RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

15.7.2010 - (05942/2010 – C7‑0264/2009 – 2009/0036(NLE)) - ***

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Csaba Sógor

Proċedura : 2009/0036(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0231/2010

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

(05942/2010 - C7‑0264/2009 – 2009/0036(NLE))

(Proċedura ta' approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (8793/2009),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2009)0106),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05942/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 63, l-ewwel paragrafu, punt 3, punt (b) u l-Artikolu 300(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, u l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE, skont liema l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C7-0264/2009),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu 'Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa' (COM(2009)0665),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 79(3) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), punt (v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0231/2010),

1.  Jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Fit-18 ta’ Settembru 2000, il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim ta' riammissjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan. Wara diversi rawnds ta' negozjati, il-ftehim kien inizjalat fil-livell tan-negozjaturi fid-9 ta' Settembru 2008. Il-Kunsill adotta d-deċiżjoni għall-iffirmar tal-ftehim fl-4 ta' Ġunju 2009 u l-ftehim kien iffirmat mill-Komunità Ewropea u l-Pakistan fi Brussell fis-26 ta' Ottubru 2009.

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċmebru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet il-Komunità Ewropea. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-Unjoni sabiex jiġi konkluż il-Ftehim huma rregolati mill-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jgħid li l-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim propost. Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) huwa l-kumitat responsabbli, u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) kien mitlub jagħti opinjoni.

Suġġett

L-għan tal-Ftehim huwa li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istat li jagħmel it-talba u ta' dak li ssirlu t-talba sabiex il-proċess ta' riammissjoni jitħaffef iktar. Għal dak il-għan, il-Ftehim jistipula l-obbligu, fuq bażi totalment reċiproka, ta' riammissjoni ta' ċittadini proprji, u, b'ċerti kundizzjonijiet, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat kif ukoll id-dispożizzjonijiet tekniċi neċessarji dwar il-proċedura ta' riammissjoni (talba għal riammissjoni, mezzi ta' prova, limiti ta' żmien, modalitajiet ta' trasferiment u modi ta' trasport).

Il-Ftehim għandu l-għan li jkun strument importanti fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali fl-Unjoni Ewropea u għandu jżid is-sigurtà fit-territorju tagħha. Il-Pakistan huwa pajjiż importanti ta' oriġini jew tranżitu ta' migranti li ma jissodisfawx, jew m'għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul fit-territorju ta' Stat Membru tal-UE, jew għal preżenza jew residenza fih (skont id-data tal-Kummissjoni għall-2008 fl-UE27: 13,348 arrestati, 17,016-il deċiżjoni għar-ritorn, 4,424 tneħħija, li minnhom 3,667 marru lura f'pajjiż terz). Il-ftehim mal-Pakistan huwa wkoll rilevanti minn perspettiva reġjonali u se jkun ta' appoġġ għall-isforzi tal-UE għat-titjib tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra fir-reġjun.

Il-Ftehim jinkludi klawsola ta' konsistenza ma' liġijiet internazzjonali u ma' regoli oħrajn ta' protezzjoni tad-data. Ir-ritorn tal-persuna fiżika fih innifsu huwa xogħol l-awtorità kompetenti fi Stat Membru u fil-Pakistan. Dawn għandhom jikkonformaw mal-obbligi rilevanti tal-liġi internazzjonali, bħall-prinċipju ta' non-refoulement, u se jinżammu responsabbli għat-tkeċċijiet quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom. Il-prinċipju ta' non-refoulement għandu wkoll implikazzjonijiet proċedurali, ladarba l-Istati huma mitluba jagħmlu evalwazzjoni tar-riskju ta' trattament ħażin, inkluż f'każijiet ta' tneħħija indiretta għal pajjiż intermedjarju. L-Istati Membri kollha huma stati kontraenti għall-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u għalhekk huma marbutin b'dawn l-obbligi.

Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni li jista’ jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Jekk wieħed iqis li fost l-istituzzjonijiet Ewropej, hija biss il-Kummissjoni Ewropea li tieħu sehem fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni, il-Parlament Ewropew għandu jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni regolari dwar l-attività tal-Kumitat.

Applikazzjoni territorjali

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit wera x-xewqa li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. L-Irlanda, skont it-termini tal-istess Protokoll, iddeċidiet li ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

Dħul fis-seħħ, tul taż-żmien u terminazzjoni

Dan il-Ftehim se jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri ta' ratifika jkunu tlestew.

L-Artikolu 20(3) fih klawsola li tistipula li l-ftehim mhux retroattiv, li tfisser li l-ftehim mhux se japplika għal dawk iċ-ċittadini Pakistani li jkunu waslu fit-territorju tal-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim.

Kunsiderazzjonijiet oħra

L-Unjoni Ewropea għandha tieħu kull azzjoni xierqa sabiex tiżgura li l-gvern tal-Pakistan jirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, u l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra tal-1984.

OPINJONI TA' MINORANZA

imressqa skont l-Artikolu 52(3) tar-Regoli ta' Proċedura minn

Sylvie Guillaume f'isem il-Grupp S&D,

Hélène Flautre, Franziska Keller, Jean Lambert u Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE

Rui Tavarès, Cornelia Ernst u Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

Il-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u l-Pakistan huwa l-ewwel wieħed konkluż taħt it-Trattat ta' Lisbona. Għalhekk, il-Parlament Ewropew għandu jiżgura li dan ikun konformi għal kollox mat-Trattati tal-UE, mal-liġi Ewropea u internazzjonali dwar id-drittijiet fundamentali u l-asil.

Aħna vvutajna kontra l-ftehim attwali għaliex:

- għandu l-għan li jibgħat lura n-nies lejn pajjiż li ma jikkonformax mal-istandards rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem, li ma ffirmax il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u fejn is-sitwazzjoni attwali ma tippermettix ritorn sikur. Barra minn hekk, il-Pakistan diġà għandu l-problemi biex jilqa' numru kbir ta' persuni spostati.

- dan ma jinkludix salvagwardji u mekkaniżmi stretti rigward il-vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali.

- fih diversi lakuni u ambigwitajiet, b'mod partikulari rigward id-definizzjonijiet, id-dokumenti tal-ivvjaġġar, l-iskadenzi għar-risposti għat-talbiet ta' riammissjoni, l-operazzjonijiet ta' tranżitu, il-piż tal-prova, u l-possibilità ta' retroattività. Dawn l-ambigwitajiet għandhom jiġu ċċarati fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni li fih, sfortunatament, il-PE ma għandux vuċi, li jkun kompletament leġittimu fir-rigward tal-kompetenzi ġodda tiegħu.

- ma jagħtix garanzija adegwata ta' protezzjoni tad-data personali: id-data tista' tingħadda lil "entitajiet oħra", mingħajr il-ħtieġa tal-kunsens tal-persuna.

- qabel il-konklużjoni tal-ftehimiet il-ġodda, hija indipensabbli evalwazzjoni tal-ftehimiet preċedenti.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (7.6.2010)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni
(5942/2010 – C7‑0264/2009 – 2009/0036(NLE))

Rapporteur: Gabriele Albertini

ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR

Wara 8 snin ta’ negozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Pakistan, fl-aħħar intlaħaq ftehim dwar il-proċedura ta’ riammissjoni għal persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni, u t-test maqbul ġie ffirmat f’Ottubru 2009, soġġett għall-konklużjoni tiegħu. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim propost; jekk il-Parlament jivvota biex jirrifjuta l-ftehim, dan ma jistax jidħol fis-seħħ. Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) huwa l-kumitat li jmexxi u, meta wieħed jikkunsidra l-interess li l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin minn żmien twil ilu għandu fil-Pakistan, l-AFET talab awtorizzazzjoni biex ifassal abbozz ta’ opinjoni.

Id-deċiżjoni proposta li tirrigwarda l-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi l-arranġamenti interni meħtieġa għall-applikazzjoni prattika tal-Ftehim. Fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni mehmuż mal-proposta, il-Kummissjoni tenfasizza li l-obbligi tar-riammissjoni huma mfassla b’mod għalkollox reċiproku, u jinkludu ċittadini proprji kif ukoll dawk ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr Stat. Intlaħaq ftehim dwar deroga mid-deċiżjoni għad-Danimarka u, reċentement, għall-Irlanda.

L-abbozz ta' opinjoni oriġinali kien talab lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrifjuta l-proposta, filwaqt li ġibed l-attenzjoni għall-qagħda interna instabbli u l-istampa persistenti tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan, in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni, fin-negozjati tagħha, li tipprova tiżgura jkunu rrispettati d-drittijiet u s-sikurezza tal-persuni rritornati (sew ċittadini tal-Pakistan kif ukoll dawk ta' pajjiżi terzi jew persuni bla stat fi tranżitu għall-istat finali ta' destinazzjoni), kwistjonijiet li ftit li xejn huma rassikuranti fil-kuntest tar-riammissjoni furzata fil-Pakistan. Issemma wkoll bħala fatt disturbanti li sal-lum għadha ma saret l-ebda evalwazzjoni tal-11-il ftehim ta' riammissjoni diġà fis-seħħ, partikolarment fid-dawl ta' tħassib dwar ir-rispett tad-drittijeit tal-bniedem.

Il-membri qablu li dawn tassew kienu kwistjonijiet sinifikanti ta' tħassib, imma ddeċidew li qafas ċar għall-kooperazzjoni mal-Pakistan dwar ir-riammissjoni huwa preferibbli għal sitwazzjoni fejn hemm riskju li l-Istati Membri jirritornaw l-immigranti illegali fuq bażi ad hoc u bla superviżjoni tal-UE rigward ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni rritornati, sew jekk kienu ta' oriġini fil-Paksitan, f'pajjiż terz jew inkella persuni bla Stat fi tranżitu mill-Pakistan. L-Artikolu 16 tal-Ftehim dwar ir-Riammissjoni jiżgura li l-UE jkollha rwol f'dan ir-rigward. Il-Kumitat tenna l-ħtieġa għal evalwazzjoni tal-ftehimiet konklużi sal-lum mill-UE, imma wera l-fehma li dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali m'għandhomx iwasslu għal rifjut ta' dan il-ftehim partikolari.

*******

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jitlob lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.6.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

10

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Sir Robert Atkins, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Ryszard Antoni Legutko, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Barry Madlener, Mario Mauro, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Pier Antonio Panzeri, Alojz Peterle, Mirosław Piotrowski, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Ernst Strasser, Charles Tannock, Zoran Thaler, Inese Vaidere, Kristian Vigenin, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Băsescu, Nikolaos Chountis, Hélène Flautre, Kinga Gál, Roberto Gualtieri, Judith Sargentini, György Schöpflin, Alf Svensson, Renate Weber

Sostituti (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Michèle Striffler

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.7.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

22

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Angelilli, Rita Borsellino, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Rosario Crocetta, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Baroness Sarah Ludford, Monica Luisa Macovei, Clemente Mastella, Véronique Mathieu, Louis Michel, Jan Mulder, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Judith Sargentini, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Wim van de Camp, Daniël van der Stoep, Axel Voss, Renate Weber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Edit Bauer, Michael Cashman, Anna Maria Corazza Bildt, Ioan Enciu, Monika Hohlmeier, Iliana Malinova Iotova, Franziska Keller, Jean Lambert, Petru Constantin Luhan, Antonio Masip Hidalgo, Mariya Nedelcheva, Marie-Christine Vergiat, Cecilia Wikström

Sostituti (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pervenche Berès, Emilio Menéndez del Valle, Catherine Trautmann