RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità
25.8.2010 - (2009/2108(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Esther de Lange
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità sal-2010 - u lil hinn: it-tisħiħ tas-servizzi tal-ekosistema għall-ġid tal-bniedem (COM(2006)0216),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-KE għall-Bijodiversità” (COM(2008)0864 finali),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-“Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010" (COM(2010)0004),
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni dwar “L-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta' Ħabitats u tal-Ispeċijiet kif meħtieġ skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (COM(2009)0358),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi[1] (Direttiva tal-Għasafar) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2001[2] dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa[3] (Direttiva dwar il-Ħabitats),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-“Valutazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Bijodiversità” u “Lejn Strateġija tal-UE dwar Speċijiet Eżotiċi Invażivi”,
– wara li kkunsidra l-Kunsill informali li sar bejn is-26 u s-27 ta’ Jannar 2010 f’Madrid li adotta l-hekk imsejħa prijoritajiet “Cibeles” u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tal-15 ta’ Marzu 2010 dwar "Bijodiversità: Wara l-2010 – Vijoni u miri tal-UE u globali u sistema internazzjonali tal-ABS",
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2010, b’mod partikolari l-paragrafu 14,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2007 dwar it-Twaqqif tat-telf tal-Bijodiversità sal-2010[4],
– wara li kkunsidra s-Summit Ewropew ta’ Gothenburg fl-2001, fejn kien miftiehem li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2010 bħala parti mill-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-Istudju dwar l-Ekonomiji tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB) (http://www.teebweb.org),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Lejn Strateġija tal-UE dwar Speċijiet Invażivi (COM(2008)0789),
– wara li kkunsidra l-Karta l-Blu tal-UE dwar “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” (COM(2007)0575 u SEC(2007)1278) u t-tħejjijiet li għaddejjin attwalment għar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd,
– wara li kkunsidra l-miżuri mmirati għat-tisħiħ tal-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità li jiffurmaw parti mill-“Verifika tas-Saħħa tal-PAK” u l-opportunitajiet offruti bir-riforma tal-PAK li qed tiġi diskussa bħalissa,
– wara li kkunsidra l-fatt li n-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat l-2010 bħala s-Sena tal-Bijodiversità,
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi f'Periklu (CITES) li saret bejn it-13 u l-25 ta' Marzu 2010 f'Doha, il-Qatar,
– wara li kkunsidra l-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li jmiss li ser isservi ta’ Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosikurezza (COP-MOP 5) u l-Konferenza tal-Partijiet (COP 10) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Bijodiversità (CBD),
– wara li kkunsidra r-Rapport taż-ŻEE Nru 4/2009 “Il-Progress lejn il-mira Ewropea tal-bijodiversità għall-2010” b’mod partikolari l-anness “SEBI 2010 Indikatur tal-Bijodiversità”,
– – wara li kkunsidra d-Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni “Linjigwida għall-ħolqien tan-netwerk Natura 2000 fl-ambjent tal-baħar – Applikazzjoni tad-Direttivi dwar il-Ħabitats u tal-Għasafar" (Mejju 2007),
– – wara li kkunsidra l-Istrateġija UE 2020
– – wara li kkunsidra t-tielet Perspettiva tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bijodiversità Globali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Sajd u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7‑0241/2010),
A. billi t-tfassil tal-liġiijiet tal-UE għandu jkollu impatt fuq il-bijodiversità, kif ġara fil-każ tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE),
B. billi jidher ċar mill-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-UE ma laħqitx il-mira tagħha dwar il-bijodiversità għall-2010,
C. billi l-verifika tas-saħħa tal-ispeċijiet u tat-tipi ta’ ħabitats protetti skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats turi li l-maġġoranza tal-ispeċijiet u tat-tipi ta’ ħabitats għandhom status ta’ konservazzjoni sfavorevoli, b’rata ta’ estinzjoni għolja immens – skont ċerti stimi r-rata tal-bijodiversità naqset bi 30% fl-aħħar 40 sena – u l-fatturi li qed iqanqlu t-telf eċċessiv tal-bijodiversità mhuma qed juru l-ebda sinjal ta’ tnaqqis; billi l-ħabitats u l-ispeċijiet ta’ interess għall-UE huma potenzjalment mhedda mit-tibdil fil-klima antropoġeniku; billi x-xjenzati jikkalkulaw li hemm bosta speċijiet mhux reġistrati, li minħabba fihom hu impossibbli li ssir verifika sħiħa tat-telf tal-bijodiversità;
D. billi bosta fatturi żammew l-UE milli tilħaq il-mira tagħha għall-2010, bħan-nuqqas li tagħraf u tiffaċċja l-forzi li qed iqanqlu t-tnaqqis tad-diversità bijoloġika, implimentazzjoni leġiżlattiva mhux kompluta, integrazzjoni dgħajfa u mhux kompluta fil-politiki settorjali, għarfien xjentifiku mhux adegwat u nuqqasijiet fid-data, nuqqas ta’ rieda politika, finanzjament mhux suffiċjenti, nuqqas ta’ strumenti addizzjonali immirati b'mod effiċjenti biex jiġu ffaċċjati problemi speċifiċi bħal speċijiet eżotiċi invażivi,
E. billi l-bijodiversità, bħala l-kapital naturali tad-dinja, hi essenzjali għall-eżistenza tal-ħajja umana fid-Dinja u għall-benesseri tas-soċjetajiet, kemm direttament kif ukoll indirettament permezz tas-servizzi tal-ekosistema li tipprovdi; billi l-bijodiversità għandha rwol ewlieni fil-ġlieda globali kontra l-ġuħ u favur is-sigurtà tal-ikel; billi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità hu wieħed mill-prerekwiżiti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih,
F. billi l-bijodiversità bijoloġika hi s-sies insostitwibbli li fuqu evolviet l-umanità, u t-telfien tagħha u tal-wirt naturali li ġġib magħha, jikkaġuna skwilibriju li jwassal għal telf ekonomiku u soċjali sostanzjali, fl-istess proporzjon bħall-ispiża għan-nuqqas ta’ azzjoni dwar it-tibdil fil-klima,
G. billi l-istudju dwar l-Ekonomiji tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB) jikkonferma wkoll li t-telf tal-bijodiversità jwassal għal telf ekonomiku u soċjali sostanzjali,
H. billi studju reċenti tal-Eurobarometer juri li l-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE mhumiex familjari mat-terminu bijodiversità u mal-konsegwenzi tat-telf tal-bijodiversità.
I. billi l-għajbien tal-ispeċijiet jista’ jkisser il-katina tal-ikel li hi fundamentali għas-sopravivenza ta’ speċijiet ta’ annimali u pjanti oħrajn li huma ta’ importanza vitali għall-produzzjoni tal-ikel, għall-adattament għall-kundizzjonijiet klimatiċi, għar-reżistenza għall-aġenti esterni u għall-preservazzjoni tal-valuri ġenetiċi,
Rimarki ġenerali
1. Jinsab imħasseb sew dwar il-pass imgħaġġel ħafna ta’ telf tal-bijodiveristà kkawżat mill-bniedem, li jekk jibqa' għaddej bħal f’dawn l-aħħar deċennji, se jħallina b’natura fqira immens u mħassra b’mod irriversibbli sal-2050 u jenfasizza li ekosistemi funzjonanti huma prerekwiżit għas-sussistenza tagħna;
2. Jenfasizza l-fatt li l-bijodiversità hi l-iktar indikatur importanti ta’ stat ambjentali tajjeb;
3. Hu konxju li l-falliment tat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità mhuwiex aċċettabbli mhux biss mill-aspett etiku iżda wkoll minn dak ekoloġiku u ekonomiku, peress li jċaħħad lill-ġenerazzjonijiet futuri mis-servizzi tal-ekosistemi u mill-aspetti tal-benessri li ġġib magħha bijodiversità għanja u naturali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-governanza tal-bijodiversità u l-konformità kemm fir-relazzjonijiet interni kif ukoll f’dawk esterni;
4. Hu konxju, barra minn hekk, li t-trattament b’suċċess tal-kriżi tripla tas-sigurtà tal-ikel, tat-telf tal-bijodiversità u tat-tibdil fil-klima, jeħtieġ approċċ koerenti u strateġija tal-UE għall-bijodiversità fil-ġejjieni li tkun integrata bis-sħiħ mal-istrateġiji għall-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ u għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima;
5. Jirrikonoxxi li l-NGOs għandhom rwol importanti xi jwettqu fil-ħarsien tal-bijodiversità, fir-rigward tal-kontribut għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, bħala operaturi bażiċi, u għall-ħolqien ta’ kuxjenza pubblika;
6. Jaqbel madankollu mar-rapport ta’ studju tat-TEEB li l-kejl tal-valur ekonomiku tal-bijodiversità għandu limitazzjonijiet ta’ metodoloġija u dan ma għandux joskura l-aspetti etiċi u interġenerazzjonali tal-konservazzjoni tal-bijodiversità.
7. Huwa preokkupat sew dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe sens ta' urġenza fl-aġenda politika internazzjonali biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità;
L-UE u l-bijodiversità
8. Jiddispjaċih bil-qawwi li l-għan tal-UE, kif miftiehem fis-Summit Ewropew f’Gothenburg fl-2001, biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2010, ma ntlaħaqx u jingħaqad mat-tħassib espress minn ħafna petizzjonanti lill-Parlament Ewropew;
9. Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010;
10. Barra minn hekk jilqa’ l-konklużjonijiet dwar il-bijodiversità tal-Kunsill għall-Ambjent tal-15 ta’ Marzu 2010, inkluż il-mira ewlenija l-ġdida għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u li dawn possibilment jitreġġgħu lura mingħajr preġudizzju għall-bidliet naturali fil-bijodiversità, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2010 li jikkonfermaw il-ħtieġa urġenti li jitreġġgħu lura x-xejriet kontinwi ta’ telf ta’ bijodiversità u ta’ degradazzjoni tal-ekosistema;
11. Jemmen li t-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità hu l-inqas livell ta’ ambizzjoni assolut li għandu jitwettaq sal-2020;
12. Jiġbed l-attenzjoni għall-inizjattivi prezzjużi mmirati għar-restawr tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema li diġà qegħdin iseħħu u jemmen li dawn l-attivitajiet ta' restawr għandhom ukoll jiffurmaw parti mill-mira ewlenija għall-2020;
13. Jikkunsidra li f'kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ data, tenħtieġ valutazzjoni fil-fond tal-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali;
14. Jinsab konvint li meta titqies in-natura globali tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema, u r-rwol ewlieni tagħhom għall-għanijiet globali ta’ żvilupp sostenibbli, it-tnaqqis tal-faqar u l-ġuħ u t-titjib tas-saħħa u l-ġid tal-bniedem, l-istrateġija tal-UE tal-futur għandha wkoll tagħti spinta lill-isforzi internazzjonali tal-UE, biex tevita t-telf tal-bijodiversità, peress li studji bħat-TEEB taw prova ċara li dan hu ekonomiku u fattibbli u b’hekk tikkontribwixxi aħjar għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju sal-2015;
15. Jenfasizza, barra minn hekk, li tenħtieġ strateġija koordinata biex tiġi trattata l-problema ta' speċijiet eżotiċi invażivi, bħala parti mill-politika mmirata għall-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità, u jinnota b’mod partikolari r-rabta mill-qrib bejn ir-rotot ta’ trasport u l-introduzzjoni ta’ speċijiet eżotiċi fuq skala kbira;
Natura 2000
16. Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni korretta u sħiħa tal-leġiżlazzjoni Natura 2000 għandha rwol ewlieni fil-kisba tal-miri tal-UE għall-bijodiversità, tibdil fil-klima u żvilupp sostenibbli; f’dan ir-rigward, jikkunsidra importanti li l-kooperazzjoni futura mal-isfruttaturi tal-art fl-implimentazzjoni tan-NATURA 2000 tkun kooperattiva u msaħħa fil-fond; jenfasizza li l-approċċ Natura 2000 diġà kellu suċċess kbir;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats;
18. Jibqa' mħasseb dwar l-implimentazzjoni sħiħa u bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni Natura 2000, minkejja r-riżultati konkreti u pożittivi miksuba minn xi Stati Membri fl-istat ta’ konservazzjoni ta’ bosta speċijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu prijorità akbar lill-implimentazzjoni tan-Natura 2000;
19. Jilqa’ l-fatt li n-netwerk Natura 2000 jirrappreżenta 18% tat-territorju (fuq l-art) tal-UE u l-progress bikri mwettaq fil-ħolqien ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u pjanijiet ta’ ġestjoni; jinsab diżappuntat bil-falliment tal-Istati Membri li jirrispettaw l-iskadenzi stipulati fid-Direttivi; u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni f’waqtha għall-kisba tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats
20. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' progress fil-ħolqien tan-netwerk Natura 2000 għall-ambjent tal-baħar u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-proċeduri meħtieġa;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta netwerk mudell ta’ żoni protetti tal-baħar (MPAs) li jippermetti li ssir rikonċiljazzjoni bejn il-ħarsien tal-ambjent u l-prattika ta’ sajd sostenibbli; jitlobha tirrapporta b'mod regolari dwar il-progress magħmul mill-Istati Membri fl-implimentazzjonji tad-Direttivi dwar l-Ħabitats u l-Għasafar, b'mod partikulari dwar it-twaqqif tan-netwerk Natura 2000 fl-ambjent tal-baħar, minħabba li bħalissa anqas minn 10% taż-żoni protetti huma siti fil-baħar, kif ukoll dwar ir-rappurtar u l-obbligi tal-monitoraġġ tal-Istati Membri;
22. Jinnota li fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-bijodiversità, l-ispeċijiet u l-ħabitats tal-baħar igawdu minn anqas protezzjoni mill-ispeċijiet tal-art u l-ħabitats, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta n-nuqqasijiet li hemm fil-leġiżlazzjoni u fl-implimentazzjoni tagħha, u tiżviluppa żoni protetti tal-baħar (MPAs) li fihom l-attivitajiet ekonomiċi, inkluż is-sajd, ikunu s-suġġett ta’ tmexxija msaħħa msejsa fuq il-ġestjoni tal-ekosistema;
23. Jinnota wkoll li d-diversi konvenzjonijiet dwar l-ibħra reġjonali madwar l-UE, bħall-OSPAR, il-HELCOM u l-Konvenzjoni ta’ Barċellona, joffru qafas importanti għall-ħarsien tal-ekosistemi tal-baħar;
24. Iqis li l-Istati Membri għandhom jingħataw permess jieħdu inizjattivi biex jipproteġu l-bijodiversità tal-baħar li jmorru lil hinn mill-azzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-UE;
25. Ifakkar li l-ħolqien ta’ Natura 2000 koerenti jeħtieġ iż-żamma ta’ dawk il-karatteristiki tal-pajsaġġ li huma ta’ importanza ewlenija għall-fawna u l-flora selvaġġa; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipparteċipaw bis-sħiħ fiż-żamma u l-iżvilupp tal-konnettività taż-żoni protetti, kemm jekk tal-art jew tal-baħar, kif ukoll iż-żoni għall-agrikoltura b’valur ta’ natura għoli.
26. Jappoġġa l-konklużjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent meta tistqarr li l-istat ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti skont id-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats jagħti lok għal tħassib u li ma għandniex "niffokalizzaw l-isforzi kollha tagħna fil-presevazzjoni ta' gżejjer ta' bijodiversità, meta mbagħad nitilfu n-natura fil-postijiet kollha tal-madwar", billi dan jirrifletti l-fehmiet espressi ta' sikwit miċ-ċittadini Ewropej fil-petizzjonijiet tagħhom lill-Parlament Ewropew;
27. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li d-Direttiva dwar Strateġija Marina ma tillimitax l-użu taż-żoni protetti tan-Natura 2000, u għaldaqstant jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu u joħolqu rabtiet bejn iż-żoni protetti kollha tal-ibħra, fosthom dawk innominati mill-Konvenzjonijiet tal-Ibħra Reġjonali, bil-għan li jinħoloq netwerk koerenti u komprensiv;
28. Jinnota ċertu grad inevitabbli ta’ sussidjarjetà fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, iżda jinsab imħasseb li dan il-grad ta' flessibilità jista' jwassal għal abbużi mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha; jiddispjaċih mid-differenzi impressjonanti bejn l-Istati Membri rigward, pereżempju, l-“effett estern” tas-siti Natura 2000, l-eżenzjonijiet ġenerali għal ċerti “attivitajiet eżistenti” jew l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni; jitlob li jsiru inkjesti dwar jekk l-Istati Membri partikolari humiex qed japplikaw ir-regoli b'mod li jxekkel il-kisba effikaċi tal-għanijiet tal-bijodiversità previsti, fil-każ ta' differenzi impressjonanti;
29. Jistieden lill-Kummissjoni, minħabba dawn id-differenzi bejn l-Istati Membri, tagħti aktar ċarezza jew gwida għad-Direttivi, fejn meħtieġ, u din iċ-ċarezza u l-gwida għandhom idealment ikunu bbażati fuq u/jew murija bl-aħjar prattiki;
30. Iħeġġeġ lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel biex jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-esperti indipendenti fir-riċerka mwettqa dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, fuq talba tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, partikolarment fir-rigward tan-nuqqas ta' studju dwar l-għażliet alternattivi għall-proġetti u tal-effetti kumulattivi tagħhom, il-ġestjoni inadegwata tas-sit u, meta jiġu deċiżi l-miżuri ta' kumpens, fir-rigward tan-nuqqas ta' verifika ta' tali miżuri u tal-fatt li, f'każ li jsiru, isiru tard wisq, kif ukoll tal-proposti u r-rakkomandazzjonijiet l-oħra li jinsabu f'dan ir-rapport;
31. Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni għan-natura b’rabta mal-bijodiversità skont id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja;
32. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u l-valutazzjonijiet strateġiċi ambjentali jkunu ta' kwalità adegwata f'rabta mal-bijodiversità, sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni konkreta tal-leġiżlazzjoni Natura 2000;
33. Jitlob it-tisħiħ tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u għal interpretazzjoni ħafna aktar rigoruża tal-objettivi tagħha, biex ma jkunx hemm telf globali iżda żidiet fil-bijodiversità fejn possibbli, u l-introduzzjoni ta' rekwiżiti speċjali għall-monitoraġġ kontinwu tal-impatti tal-bijodiversità ta' proġetti u l-effikaċja tal-miżuri ta' mitigazzjoni, b'dispożizzjonijiet adegwati għall-aċċess għal din l-informazzjoni u għall-infurzar.
34. Jemmen li kooperazzjoni transkonfinali aħjar jista’ jkollha benefiċċji sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet Natura 2000;
35. Jesprimi barra minn hekk it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni transkonfinali, li tista’ twassal għal approċċ differenti għal żoni identiċi, u jenfasizza l-utilità li jiġu sfruttati l-istrumenti eżistenti, bħar-Raggruppament Ewropew għall-Kooperazzjoni Territorjali (REKT) li hi għodda legali;
36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, fl-istrateġija tal-bijodiversità futura u fil-kuntest ta’ Natura 2000, tiffoka aktar fuq is-servizzi ta’ ekosistema, filwaqt li fl-istess ħin tibni fuq u ssaħħaħ l-isforzi biex jinkiseb sforz ta' konservazzjoni favorevoli għall-ispeċijiet u l-ħabitats tagħhom;
Integrazzjoni f’oqsma ta’ politika oħra
37. Jinsab konvint li n-netwerk tal-art u marin Natura 2000 mhuwiex l-uniku strument tal-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, iżda jenħtieġ approċċ aktar integrat biex il-politika tal-UE għall-bijodiversità tkun ta’ suċċess;
38. Jitlob għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni ulterjuri tal-bijodiversità fl-oqsma tal-politika tal-UE l-oħra – bħall-agrikoltura, il-foresti, is-sajd, il-politika reġjonali u l-koeżjoni, l-enerġija, l-industrija, it-turiżmu tat-trasport, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni – b'mod ta’ tisħiħ reċiproku u li jissaħħaħ il-qbil bejn il-politiki settorjali u baġitarji tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-opportunitajiet kbar li jeżistu b’mod partikolari fil-politika agrikola komuni, fil-politika reġjonali u fil-politika tas-sajd komuni, biex il-bijodiversità tingħata prijorità akbar;
39. Jenfasizza r-rabta bejn il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiversità bħala fattur ewlieni fl-appoġġ għall-ħajja u fl-iżvilupp sostenibbli;
40. Hu tal-opinjoni li l-bdiewa għandhom rwol vitali xi jwettqu fil-kisba tal-għan tal-UE għall-bijodiversità; jinnota li fl-1992 ingħatat l-ewwel spinta biex il-protezzjoni tal-bijodiversità tiġi integrata fil-politika agrikola komuni (PAK), u li aktar tard, ir-riforma tal-2003 introduċiet miżuri bħall-konformità reċiproka, il-pagament waħdieni għal kull razzett (decoupling) u l-iżvilupp rurali li jwasslu għal benefiċċji għall-bijodiversità;
41. Jesprimi madankollu t-tħassib tiegħu dwar il-ħila tal-bdiewa tal-UE li jkomplu jipproduċu ikel ta' kwalità tajba b'mod kompetittiv; jemmen li r-riforma tal-PAK għandha tippremja lill-bdiewa tal-UE b'mod adegwat għall-isforzi tagħhom fil-kisba tal-għan tal-UE għall-bijodiversità;
42. Jinnota li l-attività marbuta mal-agrikoltura u l-forestrija fl-Ewropa kkontribwiet b’mod sostanzjali għad-diversità tal-ispeċijiet u l-bijotipi u dan il-pajsaġġ agrikolu issa jinħtieġ il-protezzjoni; għalhekk jenfasizza li hu biss permezz ta’ attività agrikola u dik marbuta mal-foresti biss li jkun jista’ jinżamm il-pajsaġġ agrikolu u tkun ikkonservata d-diversità bijoloġika fl-Ewropa kollha kemm hi;
43. Jilqa’ l-isforzi preċedenti għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali bħala parti integrali tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), bħall-introduzzjoni ta’ miżuri agroambjentali u kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-riforma tal-PAK bħala opportunità ta’ tisħiħ ulterjuri ta’ din it-tendenza, b’ħidma lejn biedja sostenibbli bis-sħiħ fl-UE, fejn il-benefiċċji għan-natura jifformaw il-prinċipju gwida, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta’ rimunerazzjoni għall-ekoservizzi jew il-forniment ta’ beni pubbliċi definiti sew, inkluż il-biedja sostenibbli f’żoni ambjentali sensittivi, bħas-siti Natura 2000 sabiex jiġi żgurat il-finanzjament futur ta’ modi ta’ biedja sostenibbli, sabiex il-prattika tajba tiġi ppremjata u mħeġġa b’mod adegwat u biex il-bdiewa ma jiġux żvantaġġjati finanzjarjament jew b’mod ieħor, sabiex b’hekk jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-irziezet jibqgħu jikkontribwixxu għall-bijodiversità fil-futur;
44. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni għall-iżgurar tal-konformità mar-regolamenti u d-direttivi Ewropej kollha li jittrattaw, b’mod partikolari, maż-żamma tal-bijodiversità;
45. Jinnota li fil-politika agrikola tagħha, l-UE stipulat regolamenti f'konformità reċiproka għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, iżda jiddispjaċih li dawn spiss mhumiex implimentati u mmonitorjati fl-UE kollha;
46. Jirrikonoxxi li l-politika dwar l-użu tal-art hi element ewlieni ieħor fil-konservazzjoni tan-natura u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-integrazzjoni tal-kriterji tal-bijodiversità fil-proċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali fi kwistjonijiet li jittrattaw l-użu tal-art u l-politika territorjali, inkluż il-politika reġjonali u ta’ koeżjoni;
47. Jenfasizza li l-ġestjoni tal-art u l-konservazzjoni tal-bijodiversità ma jmorrux kontra xulxin u l-ġestjoni integrata toħloq ħabitats għall-bijodiversità;
48. Jenfasizza l-importanza li jitwaqqaf u jitreġġa' lura t-tnaqqis tad-diversità ta’ speċijiet u varjetajiet ta’ pjanti kkultivati, li jwassal għall-erożjoni tal-bażi ġenetika li fuqha jiddependi n-nutriment tal-bniedem u tal-annimali; jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni tal-użu ta’ varjetajiet agrikoli tradizzjonali partikolari għal ċerti reġjuni;
49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, wara li kkunsidra l-valur ekonomiku, soċjali u ambjentali tad-diversità ġenetika agrikulturali u tal-annimali, tiddefinixxi miri ta’ prijorità speċifiċi għat-twaqqif tat-telf tad-diversità ġenetika u għat-twaqqif tat-telf ta’ speċijiet endemiċi; jitlob ukoll li tiġi adottata definizzjoni ta’ razzez “endemiċi"/"mhux endemiċi" u l-miżuri għall-konservazzjoni tagħhom;
50. Iqis li l-PAK għandha tippremja lill-bdiewa li jipprovdu servizzi ta’ ekosistema addizzjonali li jgħinu fil-konservazzjoni tal-bijodiversità permezz ta’ ħlas supplimentari dirett skont l-erja, iffinanzjat mill-UE; itenni t-talba tiegħu għal kundizzjonalità reċiproka "bonus” li tippremja lill-bdiewa b’punti żejda għal attivitajiet li jrawmu l-bijodiversità u li jkunu implimentati b’żieda mal-obbligi li jirriżultaw minn kundizzjonalità reċiproka agroambjentali tajba.
51. Jinnota li sar ħafna progress fil-leġiżlazzjoni ambjentali, bħall-introduzzjoni ta’ strateġiji integrati għall-ġestjoni tal-organiżmi li jagħmlu ħsara u l-leġiżlazzjoni Ewropea ġdida dwar il-pestiċidi, li tippermetti ħarsien tal-pjanti ffukata fuq organiżmi ta’ ħsara, biex b'hekk jiġu protetti organiżmi ta' benefiċċju;
52. Jilqa’ r-riforma tal-politika komuni tas-sajd li qed titħejja bħalissa u jitlob lill-Kummissjoni tintegra l-kriterji tal-bijodiversità fil-proposti leġiżlattivi futuri tagħha; barra minn hekk jinsisti li għandhom jiġu żviluppati mudelli ta’ akkwakultura sostenibbli skont il-linji proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwalkultura (COM(2009)162) u b’kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2010, bħala alternattiva possibbli għas-sajd;
53. Jistqarr li l-għodod ewlenin biex jintlaħqu l-objettivi tal-bijodiversità fl-ambjent tal-baħar, apparti d-Direttivi dwar il-Ħabitatas u l-Għasafar, huma d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għall-ilmijiet max-xtut, u l-Istrateġija Marittima għall-ibħra kollha;
54. Iqis li t-tnaqqis fil-ħut żejjed li jinqabad u jiġi skartat għandu jkun objettiv ewlieni tal-PKS, u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-kawżi ta' din il-qabda żejda li tiġi skartata u tasal għal soluzzjonijiet speċifiċi għal kull tip ta’ sajd, l-aktar permezz tal-introduzzjoni ta’ kwoti ta’ multispeċi jew kwoti ta’ bijomassa, skont is-selettività tat-tagħmir, bħall-użu ġenerali ta’ xbiek b’ħoloq kwadri u l-ġestjoni tal-ispazju tal-istokkijiet;
55. Iqis li l-Organizzazzjonijiet Reġjonjali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) huma responsabbli mill-ġestjoni tal-ibħra tas-sajd u garanti tas-sajd responsabbli fl-ibħra internazzjonali; iqis, għaldaqstant, li jeħtieġ li s-setgħat tagħhom jissaħħu, l-aktar fir-rigward tal-kontrolli u tal-penalitajiet dissważivi, u jqis ukoll li qabel kollox huwa f’idejn l-RFMOs li jimmaniġġjaw l-istokkijiet ta’ ċerti speċijiet tal-baħar ta’ importanza kummerċjali u li jirrikjedu l-użu ta’ ċertifikati tal-qbid;
56. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri fil-qasam tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona tax-Xatt (ICZM) u tal-ippjanar spazjali marittimu minħabba li dawn jistgħu jkunu elementi importanti ta’ approċċ ekosistemiku parteċipatorju, jiżguraw il-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u tax-xtut, filwaqt li jkunu rispettati l-proċessi naturali u l-kapaċità tal-ekosistemi;
57. Jenfasizza, minħabba t-tnaqqis sinifikanti tal-bijodiversità akkwatika u d-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-ilma ħelu, l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi trattat it-tnaqqis tal-bijodiversità fl-ippjanar għall-immaniġġjar tal-baċiri tax-xmajjar;
58. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu l-politika forestali tagħhom b’mod illi jikkunsidraw bis-sħiħ ir-rwol tal-foresti bħala riżerva tal-bijodiversità, iż-żamma u l-formazzjoni tal-ħamrija, is-sekwestru tal-karbonju u l-karatteristiċi tal-purifikazzjoni tal-arja u għall-iskopijiet ta' rikreazzjoni taċ-ċittadini tagħna;
59. Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inidirizzar tal-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità (COM(2008)0645), li jitolbu għall-waqfien tat-telf globali tal-foresti sa mhux aktar tard mill-2030;
.60 Jinnota li t-talba dejjem akbar għall-agrokarburanti u l-intensifikazzjoni tal-pressjoni sussegwenti għall-produzzjoni tagħhom qed thedded il-bijodiversità, b'mod partikolari f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, minħabba d-degradazzjoni u l-konverżjoni tal-ħabitats u tal-ekosistemi bħall-artijiet mistagħdra u l-foresti fost l-oħrajn;
61. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ żieda fil-baġit għar-riċerka ddedikata għall-ambjent u l-bijodiversità skont it-Tmien Programm ta’ Qafas, li tkun proporzjonata mal-ħtiġijiet u l-isfidi kbar għall-iffaċċjar tat-telf tal-bijodiversità u tat-tibdil fil-klima;
62. Jinnota li l-paragrafu 8 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 jistieden lill-Kummissjoni tagħmel reviżjoni urġenti settur b'settur tas-sussidji li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi minnufih dwar dawn il-konklużjonijiet sabiex tevita sussidji għal politiki li għandhom impatt negattiv fuq il-bijodiversità Ewropea;
63. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-fażi ta’ tħejjija tal-iżvilupp tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għall-avvanz u l-promozzjoni tad-dibattitu, kif ukoll ta’ azzjonijiet speċifiċi dwar il-bijodiversità fl-UE
Il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima
64. Jenfasizza l-importanza ewlenija tal-bijodiversità u tal-ekosistemi flessibbli għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-ekosistemi tal-art u tal-baħar attwalment jassorbu madwar nofs l-emissjonijiet antropoġeniċi tas-CO2;
65. Jilqa’ l-appoġġ dejjem akbar għall-miżuri għat-tnaqqis tal-impatt tat-tibdil fil-klima, li minnhom tista’ tibbenefika wkoll il-bijodiversità, iżda li m’għandhomx iħallu impatt negattiv għall-finanzjament tal-bijodiversità fih innifsu;
66. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjonijiet meħuda fil-kuntest tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima ma jkollhomx effetti negattivi fuq il-bijodiversità tal-baħar u tal-art
67. Jenfasizza li l-ħamrija għandha rwol importanti xi twettaq fil-kisba tal-għan tal-UE għall-bijodiversità; jirrikonoxxi li d-degradazzjoni tal-ħamrija prinċipalment għandha kawżi u impatt lokali u reġjonali, u li konsegwentement il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu jiġi rrispettat; jistieden lill-Istati Membri kollha jwettqu l-obbligi tagħhom f’termini ta’ żgurar tal-kwalità tal-ħamrija u ż-żamma tal-ħamrija f’kundizzjoni tajba u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri mingħajr leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-ħamrija biex jerfgħu r-responsabilitajiet tagħhom;
Il-valur ekonomiku tal-bijodiversità
68. Jenfasizza r-rwol essenzjali tas-sajd mil-lat ekonomiku u soċjali fl-iżvilupp tax-xtut u mil-lat ambjentali fl-ekosistemi tal-baħar; iqis li l-PKS ma għandhiex tfixkel iżda tiffaċilita l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni dwar il-bijodiversità, b'mod partikulari t-twaqqif ta' miżuri ta' protezzjoni adegwata fis-siti marini Natura 2000;
69. Jirrikonoxxi l-potenzjal ta’ impjieg konsiderevoli marbut mal-attivitajiet imsemmija hawn fuq u mal-iżvilupp ta’ ekonomija sostenibbli u ta’ infrastruttura ambjentali, li min-natura tagħhom stess jissarrfu f’impjiegi lokali (li ma jistgħux jiġu rilokati f’pajjiżi terzi), biex b'hekk jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għall-Istrateġija 2020 tal-UE;
70. Jemmen bil-qawwa, barra minn hekk, li l-effiċjenza fir-riżorsi, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-konservazzjoni tan-natura jistgħu u għandhom imorru id f’id; jagħti attenzjoni partikolari lill-iżvilupp tal-ekoturiżmu u l-agrituriżmu, li permezz tagħhom ir-rikreazzjoni u l-konservazzjoni jsaħħu lil xulxin;
71. Jenfasizza l-importanza tal-konservazzjoni tal-bijodiversità fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2020 tal-UE, mhux biss minħabba l-potenzjal f’impjiegi li tista’ toħloq iżda wkoll minħabba l-kontribut li toffri għall-użu sostenibbli u effikaċi tar-riżorsi; jirrikonoxxi li l-livelli dejjem akbar tal-produzzjoni ta’ materjali, il-kummerċ u l-konsum huma qawwa mexxejja ewlenija fit-telf tal-bijodiversità, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromovu u jiżviluppaw politiki ta’ konsum u produzzjoni effikaċi u sostenibbli (SCP);
Finanzjament
72. Jieħu nota tal-estimi tal-Kummissjoni għall-2004 dwar l-ispiża annwali tal-ġestjoni tan-netwerk Natura 2000, li kienu ta’ EUR 6.1 biljun; madankollu jinnota li skont ir-rapport TEEB, ir-redditu għall-investiment għall-konservazzjoni tal-bijodiversità hu madwar mitt darba aktar;
73. Madankollu jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma offriet l-ebda sors addizzjonali ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tad-direttivi Natura 2000 u li m’hemmx tqassim ċar tal-ammonti reali li ntefqu fis-sena fl-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u jinsisti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw biex tingħata stampa aktar ċara;
74. Jemmen li l-Komunità għandha terfa' responsabilità akbar għall-ħarsien tal-valuri naturali fin-netwerk Natura 2000, b'mod partikolari rigward il-finanzjament;
75. Jilqa’ ż-żieda fin-nefqa għal LIFE+ (żieda ta' 8% fl-abbozz ta’ baġit għall-2011), iżda jenfasizza li dan l-istrument għadu jirrappreżenta biss parti żgħira ħafna tal-baġit tal-UE (0.2%); madankollu jinnota li l-miżuri ta’ konservazzjoni ffinanzjati mill-UE mhux dejjem jitkomplew darba li jieqaf il-finanzjament Komunitarju; jistieden lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni aktar sħiħa lill-fatturi differenti marbutin mas-sostenibilità tal-proġetti u biex iddaħħal il-monitoraġġ sistematiku tal-proġetti wara l-ħlas finali;
76. Jinsab konxju li hemm finanzjament addizzjonali disponibbli għall-konservazzjoni tal-bijoversità permezz ta’ strumenti oħrajn, bħall-Fondi Strutturali u l-Fond għall-Iżvilupp Rurali, iżda jiddeplora l-użu limitat li ħafna Stati Membri jagħmlu minn din il-possibilità; ifakkar li l-akbar kontribut għall-finanzjament tal-bijodiversità attwalment ġej mill-FAEŻR.
77. Jistenna, mingħajr ma jantiċipa d-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet futuri dwar il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid (mill-2014 ‘il quddiem) u r-reviżjoni ta’ nofs iż-żmien tal-qafas baġitarju attwali (2007-2013), li l-limiti baġitarji se joħolqu ħtieġa akbar minn qatt qabel għall-kisba ta’ valur miżjud ogħla u żieda fl-effikaċja tal-infiq Ewropew, inkluż l-infiq għall-bijodiversità;
78. jenfasizza għalhekk il-ħtieġa għal għarfien akbar fl-effikaċja tal-infiq għall-bijodiversità u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta eżempji ta’ prattika tajba f’termini ta’ effikaċja u valur miżjud;
79. Jilqa’ r-rakkomandazzjoni magħmula mill-IUCN għal nefqa ta’ 0.3% tal-PGD fuq il-miżuri nazzjonali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;
80. Jinnota bi tħassib li n-numru ta’ proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE+ kull sena fl-Istati Membri differenti qed ikun anqas mill-allokazzjoni indikattiva; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta' implimentazzjoni u tipproponi bidliet fir-regoli li jiggvernaw il-programm fejn meħtieġ, b’mod partikolari rigward il-livelli ta’ kofinanzjament;
81. Jinsab konvint li n-nefqa pubblika biss mhijiex biżżejjed biex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-UE u jenfasizza l-importanza tar-responsabilità tal-kumpaniji li jikkunsidraw ukoll il-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tfittex mezzi ta’ implimentazzjoni ta’ politiki li jinkoraġġixxu investimenti pożittivi fil-konservazzjoni tal-bijodiversità u tiskoraġġixxi l-investiment li jħalli effett fuq il-bijodiversità fis-setturi pubbliċi u f'dawk privati; jilqa’ f’dan ir-rigward it-tnedija mill-Kummissjoni tal-Pjattaforma għall-Kummerċ u l-Bijodiversità biex tinkludi lis-settur privat fl-aġenda tal-bijodiversità;
82. Jirrakkomanda li tiddaħħal flessibilità akbar fir-regoli dwar l-eliġibilità għall-finanzjament ta’ proġetti marbutin mal-bijodiversità u biex tħeġġeġ l-operaturi partikolari japplikaw għalih;
83. Barra minn hekk jenfasizza l-ħtieġa li jinkludi l-ispejjeż esterni, ir-riskji u l-impatt, bħall-konservazzjoni tal-pajsaġġ ambjentali, il-ħsara magħmula lill-bijodiversità jew l-ispejjeż minfuqa għall-appoġġ tal-bijodiversità, fil-prezz finali tal-prodotti fis-suq; speċjalment għaliex dan hu fl-interess fit-tul tal-kumpaniji jekk iridu jżommu l-aċċess għar-riżorsi naturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-Komunikazzjoni li ħabbret dwar il-finanzjament futur ta' Natura 2000 malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe eventwalità matul is-sena 2010 sabiex dan l-aspett ikun jista' jiġi eżaminat flimkien mal-istrateġija għall-bijodiversità l-ġdida għall-perjodu sal-2020;
Bażi ta’ data u għarfien
84. Jenfasizza l-importanza ta’ kontabilità ambjentali integrata għall-analiżi tar-rabta bejn l-ambjent u l-ekonomija fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali għall-valutazzjoni tal-effetti tax-xejriet ta’ produzzjoni u konsum fuq ir-riżorsi naturali u jitlob lill-Istati Membri jgħaddu kontinwament id-data meħtieġa lill-Eurostat u lill-Aġenzija Ambjentali Ewropea;
85. Jinnota li r-riċerka u l-iżvilupp huma ta’ importanza ewlenija sabiex jitnaqqsu d-differenzi attwali fl-għarfien u jiġi żgurat monitoraġġ regolari tax-xejriet tal-bijodiversità kif ukoll għall-iżvilupp ta’ għodod ta’ politika għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità;
86. Jilqa’ r-rapport kompost tal-Kummissjoni 2001-2006, li jevalwa l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats u speċijiet protetti fl-UE u l-progress magħmul mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Natura 2000, iżda jiddispjaċih għan-numru kbir ta’ kwalifiki “mhux magħrufa"; jistieden lill-Istati Membri jtejbu r-rappurtaġġ tagħhom u liż-ŻEE u l-Kummissjoni jiżguraw kredibilità u komparabilità ta’ data aħjar fir-rapporti tagħhom fil-ġejjieni;
87. Jenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ linja bażi ċara, li fuqha l-Kummissjoni għandha tkejjel il-progress lejn il-miri (u s-submiri); f’dan il-kuntest jilqa’ l-linja bażi għall-bijodiversità żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent; f’dan ir-rigward jilqa’ l-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent rigward is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità (BISE) u l-linja bażi għall-bijodiversità, li għandhom jipprovdu għodod essenzjali għat-titjib u l-irfinar tat-tfassil tal-politika dwar il-bijodiversità, b’mod partikolari għall-pjan strateġiku li qed jiġi żviluppat mill-Kummissjoni; jenfasizza l-użu tad-data eżistenti aktar milli l-insistenza fuq il-ġbir ta’ data ġdida;
88. Jilqa’, fil-kuntest tan-nuqqas ta’ għarfien attwali fost il-pubbliku ġenerali dwar l-importanza tal-bijodiversità, il-kampanja informattiva tal-Kummissjoni u jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi għall-qawmien tal-għarfien u għall-iskambji tal-aħjar prattika;
Aspetti internazzjonali
89. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ma rnexxilniex nilħqu jew saħansitra noqorbu l-mira globali ta’ tnaqqis fir-rata tat-telf tal-biijodiversità sal-2010, kif definit fis-Summit Dinjiji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2002, u dwar l-implikazzjoni tat-telf kontinwu tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs) u l-għan tal-2015 għat-tnaqqis tal-faqar u l-ġuħ u t-titjib tas-saħħa u tal-benesseri tal-bniedem u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-proċessi globali bħall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju;
90. Jilqa’ l-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f’Nagoya f’Ottubru 2010 u jħeġġeġ lill-UE sabiex tibgħat delegazzjoni estensiva, imħejjija u koordinata tajjeb, għal din il-konferenza; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiddefinixxi pożizzjoni upstream b’saħħitha u koerenti; madankollu jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Ministri għall-Ambjent biss se jattendu għall-konferenza, filwaqt li l-iżgurar tal-progress dwar l-aġenda globali għall-bijodiversità jitlob approċċ transsettorjali;
91. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-ħolqien ta' pjattaforma intergovernattiva għall-politiki fil-qasam tas-servizzi xjentifiċi għall-bijodiversità u l-ekosistemi, taħt l-awspiċji tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, u biex tgħin fil-bini ta' din il-pjattaforma;
92. Jappoġġa l-idea, diskussa tul il-laqgħa ta' Lulju 2008 taħt il-Presidenza Franċiża, tal-iżvilupp ta' netwerks “simili għal Natura 2000" fil-Pajjiżi u t-Territorji barra mill-Ewropa u r-Reġjuni l-aktar Imbiegħda tal-UE, li għandhom fost l-iktar siti ewlenin ta’ bijodiversità għanja fid-dinja u jenfasizza l-ħtieġa għall-appoġġ ta’ dan l-iżvilupp permezz ta' strumenti ta’ politika tal-UE, bħall-politika għall-iżvilupp;
93. Jinnota li d-deforestazzjoni hi responsabbli għal aktar emissjonijiet ta’ CO2 mis-settur kollu tat-trasport u li l-konservazzjoni tal-foresti hi wieħed mill-elementi ewlenin tal-konservazzjoni globali tal-bijodiversità u tas-servizzi ta’ ekosistema;
94. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw b’mod effettiv l-element ambjentali sostenibbli fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi flimkien mar-rispett għad-drittijiet soċjali u garanziji dwar il-protezzjoni u l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u tal-popolazzjonijiet indiġeni fil-proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, b’mod partikolari dwar l-użu tal-ħamrija u l-protezzjoni tal-foresti u t-tkomplija tad-“Diplomazija Ambjentali”; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jiżguraw li l-"Pjan ta' Azzjoni tal-UE ta' tnax-il punt b'sostenn għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju" jirrikonoxxi l-importanza tal-integrazzjoni tas-sostenibilità ambjentali permezz ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp u fl-azzjonijiet esterni tiegħu u jipprovdu għal intervent finanzjarju mmirat għall-appoġġ tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema;
95. Jenfasizza li jenħtieġu sistemi finanzjarji innovattivi għall-promozzjoni tal-għarfien tal-valur (ekonomiku) tal-bijodiversità; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipparteċipaw f’diskussjoni globali dwar il-ħtieġa għal u l-modalitajiet possibbli ta' sistemi innovattivi għall-ħlas tas-servizzi tal-ekosistema.
96. Jinsisti li s-sostenibilità tal-prodotti għall-kummerċ hi element ewlieni fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa għall-inklużjoni ta’ “fatturi ta' interessmhux kummerċjali”, inklużi metodi ta’ produzzjoni u ta’ rispett tal-bijodiversità, f’kull ftehim tad-WTO tal-ġejjieni;
97. Jiddispjaċih bil-qawwa għall-eżitu diżappuntanti tal-konferenza CITES, fejn ma ntlaħqux l-elementi ewlenin tal-mandat tal-UE, bħall-protezzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar b’interess kummerċjali għoli;
98. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex itejbu l-ħeffa u l-effiċjenza tal-proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet interni u biex jiddedikaw aktar riżorsi u ħin għall-isforzi diplomatiċi tagħhom fil-konfront ta’ pajjiżi terzi u biex isaħħu l-ħiliet u s-sinerġiji fiż-żmien bejn il-Konvenzjonijiet; jikkunsidra li peress li ħafna żoni protetti ta' Natura 2000 jintlaqtu direttament jew indirettament mit-tniġġis, u li l-ħsarat tan-natura jiġu wkoll minn barra l-Ewropa, għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa biex dawn l-istrumenti ambjentali Ewropej jiddaħħlu fil-ftehimiet ta' sħubija mal-pajjiżi ġirien;
o
o o
99. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368 – mhux disponibbli bil-Malti).
- [2] ĠU C 262, 18.9.2001, p. 132 (mhux disponibbli bil-Malti).
- [3] ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/105/KE.
- [4] ĠU C 102E, 24.4.2008, p. 117.
NOTA SPJEGATTIVA
“Kull ħaġa ta’ valur hi bla difiża". Dan il-vers tal-poeta, pittur u fotografu Olandiż, Lucebert (1924-1994), donnu jesprimi fil-qosor l-isfida kbira li qed niffaċċjaw fil-qasam tal-bijodiversità.
Min-naħa l-waħda, iż-żamma tal-bijodiversità u tal-ekosistemi u l-prevenzjoni ta’ aktar degradazzjoni tagħhom, huma ta’ siwi kbir għas-soċjetà. It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità mhuwiex biss dmir etiku tagħna – il-kunċett tal-bnedmin bħala superviżuri jobbligana nżommu d-dinja b’mod li tkun kapaċi ssostni ġenerazzjonijiet futuri. Dan jagħmel sens ukoll mill-aspetti ekoloġiċi u ekonomiċi. F’termini ekoloġiċi, il-firxa wiesgħa ta’ interazzjonijiet fost l-elementi differenti tal-bijodiversità jwasslu għal dinja abitabbli għall-ispeċijiet kollha, inkluż il-bnedmin. “Il-beni u servizzi” pprovduti mill-ekosistemi jinkludu: il-provvista tal-ikel, fjuwil u fibra, il-purifikazzjoni tal-arja u l-ilma, id-dekompożizzjoni tal-iskart, il-moderazzjoni tal-għargħar, in-nixfiet, l-estremi ta’ temperatura u l-qawwa tal-irjieħ, it-tiġdid tal-fertilità tal-ħamrija u l-fertilizzazzjoni tal-pjanti. Għalhekk, , anke mill-aspett ekonomiku, il-protezzjoni tal-bijodiversità hi fl-interess tagħna. Wara kollox, ir-riżorsi bijoloġiċi huma l-pilastri li fuqhom nibnu ċ-ċiviltajiet. It-telf tal-bijodiversità thedded il-ħażna tal-ikel tagħna, l-opportunitajiet għar-rikreazzjoni u t-turiżmu, il-kapaċità li niffaċċjaw it-tibdil fil-klima u s-sorsi ta' injam, mediċini u enerġija.
Min-naħa l-oħra, jidher li nqtajna min-natura u qegħdin inbatu biex niksbu "il-valur tan-Natura”. Il-metodi ta’ produzzjoni tagħna u l-prezz li nħallsu għall-beni u s-servizzi ma jikkunsidrawx – jew sa ċertu punt biss - l-ispiża tat-telf tal-bijodiversità jew id-degradazzjoni tal-ekosistema. Bl-istess mod, is-servizzi u l-attivitajiet għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u għaż-żamma ta’ ekosistemi ta’ valur spiss ma jirċevux il-premju mistħoqq. Għalkemm “l-għoti ta’ prezz” għal servizzi ta' ekosistemi jista’ jkun kontroversjali, studji attwali[1] jidhru li jindikaw li t-telf soċjali kawża tat-telf tal-bijodiversità bħalissa hu ta' madwar EUR 50 biljun fis-sena (ftit anqas minn 1% tal-PGD), li jista’ jitla' għal EUR 14-il triljun jew 7% tal-estimi tal-PGD għal kull sena sal-2050.
Ċirkostanzi urġenti
It-telf tal-bijodiversità għadu għaddej b’pass imgħaġġel. Fid-dinja kollha, hu stmat li r-rata tal-estinzjoni globali attwali tal-ispeċijiet hi bejn 50 sa 1000 darba aktar għolja mir-rata ta' sfond normali. Hustmat li r-rata tat-telf ser tiżdied b’10 darbiet aktar sal-2050. Fl-UE, 42% tal-mammiferi, 43% tal-għasafar, 45% tal-friefet, 30% tal-anfibji, 45% tar-rettili u 52% tal-ħut tal-ilma ħelu huma mhedda b’estinzjoni. Fil-valutazzjoni tagħha ta' nofs il-perjodu dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-bijodiversità tal-KE fl-2008, il-Kummissjoni ddikjarat li 50% tal-ispeċijiet u sa 80% tal-ħabitats ta’ interess għall-konservazzjoni Ewropea għandhom status negattiv.
It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u l-konservazzjoni u r-restawr ta’ ekosistemi flessibbli huma ta’ importanza akbar fir-rigward tat-tibdil fil-klima, meta jitqies il-fatt li l-ekosistemi tal-art u marini attwalment jassorbu madwar nofs l-emissjonijiet antropoġeniċi tas-CO2, li jagħmilhom prezzjużi għall-kapaċità tagħhom għall-qbid u l-ħażna tal-karbonju. Min-naħa l-oħra, id-degradazzjoni u l-qerda tal-ekosistemi tista’ teħles volumi sinifikanti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u hemm evidenza dejjem akbar ta’ tnaqqis tal-kapaċità tal-bjar tal-karbonju tad-dinja, kaġun tat-tisħin globali u fatturi ta’ pressjoni oħrajn. Għalhekk, iż-żamma tal-ekosistemi hi ta’ importanza ewlenija għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima.
Sfortunatament, inizjattivi u ftehimiet internazzjonali u Ewropej preċedenti għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u ta’ ekosistemi ma kinux ta’ suċċess. Fl-1992, wara is-Samit Dinji ta’ Rio, ġiet adottata l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li ġiet ratifikata mill-UE fl-1993. Fl-1998, l-UE adottat strateġija tal-bijodiversità b’erba’ pjanijiet ta’ azzjoni għall-bijodiversità li tressqu fl-2001, dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali, l-agrikoltura, is-sajd u l-kooperazzjoni ekonomika u l-iżvilupp. In-natura u l-bijodiversità huma wkoll waħda mill-erba’ prijoritajiet tas-sitt programm ta’ azzjoni ambjentali tal-UE, flimkien mat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riżorsi u l-iskart u s-saħħa f’rabta mal-ambjent. Fl-2006, il-Kummissjoni nediet pjan ta’ azzjoni għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità, li jidentifika erba’ oqsma ta' prijorità: il-bijodiversità fl-UE, l-UE u l-bijodiversità globali, il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima u l-bażi tal-għarfien. Minkejja dawn l-inizjattivi l-għan tal-UE, kif miftiehem fis-Samit Ewropew f’Gothenburg fl-2001, biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2010, baqa’ ma ntlaħaqx.
Minkejja l-urġenza tas-sitwazzjoni, iċ-ċittadini Ewropej mhumiex konxji biżżejjed mit-telf tal-bijodiversità u l-konsegwenzi negattivi tagħha. Skont stħarriġ tal-Eurobarometer f’April 2010, huma biss 38% tal-Ewropej li jafu t-tifsira tat-terminu “bijodiversità”, filwaqt li 28% semgħu bil-kelma iżda ma jafux xi tfisser. Fil-verità, il-maġġoranza tqis it-telf tal-bijodiversità bħala kwistjoni serja, iżda ma jaħsbux li se jiġu affettwati personalment minnha. Huma biss 17% ta’ dawk li wieġbu li jemmnu li diġà ntlaqtu mit-tnaqqis tal-bijodiversità. Bħala r-raġuni ewlenija għan-nuqqas ta’ azzjoni kontra t-telf tal-bijodiversità, iċ-ċittadini jistqarru n-nuqqas ta’ għarfien dwar dak li jista’ jsir. Għalhekk hemm ħtieġa qawwija f’dan il-qasam għal kampanja ta’ sensibilizzazzjoni.
Strumenti u politiki tal-UE
Natura 2000 hi l-istrument ewlieni fil-livell tal-UE għall-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, hi netwerk mifrux mal-UE kollha ta’ żoni ta’ protezzjoni naturali stabbiliti skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats. Hi magħmula minn Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC) stipulati mill-Istati Membri skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (1992) u tinkludi wkoll il-ħolqien ta’ Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni (SPAs) skont id-Direttiva tal-Għasafar (1979). L-għan ewlieni ta’ Natura 2000 hu li “tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri.”[2] Miżuri meħuda skont il-leġiżlazzjoni Natura 2000 huma ddisinjati biex “iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta' konservazzjoni favorevoli, il-ħabitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta' interess għall-Komunità”, filwaqt li fl-istess waqt jitqiesu “l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali”[3]. Minkejja l-enfasi attwali fuq il-konservazzjoni tal-ħabitat u l-protezzjoni tal-ispeċijiet, jaf ikun tajjeb li jkun hemm iffukar akbar fuq il-ħolqien ta’ ekosistemi flessibbli, li jistgħu jiffaċċjaw il-pressjoni u jipprovdu servizzi ta’ ekosistema ta’ valur.
Kif inhi d-drawwa fil-politika ambjentali Ewropea, dawn id-Direttivi għandhom il-flessibilità meħtieġa biex jadattaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni għaċ-ċirkostanzi lokali – u dan bir-raġun, meta jitqiesu l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità. M’hemmx dubju li għandha tittieħed azzjoni preventiva sabiex id-differenzi bejn l-Istati Membri ma jsirux daqstant kbar għaliex minħabba f’hekk tispiċċa tbati l-effikaċja tad-direttivi. Pereżempju, għad hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri fil-ħeffa ta' implimentazzjoni tad-direttivi, u kif dawn jiġu interpretati, bħal ma jiġri fir-rigward tal-prinċipju kawtelatorju, li jittratta l-attivitajiet eżistenti u l-effetti esterni.
Bil-mod il-mod, il-bijodiversità saret fattur fl-oqsma ta’ politika li jmur lil hinn mill-politika dwar l-ambjent, anke jekk, f’ħafna każijiet, din ġiet inkorporata, għalkemm s’issa f'livell pjuttost fqir, bħal pereżempju, fil-politika komuni tas-sajd (bħalissa taħt reviżjoni) – każijiet partikolari huma l-miżuri agroambjentali u r-rekwiżit li l-art tinżamm f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba skont il-politika agrikola komuni (PAK) u l-attenzjoni mogħtija lill-bijodiversità fis-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka.
Peress li l-bdiewa jħaddmu madwar nofs il-massa tal-art Ewropea, huma għandhom rwol importanti fil-protezzjoni tal-bijodiversità, u qegħdin jiffaċċjaw sfida ewlenija f’dan il-proċess: peress li kemm il-popolazzjoni kif ukoll l-abbundanza dinjija qegħdin jiżdiedu, għandha tiżdied ukoll il-produzzjoni agrikola globali, filwaqt li s-settur tal-biedja għandu jiżgura li jkun hemm kwalità tal-ħajja fil-kampanja u l-ħarsien tal-bijodiversità. Fi ħdan politika agrikola ta' suċċess għall-ġejjieni, dawn it-tliet komponenti għandhom ikunu komplementari u mhux kuntradittorji.
Finanzjament
Inter alia b’riżultat ta’ dak li spiss hu approċċ għall-bijodiversità bbażat fuq is-settur, hemm ukoll frammentazzjoni qawwija fil-baġit Ewropew għall-finanzjament tal-bijodiversità u l-miżuri ta’ ekosistema. L-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent tal-UE (LIFE), maħluq fl-1992 għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE għall-ambjent, tradizzjonalment kellu rwol importanti fil-finanzjament tal-konservazzjoni tal-bijodiversità fl-UE, għalkemm dan jifforma biss parti żgħira min-nefqa Komunitarja globali. Sorsi ta' flussi ta' finanzjament oħrajn huma:
- il-politika agrikola komuni: b’mod partikolari l-miżuri agroambjentali, li jiffurmaw wieħed mill-akbar elementi ta’ għajnuna tal-UE għall-bijodiversità (iffinanzjat permezz tal-FAEŻR);
- il-politika komuni tas-sajd: miżuri ta’ protezzjoni għall-ambjent marin (EFF)
- l-iżvilupp u l-koeżjoni reġjonali (Fondi Strutturali, Fond ta’ Koeżjoni)
- politika għar-riċerka (is-seba’ programm qafas);
Min-naħa l-waħda, il-finanzjament frammentarju jista’ jkollu effett pożittiv minħabba l-użu ta’ sorsi differenti. Min-naħa l-oħra, pereżempju, minħabba l-kofinanzjament obbligatorju u l-approċċ “aqbad u agħżel” tal-politika rurali u strutturali, huma biss dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu minn rajhom li jwettqu din l-għażla li effettivament jużaw dawn il-fondi għal skopijiet ta’ bijodiversità. Anke f’dan il-qasam jeżistu differenzi konsiderevoli bejn is-27 Stat Membru.
Mingħajr ma jiġi antiċipat id-dibattitu dwar il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid ta’ wara l-2013, għandhom jinstabu mekkaniżmi ta’ finanzjament oħrajn flimkien mas-sorsi pubbliċi ta’ finanzjament (sussidji), bl-isfida ewlenija tkun l-inklużjoni tal-ispejjeż esterni fil-prezzijiet tal-prodott finali.
Inizjattivi futuri
Tul din is-sena, li taħbat is-Sena Internazzjonali tal-Bijodiversità, ġew proposti jew għandhom jiġu proposti inizjattivi ġodda għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi. L-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 10) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), se ssir mit-18 sad-29 ta’ Ottubru f’Nagoya, il-Ġappun.
Fid-19 ta’ Jannar, fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni ressqet il-komunikazzjoni tagħha dwar l-“Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010”, li bħalissa tinsab taħt konsultazzjoni pubblika. L-erba’ oqsma ta’ politika mressqa mill-Kummissjoni jinkludu:
1) It-tnaqqis sinifikanti tar-rata tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020
2) It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020
3) It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u r-restawr tagħhom safejn hu possibbli
4) It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u r-restawr tagħhom safejn ikun possibbli u ż-żieda fil-kontribuzzjoni tal-UE biex ikun evitat it-telf tal-bijodiversità globali.
Din il-komunikazzjoni u l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika huma mistennija li jwasslu għall-pubblikazzjoni ta' proposta għall-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità ġdida, li tinkludi proposti leġiżlattivi qabel tmiem is-sena.
Barra minn hekk, fil-15 ta’ Marzu, il-Kunsill Ewropew għall-Ambjent qabel dwar mira primarja ġdida li, “sal-2020, jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE, u li dawn jiġu restawrati safejn hu fattibbli, filwaqt li jiġi intensifikat il-kontribut tal-UE biex ikun evitat it-telf tal-bijodiversità globali”.
Dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja għandu l-għan li jirrifletti l-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew fil-ġlieda kontra l-kontinwazzjoni tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi.
OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd (8.4.2010)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità
(2009/2108(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Isabella Lövin
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni ta' objettiv ewlieni ġdid għall-2020 li 'jitrażżan it-telf tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u r-restawr tagħhom sa fejn hu possibbli, u li jiżdied il-kontribut tal-UE favur l-evitar tat-telf tal-bijodiversità globali';
2. Jenfasizza li l-waqfien tat-telf tal-bijodiversità huwa tal-akbar importanza għas-sopravivenza tal-komunitajiet tas-sajd li huma milquta ħażin mit-tnaqqis tal-istokkijiet tal-ħut ikkawżat minn diversi attivitajiet tal-bniedem;
3. Iqis li l-ħarsien tal-bijodiversità tal-ibħra huwa importanti, minħabba li dan iwassal għall-irkupru akbar tal-ekosistema, u għaldaqstant inter alia tgħin biex ittaffi l-impatti tat-tibdil fil-klima;
4. Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tieħu miżuri speċjali biex tħares l-ispeċijiet u l-ħabitats tal-baħar li l-aktar huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, filwaqt li tiżgura li l-azzjonijiet meħuda biex nadattaw għall-impatt tat-tibdil fil-klima, jew biex inaqqsuh, ma jkollhomx effetti ħżiena fuq il-bijodiversità tal-baħar;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta netwerk mudell ta’ żoni protetti tal-baħar li jippermetti li ssir rikonċiljazzjoni bejn il-ħarsien tal-ambjent u l-prattika ta’ sajd sostenibbli; jitlobha tirrapporta b'mod regolari dwar il-progress li jkun sar mill-Istati Membri fl-implimentazzjonji tad-Direttivi dwar l-Ħabitats u l-Għasafar Selvaġġi, b'mod partikulari dwar it-twaqqif tan-netwerk Natura 2000 fl-ambjent tal-ibħra, minħabba li bħalissa anqas minn 10% taż-żoni protetti huma siti tal-ibħra, u jitlobha wkoll tirrapporta dwar ir-rapportar u l-obbligi tal-monitoraġġ tal-Istati Membri;
6. Jistqarr li l-għodod ewlenin biex jintlaħqu l-objettivi tal-bijodiversità fl-ambjent tal-baħar, apparti d-Direttivi dwar il-Ħabitatas u l-Għasafar Selvaġġi, huma d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għall-ilmijiet max-xtut, u d-Direttiva Qafas 2008/56 dwar l-Istrateġija Marittima għall-ibħra kollha;
7. Iqis li l-Istati Membri għandhom jingħataw permess jieħdu inizjattivi biex jipproteġu l-bijodiversità tal-ibħra li jmorru lil hinn mill-azzjoni meħtieġa taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE;
8. Iqis li l-isforzi li saru sa issa biex jitnaqqsu kemm jista' jkun u jiġu eliminati l-qabdiet sekondarji ta' ħut żgħir, l-ispeċijiet ta' ħut li ma jkunux qed jiġu mistada, il-mammiferi tal-baħar, il-fkieren u l-għasafar fl-ibħra tas-sajd Ewropej, b'mod ġenerali ma kinux biżżejjed;
9. Iqis li t-tnaqqis fil-ħut skartat għandu jkun objettiv ewlieni tal-PKS, u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-kawżi tal-iskart u tasal għal soluzzjonijiet speċifiċi għal kull tip ta’ sajd, l-aktar permezz tal-introduzzjoni ta’ kwoti multispeċi jew kwoti ta’ bijomassa, skont is-selettività tat-tagħmir, bħall-użu ġenerali ta’ xbiek b’ħoloq kwadri u l-ġestjoni tal-ispazju tal-istokkijiet;
10. Ifakkar fir-rwol essenzjali tas-sajd mil-lat ekonomiku u soċjali fl-iżvilupp tax-xtut u mil-lat ambjentali fl-ekosistemi tal-baħar; iqis li l-Politika Komuni tas-Sajd ma għandhiex tfixkel iżda tiffaċilita l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni dwar il-bijodiversità, b'mod partikulari t-tfassil ta' miżuri ta' protezzjoni adegwata fis-siti tal-ibħra Natura 2000;
11. Jinnota li fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-bijodiversità, l-ispeċijiet tal-ibħra u l-ħabitats igawdu minn anqas protezzjoni mill-ispeċijiet tal-art u l-ħabitats, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta n-nuqqasijiet li hemm fil-leġiżlazzjoni u tiżviluppa żoni protetti tal-baħar li fihom l-attivitajiet ekonomiċi bħas-sajd ikunu s-suġġett ta’ tmexxija msaħħa msejsa fuq l-ekosistema;
12. Jinnota wkoll li d-diversi konvenzjonijiet dwar l-ibħra reġjonali madwar l-UE, bħall-OSPAR, il-HELCOM u l-Konvenzjoni ta’ Barċellona, joffru qafas importanti għall-ħarsien tal-ekosistemi tal-baħar;
13. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li d-Direttiva dwar Strateġija Marittima ma tillimitax l-użu taz-zoni protetti tan-Natura 2000, u għaldaqstant jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu u joħolqu rabtiet bejn iz-zoni protetti kollha tal-ibħra, fosthom dawk innominati mill-Konvenzjonijiet tal-Ibħra Reġjonali, bil-għan li jinħoloq netwerk koerenti u komprensiv;
14. Jenfasizza l-fatt li l-aqwa indikatur importanti ta’ status ambjentali tajjeb huwa li tinżamm il-bijodiversità tal-baħar;
15. Jenfasizza l-potenzjal ta’ titjib prattiku tal-ġestjoni tal-baħar issa li d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima introduċiet mekkaniżmi ġodda biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-miżuri li jirrigwardaw iż-żoni protetti tal-baħar u s-sajd;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi, li diġà ġie adottat mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marittima, fil-politiki kollha tal-UE li jaffettwaw il-bijodiversità tal-baħar; jenfasizza wkoll li s-servizzi ekosistemiċi jinkludu - għalkemm mhux limitati għalihom - il-ħżin u l-qbid tal-karbonju permezz tal-ekosistemi naturali;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni ulterjuri fil-qasam tal-Ġestjoni Integrata taż-Zona tax-Xatt (ICZM) u tal-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu minħabba li dawn jistgħu jkunu elementi importanti ta’ approċċ ekosistemiku parteċipatorju li jiżguraw il-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u tax-xtut u li jirrispetta l-proċessi naturali u l-kapaċità tal-ekosistemi li jsostnu l-ħajja;
18. Iqis li l-organizzazzjonijiet tat-tmexxija tas-sajd reġjonali huma responsabbli mill-ġestjoni tal-ibħra tas-sajd u garanti tas-sajd responsabbli fl-ibħra internazzjonali; iqis, għaldaqstant, li jeħtieġ li s-setgħat tagħhom jissaħħu, l-aktar fir-rigward tal-kontrolli u tal-penalitajiet dissważivi, u jqis ukoll li qabel kollox huwa f’idejn l-Organizzazzjonijiet Reġjonjali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) li jimmaniġġjaw l-istokkijiet ta’ ċerti speċijiet tal-baħar ta’ importanza kummerċjali u li jirrikjedu l-użu ta’ ċertifikati tal-qbid;
19. Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi bl-akbar ambizzjoni possibbli sabiex jiġu rrestawrati l-bijodiversità u l-ekosistemi naturali fl-ambjent tal-baħar l-aktar wiesa’ tal-UE; jenfasizza wkoll li l-isforz fir-restawr jistgħu joffri sors sinifikanti ta’ impjieg għall-komunitajiet tax-xtut;
20. Jistieden lill-UE tiżgura li titħares l-ekwità fil-livell Ewropew u globali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li titħares u tiġi estiża l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’ u tal-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż kollha;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' miri nazzjonali jew miri bbażati fuq is-settur kontra t-tnaqqis tal-impatti fuq il-bijodiversità u kontra l-qerda tagħha.
22. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sensibilizzazzjoni u l-involviment tas-setturi kollha tas-soċjetà u tal-pubbliku ġenerali jkunu inklużi fil-viżjoni post-2010 tal-UE għall-bijodiversità;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
7.4.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 1 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, Kriton Arsenis, Alain Cadec, João Ferreira, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Marek Józef Gróbarczyk, Carl Haglund, Iliana Malinova Iotova, Werner Kuhn, Jean-Marie Le Pen, Isabella Lövin, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Britta Reimers, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Catherine Trautmann, Jarosław Leszek Wałęsa |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Izaskun Bilbao Barandica, Julie Girling, Raül Romeva i Rueda, Antolín Sánchez Presedo |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (2.6.2010)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità
(2009/2108(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Victor Boştinaru
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jaqsam it-tħassib espress minn ħafna firmatarji ta' petizzjonijiet fir-rigward tal-fatt li l-Unjoni Ewropea ma rnexxilhiex tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2010 dwar il-Bijodiversità u jqis li dan huwa konsegwenza ta' għadd ta' fatturi importanti li tagħhom jinżammu responsabbli l-Istituzzjonijiet Ewropej, prinċipalment il-Kummissjoni, u l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom;
2. Jisħaq fuq l-urġenza biex jiġu implimentati totalment id-Direttivi dwar l-għasafar u dwar il-ħabitats, bis-sostenn ta' finanzjamenti adegwati, u biex jitlesta n-netwerk Natura 2000 tal-ambjent tal-art u tal-baħar; id-Direttiva dwar l-għasafar u d-Direttiva dwar il-ħabitats huma s-sisien tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ħarsien tan-natura u, minkejja d-dewmien konsiderevoli fl-applikazzjoni tagħhom, urew li kienu utli biex jinqalbu t-tendenzi negattivi tal-ispeċijiet u l-ħabitats mhedda, ġaladarba jkunu implimentati u ffinanzjati bis-sħiħ;
3. Josserva li, waqt it-taħdidiet fi ħdan il-Kumitat għall-petizzjonijiet, il-Kummissjoni spiss turi nuqqas ta' determinazzjoni biex tinforza b'mod korrett l-applikazzjoni tad-Direttivi ambjentali relatati mal-preservazzjoni tal-bijodiversità, u dan jintwera mill-approċċ tagħha li spiss ma jagħtix importanza lill-petizzjonijiet taċ-ċittadini, mir-riluttanza tagħha biex jingħata bidu lill-proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri, min-nuqqas frekwenti min-naħa tagħha li tirrikonoxxi l-importanza tal-prinċpju ta' prekawzjoni għall-prevenzjoni tat-telf ta' bijodiversità;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippubblika l-Komunikazzjoni li ħabbret dwar il-finanzjament futur ta' Natura 2000 malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe eventwalità matul is-sena 2010 sabiex dan l-aspett ikun jista' jiġi eżaminat flimkien mal-istrateġija tal-2020 dwar il-bijodiversità;
5. Josserva li b'xorti tajba jeżistu eżempji li fihom il-Kummissjoni aġixxiet wara taħdidiet mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, partikolarment fil-każ tal-petizzjonijiet dwar il-perkors tar-rotta tal-Via Baltica li oriġinarjament kien ippjanat li jeqred żoni uniċi ta' foresti verġni u mġieri tal-ilma fil-wied ta' Rospuda, iżda issa l-proposta ġiet annullata u minflokha ntgħażel perkors alternattiv li jirrispetta s-siti ta' Natura 2000;
6. Jagħti bħala eżempji petizzjonijiet importanti li ntlaqgħu, iżda s'issa l-Kumitat għadu ma rnexxilux jikseb il-qbil tal-Kummissjoni biex teżegwixxi b'mod korrett l-applikazzjoni tad-Direttivi tal-UE: il-pipeline tal-gass Nordstream tal-Baħar Baltiku, li dwaru l-Parlament adotta rapport importanti dwar l-impatt potenzjali fuq l-ambjent u l-ekosistemi fraġli; u l-impatt ambjentali tal-urbanizzazzjoni enormi fi Spanja, partikolarment fir-reġjuni mal-kosta u dawk insulari,
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li f'ħafna każijiet il-Kummissjoni ma tiħux azzjoni, fl-istennija ta' dawk li ssejjaħ id-deċiżjonijiet finali tal-awtoritajiet tal-Istati Membri; iżda meta t-tali "deċiżjonijiet finali" jittieħdu spiss ikun tard wisq biex tiġi evitata l-ħsara irreparabbli lill-ambjent lokali u l-impatt negattiv konsegwenti fuq il-bijodiversità u l-preservazzjoni u l-ħarsien tal-ispeċijiet; josserva, barra minn hekk, li l-Kummissjoni mhijiex iebsa biżżejjed f'dawk li huma l-iskadenzi li fihom l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jagħtu tweġibiet dwar każijiet eventwali ta' ksur marbuta ma' kwistjonijiet ambjentali, u ssibha diffiċli tagħmel valutazzjonijiet oġġettivi fuq inizjattiva tagħha stess;
8. Jappoġġa l-konklużjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent meta tistqarr li "l-istat ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti skont id-Direttiva tal-UE dwar il-ħabitats jagħti lok għal tħassib" u li ma għandniex "niffokalizzaw l-isforzi kollha tagħna fil-presevazzjoni ta' gżejjer ta' bijodiversità, meta mbagħad nitilfu n-natura fil-postijiet tal-madwar" billi dan jirrifletti l-fehma espressa ta' sikwit ħafna miċ-ċittadini Ewropej fil-petizzjonijiet tagħhom lill-Parlament Ewropew;
9. Jappella għat-tisħiħ tad-Direttiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u għal interpretazzjoni ħafna aktar rigoruża tal-objettivi tagħha u jinnota pereżempju, li skont it-termini ta' din id-Direttiva, l-iżviluppaturi ta' proġetti kbar ta' infrastruttura jwettqu valutazzjoni tal-impatt ambjenti b'mod li spiss ikun nieqes mill-oġġettività u ma jqisx it-tħassib tal-komunitajiet lokali u tar-rappreżentanti eletti tagħhom huma u jippruvaw jiddefendu l-bijodiversità; jixraq li tiġi stabbilita sistema komuni Ewropea ta' akkreditament ta' esperti;
10. Jikkritika t-tendenza li tidher qiegħda tiżdied li l-awtoritajiet politiċi fl-Istati Membri ma jħallux liċ-ċittadini lokali kkonċernati l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-impatt ambjentali tal-proġetti, li jmur kontra l-Konvenzjoni ta' Aarhus kif integrata fil-leġiżlazzjoni tal-UE;
11. Iħeġġeġ lill-Kumitat għall-Ambjent biex jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-esperti indipendenti fir-riċerka mwettqa dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħabitats, fuq talba tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, partikolarment fir-rigward tan-nuqqas ta' studju dwar l-għażliet alternattivi għall-proġetti u tal-effetti kumulattivi tagħhom, il-ġestjoni inadegwata tas-sit u, meta jiġi deċiż dwar il-miżuri ta' kumpens, fir-rigward tan-nuqqas ta' verifika ta' tali miżuri u tal-fatt li, f'każ li jsiru, isiru tard wisq, kif ukoll tal-proposti u r-rakkomandazzjonijiet l-oħra li jinsabu f'dan ir-rapport;
12. Jappella għal kooperazzjoni transkonfinali aktar effikaċi għall-preservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ambjent inġenerali, partikolarment f'reġjuni bħal dak tax-xmara tad-Danubju u d-delta tagħha, il-Baħar l-Iswed, ir-reġjun tal-Baħar Mediterran u ż-żoni tal-Baħar Baltiku, kif tirrakkomanda l-EEA; meta wieħed jikkunsidra li ħafna żoni protetti ta' Natura 2000 jintlaqtu direttament jew indirettament mit-tniġġis, u li l-ħsarat tan-natura jiġu wkoll minn barra l-Ewropa, għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa biex dawn l-istrumenti ambjentali Ewropej jiddaħħlu fil-ftehimiet ta' sħubija mal-pajjiżi ġirien;
13. Iqis li l-oneru għandu jitqiegħed fuq l-awtoritajiet politiċi tal-Istati Membri biex juru kif biħsiebhom jippreservaw l-ambjent u l-bijodiversità tiegħu meta tiġihom f'moħħhom li jiżviluppaw infrastruttura ġdida, pjuttost milli fuq iċ-ċittadini li, permezz tal-petizzjonijiet tagħhom, jappellaw għall-ħarsien ta' drittijiethom skont id-Direttivi;
14. Jappella biex isir sforz ħalli l-bijodiversità tiġi integrata fl-oqsma kollha rilevanti tal-politiki tal-UE, b'mod partikolari fil-kuntest tar-riforma tal-politika komuni għas-sajd, il-politika agrikola komuni u l-prospettivi finanzjarji tal-UE; iqis li d-direttivi dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u dwar il-valutazzjoni strateġika tal-impatt ambjentali, kif ukoll id-direttivi dwar il-ħabitats u l-għasafar, jeħtieġu linji gwida aktar rigorużi biex jiggarantixxu l-implimentazzjoni korretta tagħhom, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat kompetenti tal-Parlament li miegħu se jaħdem bi ħġaru l-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jiġi żgurat li t-tħassib taċ-ċittadini jkun rifless aħjar fl-azzjoni ambjentali tal-futur;
15. Jeħtieġ li l-prijorità taqa' fuq l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni Ewropea attwali dwar l-ambjent u l-bijodiversità u fuq impenn ċar fir-rigward tal-objettivi tagħha; għalkemm, kif rajna, għandu jsir xi titjib, huwa essenzjali li jkun hemm konċentrazzjoni fuq l-eżegwibilità u fuq effikaċja aħjar tal-monitoraġġ.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
1.6.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Elena Băsescu, Victor Boştinaru, Simon Busuttil, Michael Cashman, Bairbre de Brún, Pascale Gruny, Carlos José Iturgaiz Angulo, Peter Jahr, Lena Kolarska-Bobińska, Erminia Mazzoni, Willy Meyer, Mariya Nedelcheva, Nikolaos Salavrakos, Angelika Werthmann, Tatjana Ždanoka |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría, Sandrine Bélier, Kinga Göncz, Marian Harkin, Axel Voss |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
Enrique Guerrero Salom, Andres Perello Rodriguez |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
14.7.2010 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
55 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
János Áder, Kriton Arsenis, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Nessa Childers, Bairbre de Brún, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Peter Liese, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Catherine Soullie, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marisa Matias, Miroslav Mikolášik, Bill Newton Dunn, Jaroslav Paška, Licia Ronzulli, Renate Sommer, Eleni Theocharous, Marianne Thyssen, Michail Tremopoulos, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Marita Ulvskog, Kathleen Van Brempt, Peter van Dalen |
|||||