RAPPORT dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mat-Turkija

17.8.2010 - (2009/2200(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Metin Kazak


Proċedura : 2009/2200(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0238/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mat-Turkija

(2009/2200(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport 2009 tal-Kummissjoni dwar il-Progress tat-Turkija (SEC(2009)1334),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim tat-12 ta' Settembru 1963 li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim tat-23 ta' Novembru 1970, u b'mod partikolari l-Artikolu 41(1) tiegħu (klawżola tal-istatus quo),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1/80 tal-Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija tad-19 ta' Settembru 1980;

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1/95 tal-Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (96/142/KE),

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li jikkonċernaw l-erba' movimenti fundamentali, b'mod partikolari fil-każijiet Demirel, Sevince, Savas, Abatay-Sahin, Tum-Dari u Soysal,

–   wara li kkunsidra l-aħħar Reviżjoni tal-Kummerċ tad-WTO dwar it-Turkija, ippubblikata fl-2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–   wara li kkunsidra l-analiżi tad-Dipartiment tal-Politika tal-programm annwali tal-2009 għat-Turkija taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) fil-kuntest tal-pakkett ta’ tkabbir tal-2009,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0238/2010),

A. billi l-Unjoni Doganali mat-Turkija tibqa' waħda mill-aktar relazzjonijiet kummerċjali avvanzati u mill-qrib li għandha l-UE ma' kwalunkwe pajjiż terz,

B.  billi t-Turkija hija s-sbatax l-akbar ekonomija fid-dinja, skont l-istatistika tal-Bank Dinji, u s-sitt l-akbar ekonomija fl-Ewropa, bi prodotti industrijali li jammontaw għal aktar minn 90% tal-esportazzjonijiet tagħha, billi fl-2008 t-Turkija kienet tinsab fl-20 post fost l-pajjiżi li jirċievu l-iżjed IBD (investiment barrani dirett) u l-influss ta’ IBD ammonta għal 18-il biljun,

C. billi t-Turkija saret is-seba' l-akbar sieħba fil-kummerċ mal-UE u l-UE hija l-akbar sieħba tal-kummerċ mat-Turkija,

D. billi fl-2009 t-Turkija esportat EUR 33.6 biljun fi prodotti lejn l-UE u importat EUR 40.4 biljun fi prodotti mill-UE,

E.  billi l-qgħad medju fit-Turkija laħaq livell allarmanti ta’ 13% fl-2009, il-qgħad fost iż-żgħażagħ jammonta għal 24% u l-aktar stħarriġ reċenti dwar il-faqar (2007) jindika li 18.56% tal-popolazzjoni tat-Turkija tinsab taħt il-livell tal-faqar,

1.  Jilqa' l-fatt li r-relazzjonijiet tal-kummerċ tal-UE mat-Turkija huma fi stadju avvanzat; jistieden lit-Turkija tissimplifika l-proċeduri u l-burokrazija u biex tneħħi ostakli tariffarji u mhux tariffarji; jenfasizza l-importanza ta’ djalogu kostruttiv bejn iż-żewġ partijiet sabiex jitjiebu aktar dawn ir-relazzjonijiet;

2.  Ifakkar li, skont il-qari konġunt tal-Artikolu 205 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 21 tat-Trattat UE, l-azzjoni esterna tal-Unjoni, inkluża l-politika kummerċjali komuni, tfittex li tippromwovi “(...) d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-liġi internazzjonali” kif ukoll li tibni sħubija ma’ pajjiżi terzi li jħaddnu l-prinċipji msemmija hawn fuq;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli l-impenn u d-djalogu tagħha mat-Turkija dwar il-kummerċ, b'mod partikolari fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv Konġunt u l-Kumitat Konġunt tal-Unjoni Doganali bejn il-KE u t-Turkija; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jużaw dawn il-pjattaformi b'mod aktar effettiv, billi malajr isolvu kwistjonijiet pendenti bħall-projbizzjoni tat-Turkija fuq l-importazzjoni tal-laħam taċ-ċanga, annimali bovini ħajjin u prodotti derivattivi u l-kwoti tat-triq ta’ xi Stati Membri tal-UE applikati għal vetturi rreġistrati fit-Turkija;

4.  Jinnota l-potenzjali ta’ tkabbir fit-tul u l-ispeċifiċitajiet demografiċi tat-Turkija; iħeġġeġ kemm l-UE u kemm lit-Turkija jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-ekonomiji interkonnessi tagħhom, biex iżommu sistemi ta’ kummerċ u ta' investiment miftuħin u l-kapaċità tagħhom li jirreżistu l-pressjonijiet domestiċi protezzjonisti b’konformità mal-impenji tagħhom fil-pjattaformi internazzjonali varji, u biex jużaw strumenti ta' difiża kummerċjali b'mod konformi mad-WTO;

5.   Huwa mħasseb dwar il-livell baxx tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-impjieg tagħhom fis-settur informali; iħeġġeġ lit-Turkija biex tistabbilixxi l-impjieg tan-nisa fil-qalba tal-politiki ekonomiċi, soċjali u ta' impjieg tagħha;

6.   Jenfasizza s-serjetà tas-sitwazzjoni tax-xogħol fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta’ azzjonijiet speċifiċi biex jiġu indirizzati l-problemi; jirreferi għall-istudju reċenti tal-ILO li ddeskriva l-ħolqien tal-impjiegi u l-impjieg tan-nisa u ż-żgħażagħ b’mod partikolari bħala sfida ewlenija tas-suq tax-xogħol għall-iżvilupp tat-Turkija; jitlob, għalhekk, għal strateġija tal-impjiegi li timmira lejn l-impjieg taż-żgħażagħ b’mod ġenerali u s-sitwazzjoni tan-nisa żgħażagħ b’mod partikolari;

7.  Jilqa' t-twaqqif tal-Unjoni Doganali fl-1996 li pprovdiet aċċess akbar tas-suq u li ppermettiet volumi ta' kummerċ bejn l-UE u t-Turkija biex jintlaħqu EUR 100 biljun fis-sena fl-aqwa tagħhom fl-2008;

8.   Jenfasizza l-fatt li l-Unjoni Doganali tkopri prodotti manifatturati u prodotti agrikoli pproċessati; jinsab ħerqan għall-inklużjoni tal-prodotti agrikoli fl-Unjoni Doganali mill-aktar fis; iqis li l-Unjoni Doganali tista’ ssir iktar profonda billi tkopri oqsma oħra bħas-servizzi u l-akkwist pubbliku;

9.   Jiddispjaċih li, skont ir-reviżjoni l-aktar reċenti tad-WTO, ir-rata medja tat-tariffi fuq il-prodotti agrikoli applikata mit-Turkija hija relattivament għolja u f'xi każijiet estremament għolja (pereżempju fuq il-qamħ id-dazju applikat huwa 130%); jistieden lill-Gvern Tork inaqqas sostanzjalment dawn l-ostakli;

10. Jilqa' l-allinjament tal-Kodiċi Doganali Torka ma' dik tal-UE, u b'mod partikolari l-adozzjoni tas-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi; jitlob għal iżjed allinjament tal-leġiżlazzjoni Torka mal-acquis Komunitarju fir-rigward tal-kummerċ ħieles, il-ġlieda kontra l-iffalsifikar, u l-kontrolli a posteriori u l-awtorizzazzjonijiet għall-ħwienet mingħajr dazju;

11. Jiddeplora l-fatt li t-Turkija, għall-ħames sena konsekuttiva, ma implimentatx bis-sħiħ il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u lanqas ma neħħiet l-ostakli kollha għall-moviment ħieles tal-merkanzija; jistieden lit-Turkija biex tikkonforma bis-sħiħ u bla dewmien mal-obbligi kollha tagħha li jirriżultaw minn dan il-Protokoll b'mod mhux diskriminatorju, li se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-Istati Membri kollha tal-UE, u jfakkar li n-nuqqas ta’ dan jista’ jkompli jaffettwa b’mod serju l-proċess tan-negozjati;

12. Itenni li l-konformità sħiħa tat-Turkija mal-impenji tagħha taħt l-Unjoni Doganali hija essenzjali; iqis ukoll li jeħtieġ li jkun hemm iktar armonizzazzjoni mal-acquis Komunitarju f’ċerti setturi bħaż-żoni ta' kummerċ ħieles u l-eżenzjoni mid-dazju doganali;

13. Jisħaq li l-Unjoni Doganali tista' tibbenefika sew minn reviżjoni tal-Mekkaniżmu tas-Soluzzjoni ta’ Kwistjonijiet li tippermetti soluzzjoni mgħaġġla u ġusta ta' kwistjonijiet pendenti;

14. Iħeġġeġ li jitneħħa kwalunkwe ostaklu bla ħtieġa għall-kummerċ bejn l-UE u t-Turkija, inklużi ostakli tekniċi bħan-nuqqas ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikazzjoni, l-ittestjar duplikattiv, l-ispezzjonijiet duplikattivi, ir-regolamenti u l-istandards tekniċi obbligatorji, b’konformità mad-WTO; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex taqsam il-prattika tajba f’dan il-qasam;

15. Jirrikonoxxi d-diffikultajiet li taffaċċja t-Turkija biex tikkonkludi l-Ftehimiet tal-Kummerċ Ħieles (FKĦ) ma' pajjiżi terzi, li jwasslu għal effetti negattivi fuq l-ekonomija tat-Turkija billi jippermettu aċċess preferenzjali unilaterali għas-suq Tork għas-sħab tal-FKĦ tal-UE li magħhom it-Turkija għadha ma rnexxilhiex tiffirma FKĦ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li t-Turkija tkun inkluża fl-istudji ta' evalwazzjoni tal-impatt ta' FKĦ prospettivi bejn l-UE u pajjiżi terzi u biex ikomplu jsaħħu t-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-UE u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-FKĦ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis, fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, l-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija;

16  Jistieden lit-Turkija biex tneħħi l-liċenzji tal-importazzjoni li fadal għall-prodotti, li jiksru l-impenji magħmula skont l-Unjoni Doganali, u biex taqbel li taġġorna d-Deċiżjoni 2/97 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar it-tneħħija tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ;

17. Jilqa' l-leġiżlazzjoni dwar l-istandardizzazzjoni fil-kummerċ barrani adottata mill-Gvern Tork fl-2009; jinnota, madankollu, l-introduzzjoni ta' proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità u l-kontrolli fiżiċi tad-dwana; iħeġġeġ kemm l-UE u t-Turkija biex japplikaw b'mod sħiħ il-prinċipji ta' rikonoxximent reċiproku;

18. Jistieden lit-Turkija tirtira t-toqol ta’ proċeduri ta’ importazzjoni u biex tallinja s-sistema tagħha ta’ kwoti ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ dazju għal prodotti agrikoli proċessati li ma humiex konformi mal-Unjoni Doganali;

19. Jilqa' l-konklużjonijiet pożittivi tal-aħħar reviżjoni tad-WTO dwar it-Turkija; madankollu jħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jissodisfa r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u jaċċelera riformi strutturali u leġiżlattivi;

20 Jistieden lit-Turkija biex tissospendi l-ħtiġijiet il-ġodda dwar Prattiki Tajba tal-Manifattura peress li de facto jipprojbixxu l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti farmaċewtiċi, kif ukoll biex tipparteċipa u taderixxi ma’ inizjattivi internazzjonali għall-armonizzazzjoni tal-Prattiki Tajba tal-Manifattura kif ukoll standards bħal dawk tad-WHO u tal-UE;

21. Jinnota l-istrateġija dinamika tal-kummerċ internazzjonali tat-Turkija u l-konklużjoni tagħha ta' 16-il Ftehima tal-Kummerċ Ħieles s'issa; iħeġġeġ lill-UE u lit-Turkija biex jaħdmu flimkien ħalli jsaħħu r-relazzjonijiet tal-kummerċ mal-Ażja Ċentrali;

22. Jinnota l-fatt li 88% tal-istokk tal-IBD totali fit-Turkija jiġi mill-UE; madankollu jinnota li s-sehem tal-IBD fil-PGD tat-Turkija huwa relattivament żgħir;

23. Jilqa' r-rwol tat-Turkija fi ħdan il-pjattaformi reġjonali bħal ma huma l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed, il-Kummerċ tal-Baħar l-Iswed u l-Bank tal-Iżvilupp u l-Proċess ta' Kooperazzjoni Ewropew tax-Xlokk; iħeġġeġ lit-Turkija tassumi rwol ta’ mexxejja għall-promozzjoni ta' kummerċ miftuħ u ġust b'attenzjoni partikolari għall-benesseri soċjali, ekonomiku u ambjentali;

24. Jinnota r-rwol tat-Turkija fir-reġjun Mediterranju bħala sieħba fundatur tal-Proċess ta' Barċellona u jistieden lit-Turkija biex tirrispetta bis-sħiħ l-istati sħab kollha tal-Proċess; jenfasizza li hemm ambitu kbir għat-titjib tal-kummerċ tat-Turkija fil-baċin Mediterranju;

25. Jinnota li, filwaqt li l-UE tibqa’ l-akbar dieħba tal-Kummerċ tat-Turkija, ir-Russja, iċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-Iran kienu fost is-sħab ewlenin tal-kummerċ tat-Turkija fl-2009; jenfasizza li l-volum tal-kummerċ bejn it-Turkija u l-UE naqas matul l-2009, filwaqt li ġiet innutata tendenza ta’ żieda fl-ewwel żewġ kwarti tas-sena 2010; jinnota wkoll li t-Turkija qed tiddiversifika l-imsieħba kummerċjali tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel studju dwar il-kawżi, li jistgħu jinvolvu l-kriżi finanzjarja, u l-impatt ekonomiku tat-tnaqqis relattiv tas-sehem tal-UE fil-volum tal-kummerċ barrani tat-Turkija;

26. Jinnota li t-Turkija u l-UE jaffaċċjaw sfidi simili fil-provvista tal-enerġija; jenfasizza l-importanza tal-proġett Nabucco għas-sikurezza tal-provvista tal-enerġija fl-UE u għalhekk jistieden lit-Turkija biex tieħu l-inizjattiva biex timplimenta malajr il-Ftehim Intergovernattiv Nabucco; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ddefinita strateġija komuni ta' enerġija esterni u l-ftuħ tal-kapitolu enerġija li kieku jkomplij żżid il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija; iħeġġeġ lit-Turkija biex tirratifika l-Emenda tal-Kummerċ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u jħeġġeġ lit-Turkija tinvesti fil-potenzjal enormi tas-sorsi rinnovabbli tagħha tal-enerġija;

27. Jinnota li l-problemi tal-viża rikorrenti taħt il-GATS 4 jillimitaw b'mod sostanzjali ċ-ċaqliq ta' kummerċjanti u sewwieqa ta' trakkijiet Torok fl-UE; jisħaq fuq is-sentenzi suċċessivi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar din il-kwistjoni u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw dawn is-sentenzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jeżaminaw mill-ġdid proċeduri tal-viża bil-ħsieb li jeliminaw ostakli għall-kummerċ;

28. Jiddispjaċih li l-leġiżlazzjoni li tiżgura rispett sħiħ tad-drittijiet trejdunjonistiċi b’konformità mal-istandards tal-UE u mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali tax-Xogħol għadha ma ġietx ikkompletata, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet tal-organizzazzjoni tal-għaqdiet tal-ħaddiema u negozjar kollettiv u dritt tal-istrajk;

29. Iħeġġeġ lit-Turkija biex tevita prattiki diskriminatorji kontra impriżi barranin billi tagħti vantaġġ ta’ 15% fuq il-prezzijiet għal dawk in-nies Torok li jitfgħu offerta fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jistieden lit-Turkija biex issir parti mill-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku fi ħdan id-WTO;

30. Jisħaq fuq il-fatt li l-prodotti foloz, inklużi prodotti farmaċewtiċi u kożmetiċi, jirrappreżentaw problema ewlenija fir-relazzjonijiet tal-kummerċ bejn l-UE u t-Turkija u jnaqqsu l-element attraenti tat-Turkija għall-IBD; iħeġġeġ lit-Turkija biex tinforza l-leġiżlazzjoni ġdida dwar l-IPR b’mod effettiv sabiex għalhekk tippromwovi r-relazzjonijiet kummerċjali mal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-ħtiġijiet internazzjonali fil-liġi tal-proprjetà intellettwali u l-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku lokali fit-tfassil ta’ sistema tal-proprjetà intellettwali;

31. Jinnota li l-SMEs jiffurmaw 99% tal-impriżi Torok u jipprovdu 70% tal-opportunitajiet ta' impjieg fit-Turkija; iħeġġeġ lit-Turkija ttejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi; jilqa' d-Disa' Pjan ta' Żvilupp tat-Turkija li jiffoka fuq l-infiq għal Riċerka u Żvilupp li huwa kruċjali biex tiżdied il-kompetittività tal-SMEs;

32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Gvern tat-Turkija.

NOTA SPJEGATTIVA

Daħla

Ir-rwol tat-Turkija bħala attur tal-kummerċ dinji kiber fl-aħħar snin, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-pajjiż qed jikkapitalizza aktar fuq il-pożizzjoni ġeopolitika unika tiegħu. It-Turkija taġixxi bħala rabta fost ir-reġjuni tal-Mediterran, tal-Lvant Nofsani, tal-Ażja, tal-Baħar l-Iswed u tal-Kawkasju. L-aktar relazzjoni importanti tal-kummerċ li wasslet għall-iżvilupp tat-Turkija fix-xena tal-kummerċ dinji kienet madankollu r-relazzjoni privileġġata tagħha mal-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Doganali

L-għeruq tal-Unjoni Doganali jmorru lura għall-1963 meta t-Turkija u l-KEE daħlu fi ftehim ta' assoċjazzjoni li ppreveda li sal-1996 titwaqqaf unjoni doganali. Dan ippermetta tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi mat-twaqqif tal-Unjoni Doganali - waħda mill-uniku tlieta li l-UE daħlet fiha u l-unika waħda b'kandidatura għal adeżjoni. Minn dak iż-żmien intlaħaq livell għoli ta' integrazzjoni tas-suq, speċjalment rigward il-moviment ħieles ta' prodotti. Suċċess partikolari reċenti favur l-integrazzjoni ta' min wieħed isemmi kien l-adozzjoni tal-Kodiċi Doganali Torka u l-adozzjoni tas-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi.

Prodotti koperti mill-Unjoni Doganali jinkludu l-prodotti industrijali kollha u l-prodotti agrikoli pproċessati. Is-suċċess tal-Unjoni Doganali jista' jitkejjel biċ-ċifri: It-Turkija saret sħab kummerċjali ewlieni tal-UE li tidħol fis-7 pożizzjoni fl-ogħla swieq ta' importazzjoni tal-UE u fil-5 pożizzjoni fis-swieq ta' esportazzjoni. B'żewġ terzi tal-FDI totali li ġejjin mill-UE, it-Turkija saret bażi għall-investiment għall-kummerċ Ewropew b’integrazzjoni dejjem akbar fil-katina tal-provvista u tal-produzzjoni tal-UE, ta' spiss f’oqsma b’valur miżjud għoli. Fl-2009 t-Turkija esportat EUR 33.6 biljun fi prodotti lejn l-UE u importat EUR 40.4 biljun fi prodotti mill-Unjoni. It-Turkija saret ukoll il-15 l-akbar ekonomija fid-dinja.

Għalkemm l-Unjoni Doganali ġiet stabbilita fl-1996, l-Unjoni Doganali għadha s'issa mhux kompluta. Filwaqt li jitqiesu n-negozjati għall-adeżjoni, l-Unjoni Doganali tista’ tiġi approfondita bil-kopertura tal-prodotti u oqsma agrikoli bħal servizzi u akkwist pubbliku u tista’ tiġi disinjata mill-ġdid biex jitneħħew id-defiċjenzi attwali.

L-Unjoni Doganali hija evidenza fuq il-merti tagħha stess għas-suċċess tal-integrazzjoni ekonomika u kummerċjali bejn l-UE u t-Turkija. L-Unjoni Doganali tat konbtribut għat-titjib ta’ dan l-ispirali ta’ tkabbir billi ankrat lit-Turkija mas-suq Ewropew u s-sistema ta' produzzjoni. L-Unjoni Doganali t-tnedija tan-negozjati ta' adeżjoni fl-2005 jiffurmaw parti importanti mis-suċċess tal-integrazzjoni ekonomika u l-kummerċ u l-investiment imtejba mal-UE. Madankollu, l-Unjoni Doganali tidher li qed issofri minn kwistjonijiet rikorrenti rigward l-ostakli tekniċi li għad baqa' għall-kummerċ u l-użu eċċessiv tal-miżuri ta’ salvagwardja. Il-proċessi tal-valutazzjoni tal-konformità, u l-użu ta' regolamenti u standards tekniċi bħala mezz biex jiġu protetti s-swieq domestiċi, għadhom fis-seħħ.

Il-problemi tal-viża għall-kummerċjanti Torok li jidħlu fl-UE, kif evidenzjati minn sentenzi suċċessivi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, u n-nuqqas ta' paralleliżmu fin-negozjati u fil-konklużjoni ta' Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma' pajjiżi terzi, u n-nuqqas ta' infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma problemi oħra li jinqalgħu fil-qafas tal-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija. Filwaqt li jitqiesu n-negozjati għall-adeżjoni, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u l-integrazzjoni tas-suq huma ċertament pass 'il quddiem biex l-Unjoni Doganali titwessa' u tissaħħaħ.

L-Unjoni Doganali tista' tgawdi sew mit-twaqqif ta’ Mekkaniżmu tas-Soluzzjoni ta’ Kwistjonijiet effettiv. Kwalunkwe riforma sostanzjali għall-Unjoni Doganali tidher madankollu diffiċli li ssir għax din qed issib ostakli mill-kwistjoni tal-kandidatura tat-Turkija biex tidħol fl-Unjoni Ewropea.

It-Turkija u l-Kummerċ Internazzjonali

It-Turkija ilha membru tad-WTO sa mill-1995 għalkemm mhijiex parti mal-Ftehim tal-Akkwist tal-Gvern. Il-Mekkaniżmu ta' Reviżjoni tal-Politika tal-Kummerċ reċenti faħħar ir-riformi tat-Turkija għax dawn kienu favur l-iżvilupp, id-diżinflazzjoni u t-tnaqqis fil-piżijiet ta' dejn esterni. Madankollu, jibqgħu dejjem problemi relatati mad-defiċit tal-kont kurrenti li dejjem qed jitwessa', u ostakli għall-importazzjonijiet (jiġifieri dazji tad-dwana u taxxi interni), li huma tant ikkritikati mis-Sistema ta' Protezzjoni Temporanja.

It-Turkija hija wkoll sħab fundatur tal-Proċess ta' Barċellona u attur ewlieni fit-twaqqif ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja. Fil-fatt, s'issa, it-Turkija għandha l-aktar netwerk komplut tal-Ftehimiet tal-Kummerċ Ħieles bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw mas-sħab tal-Euromed. Minkejja r-rwol ovvju tat-Turkija fir-reġjun tal-Mediterran, il-kummerċ mal-pajjiżi tal-Euromed jibqa' pjuttost baxx f'termini assoluti u relattivi. Fil-fatt, il-kummerċ ma' sħab Mediterranji jagħmel biss 4% mill-importazzjonijiet Torok u 7% mill-esportazzjonijiet tagħha.

It-Turkija hija membru fundatur tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed, u ffirmat Ftehimiet tal-Kummerċ Ħieles mal-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, mal-Kroazja, mal-Bosnja Ħerżegovina u mal-Albanija. It-Turkija hija wkoll membru tal-Proċess ta' Kooperazzjoni Ewropew tax-Xlokk.

L-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tat-Turkija bil-bosta, iżda b’sehem li qed jonqos.Ir-Russja u ċ-Ċina qed iżidu s-sehem tagħhom fil-kummerċ mat-Turkija.Is-sieħba kummerċjali ewlenin tat-Turkija barra mill-UE huma r-Russja, iċ-Ċina, l-Emirati Għarab, l-Istati Uniti u l-Iran.

L-istatistika turi li l-esportazzjonijiet Torok lejn l-UE żdiedu biss b'5% u li 48% biss tal-esportazzjonijiet tat-Turkija marru lejn l-UE fl-2008, meta mqabbla ma' 56% tas-sena l-oħra. Min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet Torok mill-UE żdiedu b'9% filwaqt li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra żdiedu b'25% matul l-istess perjodu.

It-Turkija taffaċċja kompetizzjoni kbira mill-industriji ewlenin tradizzjonali tagħha, bħalma huma t-tessuti. L-akbar kompetizzjoni ġejja mill-ekonomiji li qed jiżviluppaw bħalma huma l-Indja u ċ-Ċina. Ir-relazzjonijiet tal-kummerċ maċ-Ċina qed jiżdiedu, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija u ż-żewġ pajjiżi qablu dwar għadd ta' miżuri ekonomiċi u ftehimiet ta' kooperazzjoni bilaterali li jkopru l-kummerċ, id-diplomazija, it-turiżmu, l-enerġija, il-kultura u l-midja. It-Turkija rreġistrat bilanċ negattiv kummerċjali ta' kważi 16-il biljun Dollaru maċ-Ċina fl-2008. Koooperazzjoni ulterjuri u azzjoni konċertata bejn l-UE u t-Turkija jistgħu jgħinu sabiex jinsabu soluzzjonijiet komuni għad-diffikultajiet attwali kemm fil-kummerċ kif ukoll fl-investimenti.

Fir-rigward tal-Investimenti Barranin Diretti, l-UE għadha l-akbar sors ta' influssi tal-IBD fit-Turkija. Fl-2008, 75% tal-influssi tal-IBD fit-Turkija ġew minn pajjiżi tal-UE filwaqt li fl-ewwel ħames xhur tal-2009 iċ-ċifri żdiedu għal 88%. Madankollu, ir-rwol tal-IBD fl-ekonomija Torka huwa baxx u hemm skop kbir għal titjib f'dan il-qasam, l-aktar billi jittieħdu l-benefiċċji mill-irkupru ekonomiku globali. Il-kwistjoni ta' prodotti foloz u n-nuqqas ta' infurzar tal-IPR (dritt ta' proprjetà intellettwali) huma marbuta direttament mal-flussi tal-IBD għax din għandha impatt sinifikanti fuq l-element attraenti tat-Turkija għall-IBD.

Il-flessibbiltà tas-sistema bankarja Torka għall-kriżi finanzjarja kienet ta' min wieħed jinnota. Dan huwa l-aktar ir-riżultat ta' serje ta' riformi li ġew wara l-kriżi tal-2001 fit-Turkija. L-evidenza turi li l-ekonomija Torka qed tirpilja mill-kriżi. L-Istitut tal-Istatistika Torka rrappurtat żieda fil-PGD ta' 6% fl-aħħar tliet xhur tal-2009, li huwa tidwir impressjonanti mill-waqgħa ta' 14.5% rreġistrata fl-ewwel kwart tas-sena.

Konklużjoni

Meta wieħed iqis il-volum ta' kummerċ importanti u r-relazzjonijiet b'saħħithom bejn it-Turkija u l-UE, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tagħhom għandhom jitqiesu b'attenzjoni. F'dan il-kuntest, iridu jittieħdu passi neċessarji ħalli jitjiebu dawn ir-relazzjonijiet.

S'issa, ħafna kwistjonijiet tekniċi għadhom ma ssolvewx u jridu jittieħdu azzjonijiet immedjati u f'dan ir-rigward:

l-Unjoni Doganali trid issir aktar funzjonali; il-kwistjonijiet pendenti għandhom bżonn attenzjoni immedjata u t-Turkija u l-UE għandhom jallinjaw aktar il-politiki ta' kummerċ tagħhom, speċjalment fil-kuntest tal-Ftehimiet tal-Kummerċ Ħieles u l-kummerċ reġjonali. Dawn l-azzjonijiet wisq probabbli jwasslu għal sitwazzjoni fejn tirbaħ dejjem, li tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ ekonomiji.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Kader Arif, Christofer Fjellner, Joe Higgins, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, Vital Moreira, Cristiana Muscardini, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Francesca Balzani, Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Béla Glattfelder, Salvatore Iacolino, Maria Eleni Koppa, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried, Georgios Papastamkos, Miloslav Ransdorf, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Franziska Keller, Kyriakos Mavronikolas, Georgios Papanikolaou, Giommaria Uggias