RAPPORT dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi ta' kumpaniji elenkati u l-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji

24.6.2010 - (2010/2009(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Saïd El Khadraoui

Proċedura : 2010/2009(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0208/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi ta' kumpaniji elenkati u l-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji

(2010/2009(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2009, dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (C(2009)3159),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2009 li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji elenkati (C(2009)3177),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni (COM(2009)0362),

–   wara li kkunsidra l-Prinċipji għal Prattiki ta' Kumpens Tajba tal-Forum għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) tat-2 ta' April 2009 u l-Istandards Implimentattivi li jakkumpanjawhom, tal-25 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Livell Għoli tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (CEBS) għall-Politiki ta' Rimunerazzjoni tal-20 ta' April 2009,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (CEBS) dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tal-Prinċipji ta' Livell Għoli tas-CEBS għall-Politiki ta' Rimunerazzjoni tal-11 ta' Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Kumpens u l-Metodoloġija tal-Istandards ta' Valutazzjoni tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja ta' Jannar 2010,

   wara li kkunsidra d-dokument tal-OECD ta' Frar 2010 dwar il-Governanza Korporattiva u l-kriżi finanzjarja – konklużjonijiet u prattiki tajba ġodda biex titjieb l-implimentazzjoni tal-Prinċipji,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar kwistjonijiet deontoloġiċi marbuta mal-ġestjoni tal-kumpaniji[1],

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2010 dwar it-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni (COM(2010)284),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-UE tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/385/KE (Rakkomandazzjoni 2009 dwar ir-rimunerazzjoni tad-Diretturi) li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema tar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża (COM(2010)285),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-UE tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (COM(2010)286),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomici u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0208/2010),

A. billi, fis-settur finanzjarju u f'xi kumpaniji elenkati, il-politiki tar-rimunerazzjoni għall-kategoriji tal-persunal li l-attività tax-xogħol tagħhom għandha impatt materjali fuq il-profil ta' riskju tal-impriża jew tal-kumpanija kienu tali li inkoraġġew tranżazzjonijiet għall-ksib ta' profitti fi żmien qasir, bl-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju dejjem aktar riskjużi għal dak il-għan, bi ħsara għall-ħaddiema, għal min ifaddal u għall-investituri, u għat-tkabbir sostenibbli b'mod ġenerali,

B.  billi l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar it-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta' rimunerazzjoni tenfasizza li n-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' kontroll effikaċi kkontribwixxa b'mod sinifikanti għal teħid tar-riskji eċċessiv min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji, u li l-governanza korporattiva għandha tqis l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li tiddependi mill-azzjonijiet ta' ħafna parteċipanti,

C. billi l-istrutturi mhux adattati ta' rimunerazzjoni ta' wħud mill-istituzzjonijiet finanzjarji li jagħtu inċentiv eċċessiv u imprudenti lit-teħid tar-riskji kellhom sehem fl-akkumulazzjoni tar-riskji li wasslu għall-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali attwali, u huma għalhekk kwistjoni ewlenija ta' tħassib għal min ifassal il-politiki u għar-regolaturi,

D. billi l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom iqisu, b'mod integrat, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom, l-ambjent soċjali li taħdem fih l-istituzzjoni, kif ukoll l-interessi tal-partijiet kollha involuti, bħall-klijenti, l-azzjonisti u l-impjegati tagħha,

E.  billi tnedew għadd ta' inizjattivi fil-livell globali, Ewropew u nazzjonali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-prattiki tar-rimunerazzjoni problematiċi, u billi strateġija globali kkoordinata hija essenzjali biex mhux biss tiggarantixxi l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, iżda biex tiżgura wkoll il-kompetittività globali tal-Ewropa u tippromwovi l-kompetizzjoni sostenibbli u ġusta bejn is-swieq,

F.  billi l-Prinċipji tal-FSB għal Prattiki Tajba ta' Kumpens li ġew approvati mill-mexxejja tal-G20 stabbilew ħames elementi għal prattiki tajba ta' rimunerazzjoni, u wara li kkunsidra l-importanza li tiġi promossa l-implimentazzjoni simultanja ta' dawn il-prinċipji,

G.  billi l-prinċipji miftiehma u l-miżuri li diġà ttieħdu rigward il-politika ta' rimunerazzjoni jeħtieġ li jkunu riveduti l-ħin kollu u li, f'każ ta' bżonn, jiġu adattati bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet uniformi fl-Ewropa kollha u jiżguraw il-kompetittività dinjija tal-industrija finanzjarja Ewropea,

H. billi diversi studji xjentifiċi, kif ukoll l-esperjenza prattika, urew l-impatt limitat ta' rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit strument aktar b'saħħtu biex jiġi żgurat li l-prinċipji jiġu osservati,

I.   billi r-rapport tal-Kummissjoni jiddikjara li, minkejja l-ispinta lejn riforma sostanzjali fil-qasam tal-politiki ta' rimunerazzjoni mogħtija mill-kriżi, 16-il Stat Membru biss applikaw għalkollox jew parzjalment ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Rimarki ġenerali

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni u mill-FSB dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju u fil-kumpaniji elenkati b'mod ġenerali; huwa tal-fehma, madankollu, li d-daqs tal-impriża finanzjarja, u għalhekk il-kontribuzzjoni tal-attività tagħha għar-riskju sistemiku, għandhom jitqiesu proporzjonalment meta tiġi imposta fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji regolamentazzjoni addizzjonali fi kwistjonijiet ta' politika ta' rimunerazzjoni u ta' rekwiżiti kapitali;

2.  Jinnota l-proposti tar-rapport dwar id-direttivi tar-rekwiżiti kapitali li jipproponu prinċipji vinkolanti dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju;

Governanza effikaċi ta' kumpens

3.  Jenfasizza li l-awtoritajiet ta' superviżjoni għandhom jiddeċiedu jekk istituzzjoni finanzjarja, jew kumpanija elenkata, għandux ikollha kumitat għar-rimunerazzjoni; huma għandhom jagħmlu dan b'mod li jkun xieraq għad-daqs tagħhom, għall-organizzazzjoni interna kif ukoll għan-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom; hu tal-fehma li fejn is-superviżur ikun qiesu xieraq, il-politika tar-rimunerazzjoni għandha tiġi determinata mill-kumitat ta' rimunerazzjoni, li għandu jkun indipendenti u responsabbli għall-azzjonisti u għas-superviżuri, u għandu jaħdem mill-qrib mal-kumitat tal-kumpanija għar-riskju fl-evalwazzjoni tal-inċentivi maħluqa mis-sistema ta' kumpens;

4.  Jenfasizza li l-kumitat ta' rimunerazzjoni għandu jkollu aċċess għall-kontenut tal-kuntratti, bil-kuntratti taħt l-iskrutinju ta' dan il-kumitat ikunu mfassla b'mod li jkun possibbli li atti ta' negliġenza serja jiġu kkastigati permezz ta' tnaqqis mill-ħlasijiet. Negliġenza serja sseħħ meta ma tiġix rispettata, b'mod partikolari, id-diliġenza dovuta, f'liema każ il-kumitat ta' rimunerazzjoni għandu jiżgura li t-tnaqqis ma jkunx biss ta' natura simbolika, iżda jikkontribwixxi sostanzjalment sabiex jitħallas id-dannu kkawżat. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu mħeġġa jagħmlu użu minn malus, jiġifieri dħul mill-kumpens marbut mal-prestazzjoni bħala riżultat tal-iskoperta ta' prestazzjoni fqira;

5.  Jemmen li l-president u l-membri tal-kumitat ta' rimunerazzjoni li għandhom jedd jivvutaw għandhom ikunu membri tal-entità ta' ġestjoni li ma jkunu jaqdu l-ebda funzjoni eżekuttiva fl-istituzzjoni finanzjarja jew fil-kumpanija elenkata kkonċernata. Huwa tal-fehma li d-diretturi u l-membri tal-bord għandhom jevitaw li jkunu fuq il-bordijiet ta' kumpaniji oħrajn simultanjament jekk ikun hemm il-potenzjal li jseħħ xi kunflitt ta' interess;

6.  Huwa tal-fehma li, fejn ikun xieraq, l-azzjonisti għandhom jingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu għad-determinazzjoni ta' politiki ta' rimunerazzjoni sostenibbli, u jistgħu għalhekk jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni permezz ta' vot mhux vinkolanti dwar ir-rapport ta' rimunerazzjoni fil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija;

7.  Jenfasizza li l-kumpens lill-membri mhux eżekuttivi tal-bord għandu jikkonsisti biss f'paga fissa u ma għandux jinkludi ħlas ibbażat fuq il-prestazzjoni jew fuq l-ishma;

8.  Jenfasizza li l-membri involuti fil-kontroll tar-riskju għandhom ikunu indipendenti mill-unitajiet tan-negozju taħt il-kontroll tagħhom, ikollhom l-awtorità xierqa u jiġu kkumpensati b'mod indipendenti mill-prestazzjoni ta' dawn l-unitajiet tan-negozju;

Kumpens effikaċi konformi mat-teħid ta' riskju b'mod prudenti

9.  Jenfasizza li r-rimunerazzjoni għandha tkun aġġustata għal kull tip ta' riskju, tkun simetrika mar-riżultati tar-riskju, u sensittiva għat-tul ta' żmien tar-riskji attwali u potenzjali li jkollhom impatt fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-istabbiltà tal-kumpanija;

10. Jirrimarka li d-diretturi ma għandhomx iħallu l-interessi finanzjarji personali tagħhom imexxuhom fil-ġestjoni tagħhom tal-kumpaniji elenkati; iqis li l-interessi finanzjarji personali tad-diretturi marbuta ma' rimunerazzjoni varjabbli ħafna drabi tkun f'kunflitt mal-interess fit-tul tal-kumpanija, fosthom l-interessi tal-impjegati u tal-partijiet interessati tagħha;

11. Jemmen li s-sistemi ta' kumpens għandhom ikunu proporzjonati mad-daqs, mal-organizzazzjoni interna u mal-kumplessità tal-istituzzjonijiet finanzjarji u għandhom jirriflettu d-diversità bejn is-setturi finanzjarji differenti bħal dawk bankarji, tal-assigurazzjoni u tal-ġestjoni tal-fondi;

12. Jenfasizza li l-arranġamenti għall-ġestjoni tar-riskju operattiv tal-maniġment għoli, ta' dawk li jieħdu r-riskji u l-karigi ta' kontroll għandhom jiġu riveduti mis-superviżur, u jkunu soġġetti għal kontrolli bir-reqqa min-naħa tiegħu; iqis li dawn il-proċeduri għandhom japplikaw ukoll għal dak il-persunal li r-rimunerazzjoni totali tiegħu, fosthom il-provvedimenti għall-pensjoni, tqiegħdu fl-istess livell ta' dawn il-kategoriji ta' persunal;

13. Iqis li l-livelli ta' rimunerazzjoni varjabbli għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ta' prestazzjoni predeterminati u li jistgħu jitkejlu, u għandhom jippromwovu s-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpanija;

14. Jenfasizza li r-rimunerazzjoni relatata mal-prestazzjoni għandha torbot id-daqs tal-ammont globali ta' bonus mal-prestazzjoni ġenerali u l-bażi kapitali tad-ditta, filwaqt li r-rimunerazzjoni individwali tal-impjegati marbuta mal-prestazzjoni għandha tkun ibbażata fuq taħlita tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-individwu, tal-unità tan-negozju kkonċernata u tar-riżultati globali tal-istituzzjoni;

15. Iqis li l-interessi finanzjarji personali tad-diretturi marbuta ma' rimunerazzjoni varjabbli ħafna drabi tkun f'kunflitt mal-interess fit-tul tal-kumpanija, fosthom l-interessi tal-impjegati u tal-partijiet interessati tagħha; jenfasizza li l-politika dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi u ta' membri oħra tal-persunal li għandhom responsabbiltà għal deċiżjonijiet riskjużi għandha tkun konsistenti ma' sistema bbilanċjata u li taħdem sewwa għall-ġestjoni tar-riskju, u li għandu jkun hemm proporzjon adegwat bejn il-ħlasijiet fissi u dawk varjabbli; isejjaħ b'urġenza għall-introduzzjoni ġenerali ta' miżuri tat-tnaqqis, jew saħansitra għall-irtirar, tal-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni tal-kategoriji tal-persunal li l-prestazzjoni tagħhom tkun responsabbli għal deterjorament tar-riżultati tal-kumpanija tagħhom;

16. Huwa tal-fehma li ma għandhomx jitqiesu biss il-miżuri kwantitattivi, iżda għandhom jitqiesu wkoll il-kriterji ta' prestazzjoni marbuta mal-kwalità u l-ġudizzju uman sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' kumpens varjabbli;

17. Iqis li l-bonusijiet iggarantiti m'għandhomx ikunu parti mill-pjanijiet ta' kumpens;

18. Huwa tal-fehma, mhux biss għal raġunijiet etiċi iżda wkoll fl-interess tal-ġustizzja soċjali u s-sostenibbiltà ekonomika, li d-differenza bejn l-ogħla rimunerazzjoni ta' kumpanija u dik l-aktar baxxa għandha tkun raġonevoli;

19. Jenfasizza li l-kumpaniji għandhom jistabbilixxu proċedura interna, approvata mis-superviżur, biex jindirizzaw dawk il-konflitti li jistgħu jseħħu bejn il-ġestjoni tar-riskju u l-unitajiet operattivi;

20. Jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-prinċipji għandhom jiġu estiżi għar-rimunerazzjoni tal-ħaddiema kollha li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-kumpanija li jaħdmu magħha, fosthom il-maniġment għoli, dawk li jieħdu r-riskji u l-karigi ta’ kontroll u dak il-persunal li r-rimunerazzjoni totali tiegħu, inklużi l-provvedimenti tal-pensjoni, tqiegħdu fl-istess kategorija;

21. Jenfasizza li l-assigurazzjoni tad-diretturi u tal-uffiċjali mfassla biex tipproteġi d-diretturi, l-uffiċjali u l-amministraturi għolja tal-kumpaniji minn talbiet li jiġu minn deċiżjonijiet u azzjonijiet riskjużi jew negliġenti meħuda waqt il-ġestjoni tan-negozju tagħhom mhijiex konformi ma' ġestjoni tar-riskju sostenibbli fil-qasam tar-rimunerazzjoni;

Struttura bbilanċjata tal-pakkett ta' rimunerazzjoni

22. Jenfasizza li għandu jkun hemm bilanċ xieraq bejn ir-rimunerazzjoni varjabbli u dik fissa;

23. Jissuġġerixxi li r-rimunerazzjoni varjabbli għandha titħallas biss jekk din tkun sostenibbli fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja u tal-bażi kapitali tal-istituzzjoni u tkun iġġustifikata fid-dawl tal-prestazzjoni fit-tul tal-kumpanija; iqis li għall-istituzzjonijiet finanzjarji, l-awtorità superviżorja kompetenti għandu jkollha d-dritt li tillimita l-ammont totali tar-rimunerazzjoni varjabbli biex jissaħħaħ il-kapital azzjonarju;

24. Jenfasizza li proporzjon sostanzjali tal-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni għandu jiġi ddifferit għal perjodu suffiċjenti; id-daqs tal-proporzjon u t-tul tal-perjodu tad-differiment għandhom jiġu stabbiliti skont iċ-ċiklu tan-negozju, in-natura tan-negozju, ir-riskji tiegħu u l-attivitajiet tal-membru tal-persunal ikkonċernat; ir-rimunerazzjoni dovuta skont arranġamenti differiti għandha ssir dritt akkwistat mhux aktar mgħaġġel minn dik dovuta fuq bażi prorata; tal-anqas 40% tal-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni għandu jiġi differit; fil-każ ta' komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni ta' ammont partikolarment kbir, tal-anqas 60% tal-ammont għandu jiġi differit u l-perjodu ta' differiment m'għandux ikun ta' anqas minn ħames snin;

25. Jemmen li proporzjon sostanzjali tal-kumpens varjabbli għandu jingħata fi strumenti li ma jinkludux flus kontanti bħal dejn subordinat, kapital kontinġenti, ishma jew strumenti marbuta mal-ishma, sakemm dawn l-istrumenti joħolqu inċentivi marbuta mal-ħolqien ta' valur fit-tul u mal-limiti taż-żmien tar-riskju;

26. Iqis li l-politiki ta' rimunerazzjoni għandhom japplikaw għar-rimunerazzjoni totali, inklużi l-pensjonijiet u s-salarji, biex jiġi evitat l-'arbitraġġ tal-bonus'; hu tal-fehma, barra minn hekk, li l-'bonusijiet tal-pensjoni' għandhom jingħataw fi strumenti li ma jinkludux flus kontanti bħal dejn subordinat, kapital kontinġenti, ishma jew strumenti marbuta mal-ishma, biex jiġu allinjati l-inċentivi fit-tul;

27. Jissuġġerixxi li jiġi stabbilit limitu massimu ekwivalenti għal sentejn tal-komponent fiss tal-paga tad-diretturi għall-benefiċċji tat-tluq ('paraxuts tad-deheb') fil-każ ta' terminazzjoni bikrija, u l-projbizzjoni tal-benefiċċji tat-tluq fil-każ ta' nuqqas ta' prestazzjoni jew ta' tluq volontarju;

28. Jitlob li titqies l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa meta jiġu determinati l-politiki tal-ħlasijiet;

29. Itenni l-ħtieġa li kull forma ta' diskriminazzjoni fl-impriżi tkun sanzjonata, b'mod partikolari fid-definizzjoni tal-politiki ta' rimunerazzjoni, fl-evoluzzjoni tal-karrieri u fil-proċess ta' reklutaġġ tad-diretturi;

Kontroll superviżorju effikaċi u l-involviment tal-partijiet interessati

30. Jemmen li d-ditti għandhom jiżvelaw informazzjoni ċara, komprensiva u fil-ħin dwar il-prattiki tagħhom ta' kumpens u li l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jevalwaw il-konformità mal-prinċipji applikabbli;

31. Jitlob li l-impriżi statali, bħal kumpaniji oħra, iħaddmu trasparenza totali dwar il-politiki tagħhom dwar il-pagi u l-bonusijiet;

32. Jitlob, ukoll, għall-pubblikazzjoni tad-dettalji tal-arranġamenti tal-kumpaniji rigward il-pensjonjiet u l-pensjonijiet supplimentari, inklużi dawk tal-impriżi statali;

33. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rakkomandazzjonijiet tagħha tat-30 ta' April 2009 dwar l-istruttura tal-ħlasijiet u l-allinjament tar-riskju kif jirrikjedu l-prinċipji stabbiliti mill-Bord dwar l-Istabbiltà Finanzjarja u approvati mill-G20 f'Settembru 2009;

34. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta prinċipji vinkolanti b'saħħithom dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju, li jkomplu jibnu fuq il-proposti dwar il-banek fir-rapport dwar is-CRD, kif ukoll sistema li twassal biex jixxandru dawk il-kumpaniji elenkati, ibbażata fuq proċedura ta' 'jew tikkonforma jew tispjega', li ma josservawx dawn il-prinċipji;

35. Iħeġġeġ lis-superviżuri fis-settur finanzjarju jimplimentaw il-Prinċipji dwar il-Kumpens u l-Metodoloġija għall-Valutazzjoni tal-Istandards proposti mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja f'Jannar 2010;

36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu struttura internazzjonali komuni biex jixxandar l-għadd tal-individwi li jaqilgħu aktar minn EUR 1 miljun, li tinkludi l-elementi prinċipali tas-salarju, il-bonus, l-għotja għal servizz fit-tul u l-kontribuzzjoni għall-pensjoni;

37. Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rwoli tal-awdituri interni u esterni bħala sehem biex jiġi żgurat l-ispettru sħiħ ta' governanza korporattiva effikaċi;

38. Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga t-tisħiħ tar-rwoli tad-diretturi mhux eżekuttivi, inkluż biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jipprovdu taħriġ kontinwu kif ukoll pakketti ta' rimunerazzjoni indipendenti li jirriflettu r-rwol indipendenti tad-diretturi mhux eżekuttivi kif ukoll jipprovdu s-setgħat lis-superviżuri biex iwettqu l-intervisti ta' 'persuni approvati';

39. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-proposti leġiżlattivi tagħha, tiċċara r-rwol tal-awtoritajiet superviżorji fil-politika ta' rimunerazzjoni;

40. Jenfasizza li r-rimunerazzjoni varjabbli m'għandhiex titħallas permezz ta' vetturi jew ta' metodi li jiffaċilitaw l-evitar tal-ħlas ta' taxxa fuq id-dħul għal din ir-rimunerazzjoni;

41. Jitlob li jiġi żgurat li, meta r-rimunerazzjoni tkun qiegħda tiġi regolata, dan ma jsirx bi ħsara għad-drittijiet fundamentali garantiti mit-Trattati, partikolarment id-dritt tas-sħab soċjali – skont il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali – li jikkonkludu u jinfurzaw il-ftehimiet kollettivi;

42. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet biex tkun evitata kriżi finanzjarja ġdida, filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi li ħadu korpi internazzjonali, bħall-G20 u l-FMI;

43. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jfakkru lill-kumpaniji elenkati u lill-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji fir-responsabbiltà soċjali tagħhom, fit-tħassir tal-immaġni tagħhom u fil-ħtieġa li jagħtu eżempju tajjeb fi ħdan soċjetà internazzjonali ta' prosperità;

44. Iqis li l-issuktar tan-negozju jew iż-żamma ta' fergħat f'territorji li ma jikkooperawx imorru kontra l-interessi fit-tul tal-kumpaniji b'mod ġenerali, u jitlob l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali bil-għan li d-dikjarazzjonjiet tal-G-20 ta' Londra u Pittsburgh jiġu implimentati;

45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet regolatorji tal-UE u nazzjonali.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li ninsabu fiha, fost l-oħrajn, kienet ikkawżata billi ttieħed riskju eċċessiv minn diversi impriżi differenti fis-settur finanzjarju. Il-banek ta' investiment, il-banek u l-fondi protetti kienu kollha involuti mhux biss fiż-żieda tar-riskji eċċessivi fil-livell ta' kumpaniji individwali iżda, aktar minn hekk, fit-tiġmigħ globali tar-riskju sistemiku.

Id-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar dawn ir-riskji kienu instigati mill-bordijiet u mis-CEOs li mexxew dawn il-kumpaniji u l-impjegati li kienu jaħdmu magħhom. Il-motivazzjoni tagħhom biex jagħmlu dan kienet sempliċi:

           – Aktar ma kumpanija tieħu riskju kbir, akbar għandha tkun il-profitabilità.

           – Akbar ma tkun il-profitabilità ta' kumpanija, akbar il-kumpens li jitħallas.

Madankollu, il-livell globali ta' kumpens li tħallas ma varjax b'mod sinifikanti hekk kif bdew jonqsu l-profitti, kif wera tajjeb l-Avukat Ġenerali għall-Istat ta' New York, Andrew Cuomo; tassew, dejjem hemm il-persuni li jħallsu t-taxxi biex jagħmlu tajjeb għal dan.

Dan ifisser li l-impjegati fis-settur finanzjarju jieħdu l-benefiċċji, fil-forma ta' bonusijiet, mir-riskji eċċessivi li jgħabbu bihom lill-kumpaniji li jaħdmu magħhom. Ir-responsabilitajiet personali tagħhom ikunu limitati għal tkeċċija, ekwivalenti għal kumpens żero. Ir-responsabilitajiet, madankollu, ma jolqtux biss lill-kumpaniji li jaħdmu magħhom iżda jinfirxu wkoll 'il barra minnhom.

Biex kriżi bħal din ma terġax isseħħ u biex dan it-tip ta' raġunament bla loġika jinbidel, ir-rapporteur jinsab konvint li jridu jiġu eżaminati l-istrutturi tal-inċentivi li jħabbat wiċċu magħhom l-impjegat individwali. Għalhekk, iridu jittieħdu deċiżjonijiet biex jonqsu r-riskji u biex titfassal mill-ġdid l-istruttura tal-inċentivi. Hekk biss jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli l-profitti tal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kumpensi li jitħallsu lill-membri tal-bordijiet u lis-CEOs.

Sa mill-bidu tal-kriżi, ittieħdu bosta inizjattivi nazzjonali biex jiġu mmoderati xi politiki ta' rimunerazzjoni u xi eċċessi fil-bonusijiet u dan f'suriet differenti (miżuri fiskali marbuta mal-kodiċi ta' mġiba, limiti għas-salarji, tisħiħ tar-regoli tal-governanza korporattiva, eċċ.). Ir-rapporteur jilqa' dawn l-inizjattivi u jqishom utli. Madankollu, sabiex jiġi evitat approċċ mhux ikkoordinat u biex jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, ir-rapporteur hu tal-fehma li għandha tittieħed inizjattiva Ewropea dwar il-politika tar-rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju u fil-kumpaniji elenkati.

Għal dawn ir-raġunijiet, tinħtieġ azzjoni Ewropea kkoordinata dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi fis-settur finanzjarju u fil-kumpaniji elenkati.

Biex tintlaqa' din l-isfida, ir-rapporteur jinsab konvint li tinħtieġ taħlita ta' miżuri fi tliet livelli: is-settur innifsu m'għandux jitħalla jieħu daqshekk riskji, il-benefiċċji tal-impjegati għandhom ikunu limitati u r-responsabilitajiet tal-impjegati għandhom jiżdiedu.

Għalhekk, ir-rapporteur jilqa' l-inizjattivi proposti mill-G20, mir-rapport Larosière u mill-Kummissjoni Ewropea inklużi fiż-żewġ rakkomandazzjonijiet tagħha, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2009 dwar politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (C(2009)3159), u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2009 li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tar-reġim għar-rimunerazzjoni ta' diretturi ta' kumpaniji elenkati (C(2009)3177), fejn il-Kummissjoni Ewropea tat il-fehmiet tagħha dwar il-politika ta' rimunerazzjoni tad-diretturi fl-istituzzjonijiet finanzjarji u fil-kumpaniji elenkati fil-borża.

Dwar l-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

           – iwaqqfu limitu (massimu ta' sentejn tal-komponent fiss tas-salarju tad-diretturi) għall-benefiċċji tat-tluq (paraxut tad-deheb) u jipprojbixxu l-benefiċċji tat-tluq fil-każ ta' falliment;

           – jesiġu bilanċ bejn il-paga fissa u l-paga varjabbli u jorbtu din tal-aħħar ma' kriterji ta' prestazzjoni ddeterminati minn qabel li jkunu jistgħu jitkejlu biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-prestazzjoni u l-paga;

           – jippromwovu s-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpaniji permezz ta' bilanċ bejn il-kriterji ta' prestazzjoni għal żmien qasir u għal żmien fit-tul tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, id-differiment tal-paga varjabbli, perjodu minimu ta' assenjazzjoni għal opzjonijiet tal-ishma u ishma (mill-inqas tliet snin); iżommu parti mill-ishma sa tmiem l-impjieg;

           – jippermettu lill-kumpaniji jitolbu lura l-paga varjabbli mħallsa fuq il-bażi ta' data, li tkun tidher biċ-ċar li kienet żbaljata (clawback).

Dwar il-proċess tad-determinazzjoni tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

           – jestendu ċerti rekwiżiti tal-iżvelar li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni eżistenti biex tittejjeb is-superviżjoni tal-azzjonisti fuq il-politiki ta' rimunerazzjoni;

           – jiżguraw li l-azzjonisti, f'investituri istituzzjonali partikolari, jattendu l-laqgħat ġenerali fejn ikun xieraq u jutilizzaw il-voti tagħhom b'mod meqjus rigward ir-rimunerazzjoni tad-diretturi;

           – jagħmlu provvedimenti biex dawk li mhumiex fl-eżekuttiv ma jiħdux opzjonijiet tal-ishma bħala parti mir-rimunerazzjoni tagħhom, biex ikun evitat konflitt ta' interessi;

           – isaħħu r-rwol u l-operat tal-kumitat għar-rimunerazzjoni permezz ta' prinċipji ġodda dwar

                                 (i) il-kompożizzjoni tal-kumitati għar-rimunerazzjoni;

                      (ii) l-obbligu tal-membri tal-kumitat għar-rimunerazzjoni li jkunu preżenti għal-laqgħa ġenerali li fiha tiġi diskussa l-politika ta' rimunerazzzjoni biex jagħtu spjegazzjoni lill-azzjonisti;

                                 (iii) il-prevenzjoni ta' konflitti bejn il-konsulenti tar-rimunerazzjoni.

Madankollu, dawn il-proposti huma biss l-ewwel pass prudenti. Il-prattika wriet li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ta' rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju u fil-kumpaniji elenkati kellhom impatt tassew limitat. Għalhekk, sabiex issir bidla reali, ir-rapporteur jinsab konvint li għandna nkomplu mixjin. Ir-rapporteur qiegħed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi prinċipji qawwija vinkolanti dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju, kif sostnuti mir-rapporteur fis-CRD u proċedura li xxandar l-ismijiet ta' dawk il-kumpaniji elenkati li ma josservawx dawn il-prinċipji; jitlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel valutazzjoni/studju tal-impatt dwar il-fattibilità li tiġi stabbilita taxxa Ewropea fuq il-bonusijiet kif ukoll taxxa bankarja Ewropea;

Biex isir pass bħal dan, għandha tintefa' l-attenzjoni b'mod konkret fuq il-prinċipji żviluppati mill-FSB, fosthom il-governanza effikaċi tal-kumpens, u l-allinjament effikaċi tal-kumpens mat-teħid prudenti tar-riskji; struttura bbilanċjata tal-pakkett ta' rimunerazzjoni; u, fl-aħħar, kontroll superviżorju effikaċi u impenn min-naħa tal-partijiet interessati.

Sabiex tinkiseb governanza reali tal-pakkett ta' kumpens, aktar attenzjoni għandha tingħata lill-kompożizzjoni tal-kumitat ta' rimunerazzjoni, li għandu jingħatalu rwol aktar b'saħħtu fid-determinazzjoni tal-politika ta' rimunerazzjoni u jipproponiha lis-superviżur. Dan għandu jsir bil-kooperazzjoni mill-qrib mal-maniġers tar-riskju u bil-parir tal-azzjonisti. Fil-fehma tar-rapporteur, jeħtieġ ikun ċar li d-diretturi li mhumiex fl-eżekuttiv għandhom jieħdu biss rimunerazzjoni fissa.

Barra minn hekk, ir-rapporteur hu tal-fehma li l-iskema tar-riskju operattiv għandha tkun ikkontrollata u approvata minn qabel minn regolatur indipendenti b'saħħtu. Ukoll, ir-rapporteur jappoġġa bis-sħiħ l-approċċ meħud fl-abbozz ta' rapport dwar il-proposta għal direttiva dwar ir-rekwiżiti kapitali, biex dawn ir-rekwiżiti jiżdiedu fil-każ li jittieħdu riskji akbar. Huwa tal-fehma li għandhom jitqiesu l-kriterji ta' prestazzjoni marbuta mal-kwalità sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' kumpens varjabbli; jipproponi għalhekk li għandu jitqies il-"valur miżjud soċjali tal-prestazzjoni tal-kumpaniji" bħala kriterju essenzjali, kif ukoll il-kriterji ta' "sostenibilità", fejn applikabbli; minħabba s-sensittività tagħha għar-riskji, l-ammont ta' rimunerazzjoni varjabbli għandu jiġi ddeterminat skont jekk ikunux intlaħqu l-miri fit-tul, li għandhom ikunu ddefiniti bil-quddiem b'mod ċar; ir-rapporteur huwa wkoll tal-opinjoni li dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati għar-rimunerazzjoni ta' dawk kollha li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-kumpanija li jaħdmu magħha.

Skont dawn il-prinċipji u biex jiġi limitat il-benefiċċju għall-impjegat, ir-rapporteur hu tal-fehma li l-bonus għandu jkollu limitu massimu, jiġifieri, b'mod partikolari, il-bonus ta' individwu m'għandux ikun ta' aktar minn 50% tar-rimunerazzjoni annwali totali tiegħu.

Ir-rapporteur jisħaq fuq il-fatt li l-profitti u t-telf isiru f'perjodi differenti ta' żmien, u l-ħlasijiet b'kumpens varjabbli għandhom jiġu differiti skont il-każ fuq perjodu suffiċjenti; jenfasizza li l-proporzjon differit u t-tul tal-perjodu tad-differiment għandhom jiġu stabbiliti skont iċ-ċiklu tan-negozju, in-natura tal-negozju, ir-riskji tiegħu u l-attivitajiet tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Ir-rapporteur jaqbel li mill-inqas 50% tar-rimunerazzjoni varjabbli titħallas fis-sura ta' opzjonijiet ta' ishma, sakemm dawn l-istrumenti joħolqu inċentivi allinjati mal-ħolqien ta' valur fit-tul u mal-limiti ta' żmien tar-riskju, filwaqt li l-benefiċċji tal-ishma jew ta' strumenti marbuta mal-ishma għandhom ikunu suġġetti għal politika xierqa dwar iż-żamma tal-ishma.

Ir-rapporteur jinsab konvint ukoll li jeħtieġ li l-istituzzjonijiet finanzjarji li d-diretturi tagħhom jitħallsu pakkett ta' kumpens 'il fuq minn ċertu livell għandhom ikunu intaxxati b'rata aktar għolja; huwa jistieden lill-Kummissjoni Ewropea teżamina dan is-suġġeriment; hu jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea timponi tariffa finanzjarja fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji biex jinħoloq tip ta' fond ta' assigurazzjoni li jilqa' għal xi kriżi finanzjarja ġdida.

Sabiex tikber it-trasparenza dwar il-politika ta' rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju u fil-kumpaniji elenkati, ir-rapporteur jinsab konvint mill-ħtieġa ta' rapport annwali b'saħħtu dwar ir-rimunerazzjoni. Jemmen li d-ditti għandhom jiżvelaw informazzjoni ċara, komprensiva u fil-ħin dwar il-prattiki tagħhom ta' kumpens u li l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jevalwaw il-konformità mal-Prinċipji applikabbli.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (2.6.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-rimunerazzjoni ta' diretturi ta' kumpaniji kwotati u l-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji
(2010/2009(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ole Christensen

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġgerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni:

A. billi, fis-settur finanzjarju u f'xi kumpaniji kwotati, il-politiki tar-rimunerazzjoni għall-kategoriji tal-persunal li l-attività tax-xogħol tagħhom għandha impatt materjali fuq il-profil ta' riskju tal-impriża jew tal-kumpanija kienu tali li nkoraġġixxew tranżazzjonijiet għall-ksib ta' profitti fiż-żmien qasir, bl-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju dejjem aktar riskjużi għal dak il-għan, bi ħsara għall-ħaddiema, għal min ifaddal u għall-investituri, u għat-tkabbir sostenibbli b'mod ġenerali,

B.  billi l-Kummissjoni ressqet rakkomandazzjonijiet dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji u għal-kumpaniji kwotati fit-30 ta' April 2009, u billi l-Kunsill u l-Parlament Ewropew bħalissa qed jemendaw id-Direttivi dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital b'tali mod li jinkorporaw, fost l-oħrajn, is-sorveljanza finanzjarja tal-politiki ta' rimunerazzjoni,

C.  billi l-prinċipji maqbula u l-miżuri diġà meħuda rigward il-politika ta' rimunerazzjoni jeħtieġ li jkunu riveduti l-ħin kollu u li, f'każ ta' bżonn, jiġu adattati bil-għan i jinħolqu kundizzjonijiet uniformi fl-Ewropa kollha u jiżguraw il-kompetittività dinjija tal-industrija finanzjajra Ewropea,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rakkomandazzjonijiet tagħha tat-30 ta' April 2009 fuq l-istruttura tal-ħlasijiet u l-allinjament tar-riskju kif jirrikjedu l-prinċipji stabbiliti mill-Bord dwar l-Istabbiltà Finanzjarja u approvati mill-G20 f'Settembru 2009;

2.  Iħeġġeġ lis-superviżuri fis-settur finanzjarju biex jimplimentaw il-Prinċipji dwar il-Kumpens u l-Metodoloġija għall-Valutazzjoni tal-Istandards proposti mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja f'Jannar 2010;

3.  Iqis li l-interess finanzjajru personali tad-diretturi marbut mar-rimunerazzjoni varjabbli f'ħafna każijiet ikun f'kunflitt mal-interessi tal-kumpanija fit-tul; jisħaq li l-politika dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi u ta' membri oħra tal-persunal li għandhom responsabbiltà għal deċiżjonijiet riskjużi għandha tkun konsistenti ma' sistema bbilanċjata u li taħdem sewwa għall-ġestjoni tar-riskju, u li għandu jkun hemm proporzjon adegwat bejn il-ħlasijiet fissi u dawk varjabbli; isejjaħ b'urġenza għall-introduzzjoni ġeneralizzata ta' miżuri tat-tnaqqis, jew saħansitra l-irtirar, tal-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni tal-kategoriji tal-persunal li l-prestazzjoni tagħhom tkun responsabbli għal deterjorament tar-riżultati tal-kumpanija tagħhom;

4.  Jissuġġerixxi l-inklużjoni ta' miri ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva fil-kriterji fit-tul li jiġġustifikaw il-ħlas ta’ rimunerazzjoni varjabbli differita; jenfasizza li r-rimunerazzjoni varjabbli għandha tkun ikkalkolata skont kriterji li jitkelju u prestabbiliti, ibbażati fuq is-sostenibbiltà tal-politika korporattiva; jinsisti li t-tali rimunerazzjoni jeħtiġilha tkun determinata esklussivament mill-prestazzjoni fit-tul – inklużi l-aspetti soċjali u ambjentali tal-prestazzjoni – tal-kumpanija konċernata; iqis ukoll li l-ħlas ta' parti kbira tal-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni għandu jkun differit b'diversi snin, b'tali mod li jittieħed kont tar-riskji aktar fit-tul;

5.   Iqis li l-issuktar tan-negozju jew iż-żamma ta' fergħat f'territorji li ma jikkooperawx imorru kontra l-interessi fit-tul tal-kumpanija b'mod ġenerali, u jitlob l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali bil-għan li d-dikjarazzjonjiet tal-G-20 f'Londra u Pittsburgh jiġu implimentati;

6.   Huwa tal-fehma, mhux biss għal raġunijiet ta' etika imma wkoll f'ġieħ il-ġustizzja soċjali u s-sostenibbiltà ekonomika, li d-diverġenza bejn l-ogħla u l-iċken rimunerazzjoni f'kumpanija għandha tkun raġonevoli;

7.   Jitlob li jkun hemm qafas speċifiku għall-għoti ta' primjums marbutin mat-terminazzjoni tal-kuntratt; jappoġġa, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2009, l-impożizzjoni ta' limitu massimu għall-ħlasijiet ta' tmiem il-kuntratt tad-diretturi ta' kumpanija, jew saħansitra li jkun projbit li dawn il-ħlasijiet isiru jekk il-kuntratt ikun intemm minħabba prestazzjonijijiet inadegwati tal-kumpanija;

8.   Isejjaħ għal trasparenza sħiħa, sew fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzonali, fir-rigward tal-politiki ta' rimunerazzjoni għad-diretturi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibbiltajiet li tistandardizza tali żvelar regolari;

9.   Jesiġi li l-impriżi statali, bħal kumpaniji oħra, iħaddmu trasparenza totali dwar il-politiki tagħhom dwar il-pagi u l-bonusijiet;

10. Isejjaħ ukoll għall-publikazzjoni tad-dettalji tal-arranġamenti tal-kumpaniji rigward il-pensjonjiet u l-pensjonijiet supplimentari, inklużi dawk tal-impriżi statali;

11. Jitlob li d-definizzjoni tal-politiki ta' rimunerazzjoni tieħu kont tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

12. Isejjaħ għal projbizzjoni tal-użu ta' stock options jew strumenti simili bħala komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni; iqis li pjanijiet ta' stock options mhumiex f'lokhom bħala strument ta' rimunerazzjoni, minħabba li stock options ma jagħtux għajr bonus, u mhux ukoll malus fil-każ ta' riżultati ħżiena; jemmen, barra minn hekk, li kull rimunerazzjoni għandha tkun soġġetta għall-prinċipju tal-bonus/malus abbażi ta' regoli simmetriċi;

13. Iqis li r-rimunerazzjoni varjabbli bbażata fuq l-ishma mhijiex forma adegwata ta' inċentiv minħabba li l-prezzijiet tal-ishma huma partikolarment varjabbli, u hemm ir-riskju li tinkoraġġixxi strateġiji finanzjarji għaż-żmien qasir;

14. Isejjaħ biex, f'kumpaniji ta' daqs sinifikanti, jitwaqqfu kumitati interni indipendenti tar-rimunerazzjoni, li għandhom jaħdmu f'kooperazzjoni mal-kunsilli tal-impriża u li l-opinjonijiet tagħhom għandhom ikunu ppubblikati;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri ħalli lill-kumpaniji kwotati u lill-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji jfakkrulhom ir-responsabbiltà soċjali tagħhom, it-tħassir tal-immaġni tagħhom u l-ħtieġa li jagħtu eżempju tajjeb fi ħdan soċjetà internazzjonali ta' prosperità;

16.  Itenni l-ħtieġa li kull forma ta' diskriminazzjoni fil-kumpaniji tkun sanzjonata, b'mod partikolari fid-definizzjoni tal-politiki ta' rimunerazzjoni, fl-iżvilupp tal-karrieri u fil-proċess ta' reklutaġġ tad-diretturi;

17. Isejjaħ biex ikun żgurat li r-regolazzjoni tar-rimunerazzjoni ma ssirx bi ħsara għad-dritt tal-maniġment u l-ħaddiema li jagħmlu negozjati kollettivi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Jean-Luc Bennahmias, Mara Bizzotto, Milan Cabrnoch, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Sergio Gaetano Cofferati, Marije Cornelissen, Frédéric Daerden, Karima Delli, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Richard Falbr, Ilda Figueiredo, Pascale Gruny, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Olle Ludvigsson, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Françoise Castex, Jürgen Creutzmann, Marielle Gallo, Joe Higgins, Franz Obermayr, Evelyn Regner, Birgit Sippel, Emilie Turunen, Cecilia Wikström

Sostituti (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa Estaràs Ferragut, Oldřich Vlasák

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Slavi Binev, Godfrey Bloom, Sharon Bowles, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Enikő Győri, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Íñigo Méndez de Vigo, Sławomir Witold Nitras, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Băsescu, David Casa, Saïd El Khadraoui, Sari Essayah, Carl Haglund, Iliana Ivanova, Syed Kamall, Philippe Lamberts, Olle Ludvigsson