RAPPORT dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar
24.8.2010 - (2009/2237(INI))
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: José Bové
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar' (COM(2009)0591) u d-diversi dokumenti ta' ħidma annessi ma' din il-komunikazzjoni,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari tas-17 ta' Marzu 2009[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar 'il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa'[2],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar 'l-investigazzjoni u r-rimedji tal-abbuż ta' poter mis-supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea'[3],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fid-29 ta' Marzu 2010 dwar il-katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar[4],
– wara li kkunsidra r-rapport 'Agribusiness and the right to food', tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt għall-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0225/2010),
A. billi l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib kbir dwar il-funzjonament tal-katini tal-provvista alimentari Ewropea u dinjija,
B. billi mill-1996 il-prezzijiet tal-ikel għolew bi 3.3% kull sena filwaqt il-prezzijiet imħallsa lill-bdiewa għolew biss bi 2.1%, u l-ispejjeż operattivi żdiedu bi 3.6%, fatt li juri li l-katina tal-provvista alimentari mhix qed taħdem kif suppost,
C. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrikonoxxi li '[d]awn il-bidliet ikkawżaw tbatija konsiderevoli għall-produtturi agrikoli u jimplikaw li l-konsumaturi mhumiex qed jirċievu trattament ġust'[5],
D. billi l-prezzijiet għall-konsumatur finali baqgħu bħala medja kostanti jew saħansitra naqsu minkejja t-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli bażiċi fl-2008,
E. billi ir-relazzjonijiet kummerċjali bbilanċjati mhux biss itejbu l-funzjonament tal-katina tal-provvista alimentari imma jkunu wkoll ta' benefiċċju għall-konsumatur,
F. billi l-proliferazzjoni ta' prattiki kummerċjali inġusti llum qiegħda ddgħajjef il-kapaċità ta' investiment u ta' innovazzjoni tal-bdiewa (speċjalment fil-qasam tat-teknoloġiji ħodor, il-mitigazzjoni tal-klima u s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija, filwaqt li l-bdiewa huma meħtieġa jirrispettaw standards ambjentali għolja, u dawn ir-rekwiżiti se jkomplu jissaħħew fil-Politika Agrikola Komuni wara l-2013),
G. billi s-sehem tal-valur miżjud agrikolu mill-katina tal-provvista alimentari niżel minn 31% fl-1995 għal 24% fl-2005 fl-UE-25, u billi ċ-ċifri preliminari għas-snin sussegwenti juru tnaqqis ulterjuri tal-gwadann li jmur għand il-bdiewa, fil-konfront ta' żieda kostanti tal-marġnijiet għall-proċessuri, il-kummerċjanti bl-ingrossa u/jew il-bejjiegħa bl-imnut u l-operaturi ekonomiċi li jinsabu barra mill-katina tal-provvista alimentari,
H. billi d-dħul medju ta' bidwi niżel b'aktar minn 12% fl-UE-27 fl-2009, li jfisser li l-bdiewa ma jistgħux jibqgħu jiġġeneraw dħul ġust minn xogħolhom u billi, minkejja dan, il-bdiewa u s-settur agroalimentari għad għandhom jipproduċu prodotti tal-ikel li jirrispettaw standards ta' kwalità estremament eżiġenti bi prezzijiet aċċessibbli għall-konsumatur, b'konformità mal-objettivi ddefiniti mill-PAK,
I. billi l-katina tal-provvista alimentari tinvolvi l-bdiewa, il-kooperattivi tal-"bdiewa", l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-industriji tal-ipproċessar tal-ikel, il-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut, il-katini tas-supermarkets, is-settur tal-kejtering, ir-ristoranti, il-provvista diretta mill-produzzjoni ta' sussistenza u privata u l-konsumaturi iżda wkoll operaturi ekonomiċi li jinsabu barra mill-katina tal-provvista alimentari, bħalma huma l-kumpaniji tal-komunikazzjonijiet u tal-promozzjoni, il-fornituri ta' trasport u loġistika, ta' enerġija u utilitajiet, ta' ppakkjar, ta' riżorsi tekniċi, ta' addittivi, ta' teknoloġiji u s-servizzi ta' konsulenza; billi din il-kumplessità u d-diversità għolja għandha titqies sabiex titjieb is-sostenibilità tal-katina kollha,
J. billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tidentifika problemi gravi bħall-abbuż tas-saħħa tax-xerrej li tkun dominanti, prattiki kuntrattwali inġusti (inklużi ħlasijiet li jsiru tard), modifiki kuntrattwali unilaterali, ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess għan-negozjati, aċċess limitat għas-suq, nuqqas ta' informazzjoni dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet u d-distribuzzjoni tal-marġnijiet tal-qligħ matul il-katina alimentari, marbutin mill-qrib maż-żieda fil-konċentrazzjoni osservata fis-setturi tal-produzzjoni, tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut,
K. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 tirrakkomanda l-promozzjoni u l-iffaċilitar tar-ristrutturar u l-konsolidament tas-settur agrikolu billi jiġi inkoraġġit il-ħolqien volontarju ta' orgnizzazzjonijiet ta' produtturi agrikoli,
L. billi l-globalizzazzjoni u l-proċessi ta' konċentrazzjoni, speċjalment fil-livell ta' kummerċ bl-imnut, ħolqu sitwazzjoni ta' żbilanċ bħalma hemm bejn il-partijiet differenti fil-katina alimentari, u r-realtà tal-lum hija waħda ta' għadd ċkejken ta' bejjiegħa bl-imnut, influwenti ħafna, li jinnegozjaw direttament jew indirettament ma' 13.4 miljun bidwi u ma' 310 000 impriża agroalimentari fl-Unjoni kollha,
M. billi konċentrazzjoni eċċessiva tissarraf fit-telfien tad-diversità tal-prodotti, tal-wirt kulturali, tal-ħwienet, tal-impjiegi u tal-mezzi tas-sussistenza,
N. billi l-Kummissjoni tiddikjara li l-iżbilanċi kuntrattwali assoċjati mas-setgħa inugwali tan-negozjar għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-katina tal-provvista alimentari peress li operaturi li jkunu iżgħar iżda effiċjenti jistgħu jkunu obbligati joperaw f'kundizzjonijiet ta' qligħ imnaqqas, li jillimitaw il-ħila u l-inċentivi tagħhom li jinvestu fil-kwalità mtejba tal-prodotti u fl-innovazzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni,
O. billi l-prodotti tal-ikel huma kkummerċjalizzati liberament fis-suq intern u l-eżitu tan-negozjati tariffarji bejn il-produtturi (organizzazzjonijiet), il-proċessuri, il-kummerċjanti u l-bejjiegħa bl-imnut spiss huwa ddeterminat mill-andament tal-prezzijiet fis-suq dinji,
P. billi d-differenza numerika enormi u fis-setgħa ekonomika bejn il-bdiewa u l-bejjiegħa bl-imnut hija indikazzjoni ċara ta' katina tal-provvista alimentari żbilanċjata u li bil-għan li jintlaħaq bilanċ numeriku, jeħtieġ li jiġi promoss l-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet ekonomiċi tal-bdiewa; billi l-kooperattivi jiżvolġu rwol ċentrali billi jżidu l-influwenza tagħhom u s-setgħa tagħhom ta' nnegozjar,
Q. billi l-Unjoni Ewropea hija integrata fil-kummerċ dinji u marbuta miegħu bi trattat,
R. billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar importatriċi u esportatriċi agrikola fid-dinja, bl-importazzjonijiet agrikoli tal-UE fl-2008 jiżdiedu b'madwar 10% għal EUR 98 600 miljun u bl-esportazzjonijiet jogħlew bi kważi 11% għal EUR 75 200 miljun,
S. billi l-Unjoni Ewropea diġà tagħti ħafna konċessjonijiet skont il-politika tagħha tal-għajnuna għall-iżvilupp, u billi l-ftehimiet bilaterali ma għandhomx isiru unilateralment askapitu tal-agrikoltura Ewropea,
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta' Ottubru 2009 intitolata "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" (COM(2009)0591), li tirrikonoxxi l-eżistenza ta' żbilanċi tal-poter kbar bejn l-operaturi differenti, iżda jqis li l-miżuri suġġeriti fil-Komunikazzjoni msemmija biex jindirizzaw din il-problema mhumiex biżżejjed.
2. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jittrattaw il-problema tad-distribuzzjoni inġusta tal-profitti fil-katina alimentari b'urġenza, speċjalment fir-rigward tad-dħul adegwat għall-bdiewa; jirrikonoxxi l-fatt li biex jiġu stimulati sistemi ta' produzzjoni sostenibbli u etiċi l-bdiewa jeħtieġ li jkunu kkumpensati għall-investimenti u l-impenji tagħhom f'dawn l-oqsma; jenfasizza li l-ġlieda għall-poter għandha tkun sostitwita b'relazzjonijiet ta' kooperazzjoni;
3 Jinnota li l-objettivi kollha relatati mal-agrikoltura msemmija fit-Trattati ta' Ruma (produttività akbar, provvista adegwata ta' ikel, prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi, stabbilizzazzjoni tas-suq) intlaħqu, bl-eċċezzjoni tal-objettiv tad-dħul ġust fl-agrikoltura; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex dan tqisu kif dovut fil-proposti baġitarji kollha;
4. Jagħraf il-ħtieġa għal settur produttiv stabbli, sikur u li jirrendi bħala fattur deċiżiv fil-katina alimentari; jinnota wkoll, madankollu, li l-katina alimentari hija magħmula minn diversi atturi – bdiewa, proċessuri, manifatturi, fornituri u bejjiegħa bl-imnut – li lkoll jipproduċu valur miżjud u li bl-istess mod jeħtieġu ċertu grad ta' sigurtà;
Trasparenza fil-prezzijiet
5. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-għodda Ewropea li tissorvelja l-prezzijiet tal-ikel bil-għan li ssir iktar faċli li tintuża billi tiġi inkluża interface multilingwi li tkopri numru akbar ta' prodotti tal-ikel u billi tintlaħaq paragunabilità aħjar tal-prezzijiet fuq kull ħolqa tal-katina tal-provvista alimentari fi ħdan u fost l-Istati Membri, biex b'hekk jiġi sodisfatt il-bżonn tal-konsumaturi u tal-bdiewa għal iktar trasparenza fil-formazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel;
6. Jiddeplora r-riluttanza tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq studju tad-distribuzzjoni tal-marġni tal-profitt tul il-katini tal-provvista kollha kif miftiehem fir-rigward tal-proċedura tal-baġit tal-2009;
7. Jirrimarka li żbilanċ fit-trasparenza tan-negozju bejn l-impriżi agrikoli u l-atturi kemm 'il fuq u kemm 'l isfel fil-katina alimentari jista' jkollha konsegwenzi negattivi għall-pożizzjoni ta' negozjar tal-gruppi tal-bdiewa u tal-produtturi;
8. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq malajr il-proġett pilota relatat mal-ħolqien ta' osservatorju Ewropew tal-prezzijiet u marġnijiet agrikoli (issupplementat b'data dwar il-prezzijiet, il-marġnijiet u l-volumi), li għalih il-Parlament u l-Kunsill adottaw approprjazzjoni li tammonta għal EUR 1.5 miljun skont l-baġit tal-2010, biex dan jiġi stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni u biex jinkludi tqabbil tal-ispejjeż ta' produzzjoni sostenibbli u tal-prezzijiet inizjali fl-azjenda agrikola għall-elementi li jiddifferenzjaw bejniethom il-prodotti konvenzjonali u etiċi f'setturi ewlenin tal-biedja tal-Istati Membri u sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm il-grupp ta' livell għoli tal-katina tad-distribuzzjoni alimentari bħala forum permanenti għad-diskussjoni, peress li wera ruħu strument sinifikanti għall-identifikazzjoni tal-problemi, għall-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet u għall-adozzjoni ta' strateġiji bil-għan li jirrimedja s-sitwazzjoni attwali ta' żbilanċ;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rapportar annwali obbligatorju mill-akbar kummerċjanti, proċessuri, bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut tal-Ewropa dwar sehemhom tas-suq (flimkien ma' data dwar il-marki privati) għall-oġġetti alimentari ewlenin u dwar il-volumi ta' bejgħ li jkollhom kull xahar sabiex is-sħab kollha tas-suq ikunu jistgħu jistmaw xi jkunu t-tendenzi fl-iżviluppi tad-domanda, tal-offerta u tal-prezzijiet fil-katina alimentari;
11. Jinnota li f'xi pajjiżi l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel għandha l-akbar marġni fil-katina alimentari, kif ġie kkonfermat ukoll mill-Kummissjoni; jitlob għalhekk li l-industrija tal-ipproċessar b'mod partikolari tiġi mmonitorjata u investigata sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza tal-prezzijiet;
12. Iqis li jeħtieġ li tiżdied it-trasparenza tas-suq u li jiżdied it-tagħrif fornut lill-konsumaturi bħala prerekwiżit biex jingħata riljev akbar lill-identità tal-prodotti u tkun iggarantita l-varjetà fl-ikel u fil-prodotti agrikoli u agroalimentari, li huma espressjoni tal-istorja u tal-kultura ta' bosta pajjiżi u reġjuni u jirriflettu n-natura 'distintiva' tal-agrikoltura f'kull Stat Membru;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmilha obbligatorja li fid-dokument ta' transazzjoni tingħata prova ċara tal-valur ta' dak li l-fornitur ikun qed ibigħ, kif ukoll il-prezz reali nett marbut mat-transazzjoni;
14. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-benefiċċji li jkun hemm qafas ġuridiku mtejjeb li jkopri marki privati ta' kwalità u tad-distributuri, bil-għan li tiġi evitata l-multiplikazzjoni tagħhom u ħalli jkun hemm trasparenza akbar għall-konsumatur u aċċess għas-suq akbar għall-produttur;
15. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa żieda fil-valur miżjud fil-produzzjoni Ewropea tal-ikel agrikolu u li jiġu mnedija kampanji ta' tagħrif għall-konsumaturi dwar l-isforzi li jsiru mill-bdiewa u mill-industrija fir-rigward tal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel u l-benesseri tal-bhejjem;
Kompetizzjoni
16. Jistieden lill-awtoritajiet kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej inkarigati mill-kompetizzjoni, u awtoritajiet ta' regolamentazzjoni oħra involuti fil-produzzjoni u fil-kummerċ, biex b'mod robust jindirizzaw il-pożizzjoni dominanti u s-sehem sinifikanti tas-suq li għandhom il-kummerċjanti, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut tal-industrija agroalimentari li joperaw fil-katina tal-provvista alimentari; iħeġġeġ lil dawn l-awtoritajiet jieħdu azzjoni kontra prattiki abbużivi tax-xerrejja min-naħa tal-atturi kollha li jpoġġu lill-bdiewa f'pożizzjoni estremament inugwali ta' negozjar;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi relazzjoni ġdida bejn ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-PAK, bil-għan li lill-bdiewa u lill-organizzazzjonijiet interprofessjonali tagħhom jingħatawlhom l-għodod li jippermettulhom jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fin-negozjati;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-konsegwenzi tal-penetrazzjoni sinifikanti tas-suq minn bejjiegħ bl-imnut waħdieni jew minn għadd żgħir ta' bejjiegħa bl-imnut fi Stat Membru partikolari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-possibilità li tintroduċi miżuri korrettivi - għall-ġid tal-produtturi u tal-konsumaturi - fejn il-prattika tal-bejjiegħa bl-imnut jew is-sehem tagħhom mis-suq jinstab li jkollu effett antikompetittiv;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa tmiem l-2010, rapport lill-Parlament li fih tagħti d-data dwar l-abbuż tas-setgħa tax-xerrej fl-UE, l-imġiba antikompetittiva u prattiki kuntrattwali inġusti tul il-katina alimentari mis-settur li jipprovdi l-prodotti intermedji sal-konsumatur, u tipproponi tweġibiet idonei;
20. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu, fejn xieraq, lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom inkarigati mill-kompetizzjoni ambitu akbar għall-azzjoni billi joħolqu mekkaniżmi sempliċi għall-ġbir ta' provi fir-rigward ta' tgħawwiġ tal-kompetizzjoni permezz ta' prattiki kuntrattwali inġusti;
21. Iqis li hemm il-ħtieġa li fil-livell Komunitarju jiġi pprojbit li jsir bejgħ bi prezz aktar baxx minn dak tax-xiri;
22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti bidu għal inkjesta dettaljata għalkollox tas-settur tul il-katina tal-provvista alimentari biex jiġi ddeterminat il-livell tal-abbużi tas-setgħa tax-xerrej fis-settur; jiġbed l-attenzjoni lejn is-suċċess tal-inkjesta dwar il-kompetizzjoni fi ħdan is-settur farmaċewtiku fl-2009;
23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-kriterji użati attwalment biex tiġi vvalutata l-imġiba antikompetittiva (Indiċi Herfindahl); dan l-indiċi, li huwa utli biex jiġu vvalutati r-riskji tal-monopolju, ma jistax ikejjel il-kobor veru tal-prattiki antikompetittivi li huma ta' natura kollużiva jew oligopolistika, kif jidher li qed jiġri, tal-anqas parzjalment, fil-bejgħ bl-imnut fuq skala kbira;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi applikazzjoni mmirata aħjar tar-regoli fil-katina alimentari u tqis il-proposti leġiżlattivi lill-Parlament u lill-Kunsill f'dan ir-rigward, biex jiġi limitat b'mod effikaċi l-iżvilupp ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq fi ħdan is-setturi tal-prodotti intermedji, l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u s-settur tal-bejgħ bl-imnut u tissaħħaħ is-setgħa ta' negozjar li jkollhom il-bdiewa biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni koordinata kontra atturi dominanti permezz ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u impriżi żgħar u ta' daqs medju effiċjenti;
25. Huwa tal-fehma li tintħieġ reviżjoni urġenti tar-Regolament 1234/2007 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS) biex dawn l-organizzazzjonijiet jissaħħew, u li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-regolament għandu jitwessa' biex jinkludi prattiki ta' produzzjoni sostenibbli bħala kundizzjoni għal eżenzjoni mill-Artikolu 101 TFUE;
26. Iqis li, fuq livell tal-UE, se jkun jinħtieġ ċertu grad ta' koordinament u ta' armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali kontra l-prattiki kummerċjali inġusti;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi għal diversifikazzjoni leġiżlattiva għal prodotti li jkollhom bażi territorjali qawwija, li jkunu kkaratterizzati min-natura speċifika, distintiva, lokali jew reġjonali tagħhom, apparagun mal-prodotti standardizzati;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri biex tkun żgurata s-sopravivenza ta' diversi karatteristiċi nutrizzjonali, ambjentali u marbuta mas-saħħa u biex ikun żgurat li diversità bħal din tkun tikkorrispondi għal prezzijiet xierqa; essenzjalment, il-kompetizzjoni għandha tiġi żviluppata wkoll fuq il-bażi ta' diversi karatteristiċi ta' kwalità li għandhom ikunu jistgħu jitkejlu kif dovut;
Abbuż tas-setgħa tax-xerrej u tal-kuntrattar
29. Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni ma tkunx injorata mill-abbuż (mhux tfixkil) tas-setgħa tax-xerrej fil-katina alimentari li spiss jiġri fil-forma ta' arretrati lill-bdiewa jew lill-proċessuri ż-żgħar, alterazzjonijiet sussegwenti tat-termini tal-kuntratti, skontijiet furzati, bejgħ mill-ġdid b'telf, rekwiżiti ta' volum eċċessivament kbir u ħlasijiet inġustifikati ta' inklużjoni fil-listi, u tagħmel proposti leġiżlattivi adegwati jekk dan ikun meħtieġ;
30. Jitlob partikolarment li l-perjodi ta' ħlas tul il-katina tal-provvista alimentari jiqsaru għal massimu ta' 30 ġurnata għall-prodotti tal-ikel u inqas għall-prodotti agrikoli li jistgħu jitħassru malajr, bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Dirattiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (għandhom jitqiesu bħala eċċezzjonijiet fil-każ ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u kooperattivi);
31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi espansjoni tal-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni lil hinn mill-ambitu dejjaq attwali tagħha li jiffokalizza fuq il-benesseri tal-konsumatur u fuq it-tħassib rigward prezzijiet baxxi tal-ikel;
32. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-prattiki agrikoli għall-produzzjoni ta' frott u ħaxix u ta' residwi ta' pestiċidi meħtieġa mill-katini individwali tad-distribuzzjoni, b'ambitu usa' meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ, jistgħux jillimitaw il-kummerċ ħieles u jsaħħu inġustament il-pożizzjoni tal-distributuri fil-katina tal-provvista alimentari;
33. Jitlob li titfassal lista tal-prattiki abbużivi tas-suq, bħalma huma l-bejgħ b'kost u l-kummissjonijiet tal-bejgħ, u l-projbizzjoni espliċitu tagħhom mill-UE; Jitlob li tixxandar lista pubblika tal-kumpaniji li ma jirrispettawx ir-regoli u li tiddaħħal sistemi ta' sanzjonijiet;
34. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk u sa liema punt l-użu ħażin ta' marki privati (prodotti ta' "marka proprja") u l-prattiki ta' xiri ta' alleanzi mill-katini ta' supermarkets iwasslu kompetizzjoni u pressjoni inġusta fuq il-bdiewa u t-tnaqqis sistematiku tal-prezzijiet tal-produtturi; jisħaq li l-użu ħażin ta' marki privati għandu impatt avvers fuq il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-produtturi (speċjalment il-produtturi ż-żgħar); Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni f'dan ir-rigward ħalli l-bdiewa u l-gruppi ta' produtturi jiġu ttrattati b'mod ġust fil-proċess ta' formazzjoni tal-prezzijiet;
35. Hu tal-fehma li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li tiżdied l-integrazzjoni vertikali tal-industrija alimentari mhux dejjem jirriflettu l-ħtieġa għal bilanċjament mill-ġdid tas-setgħa tan-negozjar bejn il-bdiewa, id-distributuri u l-industrija alimentari, u li dawk l-istrateġiji għalhekk għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri ħalli l-prattiki abbużivi jiġu skuraġġiti;
36. Iwissi li l-biedja kuntrattwali imposta mix-xerrejja, l-integrazzjoni vertikali u l-futures, li qed jiżvolġu rwol dejjem aktar importanti, aktarx idgħajfu l-kompetizzjoni u l-pożizzjonijiet ta' negozjar tal-bdiewa; jistieden għaldaqstant il-Kummissjoni teżamina l-effetti tal-arranġamenti kuntrattwali ta' dan it-tip u tieħu azzjoni xierqa jekk din tkun meħtieġa;
37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kuntrattar ġust bejn l-operaturi kollha tal-katina tal-provvista alimentari bbażat fuq kundizzjonijiet innegozjati mal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa u tal-produtturi, fosthom organizzazzjonijiet settorjali u interprofessjonali, ħalli jissaħħew prattiki agrikoli sostenibbli u tiġi ggarantita l-aħjar kwalità possibbli, jitnaqqsu l-prezzijiet tax-xiri għall-prodotti intermedji u jiġu garantiti prezzijiet ġusti, u ħalli jipprovdu sistema ta' viġilanza faċilment aċċessibbli tal-ksur tal-kuntratti mix-xerrejja; hu tal-fehma li l-kuntratti standard jafu jkunu strumenti siewja u f'xi setturi l-implimentazzjoni tagħhom għandha ssir obbligatoria; jappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki relatati man-notifika tal-prattika kuntrattwali bejn l-Istati Membri, inkluż l-għoti ta' informazzjoni lill-Kummissjoni;
38. Jilqa' favorevolment u jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' ombudsmen għas-settur alimentari bl-imnut u mekkaniżmi oħra ta' arbitraġġ immirati li jiggarantixxu r-rispett tal-ftehimiet kuntrattwali; jistieden lill-Kummissjoni teżamina esperjenzi f'dan ir-rigward bil-għan li jiġi stabbilit ombudsman għas-settur tal-bjegħ bl-imnut ta' prodotti alimentari li jkollu l-kompitu li jiggarantixxi l-esegwibilità tal-kodiċijiet tal-kondotta, tal-aħjar prattiki u tal-kuntratti fit-transazzjonijiet fost operaturi ta' Stati Membri differenti;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tiżvela prattiki inġusti fir-rigward tal-ħlasijiet għall-inklużjoni fil-listi u ħlasijiet oħra għat-tqegħid fis-suq u teżaminahom skont il-liġi tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regoli uniformi dwar l-użu tal-ħlasijiet għall-inklużjoni fil-listi u ħlasijiet oħra għat-tqegħid fis-suq u, b'mod partikolari, tieħu azzjoni kontra l-ħlasijiet eċċessivi mitluba mid-distributuri;
40. Jemmen li l-Kummissjoni jeħtieġ li tippromwovi kampanja ta' tagħrif fuq skala kbira f'livell Ewropew li tissensiblizza lill-bdiewa rigward drittijiethom, il-prattiki abbużivi li tagħhom jistgħu jkunu d-destinatarji, u l-mezzi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiddenunzjaw l-abbużi;
Spekulazzjoni
41. Jistieden lill-Unjoni Ewropea teżerċita pressjoni favur il-ħolqien ta' aġenzija dinjija indipendenti ta' regolamentazzjoni li tistabbilixxi r-regoli dwar futures fuq prodotti bażiċi u fuq skambju ta' għażliet u li timplimenta miżuri ta' regolamentazzjoni rigorużi kontra l-ispekulazzjoni globali fuq prodotti alimentari bażiċi;
42. Jitlob li, fid-dawl tal-orjentament tas-suq li kulma jmur qed jiżdied, jittieħdu miżuri biex jilqgħu kontra l-volatilità estrema tal-prezzijiet, peress li xi operaturi fil-katina alimentari qed jieħdu vantaġġ minn dak il-fenomenu filwaqt li oħrajn huwa ċar li qed iġarrbu l-ħsara minnu; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-istrumenti jrażżnu l-volatilità tal-prezzijiet ħalli b'hekk tonqos il-vulnerabilità tal-produtturi;
43. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kompetenzi tal-awtoritajiet Ewropej fil-qasam tal-iskambju tal-materja prima bil-għan li tiġi evitata l-ispekulazzjoni fuq il-prodotti alimentari bażiċi u ħalli taħdem favur l-implimentazzjoni ta' miżuri adegwati fuq il-livell tal-UE li jevitaw li l-ispekulazzjoni fuq prodotti bażiċi mhux agrikoli tinfluwenza l-futures agrikoli;
44. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sorveljanza u t-trasparenza ġenerali tas-swieq tad-derivati mill-prodotti agrikoli bażiċi kif ukoll biex issaħħaħ it-trasparenza għall-attivitajiet barra l-Borża fil-kuntest tar-reviżjoni tal-MiFID li se ssir dalwaqt u leġiżlazzjoni rilevanti oħra;
Awtoregolamentazzjoni
45. Iħeġġeġ lill-Kunsill ikompli jinkoraġġixxi l-inizjattivi ta' awtoregolamentazzjoni u l-possibilità li jiġu stabbiliti fondi ta' investiment komuni biex ilaħħqu mal-kriżi ekonomika, bil-għan li jissaħħu l-pożizzjonijiet ta' negozjar tal-bdiewa, speċjalment permezz tal-appoġġ għall-organizzazzjonijiet ekonomiċi u tal-produtturi, għall-organizzazzjonijiet settorjali u għall-kooperattivi tal-bdiewa;
46. Jinkoraġġixxi l-Istati Membri jfasslu kodiċijiet ta' prattiki kummerċjali tajba għall-katina alimentari, fosthom mekkaniżmi għall-ilmenti u sanzjonijiet għall-prattiki inġusti; Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi kodiċi komuni, applikat fl-UE kollha, sabiex ir-relazzjonijiet fil-katina tal-provvista alimentari jerġgħu jkunu bbilanċjati; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tifformula proposta għall-applikazzjoni mekkaniżmu, mifrux fuq l-UE kollha, għall-monitoraġġ tar-relazzjonijiet bejn il-bejjiegħa bl-imnut dominanti u l-fornituri tagħhom permezz ta' korpi speċjalizzati fl-Istati Membri;
47. Iqis li jeħtieġ li tiġi promossa integrazzjoni aktar mill-qrib tad-diversi ħoloq tal-katina fil-kuntest tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u li jitfasslu kuntratti standard volontarji, bil-possibilità li, f'ċerti każijiet u speċjalment għall-prodotti li jitħassru malajr, l-Istati Membri jeżiġu li dawn isiru vinkolanti.
Sistemi alimentari sostenibbli, kwalità tal-ikel
48. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha, ma tqegħidx aktar enfasi fuq l-importanza tal-agrikoltura fil-katina tal-valur ekonomiku tal-provvista alimentari u tal-industrija alimentari; jisħaq fuq il-korrelazzjonijiet bejn prezzijiet inizjali baxxi fl-azjenda agrikola u l-produzzjoni strutturali eċċessiva u l-konsegwenzi tagħhom fuq is-sostenibilità, il-kwalità tal-ikel, il-benesseri tal-bhejjem, l-innovazzjoni agrikola u l-impjiegi f'reġjuni żvantaġġati;
49. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' strumenti biex jiġu appoġġati u promossi katini tal-provvista alimentari mmexxija mill-bdiewa, il-katini qosra tal-provvista u s-swieq tal-bdiewa, bil-għan li tiġi stabbilita relazzjoni diretta mal-konsumatur u biex il-bdiewa jkunu jistgħu jiksbu sehem aktar ġust mill-valur tal-prezz finali tal-bejgħ billi jitnaqqas l-għadd ta' intermedjarji u ta' stadji fil-proċess;
50. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toqgħod partikolarment attenta, fl-attivitajiet tagħha, għas-sitwazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex ma tqegħidx fil-periklu l-awtoprovvista alimentari f'dawn il-pajjiżi terzi;
51. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istandards ta' iġjene tal-UE fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni lokali u mill-bogħod u t-tul ta' żmien ta' kemm il-prodotti jibqgħu tajbin, biex tiddeċentralizza u tissemplifika s-sistemi ta' ċertifikazzjoni u kontroll u biex tippromwovi relazzjonijiet diretti bejn il-produttur u l-konsumatur u katini qosra tal-provvista alimentari;
52. Iqis li għandu jingħata trattament preferenzjali lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, lill-kooperattivi tal-bdiewa u lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju meta jiġu aġġudikati kuntratti ta' akkwist pubbliku fil-katini tal-provvista alimentari; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tissuġġerixxi miżuri f'dan ir-rigward;
53. Jafferma l-importanza u l-ħtieġa ta' regolamenti robusti dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2010 dwar il-politika li tirrigwarda l-kwalità tal-prodotti agrikoli, u jafferma l-ħtieġa imperattiva li l-prodotti importati jikkonformaw mal-istandards kollha tal-kwalità u tal-manifattura sabiex il-prodotti Ewropej jiġu mħarsa minn kompetizzjoni inġusta fil-konfront tagħhom;
54. Ifakkar li l-istabbilità tad-dħul tal-bdiewa tiddetermina l-kapaċità tagħhom li jinvestu f'teknoloġiji ħodor, fil-mitigazzjoni tal-klima u f'għejun ta' enerġija rinnovabbli, u miżuri ta' ħarsien ambjentali għall-agrikoltura sostenibbli, u barra minn hekk li l-bdiewa jkunu meħtieġa jissodisfaw standards ambjentali għolja, u li barra minn hekk dawn ir-rekwiżiti se jkomplu jissaħħu aktar fil-Politika Agrikola Komuni ta' wara l-2013;
55. Iqis li hu essenzjali li tittejjeb l-organizzazzjoni tal-katina tal-provvista alimentari u li tkompli tiġi razzjonalizzata bil-għan li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport tal-ikel (il-mili li jivvjaġġa l-ikel) u tkun promossa l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel lokali;
56. Jenfasizza li l-investiment f'faċilitajiet għall-konservazzjoni u l-impakkettar tal-prodotti tal-biedja jista' jagħti kontribut sinifikanti għall-iżgurar ta' prezzijiet ġusti għal dawn il-prodotti;
57. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija rurali billi jiġu inkoraġġiti l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli fl-azjendi agrikoli, kif ukoll attivitajiet mhux agrikoli, bil-għan li jiżdied il-għadd tal-impjiegi u jiġi ġġenerat dħul addizzjonali;
58. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-inizjattivi lokali u reġjonali tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel u ma tgħabbihomx bla bżonn b'regolamenti u burokrazija, billi jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jiġi ġġenerat il-valur miżjud mill-impriżi agrikoli;
Awtoprovvista, kejtering pubbliku, ħela ta' ikel
59. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni dovuta, hija u tirrevedi l-istandards tal-UE, lill-produtturi tal-ikel fuq livell lokali wkoll bħalma huma dawk involuti fil-produzzjoni ta' sussistenza;
60. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-modifiki eventwali lir-regoli dwar il-prattiki ta' akkwist pubbliku għas-servizzi ta' kejtering bil-għan li jissaħħu l-prattiki ta' biedja sostenibbli u l-benesseri tal-bhejjem u jiġi żviluppat l-ikel staġjonali u lokali;
61. Iqis li l-akkwist pubbliku, pereżempju fil-kuntest ta' programmi speċifiċi għall-prodotti tal-ħalib, frott u ħaxix li qed jiġu implimentati fl-iskejjel, għandu jiggarantixxi l-aċċess għall-produtturi lokali żgħar u għall-gruppi tal-produtturi lokali;
62. Iqis li għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu inkoraġġiti swieq agrikoli li jkunu amministrati direttament mill-bdiewa, il-ħolqien ta' ċentri ta' bejgħ fejn il-produtturi jistgħu joffru l-prodotti tagħhom direttament lill-konsumaturi u l-introduzzjoni ta' programmi biex jiġi inkoraġġit il-bejgħ ta' prodotti fis-swieq lokali;
63. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza, f'rapport indirizzat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-ħela enormi ta' ikel fil-katina alimentari, li fil-maġġoranza tal-Istati Membri tilħaq sa 30% tal-ikel prodott, kif ukoll tieħu azzjoni permezz ta' kampanja ta' sensibilizzazzjoni dwar il-valur essenzjali tal-ikel;
64. Jafferma l-ħtieġa li jiġu żviluppati programmi alimentari għal dawk iċ-ċittadini tal-UE li jeħtiġuhom, bħalma huma dawk l-aktar żvantaġġati, l-anzjani u ż-żgħażagħ;
65. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/food/files/high_level_group_2008/documents_hlg/final_recommendations_hlg_17_03_09_en.pdf
- [2] Testi adottati f'dik id-data, P6_TA(2009)0191
- [3] Testi adottati f'dik id-data, P6_TA(2008)0054
- [4] http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/10/st08/st08099.mt10.pdf
- [5] Introduzzjoni ta' COM (2009)591
NOTA SPJEGATTIVA
Fost l-objettivi ewlenin tal-Politika Agrikola Komuni kien hemm u għad hemm il-garanzija ta' dħul ġust għall-bdiewa. Madankollu, meta nqabbluha ma' objettivi bħaż-żieda fil-produttività u l-kompetittività dinjija tal-industrija alimentari Ewropea, jidher li d-dħul ġust għall-bdiewa ma jinsabx fost l-ewwel punti tal-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament u lill-Kunsill bi problemi gravi li jikkompromettu l-funzjonament korrett tal-katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa. Dawn ħarġu iktar fid-dieher minħabba l-volatilità drammatika tal-prezzijiet tal-materja prima fis-settur agrikolu u alimentari. Dawn il-problemi jidhru marbutin mill-qrib maż-żieda fil-konċentrazzjoni osservata fis-setturi tal-industriji tal-ipproċessar, tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut u tal-katini tas-supermarkets, is-setgħa fis-suq li qiegħda tiżdied u d-diversi prattiki ta' abbuż tas-setgħa dominanti tax-xerrej fil-katina alimentari.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika għadd ta' prattiki kuntrattwali inġusti, aċċess limitat għas-suq u ħlasijiet inġustifikati imposti fuq il-produtturi biex jelenkaw il-prodotti tal-ikel fis-settur tal-imnut. Il-komunikazzjoni tqajjem ukoll il-kwestjoni dwar ir-raġuni għala l-bdiewa qegħdin isofru minn tnaqqis fil-prezzijiet inizjali fl-azjenda agrikola fi kważi s-setturi kollha filwaqt li l-konsumaturi qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' prezzijiet kostanti jew li qed jogħlew għall-prodotti finali li jixtru. Huwa madankollu diffiċli li jinkiseb tagħrif dwar il-marġnijiet ta' profitt fis-settur.
Bħala tweġiba għal dawn il-problemi, il-Kummissjoni tissuġġerixxi titjib fit-trasparenza fil-prezzijiet tul il-katina alimentari ħalli tiżdied il-kompetittività u b'hekk tiġi miġġielda l-volatilità tal-prezzijiet u fluss ta' informazzjoni aħjar bejn is-sħab tas-suq dwar l-offerta u d-domanda, il-prezzijiet u l-kuntrattar. Madankollu, attwalment, fl-Istati Membri u fil-livell ta' UE, ftit li xejn hemm data disponibbli dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet fil-livell tal-ipproċessar, il-kummerċ u l-kummerċjalizzazzjoni.
Dan ir-rapport jinkludi proposti li nġabru abbażi ta' dokument ta' ħidma li ħejjielkom ir-rapporteur tagħkom bi-tir li jistieden lill-partijiet interessati kollha jesprimu fehmiethom dwar il-kwestjonijiet ewlenin fir-rigward tal-funzjonament aħjar tal-katina alimentari u dħul ġust għall-bdiewa. L-abbozz ta' riżoluzzjoni għamlet tagħha ħafna minn dawn il-proposti sabiex tiżdied ir-riflessjoni dwar soluzzjonijiet eventwali u biex jagħmel appell lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu azzjoni b'urġenza.
1. Trasparenza
Il-Kummissjoni tissuġġerixxi miżuri biex tiżdied it-trasparenza fil-prezzijiet fis-settur alimentari. Fosthom insibu prinċipalment it-titjib fit-trasparenza tas-swieq tad-derivati mill-prodotti agrikoli bażiċi sabiex ikun hemm kontroll tal-ispekulazzjoni eċċessiva u tal-volatilità tal-prezzijiet għall-prodotti agrikoli bażiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tissuġġerixxi għodda li tissorvelja l-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa u servizzi ta' tqabbil faċilment aċċessibbli tal-prezzijiet bl-imnut tal-ikel.
Madankollu, dawn il-proposti ma jinkludux miżuri li aktarx iżidu t-trasparenza fid-distribuzzjoni tal-valur miżjud u tal-marġnijiet ta' profitt bejn u fid-diversi setturi tal-katina alimentari; informazzjoni li tikxef l-ispejjeż reali tal-produzzjoni tal-bdiewa meta mqabbla mal-prezzijiet offruti lix-xerrejja u konsegwenzi relatati fuq il-prattiki produttivi, il-kwalità tal-ikel u r-ristrutturar tas-settur, l-impatti negattivi fuq l-ambjent u esternalitajiet paragunabbli; jew informazzjoni dwar l-influwenza ta' produzzjoni eċċessiva strutturali kkawżata minn ċerti politiki fuq il-kwantitajiet tal-provvista u t-tnaqqis relatat fil-prezzijiet tal-produttur.
2. Kompetizzjoni
Il-Kummissjoni tissuġġerixxi miżuri biex titjieb il-kompetizzjoni fil-katina alimentari Ewropea,
prinċipalment billi tkompli tiżdied l-integrazzjoni tal-industrija alimentari fis-suq intern u billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista li huma f'kunflitt mal-prinċipji tas-suq intern. Il-Kummissjoni teżamina wkoll l-istandards ambjentali u l-iskemi tat-tikkettar tal-oriġini li jistgħu jimpedixxu l-kummerċ transkonfinali kif ukoll tissuġġerixxi li titwaqqaf l-iżvilupp ta' skemi tat-tikkettar tal-oriġini nazzjonali u reġjonali li jiġu sostitwiti minn qafas ġdid għall-indikazzjonijiet ġeografiċi, standards ta' kummerċjalizzazzjoni u skemi ta' ċertifikazzjoni fil-politika tagħha dwar il-kwalità.
Madankollu, ir-rapporteur tagħkom jiddeplora l-fatt li dawn il-proposti ma jqisux id-diversità kbira fl-istruttura territorjali, id-daqs, il-livell ta' speċjalizzazzjoni, il-kapaċitajiet ta' impjieg u l-aċċess għall-appoġġ pubbliku tal-diversi impriżi żgħar, medji u kbar involuti fil-katina alimentari; is-setgħa estremament inugwali tan-negozjar li għandhom il-bdiewa, meta mqabbla mal-proċessuri, il-bejjiegħ bl-ingrossa u bl-imnut li wasslet għal prattiki abbużivi min-naħa tax-xerrej u mġiba antikompetittiva; l-ambizzjoni u l-prestazzjoni baxxi tal-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej fil-qasam tal-kompetizzjoni biex jindirizzaw dawn l-asimmetriji u biex jieħdu miżuri adegwati; u l-"gwerra tal-prezzijiet" li għaddejja fi kważi l-Istati Membri kollha bejn il-katini tas-supermarkets.
3. Ristrutturar tal-agrikolutura u l-katina alimentari
Il-Kummissjoni tissuġġerixxi miżuri għar-ristrutturar tas-settur agrikolu u tal-katini alimentari u għall-inkoraġġiment tal-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi agrikoli. Il-Kummissjoni, bħala eżempju, tissuġġerixxi li tingħata attenzjoni partikolari lis-settur tal-ħalib u jkun injorat numru sostanzjali ta' prodotti tal-ikel ipproċessati ħafna li jiffurmaw il-maġġoranza tal-konsum tal-familji. Tipprevedi wkoll il-ħolqien ta' Grupp ta' Livell Għoli li l-għan tiegħu jkun it-titjib tal-kompetittività tas-settur agroalimentari, partikolarment tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju, u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-esportazzjoni fis-settur.
Madankollu, dawn il-proposti ma jqisux id-diversità kbira tal-istrutturi agrikoli u d-daqs tal-azjendi agrikoli u r-rabtiet rispettivi tagħhom mas-swieq lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali; id-diveristà kbira tal-industriji tal-ipproċessar u l-livelli differenti ta' kompetittività fir-rigward tas-swieq u l-katini tal-provvista li jinsabu inkorporati fihom; id-diversità fost il-bejjiegħa bl-imnut lokali u indipendenti, tas-swieq, tal-katini alimentari lokali u tas-sistemi tal-provvista alimentari ta' sussistenza parzjali li ma jiddependux mill-iżvilupp tas-suq; id-dipendenza għolja minn inputs esterni u spiss importati u l-vulnerabilità ta' produtturi agroindustrijali fil-katina alimentari meqjusa bħala l-aktar kompetittivi fis-suq dinji; l-għajbien b'ritmu mgħaġġel tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju, tal-bejjiegħa bl-imnut u tal-ħwienet, speċjalment f'żoni rurali żvantaġġati; u l-kunflitt bejn ir-regoli Ewropej fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-intenzjoni espressa mill-Kummissjoni li ssaħħaħ is-setgħa tan-negozjar tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex ikunu jistgħu jilħqu prezz ġust għall-produzzjoni tagħhom.
4. Abbuż tas-setgħa tax-xerrej u tal-kuntrattar
Il-Kummissjoni tqis li tinħtieġ azzjoni biex jiġu eliminati l-prattiki kuntrattwali inġusti bejn l-atturi kummerċjali tul il-katina tal-provvista alimentari kollha. Tagħmel enfasi fuq il-prattiki bħal arretrati u ħlasijiet tardivi, bidliet unilaterali fil-kuntratti, ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess għas-supermarkets u ħafna aktar.
Madankollu, il-proposti għal miżuri kontra dawn il-prattiki huma limitati għal skambju ta' prattiki tajba, kampanji ta' sensibilizzazzjoni u t-tħejjija ta' kuntratti standard volontarji. Barra minn dan, il-proposti ma jinkludux miżuri kontra prattiki li jimponu prezzijiet inizjali baxxi fl-azjenda agrikola permezz ta' rekwiżiti ta' volum kbir, "marġnijiet negattivi" (prezzijiet esklussivi għal xerrej wieħed); miżuri li jiffissaw ħlasijiet massimi ta' dħul fil-listi u miżuri kontra t-theddid ta' tħassir mil-lista; miżuri kontra l-preklużjoni tal-provvisti, ħlasijiet inġustifikati għall-imballaġġ, spejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni, skontijiet ta' wara l-bejgħ u pagamenti retroattivi; miżuri kontra dewmien inġustifikat fil-ħlasijiet, kif jiġri fi kważi l-katini kollha bl-imnut u kontra kontribuzzjoni żejda għall-ħlasijiet tal-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni biex ikopri l-ispejjeż għan-nuqqasijiet tas-suq; jew miżuri biex titjieb il-kompetenza tal-produtturi u tal-konsumaturi dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet tul il-katina alimentari kif ukoll miżuri li jikkontrollaw il-konċentrazzjoni tal-prattika tal-bejgħ f'pakketti (bundlers) u l-punti ta' kuntatt mal-konsumatur (buying desks) fil-livell Ewropew.
5. Bejgħ mill-ġdid b'telf
Skont il-prattiki antikompetittivi, il-Kummissjoni ma semmietx speċifikament il-prattiki ta' bejgħ mill-ġdid b'telf li huma mifruxin sew mal-Ewropa. Il-Kummissjoni madankollu tindika għadd konsiderevoli ta' kartelli u każijiet ta' żamma tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid; kummerċjalizzazzjoni konġunta u ftehimiet ta' xiri konġunti (alleanzi ta' xiri); arranġamenti ta' bejgħ abbinat u f'pakkett (tying and bundling); u żieda fl-użu ta' marki privati.
Madankollu, il-komunikazzjoni la tinkludi d-data u lanqas l-analiżi dwar il-prattiki tal-bejgħ mill-ġdid u telf li jikkumpilaw bħall-"kartell tal-għaġin" fl-Italja, jew każijiet analogi fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Irlanda u fl-Istati Membri l-ġodda; proposti li jqisu l-esperjenzi tad-diversi Stati Membri fl-applikazzjoni ta' liġijiet nazzjonali kontra l-prattiki ta' bejgħ mill-ġdid b'telf u li jistgħu jagħmlu l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE iktar effikaċi fil-prevenzjoni u l-waqfien ta' dawn il-prattiki.
Barra minn hekk, il-ħidma tal-Osservatorju Ewropew tal-Prezzijiet u Marġnijiet Agrikoli tista' tipprevedi d-definizzjoni ta' prezz minimu li jkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni u jiggarantixxi dħul ġust għall-bdiewa. Dan il-prezz ikun iservi ta' referenza matul in-negozjati bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u s-setturi li jiffurmaw il-kumplament tal-katina alimentari sabiex lill-bdiewa jkunilhom projbit il-bejgħ b'telf.
6. Titjib tal-kwalità tal-ikel u sistemi alimentari sostenibbli
Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ma kkunsidratx ir-relazzjonijiet rilevanti li jirrigwardaw il-prezz bejn id-daqsijiet tal-irziezet u l-prezzijiet inizjali fl-azjenda agrikola; id-differenza fid-dipendenza tal-irziezet mir-riżorsi esterni (enerġija, għalf, eċċ.), is-sostenibilità tal-prattiki agrikoli fid-dawl tal-isfidi l-ġodda bħat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità kif imsemmi fil-verifika tas-saħħa tal-PAK u l-istrateġija ekonomika tal-UE għall-2010; ir-rilevanza tal-istandards ta' iġjene tal-UE fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni lokali jew mill-bogħod u t-tul ta' żmien ta' kemm il-prodotti jibqgħu tajbin; u l-kriterji differenti għall-kwalità tal-ikel li jmorru lil hinn mis-sigurtà tal-ikel.
It-titjib fil-mod kif jaħdmu l-katini alimentari għandu jinkludi d-distinzjoni u r-reviżjoni tar-regoli tal-iġjene; id-deċentralizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tas-sistemi ta' ċertifikazzjoni u kontroll; promozzjoni ta' relazzjonijiet diretti bejn il-produttur u l-konsumatur u katini tal-provvista alimentari qosra, li l-benefiċċji ta' sostenibilità tagħhom ġew dokumentati minn proġetti ta' riċerka tal-KE; l-involviment tal-produtturi u l-konsumaturi fl-elaborazzjoni tal-kriterji ta' kwalità u kummerċ ġust;
7. Awtoprovvista, katini alimentari pubbliċi, kejtering u ħela ta' ikel
Il-komunikazzjoni ma tikkunsidrax il-prattiki li ġejjin:
- katini alimentari li mhumiex integrati jew li huma integrati biss parzjalment fl-ekonomija tas-suq, eż. produzzjoni ta' sussistenza jew ta' sussistenza parzjali, li għadha tipprovdi parti importanti mill-provvista tal-ikel f'ħafna Stati Membri, speċjalment fis-settur tal-frott u l-ħaxix;
- kejtering pubbliku u privat (inklużi kantins u ristoranti), li għandu l-eżiġenzi, l-istrutturi tariffarji u r-regoli tal-kompetizzjoni speċifiċi tiegħu;
- kriterji ta' sostenibilità ambjentali għall-prattiki tax-xiri tal-ikel (servizzi ta' kejtering) bħala mezz ta' titjib tal-kwalità tal-ikel u l-iżvilupp ekonomiku lokali, filwaqt li jitnaqqsu wkoll 'il-mili li jivvjaġġa l-ikel' u d-dipendenza agrokimika;
- telf estremament kbir ta' ikel fil-katina alimentari kollha, li fil-maġġoranza tal-Istati Membri jammonta sa 30% tal-ikel prodott u kkummerċjalizzat;
- l-influwenza importanti tal-Programm Ewropew għall-Għajnuna Alimentari fuq il-katina tal-provvista alimentari li jitma' 43 miljun ruħ fqira fl-Ewropa u li hemm bżonn li jiġi rivedut fir-rigward ta' rabta aħjar bejn il-produtturi lokali u l-konsumaturi tal-ikel.
8. Spekulazzjoni
Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jappella għal miżuri adegwati kontra l-ispekulazzjoni fuq prodotti alimentari bażiċi.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (4.6.2010)
għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar
(2009/2237(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Esther Herranz García
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta' Ottubru 2009 intitolata "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" (COM(2009)0591), li tirrikonoxxi l-eżistenza ta' żbilanċi tal-poter kbar bejn l-operaturi differenti, iżda jqis li l-miżuri suġġeriti fil-Komunikazzjoni msemmija biex jindirizzaw din il-problema mhumiex biżżejjed.
2. Jiddispjaċih li mhemmx korrelazzjoni bejn il-prezzijiet għoljin li jħallas il-konsumatur u l-prezzijiet li jirċievu l-bdiewa fl-Ewropa, u jenfasizza l-bżonn li jkun hemm distribuzzjoni aktar ġusta tal-valur miżjud bejn id-diversi ħoloq tal-katina, mis-swieq primarji ta' input li jippreċedu l-bdiewa fil-katina, sal-konsumaturi finali fl-aħħar tal-katina;
3. Jitlob li jsir dibattitu usa' li jqis aktar ir-rabta li hemm bejn il-prezz u l-kwalità, u jqis li l-konsumaturi ghandhom ikunu pprovduti tagħrif, pereżempju permezz tal-websajts tal-produtturi jew it-terminals tagħhom fil-ħwienet, inkluż tagħrif dwar metodi ta' trobbija u kultivazzjoni;
4. Jitlob għal strateġija Ewropea biex tingħata spinta s-setgħa ta' negozjar tal-partijiet dgħajfa tal-katina, speċjalment fis-settur primarju; jemmen li jeħtieġ, inter alia, li tiġi modifikata l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni tal-UE u li jiġu modernizzati l-kriterji użati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompettizzjoni, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tas-settur agrikolu;
5. Jinnota li l-iżbilanċi tal-poter jirrappreżentaw diżinċentiv qawwi għall-kontinwazzjoni tal-biedja fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri Komunitarji ffukati fuq il-konċentrazzjoni tal-provvista fid-diversi setturi tal-produzzjoni billi jsir aktar biex jiġu inkuraġġiti l-gruppi tal-produtturi, bil-għan li tingħata spinta lis-setgħa tagħhom ta' negozjar f'relazzjoni mal-konnessjonijiet li jifdal fil-katina tal-provvista tal-ikel;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina l-konsegwenzi fl-Istati Membri kollha ta' penetrazzjoni sinifikanti tas-suq minn entità waħdanija li tbigħ bl-imnut; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis il-possibilità li tiffissa limitu massimu xieraq fuq il-penetrazzjoni tas-suq;
7. Jitlob li jiġi pprovdut appoġġ għall-ħolqien u l-operazzjoni ta' sistemi nazzjonali biex jiġu mmoniterjati l-formazzjoni u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u fis-supermarkits il-kbar;
8. Jitlob li titfassal lista tal-prattiki abbużivi tas-suq, bħalma huma l-iffissar tal-prezz tal-linja t-telliefa u l-kummissjonijiet tal-bejgħ, u li dawn il-prattiki jiġu espliċitament ipprojbiti mill-UE; jitlob li l-kumpaniji li ma jikkonformawx jissemmew b'isimhom biex jitħammrilhom wiċċhom ("naming and shaming") u li jinħolqu penali;
9. Jiddenunċja l-manipulazzjoni u kartelizzazzjoni tal-prezzjijiet minn setturi ta' distribuzzjoni ta' skala kbira u jitlob li jittieħdu miżuri urġenti biex dawn il-prattiki jintemmu u tinkiseb it-trasparenza fil-proċess tal-formazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel mil-lat ta' kif iħares lejn il-kwistjoni l-konsumatur aħħari;
10. Jenfasizza, b'mod partikolari, l-ħtieġa għal tisħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ħlasijiet tard lill-fornituri, għal kuntratti ma' entitajiet pubbliċi kif ukoll ma' imsieħba mis-settur privat; jitlob, barra minn hekk, li jittieħdu miżuri fil-livell Ewropew biex jiġu evitati prattiki ta' kompetizzjoni inġusta relatati mal-kummerċjalizzazzjoni mill-kumpaniji tad-distribuzzjoni tal-marka tagħhom stess;
11. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa żieda fil-valur miżjud fil-produzzjoni Ewropea tal-ikel agrikolu u li jiġu mnedija kampanji ta' tagħrif għall-konsumaturi dwar l-isforzi li jsiru mill-bdiewa u mill-industrija fir-rigward tal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel u l-benesseri tal-annimali;
12. Jinnota li f'xi Stati Membri qed jitfaċċaw kodiċi ta' prattika volontarji u/jew l-istabbiliment ta' Ombudsman għas-settur tal-bejgħ tal-ikel bl-imnut; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-esperjenzi tal-Istati Membri f'dan ir-rigward bil-għan li jiġi stabbilit kodiċi ta' prattika għall-Ewropa kollha u Ombudsman tal-bejgħ tal-ikel bl-imnut;
13. Iqis li jeħtieġ titrawwem aktar integrazzjoni bejn il-ħoloq differenti tal-katina f'organizzazzjonijiet interprofessjonali, u li jinħolqu kodiċijiet tal-prattiki tajba u kuntratti standard volontarji, bil-possibbiltà li f'ċerti każijiet, b'mod partikolari ta' prodotti li jistgħu ma jibqgħux tajbin, l-Istati Membri jkunu jistgħu jesiġu li dawn ikunu vinkolanti;
14. Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu mekkaniżmi ta' arbitraġġ li jkunu jiggarantixxu l-konformità mal-ftehimiet kuntrattwali;
15. Ifakkar li l-istabilità tad-dħul ta' bidwi tiddetermina l-kapaċità tagħhom li jinvestu f'teknoloġiji ħodor, fil-mitigazzjoni tal-klima u f'għejun ta' enerġija rinnovabbli, u miżuri ta' ħarsien ambjentali għall-agrikultura sostenibbli, u barra minn hekk li l-bdiewa jkunu meħtieġa jissodisfaw standards ambjentali għolja, u li barra minn dan dawn ir-rekwiżiti se jkomplu jissaħħu aktar fil-Politika Agrikola Komuni ta' wara l-2013;
16. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-Għodda Ewropea għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet u tiżviluppa interface li jkun adattat għall-utenti, trasparenti u multilingwu li jippermetti lill-konsumaturi u lill-partijiet interessati li jqabblu l-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel bażiċi f'kull ħolqa tal-katina tal-provvista tal-ikel fi ħdan Stat Membru partikolari u bejn Stati Membri differenti;
17. Iqis li hu essenzjali li tittejjeb l-organizzazzjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel u li tkompli tiġi razzjonalizzata bil-għan li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasportazzjoni tal-ikel (mili tal-ikel) u tkun promossa l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel lokali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
2.6.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
54 2 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Bairbre de Brún, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Françoise Grossetête, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Sirpa Pietikäinen, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Oreste Rossi, Daciana Octavia Sârbu, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Catherine Soullie, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Christofer Fjellner, Gaston Franco, Esther Herranz García, Rovana Plumb, Bart Staes, Kathleen Van Brempt, Anna Záborská |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (7.6.2010)
għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar
(2009/2237(INI))
Rapporteur: Ashley Fox
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jitlob lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota skwilibriju sinikattiv ta' setgħa fil-katina ta' provvista alimentari kollha kemm hi bejn l-operaturi produttivi primarji, il-produtturi primarji, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut maħluqa inter alia min-nuqqas ta' effiċjenza u koordinament min-naħa tal-produtturi u minn differenzi fid-daqs ekonomiku, setgħa tas-suq u mill-pożizzjoni fil-katina; jenfasizza li rabtiet kummerċjali ekwilibrati għandhom itejbu l-funzjonament tal-katina ta' provvista alimentari u jkunu ta' benefiċċju għall-operaturi ekonomiċi kollha, inklużi l-konsumaturi u l-produtturi;
2. Jitlob lil kull Stat Membru, biex fejn xieraq, bl-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, jeżamina d-dħul u l-kompetittività fil-katina ta' provvista alimentari, u fis-swieq u l-ostakli partikolari għal kull sezzjoni ewlenija tal-katina u jfassal proposti li jħeġġu l-konsolidazzjoni ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-produtturi, ħalli jtejbu l-qafas organizzattiv u l-effettività tagħhom fit-trattattivi kummerċjali, biex joffru għajnuna għat-taħriġ tal-bdiewa fil-qasam tal-ippjanar strateġiku u biex iħeġġuhom jinvestu aktar 'il fuq fil-katina ta' provvista sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-valur miżjud tal-prodotti tagħhom;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi, fl-analiżi tagħha tal-problemi tal-katina tal-provvista alimentari, l-impatt tal-operaturi ġodda fil-katina li jispeċjalizzaw fil-forom moderni ta' catering, b'mod partikolari l-qasam tal-catering kollettiv; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina s-sehem tas-suq ta' dawk l-atturi l-ġodda madwar l-Unjoni Ewropea kollha u tistudja d-differenzi fl-imġiba tas-suq bejn dawk l-atturi u l-atturi tradizzjonali fil-katina; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport u, fejn xieraq, tipproponi miżuri biex titrawwem konformità aħjar minn dak is-settur mar-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni u ma' prattiki kummerċjali u kuntrattwali tajba;
4. Jikkunsidra li r-reazzjoni asimmetrika osservata fl-iżviluppi fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u tal-ikel għall-konsumaturi hija sinjal tal-iskwilibriju fil-katina ta' provvista alimentari li ħalliet konsegwenzi negattivi peress li, pereżempju, din tista' żżomm lill-konsumatur milli jibbenefika minn prezzijiet orħos; jenfasizza li żieda fit-trasparenza tul il-katina hi essenzjali għat-titjib tal-kompetizzjoni u tar-reżistenza tagħha għaċ-ċaqliq fil-prezzijiet; jenfasizza l-bżonn li jiġi ffaċilitat l-aċċess aħjar għas-swieq għall-produtturi u l-SMEs;
5. Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-għodod tal-UE sabiex titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet fis-suq agroalimentari;
6. Jinnota li meta l-prezzijiet tal-ikel għall-konsumatur ikunu ogħla dawn jitfgħu pressjoni fuq id-dħul tal-household, b'mod partikolari il-households l-aktar vulnerabbli li jonfqu proporzjon konsiderevolment akbar mid-dħul tagħhom fl-ikel; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-kompetizzjoni bejn l-atturi differenti fil-katina tal-provvista biex twassal l-għażla u prezzijiet orħos għall-konsumaturi kollha, speċjalment l-aktar vulnerabbli, u jenfasizza li kwalunkwe riforma tal-katina tal-provvista alimentari ma għandhiex tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni u lanqas ma għandha tippreġudika lill-konsumaturi;
7. Jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni tal-programm Ewropew tal-PAK ta' għajnuna alimentari lill-iktar persuni fil-bżonn, għall-appoġġ tal-ifqar ċittadini tal-Unjoni Ewropea fil-katina ta' provvista alimentari ;
8. Jinnota li t-tieni Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-konsum turi sodisfazzjon fost il-konsumaturi rigward is-servizzi offruti mill-bejjiegħa alimentari, iżda turi nuqqas ta' sodisfazzjon dwar it-tqabbil tal-prezzijiet tal-ikel; jinnota wkoll, b'sodisfazzjon l-ewwel edizzjoni tal-għodda ta' Monitoraġġ għall-Prezzijiet Ewropej tal-Ikel ippubblikata mill-Kummissjoni kif ukoll inizjattivi simili meħuda minn Stati Membri biex jippermettu dħul ġust tul il-katina ta' provvista b'analiżi ta' spejjeż, proċessi, valur miżjud, volumi, prezzijiet u marġini tul is-sezzjonijiet kollha tal-katina ta' provvista alimentari, bi qbil mad-dritt tal-kompetizzjoni u l-kunfidenzjalità kummerċjali sabiex il-konsumatur jkollu trasparenza fil-prezzijiet;
9. Jitlob lill-Istati Membri li bil-għan li jiksbu prezzijiet ġusti, isaħħu l-kapaċità ta' ġestjoni tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet ta' produtturi kif ukoll is-setgħa ta' trattattiva tagħhom fil-konfront ta' operaturi ekonomiċi oħrajn fil-katina alimentari, u biex iħeġġu l-ħolqien ta' organizzazzjonijiet li jsaħħu r-rabtiet bejn il-parteċipanti interessati kollha fi ħdan is-setturi partikolari, sakemm ma jxekklux il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqiegħdu aktar fis-sod ir-relazzjonijiet kuntrattwali matul il-katina tal-provvista alimentari kollha kemm hi, ħalli l-operaturi kollha jkunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċji kollha mis-suq uniku waqt li jżommu l-libertà tagħhom li jikkuntrattaw, billi jipproponu kodiċijiet volontarji ta' prattiki kuntrattwali tajba u billi jidentifikaw u jipprojbixxu prattiki kuntrattwali inġusti; jenfasizza wkoll l-importanza li jitqassru l-perjodi tal-ħlas fil-katina ta' provvista alimentari bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra d-dewmien fil-ħlas fit-tranżazzjonijiet kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni tħejji kuntratti standard skritti volontarji għas-settur agroalimentari;
11. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għat-twessigħ tal-ambitu u tas-sħubija fil-Grupp ta' Livell Għoli għall-kompetittività tal-industrija agroalimentari; jitlob lill-Kummissjoni tistieden lill-parteċipanti interessati kollha, inklużi l-gruppi tal-konsumaturi jipparteċipaw u jitlob li l-pjattaformi differenti fi ħdan il-forum jippromwovu t-tixrid tal-informazzjoni u tal-aħjar prattika madwar l-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ħalli, fl-ambitu ta' dan il-mandat, jiżviluppaw Kodiċijiet Ewropej volontarji ta' Prattiki Kummerċjali Tajbin għall-parteċipanti kollha fil-katina tal-provvista alimentari;
12. Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' Ombudsmen fl-Istati Membri kollha sabiex jarbitraw tilwim bejn l-operaturi kollha, jinvestigaw ilmenti u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kif tista' titjieb il-konformità mal-leġiżlazzjoni u mal-kodiċijiet volontarji; iħeġġeġ lil dawn l-Ombudsmen nazzjonali biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom;
13. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw u jivvalutaw u, fejn xieraq, jindirizzaw u jitrattaw prattiki kummerċjali u kuntrattwali inġusti u l-abbużi minn karigi dominanti, li huma ta' ħsara għall-funzjonament tas-suq intern; jenfasizza li l-għarfien aħjar tad-drittijiet kuntrattwali jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' dawn il-prattiki; jitlob għal kampanja ta' informazzjoni li tinforma lill-operaturi kollha, speċjalment lill-bdiewa, fil-katina tal-provvista alimentari dwar id-drittijiet tagħhom kif ukoll dwar l-iktar prattiki kummerċjali inġusti;
14. Jemmen li huwa essenzjali għall-konsumaturi li jkollhom aċċess għal tagħrif ċar permezz tal-ittikkettjar, ħalli jkunu jistgħu jidentifikaw l-oriġini ta' ikel mhux ipproċessat u ta' prodotti lokali u tradizzjonali, u jenfasizza li iskemi ta' ttikkettar bħal dawn m'għandhomx jxxekklu ċ-ċaqliq ħieles tal-merkanzija fis-suq intern;
15. Jirrikonoxxi l-importanza tal-marka proprja tal-bejjiegħa bl-imnut fit-tisħiħ tal-kompetizzjoni u tipprovdi għażla aħjar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumatur;
16. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta' impatt dwar il-benefiċċji ta' qafas ġuridiku mtejjeb li jkopri tikketti privati ta' kwalità u tad-distributuri, bil-għan li tiġi evitata l-multiplikazzjoni tagħhom u ħalli jkun hemm trasparenza akbar għall-konsumatur u aċċess għas-suq akbar għall-produttur;
17. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu, fejn xieraq, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħhom ambitu akbar għall-azzjoni billi joħolqu mekkaniżmi sempliċi għall-ġbir ta' provi fir-rigward ta' tgħawiġ tal-kompetizzjoni permezz ta' prattiki kuntrattwali inġusti;
18. Jistieden lill-awtoritajiet għall-kompetizzjoni jinvestigaw, fejn xieraq, u jieħdu azzjonijiet, fejn neċessarju, kontra prattiki antikompetittivi bejn l-atturi kollha fil-katina tal-provvista alimentari;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara, għax-xerrejja pubbliċi fil-katina ta' provvista alimentari, l-applikazzjoni tal-kriterji ambjentali u soċjali tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi, kuntratti ta' forniment pubbliku u kuntratti ta' servizzi pubbliċi[1] u tissupplimentahom bi kriterji li jiffavorixxu l-innovazzjoni, b'mod partikolari biex tinkoraġġixxi: (a) il-kummerċ ġust għall-produtturi u l-prodotti lokali, (b) agrikoltura Ewropea sostenibbli, (c) l-għażla tal-offerta ekonomika l-aktar vantaġġuża, mhux l-offerta bl-aktar prezz baxx, (d) ir-ritorn tal-investiment innovattivi fil-azjendi agrikoli Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dawn il-proposti fil-komunikazzjoni interpretattiva li ġiet imħabbra dwar il-qafas ġuridiku ħalli l-awtoritajiet aġġudikanti jiġu mgħejuna iqisu aħjar l-objettivi tal-promozzjoni tal-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha ħalli tipprevjeni d-diskriminazzjoni li jsofru l-SMEs Ewropej fis-settur agroalimentari fis-swieq internazzjonali; Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tipproponi miżura li tippermetti lill-awtoritajiet aġġudikanti tal-Unjoni Ewropea li jiffavorixxu lill-SMEs Ewropej fil-katina ta' provvista alimentari fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi, fuq il-linji ta' miżuri simili diġà applikati minn xi partijiet għall-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku (GPA);
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
3.6.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
36 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría, Cristian Silviu Lyon, Lara Comi, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Eija-Riitta Korhola, Kurt Lechner, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Róża Gräfin Von Thun Und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ashley Fox, Anna Hedh, Constance Le Grip, Emma McClarkin, Morten Messerschmidt, María Muñiz De Urquiza, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Wim van de Camp |
|||||
- [1] ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.6.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
32 4 2 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew, Liam Aylward, Christophe Béchu, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Michel Dantin, Albert Deß, Diane Dodds, Hynek Fajmon, Iratxe García Pérez, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Giovanni La Via, Stéphane Le Foll, Miguel Angel Martínez Martínez, Gabriel Mato Adrover, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Marc Tarabella |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Luís Paulo Alves, Spyros Danellis, Bas Eickhout, Jill Evans, Marian Harkin, Sandra Kalniete, Astrid Lulling, Maria do Céu Patrão Neves, Christel Schaldemose, Robert Sturdy, Milan Zver |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Tadeusz Cymański |
|||||