RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

31.8.2010 - (COM(2010)0302 – C7‑0144/2010 – 2010/0162(COD)) - ***I

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Iuliu Winkler


Proċedura : 2010/0162(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0242/2010
Testi mressqa :
A7-0242/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

(COM(2010)0302 – C7-0144/2010 – 2010/0162(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2010)0302),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0144/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Baġits (A7-0242/2010),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari kif tinstab hawnhekk;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti nazzjonali.

POŻIZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW FL-EWWEL QARI* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.*

---------------------------------------------------------

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-proposta leġiżlattiva lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[2],

Billi:

(1)       Ir-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea qegħdin jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Fl-2005, il-Komunità u r-Repubblika tal-Moldova ftehmu dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fejn identifikaw il-prijoritajiet għal medda medja ta’ żmien fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova. Il-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali bejniethom kompla jissaħħaħ bis-Sħubija tal-Lvant li tniedet dan l-aħħar. F'Jannar 2010, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova bdew jinnegozjaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li hu mistenni jieħu post il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni eżistenti.

(2)       L-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova intlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi finanzjarja internazzjonali li wasslet għal tnaqqis drammatiku tal-produzzjoni, pożizzjoni fiskali li qed teħżien u ħtiġijiet għal finanzjament estern li qegħdin dejjem jikbru.

(3)       L-istabbilizzazzjoni u l-irkupru tal-ekonomija fir-Repubblika tal-Moldova huma appoġġati mill-għajnuna finanzjarja tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). L-arranġament finanzjarju tal-FMI għar-Repubblika tal-Moldova kien approvat fid-29 ta' Jannar 2010.

(4)       Ir-Repubblika tal-Moldova talbet l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni minħabba li s-sitwazzjoni u l-prospettiva ekonomiċi qegħdin jiddeterjoraw.

(5)       Minħabba li għad hemm diskrepanza finanzjarja residwa fil-bilanċ tal-ħlasijiet tar-Repubblika tal-Moldova bejn l-2010 u l-2011, l-għajnuna makrofinanzjarja hi meqjusa bħala reazzjoni xierqa għat-talba tar-Repubblika tal-Moldova għal sostenn għall-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm preżenti tal-FMI. Din l-għajnuna makrofinanzjarja hija mistennija wkoll tikkontribwixxi biex ittaffi l-ħtiġijiet għall-finanzjament estern tal-baġit tal-Istat.

(6)       L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni m'għandhiex biss tissupplimenta l-programmi u r-riżorsi mill-FMI u l-Bank Dinji iżda għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.

(7)       Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-miżuri meħuda fi ħdan id-diversi oqsma tal-azzjoni esterna u tal-politiki l-oħra rilevanti tal-Unjoni.

(8)       L-għanijiet speċifiċi tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabilità. Dawn l-għanijiet għandhom ikunu sorveljati regolarment mill-Kummissjoni.

(9)       Il-kundizzjonijiet li fuqhom hu msejjes il-forniment tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jirriflettu l-prinċipji u l-għanijiet ċentrali tal-politika tal-Unjoni lejn ir-Repubblika tal-Moldova.

(10)     Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta ma' din l-għajnuna makrofinanzjarja, huwa meħtieġ illi r-Repubblika tal-Moldova tadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma' din l-għajnuna, u l-ġlieda kontrihom. Hemm bżonn ukoll li l-Kummissjoni tipprovdi għal kontrolli xierqa u li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi għal verifiki xierqa.

(11)     Ir-rilaxx tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja.

(12)     L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinformahom regolarment dwar l-iżviluppi relatati mal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(12a)   Skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar tal-kompetenzi ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b'regolament adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-regolament il-ġdid, id-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[3] għadha tapplika, bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, li mhijiex applikabbli,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.        L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli l-għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova f'forma ta' għotja ta' ammont massimu ta' EUR 90 miljun bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tar-Repubblika tal-Moldova u ttaffi l-bilanċ tal-ħlasijiet u l-ħtiġijiet baġitarji tagħha, kif ġie identifikat fil-programm preżenti tal-FMI.

2.        Ir-rilaxx tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet u l-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u r-Repubblika tal-Moldova u mal-prinċipji u l-għanijiet ċentrali tar-riforma ekonomika stipulati fil-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat għall Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji regolarment dwar l-iżviluppi fil-ġestjoni tal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

3.        L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli għal sentejn u nofs li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 2

1.        Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni, għandha tingħata s-setgħa li tiftiehem mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-kundizzjonijiet politiċi ekonomiċi marbutin mal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni Ewropea, biex ikunu stabbiliti fil-Memorandum ta' Ftehim, li għandu jinkludi skeda ta' żmien biex jiġu sodisfatti (minn hawn 'il quddiem, "il-Memorandum ta' Ftehim"). Il-kondizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet u l-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u r-Repubblika tal-Moldova u mal-prinċipji u l-għanijiet ċentrali tar-riforma ekonomika stipulati fil-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova. Dawn il-prinċipji u għanijiet għandhom l-għan li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabilità tal-għajnuna, inklużi, b'mod partikolari, is-sistemi għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fir-Repubblika tal-Moldova. Il-progress biex jintlaħqu dawk l-għanijiet għandu jkun sorveljat b'mod regolari mill-Kummissjoni. It-termini finanzjarji dettaljati tal-għajnuna għandhom jiġu stipulati fi Ftehim tal-Għotja li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova.

2.        Matul l-implimentazzjoni tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-affidabilità tal-arranġamenti finanzjarji, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta' kontroll intern u estern fir-Repubblika tal-Moldovali li huma rilevanti għal din l-għajnuna u l-konformità mal-iskeda ta' żmien miftiehma.

3.        Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’perjodi regolari li l-politiki ekonomiċi tar-Repubblika tal-Moldova huma konformi mal-għanijiet tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni u li l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma qed jitwettqu b’mod sodisfaċenti. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u l-Bank Dinji, u fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Artikolu 3

1.        Soġġett għall-kondizzjonijiet tal-paragrafu 2, l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni lir-Repubblika tal-Moldova għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni f'mhux anqas minn tliet pagamenti tal-għotja. L-ammont ta’ kull pagament għandu jkun stipulat fil-Memorandum ta’ Ftehim.

2.        Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti b'mod soġġett għall-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftiehma fil-Memorandum ta’ Ftehim. Il-ħlas tat-tieni pagament u tal-pagamenti ta' wara ma għandux isir qabel tliet xhur mir-rilaxx tal-pagament preċedenti.

3.        Il-fondi tal-Unjoni għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tal-Moldova. Soġġett għad-dispożizzjonijiet li jridu jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Ftehim, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti fit-Teżor tar-Repubblika tal-Moldova bħala l-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 4

L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[4] u r-regoli għall-implimentazzjoni tiegħu[5]. B'mod partikolari, il-Memorandum ta’ Ftehim u l-Ftehim ta’ Għotja li għandhom jinqablu mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova għandhom jipprovdu għal miżuri xierqa li għandhom jiġu implimentati mir-Repubblika tal-Moldova f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħra li jaffettwaw l-għajnuna u l-ġlieda kontrihom. Sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar fil-ġestjoni u fil-ħruġ tal-fondi tal-Unjoni, il-Memorandum ta’ Ftehim u l-Ftehim ta’ Għotja għandhom jipprovdu wkoll għal kontrolli, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi. Barra minn hekk, għandhom jipprovdu għal verifiki, inklużi fejn ikun xieraq verifiki fuq il-post, mill-Qorti tal-Awdituri.

Artikolu 5

1.        Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2.        Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 6

1.        Sal-31 ta’ Awwissu ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena preċedenti, flimkien ma' evalwazzjoni tagħha. Ir-rapport għandu jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet politiċi kif stipulati fil-Memorandum ta' Ftehim, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tar-Repubblika tal-Moldova, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tirrilaxxa l-pagamenti tal-għajnuna.

2.        Sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-iskadenza tal-perjodu ta' disponibilità msemmi fl-Artikolu 1(3), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew                                        Għall-Kunsill

Il-President                                                             Il-President      

  • [1] * Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
  • [2]           ĠU L
  • [3]           ĠU 184, 17.7.1999, p.23.
  • [4]           ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [5]           Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lill-Moldova sa 90 miljun euro, fil-forma ta' għotja, minħabba l-impatt qawwi tal-kriżi ekonomika fuq l-ekonomija u l-eliġibilità tal-pajjiż għal finanzjament konċessjonarju. Huwa ppjanat li ssir disponibbli f'mhux inqas minn tliet ħlasijiet.

L-għajnuna proposta hija maħsuba biex tikkontribwixxi biex ikunu koperti l-ħtiġijiet tal-bilanċ tal-ħlasijiet u l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-baġit Statali tal-Moldova li ġew identifikati mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Se tappoġġa l-programm ta' stabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet bil-għan li tiżgura kontijiet fiskali u esterni sostenibbli, u b'hekk se tgħin lill-pajjiż jindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja globali.

L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni Ewropea se tikkomplimenta l-appoġġ mill-FMI previst skont l-arranġament ta' finanzjament miftiehem mill-bord tal-FMI fid-29 ta' Jannar 2010; mill-Bank Dinji u mid-donaturi bilaterali. Il-programm tal-għajnuna makrofinanzjarja jikkumplimenta finanzjament ieħor mill-UE, b'mod partikolari l-appoġġ baġitarju fuq medda medja ta' żmien mill-ENPI (Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija) li hu implimentat fil-qafas tal-Istrateġija tal-Pajjiż għall-kooperazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova. Għaldaqstant jista’ jgħin biex iżid l-influwenza tal-UE fuq it-tfassil tal-politika, kif ukoll jgħin lir-Repubblika tal-Moldova biex tegħleb il-kriżi kbira ekonomika tal-preżent.

Il-Moldova hija wieħed mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li ġew affettwati l-aktar mill-kriżi globali, u l-għajnuna għandha l-għan li tindirizza l-konsegwenzi tagħha, li tikkontribwixxi sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet ta' finanzjament estern tal-pajjiż fl-2010 u fl-2011, u li ssaħħaħ il-momentum tar-riforma fil-Moldova sabiex jiġi appoġġat il-programm ekonomiku tal-gvern u l-isforzi tiegħu favur l-integrazzjoni mal-UE. Dawn l-isforzi fir-rigward tal-UE ġew ikkonfermati mill-ġdid mill-Prim Ministru Vlad Filat matul il-laqgħat tiegħu fi Brussell f'Ġunju 2010 ma' uffiċjali għolja u membri tal-Parlament Ewropew. Din iż-żjara kienet mument importanti għall-uffiċjali tal-Moldova biex jerġgħu jaffermaw l-impenn tal-Gvern tagħhom li jippromwovi r-riformi demokratiċi u l-implimentazzjoni tal-istandards Ewropej.

Ir-rapporteur jaqbel mal-proposta li l-Moldova tingħata din l-għajnuna makrofinanzjarja straordinarja, iżda ppropona emendi li jallinjaw it-test ta' din il-proposta mat-test ta' deċiżjoni li kien hemm qbil dwarha riċentament bejn it-tliet istituzzjonijiet biex tingħata għajnuna makrofinanzjarja lill-Ukraina (2009/0162(COD)) biex jiġi żgurat li jkun hemm rappurtar lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni reali ta' dan l-istrument u biex jitjiebu ċ-ċarezza, it-trasparenza u r-responsabilità diretta tal-għajnuna.

PROĊEDURA

Titolu

L-għoti ta’ għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

Referenzi

COM(2010)0302 – C7-0144/2010 – 2010/0162(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

9.6.2010

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

15.6.2010

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

15.6.2010

BUDG

15.6.2010

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AFET

23.6.2010

BUDG

16.6.2010

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Iuliu Winkler

28.4.2010

 

 

Eżami fil-kumitat

22.6.2010

14.7.2010

 

 

Data tal-adozzjoni

30.8.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Kader Arif, Daniel Caspary, Marielle De Sarnez, Christofer Fjellner, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Niccolò Rinaldi, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Robert Sturdy, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

George Sabin Cutaş, Carl Schlyter, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer

Data tat-tressiq

1.9.2010