RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Viktor Uspaskich

3.9.2010 - (2009/2147(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Bernhard Rapkay

Proċedura : 2009/2147(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0244/2010
Testi mressqa :
A7-0244/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Viktor Uspaskich

(2009/2147(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Viktor Uspaskich, imressqa mill-awtoritajiet ġuridiċi Litwani fl-14 ta’ Lulju 2009, u mħabbra fis-seduta plenarja tas-7 ta’ Ottubru 2009,

–   wara li sema' lil Viktor Uspaskich, bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattati,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964 u tal-10 ta' Lulju 1986[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0244/2010),

A. billi tressqu proċedimenti kriminali kontra Viktor Uspaskich, Membru tal-Parlament Ewropew, li huwa akkużat fil-proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Vilnius b'reati kriminali skont l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 222(1), l-Artikolu 220(1), l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 220(1), l-Artikolu 205(1) u l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 205(1) tal-Kodiċi Kriminali Litwana,

B.  billi, b'konformità mal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu jgawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess mill-immunitajiet mogħtija lill-Membri tal-Parlament ta' pajjiżhom, u billi Membru ma jistax jirrikorri għall-immunità meta jinqabad iwettaq reat u billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed jew waħda mill-Membri tiegħu,

C. billi l-akkużi li tressqu kontra s-Sur Uspaskich ma jirrelatawx għal opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa matul il-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

D. billi skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, deputat ta' parlament nazzjonali (is-Seimas) ma jistax jitqies responsabbli b'mod kriminali, arrestat, u lanqas m'għandu jkollu l-libertà tiegħu ristretta mingħajr il-kunsens tal-Parlament,

E.  billi l-Artikolu 62 ikompli li deputat tas-Seimas ma jistax jiġi ppersegwitat għall-votazzjoni tiegħu jew għad-diskorsi tiegħu fis-Seimas, għalkemm jista' jitqies responsabbli skont il-proċedura ġenerali għal insulti personali jew libelli,

F.  billi s-Sur Uspaskich huwa essenzjalment akkużat b'reati ta' verifika falza fir-rigward tal-iffinanzjar ta' partit politiku waqt perjodu qabel l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew,

G. billi ma tressqet l-ebda evidenza konvinċenti għall-eżistenza ta' xi fumus persecutionis u r-reati li bihom huwa akkużat is-Sur Uspaskich m'għandhomx x'jaqsmu mal-attivitajiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

H. billi huwa għalhekk xieraq li titneħħa l-immunità tiegħu,

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Viktor Uspaskich;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Litwanja.

  • [1]  Kawża 101/63 Wagner v. Fohrmann u Krier [1964] ECR 195 u Kawża 149/85 Wybot v. Faure u Oħrajn [1986] ECR 2391.

NOTA SPJEGATTIVA

I. IL-FATTI

Waqt is-seduta tas-7 ta' Ottubru 2009, il-President, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, avża li huwa kien irċieva ittra mibgħuta mill-awtoritajiet ġuridiċi Litwani fl-14 ta' Lulju 2009 li talbet it-tneħħija tal-immunità parlamentari tas-Sur Uspaskich.

Il-President ressaq it-talba quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(2).

Il-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Litwanja ngħata struzzjonijiet, b'deċiżjoni tal-Qorti Reġjonali ta' Vilnius tad-29 ta' Ġunju 2009, biex isaqsi lill-Parlament Ewropew biex ineħħi l-immunità tal-Membru tiegħu Viktor Uspaskich, li tressqu kontrih proċedimenti kriminali fil-Każ Nru 1-38/2009, sabiex il-proċedimenti kriminali li nbdew kontrih ikunu jistgħu jkomplu u l-ordni għal kawzjoni li saret kontrih mill-qorti bħala miżura prekawzjonarja tkun tista' tiġi infurzata.

Viktor Uspaskich huwa akkużat fil-proċedimenti pendenti fil-Qorti Reġjonali ta' Vilnius b'reati kriminali skont l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 222(1), l-Artikolu 220(1), l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 220(1), l-Artikolu 205(1) u l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 205(1) tal-Kodiċi Kriminali Litwana.

Il-kawża kontra Viktor Uspaskich hija li, f'Vilnius bejn it-13 ta' Lulju 2004 u s-17 ta' Mejju 2006, bħala president tal-Partit Laburista, filwaqt li aġixxa flimkien ma' oħrajn bl-iskop (a) li jipprova jiffinanzja partit politiku - b'mod partikolari l-Partit Laburista - b'mod illegali u (b) li jevadi s-superviżjoni xierqa tal-iffinanzjar tal-partit u tal-kampanji politiċi tiegħu, hu mexxa grupp organizzat maħluq minnhom sabiex iwettqu numru ta' reati kriminali. Għal dan il-għan, mill-2004 sal-2006, f'Vilnius, hu kellu persunal li żamm kontijiet illegali li ma kenux jeżistu għall-Partit Laburista, bir-riżultat li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b'mod sħiħ kemm kien il-kapital attiv u passiv tal-partit jew l-istruttura tal-partit matul is-snin 2004, 2005 u 2006.

Viktor Uspaskich - li skont l-Artikolu 21 tal-Att dwar il-Kontabilità tar-Repubblika tal-Litwanja, kien responsabbli miż-żamma tal-kontijiet tal-partit u kien qed jaġixxi għall-benefiċċju u fl-interessi tal-Partit Laburista bħala persuna legali - qed jiġi akkużat mill-awtoritajiet Litwani li ta istruzzjonijiet lil persuna biex tagħmel żamma "doppja" tal-kontijiet għall-Partit Laburista fir-Rebbiegħa 2004. Barra minn hekk, hu allegat li t-tranżazzjonijiet u l-attivitajiet ta' negozju li kellhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet b'mod obbligatorju, kif ukoll l-irċevuta u l-ħlas mhux uffiċjali ta' flejjes u assi b'rabta mal-attivitajiet tal-Partit Laburista, kellhom jiġu rreġistrati fir-reġistri mhux uffiċjali. Hu qed jiġi akkużat ukoll li ta istruzzjonijiet speċifiċi li ċerti operazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji jitwettqu mingħajr ma jiġu rreġistrati fil-kontijiet tal-partit.

Fid-9 ta' Diċembru 2008, il-Parlament Litwan (Seimas) qabel li jneħħi l-immunità tas-Sur Uspaskich fir-rigward tal-istess proċedimenti. Ta' min jinnota, barra minn hekk, li s-Sur Uspaskich ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew fiż-żmien li allegatament wettaq ir-reati li hu akkużat bihom.

II. IL-LIĠI

(a) Il-liġi tal-Unjoni

Artikolu 8

Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a.        fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b.        fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

Il-proċedura fi ħdan il-Parlament Ewropew hija rregolata mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma kif ġej:

Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità

1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.

2. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

(...)

Artikolu 7 - Proċedura dwar l-immunità

1. Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

2. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija ta' l-immunità jew għall-ħarsien ta' l-immunità u tal-privileġġi.

3. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor.

(...)

7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza ta' l-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

(...)’

(b) Il-liġi nazzjonali

Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja

(Adottata miċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja fir-Referendum tal-25 ta' Ottubru 1992 u daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Novembru 1992)

Artikolu 62

Il-persuna ta' Membru tas-Seimas għandha tkun invjolabbli.

Membru tas-Seimas ma jistax jinżamm bħala kriminalment responsabbli, jiġi arrestat, u lanqas ma jista' jkollu l-libertà tiegħu ristretta b'xi mod ieħor mingħajr il-kunsens tas-Seimas.

Membru tas-Seimas ma jistax jiġi ppersegwitat minħabba l-vot tiegħu jew id-diskorsi tiegħu fis-Seimas. Madankollu, jista' jinżamm responsabbli skont il-proċedura ġenerali għal insult personali jew malafama.

L-Istatut tar-Repubblika tal-Litwanja

(Is-17 ta' Frar 1994 Nru I-399)

(Kif emendat l-aħħar fit-23 ta' April 2009 - Nru XI-228) (Il-verżjoni Maltija tad-Dokument Legali Aġġornat tal-04.23.2009)

Artikolu 22. L-immunità ta’ Membru tas-Seimas

1. Il-persuna ta' Membru tas-Seimas għandha tkun invjolabbli.

2. Membru tas-Seimas ma jistax jiġi ppersegwitat minħabba l-vot tiegħu jew id-diskorsi tiegħu fis-Seimas i.e. waqt is-seduti tas-Seimas, il-kumitati tas-Seimas, il-kummissjonijiet u l-gruppi parlamentari, madankollu, għal insult personali jew malafama, jista' jinżamm responsabbli bi qbil mal-proċedura ġenerali.

3. Ma jistgħux jinbdew proċedimenti kriminali kontra Membru tas-Seimas, dan ma jistax jiġi arrestat, u ma jistax ikun suġġett għal ebda restrizzjoni oħra tal-libertà personali tiegħu mingħajr il-kunsens tas-Seimas, ħlief f'każi meta jinqabad fl-att li jwettaq reat (in flagrante delicto). F'tali każi l-Prosekutur Ġenerali għandu jinnotifika immedjatament lis-Seimas b'dan.

Il-Kodiċi Kriminali Litwana

Artikolu 24. Kumpliċità u tipi ta' kompliċi

1. Kumpliċità hija l-parteċipazzjoni konġunta intenzjonata fit-twettiq ta' att kriminali ta' żewġ jew iktar persuni b'kapaċità legali li jikkonfoffaw li għalqu l-età speċifikata fl-Artikolu 13 ta' dan il-Kodiċi.

2. Kompliċi f'att kriminali tinkludi l-awtur tar-reat, l-organizzatur, l-instigatur u l-aċċessorju.

3. Awtur hija persuna li wettqet att kriminali jew waħedha jew billi involviet persuna inkapaċitata legalment jew persuni li għadhom m'għalqux l-età speċifikata fl-Artikolu 13 ta' din il-Kodiċi jew persuni oħra li mhumiex ħatja ta' dak il-att. Jekk l-att kriminali jkun twettaq minn diversi persuni li jaġixxu flimkien, kull waħda minnhom għandha titqies bħala l-awtur/ il-koawtur.

4. Organizzatur hija persuna li tkun iffurmat grupp organizzat jew assoċjazzjoni kriminali, kienet responsabbli minnu jew kkoordinat l-attivitajiet tal-membri tiegħu jew ippreparat att kriminali jew kienet responabbli mit-twettiq tiegħu.

5. Instigatur hija persuna li tkun instigat persuna oħra biex twettaq att kriminali.

6. Aċċessorju hija persuna li għenet fit-twettiq ta' att kriminali billi tat pariri, istruzzjonijiet, provdiet mezzi jew neħħiet ostakli, proteġiet jew ħbiet kompliċi oħra, li wegħdet minn qabel li taħbi lil min iwettaq ir-reat, li taħbi l-istrumenti jew il-mezzi tat-twettiq tal-att kriminali, it-traċċi tal-att jew l-oġġett li nkisbu permezz ta' mezzi kriminali, ukoll persuna li tkun wegħdet minn qabel li tieħu ħsieb l-oġġetti miksuba jew prodotti matul l-att kriminali.

Artikolu 222. Il-ġestjoni frawdolenti tal-kontijiet

1. Persuna li b'mod frawdolenti tiġġestixxi l-kontabilità meħtieġa mill-atti legali jew taħbi, teqred jew tagħmel ħsara lid-dokumenti tal-kontabilità, fejn dan ma jagħmilhiex possibbli li, b'mod sħiħ jew parzjali, jiġu ddeterminati l-attivitajiet tal-persuna, l-ammont jew l-istruttura tal-assi, l-ekwità jew il-passiv tagħhom, għandha tkun kastigata permezz ta' multa jew ta' arrest jew ta' piena fil-ħabs għal perjodu ta' sa erba' snin.

2. Entità legali għandha wkoll tkun responsabbli mill-atti li hemm provdut għalihom f'dan l-Artikolu.

Artikolu 220. Il-provvista ta' informazzjoni mhux eżatta dwar il-qligħ, il-profitt jew l-assi

1. Persuna li, filwaqt li tkun qed tipprova tevadi l-ħlas tat-taxxi, tipprovdi informazzjoni dwar il-qligħ, il-profitt, l-assi jew l-użu tagħha li jsir magħruf li ma tkunx eżatta f'formola tat-taxxa jew f'rapport approvat bi qbil mal-proċedura approvata jew dokument ieħor u tissottometti tali informazzjoni lil istituzzjoni awtorizzata mill-Istat, għandha tkun kastigata billi jitneħħielha d-dritt tagħha li tkun impjegata f'ċerta pożizzjoni jew li tipparteċipa f'ċertu tip ta' attivitajiet jew permezz ta' piena fil-ħabs għal perjodu ta' żmien ta' sa tliet snin.

2. Persuna li twettaq l-att indikat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bil-għan li tevadi l-ħlas tat-taxxi fl-ammont li ma jaqbiżx l-10 MSL għandha titqies li wettqet mġiba ħażina u għandha tkun kastigata permezz ta' servizz lill-komunità jew permezz ta' multa jew permezz ta' restrizzjoni tal-libertà.

3. Entità legali għandha wkoll tkun responsabbli mill-atti li hemm provdut għalihom f'dan l-Artikolu.

Artikolu 205. Dikjarazzjoni qarrieqa dwar l-attivitajiet ta' entità legali

1. Persuna li, f'isem entità legali, tippreżenta f'rapport uffiċjali jew f'applikazzjoni informazzjoni qarrieqa dwar l-attivitajiet jew l-assi tal-entità legali jew b'dan tqarraq bl-istituzzjoni tal-gvern, b'organizzazzjoni pubblika internazzjonali, bil-kreditur, b'membru tal-entità legali jew b'persuna oħra li ġġarrab dannu maġġuri tal-assi bħala riżultat ta' dan għandha tkun ikkastigata billi jittneħħilha d-dritt tagħha li tkun impjegata f'ċerta pożizzjoni jew li tipparteċipa f'ċertu tip ta' attivitajiet jew permezz ta' piena fil-ħabs għal perjodu ta' żmien ta' sa sentejn.

2. Entità legali għandha wkoll tkun responsabbli mill-att li hemm provdut għalih f'dan l-Artikolu.

III. KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI U ĠUSTIFIKAZZJONI GĦAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA

F'dak li jikkonċerna l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, ta' min jinnota li l-akkużi kontra s-Sur Uspaskich ma jirrigwardawx opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

F'dak li jikkonċerna l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, peress li l-akkużi kontra s-Sur Uspaskich jirreferu għall-fatti mwettqa fil-Litwanja, li hu kellu ċ-ċittadinanza tagħha fiż-żmien materjali, l-unika parti applikabbli hija d-dispożizzjoni li "Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu: a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom".

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-immunità parlamentari fil-Litwanja huwa simili ħafna għall-immunità li għandhom il-Membri tal-Parlament Ewropew fit-territorju ta' Stat Membru barra minn dak tagħhom stess skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll, kif wieħed jista' jara mill-Artikolu 62(1) tal-Kostituzzjoni Litwana (riprodotta hawn fuq).

Skont il-prattika stabbilita tiegħu, il-Parlament Ewropew jista' jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Membru tiegħu jekk ikun hemm suspett li l-prosekuzzjoni kienet ibbażata fuq intenzjoni li jiġu ppreġudikati l-attivitajiet politiċi tal-Membru. Madankollu, f'dan il-każ ma tressqet l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis b'tali mod li tagħti dritt lill-Parlament li jirrifjuta li jneħħi l-immunità tas-Sur Uspaskich.

Ta' min jinnota li l-awtoritajiet Litwani kkooperaw bis-sħiħ fil-proċedura quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, billi taw reazzjonijiet u assigurazzjonijiet sodisfaċenti.

Fuq il-bażi tad-dokumenti msemmija hawn fuq u disponibbli, wieħed għandu jikkonkludi li m'hemm l-ebda raġuni għal liema m'għandhiex titneħħa l-immunità tas-Sur Uspaskich.

IV. KONKLUŻJONI

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq u skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità tal-membru, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew ineħħi l-immunità parlamentari ta' Viktor Uspaskich.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.9.2010

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

10

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luigi Berlinguer, Françoise Castex, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Alexandra Thein, Diana Wallis, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Vytautas Landsbergis, Eva Lichtenberger, Toine Manders, Derek Vaughan