marittima, u b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il- Liġi tal-Baħar u l-Konvenzjoni dwar l-istokkijet tal-ħut transżonali u li jpassi ħafna u, f'każijiet fejn l-esportazzjonijiet jiġu minn ilmijiet ġestiti minn RFMO, li dawn huma partijiet kontraenti tal-ftehim RFMO konċernat;

32.    Jenfasizza l-iżvantaġġi kbar li għandhom is-sajjieda, l-akkwakulturi u l-impriżi ta' pproċesar Komunitarji, meta jħabbtu wiċċhom mal-konkorrenza ta' xi pajjiżi terzi minħabba l-ispejjeż ħafna iżgħar għall-ħaddiema f'dawn il-pajjiżi kif ukoll minħabba normi soċjali anqas esiġenti li huma applikati;

33.    Iqis li l-problema tad-"dumping soċjali", preżenti wkoll f'diversi oqsma oħra tal-ekonomija, hija partikolarment gravi fil-qasam tal-PSA u partikolarment fl-attivitajiet ta' pproċesar, li jużaw ħafna l-ħaddiema;

34.    Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tal-anqas ikun żgurat li l-pajjiżi esportaturi ewlenin ta' PSA lejn l-UE jħarsu t-tmien Konvenzjonijiet tal-ILO dwar id-drittijiet fundamentali tax-xogħol;

35.    Jesiġi li l-preferenzi kummerċjali kollha mogħtija mill-UE fir-rigward tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura għandhom jiddependu b'mod strett mill-issodisfar ta' rekwiżiti soċjali u ambjentali stretti; jitlob ukoll li d-dispożizzjonijiet inklużi għal dan il-għan fil-ftehimiet konklużi jkun fihom mekkaniżmi kredibbli ta' sorveljanza li jiġu onorati l-impenji li ttieħdu u ta' sospensjoni jew ta' revoka ċara tal-preferenzi f'każ ta' ksur; jitlob, fil-każ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-implimentazzjoni ta' programmi mfassla b'mod speċifiku biex jingħata l-appoġġ tekniku, u l-appoġġ finanzjarju jekk ikun meħtieġ, sabiex l-Istati milquta jkunu jistgħu jonoraw l-impenji ambjentali u soċjali li jkunu ħadu;

36.    Jisħaq fuq l-importanza ta' applikazzjoni stretta għall-PSA importati, inkluż għal kwalunkwe għalf u materjal tal-għalf, tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rigward in-normi u l-kontrolli sanitarji fl-aspetti kollha tagħhom (sigurtà tal-ikel, traċċabilità, prevenzjoni), li huma aspetti kruċjali għall-ħarsien tal-konsumatur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex issaħħaħ il-programm tagħha ta' spezzjonijiet ta' pajjiżi terzi billi ttejjeb il-ħidma tal-missjonijiet tal-Uffiċċji tal-Ikel u Veterinarji, prinċipalment billi żżid l-għadd ta' stabbilimenti spezzjonati waqt kull missjoni, sabiex tikseb riżultati li jirriflettu aħjar is-sitwazzjoni reali fil-pajjiżi terzi;

37.    Iħeġġeġ kawtela kbira fl-għarfien tal-ħtiġijiet applikati f'ċerti pajjiżi terzi bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni u fil-validazzjoni tal-listi ta' pajjiżi u impriżi awtorizzati li jesportaw il-PSA lejn l-UE; iqis li DĠ SANCO għandu jkun kapaċi jneħħi bastimenti individwali jew impjanti ta' proċessar minn listi approvati fejn dawn jonqsu milli jilħqu standards minimi;

38.    Jitlob viġilanza kbira fir-rigward ta' prodotti minn forom ġodda ta' akkwakultura partikolarment intensivi prattikati f'ċerti reġjuni tad-dinja, kif ukoll analiżi kritika tat-tekniki u l-proċeduri użati biex tiżdied il-produttività ta' dawn l-impjanti u tal-konsegwenzi possibbli tagħhom fuq is-saħħa, kif ukoll l-impatt soċjali u ambjentali lokali tagħhom;

39.    Jesiġi intensità u frekwenza tal-kontrolli li jsiru fil-livelli kollha, u partikolarment tal-kontrolli fil-fruntieri armonizzati effettivament u trasparenti, li jkunu proporzjonali għar-riskji mill-prodotti konċernati, partikolarment fir-rigward tan-natura u l-provenjenza tagħhom; jitlob lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi kollha finanzjarji u umani meħtieġa;

Riforma tal-OKS

40.    Ifakkar fid-diversi riżoluzzjonijiet tiegħu, adottati matul is-sitt leġiżlatura, li jitolbu lill-Kummissjoni twettaq b'urġenza riforma ambizzjuża tal-OKS tal-prodotti tas-sajd sabiex tikkontribwixxi aktar għall-iżgurar tad-dħul f'dan is-settur, tal-istabilità tas-swieq, kummerċjalizzazzjoni aqwa tal-prodotti tas-sajd u żieda tal-valur miżjud maħluq li dawn jirrapreżentaw; jiddeplora d-dewmien f'dan il-qasam; jirreferi għar-riżoluzzjonijiet konċernati dwar il-kwistjoni ta' liema għandhom ikunu l-għanijiet ewlenin ta' din ir-riforma;

41.    Jisħaq fuq il-fatt li l-mekkaniżmi ġodda implimentati f'dan il-qafas iridu assolutament iqisu r-realtà innegabbli li tirrappreżenta l-konkorrenza feroċi ħafna tal-importazzjonijiet irħas li jirriżulta minn prattiki li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew ekwivalenti għal forma ta' dumping soċjali, kif ukoll jippruvaw jiggarantixxu tal-anqas li l-produzzjoni Komunitarja tista' titqiegħed fis-suq b'mod normali u bi prezzijiet remunerattivi biżżejjed;

Informazzjoni għall-konsumatur

42.    Jesprimi l-konvinzjoni li l-konsumaturi Ewropej spiss jagħmlu għażliet differenti kieku jkunu infurmati aħjar dwar in-natura vera, l-oriġini ġeografika, il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni jew qbid, u l-kwalità tal-prodotti offruti għall-bejgħ;

43.    Jenfasizza l-urġenza li jiddaħħlu kriterji ta' ċertifikazzjoni u ttikkettar stretti u trasparenti fir-rigward tal-kwalità u t-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura Ewropej, kif ukoll li titħeġġeġ l-introduzzjoni mill-aktar fis possibbli ta' tikketta ekoloġika Komunitarja speċifika għal dawn il-prodotti sabiex tintemm il-proliferazzjoni inkontrollata tas-sistemi ta' ċertifikazzjoni privati;

44.    Jemmen li l-ekoċertifikazzjoni u l-ekotikkettar tal-PSA għandhom ikunu proċessi trasparenti u li jinftiehmu faċilment mill-konsumatur, u għandhom ikunu disponibbli għas-settur kollu mingħajr eċċezzjoni, suġġett għal konformità stretta mal-kriterji bażiċi ta' attribuzzjoni;

Akkwakultura

45.    Jenfasizza s-sehem li qed jikber tal-prodotti tal-akkwakultura fl-importazzjonijiet ta' PSA tal-Unjoni Ewropea;

46.    Jattribwixxi dan il-fenomenu għal tkabbir konsiderevoli tal-produzzjoni tal-akkwakultura f'ċerti reġjuni tad-dinja matul l-aħħar għaxar snin fi żmien meta l-akkwakultura Komunitarja, li tirrappreżenta biss 2 % tal-produzzjoni dinjija, kienet għaddejja minn perjodu ta' staġnar;

47.    Jinnota l-eżistenza ta' effetti ta' sostituzzjoni sinifikanti, f'termini tad-drawwiet u d-domanda tal-konsumaturi min-naħa tad-distributuri fil-UE, bħal bejn il-prodotti friski ta' oriġini Komunitarja u ċerti tipi ta' prodotti tal-akkwakultura importati;

48.    Iqis li politika determinata ta' għajnuna għall-iżvilupp ta' akkwakultura sostenibbli, b'inqas impatt fuq l-ambjent, fl-UE hija wieħed mill-pedamenti ta' politika bil-għan li titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet fil-qasam tal-PSA, li titħeġġeġ l-attività ekonomika fl-Unjoni Ewropea u li tiġi ssodisfata d-domanda li qed tiżdied b'mod qawwi permezz ta' provvista aktar abbondanti u aktar varjata; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jkun hemm impenn qawwi favur ir-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-prodotti Ewropej tal-akkwakultura;

49.    Jirreferi f'dan ir-rigward għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar "Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea";

50.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet prinċipali ta' dan ir-rapport fil-proposti tagħhom u fid-deċiżjonijiet dwar il-riforma tal-PSK;

51.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(2)

ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.

(3)

ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 271.

(4)

ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(5)

ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2010)0039.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2010)0243.

(8)

Testi adottati, P6_TA-PROV(2009)0373.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-grupp politiku tiegħi u jien iddeċidejna fl-aħħar tas-sena li għaddiet li nieħdu l-inizjattiva ta' dan ir-rapport minħabba l-importanza fundamentali tas-suġġett ittrattat u tal-karatteristika trasversali tal-kwistjonijiet li tqajmu.

Il-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament Ewropew fi Frar li għadda adotta riżoluzzjoni dwar il-Green Paprer dwar ir-riforma tal-PKS abbażi ta' rapport tas-Sra Patrão Neves. Il-Kumitat wasal ukoll biex dalwaqt jivvota dwar abbozz ta' rapport tas-Sur Milana dwar l-istrateġija ġdida għall-akkwakultura Ewropea. Dehrilna li dawn iż-żewġ rapporti importanti jistgħu jkunu kkomplementati utilment minn rapport ieħor dwar għadd ta' problemi partikolarment determinanti għall-ġejjieni tal-oqsma konċernati.

Il-kwistjoni tas-sistema ta' importazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (PSA), jiġifieri tal-kundizzjonijiet li bihom il-prodotti li joriġinaw minn barra l-UE jitħallew jidħlu fit-territorju tagħha, flimkien mal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura Ewropea, jew f'konkorrenza magħhom, hija fil-fatt kwistjoni importanti, u kull analiżi ta' dawn l-oqsma partikulari tal-ekonomija Ewropea trid tittrattaha bilfors.

Iċ-ċifri ma setgħux kienu aktar elokwenti:

· Is-suq tal-UE, ta' madwar 12-il miljun tunnellata u 55 biljun euro fl-2007, huwa l-ewwel suq dinji għall-PSA, qabel is-swieq tal-Ġappun u tal-Istati Uniti.

· Filwaqt li ilu jikber b'mod qawwi mill-2005, jiddependi dejjem aktar mill-importazzjonijiet, sa tali punt li r-rata ta' awtosuffiċjenza attwalment hija anqas minn 40 %, jiġifieri rata ta' dipendenza mill-importazzjonijiet ta' aktar minn 60 %.

· Il-previżjonijiet ta' konsum juru li d-domanda tista' tiżdied aktar b'madwar 1 500 000 tunnellatta sal-2030 u li din iż-żieda trid tkun koperta fil-kważi-totalità kollha tagħha minn importazzjonijiet supplementari.

Ovvjament, il-produzzjoni Komunitarja mhijiex biżżejjed u qatt ma tista' tkun biżżejjed biex tissodisfa din id-domanda. Din id-dipendenza mill-importazzjonijiet tinkludi, minn parti tas-suq għall-oħra (speċijiet, tipi ta' prodotti, rotot ta' distribuzzjoni), realtajiet kumplessi u diversi.

Il-fatt jibqa' li din is-sitwazzjoni tippreokkupa b'mod leġittimu lil ċertu numru ta' partijiet interessati fil-qasam u dan l-abbozz ta' rapport għandu l-intenzjoni li jindirizza l-preokkupazzjoni tagħhom .

Fir-rigward tal-metodoloġija, ikkonsultajt ċertu numru ta' studji u dejta disponibbli, partikolarment studji li saru riċentement f'isem il-Kummissjoni, jew f'isem il-Parlament.. Bgħatt imbagħad talbiet għal informazzjoni speċifika lid- Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni DĠ TRADE u DĠ MARE u intervistajt lil rappreżentanti tas-servizzi konċernati.

Ikkonsultajt ukoll b'mod informali, permeżż ta' kwestjonarji apposta, lil diversi organizzazzjonijiet kbar li jirrappreżentaw f'livell Ewropew lis-sajjieda u l-akkwakulturi, lill-importaturi u lil min jipproċessa, u lid-distributuri, , u ltqajt ma' wħud minnhom.

Is-smigħ organizzat mill-Kumitat għas-Sajd fit-8 ta' April li għadda dwar is-suġġett "Riforma tal-PKS: aspetti kummerċjali u organizzazzjoni tas-suq" ippermettieli napprofondixxi l-komprensjoni tiegħi tal-interressi speċifiċi tal-partijiet interessati differenti fil-qasam u li nkejjel id-diffikultà ta' rikonċiljazzjoni ta' dawn l-interessi.

Kif għandu jkun, , dibattiti, kultant imqanqla, mal-kollegi tiegħi tal-Kumitat għas-Sajd f'mill-inqas tliet okkażjonijiet (l-ewwel skambju ta' opinjoni, preżentazzjoni ta' dokument ta' ħidma u s-smigħ imsemmi hawn fuq) għenuni narrikkixxi l-fehma peronali tiegħi fir-rigward ta' perspettivi nazzjonali u ta' sensitivitajiet politiċi differenti minn tiegħi. Għamilt ħilti li nqis dan kollu fl-abbozz ta' rapport tiegħi.

Il-punti ewlenin ta' dan l-abbozz jikkorrispondu mas-suġġetti ewlenin li ħarġu minn dawn il-ħidmiet, jiġifieri:

· il-kwistjonijiet marbuta mal-politika kummerċjali komuni kif applikata s'issa u kif applikatta attwalment fir-rigward tal-PSA kif ukoll mal-koerenza tad-deċiżjonijiet ta' politika kummerċjali meħuda f'dan il-qafas biż-żamma ta' qasam Ewropew tas-sajd vijabbli u responsabbli,

· il-kwistjoni fundamentali li nkunu nafu jekk il-PSA importati fl-UE fi kwantitajiet dejjem akbar jissodisfawx tassew l-istess esiġenzi bħal dawk imposti fuq il-produzzjoni Komunitarja, partikolarment mil-lat ambjentali, soċjali, sanitarju u kwalitatttiv,

· il-kwistjoni tar-riforma urġenti tal-Organizzazjzoni Komuni tas-Swieq fil-qasam tal-PSA, li l-mekkaniżmi tagħha, li ilhom fis-seħħ għal xi tnax-il sena, jidher li m'għadhomx adatti għall-isfidi ġodda li jirriżultaw partikolarment mit-tneħħija gradwali tat-tariffi doganali u mill-konkorrenza dejjem aktar massiva tal-importazzjonijiet,

· il-kwistjoni tal-informazzjoni għall-konsumatur, b'mod ġenerali, u dik ta' tikketta ekoloġika Ewropea għall-PSA, b'mod partikulari.

Ittrattajt ukoll xi kunsiderazzjonijiet speċifiċi dwar l-akkwakultura biex nenfasizza li d-dewmien tal-UE f'din il-kwistjoni meta mqabbel ma' reġjuni oħra tad-dinja huwa waħda mir-raġunijiet għad-dipendenza dejjem tikber tagħha mill-importazzjonijiet, filwaqt li daħħalt referenza għar-rapport Milana rigward il-miżuri li jeħtieġ li l-UE tieħu biex tirkupra ż-żmien mitluf.

Is-sostenibilità tas-sajd Ewropew hija kwistjoni li tgħaqqadna. Għalhekk f'dan ir-rapport issibu l-konklużjonijiet ewlenin li wasalt għalihom biex jintlaħaq dan l-għan.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI (2.6.2010)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS

(2009/2238(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Yannick Jadot

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-ħut huwa riżorsa naturali li, f’idejn ġestjoni xierqa, tista’ tkun rinnovabbli u tipprovdi kemm ikel kif ukoll impjiegi fi ħdan l-UE u fid-dinja kollha, u jeħtieġ li jkun sostnut bil-għan li jiġi evitat it-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut u t-tbatija sussegwenti fil-komunitajiet tal-kosta; jagħraf f’dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi msaħħa l-ġestjoni effikaċi tas-sajd, inkluża d-dimensjoni tal-impatt tal-kummerċ internazzjonali fuq ir-riżorsi tal-ħut fid-dinja kollha;

2.  Iqis li l-UE, bħala l-akbar importatur ta’ prodotti tas-sajd fid-dinja, taqsam ir-responsabilità politika ma’ pajjiżi oħra li huma importaturi ewlenin tal-ħut li tiżgura li r-regoli kummerċjali tad-WTO jirrispettaw l-istandards globali l-aktar għolja possibbli tal-immaniġġjar tas-sajd u tal-konservazzjoni; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali tal-UE il-kummerċ ġust, trasparenti u sostenibbli tal-ħut jiġi msaħħaħ;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi ruħha ma’ msieħba oħra tad-WTO u tal-FAO ħalli tiżviluppa u tippromwovi standards ambjentali u soċjali li għandhom jiġu applikati fil-kummerċ bilaterali u multilaterali, ħaġa li tkun tinkoraġġixxi s-sostenibilità u ttaffi l-faqar fid-dinja kollha;

4.  Jenfasizza li l-ħut m’għandux ikun ittrattat bħal kwalunkwe prodott industrijali ieħor, imma jeħtieġ li jkun soġġett għal regoli kummerċjali speċifiċi tad-WTO li japplikaw għall-prodotti sensittivi, b’mod li jkunu jistgħu jiġu stabbiliti salvagwardji u kontrolli;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq inizjattivi komuni fid-WTO u fil-FAO biex tevalwa kemm hu rakkomandabbli li l-prodotti tas-sajd ma jibqgħux soġġetti għar-regoli industrijali tan-NAMA, bil-għan li jkun iffaċilitat l-allinjament tal-kummerċ tal-prodotti tas-sajd mar-rekwiżiti li tipikament japplikaw għall-ikel u l-prodotti sensittivi;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-importazzjonijiet kollha għal ġol-UE jissodisfaw l-istess standards tas-saħħa li jridu jissodisfaw il-prodotti tas-sajd li jiġu prodotti fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

7.  Jappoġġa r-regolament tal-UE dwar is-sajd illegali, li jfittex li ħut li jkun inqabad illegalment ma jitħalliex jidħol fis-suq tal-UE, filwaqt li jagħraf il-fatt li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu l-għajnuna biex jimplimentaw ir-regolament kif suppost u biex jikkumbattu s-sajd illegali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Kader Arif, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Harlem Désir, Christofer Fjellner, Joe Higgins, Yannick Jadot, Metin Kazak, David Martin, Vital Moreira, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Gianluca Susta, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Mário David, Béla Glattfelder, Salvatore Iacolino, Syed Kamall, Georgios Papastamkos, Michael Theurer


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Kriton Arsenis, Alain Cadec, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Carl Haglund, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Catherine Trautmann, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Luis Manuel Capoulas Santos, Gabriel Mato Adrover, Antolín Sánchez Presedo, Ioannis A. Tsoukalas

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Giovanni La Via, Maurice Ponga, Jacek Włosowicz

Avviż legali - Politika tal-privatezza