RAPPORT b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Immaniġġjar Transkonfinali tal-Kriżijiet fis-Settur Bankarju

28.6.2010 - (2010/2006(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Elisa Ferreira
(Inizjattiva – Artikolu 42 tar-Regoli ta' Proċedura)

Proċedura : 2010/2006(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0213/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tal-kriżijiet transkonfinali fis-settur bankarju

(2010/2006(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ azzjoni għas-servizzi finanzjarji: Pjan ta' Azzjoni[1], tat-13 ta' April 2000,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2009 bl-isem ‘Qafas tal-UE għall-Immaniġġjar Transkonfinali tal-Kriżijiet fis-Settur Bankarju (COM (2009)0561),

–   wara li kkunsidra l-proposta tat-23 ta' Settembru 2009 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sorveljanza makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2009)0499),

–   wara li kkunsidra l-proposta tat-23 ta' Settembru 2009 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b’kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2009)0500),

–   wara li kkunsidra l-proposta tat-23 ta’ Settembru għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Bankarja Ewropea (COM(2009)0501),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-istabbiliment u l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji tal-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu[3],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti[4],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu[5],

–   wara li kkunsidra t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta' Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u oħrajn, l-Istati Membri jeħtiġuhom mill-kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta' kumpaniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti[6], it-Tielet Direttiva tal- Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-għaqda ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitatata[7] [kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata] u s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta' Diċembru 1982 dwar id-diviżjoni ta' kumpaniji b`responsabbiltà pubblika limitata[8],

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Intiża tal-1 ta’ Ġunju 2008 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza finanzjarja, il-banek ċentrali u l-ministeri għall-finanzi tal-Unjoni dwar l-istabilità finanzjarja transkonfinali,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 13 tar-rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja presedut minn Jacques de Larosière u preżentata lill-President Barroso fil-25 ta’ Frar 2009, li tgħid, ‘[i]l-Grupp jappella biex fl-UE jkun implimentat qafas regolatorju koerenti u operattiv għall-ġestjoni tal-kriżijiet’,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0213/2010),

A. billi jeżisti suq intern għas-servizzi bankarji fl-UE, aktar milli ġabra ta’ servizzi indipendenti minn xulxin, u billi dan is-suq intern huwa importanti ħafna għall-kompetittività globali tal-Unjoni,

B.  billi fil-preżent ma hemmx biżżejjed regolamentazzjoni internazzjonali għall-ġestjoni tal-kriżijiet fis-settur bankarju,

C. billi l-mekkaniżmi ta' superviżjoni eżistenti kemm tal-UE u kemm internazzjonali għas-settur finanzjarju wrew li ma kinux effettivi fil-prevenzjoni tal-kontaġju jew biex irażżnuh suffiċjentement,

D. billi l-kost tal-ġestjoni tal-kriżijiet intefa' wisq b'saħħa fuq min iħallas it-taxxi, fuq it-tkabbir u fuq l-impjiegi,

E.  billi l-parteċipazzjoni tal-azzjonisti fil-qsim tal-piż u mbagħad tal-kredituri hija kruċjali biex titnaqqas għal minimu l-ispiża għal dawk li jħallsu t-taxxa li tirriżulta minn kwalunkwe kriżi tas-swieq u tal-istituzzjonijiet finanzjarji,

F.  billi n-nuqqas jew id-dgħufija tar-regolamenti u s-superviżjoni tal-Unjoni irriżultaw f’azzjonijiet mhux ikkoordinati li saru min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali u kattru r-riskju ta' mġiba protezzjonista u ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni inkluż permezz tal-għajnuna mill-Istat u heddew il-kostruzzjoni ta' suq intern għas-servizzi finanzjarji,

G. billi approċċ uniformi għall-prevenzjoni tal-falliment tal-gruppi bankarji jkun aktar konformi mal-kunċett ta’ suq intern,

H. billi suq intern f’saħħtu għas-servizzi finanzjarji huwa kritiku għall-kompetittività globali tal-Unjoni,

I.   billi l-partijiet influwenti fis-settur bankarju għandhom jinġiebu responsabilizzati u billi dik ir- responsabilizzazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-objettiv kruċjali tar-rikostruzzjoni tas-swieq finanzjarji għas-servizz tal-finanzjament tal-ekonomija,

J.   billi, bħala riżultat tal-kriżi, hemm il-ħtieġa, u ċ-ċittadini jistennew, li l-istituzzjonijiet tal-UE, filwaqt li jaħdmu fi djalogu mal-G-20 u ma’ fora internazzjonali oħra, b’mod urġenti joħolqu qafas adegwat illi, f'każ ta' kriżi, jippreserva l-istabilità finanzjarja, jimminimizza l-kost għal min iħallas it-taxxi, jippreserva s-servizzi bankarji bażiċi u jipproteġi lid-depożitanti,

K. billi l-istabilità finanzjarja u s-swieq finanzjarji integrati jeħtieġu sorveljanza transkonfinali ta’ istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali u sistematiċi,

L.   billi l-għan ta' qafas tal-UE għall-immaniġġjar ta' kriżijiet transkonfinali huwa li l-awtoritajiet jingħataw is-setgħa li jadottaw miżuri li jinkludu l-intervent fil-ġestjoni tal-gruppi bankarji, meta dan ikun meħtieġ (u b'mod speċjali, iżda mhux b'mod esklussiv, fil-banek li jieħdu depożiti, fejn ikun hemm il-possibilità ta' riskju sistemiku),

M. billi l-għan ta' qafas tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżijiet transkonfinali hu wkoll li jiġu regolati kemm il-gruppi bankarji transkonfinali kif ukoll il-banek individwali li jwettqu operazzjonijiet transkonfinali esklussivament permezz tal-fergħat; billi għandu jkun hemm ukoll regolamentazzjoni uniformi fir-rigward tal-gruppi bankarji transkonfinali,

N. billi respons f’saħħtu għall-kriżi jirrikjedi approċċ koerenti u komprensiv li jkun jikkomprendi superviżjoni aħjar (l-implimentazzjoni ta’ arkitettura ġdida tal-UE għas-superviżjoni), regolamenti aħjar (inizjattivi li jibqgħu għaddejjin mingħajr ma jaqtgħu bħalma huma dawk relatati mad-Direttiva 2006/48/KE, id-Direttiva 2006/49/KE, id-Direttiva 94/19/KE u r-remunerazzjoni eżekuttiva) u qafas tal-UE effettiv għall-ġestjoni tal-kriżijiet għall-istituzzjonijiet finanzjarji,

O. billi l-prinċipju li min iħammeġ iħallas għandu jiġu estiż għas-settur finanzjarju minħabba fl-impatt qerriedi tal-falliment li mess lil bosta pajjiżi, setturi u l-ekonomija kollha kemm hi inġenerali,

P.  billi l-intervent bikri fi kriżijiet bankarji, u s-soluzzjoni tagħhom, għandhom jiġu mnedija skont kriterji definiti b'mod ċar, inklużi s-subkapitalizzazzjoni, likwidità imnaqqsa u d-deterjorament tal-kwalità u l-valur tal-beni; billi l-intervent għandu jkun marbut ma’ skemi ta’ garanzija għad-depożiti;

Q. billi jinħtieġ kodiċi strett tal-kondotta tal-UE għall-ġestjoni, kif ukoll mekkaniżmi li jiswew ta’ deterrent għall-imġiba mhux xierqa, huma meħtieġa u għandhom jiġu żviluppati f’allinjament ma’ inizjattivi internazzjonali simili,

R.   billi huwa importanti li l-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt sħaħ fi kwalunkwe konsiderazzjoni tal-kwistjoni jekk il-linji gwida l-ġodda għall-ġestjoni tal-kumpaniji jkunux xierqa;

S.  billi fi żmien tliet snin minn meta Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), reġim ta’ riżoluzzjoni bankarja tal-UE, fond ta’ stabilità finanzjarja tal-UE u unità ta’ riżoluzzjoni jsiru operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tistudja kemm hi adattata l-possibilità li l-ambitu tal-qafas tal-immaniġġjar tal-kriżijiet jiġi mwessa’ biex jinkludi istituzzjonijiet finanzjarji oħra mhux bankarji inklużi, imma mhux limitat għal, kumpaniji tal-assikurazzjoni u maniġers tal-assi u tal-fondi u għandha tistudja wkoll kemm huwa fattibbli u kemm hu adattat li jiġi stabbilit netwerk ta' fondi nazzjonali ta' stabilità għall-istituzzjonijiet kollha li ma jipparteċipawx fil-fond ta’ stabilità finanzjarja tal-UE, kif propost fir-rakkomandazzjoni 3 fl-Anness,

T. billi l-periklu morali għandu jiġi evitat ħalli ssir prevenzjoni tat-teħid eċċessiv ta' riskji, u qed jintalab li jkun hemm qafas li jipproteġi s-sistema, mhux lill-parteċipanti delinkwenti f’dik is-sistema, b’mod partikolari m’għandu jintuża l-ebda fond ta’ riżoluzzjoni biex jinfdew l-azzjonisti tal-banek jew biex jiġi ppremjat il-maniġment għall-falliment tiegħu stess; billi, l-istituzzjonijiet li jagħmlu użu minn reġim ta’ riżoluzzjoni bankarja tal-UE f’dan il-kuntest u għandhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi bħalma huma miżuri amministrattivi u ta’ riparazzjoni; billi l-eliminazzjoni tal-periklu morali għandha għalhekk issir prinċipju li jiggwida fis-sorveljanza finanzjarja tal-futur,

U. billi l-problemi ekonomiċi, finanzjarji, u soċjali preżenti u t-talbiet ġodda u multipli ta’ natura regolatorja fuq il-banek, jirrikjedu approċċ gradat u maħsub imma li ma għandux ikun ta’ deterrent għal aġenda ambizzjuża u urġenti,

V. billi t-trasferiment tal-assi fi ħdan grupp bankarju ma għandu, fl-ebda każ, jipperikola l-istabilità finanzjarja u ta’ likwidità taċ-ċedent u għandu jiġi rrealizzat b’valwazzjoni jew prezz tas-suq ġusti; billi għandhom jiġu żviluppati prinċipji ċari għall-valwazzjoni tal-assi mgħarrqa u għat-trattament tas-sussidjarji u tal-fergħat domiċiljati f’pajjiżi ospitanti,

W. billi l-Unjoni għandha tibni kuxjenza komuni dwar min għandu jagħmel xiex, fejn u kif fil-każ ta' kriżi fl-istituzzjonijiet finanzjarji,

X. billi l-miżuri applikabbli fis-settur bankarju għandhom jippromwovu l-ekonomija reali fil-ħtiġijiet ta’ finanzjarjament u ta’ investiment tagħha kemm għall-ġejjieni qarib u kemm għal dak imbiegħed,

Y. billi l-lakuni kbar bejn ir-reġimi nazzjonali ta' regolamentazzjoni u ta' insolvenza għandhom jiġu kolmati permezz ta’ qafas armonizzat u djalogu msaħħaħ bejn is-superviżuri u l-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan il-Gruppi ta' Stabilità Transkonfinali,

Z.  billi d-daqs, il-kumplessità u l-interkonnettività li qed dejjem jikbru kemm fuq il-livell reġjonali u kemm fuq dak globali urew li l-falliment tal-istituzzjonijiet, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jista’ jkollu effetti li jixterdu aktar milli jkun mistenni madwar is-sistema finanzjarja kollha, u għalhekk dan il-każ jitlob li jiġi stabbilit qafas effettiv għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet għall-banek kollha, fi proċess gradwali u li jimxi fażi fażi, filwaqt li hu rrakkomandat li l-attenzjoni inizjali tiġi ffukata fuq l-istituzzjonijiet li għandhom l-akbar konċentrazzjoni ta' riskji; billi dan il-qafas għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet għandu jqis kemm jista’ jkun sal-aktar punt possibbli sforzi simili min-naħa ta’ fora internazzjonali,

AA.     billi għadd limitat ta' banek (banek sistemiċi transkonfinali) jirrappreżentaw livell estremament għoli ta’ riskju sistemiku minħabba fid-daqs, fil-kumplessità u fl-interkonnettività tagħhom madwar l-Unjoni kollha, bil-konsegwenza li hemm il-ħtieġa ta' sistema speċjali, urġenti u mmirata, b’mod iktar ġenerali huma meħtieġa sistemi ekwi ta' riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali oħra,

AB.     billi biex ikun effettiv fl-interventi ta' appoġġ, qafas tal-UE għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet jeħtieġ ġabra komuni ta' regoli, perizja adegwata u riżorsi finanzjarji, li għandhom għalhekk ikunu l-pilastri ewlenin tar-reġim prijoritarju propost għall-banek sistemiċi transkonfinali,

AC.     billi s-superviżjoni, is-setgħat ta’ intervent bikri u l-miżuri relatati mar-riżoluzzjoni għandhom jitqiesu bħala tliet passi marbuta ma' xulxin ta' qafas komuni,

AD.     billi r-reġim speċjali fast-track għall-banek sistemiċi transkonfinali għandu jevolvi kemm fuq perjodu medju u kemm fuq perjodu fit-tul lejn reġim universali li jkun ikopri l-istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali kollha fl-Unjoni u dan għandu jinkludi reġim ta’ insolvenza armonizzata tal-UE.

AE.     billi kwalunkwe fond ta’ stabilità żviluppat fuq bażi pan-Unjoni għandu jkun limitat biss għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet futuri u m’għandux jintuża għall-ħlas lura ta’ interventi imgħoddija jew problemi li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja tal-2007/2008,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010, fuq il-bażi tal-Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta leġiżlattiva waħda jew aktar dwar qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet, fond tal-UE ta’ stabilità finanzjarja (Fond), u unità ta' riżoluzzjoni insegwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jidhru fl-Anness li jakkumpanja lil dan id-dokument, b’kunsiderazzjoni tal-inizjattivi meħuda minn korpi internazzjonali, bħall-G-20 u l-Fond Monetarju Internazzjonali, bi-għan li jkunu żgurati kundizzjonijiet ugwali fil-livell dinji u bbażati fuq analiżi profonda tal-alternattivi kollha disponibbli, inkluża evalwazzjoni tal-impatt;

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

3.  Iqis li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti b’allokazzjonijiet baġitarji xierqa (li jkunu jeskludu l-kontributi għall-Fond li huma mistennija jkunu responsabbiltà tal-banek parteċipanti);

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri.

  • [1]       ĠU C 40, 7.2.2001, p. 453.
  • [2]       ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.
  • [3]       ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.
  • [4]       ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5.
  • [5]       ĠU L 125, 5.5.2001, p. 15.
  • [6]       ĠU L 26, 31.1.1977 p. 1.
  • [7]       ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36.
  • [8]       ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.

ANNESS MAL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI U L-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MRESSQA

Rakkomandazzjoni 1 dwar qafas komuni tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola kif ġej:

1.  Joħloq qafas Ewropew għall-ġestjoni tal-kriżijiet b’ġabra minima ta’ regoli komuni u fl-aħħar liġi komuni ta' riżoluzzjoni u insolvenza, applikabbli għall-istituzzjonijiet bankarji kollha li joperaw fl-Unjoni u bl-objettivi li ġejjin:

–     il-promozzjoni tal-istabilità tas-sistema finanzjarja;

–     il-limitazzjoni jew il-prevenzjoni tal-kontaġju finanzjarju;

–     il-limitazzjoni tal-kost pubbliku tal-interventi;

–     l-ottimizzazzjoni tal-pożizzjoni tad-depożitanti u l-garanzija li jkunu trattatai bl-istess mod fl-Unjoni kollha;

–     il-preservazzjoni tal-għoti tas-servizzi bankarji l-aktar essenzjali;

–     l-evitar tal-periklu morali, l-iċċarġjar tal-kosti lill-industrija u lill-azzjonisti u l-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet moħluqa minn swieq u istituzzjonijiet finanzjarji;

–     l-iżgurar tat-trattament indaqs ta' kull klassi ta' kredituri fl-Unjoni inkluż it-trattament ġust tas-sussidjarji u l-fergħat kollha tal-istess istituzzjoni transkonfinali fl’Istati Membri kollha;

–     l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tal-impjegati;

–     it-tisħiħ tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji u l-kompetittività tiegħu.

2.  Progressivament iġib konverġenza fil-liġijiet nazzjonali eżistenti ta’ riżoluzzjoni u insolvenza u s-setgħat nazzjonali eżistenti ta’ superviżjoni u, fi żmien kalendarju raġonevoli, jistabbilixxi reġim wieħed għall-UE li jkun effettiv.

3.  Malli jitlesta l-proċess relatat mal-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' insolvenza u ta' superviżjoni fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni jistabbilixxi awtorità unika ta' riżoluzzjoni tal-UE bħala korp separat jew bħala unità fi ħdan l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE).

4.  Sabiex jittejbu l-kooperazzjoni u t-trasparenza, jitwettqu reviżjonijiet minn superviżur fuq ieħor fuq bażi regolari taħt it-tmexxija tal-Awtorità Bankarja Ewropea u din għandha tinbena fuq awtoevalwazzjoni preċedenti.

5.  Fejn ikun hemm il-ħtieġa ta’ riżoluzzjoni jew l-istralċ ta’ istituzzjoni transkonfinali, għandha titwettaq investigazzjoni profonda (permezz ta’ esperti indipendenti maħtura mill-Awtorità Bankarja Ewropea) sabiex jiġu enfasizzati l-kawżi u r-responsabilitajiet involuti. Jiżgura li l-Parlament ikun mgħarraf bir-riżultati ta’ dawk l-investigazzjonijiet.

6.  Jattribwixxi lis-superviżur relevanti r-responsabbiltà għall-immaniġġjar tal-kriżijiet (inklużi is-setgħat tal-intervent bikri) u l-approvazzjoni tal-pjan ta’ kontinġenza ta’ kull bank, kif ġej:

     għall-banek sistemiċi transkonfinali: l-ABE, f’kollaborazzjoni stretta mal-kulleġġ tas-superviżuri nazzjonali u l-Gruppita’ Stabilità Transkonfinali (kif definit fil-Memorandum ta’ Intiża tal-1 ta’ Ġunju 2008);

–     għall-banek transkonfinali mhux-sistemiċi l-oħrajn kollha: is-superviżur konsolidat fi ħdan il-kulleġġ (taħt il-governanza miftiehma tiegħu), taħt il-koordinament tal-ABE u f’konsultazzjoni mal-Gruppi ta’ Stabilità Transkonfinali;

–     għall-banek lokali: is-superviżur lokali.

7.  Ifassal ġabra ta’ regoli komuni għall-ġestjoni tal-kriżijiet inklużi l-metodoloġiji, id-definizzjonijiet u terminoloġija komuni, u ġabra ta’ kriterji relevanti għat-testijiet ta’ stresss għall-banek transkonfinali.

8.  Jiżgura li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jsiru rekwiżit regolatorju obbligatorju; il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinkludu dettalji awtovalutazzjoni profonda tal-istituzzjoni u dettalji ta’ tqassim ġust tal-assi u tal-kapital, bi rkupru xieraq tat-trasferimenti mis-sussidjarji u l-fergħat għal unitajiet oħra, u l-identifikazzjoni ta’ postijiet fejn hemm ċans kbir ta' qsim li jippermettu s-separazzjoni ta' moduli indipendenti, speċjalment dawk li jipprovdu infrastruttura vitali bħas-servizzi ta' pagament. Ir-rekwiżit għall-kontenut ta’ dawk il-pjanijiet għandu jkun proporzjonat mad-daqs, l-attivitajiet u l-firxa ġeografika tal-bank. Jiżgura li dawk il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni huma aġġornati regolarment.

9.  Ifassal, qabel Diċembru 2011, klassifikazzjoni superviżorja Ewropea għall-banek (“Risk Dashboard”- Dashboard tar-Riskji) imsejsa fuq ġabra ta’ indikaturi komuni tal-kwantità u l-kwalità. L-indikaturi tad-Dashboard tar-Riskji għandhom ikunu evalwati skont in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-istituzzjoni kkonċernata filwaqt li tiġi ppriservata l-kunfidenzjalità. Id-Dashboard tar-Riskji għandu jinkludi mill-anqas dan li ġej:

     kapital;

–     ingranaġġ;

     likwidità;

–     nuqqas ta' korrispondenza fil-maturità, fir-rata tal-imgħax u fil-valuti;

–     likwidità tal-beni;

–     espożizzjonijiet kbar u konċentrazzjonijiet ta’ riskji;

–     telf mistenni;

–     sensibilità għall-prezzijiet tas-suq, għar-rati tal-imgħax u tal-kambju;

–     aċċess għall-finanzjament;

–     eżiti tat-testijiet tal-istress;

–     effikaċja tal-kontrolli interni;

     kwalità tal-ġestjoni u l-governanza korporattiva;

     komplessità u opaċità;

–     prospettiva tar-riskju;

     ottemperanza mal-liġi jew mar-rekwiżiti regolatorji.

10. Jagħti s-setgħa lis-superviżuri li jintervjenu fuq il-bażi tal-limiti superjuri tal-klassifikazzjoni superviżorja, b’konformità sħiħa mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u jipprovdi għal perjodi ta’ rimedju raġonevoli biex l-istituzzjonijiet jindirizzaw in-nuqqasijiet waħedhom.

11. Jipprovdi lis-superviżuri għodod legali ta' invervent xierqa billi tiġi emendata l-leġiżlazzjoni settorjali relevanti jew tiddaħħal leġiżlazzjoni settorjali ġdida biex:

       jiġu rekwiżiti aġġustamenti tal-kapital (‘il fuq mir-rekwiżiti regolatorji minimi) jew likwidità u bidliet fit-taħlita ta’ negozji u l-proċess intern;

–       jiġu rakkomandati jew imposti bidliet fil-ġestjoni;

–       jiġu imposti ż-żamma tad-dividendi u restrizzjonijiet bil-għan li jkunu kkonsolidati r-rekwiżiti tal-kapital; jiġu limitati t-termini tal-liċenzji bankarji;

–       is-superviżuri jkunu jistgħu jqajmu s-separazzjoni ta’ moduli indipendenti, kemm dawk li jkunu qed ifallu kif ukoll dawk li jkollhom suċċess, mill-istituzzjoni biex ikun żgurat li l-funzjonijiet prinċipali jkunu jistgħu jkomplu joperaw;

–       jiġi impost ribass totali jew parzjali;

–       jiġu trasferiti l-attiv u l-passiv għal istituzzjonijiet oħra bl-objettiv li tkun żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet sistematikament importanti;

       jinħoloq bridge bank jew good bank/bad bank;

–       jiġu rikjesti skambji ta’ dejn f’ekwità, jew kapital ieħor konvertibbli, skont in-natura tal-istituzzjoni, b’haircuts xierqa;

       jittieħed kontroll pubbliku temporanju;

–       tiġi imposta sospensjoni temporanja (moratorju) ta’ ċerti tipi ta’ rivendikazzjonijiet kontra l-bank;

–       jiġi kkontrollat il-proċess ta’ trasferimenti ta' assi fi ħdan l-istess grupp;

–       jinħatar amministratur speċjali fil-livell tal-grupp;

       jiġi regolat l-istralċ;

–       l-ABE titħalla tawtorizza l-intervent tal-fond ta’ stabilità finanzjarja tal-UE inkluż għad-dispożizzjoni ta’ finanzjament ta’ emerġenza fuq perjodu medju, injezzjonijiet ta’ kapital u garanziji;

       jiġu imposti miżuri amministrattivi u ta’ tiswija għal dawk l-istituzzjonijiet li jużaw il-Fond.

12. Il-għodod kollha msemmijin fil-punt 11 għandhom jiġu applikati b’konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u għandu jiġi żgurat it-trattament l-istess tal-kredituri u d-depożitanti fl-Istati Membri kollha.

Rakkomandazzjoni 2 dwar il-banek sistemiċi transkonfinali

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola dan li ġej:

1.  Minħabba fir-rwol speċjali tagħhom fis-suq intern tal-UE tas-servizzi finanzjarji, il-banek sistemiċi transkonfinali jeħtieġu li jkunu indirizzati urġentement permezz ta’ reġim speċjali ġdid li għandu jissejjaħ id-Dritt Soċjetarju Bankarju Ewropew, li għandu jitfassal sa tmiem l-2011. Għandha tkun proposta wkoll sistema iktar ġenerali għall-banek transkonfinali l-oħra kollha.

2.  Il-banek sistemiċi transkonfinali għandhom jottemperaw ruħhom mar-reġim speċjali l-ġdid imsaħħaħ; dak ir-reġim għandu jegħleb l-impedimenti legali li jxekklu l-azzjoni transkonfinali effettiva filwaqt li għandu jiżgura t-trattament ċar, ugwali u prevedibbli tal-azzjonisti, id-depożitanti, il-kredituri u l-partijiet interessati l-oħra, b’mod partikolari wara li sjiru trasferimenti tal-assi fi ħdan l-istess grupp. Dan għandu jinkludi 't-28' reġim speċjali għall-proċeduri ta' insolvenza għall-banek sistemiċi transkonfinali, li aktar tard jista’ jiġi estiż għall-banek transkonfinali kollha.

3.  Il-Kummissjoni għandha tadotta miżura li tistabbilixxi, qabel April 2011, il-kriterji għad-definizzjoni tal-banek sistemiċi transkonfinali. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji, banek bħal dawn se jkunu identifikati fuq bażi regolari mill-bord tas-superviżuri, wara konsultazzjoni tal-Bord Ewropew għar-Riskji Sistemiċi, (Artikolu 12b tar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tas-17 ta’ Mejju 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Bankarja Ewropea (ir-“Rapport tal-ABE”);

4.  Għal kull wieħed mill-banek sistemiċi transkonfinali, l-ABE għandha teżerċita superviżjoni u taġixxi permezz tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (skont ir-rapport tal-ABE);

5.  Il-Kummissjoni għandha tadotta miżura li tipproponi mekkaniżmu ta’ trasferimenti tal-assi fi ħdan Banek Sistemiċi Transkonfinali b’kunsiderazzjoni dovuta tal-bżonn li jiġu protetti d-drittijiet tal-pajjiżi ospitanti.

6.  Fond għall-istabilità finanzjarja tal-UE u unità ta’ riżoluzzjoni għandhom jappoġġjaw l-interventi tal-ABE rigward il-ġestjoni tal-kriżijiet, or-riżoluzzjoni jew l-insolvenza, f’dak li għandu x’jaqsam mal-banek sistemiċi transkonfinali.

Rakkomandazzjoni 3 dwar il-fond ta’ stabilità finanzjarja tal-UE

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola dan li ġej:

1.  Għandu jinħoloq Fond ta’ Stabilità Finanzjarja tal-UE (Fond), taħt ir-responsabbiltà tal-ABE, biex jiffinanzja l-interventi (riabilitazzjoni jew stralċ ordinat) li jkollhom it-tir li jippreservaw l-istabilità tas-sistema u jillimitaw il-kontaġju minn banek fallimentari. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Parlament, sa mhux aktar tard minn April 2011, proposta li jkun fiha id-dettalji ta’ dan li ġej b’relazzjoni mal-Fond: il-karta, l-istruttura, il-governanza, id-daqs, il-mudell ta’ ħidma kif ukoll terminu preċiż għall-implimentazzjoni (skont it-termini tal-punti 2 u 3 aktar ’l isfel).

2.  Il-Fond għandu jkun:

–     pan-Ewropew;

–     finanzjat ex-ante minn banek sistemiċi transkonfinali fuq il-bażi ta’ kriterji msejsin fuq ir-riskju u kontroċikliċi u filwaqt li jitqies ir-riskju sistemiku li jirriżulta minn bank individwali; Il-banek li jikkontribwixxu għall-Fond m'għandhomx ikunu obbligati li jikkontribwixxu għal fondi ta’ stabilità simili jew għal unitajiet ta’ riżoluzzjoni simili f’pajjiżhom stess;

–     separat u indipendenti mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti;

–     ta’ daqs adegwat li jiflaħ għal interventi temporanji (bħalma huma selfiet, xiri ta’ beni u injezzjonijiet ta’ kapital) u ħalli jkopri l-kostijiet tal-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni u insolvenza;

–     mibni ftit ftit, b’mod li jippermetti sensibilità għall-ambjent ekonomiku preżenti.

­       iddisinjat b’tali mod li ma joħloqx periklu morali, il-Fond ma għandux jintuża biex jinfdew l-azzjonisti ta’ bank u lanqas biex jiġi ppremjat il-maniġment għall-falliment tiegħu stess;

3.  Il-Kummissjoni għandha tindirizza wkoll:

–     linj gwida tal-investiment għall-beni tal-Fond (ir-riskju, likwidità, allinjament mal-miri UE);

–     kriterji ta’ selezzjoni għall-ġestur tal-beni tal-Fond (intern jew permezz ta’ terz privat jew pubbliku bħalma hu l-Bank Ewropew għall-Investiment);

–     il-possibilità ta’ kontributi li jkunu jikkwalifikaw għall-kalkolu tal-proporzjonijiet regolatorji tal-kapital;

–     miżuri amministrattivi (penali jew skemi ta’ kumpens) għal dawk il-banek sistemiċi transkonfinali li jagħmlu użu mill-Fond;

–     kondizzjonijiet għat-twessigħ aktar ’il quddiem tal-ambitu tal-Fond ħalli jkun jinkludi l-banek transkonfinali kollha oltre l-banek sistemiċi.

–     l-ambitu tal-ħolqien ta’ netwerk ta’ fondi nazzjonali (u kemm hu adattat) biex jaħseb għall-istituzzjonijiet kollha li ma jipparteċipawx fil-Fond. Imbagħad għandu jiġi stabbilit qafas tal-UE biex jirregola l-fondi nazzjonali eżistenti u ġejjiena li se jikkonformaw ma' ġabra uniformi u vinkolanti ta' regoli komuni.

Rakkomandazzjoni 4 dwar unità ta’ riżoluzzjoni

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola dan li ġej:

Għanda titwaqqaf unità ta’ riżoluzzjoni indipendenti fi ħdan l-ABE ħalli tmexxi l-proċedimenti ta' riżoluzzjoni u insolvenza għall-banek sistemiċi transkonfinali. Din l-unità għandha:

–       topera f'konfini stretti definiti mill-qafas legali u mill-kompetenzi tal-EBA;

–       tikkonsisti f’ġabra ta’ perizja legali u finanzjarja b’ħiliet speċjali fir-ristrutturar, turnarounds u likwidazzjonijiet tal-banek;

–       tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali fuq l-implimentazzjoni, l-assistenza teknika u l-qsim tal-persunal;

–       tipproponi ħruġ ta’ flejjes mill-Fond.

–       fejn tinqala’ l-ħtieġa ta’ riżoluzzjoni jew ta’ stralċ ta’ istituzzjoni transkonfinali, twettaq investigazzjoni profonda minn esperti indipendenti maħtura mill-Awtorità Bankarja Ewropea sabiex jiġu analizzati u enfasizzati l-kawżi u r-responsabilitajiet involuti. Il-Parlament għandu jkun mgħarraf bir-riżultati tal-investigazzjonijiet.

NOTA SPJEGATTIVA

1.  Il-kriżi finanzjarja severa ta’ dan l-aħħar ħolqot kunsens wiesa’ fost l-istakeholders u l-ispettru politiku li hija meħtieġa azzjoni urġenti biex tiżgura s-sostenibilità u l-istabilità tas-sistema finanzjarja.

Il-prevenzjoni tal-kollass u l-konteniment tal-kontaġju tas-sistema finanzjarja fissru kostijiet ta’ kobor bla preċedent. Fost l-effetti kollaterali negattivi kien hemm l-iffriżar tista’ tgħid għalkollox tas-swieq finanzjarji li wassal għat-tiċkin tas-swieq tal-kreditu, il-paraliżi tan-negozji, żieda goffa fil-qgħad u riduzzjoni fl-introjtu fiskali. Din l-allokazzjoni massiva ta’ riżorsi ġabet diversjoni minn oqsma essenzjali tal-iżvilupp (mill-edukazzjoni, sal-innovazzjoni, ir-riċerka, l-enerġiji alternattivi, eċċ).

Ikun xi jkun il-kont totali fl-aħħa, huwa ċar li kien ta’ piż kbir wisq fuq min iħallas it-taxxi, fuq it-tkabbir u l-impjiegi Ewropej, u tellef bil-kbir ir-ritmu li bih l-Ewropa kienet qed tibni l-futur tagħha.

2.  L-għodod ta’ intervent użati mill-gvernijiet, banek ċentrali u regolaturi fl-Ewropa kollha varjaw bil-kbir u inklduew azzjonijiet regolatorji anqas intrussivi (intreħew temporanjament ir-rekwiżiti ta’ kapital jew likwidità) u injezzjonijiet ta’ kapitali, għoti ta’ likwidità, garanzija ta' beni tossiċi, mutwi, l-innegozjar atl-bejgħ lill-istituzzjonijiet oħrajn jew l-akkwist pubbliku. Sikwit ġara li l-interventi kellhom bħala mira l-istituzzjonijiet jew bank transkonfinali bi transazzjonijiet internazzjonali pertinenti (u għalhekk b'impatt fuq banek u klijenti oħrajn f'ġurisdizzjonijiet oħrajn). Dawn l-għodod intużaw mill-awtoritajiet lokali bi ftit allinjament internazzjonali u dan qajjem bosta kwestjonijiet, bħalma huma:

· id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (jiġifieri, il-migrazzjoni tad-depożiti mill-Ingilterra lejn l-Irlanda, fejn il-gvern Irlandiż kien qiegħed jiggarantixxi d-depożiti kollha);

· azzjonijiet legali mill-azzjonisti (eż., Northern Rock, Lloyds, RBS, Fortis, eċċ);

· dewmien sever (ikkawżat mill-azzjonijiet legali tal-azzjonisti) ta’ transazzjonijiet essenzjali bħalma kienet l-akkwiżizzjoni tal-Fortis Belgium u Luxembourg minn BNPParibas;

· taħwid dwar l-oqfsa legali u jeddijiet l-azzjonijisti;

· miżuri protezzjonistiċi.

F’kelma waħda, il-varjetà ta’ approċċi, metodi u għodod li ntużaw fl-Ewropea u fl-Istati Uniti, b’mod vagament koordinat (u tal-aħħar minuta), qanqlet preokkupazzjonijiet gravi fil-konfront tas-segwenti:

· l-effettività tal-eżerċizzju kollu kemm hu;

· l-inċertezza legali;

· l-opportunitajiet daqsinsew u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

3.  Ir-riskju jivvjaġġa b’ħeffa minn settur għal ieħor minħabba fir-rabtiet stretti bejn il-banek, l-assikurazzjonijiet, il-ġestjonijiet tal-beni, eċċ, u dan jiġġustifika qafas imkabbar għall-ġestjoni tal-kriżijiet, oltre s-settur bankarju. B’danakollu, ir-realiżmu jġegħilna nibdew billi niffokaw fuq il-banek, mingħajr ma nipprekludu t-twessigħ futur tal-ambitu.

4.  Filwaqt li s-swieq globali tal-lum jirrikjedi soluzzjonijiet globali, li għalhekk iwasslu għat-talba għall-allinjament internazzjonali tar-regolamenti u l-proċeduri, l-UE ma għandhiex tiddejjaq turi l-kapaċità li tmexxi u tieħu sehem attiv fit-tfassil tas-sistema finanzjarja tal-futur.

Il-proposti li qed jitressqu jissoktaw fuq il-kontribuzzjonijiet multipli tal-istakeholders akkademiċi, privati u pubbliċi Ewropej, l-istituzzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-G20, il-Bord ta' Stabilità Finanzjarja u l-IMF u t-tagħlimiet prattiċi li ttieħdu mill-kriżi. Soluzzjonijiet bħalma huma l-Korporazzjoni Federali għall-Assikurazzjoni tad-Depożiti fl-Istati Uniti wkoll swew ta’ tnebbiħ partikolari.

5.  Bħallissa hawn geġwiġija ta’ oqfsa nazzjonali li mhumiex dejjem kompatibbli wieħed mal-ieħor. Hu iebes tittratta b’ħeffa u b’effiċjenza ma’ gruppijiet transkonfinali li jkollhom x'jaqsmu ma' bosta ġurisdizzjonijiet. Suq finanzjarju Ewropew wieħed, li jkun robust u sħiħ, jeħtieġ il-koerenza u l-koeżjoni tar-regolamenti fis-27 membru kollha kemm huma. Meta dan jinkiseb, allura l-Ewropa tkun il-lok tal-eċċellenza fil-finanza internazzjonali.

6.  Jeħtieġ approċċ robust u komplessiv għall-ħolqien ta’ qafas preventiv effettiv u xibka li tilqa’ meta jkun hemm waqgħa, li jkunu jissalvagwardjaw u jsaħħu s-suq intern. L-approċċ jeħtieġ li jkollu bosta saffi li jwaħħdu flimkien b'mod koerenti lis-segwenti:

· arkitettura superviżorja tal-UE li tkun effettiva b’Bord Ewropew għar-Riskji Sistemiċi u tlitt awtoritajiet settorjali: Banek, Assikurazzjonijiet u Pensjonijiet Okkupazzjonali, Titoli u Swieq;

· regolament internazzjonali mtejba fost l-oħrajn billi jsiru r-reviżjoni tar-rekwiżiti kapitali, ir-redefinizzjoni tal-kapital tas-saff 1 u s-saff 2, il-kopriment tar-riskju addizzjonali, l-introduzzjoni tar-ratios tal-likwidità, tal-buffers kontroċikliċi, tar-ratios tal-leverage, ir-riforma tal-istandards tal-kontabilità u r-regoli dwar il-kumpens eżekuttiv, eċċ;

· qafas ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE li jkun jista’ jegħleb l-limitazzjonijiet preżenti li jirriżultaw minn reġimi bbażati nazzjonalment ta’ riżoluzzjoni u insolvenza li bosta drabi jikkonfliġġu wieħed mal-ieħor.

7.  Minkejja l-effettività li jista’ jkollu kull qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet, ir-riskju u l-falliment jibqgħu karatteristiċi importanti ta’ suq finanzjarju li jaħdem tajjeb. Għaldaqstant, il-proposti preżenti għandhom il-mira li jippreservaw id-dimensjoni tat-"tajjeb pubbliku” tas-servizzi finanzjarju aktar milli jissokkorru l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali. Ir-“riabilitazzjoni” jew l-“ewtanasja” għandhom jibqgħu eżiti alternattivi tal-interventi. Din l-inċertezza hija essenzjali biex ikun ipprevenut il-periklu morali.

8.  L-intervenit għandhom ikunu maħsuba b’mod li jdawru l-kostijiet lil hinn minn min iħallas it-taxxi u d-depożitanti u lejn l-industrija, skont il-prinċipju li min iħammeġ iħallas.

9.  Il-weġgħa għandha tinħass l-aktar mill-azzjonisti u parzjalment mill-kredituri li ma jkollhomx garanzija permezz ta’ haircuts xierqa. L-assistenza tas-sokkors għandha dejjem titħallas lura.

10.  Il-ħtieġa għal ambjent Ewropew li fih kull parteċipanti ikollu opportunità daqsinsew fis-settur finanzjarju ma tistax tinjora l-eżistenza ta’ skwilibriji gravi fost l-Istati Membri, li huma evidenti fid-diffikultà fl-aċċettazzjoni ta’ għodod regolatorji u superviżorji komuni, is-soluzzjoni tal-kwestjonijiet domestiċi/ospiti, id-deċiżjoni dwar it-tqassim tal-oneri u l-biżgħat dwar il-kattura istituzzjonali. Il-kriżi amplifikat il-fiduċja reċiproka insuffiċjenti.

11.  Il-progress fil-bini ta’ approċċ komuni jinkiseb biss bi proċess inklussiv, minn isfel ’il fuq, ta’ djalogu kostruttiv bejn il-kulleġġi tas-superviżuri u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri.

12.  L-effetti ekonomiċi, finanzjarji, u fiskali persistenti tal-kriżi se jirriżultaw f’defiċit pubbliku enormi u piż kbir ta' djun tal-Istati Membri, fl-istat inkomplut tal-arkitettura tal-UE tas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni regolatorja komuni u l-impatt aggregat fuq il-banek taż-żieda fir-rekwiżiti fuq il-kapital, il-likwidità, DGS, eċċ. - dawn kollha jitolbu li jkun hemm strateġija gradata u ekwilibrata biex jinkiseb qafas komuni għall-UE kif inhu sperat għall-ġestjoni tal-kriżijiet transkonfinali.

13.  B’danakollu, huwa evidenti li wasal iż-żmien li l-Ewropa tagħżel bejn tiħux aktar passi lejn futur komuni jew taqbadx it-triq nazzjonalistika. Din tal-aħħar żgur ma hijiex soluzzjoni. Imma l-implimentazzjoni tal-ewwel għażla tirrikjedi proċess twil ta’ konverġenza u bini ta’ fiduċja reċiproka, filwaqt li huma meħtieġa soluzzjonijiet immedjati biex ikunu ttrattati r-riskji li jġibu magħhom il-Banek Sistemiċi.

14.  Fil-fatt, anqas minn 50 bank (minn 12,000 fl-UE) jirrappreżentaw 70% tal-beni bankarji. Ir-riskju għoli li jġibu magħhom jirriżulta mid-daqs, komplessità u interkonnettività li għandhom mal-bqija tas-sistema. Il-problemi tagħhom għandhom riperkussjonijiet fl-oqsma u l-pajjiżi kollha.

15.  Filwaqt li jista’ jidher bħala ambizzjuż iżżejjed li wieħed jibda bil-Banek Sistemiċi, jekk jingħataw prijorità ikun qed jiġi indirizzat il-pern tal-kwestjoni u jista’ jservi ta’ platform embrijonali għall-iżvilupp fit-terminu tan-nofs u fit-tul ta’ reġim universali li jkun ikopri s-sistema bankarja kollha kemm hi u ’l quddiem l-istituzzjonijiet finanzjarji mhux-bankarji.

16.  Din il-proposta tieħu spinta mill-iżviluppi regolatorji li għaddejjin bħalissa, b'mod partikolari dawk dwar l-arkitettura superviżorja tal-UE billi lill-EBA tqegħidha bħala l-ġebla tax-xewka fil-bini tal-kultura komuni ta' superviżjoni u billi jkollha rwol minn ta' quddiem nett f'dak li għandu x'jaqsam mal-Banek Sistemiċi.

17.  Il-pjanijiet tassattivi ta’ kontinġenza/riżoluzzjoni, żviluppati għal kull istituzzjoni fi ħdan il-kulleġġi tas-superviżuri b’input mill-gruppijiet ta’ stabilità transkonfinali, donnhom huma l-veikolu ideali għall-iżvilupp ta’ kunsens dwar id-dijanjożi u s-soluzzjonijiet għall-banek transkonfinali (kemm sistemiċi u kemm li ma humiex).

18.  Il-għażla għall-ġestjoni tal-kriżijiet futuri ta’ Fond ta’ Stabilità (finanzjat privatament u ġestit pubblikament) flok sisa fuq il-banek, hija msejsa fuq it-twemmin li:

· id-disponibilità immedjata ta’ fondi hija prekondizzjoni għall-effiċjenza tal-intervent;

· huwa importanti li jkun hemm rabta b’mod trasparenti bejn il-kontributi tal-industrija u l-kost tat-tindif tal-ħmieġ li hi stess tipproduċi;

· in-natura pan-Ewropea tagħha hija l-unika mezz biex tintgħeleb l-imġiba nazzjonalistika kulma tfaqqa' kriżi.

Minkejja li d-daqs tal-fond jirrikjedi aktar riċerka, il-kontributi jeħtieġ li jkun imsejsin fuq ir-riskju. Il-likwidità tal-Fond jeħtieġ li tkun ġestiti b’mod konservattiv filwaqt li jintuża b’mod tajjeb fid-dawl tal-aġenda strateġika tal-UE.

19.  Is-separazzjoni proposta tal-Fond ta’ Stabilità mill-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti temana mill-għarfien tal-iskopijiet differenti tagħhom u mill-biża’ li t-taħlit tal-fondi jista’, fl-agħar xenarju, jipperikolu l-pagament lid-depożitanti.

20.  Il-perizja meħtieġa u l-firxa tal-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni marbutin mat-trattament tal-Banek Sistemiċi għandhom potenzjalment jiġġustifikaw il-ħolqien ta’ aġenzija speċifika (kif inhu l-każ fl-Istati Uniti bl-FDIC). B’danakollu, il-burokrazija u l-konteniment tal-kostijiet, jippontaw b'saħħa lejn id-direzzjoni ta' rakkomandazzjoni li wieħed jibda f'infrastuttura aktar leġġera billi jinqeda b'unità speċjali fi ħdan l-EBA.

21. Il-liġijiet u l-prattiki ġudizzjarji eżistenti dwar l-insolvenza u l-falliment huma materjalment diffferenti minn pajjiż għall-ieħor għandhom it-tendenza li jiffokaw fuq il-protezzjoni tal-kredituri u l-azzjonisti aktar milli fuq il-preservazzjoni tal-istabilità tas-sistema finanzjarja. Għalhekk, il-ħolqien ta' reġim Ewropew universali ta' riżoluzzjoni jirrikjedi proċess ta' armonizzazzjoni estremament kumpless. Id-Dritt Soċjetarju Bankarju Ewropew (imnebbaħ mid-Direttiva tad-Dritt Soċjetarju Ewropew eżistenti), li se jkun adottat mill-Banek Sistemiċi kollha, donnu għalhekk neċessarju ħalli jinkiseb il-progress fil-futur qrib.

22.  Dan il-mument jitlob approċċ ambizzjuż u f'waqt wieħed ekwilibrat u realistiku. Jeħtieġ li dix-xoqqa f’moxtha storika tinħataf. Il-Parlament Ewropew se jaġixxi skont il-mandat tiegħu u jissodisfa l-istennijiet u l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (1.6.2010)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar l-Immaniġġjar Transkonfinali tal-Kriżijiet fis-Settur Bankarju
(2010/2006(INI))

Rapporteur: Sebastian Valentin Bodu

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi jeżisti suq intern għas-servizzi bankarji fl-UE, aktar milli ġabra ta’ servizzi indipendenti minn xulxin, u billi dan is-suq intern huwa importanti ħafna għall-kompetittività globali tal-Unjoni,

1.  Jemmen li l-Awtorità Bankarja Ewropea għandu jkollha s-setgħa li timplimenta miżuri li jorbtu fil-livell tal-UE applikabbli għall-Istati Membri kollha, filwaqt li tagħti s-setgħa wkoll lis-superviżuri nazzjonali li jwettqu s-superviżjoni ta' kuljum fl-aqwa livell possibbli;

2.  Hu tal-fehma li t-“testment waqt il-ħajja” għandu jkun approvat mis-superviżuri li jwettqu s-superviżjoni tal-banek kuljum, biex jiġi żgurat li t-tibdil jiġi nnutat u jitqies, sabiex it-testmenti waqt il-ħajja jkunu jistgħu jinżammu aġġornati u rilevanti;

3.   Hu tal-fehma li ż-żarmar ta' grupp bankarju għandu wkoll ikun għażla fl-istadju inizjali (intervent bikri);

4.  Jikkunsidra li t-trasferiment ta’ beni/likwidità minn sussidjarja/fergħa għal kumpanija ewlenija m’għandux ikun permess jekk dan jiddestabilizza lis-sussidjarja/fergħa u b’hekk jikkawża konsegwenzi ta' ħsara kbira għall-Istat Membru ospitanti;

5.  Jemmen li l-intervent bikri fi kriżijiet bankarji u s-soluzzjoni tagħhom għandhom jiġu mnedija skont kriterji definiti b'mod ċar, inklużi s-subkapitalizzazzjoni, likwidità inqas u d-deterjorament tal-kwalità u l-valur tal-beni; hu tal-fehma li l-intervent għandu jkun marbut ma’ skemi ta’ garanzija għad-depożiti;

6.   Huwa tal-fehma li l-għan ta' qafas leġiżlattiv tal-UE għas-soluzzjoni tal-kriżijiet transkonfinali huwa li l-awtoritajiet jingħataw is-setgħa li jadottaw miżuri li jinkludu l-intervent fil-ġestjoni tal-gruppi bankarji, meta dan ikun meħtieġ (u b'mod speċjali, iżda mhux b'mod esklussiv, fil-banek li jieħdu depożiti, fejn ikun hemm il-possibilità ta' riskju sistemiku);

7.  Iqis, bl-istess mod, li l-għan ta' qafas leġiżlattiv tal-UE għas-soluzzjoni tal-kriżijiet transkonfinali hu wkoll li jiġu regolati kemm il-gruppi bankarji transkonfinali kif ukoll il-banek individwali li jwettqu tranżazzjonijiet transkonfinali biss permezz tal-fergħat; jemmen ukoll li għandu jkun hemm regolamentazzjoni komuni għall-gruppi bankarji transkonfinali;

8.  Jinnota li l-Awtorità għandha topera skont il-prinċipji li ġejjin:

- protezzjoni ugwali ta' kredituri u azzjonisti ta' minoranza fl-Istati Membri kollha fejn il-bank għandu fergħat/sussidjarji;

- tqassim proporzjonali tal-ispejjeż marbutin mal-intervent bikri u mas-soluzzjoni ta' kriżijiet bankarji, fost l-Istati Membri kollha li fit-territorju tagħhom jopera l-bank li għalih sar l-intervent (pereżempju skont il-valur tal-beni tiegħu f’kull Stat); jemmen li l-għażla ta’ finanzjament konġunt perjodiku hi anqas mixtieqa;

9.  Jesprimi l-opinjoni li d-derogi għandhom madankollu jsiru minn ċerti rekwiżiti imposti mil-liġi tal-kumpaniji tal-UE, biex jiġu permessi interventi minn awtorità fl-attivitajiet bankarji meta dawn ikunu ġustifikati fl-interess pubbliku;

10. Jikkunsidra li jekk ikun hemm każ ta’ ħruġ ta’ kumpens tal-azzjonisiti, tal-kredituri jew tal-kontropartijiet tas-suq, il-kumpens għandu jkun ibbażat fuq il-valur tal-likwidazzjoni tal-bank, mingħajr ma jitqiesu l-ammonti riċevuti f’għajnuna pubblika;

11. Huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-amministraturi responsabbli għas-soluzzjoni u l-insolvenza ta' gruppi bankarji transkonfinali jistgħu jitjiebu bit-twaqqif ta' sett ta' linji gwida ex-ante;

12. Huwa tal-fehma li kull għajnuna pubblika jew fond ta' soluzzjoni għandu jkun imfassal b'mod li jiġi evitat periklu morali u jipprevjeni t-teħid ta' riskji eċċessiv; iqis, b'mod partikolari, li l-ebda fond ta' soluzzjoni m'għandu jintuża biex isalva l-azzjonisti ta' banek, li jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi kollha ta' kwalunkwe telf, u li l-ebda fond ta' soluzzjoni m'għandu jintuża għall-ħlas ta' bonusijiet;

13. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-importanza li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt sħaħ fi kwalunkwe konsiderazzjoni tal-kwistjoni jekk il-linji gwida l-ġodda għall-ġestjoni tal-kumpaniji jkunux xierqa;

14. Jemmen li approċċ komuni biex jiġi evitat il-falliment tal-gruppi bankarji jkun aktar konformi mal-kunċett ta’ suq intern.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Gerald Häfner, Daniel Hannan, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Evelyn Regner, Dimitar Stoyanov, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Kurt Lechner, Toine Manders, Angelika Niebler

Sostitut(i) skont l-Artikolu 187(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Mara Bizzotto, Jutta Steinruck

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT ()

Data tal-adozzjoni

22.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Slavi Binev, Godfrey Bloom, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Pascal Canfin, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Vicky Ford, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Enikő Győri, Liem Hoang Ngoc, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Astrid Lulling, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Íñigo Méndez de Vigo, Sławomir Witold Nitras, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Băsescu, David Casa, Saïd El Khadraoui, Sari Essayah, Sophia in ‘t Veld, Iliana Ivanova, Syed Kamall, Philippe Lamberts