Proċedura : 2010/2012(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0226/2010

Testi mressqa :

A7-0226/2010

Dibattiti :

PV 20/09/2010 - 21
CRE 20/09/2010 - 21

Votazzjonijiet :

PV 21/09/2010 - 5.2
CRE 21/09/2010 - 5.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0320

RAPPORT     
PDF 281kWORD 303k
7.9.2010
PE 440.128v01-00 A7-0226/2010

dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku

(2010/2012(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Pablo Arias Echeverría

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku

(2010/2012(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar Google (Kawżi Konġunti C‑236/08 sa C‑238/08, sentenza tat-23 ta' Marzu 2010) u BergSpechte (Każ C‑278/08, sentenza tal-25 ta' Marzu 2010) li jiddefinixxu n-nozzjoni ta' “utent tal-Internet normalment informat u raġonevolment attent” bħala l-konsumatur standard tal-internet,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi(1),

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2008 ta' SOLVIT dwar l-iżvilupp u r-rendiment tan-netwerk SOLVIT (SEC(2009)0142), id-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2008 dwar pjan ta' azzjoni għal approċċ integrat għall-għoti ta' servizzi ta' għajnuna tas-suq uniku għaċ-ċittadini u n-negozju (SEC(2008)1882) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2010 dwar SOLVIT(2),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv " (COM(2010)2020),

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2009 intitolata “Gwida dwar l-implimentazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali” (SEC(2009)1666),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar in-negozju transkonfinali san-negozju elettroniku tal-konsum fl-UE (COM(2009)0557),

 wara li kkunsidra l-istudju “Valutazzjoni tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE permezz ta’ xiri bil-moħbi” li sar f'isem il-Kummissjoni Ewropea, DĠ SANCO, minn YouGovPsychonomics u li ġie ppubblikat fl-20 ta' Ottubru 2009,

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tat-22 ta' Settembru 2009 dwar is-segwitu fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (SEC(2009)1251),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2009 dwar metodoloġija armonizzata għall-ikklassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi (COM(2009)0346) u l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SEC(2009)0949),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (COM(2009)0336),

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2009 intitolat “Rapport dwar kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE” (SEC(2009)0283),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-kummerċ internazzjonali u l-internet(3),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2009 intitolata "Il-monitoraġġ tar-riżultati għall-konsumatur fis-suq waħdieni: It-tieni edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur" (COM(2009)0025) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha intitolat 'It-Tieni Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur' (SEC(2009)0076),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali(4),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2006/123/KE(5) tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE(6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (verżjoni kodifikata),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti u r-reviżjoni tal-acquis: prospettivi għall-futur(7) u tas-7 ta' Settembru 2006 dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti(8),

 wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni attwali tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-kummerċ elettroniku u l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Qafas Regolatorju tal-UE għal netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (COM(2006)0334),

 wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku tal-21 ta' Novembru 2003 (COM(2003)0702),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/65/KE(9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 dwar it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta' konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE,

 wara li kkunsidra l-Mudell ta' Liġi tal-UNCITRAL dwar il-kummerċ elettroniku tal-1996, il-Mudell ta' Liġi tal-UNCITRAL dwar il-firem elettroniċi tal-2001 u l-Konvenzjoni tal-UNCITRAL dwar l-Użu ta' Komunikazzjonijiet Elettroniċi fil-Kuntratti Internazzjonali tal-2005(10),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 11 TFUE, li jistipula li "il-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli",

 wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tat-TFUE, li jistipula li "fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta' politika u attivitajiet oħra tal-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur",

 wara li kkunsidra l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll 26 tiegħu dwar servizzi ta' interess (ekonomiku) ġenerali,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7‑0226/2010),

A. billi l-Ewropa mhux biss għandha tfittex il-modijiet biex tkompli tiżviluppa s-suq intern għall-kummerċ elettroniku imma għandha tistħarreġ ukoll kif tnedija mill-ġdid sostenibbli tas-suq intern tista' tinkiseb bl-iżvilupp ulterjuri tal-kummerċ elettroniku,

B.  billi r-rapport ta' Mario Monti "Strateġija ġdida għas-Suq Uniku" jisħaq fuq il-fatt li "is-suq uniku laħaq l-aktar livelli batuti ta' popolarità, filwaqt li l-Ewropa teħtieġu aktar minn qatt qabel"; billi r-rapport jinnota wkoll li l-kummerċ elettroniku flimkien mas-servizzi innovattivi u l-industriji ekoloġiċi jżommu f'idejhom l-akbar dividendi tat-tkabbir u tal-impjiegi għall-futur u għalhekk jirrappreżentaw fruntiera ġdida tas-suq uniku,

C.  billi l-kummerċ elettroniku huwa forza vitali tal-internet u katalista importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020 għas-suq intern, billi huwa importanti għall-partijiet interessati kollha li jikkooperaw biex jegħlbu l-ixkiel li għad fadal,

D. billi l-kummerċ elettroniku jiffaċilita u jippromwovi l-iżvilupp ta' niċeċ ġodda fis-suq għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju li ma jkunux jeżistu altrimenti,

E.  billi, sabiex jiġi żblukkat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku tal-UE, in-negozjanti tal-kummerċ elettroniku għandhom jitħeġġu biex jippromwovu l-prodotti tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-UE permezz ta' promozzjoni diretta jew ta' għodod ta' komunikazzjoni oħra,

F.   billi l-kummerċ elettroniku huwa suq fundamentali tas-seklu XXI għall-Unjoni Ewropea, li għandu l-potenzjal li jsawwar mill-ġdid is-suq intern Ewropew, li jikkontribwixxi għall-ekonomija tal-għerf, li jipprovdi valur u opportunitajiet lill-konsumaturi u n-negozji Ewropej f’dan iż-żmien ta’ tensjoni finanzjarja, u li jkollu impatt sinifikanti u pożittiv fuq l-impjiegi u t-tkabbir; billi l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku jista’ jtejjeb il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE, fil-qafas tal-istrateġija tal-Kummissjoni UE 2020, inklużi l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' forom ġodda ta' intraprenditorjat għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju,

G. billi huwa kruċjali li jinkiseb funzjonament effikaċi tas-suq intern biex jiġu sodisfatti l-għanijiet tal-aġenda ta' Lisbona li jiżdiedu t-tkabbir, il-kompetizzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi inklużivi u kompetittivi biex iservu lill-500 miljun konsumatur fl-UE u l-benessri tagħhom; billi l-kummerċ elettroniku transkonfinali jġib miegħu benefiċċji soċjoekonomiċi importanti għall-konsumaturi Ewropej, bħal żieda fil-konvenjenza u l-awtonomija, tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumatur, żieda fit-trasparenza u l-kompetizzjoni, aċċess għal varjetà usa’ ta' prodotti u servizzi minn fejn wieħed jista' jqabbel u jagħżel, u potenzjal konsiderevoli għall-iffrankar,

H.  billi, waqt il-kriżi ekonomika riċenti, l-iżvilupp tas-soċjetà diġitali u l-ikkompletar tas-suq intern fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ppermettew li s-settur tal-kummerċ elettroniku jkompli jikber u joħloq impjiegi, biex b'hekk jgħin lin-negozji fuq l-internet jibqgħu ekonomikament attivi u jippermetti li l-konsumaturi japprofittaw minn għażla ikbar u prezzijiet aħjar; billi l-kummerċ transkonfinali għandu benefiċċji sinifikanti għall-kumpaniji tal-UE – partikolarment għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju – li jistgħu jipprovdu servizzi u prodotti innovattivi, ta’ kwalità għolja u attraenti għall-konsumatur fis-suq intern Ewropew fuq l-internet, waqt li jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom u jippermettilhom jibqgħu kompetittivi fl-ekonomija globali,

I.   billi l-kummerċ elettroniku joffri għażla usa' lill-konsumaturi, speċjalment lil dawk li jgħixu f'żoni inqas aċċessibbli, remoti jew periferiċi, kif ukoll lil dawk b'mobilità mnaqqsa li altrimenti ma jkollhomx aċċess għal għażla wiesgħa ta' prodotti; billi l-kummerċ elettroniku huwa ta’ benefiċċju partikolari għaċ-ċittadini fiż-żoni rurali, remoti u periferiċi li altrimenti ma jkollhomx aċċess għal għażla wiesa' ta' prodotti b'konvenzjenza jew b'valur ta' dan it-tip,

J.    billi t-Tieni Rapport dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku ilu mistenni mill-2005, jiġifieri ħames snin ilu (Artikolu 21 tad-Direttiva 2000/31/KE),

K. billi l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tistabbilixxi objettivi ta' rendiment raġonevoli għall-kopertura tal-broadband b'veloċità għolja u b'veloċità estremament għolja u għall-penetrazzjoni tal-kummerċ elettroniku,

L.  billi l-fiduċja tal-konsumatur u tan-negozju Ewropew fl-ambjent diġitali hu baxx minħabba ostakli mhux neċessarji għall-kummerċ elettroniku bħal ma huma l-frammentazzjoni tas-suq tal-UE, l-inċertezza tal-konsumaturi dwar il-kunfidenzjalità tad-data, is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet u d-drittijiet tal-konsumatur f'każ ta' problemi, u billi f'ċerti aspetti tal-kummerċ elettroniku l-Ewropa waqgħet lura meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Asja; billi l-ħolqien ta’ 'Suq DiġitaliUniku', li jiffaċilita t-tranżazzjonijiet bejn il-fruntieri nazzjonali f’ambjent onlajn għall-konsumaturi kollha madwar l-Unjoni Ewropea, huwa element importanti li jagħti saħħa mill-ġdid lis-Suq Uniku minħabba li liċ-ċittadini jipprovdilhom għażla usa' ta' prodotti u servizzi; billi huwa essenzjali li jingħelbu l-ostakli għall-kummerċ elettroniku transkonfinali u li tingħata spinta lill-fiduċja tal-konsumatur sabiex jinkiseb suq diġitali uniku attraenti u integrat għall-Ewropa u jiġu stimulati s-swieq tal-konsumatur u l-ekonomija usa’,

M. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġenda diġitali, li tirrikonoxxi li ta' spiss il-konsumaturi fl-UE jagħżlu li jagħmlu tranżazzjonijiet ma' ditti bbażati barra mill-UE, pereżempju fl-Istati Uniti, fattur li jindika l-bżonn li tiġi żviluppata politika għat-tħeġġiġ ta' forom globali ta' kummerċ elettroniku, flimkien mal-ħtieġa li tiġi promossa l-importanza tal-internazzjonalizzazzjoni tal-governanza tal-internet bi qbil mal-Aġenda ta' Tuneż; billi la l-konsumaturi u lanqas in-negozji ma jistgħu japprofittaw mill-benefiċċji ta' Suq Diġitali Uniku minħabba li ftit bejjiegħa fuq l-internet ibigħu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom lil Stati Membri oħra u dawk li jagħmlu dan ibigħu biss lil għadd limitat ta’ Stati Membri; billi hemm bżonn li d-diskriminazzjoni tal-konsumatur tiġi indirizzata, inkluż fil-waqt tal-ħlas, billi jiġi żgurat li jkunu jeżistu dispożizzjonijiet sabiex jitwettqu u jaslu l-ħlas u l-kunsinja; billi l-kummerċ elettroniku huwa parti sinifikanti tal-ekonomija prinċipali, u n-negozji u l-konsumaturi qegħdin dejjem iżjed jużaw prattiki kummerċjali kemm elettroniċi, kif ukoll tradizzjonali biex jisiltu l-benefiċċju massimu għalihom,

N. billi l-kummerċ elettroniku huwa internazzjonali u ma jistax jitrażżan għal ġol-fruntieri tal-UE,

O. billi l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tistabbilixxi objettivi ta' rendiment raġonevoli għall-kopertura tal-broadband b'veloċità għolja u b'veloċità estremament għolja u għall-penetrazzjoni tal-kummerċ elettroniku;

P.   billi l-frammentazzjoni ta' parti mis-suq elettroniku fl-UE tipperikola d-drittijiet stipulati fl-acquis communautaire,

Q.  billi l-konsumaturi u n-negozji Ewropej ftit għandhom ċertezza legali fir-rigward tal-kummerċ elettroniku transkonfinali u billi tranżazzjoni elettronika waħda hija soġġetta għal ħafna dispożizzjonijiet legali li jistabbilixxu rekwiżiti diverġenti, u minħabba dan l-operaturi tan-negozju jew il-konsumaturi mhumiex provduti b'regoli ċari u li jistgħu jiġu infurzati faċilment,

R.  billi tista' tingħad l-istess ħaġa għall-kummerċ elettroniku lil hinn mill-Ewropa, peress li ta' spiss il-konsumaturi Ewropej ma jagħmlux differenza bejn Stati Ewropej u stati terzi meta jixtru u jbiegħu fuq l-internet; billi għalhekk hemm bżonn li anke l-pajjjiżi terzi jiġu involuti fl-isforzi biex il-kummerċ elettroniku jsir aktar trasparenti, affidabbli u responsabbli,

S.   billi d-dimensjoni transkonfinali li kulma tmur qiegħda tikber tas-swieq tal-konsumaturi toħloq sfidi ġodda għall-awtoritajiet tal-infurzar, li huma mxekkla mill-fruntieri ġurisdizzjonali u l-frammentazzjoni tal-qafas regolatorju,

T.  billi l-eżistenza ta' servizzi illegali fuq l-internet ixxekkel b'mod serju l-iżvilupp ta' swieq leġittimi għal ċerti servizzi diġitali, b'mod partikolari għall-mużika, il-films u, dejjem iżjed, għall-kotba u l-magażins; billi l-proprjetà intellettwali għandha rwol kruċjali fid-dinja diġitali u billi l-protezzjoni tagħha, b'mod partikolari fuq l-internet, għadha sfida sinifikanti u, għalhekk, estremament importanti,

U  billi l-utenti tal-kummerċ elettroniku għandhom id-dritt għal kumpens meta jkunu affettwati minn prattiki illegali, imma fil-prattika jaffaċċjaw ostakli sostanzjali biex iressqu każijiet ta' dan it-tip quddiem il-qorti minħabba nuqqas ta' informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni li tapplika fl-Istati Membri differenti, il-proċeduri twal u kumplessi u r-riskji assoċjati mal-litigazzjoni, b'mod partikolari f'każijiet transkonfinali, u l-ispejjeż kbar,

V. billi l-infurzar tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali jikkostitwixxi kundizzjoni importanti għall-kummerċ elettroniku,

W. billi, minkejja l-potenzjal ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, sistemi ta' dan it-tip jintużaw b'mod regolari minn 5% biss mill-bejjiegħa, u 40% tal-bejjiegħa lanqas biss jafu dwar il-possibilitajiet li jużaw dawn l-għodod,

X. billi jekk jsiru uniformi d-drittijiet l-aktar essenzjali tal-konsumaturi, kif ukoll l-ispejjeż postali u bankarji, l-imposti tad-drittijiet tal-awtur, il-proċeduri tal-VAT u l-prattiki tal-protezzjoni tad-data, dawn jservu sew favur il-ħolqien ta' suq uniku ġenwin għan-negozji u l-konsumaturi; jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri jridu jibqgħu responsabbli għall-proċeduri tal-VAT,

Y. billi hemm bżonn li d-diversi sistemi tal-imposti tad-drittijiet tal-awtur fl-Istati Membri jiġu ssimplifikati u ċċarati sabiex ikun iktar faċli biex il-fornituri ta’ prodotti u servizzi fuq l-internet ikunu jistgħu jagħmluhom jisponibbli għall-konsumaturi fi Stati Membri differenti; billi dan l-eżami tal-imposti tad-drittijiet tal-awtur jipprovdi lill-fornituri tal-prodotti u s-servizzi fuq l-internet b'aktar ċertezza legali meta joffru prodotti u servizzi għall-konsumaturi; billi huwa kruċjali li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur sabiex tiġi promossa l-fiduċja fil-prodotti u s-servizzi fuq l-internet, waqt li jiġi żgurat li s-suq online jirrispetta l-prattiki kummerċjali; billi għad baqa’ numru ta’ ostakli strutturali u regolatorji serji għal suq intern Ewropew tal-kummerċ elettroniku li jiffunzjona kompletament, bħall-frammentazzjoni fil-livell nazzjonali tar-regoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u r-regoli dwar il-VAT, miżati u imposti ta’ riċiklaġġ, u l-abbuż tar-regoli dwar il-ftehimiet ta’ distribuzzjoni esklużiva u selettiva,

Z.  billi l-aċċess għal servizzi postali finanzjarjament raġonevoli, affidabbli u ta' kwalità għolja fl-Unjoni Ewropea kollha huwa prijorità biex jiġi kkompletat suq intern effikaċi għall-kummerċ elettroniku;  billi l-ftehimiet eżistenti dwar id-distribuzzjoni vertikali ta' spiss jintużaw biex jiġi evitat jew limitat il-bejgħ onlajn, biex b'hekk jiċċaħħad l-aċċess għal swieq usa' għall-bejjiegħa, fatt li jdgħajjef id-drittijiet tal-konsumaturi għal għażla usa' u prezzijiet aħjar, u b'hekk jinħolqu ostakli għall-espansjoni tal-kummerċ; billi l-kummerċ elettroniku transkonfinali bejn negozju u ieħor jista’ jagħti spinta lill-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej, peress li jippermettilhom ifittxu sorsi ta' komponenti, servizzi u għarfien faċilment minn kullimkien fis-suq intern (waqt li jinħolqu wkoll ekonomiji ta' skala ġodda), u billi, barra minn hekk, jirrappreżenta opportunità għall-intrapriżi, b'mod partikolari l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, biex jinternazzjonalizzaw il-bażi ta’ klijenti tagħhom mingħajr ma jinvestu fi preżenza fiżika fi Stat Membru ieħor,

AA. billi l-kummerċ elettroniku jħeġġeġ l-iżvilupp ta' suq uniku ekoloġiku permezz tal-użu ta' teknoloġiji, standards, tikketti, prodotti u servizzi ambjentali u b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju,

AB. billi hemm bżonn li jissaħħu l-protezzjoni legali u l-fiduċja tax-xerrejja fil-kummerċ elettroniku, filwaqt li ma jintesiex li l-bejjiegħa u n-negozjanti wkoll jeħtieġu protezzjoni legali,

AC. billi l-flessibilità fis-swieq hija l-aktar mod effikaċi biex jitħeġġeġ l-iżvilupp; jistieden lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jiżguraw li s-swieq onlajn ikunu kemm jista' jkun flessibbli ħalli jkun hemm il-possibilità ta' aktar intraprenditorjat u tkabbir f'dan is-settur; billi s-Suq Uniku Diġitali jista’ jkun komplut biss jekk, fl-Istati Membri kollha tal-UE, tiġi implimentata b'mod korrett il-leġiżlazzjoni importanti tas-Suq Uniku, inkluża d-Direttiva dwar is-Servizzi; billi huwa kruċjali li jiġu żgurati ċ-ċertezza u t-trasparenza legali fil-proċess tal-approvazzjoni tad-drittijiet meta bejjiegħ onlajn jtella' fuq websajt kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur; billi, filwaqt li l-internet huwa l-forma ta' bejgħ li qed tikber bl-iktar ħeffa u l-kummerċ elettroniku qed jiżdied b'rata stabbli fil-livelli nazzjonali, qed jikber id-distakk bejn il-kummerċ elettroniku domestiku u dak transkonfinali fl-UE u l-konsumaturi Ewropej f’xi Stati Membri tal-UE qed jaffaċċjaw limitazzjonijiet ġeografiċi, tekniċi u organizzattivi fl-għażliet tagħhom,

AD.  billi t-"Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur" tal-Kummissjoni hija għodda tajba għall-monitoraġġ tal-qagħda tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE peress li tindika sa liema punt il-konsumaturi jistgħu jisfruttaw minn prodotti u servizzi fis-Suq Uniku,

AE. billi hu vitali li jiġu introdotti servizzi tal-internet broadband fl-Istati Membri tal-UE skont l-objettivi stipulati għall-2013 biex kemm il-konsumaturi, kif ukoll in-negozjanti jiġu provduti b'aċċess għall-ekonomija diġitali,

Introduzzjoni

1.   Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar in-negozju transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum fl-UE;

2.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa li tistabbilixxi l-istrateġija tal-Kummissjoni mmirata, fost l-oħrajn, biex tagħmel it-tranżazzjonijiet onlajn sempliċi u biex tinbena fiduċja diġitali;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tirreaġixxi għall-urġenza spjegata fir-rapport Monti "Strateġija ġdida għas-Suq Uniku", li jikkonkludi li, bħala għodda vitali għall-futur tas-suq intern, l-UE għandha tindirizza b'mod urġenti l-ostakli li għad fadal biex, sal-2012, jinħoloq suq ta' bejgħ onlajn pan Ewropew;

4.  Jilqa' l-promozzjoni ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien tal-Istrateġija UE2020 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni ta' malajr biex tiżdied il-veloċità tas-servizzi broadband kif ukoll biex jiġu razzjonalizzati l-ispejjeż ta' servizzi ta' dan it-tip fl-Unjoni kollha, sabiex is-suq uniku għall-kummerċ elettroniku jkun jista' jintlaħaq aħjar;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tarmonizza d-definizzjonijiet prinċipali kollha f'dan il-qasam fuq tul ta' żmien raġonevoli, filwaqt li tirrikonoxxi x-xogħol iebes li diġà sar f'oqsma relevanti għall-kummerċ elettroniku;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ikkompletar tas-suq uniku għall-kummerċ elettroniku jirrikjedi approċċ orizzontali mill-Kummissjoni, li jinvolvi koordinazzjoni effikaċi bejn id-Direttorati Ġenerali; għalhekk, jilqa' l-impenn reċenti tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit "Grupp tal-Kummissarji" (fir-rapport tagħha dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa) ħalli tiġi żgurata politika magħquda effikaċi;

7.  Jirrimarka li l-kummerċ elettroniku għandu jitqies bħala għodda żejda għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju biex iżidu l-kompetittività tagħhom, u mhux bħala għan fih innifsu;

8.  Jisħaq fuq l-importanza li jsir użu sħiħ tal-potenzjal tal-kummerċ elettroniku bħala kontribut biex l-UE ssir aktar kompetittiva fuq livell globali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza l-promozzjoni ta' suq uniku diġitali li funzjona sew għall-prodotti u s-servizzi bħala kwistjoni urġenti sabiex tibbenefika mill-potenzjal enormi tiegħu li għadu mhux sfruttat għat-tkabbir u l-impjiegi;

10. Jisħaq fuq il-bżonn għal politika attiva biex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq intern, li joffri prodotti u servizzi ta' kwalità tajba bi prezzijiet kompetittivi; jikkunsidra li dan huwa aktar u aktar essenzjali fil-kriżi ekonomika attwali bħala mezz biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi li qed jikbru u biex jitħarsu l-konsumaturi li huma vulnerabbli, li jgħixu fi nħawi remoti jew li għandhom mobilità mnaqqsa, il-gruppi bi dħul baxx u n-negozji ta' daqs żgħir u medju li huma partikolarment interessati li jingħaqdu mad-dinja tal-kummerċ elettroniku;

Ġlieda kontra l-frammentazzjoni tas-suq intern onlajn

11. Jitlob għal approssimazzjoni aħjar tal-informazzjoni prekuntrattwali għall-kummerċ elettroniku għal livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur u, sal-punt li tista' tiġi adattata din l-armonizzazzjoni, sabiex jiġu żgurati aktar trasparenza u fiduċja bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa, filwaqt li jinżamm approċċ ta' armonizzazzjoni minima għall-kuntratti f'setturi speċifiċi;

12. Ifakkar li hemm differenzi kbar bejn ir-regoli u l-prattiki ta' negozjanti mill-bogħod fir-rigward tal-garanziji u r-responsabilità li joffru fi ħdan il-fruntieri nazzjonali tagħhom u lil hinn minnhom u fir-rigward tal-benefiċċji li ġġibilhom l-armonizzazzjoni; jitlob għal analiżi tal-impatt dettaljata tal-konsegwenzi għall-kummerċ elettroniku ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-garanzija legali ta' konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti;

13. Jitlob biex ir-regoli u l-prattiki jiġu uniformizzati ħalli jippermettu li n-negozjati mill-bogħod javvanzaw oltre l-fruntieri nazzjonali tagħhom fil-garanziji u r-responsabilità offruti;

14. Huwa favur l-iżvilupp ta' sistema xierqa, effiċjenti, sikura u innovattiva ta' ħlas fuq l-internet li tista' toffri lill-konsumaturi l-libertà u l-għażla fir-rigward tal-mezz tal-ħlas, li ma tinvolvix spejjeż li jistgħu jiskuraġġixxu jew jillimitaw l-għażla u li tiżgura l-protezzjoni tad-data tal-konsumaturi;

15. Jisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-fiduċja fis-sistemi ta’ ħlas fuq l-internet transkonfinali (eż. karti tal-kreditu u d-debitu u portmonijiet elettroniċi) billi tiġi promossa firxa ta’ metodi ta’ ħlas, tissaħħaħ l-interoperabilità u l-istandards komuni, jiġu miġġielda l-ostakli tekniċi, jiġu appoġġati l-iktar teknoloġiji sikuri għat-tranżazzjonijiet elettroniċi, tiġi armonizzata u msaħħa l-leġiżlazzjoni dwar il-privatezza u dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, jiġu miġġielda l-attivitajiet ta' frodi u tingħata informazzjoni u edukazzjoni lill-pubbliku;

16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-istabbiliment ta’ strument finanzjarju Ewropew għall-karti tal-kreditu u d-debitu, sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar tat-transazzjonijiet b'dan it-tip ta' karti fuq l-internet;

17. Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-kummerċ elettroniku transkonfinali bejn negozju u ieħor bħala mezz biex il-kumpaniji Ewropej, partikolarment l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, jikbru, isiru iktar kompetittivi u joħolqu prodotti u servizzi iktar innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu qafas legali u regolatorju sod u ċert sabiex il-kumpaniji jingħataw il-garanziji li jeħtieġu biex iwettqu b’fiduċja transazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku transkonfinali bejn negozju u ieħor;

18 Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-fatturazzjoni elettronika u jistieden lill-Kunsill biex jasal malajr għal qbil mal-Parlament; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex rispettivament jipproponu miżuri u jilħqu qbil rispettivament bil-għan li jiġu simplifikati u razzjonalizzati l-obbligi ta' rappurtar tal-VAT għall-kummerċ elettroniku transkonfinali u jiġu simplifikati l-proċeduri ta' reġistrazzjoni tal-VAT;

19. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta' rappurtar tal-VAT u dwar "fatturi simplifikati" għall-bejgħ mill-bogħod u jenfasizza li, fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa, inkluża l-VAT, il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jiġi rrispettat;

20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel disponibbli skema integrata għall-ġbir tal-VAT biex tinkoraġġixxi lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju jagħmlu kummerċ transkonfinali b'anqas spejjeż amministrattivi;

21. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi ċċarat l-impatt tal-pakkett tal-VAT fuq is-servizzi postali transkonfinali, bil-għan li jiġu evitati l-inċertezza legali u ż-żidiet fil-prezzijiet; hu tal-fehma li l-eżenzjoni tal-VAT għal servizzi postali universali skont id-direttiva tal-UE dwar il-VAT ma tridx tiġi affettwata minn regola fiskali ġdida bbażata fuq il-post tal-provvista tas-servizzi;

22  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-ħolqien jew il-ħatra ta’ awtoritajiet nazzjonali biex jittrattaw it-talbiet għal reġistrazzjoni għal kummerċ elettroniku transkonfinali fuq l-internet minn kumpaniji jew intraprendituri mill-Istati Membri tagħhom, u ta' awtorità Ewropea li tista’ tikkorrelata mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex is-suq intern ikun jista' jiġi kkompletat malajr;

23. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu simplifikati u razzjonalizzati l-miżuri dwar l-iskart elettriku u elettroniku, il-ġestjoni transkonfinali tal-imposti relatati mad-drittijiet tal-awtur fuq il-mezzi vojta biex tirrekordja fuqhom u l-apparat għar-rekordjar, l-għoti ta' liċenzji għal kontenut għall-UE kollha, u r-regoli tal-UE dwar il-fatturi elettroniċi transkonfinali għall-bejgħ mill-bogħod;

24. Jappoġġa s-simplifikazzjoni tal-imposti attwali tad-drittijiet tal-awtur minħabba x-xkiel gravi għall-konsumaturi u l-ostakli għall-funzjonament tas-Suq Uniku li jirriżultaw mis-sistema attwali;

25. Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ b'miżuri li jappoġġaw l-inizjattiva tal-fattura elettronika bil-għan li jiġi żgurat li l-fatturi elettroniċi jintużaw mal-Ewropa kollha sal-2020;

26. Jissuġġerixxi l-ħolqien ta' sistema ta' "one-stop shop" fil-livell Ewropew bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet transkonfinali għall-amministrazzjoni tar-regoli u r-regolamenti differenti fl-Istati Membri, kif inhu l-każ fid-dikjarazzjoni u l-ħlas tal-VAT jew taxxi applikabbli oħra;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora għażliet dwar kif għandu jiġi promoss aċċess aħjar għall-kontenut kreattiv fuq l-internet bħal ma huma l-mużika u xogħlijiet awdjoviżivi u dwar kif għandha tiġi trattata t-talba taċ-ċittadini għal servizzi transkonfinali attraenti għall-konsumatur;

28. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jintegraw aħjar iċ-ċentri tas-Suq Uniku, billi jinkorporaw lin-netwerk SOLVIT, il-punti ta' kuntatt uniku (kif rikjest mid-Direttiva dwar is-Servizzi), iċ-ċentri tal-prodotti (kif provdut fir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku), u tagħrif ulterjuri, inklużi r-rekwiżiti legali, rikjesti min-negozji biex ibigħu l-prodotti tagħhom transkonfinalment u fuq l-internet; jenfasizza li l-funzjonament ta' dan il-‘one-stop shop’ huwa essenzjali għall-ikkompletar tas-suq uniku għall-kummerċ elettroniku;

29. Ifakkar lill-Kummissjoni li għad fadal nuqqasijiet fil-qafas legali għas-servizzi fuq l-internet u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi mmirati sabiex jissaħħaħ l-aċċess u l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti u s-servizzi mibjugħu fuq l-internet, u sabiex il-konsumatur jiġi offrut approċċ sempliċi ta' 'one-stop shop';

30. Jindika l-importanza tas-simplifikazzjoni tar-regoli transkonfinali u t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità għall-bejjiegħa u l-intraprendituri billi jiġu pprovduti soluzzjonijiet prattiċi dwar kwistjonijiet bħar-rappurtar u l-fatturazzjoni tal-VAT, l-iskart elettroniku u l-miżati ta’ reċiklaġġ, l-imposti tad-drittijiet tal-awtur, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-ittikkettar u r-regoli speċifiċi għal setturi partikulari; jistieden, għal dan il-għan, li jiġu stabbiliti skemi 'one stop' u li jiġu promossi soluzzjonijiet transkonfinali ta' amministrazzjoni pubblika elettronika bħall-fatturazzjoni elettronika u l-proċeduri elettroniċi għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi;

31. Jiddispjaċih li d-Direttiva dwar is-Servizzi għadha ma ġietx trasposta għal kollox f'ċertu Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itemmu d-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi għal raġunijiet ta' indirizz elettroniku jew residenza, jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, kif ukoll l-infurzar xieraq mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din ir-regola dwar in-nondiskriminazzjoni fis-sistemi legali tal-Istati Membri;

32. Jisħaq fuq is-sinifikat, għall-iżvilupp ulterjuri tal-kummerċ elettroniku, tal-moviment ħieles tal-prodotti u s-servizzi, b’enfasi partikolari fuq il-prinċipju li, fi ħdan is-suq intern, ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni kontra min se jirċevihom għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew post ta’ residenza; itenni li dan il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni mhuwiex kompatibbli mal-impożizzjoni ta’ rekwiżiti legali u amministrattivi addizzjonali fuq ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jfittxu li jibbenefikaw minn servizz jew minn termini jew prezzijiet iktar favorevoli; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex taġixxi, abbażi tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, kontra id-diskriminazzjoni ta’ dan it-tip;

33. Jenfasizza l-importanza li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi fuq l-internet u l-pajjiż ta' oriġini tagħhom fuq l-internet, billi jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-ħlas fuq l-internet għas-27 Stat Membru kollha tal-UE, inkluża l-possibbiltà li l-konsumaturi jagħżlu fost mezzi differenti għall-ħlas fuq l-internet;

34. Jitlob għal approċċ politiku integrat għall-ikkompletar tas-suq uniku fit-trasport, li jkopri l-mezzi kollha (inklużi l-kabotaġġ bit-triq, it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija), kif ukoll għal-leġiżlazzjoni ambjentali, bil-għan li jiġu evitati l-ineffiċjenzi fil-katina tal-provvista jew żidiet mhux meħtieġa fl-ispejjeż għall-bejjiegħa mill-bogħod u l-klijenti tal-kummerċ elettroniku;

35. Jemmen li r-riforma tas-settur postali u l-promozzjoni tal-interoperabilità u l-koperazzjoni fost is-sistemi u s-servizzi postali jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transkonfinali, li jirrikjedi distribuzzjoni u intraċċar effikaċi u mhux għali tal-prodotti; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa ta' implimentazzjoni rapida tat-Tielet Direttiva dwar is-Servizzi Postali (2008/6/KE);

L-ikkompletar tas-Suq Intern bil-kummerċ elettroniku

36. Jitlob li jittieħdu miżuri sabiex ikun hemm kontribut favur żieda fl-għadd ta' utenti tal-internet u biex jitjiebu l-kwalità, il-prezz u l-veloċità tal-internet f'dawk il-pajjiżi u r-reġjuni fl-Unjoni li ma għandhomx konnessjoni ta' kwalità tajba, waqt li jiġi żgurat li, sal-2013, l-aċċess għall-broadband ikun disponibbli fl-UE kollha; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata disponibilità ta' aċċess għall-broadband għal kull ċittadin, u jenfasizza li, fl-inħawi rurali, remoti u periferiċi, għandu jkun possibbli wkoll l-aċċess għall-konnessjoni tal-internet veloċi, waqt li tingħata attenzjoni partikulari għall-konsumaturi u n-negozi fl-inħawi ta' muntanji u gżejjer fejn, apparti aċċess aktar ristrett għall-internet, l-ispejjeż postali huma għaljin ħafna u l-prodotti mixtrija jew mibjugħa jieħdu żmien twil ħafna biex jaslu;

37. Jinnota li fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali, hu essenzjali li jkompli jiġi żviluppat bħala prijorità l-aċċess għal broadband veloċi u finanzjarjament aċċessibbli għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, minħabba li n-nuqqas ta' aċċess għall-internet jibqa’ wieħed mill-ikbar ostakoli fl-użu tal-kummerċ elettroniku miċ-ċittadini Ewropej;

38. Jappoġġa l-objettivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-broadband biex, sal-2013, iċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-broadband bażiku, biex, sal-2020, iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-broadband b'minimu ta' 30Mbps, b'nofs iċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess għall-broadband ta' 100Mbps u jitlob għal miżuri konkreti biex jiġi żgurat li dawn l-objettivi jiġu sodisfatti; jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu implimentati miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, b'mod partikulari permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' verifika tal-età u l-projbizzjoni ta' prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni fuq l-internet li jkollhom impatt negattiv fuq l-imġiba tat-tfal;

39. Jistieden lill-Kummissjoni tibda tifformula standards Ewropej biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ elettroniku transkonfinali, biex jitnaqqas id-distakk fil-varjazzjonijiet bejn il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri varji u biex jitneħħa l-obbligu f'netwerk ta' distribuzzjoni selettiva li jkun hemm ħanut fiżiku qabel ma jkun permess il-bejgħ fuq l-internet, fejn hu ppruvat li obbligu bħal dan jikkontradixxi l-liġi dwar il-kompetizzjoni, jew li mhuwiex iġġustifikat min-natura tal-kuntratt għall-prodotti u s-servizzi mibjugħa, biex b'hekk il-konsumaturi u l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju jkunu jistgħu jisfruttaw kompletament il-potenzjal tas-suq intern fl-ambjent elettroniku; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-obbligu li wieħed ikollu ħanut fiżiku qabel ma jkun jista' jbigħ fuq l-internet peress li dan ir-rekwiżit radikalment ixekkel il-bejgħ fuq l-internet;

40. Jikkunsidra li l-pjattaformi fuq l-internet kellhom rwol importanti biex tingħata spinta lill-kummerċ elettroniku (speċjalment dak transkonfinali) fl-Ewropa, peress li ppermettew aċċess għas-suq minn mijiet ta' eluf ta' intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, u offrew għażla akbar lill-konsumaturi filwaqt li introduċew ħafna eżempji ta' prattiki tajba biex jiġu stimulati l-fiduċja u l-informazzjoni trasparenti dwar id-drittijiet u l-obbligi u ffaċilitaw ir-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn partijiet għal tranżazzjoni fuq l-internet, fejn kien meħtieġ; jitlob li l-pjattaformi fuq l-internet jipprovdu l-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-konsumaturi Ewropej kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni territorjali skont l-Istat Membru;

41. Jenfasizza l-importanza ta' format miftuħ għall-iskambju ta' dokumenti għall-interoperabilità bejn in-negozji elettroniċi u jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi konkreti bħala appoġġ biex dan il-format ikun jista' jitfaċċa u jinfirex;

42. Jisħaq fuq l-importanza ta' gwida aħjar u faċilitajiet finanzjarji aċċessibbli għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju bħala għajnuna biex iżidu dimensjoni tal-kummerċ elettroniku mal-ħanut fiżiku tagħhom;

43. Jisħaq fuq l-importanza ta' aċċess miftuħ u newtrali għal konnessjoni tal-internet b'veloċità għolja, li mingħajru l-kummerċ elettroniku jkun impossibbli;

44. Jenfasizza li l-ikkompletar tas-suq uniku għall-kummerċ elettroniku ma jridx jkun limitat għal miżuri u kontrolli leġiżlattivi imma jrid ikun akkumpanjat, barra minn hekk, mit-tisħiħ ta' oqsma oħra tal-internet, speċifikament dawk tal-amministrazzjoni pubblika elettronika u tat-tagħlim elettroniku;

45. Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni tar-regoli li ġew reċentament adottati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta' April 2010 dwar id-distribuzzjoni esklużiva u selettiva, fuq il-bażi tal-informazzjoni tas-suq mill-partijiet interessati u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, u fejn hemm bżonn, li jiġu riveduti dawk ir-regoli sabiex jitnaqqsu l-ostakli għall-bejgħ fuq l-internet; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi proposti ħalli taffronta dawn il-problemi qabel tmiem l-2011;

46. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-privatezza tal-konsumaturi u tiżgura li d-data kollha tal-konsumaturi, inklużi d-data dwar xi xtraw u x'raw, tkunu disponibbli għall-konsumaturi meta jitolbuha u tinżamm mill-fornituri għal tul ta' żmien li huwa aċċettat skont il-liġi tal-UE;

47. Jistieden lill-Kummissjoni wkoll taħdem biex jinħolqu regoli u standards sabiex jekk is-softwer fuq siti ta' netwerking kummerċjali u soċjali ma jkunx interoperabbli, dan ma jwaqqafx lill-konsumaturi milli jbiddlu l-għażliet tax-xiri tagħhom;

48.  Jisħaq fuq l-importanza tal-firem elettroniċi u tal-Public Key Infrastructure (PKI) għal servizzi siguri pan-Ewropej ta' amministrazzjoni pubblika elettronika u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Portal Ewropew għall-Awtoritajiet ta' Validazzjoni sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità transkonfinali għal firem elettroniċi;

49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, waqt li jitqies kemm hu importanti li jitwettaq il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku, jiżguraw li, sal-2015, tal-inqas 50% tal-proċeduri kollha għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi jsiru b’mezzi elettroniċi, b'mod konformi mal-pjan ta’ azzjoni miftiehem fil-Konferenza Ministerjali dwar l-amministrazzjoni pubblika elettronika, li saret f’Manchester fl-2005;

50. Jemmen li l-kummerċ bil-mowbajl jista’ jkun parti sinifikanti tal-kummerċ elettroniku, li jista’ jilħaq lil miljuni ta’ ċittadini Ewropej li jużaw il-mowbajls iżda mhux il-kompjuters personali, biex b'hekk tiġi żviluppata iktar il-konverġenza tat-teknoloġiji tal-internet u tal-mowbajls u tiġi kkonsolidata l-pożizzjoni tal-UE fuq quddiem fil-qasam tal-komunikazzjonijiet bil-mowbajl;

51. Jemmen li l-iżvilupp u l-appoġġ ta' speċifikazzjonijiet u standards tekniċi u operattivi komuni u miftuħa (għall-kompatibilità, l-interoperabilità, l-aċċessibilità, is-sigurtà, il-loġistika, il-kunsinji, eċċ) se jiffaċilitaw il-kummerċ elettroniku transkonfinali billi jassistu lill-konsumaturi, partikolarment lill-utenti informatiċi vulnerabbli u mingħajr esperjenza, u billi jnaqqsu l-ostakli operattivi, tekniċi, kulturali u lingwistiċi li jeżistu bejn id-diversi Stati Membri;

52. Jirrikonoxxi l-isfidi legali partikulari marbuta mal-iżvilupp ta’ suq intern għall-kummerċ bil-mowbajl li jkun jista’ jiżgura d-drittijiet tal-konsumatur, il-privatezza personali u l-protezzjoni tal-konsumaturi taħt l-età; jistieden lill-Kummissjoni teżamina din il-kwistjoni bir-reqqa;

53. Jenfasizza l-bżonn li l-katina tal-provvista tal-kummerċ elettroniku ssir aktar trasparenti sabiex il-konsumatur dejjem ikun jaf l-identità tal-fornitur, kif ukoll l-isem kummerċjali, l-indirizz ġeografiku, id-dettalji ta' kuntatt u n-numru ta' reġistrazzjoni fiskali tal-fornitur, u jekk huwiex intermedjarju jew il-fornitur aħħari, informazzjoni li hi ta' importanza speċjali fil-kuntest tal-irkanti fuq l-internet;

54. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-istandards ċari rikjesti għall-kummerċ elettroniku transkonfinali fil-livell tal-UE, inkluż, pereżempju, l-obbligu għan-negozjanti li jipprovdu lill-klijenti u lill-awtoritajiet pubbliċi b'aċċess faċli, dirett u permanenti, bla ħlas għall-informazzjoni li tirrigwarda l-isem u n-numru ta' reġistrazzjoni tan-negozjant jew il-fornitur tas-servizz, il-prezzijiet għall-prodotti u s-servizzi offruti u kwalunkwe spejjeż oħra għall-kunsinja li jistgħu jiżdiedu mal-kont;

55. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-rekwiżit għall-intraprendituri li jużaw b'mod volontarju l-kuntratti standardizzati u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali standardizzati biex jenfasizzaw dawk id-dispożizzjonijiet li jvarjaw minnhom;

56. Jikkunsidra li r-regoli dwar il-kuntratti ta' bejgħ mill-bogħod għandhom ikopru wkoll il-kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti professjonali fi rkanti fuq l-internet u jistieden lill-Kummissjoni tkompli teżamina u tivvaluta r-regoli dwar il-kuntratti speċifiċi ta' bejgħ mill-bogħod għas-servizzi turistiċi (biljetti tal-ajru, akkomodazzjoni fil-lukandi, kiri ta' karozzi, servizzi għal waqt il-ħin liberu, eċċ.) li jkunu ordnati b'mod individwali fuq l-internet, prinċipalment biex tiżdied ir-responsabilità tal-irkanti fuq l-internet biex iħarsu b'mod aħjar id-drittijiet tal-konsumatur;

57. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli dwar l-istediniet għal xiri (diretti jew indiretti) bl-użu tal-internet fi Stati Membri oħra;

Tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-utenti fil-kummerċ elettroniku transkonfinali

58. Jitlob għall-introduzzjoni ta' rekwiżit li ssir verifika esterna fir-rigward ta' ċerti tipi speċifiċi ta' servizzi elettroniċi fejn hemm bżonn akbar li jiġi żgurat li dawk is-servizzi jkunu sikuri għal kollox, biex tiġi protetta l-informazzjoni u d-data personali (pereżempju, fil-każ tas-servizzi bankarji bl-internet);

59. Jisħaq fuq il-fatt li l-utenti (il-konsumaturi u l-bejjiegħa) jeħtieġu ċertezza legali meta joperaw fuq l-internet, u jilqa' s-suġġeriment tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha 'Aġenda Diġitali għall-Ewropa' biex jiġu aġġornati r-regoli dwar ir-responsabilità limitata tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni sabiex jinżammu aġġornati mal-progress teknoloġiku, fil-kuntest tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (ara n-nota nru 13 ta' qiegħ il-paġna tal-komunikazzjoni);

60. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi ħalli toħloq ċertezza legali u taffronta l-frammentazzjoni gravi li teżisti rigward il-proċess tal-approvazzjoni tad-drittijiet u ġurisdizzjonjiet multipli tal-Istati Membri meta kontenut tal-midja jittella' fuq websajts;

61. Jemmen li għandha tingħata prijorità lill-inizjattiva biex, sa l-2013, jitneħħew l-ostakli amministrattivi u regolatorji tal-kummerċ elettroniku transkonfinali permezz tal-introduzzjoni ta’ sett wieħed ta’ regoli għall-konsumaturi u n-negozji madwar is-27 Stat Membru tal-UE li se toħloq ambjent diġitali favorevoli, tipprovdi ċertezza legali kemm lill-intrapriżi, kif ukoll lill-konsumaturi, tissimplifika l-proċeduri, tnaqqas l-ispejjeż għall-konformità, tnaqqas il-kompetizzjoni inġusta u tiżblokka l-potenzjal tas-suq tal-kummerċ elettroniku tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li, għal dan il-għan, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-għodda leġiżlattivi bħal direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur, id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (2000/31/KE), l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE) u d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali (2005/29/KE) jistgħu jkunu ta’ importanza kbira; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tkompli l-valutazzjoni li qed tagħmel attwalment tal-acquis Komunitarju li jaffettwa s-suq uniku diġitali u tipproponi azzjoni leġiżlattiva mmirata lejn impedimenti fundamentali;

62. Jikkunsidra li t-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq, tat-trasparenza tar-regoli u tal-mekkaniżmi ta' infurzar ħalli titħeġġeġ il-fiduċja tal-utenti hija kruċjali għax l-infiq tal-konsumatur se jkun fattur importanti għall-irkupru ekonomiku; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi jridu jingħataw iżjed riżorsi biex jinvestigaw u finalment itemmu l-prattiki kummerċjali illegali; jistieden lill-Kummissjoni toħloq sistema Ewropea ta' twissija bikrija, li tinkludi bażi ta' data, biex jiġu miġġielda l-attivitajiet ta' frodi fis-suq diġitali; jistiedenlill-Kummissjoni biex taġġorna s-sistema ta' twissija rapida, RAPEX, skont il-bżonn; jisħaq fuq il-fatt li inizjattivi bħal dawn iridu jirrispettaw ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

63. Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu bil-ħeffa kontra siti li jkollhom intenzjonijiet ħżiena billi jagħtu aktar attenzjoni għad-drittijiet tal-konsumatur, inklużi miżuri mmirati biex jintroduċu tikketti għas-siti li huma sikuri u żguri u billi jiżguraw li l-kumpaniji li jipprovdu servizzi reklamar sponsorjat ma jirreklamawx siti illegali.

64. Jemmen li l-fiduċja tal-konsumatur tista’ tinbena permezz ta' standards u kodiċijiet ta’ kondotta li jippermettu lill-fornituri ta' servizzi fuq l-internet ilaħħqu mal-iżviluppi teknoloġiċi li dejjem jinbidlu;

65. Jisħaq fuq il-fatt li l-immirar u t-tfassil ta' profili onlajn għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

66. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti tar-regoli tal-UE dwar il-privatezza tad-data sabiex tiġi żgurata protezzjoni tad-dejta msaħħa u tiġi promossa l-fiduċja tal-konsumatur fis-sistemi ta' ħlas fuq l-internet;

67. Jikkunsidra li t-titjib tas-sistemi għall-ħarsien tal-konsumatur madwar l-UE jista’ jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur fit-tranżazzjonijiet transkonfinali fuq l-internet, inkluża l-protezzjoni kontra l-frodi bil-karti ta' kreditu;

68. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, ma jiddgħajjifx l-infurzar konsistenti tal-liġijijiet dwar id-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-kummerċ elettroniku;

69. Jemmen li t-tiftix u r-reklamar transkonfinali fuq l-internet għandhom jipprovdu lill-konsumaturi u l-kummerċjanti b’informazzjoni aħjar u jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex jistgħu jqabblu u jidentifikaw offerti; jinsab mħasseb, f’dan ir-rigward, dwar il-possibilità ta' tagħwiġ għall-kompetizzjoni li l-konsumaturi u l-intraprendituri jistgħu jesperjenzaw f’xi Stati Membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, f’kooperazzjoni mal-industrija, in-nuqqasijiet tal-pjattaformi ta' tiftix u ta’ reklamar fuq l-internet u biex tħeġġeġ il-possibilità li jkunu jistgħu joperaw b'mod transkonfinali, pereżempju permezz tal-promozzjoni tad-dominji .eu;

70. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, permezz ta' monitoraġġ, li l-applikazzjoni koerenti tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur ma tiġix evitata fil-kummerċ elettroniku;

71. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva u twettaq valutazzjoni tal-impatt urġenti fuq l-iktar metodu xieraq biex jiġu affrontati l-imposti fuq id-drittijiet tal-awtur, inkluża l-possibbiltà li l-imposta tintalab meta u fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba fl-Unjoni Ewropea, peress li l-partijiet interessati ma jistgħux jaslu għal qbil;

72. Huwa tal-istess fehma bħall-Kummissjoni li l-mekkaniżmi għal riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, bħalma huma l-medjazzjoni u l-arbitraġġ jew t-tpaċija ta' tilwim barra mill-qorti, jistgħu jkunu għażla espedjenti u attraenti għall-konsumaturi; jinnota li ċerti operaturi privati, bħal ma huma l-pjattaformi fuq l-internet, stabbilixxew inizjattivi ta' suċċess biex jagħtu spinta lill-fiduċja tal-konsumatur, bl-użu ta' strumenti interni għar-riżoluzzjoni ta' tilwim; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' mekkaniżmi għal riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim biex jissaħħaħ il-livell ta' protezzjoni tal-konsumatur u tiġi mmassimizzata l-konformità mal-leġiżlazzjoni; ifakkar fl-esperjenzi pożittivi ta' SOLVIT u tan-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi; jitlob li tinħoloq sistema Ewropea ta' informazzjoni għall-konsumatur elettroniku li tkun toffri gwida u informazzjoni dettaljati dwar id-drittijiet u l-obbligi fis-suq diġitali; imma jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' dan it-tip għandhom jikkomplementaw u mhux jieħdu post il-mezzi ġuridiċi jew amministrattivi tal-infurzar;

73. Jinnota l-importanza li jissaħħaħ il-livell attwalment baxx tal-fiduċja tal-konsumatur fit-tranżazzjonijiet transkonfinali billi jissaħħaħ l-infurzar fuq l-internet u l-infurzar transkonfinali tar-regoli eżistenti, tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur, tiġi promossa l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u jitwaqqfu mekkaniżmi effikaċi madwar l-UE għall-monitoraġġ u l-verifiki tas-suq, għall-ġestjoni tal-ilmenti u r-riżoluzzjoni tat-tilwim;

74. Iħeġġeġ l-użu ta' mekkaniżmi għal riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, bil-possibbiltà li wieħed jirrikorri għalihom permezz ta' proċedura fuq l-internet, aċċessibbli bla dewmien permezz tal-portal Ewropew tal-ġustizzja elettronika, kif u meta dan isir disponibbli;

75. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu żviluppati u standardizzati regoli li joffru livell għoli ta' protezzjoni legali għall-minorenni, u jħeġġeġ it-tnedija ta' kampanji tal-informazzjoni u t-taħriġ għall-ġenituri, l-għalliema u t-tuturi biex isiru konxji tar-responsabilitajiet tagħhom fl-edukazzjoni tat-tfal dwar ir-riskji minħabba l-użu tal-kummerċ fuq l-internet u l-importanza ta' viġilanza fir-rigward tal-użu tal-internet mit-tfal;

76. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu azzjoni ta' malajr biex jiġġieldu s-servizzi illegali fuq l-internet li ma jirrispettawx ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-minorenni, id-drittijiet tal-awtur, it-taxxa, u l-biċċa l-kbira tal-liġijiet applikabbli l-oħra;

77. Jisħaq fuq il-fatt li għandha tingħata attenzjoni biex jiġu evitati r-riskji li jirriżultaw minn offerti ta’ prodotti illegali fuq l-internet – b'mod partikulari, mediċini u prodotti għall-kura tas-saħħa ffalsifikati – billi jiġu promossi l-litteriżmu fil-qasam tas-saħħa u l-użu ta’ siti speċifiċi tad-dominji .eu biex tinġibed l-attenzjoni lejn informazzjoni qarrieqa;

78. Jitlob proposta mill-Kummissjoni biex tindirizza l-azzjonijiet jew is-sanzjonijiet xierqa rigward il-kummerċ elettroniku għall-prodotti u l-mediċini ffalsifikati, inklużi tikketti għas-siti li huma sikuri u żguri, bħalma huma sistemi ta' ċertifikazzjoni għall-ispiżeriji awtorizzati;

79. Jenfasizza il-bżonn ta' taħriġ u edukazzjoni xierqa għall-ħaddiema tas-servizz ċivili u tal-awtoritajiet ġuridiċi fir-rigward tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE;

Strateġija ta' fiduċja elettronika biex tiżdied il-fiduċja tal-utenti tal-kummerċ elettroniku

80. Jitlob strument legali wieħed li jgħaqqad it-testi varji attwalment fis-seħħ sabiex jiġu ċċarati r-regoli applikabbli għall-kummerċ elettroniku; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u, fejn ikun rilevanti, jitlob livell xieraq ta' armonizzazzjoni għal ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kuntratti tal-konsumatur, speċjalment fir-rigward tat-trattament ta' ċerti tipi ta' klejms ta' garanzija; jikkunsidra li dan għandu jinkludi direttivi oħra bħal ma huma dawk dwar it-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji u dwar il-kummerċ elettroniku;

81. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-ħolqien ta' portal għall-kummerċ elettroniku mmonitorjat mill-Kummissjoni, bl-involviment tal-persuni interessati u tal-Istati Membri, jistax jikkontribwixxi aħjar għat-tixrid tal-aħjar prattiki u tal-informazzjoni, u għaldaqstant isaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur u jkattar il-kummerċ elettroniku transkonfinali;

82. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga r-raġunijiet għaliex il-konsumaturi jirrifjutaw il-kummerċ elettroniku, bil-għan li jitfasslu linji gwida effettivi għal leġiżlazzjoni xierqa, u jissuġġerixxi l-ħolqien ta' "tabella ta’ valutazzjoni" dedikata esklużivament għall-kummerċ elettroniku bil-għan li wieħed jikseb xbiha tal-imġiba tal-konsumatur fuq l-internet u li jiġu identifikati l-fatturi li jaffettwaw u jistabbilixxu l-għażliet tal-konsumaturi ta' dan it-tip;

83. Jirrikonoxxi li ċ-ċittadini se joqogħdu lura milli jinteraġixxu, jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b'mod liberu u jidħlu għal tranżazzjonijiet jekk ma jkollhomx biżżejjed fiduċja fil-qafas legali tal-ispazju diġitali ġdid; billi, f'dan il-kuntest, il-garanzija u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali huma kundizzjoni essenzjali għall-fiduċja min-naħa taċ-ċittadini; billi l-garanzija tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u drittijiet oħra hija kundizzjoni essenzjali għall-fiduċja min-naħa tan-negozju;

84. Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-obbligu li wieħed ikollu ħanut fiżiku qabel ma jkun jista' jbigħ fuq l-internet peress li dan ir-rekwiżit radikalment ixekkel il-bejgħ fuq l-internet;

85. Jisħaq fuq l-importanza li, għall-iżvilupp ulterjuri tal-kummerċ elettroniku transkonfinali, jiġi stabbilit qafas koerenti għall-UE kollha, fi ħdan il-limiti tal-acquis communautaire dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, waqt li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-prodotti illegali u ffalsifikat u titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet fost il-konsumaturi Ewropej;

86. Jirrimarka li hemm bżonn li tiġi introdotta leġiżlazzjoni applikabbli għat-transazzjonijiet elettroniċi kollha, peress li hija essenzjali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-utenti tas-servizzi ta' kummerċ elettroniku;

87. Jitlob li jiġu żviluppati, skont il-programmi qafas għar-riċerka, proġetti ta’ riċerka innovattiva mmirati lejn il-promozzjoni u l-unifikazzjoni tas-suq tal-kummerċ elettroniku tal-UE billi jiżdiedu l-fiduċja, l-awtonomija u l-għażla tal-konsumatur fl-ambjent diġitali;

88. Jitlob għall-monitoraġġ effiċjenti tal-iżviluppi legali, tekniċi u ekonomiċi fil-kummerċ elettroniku u jindika l-ħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt tad-deċiżjonijiet kollha li jolqtu lis-suq uniku diġitali u s-soċjetà tal-informazzjoni; għal dan il-għan, tkun għodda utli ‘tabella ta’ valutazzjoni tal-kummerċ elettroniku’ għall-evalwazzjoni tal-ambjent tas-suq fuq l-internet Ewropew;

89  Jemmen li l-fiduċja tal-konsumatur tista' tiġi żviluppata billi jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ elettroniku transkonfinali, filwaqt li jiġi ppreservat l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumaturi, u li tista' tinbena permezz ta' awtoritajiet Ewropej fdati jew ta' marki ta' fiduċja li jiggarantixxu l-affidabilità u l-kwalità tal-prodotti mqiegħda fis-suq elettroniku transkonfinali; jikkunsidra li hemm bżonn li l-Kummissjoni tistabbilixxi marka ta' fiduċja Ewropea sostenibbli, b'regoli ċari, trasparenti u sorveljati; iqis li skema ta' marka ta' fiduċja Ewropea ta' dan it-tip għandha bżonn tkun appoġġata minn mekkaniżmu ta' kontroll jew ta' infurzar tal-istandards, kif diġà jiġri fil-livell nazzjonali f'ċerti Stati Membri; jirrikonoxxi li skema għal marka ta' fiduċja transkonfinali Ewropea tista' tiffunzjona biss fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE li fuqha tista' tiġi bbażata l-marka ta' fiduċja Ewropea; jemmen li kwalunkwe skema għal marka ta' fiduċja Ewropea trid tkun soġġetta għal valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt u trid tiġi implimentata b'koperazzjoni mat-tikketti eżistenti ta' marki ta' fiduċja fl-Istati Membri;

90. Jisħaq fuq is-sinifikat li fl-UE kollha jiġu promossi u infurzati logos, marki ta’ fiduċja u ta’ kwalità li jgħinu lill-konsumatur jidentifika negozjanti elettroniċi affidabbli, jippremjaw l-aħjar prattiki u jħeġġu l-innovazzjoni, biex b'hekk jappoġġaw lill-kumpaniji tal-UE fl-isforzi tagħhom biex imorru lil’hinn mis-suq domestiku tagħhom;

91. Jenfasizza li fl-ambjent tal-internet, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ huma mwarrba minn xulxin u x-xerrej għandu kapaċità limitata li jivvaluta l-kwalità fiżika tal-prodotti, l-aċċess għal informazzjoni preċiża u ċara huwa essenzjali għat-trasparenza;

92. Jenfasizza l-isforzi tal-Kummissjoni u tar-regolaturi postali nazzjonali għall-implimentazzjoni korretta u f'waqtha tat-tielet Direttiva dwar is-Servizzi Postali (2008/06/KE) fis-27 Stat Membru sabiex tinkiseb żieda fil-kompetizzjoni, prezzijiet aktar baxxi u servizzi aħjar, sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-kunsinja tal-prodotti mixtrija permezz ta' kummerċ elettroniku transkonfinali; jenfasizza wkoll l-importanza li tiġi żgurata d-disponibilità ta' servizzi ta' assikurazzjoni għall-kunsinja ta' pakketti;

93. Jitlob li jiġi stabbilit programm u li jintużaw l-istrumenti finanzjarji eżistenti għal proġetti biex tiżdied il-fiduċja tal-utenti fil-kummerċ elettroniku, inklużi kampanji edukattivi u informattivi, kemm fil-livell Ewropew, kif ukoll f'dak nazzjonali, u għal proġetti li jivverifikaw is-servizzi fuq l-internet fil-prattika (bħal ma huwa x-xiri bil-moħbi); jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati għodod onlajn biex jedukaw il-konsumaturi dwar il-kummerċ elettroniku u t-teknoloġija diġitali ġdida (id-drittijiet prinċipali tal-konsumaturi fuq l-internet, il-kummerċ elettroniku, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, eċċ.) bħal ma huwa l-proġett Dolceta (Żvilupp ta' Għodod għall-Edukazzjoni tal-Konsumaturi fuq l-Internet għall-Adulti); biex b'hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu isaħħu l-kapaċitajiet diġitali tagħhom u l-għarfien tagħhom tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jibbenefikaw mill-vantaġġi tal-kummerċ elettroniku f'soċjetà diġitali;

94. Jemmen li l-fiduċja tal-konsumaturi tista’ tissaħħaħ iktar billi tiġi żgurata l-fiduċja tal-pubbliku fl-ambjent tal-internet, jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-protezzjoni tad-data personali, jiġu regolati l-ġbir tad-dejta, l-immirar skont l-imġiba, it-tfassil ta' profili u r-reklamar, u titqajjem l-kuxjenza tal-konsumatur permezz ta’ kampanji edukattivi u informattivi; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għall-adattament tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-ambjent diġitali attwali;

95. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-katina tal-provvista u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kummerċ elettroniku transkonfinali jsiru aktar sempliċi u trasparenti billi jiġu stabbiliti regoli dwar informazzjoni qarrieqa jew inkompleta dwar id-drittijiet tal-konsumatur, l-ispejjeż totali u d-dettalji ta’ kuntatt tan-negozjant u billi jiġu promossi l-aħjar prattiki u prattiki ġusti, rakkomandazzjonijiet u linji gwida għall-ħwienet elettroniċi; jirrikonoxxi li l-isforzi li saru f’dan il-qasam mill-UE biex jiġu ċċarati t-termini, il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet tat-titjiriet huma eżempju pożittiv li għandu jiġi segwit;

96. Jisħaq fuq l-importanza ta’ implimentazzjoni rapida u effikaċi tal-Faċilità Ewropea għall-Mikrofinanzjamenti 'Progress', operattiva minn Ġunju 2010, li tista’ tipprovdi impetu ġdid għall-promozzjoni tan-negozji fuq l-internet, speċjalment fost dawk li reċentement spiċċaw qiegħda;

97. Jemmen li l-litteriżmu u l-kuxjenza fl-oqsma tal-midja u l-kompjuters huma essenzjali għall-iżvilupp tal-ambjent diġitali Ewropew; jitlob, għaldaqstant, li jitnieda "Pjan ta' azzjoni għal-litteriżmu u l-inklużjoni diġitali" fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, li jkun jinkludi, b'mod partikulari: opportunitajiet speċifiċi għat-taħriġ fil-litteriżmu diġitali għall-persuni qiegħda u l-gruppi li qegħdin f'riskju ta' esklużjoni, inċentivi għal inizjattivi mis-settur privat għall-forniment ta' taħriġ fil-kapaċitajiet diġitali lill-impjegati kollha, inizjattiva fuq skala Ewropea "Uża moħħok meta tkun fuq l-internet" biex l-istudenti kollha, inklużi dawk involuti f'tagħlim tul il-ħajja u taħriġ professjonali, isiru familjari mal-użu b'sikurezza tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u s-servizzi onlajn, u skema ta' ċertifikazzjoni komuni fil-livell tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

98. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tippubblika Kodiċi tal-UE tad-Drittijiet fuq l-Internet sal-2012, li jiġbor fil-qosor id-drittijiet u l-obbligi eżistenti tal-utenti diġitali fl-UE b'mod ċar u aċċessibbli, li jkunu ikkumplimentati minn eżami annwali tal-każi ta' ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fuq l-internet u l-miżuri ta' infurzar xierqa, f'koordinazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Aġenziji għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi;

99. Jemmen li l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta awtoregolatorji mill-assoċjazzjonijiet kummerċjali, professjonali u tal-konsumatur u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-rapport tal-Parlament 'dwar id-definizzjoni ta’ Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu’ li titlob għall-ħolqien ta’ Karta Ewropea dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-konsumaturi fl-ambjent diġitali u l-iżvilupp tal-‘ħames libertà’ li tippermetti l-moviment ħieles ta’ kontenut u għarfien, isaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku billi jiġu ċċarati d-drittijiet u l-obbligi tal-atturi kollha fis-soċjetà tal-informazzjoni;

100.    Jisiteden lill-Kummissjoni taġixxi malajr u, fl-2012, tirrapporta dwar il-progress li tkun għamlet fil-ġlieda kontra l-10 ostakli għall-kummerċ elettroniku transkonfinali, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar in-negozju transkonfinali san-negozju elettroniku tal-konsum fl-UE (COM(2009)0557); jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi fil-kummerċ elettroniku u t-tneħħija tal-ostakli għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2010 dwar l-Aġenda Diġitali u fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2009 dwar in-negozju transkonfinali san-negozju elettroniku tal-konsum fl-UE, kemm permezz ta' mezzi leġiżlattivi u kemm permezz ta' mezzi nonleġiżlattivi; jistieden lill-Kummissjoni tniedi djalogu bejn il-partijiet interessati u l-Istati Uniti, bil-għan li jiġu eżaminati l-mezzi għall-iżvilupp ta' suq elettroniku translatlantiku;

° °

101.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA(2010)0046.

(2)

Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA-PROV(2010)0047.

(3)

ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 112.

(4)

ĠU C 146E, 12.6.2008, p. 370.

(5)

ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(6)

ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

(7)

ĠU C 292E, 1.12.2006, p. 109.

(8)

ĠU C 305E, 14.12.2006, p. 247.

(9)

ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16.

(10)

http://www.uncitral.org/


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Il-kummerċ elettroniku huwa forza vitali tal-internet u katalista importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020 għas-suq intern. Huwa importanti għall-partijiet interessati kollha li jikkooperaw biex jegħlbu l-fruntieri li għad baqa'.

Id-differenzi tas-Suq Waħdieni saru iżjed evidenti jekk inħarsu lejn il-kummerċ transkonfinali. Il-moviment liberu ta' prodotti fl-Ewropa ġie mfixkel sew minn settijiet frammentati ta' regoli nazzjonali. Iċ-ċifri dwar il-qagħda tal-kummerċ elettroniku fl-UE juru li fl-2009, konsumatur minn kull tlieta fl-Ewropa xtara mill-inqas oġġett wieħed onlajn, imma 7% biss tal-konsumaturi Ewropej azzardaw jagħmlu dan minn Stat Membru ieħor. Ir-riċerka moħbija tal-UE dwar il-prattiki tal-kummerċ elettroniku turi li 60% tat-tentattivi tal-konsumaturi biex jixtru xi prodotti bejn il-fruntieri tal-UE jfallu, bit-tranżazzjoni jew it-trasportazzjoni li ma jiġux aċċettati mill-bejjiegħ, anki jekk f'nofs il-11,000 każ investigat ix-xerrej seta' ffranka mill-inqas 10% permezz ta' xiri elettroniku minn barra (anki inklużi l-ispejjeż tat-trasport).

It-Trattat ta' Lisbona, li issa huwa rratifikat, bl-għan tiegħu li jissimplifika l-proċessi politiċi tal-UE, għandu jgħin fil-ġlieda kontra frammentazzjoni bħal din.

F'dawn iż-żminijiet ta' kriżi ekonomika, huwa iżjed importanti minn qatt qabel li l-Ewropa taħdem iebes u bl-għaġġla biex tegħleb dawn l-ostakli. Is-Suq Waħdieni tal-UE jiftaħar b'iżjed minn 500 miljun konsumatur. Imma meta wieħed imur onlajn u jipprova jixtri, ma jġibx dan quddiem għajnejh. F'dan il-waqt, is-Suq Waħdieni qed jiddiżappunta lill-konsumaturi, speċjalment meta jmorru onlajn. Minħabba numru ta' nuqqasijiet, il-kummerċ elettroniku transkonfinali mhux qed jiżviluppa daqshekk malajr daqs il-kummerċ elettroniku domestiku.

- Ħafna websajts jippermettu biss li tixtri onlajn b'indirizz offlajn f'pajjiż partikolari. Stħarriġ minnhom jgħid li 61% tat-tranżazzjonijiet transkonfinali ma jistgħux jitwettqu minħabba li l-ħwienet onlajn ma jservux fil-pajjiż tal-konsumatur. Hemm bżonn ukoll jinħolqu inċentivi għall-kummerċjanti.

- Anki jekk nofs id-djar tal-UE għandhom konnessjoni tal-internet b'veloċità għolja, in-nuqqas ta' fiduċja tal-konsumaturi għadu jżommhom lura milli jixtru onlajn. Stħarriġ ieħor juri li, mill-utenti tal-internet fl-UE, 12% biss iħossuhom sikuri li jagħmlu tranżazzjonijiet bl-internet. Li huwa inkoraġġanti huwa li hemm xewqa kbira li wieħed jieħu vantaġġ mis-Suq Waħdieni. Terz mill-konsumaturi jikkunsidraw jixtru onlajn minn pajjiż ieħor għax dan ikunilhom irħas jew aħjar. Sfortunatament, 7% biss attwalment jagħmlu dan. Jekk aħna noffru aktar fiduċja lill-konsumaturi, nistgħu niżblukkaw il-potenzjal ekonomiku sħiħ tas-suq waħdieni onlajn tal-Ewropa, li jissarraf fi dħul ta' iżjed minn €100 biljun.

- Hemm nuqqas ta' infurzar u rimedju effikaċi li huma essenzjali għas-swieq biex jaħdmu sew. Hemm differenzi ewlenin bejn l-Istati Membri li jħallu lill-konsumatur iddiżappuntat dwar is-soluzzjoni tal-problemi fil-kummerċ elettroniku transkonfinali.

Biex tiżdied il-fiduċja tal-operaturi kollha fis-suq tal-kummerċ elettroniku, jeħtieġ li jkun hemm titjib ta' malajr fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-bejjiegħa Ewropej kollha. Huwa importanti li l-kapijiet tal-Unjoni Ewropea u dawk li jagħmlu l-politiki janalizzaw il-qafas regolatorju attwali dwar il-ftehimiet ta' distribuzzjoni, ir-regoli tat-trade marks, id-dispożizzjonijiet tas-servizzi u tal-konsumaturi biex jiżguraw li dawn huma aġġornati mas-Suq tas-Seklu 21 u jħeġġu l-benefiċċji kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-bejjiegħa.

L-isfida ewlenija llum il-ġurnata hija li jintlaħaq suq waħdieni reali onlajn għall-Ewropa. Dan jista' jsir biss billi tiġi adattata l-ekonomija tal-Ewropa għas-Suq Globali kompetittiv tas-Seklu 21. Hemm bżonn jinħoloq Suq Ewropew b'saħħtu li jippermetti lill-UE li tikkompeti fis-suq globali. L-Ewropa hemm bżonn ikollha sett ta' regoli koerenti li jinfurza l-fiduċja tal-konsumaturi u tal-bejjiegħa billi tintlaħaq tmexxija globali Ewropea fl-ekonomija diġitali. Għal dan il-għan, huwa importanti li jkun hemm gwida ċara tal-utenti tal-kummerċ elettroniku b'mod partikolari f'termini ta' karatteristiki bażiċi tal-iżvelar tal-informazzjoni u prattiki ta' negozju ġust li n-negozji għandhom bżonn jipprovdu u li l-konsumaturi għandhom jistennew fil-kuntest ta' kummerċ elettroniku.

Huwa importanti li jsir sforz kbir biex jitħeġġeġ il-kummerċ elettroniku u jitħeġġu l-utenti tiegħu biex ikunu iżjed fiduċjużi billi jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u kif jinfurzawhom fil-qasam tal-kummerċ elettroniku.

Għalhekk il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali għandhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-objettiv li jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni għall-utenti tal-kummerċ elettroniku u biex l-utenti tingħatalhom il-fiduċja biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq waħdieni. Huwa essenzjali li jiżdiedu s-sorveljanza tas-suq u l-mekkaniżmi tal-infurzar biex titħeġġeġ il-fiduċja tal-produtturi u tal-konsumaturi għall-kummerċ elettroniku transkonfinali. Min-naħa tagħha, din twassal għal iżjed infiq min-naħa tal-konsumaturi li wkoll huwa fattur kruċjali għall-irkupru ekonomiku.

Ir-Rapporteur tagħkom jilqa' t-tlettax-il rakkomandazzjoni għal azzjoni għall-iżvilupp tal-politika u tal-prattika fil-qasam tal-kummerċ elettroniku transkonfinali identifikati mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Huwa jiffavorixxi analiżi kritika aktar fid-dettall dwar il-mezz possibbli li bih ikun hemm avvanz bis-saħħa tas-sitt oqsma ta' azzjoni prijoritarji t'hawn taħt li fl-opinjoni tiegħu huma kruċjali biex jiżdied u jissaħħaħ il-kummerċ elettroniku transkonfinali.

1.  L-aċċess tal-utenti għall-internet fl-Ewropa għandu jiġi rinfurzat. Biex ikun hemm xiri onlajn, il-konsumatur għandu bżonn jakkwista xi tip ta' aċċess tal-kwalità mill-internet. Għandhom jittieħdu ċerti azzjonijiet biex ikun hemm kontribut favur żieda fin-numru ta' utenti tal-internet u biex ikun hemm titjib fil-kwalità u fil-veloċità tal-internet f'dawk il-pajjiżi u r-reġjuni fl-Unjoni li m'għandhomx kwalità tajba ta' konnessjoni.

2.  Il-frammentazzjoni tas-suq onlajn għandha bżonn tingħeleb. Ħafna bejjiegħa joħolqu ostakli għas-swieq transnazzjonali għax ċerti servizzi mhumiex disponibbli onlajn għal nies minn reġjuni jew pajjiżi determinati tal-Unjoni. Xi kultant dan isir minħabba li l-konsumaturi jiġu ridirezzjonati lejn il-websajts nazzjonali tagħhom meta jintgħaraf l-indirizz tal-IP minn pajjiż ieħor, u xi kultant dan huwa sempliċiment minħabba li huma jirrifjutaw li jbigħu lil konsumaturi minn ċerti pajjiżi speċifiċi. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi rinfurzata l-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tas-Servizzi li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bejn il-klijenti minħabba kwistjonijiet rigward in-nazzjonalità jew il-post ta' residenza.

3.  Il-frammentazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumaturi għandha bżonn tingħeleb. L-applikazzjoni tad-direttiva l-ġdida dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għandha tkun pass 'il quddiem mhux biss meta jiġu ffirmati l-kuntratti imma wkoll taf tgħin biex jingħelbu l-problemi li jistgħu jinqalgħu bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ meta jimxu skont l-istess regolament.

4.  Huwa meħtieġ li tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur meta jkun qed jixtri onlajn. Ħafna konsumaturi ma jixtrux onlajn għax ma jafdawx is-sigurtà ta' dan is-suq għal raġunijiet differenti. Xi ftit jafu jħossuhom bla difiża meta jixtru mingħand xi ħadd li ma jistgħux jaraw quddiem għajnejhom, jew għax iħossu li dawn in-nies jafu jkunu qarrieqa jew għax jibżgħu li joffrulhom prodott difettuż, jew għax joffrulhom prodott differenti minn dak li jaraw fuq l-iskrins tagħhom. Biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq onlajn, hemm bżonn jittieħdu ċerti azzjonijiet:

· Il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' Marka ta' Fiduċja Ewropea.

· Ir-rinfurzar tal-viġilanza u s-sorveljanza tal-web.

· Huwa meħtieġ li jinħolqu kampanji ta' tagħrif li permezz tagħhom il-konsumaturi jkunu jistgħu jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom, x'elementi għandu jkollu web sabiex ikun jista' jiġi fdat, liema huma l-forom siguri tal-ħlas, eċċ...

· Tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi f'sens ta' sigurtà u protezzjoni tad-data personali.

5.  Hemm bżonn jiġu żviluppati inizjattivi li joffru inċentiv lin-negozjanti biex jikkummerċjalizzaw fuq l-internet. Ħafna negozji ma jikkummerċjalizzawx fuq l-internet minħabba l-inkonvenjenzi vasti li jaffaċċjaw jekk jagħmlu dan. Ċerti regoli relatati mat-taxxi, l-immaniġġjar tal-iskart, eċċ., ivarjaw f'sens ta' eċċess bejn ċerti swieq nazzjonali u oħrajn, li joħolqu ambjent tan-negozju għall-bejjiegħa li jkun kumpless, għali u mhux prevedibbli. Huwa għalhekk li jinħtieġ li jiġu adottati proposti normattivi li joffru inċentiv għall-bejjiegħa biex iħeġġu dan il-qasam tan-negozju, filwaqt li jinħolqu l-opportunitajiet għall-konsumaturi:

· Simplifikazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar tal-VAT tal-bejjiegħa b'distanza;

· Titjib fil-mekkaniżmi tal-ħlas użati onlajn;

· Uniformità tal-ispejjeż postali u bankarji fl-UE kollha;

· L-għoti ta' soluzzjonijiet prattiċi għal problemi relatati mal-ħlasijiet u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'tali mod li l-fornituri ma jkollhomx iħallsu f'pajjiżi differenti għall-istess prodotti;

· Regolazzjoni f'livell Ewropew tal-livell ta' pubbliċità permezz tal-internet;

· Titjib tal-mekkaniżmi biex jinstab tarf tal-kunflitti bejn il-fornitur u l-konsumatur.

6. Hemm bżonn isiru sforzi biex tiġi garantita s-sigurtà ta' nies taħt l-età waqt li jkunu qed jużaw l-internet. Hemm bżonn jiġu regolati f'livell Ewropew il-mekkaniżmi effettivi li jiggarantixxu l-protezzjoni ta' nies taħt l-età f'sens ta' aċċess għal kontenut li huwa ta' dannu għalihom, inklużi l-pornografija, ix-xiri tat-tabakk jew tal-alkoħol, il-logħob tal-azzard fuq l-internet, konverżazzjonijiet ma' barranin u l-użu ta' netwerks soċjali.

Hija l-opinjoni tar-Rapporteur tagħkom li dan kollu huwa dwar l-implimentazzjoni u l-adattament tar-regoli eżistenti tal-UE mill-kummerċ offlajn sas-suq onlajn sabiex jintlaħaq Suq Waħdieni Ewropew reali u sħiħ li jkun lest jaffaċċja l-isfidi tal-Ekonomija Globali tas-Seklu 21.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (4.6.2010)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku

(2010/2012(INI))

Rapporteur: Ioannis A. Tsoukalas

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-kummerċ elettroniku huwa suq ewlieni ta’ dan is-seklu għall-Unjoni Ewropea, li għandu l-potenzjal li jfassal is-suq intern Ewropew mill-ġdid, li jikkontribwixxi għall-ekonomija tal-għarfien, li jipprovdi valur u opportunitajiet lill-konsumaturi u negozji Ewropej f’dan iż-żmien ta’ tensjoni finanzjarja, u għandu impatt sinifikanti u pożittiv fuq l-impjiegi u t-tkabbir,

B.   billi l-kummerċ transkonfinali joħloq benefiċċji soċjoekonomiċi importanti għall-konsumaturi Ewropej, bħal żieda fil-konvenjenza u li jingħataw is-setgħa, ir-rinfurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, żieda fit-trasparenza u l-kompetizzjoni, aċċess għal varjetà usa’ tal-prodotti u s-servizzi għat-tqabbil u l-għażla, u potenzjal konsiderevoli għall-iffrankar,

C.  billi l-kummerċ elettroniku huwa ta’ benefiċċju partikolari għaċ-ċittadini fiż-żoni rurali, remoti u periferali li kieku ma jkollhomx aċċess għal għażla kbira ta' oġġetti b'konvenzjenza ta' dan it-tip jew b'valur bħal dan,

D.  billi, waqt il-kriżi ekonomika riċenti, l-iżvilupp tas-soċjetà diġitali u t-twettiq tas-suq intern fl-ICT iffaċilita s-settur tal-kummerċ elettroniku biex ikompli jikber u joħloq impjiegi, biex b'hekk jgħin lin-negozji fuq l-internet li huma ekonomikament attivi u jippermetti lill-konsumaturi biex japprofittaw minn għażla ikbar u prezzijiet aħjar,

E.   billi l-kummerċ transkonfinali jġib miegħu benefiċċji sinifikanti għall-kumpaniji tal-UE – partikolarment għall-SMEs – li jistgħu jipprovdu servizzi u prodotti innovattivi, ta’ kwalità għolja u favur il-konsumatur fis-suq intern Ewropew fuq l-internet, isaħħu l-pożizzjoni tagħhom u jibqgħu kompetittivi fl-ekonomija globali,

F.   billi l-kummerċ elettroniku huwa parti sinifikanti tal-ekonomija prinċipali, u n-negozji u l-konsumaturi dejjem qed japprofittaw kemm jista’ jkun mill-użu iktar ta’ spiss tal-prattiki kummerċjali fuq l-internet kif ukoll ta' dawk li mhumiex,

G.  billi għad baqa’ numru ta’ ostakli strutturali u regolatorji kbar għal suq intern tal-kummerċ elettroniku Ewropew li jaħdem sew, bħall-frammentazzjoni fil-livell nazzjonali tar-regoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u regoli dwar il-VAT, miżati u taxxi ta’ reċiklaġġ, u l-abbuż tar-regoli li jirregolaw il-ftehimiet ta’ distribuzzjoni esklużiva u selettiva,

H.  billi n-negozju transkonfinali għall-kummerċ elettroniku tan-negozji jista’ jagħti spinta lill-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej, billi jkunu jistgħu jfittxu minn fejn jakkwistaw komponenti, servizzi u għarfien faċilment minn kullimkien fis-suq intern (jinħolqu wkoll ekonomiji fil-kobor ġodda) u billi barra minn hekk, huwa opportunità għall-intrapriżi, partikolarment l-SMEs, biex jinternazzjonalizzaw il-bażi ta’ klijenti tagħhom mingħajr ma jinvestu fil-preżenza fiżika fi Stat Membru ieħor,

I.    billi, filwaqt li l-internet huwa l-forma ta' bejgħ li qed tikber bl-iktar ħeffa u l-kummerċ elettroniku qed jiżdied fil-livell nazzjonali, qed tikber id-differenza bejn il-kummerċ elettroniku domestiku u dak transkonfinali fl-UE u l-konsumaturi Ewropej, f’xi Stati Membri tal-UE li jħabbtu wiċċhom ma’ limitazzjonijiet ġeografiċi, tekniċi u organizzattivi fl-għażliet tagħhom,

J.    billi huwa essenzjali li jingħelbu l-ostakli tal-kummerċ elettroniku transkonfinali u li tingħata spinta lill-fiduċja tal-konsumatur sabiex jinkiseb suq uniku diġitali attrattiv u integrat għall-Ewropa u jiġu stimulati s-swieq tal-konsumatur u l-ekonomija usa’,

1.   Jemmen li l-prijorità għandha tingħata lill-inizjattiva biex sa l-2013 jitneħħew l-ostakli amministrattivi u regolatiorji tal-kummerċ elettroniku transkonfinali permezz tal-introduzzjoni ta’ sett wieħed ta’ regoli għall-konsumaturi u n-negozji madwar is-27 Stat Membru tal-UE li joħloq ambjent diġitali favorevoli, jipprovdi ċertezza legali kemm lill-intrapriżi kif ukoll lill-konsumaturi, jissimplifika proċeduri, inaqqas l-ispejjeż ta’ konformità, inaqqas il-kompetizzjoni inġusta u jiżblokka l-potenzjal tas-suq tal-kummerċ elettroniku tal-UE; jenfasizza li għal dan il-għan, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-għodda leġiżlattivi bħal direttiva tad-drittijiet tal-konsumatur, id-Direttiva tal-kummerċ elettroniku (2000/31/KE), l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE) u d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali (2005/29/KE) jistgħu jkunu ta’ importanza kbira; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tkompli l-valutazzjoni li għaddejja bħalissa tal-acquis Komunitarju li jaffettwa s-suq uniku diġitali u biex tipproponi azzjoni leġiżlattiva mmirata lejn impedimenti ewlenin;

2.   Jenfasizza l-importanza ta’ iktar żvilupp tal-kummerċ elettroniku, ta’ moviment ħieles ta’ servizzi u oġġetti b’attenzjoni partikolari fuq il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fi ħdan is-suq intern, għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew post ta’ residenza ta’ reċipjent; itenni li dan il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni mhuwiex kompatibbli mal-impożizzjoni ta’ rekwiżiti legali u amministrattivi addizzjonali fuq ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jfittxu li jibbenefikaw minn servizz jew minn termini jew prezzijiet iktar favorevoli; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex taġixxi, abbażi tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, kontra diskriminazzjoni ta’ dan it-tip;

3.   Jinnota l-importanza tas-simplifikazzjoni tar-regoli transkonfinali u t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità għall-bejjiegħa u l-intraprendituri billi jingħataw soluzzjonijiet prattiċi dwar kwistjonijiet bħar-rappurtar tal-VAT, il-fatturazzjoni, l-iskart elettroniku, miżati ta’ reċiklaġġ, taxxi tal-copyright, il-ħarsien tal-konsumatur, l-ittikkettar u r-regoli għal setturi speċifiċi. Għal dan il-għan, jitlob għall-istabbiliment ta’ skemi fejn jista’ jsir kollox ('one stop') u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku transkonfinali bħall-fatturazzjoni elettronika u l-prokura elettronika;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tneħħi l-obbligu li dak li jkun qabel ma jbigħ fuq l-internet ikollu ħanut fiżiku, minħabba li dan ir-rekwiżit radikalment ifixkel il-bejgħ online;

5.   Jinnota l-importanza tat-tisħiħ tal-fiduċja tal-konsumatur li bħalissa hija baxxa fit-tranżazzjonijiet transkonfinali billi jissaħħaħ l-infurzar transkonfinali u fuq l-internet tar-regoli eżistenti, tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet tal-ħarsien tal-konsumatur, tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, u t-twaqqif ta’ mekkaniżmi effiċjenti madwar l-UE għall-monitoraġġ tas-suq u l-verifiki, sistema ta’ maniġġjar ta’ ilmenti u riżoluzzjoni ta’ tilwim;

6.   Jistieden lill-Kummissjoni bies twettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-ħolqien jew il-ħatra ta’ awtoritajiet nazzjonali biex jittrattaw it-talbiet ta’ reġistrazzjoni għal kummerċ elettroniku transkonfinali fuq l-internet minn kumpaniji jew intraprendituri mill-Istati Membri tagħhom, u awtorità Ewropea li tista’ tikkorrelata mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex ikun jista’ jsir twettiq tas-suq intern bil-ħeffa;

7.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi sett ċar ta' standards meħtieġa għall-Kummerċ elettroniku transkonfinali fil-livell tal-UE, bħal pereżempju l-obbligu ta' negozjanti biex tipprovdi lill-klijenti u lill-awtoritajiet pubbliċi b'aċċess faċli, dirett, permanenti u b'xejn għall-informazzjoni li tirrigwarda l-isem u n-numru ta' reġistrazzjoni tan-negozjant jew il-fornitur tas-servizz, il-prezzijiet għall-oġġetti u s-servizzi offruti u kwalunkwe spejjeż ta’ kunsinna oħra li jistgħu jiżdiedu mal-kont. Il-konformità ma’ dan is-sett ta’ standards twassal għaċ-ċertifikazzjoni tal-Kummerċ elettroniku transkonfinali madwar l-UE mill-awtorità ta’ reġistrazzjoni;

8.   Jemmen li l-fiduċja tal-konsumatur tista’ tissaħħaħ iktar billi tiġi żgurata l-fiduċja tal-pubbliku fl-ambjent tal-internet, jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, jiġi regolat il-ġbir tad-dejta, l-identifikazzjoni tal-imġiba, il-kategorizzazzjoni u r-reklamar, u t-tqajjim tal-kuxjenza tal-konsumatur permezz ta’ kampanji edukattivi u informattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għall-adattament tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-ambjent diġitali attwali;

9.   Itenni li r-rispett tad-dritt fundamentali tal-bniedem għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta huwa element ewlieni biex ikun jista' jsir il-kummerċ elettroniku;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li l-katina tal-provvista u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kummerċ elettroniku transkonfinali jiġu ssimplifikati u jkunu iktar trasparenti billi jiġu stabbiliti regoli dwar it-tqarriq jew l-informazzjoni mhux sħiħa dwar id-drittijiet tal-konsumatur, l-ispejjeż totali u d-dettalji ta’ kuntatt tan-negozjant u billi jiġu promossi l-aqwa prattiki ġusti, rakkomandazzjonijiet u linji gwida għall-ħwienet elettroniċi; jagħraf l-isforzi li saru f’dan il-qasam mill-UE biex jiġu ċċarati t-termini, il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet tat-titjiriet li għandu jservi ta’ eżempju;

11. Jemmen li l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ mġiba awtoregolatorji minn assoċjazzjonijiet kummerċjali, professjonali u tal-konsumatur u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-rapport tal-Parlament 'dwar id-definizzjoni ta’ Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu’ li titlob għall-ħolqien ta’ karta Ewropea dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-konsumaturi fl-ambjent diġitali u l-iżvilupp tal-‘ħames libertà’ li tippermetti l-moviment ħieles ta’ kontenut u għarfien, isaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku billi jiġu ċċarati d-drittijiet u l-obbligi tal-personaġġi kollha fis-soċjetà tal-informazzjoni;

12. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u l-infurzar ta’ lowgos, marki ta’ fiduċja u ta’ kwalità biex jintużaw madwar l-UE li jgħinu lill-konsumatur biex jidentifika negozjanti elettroniċi b'reputazzjoni tajba, jippremjaw lill-aqwa prattiki u jħeġġu l-innovazzjoni li jappoġġaw lill-kumpaniji tal-UE fl-isforzi tagħhom biex imorru lil’hinn mis-suq domestiku tagħhom;

13. Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-fiduċja fis-sistemi ta’ ħlas elettroniku transkonfinali (eż, karti tal-kreditu u debitu u portmonijiet elettroniċi) billi tiġi promossa firxa ta’ mezzi ta’ ħlas, tissaħħaħ l-interoperabilità u l-istandards komuni, jiġu miġġielda l-ostakli tekniċi, jiġu appoġġati l-iktar teknoloġiji sikuri għat-tranżazzjonijiet elettroniċi, tiġi armonizzata u msaħħa l-leġiżlazzjoni dwar il-privatezza u dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, jiġu miġġielda l-attivitajiet ta' frodi u tingħata informazzjoni u edukazzjoni lill-pubbliku;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-istabbiliment ta’ strument finanzjarju Ewropew għall-karti tal-kreditu u d-debitu, sabiex ikun possibbli li jiġu pproċessati transazzjonijiet bil-karti tal-kreditu fuq l-internet;

15. Jemmen li r-riforma tas-setturi tal-posta u l-promozzjoni tal-interoperabilità u l-kooperazzjoni fost is-sistemi u s-servizzi tal-posta jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transkonfinali, li jeħtieġ distribuzzjoni u l-intraċċar tal-prodotti effiċjenti u li ma jiswewx wisq ; jisħaq għalhekk fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni rapida tat-Tielet Direttiva dwar il-Posta (2008/6/KE);

16.  Jenfasizza l-importanza ta’ firem elettroniċi u tal-infrastruttura ewlenija privata (PKI) għas-servizzi elettroniċi siguri tal-gvern Pan-Ewropej u jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi Gateway tal-Validazzjoni tal-Awtoritajiet Ewropej sabiex tiżgura interoperabilità transkonfinali għal firem elettroniċi;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ b'miżuri biex jappoġġaw l-inizjattiva dwar il-fattura-e bil-għan li tiżgura użu ta' fatturi elettroniċi mal-Ewropa kollha kemm hi sal-2020;

18. Billi titqies l-importanza li jintgħaraf il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li, sal-2015, tal-inqas 50% tal-akkwisti pubbliċi kollha jsiru b’mezzi elettroniċi, skont il-pjan ta’ azzjoni miftiehem fil-Konferenza Ministerjali dwar il-Gvern elettroniku li saret f’Manchester fl-2005;

19. Jemmen li l-kummerċ bil-mowbajl (kummerċ-m) jista’ jkun parti sinifikanti tal-kummerċ elettroniku, li jista’ jilħaq lil miljuni ta’ ċittadini Ewropej li jużaw mowbajls iżda mhux kompjuters personali, biex b'hekk tiġi żviluppata iktar il-konverġenza tal-Internet u t-teknoloġiji tal-mowbajls u titkattar it-tmexxija tal-UE fil-komunikazzjonijiet bil-mowbajl;

20. Jemmen li l-iżvilupp u l-appoġġ ta' speċifikazzjonijiet u standards komuni, tekniċi u operattivi (għall-kompatibilità, l-interoperabilità, l-aċċessibilità, is-sigurtà, il-loġistika, il-kunsinna, eċċ) se jiffaċilita l-kummerċ elettroniku transkonfinali billi tingħata l-għajnuna lill-konsumaturi, partikolarment lil dawk vulnerabbli u lill-utenti tal-kompjuters mingħajr esperjenza, u billi jitnaqqsu l-ostakli operattivi, tekniċi, kulturali u dawk lingwistiċi li jeżistu bejn id-diversi Stati Membri;

21. Jagħraf l-isfidi legali partikolari marbuta mal-iżvilupp ta’ suq intern għall-kummerċ bil-mowbajl li jkun jista’ jiżgura d-drittijiet tal-konsumatur, il-privatezza personali u l-ħarsien ta’ konsumaturi taħt l-età; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina din il-kwistjoni bir-reqqa;  

22. Jemmen li t-tiftix u r-reklamar transkonfinali fuq l-internet għandhom jipprovdu lill-konsumaturi u l-kummerċjanti b’informazzjoni aħjar u għandhom isaħħu l-kapaċità tagħhom biex jistgħu jqabblu u jidentifikaw offerti; huwa mħasseb, f’dan ir-rigward, dwar disturbu possibbli għall-kompetizzjoni li l-konsumaturi u l-intraprendituri jistgħu jesperjenzaw f’xi Stati Membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-industrija, biex tindirizza n-nuqqasijiet tat-tiftix u l-pjattaformi ta’ reklamar fuq l-internet u biex tħeġġeġ il-ħidma transkonfinali tagħhom, pereżempju permezz tal-promozzjoni ta’ dominji .eu;

23. Jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta’ qafas koerenti għall-UE kollha, fi ħdan il-limiti tal-acquis komunitarju, dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex jiġi żviluppat iktar il-kummerċ elettroniku transkonfinali; tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-oġġetti illegali u ffalsifikati; u t-tqajjim tal-kuxjenza dwar dawn il-kwistjonijiet fost il-konsumaturi Ewropej;

24. Jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni mħeffa u effettiva tal-Faċilità Ewropea għall-Progress fil-Mikrofinanzi, li tkun taħdem minn Ġunju 2010, li tista’ tipprovdi impetu għall-promozzjoni ta’ negozji fuq l-internet, partikolarment fost dawk qiegħda reċentement;

25. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni biex jiġu evitati r-riskji li jirriżultaw minn offerti ta’ prodotti illegali fuq l-internet, partikolarment mediċini u prodotti tal-kura tas-saħħa ffalsifikati, billi jiġu promossi l-litteriżmu dwar is-saħħa u l-użu ta’ siti speċifiċi tad-dominji .eu biex tinġibed l-attenzjoni lejn informazzjoni li tqarraq ;

26. Jinnota li huwa meħtieġ li tiġi introdotta leġiżlazzjoni applikabbli għat-transazzjonijiet elettroniċi kollha li hija essenzjali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-utenti tas-servizz tal-kummerċ elettroniku;

27. Jitlob għall-iżvilupp, skont il-programmi ta’ qafas għar-riċerka, ta’ proġetti ta’ riċerka innovattivi mmirati lejn il-promozzjoni u l-unifikazzjoni tas-suq tal-kummerċ elettroniku tal-UE billi tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur, tingħata s-setgħa u l-għażla fl-ambjent diġitali;

28. Jemmen li l-midja u l-kapaċità tal-użu tal-kompjuter u l-għarfien dwar dan huma essenzjali għall-iżvilupp ta’ ambjent diġitali Ewropew, u għalhekk jitlob li jitwaqqaf 'Pjan ta’ azzjoni għal-litteriżmu u l-inklużjoni diġitali’ fuq il-livell tal-UE u tal-Istati Membri li jkun fih:' opportunitajiet speċifiċi ta’ taħriġ dwar il-litteriżmu diġitali għal nies qiegħda u għal gruppi li huma f’riskju ta’ esklużjoni; inċentivi għall-inizjattivi mis-settur privat sabiex jipprovdu taħriġ dwar ħiliet diġitali lill-impjegati kollha; inizjattiva mifruxa mal-Ewropa kollha bl-isem ta’ “Ħaddem rasek online!” sabiex tiffamiljarizza lill-istudenti, inklużi dawk impenjati fit-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ professjonali, mal-użu sigur tal-ICT u tas-servizzi online; u skema ta’ ċertifikazzjoni komuni tal-ICT fil-livell tal-UE;

29. Jitlob għall-monitoraġġ effiċjenti tal-iżviluppi legali, tekniċi u ekonomiċi fil-kummerċ elettroniku u jinnota l-ħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt u għad-deċiżjonijiet kollha li jaffettwaw is-suq uniku diġitali u s-soċjetà tal-informazzjoni; għal dan il-għan ‘tabella ta’ valutazzjoni tal-kummerċ elettroniku’ għall-valutazzjoni tal-ambjent tas-suq diġitali fuq l-internet Ewropew tkun għodda importanti;

30. Jafferma mill-ġdid l-importanza ta’ kummerċ elettroniku transkonfinali bejn negozju u ieħor bħala l-mezz għall-kumpaniji Ewropej, partikolarment l-SMEs, biex jikbru, isiru iktar kompetittivi u biex joħolqu prodotti u servizzi iktar innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu qafas regolatorju u legali sod u b’ċertezza sabiex il-kumpaniji jingħataw il-garanziji li jeħtieġu biex iwettqu transazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku transkonfinali bejn negozju u ieħor b’fiduċja;

31. Jinnota li fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva tas-Servizzi Universali, iktar żvilupp ta’ aċċess broadband rapidu u raġonevoli bħala prijorità huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, minħabba li n-nuqqas tal-aċċess għall-Internet jibqa’ wieħed mill-ikbar ostakoli fl-użu tal-kummerċ elettroniku miċ-ċittadini Ewropej.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Lena Ek, Ioan Enciu, Gaston Franco, Adam Gierek, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Oriol Junqueras Vies, Arturs Krišjānis Kariņš, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Niki Tzavela, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

António Fernando Correia De Campos, Francesco De Angelis, Françoise Grossetête, Oriol Junqueras Vies, Ivailo Kalfin, Ivari Padar, Vladko Todorov Panayotov, Markus Pieper, Mario Pirillo, Catherine Trautmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jürgen Creutzmann, Ramona Nicole Mănescu, László Surján


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (02.6.2010)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku

(2010/2012(INI))

Rapporteur: Sajjad Karim

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku jista’ jtejjeb il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE, fil-qafas tal-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-UE tal-2020, inklużi l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' modi ġodda ta' intraprenditorija għall-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju,

B.  billi l-ħolqien ta’ ‘Suq Uniku Diġitali’, jiffaċilita t-tranżazzjonijiet minn pajjiż għal ieħor f’ambjent tal-internet għall-konsumaturi kollha madwar l-Unjoni Ewropea, u huwa element importanti li jagħti saħħa mill-ġdid lis-Suq Uniku minħabba li liċ-ċittadini jipprovdilhom għażla usa' ta' prodotti u servizzi,

C. billi s-Suq Uniku Diġitali jista’ jkun komplut biss jekk tiġi implimentata b'mod korrett leġiżlazzjoni importanti tas-Suq Waħdieni, inkluża d-Direttiva dwar is-Servizzi, fl-Istati Membri kollha tal-UE,

D. billi la l-konsumaturi u lanqas in-negozji ma jistgħu japprofittaw mill-benefiċċji ta' Suq Diġitali Waħdieni minħabba li ftit bejjiegħa fuq l-internet ibigħu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom lil Stati Membri oħra u dawk li jagħmlu dan, ibigħu biss għal għadd limitat ta’ Stati Membri,

E.  billi l-proprjetà intellettwali għandha funzjoni ewlenija u billi l-protezzjoni tagħha, qabel xejn fl-internet, għadha sfida speċjali,

F.  billi d-diversi sistemi tat-taxxi tal-copyright fl-Istati Membri jeħtieġu li jiġu ssimplifikati u ċċarati sabiex ikun iktar faċli biex il-fornituri ta’ oġġetti u servizzi fuq l-internet ikunu jistgħu jqiegħdu l-prodotti u s-servizzi għad-disponibbiltà tal-konsumaturi fi Stati Membri differenti,

G. billi r-reviżjoni tas-sistemi tat-taxxi tal-copyright tipprovdi lill-fornituri tal-oġġetti u s-servizzi fuq l-internet b'ċertezza legali ikbar fl-offerta ta’ prodotti u servizzi għall-konsumaturi,

H. billi huwa kruċjali li niżguraw iċ-ċertezza legali u t-trasparenza fil-proċess tal-approvazzjoni tad-drittijiet meta bejjiegħ bl-imnut elettroniku jtella' fuq sit kontenut protett bid-dritt tal-awtur,

I.   billi huwa kruċjali li jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur sabiex tiġi promossa l-fiduċja fl-oġġetti u s-servizzi fuq l-internet, bl-iżgurar li s-suq online jirrispetta l-prattiki kummerċjali,

J.   billi jeħtieġ li d-diskriminazzjoni tal-konsumatur tiġi indirizzata, inkluż fiż-żmien tal-ħlas, billi jiġi żgurat li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet sabiex isir u jiġi irċevut il-ħlas u l-kunsinna,

1.  Jappoġġa s-simplifikazzjoni tat-taxxi tal-copyright attwali minħabba ostaklu sinifikanti għall-konsumaturi u barrieri għall-funzjonament tas-Suq Waħdieni li jirriżultaw mis-sistema attwali;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jintegraw aħjar iċ-ċentri tas-Suq Uniku li jinkorporaw is-SOLVIT, punti ta' kuntatt uniku (kif tesiġi d-Direttiva dwar is-Servizzi), ċentri tal-prodotti (kif provdut fir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku), u tagħrif ulterjuri, inklużi rekwiżiti legali, meħtieġa min-negozji biex ibigħu l-prodotti tagħhom transkonfinalment u fuq l-internet; jenfasizza li l-funzjonament ta' dan il-‘one-stop shop’ huwa essenzjali għall-ikkompletar tas-suq uniku għall-kummerċ elettroniku;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizjattiva u twettaq valutazzjoni tal-impatt urġenti fuq l-iktar metodu xieraq biex jiġu ttrattati t-taxxi tal-copyright, inkluża l-possibbiltà ta' taxxa fuq il-prodott meta u fejn dan jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba fl-Unjoni Ewropea, minħabba li l-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu ftehim;

4.  Itenni li r-rispett tad-dritt fundamentali tal-bniedem għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta huwa kruċjali biex ikun jista' jsir il-kummerċ elettroniku;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti tar-regoli tal-UE li jirregolaw il-privatezza tad-dejta sabiex tiġi żgurata protezzjoni tad-dejta msaħħa u tiġi promossa l-fiduċja tal-konsumatur fis-sistemi ta' ħlas fuq l-internet;

6.  Iqis li t-titjib tas-sistemi tal-ħarsien tal-konsumatur madwar l-UE jista’ jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur fit-tranżazzjonijiet transkonfinali fuq l-internet, inkluża l-protezzjoni kontra l-frodi bil-karti ta' kreditu;

7.  Jenfasizza li fl-ambjent tal-internet, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ ikunu 'l bogħod minn xulxin u x-xerrej għandu kapaċità limitata li jivvaluta l-kwalità fiżika tal-prodotti, l-aċċess għal informazzjoni preċiża u ċara huwa essenzjali għat-trasparenza;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi biex jaġixxu bil-ħeffa kontra websajts illegali billi jagħtu aktar attenzjoni għad-drittijiet tal-konsumatur, inklużi miżuri bil-għan li jintroduċu tikketti għall-websajts ta' sikurezza u sigurtà u li jiżguraw li l-kumpaniji li jipprovdu reklamar sponsorjat ma jirreklamawx fuq websajts illegali.

9.  Jitlob li ssir proposta mill-Kummissjoni biex tindirizza l-azzjonijiet jew is-sanzjonijiet xierqa rigward il-kummerċ elettroniku għall-oġġetti u l-mediċini ffalsifikati, inklużi tikketti għal websajts ta' sikurezza u sigurtà, bħalma huma sistemi ta' ċertifikazzjoni għall-ispiżeriji awtorizzati;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex toqgħod attenta li, fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, mhedded l-infurzar legali rigoruż tad-drittijiet tal-awtur;

11. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għas-simplifikazzjoni tal-obbligi tad-dikjarazzjoni tal-VAT u għall-‘kont simplifikat’ għall-kummerċ postali u jenfasizza li fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa, inkluża t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), il-prinċipju tas-sussidjarjetà jibqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri u għandu jiġi rrispettat ;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel disponibbli skema integrata għall-ġbir tal-VAT biex tinkoraġġixxi lill-SMEs ħalli jagħmlu kummerċ transkonfinali b'anqas spejjeż amministrattivi;

13. Jenfasizza l-importanza li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi fuq l-internet u l-pajjiż ta' oriġini tagħhom fuq l-internet, billi jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-ħlas fuq l-internet għas-27 Stat Membru kollha tal-UE, inkluża l-possibbiltà għall-konsumaturi biex ikollhom għażla fost mezzi differenti għall-pagamenti online;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi ħalli toħloq ċertezza legali u tittratta l-frammentazzjoni gravi li teżisti rigward il-proċess tal-approvazzjoni tad-drittijiet u ġurisdizzjonjiet multipli tal-Istati Membri meta l-kontenut tal-midja jittella' fuq il-websajts;

15. Ifakkar lill-Kummissjoni li għad hemm disparitajiet fil-qafas legali għas-servizzi fuq l-internet u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi b’mira speċifika sabiex jissaħħaħ l-aċċess tal-konsumatur u fiduċja fil-prodotti u s-servizzi kkummerċjalizzati fuq l-internet, u joffrilu approċċ sempliċi 'one-stop shop';

16. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tneħħi l-obbligu li dak li jkun qabel ma jbigħ online jrid ikollu ħanut fiżiku, minħabba li dan ir-rekwiżit radikalment ifixkel il-bejgħ online;

17. Jemmen li l-fiduċja tal-konsumatur tista’ tinbena bi standards u kodiċijiet ta’ mġiba li jippermettu lill-fornituri tas-servizzi fuq l-internet biex ilaħħqu mal-iżviluppi teknoloġiċi li qegħdin jinbidlu bil-ħeffa;

18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk il-ħolqien ta' portal għall-kummerċ elettroniku mmonitorjat mill-Kummissjoni u bl-involviment tal-persuni interessati u tal-Istati Membri jistax jikkontribwixxi aħjar għat-tixrid tal-aħjar prattiki u tal-informazzjoni, u b'hekk ikabbar il-fiduċja tal-konsumatur u jkattar il-kummerċ elettroniku transkonfinali.

19. Jinkoraġġixxi r-rikors għal-mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, bil-possibbiltà li dak li jkun jirrikorri għalihom bi proċedura online, aċċessibbli bla dewmien permezz tal-portal Ewropew tal-Ġustizzja-e kif u meta dan isir disponibbli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Gerald Häfner, Daniel Hannan, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Evelyn Regner, Dimitar Stoyanov, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Kurt Lechner, Angelika Niebler

Sostitut(i) skont l-Artikolu 187(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Mara Bizzotto, Jutta Steinruck


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Cristian Silviu Buşoi, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Philippe Juvin, Sandra Kalniete, Edvard Kožušník, Kurt Lechner, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Cornelis de Jong, Othmar Karas, Emma McClarkin, Rafał Trzaskowski, Wim van de Camp

Avviż legali - Politika tal-privatezza