Proċedura : 2009/0128(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0212/2010

Testi mressqa :

A7-0212/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2010 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0292

RAPPORT     ***I
PDF 677kWORD 265k
28.6.2010
PE 439.411v02-00 A7-0212/2010

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro u t-trattament ta’ muniti tal-Euro li m’humiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

(COM(2009)0459 – C7‑0207/2009 – 2009/0128(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur għal opinjoni: Slavi Binev

EMENDI
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro u t-trattament ta’ muniti tal-Euro li m’humiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

(COM(2009)0459 – C7‑0207/2009 – 2009/0128(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0459),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(4) tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0207/2009),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bit-titolu “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665) u u l-addendum tagħha (COM(2010)0147),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 133 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-16 ta' Novembru 2009(1),–         wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0212/2010),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari kif tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali

POŻIZZJONI TAL- PARLAMENT EWROPEWFL-EWWEL QARI

---------------------------------------------------------

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro u t-trattament ta’ muniti tal-Euro li m’humiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(2),

Bi qbil mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)         Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar tal-Euro(4) jirrikjedi l-istituzzjonijiet tal-kreditu, u skont il-limiti tal-attività tal-ħlas tagħhom, fornituri oħra tas-servizz tal-ħlas, u kwalunkwe istituzzjoni oħra involuta fl-ipproċessar u d-distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ karti u muniti li jiżguraw li l-karti u l-muniti tal-Euro li jkunu rċevew u li għandhom l-intenzjoni li jpoġġu lura fiċ-ċirkolazzjoni jiġu vverifikati għall-awtentiċità u li dawk foloz jiġu skoperti.

(2)         Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/504/KE tas-27 ta’ Mejju 2005 dwar l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro u t-trattament tal-muniti tal-Euro li m’humiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni(5) tipprovdi għal prattiki dwar l-awtentikazzjoni ta’ muniti tal-Euro u l-kontroll ta’ muniti tal-Euro għaċ-ċirkolazzjoni. Madankollu, in-nuqqas ta’ qafas komuni mandatorju għall-awtentikazzjoni tal-muniti jirriżulta fi prattiki differenti fost l-Istati Membri u ma jistax, għaldaqstant, jiżgura protezzjoni uniformi tal-munita fl-Unjoni kollha.

(3)         Sabiex tinkiseb awtentikazzjoni effettiva u uniformi tal-muniti tal-Euro fiż-żona tal-Euro, hu għaldaqstant meħtieġ li jiġu introdotti regoli obbligatorji għall-implimentazzjoni ta’ proċeduri komuni għall-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro fiċ-ċirkolazzjoni u ta’ mekkaniżmi tal-kontroll ta’ dawk il-proċeduri mill-awtoritajiet nazzjonali.

(4)         Waqt il-proċess tal-awtentikazzjoni, ▌muniti tal-Euro li m’għadhomx tajba għaċ-ċirkolazzjoni jiġu identifikati wkoll. Iċ-ċirkolazzjoni ta’ muniti bħal dawn tagħmilha iżjed diffiċli li jintużaw, b’mod partikolari f’magni mħaddma bil-muniti, u tista’ toħloq konfużjoni fost l-utenti dwar l-awtentiċità tal-muniti. Muniti li mhux tajba għandhom jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni. Regoli komuni obbligatorji huma għaldaqstant meħtieġa għall-Istati Membri sabiex jikkontrollaw u jirrimborżaw muniti tal-Euro ġenwini li m’għadhomx tajba.

(5)         Sabiex tinkiseb il-koordinazzjoni meħtieġa tal-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-awtentikazzjoni, id-dettalji tar-rekwiżiti tal-ittestjar u tat-taħriġ għall-awtentikazzjoni tal-muniti, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet għall-verifika ta’ muniti tal-Euro mhux tajba u ta' dispożizzjonijiet prattiċi oħrajn ta' implimentazzjoni, għandhom jiġu determinati miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE(6), wara li ssir konsultazzjoni mal-grupp tal-esperti tal-falsifikazzjoni tal-muniti msemmija f'dik id-Deċiżjoni.

(5a)       Sabiex jippermettu li jsir aġġustament gradwali tas-sistema kurrenti tagħhom ta' regoli u prattiki għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom, matul perjodu tranżitorju ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2012, ikunu kapaċi jipprevedu derogi fir-rigward tat-tipi ta' magni li jipproċessaw il-muniti li għandhom jintużaw fl-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro u fir-rigward ta' kemm minn dawn il-magni għandhom jiġu vverifikati kull sena.

(6)         Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-awtentikazzjoni effettiva u unformi tal-muniti tal-Euro fiż-żona tal-Euro, ma jistax jinkiseb b’mod xieraq mill-Istati Membri minħabba d-differenzi fil-prattiċi nazzjonali u għaldaqstant jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(6a)       Huwa f'idejn kull Stat Membru biex jintroduċi penali applikabbli għal vjolazzjonijiet, bil-ħsieb li jinkisbu awtentikazzjoni ekwivalenti ta' muniti tal-Euro u trattament ta' muniti tal-Euro li ma jkunux tajba għaċ-ċirkolazzjoni fl-Unjoni.

(6b)       Kull awtorità nazzjonali ddeżinjata li tittratta l-muniti tal-Euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni tista' tapplika tariffa amministrattiva f'konformità ma' dan ir-Regolament sabiex tkopri l-ispejjeż relatati mal-proċess. It-tariffi tat-trattament ma għandhomx jiġu applikati fuq sottomissjonijiet minn persuni naturali ta' kwantitajiet żgħar ta' muniti mhux tajba. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu għal eżenzjonijiet mit-tariffi tat-trattament għall-persuni legali li jikkoperaw mill-qrib mal-awtoritajiet fit-tneħħija miċ-ċirkolazzjoni ta’ muniti foloz u muniti mhux tajba. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaċċettaw li muniti ffalsifikati u mhux tajbin jiġu ppakkjati flimkien mingħajr ma japplikaw ħlas barrani, jekk dan iservi l-interessi pubbliċi

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I: Suġġett u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri meħtieġa għall-awtentikazzjoni ta’ muniti tal-Euro u għat-trattament ta’ muniti tal-Euro li m’humiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)  (a)    “awtentikazzjoni ta’ muniti tal-Euro” tfisser il-proċess tal-verifika li l-muniti tal-Euro huma awtentiċi u adattati għaċ-ċirkolazzjoni;

(b)  (b)    “muniti tal-Euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni” tfisser muniti tal-Euro ġenwini rrifjutati waqt il-proċess ta’ awtentikazzjoni jew li d-dehra tagħhom ġiet mibdula b’mod sinjifikanti;

(c)  (c)    “awtorita nazzjonali maħtura” tfisser iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Analiżi tal-Muniti (CNAC) jew l-awtorità definita mill-Istat Membru kkonċernat;

(d)  (d)         "istituzzjonijiet" tfisser l-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, minbarra l-istituzzjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż tiegħu;

(e) (da)       "CCEG" tfisser l-esperti fil-muniti foloz imsemmija fid-Deċiżjoni 2005/37/KE.

Kapitolu II: Awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro

Artikolu 3

Awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro

1.      L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-muniti tal-Euro, li jkunu rċevew u li għandhom l-intenzjoni li jpoġġu lura fiċ-ċirkolazzjoni, jiġu sottomessi għall-awtentikazzjoni. Huma għandhom jimplimentaw dan l-obbligu:

(f)  (a)           ▌ permezz ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti inklużi fil-lista ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti, imsemmija fl-Artikolu 5(3); or

(g)  (b)     permezz ta' ▌persunal imħarreġ skont il-modalitajiet iddefiniti mill-Istati Membri.

2.        Wara l-proċedura tal-awtentikazzjoni, il-muniti tal-Euro kollha li jkunu ssusspettati foloz ▌u l-muniti tal-Euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. ▌

3.      Il-muniti tal-Euro foloz kunsinnati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 m’għandhomx ikunu soġġetti għal tariffi tal-kontroll jew tariffi oħra. Fir-rigward tal-muniti tal-Euro li mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III.

Artikolu 4

Ittestjar meħtieġ

1.        Fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a), l-istituzzjonijiet għandhom jużaw biss it-tipi ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti li jkunu għaddew b'suċċess minn test ta' skoperta magħmul mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u li jkunu ġew elenkati fil-websajt imsemmija fl-Artikolu 5(3) fil-mument tax-xiri tagħhom. L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li dawk il-magni jkunu aġġustati b'mod regolari sabiex iżommu l-kapaċità ta' skoperta tagħhom, filwaqt li jqisu l-modifiki introdotti fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(3). It-test tal-iskoperta għandu jitfassal b'tali mod li jiżgura li magna tal-ipproċessar tal-muniti tkun kapaċi tirrifjuta t-tipi magħrufa ta’ muniti tal-Euro foloz u, matul dal-proċess, il-muniti foloz tal-Euro li ma jkunux tajba għaċ-ċirkulazzjoni u l-oġġetti l-oħra kollha li jixbhu muniti li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ muniti tal-Euro ġenwini.

1a.      Għal perjodu tranżitorju ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2012, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu derogi speċifiċi mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, għal magni tal-ipproċessar tal-muniti li jkunu ilhom jintużaw miż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u li jkun ġie ppruvat li jkunu kapaċi jidentifikaw muniti foloz tal-Euro, muniti tal-Euro li ma jkunux tajba għaċ-ċirkolazzjoni u oġġetti oħra simili għal muniti li ma jkunux muniti tal-Euro ġenwini, anke jekk dawn ma jkunux ġew inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(3). Dawn id-derogi għandhom jiġu adottati wara li jsiru konsultazzjonijiet mas-CCEG.

2.        Il-Kummissjoni għandha tipprovdi li l-ETSC, fi żmien raġonevoli u wara li jkun ikkonsulta mas-CCEG, jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-test tal-iskoperta, u dispożizzjonijiet prattiċi oħrajn ta' implimentazzjoni, bħall-prattiki tat-taħriġ, il-perjodu ta' validità tar-rapport tat-test tal-iskoperta, l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(3), il-linji gwida relatati mal-kontroll, mal-iċċekkjar u mal-verifika mill-Istati Membri, ir-regoli ta' proċedura tar-rettifika tan-nuqqas ta' konformità, kif ukoll il-limiti rilevanti għall-aċċettazzjoni ta’ muniti ġenwini.

Artikolu 5

Aġġustament ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti

1.        Bl-għan li l-manifatturi ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti jiġu permessi li jiksbu l-indikazzjonijiet meħtieġa għall-aġġustament tal-magni tagħhom għall-iskopertà ta’ muniti tal-Euro foloz, l-ittestjar skont l-Artikolu 4 jista’ jitwettaq fis-CNACs, l-ETSC, jew wara ftehim bilaterali, fuq il-post tal-faċilitajiet tal-manifattur.

2.        Wara l-ittestjar b’suċċess ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti, għandu jinħareġ rapport tat-test imqassar għall-attenzjoni tal-manifattur tal-magna u jiġi kkupjat lill-ETSC.

3.        Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha lista tal-magni kollha tal-ipproċessar tal-muniti, li għalihom ikun wasal għand jew ġie preparat mill-ETSC rapport imqassar tat-test

Artikolu 6

Kontroll u verifika mill-Istati Membri

1.      L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-kontrolli previsti fil-paragrafi 2 sa 7.

2.      L-Istati Membri għandhom kull sena jwettqu kontrolli fuq il-post fl-istituzzjonijiet bl-għan li jivverifikaw it-tħaddim xieraq ta’ numru rappreżentattiv ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti użati permezz tat-testijiet tal-iskoperta. Fejn il-persunal tal-istituzzjonijiet ikkontrollati jkun mistenni jivverifika manwalment l-awtentiċità tal-muniti tal-Euro li jkunu tpoġġew lura fiċ-ċirkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiksbu assigurazzjoni mingħand dawk l-istituzzjonijiet li l-persunal tagħhom ikun imħarreġ sew għal dan il-għan.

3.      In-numru ta’ magni li għandhom jiġu vverifikati kull sena f’kull Stat Membru għandu jkun tali li l-volum ta’ muniti tal-Euro pproċessati minn dawn il-magni matul dik is-sena jirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-volum nett totali akkumulat ta' muniti maħruġ minn dak l-Istat Membru minn meta jkunu ġew introdotti l-muniti tal-Euro sal-aħħar tas-sena preċedenti. In-numru ta’ magni li għandhom jiġu vverifikati għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-volum tal-ikbar tliet denominazzjonijiet ta’ muniti tal-Euro intiżi għaċ-ċirkolazzjoni. Minkejja l-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-magni jkunu vverifikati b'mod alternat.

(h) 3a.       Fil-każ li l-għadd ta' magni li jkollhom jiġu vverifikati - li jkun ikkalkulat bl-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu previst fil-paragrafu 3 - ikun ogħla mill-għadd ta' magni li jitħaddmu fi Stat Membru wieħed, għandhom jiġu vverifikati l-magni kollha li jkunu qed jitħaddmu f'dak l-Istat Membru.

3b.    Matul perjodu tranżitorju ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2012, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, li l-għadd ta’ magni li jkollhom jiġu vverifikati kull sena f’kull Stat Membru għandu jkun tali li l-volum ta’ muniti tal-Euro pproċessati minn dawk il-magni matul dik is-sena jirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-volum nett totali akkumulat ta' muniti maħruġ minn dak l-Istat Membru minn meta jkunu ġew introdotti l-muniti tal-Euro sal-aħħar tas-sena preċedenti.

         Bħala parti mill-kontrolli annwali, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw ukoll il-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jawtentikaw il-muniti tal-Euro fuq il-bażi ta’

(a) l-eżistenza ta’ politika miktuba li tipprovdi struzzjonijiet relatati mal-użu ta' tagħmir awtomatiku li jipproċessa l-muniti jew mal-għażla manwali, skont kif ikun xieraq;

(b) l-allokazzjoni ta’ riżorsi umani adattati;

(c) l-eżistenza ta’ pjan ta’ manutenzjoni miktub intiż biex iżomm il-magni fil-livell xieraq tal-prestazzjoni tagħhom;

(d) l-eżistenza ta’ proċeduri bil-miktub għall-konsenja ta’ muniti foloz u oġġetti oħra li jixbhu muniti tal-Euro kif ukoll muniti mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; u wkoll

(i) (da) l-eżistenza ta' proċeduri ta' kontroll interni li jiddeskrivu l-modalitajiet u l-frekwenza tal-kontrolli li jkollhom isiru mill-istituzzjoni sabiex jiġi żgurat li ċ-ċentri tal-għażla jew il-membri tal-persunal tagħhom isegwu l-istruzzjonijiet msemmija hawn fuq

(j) 4a.       Meta Stat Membru jidentifika xi nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu miżuri li jiżguraw li n-nuqqas ta' konformità jkun irrettifikat minnufih

Kapitolu III: It-trattament ta’ muniti tal-Euro li m’humiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

Artikolu 7

Tneħħija u rimborż ta’ muniti tal-Euro li m’humiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

1.    L-Istati Membri għandhom ineħħu miċ-ċirkolazzjoni l-muniti tal-Euro li m’humiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jirrimborżaw il-muniti tal-Euro li ma jkunux għadhom tajba minħabba li jkunu ilhom fiċ-ċirkolazzjoni jew minħabba xi aċċident jew dawk il-muniti tal-Euro li jkunu ġew skartati matul il-proċess tal-awtentikazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw ir-rimborż ta’ muniti tal-Euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni li ġew modifikati jew deliberatament jew bi proċess li wieħed seta’ jistenna li kien se jkollu l-effett li jimmodifikahom, minkejja r-rimborż ta’ muniti miġbura għal skopijiet ta’ karità, bħal ‘muniti tal-funtana’.

3.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara t-tneħħija, il-muniti tal-euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni jinqerdu b’deformazzjoni fiżika u permanenti, sabiex dawn ma jkunux jistgħu jerġgħu jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni jew jiġu sottomessi għar-rimborż.

Artikolu 8

Tariffi tat-trattament

1.      Tista' tinżamm tariffa tat-trattament ta’ 5 % tal-valur stampat tal-muniti tal-Euro sottomessi li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni mir-rimborż jew it-tibdil ta’ dawk il-muniti tal-Euro. It-tariffa tat-trattament tista' tiġi ssupplimentata b’tariffa oħra ta’ 15 % tal-valur stampat tal-muniti tal-Euro sottomessi f’każ li jiġu vverifikati borża jew kaxxa sħiħa kif provdut fl-Artikolu 10(2).

2.        L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjonijiet ġenerali jew parzjali mit-tariffi tat-trattament f’każijiet fejn il-persuni legali jew naturali li jkunu ssottomettew il-muniti jikkooperaw mill-qrib u b’mod regolari mal-awtoritajiet nazzjonali maħtura fit-tneħħija miċ-ċirkolazzjoni ta’ muniti tal-Euro foloz u muniti tal-Euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni jew fejn dan jaqdi l-interess pubbliku.

3.        L-ispejjeż tat-trasport u l-ispejjeż relatati għandhom jitħallsu mill-persuna legali jew naturali li tissottometti l-muniti.

4.        Bla ħsara għall-eżenzjoni provduta fil-paragrafu 2, kwantità massima ta’ kilogramm ta’ muniti tal-Euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni għal kull denominazzjoni hi eżentata mit-tariffa tat-trattament kull sena għal persuna legali jew naturali waħda li tissottometti l-muniti. Jekk dak il-limitu jinqabeż, il-muniti kollha sottomessi jistgħu jkunu soġġetti għal tariffa.

4a.    Jekk sottomissjoni individwali tkun tinkludi muniti li jkunu ġew ittrattati b'kimiċi jew b'sustanzi perikolużi oħra b'tali mod illi jitqies li jirrappreżentaw riskju għas-saħħa ta' dawk li jittrattawhom, it-tariffi imposti skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu ssupplimentati b'tariffa ulterjuri ekwivalenti għal 20 % tal-valur nominali tal-muniti tal-euro sottomessi.

Artikolu 9

L-ippakkjar ta’ muniti tal-Euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni

1.        Il-persuna legali jew naturali li tissottometti l-muniti għandha tagħżel il-muniti tal-Euro sottomessi għar-rimborż jew għall-bdil skont id-denominazzjoni f’boroż jew kaxex standardizzati, kif ġej:

(a) il-boroż jew il-kaxex għandu jkun fihom:

(i)     500 munita għal kull waħda mid-denominazzjonijiet ta’ 2-Euro u 1-Euro,

(ii)     1 000 munita għal kull waħda mid-denominazzjonijiet ta’ 0,50-Euro, 0,20-Euro u 0,10-Euro,

(iii) 2,000 munita għal kull waħda mid-denominazzjonijiet ta’ 0.05-Euro, 0.02-Euro u 0.01-Euro,

(iv)    għal kwantitajiet iżgħar, 100 munita għal kull denominazzjoni;

(b)  (b)      kull borża jew basket għandu jkollhom l-indikazzjonijiet tal-entità li tissottometti, il-valur u d-denominazzjoni li hemm, il-piż, id-data tal-ippakkjar u n-numru ta’ borża/kaxxa; l-entità li tissottometti għandha tipprovdi lista tal-ippakkjar b’deskrizzjoni ġenerali tal-boroż jew kaxex sottomessi; meta l-muniti jkunu ġew ittrattati b'kimiċi jew b'sustanzi oħra perikolużi, l-unitajiet tal-imballaġġ standard għandhom ikunu akkumpanjati b'dikjarazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-sustanzi eżatti li jkunu ntużaw;

(c)    meta l-kwantità totali ta’ muniti tal-Euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni hi iżgħar mir-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), dawn il-muniti tal-Euro għandhom jiġu magħżula bid-denominazzjoni u jistgħu jiġu sottomessi f’ippakkjar mhux standard.

2.        B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jżommu rekwiżiti tal-ippakkjar differenti provduti taħt ir-regoli nazzjonali tagħhom meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.

Artikolu 10

Verifiki ta’ muniti tal-Euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni

1.      L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw il-muniti tal-Euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni li ġew sottomessi kif ġej:

(a)    il-kwantità dikjarata għandha tiġi vverifikata bl-użin ta’ kull borża jew kaxxa;

(b)    l-awtentiċità u d-dehra viżiva għandhom jiġu vverifikati fuq il-bażi ta’ kampjun ta’ mill-inqas 10% tas-sottomissjoni.

(c)  2.         F’każ li jiġu identifikati anomaliji wara dawn il-verifiki jew devjazzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9, il-borża jew il-kaxxa kollha għandhom jiġu vverifikati.

(d) 2a.       L-Istati Membri jistgħu wkoll jirrifjutaw li jaċċettaw muniti tal-Euro meta l-aċċettazzjoni jew l-ipproċessar tal-muniti jkunu jikkostitwixxu riskju għas-saħħa ta' dawk li jittrattawhom jew meta s-sottomissjoni tonqos li tissodisfa l-istandards tal-imballaġġ u tat-tikkettar, u jistgħu wkoll jipprevedu miżuri li għandhom ikunu adottati fir-rigward tal-persuni legali u naturali li jkunu ssottomettew tali muniti.

(e) 

Kapitolu IV: Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 12

Rappurtaġġ, komunikazzjoni u valutazzjoni

1.      L-Istati Membri għandhom jissottomettu rapporti lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet ta’ awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro tagħhom fuq bażi annwali. L-informazzjoni provvduta għandha tinkludi n-numru ta’ kontrolli mwettqa skont l-Artikolu 6(2) u l-magni tal-ipproċessar tal-muniti ttestjati, ir-riżultati tat-test, il-volum tal-muniti proċessati minn dawn il-magni, in-numru ta’ muniti tal-Euro suspettati li ġew analizzati u n-numru ta’ muniti tal-Euro mhux tajba għaċ-ċirkolazzjoni li ġew rimborżati, kif ukoll id-derogi previsti fl-Artikolu 4(1a) u l-Artikolu 6(3b).

1a.    Sabiex ikun possibbli li l-Istati Membri jimmonitorjaw il-konformità tal-istituzzjonijiet ma' dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet għandhom, meta dan ikun mitlub, jipprovdu lill-Istati Membri, tal-inqas darba fis-sena, l-informazzjoni li ġejja, bħala minimu:

(a)    it-tipi u n-numru ta' magni użati;

(b)    il-post fejn tinsab kull magna; u wkoll

(c)    il-volum tal-muniti pproċessati għal kull magna għal kull sena u għal kull denominazzjoni, tal-inqas għall-ogħla tliet denominazzjonijiet.

1b.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tirrigwarda l-awtoritajiet maħtura għar-rimborż jew għall-bdil u l-modalitajiet speċifiċi, bħar-rekwiżiti u t-tariffi tal-ippakkjar, tkun disponibbli fuq il-websajts adattati u permezz tal-pubblikazzjonijiet adattati.

2.      Wara li ssir analiżi tar-rapporti li jkunu waslu għand l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport annwali lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar l-iżviluppi u r-riżultati li jikkonċernaw l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro u l-muniti tal-Euro li mhumiex adattati għaċ-ċirkolazzjoni

2a.      Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta' Ġunju 2014 dwar l-operat u l-effetti ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn ikun meħtieġ, bi proposti leġiżlattivi li jżidu dettalji ulterjuri, jew jemendaw, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, b'mod partikulari fir-rigward tal-kontenut tal-Artikoli 6 u 7.

Artikolu 13a

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012 bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III li għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew                                     Għall-Kunsill

Il-President                                                           Il-President

(1)

      ĠU C 284, 25.11.2009, p. 6.

(2)

               ĠU C 284, 25.11.2009, p. 6.

(3)

                 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ …

(4)

                 ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6.

(5)

                ĠU L 184, 15.7.2005, p. 60.

(6)

                 ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73.


NOTA SPJEGATTIVA

L-għan ta’ dan ir-Regolament propost hu li jiġu stabbiliti proċeduri ta’ awtentikazzjoni ta’ muniti tal-Euro u t-trattament ta’ muniti tal-Euro li m’humiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

L-iffalsifikar tal-muniti tal-Euro hu theddida sinjifikanti, b’mod partikolari għall-muniti tal-ogħla denominazzjonijiet. In-nuqqas ta’ qafas komuni obbligatorju għall-awtentikazzjoni tal-muniti jista’, f’xi Stati Membri, jkun ta’ xkiel għall-istituzzjonijiet ikkonċernati li b’mod attiv iffitxu muniti foloz. din toħloq differenzi, mal-UE kollha, fil-grad tal-protezzjoni tal-munita. Ir-Regolament propost jikkostitwixxi l-istrument li jorbot legalment li hu issa meħtieġ għat-twaqqif ta’ metodu komuni għall-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro li għandu jiġi applikat mill-istituzzjonijiet ikkonċernati u l-kontrolli meħtieġa mill-Istati Membri.

F’dan il-kuntest, il-proposta preżenti għandha l-għan li tiżgura l-implimentazzjoni effettiva, madwar iż-żona tal-Euro, ta’ proċeduri komuni għall-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro fiċ-ċirkolazzjoni u ta’ mekkaniżmi tal-kontroll ta’ dawn il-proċeduri mill-awtoritajiet.

Bħala Rapporteur naqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni u mal-proposti tal-Kunsill (inklużi mal-korrezzjonijiet lingwistiċi fit-test). Sabiex jinkiseb test imtejjeb u iktar preċiż tar-Regolament, nixtiequ nintroduċu diversi emendi għall-proposta tal-Kummissjoni.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-Regolament huwa li jiżgura li l-istituzzjonijiet jiggarantixxu li l-muniti tal-Euro li jirritornaw fiċ-ċirkolazzjoni jkunu soġġetti għal proċess ta' verifika tal-awtentiċità. L-awtentikazzjoni għandha ssir permezz ta’ magni tal-ipproċessar tal-muniti inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(3), jew permezz ta’ persunal imħarreġ skont il-metodi mfassla mill-Istati Membri. Barra minn dan, minħabba l-fatt li l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro inevitabbilment iddaħħal fi spejjeż lill-istituzzjonijiet involuti fil-proċess (l-istituzzjonijiet ta' kreditu, u numru ta' istituzzjonijiet oħra, bħat-trasportaturi tal-flus kontanti), nissuġġerixxu li jiġi inkluż id-dritt li l-istituzzjonijiet iżommu tariffa tat-trattament.

Nissuġġerixxu ż-żieda ta' paragrafu ġdid li jippermetti perjodu tranżitorju ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2012, li matulu l-Istati Membri jistgħu jipprevedu derogi speċifiċi mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1), għal magni tal-ipproċessar tal-muniti li kienu qed jintużaw fiż-żmien meta dan ir-Regolament ikun daħal fis-seħħ u li jkunu wrew il-kapaċità tagħhom li jiskopru muniti foloz tal-Euro, muniti tal-Euro li ma jkunux tajbin għaċ-ċirkolazzjoni u oġġetti oħra simili għal muniti li ma jkunux muniti tal-Euro ġenwini, anke jekk dawn ma jkunux ġew inklużi fil-lista tas-websajt elettronika msemmija fl-Artikolu 5(3). Dawn id-derogi għandhom jiġu adottati wara li jsiru konsultazzjonijiet mas-CCEG. Id-dispożizzjoni ta' hawn fuq għandha tagħti aktar flessibilità fl-inklużjoni tal-magni fil-lista.

Inkwantu l-Artikolu 6(2), nemmnu li għandu jkun hemm l-obbligu li l-Istati Membri jimplimentaw proċeduri u linji gwida sabiex jiggarantixxu t-taħriġ xieraq u suffiċjenti tal-persunal involut fil-proċess tal-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro. Dan huwa ċċarat fl-emenda pproposta mill-Kunsill, iżda aħna daħħalna l-kjarifika addizzjonali li l-Istati Membri għandhom jiksbu assigurazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-awtentikazzjoni tal-muniti li l-persunal impjegat minnhom ikun tabilħaqq imħarreġ sew għal dan il-għan.

Barra n-numru ta' magni li jkunu vverifikati kull sena f'kull Stat Membru, aħna naqblu mal-kompromess ta' 25% tal-volum nett totali akkumulat ta' muniti maħruġa mill-Istat Membru mill-introduzzjoni tal-muniti tal-Euro sal-aħħar tas-sena ta' qabel. Dan il-volum ta' muniti jista' jintlaħaq mhux biss mill-Istati Membri ż-żgħar tal-UE, iżda wkoll minn dawk l-Istati Membri li għandhom għadd kbir ta' magni, u fl-istess ħin nemmnu li dan huwa l-minimu li għandu jsir sabiex ikun garantit l-għan ewlieni tar-Regolament, jiġifieri l-protezzjoni tal-Euro kontra l-iffalsifikar. Aħna ssuġġerejna dispożizzjoni oħra li insibuha indispensabbli biex tiġi żgurata firxa akbar ta' magni li jiġu spezzjonati maż-żmien. Din hija l-obbligu li l-magni ta' awtentikazzjoni tal-muniti jiġu riveduti alternattivament.

Immexxija mix-xewqa tagħna li dejjem nippermettu u nirrispettaw it-trasparenza tal-proċessi fl-istituzzjonijiet kif ukoll l-aċċessibilità u l-effiċjenza tax-xogħol tagħhom, aħna ssuġġerejna l-introduzzjoni tar-rekwiżit li l-Kummissjoni, wara li tirċievi u tanaliżża r-rapporti li jaslulha mill-Istati Membri, għandha tissottometti rapport annwali lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar l-iżviluppi u r-riżultati tal-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro u dwar il-muniti tal-Euro li ma jkunux tajbin għaċ-ċirkolazzjoni.

Biex nikkonkludu dak li għedna hawn fuq, nixtiequ ngħidu li dan ir-rapport inħoloq b'rispett sħiħ għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.


PROĊEDURA

Titolu

L-awtentikazzjoni tal-muniti tal-Euro u t-trattament ta’ muniti tal-Euro li mhumiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni

Referenzi

COM(2009)0459 – C7-0207/2009 – 2009/0128(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

11.9.2009

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

7.10.2009

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

7.10.2009

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

LIBE

6.10.2009

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Slavi Binev

20.10.2009

 

 

Eżami fil-kumitat

26.4.2010

2.6.2010

 

 

Data tal-adozzjoni

22.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Slavi Binev, Godfrey Bloom, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Enikő Győri, Liem Hoang Ngoc, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Íñigo Méndez de Vigo, Sławomir Witold Nitras, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Băsescu, David Casa, Saïd El Khadraoui, Sari Essayah, Carl Haglund, Iliana Ivanova, Syed Kamall, Philippe Lamberts

Data tat-tressiq

28.6.2010

Avviż legali - Politika tal-privatezza