RAPPORT dwar l-integrazzjoni soċjali tan-nisa li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza etnika
30.6.2010 - (2010/2041(INI))
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Antonyia Parvanova
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-integrazzjoni soċjali tan-nisa li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza etnika
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-TUE,
– wara li kkunsidra t-Tieni Parti tat-TFUE li tistipula l-obbligu tal-Unjoni Ewropea li tiġġieled id-diskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità[1], id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol[2], id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)[3] u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi[4],
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 21,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem[5], il-Konvenzjoni tan-NU għall-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW)[6] u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni li jappartjenu lil Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi[7],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB),
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma[8],
– wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Lisbona u l-Istrateġija UE 2020, li qed tiġi żviluppata bħalissa,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-qagħda tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007 dwar it-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-immigrazzjoni tan-nisa: ir-rwol u l-post tal-immigranti nisa fl-Unjoni Ewropea[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2008[13],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol[14],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009[15],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7–0221/2010),
A. billi t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistipulaw il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, iżda billi fil-prattika mhux in-nies kollha li joqogħdu fl-Unjoni Ewropea qed jibbenefikaw bis-sħiħ mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, speċjalment in-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji, inklużi dawk li huma vittmi tal-vjolenza, tat-traffikar u tal-faqar; billi, barra minn hekk, dawn il-valuri huma komuni għas-soċjetajiet tal-Istati Membri fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,
B. billi l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-appartenenza għal minoranza nazzjonali; billi, madankollu, diversi komunitajiet ta' minoranzi etniċi li joqogħdu fl-UE għadhom vittmi tad-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u s-segregazzjoni,
C. billi t-trattament indaqs huwa dritt bażiku, mhux privileġġ, taċ-ċittadini kollha, u billi t-tolleranza għandha tkun attitudni ġenerali fil-ħajja, mhux pjaċir li jsir lil xi wħud; billi kull forma ta' diskriminazzjoni trid tkun miġġielda b'intensità pari,
D. billi n-nisa ta' minoranza etnika huma żvantaġġati mhux biss meta mqabbla man-nisa tal-maġġoranza, iżda wkoll meta mqabbla mal-irġiel ta' minoranza etnika,
E. billi approċċ integrat tal-UE huwa kruċjali għal politika koerenti dwar l-inklużjoni soċjali tan-nisa minn minoranzi etniċi, li jkun jinkludi miżuri li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u jgħinu biex jipprovdu aċċess għad-djar, l-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali u jrawmu r-rispett għad-drittijiet fundamentali,
F. billi m'hemm l-ebda definizzjoni legali aċċettata minn kulħadd ta’ gruppi etniċi minoritarji ; billi l-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs u trattament ugwali bbażati fuq ir-rispett reċiproku, il-fehim u l-aċċettazzjoni għandhom ikunu s-sisien tal-politiki tal-UE għall-abitanti kollha tagħha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom,
G. billi l-aċċess indaqs għal kulħadd għal edukazzjoni ta' kwalità ttejjeb l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja b’mod ġenerali; billi, madankollu, f'xi Stati Membri l-popolazzjonijiet ta’ minoranzi etniċi huma esklużi minn parteċipazzjoni sħiħa u indaqs fis-sistemi edukattivi ġenerali; billi, biex ikun żgurat l-iżvilupp ta' soċjetà demokratika u b’moħħha miftuħ fi ħdan l-UE, is-sistemi edukattivi jridu jittrasmettu valuri ta' tolleranza u ugwaljanza,
H. billi l-politiki ta' integrazzjoni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi jibbenefikaw minn perspettiva tas-sessi aktar b’saħħitha, li hija meħtieġa sabiex ikun żgurat li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji,
I. billi l-politiki u l-leġislazzjoni tal-immigrazzjoni u tal-asil għandhom jippromwovu l-inklużjoni ta’ nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji,
J. billi jinħtieġ approċċ immirat għall-inklużjoni soċjali tan-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi biex jiġu evitati d-diskriminazzjoni multipla, l-isterjotipar, l-istigmatizzazzjoni u s-segregazzjoni etnika,
K. billi d-differenzi fil-kultura, fit-tradizzjoni u /jew fir-reliġjon m'għandhomx iservu ta’ ostakli għall-inklużjoni ta’ nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji,
L. billi l-ġbir ta' data diżaggregata huwa prerekwiżit għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tal-minoranzi etniċi, u billi, minħabba n-nuqqas ta' statistiki, ħafna problemi għadhom ma jistgħux jiġu identifikati, li jfisser li ma tiġi adottata l-ebda politika mmirata,
M. billi teżisti firxa wiesgħa ta' strumenti u politiki xierqa disponibbli għall-iżgurar tal-integrazzjoni tan-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji , iżda billi hemm differenza fl-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u nuqqas ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE,
N. billi fil-maġġoranza tal-każijiet, in-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla u huma aktar vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali u għall-faqar u għal ksur estrem tad-drittijiet tal-bniedem bħat-traffikar tal-bnedmin u l-isterilizzazzjoni sfurzata mill-bqija tan nisa u mill-irġiel ta' gruppi minoritarji,
O. billi l-istatus soċjoekonomiku aktar baxx ta’ ħafna nisa ta' minoranzi etniċi fil-prattika jissarraf f’limitazzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom, f’nuqqas ta’ aċċess għar-riżorsi, inklużi r-riżorsi tas-saħħa riproduttiva u dik sesswali, u jagħmel il-proċess ta’ inklużjoni aktar diffiċli,
P. billi l-istatus tas-saħħa tan-nisa jaffettwa mhux biss is-saħħa tagħhom stess iżda wkoll dak ta' wliedhom,
Q. billi l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fis-soċjetà u l-inklużjoni b'suċċess tagħhom se jkollhom effett pożittiv fuq it-tfal tagħhom u fuq il-ġenerazzjonijiet futuri,
R. billi l-esklużjoni soċjali tan-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi tista' twassal għal diffikultajiet fir-rigward tal-indipendenza ekonomika, li jistgħu jirriżultaw fi spejjeż diretti jew indirettai għall-baġits tal-komunità u pubbliċi,
S. billi n-nisa minn gruppi etniċi minoritarji huma aktar vulnerabbli għal forom differenti ta' vjolenza u sfruttament min-naħa tal-irġiel meta jkunu inqas integrati mill-bqija tan-nisa,
T. billi l-inklużjoni soċjali tibbenefika kieku kellhom isiru aktar konsultazzjonijiet regolari man-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE,
1. Jenfasizza li ma hemm l-ebda definizzjoni legali aċċettata minn kulħadd għal gruppi etniċi minoritarji , u li dan il-kunċett ikopri medda wiesgħa ta' sitwazzjonijiet li jiffaċċjaw gruppi etniċi differenti fl-Istati Membri tal-UE;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, jipprovdu għall-ġbir u l-analiżi regolari ta' data diżaggregata skont is-sessi u l-etniċità, skont ir-regoli tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tad-data relatata ma’ kwistjonijiet relatati mal-inklużjoni soċjali, bħall-aċċess għall-edukazzjoni, għass-suq tax-xogħol, għas-sigurtà soċjali, għas-sistema tas-saħħa u għas-sistema tad-djar;
3. Hu tal-fehma li hu importantissmu li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata f'waqtha, u għaldaqstant li jiġu trasposti d-direttivi fl-Istati Membri; hu tal-fehma li koordinazzjoni aktar strutturata tal-politiki tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali dwar il-gruppi etniċi minoritarji hi meħtieġa sabiex jinkiseb impatt dejjiemi u politiki aħjar fil-livell tal-UE u l-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u jħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha biex jikkonsultaw lin-nisa li qed jintlaqtu d-drittijiet tagħhom, flimkien mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet attivi f’dan il-qasam, dwar il-politiki u l-miżuri intenzjonati biex itejbu l-inklużjoni soċjali tan-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji;
4. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni dwar l-aċċettazzjoni tal-kulturi differenti u l-impatt tad-diskriminazzjoni u l-preġudizzju; jinnota li r-responsabilità għall-inklużjoni effettiva hi kemm tal-minoranzi etniċi kif ukoll tal-popolazzjoni ġenerali, li t-tnejn li huma jridu jagħmlu sforz biex jintegraw ma’ xulxin għall-kisba tal-għaqda soċjali;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri bl-għan li jevitaw li n-nisa li jappartjenu lil minoranzi etniċi jitilfu l-ħiliet tagħhom, billi jipprovdu aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol, inkluż aċċess għal kura tat-tfal bi prezzijiet raġonevoli u ta’ kwalità għolja, u billi jiżguraw aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali; jitlob għall-implimentazzjoni effettiva ta’ politiki mmirati lejn nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji u li jiġu introdotti proċeduri ċari u b’ħeffa għar-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki;
6. Jinnota l-importanza tal-mudelli tal-irwol fl-integrazzjoni, u jappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki mill-Istati Membri b’aktar esperjenza fil-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali; iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, reġjonali u lokali biex jikkonsultaw mal-organizzazzjonijiet tan-nisa minn minoranzi etniċi dwar il-politiki u l-miżuri indirizzati lejn l-inklużjoni soċjali tan-nisa minn minoranzi etniċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu miżuri mfassla biex jippromwovu l-eżistenza ta' medjaturi interkulturali u soċjokulturali fi ħdan l-UE;
7. Hu tal-fehma li l-proċess ta' inklużjoni jrid jinbena minn stadju bikri fil-ħajja, sabiex jipprovdi b'mod effettiv alternattivi għall-faqar u l-esklużjoni soċjali; iqis għalhekk li huwa neċessarju li jkun ipprovdut qafas istituzzjonali għal servizzi soċjali u edukattivi bbażati fil-komunità għat-tfal u l-familji li jissodisfaw il-ħtiġijiet reġjonali u personali, b'mod li jkun iggarantit l-aċċess ugwali għal servizzi ta' kwalità għolja, u jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tipprovdi appoġġ partikolari għal programmi għall-inklużjoni bikrija;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li twessa' l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni u tagħtihom attenzjoni aktar strateġika sabiex ikollhom rwol fl-integrazzjoni u fir-riintegrazzjoni ta' nisa minn minoranzi etniċi fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari fi żminijiet ta' kriżi ekonomika; jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni bejn gruppi migranti u gruppi etniċi minoritarji fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa miżuri li jagħmlu l-finanzjament tal-UE disponibbli aktar faċilment għan-nisa minn minoranzi etniċi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni - permezz tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta' Integrazzjoni - u lill-Istati Membri - permezz ta' fondi soċjali nazzjonali - biex jippromwovu opportunitajiet intraprenditorjali mmirati speċifikament lejn in-nisa minn gruppi etniċi minoritarji , billi jiffaċilitaw seminars u workshops dwar l-intraprenditorija u jirriklamaw proġetti għall-iżvilupp;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex, f’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, iwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn in-nisa minn minoranzi etniċi kif ukoll lejn il-pubbliku ġenerali, u sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex jiġġieldu kontra d-drawwiet kulturali diskriminatorji u l-mudelli ta’ mġiba patrijarkali, sabiex jipprevjenu l-polarizzazzjoni u jittrattaw l-isterjotipi sessisti prevalenti u l-istigmatizzazzjoni soċjali li fuqhom hi msejsa l-vjolenza kontra n-nisa, u biex jiżguraw li ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għall-vjolenza fuq bażi ta' drawwiet, tradizzjonijiet jew kunsiderazzjonijiet reliġjużi;
11. Jenfasizza li jinħtieġu aktar riċerka u indikaturi intersettorjali dwar l-impatt tad-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali fuq in-nisa li jappartjenu għal komunitajiet ta' minoranza etnika fi ħdan l-UE bħala bażi għal politiki ta' integrazzjoni mmirati; f'dan ir-rigward iħeġġeġ lill-Kummissjoni, speċjalment lid-DĠ Riċerka, biex tiffinanzja proġetti ta' riċerka bħal dawn;
12. Iħeġġeġ il-parteċipazzjoni politika u soċjali attiva ta' nisa li jappartjenu għalgruppi etniċi minoritarji fl-oqsma kollha tas-soċjetà, inklużi t-tmexxija politika, l-edukazzjoni u l-kultura biex jiġi miġġieled il-fatt li attwalment in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed;
13. Isemmi l-fatt li l-għoti tas-saħħa ekonomika lin-nisa u l-indipendenza ekonomika tagħhom huma fatturi kruċjali biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà ġenerali/usa';
14. Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tan-nisa kollha, inklużi n-nisa minn minoranzi etniċi, u b'mod partikolari l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa, il-ġustizzja, l-għajnuna legali, it-tagħrif legali u d-djar;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu sforzi attivi biex itejbu u jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni, b'enfasi partikulari fuq it-tagħlim tal-lingwi, speċjalment il-lingwi uffiċjali tal-pajjiż, u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni għolja, għan-nisa u l-bniet li jappartjenu għal minoranzi etniċi sabiex jevitaw differenzi bejn is-sessi fil-livelli tal-edukazzjoni, li jistgħu jwasslu għall-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u għall-faqar;
16. Jenfasizza li n-nisa minn minoranzi etniċi jeħtieġu aċċess għal tagħrif dwar il-kura tas-saħħa f'lingwi differenti; jisħaq fuq l-importanza tat-taħriġ interkulturali għall-fornituri tal-kura tas-saħħa, bi sħubija mal-gruppi tan-nisa tal-minoranzi etniċi;
L-ugwaljanza bejn is-sessi
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis l-aspett tas-sessi meta tieħu deċiżjonijiet dwar politiki u miżuri mmirati lejn l-inklużjoni soċjali;
18. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jiżguraw aċċess għal servizzi ta' appoġġ għall-prevenzjoni ta’ vjolenza bbażata fuq is-sessi u li jipproteġu n-nisa minn vjolenza tali, independentement mill-istatus legali, ir-razza, l-età, l-orjentament sesswali, l-oriġini etnika u r-reliġjon tagħhom;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-ugwaljanza bejn is-sessi u kontra diskriminazzjoni tiġi implimentata b'mod sħiħ, billi tagħmel disponibbli riżorsi għal taħriġ iffukat u miżuri ta' sensibbilizzazzjoni dwar id-drittijiet li diġà għandhom in-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi, u l-modi ta' kif dawn jistgħu jsibu rimedju għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet tagħhom;
20. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta' vittmi ta' diskriminazzjoni multipla, li grupp kbir minnhom jikkonsisti f'nisa minn minoranzi etniċi, billi jżidu klawżoli espliċiti u regolamenti vinkolanti dwar diskriminazzjoni multipla fis-sistema legali;
21. Jinsisti fuq l-involviment attiv tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi fil-ġbir ta' data u fit-twettiq ta' riċerka dwar kwistjonijiet ta' integrazzjoni rigward in-nisa ta' minoranzi etniċi, li b'mod konsistenti japplikaw il-prinċipju tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (gender mainstreaming) u jippromwovu l-prijoritajiet fil-qasam tal-inklużjoni soċjali;
22. Jistieden lill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali biex tinkludi perspettiva transverali tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tan-nisa fl-aspetti kollha tal-qafas multiannwali u l-attivitajiet sussegwenti tagħha, inklużi dawk dwar id-diskriminazzjoni etnika u dwar id-drittijiet fundamentali tar-Roma;
23. Jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi biex b'mod sistematiku jiġbor data diżaggregata skont is-sess u l-etniċità kif ukoll elementi oħra, u li jippreżenta r-riżultati b’mod diżaggregat skont is-sess u l-etniċità; jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' ġbir ta' data u ta' protezzjoni tad-data adegwati biex jiżguraw li ma jkunx hemm użu ħażin tagħha għal skopijiet bħall-ħolqien ta’ profili razzjali;
24. Isemmi r-rwol kruċjali tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza biex jipprovdu appoġġ u assistenza lill-vittmi ta' diskriminazzjoni u biex jinformawhom dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza jkunu effiċjenti u indipendenti u jipprovdulhom riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti għal kull tip ta' diskriminazzjoni, flimkien mad-diskriminazzjoni multipla; jistieden lill-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza biex jiżviluppaw għodda u taħriġ dwar id-diskriminazzjoni multipla, inkluża s-sitwazzjoni speċifika tan-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
- [2] ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
- [3] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
- [4] ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
- [5] Adottata permezz tar-riżoluzzjoni 217A (III) tal-Assemblea Ġenerali tal-10 ta' Diċembru 1948.
- [6] Adottata permezz tar-riżoluzzjoni 34/180 tal-Assemblea Ġenerali tat-18 ta' Diċembru 1979.
- [7] Adottata permezz tar-riżoluzzjoni 47/135 tal-Assemblea Ġenerali tat-18 ta' Diċembru 1992.
- [8] Dokument Nru 5731/10 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta' Marzu 2010.
- [9] ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
- [10] ĠU C 298E, 8.12.2006, p. 283.
- [11] ĠU C 219E, 28.8.2008, p. 317.
- [12] ĠU C 313E, 20.12.2006, p. 118.
- [13] ĠU C 46E, 24.2.2010, p. 48.
- [14] Testi adottati ta’ dik id-data, P6_TA(2009)0371
- [15] Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA(2010)0021.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
Dan ir-rapport għandu l-għan li jevalwa l-politiki ta' integrazzjoni soċjali fl-UE għan-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi u biex jenfasizza fejn dawn qed jiffunzjonaw u fejn hemm il-problemi, biex jgħin sabiex tinstab soluzzjoni.
Sabiex iqis it-temi koperti fit-titlu ta' dan ir-rapport, qed jiġu kkunsidrati tliet aspetti ewlenin:
1. Ir-rwol tal-politiki ta' integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea
2. Ir-rwol tan-nisa fil-minoranzi etniċi
3. Il-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi
Aħna ngħixu f'soċjetà multikulturali, li tinkludi bosta komunitajiet kulturali, etniċi u reliġjużi distinti. Għal integrazzjoni effettiva, għandhom jiġu rikonċiljati bżonnijiet u talbiet differenti, li xi kultant anke jkunu f'kunflitt ma' xulxin. Għalhekk, huwa kruċjali li jiġu identifikati dawk it-talbiet u jinstabu l-modi li dawn jiġu rikonċiljati sabiex jissodisfaw l-aspirazzjonijiet legali ta' nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi mingħajr ma jitilfu l-għaqda u l-kontinwità tal-grupp etniku tagħhom.
1. Ir-rwol tal-politiki ta' integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea
L-integrazzjoni soċjali tista' tiftiehem li tassigura l-aċċess għar-riżorsi, il-parteċipazzjoni u s-sens ta' appartenenza. Il-politika ta' integrazzjoni soċjali tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jaffettwaw b'mod wiesa' l-kapaċità li persuna tlaħħaq mal-problemi u mal-ostakoli, il-parteċipazzjoni u l-aċċess, u l-ħolqien ta' sens ta' appartenenza. Il-politika tal-integrazzjoni soċjali tinkludi mhux biss strumenti leġiżlattivi, iżda wkoll firxa wiesgħa ta' attivitajiet amministrattivi u volontarji.
M'hemm l-ebda politika legalment vinkolanti tal-UE dwar l-integrazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea, prinċipalment minħabba li l-integrazzjoni hi r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, il-politika tal-integrazzjoni saret dejjem aktar importanti fil-livell tal-UE u hemm sforzi sabiex jiġi żviluppat approċċ komuni għall-integrazzjoni fi ħdan qafas Ewropew koerenti. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-integrazzjoni ssir saħansitra aktar importanti meta l-aspetti ekonomiċi u soċjali tal-fatt li l-popolazzjoni qed tixjieħ isiru aktar sinjifikanti, u tirreferi b'mod espliċitu għan-nisa migranti u minn minoranzi etniċi bħala grupp li fuqu hija mmirata l-politika tal-integrazzjoni.
L-integrazzjoni fi ħdan l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi kkunsidrata mill-perspettiva taċ-ċittadinanza Ewropea. Għandu jiġi enfasizzat li l-istruttura tal-UE hija bbażata fuq iċ-ċittadinanza u l-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni. Madankollu, dawn ir-regoli u prinċipji tal-UE huma applikati biss, fil-maġġoranza tal-każijiet, għaċ-ċittadini tal-UE li fl-istess ħin huma ċittadini tal-Istati Membri. Fid-dawl ta' dan ir-rapport, dan ifisser li l-minoranzi li huma ssetiljati u kisbu status legali ta' ċittadini huma protetti mir-regoli u l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea. Imma xi ngħidu dwar in-nies li jkunu waslu fl-UE relattivament reċenti, jiġifieri l-migranti, u li jkun għadhom ma sarux ċittadini ta' xi wieħed mill-Istati Membri? Dawn mhumiex protetti mill-istrumenti tal-UE, bħall-Artikolu 19 tat-TFUE (dak li qabel kien l-Artikolu 13 tat-TKE), id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità. Hemm ċerti drittijiet konferiti lilhom mill-istrumenti tal-UE relatati mal-immigrazzjoni fir-rigward ta' oqsma bħas-suq tax-xogħol, drittijiet soċjali, u l-integrazzjoni legali.Madankollu, għadha ma ġietx stabbilita politika konsistenti tal-UE dwar l-integrazzjoni tal-migranti. Barra minn hekk, in-nisa migranti (kif ukoll in-nisa li jappartjenu għal minoranzi stabbiliti) huma protetti permezz tal-prinċipji ġenerali u tal-istrumenti legali tal-liġi internazzjonali. Iżda l-kwistjoni hija jekk dan hux biżżejjed u jekk għandhiex tittieħed azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE jew le.
Meta nqisu dak li semmejna hawn fuq naraw li jeħtieġ noqgħodu attenti għad-differenzi possibbli bejn minoranzi stabbiliti jew tradizzjonali u dawk li jkun għadhom kemm ġew stabbiliti, bħall-migranti.
Fir-rapport, ir-rapporteur tistudja jekk għandhiex tittieħed azzjoni speċifika fil-livell tal-UE sabiex tagħti aktar lok lill-integrazzjoni ta' nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi, u jekk iva, il-forma li għandu jkollha din l-azzjoni. Għandhiex tkun il-qsim ta' prassi tajba / informazzjoni fost l-Istati Membri, jew inkella leġiżlazzjoni vinkolanti.
Possibbiltà oħra għall-UE biex tiċċara u tfassal aħjar il-politiki ta' integrazzjoni jista' jkun li tħejji linji gwida tal-UE biex tgħin lill-Istati Membri sabiex jippermettu lin-nisa minn minoranzi etniċi li jkollhom aċċess għal: 1) is-sistema edukattiva, 2) is-sistema tal-kura tas-saħħa, 3) is-sistema tal-kura fit-tul, 4) benefiċċji soċjali, 5) impjieg u / jew 6) għajnuna finanzjarja.
2. Ir-rwol tan-nisa fil-minoranzi etniċi
M'hemm l-ebda definizzjoni legali komuni ta' minoranzi nazzjonali jew etniċi fil-liġi internazzjonali. Il-Kunsill tal-Ewropa, meta jitkellem dwar minoranzi nazzjonali fid-dokumenti[1] tiegħu, jirreferi għal 'grupp ta' persuni fi stat li jirrisjedu fit-territorju ta' dak l-istat u li huma ċittadini tiegħu, li għandhom rabtiet antiki, sodi u dejjiema ma' dak l-istat, juru karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi li jiddistingwuhom, huma rappreżentattivi biżżejjed, minkejja li l-għadd tagħhom ikun iżgħar minn dak tal-bqija tal-popolazzjoni ta' dak l-istat jew ta' reġjun ta' dak l-istat, huma mmotivati minn interess li jikkonservaw flimkien dak li jikkostitwixxi l-identità komuni tagħhom, fosthom il-kultura tagħhom, it-tradizzjonijiet tagħhom, ir-reliġjon tagħhom jew il-lingwa tagħhom.' Kif wieħed jista' jara minn din id-definizzjoni, il-Kunsill tal-Ewropa jirreferi għal minoranzi stabbiliti jew persuni li jappartjenu għal minoranzi stabbiliti li diġà akkwistaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea u għalhekk huma protetti permezz tal-liġi tal-UE. Madankollu, il-leġiżlazzjoni waħedha ma tistax toħloq relazzjonijiet tajba u tbiddel l-attitudnijiet. Iżda tista' tistabbilixxi standards ċari ta' mġieba aċċettabbli u tipprovdi rimedju għal dawk li jkunu ġarrbu inġustizzja.
Huwa aktar diffiċli biex tiddefinixxi gruppi li jkun għadhom ma ġewx stabbiliti fil-pajjiż ospitanti. Grupp jista' jitqies bħala grupp etniku jekk, f'soċjetà akbar, jiddistingwi ruħu u hu marbut permezz ta' rabtiet komuni, fosthom il-lingwa, in-nazzjonalità, il-kultura, perċezzjoni ta' karatteristiċi 'razzjali', u storja komuni.
Madankollu, fid-dawl tal-għan ta' dan ir-rapport, mhux daqstant kruċjali li grupp jiġi definit bħala minoranza jew bħala grupp etniku minħabba li d-drittijiet u l-protezzjoni tal-liġi tal-UE hija konferiti fuq il-persuna fuq il-bażi tal-istatut legali tiegħu/tagħha bħala ċittadin tal-UE u mhux bħala membru ta' minoranza jew grupp etniku.
F'dan ir-rigward, ir-rapport se jiffoka fuq l-identifikazzjoni tal-problemi eżistenti relatati mal-minoranzi etniċi u l-migranti nisa, filwaqt li jeżamina s-sitwazzjoni tagħhom fl-isfera tad-drittijiet taċ-ċittadini kif deskritti fl-ewwel parti ta' dan id-dokument ta' ħidma: aċċess għal servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, kura tas-saħħa u s-suq tax-xogħol, li għandhom impatt kbir fuq l-integrazzjoni tan-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi.
Importanti li wieħed iqis id-dilemma tal-integrazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea u jenfasizza l-fatt li meta mara tkun tappartjeni għal grupp etniku partikolari mhux żvantaġġ f'soċjetà demokratika, iżda dan għandu rwol soċjoekonomiku dejjem aktar importanti fl-Unjoni Ewropea.
Huwa diffiċli li neżaminaw is-sitwazzjoni attwali tan-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi minħabba n-nuqqas ta' data dwar l-integrazzjoni soċjali tal-migranti u minoranzi li tkun diżaggregata skont is-sessi. L-esperjenzi tan-nisa ta', pereżempju, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni spiss ikunu differenti minn dawk tal-irġiel minħabba li n-nisa u l-bniet jistgħu jsofru minn forom multipli ta' diskriminazzjoni, kemm fuq il-bażi ta’ sess u kemm fuq il-bażi ta’ identità etnika. Id-diskriminazzjoni multipla li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa migranti u n-nisa tal-minoranzi joħolqu l-ħtieġa li jiġu żviluppati modi innovattivi biex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet tan-nisa, biex in-nisa jingħataw is-saħħa u biex jiġu mnebbħa jieħdu rwoli ta' tmexxija fil-komunitajiet tagħhom biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem.
Diffikultà oħra fl-identifikazzjoni ta' problemi komuni fl-UE hija li l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa minn minoranzi etniċi u n-nisa migranti fl-Ewropea huma differenti ħafna, u jiddependu fuq l-ispeċifiċità tal-Istat Membru li jgħixu fihom dawn in-nisa, l-istorja tal-migrazzjoni f'dak il-pajjiż, il-leġiżlazzjoni u liġijiet eżistenti li jirregolaw il-migrazzjoni, il-ħila u r-rieda ta' dawk il-pajjiżi li jirrikonoxxu u jirrispettaw il-preżenza tal-minoranzi u tal-immigranti, u l-mentalità tas-soċjetà.
Waqt li niddiskutu ir-rwol tan-nisa fil-politiki tal-integrazzjoni, ir-rwol tal-irġiel m'għandux jintesa. Ir-rapporteur teżamina jekk l-irwol tal-irġiel minn minoranzi etniċi jeħtieġx li jiġi kkunsidrat sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni tan-nisa minn minoranzi etniċi fl-Unjoni Ewropea.
Ir-rapporteur tiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni ta' ċerti kundizzjonijiet u fatturi ta' sfond li jistgħu jfixklu l-integrazzjoni soċjali tan-nisa minn minoranzi etniċi aktar minn dik tan-nisa li jappartjenu lill-grupp etniku tal-maġġoranza. Dawk il-kwistjonijiet huma 1) il-livell edukattiv u l-għarfien tal-lingwi, 2) il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni, 3) il-kundizzjoni tas-saħħa u / jew 4) il-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
3. Il-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi
Il-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-UE hi maħsuba biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kollha kemm huma, iżda jista' jkun li n-nisa minn gruppi etniċi minoritarji qed jinżammu milli jibbenefikaw mill-politiki minħabba nuqqas ta' integrazzjoni soċjali?
Fir-rapport, ir-rapporteur teżamina jekk għandhomx jittieħdu miżuri speċifiċi mmirati lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi fost il-minoranzi etniċi.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
23.6.2010 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 0 11 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Emine Bozkurt, Andrea Češková, Marije Cornelissen, Silvia Costa, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Iratxe García Pérez, Jolanta Emilia Hibner, Mary Honeyball, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Philippe Juvin, Nicole Kiil-Nielsen, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Barbara Matera, Antonyia Parvanova, Frédérique Ries, Raül Romeva i Rueda, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Eva-Britt Svensson, Marc Tarabella, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Christa Klaß, Elisabeth Morin-Chartier, Mariya Nedelcheva, Norica Nicolai, Chrysoula Paliadeli, Joanna Senyszyn |
|||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Julie Girling |
|||||